18.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 17/28


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ħela tal-ikel

(2017/C 017/06)

Relatur:

Ossi MARTIKAINEN (FI/ALDE)

Kunsillier Lokali ta’ Lapinlahti

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Introduzzjoni: ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni globali; terminoloġija

1.

iħares lejn il-ħela tal-ikel u l-iskart ġġenerat fil-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-ikel bħala problema globali serja li b’mod sinifikanti tiskoraġġixxi l-miri tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali. Il-problema tista’ tiġi indirizzata biss permezz ta’ kooperazzjoni wiesgħa u determinata li ġġib flimkien livelli differenti ta’ gvernijiet u oqsma tat-tfassil tal-politika; Is-soċjetà ċivili u n-negozji għandhom ikunu involuti b’mod sħiħ fl-miżuri;

2.

iħares lejn is-sitwazzjoni attwali bħala mhux sostenibbli (1), fejn fiha:

aktar minn terz tal-prodotti intenzjonati għall-konsum mill-bniedem huma mitlufa fid-diversi stadji tal-proċess ta’ produzzjoni (bħala materja prima, prodotti nofshom lesti jew prodotti kompluti);

28 % tal-art għall-ħrit globali (1,4 biljun ettaru) tipproduċi ikel li jispiċċa jintrema’ kull sena;

l-impatt fuq il-klima tal-prodotti mhux utilizzati li ġew iġġenerati fid-diversi stadji tal-proċess jammonta għall-ekwivalenti ta’ 3,6 Gt ta’ CO2 (mingħajr ma jitqieu l-emissjonijiet li jirriżultaw minn bidliet fl-użu tal-art);

ix-xejriet tal-produzzjoni u l-konsum ħali jinvolvu telf sostanzjali ta’ riżorsi tal-ilma, ta’ theddida għall-bijodiversità fil-forma ta’ art għall-ħrit li ġiet inutilment mnaddfa jew mhux produttiva, tfaqqar il-ħamrija, u taħli r-riżorsi naturali limitati;

il-volumi l-kbar ta’ ikel mitluf matul il-katina tal-produzzjoni jew fl-istadju tal-prodott komplut jiżvalutaw l-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel, u dan jgħawweġ id-distribuzzjoni bejn kull attur – anke fil-livell tal-konsumatur – tul il-katina tal-valur tal-prodotti tal-ikel, li jagħmluha inġusta; it-telf finanzjarju annwali minħabba l-ħela tal-ikel huwa stmat għal madwar USD 1 triljun, il-prezz ambjentali USED 700 biljun, u l-prezz soċjali USD 900 biljun;

3.

fassal din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja sabiex jappoġġja u jinkoraġġixxi lill-komunità internazzjonali kollha, kif ukoll in-NU u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, fl-isforzi tagħhom biex itejbu s-sitwazzjoni attwali, jiġifieri, fir-rigward tal-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDG) 2 u 12 (Żero Ġuħ u Konsum u produzzjoni responsabbli) li għandhom l-għan li jnaqqsu bin-nofs il-ħela tal-ikel sal-2030 (2);

4.

jemmen li l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekonomija ċirkulari jipprovdu wkoll opportunità tajba biex jiżviluppaw proġetti u leġislazzjoni biex titjieb is-sostenibbiltà tal-produzzjoni u tal-konsum tal-ikel;

5.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni biex tiżviluppa terminoloġija u definizzjonijiet standard f’dan il-qasam fil-livell Ewropew, u jħeġġiġha biex tieħu sehem fi djalogu internazzjonali u ssawwru, kif ukoll tiżgura li l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali jinfurmaw l-azzjoni tal-UE. Dan jagħmilha aktar faċli li jiġu identifikati l-problemi u li jitwettqu l-komparattivi, u biex jieħdu kont tal-kwistjonijiet tal-UE stess fir-rigward tal-leġislazzjoni u l-kooperazzjoni mal-imsieħba tagħha fil-kummerċ u l-iżvilupp (3). L-UE hija fost affarijiet oħra suq intern u għandha politika agrikola komuni, u għalhekk huma meħtieġa kunċetti u proċeduri komuni, u indikaturi komparabbli. Dan jista’ jkun il-bażi għall-istabbiliment ta’ kriterji komparabbli fil-livell reġjonali u fil-livell interreġjonali sabiex titnaqqas u tiġi evitata l-produzzjoni tal-iskart mill-ikel;

Il-politiki tal-Unjoni Ewropea

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jqis li l-politiki tal-Unjoni Ewropea stess u l-politiki komuni mal-Istati Membri joffru potenzjal konsiderevoli biex jiġi indirizzat l-ħela tal-ikel.

6.

il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart (Direttiva 2008/98/KE) turi tentattiv biex tkompli titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, inkluż il-ħela tal-ikel;

7.

fir-rigward tal-Politika Agrikola Komuni, għandu jsir aktar sforz biex jiġi żgurat li kemm l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fil-produzzjoni tal-ikel u l-miżuri għall-protezzjoni tan-natura u l-ambjent ikunu kkunsidrati bħala oqsma ta’ attività fihom infushom. “It-trobbija għal sussidju” u l-isforz fir-restrizzjoni tal-produzzjoni huma prattiki li jwasslu għal produzzjoni baxxa u l-għelejjel li jifdal mhux miġbura, li jinvolvi skart f’termini kemm tar-riżultat finali kif ukoll l-isforz kollu tal-produzzjoni;

8.

kemm fis-suq domestiku u fil-kummerċ internazzjonali, il-politika ta’ kummerċ u tal-konsumatur għandha tippromovi prattiki kuntrattwali u proċessi li jnaqqsu l-iskart. Pereżempju, l-adozzjoni min-negozji bl-imnut tad-daqs tal-ippakjeġġar u standards li japplikaw għall-forma u d-daqs tal-prodotti tal-ikel tirriżulta f’ħela sinifikanti ta’ ikel li jkun għadu jista’ jittiekel; il-promozzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti tal-massa permezz ta’ reċipjenti tad-dar b’materjal riċiklabbli, billi b’dan il-mod jitnaqqsu l-ispejjeż għall-konsumatur, tista’ tgħin biex teduka fir-rigward tax-xiri ta’ dak li hu meħtieġ u mhux ta’ porzjonijiet lesti u ta’ spiss kbar wisq jew attraenti għax orħos;

9.

il-prattiki relatati mall-iskadenza tal-ikel u t-tikkettar sabiex tiġi promossal-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa pubblika mhumiex adatti għall-użu fil-każ tal-prodotti kollha, bir-riżultat li ikel li għadu jista’ jittiekel jintrema’ bla bżonn. Il-Kummissjoni għandha rwol ewlieni biex jiġi stabbilit jekk ikunx possibbli li jitfasslu linji gwida dwar l-użu aħjar tar-riżorsi, pereżempju rigward l-għoti ta’ prodotti tal-ikel lil organizzazzjonijiet tal-karità u banek tal-ikel, u ikel li jista’ jintuża wara li tkun għaddiet id-data sa meta jista’ jintuża bħala għalf, soġġett għal konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-ikel. Huwa meħtieġ li jiġu edukati l-partijiet interessati, il-produtturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi kollha sabiex jittejjeb il-fehim tad-data ta’ skadenza tat-tikketti; pereżempju, li jiġi ċċarat li l-istqarrija “Tajjeb qabel l-aħħar…” ma tindikax it-tossiċità tal-ikel wara d-data prevista;

10.

fil-politika għall-iżvilupp tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha tingħaqad ma’ donaturi ewlenin oħra biex jiżguraw il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali reġjonali, u tinvesti fi proċessi li huma aħjar biex jgħaqqdu l-produzzjoni mal-konsumaturi, fl-infrastruttura u t-teknoloġija, u fuq kollox fl-iżvilupp sostenibbli tar-riżorsi naturali u s-setturi tal-agrikoltura. Programmi ta’ kummerċ ġust, mhux l-anqas dawk appoġġati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, jistgħu jkunu għodda importanti f’dan ir-rigward. Huwa partikolarment importanti li jittejjeb il-funzjonament tas-swieq lokali u l-aċċess għalihom għal prodotti lokali, mhux l-anqas permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (pereżempju t-trasport tal-ikel);

11.

miżuri biex jipprovdu assistenza lil persuni fil-bżonn għandhom ikomplu jinkludu komponent ta’ għajnuna alimentari u għandhom itejbu r-rabta bejn organizzazzjonijiet ta’ sokkors u produtturi, bejjiegħa bl-imnut u negozji tal-forniment tal-ikel lokali, u jipprevedu wkoll il-bejgħ dirett bi prezz “simboliku” ta’ prodotti tal-ikel li kważi waslu għad-data ta’ skadenza b’mod li jiggarantixxi d-dinjità u l-privatezza ta’ min jirċievi jew jakkwista permezz ta’ dan il-mod. Il-kooperazzjoni mas-settur terz għandha tkun imsejsa fuq il-prossimità, b’enfasi fuq netwerks lokali u d-donazzjonijiet jew kunsinna lid-dar fi bliet individwali jew netwerks ta’ bliet, biex tiġi evitata kemm jista’ jkun kwalunkwe ħażna u distribuzzjoni ta’ donazzjonijiet fuq netwerks reġjonali ewlenin. L-ammont ta’ ikel li jintrema se jitnaqqas billi jiġu diversifikati l-prodotti tal-ikel, inklużi prodotti lokali u staġjonali f’dawn il-programmi (4);

12.

ir-regoli tal-akkwist pubbliku jistgħu jinkludu klawżoli li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ħela tal-ikel;

Proposti għal miżuri prattiċi mill-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

13.

ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea fit-talba li għamlet fil-passat biex jiġu stabbiliti għanijiet speċifiċi biex jitnaqqas il-ħela tal-ikel bi 30 % sal-2025 (5) u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa metodi uniformi għall-ġbir ta’ data sabiex jiġu riveduti l-miri għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel;

14.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tappoġġja t-tilħiq tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli permezz ta’ inizjattivi adatti, l-involviment tal-partijiet interessati, il-kondiviżjoni ta’ innovazzjoni siewja li għamlet suċċess u valutazzjoni komparattiva rilevanti (6);

15.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis il-possibilità li tiffissa miri individwali ta’ tnaqqis f’kull stadju tal-katina tal-produzzjoni tal-ikel: il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-bejgħ u d-distribuzzjoni, is-servizzi ta’ forniment tal-ikel, id-djar u t-trattament tal-iskart mill-ikel. Dawn il-miri jistgħu joħolqu mira globali komuni tal-UE, permezz ta’ programmi speċifiċi għall-pajjiżi u miri biex dawn jinkisbu, abbażi tal-karatteristiċi ta’ kull pajjiż u tal-fażijiet imsemmija, pereżempju kif diġà sar bil-politika dwar it-tibdil fil-klima. Sabiex jitqies bis-sħiħ il-kuntest tekniku, ekonomiku u ambjentali, ekonomiċi u tekniċi, għandhom jitfasslu programmi u pjani speċifiċi għall-pajjiż bil-kooeperazzjoni tal-livelli kollha tal-gvern;

16.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tniedi pjattaforma Ewropea li tiġbor flimkien livelli governattivi differenti u l-partijiet interessati rilevanti għall-fini tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u t-titjib tal-mod kif jiġi ġestit l-iskart tal-ikel; jesprimi l-interess tiegħu li jkun involut f’attivitajiet relatati ma’ valutazzjoni komparattiva ta’ miżuri prattiċi u l-promozzjoni tal-aħjar prattika;

17.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi u tħeġġeġ il-ħolqien ta’ konvenzjonijiet bejn is-settur tal-bejgħ tal-ikel bl-imnut u l-assoċjazzjonijiet tal-karità fl-Istati Membri tal-UE (jiġifieri l-inizjattiva meħuda minn Franza li reċentement għaddiet liġi li twaqqaf lill-ħwienet il-kbar milli jarmu ikel ta’ kwalità tajba li tkun kważi waslet id-data ta’ “ikkonsma qabel”, kif ukoll milli jeqirdu ikel li ma nbiegħx u li jkun għadu tajjeb biex jittiekel). Hemm bżonn ukoll ta’ gwidi dwar id-donazzjonijiet tal-ikel għall-industrija u l-karitajiet sabiex tiġi ċċarata r-responsabbiltà u n-negozji jiġu mħeġġa jintegraw il-mekkaniżmi ta’ ridistribuzzjoni fil-proċessi tal-katina tal-provvista tagħhom. Għandhom jinħolqu wkoll proċeduri simili fi bnadi oħra tas-settur tal-ikel, bħas-servizzi tal-catering u tat-turiżmu. It-tħassib dwar is-sikurezza u s-saħħa pubblika għandu jiġi vvalutat fi ħdan kull qasam ta’ applikazzjoni, bl-użu ta’ kriterji rilevanti għal dawn l-oqsma.

18.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, fir-rigward il-prodotti tal-ikel li jitneħħew mid-distribuzzjoni primarja, biex jistabbilixxu ktajjen ta’ distribuzzjoni sekondarja effettivi (bħall-mudell ta’ ħwienet tal-groser soċjali) u jiggarantixxu l-aċċess lil persuni żvantaġġati għal ikel li għadu jista’ jintuża, jirrakkomanda li jingħata appoġġ finanzjarju għal karitajiet u banek tal-ikel sabiex iżidu l-kapaċità tal-operat tagħhom;

19.

jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rimi ta’ ħut li jirrappreżenta wieħed mis-sorsi l-iżjed importanti ta’ ħela ta’ ikel; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprevedi pjan komprensiv (rakkomandazzjonijiet/linji gwida) għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ħut li joriġinaw mill-qabdiet sekondarji. Dan il-pjan jista’ jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jintużaw l-qabdiet mhux mixtieqa li huma tajbin għall-konsum mill-bniedem;

20.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu servizzi ta’ forniment tal-ikel li jfasslu l-programmi tagħhom stess għall-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart tal-ikel u biex jużaw b’mod effiċjenti l-iskart tal-ikel li qed jiġi prodott. Il-Kumitat iħeġġeġ li l-kumpaniji kkummissjonati biex jipprovdu servizzi ta’ forniment tal-ikel lill-awtoritajiet ikunu obbligati jintroduċu l-istess miżuri (7);

21.

jenfasizza l-importanza li jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki fuq skala wiesgħa. L-ewwel u qabel kollox, dan għandu jikkonsisti fil-promozzjoni ta’ programmi maħsuba biex jiġi żviluppat il-konsum lokali ta’ prodotti kkummerċjalizzati mill-produtturi lokali, kemm permezz ta’ ktajjen qosra ta’ distribuzzjoni kif ukoll ta’ donazzjonijiet. L-użu tal-metodu tal-aħjar prattiki huwa maħsub ukoll biex jitħeġġeġ, fid-dawl tal-esperjenza miksuba, it-teħid ta’ miżuri adatti, billi l-amministrazzjonijiet lokali jingħataw informazzjoni adegwata biex jimplimentaw tali programm ta’ żvilupp, filwaqt li jiġu inkoraġġiti dawk li għad ma għamlu l-ebda progress f’dan ir-rigward;

22.

jirrakkomanda li kemm jista’ jkun prodotti lokali, reġjonali u staġjonali jintużaw bħala l-materja prima għal servizzi tal-forniment tal-ikel (inklużi s-servizzi pubbliċi tal-forniment tal-ikel, l-infrastruttura tat-turiżmu u l-guesthouses, ir-restoranti u stabbilimenti oħra li jwettqu attivitajiet simili) u jħeġġeġ lobbying favur ikel prodott lokalment biex titqassar il-katina tal-produzzjoni u tal-konsum, li tnaqqas l-għadd ta’ stadji tal-ipproċessar u b’hekk anke l-iskart iġġenerat matul id-diversi fażijiet;

23.

jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ kodiċijiet ta’ prattika tajba fl-intrapriżi tas-settur alimentari, tal-forniment tal-ikel u l-lukandi li jsegwu l-użu ottimali tal-prodotti, b’tali mod li l-ikel żejjed imur għal skopijiet soċjali, permezz ta’ netwerks ta’ konsenja effettiva u bil-garanziji kollha li jkunu jistgħu jintużaw minn entitajiet soċjali u familji żvantaġġati

24.

iħeġġeġ lill-muniċipalitajiet u l-awtoritajiet lokali li jagħtu edukazzjoni bażika fl-iskejjel u servizzi edukattivi oħra sabiex jinkludu l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel u l-mitigazzjoni tagħha bħala parti mill-kurrikulu, pereżempju permezz ta’ ġranet tematiċi, żjarat ta’ studju u l-istudenti jitgħallmu dwar kif l-ikel huwa ġestit fl-istituzzjoni tagħhom stess, kif ukoll pereżempju li jinvolvu lill-istudenti u l-klijenti l-oħra tas-servizzi tal-forniment tal-ikel fl-iżvilupp tal-istess servizz. Huwa importanti li kemm jiflaħ ikun possibli tfal tal-iskola u studenti jirċievu stampa globali matul l-istudji tagħhom ta’ kif il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel jaffettwaw l-ekonomija, l-ambjent u l-imġiba soċjalment u etikament sostenibbli tal-konsumatur;

Barra minn hekk, għandu jkun hemm kampanji ta’ informazzjoni u taħriġ intiżi għall-konsumaturi kollha, mhux biss fl-iskejjel, dwar konsum responsabbli, li jiffokaw, b’mod partikolari, fuq l-akkwist ta’ prodotti f’konformità mal-ħtiġijiet attwali u l-konservazzjoni tagħhom;

25.

huwa favur li jinkludi wkoll it-tnaqqis u l-prevenzjoni tal-iskart mill-ikel fi programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja, fejn jistgħu jiġu żviluppati metodi u approċċi ta’ tagħlim immirati lejn gruppi ta’ età differenti u minn diversi stadji tal-ħajja;

26.

jistieden lill-muniċipalitajiet u l-awtoritajiet lokali li jorganizzaw kampanji b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-ippjanar tal-ikel għall-familji;

27.

jenfasizza r-rwol importanti u l-impenn ta’ organizzazzjonijiet u partijiet interessati tas-soċjetà ċivili reġjonali involuti fil-ġbir u r-ridistribuzzjoni ta’ ikel li jirriżulta minn skart tal-ikel; iqis li mil-lat tas-sussidjarjetà, għandu jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet soċjali inkarigati mill-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ ikel li jirriżulta minn skart;

28.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-iskart jiżviluppaw skemi għas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, jindikaw il-proporzjon ta’ skart mill-ikel b’mod iżjed ċar u jagħmlu d-data miġbura aċċessibbli b’mod universali, sabiex jgħinu ż-żieda fil-livell tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-ikel, pereżempju bħala bijogass u kompost. Dan jista’ jkollu wkoll effett pożittiv fuq l-ekonomija lokali, l-impjiegi u l-innovazzjoni lokali;

29.

iħeġġeġ lill-membri kollha tal-KtR fi ħdan l-awtorità lokali jew reġjonali tagħhom biex jirreklamaw l-għanijiet ta’ din l-opinjoni u jimplimentaw programmi tagħhom stess tat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u ta’ prevenzjoni. Dan huwa wieħed mill-aktar metodi effettivi u effiċjenti f’qasir żmien li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jużaw b’mod dirett biex jinkiseb l-iżvilupp ekoloġikament u ekonomikament sostenibbli.

Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Iċ-ċifri użati biex jirrappreżentaw is-sitwazzjoni huma bbażati fuq ir-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) bit-titolu Food wastage footprint – Impacts on natural resources (2013).

(2)  SDG 12.3 (Sal-2030 jonqos bin-nofs il-ħela tal-ikel per capita globali fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut u dak tal-konsumaturi u jitnaqqas il-ħela tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista tal-ikel, inkluż it-telf ta’ wara l-ħsad) u SDG 12.5 (Sal-2030 titnaqqas b’mod sostanzjali l-ġenerazzjoni tal-iskart permezz ta’ prevenzjoni, tnaqqis, riċiklaġġ u użu mill-ġdid) b’mod partikolari jsejħu għal programmi u miżuri żviluppati b’mod konġunt bejn il-livelli differenti ta’ gvern. SDG 2 (Jintemm il-ġuħ, tintlaħaq is-sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni mtejba u tiġi promossal-agrikoltura sostenibbli) tista’ tiġi indirizzata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha lokalment u internazzjonalment.

(3)  Definizzjonijiet u metodi ta’ kalkolu differenti jistgħu jwasslu għal konklużjonijiet differenti. Għall-FAO, it-telfien tal-ikel huwa t-tnaqqis fil-kwantità jew il-kwalità tal-ikel riflessi fil-valur nutrittiv, il-valur ekonomiku jew is-sikurezza tal-ikel kollu prodott għall-konsum mill-bniedem iżda li ma jittikilx mill-bnedmin, filwaqt li l-ħela tal-ikel huwa parti tat-telfien tal-ikel u jirreferi għal rimi jew użijiet alternattivi (mhux tal-ikel) ta’ ikel sikur u nutrittiv għall-konsum mill-bniedem tul il-ktajjen tal-provvista tal-ikel. (FAO, 2014) http://www.fao.org/fileadmin/user_upload/save-food/PDF/FLW_Definition_and_Scope_2014.pdf. FUSIONS (2014) jiddefinixxi l-iskart tal-ikel (jew “ikel żejjed”) bħala kwalunkwe ikel, u l-partijiet tal-ikel li ma jittiklux, imneħħija mill-katina tal-provvista tal-ikel u li ma kinux użati.

(4)  Il-KtR itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kontenut tar-Regolament dwar il-FEAD.

(5)  Ir-Riżoluzzjoni tal-KtR dwar l-Ikel Sostenibbli.

(6)  COM(2015) 614 final.

(7)  Pereżempju, il-KESE u l-KtR għandhom ir-regoli tagħhom stess għall-ġestjoni ekoloġika u kooperazzjoni prattika biex jiġi riċiklat l-ikel żejjed bl-għajnuna tal-organizzazzjonijiet lokali.