IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.5.2015
COM(2015) 206 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport fuq l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2014
1.
Introduzzjoni
L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014 kienu l-ewwel sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u kienu fundamentalment differenti minn dawk ta’ qabilhom. Għall-ewwel darba, rabta diretta ġiet stabbilita bejn l-eżitu tal-elezzjonijiet u l-ħatra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-familji politiċi Ewropej innominaw kandidati għall-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-ewwel darba, u l-kandidat li kien f’pożizzjoni li jikseb maġġoranza fil-Parlament Ewropew li kien għadu kemm ġie iffurmat sar il-President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew innomina l-kandidat tal-partit li ġab l-aktar siġġijiet fil-Parlament Ewropew, li sussegwentement ġie elett bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea mill-Parlament Ewropew.
Dan ir-rapport janalizza l-elezzjonijiet tal-2014, inklużi l-miżuri li ttieħdu biex tiżdied it-trasparenza tagħhom, il-kondotta demokratika u d-dimensjoni Ewropea. Jivvaluta l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-elezzjonijiet u d-drittijiet assoċjati, l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE f’dan ir-rigward, u l-parteċipazzjoni attwali. Jagħti ħarsa wkoll lejn l-infurzar tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE.
Ir-rapport huwa bbażat fuq l-aħħar Ewrobarometru u stħarriġ ieħor, l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri bi tweġiba għal kwestjonarji tal-Kummissjoni u għal studju awtorizzat mill-Kummissjoni li ġabar u analizza data kwalitattiva u kwantitattiva, inkluż permezz ta’ intervisti ma’ partiti politiċi Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali, il-mezzi tax-xandir u partijiet interessati oħra.
L-elezzjonijiet tal-2014 immoderaw it-tnaqqis kostanti ta’ nies li ħarġu jivvutaw sa mill-ewwel elezzjonijiet Ewropej diretti fl-1979. Dawn l-elezzjonijiet wittew it-triq għal elezzjonijiet Ewropej futuri u stabbilew rabta ċara bejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-għażla tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Preċedent importanti ġie stabbilit għall-2019 u lil hinn, u ġie stabbilit forum għal dibattitu politiku fuq livell Ewropew.
2.
Proċess Elettorali Trasparenti
2.1.
Rabta diretta bejn il-vot taċ-ċittadini u l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni
It-Trattat ta’ Lisbona stabbilixxa l-ordni kostituzzjonali ġdida għall-Unjoni Ewropea, bil-Parlament Ewropew mogħti s-setgħa li jeleġġi kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea proposta mill-Kunsill Ewropew, filwaqt li jqis ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ġdida, fit-12 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Appellat lill-partiti politiċi Ewropej sabiex jinnominaw kandidati għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni, fl-isfond tat-Trattat ta’ Lisbona, li saħħaħ ir-rwol tal-Parlament meta mqabbel mal-Kummissjoni.
Din ir-rakkomandazzjoni kellha bħala mira li ssir ir-rabta bejn il-voti taċ-ċittadini tal-UE għall-membri prospettivi tal-Parlament Ewropew u l-kandidat tal-partit tagħhom għal President tal-Kummissjoni viżibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħeġġet lill-partiti politiċi nazzjonali jużaw ix-xandiriet politiċi tagħhom biex jippromwovu l-kandidati prinċipali tagħhom u l-programmi tagħhom. Il-Parlament adotta wkoll riżoluzzjonijiet dwar l-elezzjonijiet tal-2014 għal dan il-għan.
Ħames partiti politiċi Ewropej ipproponew kandidati għall-Presidenza tal-Kummissjoni:
il-Partit Popolari Ewropew (PPE) innomina lil Jean-Claude Juncker;
il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PSE) innomina lil Martin Schulz;
l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE) nnominat lil Guy Verhofstadt;
il-Partit tal-Ħodor Ewropej innomina lil José Bové u lil Franziska Keller; u
l-Partit tax-Xellug Ewropew innomina lil Alexis Tsipras.
Dawn il-partiti nedew kampanji elettorali madwar l-UE u organizzaw avvenimenti pubbliċi madwar l-Ewropa sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kandidati tagħhom u l-programmi politiċi tagħhom għall-Ewropa. Il-kandidati żaru 246 belt madwar l-Istati Membri. It-tabella li ġejja turi lill-Istati Membri li saritilhom żjara:
Barra minn hekk biex jiġu mobilizzati b’dan il-mod fil-prattika, il-kandidati prinċipali ħadu sehem f’għaxar dibattiti televiżivi fi Stati Membri differenti u b'lingwi differenti, jaqsmu l-viżjoni tagħhom għall-futur tal-Ewropa u dwar kwistjonijiet, bħalma huma l-impjiegi u t-tkabbir, li huma partikolarment importanti għall-votanti.
Id-dibattiti rċevew kopertura wiesgħa madwar l-UE. B’mod partikolari, l-aħħar dibattitu bejn il-kandidati prinċipali fil-15 ta’ Mejju kien imxandar f'diretta fi 28 pajjiż, minn mill-inqas 152 mezzi tal-midja (inklużi 55 stazzjonijiet tat-televixin u 88 sit elettroniku) u ġġenera volumi kbar ta’ traffiku tal-midja soċjali.
15 % ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ post-elettorali li jkopru 15-il pajjiż tal-UE qalu li huma kienu segwew mill-inqas wieħed mid-dibattiti televiżivi.
2.2.
Aktar rabta viżibbli bejn il-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej
Billi l-partiti politiċi Ewropej huma fl-aħjar pożizzjoni biex “jikkontribwixxu għall-formazzjoni tas-sensibilizzazzjoni politika Ewropea u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”, il-Kummissjoni għamlet żewġ rakkomandazzjonijiet, li ġew milqugħa b’mod ġenerali mill-Istati Membri u l-partiti politiċi Ewropej, sabiex ir-rabtiet bejn il-familji politiċi fuq livell Ewropew u nazzjonali jsiru aktar viżibbli:
(i)
L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw fis-sistema elettorali tagħhom, l-għoti ta’ informazzjoni dwar affiljazzjonijiet bejn il-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej, inkluż billi jippermettu li dawn jiġu indikati fuq karti tal-vot; u
(ii)
il-partiti politiċi nazzjonali għandhom jirrendu pubblika l-affiljazzjoni tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej qabel l-elezzjonijiet u juruha b’mod prominenti fil-materjal tal-kampanja, il-komunikazzjonijiet u x-xandiriet politiċi kollha.
Fir-rigward tal-ewwel rakkomandazzjoni (i), 16-il Stat Membru indikaw li kien ħadu miżuri biex jinformaw lill-partiti politiċi nazzjonali bir-rakkomandazzjoni li għandhom jirrendu pubblika l-affiljazzjoni tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej. Din prinċipalment involviet l-awtoritajiet sabiex jikkomunikaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-partiti politiċi. F’xi każijiet, saru sforzi aktar intensivi. Fil-Greċja, l-awtoritajiet nazzjonali organizzaw laqgħa fil-parlament nazzjonali sabiex jinfurmaw lill-partiti dwar ir-Rakkomandazzjoni. Fl-Italja u l-Finlandja, il-linji gwida nħarġu biex il-partiti nazzjonali jsiru konxji tar-Rakkomandazzjoni u jħeġġuhom biex isegwuha.
Disa’ Stati Membri ippermettew lill-partiti nazzjonali li jindikaw l-affiljazzjoni tagħhom mal-partiti Ewropej fuq il-karti tal-vot, billi jintroduċu liġijiet (jekk tali liġi ma kinitx diġà fis-seħħ) li tippermetti li l-isem jew il-logo tal-partit Ewropew sabiex jiġi inkluż fuq il-karta tal-vot.
Sitt Stati Membri indikaw li ma ħadu ebda azzjoni bħal din, minħabba li kkunsidraw li l-għoti ta’ informazzjoni lill-elettorat kienet kwistjoni għall-partiti politiċi jew inkella minħabba li l-azzjoni mill-awtoritajiet tkun tikkostitwixxi interferenza ipprojbita mil-liġi elettorali tagħhom.
F’dak li jirrigwarda t-tieni rakkomandazzjoni (ii), il-partiti politiċi nazzjonali ħadu diversi miżuri biex jippubbliċizzaw l-affiljazzjoni tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej. L-istampa globali li tirriżulta minn riċerka li tinvolvi kampjun ta’ aktar minn 500 partit nazzjonali affiljat ma’ partiti Ewropej huwa kif ġej:
Il-biċċa l-kbira tal-partiti nazzjonali fil-kampjun għamlu l-affiljazzjoni tagħhom viżibbli b’mod limitat biss, jiġifieri essenzjalment fil-materjal elettorali stampat tagħhom. Dan kien ifisser li affiljazzjoni kienet aktar viżibbli għal ċittadini infurmati aħjar milli għall-pubbliku ġenerali;
Ir-riċerka identifikat għadd żgħir biss ta’ partiti li ħadu azzjoni komprensiva, billi semmew l-affiljazzjoni tagħhom ma’ partiti Ewropej kemm f’materjal miktub, bħal manifesti, posters, siti elettroniċi u l-midja soċjali, u f’diskorsi, dibattiti televiżivi u avvenimenti tal-kampanja;
Ir-riċerka identifikat ukoll li ftit partiti ma ppubbliċizzawx affiljazzjoni ma’ partit politiku Ewropew, minħabba li kienu għadhom iridu jiddeċiedu jekk jaffiljawx ruħhom jew minħabba li kienu ddeċidew li ma jaffiljawx ruħhom.
Ir-rakkomandazzjoni li l-affiljazzjoni ma’ partiti Ewropej tkun tidher fuq il-karti tal-vot ġiet segwita biss b’mod eċċezzjonali, anki fl-Istati Membri fejn dan kien possibbli.
3.
Enfasi akbar fuq kwistjonijiet tal-UE
Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Parlament ħadu miżuri qabel u matul il-kampanja elettorali biex iqajjmu l-kuxjenza taċ-ċittadini dwar kif l-elezzjonijiet jkollhom impatt fuq ħajjithom. Saru sforzi sabiex jenfasizzaw ir-rilevanza ta’ kwistjonijiet tal-UE, li inkella kienu jingħataw inqas importanza minn suġġetti nazzjonali u lokali fid-dibattiti fl-Istati Membri. Il-perċentwal ta' ċittadini tal-UE li qalu li kellhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jivvutaw żdied xi ftit meta mqabbel ma' dak fl-2009 (57 %, meta mqabbla ma’ 53 % fl-2009).
3.1.
Id-Djalogi taċ-Ċittadini
Matul l-2013 u l-2014, il-Membri tal-Kummissjoni, flimkien ma’ politiċi nazzjonali u lokali u Membri tal-Parlament Ewropew, ipparteċipaw f'51 djalogu pubbliku fi stil tal-kunsilli lokali ma' ċittadini madwar l-Ewropa kollha dwar l-aspettattivi tagħhom għall-ġejjieni tal-Ewropa u x’inhu meħtieġ biex jissaħħu l-istrutturi demokratiċi tal-Unjoni.
Id-Djalogi taċ-Ċittadini enfasizzaw id-dimensjoni Ewropea ta’ problemi lokali u d-dimensjoni lokali ta' kwistjonijiet ta’ politika Ewropea, u kif l-elezzjonijiet Ewropej jinfluwenzaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. 87 % tal-parteċipanti qalu li se jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej.
3.2.
Il-finanzjament tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għamlet użu mill-għodda ta' finanzjament għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa s-soċjetà ċivili u proġetti ta’ ġemellaġġ bejn l-ibliet bil-għan li tippromwovi l-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini tal-UE. Il-Programm tal-Ewropa għaċ-Ċittadini u l-programm tad-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza ffinanzjaw diversi proġetti li jqajmu kuxjenza u li jfittxu li jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-UE.
3.3.
Il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew
Fil-11 ta’ Settembru 2013, il-Parlament Ewropew nieda kampanja ta’ informazzjoni intitolata Aġixxi. Irreaġixxi. Iddeċiedi. Wieħed mill-għanijiet prinċipali kien li jiġi ġġenerat dibattitu ffukat fuq l-UE dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-UE kollha, bħalma huma l-ekonomija, l-impjiegi, il-kwalità tal-ħajja u r-rwol tal-UE fid-dinja.
Din il-kampanja kellha impatt sinifikanti fil-midja. Is-sit elettroniku tal-Parlament iddedikat għall-elezzjonijiet kienu żaruh 7.1 miljun darba bejn Diċembru 2013 u Mejju 2014. Inħareġ vidjo tal-elezzjonijiet Ewropej b'34 lingwa u mxandar 'il fuq minn 7 400 darba fuq 173 stazzjon televiżiv. Kien hemm 11-il miljun viżta onlajn. Madwar wieħed minn kull ħames votant Ewropew intlaħaq permezz ta’ Facebook. Il-messaġġ “Jien ivvutajt” fuq Facebook kien kondiviż aktar minn 2.7 miljun darba u rawh kważi 90 miljun persuna.
Barra minn hekk, il-Parlament organizza konferenzi ReACT f’Pariġi, fi Frankfurt, f'Varsavja, f'Ruma u f’Madrid bil-parteċipazzjoni ta' ċittadini, esperti u politiċi Ewropej. Matul dawn l-avvenimenti, iċ-ċittadini tal-UE setgħu jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet ewlenin li tqajjmu fil-kampanja.
3.4.
Jum ta’ votazzjoni komuni
Sabiex iżżid is-sens tal-votanti li huma involuti fi sforz Ewropew komuni, il-Kummissjoni kienet ħeġġet lill-Istati Membri biex jaqblu fuq jum ta’ votazzjoni komuni għall-elezzjonijiet Ewropej, b’postijiet tal-votazzjoni li jagħlqu fl-istess ħin.
F’dan ir-rigward, ma kien hemm ebda bidla meta mqabbla ma’ elezzjonijiet preċedenti. F’21-il Stat Membru, l-elezzjonijiet saru fil-25 ta’ Mejju u f’seba' Stat Membri saru bejn it-22 u l-24 ta’ Mejju. L-Istati Membri kollha ħabbru r-riżultati tagħhom madwar l-istess żmien, matul filgħaxija tal-25 ta’ Mejju, meta l-votazzjonijiet kienu għalqu madwar l-Ewropa.
4.
Parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet
4.1.
Attendenza ġenerali
Sa mill-ewwel elezzjonijiet diretti fl-1979, l-għadd ta’ votanti fl-elezzjonijiet Ewropej kien naqas b’mod konsistenti minn 61.99 % fl-1979 għal 42.97 % fl-2009. Madankollu, il-parteċipazzjoni ġenerali fl-elezzjonijiet tal-2014 kienet biss ftit iktar baxxa minn dik tal-2009, billi naqset b' 0.36 % (għal 42.61 %), meta mqabbel mat-tnaqqis ikbar ta’ 2.5 % bejn l-2004 u l-2009 u ta' 4 % bejn l-1999 u l-2004. B’hekk, ix-xejra 'l isfel tnaqset b’mod sinifikanti. Bħala paragun, l-għadd ta’ votanti fl-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti kien ta’ 57.1 % fl-2008 u 54.9 % fl-2012.
It-tabella li ġejja turi l-parteċipazzjoni globali f’elezzjonijiet Ewropej suċċessivi tal-UE:
L-għadd ta’ votanti kien ivarja b’mod sinifikanti fost it-28 Stat Membru. Kien għoli daqs 89.64 % fil-Belġju, 59.97 % fil-Greċja (il-votazzjoni hija obbligatorja fiż-żewġ pajjiżi) u 57.22 % fl-Italja, iżda konsiderevolment iktar baxxa f’pajjiżi oħra, bħar-Repubblika Ċeka (18.20 %) u s-Slovakkja (13.05 %).
It-tabella li ġejja turi l-għadd ta’ votanti għall-elezzjonijiet Ewropej fl-2009 u l-2014 fl-UE u skont l-Istati Membri:
L-għadd ta’ votanti kien ogħla fost l-irġiel milli n-nisa (45 % u 41 % rispettivament), u din id-differenza tikber xi ftit meta mqabbla mal-2009 (44 % kontra 42 %).
Iż-żgħażagħ kienu l-akbar grupp ta’ astinenti: 27.8 % biss ta’ dawk minn 18 sa 24 sena vvutaw, meta mqabbla ma’ 51.3 % fil-grupp ta’ età ta’ 55 sena 'l fuq.
It-tabella ta’ hawn taħt tqabbel il-perċentwali ta’ żgħażagħ (b'età bejn it-18 u l-24) li vvutaw f’kull Stat Membru:
Rapport li jivvaluta l-proġett Erasmus sab korrelazzjoni qawwija bejn esperjenza ta’ studju barra mill-pajjiż u l-imġiba ta' vvutar fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014: L-alumni tal-Erasmus kienu iktar probabbli li joħorġu jivvutaw – 81 % ta’ dawk li wieġbu qalu li kienu għamlu dan.
Dawk li wieġbu għall-istħarriġ postelettorali tal-Parlament qalu li r-raġuni ewlenija li vvutaw kien li dejjem jivvutaw (41 %), "id-dmir tagħhom bħala ċittadini" (41 %) jew "biex jappoġġaw partit politiku li nħossni qribu" (22 %). Dawn it-tliet fatturi kienu msemmija wkoll: “Jiena favur l-UE” (14 %), “jien inħossni Ewropew/ja (13 %) u “jien nista’ nbiddel l-affarijiet billi nivvota fl-elezzjonijiet Ewropej” (12 %). 5 % indikaw li vvutaw biex jinfluwenzaw l-għażla ta’ President tal-Kummissjoni.
Fir-rigward ta’ raġunijiet għala ma vvutawx, l-iktar tweġibiet popolari kienu “nuqqas ta’ fiduċja fil-politika b’mod ġenerali” (23 %), “mhux interessat/a fil-politika” (19 %) u “l-vot tiegħi ma għandux konsegwenzi” (14 %). 7 % semmew il-fatt li “ma tantx jafu dwar l-UE jew il-Parlament Ewropew jew l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew”. Il-perċentwal ta’ astinenti li rreferew għaż-żewġ tipi ta’ raġunijiet, jiġifieri l-perċezzjoni li billi jivvutaw mhu se jinbidel xejn u nuqqas ta’ għarfien dwar l-UE jew l-elezzjonijiet Ewropej, naqas meta mqabbel mal-elezzjonijiet preċedenti. Barra minn hekk, l-għadd ta’ ċittadini li astjenew minħabba nuqqas ta’ dibattitu pubbliku jew ta' kampanji elettorali naqas bin-nofs. Id-deċiżjoni aħħarija dwar jekk tivvutax jew tastjenix tradizzjonalment tiddependi fuq firxa sħiħa ta’ fatturi, li wħud minnhom huma personali u bla rabta mal-kwalità tal-kampanja jew il-perċezzjonijiet tal-elezzjonijiet Ewropej.
F’pajjiżi fejn l-elezzjonijiet Ewropej saru simultanjament mal-elezzjonijiet oħrajn nazzjonali jew madwar in-nazzjon kollu (il-Belġju, il-Litwanja, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, Malta u r-Renju Unit), l-ammont ta’ votanti kien ogħla minn f'postijiet oħra, iżda d-dibattitu politiku kien itendi li jkun iddominat minn suġġetti nazzjonali. Fil-Litwanja, l-elezzjonijiet Ewropej saru fl-istess jum mal-elezzjonijiet presidenzjali u n-nies li vvutaw żdied għal 47 %, minn 21 % biss fl-2009.
4.2.
Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom
Iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhux tagħhom (ċittadini mobbli tal-UE) għandhom id-dritt li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej fl-Istat Membru ospitanti skont l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt, stabbilit fl-Artikolu 22 tat-TFUE u l-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, jingħata effett konkret fid-Direttiva 93/109/KE.
Numru relattivament baxx ta’ ċittadini mobbli tal-UE għamlu użu mid-dritt tagħhom li jivvutaw fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Ir-rati tal-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tiġi influwenzata mill-fatt li dawn ikollhom jagħżlu jekk jivvutawx fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom jew fl-Istat Membru li fih ikunu marru jgħixu (jiġifieri għal settijiet differenti ta’ kandidati). Stħarriġ tal-2012 tal-Eurobarometer wera li n-nies huma maqsumin f'dak li jirrigwarda l-kandidati u l-listi li jippreferu jivvutaw għalihom fl-elezzjonijiet Ewropej. Madwar 48 % qalu li, jekk ikunu qed jgħixu fi Stat Membru differenti minn tagħhom, jippreferu li jivvutaw hemmhekk, filwaqt li 42 % xorta jippreferu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.
It-tabella li ġejja tiddeskrivi l-proporzjon ta’ ċittadini tal-UE li joqogħdu f'pajjiż li mhumiex ċittadini tiegħu (li huma ċittadini mobbli tal-UE) irreġistrati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej fl-2009 u l-2014 fl-UE u skont l-Istat Membru:
Filwaqt li għadu baxx, l-għadd ta’ ċittadini mobbli tal-UE li ħarġu bħala kandidati fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom aktar milli rdoppja, minn 81 fl-2009 għal 170 fl-2014. Dan jista’ jiġi attribwit għall-proċeduri ssimplifikati ġodda mdaħħla permezz tad-Direttiva 2013/1/UE, li jfisser li l-kandidati m’għadx għandhom jagħtu prova li ma ġewx imċaħħda mid-drittijiet elettorali tagħhom fl-Istat Membru tagħhom, iżda għandhom biss jagħmlu dikjarazzjoni għal dak l-għan, biex jiġi vverifikat mill-awtoritajiet fl-Istat Membru ospitanti.
4.3.
Sensibilizzazzjoni u impenn taċ-ċittadini tal-UE
L-Istati Membri ħadu approċċi differenti għall-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tagħhom: uħud wettqu kampanji ġenerali, li jkopru l-elettorat kollu, filwaqt li oħrajn immiraw speċifikament lejn ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra li jgħixu fit-territorju tagħhom.
Tiżdied il-parteċipazzjoni ta' votanti non-nazzjonali tal-UE – eżempji tal-aħjar prattika
Ittri individwali lil ċittadini non-nazzjonali tal-UE li laħqu l-età tal-vot, bi spjegazzjonijiet dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot tagħhom u l-formola ta' reġistrazzjoni, kienu mibgħuta f’diversi lingwi tal-UE fil-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Iżvezja.
Fil-Greċja, applikazzjoni speċjali kienet imwaqqfa fuq is-sit elettroniku tal-ministeru li bih ċittadini nonnazzjonali tal-UE setgħu jsibu d-dħul tagħhom fir-reġistru elettorali speċjali u fil-postijiet tal-votazzjoni fejn setgħu jivvutaw.
|
Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu involuti b’mod attiv fi sforzi biex jiġu mmobilizzati votanti, pereżempju, infurmaw liċ-ċittadini bl-importanza u l-benefiċċju tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej, irrendu disponibbli għodod elettroniċi biex jgħinu lill-votanti jagħżlu kandidat li jaqbel mal-preferenzi tagħhom jew ħadmu lejn politiki aktar inklużivi sabiex jiżguraw aċċess għall-persuni b’diżabilitajiet.
Eżempji ta’ proġetti ta’ NGOs iffinanzjati mill-Programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini
Jippermettu liċ-ċittadini tal-UE biex jirriflettu dwar, jiddiskutu, jiskambjaw dwar kwistjonijiet Ewropej, inklużi mal-kandidati, u jagħmlu għażla infurmata fl-elezzjonijiet:
JoiEU: Azzjoni Konġunta ta' Ċittadini għal Unjoni Iktar b'Saħħitha li Tappoġġja liċ-Ċittadini (servizz ta' Azzjoni taċ-Ċittadin Ewropew - ECAS)
Il-Karavannijiet Transeuropa fl-2014: involviment ta' ċittadini transnazzjonali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (European Alternatives)
L-Inkoraġġiment ta' Żgħażagħ Ewropej biex Jivvutaw 'il Barra id-Defiċit Demokratiku tal-UE (International Management Institute - [Istitut ta' Maniġment Internazzjonali]).
|
Fir-rigward speċifiku ta' ċittadini mobbli tal-UE, diversi NGOs wettqu kampanji biex jimmobilizzawhom u ġeneralment jissensibilizzawhom dwar id-drittijiet elettorali tagħhom. Proġetti oħra ffokaw fuq l-inkoraġġiment tan-nisa madwar l-UE biex jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej.
Eżempji ta’ proġetti ta’ NGOs iffinanzjati mill-Programm dwar id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza
Il-kampanji li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni minn ċittadini mobbli tal-UE:
L-azzjoni meħuda tinkludi ħidma mal-assoċjazzjonijiet, proġetti ta’ sensibilizzazzjoni, l-iżvilupp ta’ strumenti ta’ taħriġ u appoġġ fl-ikkompletar ta' formalitajiet ta’ votazzjoni.
“Operazzjoni Vot” (Cooperazione per lo Sviluppo dei paesi – COSPE);
“Aċċess għal drittijiet & djalogu ċivili għal KULĦADD” (Pour la Solidarité);
“Iċ-ċittadini kollha issa” (Università ta’ Chieti-Pescara).
Il-politiċi u l-votanti kienu jistgħu jinteraġixxu direttament, minħabba ż-żieda tal-attività tal-midja soċjali dwar l-elezzjonijiet, il-kandidati prinċipali u l-programmi tagħhom. L-analiżi tal-kampanji diġitali #EP2014 u #EU14 segwiet madwar tliet miljun tweet dwar l-elezzjonijiet. Aktar minn miljun intbagħtu fil-ġimgħa tal-elezzjoni nfisha. Użu akbar tal-midja soċjali pprovdiet lill-kandidati b’mezz addizzjonali sabiex jintlaħqu ċ-ċittadini u ta lill-votanti opportunità ikbar biex jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fid-dibattitu, milli sempliċiment jitfgħu l-vot tagħhom.
5.
L-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE u r-rispett ta’ prinċipji komuni
5.1
L-infurzar tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom
Id-dritt ta’ ċittadini mobbli tal-UE li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom
Il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju komprensiv qabel l-elezzjonijiet biex tiżgura traspożizzjoni korretta u kompleta u l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/109/KE sabiex jiġu eliminati l-ostakli possibbli għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-UE u, b’mod partikolari, biex jiġi żgurat li l-liġijiet nazzjonali ma jimponu ebda rekwiżiti addizzjonali fuq iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra. Sa Mejju 2014, il-kwistjonijiet kollha ta’ traspożizzjoni li l-Kummissjoni kienet identifikat qabel l-elezzjonijiet ġew indirizzati b’suċċess u l-leġiżlazzjoni nazzjonali emendata fejn meħtieġ.
Minn dak iż-żmien’l hawn, il-Kummissjoni kienet fi djalogu mal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar għadd ta’ kwistjonijiet irrappurtati minn ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit li riedu jirreġistraw biex jivvutaw hemmhekk. Fl-14 ta’ Novembru 2014, il-House of Commons ippubblikat rapport li ħa nota tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni Elettorali tar-Renju Unit rigward l-ostakli speċifiċi li ċ-ċittadini tal-UE jħabbtu wiċċhom magħhom biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet. Ir-rapport irrakkomanda s-simplifikazzjoni tas-sistema u l-organizzazzjoni ta’ kampanja biex tinforma liċ-ċittadini tal-UE bil-kundizzjonijiet rilevanti u l-arranġamenti tar-reġistrazzjoni .
Kważi l-kwistjonijiet kollha relatati mad-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/1/UE dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ ċittadini mobbli tal-UE li joħorġu bħala kandidati ġew solvuti b’suċċess qabel l-elezzjonijiet. Il-Kummissjoni qed issegwi djalogi bilaterali ma’ ċerti Stati Membri dwar għadd ta’ kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni mhux korretta jew mhux kompluta tad-Direttiva.
Id-dritt biex jistabilixxu jew jsiru membri ta’ partiti politiċi
Sar djalogubi 11-il Stat Membru li ma ppermettewx li persuni li mhumiex ċittadini tal-UE jistabbilixxu jew isiru membri ta’ partiti politiċi sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet skont l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
Instabet soluzzjoni f’ħames każijiet: f’żewġ każijiet, il-liġi nazzjonali ġiet emendata u fit-tlieta l-oħra s-sitwazzjoni ġiet iċċarata. Tliet Stati Membri oħra ħabbru bidla leġiżlattiva futura. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni fit-tliet każijiet li baqa'.
5.2.
L-Iżgurar tar-rispett tal-prinċipji komuni tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
Meta jkunu qed jorganizzaw l-elezzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ċerti prinċipji komuni minquxa fil-liġi tal-UE:
L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu ħielsa, sigrieta u b’vot dirett universali
Sabiex jiġi ssalvagwardjat element ewlieni tal-prinċipju ta’ vot liberu, il-liġi tal-UE tipprojbixxi l-pubblikazzjoni tar-riżultati f'kull Stat Membru qabel ma l-votazzjoni tkun għalqet fl-Istati kollha. Dan huwa sabiex dawk li għadhom iridu jivvutaw ma jiġux influwenzati minn riżultati fi Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni indirizzat b’suċċess din il-kwistjoni mal-Istati Membri qabel l-elezzjonijiet biex jiżguraw konformità ma’ dan il-prinċipju fl-UE kollha.
Ħadd ma jista’ jivvota iktar minn darba fl-istess elezzjoni
(i)
Il-każ ta’ ċittadini mobbli tal-UE
Sabiex jiġi evitat li ċittadini mobbli tal-UE jivvutaw kemm fl-Istat Membru ta’ residenza u fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, dawk li jirreġistraw għall-vot fl-istat ta' residenza ikollhom isimhom mħassar mir-reġistru elettorali fl-istat ta' oriġini.
Id-Direttiva 93/109/KE tistabbilixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni tal-votanti tal-UE għal dan l-għan. Biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet marbuta mat-tħaddim tal-mekkaniżmu, b’mod partikolari l-piż amministrattiv kbir fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-Kummissjoni rrakkomandat għadd ta’ miżuri, inkluż l-istabbiliment ta’ awtorità ta’ kuntatt unika f’kull Stat Membru biex tinnotifika l-informazzjoni personali tal-votanti tal-UE u l-użu ta’ għodod komuni tal-informatika għat-trażmissjoni tal-informazzjoni.
Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri laqgħu r-rakkomandazzjonijiet u rrappurtaw li l-miżuri kellhom impatt pożittiv sinifikanti f’termini ta’ tnaqqis tal-burokrazija bħala riżultat tal-informazzjoni tal-votanti li, f’ħafna każijiet, ma baqgħetx tiġi riċevuta minn diversi korpi elettorali deċentralizzati. Xi Stati Membri ssuġġerew li n-nuqqas ta’ kalendarji elettorali u metodi armonizzati sabiex jiġu identifikati l-votanti kien ifisser li l-mekkaniżmu ma kienx effiċjenti kemm seta' kien. Stat Membru wieħed qies il-mekkaniżmu bħala sproporzjonat meta wieħed iqis id-daqs tal-problema ta' vvutar doppju. Il-Kummissjoni se tkompli, flimkien mal-Istati Membri, biex tesplora modi kif tista’ tittejjeb aktar l-effiċjenza tal-mekkaniżmi li jipprevjenu l-votazzjoni doppja.
(ii)
Ċittadini tal-UE b’ċittadinanzi multipli
Kien hemm kopertura wiesgħa mill-midja tal-każ ta’ ċittadin Ġermaniż li kellu wkoll ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor u kien f’pożizzjoni li jivvota darbtejn.
Filwaqt li ħadd ma jista’ jivvota iktar minn darba f'kull elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew, il-mekkaniżmu tad-Direttiva 93/109/KE għall-prevenzjoni ta’ votazzjoni doppja, min-natura tiegħu, ma jistax jiġi applikat għal ċittadini b'ċittadinanza doppja jew multipla. Peress li l-Istati Membri normalment ma jkunux jafu liem miċ-ċittadini tagħhom għandhom ukoll ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, ċittadini li jkollhom ċittadinanza doppja jistgħu jirreġistraw f’żewġ Stati Membri. Minkejja dan, l-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ sanzjonijiet kontra l-votazzjoni doppja. L-inċident inkwistjoni juri l-ħtieġa għall-Istati Membri biex jissensibilizzaw lin-nies aktar dwar il-projbizzjoni ta’ votazzjoni doppja u s-sanzjonijiet applikabbli.
6.
Konklużjoni
L-element ġdid ewlieni fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 kien il-konnessjoni diretta bejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet fil-Parlament Ewropew u l-għażla tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, kif previst fit-Trattat ta’ Lisbona. Din il-konnessjoni diretta tfisser li l-kandidati għal President tal-Kummissjoni Ewropea (“kandidati prinċipali”) bi programmi politiċi differenti ġew innominati minn partiti politiċi Ewropej u ħadu sehem f’kampanja elettorali pan-Ewropea.
Skont din is-sistema ġdida, il-votanti jistgħu aktar faċilment jagħmlu konnessjoni bejn vot mitfugħ għal partit nazzjonali u l-impatt ta’ dan il-vot dwar id-direzzjoni politika tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin. Din ippermettiet lill-votanti biex jagħmlu għażla infurmata bejn il-pjattaformi politiċi alternattivi għall-Ewropa, aktar milli fuq kwistjonijiet politiċi esklussivament nazzjonali. Injettat element akbar ta’ informazzjoni u għażla fl-elezzjoni, irrinfurzat il-leġittimità demokratika tal-Kummissjoni Ewropea, u għandha l-potenzjal li ssaħħaħ l-interess pubbliku u ssaħħaħ ir-responsabbiltà fil-futur.
Il-kandidati prinċipali ħadu sehem f’avvenimenti u dibattiti politiċi mill-Unjoni Ewropea kollha b’kopertura wiesgħa mill-midja li kienu mmirati lejn il-familjarizzazzjoni taċ-ċittadini ma’ kwistjonijiet Ewropej li għandhom impatt dirett fuq ħajjithom, b’hekk “ewropizzat” l-elezzjonijiet.
L-użu tal-midja soċjali interattiva bħala għodod fil-kampanja elettorali għamluha eħfef minn qabel għall-votanti biex jinvolvu ruħhom direttament fil-kampanja. Il-kampanji fuq il-mezzi tax-xandir soċjali ta’ partiti politiċi differenti laħqu mijiet ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej.
Id-Direttiva 2013/1/UE żgurat li ċittadini mobbli tal-UE jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet politiċi tagħhom b’mod aktar effettiv b’anqas piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet nazzjonali. Bħala gwardjana tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha rwol ta’ infurzar fil-ħarsien għaċ-ċittadini mobbli tal-UE tad-dritt li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati Ewropej u tal-promozzjoni ta’ skambji tal-aħjar prattika li tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.
Hemm bżonn li naġixxu mhux biss ftit qabel il-bidu tal-kampanja elettorali iżda wkoll ħafna bil-quddiem; dan jimplika l-ħtieġa għal riflessjoni dwar kif jinżamm interess kontinwu fil-politika tal-UE u jiżdied l-għarfien tal-impatt dirett tal-elezzjonijiet Ewropej fuq il-ħajja taċ-ċittadini.
Meta wieħed iħares 'il quddiem lejn l-elezzjonijiet tal-2019, huwa importanti li jiġu identifikati modi kif tissaħħaħ aktar id-dimensjoni Ewropea u l-leġittimità demokratika tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, u li jkomplu jiġu eżaminati, u jitfittex li jiġu indirizzati, ir-raġunijiet għal rata persistentement baxxa ta’ votanti f’xi Stati Membri.
Dan juri li hemm bżonn li jiġu identifikati modi ulterjuri biex titrawwem il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet li jmiss, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ f’waqtu għal sensibilizzazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ kampanji.
Djalogu mal-partijiet interessati kollha jista’ jkun mod wieħed kif jittieħed vantaġġ sħiħ mill-karatteristiċi ġodda tal-elezzjonijiet introdotti fl-2014, eż. bini fuq il-kunċett ta’ kandidati ewlenin biex jippromwovu responsabbiltà politika.
Fattur wieħed fit-titjib ta’ responsabbiltà politika huwa l-enfasi ta' affiljazzjonijiet bejn il-partiti nazzjonali u dawk Ewropej. Dan jista’ jiġi segwit f’diskussjonijiet mal-Istati Membri, il-partiti politiċi u l-Parlament Ewropew.
Id-djalogi taċ-Ċittadini u l-parteċipazzjoni ta' ċittadini f’avvenimenti tal-kampanja ta' partiti Ewropej u d-diskussjonijiet onlajn juru li hemm domanda qawwija fost iċ-ċittadini tal-UE għal aktar interazzjoni ma’ politiċi tal-UE, nazzjonali u lokali dwar kwistjonijiet li huma ta’ importanza għalihom. Din il-forma ta’ skambju għandha potenzjal reali biex issir proġett Ewropew fit-tul, kif muri mill-fatt li, f’bosta Stati Membri, wasslet għall-ħolqien ta’ netwerks informali u inizjattivi li jżommu d-dibattitu ħaj. L-appoġġ akbar tad-Djalogi taċ-Ċittadini jista’ ikun mezz ta' inkoraġġiment taċ-ċittadini biex ikollhom rwol aktar attiv fil-politika Ewropea matul il-mandat tal-Kummissjoni. It-trawwim ta’ dibattitu madwar l-Ewropa kollha u l-bini fuq l-elementi ġodda tal-elezzjonijiet tal-2014 jistgħu jitqiesu bħala direttament f’konformità mal-enfasi tal-President Juncker dwar Unjoni ta’ Tibdil Demokratiku fil-Linji Gwida Politiċi.