52015DC0080

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U L-BANK EWROPEW GĦALL-INVESTIMENT Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem /* COM/2015/080 final */


1. GĦALIEX NEĦTIEĠU UNJONI TAL-ENERĠIJA

L-għan ta’ Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika ambizzjuża dwar il-klima biex tagħti lill-konsumaturi tal-UE — unitajiet domestiċi u negozji — enerġija sigura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli. Il-kisba ta’ dan l-għan tirrikjedi bidla fundamentali tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa.

Il-viżjoni tagħna hija ta’ Unjoni tal-Enerġija fejn l-Istati Membri jaraw li dawn jiddependu fuq xulxin għat-twassil tal-enerġija sigura għaċ-ċittadini tagħhom, ibbażata fuq solidarjetà reali u l-fiduċja, u ta’ Unjoni tal-Enerġija li titkellem b’leħen wieħed f’affarijiet globali;

Il-viżjoni tagħna hija waħda ta' sistema tal-enerġija integrata fmadwar il-kontinent kollu fejn l-enerġija timxi b’mod ħieles bejn il-fruntieri, ibbażata fuq il-kompetizzjoni u l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi, u b’regolamentazzjoni effettiva tas-swieq tal-enerġija fil-livell tal-UE fejn meħtieġ;

Il-viżjoni tagħna hija ta' Unjoni tal-Enerġija sostenibbli, b’livell baxx ta’ karbonju u ekonomija favur il-klima li hija maħsuba biex isservi fit-tul;

Il-viżjoni tagħna hija waħda ta' kumpaniji Ewropej b’saħħithom, innovattivi u kompetittivi  li jiżviluppaw prodotti industrijali u teknoloġija meħtieġa biex jiksbu aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju ġewwa u barra l-Ewropa,

Il-viżjoni tagħna hija li jkun hemm forza tax-xogħol Ewropea b’ħiliet għall-bini u l-ġestjoni tas-sistema tal-enerġija ta’ għada;

Il-viżjoni tagħna hija ta’ fiduċja tal-investituri permezz ta’ sinjali tal-prezzijiet li jirriflettu l-ħtiġijiet fit-tul u l-objettivi ta’ politika;

L-aktar importanti, il-viżjoni tagħna hija waħda ta’ Unjoni tal-Enerġija biċ-ċittadini fil-qofol tagħha, fejn iċ-ċittadini jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija, jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda biex jitnaqqsu l-kontijiet tagħhom, jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq, u fejn il-konsumaturi vulnerabbli jkunu protetti.

Sabiex nilħqu l-għan tagħna, irridu nimxu lil hinn minn ekonomija bbażata fuq il-karburant fossili, ekonomija fejn l-enerġija hija bbażata fuq approċċ ċentralizzat, min-naħa tal-provvista u li tiddependi fuq teknoloġiji qodma u mudelli ta’ negozju antikwati. Irridu nagħtu lill-konsumaturi s-setgħa li tingħatalhom informazzjoni, għażla u permezz tal-ħolqien ta’ flessibilità għall-ġestjoni tad-domanda kif ukoll tal-provvista. Irridu nitbiegħdu minn sistema frammentata kkaratterizzati minn politiki nazzjonali mhux koordinati, ostakoli għas-suq u żoni iżolati mill-enerġija.

Is-sistema Ewropea tal-enerġija f’ċifri L-aħħar dejta turi li l-UE importat 53 % tal-enerġija tagħha bi spiża ta’ madwar EUR 400 biljun, li jagħmilha l-ikbar importatur tal-enerġija fid-dinja. Sitt Stati Membri jiddependu fuq fornitur estern waħdieni għall-importazzjonijiet kollha tal-gass tagħhom u għalhekk għadhom wisq vulnerabbli għal xokkijiet tal-provvista. Ġie stmat ukoll li kull żieda addizzjonali ta' 1 % ta' ekonomija fl-użu tal-enerġija tnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass bi 2,6 %[1]. Mal-75 % tal-unitajiet residenzjali tagħna huma ineffiċjenti fl-enerġija. Mal-94 % tat-trasport jiddependi fuq prodotti taż-żejt, li 90 % minnhom huma importati. Kollettivament, l-UE nefqet aktar minn EUR 120 biljun fis-sena — direttament jew indirettament — fuq sussidji tal-enerġija, ħafna drabi mhux ġustifikati[2]. Aktar minn EUR 1 triljun għandhom jiġu investiti fis-settur tal-enerġija fl-UE sal-2020 biss[3]. Il-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa għall-pajjiżi Ewropej jinsabu f’livelli baxxi, minkejja li huma 30 % ogħla milli fl-Istati Uniti. Fl-istess ħin, wara t-taxxa, il-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi żdiedu b’medja ta’ 4,4 % mill-2012 sal-2013. Il-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa għadhom aktar minn darbtejn ogħla minn dawk fl-Istati Uniti[4]. Id-differenza fil-prezz ma’ ekonomiji oħrajn għandha impatt fuq il-kompetittività tal-industrija tagħna, b’mod partikolari l-industriji tagħna li jużaw ħafna enerġija. In-negozji tal-enerġija rinnovabbli Ewropea flimkien għandhom dħul ta’ EUR 129 biljun fis-sena u jħaddmu aktar minn miljun persuna[5]. Il-kumpaniji tal-UE għandhom sehem ta’ 40 % tal-privattivi kollha għal teknoloġiji rinnovabbli[6]. L-isfida hija li jinżamm ir-rwol ewlieni tal-Ewropa fl-investiment globali f’enerġija rinnovabbli[7].

Illum, l-Unjoni Ewropea għandha regoli tal-enerġija stabbiliti fil-livell Ewropew, iżda fil-prattika għandha 28 qafas regolatorju nazzjonali. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk Huwa meħtieġ suq integrat tal-enerġijabiex tinħoloq aktar kompetizzjoni, li jwassal għal effiċjenza akbar fis-suq permezz ta’ użu aħjar ta’ faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija madwar l-UE u biex jiġu prodotti prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi.

Is-suq tal-bejgħ bl-imnut mhuwiex qed jiffunzjona kif suppost. Ħafna konsumaturi domestiċi jkollhom ftit wisq għażla ta’ fornituri tal-enerġija u ftit wisq kontroll fuq l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom. Perċentwal għoli inaċċettabbli tal-unitajiet domestiċi Ewropej ma jistgħux jaffordjaw li jħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom.

L-infrastruttura tal-enerġija qed tiqdiem u mhijiex aġġustata għal żieda fil-produzzjoni mill-enerġiji rinnovabbli. Hemm bżonn li jiġu attirati l-investimenti, iżda t-tfassil attwali tas-suq u l-politiki nazzjonali ma jistabbilixxux l-inċentivi adattati u jipprovdu prevedibilità insuffiċjenti għall-investituri potenzjali.

Gżejjer tal-enerġija jkomplu jeżistu minħabba li bosta swieq mhumiex konnessi tajjeb mal-ġirien tagħhom. Dan iżid l-ispejjeż li jħabbtu magħhom il-klijenti u joħloq vulnerabilità f’termini tas-sigurtà tal-enerġija.

Għadna fuq quddiem fl-innovazzjoni u l-enerġija rinnovabbli, iżda partijiet oħra tad-dinja qed jilħquna b’rata mgħaġġla u diġà tlifna l-pożizzjoni fir-rigward ta' uħud mit-teknoloġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju nodfa.

Il-bini fl-investiment ta’ kumpaniji b'teknoloġija għolja, li jikkompetu globalment permezz ta’ politiki stabbli se jġibu l-impjiegi u t-tkabbir għall-Ewropa. Se jfeġġu setturi ġodda tan-negozju, mudelli ġodda ta’ negozju u opportunitajiet ġodda ta’ xogħol. Tali bidla trasformattiva taffettwa profondament ir-rwoli tal-atturi kollha fis-sistema tal-enerġija, inklużi l-konsumaturi.

L-Ewropa teħtieġ li tagħmel l-għażliet it-tajba minn issa. Jekk tkompli fuq din it-triq, l-isfida inevitabbli ta' bidla għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju se ssir dejjem aktar diffiċli minħabba l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' swieq tal-enerġija nazzjonali frammentati. Il-prezzijiet baxxi attwali taż-żejt u tal-gass, sakemm idumu, għandhom jinħatfu bħala opportunità storika — meta kkombinati mal-ispiża li qed tonqos ta’ forom iktar ekoloġiċi ta’ enerġija, UE b’politika dwar il-klima b'saħħitha u l-emerġenza ta’ teknoloġiji ġodda — biex terġa' tpoġġi l-politika tal-enerġija tal-UE fid-direzzjoni t-tajba: dik ta’ Unjoni tal-Enerġija.

2. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

L-istrateġija tal-Unjoni dwar l-enerġija għandha ħames dimensjonijiet interrelatati mill-qrib u li jsaħħu lil xulxin, imfassla biex iġibu sigurtà tal-enerġija akbar, sostenibilità u kompetittività:

- Sigurtà, solidarjetà u fiduċja tal-enerġija;

- Suq Ewropew tal-enerġija integrat b’mod sħiħ;

- Effiċjenza enerġetika li tikkontribwixxi lejn il-moderazzjoni tad-domanda;

- Dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, u

- Riċerka, Innovazzjoni u Kompetittività

2.1. Sigurtà, solidarjetà u fiduċja tal-enerġija

F’Mejju 2014, il-Kummissjoni spjegat fl-Istrateġija tas-Sigurtà tal-Enerġija[8] tagħha kif l-UE baqgħet vulnerabbli għal xokkijiet esterni fil-qasam tal-enerġija u talbet lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jagħmlu ċar għaċ-ċittadini l-għażliet involuti biex titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq fjuwils, fornituri u rotot tal-enerġija partikolari.  L-Unjoni tal-Enerġija hija bbażata fuq din l-istrateġija.

L-ixpruni ewlenin tas-sigurtà tal-enerġija huma t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija u konsum aktar effiċjenti tal-enerġija. Dan jiddependi fuq aktar trasparenza kif ukoll fuq aktar solidarjetà u fiduċja bejn l-Istati Membri. Is-sigurtà tal-enerġija tal-UE hija marbuta mill-qrib mal-ġirien tagħha.

Approċċi konġunti fil-qasam tal-enerġija jista’ jagħmel lil kull parti tal-Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha, pereżempju f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista jew tħarbit. L-ispirtu ta’ solidarjetà fi kwistjonijiet tal-enerġija huwa espliċitament imsemmi fit-Trattat, u huwa fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija.

Id-diversifikazzjoni tal-provvista (is-sorsi tal-enerġija, il-fornituri u rotot)

L-isfidi politiċi matul dawn l-aħħar xhur urew li d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, il-fornituri u r-rotot huma importanti ħafna biex jiġu żgurati provvisti tal-enerġija sikuri u b’saħħithom għaċ-ċittadini Ewropej u kumpaniji, li jistennew aċċess għal enerġija bi prezz li jista’ jintlaħaq u bi prezzijiet kompetittivi fi kwalunkwe mument. Sabiex tiġi żgurata d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass, għandha tiġi intensifikata l-ħidma fuq il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar biex tippermetti lill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali jesportaw il-gass lejn l-Ewropa. Fl-Ewropa ta’ Fuq, l-istabbiliment ta’ ċentri tal-gass likwidu b’bosta fornituri qed itejjeb bil-ħafna s-sigurtà tal-provvista. Dan l-eżempju għandu jiġi segwit fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u fiż-żona tal-Mediterran, fejn ċentru tal-gass tal-Mediterran qed jinħoloq.

Il-bini tal-infrastruttura li tagħti sorsi ġodda ta’ gass lill-UE tinvolvi bosta sħab, u hija kemm kumplessa kif ukoll għolja. Is-soluzzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet jeħtieġu azzjoni determinata fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għal dan il-proċess permezz tal-użu tal-istrumenti Komunitarji ta’ finanzjament disponibbli kollha b’mod partikolari l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (European Fund for Strategic Investments, EFSI) futuri, u bl-involviment sħiħ tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej. Madankollu, l-infrastruttura meħtieġa għandha wkoll tiġi stabbilita fl-UE, inkluża l-possibilità ta’ flussi fid-direzzjoni opposta, li jġibu l-gass sa fejn ikun meħtieġ.

Se nesploraw il-potenzjal sħiħ ta’ gass naturali likwifikat (liquefied natural gas, LNG), inkluż bħala back-up f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi meta l-gass li jkun dieħel lejn l-Ewropa permezz tas-sistema tal-pipeline eżistenti jkun insuffiċjenti. Żidiet fil-kummerċ tal-LNG se jgħin biex iqarreb il-prezzijiet tal-gass naturali dinjija lejn xulxin. Il-prezzijiet tal-LNG matul dawn l-aħħar snin kienu għola meta mqabbla mal-gass tal-pipeline minħabba, b’mod partikolari, l-ispejjeż għolja u d-domanda ta' likwefazzjoni, rigassifikazzjoni u trasport fl-Asja. Sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni se tipprepara strateġija komprensiva tal-LNG, li se tħares ukoll lejn l-infrastruttura tat-trasport meħtieġa li tgħaqqad punti ta’ aċċess tal-LNG mas-suq intern. Il-potenzjal ta’ ħażna tal-gass fl-Ewropa u l-qafas regolatorju li hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata ħażna tal-gass suffiċjenti għax-xitwa se tiġi indirizzata wkoll f’dan il-kuntest. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tneħħi l-ostakli għall-importazzjonijiet tal-LNG mill-Istati Uniti u produtturi oħra tal-LNG.

Minħabba d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni u l-isfidi globali tat-tibdil fil-klima, jeħtieġ li nieħdu miżuri addizzjonali biex jitnaqqas il-konsum taż-żejt tagħha. Il-prezzijiet taż-żejt huma attwalment baxxi minħabba l-produzzjoni żejda, flimkien ma’ konsum aktar baxx u żieda fl-effiċjenza tal-enerġija[9].

L-UE hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni ta’ fjuwil nukleari u servizzi relatati għal Stati Membri fejn l-enerġija nukleari hija parti mit-taħlita tal-enerġija. Id-diversifikazzjoni tal-provvista hija importanti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Il-Kummissjoni se taġġorna u ssaħħaħ ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tingħata, skont l- Artikolu 41 tat-Trattat Euratom, dwar proġetti ta’ stallazzjoni nukleari.

L-enerġija prodotta internament tikkontribwixxi wkoll biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija tal-Ewropa. Dan jinkludi partikolarment rinnovabbli, meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni, kif ukoll konvenzjonali u — għal dawk l-Istati Membri li jagħżluha — riżorsi fossili mhux konvenzjonali. Il-produzzjoni taż-żejt u l-gass minn sorsi mhux konvenzjonali fl-Ewropa bħall-gass tax-shale hija għażla, sakemm il-kwistjonijiet ta’ aċċettazzjoni pubblika u tal-impatt ambjentali jkunu indirizzati b’mod adegwat. 

Ħidma flimkien dwar is-sigurtà tal-provvista        

L-Istati Membri, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-industrija tal-enerġija u l-partijiet interessati l-oħra kollha jridu jaħdmu flimkien mill-qrib biex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-enerġija għaċ-ċittadini u l-kumpaniji Ewropej.

Fir-rigward taż-żejt, ittieħdu passi importanti diġà bl-adozzjoni ta’ direttiva dwar il-Ħażniet taż-Żejt tal-2009[10], li tipprevedi obbligi fuq l-Istati Membri biex jibnu u jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u petroliferi.

L-Istati Membri għandhom ikunu żgurati li f’sitwazzjonijiet tal-provvista ristretta, huma jistgħu jiddependu fuq il-ġirien tagħhom. Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2014 dwar ir-reżiljenza fis-settur tal-gass[11] enfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha fit-tweġiba għal interruzzjoni potenzjali tal-provvista. Biex tintroduċi ġestjoni tal-kriżi komuni, il-Kummissjoni se tipproponi pjanijiet ta’ prevenzjoni u ta’ emerġenza fil-livell reġjonali u fil-livell tal-UE, inklużi l-partijiet kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija. Is-solidarjetà fost l-Istati Membri, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżijiet tal-provvista, għandha tissaħħaħ. Dawn il-kwistjonijiet u l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tar-Regolament se jiġu kkunsidrati meta tkun qed tipproponi reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-għażliet għal mekkaniżmi volontarji għall-aggregazzjoni tad-domanda għal xiri kollettiv ta’ gass matul kriżi u fejn l-Istati Membri huma dipendenti fuq fornitur wieħed. Dan għandu jkun kompletament konformi mar-regoli tad-WTO u r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

Bosta Stati Membri bħalissa għandhom oqfsa ta' sigurtà tal-provvista tal-elettriku inadegwata fis-seħħ u jużaw approċċi skaduti u inkonsistenti biex jivvalutaw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. F'ħidma flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tistabbilixxi firxa ta’ livelli aċċettabbli ta’ riskju għall-interruzzjonijiet fil-provvista, u valutazzjoni tas-sigurtà tal-provvista bbażata fuq il-fatti, oġġettiva, madwar l-UE kollha kemm hi, u li tindirizza s-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Dan se jqis il-flussi transfruntiera, produzzjoni rinnovabbli varjabbli, ir-rispons għad-domanda u l-possibilitajiet ta’ ħżin. Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità għandhom jiġu żviluppati biss biex jindirizzaw is-sigurtà tal-provvista jekk valutazzjoni tal-adegwatezza tas-sistema reġjonali tindika ħtieġa bħal din, filwaqt li jitqies il-potenzjal tal-effiċjenza tal-enerġija u r-reazzjoni min-naħa tad-domanda[12]. 

Ir-rwol Ewropew aktar b’saħħitu fis-swieq globali tal-enerġija

L-Unjoni tal-Enerġija mhuwiex proġett li jħares ’il ġewwa. UE aktar b’saħħitha u aktar magħquda tista' timpenja ruħha b’mod aktar kostruttiv mal-imsieħba tagħha, għall-benefiċċju reċiproku tagħhom.

Il-politika tal-enerġija ta’ spiss tintuża bħala għodda ta’ politika barranija, b’mod partikolari fl-akbar pajjiżi li jipproduċu l-enerġija u pajjiżi ta’ tranżitu. Din ir-realtà għandha titqies meta tiġi diskussa l-politika barranija tal-enerġija tal-Ewropa.

Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandha ttejjeb l-abilità tagħha li tipproġetta l-piż tagħha fuq is-swieq globali tal-enerġija. Flimkien mal-imsieħba ewlenin tagħha, l-Unjoni Ewropea se taħdem lejn sistema mtejba ta’ governanza globali għall-enerġija, li twassal għal swieq globali tal-enerġija aktar kompetittivi u trasparenti.

Il-politika tal-UE dwar il-kummerċ tikkontribwixxi għal sigurtà akbar fl-enerġija u diversifikazzjoni permezz tal-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati mad-dispożizzjonijiet tal-enerġija fil-ftehimiet kummerċjali mal-imsieħba tagħha. Meta l-UE tinnegozja ftehimiet ma’ pajjiżi li huma importanti mill-perspettiva ta’ siġurtà ta’ provvista, il-Kummissjoni se jkollha l-prijorità li tinnegozja dispożizzjonijiet speċifiċi tal-enerġija li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-enerġija, b’mod partikolari l-aċċess għar-riżorsi, u l-miri tal-enerġija sostenibbli tal-Unjoni tal-Enerġija. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni se tkompli b’aġenda kummerċjali u ta’ investiment attiva fil-qasam tal-enerġija, inkluż l-aċċess għas-swieq barranin għal teknoloġija u servizzi tal-enerġija Ewropew[13].

Bħala parti mid-diplomazija Ewropea tal-enerġija u l-klima rivitalizzata, l-UE se tuża l-istrumenti kollha tagħha ta' politika barranija biex tistabbilixxi sħubijiet strateġiċi tal-enerġija ma’ pajjiżi produtturi u ta’ transitu dejjem aktar importanti jew reġjuni bħall-Alġerija u t-Turkija; l-Azerbajġan u t-Turkmenistan; il-Lvant Nofsani; l-Afrika u fornituri potenzjali oħra.

L-UE se tiżviluppa iktar is-sħubija tagħha man-Norveġja, it-tieni l-akbar fornitur tal-UE ta' żejt mhux maħdum u gass naturali. L-UE se tkompli tintegra n-Norveġja bis-sħiħ fil-politiki interni tagħha tal-enerġija. L-UE se tiżviluppa wkoll is-sħubijiet tagħha ma’ pajjiżi bħall-Istati Uniti u l-Kanada.

Meta l-kundizzjonijiet ikunu tajbin, l-UE se tikkunsidra qafas ġdid għar-relazzjoni tal-enerġija mar-Russja bbażati fuq kundizzjonijiet indaqs f’termini ta’ ftuħ tas-suq, kompetizzjoni ġusta, protezzjoni ambjentali u sigurtà, għall-benefiċċju reċiproku taż-żewġ naħat.

Se tingħata attenzjoni partikolari lit-titjib tas-Sħubija Strateġika dwar l-enerġija mal-Ukraina. Dan se jindirizza kwistjonijiet relatati mal-importanza tal-Ukraina bħala pajjiż ta’ tranżitu kif ukoll dawk relatati ma’ riformi tas-suq tal-enerġija tal-Ukraina, bħall-aġġornament tan-netwerk tal-gass tagħha, l-istabbiliment ta’ qafas regolatorju xieraq għas-suq tal-elettriku u ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija fl-Ukraina bħala mezz biex titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija importata.

Fil-viċinat immedjat tagħna, il-Kummissjoni se tipproponi t-tisħiħ tal-Komunità tal-Enerġija, biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-acquis tal-UE dwar l-enerġija u l-kompetizzjoni, ir-riformi tas-suq tal-enerġija u inċentivati l-investimenti fis-settur tal-enerġija. L-għan huwa integrazzjoni iktar mill-qrib tal-UE u s-swieq tal-Enerġija tal-Komunità . Ir-relazzjonijiet tal-enerġija mal-pajjiżi tas-Sħubija Ewropea tal-Viċinat (PEV) se jitqiesu fl-eżami li għaddej tal-PEV.

Aktar trasparenza dwar il-provvista tal-gass

Element importanti fl-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija (u b’mod partikolari l-gass) hija l-konformità sħiħa tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija minn pajjiżi terzi mal-liġi tal-UE. Dawn il-kontrolli ta’ konformità għal Ftehimiet Intergovernattivi (IGAs) u ftehimiet kummerċjali relatati bbażati fuq id-Deċiżjoni[14] rilevanti attwalment qed isiru wara Stat Membru u pajjiż terz ikunu kkonkludew ftehim. Fil-prattika, rajna li nnegozjar mill-ġdid ta' tali ftehimiet hija diffiċli ħafna. Il-pożizzjonijiet tal-firmatarji jkunu diġà stabbiliti, li joħloq pressjoni politika biex ma jinbidel ebda aspett tal-ftehim. Fil-ġejjieni, il-Kummissjoni għandha tkun infurmata dwar in-negozjar ta’ ftehimiet intergovernattivi minn stadju bikri, sabiex issir valutazzjoni ex ante aħjar tal-kompatibilità tal-IGAs mar-regoli tas-suq intern u jkunu żgurati l-kriterji tas-sigurtà tal-provvista. Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f’dawn in-negozjati ma’ pajjiżi terzi u moviment lejn klawżoli kuntrattwali standard tista’ wkoll b’mod aktar effettiv tevita pressjoni mhux dovuta u tiżgura r-rispett tar-regoli Ewropej. Għalhekk, il-Kummissjoni se tirrevedi d-Deċiżjoni tal-Ftehimiet Intergovernattivi u se tipproponi għażliet biex jiġi żgurat li l-UE titkellem b’vuċi waħda f’negozjati ma’ pajjiżi terzi. 

Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll biex tkun żgurata trasparenza xierqa ta’ kuntratti ta’ provvista tal-gass kummerċjali li jista’ jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-enerġija tal-UE, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni sensittiva.

2.2. Suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ

Minkejja l-progress li sar fi snin reċenti, is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa għadha mhijiex qed trendi l-potenzjal kollu tagħha. It-tfassil attwali tas-suq ma jwassalx għal investimenti suffiċjenti, il-konċentrazzjoni tas-suq u kompetizzjoni dgħajfa jibqgħu kwistjoni u x-xenarju tal-enerġija Ewropea għadha frammentata wisq. Għandna nagħtu spinta politika ġdida biex jitlesta s-suq intern tal-enerġija.

Il-hardware tas-suq intern: il-konnessjoni tas-swieq permezz ta’ interkonnessjonijiet

F’dan il-mument, is-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass Ewropea, b’mod partikolari l-konnessjonijiet transfruntiera, mhumiex biżżejjed sabiex is-suq intern tal-enerġija jaħdem kif suppost u biex ikun hemm konnessjoni tal-gżejjer tal-enerġija li għad fadal fin-netwerk ewlieni tal-elettriku.

Il-ħidma fuq proġetti infrastrutturali ġie aċċellerat f'dawn l-aħħar snin, aktar u aktar fid-dawl ta’ avvenimenti reċenti fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea. Fl-2013, l-Unjoni Ewropea identifikat 248 Proġett tal-infrastruttura tal-enerġija ta’ Interess Komuni (Projects of Common Interest, PCIs). Il-lista se tiġi riveduta u aġġornata aktar tard din is-sena u mbagħad mill-ġdid kull sentejn[15]. Fl-2014, l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà għall-Enerġija identifikat 33 proġett ta’ infrastruttura li huma essenzjali biex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista u biex jingħaqdu aħjar is-swieq tal-enerġija.

Mira minima speċifika ta’ interkonnessjoni ġiet stabbilita għall-elettriku ta’ 10 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ elettriku installata tal-Istati Membri, li għandu jinkiseb sal-2020. Il-miżuri meħtieġa biex tinkiseb din il-mira ta’ 10 % huma stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata f'dan il-Qafas Strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija. Fl-2016, il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 15 % sal-2030.

It-tranżizzjoni lejn sistema ta’ enerġija aktar sigura u sostenibbli se teħtieġ investimenti kbar f’ġenerazzjoni, netwerks u effiċjenza enerġetika, stmat għal madwar EUR 200 biljun kull sena fid-deċennju li ġej[16]. Filwaqt li s-settur privat se jġorr l-ispejjeż ta’ ħafna minn dawn l-investimenti, l-aċċess għall-finanzjament se jkun importanti. Illum, diġà jipprovdu l-mezzi l-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Barra minn hekk, il-proposta tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi se tipprovdi appoġġ addizzjonali, u għalhekk, jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess għall-finanzi għal proġetti ta’ sinifikat Ewropew bħal fin-netwerks tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-Kummissjoni se tesplora proposti għal reġimi tal-investiment fl-enerġija li jiġbru riżorsi biex jiffinanzjaw investimenti ekonomikament vijabbli, biex tiġi evitata d-distorsjoni u l-frammentazzjoni tas-suq.

L-investituri jistgħu jużaw il-Portal ta’ Investiment li qed jiġu stabbilit bħala parti mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi li huwa mfassal biex jagħti spinta lit-trasparenza ta’ sensiela ta’ proġetti ta’ investiment tal-UE biex jagħmlu l-informazzjoni aċċessibbli għal investituri potenzjali. Il-Kummissjoni se tiġbor ukoll informazzjoni dwar proġetti tal-infrastruttura ffinanzjati permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fondi ta' Politika ta' Koeżjoni tal-UE, biex ikun hemm aktar koerenza f’varjetà kbira ta’ skemi ta’ finanzjament eżistenti u biex jiġi massimizzat l-impatt tagħhom.

Il-Kummissjoni se tieħu kont regolarment tal-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura li jikkontribwixxu għall-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari fil-qafas tas-segwitu tal-PCI. Bħala parti minn dan l-eżerċizzju ta’ rendikont, hija se tagħmel rapport annwali dwar il-progress biex tintlaħaq il-mira ta’ 10 % ta’ interkonnessjoni tal-elettriku b’fowkus speċifiku fuq l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se torganizza wkoll struttura dedikata ta’ Forum għall-Infrastruttura tal-Enerġija fejn il-progress għandu jiġi diskuss mal-Istati Membri, gruppi ta’ kooperazzjoni reġjonali rilevanti kif ukoll mal-istituzzjonijiet tal-UE.   Dan se jiltaqa’ għall-ewwel darba fi tmiem l-2015.

L-implimentazzjoni u l-aġġornar tas-software tas-suq intern tal-enerġija

L-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar strett tal-enerġija eżistenti u leġislazzjoni relatata hija l-ewwel prijorità biex tiġi stabbilita Unjoni tal-Enerġija. Ma hemm l-ebda punt li jiġu żviluppati politiki ġodda u approċċi fuq pedamenti dgħajfa.

Il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti politiċi kollha disponibbli f’dan ir-rigward u se tinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw it-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija, b’mod partikolari rigward is-separazzjoni u l-indipendenza tar-regolaturi. Ċerti kundizzjonijiet ex ante għandhom jiġu ssodisfati sabiex il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ikunu jistgħu jintużaw għall-kofinanzjament tal-investimenti tal-enerġija. Dan se jgħin biex tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija.

Infurzar strett tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat se jgħin biex jipprevjeni l-kumpaniji milli jfixklu s-suq intern tal-enerġija. L-infurzar tal-antitrust jiżgura li l-enerġija tista’ timxi b’libertà billi jiġu indirizzati restrizzjonijiet territorjali f’kuntratti ta’ provvista kif ukoll iktar 'il fuq / iktar 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet u kwistjonijiet ta’ esklużjoni tan-netwerk (inklużi l-interkonnetturi).  Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll — permezz tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni — l-evoluzzjoni u l-formazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija.

Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona sew jeħtieġ qafas regolatorju effikaċi. It-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija jistabbilixxi korpi biex jiżguraw il-kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u r-regolaturi. Fil-kuntest tad-- diskussjoni tad-disinn tas-suq, il-funzjonament ta’ dawn il-korpi se tissaħħaħ. Bħalissa, deċiżjonijiet f’dawn il-korpi għadhom jirriflettu fehmiet nazzjonali. 

L-operazzjoni tas-sistema ta’ trasmissjoni se jkollha ssir ħafna aktar integrata biex tilħaq l-isfidi ta’ sistema tal-enerġija mibdula. In-Netwerks Ewropej tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku u tal-Gass (European Networks of Transmission System Operators for Electricity and Gas, ENTSO-E/G), li kienu wkoll stabbiliti permezz tat-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija, jeħtieġu li jiġu aġġornati biex jaqdu dan ir-rwol. Se jinħolqu ċentri operattivi reġjonali sabiex huma jkunu jistgħu jippjanaw u jiġġestixxu b’mod effettiv flussi transfruntiera tal-elettriku u l-gass.

L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (Agency for Cooperation of Energy Regulators, ACER) ġie stabbilit skont it-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija biex tgħin lir-regolaturi nazzjonali, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet transfruntiera. Madankollu, ACER attwalment taġixxi primarjament permezz ta’ rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet. Hija għandha drittijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet limitata ħafna, pereż, tista’ tieħu biss deċiżjonijiet wara talba tar-regolaturi nazzjonali jew jekk jonqsu milli jieħdu deċiżjoni f’ċertu perjodu ta’ żmien. Regolament għall-UE kollha tas-suq uniku għandha tissaħħaħ, permezz ta’ tisħiħ sinifikanti tas-setgħat u l-indipendenza tal-ACER biex iwettqu l-funzjonijiet regolatorji f’livell Ewropew sabiex tkun tista’ tissorvelja l-iżvilupp tas-suq intern tal-enerġija u r-regoli tas-suq relatati kif ukoll biex tittratta l-kwistjonijiet transfruntiera kollha meħtieġa għall-ħolqien ta’ suq intern mingħajr xkiel[17].

It-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija jiddisponi wkoll għall-adozzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk sabiex jgħin biex tiġi armonizzata l-fluss tal-elettriku u tal-gass bejn sistemi ta’ trasmissjoni differenti. Dan ix-xogħol irid jitlesta biex ikun żgurat funzjonament aħjar tas-swieq transfruntiera tal-enerġija. 

L-integrazzjoni tas-suq ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku rinnovabbli teħtieġ swieq flessibbli, kemm fuq in-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda, fi u lil hinn mill-fruntieri ta’ Stat Membru. Il-grids tal-elettriku għandhom għalhekk jevolvu b’mod sinifikanti. Hemm bżonn li jitwessgħu l-possibilitajiet ta’ ġenerazzjoni distribwita u l-ġestjoni fuq in-naħa tad-domanda, inkluż is-swieq intraday, biex jiġu żviluppati konnessjonijiet ġodda ta’ vultaġġ għoli fuq distanzi twal (supergrids) u teknoloġiji ġodda ta’ ħżin.

Il-Kummissjoni se tħejji proposta leġiżlativa ambizzjuża biex jiġi mfassal mill-ġdid is-suq tal-elettriku u li jorbot is-suq bl-ingrossa u bl-imnut. Dan se jżid is-sigurtà tal-provvista u jiżgura li s-suq tal-elettriku se jkun adattat aħjar għat-tranżizzjoni tal-enerġija li se ġġib għadd kbir ta’ produtturi ġodda, b’mod partikolari ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll jippermetti parteċipazzjoni sħiħa tal-konsumaturi fis-suq b’mod partikolari permezz ta’ reazzjoni għad-domanda. Integrazzjoni aktar mill-qrib, inkluż fuq livell reġjonali, aktar kummerċ transfruntiera u l-iżvilupp ta’ swieq kemm għal perjodu qasir kif ukoll fit-tul b’formazzjoni tal-prezzijiet effettiva se jagħti sinjali ta’ investiment tajbin kif ukoll il-flessibilità meħtieġa biex tippermetti l-integrazzjoni tas-suq ta’ sorsi ta’ ġenerazzjoni ġdida.

Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona bis-sħiħ, li jipprovdi sinjali ta’ investiment effiċjenti, huwa l-aħjar mezz biex titnaqqas il-ħtieġa għal mekkaniżmi ta’ kapaċità. Il-Kummissjoni diġà stabbiliet gwida[18] u regoli[19] li jillimitaw l-effetti negattivi ta' interventi pubbliċi mhux koordinati, mhux imfassla sew, u frammentati. Madankollu, l-applikazzjoni effettiva ta’ din il-gwida tista’ tkun biss l-ewwel pass biex jiġi żgurat li l-arranġamenti tas-suq nazzjonali diverġenti, bħall-mekkaniżmi ta’ kapaċità u l-iskemi ta' sostenn għall-enerġija rinnovabbli mhux koordinati għandhom jiġu aktar kumpatibbli mas-suq intern[20]. Għalkemm f’xi każijiet huma meħtieġa u ġustifikati biex jindirizzaw nuqqasijiet tas-suq, xi forma ta’ intervent pubbliku kellhom impatt negattiv serju fuq it-tħaddim effettiv tas-suq intern tal-enerġija. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tiżgura li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità u sostenn għal elettriku rinnovabbli huma kompletament konformi mar-regoli eżistenti u ma jfixklux is-suq intern tal-enerġija. Is-sussidji li huma ta’ ħsara għall-ambjent għandhom jitneħħew għal kollox[21]. Sistema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet riformata se jkollha rwol importanti wkoll fl-istabbiliment ta’ sinjali ta’ investiment tajbin.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tiżgura aktar trasparenza fil-kompożizzjoni tal-ispejjeż u l-prezzijiet tal-enerġija permezz tal-iżvilupp ta’ monitoraġġ u rappurtar regolari u dettaljati, inkluż dwar l-impatti tal-ispejjeż u l-prezzijiet tal-enerġija fuq il-kompetittività. Se tingħata attenzjoni partikolari għal interventi pubbliċi bħal tariffi regolati, il-politiki ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija u l-livell ta’ appoġġ pubbliku, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq mekkaniżmi ta’ prezzijiet, inklużi żbilanċi ta’ tariffi tal-elettriku.

Kooperazzjoni reġjonali msaħħa fi ħdan qafas komuni tal-UE

F’Unjoni tal-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw u jikkooperaw mal-ġirien tagħhom fl-iżvilupp tal-politiki tal-enerġija tagħhom. 

L-implimentazzjoni teknika tal-elementi differenti ta’ strateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tagħna se tkun kumplessa ħafna. Xi elementi, bħal arranġamenti ġodda fis-suq għal żmien qasir tas-swieq tal-gass u tal-elettriku, jew l-integrazzjoni tal-operazzjonijiet tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jiġu żviluppati u implimentati fil-livell reġjonali bħala pass lejn livell massimu ta’ integrazzjoni tas-swieq mal-UE kollha. L-arranġamenti eżistenti bħall-Forum Pentalaterali dwar l-Enerġija jew il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (Baltic Energy Market Interconnection Plan, BEMIP) huma inizjattivi li fuqhom għandu jinbena aktar. Is-suċċessi f’dawn ir-reġjuni għandu jaġixxi bħala katalist għal reġjuni oħra. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-inizjattivi reġjonali kollha jevolvu b’mod koerenti u li jwasslu lejn Suq Uniku tal-Enerġija integrat b’mod sħiħ.

Minħabba l-vulnerabilità partikolari tagħhom, hemm bżonn li titjieb il-kooperazzjoni, is-solidarjetà u l-fiduċja f’din il-parti tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk. Arranġamenti ta’ kooperazzjoni ddedikati jgħinu biex titħaffef l-integrazzjoni aħjar ta’ dawn is-swieq fis-suq usa’ tal-enerġija tal-Ewropa li ttejjeb il-likwidità u r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija u tippermetti użu sħiħ tal-effiċjenza tal-enerġija tar-reġjun u l-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni se tieħu inizjattivi konkreti f’dan ir-rigward bħala prijorità urġenti.

Għall-Ibħra tat-Tramuntana u Baltiku, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u l-industrija dwar il-kisba ta’ tnaqqis tal-ispejjeż għal dawn is-sistemi tal-enerġija lil hinn mill-kosta.

Patt ġdid għall-konsumaturi

F’Unjoni tal-Enerġija, il-konsumaturi fi Stat Membru wieħed għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u jixtru l-enerġija tagħhom b’mod liberu u sempliċiment minn kumpanija fi Stat Membru ieħor. Dan jeħtieġ aktar adattament tal-oqfsa regolatorji nazzjonali attwali minħabba li l-biċċa l-kbira tad-unitajiet domestiċi Ewropej jibqgħu l-konsumaturi passivi. F’xi Stati Membri, il-konsumaturi jkollhom għażla limitata ta’ fornituri u l-bdil bejn fornituri huwa relattivament ikkumplikati.

Sabiex tingħata s-setgħa lill-konsumaturi, l-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom jeħtieġu li jimplimentaw bis-sħiħ u jinforzaw ir-regoli Ewropej eżistenti, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji ta’ sostenn minn awtoritajiet reġjonali u lokali wkoll, sabiex il-konsumaturi jkollhom informazzjoni faċilment aċċessibbli, li tinftiehem, għodod faċli għall-utent, u inċentivi finanzjarji biex jiffrankaw l-enerġija.

Teknoloġiji intelliġenti se jgħinu lill-konsumaturi u l-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija li jaħdmu għalihom biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet disponibbli fis-suq tal-enerġija billi jieħdu f’idejhom il-kontroll tal-konsum tal-enerġija tagħhom (u possibbilment l-awtoproduzzjoni). Dan se jagħti aktar flessibilità fis-suq u potenzjalment inaqqas il-kontijiet tal-konsumaturi.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħti spinta għal standardizzazzjoni nazzjonali u biex tappoġġa t-tnedija ta' arloġġ intelliġenti[22] u biex jiġi promoss aktar żvilupp ta’ tagħmir intelliġenti u grids intelliġenti, sabiex jiġi ppremjat l-użu flessibbli tal-enerġija. Hija se tiżviluppa sinerġiji bejn l-Unjoni tal-Enerġija u l-aġenda tas-Suq Uniku Diġitali u tieħu miżuri sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-privatezza u ċ-ċibersigurtà.

Madankollu, dan se jirnexxi biss jekk il-prezzijiet tas-suq jinbagħtu s-sinjali t-tajba. F’għadd ta’ Stati Membri, it-tariffi rregolati għadhom jillimitaw l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva, li jiskoraġġixxi l-investimenti u l-emerġenza ta’ atturi ġodda fis-suq. Prezzijiet regolati għall-utenti finali huma ta’ spiss użati biex l-unitajiet domestiċi jew anki klijenti mhux domestiċi jiġu protetti minn żidiet fl-ispejjeż tal-enerġija. L-impatt ta’ miżuri bħal dawn jaqa’ fuq il-klijenti mhux regolati, fuq kumpaniji tal-elettriku u / jew il-finanzi pubbliċi, fejn żbilanċi ta’ tariffi tal-elettriku huma sostnuti. Madankollu, fuq medda twila ta’ żmien, dawn il-miżuri jkunu ta’ ħsara għall-interessi tal-konsumaturi li suppost jissalvagwardjaw. Il-Kummissjoni se tfittex l-eliminazzjoni gradwali ta’ prezzijiet irregolati li jkunu inqas mill-ispejjeż sal-2016 permezz tal-kompetizzjoni u oqfsa ta’ governanza ekonomika. Se tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu pjan ta' direzzjoni għat-tneħħija gradwali tal-prezzijiet regolati kollha.

Il-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli

Il-faqar fl-enerġija jaffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-ħajja u s-saħħa. Hija għandha diversi kawżi, li jirriżultaw l-aktar minn taħlita ta’ introjtu baxx u kundizzjonijiet ġenerali fil-faqar, djar ineffiċjenti u sistema ta' tenuta ta' djar li tonqos milli tinkoraġġixxi l-effiċjenza tal-enerġija. Il-faqar fl-enerġija jista’ jiġi indirizzat biss permezz ta’ taħlita ta’ miżuri, l-aktar fil-qasam soċjali u fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. Fl-eliminazzjoni ta’ prezzijiet regolati, l-Istati Membri jeħtieġu li tipproponu mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli, li jista' preferibbilment jiġi pprovdut permezz tas-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali. Jekk ikun ipprovdut permezz tas-suq tal-enerġija, jista' jiġi implimentati permezz ta’ skemi bħal tariffi ta’ solidarjetà jew bħala tnaqqis fuq il-kontijiet tal-enerġija. L-ispiża ta’ dawn l-iskemi jeħtieġ li tiġi koperta minn klijenti mhux eliġibbli b’mod kollettiv. Għalhekk, huwa importanti li sistema bħal din tkun immirata sew biex l-ispejjeż globali jinżammu baxxi u biex jillimitaw id-distorsjonijiet li joħorġu minn prezzijiet regolati (pereż. ma jiżdiedux aktar żbilanċi ta’ tariffi fl-Istati Membri).

2.3. Effiċjenza fl-użu tal-enerġija bħala kontribut lejn il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa f’Ottubru 2014 mira indikattiva fil-livell tal-UE ta’ mill-inqas 27 % għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija fl-2030. Dan se jiġi rivedut sal-2020, b’kont meħud tal-livell tal-UE ta’ 30 %. F’dan il-kuntest huwa meħtieġ li l-effiċjenza enerġetika jiġi maħsub mill-ġdid b’mod fundamentali u tiġi trattata bħala sors tal-enerġija fiha nnifisha, li tirrappreżenta l-valur ta’ enerġija ffrankata. Bħala parti mir-reviżjoni tad-disinn tas-suq, il-Kummissjoni se tiżgura li l-effiċjenza tal-enerġija u r-reazzjoni min-naħa tad-domanda jistgħu jikkompetu fuq termini ugwali mal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni.

Il-biċċa l-kbira tax-xogħol irid isir fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda l-Kummissjoni jista’ jkollha rwol b’saħħtu li joħloq il-qafas xieraq għal progress. Il-Kummissjoni għalhekk se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex l-effiċjenza enerġetika tingħata konsiderazzjoni primarja fil-politiki tagħhom.

L-UE diġà stabbiliet sett ta’ miżuri dinjija ewlenin biex insiru aktar effiċjenti fil-konsum tal-enerġija tagħna. Permezz tal-leġiżlazzjoni tat-tikkettjar tal-enerġija u tal-ekodisinn, il-konsumaturi jistgħu jagħmlu għażliet informati dwar il-konsum tal-enerġija. Filwaqt li s-setturi ekonomiċi kollha għandhom jieħdu passi biex tiżdied l-effiċjenza tal-konsum tal-enerġija tagħhom, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali għal dawk is-setturi b’potenzjal enormi tal-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tal-bini u tat-trasport. Il-Kummissjoni se tkompli tistabbilixxi sinerġiji bejn politiki ta’ effiċjenza tal-enerġija, politiki tal-effiċjenza tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkulari. Dan se jinkludi l-isfruttar tal-potenzjal ta’ “skart għall-enerġija”.

It-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tal-bini

It-tisħin u t-tkessiħ huwa l-akbar sors uniku tad-domanda għall-enerġija fl-Ewropa u l-maġġoranza tal-importazzjonijiet tal-gass tal-Ewropa huma użati għal dawn l-għanijiet. Gwadanji kbar fl-effiċjenza għad jistgħu jinġabru fir-rigward ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, li se jiġi indirizzat fi strateġija tal-Kummissjoni.

Azzjonijiet mill-Istati Membri, partikolarment fil-livelli lokali u reġjonali, huma meħtieġa sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-effiċjenza tal-enerġija tal-bini. L-attirar ta' investimenti fuq l-iskala meħtieġa tibqa’ sfida, speċjalment fil-livell lokali, l-aktar minħabba nuqqas ta’ għarfien u kompetenza f’finanzjament fuq skala żgħira. Il-Kummissjoni se tappoġġa modi biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għal finanzjament eżistenti kummerċjalment disponibbli għal strumenti finanzjarji għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-partijiet interessati għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment, tippromwovi skemi ta’ finanzjament ġodda bbażati fuq ir-riskju u t-tqassim tad-dħul, tiżviluppa metodi ġodda ta’ finanzjament u tappoġġa f’termini ta’ assistenza teknika. Appoġġ finanzjarju jeħtieġ li jkun ikkombinat ma’ appoġġ tekniku li jkun ta’ għajnuna biex tingħata għajnuna fl-aggregazzjoni ta' proġetti fuq skala żgħira fi programmi akbar li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u jattiraw is-settur privat fuq skala.

Il-ħidma ta’ Bliet Intelliġenti u Inizjattivi Komunitarji kif ukoll mal-Patt tas-Sindki, li primarjament huma mmexxija 'l quddiem mis-sindki, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-investituri, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri tas-servizzi, hija importanti biex jinkiseb progress dwar l-effiċjenza tal-enerġija fl-UE u barra minnha.  Din il-ħidma kellha l-appoġġ sod tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll l-inizjattiva “eċċellenza globali għall-effiċjenza enerġetika tat-tfassil tal-politika” bħala kontribut lejn il-pjan ta’ azzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika G20. Hija se tippromwovi bis-sħiħ l-adozzjoni ta’ għanijiet u miri ambizzjużi tal-effiċjenza tal-enerġija f’fora bħal tan-NU “Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd” u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija. Bħala mexxej globali fit-teknoloġija b'effiċjenza enerġetika, dan għandu jkun xprun għall-esportazzjonijiet, u t-tkabbir u l-impjiegi fl-UE.

Il-fondi tal-UE u l-finanzjament tal-BEI jista’ jagħmel differenza kbira. Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi jipprovdi opportunità biex jinkisbu l-investimenti kbar fir-rinnovazzjoni tal-bini. L-investimenti f’dan il-qasam jistgħu jipprovdu profitti kbar f’termini ta’ tkabbir u impjiegi.

Lejn settur tat-trasport dekarbonizzat, b’użu effiċjenti tal-enerġija

It-trasport jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-Ewropa. It-twetti ta' dan il-potenzjal fl-effiċjenza enerġetika jeħtieġ attenzjoni kontinwa fuq ir-restrizzjoni tal-istandards tal-emissjonijiet CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri u vannijiet wara l-2020, u fuq miżuri għal żieda fl-effiċjenza tal-karburant u t-tnaqqis ta' emissjonijiet CO2 għal vettura heavy-duty u xarabanks. Ġestjoni aħjar tat-traffiku għandha wkoll tiġi promossa bħala għodda moderna, li tħares’ il quddiem biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2.

Dan għandu jkun akkumpanjat minn miżuri biex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tas-suq uniku u biex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu tal-iskemi ta’ tariffa għall-użu tat-triq ibbażata fuq il-prinċipju ta’ min juża jħallas u min iniġġes iħallas u żżid l-isforzi biex tinħoloq żona unika Ewropea tat-trasport, abbażi tal-aħjar użu tal-flotta. Iffrankar konsiderevoli ta’ karburant jista' jintlaħaq ukoll billi jitneħħew l-ostakli fuq modi b’inqas gassijiet b’effett ta’ serra tat-trasport, bħall-ferroviji, it-trasport marittimu u fuq passaġġi tal-ilma interni, u billi dawn il-modi jsiru aktar attraenti u kosteffiċjenti. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-inizjattiva "Shift 2Rail"[23].

Il-Kummissjoni se tieħu wkoll azzjonijiet ulterjuri biex telimina l-karbonju mis-settur tat-trasport, li essenzjalment għadu jaħdem fuq prodotti taż-żejt. Dan se jeħtieġ trasformazzjoni gradwali tas-sistema kollha ta’ trasport kif ukoll l-iżvilupp u l-użu ta’ karburant alternattivi. Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni ulterjuri biex tippromwovi l-iskjerament rapidu tal-infrastruttura meħtieġa, jiġifieri stazzjonijiet ta’ riforniment u ta’ alimentazzjoni. [24] L-adozzjoni fis-suq ta’ vetturi bħal dawn tiddependi fuq l-infrastruttura, il-vetturi u l-karburanti li jitqiegħdu fis-suq flimkien.

L-elettrifikazzjoni tat-trasport hija importanti biex tinkiser id-dipendenza fuq iż-żejt u biex it-trasport jiġi dekarbonizzat, speċjalment għat-trasport tat-triq (distanza qasira u medja) u ferrovjarju. L-Ewropa għandha bżonn tħaffef l-elettrifikazzjoni tal-karozzi tagħha u mezzi oħra ta’ trasport u ssir mexxejja fl-elettromobbiltà u teknoloġiji ta’ ħżin tal-enerġija. Dan jeħtieġ integrazzjoni sħiħa ta’ vetturi elettriċi fil-politiki ta’ mobilità urbana u fil-grilja tal-elettriku, kemm bħala konsumaturi tal-enerġija kif ukoll fil-faċilitajiet tal-ħżin potenzjali.

2.4. Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija

Politika ambizzjuża dwar il-klima hija parti integrali tal-Unjoni tal-Enerġija tagħna. Il-politika dwar il-klima tal-UE hija bbażata fuq is-suq tal-karbonju mal-UE kollha (l-iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet), miri għat-tnaqqis ta’ gassijiet serra ambizzjużi iżda ġusti għas-setturi barra s-sistema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet u politika tal-enerġija li tagħmel l-Unjoni Ewropea fuq quddiem nett fl-enerġija rinnovabbli.

Politika ambizzjuża dwar il-Klima tal-UE

Il-ftehim dwar il-qafas dwar il-klima u l-enerġija 2030 iddefinixxa l-impenn tal-UE ta’ mill-inqas 40 % tat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta mqabbla mal-1990. Dan hija kontribuzzjoni ambizzjuża għan-negozjati internazzjonali dwar il-klima sabiex jintlaħaq ftehim vinkolanti dwar il-klima fl-2015. Din il-kontribuzzjoni hija spjegata fil-komunikazzjoni fit-Triq lejn Pariġi, ippreżentata fl-istess ħin bħal dan il-Qafas Strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se timpenja ruħha ma’ ekonomiji ewlenin oħra biex tikkonvinċihom jingħaqdu fl-ambizzjoni tal-Ewropa. Se tagħmel dan permezz ta' diplomazija tal-klima Ewropea attiva li tagħmel użu sħiħ mill-kummerċ u l-istrumenti tal-iżvilupp.

Il-pedament tal-politika dwar il-klima tal-Ewropa hija skema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet li taħdem sew. Bħala riżultat tar-Riżerva tal-Istabilità tas-Suq u l-miżuri meħtieġa biex tintlaħaq iż-żieda fl-ambizzjoni deċiża fil-qafas 2030, is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet se tagħti prezz sinifikanti fuq l-emissjonijiet tal-karbonju u tistimula tnaqqis kosteffiċjenti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra. Il-Kummissjoni Ewropea trid li s-sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet taqdi bis-sħiħ ir-rwol tagħha bħala sewwieq newtrali għat-teknoloġija, kosteffettiv u preżenti fl-UE kollha għal investimenti b’użu baxx tal-karbonju. Permezz tal-formazzjoni tal-prezzijiet tagħha fil-livell tal-UE ssaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u tistimula l-użu ta’ enerġija rinovabbli u b’użu baxx tal-karbonju u teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Politiki li jevitaw ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom jirriflettu l-livell ta’ sforzi li saru f’ekonomiji kbar oħra.

Għas-setturi li mhumiex inklużi fl-skema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, miri nazzjonali għad iridu jiġu stabbiliti u s-settur tal-art u tal-forestrija se jkunu inkorporati fil-qafas tal-UE 2030, filwaqt li jiġi żgurat li dawn is-setturi wkoll se jkollhom l-inċentivi t-tajbin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Li ssir l-ewwel f’enerġiji rinnovabbli

L-Unjoni Ewropea hija impenjata li li ssir il-mexxej dinji fl-enerġija rinnovabbli, iċ-ċentru globali fejn tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ enerġiji rinnovabbli teknikament avvanzati u kompetittivi. L-UE stabbiliet mira tal-UE ta’ mill-inqas 27 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-UE fl-2030.

L-UE diġà qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-2020 ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika tagħha, l-ispejjeż għall-kapaċità fotovoltajċi u tar-riħ ġodda naqsu b’mod sinifikanti l-aktar minħabba l-impenn tal-UE f’dan il-qasam, u fir-riforma tal-iskemi ta’ appoġġ għal aktar tnaqqis fl-ispejjeż miexi sew. Iżda sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 27 %, iridu jiġu ffaċċjati sfidi ġodda.

L-integrazzjoni progressiva u effiċjenti ta’ produzzjoni rinnovabbli f’suq kompetittiv li jippromwovi l-enerġija rinnovabbli u jmexxi l-innovazzjoni, is-swieq tal-enerġija u l-grilji għandhom ikunu tajba għal sorsi li jiġġeddu[25]. Il-leġiżlazzjoni eżistenti u regoli ġodda fis-suq jeħtieġu li jiġu implimentati bis-sħiħ, li jippermettu t-twettiq ta’ teknoloġiji ġodda tal-grilji intelliġenti u effiċjenti ta’ rispons għad-domanda tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

F’konformità mal-linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u tal-Enerġija, il-produzzjoni rinnovabbli għandħa tiġi appoġġata permezz ta’ skemi bbażati fuq is-suq li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq, jiżguraw il-kosteffettività u jevitaw kumpens żejjed jew distorsjoni. Finanzjament bi spejjeż baxxi għal rinnovabbli ta’ kapital intensiv jiddependi fuq li jkun hemm qafas ta’ investiment stabbli li jnaqqas ir-riskju regolatorju.. Dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-investituri u biex jiġbdu lejhom investimenti minn fondi internazzjonali, promoturi ta’ proġett fuq skala kbira u kooperattivi u unitajiet domestiċi f’qafas ibbażat fuq is-suq u li jżomm l-ispejjeż kapitali baxxi. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-kooperazzjoni[26] u l-konverġenza tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali li jwassal għal aktar ftuħ transkonfinali permezz ta’ diskussjonijiet fil-fond mal-Istati Membri fuq il-Gwida rispettiva tal-Kummissjoni[27] u l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u tal-Enerġija.

Deċiżjonijiet ta’ investiment fl-elettriku rinnovabbli għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi fiżiċi u d-disponibilità tar-riżorsi mal-grilja; aċċettazzjoni mill-pubbliku; il-post tal-konsum u l-ostakli amministrattivi. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi ġodda, b’mod partikolari l-interkonnessjonijiet, jeħtieġ li jnaqqas l-ispiża tal-integrazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fis-suq intern tal-enerġija.

Jeħtieġ li l-UE tinvesti f’karburant alternattivi avvanzat, sostenibbli, inklużi proċessi ta’ produzzjoni tal-bijokarburanti, u fil-bijoekonomija b’mod aktar ġenerali. Dan jippermettilna nżommu t-tmexxija teknoloġika u industrijali u nilħqu l-objettivi dwar il-bidla fil-klima. L-UE teħtieġ ukoll li tikkunsidra l-impatt tal-bijoenerġija fuq l-ambjent, l-użu tal-art u l-produzzjoni tal-ikel. Il-pjan ta’ investiment tal-UE, kif ukoll sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE, jistgħu jgħinu sabiex jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ.

2.5. Unjoni tal-Enerġija għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kompetittività

Strateġija ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) għandha tingħata post fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija. Jekk l-Unjoni Ewropea tal-Enerġija trid tkun in-numru wieħed fl-enerġija rinnovabbli, għandha tmexxi l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji rinnovabbli kif ukoll is-soluzzjonijiet ta’ ħażna.

Bl-istess mod, li l-UE tkun fuq quddiem nett ta’ grilji intelliġenti u ta’ teknoloġija tad-dar intelliġenti, trasport nadif, kif ukoll karburant fossili nodfa u l-ġenerazzjoni nukleari dinjija l-iktar sikura, huwa ċentrali biex tkun possibbli li l-Unjoni tal-Enerġija tkun mutur għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività.

Għalkemm sar progress importanti fit-titjib tal-effettività ta’ programmi ta’ riċerka tal-Ewropa, għad jista’ jsir ħafna aktar. Għadna 'l bogħod minn riċerka kkoordinata u ffukata bis-sħiħ, li tukkombina b’mod effettiv il-programmi tal-UE u tal-Istati Membri madwar għanijiet komuni u riżultati tanġibbli. Jekk irridu niksbu l-għanijiet tagħna, għandna bżonn niżguraw l-ogħla riżultati possibbli minn kull Euro investit madwar l-UE kollha.  Dan ifisser li jittieħed approċċ integrat biex joħloq sinerġiji; ħidma flimkien biex nikkoordinaw l-isforzi u jinkisbu r-riżultati; l-iżgurar ta' rabtiet aktar effettivi bejn ir-riċerka u l-industrija biex b’hekk jitwasslu t-teknoloġiji l-ġodda fis-suq fl-UE.

Sabiex jintlaħaq dan, l-approċċ il-ġdid għar-Riċerka u Zvilupp Ewropea fl-Enerġija[28] għandha tħaffef it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija.  Dan għandu jibni fuq Orizzont 2020 u jinvolvi l-Istati Membri kollha, il-partijiet interessati u l-Kummissjoni.

L-azzjonijiet għandhom ikunu miġbura madwar dawn l-erba’ prijoritajiet ewlenin, li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkommettu:

– Li tkun fuq quddiem nett fid-dinja fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli tal-ġenerazzjoni li jmiss li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluż fil-produzzjoni u l-użu tal-bijomassa u l-bijofjuwils, flimkien mal-ħażna tal-enerġija;

– L-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fit-tranżizzjoni tal-enerġija intelliġenti permezz ta’ grids intelliġenti, tagħmir tad-dar intelliġenti, bliet intelliġenti, u sistemi tal-awtomazzjoni fid-djar;

– Sistemi effiċjenti fl-enerġija, u l-użu tat-teknoloġija biex jagħmlu tal-istokk tal-bini newtrali fl-enerġija, u

– Sistemi ta' trasport aktar sostenibbli li jiżviluppaw u jużaw fuq skala kbira teknoloġiji u servizzi innovattivi biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra.

Barra minn dawn l-erba’ prijoritajiet komuni, hemm aktar prijoritajiet ta’ riċerka li jistħoqqilhom livell ħafna ogħla ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawk l-Istati Membri li jridu jużaw dawn it-teknoloġiji:

– Approċċ li jħares’ il quddiem għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (carbon capture and storage, CCS) u l-qbid u użu tal-karbonju (carbon capture and use, CCU) għas-setturi tal-enerġija kif ukoll is-settur industrijali, li se jkun kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima tal-2050 b’mod kosteffettiv. Dan se jirrikjedi qafas ta’ politika ta’ abilitazzjoni, inkluż riforma tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet u l-Fond ta’ Innovazzjoni l-Gdid, biex jiżdiedu l-kummerċ u ċ-ċarezza għall-investituri, li huwa meħtieġ biex tiġi żviluppata aktar din it-teknoloġija.

– L-enerġija nukleari bħalissa tipproduċi kważi 30 % tal-elettriku tal-UE[29]. L-UE għandha tiżgura li l-Istati Membri jużaw l-ogħla standards ta’ sikurezza, ġestjoni tal-iskart u nonproliferazzjoni. L-UE għandha wkoll tiżgura li żżomm it-tmexxija teknoloġika fil-qasam nukleari, inkluż permezz ta’ ITER[30], sabiex ma tiżdiedx id-dipendenza tal-enerġija u t-teknoloġija.

Tranżizzjoni misjuqa mill-innovazzjoni għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju toffri opportunitajiet kbar għal tkabbir u impjiegi. Se jfeġġu setturi ġodda tan-negozju, mudelli ġodda ta’ negozju u opportunitajiet ġodda ta’ xogħol. It-tmexxija teknoloġika għandha tiġi segwita minn żvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni industrijali jew ktajjen tal-provvista tat-teknoloġija fl-Ewropa kollha. Dan jeħtieġ li jinġabru flimkien ir-riċerka, l-industrija, is-settur tal-finanzjament u l-awtoritajiet pubbliċi. Strateġija industrijali effiċjenti fuq dawn il-linji tippermetti lill-industrija tal-UE tibbenefikaw mill-vantaġġ ta’ min jagħmel l-ewwel mossa, kemm domestikament kif ukoll fi swieq internazzjonali tat-teknoloġija, bl-effetti pożittivi fuq il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi.

Il-Kummissjoni se tesplora kif l-akkwist pubbliku jista’ jisfrutta l-potenzjal tagħha li taġixxi bħala katalista għal innovazzjoni industrijali u tan-negozju, u tkabbir ekoloġiku kemm fl-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Se tagħmel użu sħiħ mill-politika kummerċjali tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għas-swieq barranin għal teknoloġiji u servizzi relatati mal-Unjoni tal-Enerġija kif ukoll biex jiġi protett is-suq tal-UE minn prattiki kummerċjali inġusti, u tappoġġja pajjiżi oħra fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu sistemi ta’ enerġija moderni u sostenibbli. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u r-reġjuni biex jiġu żgurati sinerġiji bejn il-fondi differenti tal-UE u biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-innovazzjoni.

Il-bidla tfisser ukoll li xi setturi, mudelli ta’ negozju jew profili tal-impjiegi ser ikollhom jadattaw. Passaġġi vokazzjonali u ta’ taħriġ ieħor għal profili tax-xogħol ġodda jew adattati għandhom jiġu stabbiliti, li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet ġodda ta’ negozju u li jipprovdu lin-nies b’ħiliet professjonali tajba. It-tranżizzjoni tal-enerġija li hija xierqa u ġusta għalhekk teħtieġ taħriġ mill-ġdid jew il-bini tal-ħiliet tal-impjegati f’ċerti setturi u, fejn meħtieġ, miżuri soċjali fil-livell xieraq. Għarfien u esperjenza diretta tal-imsieħba soċjali huma kruċjali f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni se tinforma lis-sħab soċjali u tistedinhom sabiex jinkludu t-tranżizzjoni tal-enerġija fi djalogu soċjali tagħhom fil-livell Ewropew.

3. Il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija

L-Unjoni tal-Enerġija teħtieġ ukoll governanza integrata u l-proċess ta’ monitoraġġ, biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet marbutin mal-enerġija fil-livell Ewropew, reġjonali, nazzjonali u dak lokali kollha jikkontribwixxu għal objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-proċess ta’ governanza għandu jservi dawn l-objettivi li ġejjin:

- iġib flimkien l-enerġija u l-azzjonijiet dwar il-klima kif ukoll azzjonijiet f’oqsma ta’ politika rilevanti oħrajn, li jwassal għal aktar koerenza tal-politika u fuq medda itwal ta’ żmien. Dan jipprovdi wkoll gwida u ċertezza fit-tul għall-investituri;

- implimentazzjoni sikura tas-suq intern tal-enerġija u t-twassil tal-qafas tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija, b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-miri 2030 miftiehma dwar l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-Sistema tal-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet u l-interkonnetturi;

- simplifikazzjoni tal-ippjanar attwali u r-rekwiżiti ta’ rappurtar, biex jiġi evitat piż amministrattiv żejjed;

- involviment ta' djalogu dwar l-enerġija ma’ partijiet interessati għat-tfassil tal-politika u l-appoġġ għall-involviment attiv fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija;

- kooperazzjoni iktar profonda bejn Stati Membri, inkluż fuq livell reġjonali, u mal-Kummissjoni;

- titjib tad-dejta, ta’ analiżi u ta’ intelligenza meħtieġa biex jirfdu l-Unjoni tal-Enerġija billi tiġbor flimkien għarfien rilevanti u tagħmilha aċċessibbli għall-partijiet kollha interessati, u

- rappurtar annwali lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin u biex jiġi ggwidat id-dibattitu ta’ orjentazzjoni.

Il-Kummissjoni se tniedi proċess dinamiku ta’ governanza tal-Unjoni Ewropea dwar l-Unjoni tal-Enerġija Ewropea. Filwaqt li se jkun hemm rabtiet ċari bejn dan il-proċess ta’ governanza u s-Semestru Ewropew, iż-żewġ proċessi se jkunu ġestiti b’mod separat.

4. It-twettiq tal-Unjoni tal-enerġija

Il-kisba tal-Unjoni tal-Enerġija tfisser it-twassil fuq l-azzjonijiet deskritti f’din l-istrateġija, li huma miġbura fil-qosor fil-15-il punt hawn taħt. Il-pjan direzzjonali mehmuż li juri l-inizjattivi kollha li se jiġi żviluppat bħala parti mill-Istrateġija, bi skeda ċara għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni kif ukoll ir-responsabilitajiet rispettivi. Il-Kummissjoni tqis dawn bħala marbuta ma’ xulxin, indispensabbli u konsistenti mal-livell ta’ ambizzjoni li l-UE teħtieġ biex tittrasforma s-sistema tal-Enerġija tal-Ewropa.

L-implimentazzjoni b’suċċess tiddependi fuq l-impenn politiku tal-atturi kollha kkonċernati, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, il-Bank Ewropew tal-Investiment u partijiet interessati oħra, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

L-UE għandha tkun tista’ tirreaġixxi għal avvenimenti mhux mistennija, taħtaf opportunitajiet ġodda u tantiċipa u tadatta għal xejriet futuri. Kull meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni se tuża d-dritt tagħha ta’ inizjattiva biex tistabilixxi rispons xieraq għal avvenimenti.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din l-istrateġija biex titwettaq l-Unjoni tal-Enerġija u biex ikunu impenjati b’mod attiv fl-implimentazzjoni tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha.

*

*      *

L-Unjoni tal-Enerġija fi 15-il punt ta’ azzjoni 1. L-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar strett tal-leġiżlazzjoni tal-enerġija eżistenti u dik relatata hija l-ewwel prijorità biex tiġi stabbilita Unjoni tal-Enerġija. Ø Il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti kollha biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija, b’mod partikolari t-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija, u se tinforza b’mod strett ir-regoli tal-kompetizzjoni fit-Trattat. 2. L-UE teħtieġ li tiddiversifika l-provvista tal-gass tagħha u ssir aktar reżiljenti għal interruzzjonijiet fil-provvista. Ø Il-Kummissjoni se tipproponi pakkett ta’ reżistenza u ta’ diversifikazzjoni għall-gass fl-2015-2016 billi tirrevedi tar-Regolament eżistenti dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass. Ø Il-Kummissjoni se tħejji strateġija komprensiva għal gass naturali likwidu (LNG) u l-ħażna tiegħu, u Ø Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tiżviluppa aċċess għal fornituri alternattivi, inkluża rotta tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar, il-Mediterran u l-Alġerija, sabiex jonqsu d-dipendenzi eżistenti fuq fornituri individwali. 3. Ftehimiet intergovernattivi għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE u jkunu aktar trasparenti. Ø Il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi fl-2016 biex tiġi żgurata l-kompatibilità mal-leġiżlazzjoni tal-UE qabel ma jiġu nnegozjati l-ftehimiet, jinvolvu lill-Kummissjoni f’dawn in-negozjati, jiġu żviluppati klawżoli kuntrattwali standard li jkopru r-regoli tal-UE u kuntratti ta’ provvista ta’ gass kummerċjali jsiru aktar trasparenti. 4. L-infrastruttura adegwata hija prerekwiżit għat-tlestija tas-suq tal-enerġija, l-integrazzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u s-sigurtà tal-provvista. Ø Il-Kummissjoni se tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ infrastruttura kbar, b’mod partikolari Proġetti ta’ Interess Komuni, permezz tal-mezzi finanzjarji disponibbli, pereż. il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi futur biex jinkiseb il-finanzjament privat u pubbliku meħtieġ. Ø Il-Kummissjoni se tiġbor flimkien l-informazzjoni dwar proġetti ta’ infrastruttura ffinanzjati mill-UE biex iġġib aktar koerenza u biex jiġi massimizzat l-impatt tagħhom. Ø Il-Kummissjoni se toħloq Forum dedikat għall-Infrastruttura tal-Enerġija biex jiġi diskuss il-progress dwar proġetti kbar tal-infrastruttura mal-Istati Membri, gruppi ta’ kooperazzjoni reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE.  Dan se jiltaqa’ għall-ewwel darba fi tmiem l-2015. 5. Il-ħolqien ta’ suq tal-enerġija intern mingħajr xkiel li jibbenefika liċ-ċittadini, l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, l-integrazzjoni tas-sorsi rinnovabbli fis-suq u r-rimedju tal-iżvilupp tal-kapaċità li attwalment mhijiex ikkoordinata ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità fl-Istati Membri jsejħu għal reviżjoni tat-tfassil attwali tas-suq. Ø Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fl-2016. Ø Il-Kummissjoni se tipproponi disinn ġdid tas-suq tal-elettriku Ewropew fl-2015, li se jkun segwit minn proposti leġiżlattivi fl-2016. 6. Il-qafas regolatorju stabbilit permezz tat-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija għandu jiġi żviluppat aktar biex iwassal -suq intern tal-enerġija bla xkiel għaċ-ċittadini u l-kumpaniji. Ø Il-Kummissjoni ser tirrevedi l-qafas regolatorju, b’mod partikolari l-funzjonament mal-ACER u l-ENTSOs, fl-2015-2016 u se tipproponi azzjonijiet adatti biex issaħħaħ il-qafas regolatorju Ewropew. 7. Approċċi reġjonali għall-integrazzjoni tas-suq huma parti importanti mill-mixja lejn suq tal-enerġija integrat kompletament madwar l-UE. Ø Il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida dwar il-kooperazzjoni reġjonali u tipparteċipa b’mod attiv f’korpi reġjonali ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati. 8. Aktar trasparenza dwar l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll fuq il-livell ta’ appoġġ pubbliku se ttejjeb l-integrazzjoni tas-suq u l-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet li jfixklu s-suq intern. Ø Il-Kummissjoni se tipproduċi rapporti kull sentejn dwar il-prezzijiet tal-enerġija, tanalizza fil-fond ir-rwol ta’ taxxi u sussidji u tfittex it-tneħħija gradwali ta’ prezzijiet regolati taħt il-kost. Ø Fil-livelli nazzjonali u lokali, għandha tittieħed azzjoni biex jiġu protetti l-klijenti vulnerabbli permezz tal-politika soċjali. 9. L-UE stabbilixxiet għaliha nnfisha l-mira li jintlaħaq mill-inqas 27 % ifrankar tal-enerġija sal-2030. Ø Fl-2015 u l-2016, il-Kummissjoni se tirrevedi l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-effiċjenza fl-enerġija u se tipproponi reviżjonijiet, fejn meħtieġ, biex jirfdu l-mira għall-2030. Ø L-stati Membri u r-reġjuni għandhom jagħmlu aktar użu mill-fondi Ewropej għar-rinovazzjoni ta’ djar. 10. Il-bini għandu potenzjal kbir għal żieda fl-effiċjenza tal-enerġija. L-attrezzar mill-ġdid ta’ bini eżistenti sabiex isiru effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b’użu sħiħ tat-tisħin u t-tkessiħ tal-ispazju sostenibbli se titnaqqas l-ispiża għall-importazzjoni tal-enerġija tal-UE, tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija fid-djar u n-negozji. Ø Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-inizjattiva “Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti” għal bini eżistenti biex isiru aktar effiċjenti, filwaqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal strumenti ta’ finanzjament eżistenti. Ø Il-Kummissjoni se tipproponi strateġija biex jiġi ffaċilitat l-investiment fit-tisħin u t-tkessiħ. 11. L-UE għandha bżonn tħaffef l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni fis-settur tat-trasport, il-bidla għal karburant alternattivi progressiva tagħha u l-integrazzjoni ta’ sistemi tal-enerġija u tat-trasport. Ø Il-Kummissjoni se tipproponi pakkett komprensiv tat-trasport fit-toroq li jippromwovu pprezzar aktar effiċjenti ta’ infrastruttura, l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ trasport intelliġenti u t-tisħiħ tal-effiċjenza fl-enerġija. Ø Il-Kummissjoni se tieħu aktar azzjoni biex toħloq kundizzjonijiet tajbin tas-suq għal aktar użu ta’ karburant alternattiv u biex tkompli tippromwovi l-akkwist ta’ vetturi nodfa. Dan se jitwassal permezz ta’ taħlita ta’ miżuri nazzjonali, reġjonali u lokali, bl-appoġġ tal-UE. 12. L-UE qablet dwar qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030 fil-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru. Din issa jrid jiġi implimentat. L-UE se tipprovdi kontribut ambizzjuż għan-negozjati internazzjonali dwar il-klima. Ø Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni sabiex tintlaħaq il-mira għat-tnaqqis tal-gassijiet serra maqbul fil-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 kemm fis-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet kif ukoll fis-setturi barra s-Sistema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet. 13. L-UE qablet mal-objettiv ta’ mill-inqas 27 % fil-livell tal-UE għall-enerġija rinnovabbli sal-2030.  Ø Il-Kummissjoni se tipproponi Pakkett ġdid dwar l-Enerġija Rinnovabbli fl-2016-2017. Dan se jinkludi politika ġdida tal-bijomassa u l-bijofjuwils sostenibbli kif ukoll leġiżlazzjoni biex tiżgura li tintlaħaq il-mira tal-UE għall-2030 b’mod kosteffikaċi. 14. L-UE teħtieġ li tiżviluppa u strateġija ta' Riċerka u Żvilupp tal-enerġija u relatata mal-klima li tħares’ il quddiem biex tinżamm it-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa u tespandi l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni. Ø Il-Kummissjoni se tipproponi approċċ ta' Riċerka u Żvilupp Ewropew tal-Enerġija, li jinkludi Pjan Strateġiku ta' Teknoloġija tal-Enerġija u aġenda strateġika ta' Riċerka u Żvilupp għat-trasport, b’numru limitat ta’ prijoritajiet essenzjali u objettivi ċari, fl-2015-2016. Ø Il-Kummissjoni se tiżviluppa inizjattiva dwar it-tmexxija tat-teknoloġija u l-innovazzjoni globali dwar l-enerġija u l-klima biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir. 15. L-UE se tuża l-istrumenti kollha ta' politika esterna biex tiżgura li UE b'saħħitha u unita timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-imsieħba tagħha u titkellem b'vuċi waħda dwar l-enerġija u l-klima. Ø Il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President u l-Istati Membri se tagħti ħajja ġdida lid-diplomazija tal-enerġija u l-klima tal-UE. Ø Il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, se tiżviluppa aġenda attiva għat-tisħiħ tal-koperazzjoni tal-enerġija tal-UE ma' pajjiżi terzi, inkluż dwar enerġija rinnovabbli u effiċjenza enerġetika. Ø Il-Kummissjoni se tagħmel użu sħiħ mill-politika kummerċjali barranija tal-UE biex tippromwovi aċċess għar-riżorsi tal-enerġija u swieq barranin għat-teknoloġija u s-servizzi tal-enerġija Ewropea.

[1]       Il-Komunikazzjoni "L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija", COM(2014) 520.

[2]       L-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà tal-Enerġija, COM (2014) 330.

[3]       Estimi tal-Kummissjoni L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) tistma li EUR 1,3 biljun huma meħtieġa sal-2025 f’ġenerazzjoni, trasport u distribuzzjoni.

[4]       Il-kalkoli tad-DĠ Enerġija bbażati fuq ir-rapporti tas-suq Platts u d-dejta tal-IEA għall-ewwel nofs tal-2014.

[5]       Eur'Observeur 2014 report.

[6]       Meta mqabbel mat-32 % tas-sehem tal-UE tal-privattivi globali ġenerali.

[7]       UNEP-BNEF Global Trends in Renewable Energy Investments 2014.

[8]       COM(2014) 330.

[9]       It-tmexxija tal-UE se tkompli tmexxi 'l quddiem titjib fl-istandards u l-effiċjenza fuq livell globali, tnaqqas il-konsum taż-żejt fil-futur u b’hekk id-dipendenza tal-UE.

[10]     Id-Direttiva 2009/119/KE tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta' ħażniet ta' żejt mhux maħdum u / jew ta' prodotti petroliferi.

[11]     COM(2014) 654 finali.

[12]     Ara l-Komunikazzjoni “Li jsir l-aħjar użu ta’ interventi pubbliċi”, C(2013) 7243.

[13]     Inizjattivi bħal “kummerċ fi prodotti ekoloġiċi” se jgħinu biex jippromwovu prodotti li jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent u joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE.

[14]     Id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija.

[15]     Dan l-aġġornament se jinkludi Proġetti strateġiċi ta' Enerġija ta' Interess Komunitarju (Projects of Energy Community Interest, PECIs) li huma importanti biex itejbu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni tal-Enerġija, jekk ikunu wkoll konformi mal-kriterji biex isiru PCIs.

[16]     Il-pjan ta’ investiment tal-UE, COM(2014) 903.

[17]     Eżempji ta’ dan jistgħu jkunu deċiżjonijiet relatati ma’ infrastruttura ġdida li taffettwa aktar minn żewġ Stati Membri, dwar eżenzjonijiet minn flussi fiżiċi bidirezzjonali skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, allokazzjonijiet tal-ispejjeż transfruntiera skont ir-Regolament TEN-E jew simili.

[18]     Ara l-Komunikazzjoni “Li jsir l-aħjar użu ta’ interventi pubbliċi”, C(2013) 7243.

[19]     Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija (EEAG), ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1-55.

[20]     L-applikazzjoni tal-EEAG għall-iskemi ta’ appoġġ approvati sa issa llimita parzjalment l-effetti ta’ frammentazzjoni, madankollu, hemm bżonn ta’ aktar azzjoni.

[21]     Ara l-Pjan direzzjonali dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi (COM(2011) 571) u Il-Komunikazzjoni tal-2012 dwar is-suq intern tal-enerġija (COM(2012) 663), b'konformità mal-impenn tal-G20.

[22]     Ara r-rapport “Valutazzjoni komparattiva tal-utilizzazzjoni tal-metraġġ intelliġenti fl-UE-27 b’enfasi fuq l-elettriku”, COM(2014) 356.

[23]     Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 642/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail.

[24]     Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istallazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi.

[25]     Biex is-swieq ikunu adattati għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tfisser li swieq ta’ terminu qasir jeħtieġu li jiżviluppaw f'funzjonament profond, likwidu u fil-ħin reali. Grilji tal-enerġija eżistenti mfassla u ta’ spiss ġestiti għal produzzjoni tal-enerġija konvenzjonali f'ambitu nazzjonali huma subottimali għal futur fejn il-provvista minn sorsi rinnovabbli se isir dejjem aktar importanti u fejn l-ibbilanċjar huwa meħtieġa biex tiġi kkumpensata l-varjabilità inerenti tagħhom.

[26]     Bosta Stati Membri qed jikkunsidraw li jużaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tagħhom b’mod kosteffikaċi. Il-Kummissjoni appoġġat dan il-proċess billi għenet lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet tekniċi u finanzjarji relatati ma’ dawn il-mekkaniżmi transkonfinali.

[27]     Gwida tal-Kummissjoni Ewropea għat-tfassil ta’ skemi ta’ sostenn għall-enerġija rinnovabbli, SWD(2013) 439; Gwida dwar l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fl-enerġija rinovabbli, SWD(2013) 440.

[28]     Dan għandu jinkludi aġġornament tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija u aġenda Riċerka u Żviluppgħat-trasport strateġiku.

[29]     Ara l-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea tal-Enerġija, COM(2014) 330.

Pjan Direzzjonali għall-Unjoni dwar l-Enerġija

Taqsiriet Użati: SoS: Sigurtà tal-Provvista / IEM: Is-suq Intern tal-Enerġija / EE: Effiċjenza Enerġetika / GHG: Gassijiet b’effett ta’ serra / R&I: Riċerka u Innovazzjoni

Azzjonijiet || Il-parti responsabbli || Skeda ta' żmien || SoS || IEM || EE || GHG || R&I

L-Infrastruttura || || || || || || ||

L-implimentazzjoni effettiva tal-mira ta’ 10 % tal-interkonnessjoni tal-elettriku || Il-Kummissjoni L-Istati Membri L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali L-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni || 2015-20 || X || X || || X ||

It-tieni lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni (PCI) - li twassal għal Att iddelegat tal-Kummissjoni || Il-Kummissjoni L-Istati Membri || 2015 || X || X || || X ||

Komunikazzjoni dwar il-progress lejn it-tlestija tal-lista tal-aktar infrastrutturi vitali tal-enerġija u dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 15 % ta’ interkonnessjoni tal-elettriku għall-2030 || Il-Kummissjoni || 2016 || X || X || || ||

Il-Ħolqien ta’ Forum tal-Infrastruttura tal-Enerġija || Il-Kummissjoni L-Istati Membri || 2015 || X || X || || ||

L-Elettriku || || || || || || ||

Inizjattiva dwar id-disinn tas-suq u s-swieq reġjonali tal-elettriku u koordinazzjoni tal-kapaċitajiet li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista, l-ixprunar tal-kummerċ transfruntier u l-iffaċilitar tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli || Il-Kummissjoni || 2015-2016 || X || X || X || X ||

Reviżjoni tad-Direttiva dwar miżuri sabiex ikun hemm salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku || Il-Kummissjoni || 2016 || X || X || || X ||

Is-Settur tal-Konsumatur || || || || || || ||

Patt Ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija: L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi, l-użu tar-Rispons tad-Domanda; l-użu tat-teknoloġija intelliġenti; tinħoloq rabta bejn is-swieq bl-ingrossa u dawk bl-imnut; Tneħħija gradwali ta’ prezzijiet irregolati; miżuri ta' appoġġ sabiex jitħarsu l-konsumaturi vulnerabbli || Il-Kummissjoni L-Istati Membri || 2015-2016 || || X || X || X || X

Il-Gass || || || || || || ||

Reviżjoni tar-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass || Il-Kummissjoni || 2015-2016 || X || X || || ||

Strateġija dwar il-Gass Naturali Likwidu u l-ħażna tiegħu || Il-Kummissjoni || 2015-2016 || X || || || ||

Il-Qafas regolatorju || || || || || || ||

Reviżjoni tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u l-qafas regolatorju tal-enerġija || Il-Kummissjoni || 2015-16 || X || X || || X ||

Is-Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli || || || || || || ||

Pakkett dwar l-Enerġija Rinnovabbli: li jinkludi Direttiva ġdida dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-2030; l-aħjar prattiki għall-awtokonsum tal-enerġija rinnovabbli u għall-iskemi ta’ appoġġ għaliha; politika tas-sostenibbiltà tal-bijoenerġija. || Il-Kummissjoni || 2015-2017 || X || X || || X ||

Komunikazzjoni dwar Skart f'Enerġija || Il-Kummissjoni || 2016 || X || || || X ||

L-Azzjoni dwar il-Klima || || || || || || ||

Proposta leġiżlattiva biex tiġi riveduta s-Sistema Komunitarja għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, 2021-2030 || Il-Kummissjoni || 2015 || X || X || || X ||

Proposti leġiżlattivi dwar id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi u l-inklużjoni tal-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF) fil-Qafas għall-Klima u l-Enerġija għall-2030 || Il-Kummissjoni || 2016 || || || || X ||

L-Azzjonijiet tat-trasport || || || || || || ||

Prezzijiet ġusti u effiċjenti għal trasport sostenibbli – reviżjoni tad-Direttiva "Eurovignette" u qafas sabiex jippromwovi l-ġbir elettroniku tan-nollijiet fuq livell Ewropew || Il-Kummissjoni || 2016 || || || X || X ||

Reviżjoni tar-regoli dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport bit-triq biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika || Il-Kummissjoni || 2016 || || || X || X ||

Pjan Ewlieni għall-użu ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi || Il-Kummissjoni L-Istati Membri L-Industrija || 2016 || || || X || X || X

Reviżjoni ta’ Regolamenti li jistabbilixxu standards ta’ prestazzjoni tal-emissjonijiet sabiex ikunu stabbiliti miri għal wara l-2020 għal karozzi u vannijiet || Il-Kummissjoni || 2016 - 2017 || || || X || X || X

Li tkun stabbilita sistema ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar għal vetturi heavy-duty (trakkijiet u karozzi tal-linja) bil-ħsieb li jittejjeb it-tagħrif tax-xerrej || Il-Kummissjoni || 2016-2017 || || || X || X || X

Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Promozzjoni ta’ Vetturi tat-Trasport bit-Triq Nodfa u Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija || Il-Kummissjoni || 2017 || || || X || X ||

Komunikazzjoni dwar id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, li tinkludi pjan ta’ azzjoni dwar il-bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni u fjuwils alternattivi u sostenibbli oħra || Il-Kummissjoni || 2017 || || || X || X || X

L-Effiċjenza enerġetika || || || || || || ||

Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika || Il-Kummissjoni || 2016 || X || || X || X || X

Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Bini f'termini ta' Enerġija li tinkludi l-inizjattiva għall-Finanzjament Għaqli għal Bini Intelliġenti || Il-Kummissjoni || 2016 || X || || X || X || X

Reviżjoni tal-qafas tal-effiċjenza fl-enerġija għal prodotti (id-Direttiva dwar l-Ittikkettjar tal-Enerġija u d-Direttivi dwar l-Ekodisinn) || Il-Kummissjoni || 2015 || X || || X || X || X

Tisħiħ tal-użu mmirat tal-istrumenti finanzjarji sabiex ikunu appoġġjati l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija || Il-Kummissjoni || 2015 - || || || X || X ||

It-Tisħin u t-Tkessiħ || || || || || || ||

Strateġija tal-UE għat-Tisħin – il-kontribut tat-tisħin u t-tkessiħ għat-twettiq tal-għanijiet tal-UE dwar l-enerġija u l-klima || Il-Kummissjoni || 2015 || X || X || X || X || X

Il-Politika Esterna dwar il-Klima u l-Enerġija || || || || || || ||

Id-diplomazija fil-linji ta' politika tal-UE għall-Enerġija u l-Klima || Il-Kummissjoni HR/VP L-Istati Membri || 2015 || X || X || || X || X

Reviżjoni tad-Deċiżjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija || Il-Kummissjoni HR/VP || 2016 || X || X || || ||

Djalogi dwar l-enerġija ġodda u msaħħin ma’ pajjiżi ta’ importanza għall-politika tal-enerġija tal-UE || Il-Kummissjoni HR/VP || 2015 - || X || X || X || X || X

Memorandum ta’ Ftehim dwar sħubija strateġika aġġornata mal-Ukraina || Il-Kummissjoni HR/VP Il-Parlament Ewropew Il-Kunsill || 2015 || X || X || || ||

Memorandum ta’ Ftehim trilaterali dwar il-pipelines Trans-Kaspju mal-Ażerbajġan u t-Turkmenistan || Il-Kummissjoni HR/VP Il-Parlament Ewropew Il-Kunsill || 2015 || X || X || || ||

Inizjattiva sabiex tissaħħaħ il-Komunità tal-Enerġija || Il-Kummissjoni Il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija HR/VP || 2015 || X || X || || ||

Li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Euromed dwar il-gass, l-elettriku, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli || Il-Kummissjoni HR/VP || 2015-2016 || X || X || || ||

L-adozzjoni u l-iffirmar tal-Karta tal-Enerġija internazzjonali ġdida f’isem l-UE u l-EURATOM || Il-Kummissjoni HR/VP || 2015 || X || X || || ||

Il-kompetittività industrijali || || || || || || ||

Approċċ Ewropew ġdid għar-riċerka u l-iżvilupp tal-enerġija sabiex titħaffef it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija u li jikkonsisti fi - Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-pjan SET) integrat - aġenda strateġika għar-riċerka u l-iżvilupp tat-trasport || Il-Kummissjoni || 2015-2017 || || || || || X

Analiżi tal-prezzijiet u tal-ispejjeż tal-enerġija (inklużi t-taxxi u s-sussidji) || Il-Kummissjoni || 2016 u mbagħad kull sentejn || || X || || ||

Inizjattiva dwar it-tmexxija globali tal-UE fit-teknoloġija u l-innovazzjoni dwar l-enerġija u l-klima sabiex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi || Il-Kummissjoni || 2015-2016 || || || X || X || X

Politika kummerċjali msaħħa sabiex tkun iffaċilitata l-esportazzjoni ta’ teknoloġiji tal-UE || Il-Kummissjoni || 2015-2019 || X || X || || || X

Miżuri trażversali || || || || || || ||

Reviżjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija || Il-Kummissjoni          || 2017-2019 || X || X || X || X || X

Rapport dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà għall-Enerġija; inkluż pjattaforma u pjan direzzjonali għall-Euromed u strateġiji ta’ LNG, ħażna ta’ enerġija u l-kuritur tal-gass tan-Nofsinhar || Il-Kummissjoni || 2015-2016 || X || X || X || X || X

Dejta, analiżi u intelligence għall-Unjoni tal-Enerġija:  inizjattiva sabiex l-għarfien rilevanti jinġabar flimkien u jkun aċċessibli faċilment fil-Kummissjoni u l-Istati Membri || Il-Kummissjoni || 2016 || X || X || X || X || X

L-Enerġija Nukleari || || || || || || ||

Ir-Regolament tal-Kunsill li jaġġorna r-rekwiżiti tal-informazzjoni tal-Artikolu 41 tat-Trattat tal-Euratom fid-dawl tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà tal-Enerġija || Il-Kummissjoni || 2015 || X || X || || ||

Komunikazzjoni dwar Programm Nukleari Illustrattiv (PINC) skont Artikolu 40 tat-Trattat Euratom || Il-Kummissjoni || 2015 || X || || || X ||