14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/30


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ

2014/C 183/07

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR L-ISFOND POLITIKU GĦAL DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET, KIF JINSABU FL-ANNESS GĦALIHOM,

JILQA':

il-progress miksub fl-iżvilupp ta' kultura ta' titjib kontinwu fil-kwalità fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-Ewropa – għalkemm fi gradi varji minħabba l-punti tat-tluq differenti – kif enfasizzat f'għadd ta' rapporti reċenti tal-Kummissjoni (1).

JIKKUNSIDRA LI:

1.

Bħala kontributuri ewlenin fl-isforz lejn impjiegi aħjar, tkabbir u kompetittività aktar b'saħħithom, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE jiffaċċjaw sfidi sinifikanti li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' titjib kontinwu fil-kwalità. Dawn l-isfidi jinkludu: it-tkabbir tal-aċċess; it-tnaqqis tar-rati ta' waqfien qabel iż-żmien u t-titjib ta' dawk ta' ritensjoni; l-appoġġ għat-tagħlim innovattiv; u l-iżgurar li l-istudenti jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għal soċjetà inklużiva, ċittadinanza attiva, tagħlim matul il-ħajja kollha u l-impjegabbiltà, irrispettivament mill-isfondi soċjali u ekonomiċi tagħhom.

2.

Il-mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jista' jkollhom rwol importanti fl-għajnuna tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u għal dawk li jfasslu l-politika biex jegħlbu dawk l-isfidi, filwaqt li jiżguraw li l-kwalità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u dik ta' istituzzjonijiet individwali huma adatti għall-iskop tagħhom. L-assigurazzjoni tal-kwalità – bħala parti minn firxa ta’ miżuri minn gvernijiet u istituzzjonijiet – iżżid it-trasparenza u hija l-bażi tal-fiduċja fir-rilevanza u l-kwalità tal-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi, u l-kwalifiki, li min-naħa tagħha hija bbażata fuq il-fiduċja fil-kwalità tal-istituzzjonijiet u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.

L-istrumenti Ewropej tal-assigurazzjoni tal-kwalità, flimkien mal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki (QEK), il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għaż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u oqfsa nazzjonali għall-kwalifiki relatati magħhom, kollha kkontribwixxew għall-iżvilupp ta' kultura tal-kwalità fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li min-naħa tagħhom iffaċilitaw ukoll il-mobbiltà tat-tagħlim u tax-xogħol bejn is-sistemi u b'mod transkonfinali.

4.

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), arranġamenti flessibbli ta’ assigurazzjoni tal-kwalità jistgħu jappoġġjaw titjib tal-kwalità tat-tagħlim formali u mhux formali fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll jittrattaw fenomeni li qed jikbru bħar-Riżorsi Edukattivi Miftuħa u l-edukazzjoni transkonfinali, inkluż il-franchising (2).

JAQBEL LI:

1.

Jeżisti kamp ta' applikazzjoni konsiderevoli għal approċċi aktar effettivi għall-assigurazzjoni tal-kwalità fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jitbiegħdu minn approċċ ta' “lista ta' kontroll” lejn l-iżvilupp ta' kultura ta' kwalità ġenwina u b'għeruq sodi fit-tagħlim li tista' tgħolli l-istandards u ttejjeb l-eżiti tat-tagħlim.

2.

L-assigurazzjoni tal-kwalità - fi ħdan qafas ta’ titjib kontinwu tal-kwalità - għandha tappoġġa ir-riformi tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ f'konformità mal-aġendi ta’ riforma tal-UE u dawk nazzjonali.

3.

Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, l-assigurazzjoni tal-kwalità - b'mod partikolari l-assigurazzjoni tal-kwalità interna - saret dejjem aktar effettiva biex tassisti lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja (HEIs) biex jilħqu l-għanijiet tagħhom. Id-disinn tal-assigurazzjoni tal-kwalità esterna hija differenti fost l-Istati Membri u tiddependi mill-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, bi programm ta' akkreditazzjoni u evalwazzjoni f'livell istituzzjonali, fost oħrajn, li jikkontribwixxi għal żieda fil-fiduċja u t-titjib tal-istandards. It-tendenza fl-assigurazzjoni esterna tal-kwalità lejn evalwazzjoni f'livell istituzzjonali qed tikber, u tippermetti lill-HEIs jadattaw il-forniment tagħhom b’mod aktar flessibbli li jwieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom u ta' dawk tal-istudenti, is-suq tax-xogħol u s-soċjetà.

4.

Fl-istess qasam, il-kooperazzjoni transkonfinali fl-assigurazzjoni tal-kwalità għandha rwol vitali biex tibni l-fiduċja u tgħolli l-istandards tal-kwalità, biex tappoġġa l-mobbiltà tat-tagħlim, biex ittejjeb l-ambjent għall-programmi konġunti u biex tikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr xkiel tal-edukazzjoni għolja transkonfinali u dik bi franchising. Il-ftuħ ta' opportunitajiet għal aġenziji ta' assigurazzjoni tal-kwalità li joffru l-assigurazzjoni tal-kwalità transkonfinali permezz tar-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (EQAR), filwaqt li jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali, għandu jgħin biex jistimula dimensjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità u biex jiffaċilita evalwazzjoni transkonfinali u proċeduri aktar sempliċi għal programmi konġunti.

5.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), l-għodod ta' gwida u l-materjal ta' taħriġ żviluppati fi ħdan in-netwerk tal-EQAVET (3) appoġġaw il-progress lejn kultura ta' kwalità fl-Istati Membri, u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà implimentaw jew qed jiżviluppaw approċċ nazzjonali lejn l-assigurazzjoni tal-kwalità f'konformità mal-EQAVET. Għandhom jiżdiedu l-isforzi b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità jqisu aktar l-eżiti tat-tagħlim u jistgħu jittrattaw t-tagħlim mhux formali u t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol kemm f’kuntesti formali kif ukoll dawk mhux formali, kif adatt għall-kuntest nazzjonali.

6.

L-esperjenza miksuba mal-EQAVET tista’ sservi bħala l-bażi għall-iżvilupp ta’ approċċ komprensiv għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-qasam tat-tagħlim fost l-adulti.

7.

Żieda fit-trasparenza bejn l-assigurazzjoni tal-kwalità fis-setturi differenti u fl-arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u dak informali – inklużi l-forom kollha tat-tagħlim online - tgħin ukoll biex tibni l-fiduċja u tappoġġa l-permeabbiltà fost is-setturi u l-pajjiżi.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, F'KONFORMITÀ MAL-PRASSI NAZZJONALI U FILWAQT LI JIEĦU INKONSIDERAZZJONI S-SUSSIDJARJETÀ, BIEX JAĦDMU MAL-PARTIJIET INTERESSATI RILEVANTI SABIEX:

1.

Jiżviluppaw u jippromwovu kultura ta’ titjib tal-kwalità matul l-edukazzjoni u t-taħriġ, bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi żviluppati minn dawk li qed jitgħallmu, kif ukoll il-kwalità tal-proċess tat-tagħlim, u fejn isir użu adatt ta’ strumenti Ewropej relatati mal-assigurazzjoni tal-kwalità.

2.

Isaħħu l-kapaċità tal-arranġamenti għall-assigurazzjoni tal-kwalità biex jittrattaw l-iżviluppi attwali u futuri fl-edukazzjoni u t-taħriġ, bħall-forom kollha tat-tagħlim online, u jiżguraw li l-ambitu tal-aġenziji ta' assigurazzjoni tal-kwalità jkun flessibbli biżżejjed f'dan ir-rigward.

3.

Jiżguraw aktar trasparenza fir-rigward tal-eżiti ta’ valutazzjonijiet tal-kwalità.

4.

Jużaw l-opportunitajiet ta' finanzjament taħt il-programm Erasmus+ biex jiżviluppaw proġetti transnazzjonali innovattivi li jtejbu l-kapaċità tal-assigurazzjoni tal-kwalità biex jappoġġaw riformi sostenibbli fl-UE kollha fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u, fejn adatt, jużaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jkollhom kwalità garantita.

5.

Jinkoraġġixxu permezz tal-assigurazzjoni tal-kwalità l-promozzjoni tat-tagħlim tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

6.

Jappoġġaw, fi ħdan il-proċess ta’ Bolonja, ir-reviżjoni kontinwa tal-Istandards u l-Linji Gwida dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fil-Qasam tal-Edukazzjoni Għolja Ewropea, sabiex tittejjeb iċ-ċarezza, l-applikabbiltà u s-siwi tagħhom, inkluż l-ambitu tagħhom, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-standards tal-kwalità.

7.

Jinkoraġġixxu, fejn adatt, il-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-korpi ta' assigurazzjoni tal-kwalità fis-setturi kollha u għall-forom kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

8.

Jiżguraw il-kwalità tal-edukazzjoni mwettqa mill-HEIs li għandhom campuses u korsijiet franchised barra mill-pajjiżi, bl-appoġġ tal-aġenziji nazzjonali ta' assigurazzjoni tal-kwalità, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-aġenziji ta' assigurazzjoni tal-kwalità fil-pajjiżi ospitanti u dawk riċeventi, jew billi jippermettu li aġenziji rreġistrati mal-EQAR jevalwaw l-istituzzjonijiet li joffru forniment transkonfinali u franchised bil-ħsieb li jindirizzaw it-tħassib dwar il-kwalità u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni transkonfinali u t-tagħlim reċiproku.

9.

Ikomplu jimplimentaw il-qafas tal-EQAVET bil-għan li jiżviluppaw kultura ta' assigurazzjoni tal-kwalità fi ħdan l-Istati Membri u fosthom, inkluż fil-livell tal-fornituri tal-VET, b'mod partikolari billi jagħmlu sforzi biex jistabbilixxu fil-livell nazzjonali u sa tmiem l-2015 – f'konformità mal-Komunikat ta' Bruges – qafas komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità għall-fornituri tal-VET, li jkopri t-tagħlim VET ibbażat fuq l-iskola u t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol. kif adatt għall-kuntest nazzjonali.

10.

Jiżguraw li s-sistemi, il-miżuri u l-istrumenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità jiġu evalwati b'mod regolari sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp u l-effettività kontinwi tagħhom.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FILWAQT LI JIEĦU KONT TAL-KARATTERISTIĊI U R-REKWIŻITI SPEĊIFIĊI TAS-SETTURI DIFFERENTI U TAĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

1.

Ikomplu jippromwovu t-trasparenza u l-komplementarjetà bejn approċċi settorjali għall-assigurazzjoni tal-kwalità billi jibnu fuq il-prinċipji Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kwalità tal-eżiti għall-istudenti u t-tisħiħ tal-permeabbiltà bejn is-setturi tal-edukazzjoni u dik tat-taħriġ. Aktar żviluppi jistgħu jinkludu:

a)

It-tisħiħ tal-użu ta' approċċ ta' tagħlim ibbażat fuq l-eżiti fid-definizzjoni, it-twettiq u l-valutazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki li jibnu fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim matul il-ħajja u fuq strumenti Ewropej ibbażati fuq il-kreditu, bħas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) (4) u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) (5);

b)

Il-promozzjoni ta' arranġamenti trasparenti għall-assigurazzjoni tal-kwalità bbażati fuq oqfsa eżistenti ta' assigurazzjoni tal-kwalità li jappoġġaw metodoloġiji u għodod ta' valutazzjoni affidabbli, validi u kredibbli għall-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali;

c)

It-tisħiħ ta' rabtiet u kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati fid-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol, inkluż bil-ħsieb li jiġu żviluppati ħiliet adatti għall-monitoraġġ u t-tbassir;

d)

L-involviment, fejn adatt, il-partijiet interessati rilevanti, inkluż il-persunal, l-istudenti u min iħaddem – permezz tal-assigurazzjoni tal-kwalità – fit-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiku, fit-tfassil ta' kwalifiki, u fl-iżvilupp, it-twettiq u l-monitoraġġ ta' programmi, bil-ħsieb li jiġi żgurat ċiklu ta' titjib kontinwu tal-kwalità fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.

L-użu tal-potenzjal tal-assigurazzjoni ta’ kwalità biex isaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali marbuta mal-QEK.

3.

Isir użu mill-ħidma kontinwa fi ħdan il-proċess ta’ Bolonja fl-edukazzjoni ogħla bil-ħsieb li jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ assigurazzjoni tal-kwalità biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u t-trasparenza bħala bażi għall-progress lejn ir-rikonoxximent aktar faċli tal-kwalifiki rilevanti kollha.

4.

L-impenn, billi titqies l-esperjenza miksuba fl-edukazzjoni ogħla, biex tiżdied it-trasparenza transnazzjonali ta' arranġamenti ta' assigurazzjoni tal-kwalità f’setturi oħra u f’livelli oħra ta' edukazzjoni u taħriġ.

5.

L-esplorazzjoni ta' arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità bil-ħsieb li tiġi indirizzata aħjar il-kwalità tat-tagħlim mhux formali u t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol kif adatt għall-kuntest nazzjonali, billi, fost affarijiet oħra, jinbnew fuq il-qafas tal-EQAVET kif adatt.

6.

L-esplorazzjoni ulterjuri tal-kwistjonijiet rilevanti tal-assigurazzjoni tal-kwalità relatati mal-forom kollha tat-tagħlim diġitali, bħall-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' modi ġodda ta' tagħlim.

7.

Ħidma - b'mod partikolari fid-dawl tar-rapport ta' evalwazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-QEK u r-rapporti ta' progress tagħha dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV u l-edukazzjoni ogħla (6) – lejn il-koordinazzjoni aktar mill-qrib u titjib tal-għodod tal-EQAVET u dawk Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari bl-inkorporazzjoni ta' approċċ tat-tagħlim ibbażat fuq l-eżiti u bl-appoġġ ta' strumenti ta'trasparenza bħall-QEK, il-Europass u s-sistemi Ewropej ta' kreditu.

8.

Fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, l-esplorazzjoni tal-ambitu għall-Istati Membri biex isaħħu d-dispożizzjonijiet u l-inizjattivi proprji għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-oqsma tal-edukazzjoni preprimarja, l-edukazzjoni fl-iskejjel u t-tagħlim fost l-adulti fid-dawl tal-esperjenza miksuba f’setturi oħra.

9.

It-tkomplija tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni fl-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell internazzjonali fis-setturi kollha, permezz tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, id-djalogu politiku mas-sħab internazzjonali ewlenin, u sħubijiet mal-istituzzjonijiet madwar id-dinja.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Tkompli ttejjeb ir-rabtiet u s-sinerġiji bejn l-għodod ta' trasparenza tal-UE li jappoġġaw l-assigurazzjoni tal-kwalità, ir-rikonoxximent u l-mobbiltà, filwaqt li tfittex aktar komplementarjetà u konverġenza bejn tali għodod, inkluż billi tieħu kont tal-konsultazzjonijiet dwar Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki.

2.

Tkompli ssaħħaħ it-tagħlim reċiproku permezz tal-kooperazzjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fis-setturi kollha, inkluż bl-għajnuna tal-finanzjament mill-programm Erasmus+.

3.

Tesplora modi biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-arranġamenti tagħhom ta' kontroll ta' kwalità, sabiex jiġu ttrattati modi differenti ta' tagħlim jew sabiex tali arranġamenti jkunu jistgħu wkoll jiġu applikati għal diversi setturi u livelli ta’ edukazzjoni u taħriġ.


(1)  Ara l-Anness (“Sfond ieħor”).

(2)  L-edukazzjoni transkonfinali tinkludi l-forniment ta' servizzi ta' edukazzjoni għolja barra mill-pajjiż permezz ta' fergħat ta' campuses jew fil-qafas tal-franchising jew il-ftehimiet ta' validazzjoni li jsiru bejn istituzzjoni li qed tesporta u oħra li qed tirċievi.

(3)  Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-VET.

(4)  Is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti fl-edukazzjoni għolja.

(5)  Is-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.

(6)  Ara l-anness.


ANNESS

Sfond Politiku

1.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2001 dwar il-koperazzjoni Ewropea fil-Valutazzjoni tal-Kwalità tal-Edukazzjoni fl-Iskejjel (1).

2.

L-Istandards u l-Linji Gwida dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja adottati fl-2005, u l-impenn li jirreveduhom li ħadu l-Ministri li attendew il-Konferenza Ministerjali ta' Bologna, f'Bukarest fis-26 u s-27 ta' April 2012.

3.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-15 ta' Frar 2006 dwar iktar kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla (2).

4.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari l-prinċipji komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni vokazzjonali li jinsabu fl-Anness III (3).

5.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxu qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu sal-2020 (ET2020) (4).

6.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (5).

7.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, tad-19 ta' Novembru 2010, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prijoritajiet għal kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-perijodu 2011–2020 (6).

8.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja (7).

9.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim fost l-adulti (8).

10.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (9).

11.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2013 dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ - rispons għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni: L-investiment fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013  (10).

12.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar id-dimensjoni globali tal-edukazzjoni ogħla Ewropea (11).

13.

Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Erasmus+: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport (12).

14.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Frar 2014 dwar edukazzjoni u taħriġ effiċjenti u innovattivi biex isir investiment f'ħiliet - b'appoġġ għas-Semestru Ewropew 2014 (13).

Sfond ieħor

1.

Ir-Rapport Ewropew ta’ Mejju 2000 dwar il-Kwalità tal-Edukazzjoni fl-Iskejjel: Sittax-il Indikatur tal-Kwalità.

2.

L-Istudju Eurydice: Evalwazzjoni tal-Iskejjel li jipprovdu Edukazzjoni Obbligatorja fl-Ewropa, 2004.

3.

Ir-rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Għolja ta' Ġunju 2013 dwar it-titjib fil-kwalità tat-tagħlim fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa.

4.

L-istudju tal-2013 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fit-tagħlim fost l-adulti u r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma Tematiku tal-24 ta' Ottubru 2013 dwar il-Kwalità fit-Tagħlim għall-Adulti.

5.

Ir-rapport tad-19 ta’ Diċembru 2013 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) - Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja.

6.

Ir-rapport tat-28 ta’ Jannar 2014 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Progress fl-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja.

7.

Ir-rapport tat-28 ta’ Jannar 2014 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.


(1)  ĠU L 60, 1.3.2001, p. 51.

(2)  ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.

(3)  ĠU C 111, 06.05.2008, p.7.

(4)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(5)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.

(6)  ĠU C 324, 1.12.2010, p. 5.

(7)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 36.

(8)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.

(9)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(10)  ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5.

(11)  ĠU C 28, 31.1.2014, p. 2.

(12)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(13)  ĠU C 62, 4.3.2014, p. 4.