Brussell, 2.12.2015

COM(2015) 614 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari


L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari

Introduzzjoni

It-tranżizzjoni għal ekonomija aktar ċirkolari, fejn il-valur ta’ prodotti, materjali u riżorsi fl-ekonomija jinżamm għall-itwal żmien possibbli, u l-ħolqien tal-iskart huwa minimizzat, hija kontribut essenzjali għall-isforzi tal-UE biex tiġi żviluppata ekonomija kompetittiva, sostenibbli, b’livell ta’ karbonju baxx, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Din it-tranżizzjoni għandha l-opportunità li tittrasforma l-ekonomija tagħna u toħloq vantaġġi kompetittivi ġodda u sostenibbli għall-Ewropa.

L-ekonomija ċirkolari se tagħti spinta lill-kompetittività tal-UE billi tipproteġi n-negozji kontra l-iskarsezza tar-riżorsi u l-prezzijiet volatili, tgħin biex jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju ġodda u modi innovattivi u iktar effiċjenti ta’ produzzjoni u konsum. Hija se toħloq impjiegi lokali fuq il-livelli kollha tal-ħiliet u opportunitajiet għall-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, hija se tiffranka l-enerġija u tgħin biex jiġu evitati danni irreversibbli kkawżati bl-użu ta' r-riżorsi b’rata li taqbeż il-kapaċità tad-dinja li ġeddidhom f’termini tal-klima u l-bijodiversità, it-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma. Rapport riċenti juri wkoll il-benefiċċji usa’ tal-ekonomija ċirkolari 1 , fosthom biex jitbaxxew il-livelli attwali tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. L-azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari għalhekk hija marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet ewlenin tal-UE, inklużi l-impjiegi u t-tkabbir, l-aġenda tal-investiment, il-klima u l-enerġija, l-aġenda soċjali u l-innovazzjoni industrijali, u mal-isforzi globali dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Atturi ekonomiċi, bħalma huma n-negozju u l-konsumaturi, huma kruċjali fit-tmexxija ta' dan il-proċess. Awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali qed jippermettu t-tranżizzjoni, iżda l-UE wkoll għandha rwol fundamentali fl-appoġġ ta’ dan. L-għan huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-qafas regolatorju adatt għall-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari fis-suq uniku, u li jingħataw sinjali ċari lill-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà b'mod ġenerali dwar it-triq 'il quddiem b’miri tal-iskart fuq terminu twil kif ukoll b'sett ta’ azzjonijiet konkreti, wiesgħa u ambizzjużi, li għandhom jitwettqu qabel l-2020. L-azzjoni fil-livell tal-UE se tmexxi l-investimenti u toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, tneħħi l-ostakli li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Ewropea jew infurzar inadegwat, tapprofondixxi s-suq uniku, u tassigura kundizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni u l-involviment tal-partijiet kkonċernati kollha.

Il-proposti leġiżlattivi dwar l-iskart, adottati flimkien ma’ dan il-pjan ta' azzjoni, jinkludu miri fit-terminu twil biex jitnaqqas ir-rimi fil-miżbliet u biex tiżdied il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ flussi ta’ skart prinċipali bħal skart muniċipali u skart mill-imballaġġ. Il-miri għandhom iwasslu lill-Istati Membri biex gradwalment jikkonverġu fuq l-aħjar prattiki, u jinkoraġġixxu l-investiment meħtieġ fil-ġestjoni tal-iskart. Miżuri addizzjonali huma proposti biex jagħmlu l-implimentazzjoni ċara u sempliċi, jippromwovu inċentivi ekonomiċi u jtejbu skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

Billi jistimula attività sostenibbli f’setturi ewlenin u f'opportunitajiet ta’ negozju ġodda, il-pjan se jgħin biex jirrilaxxa l-potenzjal tat-tkabbir u l-impjiegi tal-ekonomija ċirkolari. Dan jinkludi impenji komprensivi dwar l-ekodisinn, l-iżvilupp ta’ approċċi strateġiċi dwar plastiks u kimiċi, inizjattiva ewlenija li tiffinanzja proġetti innovattivi taħt il-kappa tal-programm ta’ riċerka tal-UE Orizzont 2020, u azzjoni mmirata f’oqsma bħall-plastiks, il-ħela tal-ikel, il-kostruzzjoni, il-materja prima kritika, l-iskart industrijali u tal-minjieri, il-konsum u l-akkwist pubbliku. Proposti leġislattivi ewlenin oħrajn dwar il-fertilizzanti u l-użu mill-ġdid tal-ilma se jsegwu. Fl-aħħar nett, miżuri orizzontali abilitanti f’oqsma bħalma huma l-innovazzjoni u l-investiment huma inklużi biex jistimulaw it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari. L-azzjonijiet proposti jappoġġaw l-ekonomija ċirkolari f'kull ħolqa tal-katina tal-valur – mill-produzzjoni sal-konsum, it-tiswija u l-manifattura mill-ġdid, l-immaniġġjar tal-iskart, u l-materja prima sekondarja li terġa' ssib postha fl-ekonomija. L-azzjonijiet proposti se jitmexxew ’il quddiem f’konformità ma’ prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, u soġġetti għal konsultazzjoni u valutazzjoni tal-impatt xierqa.

Il-pjan ta’ azzjoni jiffoka fuq azzjoni fil-livell tal-UE b’valur miżjud għoli. Biex l-ekonomija ċirkolari ssir realtà, se jkun jeħtieġ involviment fit-tul fil-livelli kollha, mill-Istati Membri, reġjuni u bliet, san-negozji u ċ-ċittadini. L-Istati Membri huma mistiedna jaqdu l-parti sħiħa tagħhom fl-azzjoni tal-UE, filwaqt li jintegrawha u jikkumplimentawha b’azzjoni nazzjonali. L-ekonomija ċirkolari se teħtieġ ukoll li tiżviluppa globalment. Koerenza tal-politika miżjuda fl-azzjoni interna u esterna tal-UE f'dan il-qasam se tkun kemm rinforzanti kif ukoll essenzjali għall-implimentazzjoni ta' impenji globali meħuda mill-Unjoni u mill-Istati Membri tal-UE, b'mod notevoli n-NU. L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Alleanza tal-G7 dwar l-Effiċenza fir-Riżorsi. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jkun strumentali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) sal-2030, b’mod partikolari l-Għan 12 dwar l-iżgurar ta’ xejriet ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli.

1.Produzzjoni

Ekonomija ċirkolari tibda fil-bidu nett ta’ ħajja ta’ prodott. Kemm il-fażi tad-disinn u l-proċessi tal-produzzjoni jkollhom impatt fuq il-provenjenza, l-użu tar-riżorsi u l-ħolqien tal-iskart tul il-ħajja ta' prodott.

1.1.Disinn tal-prodott

Disinn aħjar jista’ jagħmel il-prodotti jservu aktar u iktar faċli biex jissewwew, jiġu aġġornati jew jiġu manifatturati mill-ġdid. Jista’ jgħin ir-riċiklaturi sabiex iżarmaw il-prodotti sabiex jiġu rkuprati komponenti u materjali ta’ valur. B’mod ġenerali, din jista’ jgħin biex jiġu ffrankati riżorsi prezzjużi. Madankollu, is-sinjali attwali tas-suq jidhru li huma insuffiċjenti biex dan iseħħ, b’mod partikolari minħabba li l-interessi tal-produtturi, tal-utenti u ta' dawk li jirriċiklaw mhumiex l-istess. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu pprovduti inċentivi għal titjib fid-disinn tal-prodotti, filwaqt li jiġu ppreservati s-suq uniku u l-kompetizzjoni, u tiġi permessa l-innovazzjoni.

Prodotti elettriċi u elettroniċi huma partikolarment sinifikanti f’dan il-kuntest. Ir-riparabilità tagħhom tista' tkun importanti għall-konsumaturi, u jista' jkun fihom materjali ta’ valur li għandhom isiru iktar faċli biex jiġu riċiklati (eż. elementi terrestri rari f’tagħmir elettroniku). Sabiex jiġi promoss id-disinn aħjar ta’ dawn il-prodotti, il-Kummissjoni se tenfasizza aspetti tal-ekonomija ċirkolari f'rekwiżiti tad-disinn tal-prodott futuri skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn 2 , li l-għan tagħha huwa li ttejjeb l-effiċjenza u l-prestazzjoni ambjentali ta' prodotti relatati mal-enerġija. Sal-lum, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn prinċipalment immiraw l-effiċjenza fl-enerġija 3 ; fil-futur, kwistjonijiet bħar-riparabilità, id-durabbiltà, l-aġġornament, ir-riċiklabbiltà, jew l-identifikazzjoni ta’ ċerti materjali jew sustanzi se jiġu eżaminati sistematikament. Il-Kummissjoni se tanalizza dawn il-kwistjonijiet fuq bażi ta’ prodott bi prodott fi pjanijiet ta’ ħidma u rieżaminazzjonijiet ġodda, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet u l-isfidi ta’ prodotti differenti (bħalma huma ċ-ċikli ta’ innovazzjoni) u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Bħala l-ewwel pass, u skont il-qafas tad-Direttiva tal-Ekodisinn, il-Kummissjoni żviluppat u se tipproponi fi żmien qasir lill-Istati Membri rekwiżiti obbligatorji tad-disinn u l-immarkar tal-prodott li jagħmluha aktar faċli biex skrins elettroniċi jiżżarmaw, jiġu użati mill-ġdid u jiġu riċiklati (eż. skrins ċatti tal-kompjuter jew tat-televiżjoni).

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li jiġi mħeġġeġ disinn tal-prodott aħjar billi jiġi differenzjat il-kontribut finanzjarju mħallas mill-prodotturi skont l-iskemi ta' responsabbiltà tal-produttur estiżi fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ tmiem il-ħajja tal-prodotti tagħhom. Dan għandu joħloq inċentiv ekonomiku dirett biex jiġu ddisinjati prodotti li jistgħu jiġu rriċiklati jew użati mill-ġdid b’mod iktar faċli.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se teżamina għażliet u azzjonijiet għal qafas ta’ politika aktar koerenti għal-linji ta’ ħidma differenti dwar il-politika tal-prodotti tal-UE 4 fil-kontribut tagħhom lejn ekonomija ċirkolari.

- Il-Kummissjoni se tippromwovi r-riparabilità, it-titjib tal-kwalità, id-durabbiltà u r-riċiklabbiltà tal-prodotti billi tiżviluppa rekwiżiti tal-prodott rilevanti għall-ekonomija ċirkolari fil-ħidma futura tagħha taħt id-Direttiva tal-Ekodisinn, kif xieraq u filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ gruppi differenti ta’ prodotti. Il-pjan ta ħidma tal-Ekodisinn għall-2015-2017 se jelabora dwar kif dan se jiġi implimentat. Il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi wkoll rekwiżiti tal-Ekodisinn għal skrins elettroniċi.

- Il-proposti leġiżlattivi riveduti dwar l-iskart joħolqu inċentivi ekonomiċi għal disinn aħjar tal-prodott permezz ta’ dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur.

- Il-Kummissjoni se teżamina għażliet u azzjonijiet għal qafas ta’ politika aktar koerenti tal-linji ta’ ħidma differenti dwar il-politika tagħha tal-prodotti fil-kontribut tagħhom lejn l-ekonomija ċirkolari.

1.2.Proċessi tal-produzzjoni

Anki għal prodotti jew materjali ddisinjati b’mod intelliġenti, l-użu ineffiċjenti ta’ riżorsi fil-proċessi tal-produzzjoni jista' jwassal għal telf ta’ opportunitajiet ta’ negozju u ħolqien sinifikanti tal-iskart.

Il-materja prima ewlenija, inklużi materjali rinnovabbli, se jkompli jkollha rwol importanti fil-proċessi ta’ produzzjoni, anke f’ekonomija ċirkolari. F’dan il-kuntest trid tingħata attenzjoni lill-impatti ambjentali u soċjali tal-produzzjoni tagħhom, kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-Kummissjoni għalhekk tippromwovi forniment sostenibbli ta’ materja prima fuq livell globali, pereżempju permezz ta’ djalogi politiċi u sħubijiet, kif ukoll il-politika tagħha dwar il-kummerċ 5 u l-iżvilupp. L-industrija taqdi rwol importanti billi timpenja ruħha b'mod speċifiku għal forniment sostenibbli u kooperazzjoni tul il-ktajjen tal-valur.

Kull settur tal-industrija huwa differenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tar-riżorsi, il-ħolqien u l-immaniġġjar tal-iskart. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-aħjar prattiki f’firxa ta’ setturi industrijali permezz "tad-dokumenti ta’ referenza tal-aħjar tekniki disponibbli" (BREFs) li l-Istati Membri jridu jirriflettu meta joħorġu rekwiżiti ta’ permessi għal installazzjonijiet industrijali, u tippromwovi l-aħjar prattiki dwar l-iskart mit-tħaffir fil-minjieri. Il-Kummissjoni qiegħda tgħin ukoll lill-SMEs jibbenefikaw minn opportunitajiet ta' negozju u iktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz tal-ħolqien ta’ Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza fir-Riżorsi 6 . L-iffaċilitar tas-sostituzzjoni ta’ sustanzi kimiċi ta’ tħassib jew l-appoġġ tal-aċċess tal-SMEs għal teknoloġiji innovattivi 7 huma eżempji ta’ azzjonijiet f’dan il-qasam. It-titjib fl-effiċjenza u l-użu tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) 8 u l-programm pilota dwar il-verifika tat-teknoloġija ambjentali (ETV) 9 jistgħu jibbenefikaw ukoll lill-intrapriżi u l-SMEs b’mod partikolari.

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu promossi proċessi industrijali innovattivi. Pereżempju, is-simbjożi industrijali tippermetti skart jew prodotti sekondarji ta’ industrija waħda li jsiru inputs għal oħra. Fil-proposti riveduti tagħha dwar l-iskart, il-Kummissjoni tipproponi elementi li jiffaċilitaw din il-prattika, u se taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura fehim komuni tar-regoli dwar il-prodotti sekondarji. L-użu mill-ġdid ta’ effluwenti gassużi 10 huwa eżempju ieħor tal-proċess innovattiv. Il-manifattura mill-ġdid 11 hija qasam ieħor b’potenzjal għoli: diġà hija prattika komuni f’ċerti industriji, bħall-vetturi jew il-makkinarju industrijali, iżda tista' tiġi applikata għal setturi ġodda. L-UE qed tappoġġa tali żviluppi promettenti permezz tal-programm ta’ finanzjament tagħha tar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont 2020 12 , u permezz tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni 13 .

- Il-Kummissjoni se tinkludi gwida dwar l-aqwa prattiki għall-immaniġġjar tal-iskart u għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi f'setturi industrijali f'dokumenti ta' referenza tal-Aħjar Tekniki Disponibbli (BREFs) 14

u se tagħti gwida u tippromwovi l-aqwa prattiki dwar l-iskart mit-tħaffir fil-minjieri.

- Il-Kummissjoni qed tipproponi (fil-proposti leġiżlattivi riveduti dwar l-iskart) sabiex jiġu ċċarati r-regoli dwar prodotti sekondarji biex tiġi ffaċilitata simbjożi industrijali u jkun hemm għajnuna biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE.

2.Konsum

L-għażliet magħmula minn miljuni ta’ konsumaturi jistgħu jappoġġaw jew ifixklu l-ekonomija ċirkolari. Dawn l-għażliet huma msawra mill-informazzjoni li l-konsumaturi għandhom aċċess għaliha, il-firxa u l-prezzijiet ta’ prodotti eżistenti, u l-qafas regolatorju. Din il-fażi hija wkoll kruċjali biex jiġi evitat u mnaqqas il-ħolqien ta’ skart domestiku.

Meta jaffaċċjaw numru ta’ tikketti jew asserzjonijiet ambjentali, il-konsumaturi tal-UE ta’ spiss isibuha diffiċli biex jiddistingwu bejn prodotti u biex jafdaw l-informazzjoni disponibbli. Dikjarazzjonijiet ekoloġiċi mhux dejjem jissodisfaw ir-rekwiżiti legali għall-affidabbiltà, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza 15 . Il-Kummissjoni qed taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex id-dikjarazzjonijiet ekoloġiċi jsiru aktar affidabbli, u se tiżgura infurzar aħjar tar-regoli eżistenti, inkluż permezz ta’ gwida aġġornata fuq prattiki kummerċjali inġusti 16 . Hija qed tittestja l-Impronta Ambjentali tal-Prodott, 17 metodoloġija għall-kejl tal-prestazzjoni ambjentali, u se tesplora l-użu tagħha li tkejjel jew li tikkomunika informazzjoni ambjentali. L-Ekotikketta volontarja tal-UE tidentifika prodotti li għandhom impatt ambjentali mnaqqas matul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom. Il-Kummissjoni se teżamina kif tista’ żżid l-effikaċja u l-kontribut tagħha għall-ekonomija ċirkolari 18 .

Aktar kmieni din is-sena, il-Kummissjoni pproponiet sistema ta’ tikkettar aħjar għall-prestazzjoni tal-enerġija ta’ apparat domestiku u prodotti oħra relatati mal-enerġija, li se tgħin lill-konsumaturi jagħżlu l-aktar prodotti effiċjenti 19 . Is-sistema proposta se tippermetti wkoll li l-konsumaturi jaraw l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali, inkluża d-durabbiltà, ta’ prodotti relatati mal-enerġija 20 .

Il-prezz huwa fattur ewlieni li jaffettwa d-deċiżjonijiet ta’ xiri, kemm fil-katina tal-valur kif ukoll għall-konsumaturi finali. Għalhekk l-Istati Membri huma mħeġġa biex jipprovdu inċentivi u jużaw strumenti ekonomiċi, bħal pereżempju t-tassazzjoni, biex jiżguraw li l-prezzijiet tal-prodotti jirriflettu aħjar l-ispejjeż ambjentali. Aspetti relatati ma’ garanziji, bħall-perjodu ta’ garanzija legali u t-treġġigħ lura tal-oneru tal-prova, 21 huma wkoll parti importanti mill-kwadru tal-konsum, peress li jistgħu jipproteġu lill-konsumaturi kontra prodotti difettużi u jikkontribwixxu għad-durabbiltà u r-riparabilità tagħhom, filwaqt li jżommuhom milli jintremew. Teżisti garanzija legali ta’ sentejn fl-UE għal prodotti fiżiċi, iżda għad hemm problemi fl-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni se tindirizza kwistjonijiet bħal dawn, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proposta imminenti tagħha għal bejgħ onlajn ta’ prodotti. Hija se tivvaluta wkoll partijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur u tikkunsidra titjib possibbli 22 .

Ladarba prodott jinxtara, il-ħajja tiegħu tista’ tiġi estiża permezz ta’ użu mill-ġdid u ta’ tiswija, u b’hekk tiġi evitata l-ħela. Is-setturi tal-użu mill-ġdid u t-tiswijiet huma intensivi fl-ammont ta’ xogħol u għalhekk jikkontribwixxu għall-aġenda soċjali u tal-impjiegi tal-UE. Attwalment, ċerti prodotti ma jistgħux jissewwew minħabba d-disinn tagħhom, jew għax parts tal-bdil jew informazzjoni dwar it-tiswija mhumiex disponibbli. Ħidma futura dwar l-ekodisinn tal-prodotti (ara t-taqsima 1.1) se tgħin biex tagħmel il-prodotti aktar b’saħħithom u aktar faċli jissewwew: b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw id-disponibbiltà tal-parts tal-bdil u l-informazzjoni tat-tiswija (eż. permezz ta’ manwali ta' tiswija onlajn) se jiġu kkunsidrati, inkluż permezz ta' esplorazzjoni tal-possibbiltà ta’ rekwiżiti orizzontali dwar il-forniment ta’ informazzjoni tat-tiswija. Prattiki tal-obsolexxenza ppjanata jistgħu wkoll jillimitaw it-tul tal-ħajja utli tal-prodotti. Permezz ta’ programm ta’ ttestjar indipendenti, il-Kummissjoni se tibda taħdem biex tidentifika dawn il-prattiki u modi biex dawn jiġu indirizzati. Barra minn hekk, il-proposta leġiżlattiva riveduta dwar l-iskart tinkludi dispożizzjonijiet ġodda sabiex tagħti spinta fit-tħejjija għal attivitajiet ta' użu mill-ġdid. L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali wkoll għandhom rwol importanti biex iħeġġu l-użu mill-ġdid u t-tiswija, u xi wħud minnhom diġà ħadu inizjattivi f’dan il-qasam.

Jistgħu jittieħdu azzjonijiet oħra biex jitnaqqas l-ammont ta’ skart domestiku. Dan huwa ta’ spiss aktar effettiv fil-livell nazzjonali u lokali, fejn jista’ jiġi mmirat aħjar: kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u inċentivi ekonomiċi 23 wrew li huma partikolarment effettivi. Il-Kummissjoni tippromwovi wkoll il-prevenzjoni tal-iskart u l-użu mill-ġdid permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki u billi tipprovdi finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni għal proġetti fil-livell lokali u reġjonali, inkluża l-kooperazzjoni interreġjonali.

Forom innovattivi ta’ konsum jistgħu jappoġġaw ukoll l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari, eż. il-qsim ta’ prodotti jew l-infrastruttura (ekonomija kollaborattiva), il-konsum ta' servizzi aktar milli tal-prodotti, jew l-użu tal-IT jew ta' pjattaformi diġitali. Dawn il-forom ġodda ta’ konsum huma ħafna drabi żviluppati minn negozji jew ċittadini, u promossi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-Kummissjoni tappoġġa dawn in-negozji ġodda u mudelli ta’ konsum permezz ta’ Orizzont 2020 u permezz ta’ finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni (ara wkoll it-taqsima 6). Kif imħabbar fl-Istrateġija tas-Suq Uniku 24 , hija se tiżviluppa wkoll aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva.

L-akkwist pubbliku jammonta għal proporzjon kbir tal-konsum Ewropew (kważi 20 % tal-PDG tal-UE). Għalhekk jista’ jkollha rwol ewlieni fl-ekonomija ċirkolari, u l-Kummissjoni se tinkoraġġixxi dan ir-rwol permezz tal-azzjonijiet tagħha fuq l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku 25 (APE), fejn il-kriterji jiġu żviluppati fil-livell tal-UE u mbagħad użati mill-awtoritajiet pubbliċi fuq bażi volontarja. L-ewwel nett, il-Kummissjoni se tiżgura li, fil-futur, tingħata enfasi speċjali fuq aspetti rilevanti għall-ekonomija ċirkolari, bħad-durabbiltà u r-riparabilità, meta tistabbilixxi jew tirrevedi l-kriterji. It-tieni nett, hija se tappoġġa l-użu akbar ta’ dawn il-kriterji mill-awtoritajiet pubbliċi, 26 u tirrifletti dwar kif l-APE jista’ jintuża b’mod aktar mifrux madwar l-UE, b’mod partikolari għal prodotti jew swieq li għandhom rilevanza kbira għall-ekonomija ċirkolari. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tmexxi permezz tal-eżempju, billi tiżgura li l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku huwa użat b’mod mifrux kemm jista’ jkun fl-akkwist tagħha stess, u billi ssaħħaħ l-użu tal-APE fil-finanzjament tal-UE.

- Il-Kummissjoni se tqis speċifikament rekwiżiti proporzjonati dwar id-durabbiltà u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni tat-tiswija u tal-parts tal-bdil fil-ħidma tagħha tal-Ekodisinn, kif ukoll informazzjoni tad-durabbiltà f'miżuri ta' Tikkettar Enerġetiku futuri.

- Fil-proposti riveduta dwar l-iskart, il-Kummissjoni tipproponi regoli ġodda li jinkoraġġixxu attivitajiet ta’ użu mill-ġdid.

- Il-Kummissjoni taħdem għal infurzar aħjar tal-garanziji tal-prodotti tanġibbli, tgħarbel alternattivi oħra possibbli għal titjib, u tindirizza l-asserzjonijiet ekoloġiċi foloz

- Il-Kummissjoni se tħejji programm ta' ttestjar indipendenti permezz ta' Orizzont 2020 sabiex tgħin biex jinstabu kwistjonijiet relatati mal-obsolexxenza ppjanata possibbli. Din il-ħidma tinvolvi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kif xieraq.

- Il-Kummissjoni tieħu azzjoni fuq l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) billi tisħaq fuq l-aspetti tal-ekonomija ċirkolari fil-kriterji l-ġodda jew riveduti, filwaqt li tappoġġa iktar tħaddim tal-APE u billi tmexxi bl-eżempju fl-akkwist pubbliku tagħha stess u fil-finanzjament tal-UE.

3.Immaniġġjar tal-iskart 

L-immaniġġjar tal-iskart għandu rwol ċentrali fl-ekonomija ċirkolari: dan jiddetermina kif il-ġerarkija tal-iskart tal-UE tiġi implimentata fil-prattika. Il-ġerarkija tal-iskart tistabbilixxi ordni ta’ prijorità għall-prevenzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru tal-enerġija sar-rimi, bħal pereżempju r-rimi fil-miżbliet. Dan il-prinċipju għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-għażliet li jwasslu għall-aqwa eżitu ambjentali kumplessiv. Il-mod li bih aħna niġbru u nimmaniġġjaw l-iskart tagħna jista’ jwassal jew għal rati għoljin ta’ riċiklaġġ u materjali ta’ valur li jsibu triqthom lura fl-ekonomija, jew għal sistema ineffiċjenti fejn il-biċċa l-kbira tal-iskart riċiklabbli jispiċċa f’miżbliet jew jiġi inċinerat, b’impatti ambjentali potenzjalment ta’ ħsara u telf ekonomiku sinifikanti. Sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ rkupru tal-materjal, huwa essenzjali li jintbagħtu sinjali fit-terminu twil lill-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u l-investituri, u li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tajba ta’ faċilitazzjoni fil-livell tal-UE, inkluż l-infurzar konsistenti tal-obbligi eżistenti. L-iskart kollu għandu jiġi kkunsidrat, kemm dak iġġenerat minn unitajiet domestiċi, negozji, l-industrija u l-minjieri (ara t-taqsima 1.2), kif ukoll dak iġġenerat mis-settur tal-kostruzzjoni (ara t-taqsima 5.4).

Illum, madwar 40 % biss tal-iskart prodott fl-unitajiet domestiċi tal-UE jiġi riċiklat. Din il-medja taħbi varjetà wiesgħa bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, b’rati għolja sa 80 % f’ċerti oqsma, u anqas minn 5 % f’oħrajn. Il-Kummissjoni qed tressaq proposti leġiżlattivi ġodda dwar l-iskart biex tipprovdi viżjoni fit-terminu twil biex jiżdied ir-riċiklaġġ u jitnaqqas r-rimi f'miżbliet ta’ skart muniċipali, filwaqt li jitqiesu d-differenzi bejn l-Istati Membri. Dawn il-proposti jħeġġu wkoll aktar użu ta’ strumenti ekonomiċi biex tiġi żgurata l-koerenza mal-ġerarkija tal-iskart tal-UE.

Il-proposti riveduti dwar l-iskart jinkludu wkoll aktar miri ta’ riċiklaġġ għal materjal tal-imballaġġ 27 , li se jsaħħu l-miri tal-iskart muniċipali u jtejbu l-immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ fis-setturi kummerċjali u industrijali. Aktar skart mill-imballaġġ (minn unitajiet domestiċi u sorsi industrijali/kummerċjali) ġie rriċiklat fl-UE mill-introduzzjoni ta’ miri għall-UE kollha għall-imballaġġ tal-karta, ħġieġ, plastik, metall u njam 28 , u hemm potenzjal għal aktar riċiklaġġ b’vantaġġi kemm ekonomiċi kif ukoll ambjentali.

Biex jiżdiedu l-livelli ta’ riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, huwa meħtieġ titjib fil-ġbir u l-għażla tal-iskart. Is-sistemi ta’ ġbir u ta’ għażla huma ħafna drabi ffinanzjati parzjalment minn skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, li fi ħdanhom il-manifatturi jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-ġbir u t-trattament tal-prodotti. Sabiex tagħmel dawn l-iskemi iktar effikaċi, il-Kummissjoni qed tipproponi kundizzjonijiet minimi dwar it-trasparenza u l-kosteffiċjenza. L-Istati Membri u r-reġjuni jistgħu wkoll jużaw dawn l-iskemi għal iktar flussi ta’ skart bħat-tessuti jew l-għamara.

Il-proposti dwar l-iskart riveduti se jindirizzaw ukoll kwistjonijiet ewlenin dwar il-kalkolu tar-rati ta’ riċiklaġġ. Dan huwa essenzjali biex tiġi żgurata statistika ta’ kwalità għolja u komparabbli madwar l-UE, u biex tiġi simplifikata s-sistema attwali u jiġu mħeġġa rati ogħla ta’ riċiklaġġ effettiv għal skart miġbur separatament.

Huwa wkoll importanti biex jiġu indirizzati l-ostakli fil-prattika. Ħafna drabi, rati ogħla ta’ riċiklaġġ huma limitati mill-kapaċità amministrattiva, minn nuqqas ta’ investiment fi ġbir separat u infrastruttura tar-riċiklaġġ u minn użu insuffiċjenti ta’ strumenti ekonomiċi (eż. miżati tal-miżbliet jew skemi ta’ ħlas skont ir-rimi); il-ħolqien ta’ kapaċitajiet żejda fl-infrastruttura biex jittrattaw skart residwu (inkluż skart imħallat) ukoll jippreżenta sfidi kbar. Il-proposti leġiżlattivi l-ġodda dwar l-iskart iqisu dawn l-ostakli billi jikkombinaw miri interim u fit-terminu twil bil-possibbiltà ta' estensjonijiet għall-pajjiżi li jaffaċċjaw l-akbar sfidi biex iżidu l-ġbir separat u r-riċiklaġġ, filwaqt li jirrikjedu l-istrateġija ta' implimentazzjoni li tiżgura li jsir progress u li l-lakuni ta’ implimentazzjoni jiġu ttrattati fil-ħin. Il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri li qed jesperjenzaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni u biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki ma’ pajjiżi u reġjuni li rnexxielhom itejbu l-immaniġġjar tal-iskart tagħhom. Il-Kummissjoni diġà nediet numru ta’ inizjattivi ta’ promozzjoni tal-konformità li jiżguraw implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, inkluż fuq skart perikoluż u muniċipali u ġbir separat, u biex titqajjem kuxjenza fil-livell nazzjonali. Il-kooperazzjoni mill-qrib attwali mal-Istati Membri se tiżdied fil-futur u se torbot aħjar il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart ma' azzjonijiet usa’ b’appoġġ tal-ekonomija ċirkolari.

   

Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE għandha rwol ewlieni biex issaħħaħ id-diskrepanza fl-investiment għal titjib fl-immaniġġjar tal-iskart u biex tappoġġa l-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart 29 . F’dawn l-aħħar żewġ deċennji, dawn il-fondi ntużaw ħafna madwar l-UE biex jiżviluppaw l-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart. Għall-programm ta' finanzjament attwali (2014-2020), iridu jiġu ssodisfati kundizzjonijiet ex ante biex jiġi żgurat li investimenti ġodda fis-settur tal-iskart huma skont pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart imfassla mill-Istati Membri biex jilħqu l-miri ta’ riċiklaġġ. Dan ifisser li l-finanzjament għal miżbliet ġodda se jingħata biss f’każijiet eċċezzjonali (pereżempju prinċipalment għal skart perikoluż li ma jistax jiġi rkuprat) u li l-finanzjament għal faċilitajiet ġodda għat-trattament ta’ skart residwu, bħall-inċinerazzjoni jew it-trattament mekkaniku bijoloġiku, għandu jingħata biss f’każijiet limitati u ġustifikati sew, fejn ma hemm l-ebda riskju ta’ kapaċità żejda u l-għanijiet tal-ġerarkija tal-iskart huma rispettati bis-sħiħ. B’kollox, huwa previst li EUR 5,5 biljun se jkunu ddedikati għall-immaniġġjar tal-iskart fil-programm ta’ finanzjament attwali.

Ostaklu ieħor għal rati ogħla ta’ riċiklaġġ huwa t-trasport illegali tal-iskart, kemm ġewwa l-UE kif ukoll lejn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, li ħafna drabi jirriżulta fi trattament ekonomikament subottimali u mhux korrett għall-ambjent. Regolament rivedut dwar il-vjeġġi tal-iskart ġie adottat fl-2014 30 li se jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawn il-vjeġġi illegali; il-Kummissjoni se tieħu aktar miżuri biex tgħin jiġi żgurat li dan jiġi implimentat kif xieraq. Flussi ta’ skart ta’ valur għoli, bħal vetturi li m’għadhomx jintużaw, se jkunu mmirati b’mod speċifiku, biex tiġi evitata l-emissjoni ta’ materja prima.

Barra minn hekk, sabiex trawwem riċiklaġġ ta’ kwalità għolja fl-UE u bnadi oħra, il-Kummissjoni se tippromwovi ċ-ċertifikazzjoni volontarja ta’ faċilitajiet ta’ trattament għal ċerti tipi ta’ skart (eż. l-iskart elettroniku, il-plastik).

Meta l-iskart ma jistax jiġi evitat jew riċiklat, f'ħafna mill-każijiet huwa preferibbli li jiġi rkuprat il-kontenut tal-enerġija tiegħu milli jintrema f'miżbla, kemm f’termini ambjentali kif ukoll ekonomiċi. "Mill-iskart għall-enerġija" jista’ b'hekk ikollu rwol u joħloq sinerġiji mal-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, iżda ggwidat minn prinċipji tal-ġerarkija tal-iskart tal-UE. Il-Kummissjoni se teżamina kif dan ir-rwol jista’ jiġi ottimizzat, mingħajr ma jiġi kompromess l-akkwist ta’ rati ogħla ta’ użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ, u kif il-potenzjal tal-enerġija korrispondenti jista' jiġi sfruttat bl-aħjar mod. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tadotta inizjattiva “mill-iskart għall-enerġija” fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-Kummissjoni qed tadotta, flimkien ma’ dan il-pjan ta’ azzjoni, proposti leġiżlattivi riveduti dwar l-iskart li b’mod partikolari jinkludu:

- miri ta’ riċiklaġġ fuq terminu twil għall-iskart muniċipali u l-iskart mill-imballaġġ, u biex jitnaqqsu l-miżbliet

- dispożizzjonijiet li jippromwovu aktar l-użu ta’ strumenti ekonomiċi

- rekwiżiti ġenerali għal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur

- simplifikazzjoni u armonizzazzjoni ta’ definizzjonijiet u metodi ta’ kalkolu

u se żżid il-ħidma tagħha mal-Istati Membri biex ittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fil-prattika, inkluż biex tiġi evitata kapaċità żejda fit-trattament tal-iskart residwu.

Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jiżguraw li l-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni fis-settur tal-iskart jikkontribwixxu biex jappoġġaw l-objettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u jkunu ggwidati mill-ġerarkija tal-iskart tal-EU.

4.Minn skart għal riżorsi: l-ixprunar tas-suq għal materja prima sekondarja u l-użu mill-ġdid tal-ilma

F’ekonomija ċirkolari, il-materjali li jistgħu jiġu rriċiklati jiġu investiti mill-ġdid fl-ekonomija bħala materja prima ġdida u b’hekk tiżdied is-sigurtà tal-provvista. Din “il-materja prima sekondarja” tista’ tiġi kkumerċjalizzata u ttrasportata bħal materja prima primarja minn riżorsi estrattivi tradizzjonali.

Fil-preżent, il-materja prima sekondarja għadha biss proporzjon żgħir tal-materjali li jintużaw fl-UE 31 . Il-prattiki ta’ mmaniġġjar tal-iskart għandhom impatt dirett fuq il-kwantità u l-kwalità ta’ dawn il-materjali u għalhekk l-azzjonijiet biex dawn il-prattiki jittejbu huma kruċjali (ara t-taqsima 3.). Madankollu, ostakli oħra jirrestrinġu t-tkabbir ta’ dan is-suq importanti u ċ-ċirkolazzjoni mingħajr xkiel tal-materjali, u l-Kummissjoni qed tiżviluppa analiżi ulterjuri dwar ostakli kbar f’dan il-kuntest. L-azzjoni tal-UE hija partikolarment importanti f’dan il-qasam minħabba l-implikazzjonijiet tas-Suq Uniku u r-rabtiet mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

Wieħed mill-ostakli li jaffaċċjaw l-operaturi li jixtiequ jużaw materja prima sekondarja hija l-inċertezza dwar il-kwalità tagħhom. Fin-nuqqas ta’ standards madwar l-UE kollha, jista’ jkun diffiċli li jiġu aċċertati livelli ta' impurità jew idoneità għal riċiklaġġ ta' grad għoli (eż. għall-plastik). L-iżvilupp ta’ dawn l-istandards għandu jżid il-fiduċja f’materja prima sekondarja u f'materjali riċiklati, u jgħin biex jingħata appoġġ lis-suq. Il-Kummissjoni għalhekk se tniedi l-ħidma dwar standards ta’ kwalità fil-livell tal-UE għal materja prima sekondarja fejn meħtieġ, b’konsultazzjoni mal-industriji kkonċernati. Barra minn hekk, il-proposti leġiżlattivi riveduti dwar l-iskart jistabbilixxu regoli iktar armonizzati li jiddeterminaw meta materja prima sekondarja m’għandhiex tibqa’ tiġi kkunsidrata legalment bħala “skart”, billi jiċċaraw ir-regoli eżistenti dwar “it-tmiem tal-iskart”. Dan se jipprovdi lill-operaturi b’aktar ċertezza u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni.

In-nutrijenti riċiklati huma kategorija distinta u importanti ta’ materja prima sekondarja, li għaliha huwa meħtieġ l-iżvilupp ta’ standards ta’ kwalità. Dawn huma preżenti f’materjal ta’ skart organiku, pereżempju, u jistgħu jirritornaw fil-ħamrija bħala fertilizzanti. L-użu sostenibbli tagħhom fl-agrikoltura jnaqqas il-ħtieġa ta’ fertilizzanti bbażati fuq il-minerali, li l-produzzjoni tagħhom ikollha impatti ambjentali negattivi u li tiddependi fuq l-importazzjoni tal-ġebel tal-fosfat, riżorsa limitata. Madankollu, iċ-ċirkolazzjoni tal-fertilizzanti bbażata fuq in-nutrijenti riċiklati attwalment hija mfixkla mill-fatt li r-regoli kif ukoll l-istandards ta’ kwalità u ambjentali huma differenti fost l-Istati Membri. Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tar-Regolament tal-UE dwar il-fertilizzanti. Din se tinvolvi miżuri ġodda li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent fl-UE kollha ta’ fertilizzanti organiċi u tal-fertilizzanti mill-iskart, ħalli jiġi stimulat l-iżvilupp sostenibbi ta' suq mifrux mal-UE kollha.

L-iskarsezza tal-ilma kompliet sejra għall-agħar f’xi partijiet tal-UE f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, li ħalliet effetti ta’ ħsara fuq l-ambjent u l-ekonomija tagħna. Apparti miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-ilma, l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat taħt kundizzjonijiet sikuri u kosteffettivi huwa mezz siewi iżda mhux utilizzat, ta' kif inżidu l-provvista tal-ilma u nnaqqsu l-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma li huma sfruttati żżejjed fl-UE. L-użu mill-ġdid tal-ilma fl-agrikoltura jikkontribwixxi wkoll għar-riċiklaġġ tan-nutrijenti bis-sostituzzjoni ta’ fertilizzanti solidi. Il-Kummissjoni se tieħu serje ta' azzjonijiet biex tippromwovi l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat, inkluża leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma.

Kwistjoni oħra importanti ħafna għall-iżvilupp tas-swieq tal-materja prima sekondarja hija r-rabta ma’ leġiżlazzjoni dwar il-kimiċi. Għadd dejjem jikber ta’ sustanzi kimiċi ġew identifikati bħala sors ta’ tħassib għas-saħħa jew l-ambjent, u saru s-suġġett ta' restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet. Madankollu, dawn is-sustanzi jistgħu jkunu preżenti fi prodotti mibjugħa qabel ma ġew applikati r-restrizzjonijiet, li wħud minnhom għandhom ħajja twila, u għalhekk il-kimiċi li jikkawżaw tħassib jistgħu kultant jinstabu fi flussi ta’ riċiklaġġ. Tali sustanzi jista' jkollhom prezz għoli biex jiġu individwati jew jitneħħew, u dan joħloq ostakli b’mod partikolari għar-riċiklaturi ż-żgħar.

Il-promozzjoni ta’ ċikli ta’ materjali mhux tossiċi u l-ittraċċar aħjar ta’ kimiċi fil-prodotti li jikkawżaw tħassib se jiffaċilita r-riċiklaġġ u jtejjeb l-użu tal-materja prima sekondarja. L-interazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar l-iskart, il-prodotti u l-kimiċi trid tiġi vvalutata fil-kuntest ta’ ekonomija ċirkolari sabiex tiġi deċiża l-aħjar azzjoni fil-livell tal-UE ħalli tiġi indirizzata l-preżenza ta’ sustanzi li jikkawżaw tħassib, jiġi limitat il-piż mhux meħtieġ għar-riċiklaturi u tiġi ffaċilitata t-traċċabilità u l-immaniġġjar tar-riskju tal-kimiċi fil-proċess tar-riċiklaġġ. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa l-analiżi tagħha u tipproponi għażliet għall-azzjoni sabiex jingħelbu l-ostakli bla bżonn filwaqt li jinżamm il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Din il-ħidma se tikkontribwixxi għall-istrateġija futura tal-UE għal ambjent mhux tossiku 32 .

Huwa wkoll essenzjali li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni transfruntiera ta’ materja prima sekondarja sabiex jiġi żgurat li tkun tista' tiġi faċilment kkummerċjalizzata fl-UE. Azzjoni f’dan il-qasam se tinkludi s-simplifikazzjoni ta’ formalitajiet transfruntieri permezz tal-iskambju tad-dejta elettronika. Il-Kummissjoni qiegħda teżamina l-ostakli l-oħra għaċ-ċirkolazzjoni tal-iskart fl-UE. Sabiex tittejjeb id-disponibbiltà tad-dejta dwar materja prima sekondarja, il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Materja Prima li nbdiet reċentement u tappoġġa r-riċerka dwar il-flussi tal-materja prima fl-UE kollha. Se tappoġġa wkoll it-titjib tar-rappurtar tad-dejta dwar il-vjeġġi tal-iskart, inkluż permezz tal-użu ta’ dejta disponibbli fil-kuntest tal-iskambju tad-dejta elettronika transfruntiera.

Fattur ewlieni fil-ħolqien ta’ suq dinamiku għall-materja prima sekondarja huwa d-domanda suffiċjenti, xprunata mill-użu ta’ materjali riċiklati fi prodotti u fl-infrastruttura. Għal ċerta materja prima (pereżempju l-karta jew il-metall), id-domanda diġà hija għolja; għal oħrajn, għadha qed tiżviluppa. Ir-rwol tas-settur privat fil-ħolqien tad-domanda u biex jgħin fit-tiswir tal-ktajjen tal-provvista huwa essenzjali; għadd ta’ atturi industrijali u ekonomiċi diġà impenjaw ruħhom pubblikament sabiex jiġi żgurat ċertu livell ta’ kontenut riċiklat fi prodotti li jqiegħdu fis-suq, kemm għal raġunijiet ta' sostenibbiltà kif ukoll ekonomiċi. Dan għandu jiġi mħeġġeġ peress li l-inizjattivi mmexxija mis-suq jistgħu jagħtu riżultati tanġibbli malajr. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkontribwixxu wkoll għad-domanda għall-materjali rriċiklati permezz tal-politiki ta’ akkwist tagħhom.

- Il-Kummissjoni se tibda taħdem biex fejn ikun meħtieġ tiżviluppa standards ta’ kwalità għall-materja prima sekondarja (b’mod partikolari għall-plastik), u qed tipproponi titjib fir-regoli dwar "it-tmiem tal-istadju tal-iskart".

- Il-Kummissjoni se tipproponi Regolament tal-UE rivedut dwar il-fertilizzanti, sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent ta’ fertilizzanti organiċi u tal-fertilizzanti mill-iskart fis-suq uniku u b'hekk tappoġġa r-rwol tal-bijonutrijenti fl-ekonomija ċirkolari.

- Il-Kummissjoni se tieħu wkoll serje ta' azzjonijiet sabiex tiffaċilita l-użu mill-ġdid tal-ilma; dan se jinkludi proposta leġiżlattiva dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma, pereżempju għall-irrigazzjoni u għat-tiġdid tal-ilma tal-pjan.

- Il-Kummissjoni se tiżviluppa analiżi u se tipproponi għażliet dwar l-interfaċċa bejn il-kimiċi, il-prodotti u l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, inkluż dwar kif titnaqqas il-preżenza u kif jitjieb l-intraċċar ta’ kimiċi li jikkawżaw tħassib fil-prodotti.

- Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Materja Prima mnedija reċentement u tappoġġa r-riċerka dwar il-flussi tal-materja prima fl-UE kollha.

5.L-oqsma prijoritarji

Għadd ta’ setturi qed jiffaċċjaw sfidi speċifiċi fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti jew tal-ktajjen ta’ valur tagħhom, l-impronta ambjentali tagħhom jew id-dipendenza fuq materjal minn barra l-Ewropa. Dawn is-setturi jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod immirat, sabiex jiġi żgurat li l-interazzjonijiet bejn id-diversi fażijiet taċ-ċiklu jitqiesu bis-sħiħ tul il-katina tal-valur kollha.

5.1.Il-plastik

Għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari huwa essenzjali li jiżdied ir-riċiklaġġ tal-plastik. L-użu tal-plastik fl-UE kiber b’mod stabbli, iżda inqas minn 25 % mill-iskart tal-plastik migbur qed jiġi riċiklat, u kważi 50 % jintrema fil-miżbliet. Kwantitajiet kbar ta’ plastik jispiċċaw ukoll fl-oċeani, u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030 jinkludu mira biex jiġi evitat u jitnaqqas b’mod sinifikanti t-tniġġis tal-baħar ta’ kull tip, inkluż l-iskart tal-baħar. Ġbir separat aktar intelliġenti u skemi ta’ ċertifikazzjoni għall-impriżi tal-ġbir u tal-għażla huma kritiċi sabiex il-plastik riċiklabbli jiġi ddevjat mill-miżbliet u mill-inċinerazzjoni għar-riċiklaġġ. Il-preżenza ta’ addittivi kimiċi perikolużi tista' toħloq diffikultajiet tekniċi, u l-ħolqien ta’ tip ta' plastik innovattiv iqajjem mistoqsijiet ġodda, pereż. fir-rigward tal-bijodegradabilità tal-plastik. Madankollu, l-innovazzjoni fil-plastik tista’ tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari billi tippreserva aħjar l-ikel, ittejjeb il-possibilità tar-riċiklaġġ tal-plastik jew tnaqqas il-piż tal-materjali użati fil-vetturi.

Sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet kumplessi u importanti, il-Kummissjoni se tħejji strateġija li tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-plastik matul il-katina kollha tal-valur filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom 33 . Se tieħu wkoll azzjoni sabiex tilħaq l-objettiv biex l-iskart tal-baħar jonqos b’mod sinifikanti 34 . Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-2016 tad-Direttiva dwar il-faċilitajiet ta' ġbir fil-portijiet, 35 il-Kummissjoni se tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-iskart tal-baħar minn vapuri, u se teżamina l-għażliet għal żieda tat-tali skart li jitwassal fil-faċilitajiet ta’ ġbir fil-portijiet u t-trattament adegwat tiegħu. Għadd ta’ elementi oħra ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jgħinu wkoll biex jiżdied ir-riċiklaġġ tal-plastik, inkluż l-ekodisinn (it-taqsima 1.1), mira mifruxa mal-UE kollha dwar ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik (it-taqsima 3), l-istandards ta’ kwalità u l-azzjoni sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ transfruntier tal-plastik riċiklabbli (it-taqsima 4).

- Il-Kummissjoni se tadotta strateġija dwar il-plastik fl-ekonomija ċirkolari, biex tindirizza kwistjonijiet bħar-riċiklabbiltà, il-bijodegradabbiltà, il-preżenza ta' sustanzi perikolużi li jikkawżaw tħassib f'ċertu plastik, u l-iskart tal-baħar.

- Il-Kummissjoni qed tipproponi, fil-proposti leġiżlattivi riveduti dwar l-iskart, mira aktar ambizzjuża għar-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik.

5.2.Il-ħela tal-ikel

Il-ħela tal-ikel hija tħassib li dejjem qed jikber fl-Ewropa. Il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin tal-ikel jużaw riżorsi naturali u jiġġeneraw impatti ambjentali. Ir-rimi tal-ikel li jkun għadu tajjeb biex jittiekel iżid dawn l-impatti u jikkawża telf finanzjarju għall-konsumatur u għall-ekonomija. Il-ħela tal-ikel għandha wkoll aspett soċjali importanti: l-għoti ta' ikel li għadu jista' jittiekel li iżda għal raġunijiet loġistiċi jew ta’ kummerċjalizzazzjoni ma jistax jiġi kummerċjalizzat għandu jiġi ffaċilitat. F’Settembru 2015, bħala parti mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-mira li tnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel għal kull persuna fil-livell ta' bejjiegħ u ta' konsumatur, u li tnaqqas it-telf tal-ikel tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista. L-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jilħqu din il-mira.

Il-ħela tal-ikel isseħħ tul il-katina tal-valur kollha: matul il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, fil-ħwienet, fir-ristoranti, fil-faċilitajiet tal-kejtering u fid-dar. Dan jagħmilha partikolarment diffiċli biex tiġi kkwantifikata: illum ma hemm l-ebda metodu armonizzat u affidabbli sabiex titkejjel il-ħela tal-ikel fl-UE, li jagħmilha aktar diffiċli għall-awtoritajiet pubbliċi sabiex jevalwaw il-kobor, l-oriġini, u t-tendenzi tagħha fiż-żmien. L-indirizzar tal-kwistjoni tal-kejl hija pass importanti għal komprensjoni aħjar tal-problema, għal monitoraġġ u rappurtar koerenti kif ukoll għal skambju effettiv tal-prattiki tajbin mifruxin mal-UE. Il-Kummissjoni se telabora metodoloġija komuni tal-UE sabiex tkejjel il-ħela tal-ikel, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati.

Hija essenzjali azzjoni mill-Istati Membri, mir-reġjuni, mill-bliet, u min-negozji tul il-katina tal-valur sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel u sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet varji fost il-pajjiżi u r-reġjuni. Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni huma meħtieġa sabiex jinbidel il-komportament. Il-Kummissjoni tappoġġa s-sensibilizzazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll id-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel 36 .

Il-Kummissjoni se toħloq ukoll pjattaforma ddedikata għall-ħela tal-ikel, li tlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri u lill-atturi kollha fil-katina alimentari. Din il-pjattaforma se tgħin sabiex tinkiseb il-mira għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli permezz tal-passi adegwati, tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati, tal-iskambju tal-innovazzjoni siewja u ta' suċċess kif ukoll tal-valutazzjoni komparattiva relevanti.

L-azzjoni tal-UE hija importanti wkoll f’oqsma fejn il-ħela tal-ikel tista' tirriżulta mill-mod kif il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi interpretata jew implimentata. Dan huwa l-każ tar-regoli li għandhom x'jaqsmu mad-donazzjonijiet tal-ikel lill-banek tal-ikel, u l-użu tal-ikel sikur mhux mibjugħ bħala riżorsa fl-għalf tal-annimali – il-Kummissjoni se tieħu miżuri f’dawn iż-żewġ oqsma.

Qasam ieħor fejn tista’ tkun meħtieġa azzjoni jirrigwarda l-immarkar tad-data, b’mod partikolari d-data ta' "uża preferibbilment qabel". Din tista’ tiġi interpretata b’mod żbaljat bħala data ta’ skadenza, u twassal sabiex ikel sikur u li jista’ jittiekel jitwarrab. Il-Kummissjoni se teżamina modi ta' kif tippromwovi użu u fehim aħjar tat-tikketta tad-data minn atturi differenti fil-katina alimentari. L-UE adottat ukoll miżuri sabiex timpedixxi li ħut li jista' jittiekel jintrema lura fil-baħar mill-bastimenti tas-sajd 37 .

Sabiex tgħin biex tintlaħaq il-mira għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli dwar il-ħela tal-ikel u biex jiġi mmassimizzat il-kontribut tal-atturi fil-katina tal-provvista alimentari, il-Kummissjoni se:

- tiżviluppa metodoloġija komuni tal-UE sabiex tkejjel il-ħela tal-ikel u tiddefinixxi indikaturi relevanti; Hija se toħloq pjattaforma li tinvolvi lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati sabiex tgħin ħalli jintlaħqu l-miri tal-SDG (Sustainable Development Goal) dwar il-ħela tal-ikel, permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tal-evalwazzjoni tal-progress li sar tul iż-żmien.

- tieħu miżuri sabiex tiċċara l-leġiżlazzjoni tal-UE li għandha x'taqsam mal-iskart, l-ikel u l-għalf u tiffaċilita d-donazzjoni tal-ikel u l-użu mill-ġdid ta’ dawk li kienu prodotti alimentari u prodotti sekondarji fil-katina alimentari għall-produzzjoni tal-għalf, mingħajr ma tiġi kompromessa s-sikurezza tal-ikel u tal-għalf; kif ukoll

- tgħarrex għal modi kif l-atturi tal-katina tal-ikel jistgħu jużaw aħjar it-tikketta tad-data u kif il-konsumaturi jistgħu jifhmuha aħjar, b'mod partikolari t-tikketta "uża preferibbilment qabel".

5.3.Materja prima kritika

Il-materja prima kritika hija kemm ta’ importanza ekonomika kbira għall-UE kif ukoll vulnerabbli għal interruzzjoni tal-provvista 38 ; f’ċerti każijiet, l-estrazzjoni tagħha tikkawża wkoll impatti ambjentali sinifikanti. Din ta’ spiss issibha f’tagħmir elettroniku 39 . Ir-rata ferm baxxa bħalissa ta' riċiklaġġ ta' din il-materja turi li qed jintilfu opportunitajiet ekonomiċi sinifikanti, Għal dawn ir-raġunijiet kollha, iż-żieda fl-irkupru tal-materja prima kritika hija waħda mill-isfidi li trid tiġi indirizzata fil-mixja lejn ekonomija aktar ċirkolari.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti tħeġġeġ ir-riċiklaġġ tal-iskart elettroniku, inkluż permezz ta’ miri obbligatorji 40 ; iżda r-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja biss jista' jiżgura l-irkupru tal-materja prima kritika. Waħda mill-isfidi hija l-ġbir, iż-żarmar u r-riċiklaġġ ta’ prodotti li jkun fihom dan il-materjal. Se jkun essenzjali li titjieb ir-riċiklabbiltà tal-apparat elettroniku permezz tad-disinn tal-prodott (ara t-taqsima 1.1), biex b’hekk titjieb il-vijabbiltà ekonomika tal-proċess ta’ riċiklaġġ. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu r-riċiklaġġ tal-materja prima kritika fil-proposta riveduta tagħha dwar l-iskart.

Ostakli oħra jinkludu l-iskambju insuffiċjenti ta’ informazzjoni bejn il-manifatturi u r-riċiklaturi tal-prodotti elettroniċi, in-nuqqas ta’ standards għar-riċiklaġġ, u n-nuqqas ta’ dejta għall-operaturi ekonomiċi dwar il-potenzjal tal-materja prima kritika riċiklata. Dan il-materjal jista’ jiġi rkuprat ukoll minn miżbliet (pereż. minn apparat elettroniku skartat) jew f’ċerti każijiet minn skart tal-minjieri. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa programmi tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-iskambju tad-dejta u tal-informazzjoni, u se tippromwovi l-aħjar prattiki dwar dawn il-kwistjonijiet kollha. Sabiex tiżgura approċċ koerenti u effikaċi, tipprovdi sorsi tad-dejta ewlenin u tidentifika l-għażliet għal azzjoni ulterjuri, il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar il-materja prima kritika f’ekonomija ċirkolari.

- il-Kummissjoni se tieħu serje ta' azzjonijiet sabiex tinkoraġġixxi l-irkupru tal-materja prima kritika, u se tħejji rapport li jinkludu l-aħjar prattiki u għażliet għal azzjoni ulterjuri.

- il-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi wkoll azzjoni mill-Istati Membri dwar dan is-suġġett fil-proposti riveduti tagħha dwar l-iskart.

    

5.4.Il-bini u t-twaqqigħ

F’termini ta’ volum, il-bini u t-twaqqigħ huma fost l-akbar sorsi ta’ skart fl-Ewropa. Ħafna mill-materjal huwa riċiklabbli jew jista' jintuża mill-ġdid, iżda r-rata tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tvarja ħafna fl-UE. Is-settur tal-kostruzzjoni għandu wkoll rwol fil-prestazzjoni ambjentali tal-bini u tal-infrastruttura għal kemm ittul ħajjithom.

Ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-bini u tat-twaqqigħ huwa inkoraġġut permezz ta’ mira obbligatorja fl-UE kollha 41 , iżda għad iridu jiġu indirizzati l-isfidi fuq il-post jekk l-immaniġġjar tal-iskart f’dan is-settur għandu jitjieb. Pereżempju, materjali ta’ valur mhux dejjem jiġu identifikati, jinġabru separatament, jew jiġu adegwatament rkuprati. Il-Kummissjoni, għal dan l-għan, se tiżviluppa linji gwida mmirati għall-użu f’siti tat-twaqqigħ, u anki dwar it-trattament ta’ skart perikoluż, u qed tippromwovi sistemi li jagħżlu bejn l-iskart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ, fil-proposti riveduti dwar l-iskart. Dan se jgħin ukoll biex jixxerrdu l-aħjar prattiki billi jiġu żviluppati protokolli volontarji dwar ir-riċiklaġġ bbażati fuq l-ogħla standards komuni għal kull fluss ta’ skart. Il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq studju biex tidentifika l-ostakli u l-inċentivi għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-bini u tat-twaqqigħ, u l-aħjar prattiki f’dan il-qasam.

Minħabba l-ħajja twila tal-bini huwa essenzjali li jiġi mħeġġeġ titjib fid-disinn li jnaqqas l-impatti ambjentali tiegħu u jżid id-durabilità u riċiklabbiltà tal-komponenti tiegħu. Il-Kummissjoni se tiżviluppa indikaturi sabiex tivvaluta l-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini 42 , u tippromwovi l-użu tagħhom għall-proġetti tal-bini permezz ta’ proġetti kbar ta’ dimostrazzjoni u ta’ gwida dwar l-APE (Akkwist Pubbliku Ekoloġiku).

- Il-Kummissjoni se tieħu serje ta' azzjonijiet biex tiżgura li fis-settur tal-bini u tat-twaqqigħ jiġu rkuprati r-riżorsi prezzjużi u jsir immaniġġjar tajjeb tal-iskart, kif ukoll biex tiffaċilita l-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-binjiet.

5.5.Il-bijomassa u l-prodotti b’bażi bijoloġika

Il-materjali b’bażi bijoloġika, jiġifieri dawk ibbażati fuq ir-riżorsi bijoloġiċi (bħall-injam, l-għelejjel jew il-fibri) jistgħu jintużaw għal firxa wiesgħa ta’ prodotti (il-bini, l-għamara, il-karta, l-ikel, it-tessuti, il-kimiċi, eċċ...) u għall-użu enerġetiku (pereż. il-bijofjuwils). Il-bijoekonomija għalhekk tipprovdi alternattivi għall-prodotti u l-enerġija bbażati fuq il-fossili, u tista' tikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari. Materjali b’bażi bijoloġika jistgħu wkoll jippreżentaw vantaġġi marbutin mar-rinnovabbiltà, l-bijodegradabbiltà jew il-kompostabbiltà tagħhom. Min-naħa l-oħra, fl-użu tar-riżorsi bijoloġiċi trid tingħata attenzjoni fuq l-impatt ambjentali tul iċ-ċiklu ta' ħajjithom u l-forniment sostenibbli. Id-diversi possibbiltajiet għall-użu tagħhom jistgħu wkoll jiġġeneraw kompetizzjoni għalihom u joħolqu pressjoni fuq l-użu tal-art. Il-Kummissjoni se teżamina l-kontribut tal-Istrateġija tal-Bijoekonomija 43 tagħha tal-2012 għall-ekonomija ċirkolari, u jekk ikun meħtieġ tikkunsidra li taġġornaha.

F’ekonomija ċirkolari, l-użu kaskata ta’ riżorsi rinnovabbli, b’diversi ċikli ta’ użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ, għandu jiġi mħeġġeġ fejn ikun adattat. Materjali b’bażi bijoloġika, bħal pereżempju l-injam, jistgħu jintużaw f’diversi modi, u l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ jistgħu jsiru diversi drabi. Dan imur flimkien mal-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart (inkluż għall-ikel - ara t-taqsima 5.2) u, b’mod iktar ġenerali, l-għażliet li jwasslu għall-aqwa eżitu ambjentali kumplessiv. Miżuri nazzjonali bħal skemi ta’ responsabbiltà estiżi għall-produttur tal-għamara jew tal-ippakkjar tal-injam, jew il-ġbir separat tal-injam, jista’ jkollhom impatt pożittiv. Il-Kummissjoni se taħdem sabiex tidentifika u taqsam l-aħjar prattiki f’dan is-settur kif ukoll tippromwovi l-innovazzjoni; il-proposti leġiżlattivi riveduti dwar l-iskart jinkludu wkoll mira obbligatorja fil-livell tal-UE dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-ippakkjar tal-injam. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi sinerġiji ma’ ekonomija ċirkolari meta tkun qed teżamina s-sostenibbiltà tal-bijoenerġija fl-ambitu tal-Unjoni tal-Enerġija.

Is-settur b'bażi bijoloġika wera wkoll il-potenzjal tiegħu għall-innovazzjoni f’materjali, kimiċi u proċessi ġodda li jistgħu jkunu parti integrali mill-ekonomija ċirkolari. It-twettiq ta’ dan il-potenzjal jiddependi b’mod partikolari fuq l-investiment f’bijoraffineriji integrati, li kapaċi jipproċessaw il-bijomassa u l-bijoskart għal użi finali differenti. L-UE qed tappoġġa dawn l-investimenti u proġetti oħra innovattivi bbażati fuq il-bijoekonomija permezz ta’ finanzjament tar-riċerka 44 .

- Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu effiċjenti tar-riżorsi b’bażi bijoloġika permezz ta’ serje ta’ miżuri li jinkludu l-gwida u t-tixrid tal-aħjar prattiki dwar l-użu kaskata tal-bijomassa u l-appoġġ għall-innovazzjoni fil-bijoekonomija.

- Il-proposti leġiżlattivi riveduti dwar l-iskart fihom mira għar-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-injam u dispożizzjoni li tiżgura l-ġbir separat tal-bijoskart.

6.L-innovazzjoni, l-investiment, u miżuri orizzontali oħra

It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari hija bidla sistemika. Barra minn hekk għall-azzjonijiet immirati li jaffettwaw kull fażi tal-katina tal-valur u tas-setturi ewlenin, huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet li taħthom ekonomija ċirkolari tista' tirnexxi u r-riżorsi jistgħu jiġu mmobilizzati.

L-innovazzjoni se jkollha rwol ewlieni f'din il-bidla sistemika. Sabiex jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-metodi tagħna ta' produzzjoni u konsum, u sabiex l-iskart jinbidel fi prodotti b’valur miżjud għoli, se jkollna bżonn ta’ teknoloġiji , proċessi, servizzi u mudelli kummerċjali ġodda li se jinfluwenzaw il-futur tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna. Għalhekk, l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni se jkun il-fattur ewlieni li jixpruna t-tranżizzjoni; se jikkontribwixxi wkoll għall-kompetittività u l-modernizzazzjoni tal-industrija tal-UE. Il-Programm ta' Ħidma ta' Orizzont 2020 għall-2016-2017 jinkludi l-inizjattiva prinċipali: l-"Industrija 2020 fl-ekonomija ċirkolari", li se tagħti aktar minn EUR 650 miljun għall-proġetti ta' dimostrazzjoni innovattivi li jappoġġaw l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari u l-kompetittività industrijali fl-UE f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet industrijali u ta' servizz, inklużi l-industriji tal-ipproċessar, il-manifattura u l-mudelli kummerċjali ġodda. Din tesplora wkoll approċċ pilota biex tgħin lill-innovaturi li jkunu qed jiffaċċjaw ostakli regolatorji (pereż. dispożizzjonijiet legali ambigwi), billi tistabbilixxi ftehimiet mal-partijiet ikkonċernati u mal-awtoritajiet pubbliċi ("ftehimiet dwar l-innovazzjoni").

Din l-inizjattiva żżid ma’ firxa wiesgħa ta’ programmi eżistenti ta' Orizzont 2020 li jappoġġjaw proġetti innovattivi rilevanti għall-ekonomija ċirkolari, f’oqsma bħal tal-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart, il-ħela tal-ikel, il-manifattura mill-ġdid, l-industrija tal-ipproċessar sostenibbli, is-simbjożi industrijali, u l-bijoekonomija 45 . Dawn se jkunu kkumplementati mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni 46 .

Opportunitajiet importanti għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjonint huma wkoll disponibbli taħt il-Politika ta’ Koeżjoni: l-ekonomija ċirkolari hija waħda mill-prijoritajiet enfasizzati mill-Istati Membri u mir-reġjuni fl-Istrateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tagħhom 47 . Il-Kummissjoni se toffrilhom appoġġ ulterjuri, anki permezz tal-Pjattaforma tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti.

L-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari se jeħtieġ ukoll sorsi pubbliċi u privati ta’ finanzjament li jsaħħu t-teknoloġiji u l-proċessi mtejbin, jiżviluppaw l-infrastruttura u jżidu l-kooperazzjoni bejn l-atturi fil-katina tal-valur. Appoġġ sinifikanti għal dawn l-għanijiet se jiġi minn programmi ta’ finanzjament tal-UE bħall-Politika ta’ Koeżjoni, LIFE u COSME. Pereżempju, il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni se jiġu indirizzati lejn għadd dejjem jikber ta’ programmi li jappoġġaw l-ekonomija ċirkolari, inkluż l-appoġġ għall-użu mill-ġdid u għat-tiswija, titjib fil-proċessi tal-produzzjoni, id-disinn tal-prodott u l-SMEs 48 . Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali biex isaħħu l-approċċ tagħhom lejn l-ekonomija ċirkolari f’dan il-kuntest permezz ta’ sensibilizzazzjoni mmirata. Il-finanzjament privat jeħtieġ li jiġu ggwidati lejn opportunitajiet ġodda maħluqa mill-ekonomija ċirkolari. Għas-settur finanzjarju, proġetti bħal dawn jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti miż-"żamma tal-istatus quo". Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa wieħed mill-istrumenti li jista' jintuża biex dawn l-investimenti jiġu ffinanzjati. Flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u ċ-Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment, il-Kummissjoni se twettaq attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni sabiex tinkuraġġixxi talbiet għal finanzjament, u tappoġġa l-iżvilupp ta’ proġetti u pjattaformi ta’ investiment rilevanti għall-ekonomija ċirkolari, pereżempju fl-oqsma tar-riċiklaġġ tal-plastik jew tal-minerali. Se jsir xogħol sabiex jiġu żviluppati raggruppamenti transsettorjali kif ukoll jinqasmu r-riżorsi sabiex jitfasslu proġetti b’dimensjoni Ewropea 49 . Barra minn hekk, il-proġettti dwar l-ekonomija ċirkolari jistgħu jibbenefikaw minn għodod ta' konsulenza tal-BEI u ta’ finanzjament taħt il-programm InnovFin 50 . Il-Kummissjoni qed tevalwa wkoll il-possibilità li tniedi pjattaforma flimkien mal-BEI u mal-banek nazzjonali sabiex tappoġġa l-finanzjament tal-ekonomija ċirkolari.

L-SMEs, inklużi l-intrapriżi soċjali, se jagħtu l-kontribut prinċipali għall-ekonomija ċirkolari: dawn huma partikolarment attivi f’oqsma bħalma huma r-riċiklaġġ, it-tiswija, u l-innovazzjoni. Madankollu, huma jaffaċċjaw ukoll sfidi speċifiċi, bħalma huwa l-aċċess għall-finanzjament, u d-diffikultà biex ikunu jistgħu jieħdu inkonsiderazzjoni l-ekonomija ċirkolari, jekk din ma tkunx in-negozju prinċipali tagħhom. Kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġiku tal-2014 għall-SMEs 51 , il-Kummissjoni qed taġixxi sabiex tappoġġa dawn il-kumpaniji, tanalizza l-ostakli li jiltaqgħu magħhom ħalli jużaw ir-riżorsi u jimmaniġġjaw l-iskart aħjar , u biex jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni fis-setturi u fr-reġjuni. Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll aċċess għall-finanzjament lill-intrapriżi soċjali 52 .

It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari se teħtieġ ukoll forza tax-xogħol ikkwalifikata b’ħiliet speċifiċi u xi drabi ġodda, u opportunitajiet ta’ impjieg u djalogu soċjali. Jekk il-ħiliet adattati fil-livelli kollha għandhom jiġu żviluppati, dawn għandhom jiġu pprovduti mis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Il-Kummissjoni qed issegwi l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi 53 tagħha permezz ta' azzjoni li tantiċipa l-ħtiġijiet u tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ħiliet kif ukoll b'miżuri oħra li jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi f'ekonomija ekoloġika. Hija wkoll qed taġixxi permezz tal-Aġenda tagħha li jmiss għall-Ħiliet Ġodda fl-Ewropa.

Id-dimensjoni dinjija tal-ekonomija ċirkolari u l-ktajjen tal-provvista hija prominenti f’oqsma bħalma huma s-sorsi sostenibbli, l-iskart tal-baħar, il-ħela tal-ikel, u s-suq dejjem aktar globalizzat għall-materja prima sekondarja. Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' sħab interessati oħrajn bħala parti mill-isforzi globali biex tilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se timpenja b’mod attiv lill-partijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ pjattaformi settorjali eżistenti. Dan se jiġi kkumplimentat b’aktar appoġġ għal sħubijiet pubbliċi privati, approċċi volontarji tan-negozju, skambju tal-aħjar prassi fost l-Istati Membri u r-reġjuni, u se jinkludu konsultazzjoni ma' sħab soċjali fejn il-bidliet jista’ jkollhom implikazzjonijiet soċjali importanti.

- Il-Programm ta' Ħidma ta' Orizzont 2020 għall-2016-2017 fih inizjattiva ewlenija tal-"Industrija 2020 fl-ekonomija ċirkolari" b’finanzjament li jaqbeż is-EUR 650 miljun

- Il-Kummissjoni se tniedi proġett pilota dwar l-approċċ għall-"ftehimiet dwar l-innovazzjoni" li jidentifikaw u jindirizzaw l-ostakli regolatorji potenzjali għall-innovaturi.

- Il-Kummissjoni se tintensifika l-azzjoni tagħha biex timmobilizza l-partijiet ikkonċernati li għandhom x'jaqsmu mal-ekonomija ċirkolari u b’mod partikolari għall-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni. Hija se twettaq ukoll sensibilizzazzjoni mmirata biex tgħin fl-iżvilupp ta’ proġetti relatati mal-ekonomija ċirkolari għal diversi sorsi ta’ finanzjament mill-UE, b’mod partikolari l-Fondi għall-Politika ta’ Koeżjoni.

7.Il-monitoraġġ tal-progress lejn ekonomija ċirkolari

Sabiex jiġi vvalutat il-progress lejn ekonomija iktar ċirkolari u l-effettività tal-azzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, huwa importanti li jkun hemm sett ta’ indikaturi affidabbli. Ġabra ta’ dejta rilevanti diġà miġbura mill-Eurostat tista' tifforma l-bażi għal dan il-monitoraġġ. Barra minn hekk, it-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi 54 u t-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar il-Materja Prima 55 fihom indikaturi rilevanti u analiżi li b'mod partikolari jkunu utli sabiex jiġi segwit il-progress.

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ser taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri sabiex tipproponi qafas ta’ monitoraġġ sempliċi u effettiv għall-ekonomija ċirkolari. Dan il-qafas, filwaqt li jikkumplimenta ż-żewġ tabelli ta’ valutazzjoni msemmija hawn fuq, se jinkludi sett ta’ indikaturi siewja ewlenin li jirrappreżentaw l-elementi ewlenin tal-ekonomija ċirkolari. Dawn se jiġu ppubblikati b'rabta mar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u se jinkludu indikaturi ġodda dwar il-ħela tal-ikel (ara t-taqsima 5.2) u indikaturi bbażati fuq dejta tal-Eurostat u dejta oħra uffiċjali eżistenti f’oqsma bħalma huma s-sigurtà tal-provvista għall-materja prima prinċipali, it-tiswija u l-użu mill-ġdid, il-ħolqien tal-iskart, l-immaniġġjar tal-iskart, il-kummerċ ta' materja prima sekondarja fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, u l-użu ta’ materjali riċiklati fil-prodotti. Fejn meħtieġ, se tittieħed azzjoni biex tittejjeb il-kwalità tad-dejta eżistenti. Il-Kummissjoni se tirrapporta fuq il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni, ħames snin wara l-adozzjoni tiegħu.

F’kooperazzjoni mill-qrib mal-EEA u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiżviluppa qafas ta’ monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari, imfassal biex ikejjel il-progress b'mod effettiv abbażi ta’ dejta affidabbli eżistenti 56 .

8.Konklużjoni

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi l-mandat konkret u ambizzjuż tal-UE li jappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Se jkun ukoll meħtieġ impenn kontinwu u usa’ mil-livelli kollha ta’ governanza, fl-Istati Membri, fir-reġjuni u fl-ibliet kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati kollha. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw dan il-pjan ta' azzjoni u biex jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fl-implimentazzjoni tiegħu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

(1)

 Growth within: a circular economy vision for a competitive Europe, rapport minn Ellen MacArthur Foundation, il-McKinsey Centre for Business and Environment u Stiftungsfonds für Umweltökonomie und Nachhaltigkeit (SUN), Ġunju 2015.

(2)

Id-Direttiva 2009/125/KE. Din id-Direttiva tkopri l-prodotti kollha relatati mal-enerġija.

(3)

Flimkien ma’ miżuri ta’ tikkettar enerġetiku, huwa stmat li d-Direttiva tal-Ekodisinn se tiffranka 175 Mtoe ta’ enerġija primarja sal-2020.

(4)

eż. l-Ekodisinn, it-Tikkettar Enerġetiku, l-Ekotikketta, l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku, u leġiżlazzjoni ta' prodotti rilevanti oħra.

(5)

B’mod partikolari l-istrateġija “Kummerċ u investiment għal kulħadd” adottata f’Ottubru 2015.

(6)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52014DC0440  

(7)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għal ċentri ta’ servizz teknoloġiku fil-qasam tat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali

(8)

Wara l-Kontroll tal-Idoneità attwali tagħha

(9)

  http://ec.europa.eu/environment/etv/etv_preprog.htm  

(10)

B’mod partikolari CO2.

(11)

Sensiela ta’ passi ta’ manifattura fuq parti jew prodott ta' tmiem il-ħajja sabiex jerġa' jkollu prestazzjoni bħal wieħed ġdid jew aħjar, b’garanzija korrispondenti.

(12)

Sejħa għal Fabbriki tal-Futur, 2014 - sejħa għal simbjożi industrijali, 2014

(13)

  http://ec.europa.eu/regional_policy/index.cfm/en/information/legislation/guidance/  

(14)

Dan se jsir fil-kuntest tar-rieżaminazzjonijiet ippjanati regolari tal-BREFs

(15)

Ara l-istudju tas-suq tal-konsumaturi dwar l-asserzjonijiet ambjentali għal prodotti mhux tal-ikel: http://ec.europa.eu/consumers/consumer_evidence/market_studies/environmental_claims/index_en.htm

(16)

Fil-kuntest tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur

(17)

 COM/2013/0196 final. Bħalissa qed tiġi ttestjata fuq proġetti pilota. Suġġetta għar-riżultati tal-proġett pilota, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-użu ulterjuri tal-metodoloġija tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti.

(18)

 Wara l-Kontroll tal-Idoneità attwali tagħha

(19)

 COM(2015)341

(20)

 Abbażi ta’ dejta li tista' titkejjel mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, u mingħajr impatt negattiv sinifikanti fuq l-intelliġibilità ċara u l-effikaċja tat-tikketta għall-klijenti

(21)

  Skont id-Direttiva 99/44/KE, fi żmien l-ewwel sitt xhur wara l-konsenja, il-bejjiegħ irid jipprova li l-ebda nuqqas ta’ konformità ma kien jeżisti fil-ħin tal-konsenja. Sussegwentement, l-oneru tal-prova huwa fuq ix-xerrej.

(22)

Skont il-Kontroll tal-Idoneità tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur imħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2015 (COM(2014) 910 final - Anness 3).

(23)

Bħal sistemi ta’ inċentiv għal muniċipalitajiet jew skemi ta’ ħlas skont l-ammont mormi, fejn l-unitajiet domestiċi (pereżempju) iħallsu skont l-ammont ta’ skart li ma jistax jiġi rriċiklat li dawn jarmu.

(24)

 COM(2015) 550

(25)

Skont l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli globali għall-promozzjoni ta’ prattiki ta’ akkwist pubbliku li huma sostenibbli

(26)

 Inter alia permezz ta’ skemi ta’ taħriġ immirati

(27)

Fil-proposta għall-metalli, se jiġu introdotti miri sekondarji separati għall-aluminju u l-metalli tal-ħadid.

(28)

http://ec.europa.eu/environment/waste/packaging/index_en.htm

(29)

Inkluż permezz ta’ approċċi innovattivi

(30)

  Ir-Regolament (UE) Nru 660/2014 tal-15 ta' Mejju 2014

(31)

B’xi eċċezzjonijiet bħal dawk tal-azzar jew il-karta — eż. 5 % għall-plastik.

(32)

Imħabbar fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali

(33)

Din l-istrateġija se tinkludi segwitu għall- Green Paper dwar l-iskart tal-plastik .

(34)

Il-Kummissjoni Ewropea, fil-komunikazzjoni tagħha "Lejn ekonomija ċirkolari, programm ta’ skart żero għall-Ewropa" ipproponiet mira ambizzjuża li "tnaqqas l-iskart tal-baħar bi 30 % sal-2020 għall-aktar għaxar tipi ta' skart komuni fil-bajjiet, kif ukoll għall-apparat tas-sajd li jinstab fil-baħar, b'lista li tiġi adattata għal kull wieħed mill-erba’ reġjuni marittimi tal-UE". Diġà nbdiet il-ħidma fl-Ewropa sabiex din il-mira tintlaħaq.

(35)

2000/59/CE

(36)

  http://ec.europa.eu/food/safety/food_waste/stop/index_en.htm

(37)

 L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-politika komuni tas-sajd

(38)

Il-Kummissjoni Ewropea elenkat il-materja prima kritika hawnhekk: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/raw-materials/critical/index_en.htm . Dawn jinkludu, pereżempju, elementi terrestri rari u metalli prezzjużi oħra, kif ukoll il-fosfru.

(39)

Bħalma huma l-elementi terrestri rari fi skrins elettroniċi jew il-metalli prezzjużi f’bords biċ-ċirkwiti stampati

(40)

  http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/index_en.htm  

(41)

  http://ec.europa.eu/environment/waste/construction_demolition.htm  

(42)

Bl-applikazzjoni tal- Komunikazzjoni dwar l-Opportunitajiet għal Użu Effiċjenti tar-Riżorsi fis-Settur tal-Bini

(43)

COM(2012)60

(44)

  http://ec.europa.eu/research/bioeconomy/index.cfm  

(45)

Il-programm ta’ ħidma Orizzont 2020 għall-2014-2015; sejħa għall-qasam prijoritarju "L-iskart: riżorsa għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru tal-materja prima"; http://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/wp/2014_2015/main/h2020-wp1415-climate_en.pdf ; Tema ambjentali tal-FP 7, 2013, sejħa tal-2013 għall-effiċjenza fir-riżorsi: http://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/fp7/132129/f-wp-201301_en.pdf  

(46)

  http://ec.europa.eu/environment/ecoap/index_en.htm  

(47)

  http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/home  

(48)

  http://ec.europa.eu/regional_policy/mt/policy/what/investment-policy/  

(49)

  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0209:FIN:MT:PDF  

(50)

  http://www.eib.org/products/blending/innovfin/?lang=en – il-Kummissjoni se testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument ta' Innov'fin sabiex tiġi żgurata l-eliġibilità ta’ firxa wiesgħa ta’ proġetti innovattivi dwar l-ekonomija ċirkulari

(51)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52014DC0440  

(52)

 Permezz tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI): http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1081  

(53)

  COM(2014)446

(54)

  http://ec.europa.eu/eurostat/web/environmental-data-centre-on-natural-resources/resource-efficiency-indicators/resource-efficiency-scoreboard  

(55)

Żviluppata fil-kuntest tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima – li għandha tiġi ppublikata fuq https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/eip-raw-materials/en/content/eip-raw-materials-monitoring-and-evaluation-scheme

(56)

 kif ukoll dejta dwar il-ħela tal-ikel li għadha kif ġiet stabbilita (ara t-taqsima 5.2).


Brussell, 2.12.2015

COM(2015) 614 final

ANNESS

għal

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Sabiex nagħlqu ċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari


Il-miżuri ppreżentati f’dan il-pjan ta’ azzjoni hemm bżonn li jitmexxew kollha ’l quddiem f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, flimkien ma', fejn xieraq, valutazzjoni tal-impatt.

Azzjonijiet

Skeda ta' żmien

Produzzjoni

Enfasi fuq aspetti tal-ekonomija ċirkolari fir-rekwiżiti futuri għall-prodotti li jaqgħu taħt id-Direttiva tal-Ekodisinn.

mill-2016 ’il quddiem

Pjan ta' Ħidma għall-Ekodisinn għall-2015-2017 u l-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni jintalbu biex jiżviluppaw standards dwar l-effiċjenza materjali sabiex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti futuri għall-Ekodisinn dwar id-durabbiltà, il-possibilità tat-tiswija u r-riċiklabbiltà tal-prodotti.

Diċembru 2015

Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar it-televixins u l-iskrins

Fi tmiem l-2015 jew fil-bidu tal-2016

L-analiżi ta' għażliet u azzjonijiet għal qafas ta’ politika aktar koerenti għal partijiet differenti ta’ ħidma fil-politika tal-UE dwar il-prodotti, u l-kontribut tagħhom għall-ekonomija ċirkolari

2018

L-inklużjoni ta' gwida dwar l-ekonomija ċirkolari fid-Dokumenti ta' Referenza tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (il-BREFs), għal diversi setturi industrijali

mill-2016 ’il quddiem

Il-gwida u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki fil-pjanijiet tal-immaniġjar tal-iskart tal-minjieri

2018

It-twaqqif ta’ netwerk miftuħ pan-Ewropew ta' infrastrutturi teknoloġiċi għall-SMEs sabiex jiġu integrati t-teknoloġiji avvanzati tal-manifattura fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom

2016

L-analiżi ta' kif jistgħu jittejbu l-effiċjenza u l-użu tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) tal-UE u tal-programm pilota dwar il-Verifika tat-Teknoloġija Ambjentali (ETV)

2017

L-iżvilupp ta' bażi ta’ għarfien imtejba u appoġġ lill-SMEs sabiex jiġu sostitwiti s-sustanzi perikolużi ta’ tħassib serju ħafna

2018

 

 

Konsum

Infurzar aħjar tal-garanziji eżistenti fuq prodotti tanġibbli, flimkien ma' riflessjoni fuq it-titjib (il-proposta tal-Kummissjoni li jmiss dwar il-bejgħ online ta’ oġġetti, u l-Kontroll tal-Idoneità rigward il-leġiżlazzjoni tal-konsumatur)

2015-2017

Azzjoni dwar asserzjonijiet ambjentali foloz, flimkien ma' gwida aġġornata dwar il-prattiki kummerċjali inġusti

2016

Analiżi dwar il-possibbiltà li jiġu proposti rekwiżiti orizzontali għall-għoti ta' informazzjoni dwar it-tiswija fil-kuntest tal-Ekodisinn

2018

Ir-REFIT għall-Ekotikketta, li għandu jiġu segwiti minn azzjonijiet għat-tisħiħ tal-effikaċja tiegħu

2016

Valutazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ programm ta’ ttestjar indipendenti dwar l-obsolexxenza ppjanata

2018

Suġġett għall-evalwazzjoni tal-proġetti pilota li għaddejjin bħalissa, jiġi esplorat l-użu possibbli tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti sabiex titkejjel u tiġi kkomunikata l-informazzjoni ambjentali

mill-2016 ’il quddiem

Azzjoni dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku: l-integrazzjoni aħjar tar-rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari, appoġġ għal żieda fl-użu tiegħu inkluż permezz ta’ skemi ta’ taħriġ, it-tisħiħ tal-użu tiegħu fl-akkwist pubbliku tal-Kummissjioni u tal-Fondi tal-UE

mill-2016 ’il quddiem

 

 

Immaniġġjar tal-iskart

Il-proposta leġislattiva riveduta dwar l-iskart

Diċembru 2015

Kooperazzjoni mtejba mal-Istati Membri għal implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, u ġlieda kontra l-ġarr illeċitu ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw

mill-2015 ’il quddiem

L-intensifikar tal-infurzar tar-Regolament rivedut dwar il-vjeġġi tal-iskart

mill-2016 ’il quddiem

Il-promozzjoni ta’ ċertifikazzjoni volontarja mmexxija mill-industrija tal-faċilitajiet ta’ trattament għal flussi tal-iskart / tar-riċiklat prinċipali.

mill-2018 ’il quddiem

Inizjattiva dwar l-iskart għall-Enerġija fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija

2016

L-identifikazzjoni u t-tixrid ta’ prattiki tajbin f’sistemi ta’ ġbir tal-iskart

 mill-2016 ’il quddiem

 

 

Is-suq għall-materja prima sekondarja

L-iżvilupp ta’ standards ta’ kwalità għall-materja prima sekondarja (b’mod partikolari għall-plastik)

mill-2016 ’il quddiem

Proposta għal Regolament dwar il-fertilizzanti rivedut

Kmieni fl-2016

Il-leġiżlazzjoni proposta li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-ilma li jintuża mill-ġdid għat-tisqija u għat-tiġdid tal-ilma tal-pjan

2017

Il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma sikur u kosteffettiv, inkluża l-gwida dwar l-integrazzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma fl-ippjanar u fil-ġestjoni tal-ilma, l-inklużjoni tal-aħjar prattiki fi BREFs rilevanti, u l-appoġġ għall-innovazzjoni (permezz tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni u Orizzont 2020) u l-investimenti

2016-2017

Analiżi u għażliet ta’ politika sabiex tiġi indirizzata l-interfaċċa bejn il-kimiki, l-prodotti u l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, inkluż dwar kif titnaqqas il-preżenza ta' kimiki ta' tħassib fil-prodotti u jitjieb l-intraċċar tagħhom

2017

Miżuri li jiffaċilitaw il-vjeġġi tal-iskart fl-UE, inkluż l-iskambju ta’ dejta elettronika (u possibilment miżuri oħra)

mill-2016 ’il quddiem

L-iżvilupp ulterjuri ta' Sistema ta’ Informazzjoni tal-UE għall-materja prima

mill-2016 ’il quddiem

 

 

Azzjoni settorjali

Il-plastik

Strateġija dwar il-plastik f'ekonomija ċirkulari

2017

Azzjoni speċifika sabiex jitnaqqas l-iskart fil-baħar bl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030

mill-2015 ’il quddiem

 

 

Il-ħela tal-ikel

L-iżvilupp ta’ metodoloġija komuni u indikaturi sabiex titkejjel il-ħela tal-ikel

2016

Pjattaforma għall-partijiet ikkonċernati sabiex jiġi eżaminat kif jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli dwar il-ħela tal-ikel, tiġi kondiviża l-aħjar prattika u jiġi evalwat il-progress

2016

Tiġi ċċarata l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE marbuta mal-iskart, l-ikel u l-għalf, sabiex tiġi ffaċilitata d-donazzjoni tal-ikel u l-użu ta’ dawk li kienu prodotti alimentari għall-għalf tal-annimali

2016

L-istħarriġ ta' għażliet għal użu aktar effettiv u fehim aħjar tal-immarkar tad-data fuq l-ikel

2017

 

 

Materja prima kritika

Rapport dwar materja prima kritika u l-ekonomija ċirkolari

2017

It-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni bejn il-manifatturi u r-riċiklaturi rigward il-prodotti elettroniċi

mill-2016 ’il quddiem

Standards Ewropej għar-riċiklaġġ effiċjenti fil-materjal tal-iskart elettroniku, l-iskart tal-batteriji u ta’ prodotti kumplessi relevanti oħra fi tmiem ħajjithom

mill-2016 ’il quddiem

Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għall-irkupru ta’ materja prima kritika mill-iskart tal-minjieri u mill-miżbliet

2017

 

 

Il-bini u t-twaqqigħ

Linji gwida għall-valutazzjoni ta' qabel it-twaqqigħ għas-settur tal-bini

2017

 Protokoll dwar ir-riċiklaġġ volontarju fl-industrija kollha għall-iskart tal-bini u t-twaqqigħ

2016

Indikaturi ewlenin għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ binjiet, u l-inċentivi għall-użu tagħhom

mill-2017 ’il quddiem

 

 

Materjali b’bażi bijoloġika u tal-bijomassa

Il-gwida u t-tixrid tal-aħjar prattiki dwar l-użu kaskata tal-bijomassa u l-appoġġ għall-innovazzjoni f’dan il-qasam permezz ta’ Orizzont 2020

2018 - 2019

L-iżgurar tal-koerenza u tas-sinerġiji mal-ekonomija ċirkolari meta tiġi eżaminata s-sostenibbiltà tal-bijoenerġija fl-ambitu tal-Unjoni tal-Enerġija

2016

Il-valutazzjoni tal-kontribut tal-Istrateġija Bijoekonomika tal-2012 għall-ekonomija ċirkolari, u l-possibilità ta' rieżmi

2016

 

 

L-innovazzjoni u l-investimenti

L-inizjattiva "Industrija 2020 u l-ekonomija ċirkolari" fl-ambitu ta' Orizzont 2020 

Ottubru 2015

Proġett pilota marbut ma' "ftehimiet għall-innovazzjoni" sabiex jiġu indirizzati l-ostakoli regolatorji possibbli għall-innovaturi

2016

Attivitajiet mmirati ta' sensibilizzazzjoni li jinkoraġġixxu applikazzjonijiet għal finanzjament taħt il-FEIS, u li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ proġetti u tal-pjattaformi ta’ investiment relevanti għal ekonomija ċirkolari

mill-2016 ’il quddiem

Attivitajiet immirati ta' sensibilizzazzjoni u ta' komunikazzjoni li jgħinu lill-Istati Membri u lir-reġjuni jużaw il-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari

mill-2016 ’il quddiem

Appoġġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex isaħħu l-innovazzjoni għall-ekonomija ċirkolari permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti

mill-2016 ’il quddiem

Il-valutazzjoni tal-possibilità li titnieda pjattaforma flimkien mal-BEI u mal-banek nazzjonali, biex jiġi appoġġat il-finanzjament tal-ekonomija ċirkolari.

2016

L-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni permezz ta’ forums eżistenti f’setturi ewlenin

mill-2016 ’il quddiem

Appoġġ lil firxa ta’ partijiet ikkonċernati permezz ta’ azzjonijiet dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati, il-pjattaformi ta’ kooperazzjoni, l-appoġġ għall-approċċi volontarji tal-kummerċ u l-iskambji tal-aħjar prattiki

mill-2015 ’il quddiem

Monitoraġġ

L-iżvilupp ta’ qafas ta’ monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari

2017