2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/142


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll li japplikaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007”

[COM(2016) 401 final — 2016/0187 (COD)]

(2017/C 034/23)

Relatur:

is-Sur Thomas McDONOGH

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 22/06/2016

Kunsill, 30/06/2016

Bażi legali

L-Artikoli 43(2) u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

[COM(2016) 401 final — 2016/0187 (COD)]

 

 

Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat

12/07/2016

 

 

Sezzjoni Speċjalizzata responsabbli

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

30/09/2016

Adottata fil-plenarja

19/10/2016

Sessjoni plenarja Nru

520

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

224/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ t-traspożizzjoni fid-dritt tal-UE ta’ miżuri adottati fl-2008 mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex ikollha rwol aktar assertiv f’din u f’organizzazzjonijiet reġjonali oħra għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs).

1.2.

Il-KESE jappella lill-partijiet interessati kollha biex jinfurzaw dawn u miżuri oħra ta’ konservazzjoni bl-akbar rigorożità. Il-maġġoranza tas-sajjieda jimxu mar-regoli u ħaqqhom kondizzjonijiet indaqs ta’ kompetizzjoni.

1.3.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tivverifikaw u, jekk ikun meħtieġ, tħassar l-Artikolu 7(2), kif ukoll tibdel, skont il-linji suġġeriti f’din l-opinjoni, l-Artikoli 9(1), 31, 32, 34 sa 36, u 38(4). L-eċċezzjoni għal operazzjonijiet ta’ trażbord fuq il-baħar proposta fl-Artikoli 52 sa 59 għandha tiġi evalwata mill-ġdid bir-reqqa u possibbilment titneħħa jekk l-obbligu ġenerali ta’ trażbord f’port se jipprevali.

2.   Sfond

2.1.

Minbarra ftehimiet bilaterali bħal ftehimiet ta’ sħubija jew ta’ reċiproċità għal sajd sostenibbli, il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tagħti lill-Unjoni l-possibbiltà li tidħol fi ftehimiet multilaterali fi ħdan l-RFMOs. L-għan ta’ dawn il-ftehimiet huwa li jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali biex jiggarantixxu l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tal-ħut.

2.2.

L-ICCAT hija responsabbli għall-konservazzjoni tat-tonn u speċijiet li jixbħu t-tonn (madwar 30 b’kollox) fl-Oċean Atlantiku u fl-ibħra ta’ madwaru. L-UE ilha parti kontraenti sa mill-1997, fejn ħadet post Stati Membri individwali.

2.3.

L-ICCAT għandha l-awtorità li tadotta rakkomandazzjonijiet vinkolanti li għandhom jiddaħħlu fil-liġi tal-Unjoni sa fejn dawn ma jkunux koperti minn leġislazzjoni preċedenti.

3.   Osservazzjonijiet

3.1.

L-Artikolu 7(2) tal-proposta, li jillimta l-bdil ta’ bastimenti ta’ tal-istess kapaċità jew ta’ inqas kapaċità, huwa bbażat fuq ir-Rakkomandazzjoni 14-01 tal-ICCAT, li m’għadhiex fis-seħħ. Ir-Rakkomandazzjoni 15-01, ir-rakkomandazzjoni l-ġdida għat-tonn tropikali, ma tinkludix fil-forma attwali tagħha kull limitazzjoni fir-rigward ta’ bdil.

3.2.

L-Artikolu 9(1) dwar pjani ta’ ġestjoni għal tagħmir biex jinġabar il-ħut (FADs) jistabbilixxi l-limitu taż-żmien għat-trażmissjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT għall-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, li kienet id-data stabbilita fir-Rakkomandazzjoni 14-01. Il-limitu stabbilit fir-Rakkomandazzjoni 15-01 huwa l-31 ta’ Jannar; peress li dan japplika għall-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw skadenza iktar bikrija, pereżempju l-15 ta’ Jannar.

3.3.

L-Artikoli 31, 32, 34, 35 u 36, li jimponu projbizzjoni ta’ ħatt fuq l-art ta’ klieb il-baħar mhux awtorizzati, jistgħu jinkludu referenza għall-Artikolu 15(4) tar-Regolament bażiku tal-PKS (1), li jistipula eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali ta’ projbizzjoni tar-rimi.

3.4.

L-Artikolu 38(4) għandu jibda, bħal fir-Rakkomandazzjoni 07-07 tal-ICCAT, bil-kliem “fejn prattikabbli”. Dan m’għandux jipprekludi n-negozjar ta’ kompromess aktar vinkolanti fi ħdan l-ICCAT.

3.5.

L-Artikoli 54 u 55 għandhom l-għan li jintroduċu l-eċċezzjonijiet tal-ICCAT għal bastimenti li jistadu bil-konz rigward it-trażbord fuq il-baħar, iżda fil-każ tal-flotta tal-UE għandha tapplika r-regola ġenerali li l-operazzjonijiet kollha tat-trażbord isiru f’port.

Brussell, 19 ta’ Ottubru 2016

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Regolament (UE) Nru 1380/2013.