Brussell, 19.4.2016

COM(2016) 179 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020

Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika



{SWD(2016) 108 final}
{SWD(2016) 109 final}


1.Introduzzjoni

Il-Gvern elettroniku jappoġġa l-proċessi amministrattivi, itejbu l-kwalità tas-servizzi u jżidu l-effiċjenza interna tas-settur pubbliku. Is-servizzi pubbliċi diġitali jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq in-negozji u ċ-ċittadini billi jagħmlu l-interazzjonijiet tagħhom mal-amministrazzjonijiet pubbliċi iktar veloċi u effiċjenti, iktar konvenjenti u aktar trasparenti. Barra dan, l-użu ta’ tekonoloġiji diġitali bħala parti integrata mill-istrateġiji ta’ mmodernizzar tal-gvern jista’ jwassal għal aktar benefiċċji ekonomiċi u soċjali għas-soċjetà inġenerali 1 . It-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika hija element ewlieni għas-suċċess tas-Suq Uniku Diġitali.

Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 2 kienu strumenti politiċi biex imexxu ’l quddiem l-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropea kollha. Dawn appoġġaw il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u wasslu għal azzjonijiet konġunti dwar il-Gvern elettroniku.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni preċedenti dwar il-Gvern elettroniku għall-2011-2015 3   4 jirrikonoxxu li l-Pjan ta’ Azzjoni 5 kellu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-Gvern elettroniku fil-livell Ewropew u tal-Istat Membri. Dan ikkontribwixxa għall-koerenza tal-istrateġiji nazzjonali għall-Gvern elettroniku kif ukoll għall-iskambju tal-aħjar prattiki u l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, il-pjan wassal għall-iżvilupp ta’ xprunaturi teknoloġiċi li huma essenzjali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u l-użu tagħhom. Madankollu, iċ-ċittadini u n-negozji għadhom mhux qed jieħdu l-benefiċċju sħiħ mis-servizzi diġitali li għandhom ikunu disponibbli bla xkiel fl-UE kollha. 

Billi jgħaqqdu l-isforzi tagħhom fil-livell tal-Unjoni Ewropea, id-disponibbiltà u l-adozzjoni tas-servizzi tal-Gvern elettroniku jistgħu jiżdiedu, u dan iwassal għal servizzi pubbliċi diġitali iktar veloċi, orħos u iktar orjentati lejn l-utent. Is-servizzi pubbliċi transfruntiera u diġitali bla xkiel jikkontribwixxu għall-kompetittività u jagħmlu lill-UE post iktar attraenti biex wieħed jinvesti 6 u jgħix fih.

L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa 7 tħabbar it-tnedija ta’ Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 li għandu l-għan li jneħħi l-ostakli diġitali eżistenti għas-Suq Uniku Diġitali u li jimpedixxi iktar frammentazzjoni ġejja mill-kuntest tal-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għandu l-għan li jkun l-istrument li jgħaqqad l-isforzi. Waqt li l-Istati Membri jsegwu l-istrateġiji u l-attivitajiet tagħhom, dan il-Pjan ta’ Azzjoni – ibbażat fuq viżjoni fit-tul kondiviża – jistabbilixxi għadd ta’ prinċipji li għandhom josservaw l-inizjattivi li ġejjin biex iwasslu l-benefiċċji sinifikanti li l-Gvern elettroniku jista’ jipprovdi lin-negozji, liċ-ċittadini u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi nfushom.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi approċċ dinamiku u flessibbli, biex ilaħħaq mal-ambjent li qed jinbidel b’mod mħaġġel 8 . Lil hinn mill-azzjonijiet identifikati f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, jistgħu jiġu proposti azzjonijiet oħrajn mill-Kummissjoni jew mill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri. L-azzjonijiet kollha mmexxija mill-Kummissjoni se jitħejjew f’konformità mal-istandards għar-regolamentazzjoni aħjar.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jservi bħala katalizzatur biex jiġu kkoordinati l-isforzi u r-riżorsi għall-immodernizzar tas-settur pubbliku fil-qasam tal-Gvern elettroniku. Il-Pjan ta’ Azzjoni ma jkollux baġit dedikat jew strument ta’ finanzjament; madankollu se jgħin biex jiġu kkoordinati sorsi ta’ finanzjament u miżuri li jakkumpanjawhom li huma disponibbli għall-Istati Membri permezz ta’ programmi differenti tal-UE 9 .

2.Viżjoni u prinċipji bażi

Il-gvernijiet tal-Istati Membri ilhom jaspiraw li jkunu miftuħa, flessibbli u kollaborattivi fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini u n-negozji, bl-użu tal-Gvern elettroniku biex iżidu l-effiċjenza u l-effettività tagħhom u jtejbu s-servizzi pubbliċi 10 .

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa ggwidat mill-viżjoni segwenti:

Sal-2020, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu miftuħin, effiċjenti u inklużivi, billi jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali bla fruntieri, personalizzati, faċli għall-utenti u minn tarf għall-ieħor għaċ-ċittadini u n-negozji fl-UE. Jintużaw approċċi innovattivi biex jitfasslu u jingħataw servizzi aħjar skont il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozji. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jużaw l-opportunitajiet offruti mill-ambjent diġitali l-ġdid biex jiffaċilitaw l-interazzjonijiet tagħhom mal-partijiet ikkonċernati u ma’ xulxin.

Il-ftuħ tad-dejta u tas-servizzi bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi ġewwa l-fruntieri u lil hinn minnhom iżid l-effiċjenza tagħhom u jiffaċilita l-moviment liberu tan-negozji u taċ-ċittadini. Ħajjiet iċ-ċittadini saru dejjem iktar diġitali, u dan iwassal għal aspettattivi ogħla fir-rigward tal-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika 11 . L-utenti jixtiequ jifhmu kif jaħdem is-servizz 12 u jippretendu trasparenza akbar. Barra minn hekk, billi jaħdmu b’mod apert u jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati fit-teħid ta’ deċiżjonijiet 13 , l-amministrazzjonijiet pubbliċi jsiru iktar affidabbli u iktar responsabbli. Barra minn hekk, il-ftuħ tad-dejta u tas-servizzi tas-settur pubbliku għal partijiet terzi, f’konformità sħiħa mal-qafas legali għall-protezzjoni tad-dejta personali u għall-privatezza, jista’ jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività.

L-inizjattivi li se jiġu mnedija bħala parti minn dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandhom josservaw il-prinċipji sottostanti, li huma appoġġati bis-saħħa mill-partijiet ikkonċernati 14 : 

Digitali b’mod awtomatiku: l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom iwasslu servizzi b’mod diġitali (inkluża informazzjoni li tinqara minn magna) bħala l-għażla ppreferuta (waqt li jżommu mezzi oħra miftuħin għal dawk li mhumiex imqabbdin mal-internet, kemm jekk din tkun l-għażla tagħhom kif ukoll għax ma jkunux jistgħu). Barra minn hekk, is-servizzi pubbliċi għandhom jitwasslu permezz ta’ punt ta’ kuntatt uniku jew punt uniku ta’ kuntatt u b’mezzi differenti.

Prinċipju ta’ darba: L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jagħtu l-istess informazzjoni darba biss lil aministrazzjoni pubblika. Jekk jingħataw il-permess, l-uffiċċji tal-amministrazzjoni pubblika għandhom jieħdu azzjoni biex internament jerġgħu jużaw din id-dejta, waqt li jħarsu kif dovut ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, biex ma jaqa’ l-ebda piż addizzjonali fuq iċ-ċittadini u n-negozji.

Inklussività u aċċessibbiltà: l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ifasslu servizzi pubbliċi diġitali li huma inklużivi b’mod awtomatiku u li jaħsbu għal bżonnijiet differenti bħal pereżempju dawk tal-anzjani u tal-persuni b’diżabbiltà 15 .

Ftuħ u trasparenza: l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiskambjaw informazzjoni u dejta bejniethom u jippermettu li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jaċċessaw, jikkontrollaw u jikkoreġu d-dejta tagħhom stess; għandhom jippermettu lill-utenti biex jimmonitorjaw proċessi amministrattivi li jikkonċernahom; għandhom jikkollaboraw u jinfetħu mal-partijiet ikkonċernati (bħal pereżempju n-negozji, ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ) fit-tfassil u t-twassil tas-servizzi.

Transfruntier b’mod awtomatiku: l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jagħmlu s-servizzi diġitali pubbliċi rilevanti disponibbli minn naħa għall-oħra tal-fruntieri u għandhom jimpedixxu li tikber il-frammentazzjoni, biex b’hekk jiffaċilitaw il-mobbiltà fi ħdan is-Suq Uniku. 

Interoperabbiltà b’mod awtomatiku: is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu ddisinnjati biex jaħdmu bla problemi fis-Suq Uniku kollu u lil hinn mis-sajlos organizzazzjonali, abbażi tal-moviment liberu tad-dejta u s-servizzi diġitali fl-Unjoni Ewropea.

Affidabbiltà u Sigurtà: L-inizjattivi kollha għandhom imorru lil hinn mis-sempliċi konformità mal-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza, u s-sigurtà tal-IT, billi jintegraw dawk l-elementi fil-fażi tad-disinn. Dawn huma prekondizzjonijiet importanti biex tiżdied il-fiduċja fis-servizzi diġitali kif ukoll l-adozzjoni tagħhom.

L-amministrazzjonijiet, il-korpi pubbliċi, in-negozji u l-utenti jafu l-aktar xi jridu. L-għażla tas-sistemi u t-teknoloġiji, u ta’ disinni distribwiti jew ċentralizzati għandha tkun kollha kemm hi skont l-għażla u l-ħtiġijiet tagħhom iżda għandha tirrispetta b’mod sħiħ ir-rekwiżiti li jkun sar qbil fuqhom għall-interoperabbiltà.

3.Prijoritajiet tal-Politika

L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tistabbilixxi objettivi strateġiċi biex timmodernizza l-amministrazzjoni pubblika, tikseb interoperabbiltà transfruntiera u tiffaċilita l-interazzjoni faċli maċ-ċittadini, bil-mira tat-trasformazzjoni diġitali aċċellerata tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri u l-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-prijoritajiet ta’ politika, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi azzjonijiet konkreti biex jitħaffef ir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ezistenti u l-adozzjoni relatata ta’ servizzi pubbliċi online.

3.1.L-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika bl-ICT, bl-użu ta’ xprunaturi diġitali ewlenin

L-amministrazzjonijiet pubbliċi moderni u effiċjenti jridu jiżguraw servizzi veloċi u ta’ kwalità għolja u ambjent faċli għan-negozju; kif ġie rikonoxxut fl-Istħarriġ reċenti dwar it-Tkabbir Annwali Ekonomiku 16 . Jeħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jittrasformaw il-back offices tagħhom, jerġgħu jaħsbu u jfasslu mill-ġdid il-proċeduri u s-servizzi eżistenti, u jiftħu d-dejta u s-servizzi tagħhom għal amministrazzjonijiet oħra, u safejn ikun possibbli, għan-negozji u s-soċjetà ċivili.

Dawn l-isforzi jridu jiddependu fuq xprunaturi diġitali ewlenin. Is-servizzi pubbliċi diġitali għandhom jibnu fuq soluzzjonijiet u servizzi kondiviżi u li jistgħu jerġgħu jintużaw ibbażati fuq standards u speċifikazzjonijiet tekniċi maqbula biex inaqqsu l-ispiża tal-iżvilupp tagħhom u l-ħin sakemm jiġu mnedija, u biex tiżdied l-interoperabbiltà. Il-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà jiggarantixxi li l-interoperabbiltà tinftiehem b’mod komuni fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi 17 . L-investiment transfruntier jista’ jkun ta’ benefiċċju sostanzjali għal din l-interoperabbiltà.

Tinsab għaddejja ħidma li tappoġġa t-tranżizzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri lejn sistema sħiħa ta akkwisti elettroniċi, l-użu ta reġistri tal-kuntratti u firem elettroniċi interoperabbli 18 . B’enfasi fuq id-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwisti, e-Certis u l-fatturazzjoni elettronika u approċċ koordinat lejn l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ akkwisti elettroniċi, l-objettiv hu li sal-2018, il-kumpaniji jkunu jistgħu jagħmlu offerti għal kuntratti ta’ akkwisti pubbliċi kullimkien fl-Unjoni Ewropea b’mod elettroniku u sal-2019, il-fatturazzjoni elettronika tkun aċċettata mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE.

Hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali mill-amministrazzjonijiet kollha biex iħaffu r-ritmu tal-adozzjoni ta’ servizzi ta’ identifikazzjoni elettronika u ta’ fiduċja għat-tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (servizzi 19 eIDAS). Azzjonijiet oħrajn biex jaċċeleraw l-użu transfruntier u transettorjali tal-identifikazzjoni elettronika (eID), inkluż l-identità mobbli, u s-servizzi ta’ fiduċja (b’mod partikolari l-Firma elettronika (eSignature), l-awtentikazzjoni ta’ sit web u s-servizz online ta’ kunsinna reġistrata) se jiġu segwiti f’negozji b’mezzi diġitali (bħal pereżempju s-servizzi bankarji, dawk finanzjarji, il-kummerċ elettroniku (eCommerce) u l-ekonomija kollaborattiva) u fis-settur pubbliku l-aktar fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-bżonn li jiġi ffaċilitat l-użu tal-identifikazzjoni remota u l-awtentikazzjoni sigura fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur 20 .

L-użu mill-ġdid ta’ servizzi miftuħa u moduli tekniċi (bħall-eID, l-Firma elettronika, il-Konsenja elettronika u l-Fatturat elettroniku) mill-Istati Membri huwa kritiku għall-interoperabbiltà. Id-disponibbiltà ta’ dawn is-servizzi bħalissa hi ggarantita mill-finanzjament mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; madankollu jeħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom u s-sostenibbiltà lil hinn minn dan il-programm ta’ finanzjament. Għalhekk, il-Kummissjoni se tippreżenta t-triq ’il quddiem għas-sostenibbiltà tagħhom wara l-2020.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni se

Data fil-mira

1.Tappoġġa t-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn sistema sħiħa ta’ akkwisti elettronċii u l-użu ta’ reġistri tal-kuntratti. 

2019

2.Taċċelera l-adozzjoni tas-servizzi eIDAS, inklużi l-eID u l-Firma elettronika. 

2016

3.Tiżgura s-sostenibbiltà tal-infrastruttura tas-servizzi diġitali transfruntiera.

2018

Kif imħabbar fl-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni tippjana li tipproponi Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF) sa tmiem l-2016 u se tappoġġa l-adozzjoni tiegħu mill-amministrazzjonijiet nazzjonali bil-għan li ssaħħaħ l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi fl-UE.

Huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-adozzjoni ta’ standards Ewropej u internazzjonali u speċifikazzjonijiet tekniċi eżistenti kif ukoll oħrajn ġodda li qed jiġu żviluppati skont il-Pjan ta’ Standards tal-ICT ta’ Prijorità. Il-Kummissjoni se tikkoordina mal-Istati Membri l-iżvilupp ta’ prototip għal Katalgu Ewropew tal-istandards tal-ICT dwar l-akkwisti pubbliċi li jappoġġa l-interoperabbiltà fl-akkwisti tas-soluzzjonijiet diġitali billi jikkoordina r-referenza għal settijiet komuni ta’ standards u profili tal-ICT fis-sejħiet għal offerti tal-Akkwirenti Pubbliċi.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni se

Data fil-mira

4.Tippreżenta verżjoni riveduta tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà u tappoġġa l-adozzjoni tiegħu mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

2016-2019

5.Tikkoordina l-iżvilupp ta’ prototip għall-Katalogu Ewropew tal-istandards tal-ICT dwar l-akkwisti pubbliċi.

2017

Fid-dawl tat-trasformazzjoni diġitali tagħha stess u biex tkun konformi mal-obbligi legali stabbiliti għall-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea se tieħu wkoll għadd ta’ azzjonijiet konkreti.

Meta tkun qed twettaq l-eżerċizzji tagħha tal-idoneità tar-regolamentazzjoni (REFIT) biex tirrevedi l-acquis eżistenti tas-suq intern u/jew tfassal proposti ġodda, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-interoperabbiltà u l-benefiċċji li jista’ jġib l-użu effettiv ta’ tekonoloġiji diġitali. L-għan hu li jitneħħew proċessi li huma kumplessi bla bżonn, li huma bbażati fuq il-karta jew idduplikati (jiġifieri għadd kbir ta’ punti ta’ kuntatt, proċessi ta’ rappurtar, skambju ta’ dejta jew rekwiżiti tas-sistemi).

Fid-dawl tat-trasformazzjoni diġitali tagħha stess, il-Kummissjoni se tippubblika d-dejta tagħha fuq il-Portal tal-UE tad-Dejta Miftuħa 21 , li jaqbad mal-Portal Ewropew tad-Dejta Miftuħa 22 , fejn rilevanti tiskambja u terġa’ tuża moduli operazzjonali bħal pereżempju l-infrastrutturi ta’ Servizzi Diġitali (DSIs), u tapplika l-verżjoni riveduta tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. Gradwalment, il-Kummissjoni se tintroduċi l-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” meta tinteraġixxi online mal-partijiet ikkonċernati esterni, bl-użu tas-servizzi eIDAS (fl-2018), is-servizzi tal-Iffatturar elettroniku (eInvoicin)(fl-2018) u tal-Akkwisti elettroniċi (eProcurement)(fl-2019). Biex tnaqqas il-piż amministrattiv, il-Kummissjoni gradwalment se tniedi l-prinċipju “ta’ darba” fl-interazzjonijiet tagħha mal-fornituri u l-parteċipanti fl-għotjiet u se teżamina l-possibilitajiet li tintroduċi l-prinċipju “ta’ darba” għal partijiet ikkonċernati oħrajn. Il-Kummissjoni se tevalwa l-implikazzjoni tal-implimentazzjoni possibbli tal-“prinċipju ta’ nuqqas ta’ legat” (tiġdid tas-sistemi tal-IT u tat-teknoloġiji wara ċertu ammont ta’ żmien, biex jibqgħu konformi mal-ambjent u l-iżvilupp tat-teknoloġija li dejjem jinbidlu) fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Azzjonijiet

Data fil-mira

6.Il-Kummissjoni se tuża l-moduli komuni bħal pereżempju CEF DSIs u ssegwi l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. Gradwalment se tintroduċi l-prinċipji “diġitali b’mod awtomatiku” u “ta’ darba” fis-servizzi tal-Iffatturar elettroniku u ta’ Akkwisti elettroniċi u se tivvaluta l-implikazzjoni ta’ implimentazzjoni possibbli tal-prinċipju ta’ “nuqqas ta’ legat”.

2016-2019

Inizjattivi addizzjonali jistgħu jimmiraw li jnaqqsu l-piż amministrattiv u jtejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, billi jagħmlu s-servizzi pubbliċi diġitali “ibbażati fuq il-ħtiġijiet” u faċli għall-utent jew billi jużaw mill-ġdid dejta u servizzi bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi (waqt li jirrispettaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza).

Inizjattivi oħrajn jistgħu jimmiraw li jiżviluppaw moduli ġodda komuni barra dawk eżistenti 23 , jappoġġaw l-adozzjoni u jħeġġu l-użu u l-kondiviżjoni ta’ infrastrutturi tal-cloud, tad-dejta u tal-komputazzjoni. L-inizjattivi jistgħu jippromwovu wkoll pereżempju l-użu ta’ dejta kbira jew l-Internet tal-Oġġetti (Internet of Things) għal servizzi b’dejta intensiva u għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ politika bbażati fuq l-evidenza u appoġġati b’infrastruttura xierqa. Infrastruttura Cloud kondiviża li tospita l-Gvern elettroniku tista’ tgħin fir-realizzazjoni ta’ ffrankar importanti b’ekonomiji ta’ skala, billi ttejjeb il-ħin għat-twassil tagħhom fis-suq, kif ukoll tiftaħ id-dejta u s-servizzi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud 24 se toffri infrastruttura għax-xjenza iżda se tiftaħha wkoll għall-amministrazzjonjiet pubbliċi billi se tagħti aċċess għad-dejta u għall-qawwa komputazzjonali bla preċedent għat-twassil aħjar tas-servizzi fil-livelli kollha (minn lokali sa nazzjonali sa fil-livell tal-UE).

3.2.Il-possibbiltà ta’ mobbiltà transfruntiera permezz ta’ servizzi pubbliċi diġitali interoperabbli

Is-Suq Uniku tal-UE ma jistax jaħdem b’mod effettiv mingħajr is-servizzi pubbliċi diġitali transfruntieri. Tali servizzi jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq, iżidu l-fiduċja fis-Suq Uniku u jistimulaw il-kompetizzjoni mas-Suq Uniku kollu. L-amministrazzjonijiet għandhom jgħinu lin-negozji joperaw online minn naħa għall-oħra tal-fruntieri fi ħdan is-Suq Uniku, għandhom jissimplifikaw l-aċċess għall-informazzjoni skont il-liġijiet tan-negozji u l-kumpaniji tal-UE u għandhom jippermettu lin-negozji jibdew bin-negozju tagħhom b’mod faċli, jespandu u joperaw fi Stati Membri oħra permezz ta’ servizzi elettroniċi pubbliċi minn tarf għall-ieħor. 

Biex isir progress lejn lejn dawn il-prijoritajiet, għadd ta’ azzjonijiet konkreti huma inklużi f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni bil-għan li jikkontribwixxu lejn il-ħolqien ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi transfruntiera faċli għan-negozji u jgħinu l-mobbiltà taċ-ċittadini.

Bħalissa, l-informazzjoni, il-pariri, il-mekkaniżmi biex jissolvew il-problemi, il-punti ta’ kuntatt u l-proċeduri relatati mas-Suq Uniku ma joperawx bħala ħaġa sħiħa iżda huma sparpaljati, mhux kompluti, mhux interkonnessi b’mod suffiċjenti u mhux faċli għall-utent b’mod konsistenti - kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali. Għalhekk, huwa diffiċli għall-utenti biex isibu l-informazzjoni u l-assistenza tajba meħtieġa. Għalhekk, il-Kummissjoni se tipproponi l-ħolqien ta’ Portal Diġitali Uniku, ibbażat fuq portals, punti ta’ kuntatt u netwerks eżistenti, li jespandi, itejjeb u jissimplifika l-informazzjoni, is-servizzi ta’ assistenza u għas-soluzzjoni tal-problemi kollha meħtieġa biex jopera b’mod effiċjenti minn naħa għall-oħra tal-fruntieri, u li jippermetti lill-utenti jikkompletaw totalment online il-proċeduri nazzjonali li jintużaw bl-aktar mod frekwenti.

Il-Kummissjoni se tagħmel il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika punt uniku ta’ kuntatt għall-informazzjoni dwar il-ġustizzja Ewropea u għal aċċess għal proċessi ġudizzjarji fl-Istati Membri. Għall-2016, dan jinkludi il-go-live tal-għodda għal komunikazzjonijiet diretti bejn iċ-ċittadini u l-qrati fi Stati Membri oħra (e-CODEX), kif ukoll l-introduzzjoni tal-magna tat-tiftix tal-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (European Case Law Identifier/ECLI). Żviluppi oħrajn se jsegwu l-Pjan ta’ Azzjoni Multiannwali Ewropew dwar il-Ġustizzja Elettronika għall-2014-2018.

Il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha li tinsab għaddejja flimkien mal-Istati Membri, għall-istabbiliment ta’ interkonnessjoni mandatorja tar-reġistri tan-negozji kollha tal-Istati Membri 25 , biex ikun permess aċċess bil-portal Ewropew dwar il-Ġustizzja elettronika għal ċerta informazzjoni dwar kumpaniji rreġistrati fl-Istati Membri u biex jiġi żgurat li r-reġistri tan-negozji kollha kkonċernati tal-UE jkunu jistgħu jikkomunikaw bejniethom elettronikament b’mod sigur. Dan għandu jżid il-fiduċja fis-Suq Uniku permezz tat-trasparenza u tal-informazzjoni aġġornata dwar il-kumpaniji u għandu jnaqqas il-piżijiet minn fuq il-kumpaniji.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa aktar ukoll interkonnessjoni elettronika tar-reġistri tal-insolvenza biex iżżid it-trasparenza u ċ-ċertezza legali fis-Suq Intern 26 . Ir-Regolament 2015/848 jobbliga lill-Istati Membri biex jistabbilixxu r-reġistri elettroniċi tal-insolvenza domestika tagħhom stess sal-2018, waqt li l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza għandha tiġi stabbilita sal-2019. Dan se jsir disponibbli fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.

It-titjib tal-użu ta’ għodda diġitali fil-proċess ta’ konformità mar-rekwiżiti relatati mal-liġi tal-kumpaniji tul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija għandu jikseb soluzzjonijiet iktar sempliċi u ta’ inqas piż għall-kumpaniji. Minbarra l-proposta ta’ Kumpanija b’Membru Uniku, il-Kummissjoni biħsiebha tikkunsidra modi oħra 27 fi ħdan inizjattiva kif deskritta fl-Istrateġija tas-Suq Uniku biex tiffaċilita l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni online u għall-arkivjar elettroniku tad-dokumenti u l-informazzjoni tal-kumpanija 28 fir-reġistri tan-negozju, f’kuntest transfruntier ukoll.

Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex testendi l-Mekkaniżmu Elettroniku Uniku għar-reġistrazzjoni u l-ħlas ta’ VAT għan-negozju transfruntier u għall-bejgħ online ta’ oġġetti fiżiċi lill-konsumaturi, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, li hu wieħed mill-ostakli ewlenin li jiffaċċjaw in-negozji li joperaw fuq bażi transfruntiera.

Kif imħabbar fis-Suq Uniku Diġitali, fl-2016 se jitnieda proġett pilota fuq skala kbira dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ darba min-naħa għall-oħra tal-fruntieri fil-qasam ta’ bejn in-negozju u l-gvern bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri.

Barra dan, il-Kummissjoni se tistabbilixxi tieqa uniku Ewropea ta’ li tindirizza l-prinċipju ta’ darba għall-finijiet ta’ rapportar fit-trasport marittimu. F’kuntest usa’, il-Kummissjoni qed taħdem fuq id-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti tat-trasport għall-modi kollha u l-promozzjoni tal-aċċettazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni se

Data fil-mira

7.Tissottometti proposta għal Portal Diġitali Uniku.

2017

8.Tagħmel il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika punt uniku ta’ kuntatt għal informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ ġustizzja Ewropej

2016

9.Tistabbilixxi kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-interkonnessjoni mandatorja tar-reġistri tan-negozji kollha tal-Istati Membri.

2017

10.Tiżviluppa iktar l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri tal-insolvenza.

2019

11.Tippreżenta inizjattiva biex tiffaċilita l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija.

2017

12.Tippreżenta proposta leġiżlattiva biex testendi l-Mekkaniżmu Elettroniku Uniku għar-reġistrazzjoni u l-ħlas tal-VAT.

2016

13.Tniedi proġett pilota dwar il-Prinċipju ta’ Darba Biss għan-negozji.

2016

14.Tistabbilixxi tieqa unika għal skopijiet ta’ rappurtar fit-trasport marittimu u tiddiġitalizza d-dokumenti elettroniċi tat-trasport.

2018

Bappoġġ għall-mobbiltà transfruntiera taċ-ċittadini, il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-Iskambju Elettroniku tal-Informazzjoni tas-Sigurtà Soċjali (Electronic Exchange of Social Security Information/EESSI), li jippermetti l-interkonnessjoni bejn l-amministrazzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-iskambju tad-dejta elettronika fi 32 pajjiż 29 . L-iskop tal-EESSI hu li jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini billi jippermetti l-iskambju elettroniku ta informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali personali fl-UE fost l-amministrazzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa iktar il-portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol ta EURES, li joffri iktar servizzi għal min qed ifittex ix-xogħol u għal min iħaddem, iżid l-integrazzjoni bejn is-sistemi tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u l-portal billi jiġu kondiviżi wkoll il-Profili tal-Persuna li qed tfittex ix-xogħol (CVs) 30 . Dan se jiffaċilita l-mobbiltà tal-persuni li qed ifittxu x-xogħol fl-UE.

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-Istati Membri fl-iżvilupp tas-servizzi tas-saħħa elettronika li jippermettu wkoll l-iskambju transfruntier tar-riċetti elettroniċi, skont il-linji gwida tar-riċetti elettroniċi adottati min-Netwerk tas-Saħħa elettronika 31  u s-soluzzjonijiet tat-telemediċina u tat-telemonitoraġġ, b’mod partikolari għall-forniment b’suċċess tat-trattament min-Netwerks Ewropej ta’ Referenza 32 . Barra dan, se tappoġġa l-iżvilupp ta rapport u ta linji gwida min-Netwerk għas-Saħħa elettronika dwar l-aċċess elettroniku miċ-ċittadini għad-dejta dwar saħħithom.

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni se

Data fil-mira

15.Tlesti l-istruttura tal-Iskambju Elettroniku tal-Informazzjoni tas-Sigurtà Soċjali.

2019

16.Tiżviluppa iktar il-Portal Ewropew dwar il-Mobbiltà Okkupazzjonali EURES.

2017

17.Tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ servizzi transfruntiera tas-Saħħa elettronika.

2016-

2018

Inizjattivi futuri skont din il-prjorità jistgħu jimmiraw li joffru servizzi transfruntiera bla xkiel liċ-ċittadini għall-“avvenimenti tal-ħajja” tagħhom (bħal pereżempju l-bidla fl-impjieg, iċ-ċaqliq u ż-żwieġ) u n-negozji, li jagħmilha iktar faċli għalihom li jibdew negozju, jespandu u joperaw fi Stati Membri oħra. Inizjattivi addizzjonali skont din il-prijorità jistgħu wkoll jimmiraw li jtejbu l-kwalità ta’ servizzi eżistenti tal-Gvern elettroniku offruti liċ-ċittadini u lin-negozji ta’ Stati Membri oħra.

3.3.L-iffaċilitar tal-interazzjoni diġitali bejn l-amministrazzjonijiet u ċ-ċittadini/in-negozji għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja

L-ambjent diġitali ġdid joffri opportunitajiet biex tiġi ffaċilitata l-interazzjoni taċ-ċittadini, in-negozji u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi mal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Is-servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja huma marbuta mal-kompetittività u għandhom influwenza fuq fejn isiru l-investimenti. Esperjenzi reċenti juru li hemm potenzjal promettenti biex jitwasslu tali servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, billi jiżdied l-involviment tan-negozji u ċ-ċittadini kif ukoll ir-riċerkaturi fit-tfassil u l-provvista tagħhom, u billi jiġi żgurat feedback għat-titjib fejn dan ikun meħtieġ. Dan iwassal biex titnaqqas iktar il-burokrazija, jitħaffef l-użu u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-twassil.

Barra minn hekk, bil-ftuħ tad-dejta u s-servizzi tas-settur pubbliku u l-iffaċilitar tal-użu mill-ġdid tagħhom minn partijiet terzi b’ħarsien kif suppost tal-prinċipju “l-Affidabbiltà u s-Sigurtà”, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jrawmu opportunitajiet ġodda għall-għarfien, għat-tkabbir u għall-impjiegi. Meta jiftħu d-dejta tagħhom, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jsiru iktar trasparenti, iżidu r-responsabbiltà tagħhom waqt li jersqu eqreb taċ-ċittadini tagħhom.

Fid-dawl ta’ dawn il-prijoritajiet ta’ politika, il-Kummissjoni se tipprovdi servizzi ta’ kwalità għolja, aċċessibbli online liċ-ċittadini u n-negozji fl-UE billi tittrasforma s-siti elettroniċi mmaniġġjati mill-Kummissjoni fi preżenza fuq il-web tematika u mmirata għall-utent. Dan se jbiddel b’mod sinifikanti l-mod kif il-Kummissjoni tinteraġixxi maċ-ċittadini online billi tipprovdi preżenza fuq il-web rilevanti, koerenti u kosteffettiva. Dan se jżid it-trasparenza kif ukoll jippermetti l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u n-negozji fil-programmi tal-UE u fit-tfassil tal-politika.

Biex tiffaċilita l-interazzjoni taċ-ċittadini mal-amministrazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tevalwa l-possibbiltà li tapplika l-prinċipju ta’ darba biss għaċ-ċittadini f’kuntest transfruntier, b’ħarsien kif suppost fir-rispett dovut tal-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza.

Bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud 33 , il-Kummissjoni se toħloq pjattaforma għall-awtoritajiet pubbliċi biex huma jiftħu d-dejta u s-servizzi tagħhom, u bhekk tiġi żviluppata l-bażi tal-Gvern bħala Servizz (Government as a Service/GaaS) għall-UE.

Hemm domanda dejjem tikber min-negozji u ċ-ċittadini biex ikollhom aċċess għal dejta ta’ kwalità għolja, interoperabbli u li tista’ terga tintuża biex jingħataw servizzi ġodda, b’mod partikolari fil-qasam tad-dejta spazjali. L-użu ta’ dejta spazjali għal skopijiet urbani, tal-użu tal-art, tal-ippjanar tat-traffiku u xjentifiċi jista’ joħroġ innovazzjonijiet ġodda li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-soċjetà bħal pereżempju t-tnaqqis tal-impatt negattiv fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tipproponi l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet għall-utent finali, inklużi applikazzjonijiet speċifiċi fil-livell tal-UE, b’tali mod li tikseb b’mod aktar effiċjenti mingħand iċ-ċittadini u n-negozji d-dejta pprovduta permezz tad-Dejta Spazjali (INSPIRE) għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika fil-livell tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tar-rappurtar u l-promozzjoni tal-konformità 34 . Dan se jtejjeb it-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza u se jappoġġa l-proċessi tal-Gvern elettroniku fejn tkun meħtieġa dejta spazjali ta’ kwalità għolja (eż. reġistri tal-artijiet, mapep, indirizzi, binjiet, parks, siti protetti, żoni ta’ risku naturali, eċċ.).

Azzjonijiet

Il-Kummissjoni se

Data fil-mira

18.Tevalwa l-possibbiltà li tapplika l-prinċipju ta’ darba biss għaċ-ċittadini f’kuntest transfruntier.

2019

19.Taċċellera t-tnedija u l-adozzjoni tal-infrastruttura u l-adozzjoni tal-infrastruttura tad-dejta skont id-Direttiva INSPIRE.

2016-2020

20.Tittrasforma s-siti elettroniċi tagħha biex jappoġġaw l-involviment u l-parteċipazzjoni ta’ ċittadini u ta’ negozji fil-programmi u t-tfassil ta’ politika tal-UE.

2018

Inizjattivi futuri li jistgħu jiġu proposti skont din il-prijorità għandhom jikkontribwixxu għall-involviment taċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà ċivili fit-tfassil, il-produzzjoni u l-konsenja kollaborattiva ta’ servizzi pubbliċi u biex jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji u ċ-ċittadini. Inizjattivi ġodda oħra jistgħu jinkludu t-teħid ta’ dejta minn kwalunkwe sors u l-użu mill-ġdid tad-dejta u s-servizzi tas-settur pubbliku għall-ħolqien ta’ servizzi ġodda, innovattivi minn atturi oħra (kemm pubbliċi kif ukoll privati). Barra dan, l-inizjattivi jistgħu jiffokaw fuq iż-żieda fit-trasparenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, billi l-involviment u l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mistennija wkoll li jżidu r-responsabbiltà u l-fiduċja u jnaqqsu l-opportunitajiet għal-korruzzjoni.

4.Twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi azzjonijiet li jridu jiġu mnedija fl-2016 u l-2017. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ azzjonijiet oħra biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fi ħdan kull waħda mill-prijoritajiet ta’ politika hawn fuq u biex ikun hemm adattament għall-ambjent teknoloġiku li jinbidel b’mod rapidu.

Jistgħu jiġu proposti azzjonijiet ġodda mill-Kumissjoni biex timplimenta l-leġiżlazzjoni tal-UE jew biex tibda azzjoni konġunta. Il-partijiet ikkonċernati (inkluż grupp ta’ Stati Membri) jistgħu wkoll jipproponu azzjonijiet għall-implimentazzjoni skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku, b’mod partikolari għall-avvenimenti differenti tal-ħajja permezz ta’ pjattaforma interattiva għall-involviment diġitali.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi u tippresjedi wkoll “Bord tat-Tmexxija dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku” li jikkonsisti fir-rappreżentanti tal-Istati Membri responsabbli mill-istrateġiji nazzjonali tal-Gvern elettroniku tagħhom. Il-Bord tat-tmexxija jkollu l-inkarigu li jmexxi l-Pjan ta’ Azzjoni (iżda mhux l-azzjonijiet individwali fil-Pjan ta’ Azzjoni), b’mod partikolari biex jevalwa u jagħżel azzjonijiet identifikati ġodda matul id-durata kollha tal-Pjan ta’ Azzjoni u jikkoordina l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi tal-miżuri tal-Pjan ta’ Azzjoni. Jekk azzjoni proposta tirriżulta f’inizjattiva tal-Kummissjoni, din tkun soġġetta għar-rekwiżiti tagħha dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar 35 .

It-twettiq tal-miżuri proposti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku se jkun possibbli biss permezz ta’ impenn konġunt u ta’ responsabbiltà konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni.

(1)  Recommendation of the Council on Digital Government Strategies, OECD, 2014
(2)  Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-istateġija i2010 dwar il-Gvern elettroniku għall-2006-2010 u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2011-2015
(3)   https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/mid-term-evaluation-e-government-action-plan-2011-2015-implementation-smart-2012-006020
(4)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għal Evalwazzjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020
(5)  COM(2010) 743 final
(6) F’konformità mal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-and-investment_en
(7)  COM(2015) 192 final
(8)   https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/mid-term-evaluation-e-government-action-plan-2011-2015-implementation-smart-2012-006020
(9)  Inkluża l-Faċilità Nikollegaw l-Ewropa (CEF), il-programm ISA² (Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej), Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), il-Programm ta’ Ġustizzja u l-Programm ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali.
(10)  Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Malmö dwar il-Gvern elettroniku, 2009
(11)  EU eGovernment Benchmark Report 2014
(12)  EU eGovernment Benchmark Report 2015
(13)  Recommendation of the Council on Digital Government Strategies, OECD, 2014
(14) https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/contributions-and-preliminary-trends-public-consultation-egovernment-action-plan-2016-2020  
(15)  Bħalissa tinsab pendenti mal-koleġiżlaturi proposta għal Direttiva dwar l-aċċessibbiltà tal-web, COM (2012)721.
(16)  Stħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2015 u 2016
(17)  Il-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà rivedut se jiġi ppubblikat fl-2016
(18)  COM(2015) 192 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1447773803386&uri=CELEX:52015DC0192
(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014
(20)  http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/retail-financial-services/index_en.htm
(21)   http://open-data.europa.eu  
(22)   http://data.europa.e/europeandataportal  
(23)  bħal pereżempju, eID, Firma elettronika, Konsenja elettronika, Fatturat elettroniku u Traduzzjoni elettronika
(24)  European Cloud Initiative – Building a competitive data and knowledge economy in Europe
(25)  Id-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji (ĠU L 156, 16.6.2012, p. 1)
COM(2015) 192 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1447773803386&uri=CELEX:52015DC0192
(26)  kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2015/848 dwar il-proċeduri tal-insolvenza (riformulazzjoni)
(27)  Kif iddefiniti fil-Komunikazzjoni tal-Kunsill “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015) 550, p. 5.
(28)  Ara wkoll COM(2015) 550, p. 5.
(29)  28 Stat Membru (SM) tal-Unjoni Ewropea (UE), l-Iżvizzera u 3 Pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): in-Norveġja, l-Iżlanda u Liechtenstein
(30)  L-iskop ta’ EURES hu li jipprovdi servizzi ta’ informazzjoni, pariri u reklutaġġ/kollokament (tqabbil ta’ impjieg) għall-benefiċċju tal-ħaddiema u l-impjegaturi kif ukoll ta’ kull ċittadin li jrid jibbenefika mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni.
(31)  Linji Gwida dwar is-Sett ta’ Dejta tar-Riċetti elettroniċi għall-iskambju elettroniku skont id-Direttiva 2011/24/KE dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali
(32)  Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali
(33)  European Cloud Initiative – Building a competitive data and knowledge economy in Europe
(34)   Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea, ĠU L 108,25.4.2007, p. 1. (Ir-rapport dalwaqt isir disponibbli fuq din il-paġna web: http://inspire.ec.europa.eu/) http://inspire.ec.europa.eu/) http://inspire.ec.europa.eu/)
(35) F’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar, SWD(2015) 111