Strasburgu, 8.3.2016

COM(2016) 128 final

2016/0070(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2016) 52 final}
{SWD(2016) 53 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Rieżami mmirat tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema biex ikunu indirizzati prattiċi inġusti filwaqt li jkun promoss il-prinċipju li l-istess xogħol fl-istess post għandu jitħallas bl-istess mod tħabbret mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida Politiċi tagħha u ġiet ikkonfermata mill-istess Kummissjoni fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2016.

L-istazzjonar tal-ħaddiema għandu rwol essenzjali fis-Suq Intern, b’mod partikolari fil-provvediment ta’ servizzi transkonfinali. Id-Direttiva 96/71/KE 1 (minn hawn 'il quddiem: "id-Direttiva') tirregola tliet tipi ta' stazzjonar: il-provvediment dirett ta’ servizzi minn kumpanija b'kuntratt ta’ servizz, l-istazzjonar fil-kuntest ta’ stabbiliment jew impriża li tappartjeni għall-istess grupp ("stazzjonar fl-istess grupp"), u l-istazzjonar permezz tal-ingaġġ ta’ ħaddiema permezz ta’ aġenzija tax-xogħol temporanju stabbilita fi Stat Membru ieħor.

L-UE stabbiliet Suq Intern imsejjes fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, maħsub biex iwassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali (l-Artikolu 3(3) tat-TUE).

It-Trattat jistabbilixxi d-dritt tal-kumpaniji li jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra. It-Trattat jipprevedi illi “ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta' ċittadini ta' Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi” (l-Artikolu 56 TFUE). Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tkun limitata biss minn regoli ġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm dawn ikunu ġustifikati, proporzjonati u applikati b’mod mhux diskriminatorju.

B’kollox, fl-2014 (l-aktar dejta disponibbli riċenti), kien hemm iktar minn 1,9 miljun każ ta' stazzjonar fl-UE (li jirrappreżentaw 0,7 % tal-forza tax-xogħol totali tal-UE), b’żieda ta’ 10,3 % meta mqabbel mal-2013 u b’44,4 % meta mqabbel mal-2010. Din ix-xejra ta’ żieda segwiet xi staġnar tul is-snin 2009 u 2010.

Id-Direttiva tal-1996 tistabbilixxi l-qafas regolatorju tal-UE biex jintlaħaq bilanċ bejn l-għanijiet li jiġi promoss u ffaċilitat il-provvediment transkonfinali tas-servizzi, il-ħarsien tal-ħaddiema stazzjonati u l-iżgurar tal-kundizzjonijiet indaqs bejn il-kompetituri barranin u dawk lokali. Id-Direttiva tistipula “sett prinċipali” ta’ termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-Istat Membru ospitanti li huwa obbligatorju li jiġu applikati minn dawk il-provdituri tas-servizz barranin, li jinkludu (l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva): il-perjodi massimi ta’ xogħol u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ; ir-rati minimi ta’ ħlas, inklużi r-rati tas-sahra; it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa; il-kundizzjonijiet ta' fornitura ta' ħaddiema; is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol; miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta' impjieg ta' nisa tqal jew nisa li għadhom kif welldu reċentement, ta' tfal u ta' żgħażagħ; it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa; u dispożizzjonijiet oħra dwar in-nondiskriminazzjoni.

Id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-2014 2 stipulat strumenti ġodda u msaħħa biex tissielet kontra u twaqqaf evażjonijiet, frodi u abbużi. Id-Direttiva tindirizza l-problemi kkawżati mill-hekk imsejħa “kumpaniji tal-isem” u żżid l-abbiltà tal-Istati Membri li jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet u li jinfurzaw ir-regoli tax-xogħol applikabbli. Fost l-oħrajn, id-Direttiva tinkludi lista ta’ kriterji kwalitattivi li jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ rabta ġenwina bejn l-impjegatur u l-Istat Membru tal-istabbiliment, li tista' tintuża wkoll sabiex ikun determinat jekk persuna taqax taħt id-definizzjoni applikabbli ta’ ħaddiem stazzjonat. Id-Direttiva dwar l-Infurzar tistipula wkoll dispożizzjonijiet biex titjieb il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-istazzjonar. Pereżempju, id-Direttiva tistipula obbligu li jingħataw risposti għal talbiet għal assistenza mill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra fi żmien jumejn tax-xogħol f’każ ta’ talbiet urġenti għal informazzjoni u fi żmien 25 jum f’każijiet mhux urġenti. Barra minn hekk, id-Direttiva telenka miżuri ta’ kontroll nazzjonali li l-Istati Membri jistgħu japplikaw meta jkunu qed jimmonitorjaw il-konformità mal-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati u tirrikjedi li jkunu fis-seħħ verifiki u mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa u effettivi u li l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu spezzjonijiet effettivi u xierqa fit-territorju tagħhom biex jikkontrollaw u jimmonitorjaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet u r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 96/71/KE. L-effetti sħaħ tad-Direttiva għandhom isiru tanġibbli sa minn nofs l-2016, billi l-Istati Membri għandhom sat-18 ta’ Ġunju 2016 biex jittrasponu d-Direttiva.

Din l-inizjattiva ma tindirizza l-ebda kwistjoni trattata mid-Direttiva dwar l-Infurzar. Anzi, l-inizjattiva tiffoka fuq kwistjonijiet li ma kinux indirizzati minn din id-Direttiva u li jappartjenu għall-qafas regolatorju tal-UE stabbilit mid-Direttiva oriġinali tal-1996. Għaldaqstant, ir-rieżami tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u d-Direttiva dwar l-Infurzar jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin.

1.2.Il-konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-Kummissjoni impenjat ruħha li taħdem favur Suq Uniku aktar profond u aktar ġust bħala waħda mill-akbar prijoritajiet tal-mandat tagħha. Il-proposta għal emendi mmirati għad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tintegra u tikkumplimenta d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Infurzar, li għandha tiġi trasposta sat-18 ta’ Ġunju 2016.

Fil-konsultazzjonijiet preparatorji mmexxija mill-Kummissjoni ma’ madwar 300 parti interessata, l-aktar SMEs, 30 % tal-kumpaniji li jipprovdu servizzi transkonfinali rrappurtaw problemi bir-regoli eżistenti dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, bħal rekwiżiti amministrattivi diffiċli, xogħol tal-kitba, miżati u obbligi ta’ reġistrazzjoni. In-nuqqas ta’ ċarezza tar-regoli tas-suq tax-xogħol fil-pajjiż tad-destinazzjoni huwa meqjus ukoll bħala xkiel rilevanti għall-provvediment transkonfinali tas-servizzi, speċjalment fost l-SMEs.

Fl-istess ħin, id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema hija s-sies tal-inizjattivi fis-settur tat-trasport bit-triq imħabbar mill-Kummissjoni fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2016. Dawn il-miżuri se jimmiraw b’mod partikolari biex isaħħu aktar il-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol għall-ħaddiema tat-trasport bit-triq filwaqt li jrawmu l-provvista effiċjenti u ġusta ta’ servizzi tat-trasport bit-triq. Iż-żewġ miljun ħaddiem involuti f’operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali bit-triq regolarment iwettqu xogħol fit-territorju ta’ Stati Membri differenti, matul perjodi qosra ta’ żmien. F’dan il-kuntest, l-inizjattivi li ġejjin fis-settur tat-trasport bit-triq għandhom jikkontribwixxu għal aktar ċarezza u infurzar aħjar tar-regoli applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg fis-settur tat-trasport u jistgħu jindirizzaw l-isfidi speċifiċi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema toħloq f’dan is-settur speċifiku.

Qafas leġiżlattiv modernizzat dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema jikkontribwixxi biex jinħolqu kundizzjonijiet trasparenti u ġusti għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Il-Pjan ta’ Investiment se jagħti spinta addizzjonali għall-provvediment transkonfinali tas-servizzi u b’hekk iwassal għal żieda fid-domanda għal ħaddiema b’ħiliet speċifiċi li għandhom jiġu sodisfati. Peress li proġetti infrastrutturali strateġiċi jitwettqu madwar l-Istati Membri, il-kumpaniji se jeħtieġu ħiliet adatti għall-impjieg, u għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet adegwati għal dik id-domanda li jkunu jridu jiġu sodisfatti bi provvista adegwata bejn il-fruntieri. Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema modernizzata se tikkontribwixxi biex iseħħu investimenti f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux imfixkla u ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema.

Il-pjattaforma tal-UE kontra x-Xogħol mhux Dikjarat tista' tinteraġixxi b’mod pożittiv bil-ħsieb li jiġu indirizzati aspetti frodulenti tal-fenomenu tal-istazzjonar tal-ħaddiema. L-istazzjonar huwa espost għar-riskju li jkun soġġett għal prattiki ta’ xogħol mhux iddikjarat, bħal “ħlas fl-idejn” jew “flus fl-idejn”, fejn parti biss mis-salarju titħallas uffiċjalment, filwaqt li l-bqija jingħata lill-impjegat b’mod mhux uffiċjali, impjieg indipendenti fittizju, u evitar tal-leġislazzjoni rilevanti tal-UE u dik nazzjonali. L-UE żiedet l-azzjoni sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux dikjarat u tkompli taġixxi kontra kumpaniji tal-isem. F’April tal-2014, il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment ta’ Pjattaforma għall-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux dikjarat. Il-Pjattaforma se ġġib flimkien l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri kollha. Din se tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika, tiżviluppa għarfien espert u analiżi, u tappoġġa l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri sabiex ikun miġġieled ix-xogħol mhux dikjarat b’mod aktar effiċjenti u effettiv.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi legali

Din il-proposta temenda d-Direttiva 96/71/KE u għaldaqstant hija bbażata fuq l-istess bażi legali, l-Artikoli 53(1) u 62 tat-TFUE.

2.2.Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Emenda ta' Direttiva eżistenti tista’ tinkiseb biss permezz ta’ Direttiva ġdida.

2.3.Proporzjonalità

Hija każistika stabbilita li restrizzjonijiet għal-libertà li jingħataw servizzi jkunu ammissibbli biss jekk ikunu ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, relatati b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ħaddiema, u għandhom ikunu proporzjonati u meħtieġa.

Din il-proposta tikkonforma ma’ dan ir-rekwiżit billi ma tarmonizzax il-kostijiet tax-xogħol fl-Ewropa u hija limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex ikunu garantiti kundizzjonijiet adattati għall-kostijiet u għall-istandards tal-għajxien tal-Istat Membru ospitanti għat-tul ta’ żmien tal-ingaġġ tal-ħaddiema stazzjonati.

F'suq intern kompetittiv ħafna, il-kompetizzjoni hija bbażata fuq il-kwalità tas-servizz, il-produttività, il-kostijiet (li l-kostijiet tax-xogħol huma parti waħda biss minnhom) u l-innovazzjoni. Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Permezz ta’ ittra konġunta, l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Iżvezja talbu l-appoġġ għall-immodernizzar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema li tistabbilixxi l-prinċipju ta' “ħlas indaqs għall-istess xogħol fl-istess post”. Dawn l-Istati Membri ssuġġerew li d-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk soċjali, speċjalment ir-remunerazzjoni, li huma applikabbli għal ħaddiema stazzjonati għandhom jiġu emendati u mwessgħa; għandu jitqies l-istabbiliment ta’ limitu massimu għall-istazzjonamenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-allinjament tad-dispożizzjonijiet mar-Regolament tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; għandhom jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet applikabbli għas-settur tat-trasport bit-triq; għandha tissaħħaħ l-affidabilità tal-bażi tal-informazzjoni li tinsab fid-Dokumenti Portabbli A1; għandha tittejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali bejn is-servizzi ta’ spezzjoni; u għandu jiġi promoss studju dwar il-firxa u l-impatt tax-xogħol indipendenti fittizju fil-kuntest tal-istazzjonar.

Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovakkja u r-Rumanija, permezz ta’ ittra konġunta, argumentaw li rieżami tad-Direttiva tal-1996 huwa prematur u għandu jiġi pospost għal wara li d-data tal-għeluq tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tkun skadiet u l-effetti tagħha jkunu ġew evalwati u vvalutati bir-reqqa. Dawn l-Istati Membri esprimew tħassib dwar il-fatt li l-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs fl-istess post jista' jkun inkompatibbli mas-Suq Uniku, billi differenzi fir-rati tal-pagi jikkostitwixxu element leġittimu ta’ vantaġġ kompetittiv għall-fornituri tas-servizzi. Barra minn hekk, dawn ħadu l-pożizzjoni li l-ħaddiema stazzjonati għandhom jibqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru minn fejn ikunu ġejjin għall-finijiet tas-sigurtà soċjali u ma għandha tittieħed l-ebda miżura biex ikunu rieżaminati r-rabtiet bejn l-istazzjonar tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali f’dan is-sens. Fl-aħħar nett, huma talbu lill-Kummissjoni biex tqis azzjoni biss sakemm l-evidenza tkun analizzat bir-reqqa fir-rigward tal-isfidi u l-ispeċifiċitajiet ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali.

L-ETUC esprimiet appoġġ għal rieżami biex jiġi żgurat il-prinċipju ta’ trattament indaqs. F’dan il-kuntest, madankollu, l-ETUC talbet lill-Kummissjoni biex jiġi rispettat il-prinċipju tal-awtonomija tas-sħab soċjali li jinnegozjaw il-pagi u l-pluralità tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali nazzjonali, billi tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-elementi kostitwenti ta’ ħlas li għandhom l-effett li jiffavorixxu ftehimiet kollettivi fil-livell tal-kumpanija milli fil-livell tas-settur. Imbagħad, l-ETUC tat parir li l-Kummissjoni tipproponi miżuri dwar ir-rekwiżit ta’ perjodu preċedenti ta’ impjieg fil-pajjiż ta’ oriġini li għandu jkun applikat b'mod speċjali għal ħaddiema stazzjonati temporanji ta' aġenzija, regoli ġodda dwar il-ġlieda kontra x-xogħol indipendenti fittizju, u miżuri ta’ infurzar aħjar, b’mod partikolari spezzjonijiet u forom ta’ sigurtà soċjali aktar affidabbli.

Il-Konfederazzjoni Ewropea tal-Bennejja (EBC), li tirrappreżenta SMEs fis-settur tal-kostruzzjoni, esprimiet l-appoġġ għall-ftuħ mill-ġdid tad-Direttiva tal-1996 f'konformità mal-prinċipju ta' "ħlas indaqs għal xogħol indaqs fl-istess post". It-Trejdjunjin tal-UE tal-Bennejja u l-Mastrudaxxi (EFBWW), il-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Olandiża (FNV), il-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Estonjana u l-Kunsill tat-Trejdjunjins Nordiċi wkoll kienu favur rieżami tad-Direttiva. Anki s-sħab soċjali tal-UE fis-settur tal-kostruzzjoni (FIEC u EFBWW) ħadu pożizzjoni konġunta fejn talbu lill-Kummissjoni biex tivvaluta għadd ta’ kwistjonijiet b'rabta mal-istazzjonar.

BUSINESSEUROPE qieset bħala prijorità l-iżgurar tat-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva dwar l-Infurzar peress li tqis li l-biċċa l-kbira tal-isfidi b'rabta mal-istazzjonar tal-ħaddiema huma relatati mal-infurzar dgħajjef u n-nuqqas ta' kontrolli fl-Istati Membri. BUSINESSEUROPE issuġġeriet ukoll li l-ftuħ mill-ġdid tad-Direttiva jista’ jnaqqas l-attivitajiet ta' stazzjonar minħabba l-inċertezza li n-negozjar joħloq fost il-kumpaniji. Filwaqt li tappoġġa l-miżuri biex tiżdied l-affidabbiltà u t-trasparenza tad-Dokumenti Portabbli, Business Europe qieset li l-prinċipju ta’ “ħlas indaqs għal xogħol indaqs” joħloq indħil mhux xieraq tal-UE fil-proċess tal-iffissar liberu tal-livelli tal-pagi mis-sħab soċjali u jfakkar li kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni huma maħluqa minn korp kbir tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tindirizza għadd ta' aspetti tal-liġi tax-xogħol. Dawn l-argumenti kienu kondiviżi wkoll mir-rappreżentanti tal-impjegaturi fl-industriji tal-metall, tal-inġinerija u tat-teknoloġija (CEEMET), mill-Konfederazzjoni Ewropea tal-Maniġers (CEC). Il-Konfederazzjoni tal-Industrija tar-Repubblika Ċeka u l-Assoċjazzjonijiet tal-Industrija tal-Finlandja, l-Iżvezja, id-Danimarka, l-Iżlanda u n-Norveġja, f’ittra konġunta, esprimew ukoll tħassib dwar l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs fid-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema.

Bl-istess mod, UAEPME ħadet il-pożizzjoni li d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema ma għandhiex tkun modifikata qabel ma t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tkun kompluta u l-effetti tagħha jiġu evalwati.

EUROCIETT, li tirrappreżenta l-industrija tal-ħaddiema temporanji tal-aġenzija, sabet li b'mod ġenerali ma hemmx il-ħtieġa li d-Direttiva tal-1996 terġa' tinfetaħ. Madankollu, Eurociett appoġġat il-prinċipju ta' ħlas indaqs għal xogħol indaqs għal ħaddiema tal-aġenziji stazzjonati u l-applikazzjoni tas-sett sħiħ ta' regoli stipulati fid-Direttiva dwar ix-Xogħol Temporanju tal-Aġenzija għal ħaddiema stazzjonati tal-aġenzija.

4.Ġbir u użu tal-għarfien espert

Intużaw diversi studji, rapporti u artikli tul it-tħejjija ta’ din l-inizjattiva. Ir-referenzi jinsabu fir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja din il-proposta.

5.Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija akkumpanjata minn Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt li janalizza l-fenomenu tal-istazzjonar, jiddeskrivi l-problema tal-qafas legali preżenti, jikkunsidra għażliet ta’ politika differenti biex jindirizzawha u fl-aħħar nett jevalwa l-impatt soċjali u ekonomiku tal-għażliet ta’ politika.

6.Drittijiet fundamentali

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tikkonforma mal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, hija mfassla biex tiżgura konformità sħiħa mal-Artikolu 31 tal-Karta, li jipprevedi li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu/tagħha, u għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perjodi ta’ mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ frank imħallas.

7.Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tal-proposta jintroduċi għadd ta' bidliet fid-Direttiva 96/71/KE.

7.1.Paragrafu 1

Il-paragrafu 1 iżid Artikolu 2bis ġdid mad-Direttiva. Dan l-Artikolu jittratta l-liġi tax-xogħol li għandha tkun applikata għal ħaddiema stazzjonati meta t-tul antiċipat jew effettiv tal-istazzjonar jaqbeż l-24 xahar. Dan huwa mingħajr preġudizzju għat-tul possibli ta’ provvista temporanja ta’ servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li d-distinzjoni bejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà ta' provvediment ta' servizzi fuq bażi temporanja jenħtieġ li ssir fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu mhux biss it-tul iżda wkoll ir-regolarità, il-perjodiċità u l-kontinwità tal-provvista ta’ servizzi.

Il-Paragrafu 1 tal-Artikolu 2bis il-ġdid japplika meta jkun antiċipat li t-tul ta' stazzjonar se jaqbeż l-24 xahar jew meta t-tul effettiv ta' stazzjonar jaqbeż l-24 xahar. Fiż-żewġ każijiet, l-Istat Membru ospitanti huwa meqjus li huwa l-pajjiż fejn ix-xogħol jitwettaq abitwalment. Għaldaqstant, b’applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament Ruma I 3 , il-liġi tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti tapplika għall-kuntratt ta’ impjieg ta’ tali ħaddiema stazzjonati jekk ma titwettaq l-ebda għażla oħra tal-liġi mill-partijiet. Fil-każ li tkun saret għażla differenti, madankollu, din ma tistax twassal biex l-impjegat jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti.

Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkumvenzjoni tar-regoli stipulati fil-paragrafu 1, il-paragrafu 2 jiċċara li, fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddiem rigward l-istess kompitu, il-kalkolu tat-tul ta’ żmien tal-istazzjonar irid iqis it-tul kumulattiv tal-istazzjonar tal-ħaddiema inkwistjoni. Ir-regola tal-paragrafu 1 se tapplika kull meta t-tul akkumulat jaqbeż l-24 xahar iżda, sabiex jiġi rispettat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għall-ħaddiema stazzjonati għal mill-inqas sitt xhur biss.

7.2.Paragrafu 2

Il-paragrafu 2 jintroduċi diversi tibdiliet fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.

Il-punt (a)

Il-punt (a) jissostitwixxi l-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva.

It-test il-ġdid jintroduċi tliet bidliet ewlenin:

ineħħi r-referenza għall-“attivitajiet imsemmija fl-Anness” fit-tieni inċiż;

jissostitwixxi r-referenza għal “rati minimi ta’ ħlas” b’referenza għar-“remunerazzjoni” 4 ;

iżid sottoparagrafu ġdid li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jippubblikaw l-informazzjoni dwar l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni.

L-ewwel bidla tagħmel il-ftehimiet kollettivi applikabbli universalment fit-tifsira tal-Artikolu 3(8) applikabbli għal ħaddiema stazzjonati fis-setturi kollha tal-ekonomija, irrispettivament minn jekk l-attivitajiet jissemmewx fl-anness tad-Direttiva (li bħalissa huwa l-każ għas-settur tal-kostruzzjoni biss).

Huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar ir-remunerazzjoni f'konformità mal-liġi u l-prassi tagħhom. It-tieni emenda timplika li r-regoli dwar ir-remunerazzjoni applikabbli għall-ħaddiema lokali, li joriġinaw mil-liġi jew minn ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(8), ikunu applikabbli wkoll għall-ħaddiema stazzjonati.

Fl-aħħar nett, is-sottoparagrafu l-ġdid jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jippubblikaw fis-sit web imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE l-elementi kostitwenti ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati.

Il-punt (b)

Jiżdied paragrafu ġdid li jittratta sitwazzjonijiet ta’ ktajjen ta’ sottokuntrattar. Din ir-regola l-ġdida tagħti l-fakultà lill-Istati Membri li jobbligaw lill-impriżi li jissottokuntrattaw biss lil impriżi li jagħtu lill-ħaddiema ċerti kundizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni applikabbli għall-kuntrattur, inklużi dawk li jirriżultaw minn ftehimiet kollettivi li ma japplikawx b'mod universali. Dan huwa possibbli biss b’mod proporzjonat u mhux diskriminatorju, u b’hekk b’mod partikolari jenħtieġ li l-istess obbligi jiġu imposti fuq is-sottokuntratturi nazzjonali kollha.

Il-punt (c)

Dan iżid paragrafu ġdid li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva, jiġifieri ħaddiema ingaġġati minn aġenzija temporanja stabbilita fi Stat Membru għajr l-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impriża utenti. Dan il-paragrafu ġdid jikkorrispondi mal-Artikolu 3(9) tad-Direttiva. Dan jispeċifika li l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-aġenziji transkonfinali li jħaddmu l-ħaddiema għandhom ikunu dawk li, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE, huma applikati għal aġenziji nazzjonali li jħaddmu l-ħaddiema. Bil maqlub ta' dak li hemm fl-Artikolu 3(9) tad-Direttiva, dan issa huwa obbligu legali impost fuq l-Istati Membri.

7.3.Paragrafu 3

Il-paragrafu 3 jemenda l-Anness tad-Direttiva wara t-tibdiliet li saru fl-Artikolu 3(1).

2016/0070 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 53(1) u 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvista tas-servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern fl-Unjoni mnaqqxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-implimentazzjoni ta’ dawk il-prinċipji hija żviluppata aktar mill-Unjoni bl-għan li jkunu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema.

(2)Il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi tinkludi d-dritt tal-impriżi li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor, fejn jistgħu jistazzjonaw lill-ħaddiema tagħhom temporanjament sabiex jipprovdu dawk is-servizzi hemmhekk.

(3)Skont l-Artikolu 3 tat-TUE, l-Unjoni għandha tippromwovi l-ġustizzja u l-ħarsien soċjali. L-Artikolu 9 tat-TFUE jagħti lill-Unjoni l-kompitu li tippromwovi livell għoli ta’ impjieg, biex tiggarantixxi ħarsien soċjali xieraq u biex tiġġieled l-esklużjoni soċjali.

(4)Kważi għoxrin sena wara l-adozzjoni tagħha, huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema għadhiex tilħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiġi promossa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati.

(5)Il-prinċipju tat-trattament ugwali u tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, huma mnaqqxa fil-liġi tal-UE sa mit-Trattati fundaturi. Il-prinċipju ta’ paga ugwali ġie implimentat permezz tal-leġiżlazzjoni sekondarja mhux biss bejn in-nisa u l-irġiel, iżda wkoll bejn l-impjegati b’kuntratti b’terminu fiss u ħaddiema permanenti komparabbli, bejn ħaddiema part-time u ħaddiema full-time jew bejn il-ħaddiema temporanji tal-aġenziji u ħaddiema simili tal-impriżi utenti.

(6)Ir-Regolament Ruma I b'mod ġenerali jippermetti lill-impjegaturi u lill-impjegati li jagħżlu l-liġi applikabbli għal kuntratt tax-xogħol. Madankollu, l-impjegat ma għandux jiċċaħħad mill-protezzjoni tar-regoli mandatorji tal-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment iwettaq xogħlu. Fin-nuqqas ta’ għażla, il-kuntratt huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

(7)Ir-Regolament Ruma I jipprevedi li l-pajjiż li fih abitwalment jitwettaq ix-xogħol ma għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor.

(8)Minħabba l-perjodu twil ta’ ċerti ingaġġi ta' stazzjonar, jenħtieġ li jkun previst li, fil-każ ta’ stazzjonament li jdum għal perijodi ta’ aktar minn 24 xahar, l-Istat Membru ospitanti jitqies bħala l-pajjiż li fih jitwettaq ix-xogħol. Għaldaqstant, f’konformità mal-prinċipju tar-Regolament Ruma I, il-liġi tal-Istat Membru ospitanti tapplika għall-kuntratt ta’ impjieg ta’ ħaddiema stazzjonati bħal dawn jekk ma tkun saret l-ebda għażla tal-liġi oħra mill-partijiet. Fil-każ li tkun saret għażla differenti, madankollu, din ma tistax twassal biex l-impjegat jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti. Dan għandu japplika mill-bidu tal-assenjament tal-istazzjonar kull meta jkun maħsub għal aktar minn 24 xahar u mill-ewwel jum wara l-24 xahar meta dan effettivament jeċċedi dan it-tul ta’ żmien. Din ir-regola ma taffettwax id-dritt tal-impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li jinvokaw il-libertà li jipprovdu servizzi anki f’ċirkustanzi fejn l-istazzjonar jaqbeż l-24 xahar. L-għan huwa biss li tinħoloq ċertezza ġuridika fl-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I għal sitwazzjoni speċifika, mingħajr ma dan ir-Regolament jiġi emendat bl-ebda mod. L-impjegat għandu, b’mod partikolari, igawdi l-protezzjoni u l-benefiċċji skont ir-Regolament Ruma I.

(9)Hija każistika stabbilita li restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkun ammissibbli biss jekk tkun ġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jridu jkunu proporzjonati u meħtieġa.

(10)Minħabba n-natura mobbli ħafna tax-xogħol fit-trasport internazzjonali bit-triq, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tqajjem kwistjonijiet u diffikultajiet legali partikolari (speċjalment meta r-rabta mal-Istat Membru inkwistjoni ma tkunx biżżejjed). Ikun l-aktar adatt jekk dawn l-isfidi jiġu indirizzati permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika għas-settur flimkien ma’ inizjattivi oħra tal-UE li għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern tat-trasport bit-triq.

(11)F’suq intern kompetittiv, il-fornituri tas-servizzi jikkompetu mhux biss abbażi tal-kostijiet tax-xogħol iżda wkoll fuq fatturi bħalma huma l-produttività u l-effiċjenza, jew il-kwalità u l-innovazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tagħhom.

(12)Huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar ir-remunerazzjoni f'konformità mal-liġi u l-prassi tagħhom. Madankollu, ir-regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni applikati għall-ħaddiema stazzjonati għandhom ikunu ġustifikati mill-ħtieġa li l-ħaddiema stazzjonati jiġu protetti u ma għandhomx jirrestrinġu b'mod sproporzjonat il-provvediment transkonfinali ta’ servizzi.

(13)L-elementi tar-remunerazzjoni skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi li japplikaw b'mod universali għandhom ikunu ċari u trasparenti għall-fornituri tas-servizzi kollha. Għalhekk huwa ġġustifikat li jkun impost fuq l-Istati Membri l-obbligu li jippubblikaw l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni fuq is-sit elettroniku uniku stipulat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Infurzar.

(14)Liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi jew ftehimiet kollettivi applikabbli fl-Istati Membri jistgħu jiżguraw li l-għoti ta' sottokuntratt ma jagħtix lill-impriżi l-possibbiltà li jevitaw regoli li jiggarantixxu ċerti termini u kundizzjonijiet tal-impjieg li jkopru r-remunerazzjoni. Fejn tali regoli dwar ir-remunerazzjoni jeżistu fil-livell nazzjonali, l-Istat Membru jista' japplikahom b’mod nondiskriminatorju fuq l-impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju tiegħu sakemm ma jirrestrinġux b'mod sproporzjonat il-provvediment transkonfinali tas-servizzi.

(15)Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija tesprimi l-prinċipju li l-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema temporanji ma’ aġenzija għandhom ikunu tal-inqas dawk li kieku japplikaw għal dawn il-ħaddiema kieku kellhom ikunu reklutati mill-impriża utenti biex jokkupaw l-istess impjieg. Dan il-prinċipju għandu japplika wkoll għal ħaddiema temporanji tal-aġenzija stazzjonati fi Stat Membru ieħor.

(16)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 6 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tagħhom ta’ traspożizzjoni b’dokument jew dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. F'dak li għandu x'jaqsam ma' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 96/71/KE

Id-Direttiva 96/71/KE hija emendata kif ġej:

(1)Jiżdied l-Artikolu 2a li ġej:

Artikolu 2a

Stazzjonar li jaqbeż l-24 xahar

1. Meta t-tul antiċipat jew effettiv tal-istazzjonar jaqbeż l-24 xahar, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem għandu jitqies bħala l-pajjiż li fih xogħlu/xogħolha jitwettaq abitwalment.

2. Għall-fini tal-paragrafu 1, fil-każ ta’ bdil ta’ ħaddiema stazzjonati li jwettqu l-istess kompitu fl-istess post, għandu jitqies it-tul kumulattiv tal-perjodi ta’ stazzjonar tal-ħaddiema inkwistjoni, fir-rigward ta' ħaddiema li jiġu stazzjonati għal tul ta' żmien ta’ mill-inqas sitt xhur.

(2)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)Il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

1.L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tagħhom it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg li jkopru l-kwistjonijiet li ġejjin li jkunu stabbiliti fl-Istati Membri fejn jitwettaq ix-xogħol:

skont il-liġi, ir-regolament jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi, u/jew

skont ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati bħala li japplikaw universalment fit-tifsira tal-paragrafu 8:

(a)il-perjodi massimi ta’ xogħol u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ;

(b)il-vaganzi annwali minimi mħallsa;

(c)ir-remunerazzjoni, inklużi r-rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi ta’ pensjoni supplementari għall-irtirar mix-xogħol;

(d)il-kundizzjonijiet għall-ingaġġ ta' ħaddiema, b’mod partikulari l-provvediment ta’ ħaddiema minn impriżi tal-impjieg temporanju;

(e)is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;

(f)miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta' impjieg ta' nisa tqal jew nisa li għadhom kif welldu reċentement, ta' tfal u ta' żgħażagħ;

(g)it-trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar in-nondiskriminazzjoni.

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ir-remunerazzjoni tfisser l-elementi kollha tar-remunerazzjoni magħmula obbligatorji b' liġi, regolament jew disposizzjoni amministrattiva, ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ nazzjonali li kienu ddikjarati universalment applikabbli u/jew, fl-assenza ta’ sistema biex tiddikjara ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ bħala universalmment applikabbli, ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ oħra fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 8, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa stazzjonat.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw fis-sit web nazzjonali uffiċjali uniku msemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE l-elementi kostitwenti ta’ remunerazzjoni f'konformità mal-punt (c).

(b)Jiżdied il-paragrafu li ġej:

1a. Jekk l-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru huma obbligati bil-liġi, b'regolament, b'dispożizzjoni amministrattiva jew bi ftehim kollettiv, li jissottokuntrattaw fil-kuntest tal-obbligi kuntrattwali tagħhom, biss lil impriżi li jiggarantixxu ċerti termini u kundizzjonijiet tal-impjieg li jkopru r-remunerazzjoni, l-Istat Membru jista’, fuq bażi mhux diskriminatorja u proporzjonata, jipprevedi li tali impriżi għandu jkollhom l-istess obbligu fir-rigward tas-sottokuntratti ma’ impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju tiegħu.

(c)Jiżdied il-paragrafu li ġej

1b. L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(3)(c) jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati t-termini u l-kundizzjonijiet li japplikaw skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju b'aġenzija għal ħaddiema temporanji ingaġġati permezz ta' aġenziji temporanji stabbiliti fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol.

(d)Il-paragrafu 9 jitħassar.

(e)It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 10 jitħassar.

(3)L-ewwel paragrafu tal-Anness huwa emendat kif ġej:

L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 jinkludu x-xogħol kollu tal-bini b'rabta mal-kostruzzjoni, it-tiswija, iż-żamma, l-alterazzjoni jew it-twaqqigħ ta’ bini, u b’mod partikolari x-xogħol li ġej:.

Artikolu 2

1.L-Istati Mmebri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa

When Member States adopt those provisions, they shall contain a reference to this Directive or be accompanied by such a reference on the occasion of their official publication. Member States shall determine how such reference is to be made.

2.Member States shall communicate to the Commission the text of the main provisions of national law which they adopt in the field covered by this Directive.

Article 3

This Directive shall enter into force on the [twentieth] day following that of its publication in the Official Journal of the European Union.

Article 4

This Directive is addressed to the Member States.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, ĠU L 18, 21.1.97, p.1.
(2) Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern, ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.
(4) Abbażi tal-każistika tal-Qorti fil-Kawża C-396/13.
(5) ĠU C , , p. .
(6) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.