Brussell, 20.4.2016

COM(2016) 230 draft

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina


1.    Introduzzjoni

L-attakki bil-bombi tat-22 ta' Marzu 2016 fi Brussell għal darba oħra ġibdu l-attenzjoni għar-riskju għas-sigurtà li l-Ewropa qed tiffaċċja mit-terroriżmu. Dan seħħ wara l-atroċitajiet f'Madrid, f'Londra, f'Copenhagen u f'Pariġi bħala tfakkira oħra tal-ħtieġa għal politika ambizzjuża tal-UE dwar is-sigurtà, li tista' tlaħħaq mal-iskala tat-theddid.

Ħidma biex jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà għaċ-ċittadini Ewropej hija objettiv stabbilit mit-Trattati u, kif qal il-President Jean-Claude Juncker fil-Linji Gwida Politiċi tal-15 ta' Lulju 2015 tiegħu, hija wkoll "responsabbiltà komuni Ewropea". F'era fejn it-terroriżmu u kriminalità serja oħra joperaw bejn il-fruntieri, kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom responsabbiltà lejn iċ-ċittadini tagħhom għall-ħolqien ta' żona ta' sigurtà interna fejn l-individwi huma protetti f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali tal-UE. L-Istati Membri għandhom l-ewwel responsabbiltà għas-sigurtà 1 , iżda ma jistgħux jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi tranżnazzjonali meta jaġixxu waħedhom. Huwa għalhekk li fil-livell Ewropew jenħtieġ li nibnu l-għodod, l-infrastruttura u l-ambjent li fihom l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu u qegħdin jaħdmu flimkien b'mod effettiv biex jindirizzaw l-isfidi komuni: Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina fejn id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini jkunu mħarsa sew.

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà pprovdiet qafas ċar għall-UE sabiex taħdem aħjar flimkien fuq is-sigurtà 2 u kienet il-bażi għall-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' strateġija mġedda tas-sigurtà interna 3 . It-terroriżmu huwa waħda mit-tliet prijoritajiet tagħha, flimkien mal-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità. Wara l-attakki fi Brussell, il-Parlament Ewropew, il-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u l-Kummissjoni ltaqgħu flimkien 4 sabiex jenfasizzaw id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu bil-miżuri previsti u li jssaħħu l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għal din ir-raġuni, din il-Komunikazzjoni, sena wara l-preżentazzjoni tal-Aġenda, tieħu kont tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħha rigward il-kontribuzzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

L-Unjoni Ewropea hija mfassla biex tipprovdi żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, mingħajr fruntieri interni għaċ-ċittadini tagħha. Hemm bżonn li l-Ewropej iħossuhom kunfidenti li, kull fejn imorru fl-Ewropa, il-libertà u s-sigurtà tagħhom ikunu protetti sew, f'konformità sħiħa mal-valuri tal-Unjoni, inklużi l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. F'dan ir-rigward, it-Trattati jipprevedu l-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà, fost l-oħrajn permezz ta' miżuri preventivi, u permezz ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-pulizija, l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra 5 . Għal dan l-għan, l-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jmorru lil hinn mill-kunċett li jikkooperaw 6 għall-ħarsien tas-sigurtà interna nazzjonali lejn l-idea tal-ħarsien tas-sigurtà kollettiva tal-Unjoni kollha kemm hi.

Fejn jidħlu l-aktar forom serji ta' kriminalità u terroriżmu, is-sigurtà interna ta' Stat Membru wieħed hija s-sigurtà interna tal-Istati Membri kollha. Kif qal reċentement il-President Juncker fil-Parlament fit-12 ta' April 2016, dan huwa ż-żmien għall-azzjoni. Fil-qasam tas-sigurtà, kif ukoll f'ħafna oqsma oħra fl-Ewropa, il-frammentazzjoni tagħmilna vulnerabbli. L-Ewropa għandha bżonn ta' Unjoni tas-Sigurtà ġenwina. F'Unjoni tas-Sigurtà, uffiċjal tal-pulizija fi Stat Membru wieħed għandu jkollu l-istess rifless li jaqsam informazzjoni rilevanti ma' kollegi barra mill-fruntiera, bħal ma kieku jagħmel mal-uffiċjali sħabu f'pajjiżu. Dan jirrikjedi bidla sostanzjali f'żewġ aspetti. Fil-livell Ewropew, jenħtieġ li jiġu indirizzati b'mod urġenti n-nuqqasijiet, il-frammentazzjoni u l-limitazzjonijiet operazzjonali li għad baqa' tal-għodod tal-iskambju ta' informazzjoni stabbiliti, biex ikun żgurat li l-istrutturi għall-kooperazzjoni jkunu effettivi kemm jista' jkun, u biex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni Ewropea kontra kriminali terroristi u l-attivitajiet tagħhom tkun aġġornata u robusta. Dan huwa meħtieġ sabiex jinħoloq ambjent ta' fiduċja fost l-awtoritajiet nazzjonali u l-għodod ġuridiċi u prattiċi li jippermettulhom li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw sfidi komuni. Il-valur miżjud sħiħ ta' Unjoni tas-Sigurtà effettiva jiddependi b'mod kruċjali fuq l-użu li jsir minn dawn l-għodod u strutturi biex jingħalqu l-lakuni operazzjonali u n-nuqqasijiet ta' intelligence tal-pulizija li jista' jkun hemm fil-futur. Dan jitlob bidla fil-kultura, fil-livell tal-Istati Membri, biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom jakkwistaw id-drawwa ta' kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni sistematiċi, sal-aħħar pulizjott. Sens ta' responsabbiltà komuni, u r-rieda u l-kapaċità li nbiddluh f'azzjoni, huma essenzjali jekk irridu negħlbu l-frammentazzjoni li t-terroristi u l-kriminali jisfruttaw b'mod daqshekk effettiv.

It-twassil tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà diġà jinsab miexi ġmielu 7 . L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE issa jridu jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħha u jiksbu riżultati effettivi mingħajr aktar dewmien. Fl-istess ħin, l-isfidi diversi u mrikkba li l-Ewropa qed tiffaċċja bħalissa, marbuta mal-instabilità fil-viċinat tagħna u forzi globali usa', ifissru li issa wasal iż-żmien li jittieħed kont tat-twettiq tagħha flimkien ma' żviluppi politiċi usa', b'mod partikolari: l-azzjoni li qed tittieħed fil-kuntest tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija u fil-ġlieda kontra Theddid Ibridu. Billi tagħmel dawn ir-rabtiet u tkun koordinata aħjar, l-Unjoni tista' tkun aktar flessibbli, aktar reattiva u aktar imħejjija f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija tas-sigurtà interna mġedda għall-Unjoni Ewropea 2015-2020 8 .

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hu għalhekk doppju. L-ewwel, biex tivvaluta t-twettiq tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà b'rabta ma' kwistjonijiet operattivi speċifiċi u tidentifika fejn hemm xi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. It-tieni, biex tidentifika x'azzjoni għad hemm bżonn biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet u, filwaqt li tibni fuq strumenti eżistenti, tiżviluppa strutturi ta' kooperazzjoni permanenti bejn is-servizzi operazzjonali responsabbli mill-ġlieda kontra t-terroriżmu, sabiex tiġbor flimkien ħidmet il-Europol, il-Eurojust, is-servizzi tal-intelligence, il-forzi tal-pulizija u l-aworitajiet gudizzjarji. Hija tistabbilixxi pjan direzzjonali lejn Unjoni tas-Sigurtà operazzjonali u effettiva li żżid il-kapaċità kollettiva tagħna biex nindirizzaw it-theddida tat-terroriżmu.

2.    Nindirizzaw id-dimensjonijiet kollha tat-theddida tat-terroriżmu

Fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà kienet imfassla biex timplimenta azzjonijiet operazzjonali b'għan speċifiku f'żoni ta' riskju speċifiċi, biex tipprovdi titjib immedjat għall-kapaċitajiet kollettivi tal-UE kontra t-terroriżmu. Minkejja bosta azzjonijiet li diġà nbdew, attakki reċenti wrew xejriet rikorrenti.

F'bosta każijiet, dawn kienu mwettqa minn individwi radikalizzati u magħrufa, sikwit b'esperjenza fil-kriminalità organizzata, li jippreżentaw riskju ta' sigurtà minħabba l-kapaċità tagħhom li jiċċirkolaw bla xkiel fl-Istati Membri u bejniethom jew jirritornaw minn pajjiżi terzi. Dan huwa osservat ukoll meta l-movimenti tagħhom kienu ġew innotifikati fil-bażijiet ta' dejta tal-infurzar tal-liġi jew kienu magħrufa mis-servizzi ta' intelligence. Uħud mill-persuni involuti fl-attakki diġà kienu mfittxija mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u kienu kapaċi jibbenefikaw mis-sostenn loġistiku ta' netwerks lokali, li ppermettielhom li jibqgħu moħbija u jippjanaw l-attakki. L-attakki kienu kkaratterizzati wkoll mill-kapaċità tal-awturi li jimmanifatturaw kwantitajiet kbar ta' splussivi, fuq il-bażi ta' aċċess għal kwantitajiet kbar ta' prekursuri u tagħmir pirotekniku. It-terroristi kellhom ukoll aċċess illegali għal provvista kbira ta' armi u munizzjon ta' kwalità militari. Fl-aħħar nett, l-attakki wrew il-kapaċità ta' dawk li wettquhom sabiex iqiegħdu fil-mira u jattakkaw infrastrutturi kritiċi u spazji pubbliċi kbar fi Stati Membri differenti, minkejja l-miżuri ta' protezzjoni diġà fis-seħħ.

Dawn l-attivitajiet kriminali huma fl-ambitu ta' azzjonijiet għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata diġà identifikati skont l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. Skont il-prijorità tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà ffukat fuq it-theddida ppreżentata minn ġellieda terroristi barranin li jirritornaw, il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u s-sanzjonar tat-terroristi u ta' dawk li jappoġġawhom. Hija ssottolinjat l-importanza li jinqata' l-aċċess tat-terroristi għall-fondi, armi tan-nar u splussivi, li jittejjeb il-ħarsien taċ-ċittadini u tal-infrastrutturi kritiċi, u li tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-ġlieda kontra t-terroriżmu lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Barra minn hekk, enfasizzat l-importanza ta' skambju aħjar ta' informazzjoni biex jiġu segwiti b'mod effettiv persuni involuti f'attivitajiet terroristiċi. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà hija għalhekk essenzjali biex ikun hemm titjib konkret f'dawn l-oqsma.

Dawn l-oqsma ewlenin ta' attenzjoni ssaħħew permezz ta' Pjanijiet ta' Azzjoni adottati f'Diċembru 2015 dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi 9 , fi Frar 2016 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu 10 , kif ukoll fil-Komunikazzjoni tas-6 ta' April 2016 dwar Sistemi ta' Informazzjoni aktar b'Saħħithom u Intelliġenti tal-Fruntieri u s-Sigurtà 11 .

2.1    Nindirizzaw it-theddida kkawżata minn ġellieda terroristi barranin li jirritornaw

Skont studju riċenti 12 , mill-4 000 ġellied barrani maħsuba li ġejjin mill-Istati Membri tal-UE, madwar 30% marru lura lejn pajjiżhom. Ġellieda barranin li rritornaw ġew assoċjati mal-attakki terroristiċi tal-2015 u l-2016. Xi ġellieda barranin se jkunu ngħataw struzzjonijiet biex jirritornaw lejn l-Ewropa biex iwettqu attakki terroristiċi, ixerrdu l-propaganda tad-Daesh u jirradikalizzaw u jirreklutaw oħrajn.

L-ewwel prijorità hija li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu infurmati dwar movimenti ta' ġellieda terroristi barranin, kemm dawk li jkunu ħerġin kif ukoll dawk li jkunu deħlin u li jaqsmu din l-informazzjoni ma' xulxin u mal-aġenziji tal-UE. Il-Kummissjoni pproponiet diversi miżuri, li jenħtieġ li jiġu adottati u implimentati malajr mill-Istati Membri:

Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen: din is-sistema hija l-akbar bażi tad-dejta tas-sigurtà fl-Ewropa. Fiha aktar minn 64 miljun twissija mdaħħla minn 29 pajjiż Ewropew. L-awtoritajiet nazzjonali wettqu tliet biljun tiftixa fil-bażi tad-dejta fl-2015. Din hija żieda ta' 300% minn Ġunju 2013. Il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ta' Ġunju 2016 se jesplora modi biex jiġu indirizzati problemi operazzjonali fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fil-kuntest ta' ġellieda terroristi barranin. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen dwar ir-ritorn tal-migranti irregolari u projbizzjonijiet ta' dħul, l-użu ta' immaġni tal-wiċċ għal identifikazzjoni bijometrika, u l-ħolqien ta' twissijiet ġodda għal persuni mfittxija mhux magħrufa, u dan se jtejjeb il-valur miżjud tas-sistema għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi 13 . Sa nofs l-2017 se żżid mas-sistemà wkoll funzjonalità ta' tiftix awtomatizzat tal-marki tas-swaba', kif diġà previst mill-qafas ġuridiku eżistenti. Sadanittant, l-Istati Membri għandhom idaħħlu allerti fis-sistema rigward kull miżura li tinvolvi tkeċċija, ċaħda ta' dħul jew tneħħija ta' persuni mit-territorju ta' Stat Membru.

Indikaturi Komuni tar-Riskju: F'Ġunju 2015, il-Kummissjoni ffinalizzat l-ewwel sett ta' indikaturi komuni tar-riskju, fir-rigward ta' ġellieda terroristi barranin, għall-identifikazzjoni tal-ivvjaġġar tat-terroristi 14 . Indikaturi komuni tar-riskju u gwida mill-FRONTEX issa jappoġġaw il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tal-fruntiera fit-twettiq ta' kontrolli fuq l-individwi.

Fruntieri esterni aktar b'saħħithom: Ladarba tiġi adottata mill-koleġiżlaturi sa mhux aktar tard minn Ġunju, il-Gwardja tal-Kosta u tal-Fruntiera Ewropea 15 proposta se tniedi fażi ġdida fil-ġestjoni integrata tal-fruntieri u se tgħolli l-istandards komuni fil-fruntiera esterna. Il-Kummissjoni ressqet ukoll proposti biex timmodifika l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen 16 sabiex timponi l-obbligu li jitwettqu kontrolli sistematiċi ta' bażijiet ta' dejta rilevanti tal-infurzar tal-liġi fuq il-fruntieri esterni fuq il-persuni kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familji tagħhom, biex jiġu identifikati individwi li huma ta' theddida għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna. Il-Kummissjoni rrevediet ukoll il-Manwal ta' Schengen biex tiċċara l-"kontrolli mhux sistematiċi" u pprovdiet gwida biex tgħin lill-gwardji tal-fruntiera jikkonfiskaw dokumenti invalidati.

Żoni kritiċi: Xi terroristi ppruvaw jisfruttaw il-flussi irregolari kbar ta' persuni li seħħew fil-fruntieri esterni tal-UE matul dawn l-aħħar xhur. L-approċċ hotspot jgħin biex jiġu identifikati individwi li huma ta' theddida għas-sigurtà tal-UE u biex dawn jiġu sseparati minn dawk li jeħtieġu protezzjoni. Il-fluss tax-xogħol tal-hotspots u l-proċess ta' rilokazzjoni jinkludu kontrolli tas-sigurtà integrati u sistematiċi 17 b'appoġġ ipprovdut mill-Frontex u mill-Europol fir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba ta' dawk li jaslu.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu 18 (ara t-taqsima 2.3 hawn taħt) tinkludi reati kriminali ġodda ta' vjaġġar barra mill-pajjiż, lejn l-UE u fit-territorju tagħha għal skopijiet ta' terroriżmu 19 . Il-livell ta' ambizzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għandu jinżamm fil-proċess leġiżlattiv sabiex tkun tista' tiġi trattata b'mod adegwat it-theddida ppreżentata b'mod partikolari minn terroristi li jidħlu lura fl-UE.

Huma meħtieġa wkoll passi ulterjuri: Huwa essenzjali li l-ġellieda barranin kollha li jirritornaw jiġu identifikati, interrogati u eżaminati biex jiġi evalwat il-livell ta' riskju li huma jippreżentaw. Dawk meqjusa perikolużi ma għandhomx ikunu jistgħu jaħarbu. Informazzjoni dwar dawk li jirritornaw għandha tiġi kondiviża b'mod sistematiku maċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fil-Europol u ma' Stati Membri oħra permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

Barra minn hekk, id-Direttiva dwar l-użu tar-Rekord tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għandha tiġi adottata formalment mill-Kunsill u implimentata bħala kwistjoni urġenti 20 .

Il-passi li jmiss:

L-Istati Membri għandhom:

-Jintroduċu sistematikament l-informazzjoni kollha dwar it-terroriżmu fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen; l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' individwi u oġġetti għandha tkun indikata b'mod ċar bħala "attività relatata mat-terroriżmu".

-Jgħarrfu b'mod sistematiku liċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol dwar dawk li jirritornaw.

-Japplikaw l-Indikaturi Komuni tar-Riskju fil-kontrolli fuq il-fruntiera.

-Jiżguraw ir-reġistrazzjoni sistematika u l-kontrolli tas-sigurtà għall-wasliet kollha fil-hotspots, u jissekondaw l-esperti meħtieġa lill-Europol u lill-Frontex.

-Iwettqu intervisti u skrinjar sistematiċi ta' dawk kollha li jirritornaw sabiex jivvalutaw il-livell ta' riskju li jkunu jippreżentaw.

-Jadottaw fil-Kunsill u jimplimentaw id-Direttiva dwar Ir-Rekords tal-Ismijiet tal-Passiġġieri bħala kwistjoni ta' urġenza.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom:

-Sa mhux aktar tard minn Ġunju 2016, jadottaw il-proposti tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta Ewropea u bidliet għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, filwaqt li jżommu livell għoli ta' ambizzjoni.

Il-Kummissjoni sejra:

-Sa Ġunju 2016, tħejji, f'kooperazzjoni mal-Presidenza, miżuri operazzjonali għal użu aħjar tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-rigward ta' ġellieda terroristi barranin.

-Sa tmiem l-2016, tipproponi reviżjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen sabiex jittejjeb il-valur miżjud tagħha għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi.

-Sa Ottubru 2016, tħejji Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni dwar l-interoperabbiltà tal-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri għall-iskambji ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri.

2.2    Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha

Il-maġġoranza tal-persuni suspettati b'involviment fl-attakki terroristiċi ta' Pariġi u Brussell huma ċittadini tal-UE li kienu ġew radikalizzati b'ideoloġiji vjolenti li jiċħdu espliċitament il-valuri komuni Ewropej. Il-prijorità assoluta għandha tkun li ma titħalliex ir-radikalizzazzjoni ta' aktar nies u li jiġi żgurat li dawk diġà radikalizzati jidħlu fi programmi ta' deradikalizzazzjoni u jitwaqqfu milli jxerrdu l-propaganda terroristika u d-diskors ta' mibegħda.

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni fl-oqsma li ġejjin, li issa jeħtieġu implimentazzjoni konkreta fil-livell operazzjonali mill-Istati Membri:

Iċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni: Iċ-Ċentru twaqqaf fl-1 ta' Ottubru 2015 biex iżid is-sostenn għall-Istati Membri u għal pajjiżi terzi ta' prijorità. Huwa ġie msaħħaħ b'baġit ta' EUR 25 miljun għall-ħames snin li ġejjin.

Propaganda terroristika u diskors ta' mibegħda onlajn: L-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-UE twaqqfet fl-1 ta' Lulju 2015 fil-Europol bil-mira tagħha fuq materjal terroristiku onlajn u vvalutat aktar minn 4 700 biċċa materjal fuq 45 pjattaforma u għamlet aktar minn 3 200 riferiment għal kumpaniji tal-internet biex ineħħu kontenut, b'rata effettiva ta' tneħħija ta' 91%. L-Istati Membri għandhom jissekondaw esperti għall-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-UE. Il-Forum tal-Internet tal-UE tnieda f'Diċembru 2015 bħala sħubija mal-industrija tal-internet biex jillimita l-aċċessibbiltà ta' materjal terroristiku onlajn u jżid il-volum ta' kontronarrattivi effettivi, u l-Kummissjoni qed tappoġġa azzjonijiet biex tippromwovi kontronarrattivi alternattivi effettivi. Pjattaforma Konġunta ta' Indikazzjoni qed tiġi żviluppata mill-industrija tal-Internet b'involviment sħiħ tal-Europol li se tindirizza l-problema li materjal imneħħi minn sit wieħed jittella' xi mkien ieħor. Programm fl-UE kollha "Nagħtu s-Setgħa lis-Soċjetà Ċivili" se jipprovdi appoġġ biex tiġi mmassimizzata l-effikaċja tal-kampanji ta' narrativa alternattiva. Għal dawn iż-żewġ inizjattivi, ġew allokati EUR 10 miljun bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tintensifika x-xogħol biex tindirizza l-problema tad-diskors ta' mibegħda onlajn f'kooperazzjoni mal-kumpaniji tal-internet, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili, u se tirrapporta dwar il-progress fuq din il-kwistjoni, fost l-oħrajn, f'Komunikazzjoni futura dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.

L-indirizzar tar-Radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet: Iż-żgħażagħ, li jistgħu jkunu wettqu l-ewwel reat jew jispiċċaw il-ħabs għal reati minuri, huma partikolarment vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu. Il-Kummissjoni pprovdiet EUR 8 miljun fl-2015 u fl-2016 biex jiġu implimentati l-konklużjonijiet tal-Kunsill 21 , u pprovdiet finanzjament għall-iżvilupp ta' programmi ta' riabilitazzjoni u ta' deradikalizzazzjoni fil-ħabs u barra minnu, għodod għall-valutazzjoni tar-riskju u taħriġ ta' professjonisti. L-Istati Membri jenħtieġ li jonfqu dawn il-fondi b'mod għaqli, filwaqt li jiżguraw li dawn ikunu mmirati lejn l-aktar gruppi vulnerabbli b'mod effiċjenti.

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni permezz tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ: f'Erasmus+, issa qed tingħata prijorità lil proġetti li jrawmu l-inklużjoni u jippromwovu l-valuri fundamentali. Sa EUR 400 miljun saru disponibbli għal dan l-għan, u sejħa speċifika ta' EUR 13-il miljun tnediet f'Marzu biex jiġu identifikati u mxerrda l-aħjar prattiċi. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll programmi ta' skambji virtwali fuq skala kbira ma' pajjiżi terzi għall-promozzjoni tal-fehim interkulturali fost l-għalliema, it-tfal u ż-żgħażagħ, b'mod partikolari permezz tal-programm eTwinning u ta' Erasmus+.

L-atturi ewlenin fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni jinsabu neċessarjament fil-livell lokali u għandha tkun prijorità għall-Istati Membri li jidentifikaw u jikkomunikaw ma' interlokuturi fil-livell lokali li jkollhom influwenza suffiċjenti u jkunu mħarrġin kif xieraq biex jgħaddu messaġġi kontra r-radikalizzazzjoni u jippreżentaw mudelli alternattivi għal dawk imxerrda minn predikaturi radikali u minn gruppi ta' kriminalità organizzata.

Barra minn dawn il-miżuri preventivi u edukattivi kontra r-radikalizzazzjoni, huwa meħtieġ approċċ aktar orjentat lejn is-sigurtà biex jiġi żgurat skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar ħabsin rilaxxati suspettati b'radikalizzazzjoni jew individwi radikali magħrufa, sabiex jiġu żgurati s-sorveljanza u miżuri xierqa fir-rigward ta' dawk li jirrappreżentaw riskju għoli.

Il-passi li jmiss:

L-Istati Membri għandhom:

-Jappoġġjaw b'mod attiv inizjattivi nazzjonali u lokali għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, iħarrġu professjonisti u atturi lokali, u jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-fondi disponibbli tal-UE.

-Għandhom immedjatament jissekondaw esperti għall-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-UE.

-Għandhom proattivament jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha ma' Stati Membri oħra dwar il-ħabsin meħlusa suspettati b'radikalizzazzjoni jew individwi radikali magħrufa, sabiex tiġi żgurata s-sorveljanza ta' dawk li jirrappreżentaw riskju għoli.

Il-Kummissjoni sejra:

-Tadotta komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni: it-tieni kwart tal-2016.

-Timplimenta malajr, fi sħubija mal-industrija, l-attivitajiet konkreti tal-pjan direzzjonali tal-2016 żviluppat fil-kuntest tal-Forum tal-Internet tal-UE.

2.3    Sanzjonar tat-terroristi u ta' dawk li jappoġġawhom

Avvenimenti reċenti wrew li t-terroristi jiddependu fuq l-appoġġ lokali. Minbarra kontronarrattivi għall-ġlieda kontra l-propaganda terroristika u r-radikalizzazzjoni, kampanji ta' komunikazzjoni għandhom jinkludu informazzjoni ċara li l-għajnuna, il-kompliċità jew l-inċitar ta' reati terroristiċi bħall-forniment ta' akkomodazzjoni, trasport jew appoġġ materjali għal terroristi jew provokazzjonijiet pubbliċi sabiex jitwettaq reat terroristiku huma wkoll reati relatati mat-terroriżmu, li se jiġu ssanzjonati b'mod qawwi. Hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni tal-UE li tiżgura li dan l-aġir ikun kriminali madwar l-Unjoni 22 u l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu se ssaħħaħ dan il-qafas billi żżid reati marbuta mal-ivvjaġġar terroristiku, it-taħriġ passiv, il-finanzjament, il-forniment ta' appoġġ materjali ta' kull tip u l-faċilitazzjoni. Id-Direttiva tiżgura li dawn ir-reati se jkunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali minimi komuni. Il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħqu konklużjoni rapida dwar din id-Direttiva 23 .

Element ewlieni fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni b'suċċess tal-kriminalità serja u organizzata u reati relatati mat-terroriżmu huwa li tinkiseb bil-ħeffa evidenza diġitali, kif enfasizzat fid-dikjarazzjoni konġunta tal-24 ta' Marzu 2016 tal-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-attakki terroristiċi fi Brussell 24 . Informazzjoni rilevanti hija ta' sikwit miżmuma minn kumpaniji privati, fuq is-servers tagħhom, li ta' spiss ikunu jinsabu barra t-territorju tal-aġenzija tal-infurzar tal-liġi li tkun qiegħda tinvestiga u għalhekk barra l-ġuriżdizzjoni tagħha. Minbarra proċeduri ta' assistenza ġuridika reċiproka u numru żgħir ta' regoli limitati fi ftehimiet internazzjonali, ma jeżisti ebda approċċ armonizzat dwar l-aċċess għal tali informazzjoni. Bħala riżultat, evolviet firxa wiesgħa ta' approċċi nazzjonali differenti, u dan joħloq problemi għall-investigazzjoni. Il-Kummissjoni se twettaq ħidma mas-settur privat biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bbażata fuq fehim komuni madwar l-UE dwar l-aċċess għall-informazzjoni u l-evidenza elettronika, u tipproponi soluzzjonijiet, inkluż strument ġuridiku jekk ikun meħtieġ.

Il-passi li jmiss:

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom:

-Sa Ġunju tal-2016, bħala prijorità, jikkonkludi d-diskussjonijiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u jżomm livell għoli ta' ambizzjoni.

Il-Kummissjoni sejra:

-Sas-sajf tal-2017, tipproponi soluzzjonijiet, inkluża leġiżlazzjoni jekk meħtieġ, sabiex jiġu indirizzati l-problemi li tinkiseb evidenza diġitali fir-rigward ta' investigazzjonijiet kriminali.

2.4    It-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni

Kriminali magħrufa u individwi identifikati li huma meqjusa bħala potenzjalment perikolużi ma għandhomx ikunu jistgħu ma jiġux identifikati. L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà diġà pproponiet miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin għal azzjoni effettiva u sostenibbli fil-livell tal-UE sabiex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari permezz ta' skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mal-Aġenziji tal-UE, u billi tittejjeb l-interoperabilità tal-bażijiet tad-dejta u s-sistemi tal-informazzjoni rilevanti.

Il-Kummissjoni għamlet għadd ta' proposti biex tindirizza dawn l-isfidi. Regoli komuni dwar il-protezzjoni tad-dejta issa se jippermettu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji biex jikkooperaw ma' xulxin b'mod aktar effettiv, filwaqt li jibnu l-fiduċja u jiżguraw iċ-ċertezza ġuridika. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-pulizija u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali adottata fl-14 ta' April 2016 jenħtieġ li tiġi trasposta malajr. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea nnegozjat mal-Istati Uniti ftehim ta' qafas internazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta ("Ftehim Kwadru tal-Protezzjoni tad-Dejta") sabiex tiġi żgurata protezzjoni ta' livell għoli tad-dejta personali li tiġi ttrasferita bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu. Il-Ftehim għandu jiġi konkluż malajr.

Il-proposti leġiżlattivi issa jenħtieġ li jiġu miftiehma malajr mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tas-sistemi u l-istrutturi eżistenti ta' skambju ta' informazzjoni tiġi aċċellerata:

L-adozzjoni finali tar-Regolament rivedut tal-Europol, li se japplika mir-rebbiegħa tal-2017, se tkun pass deċiżiv lejn li l-Europol isir ċentru għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu fil-Europol tnieda f'Jannar 2016 biex jipprovdi appoġġ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni billi jtejjeb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti u jipprovdi ambjent ta' komunikazzjoni sikura 25 . L-Istati Membri jeħtieġu li jagħmlu disponibbli b'urġenza għarfien espert suffiċjenti f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-24 ta' Marzu 2016 tal-Ministri tal-UE.

fir-rigward tal-Ġustizzja u l-Intern u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE 26 . Iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu issa għandu jissaħħaħ biex jaġixxi bħala ċ-ċentru tal-intelligence tal-infurzar tal-liġi għall-analiżi tat-terroriżmu u l-valutazzjoni tat-theddid, u biex jappoġġa l-iżvilupp ta' pjanijiet operazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kummissjoni se tressaq inizjattivi dwar kif iċ-Ċentru jista' jinbidel fi struttura aktar b'saħħitha, bil-kapaċità ta' ppjanar operattiv konġunt, valutazzjonijiet tat-theddid u koordinazzjoni tal-intelligence għall-infurzar tal-liġi, b'persunal mill-istituzzjonijiet responsabbli tal-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni u soġġett għal mekkaniżmi ta' skrutinju demokratiku xierqa. Il-ħidma mbagħad għandha titmexxa 'l quddiem miċ-Ċentru, iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE ffaċilitat mill-Kummissjoni, u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta' kontra t-Terroriżmu tas-servizzi tas-sigurtà nazzjonali. Valutazzjonijiet konġunti tat-theddid dwar it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni għandhom jibdew jiġu żviluppati miċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u miċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet bħala kwistjoni ta' urġenza.

Il-Komunikazzjoni riċenti dwar Sistemi ta' Informazzjoni aktar b'Saħħithom u Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà  27 tniedi dibattitu u proċess dwar kif għandhom jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sistemi ta' dejta attwali, in-nuqqasijiet fl-arkitettura u l-interoperabbiltà limitata, l-interkonnessjoni u l-aċċess, f'konformità sħiħa mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta. Dan jista' jwassal għal repożitorju Ewropew komuni tad-dejta u ġestjoni tal-identità bijometrika integrata fl-UE għall-ivvjaġġar, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Dan ix-xogħol jenħtieġ li jitħaffef.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll Sistema ta' Dħul u Ħruġ għall-fruntiera esterna tal-UE 28 permezz tal-bijometrija, li tistipula aċċess għall-infurzar tal-liġi u l-interoperabbiltà ma' sistemi oħra (b'mod partikolari s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża).

L-iskambju ta' informazzjoni bejn il-fruntieri huwa essenzjali għall-infurzar tal-liġi fl-UE. Il-qafas Prüm eżistenti għandu jiġi implimentat u użat b'mod sħiħ. Huwa joffri tqabbil awtomatizzat tal-profili tad-DNA, dejta dattiloskopika u dejta tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Użu aktar sistematiku u konsistenti tal-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa għandu wkoll jingħata prijorità.

L-estensjoni tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar Rekords Kriminali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-proposta tal-Kummissjoni li temenda s-sistema tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar kundanni kriminali biex tinkludi l-iskambju ta' rekords kriminali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

Il-ġuriżdizzjoni għall-aċċess għall-evidenza diġitali: Il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, abbażi ta' konsultazzjoni ma' esperti u partijiet ikkonċernati oħra, biex tiżviluppa approċċ komuni tal-UE biex tiġi ddeterminata l-ġuriżdizzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi meta jaċċessaw direttament dejta maħżuna jew li tinsab barra l-pajjiż (jiġifieri tqis fatturi alternattivi ta' konnessjoni minbarra l-prinċipju ta' territorjalità).



Il-passi li jmiss:

L-Istati Membri għandhom:

-Iżidu l-għadd ta' persunal espert issekondat għand iċ-ċentru Ewropew għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu.

-Jiżguraw, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jkun qed jiġi implimentat b'mod sħiħ il-qafas Prüm, u jagħmlu użu aktar sistematiku u konsistenti mill-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom:

-Minn Ġunju 2016, jiffinalizzaw malajr l-adozzjoni tar-Regolament tal-Europol rivedut.

-Sa tmiem l-2016, jaqblu dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar Sistema ta' Dħul u Ħruġ tal-UE u dwar l-Estensjoni tas-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni tar-Rekords Kriminali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi bħala kwistjoni ta' prijorità.

Il-Kummissjoni sejra:

-Sal-ħarifa tal-2016, tressaq inizjattivi għat-titjib taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu.

-Sa Mejju 2016, twaqqaf Grupp ta' Esperti biex jagħmel proposti biex jittejbu u/jew jiġu żviluppati s-sistemi ta' informazzjoni eżistenti, biex jiġu indirizzati l-lakuni ta' informazzjoni u biex ikun hemm progress lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni, kif stipulat fil-Komunikazzjoni dwar Sistemi ta' Informazzjoni Aktar b'Saħħithom u Aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà, skont skeda ta' żmien ambizzjuża.

-Tuża s-setgħat tagħha skont it-Trattati biex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-acquis tal-UE.

2.5    Il-Qtugħ tal-aċċess tat-terroristi għal armi u splussivi

Huwa kruċjali li jiġi limitat l-aċċess tat-terroristi għall-prekursuri u d-detonaturi tal-isplussivi. Il-Kummissjoni diġà identifikat nuqqasijiet sinifikanti 29 fl-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-Regolament 98/2013 dwar il-prekursuri tal-isplussivi 30 u qed tieħu passi biex tindirizza dan. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li tirrevedi dan ir-Regolament fl-2016. Is-sigurtà tal-ħażniet ta' splussivi, kemm ċivili kif ukoll militari hija element ewlieni ieħor.

L-aċċess tat-terroristi għall-armi awtomatiċi għadu problema kbira. Il-lakuna li tippermetti r-riattivazzjoni tal-armi tan-nar issa ngħalqet bl-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni dwar standards komuni għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar fit-18 ta' Novembru 2015 31 . Dan daħal fis-seħħ fit-8 ta' April 2016 u se jiżgura li l-armi tan-nar diżattivati jsiru inoperabbli b'mod irriversibbli.

B'żieda ma' dan, fit-18 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi 32 . Din il-proposta għandha l-għan li tirrestrinġi d-disponibbiltà ta' xi wħud mill-iktar tipi qawwija ta' armi semi-awtomatiċi u dawk li jistgħu faċilment jiġu kkonvertiti f'armi kompletament awtomatiċi, kif ukoll li ttejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, it-traċċabbiltà u r-regoli tal-immarkar tal-armi tan-nar. L-adozzjoni tagħha mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għandha tkun prijorità sabiex tikkumplimenta l-azzjonijiet meħuda kontra r-riattivazzjoni u l-kuntrabandu ta' armi ta' kwalità militari.

Madankollu, l-akbar sfida hija dik tal-armi illegali. Il-ksib ta' armi bil-kuntrabandu minn reġjuni ġirien għadu problema kbira u r-riskju li jitfaċċaw sorsi ġodda għandu wkoll jitnaqqas kemm jista' jkun. Miżuri dettaljati dwar ir-restrizzjoni tal-aċċess għal armi tan-nar u splussivi illegali, it-titjib tal-kooperazzjoni operazzjonali u t-titjib tal-ġbir u l-qsim ta' informazzjoni operazzjonali permezz tal-aħjar użu tal-għodod eżistenti jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi, li għandhom jiġu implimentati bħala prijorità.

Il-passi li jmiss:

L-Istati Membri għandhom:

-Jiżguraw b'urġenza li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament 98/2013 dwar il-prekursuri tal-isplussivi.

-Japplikaw b'mod sħiħ ir-regolament ta' implimentazzjoni dwar standards komuni għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar, li daħal fis-seħħ fit-8 ta' April 2016.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom:

-Jaqblu b'urġenza dwar il-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar.

   

Il-Kummissjoni sejra:

-Tieħu l-passi meħtieġa sabiex taċċellera l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet rilevanti tal-Pjan ta' Azzjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi bi skeda ta' żmien ambizzjuża.

-Tuża s-setgħat tagħha skont it-Trattati biex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-acquis tal-UE.

2.6    Il-qtugħ tal-aċċess tat-terroristi għall-fondi

Karatteristika waħda tal-attakki reċenti hija li l-ammont kumplessiv tal-fondi involuti jidher sproporzjonatament żgħir meta mqabbel mal-effetti devastanti li kellhom.

Il-Pjan ta' Azzjoni li għadu kif ġie adottat dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu 33 diġà jinkludi skeda ambizzjuża, li l-Kummissjoni hija impenjata b'mod sħiħ favur tagħha u li se twettaqha. Huwa jikkontribwixxi għal żewġ għanijiet ewlenin. L-ewwel nett, kif se jiġi identifikat u mwaqqaf ulterjorment iċ-ċaqliq ta' fondi u assi oħra minn organizzazzjonijiet terroristiċi u dawk li jappoġġawhom, u kif se jiġi żgurat li, kull meta jkun possibbli, il-flussi finanzjarji jkunu jistgħu jgħinu lill-forzi tal-ordni biex jittraċċaw lit-terroristi u biex iwaqqfuhom milli jwettqu reati. It-tieni nett, kif infixklu aktar is-sorsi tad-dħul ta' organizzazzjonijiet terroristiċi, billi niffokaw fuq il-kapaċità tagħhom li jiġbru fondi. Il-Kummissjoni sejra, fost azzjonijiet oħra, tippreżenta proposti leġiżlattivi fix-xhur li ġejjin. L-Istati Membri għandhom jaqdu r-rwol tagħhom u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni diġà miftiehma malajr kemm jista' jkun.

Il-passi li jmiss:

L-Istati Membri għandhom:

-Iressqu 'l quddiem id-data għat-traspożizzjoni u d-dħul fis-seħħ effettivi tar-raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus sa mhux iktar tard mir-raba' kwart tal-2016.



Il-Kummissjoni sejra:

-Sa Ġunju 2016, tadotta proposta leġiżlattiva li tirrevedi r-raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus.

-Sa Ġunju 2016, tadotta Att Delegat li jidentifika pajjiżi terzi ta' riskju għoli li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus/ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (il-lista s-sewda tal-UE).

-Sa Diċembru 2016, tadotta proposta leġiżlattiva li tarmonizza r-reati kriminali u s-sanzjonijiet tal-ħasil tal-flus.

-Sa Diċembru 2016, tadotta proposta leġiżlattiva kontra movimenti illeċiti ta' flus.

-Sa Diċembru 2016, tadotta proposta leġiżlattiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet tal-iffriżar u l-konfiska tal-assi kriminali.

-Sa Diċembru 2016, tadotta proposta leġiżlattiva għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti.

-Sal-ewwel kwart tal-2017, tadotta proposta leġiżlattiva li ssaħħaħ is-setgħat u l-kooperazzjoni tad-dwana u tindirizza l-finanzjament tat-terroriżmu relatat mal-kummerċ f'oġġetti.

-Sat-tieni kwart tal-2017, tippreżenta rapport dwar valutazzjoni supranazzjonali tal-ħasil tal-flus u r-riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu u rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-miżuri adatti biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji.

-Sat-tieni kwart tal-2017, tadotta proposta leġiżlattiva kontra l-kummerċ illeċitu f'oġġetti kulturali.

2.7    Il-ħarsien taċ-ċittadini u tal-infrastrutturi kritici

Il-vulnerabbiltà ta' avvenimenti pubbliċi kbar u tal-infrastruttura kritika ħarġet fid-dieher permezz tal-mudell tal-attakki f'Pariġi u fi Brussell. Sabiex ikunu preparati bl-aħjar mod possibbli għal riskji bħal dawn, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet ċentrali oħra – bħal dawk responsabbli mit-trasport –, jeħtieġu li jiskambjaw informazzjoni rilevanti b'mod effiċjenti u jfasslu miżuri preventivi b'mod koordinat madwar il-fruntieri. Dan jimplika wkoll appoġġ għar-riċerka u għal teknoloġiji ġodda, pereżempju biex jinqabdu l-isplussivi.

B'żieda ma' dan, teknoloġija ġdida tista' tiġi abbużata mit-terroristi biex iwettqu forom ġodda ta' attakki. Iċ-ċiberkriminalità, li hija prijorità oħra tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, hija theddida serja li tista' tikber fi fruntiera ġdida għat-terroriżmu u li jenħtieġ li tiġi indirizzata bħala tali.

Il-Pjan ta' Azzjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi 34 jinkludi wkoll numru ta' miżuri għall-prevenzjoni ta' attakki terroristiċi. Dawn jinkludu (i) azzjonijiet speċifiċi dwar l-użu tat-teknoloġija tal-identifikazzjoni u lejn l-istandardizzazzjoni tal-użu tagħha (miri faċli, infrastrutturi kritiċi, żoni pubbliċi), (ii) l-iżvilupp ta' għodod innovattivi ta' identifikazzjoni, (iii) it-tisħiħ ta' miżuri eżistenti u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda bl-għan li tiżdied is-sigurtà tal-passiġġieri fuq il-mezzi differenti tat-trasport, (iv) l-użu ta' teknoloġiji ġodda biex tissaħħaħ is-sigurtà, (v) it-tixrid ta' materjal ta' gwida dwar il-protezzjoni ta' miri faċli u (vi) t-testijiet tal-identifikazzjoni u l-protezzjoni. Huwa wkoll importanti li tingħata prijorità lill-kwistjoni ta' skrinjar ta' persunal li jaħdem f'infrastruttura kritika u żoni pubbliċi oħra, b'mod partikolari ta' ġellieda terroristi barranin li jirritornaw, u ta' persunal ieħor radikalizzat, sabiex jiġi evitat l-użu ta' informazzjoni minn ġewwa għal attivitajiet terroristiċi.

Il-Kummissjoni qiegħda twettaq ukoll l-inizjattivi li ġejjin:

Il-Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika jipprovdi qafas ġenerali għal attivitajiet immirati li jtejbu l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika fl-Ewropa. Permezz ta' dan il-Programm, il-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tnaqqas il-vulnerabbiltajiet tal-infrastruttura kritika u żżid ir-reżiljenza tagħha. 

It-tixrid ta' materjal ta' gwida dwar il-protezzjoni ta' miri faċli: F'Mejju 2014, il-Kummissjoni u n-netwerk tal-Pulizija tal-Ajruporti tal-UE lestew il-ħidma tagħhom fuq manwal tal-Protezzjoni tal-Miri Faċli fl-Ajruporti tal-UE, li fih gwida dwar il-protezzjoni ta' miri faċli. Dan il-manwal ġie tradott fil-lingwi kollha tal-UE u se jitqassam fost il-forzi kollha tal-pulizija. F'Ottubru 2015, il-Kummissjoni bdiet ukoll tiżviluppa materjal ta' gwida dwar il-protezzjoni ta' żoni oħra li huma miri faċli bħall-ferroviji u l-metro u żoni oħra ta' konċentrazzjoni għolja tal-pubbliku (stadiums sportivi, ċentri kummerċjali, garaxxijiet pubbliċi, eċċ.). It-tlestija ta' dan il-materjal se tiġi aċċellerata u se tkun akkumpanjata minn taħriġ xieraq.

Testijiet ta' identifikazzjoni u protezzjoni: Testijiet tal-identifikazzjoni u l-protezzjoni ġew imnedija mill-Kummissjoni flimkien ma' diversi Stati Membri fi Frar 2015 f'ambjenti operazzjonali differenti bħal ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija, avvenimenti sportivi u bini pubbliku. Testijiet ġodda huma skedati għal Mejju 2016, inkluż fil-kuntest ta' hotspots.

Il-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà: Il-Kummissjoni żviluppat valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà biex tiżgura li politiki żviluppati fil-livell tal-UE f'oqsma bħalma huma s-sigurtà fit-trasport, is-sigurtà tal-fruntieri jew il-finanzjament tat-terroriżmu jkunu bbażati fuq analiżi xierqa tar-riskji tas-sigurtà relevanti biex jiġi definit rispons effettiv għal dawn ir-riskji u t-theddid sottostanti. Dan ix-xogħol qed isir b'mod konġunt mal-Istati Membri, is-SEAE u l-aġenziji rilevanti tal-UE.

Theddid ibridu: Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli adottaw Komunikazzjoni Konġunta dwar Qafas Konġunt dwar il-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi 35 li tippreżenta proposti azzjonabbli li jgħinu fil-ġlieda kontra theddid ibridu u jrawmu r-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll tas-sħab tagħha. Il-partijiet kollha huma mħeġġa jimplimentaw dawn l-azzjonijiet malajr.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu teħtieġ li kontinwament tuża teknoloġiji u kapaċitajiet ġodda. Aktar miżuri huma meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-identifikazzjoni ta' theddid. Il-Kummissjoni sejra wkoll tidderieġi fondi ta' riċerka lejn il-ħtiġijiet teknoloġiċi u ta' kapaċità futuri. Il-programm Soċjetajiet sikuri ta' Orizzont 2020 għandu baġit ta' EUR 1,7 biljun għall-2014-20. Il-programmi ta' ħidma għall-2016-2017 ġew miftiehma, u jinkludu għadd ta' azzjonijiet relatati speċifikament mal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Is-sejħiet futuri u l-programmi annwali li jmiss għandu jkollhom enfasi intensifikata fuq it-teknoloġija u l-kapaċitajiet ta' kontra t-terroriżmu, u jagħmlu użu mill-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu kif ukoll tal-komunitajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence.

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà enfasizzat li industrija kompetittiva tas-sigurtà tal-UE tista' tikkontribwixxi wkoll għall-awtonomija tal-UE sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet ta' sigurtà. L-UE inkoraġġiet l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi ta' sigurtà, pereżempju permezz ta' standards u ċertifikati komuni. Fl-2016, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti dwar tagħmir tal-iskrinjar fl-ajruporti biex jitneħħew l-ostakli għas-Suq Uniku u biex tittejjeb il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà tal-UE fis-swieq tal-esportazzjoni.

Is-sistemi tal-informazzjoni huma element ewlieni tas-soċjetà tagħna. Filwaqt li miżuri tas-sigurtà ċibernetika b'saħħithom għandhom ikunu l-ewwel linja ta' difiża, jenħtieġ ukoll li niżguraw investigazzjoni u prosekuzzjoni effettiva ta' kriminalità mmirata lejn dawk is-sistemi jew li tisfruttawhom. Id-Direttiva dwar Attakki kontra s-Sistemi tal-Informazzjoni (2013/40/UE) tipprovdi qafas Ewropew komuni għal-liġi kriminali f'dan il-qasam. Il-Kummisjsoni bħalissa qiegħda timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri u se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2017, filwaqt li tqis l-iżviluppi tekniċi u ġuridiċi fil-qasam taċ-ċiberkriminalità u kull ħtieġa possibbli għal aktar tisħiħ tal-qafas ġuridiku. Sabiex tikkumplimenta d-Direttiva proposta dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (NIS) 36 biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku, il-Kummissjoni se tipproponi aktar miżuri f'Ġunju li jappoġġaw il-kooperazzjoni f'dan il-qasam u jiżviluppaw il-kapaċitajiet industrijali.

Trattament ta' nefqa fiskali addizzjonali relatata mas-sigurtà

Il-protezzjoni ġġorr magħha prezz, kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-utilizzazzjoni tal-intelligence, il-forzi tal-ordni jew il-forzi armati kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mat-tisħiħ ta' infrastrutturi. Madankollu, dan il-prezz għandu jitqiegħed f'perspettiva mad-danni umani u ekonomiċi li għadd żgħir ta' kriminali jistgħu jiġġeneraw. Fid-dawl tal-gravità tat-theddida li qed tiffaċċja bħalissa l-UE, il-Kummissjoni se tipproponi li tintuża l-flessibbiltà inkorporata fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir biex jiġu akkomodati ċirkostanzi mhux normali barra l-kontroll tal-gvern meta titqies l-ispiża fiskali addizzjonali direttament relatata ma' din it-theddida. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex jinstab il-ftehim meħtieġ dwar it-triq 'il quddiem.

Il-passi li jmiss:

Il-Kummissjoni sejra:

-Bħala kwistjoni ta' urġenza, tieħu l-passi meħtieġa sabiex taċċellera l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet rilevanti tal-Pjan ta' Azzjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi.

-Sa Settembru 2016, tipproponi regoli madwar l-UE dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' tagħmir tal-iskrinjar fl-ajruporti.

-Sa Diċembru 2016, taġġorna l-manwal tal-Protezzjoni tal-Miri Faċli fl-Ajruporti tal-UE.

-Sa Mejju 2016, twettaq testijiet ġodda tal-identifikazzjoni u tal-protezzjoni, inkluż fil-kuntest ta' hotspots.

-Tidderieġi fondi ta' riċerka lejn il-ħtiġijiet teknoloġiċi u ta' kapaċità futuri.

-Tipproponi approċċ dwar it-trattament ta' nefqa fiskali eċċezzjonali direttament marbuta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Kummissjoni beħsiebha tuża approċċċ bħal dan, fil-pakkett li ġej tas-Semestru Ewropew fir-rebbiegħa. .

2.8    Id-dimensjoni esterna

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà hija mfassla wkoll biex tiżgura koerenza akbar bejn l-azzjonijiet interni u esterni fil-qasam tas-sigurtà fid-dawl tar-rabta diretta bejn it-tnejn u biex tutilizza l-ħidma tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Kummissjoni u s-SEAE.

Qed tingħata enfasi partikolari fuq il-viċinat. Djalogi mmirati u msaħħa fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu diġà ġew stabbiliti, b'mod partikolari mal-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija, u t-Turkija, u pjanijiet ta' azzjoni konkreti qed jiġu miftiehma ma' dawn il-pajjiżi. Esperti tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu ntbagħtu fid-delegazzjonijiet tal-UE tal-Alġerija, l-Iraq, il-Ġordan, il-Marokk, in-Niġerja, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u t-Turkija. Abbażi ta' dawn l-esperjenzi, l-UE għandha tagħti bidu għal sħubija ta' kontra t-terroriżmu mal-pajjiżi madwar il-Mediterran, kif ukoll billi tkabbar in-netwerk tal-esperti tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għal pajjiżi u reġjuni ta' prijorità oħrajn (pereżempju, il-Libanu, is-Sahel, il-Balkani tal-Punent).

Avvenimenti riċenti wrew nuqqasijiet sinifikanti fil-kooperazzjoni mas-sħab madwar il-Mediterran, minkejja t-tħassib komuni. Id-diplomazija tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jridu jiġu żviluppati bħala kwistjoni ta' prijorità mas-sħab mit-Turkija sal-Marokk, bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, bil-ħsieb li jiġu żgurati skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni tal-pulizija effettivi fil-qafas xieraq tal-protezzjoni tad-dejta.

L-UE trid issaħħaħ il-preżenza tagħha fil-fora internazzjonali multilaterali rilevanti ta' kontra t-terroriżmu u tas-sigurtà (bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, il-G7 u t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja) sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tas-sigurtà.

Il-Pjan ta' Azzjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi 37 u l-Pjan ta' Azzjoni tat-2 ta' Frar 2016 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu 38 jinkludu azzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk fil-viċinat immedjat tal-UE. Huwa jipprevedi b'mod partikolari li l-UE se żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi ġirien dwar id-dimensjoni tas-sigurtà, inkluż dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' Armi Żgħar u Armamenti Ħfief u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-bnedmin, il-beni kulturali u d-drogi. Huwa previst li t-traffikar illeċitu u l-użu ta' armi tan-nar u splussivi għandhom jiġu integrati b'mod sistematiku fid-djalogi dwar is-sigurtà ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet sħab ewlenin.

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta tipprovdi wkoll qafas għal azzjoni fil-pajjiżi tal-viċinat minħabba li tiġbor flimkien b'mod koerenti d-dimensjoni tas-sigurtà u elementi oħra ta' stabilizzazzjoni bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter, l-iżvilupp ekonomiku, opportunitajiet ta' investiment u impjiegi għaż-żgħażagħ, kif ukoll appoġġ finanzjarju speċifiku għas-soċjetà ċivili b'dimensjoni ta' kontra r-radikalizzazzjoni.

Il-passi li jmiss:

Il-Kummissjoni sejra:

-Tieħu l-passi neċessarji biex taċċellera l-implimentazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-Pjan ta' Azzjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar l-armi tan-nar u l-isplussivi, skont skeda ta' żmien ambizzjuża, b'enfasi partikolari fuq it-twaqqif tat-traffikar tal-armi tan-nar u l-isplussivi mill-Balkani tal-Punent u sorsi possibbli ġodda ta' kuntrabandu tal-armi li jiżviluppaw minn reġjuni oħra fil-viċinat immedjat tal-UE.

-Tieħu l-passi neċessarji sabiex tħaffef l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet rilevanti tal-Pjan ta' Azzjoni tat-2 ta' Frar 2016 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tar-terroriżmu.

-Timpenja ruħha f'riflessjoni dwar it-tlestija u l-approfondiment tad-djalogi msaħħa ta' kontra t-terroriżmu ma' pajjiżi ta' prijorità madwar il-Mediterran bil-ħsieb tal-iżvilupp ta' sħubija effettiva kontra t-terroriżmu.

-Tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt stabbilit fil-kuntest tal-Inizjattiva għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu fil-Balkani tal-Punent.

3.    Konklużjoni

Is-sigurtà hija naturalment waħda mill-kwistjonijiet l-aktar ta' importanza għaċ-ċittadini. Matul is-sena li għaddiet, l-attakki terroristiċi li qatlu jew korrew mijiet ta' persuni fl-Unjoni Ewropea, tefgħu enfasi akbar fuq din il-kwistjoni. L-atturi kollha għandhom jagħmlu l-parti tagħhom biex jiżguraw li l-Unjoni Ewropea tagħmel dak kollu li hu fil-kompetenzi tagħha biex tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha.

Fid-dinja tal-lum, terroristi u kriminali oħra qegħdin joperaw fuq bażi transfruntiera u tranżnazzjonali. Biex jindirizzaw b'mod effettiv it-theddida li jippreżentaw, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġu li jaħdmu flimkien, li jgħaqqdu flimkien ir-riżorsi u l-informazzjoni tagħhom, u li joperaw b'mod konġunt. Dan huwa l-uniku mod biex niġġieldu t-theddida tat-terroriżmu b'mod effettiv. Is-sigurtà interna ta' Stat Membru wieħed hija s-sigurtà interna ta' kulħadd.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-azzjonijiet li ttieħdu s'issa, u li jenħtieġ li jittieħdu fil-futur immedjat, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali sabiex iċ-ċittadini Ewropej kollha jiġu pprovduti bil-livell għoli ta' sigurtà li jistennew. L-anness jipprovdi pjan direzzjonali lejn Unjoni ta' Sigurtà reali fl-Ewropa: il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress li jsir. Hija r-responsabbiltà kondiviża u urġenti tagħna li mmexxu 'l quddiem dawn il-miżuri malajr u bir-reqqa, u li negħlbu l-frammentazzjoni fl-istrumenti, fl-informazzjoni, u fil-mentalitajiet, li inkella se jibqgħu jintużaw mit-terroristi biex jimminaw il-valuri li l-Ewropej tant jgħożżu. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri għandhom jiġu kkunsidrati malajr mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u tistieden lill-Kunsill Ewropew biex jieħu nota tas-segwitu ta' din il-Komunikazzjoni fl-okkażjoni tal-laqgħa li jmiss tiegħu.

(1)

     L-Artikolu 72 TFUE.

(2)

     COM(2015) 185 final, it-28 ta' April 2015.

(3)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Ġunju 2015 EUCO 22/15.

(4)

     Stqarrija Konġunta tal-24 ta' Marzu 2016.

(5)

     L-Artikolu 67(3) TFUE.

(6)

     Suġġett għat-termini speċifiċi tal-Protokoll 22 f'dak li jikkonċerna d-Danimarka u l-Protokolli 21 u 36 f'dak li jikkonċerna r-Renju Unit u l-Irlanda li jippermettu, imma ma jobbligawx, lil dawn iż-żewġ Stati Membri jagħżlu li jipparteċipaw f'inizjattivi fil-qasam ta' politika tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja filwaqt li jirrispettataw il-koerenza u l-operabbiltà prattika tagħhom.

(7)

     http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-1062_en.htm.

(8)

     Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2015, 9798/15.

(9)

     COM(2015) 624 final, it-2 ta' Diċembru 2015.

(10)

     COM(2016) 50 final, it-2 ta' Frar 2016.

(11)

     COM(2016) 205 final, is-6 ta' April 2016.

(12)

     http://icct.nl/wp-content/uploads/2016/03/ICCT-Report_Foreign-Fighters-Phenomenon-in-the-EU_1-April-2016_including-AnnexesLinks.pdf.

(13)

     Ara wkoll hawn taħt, it-taqsima 4.

(14)

     Dan ġie żviluppat f'kooperazzjoni mill-qrib ma' esperti nazzjonali, is-SEAE, l-Aġenziji tal-UE u l-Interpol.

(15)

     COM(2015)671 final, il-15 ta' Diċembru 2015.

(16)

     COM(2015)670 final, il-15 ta' Diċembru 2015.

(17)

     Fil-kuntest tal-hotspots u r-rilokazzjoni, hemm tliet tipi differenti ta' kontrolli tas-sigurtà: 1) kontrolli fiżiċi u tal-beni, 2) kontrolli f'diversi bażijiet tad-dejta nazzjonali u internazzjonali (b'mod partikolari s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u l-SLTD tal-Interpol), u 3) fejn ikun hemm indikazzjonijiet li jkun hemm raġunijiet għall-esklużjoni, jew theddida għas-sigurtà u l-ordni pubbliku, il-kontrolli sekondarji tal-applikanti għall-ażil jistgħu jitwettqu f'bażijiet tad-dejta, permezz ta' intervisti u tal-internet u permezz tal-midja soċjali.

(18)

     COM(2015) 625 final, it-2 ta' Diċembru 2015.

(19)

     B'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu.

(20)

     Ir-Rekord tal-Ismijiet tal-Passiġġieri mhuwiex limitat biex jindirizza biss il-problema tal-ġellieda terroristi barranin. Madankollu, għandu interess partikolari f'dan il-kuntest.

(21)

     Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2015, 845/15.

(22)

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/475 ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2008/919/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

(23)

     Ara wkoll hawn fuq, it-taqsima 1.

(24)

     http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/03/24-statement-on-terrorist-attacks-in-brussels-on-22-march.

(25)

   Il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-ECTC b'25 post addizzjonali dedikat, 10 persunal estern u approprjazzjonijiet relatati għal kontra t-terroriżmu fl-2016, li kienu awtorizzati fil-baġit ta' emenda approvat fit-13 ta' April 2016.

(26)

     http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/03/24-statement-on-terrorist-attacks-in-brussels-on-22-march

(27)

COM(2016)205 final, is-6 ta' April 2016.

(28)

COM(2016)194 final, is-6 ta' April 2016.

(29)

     http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/explosives/explosives-precursors/docs/list_of_measures_en.pdf.

(30)

     Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi, ĠU L 39, 9.2.2013, p. 1-11.

(31)

     Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 tal-15 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment, ĠU L 333, 19.12.2015, p. 62-72.

(32)

     COM(2015) 750 final, it-18 ta' Novembru 2015.

(33)

     COM(2016) 50 final; It-2 ta' Frar 2016.

(34)

     COM(2015) 624 final, it-2 ta' Diċembru 2015.

(35)

     JOIN(2016)18 final, is-6 ta' April 2016.

(36)

COM (2013) 48 final, is-7 ta' Frar 2013.

(37)

     COM(2015) 624 final, it-2 ta' Diċembru 2015.

(38)

     COM(2016) 50 final; It-2 ta' Frar 2016.


Brussell, 20.4.2016

COM(2016) 230 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-preparazzjoni għal Unjoni tas-Siġurtà effettiva u ġenwina


INIZJATTIVI LEĠIŻLATTIVI U TA' POLITIKA EWLENIN DWAR IS-SIGURTÀ/IL-ĠLIEDA KONTRA T-TERRORIŻMU

Inizjattivi

It-tieni kwart tal-2016

Reviżjoni tal-bażi ġuridika ta' EURODAC biex ikomplu jissaħħu l-funzjonalitajiet tiegħu rigward il-migrazzjoni irregolari u r-ritorn

Att delegat dwar il-lista sewda tal-UE biex tidentifika pajjiżi terzi ta’ riskju għoli b’defiċjenzi strateġiċi fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Proposta leġiżlattiva biex tiġi rieżaminata r-raba' Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus

Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni

It-tielet kwart tal-2016

Inizjattiva għall-aġġornament taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u biex tissaħħaħ il-ħidma tal-Europol

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar l-interoperabbiltà tal-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri għal skambji ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri

Ir-raba’ kwart tal-2016

Proposta leġiżlattiva li tarmonizza reati kriminali u sanzjonijiet ta’ ħasil tal-flus

Proposta leġiżlattiva kontra movimenti ta’ flus illeċiti

Proposta leġiżlattiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska tal-assi kriminali

Reviżjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen

Proposta Leġiżlattiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti

Reviżjoni tar-Regolament dwar prekursuri tal-isplussivi

L-ewwel kwart tal-2017

Proposta leġiżlattiva li ssaħħaħ is-setgħat u l-kooperazzjoni doganali u tindirizza l-finanzjament tat-terroriżmu relatat ma’ kummerċ f’oġġetti

It-tieni kwart tal-2017

Proposta leġiżlattiva kontra l-kummerċ illeċitu f'oġġetti kulturali