Brussell, 18.5.2016

COM(2016) 325 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tad-Danimarka

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2016 tad-Danimarka


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tad-Danimarka

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2016 tad-Danimarka

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adotta l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 4 li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew tal-2016 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kienu approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 5 fejn id-Danimarka ma kinetx identifikata bħala waħda mill-Istati Membri li jridu jwettqu analiżi fil-fond.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2016 għad-Danimarka 6 kien ippubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Huwa vvaluta l-progress tad-Danimarka fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress tad-Danimarka lejn il-miri nazzjonali tagħha ta' Ewropa 2020.

(3)Fis-26 ta' April 2016, id-Danimarka ssottomettiet il-programm ta' riforma nazzjonali tal-2016 u l-programm ta' konverġenza tal-2016. Sabiex jiġu kkunsidrati l-interkonnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(4)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn hu meħtieġ l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru biex tanalizza u tipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif se tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni fil-linji gwida fl-applikazzjoni tal-miżuri li torbot l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għal governanza ekonomika soda 7 .

(5)Attwalment id-Danimarka qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-programm ta' konverġenza tiegħu tal-2016, il-gvern qed jippjana titjib fil-bilanċ nominali, li jilħaq baġit ibbilanċjat fl-2020. L-objettiv baġitarju ta' terminu medju - defiċit ta' 0.5 % tal-PDG f'termini strutturali - hu maħsub li jinkiseb fl-2016. Skont il-programm ta' konverġenza, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG hu mistenni li jilħaq 35.1% fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-projezzjonijiet baġitarji hu plawżibbli. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, hu mbassar li d-Danimarka se tkun konformi mal-aġġustament fiskali rrakkomandat fl-2016 u fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta' konverġenza u filwaqt li jqis it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill hu tal-opinjoni li d-Danimarka hi mistennija li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(6)L-iżgurar ta' provvista ta' ħaddiema hekk kif il-popolazzjoni tixjieħ huwa prekundizzjoni għal tkabbir sostenibbli fid-Danimarka. Serje ta' riformi tas-suq tax-xogħol sostanzjali fl-aħħar snin għandhom l-għan b'mod partikolari li jżidu l-inċentivi tax-xogħol u jtejbu l-effiċjenza tal-politika attiva fis-suq tax-xogħol. Dawn ir-riformi jistgħu jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira ta' impjiegi tal-Ewropa 2020 tad-Danimarka u għas-sostenibbiltà tal-mudell tal-protezzjoni soċjali Daniż. Madankollu, il-mira Ewropa 2020 nazzjonali għall-inklużjoni soċjali, li timmira li tnaqqas in-numru ta' nies li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ta' xogħol, hi 'l bogħod biex tintlaħaq. L-inklużjoni tas-suq tax-xogħol u t-titjib tal-impjegabbiltà ta' gruppi żvantaġġati għadhom sfida. Dan japplika b'mod partikolari għal persuni bi sfond ta' migrazzjoni mhux tal-UE, inklużi dawk li għexu għal iktar żmien fid-Danimarka, u żagħżagħ b'livell edukattiv milħuq baxx. Il-miżuri għall-integrazzjoni fl-impjiegi miftiehma fin-negozjati tripartitiċi tal-2016 għandhom itejbu s-sitwazzjoni għal refuġajti u migranti li għadhom jaslu. Madankollu, iridu jittieħdu miżuri ulterjuri biex gruppi emarġinati oħrajn jiġu inklużi fis-suq tax-xogħol b'mod aktar effettiv.

(7)Sabiex jinżamm livell relattivament għoli tal-protezzjoni soċjali pprovduta fid-Danimarka, hu essenzjali li jittejjeb it-tkabbir tal-produttività. Madankollu, it-tkabbir tal-produttività kien daqsxejn kajman fl-aħħar għoxrin sena. Wieħed mill-fatturi li kkontribwew għal dan kien in-nuqqas kontinwu ta' kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi domestiċi, b'mod partikolari bil-bejgħ bl-imnut u l-kostruzzjoni. Għalhekk id-Danimarka teħtieġ li żżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-produttività fis-settur tal-kostruzzjoni billi tneħħi l-ostakli u tiżgura skemi ta' awtorizzazzjoni proporzjonati fejn tali skemi jitqiesu meħtieġa. Teħtieġ ukoll li tnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut, l-aktar fl-implimentazzjoni tar-riformi mniżżla mill-gvern.

(8)Il-livell ta' investiment ġenerali fid-Danimarka ilu baxx minn meta kien hemm tnaqqis qawwi f'investimenti privati matul il-kriżi ekonomika. Dan parzjalment jirrifletti investiment residenzjali baxx wara li nfaqgħet il-bużżieqa immobiljari u l-kapaċità mhux użata fis-settur korporattiv. Spinta fl-investiment għandha tgħin lid-Danimarka biex issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u żżid il-produttività. Ġew identifikati ostakli għall-investiment fis-settur tas-servizzi u fir-riċerka. Is-setturi tal-bejgħ bl-imnut u tal-kostruzzjoni qed jiffaċċjaw ostakli għad-dħul li fil-verità jaffettwaw il-kompetizzjoni u t-tkabbir fil-produttività. Għandhom jissaħħu l-isforzi biex riżultati ta' riċerka universitarja jissarrfu f'innovazzjonijiet ta' negozju.

(9)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tad-Danimarka u ppubblikat din l-analiżi fir-rapportar mill-pajjiżi tal-2016. Indirizzat ukoll il-programm ta' konverġenza u l-programm ta' riforma nazzjonali u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lid-Danimarka fis-snin preċedenti. Ikkunsidrat mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fid-Danimarka iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa għal tisħiħ tal-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea bl-għoti ta' input fuq livell tal-UE f'deċiżjoni nazzjonali fil-futur. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet 1 u 2 hawn taħt.

(10)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza, u l-opinjoni tiegħu 8 hi riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li d-Danimarka tieħu azzjoni fl-2016 u fl-2017 biex:

1.Tirrispetta l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2016 u tikseb aġġustament fiskali annwali ta' 0,25 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju primarju fuq żmien medju fl-2017.

2.Ittejjeb il-produttività u l-investiment tas-settur privat billi żżid il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi domestiċi, b'mod partikolari billi tiffaċilita d-dħul fis-suq tal-bejgħ bl-imnut u l-kostruzzjoni. Tagħti inċentivi għall-kooperazzjoni bejn negozji u universitajiet.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) COM(2016) 325 finali.
(3) P8_TA(2016)0058, P8_TA(2016)0059, u P8_TA(2016)0060.
(4) COM(2015) 690 finali.
(5) COM(2015) 691 finali.
(6) SWD(2016) 74 finali.
(7) COM(2014) 494 finali.
(8) Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.