Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 765 final

2016/0381(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2016) 408 final}
{SWD(2016) 409 final}
{SWD(2016) 414 final}
{SWD(2016) 415 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

   Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Il-prinċipju li l-"effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" huwa element ewlieni tal-Unjoni tal-Enerġija - din il-proposta tpoġġih fil-prattika.

Wieħed mill-modi kif titjieb l-effiċjenza fl-enerġija huwa billi jiġi sfruttat il-potenzjal kbir għal titjib fl-effiċjenza fis-settur tal-bini li huwa l-akbar konsumatur tal-enerġija fl-Ewropa, u jikkonsma 40% tal-enerġija finali. Madwar 75% tal-bini huwa ineffiċjenti u jiddependi mill-Istat Membru, 0.4-1.2% biss tal-istokk huwa rinnovat kull sena.

L-objettiv prinċipali ta’ din il-proposta huwa li tħaffef ir-rinnovazzjoni kosteffettiva ta’ bini eżistenti, li tirrappreżenta għażla li jgawdi minnha kulħadd (“win-win”) għall-ekonomija sħiħa tal-UE. Fil-fatt, l-industrija tal-kostruzzjoni Ewropea għandha l-potenzjal li tirreaġixxi għal għadd ta’ sfidi ekonomiċi u soċjetali bħall-impjiegi u t-tkabbir, l-urbanizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, it-tibdil demografiku, u fl-istess ħin l-isfidi tal-enerġija u tal-klima.

L-industrija tal-kostruzzjoni tiġġenera madwar 9% tal-PDG Ewropew u hija responsabbli għal 18-il miljun impjieg dirett. L-attivitajiet tal-kostruzzjoni li jinkludu ħidma ta’ rinnovazzjoni u adattamenti għall-enerġija jżidu l-valur tal-kostruzzjoni ta’ bini ġdid bi kważi d-doppju, u l-SMEs jikkontribwixxu aktar minn 70% tal-valur miżjud fis-settur tal-bini tal-UE 1 .

F’konformità mal-objettivi msemmija hawn fuq, din il-proposta se taġġorna d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (“l-EPBD” 2 ) billi:

tintegra strateġiji ta’ rinnovazzjoni tal-bini fuq perjodu twil (l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija), tappoġġa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjamenti u toħloq viżjoni ċara għal stokk ta’ bini dekarbonizzat sal-2050;

tħeġġeġ l-użu tal-ICT u ta’ teknoloġiji intelliġenti biex tiżgura li l-bini jopera b’mod effiċjenti; kif ukoll

tissemplifika d-dipożizzjonijiet fejn dawn ma tawx ir-riżultati li kienu mistennija jagħtu.

B’mod aktar speċifiku, tintroduċi sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u ta’ kontroll tal-bini bħala alternattiva għall-ispezzjonijiet fiżiċi, tħeġġeġ l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa
għall-elettromobbiltà (b’enfasi fuq bini kummerċjali kbir u teskludi l-bini pubbliku u l-SMEs), u tintroduċi indikatur tal-intelliġenza biex jivvaluta kemm il-bini huwa teknoloġikament lest li jinteraġixxi mal-okkupanti tiegħu u mal-grilja u li jmexxi lilu nnifsu b’mod effiċjenti. Dan l-aġġornament tal-EPBD se jsaħħaħ ukoll ir-rabtiet bejn il-fondi pubbliċi għar-rinnovazzjoni tal-bini u ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u se jinċentivizza l-indirizzar tal-faqar enerġetiku permezz tar-rinnovazzjoni tal-bini.

Bini b’rendiment aħjar jipprovdi livelli ogħla ta’ kumdità u ta’ benessri għall-okkupanti tiegħu u jtejjeb is-saħħa billi jnaqqas il-mortalità u l-morbożità minħabba klima interna fqira. Akkomodazzjonijiet imsaħħna u ventilati kif xieraq inaqssu l-impatti negattivi fuq is-saħħa kkawżati mill-umdità, b’mod partikolari fost il-gruppi vulnerabbli bħat-tfal u l-anzjani u dawk morda diġà.

Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini għandu wkoll impatt maġġuri fuq l-affordabbiltà tal-abitazzjonijiet u l-faqar enerġetiku. Bit-titjib tal-iffrankar u tal-effiċjenza fl-enerġija tal-istokk tal-abitazzjonijiet ħafna unitajiet domestiċi jkunu kapaċi joħorġu mill-faqar enerġetiku. Din il-proposta tista’ tikkontribwixxi biex bejn 515 000 u 3.2 miljun unità domestika fl-UE (minn total ta’ 23.3 miljun unità domestika li jgħixu fil-faqar enerġetiku - Eurostat) joħorġu mill-faqar enerġetiku.

Sabiex tiżgura li din il-proposta jkollha impatt massimu, l-inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għall-Binjiet Intelliġenti se tikkontribwixxi biex timmobilizza u tiżblokka l-investimenti privati fuq skala akbar. Filwaqt li sserraħ fuq il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, inkluż il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, din l-inizjattiva se tappoġġa l-użu effettiv tal-fondi pubbliċi, tappoġġa l-promoturi u l-investituri biex jiżviluppaw ideat tajbin b’aktar assistenza għall-iżvilupp ta’ proġetti u għall-mekkaniżmi ta’ aggregazzjoni ta’ proġetti. Fl-aħħar mill-aħħar, l-inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għall-Binjiet Intelliġenti se tikkontribwixxi biex tiġġenera l-fiduċja u biex tattira aktar investituri lejn is-suq tal-effiċjenza fl-enerġija.

Din il-proposta tqis ir-riżultati ta’ proċess ta’ reviżjoni bbażat fuq konsultazzjoni pubblika wiesgħa, studji, u laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati u hija appoġġata minn evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt.

F’din il-proposta qed jiġu inklużi biss dawk l-artikoli tad-Direttiva li jeħtieġu li jiġu aġġornati biex jirriflettu l-perjodu ta’ żmien sal-2030.

   Il-konsistenza ma' dispożizzjonijiet ta' politika eżistenti fil-qasam ta' politika

L-evalwazzjoni mwettqa qabel din ir-reviżjoni kkonkludiet li l-EPBD hija konsistenti ma’ biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni tal-UE. Din il-proposta hija wkoll koerenti mal-elementi l-oħra tal-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, bħar-regolament il-ġdid dwar il-Governanza u l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli. L-EPBD se tikkontribwixxi b’mod dirett għall-mira proposta tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija ta’ żieda ta’ 30 % fl-effiċjenza fl-enerġija sal-2030. Din tikkomplimenta miżuri li l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu skont l-EED kif ukoll skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija tal-prodotti. Il-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar enerġetiku tistabbilixxi rekwiżiti għall-effiċjenza fl-enerġija ta’ prodotti relatati mal-bini bħal bojlers, filwaqt li l-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti minimi għar-rendiment ta’ elementi tal-bini installati, immodifikati jew mibdula fl-użu tal-enerġija skont il-kodiċi tal-bini nazzjonali tagħhom. L-elementi tal-bini normalment jikkonsistu f’bosta prodotti, eż. sistema ta’ tisħin tkun magħmula minn bojler, pajpijiet u kontrolli. Il-konsistenza hija żgurata fuq il-bażi ta’ kull każ individwali matul il-proċess tal-iżvilupp ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni speċifiċi dwar l-ekodisinn u/jew it-tikkettar enerġetiku, billi jitqiesu r-rekwiżiti tal-EPBD. Pereżempju, ġie deċiż li ma jiġux stabbiliti rekwiżiti dwar l-ekodisinn għal iżolament termali għaliex diġà huma koperti tajjeb mill-implimentazzjoni nazzjonali tal-EPBD.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

   Bażi ġuridika

L-EPBD hija bbażata fuq l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi bażi ġuridika għal politika tal-Unjoni li tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar enerġetiku. Billi t-Trattat fih bażi ġuridika speċifika relatata mal-enerġija, huwa meqjus xieraq li jintuża għal din il-proposta.

   Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Hemm bosta raġunijiet għaliex l-approċċ kollettiv tal-UE huwa ta’ benefiċċju.

L-ewwel, il-valur miżjud tal-indirizzar tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija fil-livell tal-UE jkun ġej prinċipalment mill-ħolqien ta’ suq intern, li jappoġġja l-kompetittività tal-UE u jieħu vantaġġ mis-sinerġiji mal-politika dwar il-klima u l-modernizzazzjoni ta’ regolamenti nazzjonali fis-settur tal-bini madwar l-UE.

It-tieni, is-settur finanzjarju jeħtieġ aktar komparabbiltà tal-kejl tar-rendiment fl-użu tal-enerġija madwar l-UE. L-istituzzjonijiet finanzjarji indikaw b’mod ċar li hija meħtieġa ħidma kemm fil-livelli nazzjonali/lokali kif ukoll tal-UE biex tiżdied l-effikaċja tal-investimenti pubbliċi u privati u biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ prodotti ta’ finanzjament attraenti fis-suq.

It-tielet, minkejja li l-pajjiżi għandhom rekwiżiti tal-kodiċi tal-bini differenti, tipoloġiji tal-bini differenti u kundizzjonijiet lokali u klimatiċi differenti, hemm utenti multinazzjonali wkoll. Is-sidien tal-katini li jipprovdu servizzi (bħal supermarkits jew lukandi) talbu metodi aktar unifikati u komparabbli ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

Finalment, l-azzjoni tal-UE twassal għal modernizzazzjoni tar-regolamenti nazzjonali fis-settur tal-bini, tiftaħ swieq usa’ għal prodotti innovattivi u tippermetti tnaqqis fl-ispejjeż. Qabel l-adozzjoni tal-EPBD tal-2002, ħafna Stati Membri ma kellhomx rekwiżiti għall-effiċjenza fl-enerġija jew strumenti promozzjonali fir-regolamentazzjoni u l-kodiċi tal-bini tagħhom. B’riżultat tad-Direttivi tal-2002 u tal-2010, l-Istati Membri kollha issa għandhom rekwiżiti għall-effiċjenza fl-enerġija għall-bini eżistenti u ġdid fil-kodiċi tal-bini tagħhom. L-EPBD tal-2010 rriżultat f’modernizzazzjoni sinifikanti tal-kodiċi tal-bini nazzjonali permezz tal-introduzzjoni tal-kunċett tal-kostottimalità, segwit mill-adozzjoni ta’ rekwiżiti ta’ użu ta’ enerġija qrib iż-żero.

L-emendi proposti jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u l-Istati Membri se jżommu l-istess flessibbiltà bħal-lum, billi jippermettu l-adattament għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-kundizzjonijiet lokali (eż. it-tip ta’ bini, il-klima, l-ispejjeż ta' teknoloġiji rinnovabbli komparabbli u l-aċċessibbiltà, il-kombinazzjoni ottimali mal-miżuri tan-naħa tad-domanda, id-densità tal-bini, eċċ.).

   Proporzjonalità

Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-modifiki proposti ma jmorrux lil hinn milli hemm bżonn biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti.

Kif spjegat hawn fuq, il-politiki tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija espandew b’mod prudenti, u l-intervent tagħhom huwa limitat għal oqsma fejn huma meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet tal-Effiċjenza fl-enerġija. Dan huwa kopert fit-Taqsima 3 tal-valutazzjoni tal-impatt. L-ambitu tal-emendi huwa limitat għall-aspetti li jeħtieġu l-azzjoni tal-UE.

   L-għażla tal-istrument

Direttiva hija l-istrument xieraq biex jiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw filwaqt li jibqgħalhom spazju għall-immanuvrar biex jadattaw għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali differenti. Regolament ma jippermettix għal dan l-element ta’ flessibbiltà. Bosta Stati Membri u partijiet interessati għamluha ċara ħafna matul il-konsultazzjoni li din il-kombinazzjoni ta’ infurzar u flessibbiltà hija l-aħjar kombinazzjoni u l-istrument it-tajjeb għall-politiki f’dan il-qasam.

Barra minn hekk, billi din il-proposta temenda Direttiva eżistenti, Direttiva emendatorja hija l-uniku strument xieraq.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

   Evalwazzjonijiet ex-post tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-evalwazzjoni turi li d-Direttiva hija effettiva u qed twettaq l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tagħha. Sal-lum jidher li l-implimentazzjoni qed tagħti rendiment tajjeb b’mod ġenerali fl-erba’ kriterji l-oħra li ġew analizzati: l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE.

L-evalwazzjoni identifikat dawn is-sejbiet u t-tagħlimiet ewlenin li ġejjin rigward l-implimentazzjoni u l-ambitu għat-titjib fil-funzjonament ta’ ċerti dispożizzjonijiet u għall-vantaġġ li jittieħed mill-progress teknoloġiku biex tiġi aċċellerata d-dekarbonizzazzjoni tal-bini.

Sejbiet ewlenin

Hemm evidenza ta’ madwar 48.9Mtoe f’iffrankar enerġetiku addizzjonali finali fl-2014 meta mqabbel mal-linja bażi tal-2007 tal-EPBD. Dan l-iffrankar seħħ prinċipalment fl-ambitu tal-EPBD – tisħin tal-ispazju, tkessiħ u ilma sħun domestiku – u parti sinifikanti tista’ tiġi attribwita għal fatturi influwenzati minn interventi ta’ politika.

Iċ-ċifra ta’ 48.9Mtoe fl-2014 tidher għalhekk konformi mal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2008 li tappoġġja l-EPBD li stmat li l-EPBD setgħet twassal 60 sa 80Mtoe ta’ ffrankar enerġetiku finali sal-2020.

L-evalwazzjoni turi li l-arkitettura globali tad-Direttiva, bil-kombinazzjoni ta’ rekwiżiti minimi u ċertifikazzjoni, qed taħdem, b’mod partikolari għal bini ġdid. L-għażla tal-metodoloġija kostottimali biex jitmexxew ir-rekwiżiti nazzjonali eżistenti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija lejn livelli kosteffiċjenti wriet li kienet approċċ effettiv.

Il-miri għall-bini l-ġdid kollu biex jagħti konsum ta’ enerġija qrib iż-żero sal-2020 żguraw viżjoni b’“validità għall-futur” għas-settur u l-partijiet interessati ġew mobilizzati kif xieraq. Madankollu, dan l-istess livell ta’ ambizzjoni huwa nieqes fil-bini eżistenti.

Għalhekk, għadu hemm potenzjal ta’ ffrankar enerġetiku kosteffikaċi konsiderevoli fis-settur tal-bini. Iż-żieda fir-rata, il-kwalità u l-effikaċja tar-rinnovazzjoni tal-bini hija l-akbar sfida għad-deċennji li ġejjin. L-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul żviluppati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tal-EED għandhom jirriżultaw f’rati miżjuda ta’ rinnovazzjoni permezz tal-mobilizzazzjoni tal-finanzi u l-investimenti fir-rinnovazzjoni tal-bini. Dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu viżjoni ċara li tħares ’il quddiem bil-perspettivi tal-2030 u l-2050, biex jibagħtu sinjali tas-suq suffiċjenti lilunitajiet domestiċi, is-sidien/maniġers tal-bini, in-negozji u l-investituri.

Iċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija qed twassal sinjal tas-suq immotivat mid-domanda għal bini effiċjenti fl-enerġija u qed tilħaq l-għan tagħha li tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jixtru jew jikru bini aktar effiċjenti fl-enerġija. Madankollu, l-evalwazzjoni turi li skemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali u sistemi ta’ kontroll indipendenti għadhom fi stadji bikrija f’bosta Stati Membri u l-utilità tagħhom tista’ tittejjeb.

Minħabba d-diversità u d-diżaggregazzjoni tal-katina tal-valur tas-settur tal-bini, jibqa’ ta’ sfida l-akkwist ta’ dejta affidabbli dwar il-karatteristiċi tal-bini, l-użu tal-enerġija, u l-implikazzjonijiet finanzjarji tar-rinnovazzjoni f’termini ta’ ffrankar ta’ spejjeż jew valuri tal-assi. Dan in-nuqqas ġenerali ta’ dejta għandu konsegwenzi negattivi fuq il-perċezzjoni tas-suq tal-potenzjal tal-iffrankar fl-enerġija b'mod kosteffikaċi tal-istokk tal-bini tal-UE, u fuq l-infurzar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tad-Direttiva. Ir-reġistri/bażijiet tad-dejta taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (“EPC”) eżistenti jistgħu jkunu strument ewlieni għall-konformità rinfurzata, li jtejjeb l-għarfien tal-istokk tal-bini u jinfurma aħjar lil dawk li jfasslu l-politika u jappoġġja id-deċiżjonijiet tal-parteċipanti tas-suq.

Skop għal titjib

L-evalwazzjoni tiżvela fallimenti regolatorji relattivament limitati. Madankollu, hemm skop għas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti skaduti, u għat-tisħiħ tal-konformità permezz tal-irfinar tad-dispożizzjonijiet eżistenti u ta’ rabta aħjar tagħhom mal-appoġġ finanzjarju. Barra minn hekk hemm il-ħtieġa għall-immodernizzar tad-Direttiva fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u għal żieda fir-rati ta’ rinnovazzjoni tal-bini filwaqt li tiġi appoġġjata d-dekarbonizzazzjoni tal-bini fit-tul.

L-evalwazzjoni tidentifika wkoll aspetti tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni nazzjonali li jistgħu jiġu żviluppati aktar permezz ta’ infurzar aħjar, monitoraġġ tal-konformità u evalwazzjoni. Ġew identifikati wkoll opportunitajiet għas-simplifikazzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet skaduti u s-simplifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet eżistenti fid-dawl tal-progress teknoloġiku, b’mod partikolari:

ir-rekwiit li tiġi vvalutata l-vijabilità teknika, ambjentali u ekonomika ta’ sistemi alternattivi ta’ effiċjenza għolja skont l-Artikolu 6(1) tal-EPBD tħassar b’mod effettiv billi l-obbligu li l-bini l-ġdid kollu jkun bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero b’mod impliċitu jirrikjedi valutazzjoni tas-sistemi alternattivi ta’ effiċjenza għolja li jkunu disponibbli lokalment. Dak ir-rekwiżit tal-Artikolu 6(1) isir ta’ piż żejjed u għalhekk jitħassar;

l-ispezzjoni regolari tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kundizzjonata skont l-Artikoli 14 u 15 tal-EPBD tiżgura li l-bini jopera b’mod effiċjenti tul iż-żmien. L-għażla għal miżuri alternattivi titħassar billi ma ntweriex li huma effettivi u din tinbidel bil-possibbiltà ta’ sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll elettroniċi li nstab li huma alternattiva kosteffettiva għall-ispezzjonijiet.

Fil-fatt, il-progress teknoloġiku lejn "sistemi" intelliġenti tal-bini joffri opportunitajiet ta’ appoġġ għal implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-EPBD, u joħloq ukoll kundizzjonijiet favorevoli: għall-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi u lill-investituri dwar il-konsum tal-enerġija operazzjonali; għall-adattament għall-ħtiġijiet tal-utent; għat-tmexxija tal-operat tal-bini b'mod effiċjenti u komdu; il-kapaċità tiegħu li jaqbad ma' punti ta' ċċarġjar ta' vetturi elettriċi; għaż-żamma tal-ħżin tal-enerġija, u biex tappoġġja r-rispons għad-domanda fis-suq tal-elettriku modernizzat.

   Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

L-evalwazzjoni bdiet f’Ġunju 2015. Din ħarset lejn ir-rendiment tal-passat u attwali u kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti tal-EPBD bil-ħsieb tal-effikaċja, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE. Is-sorsi prinċipali tal-informazzjoni kienu reviżjoni tal-letteratura, informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ politiki attwali, analiżi ta’ monitoraġġ preċedenti u attivitajiet ta’ evalwazzjoni, input mill-partijiet interessati u studji u proġetti speċifiċi.

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati permezz ta’:

konsultazzjoni pubblika miftuħa bbażata fuq l-internet li damet għaddejja mit-30 ta’ Ġunju 2015 sal-31 ta’ Ottubru 2015;

konsultazzjoni aktar speċifika mal-Istati Membri, skont it-termini tal-Artikolu 19 tad-Direttiva, ġiet organizzata b’mod partikolari permezz tal-laqgħa tal-Azzjoni Miftiehma tal-EPBD fis-26 u s-27 ta’ Novembru 2015, u laqgħa tal-Kumitat dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija fl-1 ta’ Frar 2016;

workshops tekniċi tematiċi dwar suġġetti speċifiċi li saru minn Ġunju 2015 sa Jannar 2016;

avveniment għall-partijiet interessati fl-14 ta’ Marzu 2016.

Il-konsultazzjoni bl-internet għalqet fil-31 ta’ Ottubru 2015 u sommarji tar-riżultati tat-308 risposti huma disponibbli online 3 . Aktar minn nofs (58 %) ta’ dawk li wieġbu kienu organizzazzjonijiet, li prinċipalment jirrappreżentaw l-industrija tas-settur tal-kostruzzjoni, segwiti minn kumpaniji (20 %) li joperaw fl-Istati Membri. L-individwi, l-awtoritajiet pubbliċi u oħrajn kienu jirrappreżentaw 7-8 % ta’ dawk li wieġbu.

B’mod ġenerali, ħafna minn dawk li wieġbu jqisu li l-EPBD stabbilixxiet qafas tajjeb għal titjib fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u li qajmet kuxjenza dwar il-konsum tal-enerġija fil-bini, biex dan ingħata rwol aktar prominenti fil-politika dwar l-enerġija. Il-kontribuzzjoni tagħha għall-miri dwar l-enerġija u l-klima tal-2030 u l-2050 ġiet rikonoxxuta. Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu jaħsbu li l-EPBD kienet ta’ suċċess filwaqt li terz jemmnu li ma kinitx. Bosta minn dawk li wieġbu qalu li għadu wisq kmieni biex wieħed jgħid kemm kienet ta’ suċċess l-EPBD għaliex huwa diffiċli li jiġi iżolat l-effett tagħha. Oħrajn iqisu li l-EPBD mhijiex daqshekk effettiva daqskemm tista’ tkun, meta jitqies il-potenzjal kbir għal titjib fil-konsum tal-enerġija li għad baqa’ fis-settur tal-bini.

Ir-risposti negattivi semmew bħala raġunijiet għal effikaċja limitata l-implimentazzjoni mdewma u inkonsistenti fl-Istati Membri, il-kwalità ħażina tal-EPCs, l-adozzjoni kajmana tal-miżuri u rata baxxa ta’ rinnovazzjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero u l-ħtieġa għal użu mtejjeb ta’ strumenti ta’ finanzjament. Bosta minn dawk li wieġbu jenfasizzaw ukoll il-konformità u l-infurzar dgħajfa ta’ miżuri filwaqt li oħrajn jirrikonoxxu li l-kriżi ekonomika fis-settur tal-kostruzzjoni naqqset il-pass tat-titjib. Bosta minn dawk li wieġbu qalu li filwaqt li l-EPBD kienet ta’ suċċess fit-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għal bini ġdid, din ma tinċentivax biżżejjed ir-rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija.

   Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-EPBD hija disponibbli wkoll mill-ħidma tal-Azzjoni Miftiehma tal-EPBD 4 , id-djalogu regolari mal-Istati Membri u l-ħidma tal-Kumitat dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija.

L-eżiti tal-proġetti ffinanzjati skont il-kapitolu ta’ “L-effiċjenza fl-enerġija” ta’ “Enerġija sigura, nadifa u effiċjenti” taħt l-Orizzont 2020 u tal-predeċessur tiegħu, il-Programm Enerġija Intelliġenti għall-Ewropa, ġew analizzati 5 u referenzjati fejn rilevanti.

Flimkien mal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea, l-evalwazzjoni għamlet użu wkoll minn sorsi oħra ta’ informazzjoni, eż. karti ta’ riċerka identifikati mir-reviżjoni tal-letteratura.

   Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet ippreżentata darbtejn lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni. Abbozz bid-data tal-1 ta’ Lulju 2016 irċieva opinjoni pożittiva fis-26 ta’ Lulju. Is-sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt u ż-żewġ opinjonijiet tal-Bord jinsabu fuq is-sit web tal-Kummissjoni 6 .

L-għażliet li ġejjin ġew meqjusa mill-valutazzjoni tal-impatt:

L-għażla tal-ebda tibdil

L-għażla tal-ebda tibdil fl-EPBD tfisser l-ebda miżuri addizzjonali lil hinn minn dawk eżistenti. Dan jimplika li l-EPBD attwali u strumenti regolatorji u mhux regolatorji relatati jkomplu jiġu implimentati kif qed isir issa. Dan l-approċċ jista’ jiġi kkomplementat b’miżuri li jimmassimizzaw l-impatt tal-EPBD. Il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba, stimulati minn pjattaformi ta’ skambju (eż. Azzjoni Miftiehma), tista’ tgħin biex titjieb il-konformità. Huwa mifhum li taħt l-għażla tal-ebda tibdil, din il-ħidma titkompla.

Għażliet tal-politika

Ħafna mill-miżuri proposti jistgħu jiġu implimentati permezz ta’ liġi mhux vinkolanti (Għażla I) u/jew emendi mmirati (Għażla II). Xi miżuri jmorru lil hinn mill-qafas ġuridiku attwali u jkunu jeħtieġu reviżjoni fundamentali tad-Direttiva attwali (Għażla III).

L-Għażla I: Implimentazzjoni mtejba u aktar gwida

Din l-għażla tqis sett ta’ proposti li jsaħħu l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju eżistenti mingħajr ma jemendaw id-Direttiva. Din tibni fuq il-ħidma li qed issir fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali biex id-Direttiva tiġi implimentata attivament. Din tmur pass lil hinn mill-għażla tal-ebda tibdil, għax tipproponi liġi mhux vinkolanti u gwida li jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni u jistgħu jinkoraġġixxu l-użu ta’ miżuri volontarji li għadhom ma ġewx esplorati mill-Istati Membri.

L-Għażla II: Implimentazzjoni mtejba, inkluż emendi mmirati għat-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet attwali

Din l-għażla tinkludi l-proposti tal-Għażla I, imma tmur lil hinn u teħtieġ emendi mmirati tal-EPBD attwali biex tindirizza l-fatturi li jikkawżaw il-problemi b’mod aktar estensiv. Madankollu, kuntrarju għall-Għażla III, din l-għażla tibqa’ f’konformità mal-qafas tal-EPBD attwali, b’informazzjoni aħjar ipprovduta lill-utenti finali u rekwiżiti minimi tar-rendimenti adegwati li jevitaw intervent subottimali fuq il-bini.

L-Għażla III: Implimentazzjoni mtejba b’aktar armonizzazzjoni u livell ogħla ta’ ambizzjoni

Din l-għażla ta’ politika hija l-aktar waħda ambizzjuża, u se tmur lil hinn mill-approċċ attwali tal-EPBD, b’obbligu għal sid il-bini biex jirrinnovaw il-bini tagħhom.

Il-paragunar tat-tliet għażliet ta’ politika wassal għall-konklużjonijiet li ġejjin:

L-Għażla I tiffoka fuq infurzar kontinwu tal-EPBD attwali, filwaqt li tappoġġja lill-Istati Membri billi tipprovdi gwida u appoġġ. Il-kapaċità li jiġu indirizzati possibbiltajiet għal titjib identifikati fir-rapport tal-evalwazzjoni u fil-konsultazzjoni pubblika biex tissaħħaħ aktar it-tneħħija ta’ ostakoli għall-effiċjenza fl-enerġija fil-bini mhix se tiġi ssodisfata.

L-Għażla III tinkludi miżuri ambizzjużi għal żieda fir-rata ta’ rinnovazzjoni u għalhekk l-impatt li jirriżulta huwa wieħed għoli ħafna. Din tintroduċi tibdil sinifikanti fis-settur tal-bini, b’mod partikolari billi tagħmel obbligatorja r-rinnovazzjoni ta’ eluf ta’ bini. Madankollu, din il-miżura tqajjem xi kwistjonijiet bħal investiment obbligatorju, li jista’ ma jitqiesx kosteffikaċi minn perspettiva finanzjarja. Tqajjem ukoll tħassib prattiku (eż. aktar armonizzazzjoni tal-metodoloġiji tal-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew tal-EPCs) u tista’ titqies li ma tirrispettax bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà (eż. obbligi li jiġi rinnovat bini meta tinbidel is-sjieda jew il-kirja, appoġġ finanzjarju pubbliku għal rinnovazzjoni tal-bini termali obbligatorja u taħriġ obbligatorju għall-bennejja u l-installaturi).

L-Għażla II hija l-għażla preferuta għaliex hija allinjata l-aħjar mal-eżitu u s-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-EPBD u tal-qafas eżistenti. Din l-għażla tintroduċi titjib sinifikanti u simplifikazzjonijiet għall-EPBD u għall-qafas regolatorju globali u għandha ttejjeb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija permezz ta’ emendi mmirati filwaqt li tippermetti livell għoli ta’ flessibbiltà għall-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, kif ġej:

Din l-għażla tippermetti ż-żamma tal-iskop prudenti eżistenti li fuqu hija bbażata l-azzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza tal-bini filwaqt li tiżgura s-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-kosteffikaċja u tħalli flessibbiltà sinifikanti għall-Istati Membri.

Din tippreserva l-għanijiet prinċipali, il-prinċipji u l-arkitettura globali tad-Direttiva li qed taħdem sew u li hija appoġġjata minn partijiet interessati, inkluż Stati Membri.

Tinkludi biss emendi mmirati, li jippermettu l-implimentazzjoni kontinwa ta’ dispożizzjonijiet ewlenin fid-Direttiva attwali li diġà qed jitwettqu u huma kosteffikaċi.

Din toħloq bilanċ bejn il-gwida u r-reviżjonijiet ġuridiċi limitati li jintroduċu dispożizzjonijiet iffukati ġodda biex jindirizzaw b’mod partikolari l-bini eżistenti u r-rabta mal-finanzjament.

B’segwitu għall-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi u billi tibni fuq l-eżempju ewlieni ta’ xi Stati Membri, l-għażla preferuta tipproponi wkoll miżura ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-elettromobbiltà u tikkontribwixxi aktar għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija.

L-impatti stmati huma dawn li ġejjin:

Impatt ekonomiku: impatt kemxejn pożittiv fuq it-tkabbir, immexxi mill-investiment żejjed fl-effiċjenza fl-enerġija u tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-enerġija, spinta fil-kostruzzjoni u l-inġinerija li huma relatati ħafna ma’ investiment addizzjonali, impatti pożittivi fuq is-settur tal-iżolament u tal-ħġieġ ċatt u investiment fir-rinnovazzjoni tal-bini li huwa ta’ benefiċċju b’mod speċjali għall-SMEs.

Impatt soċjali: lmpatt fuq l-impjiegi għandu jsegwi xejra simili għall-PDG, minkejja li fuq skala iżgħar. It-titjib fil-klima ta’ ġewwa għandu jnaqqas b’mod sinifikanti l-mortalità, il-morbidità, u l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa. Impatt pożittiv moderat huwa mistenni fuq il-faqar enerġetiku.

Impatt ambjentali: l-emissjonijiet ta’ gass serra jonqsu ftit fl-Istati Membri kollha.

   Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Meħudin flimkien, il-miżuri tal-għażla ta’ politika preferuta għandhom inaqqsu l-piż amministrattiv tal-EPBD b’EUR 98.1 miljun fis-sena. Il-kalkolu tal-impatt fuq il-piż amministrattiv għall-għażla preferuta jinsab fl-Anness 9 għall-Valutazzjoni tal-impatt.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

   Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Din il-proposta ma tagħmel l-ebda bidla fl-obbligi tar-rapportar attwali tal-Istati Membri. Il-proposta leġiżlattiva dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija se tiżgura li se tiġi implimentata sistema trasparenti u affidabbli ta’ ppjanar, rapportar u monitoraġġ, ibbażata fuq pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima u rapporti simplifikati dwar il-progress mill-Istati Membri, li b’mod regolari jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali f’termini tal-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija. Dan għandu jħaffef il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri imma xorta jippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress tal-Istati Membri lejn il-miri tagħhom tal-effiċjenza fl-enerġija u l-mira globali tal-UE.

Il-proposta tintroduċi obbligi ġodda li se jiġu mmonitorjati taħt id-dekarbonizzazzjoni tal-bini, ir-rinnovazzjoni tal-bini, is-sistemi tekniċi użati fil-bini, l-inċentivi finanzjarji u l-ostakoli tas-suq, filwaqt li se tissimplifika l-obbligi għal bini ġdid, fuq spezzjonijiet u rapporti għas-sistemi ta’ tisħin u l-arja kkundizzjonata.

   Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta għal Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija għandha l-għan li tnaqqas u tissemplifika l-obbligi tar-rappurtar u tal-ippjanar tal-Istati Membri u kif ukoll l-obbligi tal-monitoraġġ tal-Kummissjoni. Il-proposta dwar il-Governanza se tistabbilixxi wkoll proċess repetittiv bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex b’mod kollettiv jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-pjanijiet u r-rapporti meħtieġa skont il-proposta dwar il-Governanza għandhom jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta u timmonitorja l-progress tal-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet tad-Direttiva.

Id-Direttiva hija emendata kif ġej:

id-definizzjoni ta’ sistemi tekniċi użati fil-bini skont l-Artikolu 2(3) qed tiġi estiża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq is-sit u għall-infrastruttura fuq is-sit għall-elettromobbiltà;

l-Artikolu 4 attwali tal-EED dwar ir-rinnovazzjoni tal-bini jitmexxa għal din id-Direttiva għal konsistenza akbar , u barra minn hekk se jkun jikkunsidra wkoll il-kwistjonijiet tal-faqar fl-enerġija, l- appoġġ għal finanzjament intelliġenti tar-rinnovazzjonijiet fil-biniu viżjoni għad-dekarbonizzazzjoni tal-bini sal-2050, bi stadji importanti speċifiċi għall-2030. L-istrateġiji tar-rinnovazzjoni tal-bini fuq terminu ta' żmien twil se jsiru parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima (u jkunu annessi magħhom) u se jiġu nnotifikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2019 għall-perjodu ta’ wara l-2020 skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. L-istrateġija se tkopri r-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali tal-bini residenzjali u mhux residenzjali;

L-Artikolu 6 dwar il-bini ġdid qed jiġi ssimplifikat billi jiġi limitat għad-dispożizzjoni identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt bħala l-aktar utli, jiġifieri l-obbligu ġenerali għal bini ġdid biex jilħaq ir-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Dispożizzjonijiet oħra li kienu aktar ta’ piż qed jitħassru;

L-Artikolu 8 qed jiġi aġġornat biex iqis id-definizzjoni riveduta ta’ sistemi tekniċi użati fil-bini. Paragrafu ġdid jintroduċi rekwiżiti dwar:

(a)l-infrastruttura għall-elettromobbiltà; bini mhux residenzjali ġdid li jkollu aktar minn għaxar spazji ta’ parkeġġ, u bini mhux residenzjali li qed jiġi rinnovat b'mod estensiv u li jkollu li jkollu aktar minn għaxar spazji ta’ parkeġġ se jkollhom jgħammru spazju tal-parkeġġ wieħed minn kull għaxra għall-elettromobbiltà. Dan se japplika għal kull bini mhux residenzjali li jkollu aktar minn għaxar spazji ta’ parkeġġ mill-2025, inkluż bini li fih l-installazzjoni ta’ punti ta’ ċċarġjar hija mfittxa taħt l-akkwist pubbliku. Fil-bini residenzjali mibni ġdid li jkollu aktar minn għaxar spazji ta’ parkeġġ, u fil-bini li qed jiġi rinnovat b'mod estensiv se jkollhom jingħaddew il-wajers għall-iċċarġjar elettriku. L-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu li jeżentaw bini li jkun proprjetà tal-SMEs jew li jkun okkupat minnhom, kif ukoll bini pubbliku kopert bid-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi 7 ;

(b)ir-rinfuzar tal-użu tal-monitoraġġ, tal-awtomatizzajoni u tal-kontroll elettroniċi tal-bini, sabiex jiġu ssimplifikati l-ispezzjonijiet; kif ukoll

(c)l-introduzzjoni ta’ “indikatur tal-intelliġenza” li jikklassifika kemm hu lest il-bini biex jadatta l-operazzjoni tiegħu għall-ħtiġijiet tal-okkupant u tal-grilja, u biex itejjeb ir-rendiment tiegħu.

L-Artikolu 10 huwa aġġornat biex jinkludi żewġ dispożizzjonijiet ġodda dwar l-użu tal-EPCs biex jiġi vvalutat l-iffrankar mir-rinnovazzjoni ffinanzjati mill-appoġġ pubbliku billi jitqabblu l-EPCs qabel ir-rinnovazzjoni u warajha; u kif ukoll il-bini pubbliku b'superfiċe akbar minn ċertu limitu għandu jiżvela ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tiegħu;

L-Artikoli 14 u 15 dwar l-ispezzjonijiet jiġu ssemplifikati, filwaqt li approċċi aktar effettivi għall-ispezzjonijiet regolari jiġu implimentati bl-Artikoli 14 u 15 kif aġġornati u jistgħu jintużaw biex jiżguraw li r-rendiment tal-bini jinżamm u/jew jitjieb; kif ukoll

l-Anness I huwa aġġornat biex itejjeb it-trasparenza u l-konsistenza tal-mod li bih jiġi ddeterminat ir-rendiment fl-użu tal-enerġija fuq livell nazzjonali jew reġjonali u biex iqis l-importanza tal-ambjent ta’ ġewwa.

2016/0381 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 8 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 9 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Unjoni hija impenjata għal sistema tal-enerġija sostenibbli, kompetittiva, sigura, u dekarbonizzata. L-Unjoni tal-Enerġija u l-Qafas ta’ Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030 jistabbilixxu impenji ambizzjużi għall-Unjoni biex tkompli tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gass serra ( ta’ mill-anqas 40 % sal-2030 meta mqabbel mal-1990), biex iżżid il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata (b’mill-anqas 27 %) u biex isir iffrankar enerġetiku ta’ mill-anqas 27 %, b’reviżjoni ta’ dan il-livell billi tqis il-livell tal-Unjoni ta’ 30 % 10 , u biex ittejjeb is-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-Ewropa.

(2)Biex dawn l-għanijiet jinkisbu, ir-rieżami tal-2016 tal-leġiżlazzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija jlaqqa' flimkien: (i) valutazzjoni mill-ġdid tal-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE għall-2030 kif meħtieġ mill-Kunsill Ewropew fl-2014; (ii) rieżami tal-artikoli ewlenin tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; (iii) rinfurzar tal-ambjent finanzjarju favorevoli fosthom il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li fl-aħħar mill-aħħar se jtejjeb il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija fis-suq.

(3)L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 jirrikjedi lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017 fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-progress magħmul matul l-applikazzjoni tagħha, u, jekk ikun hemm il-bżonn, biex tagħmel proposti.

(4)Bi tħejjija għal din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni ħadet sensiela ta’ passi biex tiġbor evidenza dwar kif id-Direttiva 2010/31/UE ġiet implimentata fl-Istati Membri, bil-fokus fuq dak li jaħdem u fuq dak li jista’ jittejjeb.

(5)L-eżitu tal-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt indikaw li jeħtieġu li jsiru sensiela ta’ emendi biex isaħħu d-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 2010/31/UE u biex jissimplifikaw ċerti aspetti.

(6)L-Unjoni hija impenjata biex tiżviluppa sistema tal-enerġija sigura, kompetittiva u dekarbonizzata sal-2050 12 . Biex jintlaħaq dan l-għan, l-Istati Membri u l-investituri jeħtieġu stadji importanti biex jiżguraw li l-bini jiġi dekarbonizzat sal-2050. Sabiex tkun żgurata din id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini sal-2050, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-passi intermedjarji li jridu jsiru biex jinkisbu l-għanijiet ta' nofs it-terminu (2030) u tat-terminu twil (2050).

(7)Id-dispożizzjonijiet dwar strateġiji tar-rinnovazzjoni fit-tul stipulati fid-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 għandhom jitmexxew għad-Direttiva2010/31/UE, għax jidħlu b’mod aktar koerenti fiha.

(8)L-aġendi tas-Suq Uniku Diġitali u tal-Unjoni tal-Enerġija għandhom ikunu allinjati u jservu għanijiet komuni. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija qed tbiddel b’ħeffa x-xenarju tal-enerġija, mill-integrazzjoni tar-rinnovabbli għal grilji intelliġenti u bini intelliġenti lest. Sabiex jiġi diġitalizzat is-settur tal-bini, jenħtieġ li jkunu pprovduti inċentivi mmirati biex jippromwovu sistemi intelliġenti lesti u soluzzjonijiet diġitali fl-ambjent mibni.

(9)Sabiex din id-Direttiva tiġi adattata għall-progress tekniku, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tissupplimentah billi tiddefinixxi l-indikatur tal-intellġienza u tippermetti l-implimentazzjoni tiegħu. L-indikatur tal-intelliġenza għandu jintuża biex ikejjel il-kapaċità tal-bini li juża l-ICT u sistemi elettroniċi biex jottimizza l-operazzjoni u li jinteraġixxi mal-grilja. L-indikatur tal-intelliġenza għandu jqajjem kuxjenza fost is-sidien tal-bini u l-okkupanti tiegħu dwar il-valur tal-awtomatizzazzjoni tal-bini u l-monitoraġġ elettroniku tasistemi tekniċi użati fil-bini u għandu jagħti kunfidenza lill-okkupant dwar l-iffrankar effettiv ta’ dawn il-funzjonalitajiet imtejba ġodda.

(10)L-innovazzjoni u t-teknoloġija l-ġdida jagħmluha possibbli wkoll li l-bini jappoġġja d-dekarbonizzazzjoni ġenerali tal-ekonomija. Pereżempju, il-bini jista’ jixpruna l-iżvilupp tal-infrastruttura neċessarja għall-iċċarġjar intelliġenti ta’ vetturi elettriċi u anke jipprovdi l-bażi għall-Istati Membri, jekk huma jagħżlu, li jużaw batteriji tal-karozzi bħala sors ta’ enerġija. Biex tirrifletti dan il-għan, jenħtieġ li d-definizzjoni tas-sistemi tekniċi użati fil-bini tiġi estiża.

(11)Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat żewġ settijiet eżistenti ta’ dispożizzjonijiet, li l-għan tagħhom jista’ jintlaħaq b’mod aktar effiċjenti meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali. L-ewwel nett l-obbligu, qabel ma tinbeda kwalunkwe kostruzzjoni, li jitwettaq studju ta’ fattibilità dwar sistemi alternattivi ta’ effiċjenza jsir piż żejjed. It-tieni nett, instab li d-dispożizzjonijiet relatati ma’ spezzjonijiet tas-sistemi ta’ tisħin u sistemi ta’ arja kkundizzjonata ma jiżgurawx biżżejjed u b’mod effiċjenti, il-prestazzjoni tal-bidu u miżmuma ta’ dawn is-sistemi tekniċi. Anki soluzzjonijiet tekniċi irħas b’perjodi ta’ ħlas qosra ħafna, bħall-ibbilanċjar idrawliku tas-sistema ta’ tisħin u installazzjoni /sostituzzjoni ta’ valvi ta’ kontroll termostatiċi, mhumiex meqjusa biżżejjed illum il-ġurnata. Id-dispożizzjonijiet relatati ma’ spezzjonijiet huma emendati biex jiżguraw riżultat aħjar mill-ispezzjonijiet.

(12)B’mod partikolari għal installazzjonijiet kbar, l-awtomatizzazzjoni tal-bini u l-monitoraġġ elettroniku tas-sistemi tekniċi użati fil-bini wrew li huma sostituzzjoni effettiva għall-ispezzjonijiet. L-installazzjoni ta' tagħmir bħal dan għandha titqies bħala l-iktar alternattiva kosteffettiva għall-ispezzjonijiet f’bini kbir mhux residenzjali u bini b’ħafna familji ta’ daqs suffiċjenti li jwassal biex dan it-tagħmir jitħallas f’inqas minn tliet snin. Għaldaqstant, il-possibbiltà attwali li jintgħażlu miżuri alternattivi titħassar. Għal installazzjonijiet ta’ skala żgħira, id-dokumentazzjoni dwar ir-rendiment tas-sistema mill-installaturi u r-reġistrazzjoni ta’ din l-informazzjoni fil-bażijiet tad-dejta dwar iċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija se jappoġġaw il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti għas-sistemi tekniċi kollha li jintużaw tal-bini u se jsaħħu r-rwol taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Barra minn hekk, l-ispezzjonijiet regolari eżistenti tas-sikurezza u x-xogħol ta’ manutenzjoni programmat se jibqgħu opportunità biex jingħata parir dirett dwar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija.

(13)Biex jiġi żgurat l-aħjar użu tagħhom fir-rinnovazzjoni tal-bini, il-miżuri finanzjarji relatati mal-effiċjenza fl-enerġija għandhom ikunu marbuta mal-profondità tar-rinnovazzjoni, li għandha tiġi vvalutata billi jitqabblu ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPCs) maħruġa qabel u wara r-rinnovazzjoni.

(14)L-aċċess għall-finanzjament huwa aktar faċli meta linformazzjoni ta’ kwalità tajba hija aċċessibbli. Il-bini pubbliku b’erja totali utli tal-art ta’ aktar minn 250m² għalhekk jenħtieġ li jintalab jiżvela l-konsum reali tal-enerġija tiegħu.

(15)Is-sistemi attwali u indipendenti tal-kontroll għall-EPCs għandhom jissaħħu sabiex jiżguraw li ċ-ċertifikati jkunu ta’ kwalità tajba, li jistgħu jintużaw għall-kontroll tal-konformità u għall-produzzjoni ta’ statistika dwar l-istokkijiet tal-bini reġjonali/nazzjonali. Dejta ta’ kwalità għolja dwar listokk tal-bini hija meħtieġa u din tista’ tiġi ġġenerata parzjalment minn reġistri u bażijiet tad-dejta li kważi l-Istati Membri kollha attwalment qed jiżviluppaw u jimmaniġġjaw għall-ECPs.

(16)Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar l-effiċjenza fl-enerġija għall-bini, it-trasparenza tal-EPCs għandha tittejjeb billi jiġi żgurat li l-parametri neċessarji kollha għall-kalkoli kemm għaċ-ċertifikazzjoni kif ukoll għar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jiġu stabbiliti u applikati b’mod konsistenti. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri adegwati biex jiżguraw, pereżempju, li r-rendiment ta’ sistemi tekniċi użati fil-bini installati, mibdula, jew imtejba jiġi ddokumentat fid-dawl taċ-ċertifikazzjoni tal-bini u l-verifika tal-konformità.

(17)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1318 tad-29 ta’ Lulju 2016 dwar bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero ppreżentat kif l-implimentazzjoni tad-Direttiva tista’ simultanjament tiżgura t-trasformazzjoni tal-istokk tal-bini u ċ-ċaqliq lejn provvista ta’ enerġija aktar sostenibbli, li tappoġġja wkoll l-istrateġija ta’ tisħin u tkessiħ 14 . Biex jiġi żgurat li ssir implimentazzjoni xierqa, il-qafas ġenerali għall-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jenħtieġ li jiġi aġġornat bl-appoġġ tal-ħidma elaborata mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), skont il-Mandat M/480 li kien mogħti mill-Kummissjoni Ewropea.

(18)Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx iwaqqfu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu rekwiżiti iktar ambizzjużi dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-livell tal-bini u għall-elementi tal-bini, diment li dawn il-miżuri jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Huwa konsistenti mal-objettivi ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva 2012/27/KE li dawn ir-rekwiżiti jistgħu, f’ċertu ċirkostanzi, jillimitaw l-installazzjoni jew l-użu ta’ prodotti soġġetti għal leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni applikabbli oħra tal-Unjoni, diment li rekwiżiti bħal dawn ma jikkostitwixxux ostaklu mhux ġustifikat għas-suq.

(19)L-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-enerġija meħtieġa biex tintlaħaq id-domanda għall-enerġija assoċjata mal-użu tipiku fil-bini, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri jekk dawn jaġixxu waħedhom. L-għanijiet tad-Direttiva jistgħu jkunu garantiti b’mod effettiv permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni billi dan jiggarantixxi l-konsistenza tal-għanijiet komuni, fehim u jiggarantixxi wkoll spinta politika. Għaldaqstant, l-Unjoni tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat ukoll f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(20)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 15 , l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(21)Id-Direttiva 2010/31/UE għalhekk tenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2010/31/UE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 2, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.    “sistema teknika użata fil-bini” tfisser tagħmir tekniku li jipprovdi għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-ventilazzjoni, għall-ilma sħun domestiku, għad-dawl built-in, għall-awtomatizzazzjoni u l-kontroll tal-bini, għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq is-sit, għall-infrastruttura fuq is-sit għallelettromobbiltà, jew għal kumbinazzjoni ta’ dawn is-sistemi, inkluż dawk li jużaw l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ta’ bini jew unità ta’ bini;”;

(2)Wara l-Artikolu 2, jiddaħħal l-Artikolu 2a “L-istrateġija tar-rinovazzjoni fit-tul”, ippreżentata f’konformità mal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima tar-Regolament (UE) XX/20XX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija]:

(a)l-ewwel paragrafu jikkonsisti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija 16 , għajr l-aħħar subparagrafu tiegħu;

(b)jiddaħħlu l-paragrafi 2 u 3 li ġejjin:

“2.    Fl-istrateġija dwar ir-rinnovazzjoni fit-tul tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjan direzzjonali bi stadji importanti u miżuri ċari biex iwettqu l-għan fit-tul tal-2050 li jiddekarbonizzaw l-istokk tal-bini nazzjonali tagħhom bi stadji importanti speċifiċi għall-2030.

Barra minn hekk, l-istrateġija dwar ir-rinnovazzjoni fit-tul għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku.

3.    Bħala gwida għad-deċiżjonijiet ta’ investiment kif imsemmi fil-punt (d) fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jintroduċu mekkaniżmi:

(a)għall-aggregazzjoni ta’ proġetti biex jagħmluha aktar faċli għall-investituri li jiffinanzjaw ir-rinnovazzjonijiet imsemmija fil-punti (b) u (c) fil-paragrafu 1;

(b)għat-tneħħija ta’ riskji mill-operazzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija għall-investituri u għas-settur privat; kif ukoll

(c)għall-użu tal-finanzi pubbliċi biex jiksbu l-investiment addizzjonali mis-settur privat jew jindirizzaw nuqqasijiet speċifiċi tas-suq.”;

(3)L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu jitħassar;

(b)il-paragrafi 2 u 3 jitħassru;

(4)fl-Artikolu 7, il-ħames subparagrafu jitħassar;

(5)L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu jitħassar;

(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-bini mhux residenzjali ġdid kollu u fil-bini mhux residenzjali eżistenti li qed jiġi rinnovat b'mod estensiv li jkollu aktar minn għaxar spazji ta’ parkeġġ, tal-inqas spazju wieħed minn kull għaxra jkun mgħammar b’punt tal-iċċarġjar fit-tifsira tad-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi 17 u jkun kapaċi jibda u jwaqqaf l-iċċarġjar b’reazzjoni għas-sinjali tal-prezzijiet. Dan ir-rekwiżit għandu japplika għal kull bini mhux residenzjali, b’aktar minn għaxar spazji ta’ parkeġġ, mill-1 ta’ Jannar 2025.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu jew japplikaw ir-rekwiżiti msemmija fis-subparagrafu preċedenti għal bini li jkun proprjetà ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jew għal bini li jkun okkupat minnhom kif iddefinit fit-Titolu I tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003.

3. L-Istati Membri għandhom jiżurgaw li fil-bini residenzjali mibni ġdid u fil-bini li qed jiġi rinnovat b’mod estensiv, li jkollhom aktar minn għaxar spazji ta’ parkeġġ, jingħaddew il-wajers li jippermettu l-installazzjoni tal-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi għal kull spazju ta’ parkeġġ.

4. L-Istati membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux jew li ma japplikawx ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 fil-bini pubbliku li diġà huwa kopert bid-Direttiva 2014/94/UE.”;

(c)jiżdiedu l-paragrafi 5 sa 6 li ġejjin:

“5.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tiġi installata, sostitwita jew imtejba sistema teknika użata fil-bini, ir-rendiment globali fl-użu tal-enerġija tas-sistema kompluta mibdula, jiġi vvalutat, dokumentat u mgħoddi lil sid il-bini sabiex jibqa’ disponibbli għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti skont il-paragrafu 1 u l-ħruġ ta' ċertifikati ter-rendiment fl-użu tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni tiġi inkluża fil-bażi tad-dejta nazzjonali taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 18(3).

6.    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 li jissupplimenta din id-Direttiva permezz ta’ definizzjoni ta’ “indikatur tal-intelliġenza”, u bil-kundizzjonijiet li skonthom “l-indikatur tal-intelliġenza” jkun provdut bħala informazzjoni addizzjonali lil kerrejja jew xerrejja prospettivi ġodda.

L-indikatur intelliġenti għandu jkopri l-karatteristiċi tal-flessibbiltà, il-funzjonalitajiet u l-kapaċitajiet imtejba li jirriżultaw minn apparat intelliġenti aktar interkonness u integrat li jiġi integrat fis-sistemi tekniċi konvenzjonali użati fil-bini. Dawn il-karatteristiċi għandhom isaħħu l-kapaċità talokkupanti u tal-bini nnifsu li jirreaġixxu għar-rekwiżiti tal-kumdità jew operazzjonali, jieħdu sehem fir-rispons għad-domanda, u jikkontribwixxu għall-operazzjoni ottima, bla xkiel u sikura tas-sistemi tal-enerġija varji u l-infrastrutturi distrettwali li magħhom huwa marbut il-bini.”;

(6)L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.    L-Istati Membri għandhom jorbtu l-miżuri finanzjarji għat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fir-rinnovazzjoni tal-bini mal-iffrankar tal-enerġija miksub bis-saħħa ta’ din ir-rinnovazzjoni. Dan l-iffrankar għandu jiġi ddeterminat bit-tqabbil taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġa qabel jew wara r-rinnovazzjoni.”;

(b)jiddaħħlu l-paragrafi 6a u 6b li ġejjin:

“6a. Meta l-Istati Membri jistabbilixxu bażi tad-dejta għar-reġistrazzjoni tal-EPCs din għandha tippermetti t-traċċar tal-konsum reali tal-enerġija tal-bini kopert, irrispettivament mid-daqs u mill-kategorija tagħhom. Il-bażi tad-dejta għandu jkollha dejta dwar il-konsum reali tal-enerġija ta’ bini viżitat b’mod frekwenti mill-pubbliku b’superfiċje utli ta’ aktar minn 250 m² li għandha tiġi aġġornata b’mod regolari.

6b. Dejta anonima aggregata li tkun konformi mar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE, fuq talba għandha titpoġġa għad-dispożizzjoni , tal-inqas għall-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet ta’ statistika u ta’ riċerka.”;

(7)L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-miżuri neċessarji biex tkun stabbilita spezzjoni regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi li jintużaw għat-tisħin tal-bini, bħall-ġeneratur tas-sħana, is-sistema ta' kontroll u l-pompi għaċ-ċirkolazzjoni għal bini mhux residenzjali b’użu totali ta’ enerġija primarja ta’ aktar minn 250MWh u għal bini residenzjali b’sistemi tekniċi ċentralizzati użati fil-bini ta’ output nominali effettiv kumulattiv ta’ aktar minn 100 kW. Dik l-ispezzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-effiċjenza tal-bojler u tad-daqs tal-bojler imqabbla mar-rekwiżiti tat-tisħin tal-bini. Mhux meħtieġ li terġa' ssir il-valutazzjoni tad-daqs tal-bojler sakemm ma tkun saret ebda bidla għal din is-sistema ta' tisħin jew fir-rigward tar-rekwiżiti ta' tisħin tal-bini sadanittant.”;

(b) il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 jitħassru huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2. Bħala alternattiva għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti biex jiżguraw li bini mhux residenzjali li b'użu ta' enerġija primarja totali ta’ aktar minn 250 MWh fis-sena jiġi mgħammar b’sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini. Dawn is-sistemi għandhom ikunu kapaċi:

(a)b’mod kontinwu jimmonitorjaw, janalizzaw u jaġġustaw l-użu tal-enerġija;

(b)ikejlu l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, jidentifikaw in-nuqqas fl-effiċjenza ta' sistemi tekniċi li jintu'aw fil-bini, u jinformaw lill-persuna responsabbli mill-faċilitajiet jew mill-ġestjoni teknika tal-bini dwar opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza fl-enerġija;

(c)jippermettu l-komunikazzjoni mas-sistemi tekniċi użati fil-bini konnessi u apparati oħra fil-bini u jkunu interoperabbli mas-sistemi tekniċi użati fil-bini għal tipi differenti ta’ teknoloġiji proprjetarji, apparati u manifatturi.

3. Bħala alternattiva għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti li jiżguraw li l-bini residenzjali b’sistemi tekniċi ċentralizzati użati fil-bini ta’ output nominali effettiv kumulattiv ta’ aktar minn 100 kW ikun mgħammar:

(a)b'monitoraġġ elettroniku kontinwu li jkejjel l-effiċjenza tas-sistema u jinformaw lis-sidien jew lill-maniġers tal-bini meta tkun naqset b’mod sinifikanti u meta jkun meħtieġ is-servisjar tas-sistema, u

(b)b'funzjonalitajiet effettivi ta’ kontroll biex jiżguraw il-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni, u l-użu ottimi tal-enerġija.”;

(8)L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji biex tkun stabbilita spezzjoni regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi tal-arja kkundizzjonata għal bini mhux residenzjali b’użu totali ta’ enerġija primarja ta’ aktar minn 250MWh u għal bini residenzjali b’sistemi tekniċi ċentralizzati użati fil-bini ta’ output nominali effettiv kumulattiv ta’ aktar minn 100 kW. L-ispezzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-effiċjenza tal-arja kkundizzjonata u tad-daqs imqabbla mar-rekwiżiti għat-tkessiħ tal-bini. Mhux meħtieġ li terġa' ssir il-valutazzjoni tad-daqs sakemm ma tkun saret ebda bidla għal din is-sistema ta' arja kkundizzjonata jew fir-rigward tar-rekwiżiti ta' tkessiħ tal-bini sadanittant.”;

(b) il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 jitħassru huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2. Bħala alternattiva għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti biex jiżguraw li bini mhux residenzjali li b'użu ta' enerġija primarja totali ta’ aktar minn 250 MWh fis-sena jiġi mgħammar b’sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini. Dawn is-sistemi għandhom ikunu kapaċi:

(a)b’mod kontinwu jimmonitorjaw, janalizzaw u jaġġustaw l-użu tal-enerġija;

(b)ikejlu l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, jidentifikaw in-nuqqas fl-effiċjenza ta' sistemi tekniċi li jintu'aw fil-bini, u jinformaw lill-persuna responsabbli mill-faċilitajiet jew mill-ġestjoni teknika tal-bini dwar opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza fl-enerġija;

(c)jippermettu l-komunikazzjoni mas-sistemi tekniċi użati fil-bini konnessi u apparati oħra fil-bini u jkunu interoperabbli mas-sistemi tekniċi użati fil-bini għal tipi differenti ta’ teknoloġiji proprjetarji, apparati u manifatturi.

3. Bħala alternattiva għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti li jiżguraw li l-bini residenzjali b’sistemi tekniċi ċentralizzati użati fil-bini ta’ output nominali effettiv kumulattiv ta’ aktar minn 100 kW

(a)b'monitoraġġ elettroniku kontinwu li jkejjel l-effiċjenza tas-sistema u jinformaw lis-sidien jew lill-maniġers tal-bini meta tkun naqset b’mod sinifikanti u meta jkun meħtieġ is-servisjar tas-sistema, u

(b)b'funzjonalitajiet effettivi ta’ kontroll biex jiżguraw il-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni, u l-użu ottimi tal-enerġija.”;

(9)fl-Artikolu 19, “2017” tiġi sostitwita b’“2028”;

(10)fl-Artikolu 20(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu informazzjoni lis-sidien u lill-okkupanti tal-bini dwar iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, l-iskop u l-għanijiet tagħhom, dwar modi kosteffikaċi għat-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u, fejn xieraq, dwar l-istrumenti finanzjarji disponibbli biex jitjieb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.”;

(11)l-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Eżerċizzju tad-delega

1. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 5, 8 u 22 hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 5, 8 u 22 għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat ta’ żmien minn [date of the entry into force…].

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5, 8 u 22 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hawnhekk. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4. Qabel l-adozzjoni ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 18 .

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 5, 8 u 22 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(12)L-Artikoli 24 u 25 jitħassru;

(13)L-Annessi huma emendati skont l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Bl-eċċezzjoni tal-aħħar subparagrafu tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija 19 jitħassru.

Artikolu 3

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn XXXX [Please insert the date 12 months following the date of entry into force]. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Energy Renovation: The Trump Card for the New Start for Europe, 2015, JRC
(2) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.
(3) Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Evalwazzjoni tal-EPBD – Rapport sommarju finali, 2015, Il-Kummissjoni Ewropea (miktub minn Ecofys) https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/MJ-02-15-954-EN-N.pdf  
(4) L-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, 2016, Azzjoni Miftiehma EPBD
(5) Prattika tajba fl-effiċjenza fl-enerġija, SWD(2016) 404
(6) http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/cia_2016_en.htm#ener
(7) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1
(8) ĠU C , , p. .
(9) ĠU C , , p. .
(10) EUCO 169/14, CO EUR 13, CONCL 5, Brussell 24 ta’ Ottubru 2014.
(11) Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).
(12) Komunikazzjoni dwar Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, (COM(2011) 885 final).
(13) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttiva 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).
(14) COM(2016) 51 final
(15) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(16) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 13
(17) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1
(18) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1
(19) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 13

Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 765 final

ANNESS

ta'

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

{SWD(2016) 408 final}
{SWD(2016) 409 final}
{SWD(2016) 414 final}
{SWD(2016) 415 final}


ANNESS

ta'

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL


li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

ANNESS

L-Annessi tad-Direttiva huma emendati kif ġej:

1.L-Anness I qed jiġi emendat kif ġej:

(a)il-punt 1 qed jinbidel b'dan li ġej:

"1.    Ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għandu jirrifletti l-użu tipiku tal-enerġija tiegħu għat-tisħin, għat-tkessiħ, għall-ilma sħun domestiku, għall-ventilazzjoni u għad-dawl.

Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini għandu jkun espress b’indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m².y), li jkun armonizzat għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u tal-konformità mar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tiegħu għandhom ikunu trasparenti u miftuħin għall-innovazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-metodoloġija tal-kalkolu nazzjonali tagħhom skont il-qafas tal-anness nazzjonali tal-istandards Ewropej relatati żviluppat skont il-Mandat M/480 mogħti mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).”;

(b)il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

"2.    Il-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tisħin tal-post, għat-tkessiħ tal-post, għall-ilma sħun domestiku u għal ventilazzjoni adegwata għandhom jiġu kkalkulati sabiex ikunu żgurati livelli minimi tas-saħħa u tal-kumdità definiti mill-Istati Membri.

Il-kalkolu tal-enerġija primarja għandu jkun ibbażat fuq fatturi tal-enerġija primarja għal kull trasportatur tal-enerġija, li jistgħu jkunu bbażati fuq medji nazzjonali jew reġjonali annwali ppeżati jew fuq informazzjoni aktar speċifika li titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-sistema individwali distrettwali.

Il-fatturi tal-enerġija primarja għandhom jiskontaw is-sehem tal-enerġija rinnovabbli tat-trasportaturi tal-enerġija ħalli l-kalkoli jittrattaw indaqs: (a) l-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli li tiġi ġġenerata fil-post (wara kull arloġġ indiviwali, jiġifieri li ma titqiesx bħala enerġija fornuta), u (b) l-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli fornuta mit-trasportatur tal-enerġija.’;

(c)fil-punt 4, il-frażi introduttorja qed tinbidel b'dan li ġej:

"4.    Għandha titqies l-influwenza pożittiva tal-aspetti li ġejjin:”;

2.L-Anness II qed jiġi emendat kif ġej:

(a)l-ewwel paragrafu tal-punt 1 qed jinbidel b'dan li ġej:

"1. L-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddelegawlhom ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll indipendenti għandhom jagħmlu għażla aleatorja taċ-ċertifikati kollha tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġin kull sena u jissuġġettawhom għal verifika. Il-kampjun għandu jkun ta’ daqs suffiċjenti biex jiżgura riżultati tal-konformità statistikament sinifikanti.”;

(b)jiżdied il-punt 3:

"3. Meta l-informazzjoni tiddaħħal f’bażi tad-dejta, l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà jidentifikaw l-awtur ta’ din l-entrata, għall-finijiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika.”.