19.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni”

(Opinjoni esploratorja)

(2016/C 303/05)

Relatur:

is-Sur Jorge PEGADO LIZ

F’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2015, u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sur Boereboom, Direttur Ġenerali mal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi fin-Netherlands, f’isem il-Presidenza tan-Netherlands, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji Opinjoni esploratorja dwar:

“L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni”.

(opinjoni esploratorja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2016.

Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’133 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Wara t-talba tal-Presidenza Netherlandiża sabiex il-KESE jħejji Opinjoni esploratorja dwar “L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni” u issa li temm ħidmietu, huwa qed jippreżenta l-Opinjoni tiegħu u fformula dawn il-konklużjonijiet.

1.2

Il-KESE, f’diversi Opinjonijiet tiegħu, li fuqhom tissejjes din l-Opinjoni b’mod ċar, diġà kien antiċipa diversi aspetti ta’ dan il-fenomenu fir-rigward tad-diversi ismijiet li jingħatawlu, skont il-lingwi u l-approċċi adottati.

1.3

B’hekk hija meħtieġa, skont it-talba fformulata, definizzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ekonomija kollaborattiva li tħaddan il-prattiki ekonomiċi li jaqgħu taħt il-kunċett tagħha u l-mod kif dak l-aġir ekonomiku u soċjali għandu jiġi rregolat bil-liġi, f’liema forom u b’liema mezzi, b’mod partikolari permezz tal-awtoregolazzjoni jew il-koregolazzjoni.

1.4

Dan il-fenomenu, li ilu relevanti mill-aspett soċjali u ekonomiku sa mis-snin 2000, bl-użu tal-internet u tan-netwerks soċjali, mhuwiex aġir reċiproku fil-forma ta’ tpartit, li huwa qadim daqs il-bniedem, iżda “aġir prosoċjali mhux reċiproku”, jew b’mod aktar preċiż “l-att jew il-proċess ta’ distribuzzjoni ta’ dak li huwa tagħna lil ħaddieħor għall-użu tagħhom u/jew l-att jew il-proċess li nirċievu jew nieħdu xi ħaġa ta’ ħaddieħor għall-użu tagħna”.

1.5

Aktar minn definizzjoni, li madankollu ser nippruvaw nagħtu, l-aktar ħaġa importanti hija li niddefinixxu l-karatteristiċi ta’ dan il-fenomenu, li huma:

li din il-prattika ma twassalx għas-sjieda ta’ beni, u lanqas għas-sjieda konġunta tagħhom, iżda għal użu komuni (pooling);

pjattaforma intermedjarja — normalment elettronika — li tpoġġi lil għadd ta’ persuni li jkollhom beni jew servizzi x’joffru ma’ għadd ta’ utenti;

għan komuni li jsir użu aħjar tal-beni u s-servizzi billi dawn jinqasmu ma’ ħaddieħor;

u li l-partijiet aħħarin f’dawn in-negozjati ta’ struttura triangolari kumplessa jkunu prinċipalment “pari” (P2P) u qatt ma jkunu involuti f’relazzjonijiet kuntrattwali min-negozju għall-konsumatur (B2C).

1.6

Dawn il-karatteristiċi, appoġġjati minn kunċett relattivament kunsenswali, jagħmluha possibbli li jiġi ddefinit il-mudell ta’ dan it-tip ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u li wieħed jiddistingwi bejn l-attivitajiet li effettivament jaqgħu taħt l-ekonomija kollaborattiva u li għandhom jingħataw trattament speċjali, u dawk li xi minn daqqiet jiġu deskritti bħala tali sabiex jevitaw ir-regoli li għandhom japplikaw għalihom, bħalma nistgħu naraw fl-eżempju attwali ta’ Uber. Distinzjoni analitika iktar preċiża tal-kunċett tal-“kollaborazzjoni” u dak ibbażat fuq il-pjattaforma tista’ tikkontribwixxi għal tfassil aħjar ta’ politika u tiżviluppa regolazzjoni iżjed adatta.

1.7

Minbarra li nenfasizzaw l-importanza ekonomika tal-prattiki tal-ekonomija kollaborattiva, li diġà jirrappreżentaw fatturat sinifikanti fl-Ewropa u madwar id-dinja, għandha tiġi enfasizzata wkoll id-dimensjoni soċjali u ambjentali tal-ekonomija kollaborattiva, li għandha l-potenzjal li ssaħħaħ is-solidarjetà bejn iċ-ċittadini, tagħti nifs ġdid lill-ekonomija lokali, toħloq l-impjiegi, tirrazzjonalizza l-konsum tal-unitajiet domestiċi billi tippermetti l-użu kondiviż ta’ ċerti beni, tnaqqas l-impronta enerġetika u tippromovi konsum aktar responsabbli u sostenibbli. Jingħataw eżempji rilevanti fil-punt 5.2.

1.8

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-KESE għal darb’oħra jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq firxa sħiħa ta’ miżuri ta’ politika indispensabbli sabiex, fil-livell tal-UE u fid-diversi Stati Membri, il-forom u l-modi differenti tal-ekonomija kollaborattiva jkunu appoġġjati, implimentati, u jakkwistaw kredibbiltà u fiduċja.

1.9

Huwa jenfasizza wkoll il-ħtieġa li dawn il-mudelli ta’ negozju ġodda jkunu konformi mal-leġislazzjoni applikabbli nazzjonali u dik fil-livell tal-UE u jassiguraw b’mod partikolari d-drittijiet tal-ħaddiema, tassazzjoni adegwata, protezzjoni tad-data u l-privatezza tal-parteċipanti, kompetizzjoni leali u l-ġlieda kontra l-monopolji u l-prattiki antikompetittivi, il-kontabilità tal-pjattaformi fin-negozju li jsir bejn l-imsieħba u l-ħarsien tal-legalità tal-offerti tagħhom u, fuq kollox, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-imsieħba kollha li jaħdmu fl-ekonomija kollaborattiva, inklużi l-prosumaturi, billi dawn ir-relazzjonijiet jiġu adatti fl-acquis tal-UE kollu dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari dwar klawżoli kuntrattwali inġusti, prattiki kummerċjali inġusti, is-saħħa u s-sigurtà u l-kummerċ elettroniku.

1.10

B’hekk, il-KESE jidhirlu wkoll li l-UE — u naturalment l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill taħt il-Presidenza Netherlandiża — għandhom jiddefinixxu b’mod urġenti qafas legali ċar u trasparenti li fi ħdanu dawn l-attivitajiet għandhom jiġu żviluppti u implimentati fiż-żona Ewropea, kif definit fil-punt 8.2.4. Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tippubblika mill-iżjed fis l-Aġenda għall-Ekonomija Kollaborattiva, li tant ilha mistennija.

1.11

Barra minn hekk, għandu jiġi definit b’mod ċar ir-rwol komplementari li għandhom jaqdu l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni, b’konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet li l-KESE ilu li stabbilixxa tul is-snin f’Opinjonijiet u rapporti ta’ informazzjoni ffukati fuq dawn l-aspetti, li qegħdin jiġu affermati mill-ġdid u li huwa jqis li qed jirriproduċi f’dain l-Opinjoni.

2.   Introduzzjoni: suġġett attwali u kontroversjali

2.1

Il-Presidenza Netherlandiża talbet lill-KESE, permezz ta’ ittra tal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, iħejji Opinjoni esploratorja dwar “L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolamentazzjoni”, mingħajr ma speċifikat l-ebda linja gwida u mingħajr ma fformulat l-ebda mistoqsija.

2.2

L-ekonomija kollaborattiva hija suġġett ferm kontroversjali u attwali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni u l-ambitu kunċettwali tagħha, kif ukoll fir-rigward tad-diversi kunċetti li tħaddan, il-prattiki li tintegra u l l-effetti tagħha.

2.3

Hemm għadd kbir ta’ prattiki li, f’dawn l-aħħar snin, ġew attribwiti għal dan il-kunċett, u nkitbu wkoll firxa wiesgħa ta’ dokumenti differenti dwar dan is-suġġett.

2.4

B’hekk mhuwiex sorprendenti li l-KESE, li dejjem jinsab attent għax-xejriet fis-soċjetà ċivili, diġà ppubblika għadd ta’ Opinjonijiet, li din l-Opinjoni tissejjes fuqhom (1) u li fiha l-filosofija ġenerali tagħhom titħaddan u tiġi żviluppata iżjed, li jantiċipaw għadd ta’aspetti ta’ dan il-fenomenu li jingħata ismijiet differenti skont id-diversi lingwi u approċċi.

2.5

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tirrispondi għat-talba tal-Presidenza Netherlandiża bili tfittex li tintlaħaq definizzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ekonomija kollaborattiva li jagħmluha awtonoma kunċettwalment u l-prattiki ekonomiċi li tħaddan, u li jiġi stabbilit jekk u kif dawn il-prattiki ekonomiċi u soċjali għandhom jitħarsu bil-liġi, u b’liema forom u b’liema mezzi, b’enfasi partikolari fuq l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni.

3.   Kwistjoni ta’ attitudni fir-rigward ta’ dak li wieħed “ikollu jew ikun”

3.1

Il-prattiki ta’ ċerti hekk imsejħa forom ta’ ekonomija kollaborattiva jmorru lura fiż-żmien saħansitra qabel ma tnissel dan il-kunċett. Għandom l-għeruq tagħhom f’attitudni li tirrigwarda dak li wieħed ikollu jew ikun, li toħroġ fundamentalment mill-idea li “inti m’intix dak li għandek” iżda “dak li jista’ jkollok aċċess għalih”.

3.2

Huwa evidenti li ċerta ekonomija kollaborattiva hija qadima daqs il-bniedem, u għandha l-għeruq tagħha fl-“ekonomija tat-tpartit” tas-soċjetajiet primittivi, li ġiet issostitwita biss bil-mod il-mod bl-introduzzjoni tal-munita li tagħti lil kull min hu fil-pussess tagħha l-poter li jixtri u b’hekk li jkollu.

3.3

Madankollu, dak li jsir relevanti mill-aspett soċjali u ekonomiku, sa mis-snin 2000, bl-użu tal-internet u tan-netwerks soċjali, mhuwiex aġir reċiproku fil-forma ta’ tpartit, iżda “aġir prosoċjali mhux reċiproku”, jew b’mod aktar preċiż “l-att jew il-proċess ta’ distribuzzjoni ta’ dak li huwa tagħna lil ħaddieħor għall-użu tagħhom u/jew l-att jew il-proċess li nirċievu jew nużaw xi ħaġa ta’ ħaddieħor għall-użu tagħna”. F’dan ir-rigward, l-ekonomija kollaborattiva hija mnebbħa minn diversi kurrenti ta’ ħsieb li jvarjaw mill-aċċess liberu b’xejn u universali għat-tagħrif, sal-ekonomija tal-funzjonalità jew l-ekonomija tar-rigali (Gift Economy) li hija ffukata fuq tpartit mingħajr qligħ. Għall-kuntrarju tal-ekonomija purament ta’ tpartit, l-ekonomija kollaborattiva hi bbażata fuq skambju li jista’ jinvolvi tranżazzjoni finanzjarja jew le.

4.   Prattika ekonomikament relevanti

4.1

Huwa dan il-kunċett li għandu jservi ta’ bażi sabiex niddelimitaw il-qasam proprju u speċifiku tal-ekonomija kollaborattiva fid-diversi aspetti tagħha billi nispeċifikaw il-karatteristiċi li għandu jkollhom il-prattiki tagħha u li jiddistingwuhom minn prattiki ekonomiċi oħrajn tas-suq.

4.2

Qabel kollox, il-karatteristika dominanti u komuni hija li din il-prattika ma twassalx għas-sjieda ta’ beni, u lanqas għal sjieda konġunta, iżda għal użu komuni (pooling);

4.3

Min-naħa l-oħra, teħtieġ pjattaforma intermedjarja intermedjarja — normalment elettronika (browser jew applikazzjoni) li tpoġġi lill-persuni li jkollhom beni jew servizzi x’joffru ma’ għadd ta’ utenti.

4.4

Għan komuni u karatteristika ta’ dan it-tip ta’ attività huwa l-isfruttament aħjar (idling capacity) tal-beni jew is-servizzi inkwistjoni billi dawn jinqasmu ma’ ħaddieħor.

4.5

Jitqies li huwa wkoll essenzjali li f’dan il-mudell ta’ negozju l-partijiet aħħarin ikunu prinċipalment “pari” (P2P) u qatt ma jkunu relazzjonijiet kuntrattwali B2C, sew jekk ikunu persuni fiżiċi sew ġuridiċi, inklużi kumpaniji, iżda dak l-iskambju ma jkunx parti mill-għanijiet kummerċjali tagħhom (pereżempju, kumpanija tista’ taqsam ma’ oħra l-użu ta’ flotta ta’ karozzi jew serje ta’ tagħmir). Madankollu, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li jista’ jinħoloq “negozju” bejn “pari”.

4.6

Il-grafika li ġejja turi d-differenzi bejn il-mudelli ta’ negozju inkwistjoni:

Relazzjoni P2P

Relazzjoni B2C

Image

Image

4.7

Dan it-tip ta’ negozju jippresupponi triangolazzjoni kuntrattwali kumplessa li ssarraf f’relazzjonijiet kuntrattwali bejn id-detentur tal-beni jew il-fornitur tas-servizz bħala l-entità li tiġġestixxi l-pjattaforma; bejn l-utent u l-intermedjarju inkarigat mit-tranżazzjoni fil-pjattaforma, possibbilment bil-ħlas; u bejn l-utenti tal-pjattaforma għall-użu inkwistjoni.

4.8

Għalhekk, dawn il-karatteristiċi ma jitqisux li huma partikolarment distintivi jew speċifiċi:

(a)

jekk hux b’xejn jew bil-ħlas, eż. couchsurfing vs. Airbnb;

(b)

ir-reċiproċità tal-pożizzjonijiet kuntrattwali;

(c)

in-natura finanzjarja jew mhux finanzjarja tal-operazzjoni, biex b’hekk tiġi aċċettata l-inklużjoni tal-crowdfunding f’din l-attività;

(d)

is-sempliċi kondiviżjoni ta’ beni jew servizzi bejn individwi (li wieħed iwassal lil kollega bil-karozza, li wieħed joffri temporanjament kamra għal lejl jew jistieden lil ħabib biex joqgħod id-dar miegħu, li wieħed joffri l-użu tal-magna tal-ħasil lil ġar meta tiegħu jkollha l-ħsara);

(e)

l-iskambju jew il-bejgħ ta’ beni użati ma jimplikax kondiviżjoni u jwassal għat-trasferiment tas-sjieda tal-beni.

5.   Xi eżempji prattiċi ta’ x’inhuma u x’mhumiex aspetti tal-ekonomija kollaborattiva

5.1

Il-limitazzjonijiet imposti matul din l-Opinjoni ma jippermettux deskrizzjoni fit-tul u lanqas diskussjoni ddettaljata tan-natura ta’ firxa sħiħa u vasta ta’ sitwazzjonijiet li allegatament għandhom il-karatteristiċi ddikjarati ta’ ekonomija kollaborattiva.

5.2

Iżda wħud minnhom jistħoqqilhom jissemmew b’mod speċifiku bħala eżempju tas-suġġett tal-Opinjoni:

5.2.1

Fis-settur tal-akkomodazzjoni nsibu b’mod partikolari Airbnb, Rentalia, Homeaway, Couchsurfing u Bedycasa, pjattaformi fejn jirreġistraw ruħhom is-sidien ta’ proprjetajiet immobbli għall-kondiviżjoni temporanja ta’ kamra jew tad-dar kollha, waqt li huwa possibbli wkoll li hostels, guest houses u fornituri oħra ta’ akkomodazzjoni turistika joffru s-servizzi tagħhom permezz ta’ dawn il-pjattaformi. Minħabba l-faċilità li biha kwalunkwe persuna tista’ ttella’ l-proprjetà tagħha fuq dawn in-netwerks ta’ kondiviżjoni, biex b’hekk jiżdied il-qligħ li l-proprjetarji jiksbu minn din l-attività, il-proliferazzjoni tal-akkomodazzjoni f’dan is-settur wasslet għal ftehimiet dwar il-kollaborazzjoni fil-ġbir u l-ħlas tat-taxxi bejn il-pjattaformi u l-awtoritajiet tat-taxxa, b’mod partikolari f’Pariġi u Amsterdam. F’Amterdam, Barċellona, Londra u Berlin inħolqot sistema ta’ reġistrazzjoni obbligatorja għal dawn il-proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni u regoli ta’ limitazzjoni taż-żmien, bil-għan li ma jiġix ippreġudikat il-kiri għal żmien twil u sabiex b’hekk tiġi evidata żieda fil-kirjiet.

5.2.2

Fis-settur tat-trasport nistgħu nirreferu għal Blablacar, Umcoche, Liftshare u Karzoo, applikazzjonijiet li jippermettu r-reġistrazzjoni ta’ sidien ta’ vetturi privati li jkunu jridu joffru l-postijiet vojta fil-vetturi tagħhom matul il-vjaġġi tagħhom (carpooling). F’uħud minn dawn il-pjattaformi wieħed jista’ jaqsam l-ispejjeż tal-vjaġġ, iżda mhuwiex permess li jinġabru spejjeż għal finijiet ta’ qligħ. Uber, min-naħa l-oħra, huwa każ għalih, għaliex jipprovdi kemm servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ vetturi ta’ individwi privati (UberPop — ipprojbit kważi fl-UE kollha), kif ukoll jippermetti li l-utenti jitolbu s-servizz ta’ trasport bl-użu ta’ sewwieqa professjonali (Uberblack u UberX — li jista’ jitqabbel ma’ servizz tradizzjonali ta’ taksi). Il-karatteristiċi tiegħu mhumiex ċari, peress li l-mudell ta’ negozju tal-impriża mhuwiex trasparenti, u saħansitra ġie diskuss anke fil-qrati jekk is-sewwieqa ta’ Uber effettivament humiex impjegati tal-impriża (2). Dan is-servizz wassal għal dimostrazzjonijiet xi kultant vjolenti kif ukoll għal proċessi ġudizzjarji kważi fl-Ewropa kollha. L-Ingilterra u l-Estonja biss għandhom leġislazzjoni li tillegalizza dawn is-servizzi, sakemm għadha pendenti r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għad-deċiżjonijiet preliminari minn qorti f’Barċellona u ieħor fi Brussell sabiex tiġi ċċarata n-natura tagħhom (3).

5.2.3

Eżempji ta’ finanzjament kollaborattiv huma l-finanzjament b’self bl-imgħax, bħal Zopa u Auxmoney; il-finanzjament ta’ kapital b’parteċipazzjoni fl-ishma tal-impriża maħluqa, bħal Fundedbyme u Crowdcube; finanzjament għal rikumpens, bħal Kickstart jew Indiegogo, u fl-aħħar, finanzjament permezz ta’ donazzjoni, mingħajr l-ebda kontroparti għall-ammonti investiti.

6.   Il-ħtieġa ta’ definizzjoni ta’ kunċett

6.1

Bħas-soltu, l-isforz ta’ kunċettwalizzazzjoni, b’mod partikolari meta l-metodu jkun induttiv, mhuwiex lineari, u b’hekk irid jgħaddi ż-żmien sabiex il-kunċett joqgħod u jakkwista fehim unanimu. Dan huwa dak li qed iseħħ bil-kunċett ta’ “ekonomija kollaborattiva”, li jidher fil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, flimkien ma’ kunċetti oħrajn, bħal “ekonomija soċjali jew inklużiva”, “ekonomija ċirkolari”, “ekonomija funzjonali”, “ekonomija ekoloġika”, “ekonomija blu”, “ekonomija tas-soluzzjonijiet”, “ekonomija orizzontali”, “ekonomija on demand”, “ekonomija tal-pjattaformi” u “gig economy”.

6.2

Minħabba f’hekk, xi awturi jippreferu li lanqas biss jippruvaw jagħtu definizzjoni għaliex jibżgħu li din ma tkunx komprensiva biżżejjed jew, għall-kuntrarju, li ma tiddefinixxix sew l-ambitu ta’ dan il-kunċett.

6.3

Minkejja għadd kbir ta’ referenzi għal dan il-kunċett, fl-Opinjonijiet tal-KESE qatt ma sar tentattiv li tingħata definizzjoni; bl-istess mod, fl-Opinjoni tal-KtR (4), għalkemm sar tentattiv ta’ klassifikazzjoni f’żewġ kategoriji prinċipali u erba’ forom, xorta waħda ma tteħidx ir-riskju li tingħata definizzjoni; finalment, il-Kummissjoni, f’Komunikazzjoni reċenti tagħha — “Intejbu s-Suq Uniku” (5), l-ewwel tuża t-terminu “ekonomija kollaborattiva”, li jitqies bħala sinonimu, iżda minflok tagħti definizzjoni tillimita ruħha li telenka l-benefiċċji għal uħud mill-partijiet interessati (konsumaturi, ħaddiema) u tiffoka fuq l-effetti tagħha fil-livell ta’ produttività u sostenibbiltà, waqt li twiegħed għall-2016 “Aġenda Ewropea għall-Ekonomija Kollaborattiva”. Min-naħa tal-PE, s’issa għadu ma ta ebda kontribut sostanzjali lil hinn mir-Riżoluzzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2015“Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali” (6), xi ftit studji ta’ kwalità għolja u xi briefings dwar kwistjonijiet speċifiċi. S’issa, madankollu, f’ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma sar studju tal-impatt mil-lat ta’ ħolqien ta’ impjieg u tkabbir.

6.4

Ma jidhrilniex li għandna għalfejn inkunu oriġinali dwar dan is-suġġett meta, mid-diversi definizzjonijiet li ngħataw, jirriżulta li hemm kunsens wiesa’: b’hekk adotta d-definizzjoni ta’ ekonomija kollaborattiva ta’ Botsman & Rogers, li jgħidu li hija sistema ekonomika bbażata fuq il-kondiviżjoni ta’ beni jew servizzi li ma jintużawx biżżejjed, b’xejn jew bi prezz, direttament mingħand individwi, permezz ta’ pjattaformi onlajn, għalkemm segregazzjoni analitika aktar preċiża ta’ x’inhi “kondiviżjoni”, jiġifieri “mhux bi qligħ”, u li tkun ibbażata fuq pjattaforma, tista’ twassal għal deċiżjoni politika aħjar u regolazzjoni aktar adegwata.

6.5

Din id-definizzjoni hija wiesgħa biżżejjed biex tinkludi oqsma varjati bħall-produzjoni, il-konsum, il-finanzjament (crowdfunding) jew it-tagħrif u tippermetti li tiġi maqsuma f’erba’ oqsma b’xi ftit awtonomija: il-konsum kollaborattiv; l-edukazzjoni, taħriġ u tagħrif kollaborattivi; il-finanzjament kollaborattiv; u l-produzzjoni kollaborattiva (7).

6.6

Din id-definizzjoni tippermetti wkoll li ssir distinzjoni bejn mudelli ta’ negozju li, taħt il-kappa ta’ ekonomija kollaborattiva, fir-realtà jkunu negozji bl-iskop uniku ta’ qligħ u li jirrappreżentaw mudelli B2C. Din il-konklużjoni tista’ tiġi inferita mill-mod kif jiffunzjonaw dawn il-pjattaformi (għalkemm mhux dejjem huma trasparenti), u nistgħu niltaqgħu ma’ każijiet ta’ ekomomija vera kollaborattiva fejn ir-relazzjoni stabbilita permezz tal-pjattaforma tkun P2P, u l-uniku rwol tal-pjattaforma jkun biex tiffaċilita l-kuntatt bejn il-pari, iżda wkoll eżempji ta’ impriżi li, taħt l-apparenza ta’ pjattaforma P2P, jintervjenu b’dak il-mod fin-negozju, billi jirċievu kummissjonijiet, billi jkunu d-destinatarji ta’ ħlasijiet, jipprovdu servizzi anċillari, biex b’hekk ma jkollhomx jitqiesu bħala ekonomija kollaborattiva, iżda bħala fornituri ta’ servizzi B2C, bil-konsegwenzi li din iġġib magħha.

6.7

Min-naħa l-oħra, dan il-kuntest jippermetti li jiġu eliminati minnufih mill-kunċett ta’ ekonomija kollaborattiva ċerti tipi ta’ manifestazzjonijiet li jasserixxu li jaqgħu taħtha, bħal mhuma b’mod partikolari:

(a)

il-kondiviżjoni ta’ prodotti tal-ikel jew prodotti ta’ konsum li jmorru maż-żmien;

(b)

soċjetajiet reċiproki u kooperattivi;

(c)

l-intraprenditorija soċjali;

(d)

il-mertu;

(e)

l-ekonomija on-demand;

(f)

l-ekonomija tal-funzjonalità, li hija aktar magħquda mal-ekonomija ċirkolari;

(g)

is-sempliċi intermedjazzjoni.

7.   Il-fenomenu li qiegħed jikber ta’ soljiev ekonomiku u xi għażliet politiċi li għandhom jiżviluppaw

7.1

Minkejja n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-ambitu tagħha, twettqu bosta studji u stħarriġ sabiex jiġi ddeterminat is-sinifikat ekonomiku ta’ dan il-fenomenu fil-livell tal-UE u dak dinji.

7.2

Huwa assolutament inkontestabbli li f’dawn l-aħħar snin, u b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, u b’risposta għaliha, l-inizjattivi ta’ ekonomija kollaborattiva ma waqfux jiżdiedu; jidhru aktar minn 1 000 inizjattiva fis-sit web www.collaborativeconsumption.com

7.3

Skont stimi użati mill-Kummissjoni Ewropea, il-volum ta’ negozju dinji li jinħeba taħt l-isem ta’ ekonomija kollaborattiva ammonta għal USD 3,5 biljun fl-2013, li jirrappreżenta żieda annwali ta’ 25 %. Attwalment, diġà tela’ għal USD 20 biljun. Il-previżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istudji ta’ PwC juru tkabbir qawwi ferm sal-2025 (8).

7.4

Apparti li toħloq valur ekonomiku, l-ekonomija kollaborattiva, fid-dimensjoni soċjali u ambjentali tagħha, għandha l-potenzjal li ssaħħaħ is-solidarjetà bejn iċ-ċittadini, tagħti nifs ġdid lill-ekonomija lokali, toħloq l-impjieg, tirrazzjonalizza l-konsum tal-unitajiet domestiċi billi tippermetti l-użu reċiproku ta’ ċerti beni, tnaqqas l-impronta enerġetika u tippromovi konsum aktar responsabbli u sostenibbli.

7.5

Il-KESE jemmen li dan it-tip ta’ ekonomija “jikkomplementa, b’mod innovattiv u b’mod vantaġġuż mil-lat ekonomiku, soċjali u ekoloġiku, l-ekonomija produttiva” u “Barra minn hekk joffri soluzzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja” (9).

7.6

Għaldaqstant, il-KESE ma qagħad lura milli jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq firxa sħiħa ta’ miżuri indispensabbli ta’ natura politika sabiex, fil-livell tal-UE u fid-diversi Stati Membri, il-bosta forom u modalitajiet tal-ekonomija kollaborattiva jkunu appoġġjati, implimentati, u jiksbu kredibbiltà u fiduċja. Din l-Opinjoni ma tistax ħlief li ttenni l-fehmiet li l-KESE diġà adotta dqwar dawn il-kwistjonijiet u li jirreferi għalihom b’mod espliċitu. Għalhekk huwa tal-fehma li l-mudelli ġodda ta’ negozju bħall-pjattaformi joħolqu kwistjonijiet urġenti li jolqtu l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali, l-iżgurar tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-iżgurar ta’ tassazzjoni adegwata, fost affarijiet oħrajn. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-preokkupazzjonijiet jekk, fil-fatt, il-benefiċċji soċjali ta’ dawn il-mudelli ta’ negozju għandhom jiġu kkonkretizzati.

7.7

Huwa importanti wkoll li jiġu mfakkra b’urġenza d-definizzjonijiet, orjentazzjonijiet jew linji gwida f’livell Ewropew, għaliex xi Stati Membri diġà bdew jantiċipaw individwalment id-definizzjoni tal-politiki tagħhom stess, minħabba d-dewmien u l-inċertezza apparenti tal-istituzzjonijiet Ewropej.

8.   Attività mħarsa bil-liġi

8.1    L-interessi inkwistjoni u l-ħarsien ġuridiku tagħhom

8.1.1

Bħal kwalunkwe attività oħra li tpoġġi f’relazzjoni persuni bl-interessi proprji tagħhom li possibbilment ikunu konfliġġenti, l-ekonomija kollaborattiva taqa’ taħt il-liġi u r-regolazzjoni tal-interessi inkwistjoni. B’hekk il-KESE huwa tal-fehma li mhijiex serja l-pożizzjoni ta’ dawk li jasserixxu li l-ekonomija kollaborattiva għandha tkun parti mill-ambitu ta’ “ebda liġi”, fejn il-libertà għandha tirrenja fuq kwalunkwe ostaklu jew restrizzjoni, esklużivament fuq il-bażi ta’ fiduċja u tjubija naturali (fix-xbiha tas-“selvaġġ nobbli” ta’ Rousseau).

8.1.2

Il-KESE ddefinixxa, b’mod kostanti u konsistenti, li kwalunkwe attività ekonomika għandha tkun irregolata bil-liġi; min-naħa l-oħra, huwa ddikjara wkoll li dik ir-regolazzjoni tista’ tkun ta’ diversi tipi, u li għandha tiġi fformulata b’mod armonjuż.

8.1.3

B’mod partikolari, nirreferu għall-aktar Opinjoni reċenti tiegħu dwar ir-rwol tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni fl-UE (10), li fiha l-Kumitat iddikjara b’mod partikolari li “L-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni huma mekkaniżmi, spontanji jew imposti, għar-regolazzjoni tal-interessi ekonomiċi u soċjali u l-prattiki kummerċjali tal-operaturi ekonomiċi differenti”. Għandhom jitqiesu bħala strumenti importanti komplementari jew supplimentari, iżda qatt bħala alternattivi, ta’ eteroregolazzjoni (hard law), u sabiex ikunu validi “il-konfigurazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom iridu jkunu definiti minn dispożizzjonijiet espressi u espliċiti tal-liġi vinkolanti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jirrispettaw in-natura ta' dawn l-istrumenti, b’mod partikolari l-ftehim volontarju tal-parteċipanti”.

8.2    Drittijiet u obbligi

8.2.1

Tabilħaqq, mill-mument li prattiki purament spontanji bejn individwi jaqgħu taħt l-ambitu ta’ attività ekonomika, id-drittijiet u l-obbligi reċiproki tal-partijiet isiru ta’ natura kuntrattwali, u konsegwentement ikollhom jiġu ssoġġettati għal leġislazzjoni nazzjonali jew Ewropea, li tinkwadra legalment id-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti.

8.2.2

Il-kumplessità tar-relazzjonijiet ikkonċernati b’dan il-fenomenu, u kif deskritt fil-punt 4.7, hija tali li tiġġustifika definizzjoni ta’ qafas legali li fih għandhom jaġixxu l-partijiet ikkonċernati, prinċipalment meta dawk l-attivitajiet ikunu ta’ natura ibrida, bħalma huwa l-każ ta’ freemium jew donationware, kif jirriżulta b’mod ċar fil-każ tipiku ta’ geocaching.

8.2.3

Inkwantu dan il-fenomenu llum il-ġurnata b’mod ċar imur lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri, l-UE għandha tiddefinixxi, permezz tal-ispazju komuni u integrat tagħha ta’ suq kbir uniku, il-qafas ġuridiku applikabbli dejjem jekk dawk l-attivitajiet jitwettqu fuq bażi transkonfinali. Dan in-nuqqas diġà qiegħed jagħti lok għal għadd ta’ pożizzjonijiet separati u kontradittorji f’diversi Stati Membri fir-rigward ta’ ċerti każijiet konkreti (eż. Uber), b’mod simili għal dak li qiegħed iseħħ ukoll fl-Istati Uniti.

8.2.4

Dan il-qafas ġuridiku jqajjem b’mod partikolari żewġ oqsma prijoritarji:

(a)

il-ħarsien tad-drittijiet tal-partijiet kollha li jipparteċipaw fl-ekonomija kollaborattiva, inkluż il-prosumatur, kif ukoll l-adattament għal dawn ir-relazzjonijiet kollha tal-acquis attwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ klawżoli abbużivi, prattiki kummerċjali inġusti, is-saħħa u s-sigurtà u l-kummerċ elettroniku;

(b)

id-drittijiet fundamentali tal-“konsumaturi” li għandhom ikunu estensivi (informazzjoni, trasparenza, protezzjoni tad-data u l-privatezza, is-saħħa u s-sigurtà);

(c)

il-protezzjoni tad-data u tal-ħajja privata tal-partijiet ikkonċernati (tracking u profiling) li tiggarantixxi l-portabilità tad-data tagħhom;

(d)

il-liġi dwar il-kompetizzjoni sal-punt fejn dawk l-attivitajiet jikkompetu fis-suq ma’ kumpaniji li jsegwu skopijiet u attivitajiet simili, u sal-punt fejn tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u jiġu miġġielda monopolji u prattiċi antikompetittivi u sabiex jipġu indirizzati sfidi oħra tal-ekonomja kollaborattiva;

(e)

il-liġi tat-taxxa, safejn ir-rikavat minn dawn l-attivitajiet ma jistax jiġi eżentat minn tassazzjoni adegwata, waqt li jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali;

(f)

ir-responsabbiltà tal-pjattaformi tan-negozju, skont is-servizzi li jipprovdu, u skont il-livell ta’ intervent min-naħa tan-negozju li jsir permezz ta’ dawk il-pjatttaformi waqt li tiġi żgurata l-legalità ta’ dak li joffru;

(g)

l-impatt tiegħu fuq is-suq tax-xogħol u fid-definizzjoni proprja tal-kunċett u tal-forom ta’ xogħol f’ambjent diġitali;

(h)

il-protezzjoni tal-ħaddiema involuti, waqt li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet tal-ħaddiema li ma jkollhomx relazzjoni effettiva ta’ impjieg mal-pjattaforma, billi tingħata protezzjoni lil dawn tal-aħħar skont il-prinċipji applikabbli għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, u waqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ħaddiema li effettivament jistgħu jitqiesu bħala ħaddiema impjegati, b’mod partikolari fil-każ ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom “foloz” jew xogħol prekarju;

(i)

il-protezzjoni tad-drittijiet u l-istrumenti soċjali tal-ħaddiema, bħad-dritt ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ strajk, id-dritt għal ftehim kollettiv u għal djalogu soċjali;

(j)

il-protezzjoni tal-mudelli soċjali u ta’ kapaċità tal-Istati Membri li jżommu forma sostanzjali ta’ dawn il-mudelli fil-futur;

(k)

id-dimensjoni ambjentali bil-għan li jiġi ssorveljat l-impatt ambjentali tal-ekonomija kollaborattiva, sabiex jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi (11);

(l)

id-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali, li għandhom jiġu kkunsidrati meta ssir ir-reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE.

8.3    Forom ta’ regolazzjoni

8.3.1

Fil-livell tal-UE, li huwa l-uniku wieħed relevanti għal din l-opinjoni, il-KESE jidhirlu li għandu jkun l-objettiv tal-istituzzjonijiet tagħha, qabel kollox il-Kummissjoni minħabba s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha, iżda wkoll il-Kunsill u l-PE, li tiddedika attenzjoni speċjali u urġenti sabiex tadotta qafas regolatorju li jiddefinixxi bi preċiżjoni l-ambitu ta’ applikazzjoni u l-parametri li fi ħdanhom għandha titwettaq dik l-attività, peress li l-miżuri għandhom jiġu aġġustati għal tipi differenti tal-ekonomija kollaborattiva.

8.3.2

Fi ħdan dan il-qafas għandu jkun hemm il-prinċipji komuni ta’ interess pubbliku u ta’ ordni pubbliku li għandhom jitqiesu bħala obbligatorji għall-parteċipanti f’dawn il-forom ta’ attività ekonomika u b’mod partikolari dawk imsemmija f’punt 8.2.4.

8.3.3

Iżda kif qal minn dejjem il-KESE, fl-istess ħin u b’mod parallel, hemm spazju sħiħ li għandu jitħalla għall-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni, li saħansitra fil-fehma tiegħu huwa każ tipiku ta’ dak li wħud diġà jsejħu “shared regulation”, kif argumentat reċentement ir-Royal Society for the encouragement of Arts, Manufactures and Commerce, RSA HOUSE, Londra, jew il-mudell tal-Kodiċi ta’ Kondotta mħejji minn Sharing Economy UK (SEUK) (12).

8.4    Rwol speċjali għall-awtoregolazzjoni

8.4.1

Il-KESE minn dejjem kien tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE jew l-awtoritajiet nazzjonali qatt m’għandhom jiddefinixxu l-kontenut tal-kodiċijiet ta’ awtoregolazzjoni, li għandhom jitħallew għal-libertà sħiħa tal-partijiet, meta dawn ma jkollhomx l-għan li jiksbu rikonoxximent vinkolanti bejn il-partijiet.

8.4.2

Madankollu, safejn ikun meħtieġ li dawn il-ftehimiet ikunu rikonoxxuti “bħala strument sekondarju ta’ regolazzjoni fis-sistema legali inkwistjoni”, il-KESE argumenta, fl-Opinjoni tiegħu msemmija qabel, li l-UE “għandha tiddefinixxi biċ-ċar il-parametri li fuqhom jissejsu r-rikonoxximent tagħhom[i.e. l-istrumenti regolatorji] u l-prinċipji li għandhom jirrispettaw, kif ukoll il-limiti tagħhom”. Dan ir-raġunament japplika għalkollox fil-każ tal-ekonomija kollaborattiva, li ma għandhiex tkun eċċezzjoni.

8.4.3

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Ftehim Istituzzjonali l-ġdid bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni, approvat fit-13 ta’ April 2016, ma wassalx għal titjib fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ dak li huwa talab fl-Opinjoni tiegħu msemmija dwar l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni (SRCR), inkwantu din il-kwistjoni kienet tinsab fil-ftehim preċedenti u s-suġġett tal-SRCR issa huwa limitat għal referenza vaga fil-Komunikazzjoni dwar Pakkett ta’ Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (“Better Regulation”) li jirreferi għal nota f’qiegħ il-paġna li fiha huma stabbiliti l-prinċipji għal użu aħjar tal-SRCR u għall-pjattaforma CoP, kif ukoll ftit referenzi sparpaljati fil-“Guidelines” u t-“Toolbox”.

8.4.4

Jekk hemm qasam wieħed fejn, sabiex jinkisbu l-kredibbiltà u fl-iduċja tal-utenti tiegħu, id-definizzjoni tal-parametri stipulati hawn fuq hija meħtieġa dejjem iżjed, dan huwa mingħajr dubju dak tal-ekonomija kollaborattiva, li għandha tibbenefika sew minn arkitettura soda ta’ qafas responsabbli ta’ awtoregolazzjoni jew koregolazzjoni f’livell Ewropew.

8.4.5

Il-KESE għalhekk jistenna wkoll b’ħerqa l-“Aġenda Ewropea għall-Ekonomija Kollaborattiva” li tħabbret, u minn issa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tinjorax l-aspetti regolatorji ta’ din l-attività u r-rwol li għandhom jaqdu l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni f’dan il-qasam.

Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 1.

(2)  http://www.theguardian.com/technology/2015/sep/11/uber-driver-employee-ruling

(3)  ĠU C 363, 3.11.2015, p. 21ĠU C 429, 21.12.2015, p. 9.

(4)  ĠU C 51, 10.2.2016, p. 28.

(5)  COM(2015) 550 final, p. 4.

(6)  A8-0371/2015.

(7)  http://www.euro-freelancers.eu/marco-torregrossa-presentation-on-the-sharing-economy-2/

(8)  http://www.cpcp.be/medias/pdfs/publications/economie_collaborative.pdf

(9)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 1.

(10)  ĠU C 291, 4.9.2015, p. 29.

(11)  http://www.iddri.org/Evenements/Interventions/ST0314_DD ASN_sharing economy.pdf

(12)  http://www.sharingeconomyuk.com