Brussell, 9.12.2015

SWD(2015) 275 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposti għal Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar

(1) ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali

u

(2) dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ ieħor mill-bogħod ta’ oġġetti

{COM(2015) 634 final}
{SWD(2015) 274 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar proposti għal Direttivi dwar il-Provvista ta’ Kontenut Diġitali u l-Bejgħ Onlajn u Bejgħ Ieħor mill-Bogħod ta’ Oġġetti

A. Hemm bżonn tittieħed azzjoni

Għalfejn? X'inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

L-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (Digital Single Market - DSM) tirrigwarda l-provvista ta’ kontenut diġitali u l-bejgħ onlajn ta’ oġġetti minħabba li s-sehem tal-kummerċ elettroniku fis-settur tal-kummerċ bl-imnut tal-UE qed jikber b’pass iktar mgħaġġel minn dak offlajn u l-potenzjal ta’ tkabbir sinifikanti u mhux sfruttat tal-kummerċ elettroniku ma għandux jintilef.

Disgħa u tletin fil-mija (39%) tan-negozji li jbigħu onlajn iżda mhux fuq livell transfruntier jikkwotaw liġijiet kuntrattwali nazzjonali differenti bħala wieħed mill-ostakoli ewlenin. Dan japplika b’mod partikolari għar-rimedji fil-każ ta’ prodott difettuż (49 % tal-bejjiegħa bl-imnut tal-UE li jbigħu onlajn u 67 % ta’ dawk li bħalissa qegħdin jippruvaw ibigħu jew jikkunsidraw li jbigħu onlajn fuq livell transfruntier). Ir-regoli differenti tal-liġijiet kuntrattwali nazzjonali ħolqu spejjeż ta’ darba għan-negozji li jbigħu bl-imnut dirett lill-konsumaturi (Business to Consumer - B2C) ta’ madwar EUR 4 biljun; dawn l-ispejjeż jaffettwaw l-aktar lill-impriżi mikro u lill-impriżi żgħar.

Il-konsumaturi ma humiex kunfidenti meta jiġu biex jixtru onlajn bejn il-fruntieri. Waħda mir-raġunijiet ewlenin hija l-inċertezza tagħhom dwar id-drittijiet kuntrattwali ewlenin tagħhom. Huma jispiċċaw jitilfu l-opportunitajiet u jiffaċċjaw firxa aktar limitata ta’ oġġetti bi prezzijiet inqas kompetittivi. Huma jsofru detriment minħabba nuqqas ta’ drittijiet tal-liġijiet kuntrattwali ċari għal kontenut diġitali difettuż. Il-valur ikkombinat tad-detriment finanzjarju li jirriżulta mill-aktar problema riċenti b'erba' tipi biss ta' kontenut diġitali u l-ħin li qattgħu jipprovaw jirrisolvu dawn il-problemi matul l-aħħar 12-il xahar huwa stmat li jlaħħaq bejn EUR 9 biljun u EUR 11-il biljun.

X'mistenni li jinkiseb b'din l-inizjattiva?

L-objettiv ġenerali huwa li jingħata kontribut lejn tkabbir aktar rapidu tad-DSM, għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji. Huwa mistenni li l-PDG annwali tal-UE jkollu żieda permanenti ta’ madwar EUR 4 biljun. Billi jiġu eliminati l-ostakoli relatati mal-liġi kuntrattwali li jfixklu l-kummerċ transfruntier onlajn, se jonqsu l-ispejjeż tan-negozju li jirriżultaw mid-differenzi fil-liġi kuntrattwali u l-inċertezza li jiffaċċjaw in-negozji minħabba l-kumplessità tal-qafas legali. L-inizjattiva se żżid il-fiduċja tal-konsumaturi billi tipprovdi regoli uniformi bi drittijiet ċari tal-konsumaturi.

X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE?

L-Istati Membri ma jkunux jistgħu, b'inizjattiva tagħhom stess, ineħħu l-ostakoli kkaġunati minn differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet nazzjonali. Kull Stat Membru individwalment ma jkunx kapaċi jiżgura l-koerenza ġenerali tal-leġiżlazzjoni tiegħu ma’ dik ta’ Stati Membri oħra. Għall-oġġetti, din l-inizjattiva lill-konsumaturi se tipprovdilhom drittijiet tal-liġi kuntrattwali li huma mmirati u kompletament armonizzati, meta jixtru onlajn u b’mod ieħor mill-bogħod. Hija se tnaqqas l-ispejjeż għan-negozji u għalhekk il-konsumaturi se jibbenefikaw minn offerta akbar bi prezzijiet aktar kompetittivi. Għall-kontenut diġitali, se toħloq ċertezza legali għan-negozji li jridu jbigħu fi Stati Membri oħrajn. Fl-istess ħin se tiggarantixxi drittijiet koerenti għall-konsumatur b’livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Bħala riżultat, il-konsumaturi se jkunu jistgħu jakkwistaw u n-negozji se jkunu jistgħu jipprovdu b'aktar faċilità kontenut diġitali u oġġetti onlajn fid-DSM kollu kemm hu. Hija se tevita l-frammentazzjoni tar-regoli tal-kontenut diġitali peress li l-Istati Membri qed jibdew jilleġiżlaw b’mod individwali f’dan il-qasam.  

B. Soluzzjonijiet

X'għażliet ta' politiki leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta? Għalfejn?  

L-għażla ppreferuta (l-Għażla 1: regoli kompletament armonizzati mmirati għall-kontenut diġitali u għall-oġġetti) se tnaqqas l-ispejjeż relatati mal-liġi kuntrattwali għal tranżazzjonijiet transfruntieri tal-kummerċjanti. Iż-żieda fil-kompetizzjoni se twassal għal żieda ġenerali fil-kummerċ. Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn għażla akbar bi prezzijiet aktar kompetittivi. Il-konsumaturi se jkollhom sett ta’ drittijiet ċari madwar l-UE kollha u b’hekk se jkollhom aktar fiduċja fid-DSM. L-għażliet l-oħra previsti kienu:

Għażla 2: Regoli kompletament immirati u armonizzati għall-kontenut diġitali - L-applikazzjoni tal-liġi tal-kummerċjant ikkombinata mar-regoli armonizzati eżistenti dwar l-oġġetti;

Għażla 3 Regoli kompletament immirati u armonizzati għall-kontenut diġitali u ebda bidla ta' politika għall-oġġetti.

Għażla 4: Regoli ta’ armonizzazzjoni mill-inqas għall-kontenut diġitali u ebda bidla ta' politika għall-oġġetti;

Għażla 5: Mudell ta’ kuntratt Ewropew volontarju kkombinat ma’ marka ta’ fiduċja tal-UE.

Min jappoġġa liema għażla? 

Rigward il-kontenut diġitali, il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati tan-negozji ġenerali jaraw il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE fil-forma ta’ armonizzazzjoni sħiħa; l-industrija tal-IT hija iktar maqsuma. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jirrikonoxxu l-ħtieġa li jieħdu azzjoni u li jappoġġaw l-armonizzazzjoni sħiħa, diment li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Il-maġġoranza tal-Istati Membri li wieġbu jilqgħu wkoll azzjoni fil-livell tal-UE fuq il-kontenut diġitali. Għall-oġġetti, l-intrapriżi huma favur azzjoni fil-livell tal-UE. Filwaqt li l-maġġoranza tappoġġja armonizzazzjoni sħiħa, oħrajn jippreferu l-applikazzjoni tal-liġi tal-kummerċjant. Diversi Stati Membri u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi huma kontra li jinbidel ir-Regolament Ruma I. L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur jappoġġjaw armonizzazzjoni sħiħa biss jekk il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur ikun għoli u jekk il-livelli eżistenti nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur ma jonqsux. L-Istati Membri ma jaqblux dwar il-ħtieġa li tittieħed azzjoni. Kemm għall-kontenut diġitali kif ukoll għall-oġġetti, kważi dawk kollha li wieġbu huma favur li jittrattaw biss il-kuntratti li huma business to consumer. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati twissi dwar il-possibbiltà ta’ frammentazzjoni bejn il-bejgħ ta’ oġġetti onlajn u offlajn. Madankollu, il-Kummissjoni se tieħu l-passi meħtieġa biex tiġi evitata din il-frammentazzjoni u l-benefiċċji li taġixxi issa jissuperaw dan ir-riskju ta’ frammentazzjoni legali.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta? 

L--għażla ta' politika ppreferuta se telimina l-ostakoli relatati mal-liġi kuntrattwali għall-kummerċ transfruntier onlajn, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. It-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli hija inċentiv għall-kummerċ transfruntier: jekk l-ostakoli relatati mal-liġi kuntrattwali jiġu rtirati, l-għadd ta’ negozji li jbigħu onlajn bejn il-fruntieri jista’ jiżdied b’aktar minn ħames punti perċentwali. Skont stima konservattiva ħafna, dan ikun ifisser li 122 000 negozju aktar ikunu qed ibigħu onlajn b'mod transfruntier. L-esportazzjonijiet intra l-UE se jiżdiedu b’0,04 %, li jikkorrispondi għal madwar EUR 1 biljun.

Iż-żieda fil-kompetizzjoni tal-bejgħ bl-imnut onlajn se twassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut fl-Istati Membri kollha, li jilħaq medja ta’ -0,25 % fil-livell tal-UE. B’riżultat ta’ dan it-tnaqqis fil-prezzijiet u ż-żieda fil-fiduċja tal-konsumaturi li tirriżulta minn drittijiet tal-UE uniformi, se jkun hemm domanda addizzjonali mill-konsumaturi. Il-konsum domestiku, li jirrifletti l-benesseri tal-konsumaturi, se jiżdied f’kull Stat Membru b’medja tal-UE ta’ +0,23 %, li tikkorrispondi għal madwar EUR 18-il biljun. L-għadd ta’ konsumaturi li jixtru onlajn bejn il-fruntieri jista’ jiżdied bi kważi seba’ punti perċentwali. Dan ikun ifisser li bejn 8 u 13-il miljun konsumatur addizzjonali jibdew jixtru onlajn bejn il-fruntieri. L-ammont medju minfuq kull sena minn kull xerrej transfruntier jiżdied ukoll b’EUR 40. Din iż-żieda fil-provvista u fid-domanda se jkollha effetti diretti fuq il-varjabbli makroekonomiċi ewlenin f’kull Stat Membru u fl-UE kumplessivament. B’mod ġenerali, il-PDG reali tal-UE huwa mistenni li jikber b’0.03 % li jirrappreżenta żieda permanenti ta’ madwar EUR 4 biljun fil-PDG annwali tal-UE.

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta?

Fir-rigward tal-ispejjez ta’ konformità, in-negozji se jġarrbu spejjeż ta’ darba sabiex jadattaw il-kuntratti tagħhom għar-regoli l-ġodda. Dawn l-ispejjeż jammontaw għal madwar EUR 7 000 għal kull impriża. Madankollu, dawn l-ispejjeż se jkunu aktar milli kkumpensati mill-fatt li l-kummerċjanti interessati fl-esportazzjoni se jkunu jistgħu jbigħu lill-konsumaturi fl-Istati Membri kollha tal-UE, mingħajr ma jkollhom jiffaċċjaw spejjeż addizzjonali relatati mal-liġi kuntrattwali biex jadattaw il-kuntratt tagħhom għar-regoli obbligatorji tal-liġi kuntrattwali ta' kull Stat Membru. In-negozji se jġarrbu wkoll spejjeż marbuta mal-konsegwenzi konkreti tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda għall-kuntratti tagħhom mal-konsumaturi. Madankollu, mhuwiex possibbli li jiġi vvalutat il-livell ta’ dawn l-ispejjeż minħabba li dawn se jiddependu, pereżempju, fuq jekk u sa liema punt in-negozju jipprovdi prodotti difettużi.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

In-negozji se jiffaċċjaw spejjeż biex jikkonformaw mal-liġi l-ġdida, iżda aktar minn hekk se jibbenifikaw minn regoli kompletament armonizzati għal oġġetti u kontenut diġitali esportati madwar l-UE kollha. Il-mikrointrapriżi mhux se jiġu eżentati mil-leġiżlazzjoni l-ġdida li se tapplika għal kollox għall-SMEs: l-eżenzjonijiet għandhom inaqqsu l-fiduċja tal-konsumaturi meta jixtru mingħandhom. Ma hemm ebda ġustifikazzjoni għaliex l-konsumaturi għandhom jingħataw inqas protezzjoni meta jixtru mingħand l-SMEs minflok mingħand fornitur akbar. Il-benefiċċji favurihom, li jirriżultaw minn sett wieħed ta' regoli applikabbli madwar l-UE jkunu minħabba f'hekk imminati. L-inizjattiva se tkun partikolarment ta’ benefiċċju għall-SMEs, li huma aktar affettwati mill-ispejjeż sabiex jadattaw il-kuntratt tagħhom għar-regoli obbligatorji ta’ Stati Membri oħrajn u ħafna drabi jkunu limitati għas-suq domestiku tagħhom. Il-kummerċ barrani huwa mod importanti ta’ kif huma jibbenifikaw mill-vantaġġi tal-ekonomiji ta’ skala. L-SMEs jiffaċċjaw problema biex isibu l-klijenti. Se jkun aktar faċli li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata fil-kuntest onlajn, minħabba li l-internet jagħti ċ-ċans li jsir bejgħ onlajn bi prezzijiet imnaqqsin, meta mqabbel mal-kummerċ offlajn.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Minbarra l-obbligu li jittrasponu d-Direttivi fil-liġi nazzjonali u jinfurzawhom, ma hemm l-ebda implikazzjonijiet prattiċi għall-amministrazzjonijiet pubbliċi. Ir-regoli tal-liġi kuntrattwali uniformi fir-rigward ta' prodotti difettużi fl-UE se jiffaċilitaw l-infurzar mill-Istati Membri u, b’mod partikolari, l-azzjonijiet konġunti transfruntieri ta’ infurzar li jieħdu l-awtoritajiet għall-Kooperazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

L-inizjattiva se jkollha impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali. L-inizjattiva se tiżgura livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur madwar l-UE (l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) għalkemm għall-oġġetti dan se jwassal għal bidliet fil-livelli ta’ protezzjoni f’ċerti Stati Membri. Dan se jżid is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-valur ekonomiku tad-dejta personali tagħhom f’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u tal-liġi attwali u futura tal-UE. In-negozji se jbigħu aktar faċilment fis-suq domestiku u dak transfruntier (l-Artikolu 16). Ir-regoli uniformi se jiffaċilitaw għal kullħadd id-dritt għal rimedju effettiv quddiem il-qrati (l-Artikolu 47).

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-leġiżlazzjoni?

Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttivi u tniedi evalwazzjoni biex jiġi vvalutat kemm fil-fatt ikunu laħqu l-objettivi tagħhom ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni tagħhom.