IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.1.2017
COM(2016) 821 final
2016/0398(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi il-proċedura ta’ notifika għal skemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma’ servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2016) 434 final}
{SWD(2016) 435 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Waħda mill-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea hija li s-suq intern ikun aktar ġust u aktar profond. L-isfruttar tal-punti b’saħħithom u tal-potenzjal sħiħ tiegħu huwa kruċjali għall-promozzjoni tal-impjiegi u tat-tkabbir fl-Unjoni Ewropea. F’Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija għas-Suq Uniku b’serje ta’ azzjonijiet biex taġġorna s-suq uniku għal aktar opportunitajiet għan-nies u għan-negozji, inkluż proposta leġiżlattiva biex jitjieb l-infurzar tad-Direttiva dwar is-Servizzi billi tiġi riformata l-proċedura ta’ notifika tas-servizzi preżenti. Il-Kunsill Ewropew talab għal twettiq b’ambizzjoni tal-Istrateġija għas-Suq Uniku u sabiex l-istrateġiji differenti tas-Suq Uniku jkunu komplementati u implimentati sal-2018, filwaqt li fakkar li “implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti se jgħinu aktar biex jinkisbu l-benefiċċji tal-ambizzjonijiet tas-Suq Uniku tal-Ewropa”.
Mid-Direttiva dwar is-Servizzi, joħorġu ċerti regoli nazzjonali li jillimitaw il-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà tal-forniment ta’ servizzi jridu jkunu nondiskriminatorji fir-rigward tan-nazzjonalità jew ir-residenza, proporzjonati u ġustifikati minn raġunijiet aktar importanti relatati mal-interess pubbliku. Sabiex tiżgura li l-miżuri ġodda imposti mill-Istati Membri verament jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u b’hekk sabiex tiffaċilita l-kompetittività u l-integrazzjoni tas-suq uniku fis-servizzi, id-Direttiva dwar is-Servizzi tistipula li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni skemi ġodda jew mibdula ta’ awtorizzazzjoni jew ċertu rekwiżiti ġodda jew mibdula li jaqgħu taħt id-Direttiva.
Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni wrew li l-proċedura ta’ notifika preżenti skont id-Direttiva dwar is-Servizzi mhux dejjem tilħaq l-objettiv tagħha minkejja l-isforzi mwettqa matul l-aħħar snin sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tagħha, inkluż il-gwida pprovduta fil-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-iskambju ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-pubblikazzjoni ta’ dejta dwar in-notifiki li juru sa fejn l-Istati Membri jużaw il-proċedura ta’ notifika hawn fuq imsemmija. B’riżultat ta’ dan, 40 % tad-djalogi strutturati li l-Kummissjoni kellha tniedi fir-rigward tal-Istati Membri fl-2015 sabiex tassigura l-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi kienu jirrigwardaw miżuri nazzjonali li għadhom kif ġew introdotti. Għalhekk, jidher li l-proċedura ta’ notifika eżistenti ma kkontribwitx b’mod xieraq għal implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva dwar is-Servizzi.
Għalhekk, il-Kummissjoni tippreżenta strument leġiżlattiv awtonomu li jimmodernizza l-proċedura ta’ notifika preżenti skont id-Direttiva dwar is-Servizzi sabiex ittejjeb l-infurzar tad-dispożizzjonijeit eżistenti ta’ dik id-Direttiva, billi tistabbilixxi proċedura aktar effettiva u effiċjenti li tipprevjeni l-adozzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni jew ċerti rekwiżiti li ma jikkonformawx mad-Direttiva dwar is-Servizzi. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jemendawx id-Direttiva dwar is-Servizzi eżistenti lil hinn mir-reviżjoni meħtieġa tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha dwar il-proċeduri ta’ notifika.
B’mod aktar speċifiku, l-għanijiet ta’ dan l-istrument leġiżlattiv huma li jtejjeb l-effiċjenza tal-proċedura ta’ notifika, itejjeb il-kwalità u l-kontenut tan-notifiki li jiġu sottomessi, ikopri r-rekwiżiti addizzjonali li l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi wriet li jistgħu jikkostitwixxu ostakoli importanti għas-suq intern tas-servizzi, u jtejjeb il-konformità effettiva mal-obbligu ta’ notifika.
Proċedura ta’ notifika aktar effettiva, effiċjenti u koerenti se tappoġġa lill-Istati Membri u tevita l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni jew rekwiżiti diskriminatorji, mhux ġustifikati u sproporzjonati relatati mas-servizzi koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi. Skemi ta’ awtorizzazzjoni jew rekwiżiti bħal dawn jirriżultaw f’ekonomija anqas miftuħa u inqas integrata, bi prezzijiet ogħla u anqas għażla għall-konsumaturi. Jistgħu jnaqqsu wkoll l-intraprenditorija u l-investiment billi aktarx inaqqsu n-numru ta’ kumpaniji li jiġu stabbiliti u jidħlu fis-suq Ewropew. Għalhekk, huwa mistenni li l-leġiżlazzjoni proposta tikkontribwixxi għal swieq aktar kompetittivi u integrati tas-servizzi fl-Ewropa li minnhom jibbenefikaw kemm il-konsumaturi kif ukoll l-imprendituri.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din id-Direttiva tikkumplimenta l-proċedura ta’ notifika eżistenti applikabbli għall-oġġetti u s-servizzi tas-soċjetà tal-informatika stabbilita mid-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku. Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ Direttivi hija regolata biż-żewġ strumenti legali.
Din id-Direttiva tikkumplimenta wkoll l-obbligi ta’ rapportar eżistenti skont id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali. Tinkludi Artikolu li jiddefinixxi b’mod ċar ir-relazzjoni bejn iż-żewġ strumenti legali u l-obbligi li jinħolqu taħthom.
Din id-Direttiva se tiġi implimentata permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern eżistenti stabbilita bir-Regolament dwar l-IMI.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din id-Direttiva hija kumplementari għal għadd ta’ inizjattivi ta’ politika oħrajn relatati mas-servizzi mħabbra fl-Istrateġija għal Suq Uniku u b’mod partikolari mad-Direttiva dwar test tal-proporzjonalità. Din tal-aħħar se tistabbilixxi l-kriterji għall-Istati Membri waqt it-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità tal-abbozzi tal-liġijiet nazzjonali li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali. Uħud mill-miżuri li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali jaqgħu wkoll taġt id-Direttiva dwar is-Servizzi u l-obbligu tagħha ta’ notifika. F’dawn il-każijiet, l-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-proporzjonalità li trid tingħata taħt din il-proċedura ta’ notifika tkun trid tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar test tal-proporzjonalità. Il-konsistenza bejn dawn l-istrumenti qed tiġi assigurata.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 53(1), 62 u 114 tat-TFUE.
L-Artikoli 53(1), 62 u 114 tat-TFUE jagħtu lill-UE l-kompetenza li taġixxi fir-rigward għas-suq uniku għas-servizzi. Ir-regoli tal-UE adottati skont l-Artikoli 53(1) u 62 TFUE għandu jkollhom l-objettiv li jkkordinaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, bir-regolamenti jew b'azzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri fir-rigward tal-bidu u tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, sabiex jiffaċilitaw dawk l-attivitajiet. Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Artikolu 114 tat-TFUE jagħti lill-UE l-kompetenza li tadotta leġiżlazzjoni tal-UE għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq uniku.
Il-proċedura ta’ notifika stabbilita mid-Direttiva preżenti għandha l-għan li tipproteġi l-libertà ta’ stabbiliment u l-forniment liberu ta’ servizzi, li huma fost is-sisien tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija għandha l-għan li tassigura li ċerti restrizzjonijiet nazzjonali għal-libertà tal-stabbiliment u għal-libertà tal-forniment ta’ servizzi jikkonformaw mad-Direttiva dwar is-Servizzi, u b’hekk jikkontribwixxu għall-infurzar aħjar tagħha.
Il-proċedura ta’ notifika stabbilita mid-Direttiva preżenti tippermetti l-valutazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali u tistipula azzjoni preventiva effettiva f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar is-Servizzi. B'mod partikolari, id-Direttiva dwar is-Servizzi tistipula l-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, il-ħtieġa u l-proporzjonalità li jridu jiġu ssodisfati mill-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti relatati mas-servizzi fl-Istati Membri. Tistabbilixxi wkoll regoli speċifiċi relatati mal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni (pereżempju fir-rigward tal-garanziji proċedurali) u ma’ ċerti rekwiżiti (pereżempju r-rekwiżiti tal-assigurazzjoni).
Il-proċedura ta’ notifika se jkollha l-effett li tipprevjeni l-introduzzjoni ta’ ostakoli għas-suq uniku li jirriżultaw minn żvilupp eteroġenju tal-liġijiet nazzjonali u li tikkontribwixxi għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali fir-rigward tas-servizzi koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi. Dan se jtejjeb il-funzjonament tas-suq uniku għas-servizzi tal-UE u jippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-objettiv ġenerali ta’ din il-proposta leġiżlattiva huwa li tassigura l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku għas-servizzi tal-UE, li mhuwiex limitat għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed, iżda jkopri t-territorju kollu tal-UE. Minħabba n-natura transnazzjonali tas-suq uniku tal-UE, tista' tinkiseb verifika effiċjenti u koerenti tal-abbozz ta’ miżuri nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi, inkluża l-ġestjoni ta’ għodda xierqa tal-IT għal dak il-għan, fuq livell tal-UE biss. Din id-Direttiva tistipula proċedura ta’ notifika li tieħu post proċedura ta’ notifika diġà eżistenti stabbilita mid-Direttiva dwar is-Servizzi.
•Proporzjonalità
Il-miżuri introdotti minn din id-Direttiva huma proporzjonati mal-objettiv tagħha ta’ proċedura ta’ notifika aktar effettiva għal infurzar aħjar tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Meta mqabbla mal-proċedura eżistenti, din id-Direttiva tistabbilixxi obbligu ta’ notifika deskritt b’mod aktar ċar li huwa allinjat aktar mill-qrib mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, tistipula proċedura ta’ konsultazzjoni definita sew u effiċjenti dwar l-abbozz ta’ miżuri notifikati, tagħmel in-notifiki trasparenti għall-partijiet ikkonċernati, tispeċifika u tagħmel koerenti l-possibbiltà eżistenti li l-Kummissjoni tadotta Deċiżjonijiet dwar il-miżuri notifikati u tikkjarifika l-konsegwenzi legali għan-nuqqas ta’ notifika.
Dawn il-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu solvuti l-problemi identifikati u sabiex jintlaħqu l-għanijiet identifikati. Ma jinvolvu l-ebda obbligu fuq il-fornituri tas-servizzi. U lanqas ma jimponu xi spejjeż sproporzjonati fuq l-Istati Membri: l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri diġà huma obbligati jikkonformaw mad-Direttiva dwar is-Servizzi u jinnotifikaw xi miżuri lill-Kummissjoni skont id-Direttiva dwar is-Servizzi. Iż-żieda żgħira mistennija fl-ispejjeż amministrattivi għall-Istati Membri fil-prattika tista’ tkun ikkumpensata parzjalment bi tnaqqis fl-ispejjeż li kieku jirriżultaw minn każijiet ta’ ksur, li din l-inizjattiva suppost li għandha tnaqqas in-numru tagħhom billi għandha l-għan li tevita ċertu ostakoli fis-settur tas-servizzi li mhumiex kompatibbli mad-Direttiva dwar is-Servizzi.
•Għażla tal-istrument
Il-proċedura ta’ notifika koerenti u trasparenti li tippermetti l-verifika tal-konformità tal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ rekwiżiti mad-Direttiva dwar is-Servizzi qabel ma jiġu adottati mill-Istati Membri, teħtieġ strument legalment vinkolanti.
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 53(1), 62 u 114 tat-TFUE. B’din il-proposta, il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta’ Direttiva.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Bi preparazzjoni għal din id-Direttiva, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-proċedura ta’ notifika eżistenti stipulata fid-Direttiva dwar is-Servizzi. Din żvelat għadd ta’ nuqqasijiet tal-proċedura eżistenti, b’mod partikolari kif ġej: il-possibbiltajiet għall-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati, li jintervjenu b’mod proattiv qabel ma jiġi adottat regolament nazzjonali huma limitati, il-mezzi biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti notifikati li jaqgħu taħt din il-proċedura huma inkoerenti, hemm nuqqas ta’ valutazzjonijiet xierqa tal-proporzjonalità u l-effetti legali tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ notifika mhumiex ċari. Fuq kollox, mhux l-Istati Membri kollha jikkonformaw mal-obbligu ta’ notifika. Dan huwa għad-detriment tal-fornituri tas-servizzi u ta' dawk li jirċievu s-servizzi u l-ħidma tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali tista' wkoll ssir aktar ta’ piż u kumplikata.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika mal-partijiet ikkonċernati bi preparazzjoni għal din id-Direttiva bejn Jannar u April 2016. Organizzat ukoll diskussjonijiet fil-fond mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali (l-Istati Membri u istituzzjonijiet oħra tal-UE) direttament ikkonċernati mill-proċedura ta’ notifika u r-riforma ppjanata tagħha. Ir-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni ġew ippubblikati u huma inklużi fil-valutazzjoni tal-impatt.
Maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika appoġġaw proposta leġiżlattiva sabiex tiġi modernizzata l-proċedura ta’ notifika eżistenti skont id-Direttiva dwar is-Servizzi (70 % tal-awtoritajiet pubbliċi; 60 % tan-negozji). Il-partijiet ikkonċernati taw diversi raġunijiet: sabiex ikun hemm aktar ċarezza dwar liema miżuri għandhom jiġu notifikati u meta, sabiex tiġi introdotta l-possibbiltà li miżura nazzjonali tiġi eżaminata qabel ma tiġi adottata b’mod uffiċjali, sabiex jiġu introdotti regoli ċari sabiex tkun assigurata l-konformità sħiħa mal-obbligu ta’ notifika mill-Istati Membri kollha, u sabiex in-notifiki jkunu trasparenti għall-pubbliku.
Kien hemm appoġġ wiesa’ mill-partijiet ikkonċernati li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika għal proposta leġiżlattiva li tikkjarifika u tallinja l-passi tal-proċedura ta’ notifika (80 % tal-awtoritajiet pubbliċi u 80 % tan-negozji), tinnotifika b’mod aktar trasparenti (60 % tal-awtoritajiet pubbliċi u 80 % tan-negozji), tinnotifika l-miżuri fl-istadju tal-abbozz (50 % tal-awtoritajiet pubbliċi; 70 % tan-negozji) tipprovdi informazzjoni dwar il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità (60 % tal-awtoritajiet pubbliċi; 50 % tan-negozji) tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu ta’ notifika għal rekwiżiti ewlenin oħra li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi (60 % tal-awtoritajiet pubbliċi; 75 % tan-negozji) u ttejjeb il-konformità tal-Istati Membri mal-obbligu ta’ notifika (80 % tal-awtoritajiet pubbliċi u 80 % tan-negozji).
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ir-riżultati ta’ proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka mal-Istati Membri fl-2010-11, il-kontrolli tal-prestazzjoni li twettqu fl-2011-12 u l-evalwazzjoni bejn il-pari li twettqet fl-2012-2013 kollha kienu ta’ kontribut għall-preparazzjoni ta’ din il-proposta għal Direttiva.
Il-Qorti tal-Awdituri eżaminat l-obbligu ta’ notifika eżistenti bħala parti mill-valutazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Identifikat għadd ta’ nuqqasijiet fosthom in-nuqqas ta’ ċarezza tal-proċedura eżistenti, in-nuqqas ta’ obbligu ta’ notifika ta’ miżura fl-istadju tal-abbozz u n-nuqqas ta’ trasparenza tan-notifiki.
•Valutazzjoni tal-impatt
Bi tħejjija għal din l-inizjattiva twettqet valutazzjoni tal-impatt. Minbarra l-istatus quo (ix-xenarju bażi), fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt tqiesu erba’ għażliet ta’ politika. Il-linji gwida mhux leġiżlattivi (l-għażla 2) jistgħu jgħinu biex tiġi kjarifikata l-proċedura attwali u l-obbligi li jirriżultaw minnha, iżda ma jistgħux ibiddlu t-tfassil tal-proċedura eżistenti biex jagħmluha aktar effettiva u effiċjenti.
Inizjattiva leġiżlattiva tista’ tinkludi diversi għażliet. Din tista’ timmira li żżid l-effettività, il-kontenut u l-kwalità tal-proċedura ta’ notifika, filwaqt li tintroduċi obbligu li jiġu nnotifikati l-abbozzi tal-atti legali, u b’hekk is-sistema ssir trasparenti, il-passi u l-kompiti fil-proċedura jkunu kjarifikati u l-kwalità tal-informazzjoni ppreżentata bħala parti min-notifika tkun imtejba (l-għażla 3). Sabiex isir aktar effettiv u rilevanti, l-obbligu ta’ notifika jista’ jkun estiż fil-kamp ta’ applikazzjoni biex ikopri rekwiżiti regolatorji importanti li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi iżda mhux taħt l-obbligu ta’ notifika eżistenti (l-għażla 4). Jista’ jinkludi wkoll strumenti biex itejbu l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligu ta’ notifika - jeżistu żewġ subgħażliet f’dan ir-rigward (l-għażliet 5a u 5b).
L-għażla li s-servizzi jiġu inklużi fid-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Intern twarrbet minħabba l-fatt li r-regolamentazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi fid-dritt tal-UE tvarja b'mod fundamentali. L-għażla biex l-obbligu skont id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali jingħaqad mal-obbligu tan-notifika tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma ġietx ikkunsidrata minħabba li ż-żewġ Direttivi huma differenti fil-kamp ta' applikazzjoni u fis-suġġett.
L-għażla preferuta hija taħlita tal-alternattivi 3, 4 u 5a. Din tippermetti li n-nuqqasijiet identifikati jiġu indirizzati bl-aħjar mod u tistabbilixxi proċedura ta’ notifika effettiva u effikaċi b’żieda żgħira biss fl-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u għall-Kummissjoni.
Fl-24 ta’ Ġunju 2016, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt imwettqa mill-Kummissjoni dwar din l-inizjattiva. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord biex jiġu spjegati aktar fid-dettall in-nuqqasijiet tal-proċedura ta’ notifika, biex tittejjeb il-ġustifikazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni propost tal-proċedura riveduta, biex jiġi spjegat aħjar kif huma relatati d-definizzjoni u l-għażliet tal-problema u biex jiġi spjegat f’aktar dettall il-kontenut tal-għażla preferuta u kif kieku ssolvi l-problemi identifikati ġew ikkunsidrati bis-sħiħ.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Id-Direttiva proposta se tikkontribwixxi għall-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni billi ttejjeb l-infurzar uniformi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fis-suq uniku u billi tassisti fil-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta’ ċerti ostakoli diskriminatorji, mhux ġustifikati u sproporzjonati fil-qasam tas-servizzi. Se tissostitwixxi l-proċedura ta’ notifika eżistenti stabbilita mid-Direttiva dwar is-Servizzi bi proċedura aktar ċara u iżjed koerenti, effettiva u effiċjenti. Se tikkontribwixxi għal ambjent regolatorju aktar stabbli billi tippermetti l-verifika tal-konformità tal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u ta’ ċerti rekwiżiti mad-Direttiva dwar is-Servizzi u qabel l-adozzjoni tagħhom, u b’hekk tnaqqas ir-riskju li ċerti miżuri nazzjonali ma jikkonformawx mad-Direttiva dwar is-Servizzi u jkunu jeħtieġu aktar adattamenti legali.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta tippromwovi d-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u b’mod partikolari fl-Artikolu 16 dwar il-libertà ta’ impriża.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Id-Direttiva tipprevedi rapport tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-applikazzjoni tad-Direttiva kull tliet snin.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni
Din il-proposta ma teħtieġx dokumenti ta’ spjegazzjoni għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali billi tintroduċi bidliet limitati għal proċedura ta’ notifika diġà eżistenti stabbilita mid-Direttiva dwar is-Servizzi. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ fejn ikun meħtieġ, tippreżenta gwida dwar l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika riveduta.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jispeċifika s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva proposta. L-għan tad-Direttiva huwa li tassigura li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, li jintroduċu skemi ta’ awtorizzazzjoni jew ċerti rekwiżiti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, ikunu konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi. Għalhekk is-setturi tas-servizzi koperti minn din id-Direttiva huma dawk koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi.
L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti, f’konformità kemm mad-definizzjonijiet skont it-Trattat kif interpretat mill-QtĠ-UE, u kemm mad-Direttiva dwar is-Servizzi.
L-Artikolu 3 jibni fuq l-obbligu ta’ notifika stabbilit fid-Direttiva dwar is-Servizzi. Dan jistipula obbligu speċifiku u inkondizzjonat għall-Istati Membri. Jispeċifika wkoll liema miżuri jridu jiġu nnotifikati u meta, x’informazzjoni trid tiġi ppreżentata bħala parti minn kwalunkwe notifika u l-konsegwenzi jekk ma jiġux irrispettati ċerti obbligi skont din id-Direttiva. Sabiex il-proċedura ta’ notifika tkun effiċjenti u effettiva u fl-interess tal-partijiet kollha kkonċernati, il-limiti taż-żmien applikabbli huma stabbiliti kemm fl-Artikolu 3 kif ukoll fl-Artikolu 5. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali u sabiex ikun assigurat it-tħaddim mingħajr problemi tal-proċedura, dawn il-limiti taż-żmien jibdew jgħoddu ladarba n-notifika tkun ġiet iddikjarata bħala lesta.
L-Artikolu 4 jispeċifika liema rekwiżiti u skemi ta’ awtorizzazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE huma koperti mill-obbligu ta’ notifika. Dan jistipula li l-Istati Membri jridu jinnotifikaw skemi ta’ awtorizzazzjoni, ċerti rekwiżiti ta’ stabbiliment, ċerti rekwiżiti li jaffettwaw il-libertà tal-forniment tas-servizzi u r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-assigurazzjoni tar-responsabilità professjonali u attivitajiet multidixxiplinarji.
L-Artikolu 5 jistabbilixxi perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ tliet xhur wara n-notifika ta’ abbozz ta’ miżura. Il-Kummissjoni u Stati Membri oħra għandhom massimu ta’ xahrejn sabiex jikkummentaw dwar miżura notifikata, segwiti minn massimu ta’ xahar għall-Istat Membru notifikanti biex jirrispondi għal dawk il-kummenti. Il-ħtieġa għall-ħeffa u l-effiċjenza trid tiġi rikonċiljata mal-ħtieġa li l-partijiet involuti jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu kummenti dettaljati u kostruttivi u li l-Istat Membru notifikanti jindirizza t-tħassib imqajjem. Il-partijiet kollha jridu jimplimentaw il-proċedura fi spirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera u rispett għall-ħtiġijiet leġittimi tal-partijiet l-oħra, fl-interess tat-tħaddim mingħajr problemi u effettiv tal-proċedura ta’ notifika.
Skont l-Artikolu 6, il-Kummissjoni tista’ toħroġ twissija lill-Istat Membru notifikanti hekk kif wara li tivvaluta l-miżura notifikata hija jkollha tħassib dwar il-konformità tagħha mad-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-ħruġ ta’ twissija jimplika li l-Istat Membru kkonċernat ma għandux jadotta l-miżura notifikata inkwistjoni għal tliet xhur.
Wara li tkun inħarġet twissija, il-Kummissjoni tista’ skont l-Artikolu 7, u f’konformità mad-dispożizzjoni eżistenti fid-Direttiva dwar is-Servizzi, tadotta Deċiżjoni legalment vinkolanti li ssib il-miżura notifikata bħala inkompatibbli mad-Direttiva dwar is-Servizzi u titlob lill-Istat Membru notifikanti biex ma jadottahiex.
L-Artikolu 8 jistipula t-trasparenza tal-abbozz ta’ miżuri notifikati, tal-informazzjoni ta’ akkumpanjament u tal-miżuri finali adottati, għall-partijiet terzi. Minħabba l-għarfien tagħhom dwar is-swieq ikkonċernati u l-impatt tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi fuqhom, huwa importanti li l-partijiet terzi jkunu jistgħu jiġu infurmati bl-abbozz ta’ miżuri nnotifikati.
L-Artikolu 9 jistipula l-ħatra ta’ awtorità f’kull Stat Membru li tkun responsabbli fil-livell nazzjonali għall-funzjonament tal-proċedura ta’ notifika stabbilita fid-Direttiva preżenti.
L-Artikolu 10 jikkjarifika r-relazzjoni bejn din id-Direttiva u d-Direttiva (UE) 2015/1535 kif ukoll id-Direttiva 2005/36/KE.
L-Artikolu 11 jistabbilixxi rieżami perjodiku tal-applikazzjoni tad-Direttiva.
L-Artikolu 12 jistipula emendi fid-Direttiva 2006/123/KE.
L-Artikolu 13 jistipula emenda fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.
L-Artikolu 14 jispeċifika l-perjodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri.
L-Artikolu 15 jittratta d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni.
L-Artikolu 16 jispeċifika d-destinatarji tad-Direttiva.
2016/0398 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi il-proċedura ta’ notifika għal skemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma’ servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 53(1), 62 u 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiggarantixxi lill-fornituri tas-servizzi l-libertà tal-istabbiliment fi Stati Membri oħra u l-libertà tal-forniment ta’ servizzi bejn l-Istati Membri.
(2)Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tispeċifika l-kontenut tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-forniment ta’ servizzi fir-rigward ta’ ċerti servizzi. Din tistipula, fost l-oħrajn, li l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u ċerti tipi ta’ rekwiżiti relatati mas-servizzi jridu jkunu nondiskriminatorji fir-rigward tan-nazzjonalità jew ir-residenza, ġustifikati minn raġuni aktar importanti relatata mal-interess pubbliku u proporzjonati.
(3)Id-Direttiva 2006/123/KE tistipula obbligu biex l-Istati Membri jivvalutaw u jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti relatati mas-servizzi, sabiex iġibuha konformi mar-regoli stabbiliti f’dik id-Direttiva. Barra minn hekk, sabiex tiġi faċilitata l-verifika tal-konformità futura mill-Istati Membri, id-Direttiva 2006/123/KE tistipula obbligu biex l-Istati Membri jinnotifikaw liġijiet, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi ġodda li jistabbilixxu ċerti rekwiżiti ġodda li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, jew kwalunkwe bidla sostantiva f'dawk ir-rekwiżiti.
(4)Il-Kummissjoni rċeviet numru dejjem akbar ta’ notifiki mill-Istati Membri dwar rekwiżiti introdotti ġodda skont id-Direttiva 2006/123/KE. Madankollu, mhux dawk ir-rekwiżiti nazzjonali kollha huma nondiskriminatorji fir-rigward tan-nazzjonalità jew tar-residenza, ġustifikati u proporzjonati, u għalhekk jirriżultaw f’għadd importanti ta’ djalogi strutturali mnedija mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Istati Membri. Dan juri li l-proċedura ta’ notifika eżistenti mhijiex suffiċjenti sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni mhux ġustifikata jew sproporzjonata abbażi tan-nazzjonalità jew tar-residenza, . Dan huwa għad-detriment taċ-ċittadini u n-negozji fis-suq intern għas-servizzi. Barra minn hekk, jidher li xi rekwiżiti ġodda jew modifikati relatati ma’ servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE lanqas biss ġew notifikati.
(5)Għal dawn ir-raġunijiet il-Kummissjoni, fl-Istrateġija tagħha għal Suq Uniku, ħabbret inizjattiva sabiex ittejjeb il-konformità mad-Direttiva 2006/123/KE, billi tirriforma l-proċedura ta’ notifika prevista fiha.
(6)L-infurzar effettiv tar-regoli li jirregolaw is-suq intern għas-servizzi, stabbiliti fid-Direttiva 2006/123/KE, għandu jissaħħaħ billi titjieb il-proċedura ta’ notifika eżistenti stabbilita minn dik id-Direttiva fir-rigward tal-iskemi nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti li jirrigwardaw kemm l-aċċess għall-attivitajiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll l-eżerċizzju tagħhom. Il-prevenzjoni tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu rekwiżiti u skemi ta’ awtorizzazzjoni li jmorru kontra d-Direttiva 2006/123/KE għandha tiġi faċilitata. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont it-Trattati u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
(7)L-obbligu ta’ notifika stabbilit minn din id-Direttiva għandu japplika għall-miżuri regolatorji tal-Istati Membri, bħal-liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ natura ġenerali jew kwalunkwe regola vinkolanti oħra ta’ natura ġenerali, inklużi r-regoli adottati minn organizzazzjonijiet professjonali sabiex jirregolaw b’mod kollettiv l-aċċess għall-attivitajiet tas-servizzi jew l-eżerċizzju tagħhom. Mill-banda l-oħra l-obbligu ta’ notifika ma għandux japplika għal deċiżjonijiet individwali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali.
(8)L-obbligu li l-Istati Membri jinnotifikaw abbozz ta’ miżuri li jistabbilixxu skemi ta’ awtorizzazzjoni jew rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva mill-anqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tagħhom huwa maħsub sabiex jassigura li l-miżuri li jridu jiġu adottati jikkonformaw mad-Direttiva 2006/123/KE. Sabiex il-proċedura ta’ notifika tkun effettiva, għandha ssir konsultazzjoni dwar il-miżuri notifikati suffiċjentement qabel l-adozzjoni tagħhom. Dan huwa tajjeb sabiex tiġi promossa kooperazzjoni tajba u t-trasparenza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u biex jiġu żviluppati aktar l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali dwar skemi ta’ awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti ġodda jew emendati koperti mid-Direttiva 2006/123/KE, skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Sabiex tiġi assigurata l-effettività tal-proċedura, il-ksur tal-obbligu ta’ notifika jew li ma tiġix adottata miżura notifikata, inkluż matul il-perjodu wara li tasal twissija, għandu jitqies bħala difett proċedurali sostanzjali ta’ natura serja fir-rigward tal-effetti tiegħu fil-konfront ta’ individwi.
(9)Fl-ispirtu tat-trasparenza u l-kooperazzjoni, meta jsiru emendi sostantivi għal abbozz ta’ miżura li tkun soġġetta għal proċedura ta’ notifika kontinwa skont din id-Direttiva, il-Kummissjoni, Stati Membri oħra u l-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu mgħarrfa fi żmien debitu mill-Istat Membru notifikanti dwar dawn l-emendi. Modifiki sempliċement ta’ natura klerikali ma għandhomx jiġu komunikati.
(10)L-informazzjoni li trid tiġi ppreżentata mill-Istat Membru notifikanti għandha tkun suffiċjenti sabiex tiġi valutata l-konformità mad-Direttiva 2006/123/KE u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ rekwiżit notifikat(a). Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), tali informazzjoni għandha tikkjarifika l-objettiv ta’ interess pubbliku li jkun qed jiġi segwit, tistabbilixxi kif l-iskema ta’ awtorizzazzjoni jew ir-rekwiżit notifikat jkunu neċessarji u ġustifikati sabiex jintlaħaq dan l-objettiv u tispjega kif hija proporzjonata meta tagħmel dan; għaldaqstant, għandha tinkludi spjegazzjonijiet dwar għaliex hija xierqa, għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u għaliex ma huwa disponibbli l-ebda mezz alternattiv u anqas restrittiv. Ir-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati mill-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ ġustifikazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati b’evidenza xierqa u b’analiżi tal-proporzjonalità tal-miżura notifikata.
(11)Sabiex ikun assigurat skambju effettiv ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha tkompli tintuża taħt din id-Direttiva.
(12)L-obbligu ta’ notifika stabbilit fid-Direttiva 2006/123/KE jitlob li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar ir-rekwiżiti koperti mill-Artikolu 15(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2006/123/KE. L-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva wriet li l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni jew ir-rekwiżiti relatati ma’ skemi tal-awtorizzazzjoni, tal-assigurazzjoni tar-responsabilità professjonali, garanziji jew arranġamenti simili, u restrizzjonijiet multidixxiplinarji huma komuni u jistgħu jikkostitwixxu ostakoli importanti fis-suq intern għas-servizzi. Għalhekk dawn għandhom ikunu koperti wkoll b’obbligu ta’ notifika sabiex tiġi faċilitata l-konformità tal-abbozz ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rilevanti mad-Direttiva 2006/123/KE. Ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2006/123/KE huma koperti mill-obbligu ta’ notifika sa fejn dawn jaqgħu taħt l-Artikolu 16(3).
(13)Id-Direttiva preżenti tistabbilixxi konsultazzjoni ta’ tliet xhur sabiex tippermetti valutazzjoni tal-abbozz ta’ miżuri notifikati kif ukoll djalogu effettiv mal-Istat Membru notifikanti. Sabiex il-konsultazzjoni taħdem fil-prattika u sabiex l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jipprovdu b’mod effettiv il-kummenti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-abbozz ta’ miżuri mill-anqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tagħhom. L-Istati Membri notifikanti għandhom iqisu l-kummenti magħmula dwar l-abbozz ta’ miżura notifikata, b’konformità mad-dritt tal-Unjoni.
(14)Fejn, wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni jkun baqgħalha tħassib dwar il-konformità tal-abbozz ta’ miżura notifikata mad-Direttiva 2006/123/KE, hija tista’ twissi lill-Istat Membru notifikanti, fejn tagħtih l-opportunità biex iġib l-abbozz ta’ miżura tiegħu f’konformità mad-dritt tal-UE. Dik it-twissija għandha tinkludi spjegazzjoni tat-tħassib legali identifikat mill-Kummissjoni. Ir-riċeviment ta’ tali twissija jfisser li l-Istat Membru notifikanti ma għandux jadotta l-miżura notifikata għal tliet xhur.
(15)In-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ notifika tal-abbozz ta’ miżuri tal-inqas 3 xhur qabel l-adozzjoni tagħhom u/jew li ma tiġix adottata l-miżura notifikata matul dan il-perjodu, u skont il-każ, matul it-tliet xhur wara li tasal it-twissija, għandu jitqies bħala difett proċedurali sostanzjali ta’ natura serja fir-rigward tal-effetti tiegħu fil-konfront ta’ individwi.
(16)Sabiex tassigura l-effiċjenza, l-effettività u l-koerenza tal-proċedura ta’ notifika, il-Kummissjoni għandha żżomm is-setgħa li tadotta Deċiżjonijiet li jitolbu li l-Istat Membru inkwistjoni ma jadottax il-miżuri notifikati jew, jekk diġà jkunu adottati, li jħassarhom, meta dawn jiksru d-Direttiva 2006/123/KE.
(17)Il-partijiet terzi interessati għandhom jingħataw aċċess għan-notifiki mibgħuta mill-Istati Membri sabiex dawn isiru jafu bl-iskemi ta’ awtorizzazzjoni ppjanati jew ċerti rekwiżiti relatati mas-servizzi fis-swieq li attwalment jew potenzjalment joperaw fihom u sabiex ikunu jistgħu jipprovdu kummenti dwarhom.
(18)Din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi tal-Istati Membri li jinnotifikaw ir-rekwiżiti relatati mas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika skont id-Direttiva (UE) 2015/1535. Sabiex jiġu evitati notifiki doppji, notifika mwettqa skont dik id-Direttiva u b’konformità mal-obbligi rilevanti stabbiliti f’din id-Direttiva għandha titqies li tissodisfa bl-istess mod l-obbligu ta’ notifika stabbilit skont din id-Direttiva.
(19)Għall-istess raġuni, notifika magħmula skont din id-Direttiva għandha titqies li tissodisfa l-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri skont l-Artikolu 59(5) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(20)Bħala konsegwenza tal-istabbiliment tal-proċedura ta’ notifika prevista f’din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123/KE dwar il-proċeduri ta’ notifika għandhom jitħassru. Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 għandu jiġi emendat skont dan.
(21)Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi proċedura ta’ notifika għall-infurzar aħjar tad-Direttiva 2006/123/KE biex tiffaċilita l-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri ta’ servizz u l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi fis-suq uniku, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti b’azzjoni fil-livell tal-Istati Membri waħedhom u minħabba l-iskala u l-effett tiegħu jista’ jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha.
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar in-notifika, min-naħa tal-Istati Membri, ta’ abbozzi ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jintroduċu skemi ta’ awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti ġodda jew li jemendaw oħrajn diġà eżistenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), (2), (3) u (5) sa (9) tad-Direttiva 2006/123/KE u ft-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.
Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“abbozz ta’ miżura” tfisser test li jistabbilixxi skema ta’ awtorizzazzjoni jew rekwiżit, fis-sens tal-Artikolu 4(6) u (7) tad-Direttiva 2006/123/KE, rispettivament, formulat bil-ħsieb li jiġi ppromulgat bħala liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ natura ġenerali, bit-test ikun fl-istadju ta’ preparazzjoni li fih ikunu għadhom jistgħu jsiru emendi sostantivi mill-Istat Membru notifikanti;
(b)“adozzjoni” tfisser id-deċiżjoni fi Stat Membru li tagħmel il-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ natura ġenerali finali skont il-proċedura applikabbli.
Artikolu 3
Obbligu ta’ notifika
1.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe abbozz ta’ miżura li tintroduċi rekwiżiti jew skemi ta’ awtorizzazzjoni ġodda msemmija fl-Artikolu 4, jew li timmodifika tali rekwiżiti eżistenti jew skemi ta’ awtorizzazzjoni.
2.Meta Stat Membru jimmodifika abbozz ta’ miżura notifikata bl-effett li jestendi b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni jew il-kontenut tagħha, jew iqassar l-iskeda ta’ żmien oriġinarjament prevista għall-implimentazzjoni, jew iżid rekwiżiti jew skemi ta’ awtorizzazzjoni, jew jagħmel dawk ir-rekwiżiti jew skemi ta’ awtorizzazzjoni aktar restrittivi għall-istabbiliment, jew għall-forniment transfruntiera ta’ servizzi, huwa għandu jerġa’ jinnotifika l-abbozz ta’ miżura modifikata notifikata qabel skont il-paragrafu 1, u jinkludi spjegazzjoni tal-objettiv u l-kontenut tal-modifiki. F’każ bħal dan, in-notifika preċedenti għandha titqies li ġiet irtirata.
3.L-abbozz ta’ miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-anqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tagħhom.
4.Il-ksur ta’ wieħed mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3(1), (2) u (3) jew fl-Artikolu 6(2) għandu jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali ta’ natura serja fir-rigward tal-effetti tiegħu fil-konfront ta’ individwi.
5.Bħala parti minn kwalunkwe notifika, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni li turi l-konformità tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni jew tar-rekwiżit innotifikat mad-Direttiva 2006/123/KE.
Dik l-informazzjoni għandha tidentifika r-raġuni aktar importanti relatata mal-interess pubbliku segwit u tagħti r-raġunijiet għaliex skema ta’ awtorizzazzjoni jew rekwiżit innotifikati jkunu nondiskriminatorji abbażi tan-nazzjonalità jew ir-residenza u għaliex ikunu proporzjonati.
Dik l-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni li turi li ma jkunux disponibbli mezzi anqas restrittivi kif ukoll evidenza speċifika li tissostanzja l-argumenti ppreżentati mill-Istat Membru notifikanti.
6.Fin-notifika, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika wkoll it-test tad-dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja li fuqha jkun ibbażat l-abbozz tal-miżura notifikata.
7.L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-miżura adottata fi żmien ġimagħtejn wara l-adozzjoni tagħha.
8.Għall-iskop tal-proċedura ta’ notifika stabbilita b’din id-Direttiva u sabiex ikun assigurat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istat Membru notifikanti, Stati Membri oħra u l-Kummissjoni, għandha tintuża s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1024/2012.
Artikolu 4
Skemi ta’ awtorizzazzjoni u rekwiżiti soġġetti għall-obbligu ta’ notifika
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti li ġejjin:
(a)skemi ta’ awtorizzazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/123/KE;
(b)ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123/KE;
(c)ir-rekwiżiti li jaffettwaw il-libertà ta’ forniment ta’ servizzi msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2006/123/KE;
(d)ir-rekwiżit ta’ abbonament f’assigurazzjoni ta’ responsabilità professjonali, garanzija jew arranġament simili kif imsemmija fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2006/123/KE;
(e)ir-rekwiżit li xi attività speċifika tiġi eżerċitata b’mod esklużiv jew li jillimita l-eżerċizzju b’mod konġunt jew bi sħubija ta’ attivitajiet differenti kif imsemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123/KE.
Artikolu 5
Konsultazzjoni
1.Malli tirċievi notifika mingħand Stat Membru kif imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2), il-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru notifikanti dwar il-kompletezza tan-notifika li tkun irċeviet.
2.Mid-data li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru notifikanti dwar il-kompletezza ta’ notifika li tkun irċeviet, għandha ssir konsultazzjoni ta’ mhux aktar minn tliet xhur bejn l-Istat Membru notifikanti, Stati Membri oħra u l-Kummissjoni.
3.Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu, fi żmien perjodu ta’ xahrejn mill-bidu tal-perjodu ta’ konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 2, jissottomettu kummenti lill-Istat Membru notifikanti.
4.L-Istat Membru notifikanti għandu jwieġeb għall-kummenti ppreżentati mill-Kummissjoni jew minn Stati Membri oħra fi żmien xahar wara li jirċevihom u qabel l-adozzjoni tal-miżura notifikata, billi jew jispjega kif dawk il-kummenti se jiġu kkunsidrati fil-miżura notifikata jew billi jindika r-raġunijiet għaliex dawk il-kummenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati.
5.Meta la l-Kummissjoni u l-ebda Stat Membru ieħor ma jkunu ssottomettew kummenti għal abbozz ta’ miżura notifikata fix-xahrejn imsemmija fil-paragrafu 3, il-perjodu ta’ konsultazzjoni għandu jintemm immedjatament.
Artikolu 6
Twissija
1.Qabel ma jingħalaq il-perjodu ta’ konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(2), il-Kummissjoni tista’ twissi lill-Istat Membru dwar it-tħassib tagħha rigward il-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ miżura notifikata mad-Direttiva 2006/123/KE u dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 7.
2.Wara li jirċievi twissija bħal din, l-Istat Membru notifikanti ma għandux jadotta l-abbozz ta’ miżura għal perjodu ta’ tliet xhur wara li jintemm il-perjodu ta’ konsultazzjoni.
Artikolu 7
Deċiżjoni
Meta l-Kummissjoni tkun ħarġet twissija skont l-Artikolu 6(1), hija tista’, fi żmien tliet xhur wara d-data tal-għeluq tal-perjodu ta’ konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(2), tadotta Deċiżjoni li ssib l-abbozz ta’ miżura bħala inkompatibbli mad-Direttiva 2006/123/KE u titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex ma jadottax l-abbozz ta’ miżura jew, jekk dik il-miżura tkun ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 3(3) jew tal-Artikolu 6(2), biex iħassarha.
Artikolu 8
Informazzjoni lill-pubbliku
Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq sit elettroniku pubbliku ddedikat in-notifiki magħmula mill-Istati Membri skont l-Artikoli 3 (1) u (2) u l-miżuri relatati adottati.
Artikolu 9
Ħatra tal-awtorità kompetenti
L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti responsabbli fuq livell nazzjonali għat-tħaddim tal-proċedura ta’ notifika stabbilita b’din id-Direttiva.
Artikolu 10
Rabta ma’ mekkaniżmi oħra ta’ notifika jew rapportar
1.Meta Stat Membru jkun meħtieġ jinnotifika miżura skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva u skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535, notifika magħmula skont dik id-Direttiva u li tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 3, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, għandha titqies bħala li kienet tissodisfa wkoll l-obbligu ta’ notifika stabbilit skont l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-Direttiva.
2.Meta Stat Membru jkun meħtieġ jinnotifika miżura skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva u li jinforma lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59(5) tad-Direttiva 2005/36/KE, dik in-notifika għandha titqies bħala li kienet tissodisfa wkoll l-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 59(5) tad-Direttiva 2005/36/KE.
Artikolu 11
Rapport u rieżami
1.Sa [36 xahar wara d-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva] u tal-anqas kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
2.Wara r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tevalwa b’mod regolari din id-Direttiva u tissottometti r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
3.Fejn ikun xieraq, ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu akkumpanjati minn proposti rilevanti.
Artikolu 12
Emendi għad-Direttiva 2006/123/KE
Id-Direttiva 2006/123/KE hi emendata kif ġej:
1.L-Artikolu 15(7) jitħassar b’effett minn [jum wara d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni].
2.Fl-Artikolu 39(5), it-tieni u t-tielet subparagrafi jitħassru b’effett minn [jum wara d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni].
Artikolu 13
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 huwa emendat kif ġej:
1.il-punt 1 jinbidel b’dan li ġej:
“1. Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern: Kapitolu VI.”;
2.jiddaħħal il-punt 11 li ġej:
“11. Id-Direttiva (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' XX dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi proċedura ta’ notifika għal skemi ta’ awtorizzazzjoni u rekwiżiti relatati mas-servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, diment li ma tkunx saret notifika, kif stipulat f'dik id-Direttiva, f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/1535.".
Artikolu 14
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [data kalendarja sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.
Id-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
3.Stati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [data kalendarja sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Direttiva + jum].
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 16
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President