19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 162/9


Notifika tal-inizjazzjoni ta’ eżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiżi għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le

(2015/C 162/09)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal eżami interim parzjali skont l-Artikoli 19 u 23(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal eżami

It-talba għal eżami tressqet minn DSM Nutritional Products (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Kanada (“il-pajjiż ikkonċernat”).

L-eżami huwa limitat fl-ambitu għall-eżaminazzjoni tal-possibbiltà li tingħata eżenzjoni mill-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiżi għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le, safejn huwa kkonċernat l-applikant.

2.   Il-prodott eżaminat

Il-prodott li huwa soġġett għal dan l-eżami huwa esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u/jew żejt tal-gass paraffiniku miksub minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, spiss magħruf bħala “bijodiżil”, f’forma pura jew f’taħlita li fiha iktar minn 20 % skont il-piż ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew żejt tal-gass paraffiniku miksub minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika jew ikkunsinnat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le (“il-prodott eżaminat”), li bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi NM ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 99, ex 2710 19 43, ex 2710 19 46, ex 2710 19 47, ex 2710 20 11, ex 2710 20 15, ex 2710 20 17, ex 3824 90 92, ex 3824 90 93, 3826 00 10 u ex 3826 00 90.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ huma dazju kompensatorju definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009 (2), u estiż għal importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le, u għal importazzjonijiet ta’ bijodiżil f’taħlita li fiha 20 % jew inqas skont il-piż ta’ bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 (3). (“il-miżuri eżistenti”).

4.   Raġunijiet għall-eżami

It-talba skont l-Artikoli 19 u 23(6) tar-Regolament bażiku hija bbażata fuq evidenza prima facie, ipprovduta mill-applikant, li turi li l-applikant huwa produttur ġenwin tal-prodott eżaminat li jista’ jipproduċi l-kwantità kollha li tkun mibgħuta lill-Unjoni mill-bidu tal-perjodu tal-investigazzjoni ta’ kontra l-evażjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti.

Barra minn hekk, l-applikant jallega li ma huwa relatat ma ebda produttur esportatur soġġett għall-miżuri eżistenti, u li mhuwiex jevadi l-miżuri eżistenti.

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, li teżisti biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika l-inizjazzjoni ta’ eżami interim parzjali limitat għall-eżaminazzjoni tal-possibbiltà li tingħata eżenzjoni, safejn huwa kkonċernat l-applikant, mill-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiżi għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le, il-Kummissjoni qiegħda b’dan tagħti bidu għal eżami b’konformità mal-Artikoli 19 u 23(6) tar-Regolament bażiku.

5.1.   Investigazzjoni tal-produttur esportatur

Sabiex tikseb l-informazzjoni li hi tqis neċessarja għall-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant bħala produttur esportatur. L-applikant irid jibgħat il-kwestjonarji mimli u evidenza ta’ sostenn lill-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2.   Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jsemmgħu leħinhom, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.3.   Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.4.   Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ hija ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li jipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’forma li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti” (4).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed sabiex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem raġonevolment. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet relatati mad-difiża tal-kummerċ) ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u kkontrollat kuljum. Hekk kif jingħatawlha d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, ħlief jekk dawn jitolbu espliċitament li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtulhom b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew jekk in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat tirrikjedi l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni fosthom il-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet permezz tal-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1040 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: TRADE-BIODIESEL-DSM@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tagħtix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni ma tiġix meqjusa u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli b’mod konformi mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u minħabba f’hekk il-konklużjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, l-eżitu jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli seta’ jkun kieku kkooperat.

Nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma titqiesx li tikkostitwixxi nuqqas ta’ kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tar-risposta kif mitlub tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kompletament.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex issir seduta li tinvolvi lill-partijiet li tippermetti li jkunu ppreżentati opinjonijiet differenti u argumenti kuntrarji offruti dwar kwistjonijiet li jappartjenu, fost affarijiet oħra, għalll-possibilità li tingħata eżenzjoni lill-applikant.

Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (5).


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009 tas-7 ta’ Lulju 2009 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 179, 10.7.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 tal-5 ta’ Mejju 2011 li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, 11.5.2011, p. 1).

(4)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tal-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.