28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija”

[COM(2016) 761 final — 2016/0376 (COD)]

(2017/C 246/07)

Relatur:

Mihai MANOLIU

Konsultazzjoni

Il-Kunsill, 9.12.2016

Il-Parlament Ewropew: 12.12.2016

Bażi legali

Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.4.2017

Adottata fil-plenarja

26.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

115/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Hemm bżonn li ċ-ċittadini tal-Ewropa jipparteċipaw b’mod attiv fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija, li jieħdu inizjattiva u jikkooperaw f’kuntest ta’ proġetti komuni, u li jagħmlu ħilithom sabiex jitneħħew l-ostakli ekonomiċi, amministrattivi u regolatorji. L-għan komuni għandu jkun li jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-COP21, bid-diversi vantaġġi li jirriżultaw minnu: investimenti ġodda (rinnovazzjoni tal-bini, titjib fil-kumdità, qari bil-miters intelliġenti u sostenibbli) li kapaċi joħolqu impjiegi, tnaqqis tal-livell ta’ faqar enerġetiku, tnaqqis tat-tniġġis u titjib fil-livell tas-saħħa tal-popolazzjoni, jew saħansitra tnaqqis tad-dipendenza fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-enerġija. Il-KESE jitlob li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b’mod aktar qawwi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija, peress li l-għanijiet il-ġodda proposti għall-2030 huma aktar ambizzjużi minn dawk stabbiliti għall-2020.

1.2.

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija importanti ferm għall-futur tas-sistema tal-enerġija Ewropea. Li tissaħħaħ l-effiċjenza fl-enerġija fl-oqsma kollha fejn tintuża l-enerġija jista’ jkun mod b’saħħtu biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-ekonomija Ewropea u, fuq kollox, il-prinċipju tal-effiċjenza fl-enerġija jista’ jsir fattur li jtejjeb l-aċċessibbiltà finanzjarja. Dan il-prinċipju jitlob li titnaqqas id-domanda ta’ infrastrutturi anċillari, li jiswew ħafna. L-obbligi fir-rigward tal-iffrankar tal-enerġija huma kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli (sitwazzjoni sostenibbli u sigura) u jkun jaqbel li jintużaw is-sinerġiji biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni effiċjenti għal sistema tal-enerġija reżiljenti u b’livell baxx ta’ karbonju li tkun intelliġenti (sistemi ta’ distribuzzjoni suprareġjonali, ġestjoni tad-domanda, sistemi ta’ ħażna).

1.3.

Il-KESE jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni, fir-rigward ta’ mira vinkolanti ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 30 % għall-2030, iżda jqis li għandha tingħata l-ġustifikazzjoni mistħoqqa għall-inizjattiva biex il-mira tiżdied minn 27 %, billi jintwerew il-vantaġġi ekonomiċi relatati u l-livell ta’ investimenti meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Huwa importanti ħafna li l-valutazzjoni tal-impatt tieħu kunsiderazzjoni tal-miżuri kollha stabbiliti permezz tal-pakketti leġislattivi dwar l-enerġija u l-klima.

1.4.

Il-KESE jitlob li, sabiex jingħelbu l-ostakli ewlenin li jxekklu l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija, jiżdied il-livell ta’ sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi finali, permezz ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni u komunikazzjoni dwar is-sistemi tal-effiċjenza tal-enerġija, kif ukoll dwar il-miżuri alternattivi. Jeħtieġ li jkunu possibbli investimenti addizzjonali, fejn kull Stat Membru għandu jiżviluppa azzjonijiet kredibbli ta’ informazzjoni, komunikazzjoni, edukazzjoni u assistenza li jħeġġu liċ-ċittadini u lin-negozji sabiex jaċċelleraw il-proċess u jintlaħaq l-objettiv politiku fir-rigward tal-klima u l-effiċjenza fl-enerġija.

1.5.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu aktar attenzjoni lil unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku u lill-akkomodazzjoni soċjali, li għalihom għandhom jitnaqqsu b’mod sostenibbli l-ispejjeż tal-enerġija. Għan importanti ieħor f’dan ir-rigward huwa li tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tal-istokk ta’ bini residenzjali u li jiġu stabbiliti standards minimi għal abitazzjonijiet mikrija (awditjar tal-enerġija).

1.6.

Il-KESE jinnota l-importanza ta’ edukazzjoni lill-konsumaturi finali dwar it-tekniki ta’ ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku (koġenerazzjoni, arja kundizzjonata), dwar il-miters intelliġenti u l-konsum u dwar il-pjani ta’ rinnovazzjoni. Din l-azzjoni hija wkoll essenzjali sabiex tħeġġeġ lill-investituri, lill-awtoritajiet pubbliċi u lin-negozji u tagħtihom il-fiduċja meħtieġa biex iwettqu proġetti b’potenzjal kbir ta’ effiċjenza u anke jipparteċipaw fl-iffinanzjar għar-riċerka u l-iżvilupp.

1.7.

Il-KESE jixtieq li d-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji Ewropej (self, garanziji u ekwità biex jattiraw finanzjament, għotjiet) ikunu tali li jkollhom l-effett li jattiraw anke finanzjament privat għal proġetti tal-enerġija. Ikun jaqbel li ma jintesiex is-settur tal-għotjiet għal proġetti b’impatt soċjali qawwi. Reġimi finanzjarji bħal dawn għandhom jiġu pprovduti għal proġetti mmirati lejn konsumaturi bi dħul baxx. Huwa ssuġġerit li, għall-pjani nazzjonali, jitfasslu linji gwida dwar it-trasparenza u l-komparabbiltà. Il-KESE jqis li bħala prijorità għandu jingħata appoġġ lill-familji affettwati mill-faqar enerġetiku, biex b’hekk jiġi żgurat qafas ta’ politika stabbli fit-tul għall-Istati Membri, bl-għan ta’ żvilupp lokali sostenibbli.

1.8.

Il-KESE huwa tal-fehma li dan jista’ jsir permezz ta’ assistenza teknika għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija, permezz ta’ skemi ta’ finanzjament innovattivi li jibbażaw fuq is-suq. Fir-rigward tal-ħruġ ta’ inċentivi finanzjarji, element kwantitattiv li jaqdi rwol ewlieni huwa l-awditjar tal-enerġija (id-definizzjoni tal-SMEs, it-tneħħija ta’ ċertifikazzjoni doppja, l-istabbiliment ta’ approċċ uniformi f’dak li għandu x’jaqsam mal-limitu de minimis applikat), li joffri kemm strument biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll vantaġġ f’termini ta’ kompetittività. Ikun jaqbel ukoll li jiġi adottat approċċ korrett dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità u dwar il-programmi nazzjonali ta’ taħriġ għall-fornituri tas-servizzi ta’ effiċjenza fl-enerġija.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda li bl-għan li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija għall-konsumaturi, fil-livell nazzjonali jitwettqu analiżijiet li jqabblu l-benefiċċji u l-ispejjeż u li jwasslu għat-tnaqqis tal-ispejjeż.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ approċċ olistiku u li ssir ħidma għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tas-sistema kollha tat-trasport, filwaqt li jsir użu mill-iżviluppi kontinwi fit-teknoloġija tal-vetturi u fis-sistemi ta’ propulsjoni, għal tranżizzjoni lejn mezzi ta’ trasport effiċjenti mil-lat tal-enerġija u sistemi ta’ trasport intelliġenti biex tiżdied ir-rata tal-użu tal-kapaċità disponibbli. Approċċ bħal dan għandu jiġi kkunsidrat ukoll għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu. L-utenti għandhom jiġu infurmati dwar il-konsum tal-fjuwil għal kull mezz ta’ trasport, inklużi l-livelli limiti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-CO2.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jaqbel li l-prinċipju li “ l-effiċjenza fl-enerġija tiġi l-ewwel” huwa element ewlieni tal-Unjoni tal-Enerġija, u din il-proposta ta’ emenda ser timplimenta dan il-prinċipju fil-prattika. L-orħos enerġija, l-iktar enerġija nadifa, l-iktar enerġija sigura hija l-enerġija li ma tintużax. L-effiċjenza fl-enerġija hija waħda mill-iktar modi kosteffettivi biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u biex jinħolqu t-tkabbir, l-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ investiment.

2.2.

Madankollu, jekk il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija ġiet stabbilita għal 20 % għall-2020, ġew analizzati diversi miri kwantifikati għall-2030 (bejn 27 % u 40 %). L-aktar ambizzjuża hija dik tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tappella għal mira vinkolanti ta’ 40 %. Wara analiżi tal-benefiċċji stabbiliti f’termini tal-impjieg u t-tkabbir ekonomiku, is-sigurtà tal-provvista, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra, u s-saħħa u l-ambjent, il-Kummissjoni pproponiet mira vinkolanti ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 30 %. Il-KESE jqis li, fid-dawl ta’ din l-estensjoni, huwa importanti ferm li jiġi analizzat bir-reqqa l-impatt li l-miri kwantifikati tal-effiċjenza fl-enerġija se jkollhom fuq l-għanijiet l-oħra li ġew stabbiliti fil-proposti leġislattivi dwar l-enerġija, u b’mod partikolari fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE.

2.3.

Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet strateġiċi, l-Istati Membri – bl-assistenza tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali tal-pajjiżi differenti, kif ukoll il-fornituri u d-distributuri tal-enerġija se jaqdu r-rwol ewlieni li jilħqu ffrankar tal-enerġija ta’ 1,5 % fis-sena. Il-KESE jappoġġja l-proposta sabiex ir-rekwiżit ta’ ffrankar tal-enerġija jiġi estiż lil hinn mill-2020, li tinżamm ir-rata annwali ta’ 1,5 %, permezz ta’ skemi ta’ obbligu u miżuri alternattivi flessibbli fil-livell tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ffrankar.

2.4.

L-approċċ il-ġdid, li l-KESE jappoġġja, se jipprovdi lill-Istati Membri u lill-investituri bil-perspettiva fit-tul meħtieġa biex jiżviluppaw l-istrateġiji u jippjanaw l-investimenti tagħhom sabiex tintlaħaq il-mira stabbilita fil-livell tal-UE. Dan isir permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki adatti għal-livell nazzjonali u reġjonali, u b’hekk jintlaħqu benefiċċji importanti sal-2030, inkluż tnaqqis ta’ 17 % tal-konsum finali tal-enerġija (meta mqabbel mal-2005), tkabbir ekonomiku li jikkorrispondi għal żieda ta’ 0,4 % tal-PDG, tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u n-negozji (minn EUR 161 sa EUR 157/MWh), opportunitajiet ta’ negozju ġodda li jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi (adatti), trażżin tat-tniġġis u tal-ħsara għas-saħħa (bi tnaqqis ta’ madwar EUR 4,5-8,3 biljuni) u sigurtà mtejba tal-enerġija (tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-gass bi 12 % fl-2030).

2.5.

Fil-fehma tal-KESE, element essenzjali hija l-informazzjoni tal-atturi ewlenin tas-suq tal-enerġija, jiġifieri l-għoti lill-unitajiet domestiċi u lill-industriji ta’ informazzjoni rilevanti, ċara u konċiża dwar il-konsum tagħhom, kif ukoll it-tisħiħ tad-drittijiet leġittimi tagħhom dwar il-qari tal-miters (leġibbiltà tal-miter intelliġenti mill-bogħod) u dwar il-fatturazzjoni, inkluż għall-enerġija termali. Wieħed ma għandux jinsal-konsumaturi vulnerabbli li, permezz ta’ tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom, għandhom jaraw titjib sinifikanti fil-kumdità u fil-livell ta’ għajxien tagħhom.

2.6.

Madankollu, il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli titlob ukoll li d-Direttiva ma għandhiex timponi l-użu ta’ miters individwali f’pajjiżi fejn, bil-liġi, sid il-kera għandu jkopri l-ispejjeż tal-enerġija tal-kerrej, speċjalment peress li għal sid il-kera dawn il-liġijiet tal-kiri joħolqu inċentiv importanti għar-rinnovazzjoni rigward l-effiċjenza fl-enerġija. Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat il-fatt li, f’xi Stati Membri, bosta miters individwali li ġew installati reċentement f’konformità mal-liġi eżistenti tal-UE, għandhom ħajja ta’ użu itwal ferm mill-iskadenza tal-2027 tal-Kummissjoni għas-sostituzzjoni b’tagħmir li jista’ jinqara mill-bogħod. Il-konsumaturi tal-UE jistgħu jqisu s-sostituzzjoni ta’ dawn il-miters bħala spiża żejda, u għaldaqstant għandha tiġi evitata.

2.7.

Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jissaħħu l-aspetti soċjali relatati mal-effiċjenza fl-enerġija u mal-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku, speċjalment fil-każ tal-konsumaturi vulnerabbli. L-Istati Membri tal-UE għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu aktar attenzjoni lill-miżuri soċjali. L-implimentazzjoni tad-Direttiva hija fattur essenzjali għall-benessri.

2.8.

Ma għandniex ninsew li l-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija huma marbuta ma’ dawk li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima: fiż-żewġ każijiet jimmiraw li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Dan ir-rekwiżit iwassal għal politiki li jżidu l-intensità u l-veloċità li biha għandhom jiġu adottati teknoloġiji ġodda. Dawn se jwasslu għall-iffrankar ta’ enerġija fit-trasport, l-industrija u l-bini, kif ukoll fl-unitajiet domestiċi. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 7 tal-Proposta għal Direttiva (iffrankar reali ta’ enerġija, miżuri konkreti ta’ effiċjenza fl-enerġija), għall-Istati Membri t-teknoloġiji l-ġodda se jirrappreżentaw mod ekonomikament effiċjenti biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjoni tal-Unjoni Ewropea u tad-Deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi.

2.9.

Fir-rigward tal-leġislazzjoni attwalment fis-seħħ dwar l-effiċjenza fl-enerġija, il-Parlament Ewropew jagħmel ir-rimarki segwenti: id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija [għad li] implimentata b’mod inadegwat … tipprovdi qafas għar-rendiment tal-iffrankar tal-enerġija”; “dispożizzjonijiet ġuridiċi li jikkompetu ma’ xulxin u jwaqqfu l-kisbiet ambjentali, joħolqu l-burokrazija u jżidu l-ispejjeż tal-enerġija”, “[hemm] bżonn ta’ aktar koerenza fil-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija; aktar effiċjenza fl-enerġija [twassal għal] aktar impjiegi u tkabbir .

2.10.

F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li l-proposta leġislattiva l-ġdida dwar l-effiċjenza fl-enerġija ser tqis l-Opinjoni attwali, kif ukoll il-miżuri proposti mill-Parlament Ewropew.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.    Bażi legali, sussidjarjetà u proporzjonalità

3.1.1.

L-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mad-Direttiva 2012/27/UE, jikkostitwixxu l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tal-enerġija. Għalhekk, Direttiva emendatorja tkun l-istrument adatt.

3.1.2.

Il-KESE jemmen li s’issa, l-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija ma setgħux jintlaħqu, waħda mir-raġunijiet għal dan hija li l-Istati Membri aġixxew b’mod indipendenti f’dan il-qasam. Azzjoni koordinata fil-livell tal-UE hija għalhekk meħtieġa biex titħeġġeġ l-attività fil-livell tal-Istati Membri. Id-diffikultajiet tal-enerġija jqajmu sfidi politiċi, ekonomiċi (is-suq intern, l-iżvilupp, l-investimenti, regolamenti) u soċjali (il-konsum tal-enerġija, kwistjonijiet tariffarji, faqar, impjiegi), kif ukoll problemi ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Barra minn hekk, m’għandhomx jintesew id-diffikultajiet marbuta mat-tibdil fil-klima.

3.1.3.

Il-KESE jenfasizza li huwa importanti li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u li tinżamm il-flessibilità fir-rigward tal-komponenti tat-taħlita tal-enerġija u tal-politika f’dan il-qasam, jekk irridu li jkollna l-garanzija tal-kisba tal-iffrankar li l-Istati Membri impenjaw ruħhom b’mod volontarju li jilħqu sal-2030.

3.2.    Implimentazzjoni, evalwazzjoni u rapportar

3.2.1.

Ġew evalwati livelli differenti ta’ tnaqqis tal-enerġija primarja meta mqabbel mal-linja bażi tal-2007 u, qabel dan, biex jiġi stabbilit l-objettiv saret analiżi tal-konsum tal-enerġija primarja u finali, f’kuntest ta’ ffrankar tal-enerġija jew ta’ intensità enerġetika. Ir-riżultati tad-diskussjonijiet urew li l-maġġoranza tal-partijiet interessati esprimew appoġġ biex l-objettiv għall-2030 jiġi stabbilit għal 30 %.

3.2.2.

L-analiżijiet juru li l-alternattivi preferuti huma dawn li ġejjin:

għall-Artikolu 7, li jirrigwarda l-obbligu ta’ ffrankar tal-enerġija, ingħatat preferenza għall-alternattiva 3 (l-Artikolu 7 jiġi estiż sal-2030, semplifikazzjoni u aġġornar);

għall-Artikoli 9 sa 11, rigward dispożizzjonijiet dwar il-metraġġ u l-fatturazzjoni, inżammet l-alternattiva 2 (kjarifika u aġġornar, b’mod partikolari l-konsolidazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet sabiex tissaħħaħ il-koerenza mal-leġislazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija).

3.2.3.

Waħda mill-konklużjonijiet importanti tirrigwarda l-impatti soċjali: kull investiment ta’ Euro 1,2 miljun fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija joħloq 23 impjieg dirett fis-settur.

3.2.4.

Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ fjuwil li jintlaħaq permezz tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar enerġetiku, huwa mistenni riżultat pożittiv, li jista’ jgħin biex jissolvew uħud mill-problemi marbutin mal-esklużjoni soċjali.

3.2.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-proposta għal emenda tad-Direttiva se jkollha impatt pożittiv fuq l-SMEs, permezz tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fiha, l-iskemi ta’ appoġġ (miżuri biex ikopru l-ispejjeż tal-awditi tal-enerġija), u l-programmi biex iħeġġuhom iwettqu awditi tal-enerġija. Permezz tar-rinnovazzjoni tal-bini kif ukoll l-estensjoni tal-Artikolu 7 sal-2030, lil hinn mil-limitu attwali, l-intrapriżi ta’ kostruzzjoni ż-żgħar jistgħu jgawdu opportunitajiet ta’ negozju. Il-kuntratti għall-prestazzjoni tal-enerġija konklużi ma’ fornituri huma wkoll ta’ stimolu għall-intrapriżi tas-servizzi tal-enerġija, li sikwit ikunu SMEs.

3.2.6.

Il-KESE jemmen li fl-istess ħin il-miżuri proposti dwar il-metraġġ u l-fatturazzjoni tal-konsum tal-enerġija se jwasslu biex jiċċaraw u jaġġornaw r-regoli preżenti sabiex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, fir-rigward tat-tagħmir ta’ kejl mill-bogħod tal-konsum tal-enerġija termali (sħana, arja kkundizzjonata). Bl-istess mod, l-informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija se tkun korretta, individwalizzata u disponibbli bi frekwenza ikbar, b’konformità mal-politiki tal-enerġija nazzjonali.

3.2.7.

Għalkemm il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha se tiġi estiża, il-Proposta m’għandhiex ikollha ħafna konsegwenzi f’termini baġitarji jew spejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, peress li dawn tal-aħħar diġà implimentaw miżuri u strutturi adatti. L-ispejjeż relatati mal-miżuri li jirrigwardaw l-iskemi ta’ obbligu rigward l-effiċjenza fl-enerġija se jiġu mgħoddija lill-klijenti finali. Dawn tal-aħħar, madankollu, għandhom jibbenefikaw minn kontijiet tal-enerġija orħos minħabba li jonqos il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-Proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni.

3.2.8.

Il-governanza l-ġdida tal-enerġija ser tiżgura l-istabbiliment ta’ sistema flessibbli u trasparenti għall-analiżi, l-ippjanar, ir-rappurtar u l-monitoraġġ, ibbażata fuq il-pjani nazzjonali integrati tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima. Din se tippermetti s-segwitu tal-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali mil-lat ta’ lħuq tal-objettivi tagħhom dwar l-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll il-progress li jsir biex jintlaħaq l-objettiv globali tal-UE. Din is-sistema tkun ibbażata fuq is-segwitu ta’ indikaturi ta’ suċċess skont l-alternattiva li ngħatat preferenza: it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti, l-intensifikazzjoni tal-progress biex jintlaħqu l-objettivi, l-għoti ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u, fl-aħħar, it-titjib tar-rapporti marbut mal-ekonomiji li jkunu ntlaħqu.

3.3.    Kummenti dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta li temenda d-Direttiva

3.3.1.

Il-mira indikattiva ta’ 27 % ġie sostitwita b’mira vinkolanti fil-livell tal-UE ta’ 30 %. Kull Stat Membru jingħata r-responsabbiltà li jistabbilixxi mira għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020, li tkun ibbażata fuq il-konsum tal-enerġija finali u primarja. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress billi tanalizza l-miri kollha kkomunikati, sabiex tistabbilixxi l-progress lejn il-kisba tal-mira fil-livell tal-UE. Jekk l-UE ma tkunx tinsab fit-triq it-tajba biex dan l-għan jintlaħaq, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri skont il-każ. Il-proċess ta’ evalwazzjoni se jiġi definit fid-dettall fil-qafas ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

3.3.2.

L-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu strateġija fit-tul biex jimmobilizzaw l-investimenti meħtieġa fir-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali ta’ bini tagħhom. Il-paragrafu fejn tinsab din id-dispożizzjoni ser jiġi ttrasferit mid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija għad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. Il-KESE jqis li din tirrappreżenta strument importanti ħafna biex jintlaħqu l-miri li l-UE stabbilixxiet għaliha nnifisha, peress li l-bini huwa l-akbar konsumatur tal-enerġija fl-Ewropa (aktar minn 40 % tat-total tal-enerġija finali).

3.3.3.

Il-KESE jqis li l-kunċett ta’ koġenerazzjoni għandu importanza deċiżiva, peress li jiżgura l-produzzjoni simultanja fl-istess installazzjoni (grupp iffurmat minn ġeneratur b’turbina tal-fwar jew magna tal-kombustjoni interna, eċċ), ta’ enerġija elettrika u termali, fil-forma ta’ ilma sħun, fwar jew likwidu tat-tkessiħ. Il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja tfisser li l-produzzjoni kombinata tiggarantixxi li jsir iffrankar tal-enerġija primarja ta’ mill-inqas 10 % meta mqabbel mal-valuri referenzjarji tal-enerġija elettrika u l-enerġija termali li jiġu prodotti b’mod separat. B’differenza mill-impjanti tal-enerġija elettrika konvenzjonali (bil-kondensazzjoni), li jikkonvertu biss 33 % tal-enerġija primarja f’enerġija elettrika, dawk tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja għandhom rati ta’ konverżjoni li jilħqu d-90 %, billi jikkombinaw iż-żewġ proċessi, jiġifieri l-produzzjoni simultanja ta’ enerġija elettrika u enerġija termali.

3.3.4.

Il-koġenerazzjoni tippreżenta vantaġġi kbar: effiċjenza fl-enerġija, flessibbiltà fl-għażla ta’ fjuwil, operat u manutenzjoni faċli, kumdità għall-klijent, spiża mnaqqsa tul iċ-ċiklu tal-ħajja, tnaqqis tal-ispiża tal-kapital u flessibbiltà fit-tfassil tal-istrument.

3.3.5.

Minbarra li tipprovdi l-enerġija minn sorsi adatti (b’livelli mnaqqsa ta’ emissjonijiet ta’ karbonju) u ttejjeb il-konsum tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija elettrika tista’ tkun soluzzjoni għall-intrapriżi li jew jipproduċu l-enerġija rinnovabbli u jkunu jixtiequ jottimizzaw il-konsum skont il-ħtiġijiet, jew ikunu jridu jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom billi jnaqqsu l-konsum tagħhom f’perjodi ta’ domanda għolja u pjuttost jużaw elettriku irħas barra l-ħinijiet ta’ domanda għolja.

3.3.6.

Il-KESE jaqbel mal-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 7, li huwa emendat b’mod li jestendi t-tul tal-perjodu ta’ obbligu ta’ ffrankar tal-enerġija sal-2030, filwaqt li tinżamm il-mira ta’ 1,5 % ta’ ffrankar kull sena. Qabel isir dan titwettaq evalwazzjoni tal-progress li jsir fil-kisba tal-miżuri fl-2027, u sussegwentement kull 10 snin, sakemm l-objettivi fit-tul tal-UE għall-2050 dwar il-klima u l-enerġija jitqies li jkunu ntlaħqu.

3.3.7.

Il-KESE jqis li l-emenda fl-Artikoli li jirregolaw il-metraġġ u l-fatturazzjoni hija waħda pożittiva, minħabba li tiċċara aspetti marbutin mat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku li joriġinaw minn faċilità ċentrali. Madankollu, il-miters individwali m’għandhomx jiġu imposti mil-liġi tal-UE f’pajjiżi fejn sid il-kera huwa legalment obbligat li jħallas l-ispejjeż tal-enerġija tal-kerrej (ammont gross tal-kera, skont negozjar dwar il-kera bejn il-kerrejja u sidien il-kera taħt is-superviżjoni tal-istat). Fir-rigward tal-qari tal-konsum tal-gass, jiddaħħal l-obbligu li l-konsumatur finali jingħata miter individwali, li jurih b’mod ċar il-konsum tiegħu.

3.3.8.

L-informazzjoni dwar il-konsum tal-gass ser tkun ibbażata fuq il-konsum reali, permezz ta’ sistema li tippermetti li l-klijent aħħari jaqra hu stess l-miter tiegħu. Se jkun meħtieġ li d-data dwar il-konsum u l-fatturazzjoni jkunu disponibbli għall-fornituri tas-servizzi tal-enerġija. Jeħtieġ li l-fattura elettronika tkun ċara u komprensibbli għall-konsumatur. Minħabba t-titjib propost, il-KESE jesprimi x-xewqa li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom aktar fit-tfittxija għal soluzzjonijiet li jkunu adatti, mill-perspettiva soċjali kif ukoll ekonomika, f’dak li jirrigwarda l-indirizzar tal-ispejjeż tal-miters (min ser iġarrab l-ispiża?). Din il-kwistjoni hija kruċjali mil-lat ta’ ġustizzja u ta’ definizzjoni korretta tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess ugwali għall-enerġija.

3.3.9.

Is-settur tal-enerġija kemm-il darba talab li jiġi rieżaminat il-fattur ta’ konverżjoni tal-enerġija primarja tal-elettriku, li huwa bbażat fuq il-konsum tal-enerġija finali għall-iffrankar tal-enerġija u espress f’kWh fl-Istati Membri. Il-metodoloġija u l-fattur ġdid li qed jiġu proposti jirrappreżentaw titjib kbir. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-koeffiċjent ikun ta’ 2,0 b’mod prestabbilit għall-fattur ta’ konverżjoni tal-enerġija primarja, filwaqt li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw koeffiċjent differenti, dment li jiġġustifikaw dan b’mod konkret. Is-settur tal-enerġija huwa mħasseb dwar il-metodu ta’ kalkolu li jippreżenta żvantaġġi meta applikat għall-enerġija nukleari, peress li jqis li l-fattur adatt għandu jkun ta’ 1 (rendiment ta’ konverżjoni ta’ 100 %), simili għal dak applikat għal sorsi oħra tal-enerġija mingħajr emissjonijiet ta’ karbonju.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS