30.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/109


P8_TA(2015)0070

Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-abbuż sesswali tat-tfal online (2015/2564(RSP))

(2016/C 316/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, u l-Protokolli tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 8, 47, 48 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, tat-23 ta' Novembru 2001,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, tal-25 ta' Ottubru 2007,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol tal-2014 dwar il-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata ffaċilitata mill-Internet (iOACTA),

wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi Frar 2011,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE” (COM(2008)0055),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prattiki,

wara li kkunsidra d-dibattitu fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inklużi l-immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal, jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, kif previst fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.

billi l-aħjar interessi tat-tfal jeħtieġ ikunu kunsiderazzjoni primarja meta titwettaq kwalunkwe miżura biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, f'konformità mal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

C.

billi reati kriminali serji bħall-isfruttament sesswali tat-tfal u l-immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal jeħtieġu approċċ komprensiv li jkopri l-investigazzjoni ta' reati, il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni ta' vittmi tfal u l-prevenzjoni ta' dan il-fenomenu;

D.

billi l-internet jista' jesponi lit-tfal għal riskji speċifiċi, billi dawn ikunu jistgħu jiksbu aċċess, jew ikunu suġġetti, għal materjal ta' sfruttament sesswali tat-tfal, jew ikunu suġġetti għal ċiberpredaturi, għall-iskambju ta' materjal dwar vjolenza, intimidazzjoni, bullying jew grooming; billi dan l-esponiment tat-tfal għal riskji ta' dan it-tip ikompli jikber minħabba l-użu mifrux tat-teknoloġija mobbli u l-internet, u l-aċċess għaliha;

E.

billi l-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal fuq l-internet għandha tiġi integrata fi strateġija usa' li tindirizza l-fenomenu globali ta' abbuż sesswali u sfruttament tat-tfal, li xorta hija prinċipalment relatata ma' reati offline imwettqa permezz ta' netwerks u individwi li jaġixxu intenzjonalment barra l-qasam tal-internet;

F.

billi fl-ambjent online l-isfruttament sesswali jista' jieħu diversi forom, b'żgħażagħ li jiġu konvinti, jew sfurzati jibagħtu jew jitfgħu fuq l-internet immaġnijiet sesswalment espliċiti tagħhom, jieħdu sehem f'attivitajiet sesswali permezz ta' webcam jew smartphone, jew ikollhom konverżazzjonijiet sesswali permezz ta' test jew online, li jfisser li dawk li jabbużaw u ċ-ċiberpredaturi jistgħu jheddu li jibagħtu l-immaġnijiet, il-videos jew kopji ta' konverżazzjonijiet lill-ħbieb u l-familja tal-persuna żagħżugħa sakemm dawn ma jeħdux sehem f'attività sesswali ulterjuri; billi l-immaġnijiet u/jew il-videos jistgħu jkomplu jinxterdu għal żmien twil wara li l-abbuż sesswali jkun waqaf u jibqgħu disponibbli liberament biex kulħadd jarahom online, u b'hekk jibqa' riskju kostanti li l-vittmi jerġgħu jiġu vittimizzati u stigmatizzati;

G.

billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jipprevjenu kontenut illegali mhux dejjem kienu effettivi biżżejjed;

H.

billi l-għodod investigattivi magħmula disponibbli għal dawk responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' abbuż sesswali tat-tfal online għandhom iqisu, inter alia, il-prinċipju tal-proporzjonalità u n-natura u s-serjetà tar-reati li jkunu qed jiġu investigati, f'konformità mad-dritt tal-UE u tal-Istati Membri;

I.

billi l-protezzjoni ta' minuri fid-dinja diġitali jeħtieġ li tiġi indirizzata billi l-industrija tieħu inizjattivi sabiex tassumi r-responsabilità li taqsam ma' oħrajn, inkluż permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ għat-tfal, il-ġenituri u l-għalliema bil-ħsieb li l-minuri jinżammu milli jkollhom aċċess għal kontenut illegali;

J.

billi, minħabba n-natura internazzjonali tagħhom, l-isfruttament tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal online, li huma mifruxa f'mijiet ta' pajjiżi u l-ġuriżdizzjonijiet legali tagħhom u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, jikkostitwixxu problema internazzjonali li teħtieġ soluzzjoni internazzjonali; billi jeħtieġ jitqajjem tħassib dwar traffikanti tal-bnedmin li jużaw tfal mingħajr identità legali, li huma “inviżibbli” għall-awtoritajiet, għal abbuż sesswali online;

K.

billi, minħabba n-natura tad-delitt u l-età tal-vittmi, ħafna mill-oqsma fejn hemm sfruttament u abbuż sesswali tat-tfal – fi grad ħafna ogħla minn forom oħra ta' kriminalità – ibatu minn nuqqas kroniku ta' rappurtar lill-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi; billi, għalhekk, id-data disponibbli dwar l-għadd ta' delitti mwettqa ma tirriflettix b'mod preċiż il-kobor tal-problema; billi, skont informazzjoni pprovduta minn NGOs rigward paġni tal-internet li fihom materjal ta' abbuż ta tfal, 'il fuq minn 80 % tal-vittmi huma iżgħar minn għaxar snin; billi d-data mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' Hotlines tal-Internet turi żieda fin-numru ta' tfal ta' età bikrija vittmi ta' abbuż sesswali u taħt abbuż ta' natura estrema u sadistika;

L.

billi għadd kbir ta' trasgressuri jużaw Darknet, fejn stabbilixxew komunitajiet anonimi bl-użu ta' fora moħbija, servizzi tal-websajts, pjattaformi ta' networking soċjali u fornituri tal-ħżin iddedikati għal materjal ta' abbuż tat-tfal, biex b'hekk jippermettu u jiffaċilitaw sfruttament sesswali tat-tfal prattikament intraċċabbli;

M.

billi ħafna kriminali jużaw miżuri difensivi bħall-kriptaġġ u għodod oħra biex jipproteġu l-attivitajiet tagħhom b'mod sikur, u dan jirrappreżenta sfida serja għall-investigazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi;

N.

billi l-NGOs jiżvelaw li sempliċement tmienja mid-distributuri fl-ogħla livell kienu responsabbli għal 513-il ditta ta' distribuzzjoni kummerċjali ta' materjal ta' abbuż tat-tfal fl-2012, u li l-aktar għaxar ditti prolifiċi rreġistrati fl-2012 kienu kollha assoċjati ma' distributur wieħed tal-ogħla livell;

O.

billi d-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sat-18 ta' Diċembru 2013, u billi s'issa inqas minn nofs l-Istati Membri implimentawha kompletament;

1.

Jenfasizza bil-qawwa li l-protezzjoni tat-tfal u l-garanzija ta' ambjent sikur għall-iżvilupp tagħhom huma wieħed mill-objettivi primarji tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

2.

Jenfasizza bl-aktar mod qawwi li d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal online għandhom jiġu ssalvagwardjati, u li jeħtieġ jittieħdu passi biex jiġi żgurat li kwalunkwe kontenut illeċitu jitneħħa minnufih u jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u li jkun hemm biżżejjed strumenti legali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri;

3.

Huwa tal-fehma li jeħtieġ li d-data personali tat-tfal fuq l-internet tkun imħarsa kif jixraq u li t-tfal ikunu informati b'mod faċli u adattat għalihom dwar ir-riskji tal-użu tad-data personali tagħhom fuq l-internet u l-konsegwenzi ta' dan; jissottolinja l-bidliet importanti li r-riforma tal-protezzjoni tad-data se ġġib sabiex tipproteġi ulterjorment id-drittijiet tat-tfal online;

4.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ Ewropew komprensiv u kkoordinat sabiex tiġi żgurata konsistenza fit-tfassil tal-politika u l-azzjoni riżultanti, li jinkludi l-ġlieda kontra l-kriminalità flimkien mad-drittijiet fundamentali, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-kummerċ elettroniku;

5.

Iqis li għandhom jittieħdu aktar passi biex jiġi miġġieled is-cyber grooming, u li l-Kummissjoni, flimkien mal-gvernijiet nazzjonali, is-soċjetà ċivili, il-kumpaniji tal-midja soċjali, il-ġenituri, l-għalliema, il-ħaddiema soċjali, l-uffiċjali tal-ħarsien tat-tfal, il-pedjatri u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal jeħtiġilhom jiżvolġu rwol attiv biex iqajmu kuxjenza dwar din il-kwistjoni permezz ta' linji gwida definiti, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-ħolqien ta' pjattaformi soċjali għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar dan is-suġġett bil-ħsieb li jiġu identifikati r-riskji u t-theddidiet potenzjali għat-tfal;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanja ta' sensibilizzazzjoni, bl-involviment tal-atturi kollha relevanti, biex jagħtu s-setgħa lit-tfal u jappoġġjaw lill-ġenituri u lill-edukaturi biex jifhmu u jittrattaw ir-riskji online u jipproteġu s-sikurezza tat-tfal online, biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu programmi ta' prevenzjoni tal-abbuż sesswali online, biex jippromwovu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar imġiba responsabbli fil-midja soċjali, u biex jinkoraġġixxu l-magni tat-tiftix ewlenin u n-netwerks tal-midja soċjali biex jieħdu approċċ proattiv fil-protezzjoni tas-sikurezza tat-tfal online;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex itejbu u jsaħħu r-rappurtar mit-tfal dwar abbuż, kif ukoll l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għal tali rappurtar, u jikkunsidraw iwaqqfu mekkaniżmi diretti sistematiċi ta' rappurtar; jappoġġja l-iżvilupp ta' hotlines għat-tfal fejn huma jistgħu jiddenunzjaw l-abbużi b'mod anonimu;

8.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-kooperazzjoni internazzjonali u l-investigazzjonijiet transnazzjonali f'dan il-qasam permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni, u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż permezz tal-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3), bil-għan li jinvestigaw, iżarmaw u jħarrku n-netwerks ta' min iwettaq reati sesswali fuq it-tfal b'mod aktar effettiv, filwaqt li jipprijoritizzaw id-drittijiet u s-sikurezza tat-tfal involuti;

9.

Jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva konġunta tal-UE u 55 pajjiż minn madwar id-dinja – miġbura fl-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Online – bil-għan li jsalvaw aktar vittmi, tiġi żgurata prosekuzzjoni aktar effettiva, tiżdied is-sensibilizzazzjoni u li jinkiseb tnaqqis ġenerali fl-ammont ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal disponibbli online; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod aktar regolari dwar il-progress li sar permezz ta' din l-Alleanza; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-livell nazzjonali;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu u jsaħħu r-riżorsi ddedikati għall-identifikazzjoni tal-vittmi u s-servizzi mibnija madwar il-vittmi, u jitlob it-twaqqif ta' pjattaformi relatati b'mod urġenti u t-tisħiħ tal-pjattaformi eżistenti fi ħdan il-Europol;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;

12.

Jemmen li huwa essenzjali li tintuża terminoloġija korretta għad-delitti kontra t-tfal, inkluża d-deskrizzjoni ta' immaġnijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal, u biex jintuża t-terminu xieraq ta' “materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal” pjuttost milli “pornografija tat-tfal”;

13.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw riżorsi b'mod xieraq lill-punti nazzjonali ta' kuntatt sabiex dawn ikunu jistgħu jirrappurtaw kontenut u mġiba kriminali u dannużi online, kif previst fid-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija;

14.

Ifakkar li l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-persuni li jkollhom il-biża' li jistgħu jikkommettu kwalunkwe wieħed mill-offiżi relatati mal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali jkollhom aċċess, fejn xieraq, għal programmi jew miżuri effettivi ta' intervent imfassla biex jevalwaw u jipprevjenu r-riskju li tali offiżi jitwettqu;

15.

Jitlob li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-Europol jiġu pprovduti bil-fondi, ir-riżorsi umani, is-setgħat investigattivi u l-kapaċitajiet tekniċi meħtieġa biex jindirizzaw, jinvestigaw u jħarrku b'mod serju u effettiv lit-trasgressuri, inkluż taħriġ xieraq għall-bini tal-kapaċità fil-ġudikatura u fl-unitajiet tal-pulizija, u jiżviluppaw kapaċitajiet ġodda ta' teknoloġija għolja biex jindirizzaw l-isfidi tal-analiżi ta' ammonti vasti ta' immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal, inkluż materjal moħbi fuq id-“darkweb”, sabiex jirrintraċċaw u jħarrku t-trasgressuri sabiex jipproteġu s-sikurezza u d-drittijiet tat-tfal;

16.

Jinnota bi tħassib l-iżvilupp u l-espansjoni ta' xejriet ta' sfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal online, fosthom mezzi ġodda ta' distribuzzjoni u tranżazzjoni għal materjali ta' abbuż tat-tfal, b'mod partikolari permezz tad-Deep Web u d-Darknet, u b'mod partikolari l-fenomenu ta' live streaming ta' abbuż għall-ħlas; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex ikomplu jimpenjaw ruħhom ma' rappreżentanti ta' sistemi ta' pagament alternattivi biex jidentifikaw opportunitajiet għal kooperazzjoni aħjar mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż taħriġ komuni għall-identifikazzjoni aħjar tal-proċessi ta' pagament marbuta mad-distribuzzjoni kummerċjali ta' materjal ta' abbuż tat-tfal;

17.

Jitlob li jkun hemm approċċ ta' kollaborazzjoni u skambju ta' informazzjoni legali effettivi bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-industrija tal-ICT, il-Fornituri tas-Servizz tal-Internet (ISPs), l-internet host providers (IHPs), il-kumpaniji tal-midja soċjali, is-settur bankarju u l-NGOs, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal, bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal online jiġu ssalvagwardjati u li kwalunkwe kontenut illeċitu jitneħħa immedjatament u jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li għandhom jirrappurtaw regolarment dwar l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom abbażi ta' din l-informazzjoni relevanti, fejn ikun xieraq; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Koalizzjoni CEO biex l-internet ikun post aħjar għat-tfal, kif ukoll il-ħidma tal-Koalizzjoni Finanzjarja Ewropea kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal fuq l-Internet (EFC);

18.

Jenfasizza li l-kontenut illegali online għandu jitneħħa immedjatament abbażi ta' proċess legali dovut; jissottolinja r-rwol tal-ICT, l-ISPS u l-IHPs biex jiżguraw it-tneħħija rapida u effiċjenti ta' kontenut illegali online fuq talba ta' awtorità responsabbli għall-infurzar tal-liġi;

19.

Iħeġġeġ bil-qawwa lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jittrasponu d-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tissorvelja strettament l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħha u biex tirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kumitat responsabbli tiegħu fil-ħin dwar ir-riżultati miksuba;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern sabiex ikompli jimmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE u jwettaq analiżi fil-fond tal-qafas ta' politika attwali dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, fil-forma ta' rapport ta' implimentazzjoni dwar id-Direttiva 2011/93/UE, u biex jirrapporta dwar dan lill-plenarja;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2014)0070.