21.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/47


P8_TA(2015)0176

Laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew (23 ta' April 2015) – L-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil (2015/2660(RSP))

(2016/C 346/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa (1),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran,

wara li kkunsidra d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, li sar fil-Parlament fil-25 ta' Novembru 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni (2),

wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Baħar Mediterran Ċentrali tal-UNHCR u l-proposti tal-UNHCR biex jiġu indirizzati l-wasliet attwali u futuri tal-persuni li jfittxu l-asil, ir-rifuġjati u l-migranti fl-Ewropa,

wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni fuq għaxar punti dwar il-migrazzjoni tal-Kunsill Konġunt tal-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit speċjali tal-Kunsill tal-UE dwar il-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran tat-22 ta' April 2015,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), mill-bidu ta' din is-sena mietu aktar minn 1 500 persuna fil-Baħar Mediterran;

B.

billi skont l-IOM hu kkalkolat li 23 918-il migrant laħqu l-kosta Taljana mill-1 ta' Jannar 2015 'l hawn; billi skont l-awtoritajiet Griegi, 10 445 migrant ġew salvati mill-gwardja tal-kosta Griega fil-Baħar Eġew fl-ewwel kwart tal-2015;

C.

billi l-forzi marittimi Taljani, il-Gwardja tal-Kosta Taljana, il-qawwa Navali Taljana u bosta bastimenti kummerċjali wettqu operazzjonijiet bla heda biex isalvaw lill-migranti fil-periklu fuq il-Baħar Mediterran, u salvaw madwar 10 000 migrant f'sitt ijiem mill-Ġimgħa 10 ta' April sal-Ħamis 16 ta' April 2015;

D.

billi l-aħħar operazzjoni ddedikata biss għat-tfittxija u s-salvataġġ fil-Mediterran, Mare Nostrum, salvat 150 810 migrant matul perjodu ta’ 364 jum; billi bħalissa, stimi inizjali mhumiex qed juru tnaqqis fl-għadd ta' migranti li qed jaqsmu l-Mediterran;

E.

billi proporzjon ikbar ta’ nies li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran qegħdin jaħarbu mill-kunflitti jew mill-persekuzzjoni fis-Sirja, l-Iraq, l-Eritrea, is-Somalja u l-Libja; billi madwar 700 migrant huma nieqsa u maħsuba mgħarrqa wara li d-dgħajsa tas-sajd tal-injam li kienu mgħaffġin fuqha nqalbet qrib il-Libja hekk kif bastiment merkantili Portugiż kien dirett lejhom biex jagħtihom l-għajnuna tard is-Sibt 18 ta' April 2015; billi wieħed minn dawk li salvaw ġie rrapurtat li informa lill-awtoritajiet Taljani li seta’ kien hemm massimu ta' 950 persuna abbord; billi traġedja simili seħħet aktar kmieni dan ix-xahar, fejn kien irrapurtat li 400 migrant kienu tilfu ħajjithom fuq il-baħar meta nqalbet dgħajsa tas-sajd tal-injam b'madwar 550 persuna abbord;

F.

billi l-operazzjoni konġunta “Triton” b'koordinament tal-Frontex, bdiet taħdem kompletament fl-1 ta' Novembru 2014, b'baġit inizjali ta' EUR 2.9 miljun fix-xahar biss, meta mqabbel ma' aktar minn EUR 9 miljuni fix-xahar għal Mare Nostrum; billi aktar minn 24 400 migrant irregolari ġie salvat fuq ir-rotta tal-Mediterran ċentrali mit-tnedija tal-Operazzjoni Konġunta “Triton” 'l hawn, inkluż madwar 7 860 bil-parteċipazzjoni tal-assi kofinanzjati mill-Frontex;

G.

billi l-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u jipperikolaw il-ħajjiet tal-migranti għall-gwadann finanzjarju tagħhom, huma responsabbli għal eluf ta' mwiet, u jirrappreżentaw sfida serja għall-UE u għall-Istati Membri; billi t-traffikanti jiġġeneraw profitti ta' EUR 20 biljun fis-sena mill-attivitajiet kriminali tagħhom; billi skont il-Europol, il-gruppi kriminali organizzati li qegħdin jiffaċilitaw b'mod attiv it-trasport tal-migranti irregolari fil-Baħar Mediterran, kellhom rabta mat-traffikar tal-bnedmin, drogi, armi tan-nar u t-terroriżmu; billi fis-17 ta' Marzu 2015 il-Europol nieda t-Tim Operattiv Konġunt tiegħu “Mare” biex jindirizza dawn il-gruppi kriminali;

H.

billi l-instabbiltà u l-kunflitt reġjonali qegħdin ikollhom impatt fuq l-influss qawwi ta' migranti u l-flussi ta' persuni spostati u għalhekk, fuq l-għadd ta' individwi li qegħdin jippruvaw jaslu fl-UE; billi l-espansjoni rapida tal-IS u tad-Da’esh fiż-żoni ta' kunflitt tal-viċinat, fl-aħħar mill-aħħar se tħalli impatt fuq l-influss tal-massa tal-migranti u l-flussi ta' persuni spostati;

1.

Jesprimi dispjaċir u sogħba qawwija għat-telf traġiku ripetut ta’ ħajjiet fil-Mediterran; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jkomplu jibnu fuq il-kooperazzjoni eżistenti u jagħmlu dak kollu possibbli ħalli jipprevjenu aktar imwiet fuq il-baħar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom sabiex jidentifikaw l-iġsma u l-persuni neqsin, u jinformaw lil qrabathom;

2.

Jappella lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex jiżguraw li l-obbligi ta’ tfittxija u salvataġġ jiġu ssodisfati b’mod effikaċi u li għalhekk jiġu ffinanzjati kif inhu xieraq; jistieden lill-Istati Membri jkomplu juru solidarjetà u impenn billi jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġits u l-operazzjonijiet ta' Frontex u tal-EASO, u jimpenja ruħu li jipprovdi lil dawn l-aġenziji bir-riżorsi (umani u tagħmir) neċessarji sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi tagħhom, u dan permezz tal-baġit tal-UE u l-fondi rilevanti tiegħu;

3.

Itenni l-ħtieġa li l-UE ssejjes r-reazzjoni tagħha għal dawn l-aħħar traġedji fil-Mediterran fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, kif iddikjarat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u tieħu approċċ Ewropew komprensiv; itenni l-ħtieġa li l-UE tintensifika l-kondiviżjoni ġusta ta’ responsabbiltà u solidarjetà għal dawk l-Istati Membri li jirċievu l-ogħla numru ta’ rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil f’termini assoluti jew f'termini proporzjonali;

4.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kunsill Ewropew li jsaħħaħ l-operazzjoni tal-UE Triton permezz ta’ aktar fondi u assi; iħeġġeġ lill-UE tistabbilixxi mandat ċar għal Triton sabiex tespandi ż-żona ta' operazzjoni li għandu u żżid il-mandat tiegħu għal operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ fil-livell tal-UE;

5.

Jitlob li jkun hemm operazzjoni Ewropea ta' salvataġġ umanitarju robusta u permanenti li, bħal Mare Nostrum, topera fl-ibħra miftuħa u li għaliha jkunu jistgħu jikkontribwixxu l-Istati Membri kollha b'mod finanzjarju u b'tagħmir u assi; iħeġġeġ lill-UE biex tikkofinanzja tali operazzjoni;

6.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kunsill Ewropew dwar l-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-asil bl-appoġġ tat-timijiet tal-EASO; jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-mandat tal-EASO biex tkabbar ir-rwol operattiv tiegħu fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal asil;

7.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet eżistenti għall-ħruġ ta' viżi umanitarji fl-ambaxxati u l-uffiċċji konsulari tagħhom; jindika f'dan ir-rigward, li l-Kunsill għandu jqis serjament il-possibilità li jagħti bidu għad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tal-2001 jew għall-Artikolu 78(3) tat-TFUE, li t-tnejn jipprevedu mekkaniżmu ta’ solidarjetà fil-każ ta’ influssi tal-massa jew f’daqqa ta’ persuni spostati;

8.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu kontribuzzjonijiet akbar għall-programmi eżistenti ta' risistemazzjoni, speċjalment dawk l-Istati Membri li ma kkontribwixxew xejn;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kwota vinkolanti għad-distribuzzjoni fost l-Istati Membri kollha tal-persuni li jfittxu asil;

10.

jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġu l-politiki ta' ritorn volontarju filwaqt li tiġi garantita l-protezzjoni tad-drittijiet għall-migranti kollha u jkun żgurat aċċess sikur u legali għas-sistema tal-asil tal-UE, b'rispett dovut tal-prinċipju tan-non refoulement;

11.

Jilqa' l-fatt li l-VP/RGħ u l-Presidenza Latvjana laqqgħu minnufih kunsill konġunt straordinarju tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin u l-Ministri tal-Intern fil-Lussemburgu, u jilqa' l-fatt li l-Istati Membru laqqgħu minnufih summit straordinarju sabiex isibu soluzzjonijiet komuni bi tweġiba għas-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Mediterran; jinnota li sar l-ewwel dibattitu wiesa' dwar l-għażliet għas-salvataġġ tal-ħajjiet, il-ġlieda kontra l-kuntrabandisti u t-traffikanti u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-ilqugħ u l-protezzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-impenn ulterjorment, u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' impenn min-naħa tal-Kunsill Ewropew li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' solidarjetà vinkolanti u kredibbli madwar l-UE kollha;

12.

Jitlob traspożizzjoni rapida u sħiħa u implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil mill-Istati Membri parteċipanti kollha, biex b'hekk jiġu żgurati standards Ewropej komuni, inkluż kundizzjonijiet ta' lqugħ tal-persuni li jfittxu asil u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif previst skont il-leġiżlazzjoni eżistenti;

13.

Jitlob koordinament aktar mill-qrib tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE, li jsaħħaħ il-koerenza tal-politiki interni u esterni tagħha u b’mod partikolari l-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-politika tal-iżvilupp u l-politika dwar il-migrazzjoni tagħha; jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi sħab fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika biex jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, is-sigurtà u l-prosperità;

14.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali l-aktar qawwija kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu kemm lejn l-UE kif ukoll fi ħdanha, u anke kontra individwi jew gruppi li jisfruttaw lill-migranti vulnerabbli fl-UE, filwaqt li jiżguraw li l-individwi li jgħinu lill-persuni li jfittxu asil u l-bastimenti f'diffikultà ma jiġux imħarrka;

15.

Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Europol, il-Frontex, l-EASO u l-Eurojust fil-ġlieda kontra traffikanti tal-bnedmin u netwerks kriminali ta’ kuntrabandisti, u li jidentifikaw u jittraċċaw il-finanzjament tagħhom u jidentifikaw il-mod kif joperaw sabiex iwaqqfuhom milli jagħmlu l-flus billi jpoġġu l-ħajjiet tal-migranti f’riskju; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk li jinsabu madwar il-Libja, fattur indispensabbli biex netwerks kriminali bħal dawn jitneħħew b'suċċess, u li dan għandu jsir kemm f'termini ta' taħriġ ta' infurzar tal-liġi u kemm ta' forniment ta' servizzi ta' informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jirrispettaw id-dritt internazzjonali rigward is-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar, u jiżguraw il-protezzjoni tar-rifuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

16.

Jenfasizza li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-vjolenza u tas-sottożvilupp fil-pajjiżi ta’ oriġini sabiex jitwaqqaf il-fluss ta’ rifuġjati u migranti ekonomiċi; jinnota, f'dan il-kuntest, li t-tisħiħ sinifikanti tal-istrutturi ta' governanza bil-bini ta' istituzzjonijiet pubbliċi effikaċi u inklużivi, l-iżgurar ta' bini tal-kapaċità f'sistemi ta' asil ta' pajjiżi terzi, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni endemika fil-livelli kollha, kif ukoll il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ta' demokrazija ulterjuri, għandhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin għall-gvernijiet kollha fil-pajjiżi tal-oriġni;

17.

Itenni l-appoġġ tiegħu għan-negozjati kollha mmexxija min-NU intiżi biex jistabbilixxu mill-ġdid l-awtorità tal-gvern fil-Libja, u l-impenn tagħha li żżid l-isforzi sabiex tindirizza l-kunflitti u l-instabbiltà fil-Libja u fis-Sirja; jenfasizza li l-ħolqien ta' stabbiltà reġjonali f'żoni ta' kunflitt huwa essenzjali għat-tnaqqis ta' aktar spostament ta' individwi;

18.

Ifakkar li l-għan ta' din ir-riżoluzzjoni huwa li jiġu indirizzati l-avvenimenti traġiċi reċenti fil-Mediterran u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015, u li jiġi propost sett ta' miżuri urġenti li għandhom jittieħdu minnufih, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, li huwa l-kumitat kompetenti fi kwistjonijiet bħal dawn, bħalissa qed ifassal rapport li se jirrifletti l-orjentazzjoni politika tal-Parlament fuq perjodu medju u fit-tul b'rabta mal-migrazzjoni;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tressaq aġenda Ewropea ambizzjuża dwar il-migrazzjoni, li tkun tqis l-aspetti kollha tal-migrazzjoni;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0448.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2014)0105.