27.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 172/17


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali

(2015/C 172/05)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FIL-KUNTEST TAL-ISFORZI TAL-UNJONI BIEX TINBENA EKONOMIJA DIĠITALI (1),

WARA LI KKUNSIDRA:

1.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, li tistabbilixxi l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex tiġi żviluppata l-kompetenza diġitali (2) bħala waħda mill-kompetenzi ewlenin li l-individwi kollha jeħtieġu għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi (3), u li tenfasizza r-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex ikun żgurat li ż-żgħażagħ kollha jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw u jtejbu tali kompetenza.

2.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar il-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li enfasizzaw b’mod partikolari r-rwol kruċjali tal-għalliema u l-ambjent ta’ fejn wieħed jitgħallem fl-iżvilupp u l-appoġġ tal-potenzjal kreattiv ta’ kull tifel u tifla (4).

3.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (5), li stabbilixxew it-tisħiħ tal-kreattività u l-innovazzjoni fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala wieħed mill-erba’ objettivi strateġiċi tal-qafas u identifikaw l-akkwist ta’ kompetenzi ewlenin trasversali, bħall-kompetenza diġitali bħala sfida ewlenija f’dan ir-rigward.

4.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar il-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali, enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu promossi mhux biss l-aċċess akbar għat-teknoloġiji ġodda imma wkoll l-użu responsabbli tagħhom (6).

5.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2011 dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal (ECEC) (7), li rrikonoxxew li l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-kura ta’ kwalità għolja jikkomplementaw ir-rwol ċentrali tal-familja u jistabbilixxu l-pedamenti essenzjali għall-kisba lingwistika, is-suċċess fit-tagħlim tul il-ħajja, l-integrazzjoni soċjali, l-iżvilupp personali u l-impjegabbiltà, filwaqt li jħeġġu l-akkwist ta’ ħiliet konjittivi u oħrajn mhux konjittivi.

6.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2011 dwar il-kompetenzi kulturali u kreattivi u r-rwol tagħhom fil-bini tal-kapital intellettwali tal-Ewropa (8), li rrikonoxxew tali kompetenzi bħala sorsi ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi.

7.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2011 dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali (9), li enfasizzaw l-importanza li titqajjem kuxjenza fost it-tfal dwar riskji potenzjali li jiltaqgħu magħhom fid-dinja diġitali u appellaw għal konsistenza fil-promozzjoni tas-sikurezza online u l-litteriżmu medjatiku fl-iskejjel kif ukoll fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-istituzzjonijiet tal-kura.

8.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar il-litteriżmu, li indikaw li l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda fuq il-litteriżmu għadu ma ġiex sfruttat għalkollox mis-sistemi edukattivi u li r-rieżami tal-materjal u l-metodi ta’ kif wieħed jitgħallem fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni li qed tiżdied, u l-appoġġ lill-għalliema fl-użu ta’ pedagoġiji ġodda jistgħu jsaħħu l-motivazzjoni ta’ dawk li jitgħallmu (10).

9.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal (11), li enfasizzaw ir-rwol importanti tas-settur tal-edukazzjoni u l-ġenituri biex jgħinu lit-tfal jagħmlu użu mill-opportunitajiet ipprovduti permezz tal-Internet b’mod sikur u ta’ benefiċċju, kif ukoll il-ħtieġa għall-għalliema u l-ġenituri biex iżommu ruħhom aġġornati ma’ bidliet teknoloġiċi li qed jevolvu b’mod kostanti.

10.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema, li enfasizzaw l-importanza li l-għalliema nfushom jiksbu biżżejjed fehim ta’ għodod ta’ tagħlim diġitali u ta’ Riżorsi Edukattivi Miftuħa sabiex jużawhom b’mod effettiv meta jgħallmu u jippermettu lill-istudenti li jiżviluppaw il-kompetenza diġitali tagħhom (12).

U FID-DAWL TA’ ELEMENTI OĦRA FL-ISFOND, KIF JINSAB FL-ANNESS GĦAL DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET,

JIRRIKONOXXI LI:

1.

Il-promozzjoni tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali permezz tal-edukazzjoni matul is-snin bikrin (13) jistgħu jipproduċu benefiċċji aktar tard, billi jistabbilixxu s-sisien għal aktar tagħlim, billi jippermettu l-għarfien li għandu jiġi żviluppat għal livell ferm ogħla u billi jtejbu b’mod ġenerali l-kapaċità ta’ kull tifel u tifla biex jiżviluppaw ħiliet ta’ ħsieb kreattiv u kritiku u biex isiru ċittadini responsabbli għall-Ewropa ta’ għada, li jkunu kapaċi jilħqu l-isfidi ta’ dinja dejjem aktar interkonnessa u globalizzata.

2.

L-abbiltà għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda tiddependi ħafna fuq l-użu tal-benefiċċji tar-rivoluzzjoni diġitali li qed tittrasforma l-ekonomiji u s-soċjetajiet b’ritmu inkredibbilment mgħaġġel, li jfisser li f’deċennji futuri s-suċċess ekonomiku ser jiddependi, fost l-oħrajn, fuq ċittadini li juru kapaċitajiet kreattivi u innovattivi u li għandhom kompetenza diġitali ta’ livell għoli.

3.

Sabiex tintlaħaq id-domanda li dejjem tikber għal utenti kompetenti diġitali u professjonisti tal-ICT, l-Ewropa teħtieġ tirreaġixxi għall-isfida li tipprovdi l-opportunitajiet għal kull ċittadin biex jiskopri l-potenzjal kreattiv jew innovattiv tiegħu u biex jiżviluppa l-kompetenza diġitali tiegħu permezz tat-tagħlim tul il-ħajja.

GĦALDAQSTANT JAQBEL LI:

fir-rigward tal-kreattività u l-innovazzjoni:

1.

Is-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ, flimkien mat-tagħlim mhux formali u informali, għandhom rwol fundamentali x’jaqdu fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet kreattivi u innovattivi minn età bikrija bħala fatturi ewlenin, mhux biss fit-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika futura u l-impjegabbiltà, iżda daqstant importanti fil-promozzjoni tas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva.

2.

L-għalliema u l-professjonisti tal-ECEC għandhom rwol fundamentali biex jistimulaw il-kurżità, l-immaġinazzjoni u r-rieda tat-tfal biex jesperimentaw u jgħinuhom jiżviluppaw mhux biss ħiliet bażiċi u għarfien speċifiku, iżda wkoll kompetenzi trasversali meħtieġa għall-kreattività u l-innovazzjoni, bħall-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi u t-teħid tal-inizjattivi.

3.

It-tagħlim permezz tal-logħob, li jista’ jinkludi logħob u għodod diġitali b’valur pedagoġiku, mhux biss irawwem l-immaġinazzjoni, l-intuwizzjoni u moħħ li jfittex li jitgħallem, iżda wkoll jagħti lit-tfal l-abbiltà li jikkooperaw u jsolvu l-problemi, u għalhekk huwa importanti għall-iżvilupp u t-tagħlim tat-tfal, speċjalment fis-snin bikrin.

4.

Dan kollu għandu implikazzjonijiet importanti għall-immodernizzar ta’ approċċi pedagoġiċi, ir-riżorsi tal-għoti tat-tagħlim u l-ambjent ta’ fejn wieħed jitgħallem, kif ukoll f’dak li hu marbut mat-taħriġ inizjali tal-għalliema u l-professjonisti tal-ECEC u l-iżvilupp professjonali kontinwu, li jeħtieġu jiżguraw li huma jistgħu jiżviluppaw il-kreattività u l-innovazzjoni fit-tfal billi jagħtu eżempji ta’ dawn l-aspetti meta jkunu qed jgħallmu.

u fir-rigward tal-kompetenza diġitali:

5.

Filwaqt li l-għodod diġitali ma jistgħux jintużaw biex jissostitwixxu attivitajiet, esperjenzi u materjali essenzjali fil-klassi, il-forniment ta’ għodod bħal dawn u l-integrazzjoni tagħhom fil-proċessi tal-għoti tat-tagħlim u ta’ kif wieħed jitgħallem, fejn adatt, jistgħu jikkontribwixxu biex isaħħu l-kwalità u l-effettività ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll biex iżidu l-motivazzjoni, il-fehim u l-eżiti ta’ kif jitgħallmu l-istudenti.

6.

L-iżvilupp tal-kompetenza diġitali b’mod effettiv u addattat għall-età fl-ECEC u l-edukazzjoni bażika għandu implikazzjonijiet importanti f’termini ta’ approċċi pedagoġiċi, valutazzjoni, riżorsi pedagoġiċi u ambjenti ta’ fejn wieħed jitgħallem, kif ukoll biex tingħata l-għajnuna sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali.

7.

B’mod ugwalment importanti, dan għandu implikazzjonijiet għall-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu kemm tal-għalliema kif ukoll tal-professjonisti tal-ECEC, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn jiżviluppaw il-kapaċità, il-metodoloġija u l-ħiliet biex jiġi promoss l-użu effettiv u responsabbli ta’ teknoloġiji ġodda għall-finijiet pedagoġiċi u biex it-tfal jiġu appoġġati fl-iżvilupp tal-kompetenza diġitali.

8.

F’dinja fejn ħafna tfal għandhom it-tendenza li jkunu pjuttost komdi bil-media diġitali, l-edukazzjoni u t-taħriġ ukoll għandhom rwol importanti fil-promozzjoni ta’ użu sikur u responsabbli tal-għodod diġitali u fl-iżvilupp ta’ litteriżmu tal-media, jiġifieri l-abbiltà mhux biss li jkun hemm aċċess għall-kontenut maħluq b’mod diġitali, iżda aktar importanti biex dan il-kontenut jiġi interpretat, użat, maqsum, maħluq u vvalutat b’mod kritiku.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B’KONT MEĦUD TAS-SUSSIDJARJETÀ U L-AWTONOMIJA ISTITUZZJONALI,

fir-rigward tal-kreattività u l-innovazzjoni, biex:

1.

Jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni tal-għalliema, l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ tal-professjonisti tal-ECEC u lill-fornituri tat-taħriġ fuq il-post biex jadattaw il-programmi tagħhom bil-ħsieb li jakkomodaw għodod ġodda ta’ tagħlim u jiżviluppaw pedagoġiji adatti li għandhom l-għan li jrawmu l-kreattività u l-innovazzjoni minn età bikrija.

2.

Jinkoraġġixxu lill-fornituri tal-edukazzjoni jew l-awtoritajiet rilevanti, kif xieraq, biex jarmaw l-iskejjel u l-faċilitajiet tal-ECEC għal livell xieraq sabiex jitrawmu l-kapaċitajiet kreattivi u innovattivi.

3.

Jinkoraġġixxu lill-fornituri tal-programmi ta’ żvilupp professjonali inizjali u kontinwu kemm għall-għalliema kif ukoll għall-professjonisti tal-ECEC biex jagħtu kunsiderazzjoni lill-metodi effettivi biex jitrawmu l-kurżità, l-esperimentazzjoni, il-ħsieb kreattiv u kritiku u l-fehim kulturali, pereżempju permezz tal-arti, il-mużika u t-teatru, u biex jesploraw il-potenzjal ta’ sħubiji kreattivi.

4.

Jippromwovu l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali għat-tfal li għandhom l-għan li jrawmu l-kreattività u l-innovazzjoni, filwaqt li jirrikonoxxu wkoll ir-rwol importanti tal-ġenituri u l-familji.

u fir-rigward tal-kompetenza diġitali, biex:

5.

Jiffaċilitaw l-aċċess għal u l-promozzjoni tal-ICT u l-iżvilupp tal-kompetenza diġitali permezz tal-esponiment għall-età adatta għall-għodod diġitali u għall-integrazzjoni tagħhom matul l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja, waqt li jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-ġenituri u l-familji, kif ukoll il-ħtiġijiet differenti ta’ tagħlim f’etajiet differenti.

6.

Jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod diġitali għall-għoti ta’ tagħlim, u tal-approċċi pedagoġiċi li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetenzi fl-oqsma kollha — inkluż speċjalment il-litteriżmu, l-aritmetika, il-matematika, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-lingwi barranin — bil-ħsieb li jiġu indirizzati uħud mill-isfidi enfasizzati fl-istħarriġ internazzjonali reċenti (14).

7.

Jinkoraġġixxu lil dawk li jipprovdu l-edukazzjoni jew l-awtoritajiet rilevanti, kif adatt, biex jarmaw l-iskejjel u l-istituzzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni bikrija tat-tfal f’livell adatt biex jippromwovu l-iżvilupp adatt għall-età ta’ kompetenza diġitali, b’mod partikolari billi jespandu l-forniment tal-għodod diġitali varji u l-infrastruttura.

8.

Jinkoraġġixxu lil dawk li jħarrġu lill-għalliema u l-ECEC, l-għalliema, il-professjonisti tal-ECEC u l-kapijiet tal-iskejjel - kemm permezz tal-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu - biex huma stess jiżviluppaw livell suffiċjenti ta’ kompetenza diġitali, inkluż l-abbiltà li jużaw l-ICT biex jgħallmu, kif ukoll biex jiżviluppaw metodi effettivi għall-promozzjoni tal-litteriżmu tal-media minn età bikrija.

9.

Jiskopru l-potenzjal ta’ għodod diġitali biex jappoġġaw it-tagħlim f’oqsma differenti u jipprovdu approċċi aktar personalizzati lejn it-tagħlim, li jistgħu jipprovdu għal firxa ta’ abbiltajiet — minn min għandu bosta talenti għal min għandu ftit ħiliet — kif ukoll għat-tfal li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati u dawk bi bżonnijiet speċjali.

10.

Jippromwovu komunikazzjoni u kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u bejn l-għalliema fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew u internazzjonali, inkluż permezz tal-eTwinning.

11.

Jesploraw il-potenzjal għal kooperazzjoni mal-komunità tal-“open source” dwar għodod edukattivi innovattivi u kreattività diġitali.

12.

Jagħmlu sforzi biex jippromwovu edukazzjoni dwar il-media u l-litteriżmu tal-media, b’mod partikolari l-użu sikur u responsabbli ta’ teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Jieħdu miżuri u inizjattivi xierqa mmirati lejn it-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni bażika, li jsir użu effettiv mir-riżorsi Ewropej bħalma huma l-programm Erasmus+ u l-Fond Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jiġu appoġġati miżuri u inizjattivi bħal dawn.

2.

Jippromwovu u jiżviluppaw il-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ prattika tajba u t-tagħlim reċiproku dwar is-suġġett ta’ trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja, kif ukoll permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali.

3.

Jidentifikaw, permezz tar-riċerka, eżempji tal-aktar metodi u prattiki effettivi għall-għalliema u l-professjonisti tal-ECEC f’kull stadju tal-edukazzjoni tal-ECEC u primarja biex jgħinu lit-tfal jiżviluppaw kapaċitajiet kreattivi u innovattivi, kif ukoll biex jiżviluppaw il-kompetenza diġitali. F’dan il-kuntest, jikkunsidraw li jimplimentaw il-prinċipji ewlenin tal-Qafas ta’ Kwalità għall-ECEC, fejn adatt.

U JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Tkompli bil-ħidma li għaddejja tal-Gruppi ta’ Ħidma “ET2020” dwar Ħiliet Trasversali u dwar Tagħlim Diġitali u Online sabiex jitrawmu l-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali, fejn adatt, minn età bikrija.

2.

Tippromwovi kooperazzjoni u tagħlim reċiproku fil-livell Ewropew, kemm fil-kuntest tal-qafas strateġiku “ET2020” kif ukoll permezz tal-programm Erasmus+.

3.

Tkompli l-monitoraġġ taż-żoni koperti minn dawn il-konklużjonijiet fi ħdan l-iskop ta’ għodod u rapporti eżistenti u filwaqt li tevita kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali.


(1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 24-25 ta’ Ottubru 2013 (EUCO 169/13, it-Taqsima I, b’mod partikolari l-paragrafi 1 sa 12).

(2)  “Il-kompetenza diġitali tinvolvi l-użu kritiku u b’fiduċja tat-Teknoloġija tas-Soċjetà tat-Tagħrif (IST) għax-xogħol, il-ħin ħieles u l-komunikazzjoni. Hija sostnuta mill-ħiliet bażiċi fl-ICT: l-użu tal-kompjuters sabiex il-persuna ssib, tivvaluta, taħżen, tippreżenta u tpartat it-tagħrif, u tikkomunika u tipparteċipa f’networks kollaborattivi permezz tal-Internet.” eċċ.

(3)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(4)  ĠU C 141, 7.6.2008, p. 17.

(5)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(6)  Dok. 15441/09.

(7)  ĠU C 175, 15.6.2011, p. 8.

(8)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 19.

(9)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 15.

(10)  ĠU C 393, 19.12.2012, p. 1.

(11)  ĠU C 393, 19.12.2012, p. 11.

(12)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 22.

(13)  Il-perijodi tal-edukazzjoni msemmijin f’dawn il-konklużjonijiet jikkorrispondu b’mod ġenerali għal:

il-livell 0.2 tal-ISCED (Edukazzjoni preprimarja): “Edukazzjoni mfassla biex tappoġġa żvilupp bikri bi tħejjija għall-parteċipazzjoni fl-iskejjel u s-soċjetà. Programmi mfassla għat-tfal minn tliet snin sal-bidu tal-edukazzjoni primarja.” (traduzzjoni mhux uffiċjali).

il-livell 1 tal-ISCED (Edukazzjoni primarja): “Programmi tipikament imfassla biex l-istudenti jkollhom ħiliet fundamentali fil-qari, il-kitba u l-matematika u biex jistabbilixxu pedament sod għat-tagħlim” (traduzzjoni mhux uffiċjali).

(14)  Ir-riżultati ta’ PISA 2012 (studenti ta’ 15-il sena ġew ittestjati fil-qari, il-matematika u x-xjenza) jiżvelaw il-progress lejn il-punt ta’ riferiment għall-2020 ta’ mhux aktar minn 15 % ta’ dawk li jiksbu rati baxxi fil-ħiliet bażiċi, għalkemm l-UE bħala entità sħiħa b’mod sinifikanti tinsab lura fil-qasam tal-matematika. Sforzi sostnuti fl-oqsma kollha huma rrakkomandati, b’mod partikolari dwar l-istudenti bi status soċjoekonomiku baxx. Ir-riżultati tal-Ewwel Stħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenza fil-Lingwi (2012) juru livell ġeneralment baxx ta’ kompetenzi kemm fl-ewwel u t-tieni lingwa barranija li jkunu ttestjati, għalkemm hemm xi varjazzjonijiet fl-Istati Membri.


ANNESS

Elementi oħra ta’ sfond

1.

Ir-rapport finali tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-UE dwar il-Litteriżmu, Settembru 2012 (1).

2.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2013 dwar “Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa” (2).

3.

Pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2013: “Comenius — Examples of good practices” (3) (Comenius — Eżempji ta’ prattiki tajba).

4.

Il-pubblikazzjoni tal-2013 mill-Kummissjoni Ewropea, European Schoolnet u l-Università ta’ Liège: “Survey of Schools — ICT fl-edukazzjoni” (4) (Stħarriġ fl-iskejjel: l-ICT fl-edukazzjoni).

5.

Pubblikazzjoni tal-OECD tal-2013: “Innovative Learning Environments” (5). (Ambjenti ta’ Tagħlim Innovattivi).

6.

Il-Konferenza ta’ Livell Għoli Ewropew dwar l-“Edukazzjoni fl-Era Diġitali” li saret fi Brussell fil-11 ta’ Diċembru 2014.

7.

Ir-rapport tal-2014 tal-Grupp ta’ Ħidma Tematiku dwar l-ECEC “Proposta għal prinċipji ewlenin ta’ Qafas ta’ Kwalità għal edukazzjoni bikrija tat-tfal u kura” (6).


(1)  Ara http://ec.europa.eu/education/policy/school/doc/literacy-report_en.pdf

(2)  14116/13 + ADD 1.

(3)  Ara http://ec.europa.eu/education/library/publications/2013/comenius_en.pdf

(4)  Ara https://ec.europa.eu/digital-agenda/sites/digital-agenda/files/KK-31-13-401-EN-N.pdf

(5)  Ara http://www.oecd-ilibrary.org/education/innovative-learning-environments_9789264203488-en

(6)  http://ec.europa.eu/education/policy/strategic-framework/archive/documents/ecec-quality-framework_en.pdf