Strasburgu, 28.4.2015

COM(2015) 185 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà


L-Unjoni Ewropea taħdem biex tiżgura li n-nies jgħixu f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mingħajr fruntieri interni. Hemm bżonn li l-Ewropej iħossuhom kunfidenti li, kull fejn imorru fl-Ewropa, il-libertà u s-sigurtà tagħhom ikunu protetti sew, f’konformità sħiħa mal-valuri, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni.

F’dawn l-aħħar snin tfaċċaw theddidiet ġodda u kumplessi li jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar sinerġiji u koperazzjoni aktar mill-qrib fil-livelli kollha. Ħafna mill-problemi marbuta mas-sigurtà tal-lum joriġinaw mill-instabilità fil-viċinat immedjat tal-UE u l-forom li jinbidlu tar-radikalizzazzjoni, il-vjolenza u t-terroriżmu. It-theddidiet qed isiru aktar varjati u aktar internazzjonali, kif ukoll dejjem aktar transfruntiera u transsettorjali fin-natura tagħhom.

Dan it-theddid jitlob reazzjoni effettiva u kkoordinata fil-livell Ewropew. L-istituzzjonijiet kollha tal-UE qablu li neħtieġu Strateġija ta’ Sigurtà Interna mġedda għall-ħames snin li ġejjin 1 .

Biex jintlaħaq dan l-għan, din l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tistabbilixxi kif l-Unjoni tista’ ġġib valur miżjud biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżgurar tas-sigurtà. Kif qal il-President Jean-Claude Juncker fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu, "Il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu transfruntiera hija responsabbiltà komuni Ewropea". 2 L-Istati Membri għandhom l-ewwel responsabbiltà għas-sigurtà, iżda ma jistgħux jirnexxu aktar waħedhom. Filwaqt li jirrispettaw ir-responsabbiltajiet nazzjonali għas-salvagwardja tal-liġi u l-ħarsien tas-sigurtà interna, l-atturi rilevanti kollha tal-UE u dawk nazzjonali jeħtieġ li jaħdmu aħjar flimkien biex jindirizzaw it-theddidiet transfruntiera. L-Aġenda Ewropea dwar is-sigurtà għandha għalhekk tkun aġenda kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Ir-riżultat għandu jkun żona tal-UE ta' sigurtà interna fejn l-individwi huma protetti f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali.

Din l-Aġenda se tixpruna skambju aħjar ta’ informazzjoni, aktar kooperazzjoni operattiva u fiduċja reċiproka, fuq il-bażi tal-firxa sħiħa ta’ politiki u għodod tal-UE. Se tiżgura li d-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà jaħdmu id f’id. Filwaqt li l-UE għandha tibqa’ viġilanti għal theddid emerġenti ieħor li jista' jirrikjedi wkoll rispons koordinat tal-UE, l-aġenda tagħti prijorità lit-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità bħala oqsma interkonnessi b’dimensjoni transfruntiera b’saħħitha, fejn l-azzjoni tal-UE tista’ tagħmel differenza reali.

1. NAĦDMU AĦJAR FLIMKIEN FUQ IS-SIGURTÀ

L-UE diġà daħħlet fis-seħħ għadd ta’ għodod legali, prattiċi, u ta’ appoġġ biex tirfed żona Ewropea ta’ sigurtà interna. L-għanijiet strateġiċi stabbiliti fl-Istrateġija Interna tas-Sigurtà 2010-2014 jibqgħu validi u għandhom ikomplu jiġu segwiti 3 . It-Trattat ta’ Lisbona poġġa lill-UE f’pożizzjoni tajba biex tirnexxi, billi saħħaħ il-qafas legali tal-UE biex jingħaqdu l-isforzi u tiġi żgurata l-libertà u s-sigurtà, il-moviment liberu intern u reazzjoni effettiva tal-Ewropa għal theddid transfruntiera. It-Trattat saħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-kontroll demokratiku fuq il-politiki tal-Unjoni dwar is-sigurtà interna, u l-Parlament Ewropew sar koleġiżlatur ugwali dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Mill-1 ta’ Diċembru 2014, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali taqa’ fl-ordni legali normali tal-UE. Issa l-kontroll ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-rwol tal-Kummissjoni bħala Gwardjan tat-Trattati japplika bis-sħiħ 4 , u dan se jiżgura li jiġu rispettati d-drittijiet taċ-ċittadini u tiżdied iċ-ċertezza legali u l-fiduċja reċiproka.

Issa wasal iż-żmien li naħdmu aħjar u aktar mill-qrib flimkien. Is-suċċess tal-għodod li l-Unjoni daħħlet fis-seħħ f’dawn l-aħħar snin jiddependi, l-ewwel nett, fuq il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, il-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni effettiva bejn l-atturi kollha involuti: L-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali.

Għal dan l-għan, l-Aġenda tistabbilixxi approċċ kondiviż għall-UE u l-Istati Membri tagħha li huwa komprensiv, orjentat lejn ir-riżultati u realistiku. Biex jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ miżuri eżistenti tal-UE u, fejn meħtieġ, jinħolqu impjiegi ġodda u azzjonijiet komplementari, l-atturi kollha involuti jridu jaħdmu flimkien fuq il-bażi ta' ħames prinċipji ewlenin.

L-ewwel nett, jeħtieġ li niżguraw konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali. Is-sigurtà u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali mhumiex miri kunfliġġenti, iżda għanijiet politiċi konsistenti u kumplimentari 5 . L-approċċ tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-valuri demokratiċi komuni tagħna ta’ soċjetajiet miftuħa, inkluż l-istat tad-dritt, u jrid jirrispetta u jippromwovi d-drittijiet fundamentali, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-miżuri kollha ta' sigurtà jridu jkunu konformi mal-prinċipji ta’ neċessità, proporzjonalità u legalità, b’salvagwardji xierqa biex tiġi żgurata responsabbiltà u rimedju ġudizzjarju 6 . Il-Kummissjoni se tittestja strettament kwalunkwe miżura ta’ sigurtà biex tara li tikkonforma b’mod sħiħ mad-drittijiet fundamentali filwaqt li b’mod effettiv tikseb l-għanijiet tagħha. L-impatt ta’ kwalunkwe inizjattiva pendenti ġdida dwar il-moviment liberu u l-protezzjoni ta’ dejta personali għandu jkun kompletament konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u d-drittijiet fundamentali. Din hija responsabbiltà kondiviża tal-atturi kollha tal-UE u tal-Istati Membri. Korpi tal-UE bħall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta għandhom rwol importanti biex jassistu lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-aġenziji oħra tal-UE fid-difiża u l-promozzjoni tal-valuri tagħna.

It-tieni nett, neħtieġu iktar trasparenza, responsabbiltà u kontroll demokratiku biex jagħtu fiduċja liċ-ċittadini. Il-Parlament Ewropew ħa f’idejh ir-rwol sħiħ tiegħu ta’ koleġiżlatur, li jiżgura sorveljanza demokratika sħiħa. Ir-rwol speċifiku tal-parlamenti nazzjonali fil-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja 7 huwa rifless f’impenn usa’ tal-Kummissjoni għal tiġdid tad-djalogu politiku mal-Parlamenti nazzjonali. Darbtejn fis-sena l-Kummissjoni se taġġorna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll indikaturi ta’ prestazzjoni għall-istrumenti ewlenin tal-UE. Biex tkompli ssaħħaħ it-trasparenza u l-parteċipazzjoni, il-Kummissjoni fl-2015 se twaqqaf Forum Konsultattiv tal-UE dwar is-Sigurtà li jlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-aġenziji tal-UE, u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tal-akkademja u tas-settur privat.

It-tielet, jeħtieġ niżguraw applikazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-istrumenti legali eżistenti tal-UE Waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni se tkun li tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar fiduċja reċiproka, jisfruttaw bis-sħiħ l-għodod eżistenti ewlenin għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jrawmu kooperazzjoni transfruntiera operattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti. Kemm l-evalwazzjoni bejn il-pari kif ukoll il-monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni ta’ miżuri Ewropej għandhom rwol x’jaqdu.

Ir-raba’, neħtieġu aktar rabta bejn l-aġenziji u approċċ transsettorjali. Minħabba ż-żieda fir-rabta bejn tipi differenti ta’ theddid għas-sigurtà, il-politika u l-azzjoni fuq il-post għandhom ikunu kompletament ikkoordinati fost l-aġenziji rilevanti kollha tal-UE, fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni 8 u lil hinn. Dawn l-aġenziji jipprovdu saff speċjalizzati ta’ appoġġ u għarfien espert għall-Istati Membri u l-UE. Huma jiffunzjonaw bħala ċentri ta’ informazzjoni, jgħinu fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ tal-kooperazzjoni operattiva bħal azzjonijiet transfruntieri. Wasal iż-żmien li tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn dawn l-aġenziji. Il-Kummissjoni se tniedi riflessjoni dwar kif jista’ jiġi massimizzat il-kontribut tagħhom permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom, koordinazzjoni mal-Istati Membri, ipprogrammar komprensiv, ippjanar bir-reqqa u mmirar tar-riżorsi.

Azzjonijiet speċifiċi f'firxa wiesgħa ta' politiki tal-UE jikkontribwixxu għall-objettivi ta' sigurtà, inkluż fil-qasam tat-trasport, tal-finanzi, tad-dwana, tal-edukazzjoni, tal-politika ta' sigurtà marittima, tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, tal-enerġija u dak tas-saħħa pubblika. Azzjonijiet bħas-Suq Uniku Diġitali u tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jikkumplimentaw u jsaħħu l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. L-Aġenda tibni wkoll fuq l-istrateġiji settorjali eżistenti li jistgħu jikkontribwixxu – direttament jew indirettament – għal livell għoli ta’ sigurtà 9 .

Din l-Aġenda għandha titqies flimkien mal-Aġenda Ewropea li jmiss dwar il-Migrazzjoni, 10 li ser tindirizza kwistjonijiet li huma direttament rilevanti għas-sigurtà, bħall-kuntrabandu ta’ migranti, it-traffikar tal-bnedmin, tal-koeżjoni soċjali u l-ġestjoni tal-fruntieri.

Il-ħames, jeħtiġilna li nġibu flimkien id-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà. It-theddid għas-sigurtà mhuwiex limitat biss fi ħdan il-fruntieri tal-UE. Is-sigurtà interna tal-UE u s-sigurtà globali huma interdipendenti u interkonnessi. Ir-reazzjoni tal-UE għalhekk għandha tkunu komprensiva u msejsa fuq sett koerenti ta’ azzjonijiet li jiġbru flimkien id-dimensjonijiet interni u esterni, biex insaħħu aktar ir-rabtiet bejn il-Ġustizzja u l-Affarjiet Interni u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni. Is-suċċess tagħha jiddependi ħafna fuq kooperazzjoni ma’ msieħba internazzjonali. L-impenn preventiv ma’ pajjiżi terzi hu meħtieġ sabiex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà.

Għandna nimmassimizzaw il-valur miżjud ta’ djalogi ta’ politika eżistenti dwar is-sigurtà immexxija mill-UE – u ta’ strumenti u attivitajiet finanzjarji tal-UE – ma’ pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat, sħab strateġiċi prinċipali, u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti. Id-djalogi għandhom jitwessgħu sabiex jinkludu prijoritajiet bħal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali u t-terroriżmu, il-kuntrabandu ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin. Dan għandu jwassal għal pjanijiet ta’ azzjoni konġunti speċifiċi ma’ pajjiżi terzi ewlenin u jiġi rifless f’użu mmirat ta’ strumenti finanzjarji tal-UE.

Id-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi huma importanti għad-djalogi dwar is-sigurtà, u għalhekk jirrikjedu għarfien espert u aktar koordinazzjoni lokali. L-użu kontinwu ta’ esperti dwar is-sigurtà fid-Delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u f’pajjiżi mhux tal-UE fil-mira għandu jkun prijorità. Għandna wkoll nesploraw kif nistgħu nagħmlu użu sħiħ mill-għarfien espert ta’ Stat Membru uffiċjali tal-infurzar tal-liġi sekondati lil pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll nikkunsidraw il-fattibbiltà ta’ stazzjonar ta’ uffiċjali ta’ kollegament u ta’ maġistrati tal-aġenziji tal-UE f’pajjiżi terzi ewlenin.

Ftehimiet dwar assistenza legali reċiproka (MLA) ma’ pajjiżi terzi (l-Istati Uniti, il-Ġappun 11 ) huma strumenti ewlienin għal koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, u l-Kummissjoni se tevalwa jekk hemmx il-ħtieġa li jiġu żviluppati ftehimiet bilaterali jew multilaterali oħrajn ma’ pajjiżi terzi ewlenin.

Fl-aħħar, l-Unjoni għandha tkompli tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-NU, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Interpol, u tuża forums multilaterali bħall-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu b’mod aktar attiv biex jiġu promossi l-aħjar prattiċi u jintlaħqu objettivi komuni.

L-aspetti esterni tas-sigurtà se jkunu żviluppati b’mod aktar komprensiv fil-qafas tar-Rieżami Strateġiku li r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni tat bidu għalih, kif ukoll fir-rieżami li qed isir bħalissa tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

2. IT-TISĦIĦ TAL-PILASTRI TAL-AZZJONI TAL-UE 

F’termini operattivi, naħdmu aħjar u aktar mill-qrib flimkien tfisser, qabel kollox, li l-atturi kollha involuti – l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi – jimplimentaw bis-sħiħ l-istrumenti eżistenti. Dan isejjaħ ukoll, fejn meħtieġ, għal għododġodda jew żviluppati aktar biex jimmassimizzaw il-valur miżjud tal-miżuri tal-UE għall-iskambju tal-informazzjoni, kooperazzjoni operattiva u appoġġ ieħor.

2.1    Skambju aħjar ta’ informazzjoni 

L-Unjoni tipprovdi għadd ta’ għodod biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. Għandhom jintużaw bis-sħiħ mill-Istati Membri. Fejn ikun għad hemm lakuni kritiċi, aħna għandna nevalwaw jekk hemmx il-ħtieġa ta’ għodod addizzjonali tal-UE.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hija l-aktar strument użat illum għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jużawha biex jikkonsultaw allerti dwar persuni u oġġetti mfittxija jew neqsin, kemm fl-Unjoni u fil-fruntiera esterna. Is-SIS ġiet aġġornata kmieni fl-2015 biex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar suspettati terroristi u biex issaħħaħ l-isforzi tal-Istati Membri biex jinvalidaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ persuni suspettati li jixtiequ jingħaqdu ma’ gruppi terroristiċi barra mill-UE. Il-Kummissjoni se tħares ukoll lejn possibbiltajiet biex tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-projbizzjonijiet ta’ vvjaġġar stabbiliti fil-livell nazzjonali. Fl-2015-2016, il-Kummissjoni se tevalwa s-SIS biex tqis jekk ħtiġijiet operattivi ġodda jirrikjedux tibdiliet leġiżlattivi, bħall-introduzzjoni ta’ kategoriji addizzjonali biex jiġu skattati l-allerti.

Biex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri esterni, għandu jkun hemm użu aktar sħiħ tas-SIS flimkien mal-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (SLTD). Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri biex jużaw kontrolli awtomatizzati fil-fruntieri b’kontrolli tas-SIS u tas-SLTD, u se tkompli timmonitorja jekk l-Istati Membri jimplimentawx l-obbligu tagħhom li jipprovdu dejta lis-SLTD 12 . Il-Kummissjoni qed taġġorna wkoll il-manwal tagħha għall-gwardji tal-fruntiera biex ikun hemm immirar aħjar tal-kontrolli fil-fruntieri u biex jiġi promoss l-użu sħiħ tas-SIS u tas-SLTD.

L-Istati Membri jerfgħu ir-responsabbiltà tal-Unjoni kollha meta jikkontrollaw il-parti tagħhom tal-fruntieri esterni. Din hija r-raġuni għaliex fit-twettiq ta' kontrolli fuq persuni, il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tal-fruntiera għandha tkun appoġġjata minn indikaturi komuni tar-riskju. Abbażi ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, fl-ewwel nofs tal-2015 il-Kummissjoni se tiffinalizza l-ewwel sett ta’ indikaturi komuni tar-riskju fir-rigward ta' ġellieda terroristi barranin. Il-Europol u l-Frontex se jkollhom rwol ewlieni fil-manutenzjoni futura ta’ dawn l-indikaturi tar-riskju. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-effikaċja tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u teżamina kwalunkwe ħtieġa emerġenti għal titjib.

Standards għoljin komuni ta’ ġestjoni tal-fruntieri, b’rispett sħiħ lejn l-istat tad-dritt u lejn id-drittijiet fundamentali, huma essenzjali wkoll biex wieħed jipprevjeni l-kriminalità u t-terroriżmu transfruntiera. L-Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni ser tindirizza wkoll il-ġestjoni tal-fruntieri. Il-proposta riveduta dwar il-Fruntieri Intelliġenti li l-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta sal-bidu tal-2016 se tgħin biex tiżdied l-effiċjenza u l-effettività.

Miżuri komplementari biex tittejjeb is-sigurtà b’rabta mal-moviment tal-oġġetti jikkontribwixxu wkoll fil-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali fuq il-fruntiera, bħalma huma t-traffikar ta’ armi, drogi illegali u l-kuntrabandu tas-sigaretti jew it-trasferimenti illegali ta’ muniti. Sistema ta’ Tagħrif bil-Quddiem dwar il-Merkanzija Doganali tipprovdi lill-awtoritajiet doganali b’tgħarif bil-quddiem għall-valutazzjoni tar-riskji tas-sigurtà ta’ merkanzija li jaslu fl-UE u li jitilqu minnha. Din is-sistema għandha tkun sfruttata kompletament billi jiġi żgurat l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni bejn id-dwana u ma’ awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi. Is-sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) tipprovdi pjattaforma kruċjali għall-iskambju ta’ informazzjoni kontra l-frodi li tappoġġja l-infurzar tal-liġi doganali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalitŕ transfruntiera 13 .

Il-qafas Prüm 14 huwa eżempju ieħor ta’ għodda għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE li għad irid jintuża fil-potenzjal kollu tiegħu. Jista’ joffri tqabbil awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, dejta dwar il-marki tas-swaba’ u dejta dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi – kollha informazzjoni ewlenija għall-kxif tal-kriminalità u għall-bini ta’ każ effettiv. Is-sistema mhix qed tissodisfa l-potenzjal tagħha stess għax f’dan l-istadju għadd limitat biss ta’ Stati Membri implimentaw l-obbligi legali tagħhom u integraw in-netwerk fis-sistemi tagħhom. Din tfixkel l-effettività kumplessiva tal-qafas Prüm fil-qbid u l-prosekuzzjoni tal-kriminali. L-Istati Membri rċevew appoġġ finanzjarju u tekniku sinifikanti għall-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni se tittratta dan il-qasam bħala prijorità u tuża s-setgħat tagħha sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE.

Tabilħaqq, l-implimentazzjoni legali ta’ strumenti tal-UE fil-livell nazzjonali mhijiex biżżejjed. L-għodod tal-qafas tas-sigurtà tal-UE jiffunzjonaw biss fil-kapaċità sħiħa tagħhom meta l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi huma fiduċjużi fl-istrumenti eżistenti u jaqsmu l-informazzjoni volontarjament. Il-proposta għal bażi legali ġdida għall-Europol 15 , li attwalment qiegħda quddiem il-koleġiżlaturi, tfittex li ttejjeb il-kapaċitajiet analitiċi tal-Europol, tistimula azzjoni operattiva min-naħa tal-Istati Membri, u ssaħħaħ ir-reġim tal-aġenzija dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-Istati Membri għandhom jużaw lill-Europol bħala l-mezz tal-ewwel għażla tagħhom għall-qsim ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi madwar l-UE. L-Applikazzjoni ta’ Netwerk Sikur għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (SIENA) tal-Europol tippermetti lill-Istati Membri biex jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin b’mod mgħaġġel, sigur u faċli għall-utent, mal-Europol, jew ma’ partijiet terzi li jkollhom ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Europol. L-użu attiv ta’ strumenti għall-iskambju ta’ informazzjoni jeħtieġ ukoll l-interfaċċja t-tajba bejn l-għodod tal-UE u s-sistemi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, bħall-Punti Uniċi ta’ Kuntatt. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu strutturi fuq livell nazzjonali biex jintegraw u jikkoordinaw ix-xogħol tal-awtoritajiet rilevanti.

Biex jiġu mfixkla n-netwerks terroristiċi u kriminali huwa essenzjali li jiġu ntraċċati l-movimenti tat-trasgressuri. Issa huwa urġenti li l-koleġiżlaturi jiffinalizzaw il-ħidma tagħhom għat-twaqqif ta’ sistema għall-passiġieri bl-ajru ta’ Reġistru tal-UE tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) li tirrispetta r-rekwiżiti legali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali filwaqt li tipprovdi għodda ġdida effiċjenti fil-livell tal-UE. L-analiżi tal-informazzjoni tal-PNR provduta fiż-żmien tal-ibbukkjar u ċ-check-in tgħin fl-identifikazzjoni ta’ vjaġġaturi b’riskju għoli preċedentement mhux magħrufa mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Id-dejta tal-PNR uriet li hija neċessarja biex jiġu identifikati vjaġġaturi b’riskju għoli fil-kuntest tal-ġlieda kontra terroriżmu, it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tat-tfal u reati serji oħrajn. Ladarba tiġi adottata, id-Direttiva dwar il-PNR se tiżgura kooperazzjoni aħjar bejn is-sistemi nazzjonali u li jitnaqqsu d-distakki ta’ sigurtà bejn l-Istati Membri. Indikaturi komuni tar-riskju għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR se jgħinu biex ma jħallux li l-kriminali jevitaw li jiġu individwati billi jivvjaġġaw minn Stat Membru ieħor. Il-Europol u l-Frontex jista' jkollhom rwol ewlieni fl-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ dawn l-indikaturi tar-riskju abbażi ta’ informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri.

L-UE kkonkludiet ftehimiet dwar il-PNR mal-Istati Uniti, mal-Kanada u mal-Awstralja. Kooperazzjoni bħal din għandha valur miżjud reali fl-identifikazzjoni u l-arrest ta’ ġellieda terroristi barranin, it-traffikanti tad-drogi jew il-vjaġġaturi awturi ta’ reati sesswali. L-approċċ futur tal-Unjoni għall-iskambju ta’ dejta tal-PNR ma’ pajjiżi mhux tal-UE se jqis il-ħtieġa li jiġu applikati standards konsistenti u protezzjonijiet speċifiċi tad-drittijiet fundamentali. Ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun ħarġet l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tal-Ftehim dwar il-PNR mal-Kanada, u abbażi tal-konklużjonijiet tal-Qorti, il-Kummissjoni se tiffinalizza l-ħidma tagħha fuq soluzzjonijiet legalment sodi u sostenibbli għall-iskambju ta’ dejta tal-PNR ma’ pajjiżi terzi oħra , fosthom billi tikkunsidra mudell ta’ ftehim fuq il-PNR li jistabbilixxi r-rekwiżiti li l-pajjiżi terzi jridu jissodisfaw biex jirċievu dejta tal-PNR mill-UE.

Regoli komuni dwar il-protezzjoni tad-dejta se jippermettu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji biex jikkooperaw ma’ xulxin b’mod aktar effettiv, kif ukoll li tinbena l-fiduċja u l-iżgurar taċ-ċertezza legali. Huwa kruċjali li sat-tmiem tal-2015 ikun hemm ftehim dwar ir-riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta kollha kemm hi, u b’mod partikolari l-proposta ta' Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-pulizija u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea qed tinnegozja mal-gvern tal-Istati Uniti ftehim ta’ qafas internazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta (“Ftehim Kwadru tal-Protezzjoni tad-Dejta”) sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dejta personali li tiġi ttrasferita bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż it-terroriżmu.

Id-dejta tal-komunikazzjoni tista’ wkoll tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Dejta 16 , il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi leġiżlattivi fil-livell nazzjonali.

Il-ġlieda kontra organizzazzjonijiet kriminali attivi f’bosta pajjiżi tal-UE tirrikjedi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. 26 Stat Membru qed jużaw is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni preċedenti għal ċittadini tal-UE. Madankollu, din ma taħdimx b’mod effettiv għal persuni li mhumiex ċittadini tal-UE kkundannati fl-UE. Il-Kummissjoni se taċċellera l-ħidma li diġà qed titwettaq sabiex titjieb l-ECRIS għal persuni li mhumiex ċittadini tal-UE u hija lesta biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tagħha.

Id-disponibbiltà f’ħin reali ta’ dejta eżistenti madwar l-Istati Membri hija qasam għal ħidma futura dwar l-iskambju ta’ informazzjoni. Bi tweġiba għal talba li saret mill-Kunsill 17 , il-Kummissjoni se tevalwa l-ħtieġa u l-valur potenzjali miżjud ta’ Sistema ta’ Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) biex jiġi faċilitat l-aċċess transfruntiera għall-informazzjoni miżmuma fir-rekords nazzjonali tal-pulizija. Fil-frattemp, il-Kummissjoni qed tappoġġja t-tnedija ta’ proġett pilota ppjanat minn grupp ta’ Stati Membri biex jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi għal tfittxijiet transfruntiera awtomatizzati f’indiċijiet nazzjonali fuq bażi ta’ 'hit'/'no hit' 18 .

Fl-aħħar nett, l-Ambjent Komuni Marittimu għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) se jippermetti l-interoperabbiltà tas-sigurtà tad-dejta rilevanti bħal riskji dwar il-piraterija, it-terroriżmu, il-kuntrabandu ta’ armi u drogi, it-traffikar tal-bnedmin, it-tniġġis ambjentali, il-protezzjoni ċivili u diżastri naturali bejn l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-mandati eżistenti tagħhom.

L-azzjoni tal-UE għandha l-ewwel nett tiffoka fuq l-implimentazzjoni sħiħa ta’ regoli li diġà jeżistu — bħall-qafas Prüm — u l-adozzjoni tal-proposti diġà fuq il-mejda — bħalma huma d-Direttiva dwar ir-reġistru tal-PNR, ir-Regolament tal-Europol u r-riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta. Dan diġà se jikkostitwixxi pass kbir 'il quddiem billi jiġi stabbilit b’mod ċar, sigur, u rregolat kif suppost sett ta’ għodod li jagħtu lill-awtoritajiet l-informazzjoni li għandhom bżonn — sakemm dawn l-għodod jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom. Strumenti ewlenin bħas-sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-ECRIS għandhom ukoll jiġu rieżaminati kontinwament u jimtlew il-lakuni li jfiġġu fil-kopertura.

2.2    Kooperazzjoni operattiva akbar

It-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi arranġamenti legali u prattiċi biex jagħmlu l-koperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri differenti effettiva.

Permezz taċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità organizzata u serja, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkoordinaw prijoritajiet komuni u azzjonijiet operattivi. Il-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Operattiva dwar is-Sigurtà Interna (COSI) għandu rwol ċentrali. Iċ-Ċiklu tal-Politika jipprovdi metodoloġija għal approċċ iggwidat mill-intelliġenza għas-sigurtà interna, abbażi ta’ valutazzjonijiet konġunti ta’ theddid b'koordinazzjoni mal-Europol. Jiffoka fuq ir-riżorsi disponibbli fid-dawl ta’ theddid u riskji immedjati, fuq terminu medju u fit-tul għas-sigurtà. Iċ-Ċiklu tal-Politika għandu jintuża aktar mill-Istati Membri biex iniedu operazzjonijiet konkreti tal-infurzar tal-liġi biex jindirizzaw il-kriminalità organizzata, inkluż ma’ pajjiżi terzi. L-Operazzjoni Archimedes, ikkoordinata mill-Europol f’Settembru 2014 biex tindirizza varjetà ta’ reati serji madwar l-Istati Membri u f’pajjiżi terzi, tat eżempju prattiku ta’ kif din tista’ tkun ta’ għajnuna 19 . Operazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu evalwati regolarment sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki għal azzjoni futura.

L-aġenziji tal-UE għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ tal-kooperazzjoni operattiva. Jikkontribwixxu għall-valutazzjoni ta’ theddid komuni għas-sigurtà, jgħinu biex jiġu definiti prijoritajiet komuni għal azzjoni operattiva, u jiffaċilitaw kooperazzjoni u prosekuzzjoni transfruntiera. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ tal-aġenziji biex jindirizzaw il-kriminalità permezz ta’ azzjoni konġunta. Għandha wkoll tiġi promossa kooperazzjoni akbar bejn l-aġenziji, fil-mandati rispettivi tagħhom. Ladarba jiġi implimentat, il-ftehim rivedut ta’ kooperazzjoni bejn il-Europol u l-Frontex, se jippermetti dawn is-sinerġiji billi ż-żewġ aġenziji jiġu permessi jaqsmu dejta personali b’salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta. Il-Eurojust u l-Europol għandhom isaħħu aktar il-kooperazzjoni operazzjonali tagħhom.

Abbażi ta’ kontribuzzjonijiet minn aġenziji tal-UE u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni kisbet għarfien espert speċifiku fl-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet tar-riskju. Il-Kummissjoni żviluppat Linji Gwida dwar il-Valutazzjoni tar-Riskju u l-Immappjar għall-Ġestjoni tad-Diżastri 20 , kif ukoll Linji Gwida dwar il-Valutazzjoni tal-kapaċità tal-Istati Membri għall-ġestjoni tar-Riskji, u wettqet valutazzjonijiet tar-riskju dwar splussivi f’merkanzija bl-ajru minn pajjiżi terzi u dwar kontrolli tal-passiġġieri fl-ajruporti fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tapplika din il-metodoloġija f’oqsma oħrajn, bħalma huma infrastrutturi kritiċi, jew il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroristi, u biex tevalwa b’mod partikolari effetti kaskata ta’ riskji sistemiċi.

Iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni jistgħu jiffaċilitaw reazzjoni koerenti Ewropea waqt kriżijiet u emerġenzi, u b’hekk tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn u għalja tal-isforzi. Fil-qafas tal-Klawżola ta’ Solidarjetà 21 , Stat Membru jista’ jitlob l-assistenza tal-UE f’każ ta’ kriżi, inkluż attakki terroristiċi. Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza tal-UE jaġixxi bħala l-pjattaforma ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ fuq bażi ta’ 24/7 għall-kriżijiet kollha taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili 22 u taħt il-Klawżola ta’ Solidarjetà, u l-arranġamenti Politiċi ta' Rispons Integrat għall-Kriżijiet (IPCR). Hija tibbaża ruħha fuq kontributi mill-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri. B’żieda fir-riskji ta’ diżastri u riskji ġodda ta’ diżastri, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġu jaħdmu flimkien biex il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ċivili tal-2013 tiġi implimentata bis-sħiħ u tkun kompletament operattiva, 23 inkluż is-segwitu tal-Qafas Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskji tad-Diżastri 2015-2030 24  L-UE għandha tkompli ssaħħaħ it-tħejjija għall-ġestjoni ta’ kriżijiet għal rispons aktar effiċjenti u koerenti tal-UE għal kriżijiet li jinħolqu minn atti kriminali, li għandhom impatt fuq il-fruntieri, fuq is-sigurtà pubblika u fuq is-sistemi kritiċi. Dan jinkludi t-twettiq ta' aktar eżerċizzji konġunti fuq il-post.

Fil-livell tal-UE hemm għodod transfruntiera disponibbli biex jappoġġjaw il-kooperazzjoni operattiva. Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta (JITs) jipprovdu qafas lest għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, stabbiliti għal perjodu fiss biex jinvestigaw każijiet speċifiċi. Is-SIKs hija għodda effikaċi li għandha tintuża b’mod aktar regolari u tuża l-aġenziji b’mod aktar sistematiku. Fejn każijiet kriminali jkollhom dimensjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-possibilità li jinvolvu pajjiżi terzi fis-SIKs. Bl-istess mod, Operazzjonijiet Doganali Konġunti (JCOs) jippermettu lill-awtoritajiet doganali biex tiġi indirizzata l-kriminalità transfruntiera fil-qasam doganali, bl-użu ta’ approċċ multidixxiplinari. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri żviluppaw b’mod konġunt kriterji ta’ riskju komuni għall-valutazzjoni tar-riskji tas-sigurtà mid-dwana ta’ movimenti internazzjonali tal-merkanzija. Skont l-Istrateġija tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-ġestjoni tar-riskju doganali, l-UE għandha tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tagħha fl-individwazzjoni ta’ kummerċ illeċitu f’oġġetti jew flus kontanti.

Il-kooperazzjoni f’netwerks ta’ unitajiet speċjalizzati nazzjonali hija mod effettiv ieħor kif tiġi żgurata kooperazzjoni operattiva bejn il-fruntieri. Il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja (UIFs) u l-Uffiċċji nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi (AROs) tgħin fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u biex jiġi aċċessat il-qligħ illeċitu tal-kriminalità. Bl-istess mod, l-awtoritajiet doganali jikkooperaw fil-ġestjoni tar-riskji fil-katina tal-provvista internazzjonali filwaqt li jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu 25 . Koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn il-Funzjonijiet tal-Gwardji tal-Kosta mwettqa fil-livell nazzjonali jsaħħu is-sigurtà marittima. Esperti minn partijiet differenti tal-katina tal-infurzar fl-Istati Membri jikkooperaw ukoll permezz ta’ netwerks varji biex jinstab tarf tar-reati kontra l-ambjent. Il-Kummissjoni se tappoġġa dan l-approċċ f’oqsma oħra.

Iċ-Ċentri ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana (PCCCs) f’reġjuni fil-fruntiera jlaqqgħu flimkien f’sit wieħed l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri differenti. L-UE tappoġġa l-għadd dejjem jikber ta’ PCCCs permezz ta’ kofinanzjament u konferenzi annwali biex jiġu skambjati l-esperjenzi u l-aqwa prattiċi. Għalkemm ħafna mill-informazzjoni skambjata fil-PCCCs ma tittrattax kriminalità serja u organizzata, huwa importanti li l-informazzjoni dwar każijiet bħal dawn tgħaddi lil-livell nazzjonali u, fejn xieraq, lill-Europol.

Fir-rigward ta’ koperazzjoni reġjonali, il-ħtieġa u l-valur miżjud tal-miżuri skont l-Artikolu 89 tat-TFUE relatati mal-operat tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru wieħed fit-territorju ta’ ieħor jista’ jiġi kkunsidrat wara valutazzjoni tal-għodod eżistenti, inkluż l-insegwiment u s-sorveljanza transfruntiera.

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tiddependi wkoll fuq strumenti transfruntiera effettivi. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa element ewlieni fil-qafas tas-sigurtà. Għodod bħall-Mandat ta’ Arrest Ewropew urew li huma effettivi iżda strumenti oħra, bħal dwar l-iffrizar u l-konfiska ta' assi kriminali, għadhom mhumiex qed jintużaw sistematikament fil-każijiet xierqa kollha. L-imħallfin nazzjonali għandhom jagħmlu użu min-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (EJN) għall-eżekuzzjoni ta’ Mandati ta’ Arrest Ewropew u f’oqsma oħrajn bħal ordnijiet ta’ ffriżar u konfiski. L-implimentazzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew se żżid għodda essenzjali oħra. L-Istati Membri għandhom jużaw lill-Eurojust aktar ta’ spiss biex jikkoordinaw investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet transfruntiera. Il-Eurojust jista' jkun ukoll ta’ għajnuna kbira għal talbiet kumplessi għal assistenza legali reċiproka ma’ pajjiżi barra mill-UE, speċjalment man-netwerk tal-punti ta’ kuntatt tal-Eurojust.

Fl-aħħar, it-twaqqif ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jipprovdi dimensjoni ġdida għall-kwistjoni speċifika li l-baġit tal-UE jiġi protett milli jagħmel telf minħabba attività kriminali.

L-istituzzjonijiet tal-UE, aġenziji u għodod ta’ kooperazzjoni eżistenti diġà jipprovdu sett effettiv ta’ strumenti biex jagħmlu l-politika ta’ sigurtà tal-UE realtà operattiva. Aktar sinerġiji bejn l-aġenziji tal-UE u aktar koordinazzjoni sistematika u l-użu sħiħ ta’ għodod bħal timijiet konġunti ta’ investigazzjoni, jistgħu jagħmlu differenza reali fil-prevenzjoni, l-individwazzjoni u r-reazzjoni għal theddid għas-sigurtà.

2.3    Azzjoni ta’ appoġġ: taħriġ, finanzjament, riċerka u innovazzjoni

Minbarra l-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operattiva, l-UE tipprovdi appoġġ għal azzjonijiet relatati mas-sigurtà permezz ta’ taħriġ, finanzjament u l-promozzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni relatata mas-sigurtà. Il-Kummissjoni tfittex li timmira dan l-appoġġ b’mod strateġiku u kost-effettiv.

L-effettività tal-għodod ta' kooperazzjoni jistrieħ fuq kemm l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri jkunu jafu kif jużawhom tajjeb. It-taħriġ huwa essenzjali biex jippermetti lill-awtoritajiet fuq il-post jisfruttaw l-għodod f’sitwazzjoni operattiva. Il-kulleġġ Ewropew tal-pulizija, is-CEPOL jorganizza korsijiet, jiddefinixxi kurrikuli komuni dwar kooperazzjoni transfruntiera u jikkoordina programmi ta’ skambju. Il-proposta leġiżlattiva attwali dwar is-CEPOL se tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jħejji lill-uffiċjali tal-pulizija biex jikkooperaw b’mod effettiv u biex tiġi żviluppata kultura komuni tal-infurzar tal-liġi 26 . Is-CEPOL għandu jadatta l-programmi ta’ taħriġ annwali tiegħu skont il-prijoritajiet stabbiliti f’din l-Aġenda. L-akkademji nazzjonali tal-pulizija għandhom ukoll jużaw fondi tal-UE biex jagħmlu l-kooperazzjoni transfruntiera parti integrali tat-taħriġ u eżerċizzji prattiċi tagħhom stess. Taħriġ għall-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju għandu jkun allinjat aħjar mal-prijoritajiet tal-UE, filwaqt li jibni fuq strutturi u netwerks eżistenti u bl-appoġġ tan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) u tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika u t-tagħlim elettroniku. Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll Ċentru Ewropew ta’ taħriġ dwar is-sigurtà li jippermetti lill-Istati Membri biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom biex jindividwaw u jidentifikaw materjali nukleari jew radjuattiv illeċitu għal prevenzjoni ta’ theddid.

Il-Fond għas-Sigurtà Interna li twaqqaf dan l-aħħar jipprovdi għodda reattiva u flessibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi l-iktar kruċjali sal-2020. Din l-aġenda għandha tipprovdi direzzjoni strateġika għall-Fond, b’enfasi fuq dawk l-oqsma fejn l-appoġġ finanzjarju se jġib l-aktar valur miżjud. L-użi prijoritarji tal-fond għandhom jinkludu l-aġġornament tas-sezzjonijiet nazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, l-implimentazzjoni tal-qafas Prüm u t-twaqqif ta’ Punti Uniċi ta’ Kuntatt. Il-Fond għandu jintuża wkoll biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva transfruntiera taħt iċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE għal kriminalità serja u organizzata, u biex jiġu żviluppati strateġiji ta’ 'ħruġ' għal persuni radikalizzati bl-għajnuna tal-aħjar prattiki skambjati fin-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni. Programmi finanzjarji oħrajn, bħal Orizzont 2020 għar-rierka u l-innovazzjoni 27 , il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Programmi tal-Ġustizzja tal-UE, il-Programm Doganali tal-2020 u l-istrumenti finanzjarji għal azzjoni esterna għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jiġu appoġġjati l-prijoritajiet tal-Aġenda għas-Sigurtà.

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Fond għas-Sigurtà Interna fl-2018 se jipprovdi opportunità biex jittieħed kont ta’ kif il-finanzjament għen biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-Aġenda u jsiru l-prijoritajiet mill-ġdid kif meħtieġ.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni hija essenzjali jekk l-UE trid iżżomm ruħha aġġornata mal-ħtiġijiet tas-sigurtà li qed jinbidlu. Ir-riċerka tista' tidentifika theddidiet tas-sigurtà ġodda u l-impatti tagħhom fuq is-soċjetajiet Ewropej. Hija tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta' fiduċja soċjali f’politiki u għodod ġodda ta’ sigurtà bbażati fuq ir-riċerka. Soluzzjonijiet innovattivi se jgħinu biex itaffu r-riskji tas-sigurtà b’mod aktar effettiv billi jagħmlu użu mill-għarfien, mir-riċerka u mit-teknoloġija. Orizzont 2020 jista' jkollu rwol ċentrali biex jiġi żgurat li l-isforz ta’ riċerka tal-UE jkun immirat tajjeb, inkluż billi jitqiesu l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi billi l-utenti finali jiġu involuti aktar fl-istadji kollha tal-proċess, mill-konċepiment sas-suq. Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ aktar attenzjoni fuq l-innovazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fejn il-ħolqien ta’ ċentru ta’ għarfien fil-qafas taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza tal-UE, kif ukoll il-bini ta' komunità ta' utenti, għandhom jikkontribwixxu għall-bini ta’ interfaċċja bejn ir-riċerka u l-utenti finali fl-Istati Membri.

Dan l-aħħar il-Kummissjoni qabbdet lill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej sabiex tipproduċi standard ta' 'privatezza imfassla' (privacy by design) li għandu l-għan li jippromwovi l-integrazzjoni ta’ standards għoljin ta’ sigurtà u d-drittijiet fundamentali fi stadju bikri f’disinn teknoloġiku. Il-konformità ma’ dan l-istandard se tiżgura li l-prodotti u s-servizzi tal-UE dwar is-sigurtà jirrispettaw id-drittijiet tal-individwi u b’hekk titkabbar il-kunfidenza tal-konsumatur.

Industrija kompetittiva tas-sigurtà tal-UE tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-awtonomija tal-UE sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ sigurtà. L-UE ħeġġet l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ sigurtà, per eżempju permezz ta’ standards u ċertifikati komuni 28 . Il-Kummissjoni qed tikkunsidra aktar azzjoni, bħas-sistemi ta’ twissija u tagħmir tal-iskrinjar fl-ajruporti biex jitneħħew il-barrieri għas-Suq Uniku u biex tittejjeb il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà tal-UE fis-swieq tal-esportazzjoni.

Ix-xjenza forensika hija kritika għall-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji jridu jkunu kunfidenti li d-dejta forensika li fuqha jiddependu tkun ta’ kwalità għolja, inkluż jekk id-dejta tkun ġejja minn Stat Membru ieħor. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li d-dejta forensika li tiġi skambjata permezz ta’ sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni, bħall-qafas Prüm għal marki tas-swaba’ u għal profili tad-DNA, tista' tintuża b’mod effettiv fil-qorti. Żona Forensika Ewropea, biex tallinja l-proċess ta’ fornituri ta’ servizzi forensiċi fl-Istati Membri, se trawwem il-kooperazzjoni u tiżgura l-fiduċja. Il-Kummissjoni l-ewwel se timpenja ruħha mal-partijiet interessati rilevanti f’eżerċizzju ta’ stocktaking u mbagħad tiddefinixxi l-prijoritajiet u l-miżuri possibbli biex jinkiseb dan l-għan. Dan jista’ jinkludi skambju tal-aħjar prattiki u definizzjoni ta’ standards minimi komuni.

Is-sigurtà għandha tkun prijorità ewlenija f’firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ finanzjament, programmi ta’ riċerka u innovazzjoni kif ukoll inizjattivi ta’ taħriġ. Il-prijoritajiet eżistenti għandhom jiġu aġġustati kif meħtieġ.

3.    TLIET PRIJORITAJIET

Fil-ħames snin li ġejjin, dan il-qafas għal xogħol aħjar u aktar mill-qrib flimkien għandu jintuża biex jindirizzaw tliet prijoritajiet prinċipali għas-sigurtà Ewropea, filwaqt li jkun adattabbli għal theddidiet oħrajn li jistgħu jevolvu fil-futur.

L-attakki terroristiċi fl-Ewropa – l-aktar reċenti f'Pariġi, Kopenħagen, Brussell – enfasizzaw il-ħtieġa għal rispons konġunt qawwi tal-UE kontra t-terroriżmu u kontra ġellieda terroristiċi barranin. Iċ-ċittadini Ewropej qed ikomplu jingħaqdu ma’ gruppi terroristiċi f’żoni ta’ kunflitt, jakkwistaw it-taħriġ u jippreżentaw theddida potenzjali għas-sigurtà interna Ewropea mar-ritorn tagħhom. Filwaqt li din il-kwistjoni mhijiex waħda ġdida, l-iskala u l-fluss ta’ ġellieda f'kunflitti kontinwi partikolarment fis-Sirja, fl-Iraq u fil-Libja, kif ukoll in-natura ta’ dawn il-kunflitti fi ħdan netwerk, huma mingħajr preċedent.

Fl-istess ħin, il-kriminalità serja u transfruntiera organizzata qed issib toroq ġodda biex topera, u modi ġodda biex ma tinqabadx. Jeżistu kostijiet umani, soċjali u ekonomiċi enormi – minn reati bħat-traffikar tal-bnedmin, il-kummerċ f’armi tan-nar, it-traffikar tad-drogi, u l-kriminalità finanzjarja, ekonomika u ambjentali. Il-gruppi tal-kriminalità organizzata involuti fit-traffikar tal-migranti jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet ta’ persuni li jfittxu protezzjoni jew opportunitajiet ekonomiċi aħjar u huma responsabbli għat-telf ta’ ħajjiet f’isem il-profitt. Il-kriminalità organizzata tagħlef ukoll lit-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità permezz ta’ kanali bħall-forniment tal-armi, finanzjament permezz ta’ kuntrabandu tad-droga, u l-infiltrazzjoni tas-swieq finanzjarji.

Fl-aħħar nett, iċ-ċiberkriminalità hija theddida dejjem tikber għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u l-ekonomija, kif ukoll għall-iżvilupp b’suċċess tas-Suq Uniku Diġitali 29 . Hekk kif il-kummerċ u l-ibbankjar jaqilbu onlajn, iċ-ċiberkriminalità tista' tirrappreżenta gwadann potenzjali enormi għall-kriminali u telf potenzjali enormi għaċ-ċittadini. Iċ-ċiberkriminali jistgħu jaġixxu minn barra l-Unjoni biex jagħmlu ħsara fl-infrastruttura kritika u fl-istess ħin timmira lejn għadd kbir ta’ vittmi madwar l-Istati Membri bi sforz u riskju minimu. Bl-istess mod, theddid bħal dak li sar mit-terroriżmu ċibernetiku u dak maħluq minn theddid ibridu jista' jiżdied fis-snin li ġejjin. Il-kriminali jabbużaw minn tekniki ta’ anonimizzazzjoni u mekkaniżmi ta’ ħlas anonimu għal kummerċ onlajn illeċitu fid-drogi jew fl-armi, għal tranżazzjonijiet kriminali u ħasil tal-flus. Iċ-ċiberkriminalità hija wkoll marbuta mill-qrib mal-isfruttament sesswali tat-tfal, b’tendenza allarmanti li qed tiżdied ta’ abbuż tat-tfal permezz ta’ streaming live.

It-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità huma tliet prijoritajiet ewlenin li huma enfasizzati f’din l-aġenda għal azzjoni immedjata. Biċ-ċar dawn huma theddidiet marbutin u transfruntieri, u d-dimensjoni multidimensjonali u internazzjonali tagħhom turi l-ħtieġa għal reazzjoni effettiva u kkoordinata fil-livell tal-UE.

3.1 L-ittrattar tat-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni

Iċ-ċittadini u l-Istati Membri jistennew l-appoġġ tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni u li tiffaċilità l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti. Il-Europol żviluppa bażi ta’ għarfien dejjem aktar speċjalizzat dwar kwistjonijiet ta’ terroriżmu u dan għandu jittieħed pass’ il quddiem billi jlaqqa' flimkien il-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi tiegħu kontra t-terroriżmu, jinġabru r-riżorsi u jimmassimizza l-użu ta’ strutturi li diġà jeżistu, servizzi u għodod disponibbli lill-Aġenzija bl-għan li jinkisbu ekonomiji ta’ skala. Dan jista’ jinġieb flimkien bħala Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fi ħdan il-Europol biex jiżdied l-appoġġ ipprovdut fil-livell tal-UE għall-Istati Membri, fi ħdan ambjent sigur bl-ogħla kunfidenzjalità fil-komunikazzjoni tiegħu.

Iċ-Ċentru jkun jinkludi (1) Focal Point Travellers tal-Europol dwar ġellieda terroristiċi barranin u netwerks terroristiċi relatati, (2) il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) bejn l-UE u l-Istati Uniti, (3) FIU.NET, in-netwerk deċentralizzat tal-kompjuter li jappoġġja lill-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja, li fl-2016 se jkun integrat fil-Europol, u (4) il-kapaċitajiet eżistenti tal-Europol dwar armi tan-nar u apparat splussiv. Il-Eurojust għandha tkun involuta b’mod sħiħ fl-attivitajiet taċ-Ċentru li jtejjeb il-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet. Tali ċentru jkun jopera strettament fi ħdan il-mandat legali tal-Europol, u ma jaffettwax ir-responsabbiltà unika tal-Istati Membri għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, u lanqas ir-rwol taċ-Ċentru tal-Analiżi tal-Intelligence tal-UE (INTCEN) fil-qasam tal-valutazzjoni bbażata fuq l-intelligence tat-theddida terroristika.

L-Unità tar-Riferiment tal-Internet (Internet Referral Unit, EU IRU) se tkun ukoll parti miċ-Ċentru. L-Unità se tibni fuq l-esperjenza tal-Europol u tal-Istati Membri biex taġixxi bħala ċentru ta’ għarfien espert tal-UE, filwaqt li tgħin lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jneħħu kontenut estremista vjolenti fuq l-internet, b’kooperazzjoni ma’ sħab tal-industrija.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fl- 2015, se tniedi forum fil-livell tal-UE ma’ kumpaniji tal-IT biex jinġiebu flimkien ma’ awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u s-soċjetà ċivili. Filwaqt li tibni fuq laqgħat preparatorji organizzati fl-2014, il-Forum se jiffoka fuq il-mobilizzazzjoni tal-aħjar għodda fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika fuq l-Internet u fil-midja soċjali. F’kooperazzjoni mal-kumpaniji tal-IT, il-Forum se jesplora wkoll it-tħassib tal-awtoritajiet infurzar tal-liġi dwar teknoloġiji ġodda ta’ kriptaġġ.

Ir-rintraċċar ta’ operazzjonijiet finanzjarji jista’ jkun ċentrali għall-identifikazzjoni ta’ netwerks terroristiċi, peress li t-terroristi jiddependu fuq il-finanzi għall-ivvjaġġar, għat-taħriġ u għat-tagħmir. L-UIFs jistgħu jgħinu biex jiġi identifikati l-operazzjonijiet finanzjarji ta’ netwerks terroristiċi min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u jindividwaw il-finanzjaturi tagħhom. Il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) jippermetti lill-Istati Membri biex ifittxu dejta finanzjarja meta jkun hemm suspett raġonevoli ta’ attività terroristika. Sal-lum, it-TFTP ipprovda ħjiel marbuta ma' diversi suspettati terroristi u n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom. L-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jagħmlu użu aktar attiv mill-possibiltajiet taħt it-TFTP. L-integrazzjoni li ġejja tal-FIU.NET mal-Europol se tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-ħtieġa u l-benefiċċji possibbli ta’ miżuri addizzjonali fil-qasam tal-finanzjament tat-terroriżmu, fosthom miżuri relatati ma’ ffriżar ta’ assi terroristiċi skont l-Artikolu 75 tat-TFUE, ma’ kummerċ illeċitu ta’ oġġetti kulturali, mal-kontroll ta’ forom ta’ ħlas bħal trasferimenti bl-internet u kards imħallsa minn qabel, moviment illeċtu ta' flus kontanti, u mat-tisħiħ tar-Regolament dwar il-kontrolli ta’ flus kontanti 30 .

L-UE teħtieġ rispons solidu tal-ġustizzja kriminali għat-terroriżmu, li jkopri l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dawk li jippjanaw atti terroristiċi jew huma suspettati ta’ reklutaġġ, taħriġ, u finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll l-inċitament għat-twettiq ta’ reat terroristiku. Ħafna Stati Membri diġà għandhom jew jippjanaw liġijiet li jikkriminalizzaw dawn l-atti. Liġijiet aktar koerenti kontra reati relatati ma’ ġellieda terroristiċi barranin madwar l-UE jindirizzaw sfidi prattiċi u legali transfruntieri u fil-ġbir u l-ammissibbiltà ta’ evidenza f’każijiet ta’ terroriżmu, u biex jiġi skoraġġit tluq lejn żoni ta’ kunflitt. Il-Kummissjoni biħsiebha tniedi valutazzjoni tal-impatt fl-2015 bil-għan li taġġorna d-Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar it-Terroriżmu fl-2016 31 . Ir-Riżoluzzjoni 2178 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU titlob lill-Istati biex jikkriminalizzaw l-ivjaġġar lejn żona ta’ kunflitt għal finijiet terroristiċi, tgħin biex jinħoloq fehim komuni dwar reati minn ġellieda terroristiċi barranin. Il-qafas leġiżlattiv ġdid għandu jiftaħ il-bieb għal kooperazzjoni intensifikata ma’ pajjiżi terzi dwar ġellieda terroristi barranin – nibnu fuq esperjenzi pożittivi reċenti ta’ kooperazzjoni mat-Turkija.

Mod wieħed biex ifixkel l-attivitajiet ta’ netwerks terroristiċi huwa li tagħmilha iktar diffiċli biex jattakkaw miri u biex jaċċessaw u jużaw sustanzi u materjali perikolużi bħal dawk Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari u prekursuri tal-isplussivi. Il-ħarsien tal-infrastruttura kritika, bħalma huma l-infrastruttura tat-trasport, u miri faċli, pereżempju f’avvenimenti pubbliċi tal-massa, jippreżentaw sfidi reali għall-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili. L-UE u l-Istati Membri jikkooperaw biex jivvalutaw ir-riskji, jivvalutaw l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni, jiġbru l-aħjar prattiki u jipproduċu gwida. Il-Kummissjoni tgħin lill-prattikanti billi tiżviluppa manwali biex jgħinu fil-ħidma ta’ kuljum tagħhom, pereżempju fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

It-terroriżmu fl-Ewropa jgħix fuq l-ideoloġiji estremisti. Għalhekk azzjoni tal-UE kontra t-terroriżmu trid tindirizza l-kawżi primarji tal-estremiżmu permezz ta' miżuri preventivi. Madwar l-UE, qed issir dejjem aktar ċara r-rabta bejn ir-radikalizzazzjoni u l-vjolenza estremista. Il-propaganda estremista uriet li hija kapaċi twassal lil ġellieda terroristiċi barranin mill-Ewropa biex jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom biex jitħarrġu, jiġġieldu u jwettqu atroċitajiet f’żoni ta’ kumbattament, u mar-ritorn tagħhom jheddu s-sigurtà interna tal-UE. It-tisħiħ tal-komunikazzjoni strateġika tal-UE stess b'narrattivi komuni u rappreżentanza fattwali ta’ kunflitti huwa aspett importanti tar-rispons tal-UE.

Ir-rispons tal-UE għall-estremiżmu m’għandux iwassal għall-istigmatizzazzjoni ta’ xi grupp jew komunità waħda. Għandu jkun ibbażat fuq il-valuri komuni Ewropej ta’ tolleranza, diversità u rispett reċiproku, u jippromwovi komunitajiet ħielsa u pluralisti. L-UE għandha taqta’ l-bażi ta’ sostenn tat-terroriżmu permezz ta’ kontronarrattiva qawwija u determinata. Il-Kummissjoni se tiżgura l-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE f'dan il-qasam 32 . Hija se tivvaluta kwalunkwe lakuni fil-leġiżlazzjoni u tappoġġja l-monitoraġġ ta' diskors ta' mibegħda onlajn u azzjonijiet oħra. Se tgħin ukoll lill-Istati Membri jiżviluppaw prattiċi proattivi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni fuq il-post. Il-finanzjament tal-UE se jintuża dejjem aktar biex jappoġġja taħriġ speċifiku ta’ uffiċjali pubbliċi, u jinkoraġġixxi l-monitoraġġ, ir-rappurtar u r-reġistrazzjoni ta’ inċidenti ta’ reati ta’ mibegħda u ta’ diskors ta’ mibegħda.

L-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, il-fidi u d-djalogu interkulturali, kif ukoll l-inklużjoni fix-xogħol u dik soċjali, għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni bil-promozzjoni tal-valuri komuni Ewropej, it-trawwim tal-inklużjoni soċjali, it-tisħiħ tal-fehim reċiproku u t-tolleranza. L-edukazzjoni inklużiva tista' tagħti kontribut kbir biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni. Il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, il-volontarjat, u l-attivitajiet sportivi u kulturali huma partikolarment effettivi biex wieħed jilħaq liż-żgħażagħ. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni se tipprijoritizza l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, il-marġinalizzazzjoni taż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-inklużjoni permezz ta’ serje ta’ azzjonijiet konkreti taħt il-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ("ET 2020") u l-Istrateġija Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport u l-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura.

Biex issostni dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se timmobilizza finanzjament taħt il-programmi Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, fost l-oħrajn permezz ta’ appoġġ akbar għall-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħaddiema żgħażagħ, l-iskambji taż-żgħażagħ u l-volontarjat, sħubiji strateġiċi fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-politika taż-żgħażagħ, netwerks transnazzjonali, pjattaformi ta’ kooperazzjoni għall-iskejjel, proġetti konġunti dwar edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, u sħubiji kollaborattivi fl-isport. Barra minn hekk, il-Fond Soċjali Ewropew jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, għall-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni se tibda wkoll aktar riċerka taħt l-Orizzont 2020 biex jinkiseb fehim aħjar tal-kawżi u l-manifestazzjonijiet tar-radikalizzazzjoni.

L-UE kienet minn tal-ewwel li offriet għajnuna lill-komunitajiet li kienu taħt pressjoni biex jitgħallmu minn partijiet oħra tal-Unjoni. Fl-2014, il-Kummissjoni stabbilixxiet għaxar oqsma biex jiġu strutturati l-isforzi biex jiġu ndirizzati l-kawżi primarji tal-estremiżmu 33 . Imniedi fl-2011 in-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), netwerk umbrella madwar l-UE kollha, jgħaqqad organizzazzjonijiet u netwerks madwar l-Unjoni, u jgħaqqad aktar minn 1000 prattikant direttament involuti fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tal-estremiżmu vjolenti. In-netwerk jippermetti l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiċi u jiffaċilita l-individwazzjoni bikrija tar-radikalizzazzjoni u t-tfassil ta’ strateġiji preventivi u ta’ diżingaġġ fil-livell lokali.

Attwalment il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li twaqqaf Ċentru ta’ Eċċellenza RAN Dan se jaġixxi bħala ċentru ta’ għarfien tal-UE biex jikkonsolida l-għarfien espert u jrawwem it-tixrid u l-iskambju ta’ esperjenzi u kooperazzjoni dwar l-anti-radikalizzazzjoni. Dan se jżid dimensjoni prattika ġdida għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati dwar l-anti-radikalizzazzjoni.

L-UE ħasset ukoll l-effetti tar-radikalizzazzjoni fil-viċinat tagħha. Biex jiġġieled dan, ir-RAN se jiżviluppa l-ħidma tiegħu mal-partijiet interessati f’pajjiżi terzi, bi prijorità fuq it-Turkija u l-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, fil-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq. Fl-istess ħin, għandha tiġi żgurata koordinazzjoni mal- azzjoni esterna tal-UE, pereżempju permezz ta’ Ċiklu ta’ Persuni Eminenti mill-Ewropa u d-dinja Musulmana, biex jinkoraġġixxu skambji intellettwali u aktar djalogu bejn is-soċjetajiet.

L-atturi lokali huma l-persuni f’kuntatt dirett ma’ dawk l-aktar f’riskju ta’ radikalizzazzjoni. Jeħtieġ ikunu mgħammra sew biex jagħrfu s-sinjali ta’ radikalizzazzjoni u jevalwaw x’intervent jista' jkun meħtieġ, u biex jiżguraw kooperazzjoni xierqa mal-mexxejja tal-komunità. Bosta Stati Membri nedew taħriġ iffokat fuq il-gruppi tradizzjonali fil-mira ta’ persunal tal-infurzar tal-liġi u l-persunal tal-ħabs – u l-evidenza tal-ħabs bħala punt fokali għar-radikalizzazzjoni tagħmel dan prijorità. Bl-appoġġ tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Ħabsijiet u s-Servizzi Korrettivi (EUROPRIS), il-Kummissjoni se tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u taħriġ dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u d-deradikalizzazzjoni fil-ħabsijiet. It-taħriġ u l-appoġġ jista' jiġi estiż b’mod utli għal atturi oħra, bħall-assistenti soċjali, l-għalliema u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa. Ir-RAN se jgħin ukoll biex jiġu żviluppati approċċi simili għad-deradikalizzazzjoni u d-diżingaġġ ('strateġiji ta’ ħruġ').

Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew dwar l-Azzjoni Esterna se jikkooperaw mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu biex iżżomm ħarsa ġenerali tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-Unjoni u se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom.

Azzjonijiet:

-    It-tisħiħ l-funzjonijiet ta’ appoġġ tal-Europol billi jinġabru flimkien il-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi kontra t-terroriżmu f’ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fi ħdan l-Europol;

-    It-tnedija ta' forum tal-UE ma’ kumpaniji tal-IT biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika u jiġi indirizzat it-tħassib dwar teknoloġiji ġodda ta’ kriptaġġ;

-    L-esplorazzjoni ta' possibilitajiet għal aktar miżuri biex titjieb il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

-    L-indirizzar ta' kwalunkwe nuqqasijiet fit-tweġiba għal inċitament għall-mibegħda onlajn;

-    Ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar it-Teroriżmu proposta fl- 2016;

-    Il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-oqfsa politiċi tal-UE u l-programmi għall-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura;

-    L-iffukar fuq il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, u l-iżvilupp ta’ programmi effettivi ta’ diżimpenn u ta’ deradikalizzazzjoni;

-    It-tnedija taċ-Ċentru ta’ eċċellenza RAN u l-estensjoni tal-ħidma kontra r-radikalizzazzjoni mat-Turkija, il-pajjiżi Balkani tal-Punent, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.

3.2 It-tħarbit tal-kriminalità organizzata

Iċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE għal kriminalità serja u organizzata rnexxielu jikseb direzzjoni strateġika aktar ikoordinata u operazzjonijiet konġunti fuq il-post. Il-pajjiżi tal-viċinat huma diġà assoċjati maċ-Ċiklu tal-Politika, u l-involviment tagħhom fl-attivitajiet operattivi taċ-Ċiklu ta’ Politika għandu jiġi intensifikat. Waħda mill-prijoritajiet taċ-Ċiklu tal-Politika huwa li jxekkel in-netwerks tal-kriminalità organizzata involuti fil-kuntrabandu tal-migranti billi jsaħħaħ l-investigazzjonijiet transfruntieri bl-appoġġ tal-aġenziji tal-UE. L-operazzjoni konġunta MARE kkoordinata mill-Europol hija eżempju tajjeb ta’ kif l-Unjoni tista’ ssir aktar effettiva biex jiġu identifikati u ttrattati l-gruppi tal-kriminalità organizzata involuti fit-traffikar tal-migranti.

L-għan primarju tal-kriminalità organizzata huwa l-profitt. L-infurzar tal-liġi għandu għalhekk ikollu l-kapaċità li jitfa’ l-aċċent fuq il-finanzjament ta’ kriminalità organizzata, ta’ spiss intrinsikament marbut mal-korruzzjoni, il-frodi, l-iffalsifikar u l-kuntrabandu. In-netwerks kriminali internazzjonali jużaw strutturi legali tan-negozju biex jaħbu s-sors tal-profitti tagħhom, u għalhekk hija meħtieġa azzjoni biex jiġu indirizzati l-infiltrazzjoni tal-ekonomija leċita mill-kriminalità organizzata.

Il-pakkett riċentement maqbul dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus 34 se jgħin biex jiġu identifikati u segwiti trasferimenti suspettużi ta’ flus u jiġi faċilitat l-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja (UIFs). Il-Kummissjoni se tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni biex issir aktar diffiċli għall-kriminali biex jabbużaw mis-sistema finanzjarja, u se taħdem fuq valutazzjoni supranazzjonali tar-riskji li se tindirizza, fost l-oħrajn, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-muniti virtwali. Se twaqqaf ukoll politika koerenti favur pajjiżi terzi li għandhom reġimi dgħajfa għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament kontra t-terroriżmu. Ir-rabta tal-ħidma tal-Uffiċċji nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi ittejjeb l-iffriżar transfruntier u l-konfiska ta’ assi kriminali. Huwa neċessarju li jiġu allinjati u msaħħa s-setgħat tal-UIF, peress li differenzi fir-rwoli tagħhom ixxekkel il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni. Il-Eurojust tista’ wkoll toffri aktar għarfien espert u għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali meta jkunu qed iwettqu investigazzjonijiet finanzjarji. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiski għandu jitjieb. Fl-2016, kif mitlub mill-koleġiżlaturi, il-Kummissjoni se toħroġ studju ta’ fattibbiltà dwar regoli komuni dwar konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna ta’ propjetà derivata minn attivitajiet kriminali.

L-attakki terroristiċi riċenti ffokaw l-attenzjoni fuq kif kriminali organizzati jistgħu jaċċessaw u jinnegozjaw l-armi tan-nar fl-Ewropa, saħansitra armi tan-nar ta’ kwalità militari, f’ammonti kbar. Id-deċiżjoni dwar min jista’ jkollu arma tan-nar u meta jistgħu jużawha hija għażla soċjetali għall-Istati Membri. Madankollu, id-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma ostaklu għall-kontrolli u għall-kooperazzjoni tal-pulizija. Bħala prijorità, hu meħtieġ approċċ komuni dwar in-newtralizzazzjoni u tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar biex tiġi evitata attivazzjoni mill-ġdid u l-użu mill-kriminali. Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-armi tan-nar fl-2016 biex ittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni (eż. billi fuq is-sistema ta’ informazzjoni tal-Europol tittella’ informazzjoni dwar armi tan-nar maqbuda), biex tiġi msaħħa t-traċċabbiltà, jiġi standardizzat l-immarkar, u jiġu stabbiliti standards komuni biex jiġu newtralizzati l-armi tan-nar. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni li għaddejja, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk tinkludix armi maħsuba għal awtodifiża (armi ta' allarm) fid-dispożizzjonijiet il-ġodda, kif ukoll kwalunkwe aspett ieħor rilevanti.

It-traffikar tal-armi tan-nar għandu dimensjoni esterna kritika, peress li ħafna mill-armi tan-nar illegali fl-UE ġew importati minn pajjiżi tal-viċinat – fejn għad hemm ħażniet kbar ta’ armi militari. Il-pjan ta’ azzjoni operazzjonali riċenti mal-Balkani tal-Punent għandu jiġi implimentat bis-sħiħ u, jekk ikun effettiv, jiġi replikat ma’ pajjiżi oħra tal-viċinat, b’mod partikolari ma’ pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq 35 .

Is-suq għad-drogi illeċiti jibqa' l-aktar suq kriminali dinamiku, u l-aktar tendenza reċenti hija l-proliferazzjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda (NPS). Il-produzzjoni tal-NPS qiegħda dejjem aktar isseħħ fl-UE u tindika l-urġenza li jiġi adottat il-qafas leġiżlattiv ġdid tal-UE. L-UE għandha tkompli tappoġġja l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra d-drogi illeċiti, inkluż il-prevenzjoni, bl-użu tal-għarfien espert taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u tal-Europol. Il-Kummissjoni se tevalwa l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Droga tal-2013-2016, li jinkwadra wkoll il-politika esterna tal-UE fil-qasam tad-droga, bil-fokus tiegħu jkun fuq id-domanda għad-droga u t-tnaqqis tal-provvista tad-droga. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk tipproponix Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-UE għall-perjodu 2017-2020.

Waħda mill-problemi l-kbar li l-UE qiegħda tiffaċċja bħalissa hija li n-netwerks kriminali jisfruttaw il-ħtieġa tal-individwi għal protezzjoni jew ix-xewqa tagħhom li jiġu fl-Ewropa. Aktar ma dan il-kuntrabandu kriminali jista’ jitwaqqaf kmieni, inqas ikun ir-riskju ta’ traġedji umani li dehru dan l-aħħar fil-Mediterran. Azzjoni preventiva kontra l-iffaċilitar ta’ migrazzjoni irregolari teħtieġ ġbir, qsim u analiżi aħjar tal-informazzjoni. Is-soluzzjoni tinsab f’kooperazzjoni kontra t-traffikar tal-immigranti, ġewwa l-UE u ma’ pajjiżi terzi. L-UE għandha tagħmel din prijorità fis-sħubija tagħha ma’ pajjiżi terzi, billi toffri għajnuna biex tgħin lill-pajjiżi ta’ tranżitu ewlenin jipprevjenu u jidentifikaw attivitajiet ta’ kuntrabandu kmieni kemm jista’ jkun. Azzjoni msaħħa kontra t-traffikar tal-immigranti bejn l-UE u pajjiżi terzi ewlenin se tkun parti mill-Aġenda Ewropea li ġejja dwar il-Migrazzjoni.

It-traffikar tal-bnedmin huwa forma ta’ kriminalità estremament distruttiva iżda waħda li tħalli ħafna qligħ. L-UE għandha qafas politiku u legali dedikat 36 biex tiġi massimizzata l-kooperazzjoni u din issir prijorità għall-korpi bħall-Europol u l-Eurojust. Permezz ta’ approċċ koordinat u koerenti, l-istrateġija attwali kkontribwixxiet għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fuq livell reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali. Il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa strateġija wara l-2016 li tibni fuq il-qafas eżistenti.

Ir-reati ambjentali jistgħu jikkawżaw ħsara sinifikanti lill-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, inaqqsu d-dħul tal-Gvern u jimponu spejjeż ta’ tindif fuq il-kontribwenti, pereżempju bil-ġarr bil-baħar illegali u r-rimi ta’ skart perikoluż sussegwenti. Il-kummerċ illegali fl-annimali selvaġġi jhedded il-bijodiversità, kif ukoll, f’reġjuni li huma sors bħall-Afrika, l-iżvilupp sostenibbli u l-istabbiltà reġjonali 37 . Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtieġa għal tisħiħ tal-monitoraġġ tal-konformità u l-infurzar, pereżempju billi jiżdied it-taħriġ għall-persunal tal-infurzar, appoġġ għal netwerks ta’ professjonisti rilevanti, u billi tkompli l-approssimazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali fl-UE kollha.

L-awtoritajiet lokali għandhom rwol kritiku fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, flimkien mal-ħidma tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji. Il-kriminalità organizzata spiss taħseb globalment iżda taġixxi lokalment u għalhekk jeħtieġ approċċ multidixxiplinarju biex effettivament jipprevjeni u jiġġieled kontra tagħha. L-UE għalhekk żviluppat approċċ li jgħaqqad għodda fil-livell amministrattiv biex tipprevjeni l-infiltrazzjoni fis-settur pubbliku jew l-ekonomija. F’ħafna każijiet, l-awtoritajiet lokali huma fuq quddiem nett biex jidentifikaw u jipprevjenu l-infiltrazzjoni tal-ekonomija leċita minn netwerks kriminali, pereżempju fl-allokazzjoni ta’ sejħiet għall-offerti jew l-għoti ta’ liċenzji għall-każinojiet, u dawn għandu jkollhom l-għodod biex jiskambjaw l-informazzjoni ma’ awtoritajiet oħra tal-amministrazzjoni pubblika jew l-infurzar tal-liġi. Għandha tingħata wkoll aktar prominenza lill-ħidma tan-Netwerk għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità tal-Unjoni Ewropea. B’appoġġ finanzjarju tal-UE, in-network jaqsam l-aħjar prattiċi fil-prevenzjoni tal-kriminalità.

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea teħtieġ approċċ komprensiv. Fl-2014 il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni. Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-UE kollha, jidentifika x-xejriet u l-aħjar prattika, u janalizza l-iżviluppi f’kull Stat Membru tal-UE, bil-għan li jappoġġja lill-gvernijiet, lis-soċjetà ċivili u lil partijiet interessati oħra fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-UE ħadet serje ta’ passi biex tiġġieled il-korruzzjoni: inizjattivi politiċi u ta’ monitoraġġ (inkluż rikonoxximent tal-ispiża ekonomika fis-semestru Ewropew), leġiżlazzjoni, u programmi ta’ finanzjament.

Azzjonijiet:

-    Tiġi estia l-ħidma taċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat;

-    Jiġu rieżaminati l-miżuri possibbli għal konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna;

-    Tiġi rieżaminata l-leġiżlazzjoni dwar l-armi tan-nar bi proposti fl-2016;

-    Tiġi adottata strateġija għal wara l-2016 dwar it-traffikar tal-bnedmin;

-    Jiġu mnedija azzjonijiet konġunti u strateġiji ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ewlenin dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-immigranti;

-    Jiġu rieżaminati l-politika u l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kriminalità ambjentali, għal proposti fl-2016.

3.3 Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità

Iċ-ċibersigurtà hija l-ewwel linja ta’ difiża kontra ċ-ċiberkriminalità. L-istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2013 tiffoka fuq l-identifikazzjoni ta’ żoni ta’ riskju għoli, filwaqt li jkun hemm ħidma mas-settur privat sabiex jingħalqu l-lakuni, u l-għoti ta’ taħriġ speċjalizzat. Element importanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija se jkun l-adozzjoni rapida tal-proposta għal Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni 38 . L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mhux biss tippromwovi kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà ċibernetika, iżda tipprovdi wkoll għal bini ta’ kapaċità ta’ ċibersigurtà tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u n-notifika ta’ inċidenti transfruntiera. L-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni wkoll tikkontribwixxi għar-rispons tal-UE għal kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà billi taħdem lejn livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni.

L-ewwel pass biex tiġi konfrontata ċ-ċiberkriminalità huwa li tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Id-Direttiva tal-2013 39 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni tikkriminalizza l-użu ta’ għodod bħal software malizzjuż u ssaħħaħ il-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar attakki. Id-Direttiva tal-2011 40 dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal tapprossimizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali biex jiġi evitat l-abbuż sesswali tat-tfal onlajn. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ dawn id-Direttivi. Ir-regoli wkoll għandhom jinżammu aġġornati. Iċ-ċittadini huma mħassba dwar kwistjonijiet bħal frodi tal-karti ta’ kreditu. Madankollu, id-deċiżjoni qafas tal-2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti 41 m’għadhiex tirrifletti r-realtajiet tal-lum u l-isfidi ġodda bħall-muniti virtwali u l-ħlas bil-mowbajl. Il-Kummissjoni se tevalwa l-livell ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali, tikkonsulta l-partijiet interessati rilevanti u tevalwa l-ħtieġa ta' miżuri ulterjuri.

Iċ-ċiberkriminalità hija min-natura tagħha mingħajr fruntieri, flessibbli u innovattiva. Fil-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-prosekuzzjoni, l-infurzar tal-liġi għandu jkun kapaċi jlaħħaq u jantiċipa l-inġenwità tal-kriminali. Iċ-ċiberkriminalità tirrikjedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jaħsbu mill-ġdid dwar il-mod kif jikkooperaw fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom u l-liġi applikabbli biex jiżguraw aċċess transfruntiera eħfef għal evidenza u informazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi attwali u futuri, bħall-cloud computing u l-Internet tal-Oġġetti. Il-ġbir ta’ evidenza elettronika f’ħin reali minn ġurisdizzjonijiet oħra dwar kwistjonijiet bħas-sidien ta’ indirizzi IP jew evidenza elettronika oħra, u li tiġi żgurata l-ammissibbiltà tagħha fil-qorti huma kwistjonijiet ewlenin. Teħtieġ ukoll persunal tal-infurzar tal-liġi b’ħila kbira li jkunu kapaċi jlaħħqu maż-żieda konsiderevoli fil-kamp ta’ applikazzjoni, fis-sofistikazzjoni u fit-tipi ta’ ċiberkriminalità.

Hemm il-ħtieġa ta’ regoli ċari biex jiġi żgurat li prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta jiġu rispettati bis-sħiħ, filwaqt li l-infurzar tal-liġi jikseb aċċess għad-dejta li jeħtieġ biex tiġi protetta l-privatezza taċ-ċittadini kontra ċ-ċiberkriminalità u s-serq tal-identità. Il-kooperazzjoni mas-settur privat hija wkoll ta’ importanza kritika, bi sħubija pubblika-privata biex jiġi strutturat sforz komuni fil-ġlieda kontra l-kriminalità fuq l-internet. Ir-rispons għaċ-ċiberkriminalità (eż. phishing) għandu jinvolvi l-katina kollha: miċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol, l-Iskwadri ta’ Rispons f’Emerġenza Relatata mal-Kompjuters fl-Istati Membri kkonċernati mill-attakk, għal fornituri tas-servizz tal-internet li jistgħu jwissu lill-utenti finali u jipprovdu protezzjoni teknika. Fi ftit kliem, iċ-ċiberkriminalità titlob approċċ ġdid fir-rigward tal-infurzar tal-liġi fl-era diġitali.

Iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol jista’ jibni fuq il-ħidma eżistenti tiegħu biex isir ċentru ċentrali ta’ informazzjoni għall-infurzar tal-liġi f'dan il-qasam. Il-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa, li ġiet ratifikata mill-maġġoranza tal-Istati Membri, tibqa' l-istandard internazzjonali għal kooperazzjoni u mudell għal leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE. L-Istati Membri kollha għandhom jirratifikaw il-Konvenzjoni. Inizjattivi bħall-Grupp ta’ Ħidma tal-UE-l-Istati Uniti dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberkriminalità u l-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn juru l-valur tal-kooperazzjoni internazzjonali u għandhom jiġu promossi  filwaqt li għandhom jissaħħu s-sinerġiji ma' azzjonijiet ta' bini tal-kapaċità ċibernetika ffinanzjati permezz tal-istrumenti tal-assistenza esterna.

Il-Eurojust għandu jkompli jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika u jidentifika l-isfidi dwar il-ġbir u l-użu ta’ evidenza elettronika fl-investigazzjonijiet u fil-prosekuzzjonijiet ta’ reati ffaċilitati mill-Internet bis-salvagwardji meħtieġa. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li l-mezzi moderni kollha ta’ komunikazzjoni (bħall-voice-over internet protocol) jistgħu jiġu koperti minn investigazzjoni ġudizzjarja, prosekuzzjoni u assistenza legali reċiproka. Standards differenti dwar l-ammissibbiltà ta’ evidenza m'għandhomx jikkostitwixxu impediment għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

Azzjonijiet:

-    L-għoti ta' enfasi mġedda fl-implimentazzjoni tal-politiki eżistenti dwar iċ-ċibersigurtà, l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal;

-    Ir-rieżami u possibbilment l-estensjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti biex jieħdu kont ta’ forom ġodda ta’ kriminalità u l-iffalsifikar fi strumenti finanzjarji, bi proposti fl- 2016;

-    Ir-rieżami ta' ostakli għall-investigazzjonijiet kriminali dwar iċ-ċiberkriminalità, partikularment dwar kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni kompetenti u r-regoli dwar l-aċċess għal evidenza u għal informazzjoni;

-    It-tisħiħ tal-azzjoni tal-Bini tal-kapaċità ċibernetiċi taħt l-istrumenti ta’ għajnuna esterna.

4.    IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tistabbilixxi l-azzjonijiet meħtieġa biex tipprovdi livell għoli ta’ sigurtà interna fl-UE. Għandha tkun aġenda kondiviża. L-implimentazzjoni b’suċċess tagħha tiddependi fuq l-impenn politiku tal-atturi kollha konċernati biex jagħmlu aktar u li jaħdmu aħjar flimkien. Dan jinkludi tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE. Dan jirrikjedi perspettiva globali u s-sigurtà bħala waħda mill-prijoritajiet esterni ewlenin tagħna. L-UE għandha tkun tista’ tirreaġixxi għal avvenimenti mhux mistennija, taħtaf opportunitajiet ġodda u tantiċipa u tadatta xejriet ġejjiena f’riskji għas-sigurtà.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din l-aġenda bħala l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna mġedda, bil-ħsieb tal-Kunsill Ewropew li jmiss ta’ Ġunju 2015. Il-Kummissjoni tistieden impenn attiv fl-implimentazzjoni tal-aġenda, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi rilevanti kollha. Tistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu din l-aġenda bħala l-bażi għal kooperazzjoni u azzjoni konġunta mill-Unjoni dwar is-sigurtà fil-ħames snin li ġejjin, bil-għan li tiżviluppa żona ġenwina ta’ sigurtà interna tal-UE.

(1)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, EUCO 79/14 tas-27.6.2014; Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2014/2918 tas-17.12.2014; Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4.12.2014 dwar l-iżvilupp ta’ Strateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE.
(2) Bidu Ġdid għall-Ewropa. L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku. Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 15.7.2014
(3)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal- 25.2.2010 dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna għall-Unjoni Ewropea: Lejn Mudell Ewropew ta' Sigurtà; COM(2014) 154 finali tat-11.3.2014.
(4)  Suġġett għal termini speċifiċi ta’ Protokoll 22 li jikkonċerna d-Danimarka u l-protokoll 21 u 36 għal dak li jikkonċerna r-Renju Unit u l-Irlanda.
(5) Ara l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u s-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014, fil-kawżi konġunti C-293/12 u C-594/12, paragrafu 42.
(6)  L-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014, ikkwotata hawn fuq.
(7)  Artikolu 69 TFEU.
(8)  L-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-UE l-Europol, l-aġenzija tal-UE għall-ġestjoni ta’ kooperazzjoni operazzjonali fil-fruntieri esterni l-Frontex, l-aġenzija tal-UE ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja l-Eurojust, il-kulleġġ Ewropew tal-pulizija s-Cepol, l-aġenzija tal-UE għal sistemi tal-IT fuq skala kbira l-eu-LISA, u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga l-EMCDDA.
(9)  L-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima tal-UE (Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24.6.2014); l-Istrateġija tas-Sigurtà Ċibernetika (JOIN (2013) 1 finali tas-7.2.2013); l-Istrateġija għall-Ġestjoni tar-Riskju Doganali (COM(2014) 527 finali tal-21.8.2014); il-Qafas Strateġiku għal Kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12.5.2009); l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħazagħ (COM (2009) 200 finali tas-27.4.2009). Strateġija tal-UE biex jintensifikaw il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u forom oħra ta’ kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk (COM(2013) 324 finali tas-6.6.2013). L-aġenda tikkumplimenta wkoll inizjattivi li għaddejjin bħalissa, bħar-rieżami ta’ kontrolli strateġiċi fuq l-esportazzjoni (COM(2014) 244 finali tal-24.4.2014).
(10)  L-Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni hija waħda mill-inizjattivi tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2015.
(11)  Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/820/CFSP tat-23.10.2009 u 2010/88/PESK/ĠAI tat- 30.11.2009.
(12)  Il-Pożizzjoni Komuni 2005/69/ĠAI tal-24.1.2005.
(13)  L-AFIS hija mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).
(14)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23.6.2008 u Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat- 23.6.2008.
(15)  COM(2013) 173 final tas-27.3.2013. Parti tal-proposta ġiet sostitwita mill-proposta għal Regolament li jistabbilixxi aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi Cepol (COM(2014) 465 final tas-16.7.2014).
(16)  Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014, ikkwotata hawn fuq.
(17)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4.12.2014, imsemmija iktar’ il fuq.
(18)  It-tweġiba awtomatizzata għal tfittxija fl-indiċi turi biss jekk ikunx hemm dejta disponibbli ('hit') jew le ('no hit') fir-rekords tal-pulizija ta’ pajjiż ieħor. Fil-każ ta’ hit, tkun trid tintalab dejta addizzjonali permezz ta’ mezzi eżistenti għall-kooperazzjoni tal-pulizija.
(19)  L-operazzjoni Archimedes saret f’Settembru 2014; Ħadu sehem l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi minn 34 pajjiż; il-koordinazzjoni kienet ipprovduta mill-Europol. L-operazzjoni wasslet għal aktar minn 1000 arrest madwar l-Ewropa.
(20)  SEC(2010) 1626 finali tal-21.12.2010.
(21)  Artikolu 222 TFUE.
(22)  Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie stabbilit fl-2001 biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili madwar l-Ewropa.
(23)  Id-Deċiżjoni 1313/2013/UE tas-17.12. 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili
(24)  Dan jinkludi li l-livell tal-infrastruttura nazzjonali u lokali jsiru iktar reżiljenti għad-diżastri, il-promozzjoni tal-innovazzjoni, il-ħolqien ta’ rabtiet aktar effettivi bejn ir-riċerka, il-politika u l-operazzjonijiet, l-iżvilupp ta’ sħubijiet mas-settur privat u l-integrazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.
(25)  COM(2014) 527 final tas-21.8.2014.
(26)  COM(2014) 465 final tas-16.7.2014.
(27)  L-Orizzont 2020, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE għall-perjodu mill- 2014 sal-2020, taqsima dwar “Soċjetajiet siguri — Protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha”.
(28)  COM(2012) 417 of 26.7.2012.
(29)  L-utenti tal-internet fl-UE għadhom imħassba ħafna dwar iċ-ċiberkriminalità. 85 % jaqblu li r-riskju li wieħed isir vittma taċ-ċiberkriminalità qed jiżdied (Ewrobarometru dwar iċ-ċibersigurtà ppubblikat fi Frar 2015).
(30)  Ir-Regolament 1889/2005 tas-26.10.2005.
(31)  Din se tqis in-negozjati dwar Protokoll Addizzjonali li jissupplimenta l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu.
(32)  Id-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tat28.11.2008, id-Direttiva 2000/43/KE tad-29.6.2000, id-Direttiva 2000/78/EC tas-27.11.2000, u d-Direttiva 2010/13/UE tal-10.3.2010.
(33)  COM(2013) 941 final tas-15.1.2014.
(34)  Ir-4a Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u r-Regolament dwar informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi; ara l-proposti relatati tal-Kummissjoni COM(2013) 45 final tal-5.2.2013 u COM(2013) 44 final tal-5.2.2013.
(35)  Pjan ta’ azzjoni operattiv ta’ Diċembru 2014 bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illegali fl-armi tan-nar.
(36)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-5.4.2011; COM(2012) 286 finali tas-19.6.2012.
(37)  COM(2014) 64 finali tat-7.2.2014.
(38)  COM(2013) 48 final tas-7.2.2013.
(39)  Id-Direttiva 2013/40/UE tat-12.8.2013.
(40)  Id-Direttiva 2011/92/UE tat-13.12.2011;
(41)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28.5.2001.