12.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 375/4


Avviż Interpretattiv dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti minn territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 'l hawn

(2015/C 375/05)

(1)

L-Unjoni Ewropea, b'konformità mad-dritt internazzjonali, ma tirrikonoxxix is-sovranità tal-Iżrael fuq it-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ‘l hawn, jiġifieri l-Għoljiet tal-Golan, il-Medda ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, u ma tikkunsidrahomx bħala parti mit-territorju tal-Iżrael (1), irrispettivament mill-istatus ġuridiku skont il-liġi domestika tal-Iżrael (2). L-Unjoni għamlitha ċara li ma hi se tirrikonoxxi l-ebda tibdil għall-fruntieri kif kienu qabel l-1967, ħlief dawk bi qbil mal-partijiet għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani (PPLN) (3).

(2)

L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija għal prodotti li joriġinaw fit-territorji okkupati mill-Iżrael kienet is-suġġett ta' avviżi jew gwida adottati mill-awtoritajiet relevanti ta' diversi Stati Membri. Tabilħaqq hemm domanda mingħand il-konsumaturi, l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet nazzjonali għal ċarezza rigward il-leġiżlazzjoni eżistenti fuq l-informazzjoni ta' oriġini tal-merkanzija minn territorji okkupati mill-Iżrael (4). L-għan huwa wkoll li jkun iggarantit li jiġu rispettati l-pożizzjonijiet u l-impenji tal-Unjoni f'konformità mad-dritt internazzjonali fir-rigward tan-nonrikonoxximent mill-Unjoni tas- sovranità tal-Iżrael fuq it-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ‘l hawn. Dan l-avviż għandu wkoll l-għan li jinżamm kummerċ miftuħ u bla xkiel, li ma jfixkilx il-flussi kummerċjali u ma għandux jiġi interpretat li qed jagħmel dan.

(3)

Dan l-Avviż ma joħloqx regoli leġiżlattivi ġodda. Filwaqt li dan l-Avviż jirrifletti l-fehim li għandha l-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni, l-infurzar tar-regoli relevanti jibqa' primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Skont il-każistika, filwaqt li l-għażla tal-penali tibqa' fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, dawn iridu jiżguraw li l-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi (5). Il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati, tiżgura li l-Istati Membri jkunu konformi ma' dawn l-obbligi, jekk hemm bżonn permezz ta' proċedimenti ta' ksur. Dan l-Avviż huwa mingħajr ħsara għal rekwiżiti oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u għall-interpretazzjoni li tista' tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja.

(4)

Diversi partijiet mill-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bħalissa jipprevedu indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini tal-prodott fil-kwistjoni. Dan ir-rekwiżit ħafna drabi jirrigwarda d-deżinjazzjoni tal-“pajjiż tal-oriġini” (6), iżda xi drabi jintużaw ukoll espressjonijiet oħra, bħal “post ta' provenjenza”, għall-prodotti tal-ikel (7). Suġġett għal xi dispożizzjoni speċifika li tgħid il-kuntrarju fid-dispożizzjonijiet relevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fil-prinċipju d-determinazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta' prodotti tal-ikel se tkun ibbażata fuq ir-regoli tal-oriġini nonpreferenzjali tal-Unjoni stipulati fil-leġiżlazzjoni doganali (8).

(5)

Meta d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni b'mod espliċitu jirrikjedu l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott fil-kwistjoni, din trid tkun korretta u ma tqarraqx bil-konsumatur.

(6)

Meta l-indikazzjoni tal-oriġini ma tkun x obbligatorja, jekk l-oriġini tingħata fuq bażi volontarja, l-informazzjoni trid tkun korretta u ma tqarraqx bil-konsumatur (9).

(7)

Peress li l-Għoljiet tal-Golan u x-Xatt tal-Punent (inkluż Ġerusalemm tal-Lvant) (10) ma jiffurmawx parti mit-territorju Iżraeljan skont id-dritt internazzjonali, l-indikazzjoni “prodott tal-Iżrael” (11) hija kkunsidrata skorretta u qarrieqa fis-sens tal-leġiżlazzjoni li saret referenza għaliha.

(8)

Sal-punt li l-indikazzjoni tal-oriġini hija obbligatorja, trid tintuża espressjoni oħra, li tikkunsidra kif dawn it-territorji s-soltu jissejħu.

(9)

Għall-prodotti mill-Palestina (12) li ma joriġinawx mill-insedjamenti, indikazzjoni li ma tqarraqx rigward l-oriġini ġeografika, filwaqt li tikkorrispondi mal-prassi internazzjonali, tista' tkun “prodott tax-Xatt tal-Punent (prodott Palestinjan)” (13), “prodott ta' Gaża” jew “prodott tal-Palestina”.

(10)

Għal prodotti mix-Xatt tal-Punent jew mill-Għoljie t tal-Ġolan li joriġinaw mill-insedjamenti, indikazzjoni limitata għal “prodott tal-Għoljiet tal-Golan” jew “prodott tax-Xatt tal-Punent” ma tkunx aċċettabbli. Anke jekk ikunu jindikaw żona jew territorju usa' minn fejn il-prodott joriġina, in-nuqqas tal-informazzjoni ġeografika addizzjonali li l-prodott ġej mill-insedjamenti tal-Iżrael ikun iqarraq bil-konsumatur rigward l-oriġini vera tal-prodott. F'dawn il-każi trid tiżdied l-espressjoni “insedjament Iżraeljan” jew waħda ekwivalenti, pereżempju f'parentesi. Għaldaqstant, jistgħu jintużaw espressjonijiet bħal “prodott tal-Għoljiet tal-Golan (insedjament Iżraeljan)” jew “prodott tax-Xatt tal-Punent (insedjament Iżraeljan)”.

(11)

Fi kawlunkwe każ, b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, l-indikazzjoni tal-oriġini ssir obbligatorja meta, għal dak li jirrigwarda l-ikel, in-nuqqas ta' dik l-informazzjoni jista jqarraq bil-konsumatur rigward l-oriġini vera tal-prodott (14), u, fir-rigward tal-prodotti l-oħra kollha, meta titħalla barra informazzjoni li hija importanti, skont il-kuntest, biex wieħed jieħu deċiżjoni tranżazzjonali infurmata jew x'aktarx li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li kieku ma kienx jieħu (15). F'tali każi l-eżempli tal-paragrafi ta' qabel ikunu relevanti.

(12)

L-informazzjoni dwar l-oriġini hija ħafna drabi disponibbli għall-operaturi ekonomiċi taħt diversi forom (16). F'ħafna każi l-informazzjoni dwar l-oriġini tal-merkanzija tkun tinstab fuq id-dokumentazzjoni doganali. Jekk ikunu jgawdu minn trattament preferenzjali fil-punt tal-importazzjoni, il-prodotti jkunu akkumpanjati minn prova ta' oriġini preferenzjali maħruġa mill-Iżrael (17), jew mill-awtoritajiet Palestinjani (18). Dokumenti oħra bħal fatturi, avviżi tal-kunsinna u dokumenti tat-trasport jistgħu jipprovdu indikazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija. Jekk l-informazzjoni ma tkunx disponibbli fil-mument mid-dokumenti ta' akkumpanjament, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jitolbu l-informazzjoni tal-oriġini, direttament mingħand il-fornituri jew l-importaturi.


(1)  Ara l-Kawża C-386/08 Brita [2010] Ġabra I-1289, il-paragrafi 47 u 53.

(2)  Skont il-liġi Iżraeljana, Ġerusalemm tal-Lvant u l-Għoljiet tal-Golan huma annessi mal-Istat tal-Iżrael, filwaqt li x-Xatt tal-Punent jissejjaħ “it-territorji”.

(3)  Ara fost l-oħrajn il-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar il-PPLN adottati fl-14 ta' Mejju 2012, fl-10 ta' Diċembru 2012 u fis-17 ta' Novembru 2014.

(4)  L-interpretazzjoni f'dan l-Avviż rigward x'jikkostitwixxi informazzjoni dwar l-oriġini f'konformita' mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni se tapplika għal kull dispożizzjoni futura li tkun tinkludi kontenut simili għad-dispożizzjonijiet li jinsabu fis-seħħ bħalissa u li huma koperti minn dan l-Avviż.

(5)  Ara fost l-oħrajn, il-Kawża 68/88 Il-Kummissjoni v il-Greċja [1989] Ġabra 2965, paragrafi 23 u 24; Kawża C-326/88 Hansen [1990] Ġabra I-2911, paragrafu 17; Kawżi Konġunti C-387/02, C-391/02 u C-403/02 Berlusconi et al [2005] Ġabra I-3565, paragrafu 65

(6)  Ara, pereżempju: għall-kożmetiċi l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi, (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59)); għall-frott u l-ħaxix frisk: ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671), u l-Artikolu 6 u Parti A 4(B) tal-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jistabbilixi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frottu l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1); għall-ħut: l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u oli jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1); għall-inbid: l-Artikolu 119(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u l-Artikolu 55 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazjoni ta' ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60); għall-għasel: l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta' Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47); għaż-żejt taż-żebbuġa: l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 tat-13 ta' Jannar 2012 dwar l-istandards tal-marketing għaż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 12, 14.1.2012, p. 14); għaċ-ċanga u l-vitella: l-Artikoli 13 sa 15 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1); għal-laħam tat-tjur ippakkjat bil-lest minn pajjiżi terzi: l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 543/2008 tas-16 ta' Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li għandu x'jaqsam ma'-istandards għat-tqegħid fis-suq tal-laħam tat-tjur (ĠU L 157, 17.6.2008, p. 46); għal-laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur: l-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18), u l-Artikoli 5 sa 8 tar-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2013 tat-13 ta' Diċembru 2013 li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur (ĠU L 335, 14.12.2013, p. 19).

(7)  L-Artikolu 2(2)(g) u l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(8)  Il-Premessa 33 u l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(9)  L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29/KEC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 li tirrigwarda prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (‘Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali’) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22), li jsemmi wkoll “l-oriġini ġeografika jew kummerċjali” bħala element wieħed li jista' jrendi prattika qarrieqa, u l-Artikoli 26(3) u 36 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011

(10)  Sa mill-2005 ma għadx hemm aktar insedjamenti Iżraeljani f'Gaża.

(11)  Jew espressjonijiet komparabbli, bħal “li joriġina fi”, “prodott ta'”jew “magħmul fi”, li jistgħu jintużaw ukoll skont il-kuntest.

(12)  Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tinftiehem bħala rikonoxximent ta' xi Stat tal-Palestina u hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni.

(13)  Jekk meħtieġ tissemma wkoll Ġerusalemm tal-Lvant.

(14)  L-Artikolu 26(2)(a) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011

(15)  L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29/KE

(16)  Ara, pereżempju, għall-prodotti tal-ikel, fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri tagħhom, l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(17)  Ara, dwar dan il-punt, l-Avviż lill-importaturi – Importaturi mill-Iżrael lejn l-UE (ĠU C 232, 3.8.2012, p. 5).

(18)  Firxa ta' prodotti mix-Xatt tal-Punent, Gaża, u Ġerusalemm tal-Lvant, huma koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Euro-Mediterranju dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta' Gaża, minn naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fl-24 ta' Frar 1997 (ĠU L 187, 16.7.1997, p. 3).