1.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 204/1


Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali mill-2014 sal-2020

2014/C 204/01

WERREJ

PARTI I.

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Kapitolu 1.

Introduzzjoni

Kapitolu 2.

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

2.1.

Effett tal-PAK u tal-politika tal-iżvilupp rurali fuq il-kamp ta’ applikazzjoni

2.2.

Kamp ta’ applikazzjoni

2.3.

Regoli orizzontali u strumenti tal-għajnuna applikabbli għas-settur agrikolu u għas-settur tal-forestrija u għaż-żoni rurali

2.4.

Definizzjonijiet

2.5.

Għajnuna notifikabbli

Kapitolu 3.

Il-prinċipji komuni tal-valutazzjoni

3.1.

Kontribuzzjoni għal għan komuni

3.2.

Il-bżonn għal intervent mill-stat

3.3.

Adegwatezza tal-għajnuna

3.4.

L-effett ta’ inċentiv u l-bżonn ta’ għajnuna

3.5.

Il-proporzjonalità tal-għajnuna

3.6.

L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

3.7.

Transparenza

PARTI II.

KATEGORIJI TA’ GĦAJNUNA

Kapitolu 1.

Għajnuna favur l-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli

1.1.

Miżuri dwar l-iżvilupp rurali

1.1.1.

Għajnuna għall-investiment

1.1.1.1.

Għajnuna għal investiment f’assi tanġibbli u intaġibbli fuq azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja

1.1.1.2.

Għajnuna għal investiment favur il-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali li jinsabu fuq l-azjendi agrikoli

1.1.1.3.

Għajnuna għal investiment li tikkonċerna r-rilokazzjoni tal-binijiet tal-azjenda agrikola

1.1.1.4.

Għajnuna għall-investimenti b’rabta mal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli

1.1.2.

Għajnuna biex jinbeda negozju għal bdiewa żgħażagħ u għall-iżvilupp ta’ farms żgħar

1.1.3.

Għajnuna għat-trasferiment ta’ azjendi agrikoli

1.1.4.

Għajnuna inizjali għal gruppi u organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur agrikolu

1.1.5.

L-għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi u ta’ trattament xieraq tal-annimali

1.1.5.1.

L-għajnuna għall-impenji agri-ambjent-klima

1.1.5.2.

Għajnuna għall-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali

1.1.6.

Għajnuna għall-iżvantaġġi relatati ma-żoni ta’ Natura 2000 u għad-Direttiva Qafas dwar l-ilma

1.1.7.

Għajnuna għaż-żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn

1.1.8.

L-għajnuna għall-agrikoltura organika

1.1.9.

Għajnuna għall-parteċipazzjoni ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli fl-iskemi tal-kwalità

1.1.10.

Għajnuna għall-għoti ta’ appoġġ tekniku fis-settur agrikolu

1.1.10.1.

Għajnuna għat-trasferiment tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni

1.1.10.2.

Għajnuna għas-servizzi konsultattivi

1.1.10.3.

Għajnuna għal servizzi ta’ sostituzzjoni fuq il-farms

1.1.11.

Għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur agrikolu

1.2.

Ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet

1.2.1.

Għajnuniet bħala kumpens għad-dannu mġarrab mill-produzzjoni agrikola jew mill-mezzi ta’ produzzjoni agrikola u biex jiġi evitat id-dannu

1.2.1.1.

Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali

1.2.1.2.

Għajnuna biex tikkumpensa għad-dannu kkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastru naturali

1.2.1.3.

Għajnuna għall-ispejjeż ta’ prevenzjoni, il-kontoll u l-qerda tal-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat mill-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti

1.2.1.4.

Għajnuna għal bhejjem mejta

1.2.1.5.

Għajnuna biex tikkumpensa d-dannu kkawżat minn annimali protetti

1.2.1.6.

Għajnuna għall-pagament ta’ primjums tal-assigurazzjoni

1.2.1.7.

Għajnuna għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fondi reċiproki

1.2.2.

Għajnuna għall-Għeluq tal-Kapaċità ta’ Produzzjoni

1.2.2.1.

L-għeluq tal-kapaċità għal raġunijiet tas-saħħa tal-annimali, il-pjanti jew il-bnedmin jew għal raġunijiet sanitarji, etiċi jew ambjentali

1.2.2.2.

L-għeluq tal-kapaċità għal raġunijiet oħrajn

1.3.

Tipi oħrajn ta’ għajnuna fis-settur agrikolu

1.3.1.

Għajnuna lis-settur tat-trobbija tal-bhejjem

1.3.2.

Għajnuna għall-miżuri ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli

1.3.3.

Għajnuna lir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer minuri tal-Eġew

1.3.4.

Għajnuna għal konsolidazzjoni tal-art agrikola

1.3.5.

Għajuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà

1.3.6.

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu

Kapitolu 2.

Għajnuna għas-settur tal-forestrija li mhijiex kofinanzjata mill-FAEŻR, mogħtija bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għal tali miżuri kofinanzjati jew mogħtija bħala għajnuna mill-Istat biss

2.1.

Investimenti fl-iżvilupp taż-żona tal-foresti u titjib tal-vijabbiltà tal-foresti

2.1.1.

Għajnuna għall-afforestazzjoni u l-ħolqien ta’ msaġar

2.1.2.

Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti sistemi tal-agroforestrija

2.1.3.

Għajnuna għall-prevenzjoni u l-irkurpru mill-ħsara lill-foresti minħabba nirien, diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jitqabblu ma' diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi oħra, pesti tal-pjanti u avvenimenti katastrofiċi

2.1.4.

Għajnuna għall-investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti

2.1.5.

Għajnuna għall-investimenti fit-teknoloġiji tal-forestrija u fl-ipproċessar, il-mobilizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-foresti

2.1.6.

Għajnuna għal investimenti fl-infrastruttura relatata mal-iżvilupp, l-immodernizzar jew l-adattament tal-forestrija

2.2.

Għajnuna għal żvantaġġi relatati maż-żoni tal-foresta ta’ Natura 2000

2.3.

Għajnuna għas-servizzi tal-ambjent u l-klima tal-foresti u l-konservazzjoni tal-foresti

2.4.

Għajnuna għat-trasferiment tal-għarfien u l-azzjonijiet ta’ informazzjoni fis-settur tal-forestrija

2.5.

Għajnuna għas-servizzi konsultattivi fis-settur tal-forestrija

2.6.

Għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur tal-foresti

2.7.

Għajnuna tal-bidu għal gruppi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-forestrija

2.8.

Għajnuna oħra għas-settur tal-forestrija b’għanijiet ekoloġiċi, protettivi u rikreazzjonali

2.8.1.

L-għajnuna għal azzjonijiet speċifiċi tal-foresta u interventi bl-għan primarju ta’ kontribuzzjoni għaż-żamma jew l-irkupru tal-ekosistema u l-bijodiversità tal-foresta jew il-pajsaġġ tradizzjonali

2.8.2.

Għajnuna għaż-żamma u t-titjib tal-kwalità tal-ħamrija u l-iżgurar ta’ tkabbir ibbilanċjat u b’saħħtu tas-siġar fis-settur tal-forestrija

2.8.3.

Irkupru u żamma tal-mogħdijiet naturali, l-elementi u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ u l-ħabitat naturali għall-annimali fis-settur tal-forestrija

2.8.4.

Għajnuna għall-manutenzjoni ta’ toroq biex jiġu evitati nirien fil-foresti

2.8.5.

Għajnuna li tikkumpensa l-ħsara f’foresti kkaġunata minn annimali rregolati bil-liġi

2.8.6.

Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti

2.9.

Għajnuna fis-settur tal-forestrija allinjata mal-miżuri tal-għajnuna agrikola

2.9.1.

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-foresti

2.9.2.

Għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art tal-forestrija

Kapitolu 3.

Għajnuniet fiż-żoni rurali li huma kofinanzjati mill-FAEŻR jew mogħtija bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għal tali miżuri kofinanzjati

3.1.

Għajnuna għall-investimenti li tikkonċerna l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli fi prodotti mhux agrikoli, il-produzzjoni tal-qoton jew l-investimenti fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ attivitajiet mhux agrikoli

3.2.

Għajnuna għal servizzi bażiċi u tiġdid ta’ villaġġi f'żoni rurali

3.3.

Għajnuna inizjali għan-negozju għall-attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali

3.4.

Għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi lil amministraturi oħrajn tal-artijiet u lil impriżi fiż-żoni rurali li mhumiex attivi fis-settur agrikolu

3.5.

Għajnuna għal żvantaġġi relatati ma’ żoni tan-Natura 2000 lil amministraturi tal-artijiet oħrajn

3.6.

Għajnuna għat-trasferiment ta’ għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni fiż-żoni rurali

3.7.

Għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza fiż-żoni rurali

3.8.

Għajnuna għal parteċipazzjoni ġdida tal-bdiewa attivi fi skemi tal-kwalità għall-qoton u l-oġġetti tal-ikel

3.9.

Għajnuna għal attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-qoton u oġġetti tal-ikel koperti minn skema tal-kwalità

3.10.

Għajnuna għall-kooperazzjoni fiż-żoni rurali

3.11.

Għajnuna għat-twaqqif ta’ fondi reċiproki

PARTI III.

KWISTJONIJIET PROĊEDURALI

1.

It-tul tal-iskemi tal-għajnuna u evalwazzjoni

2.

Klawżola ta’ reviżjoni

3.

Rapportar u monitoraġġ

4.

Applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida

5.

Proposti għal miżuri xierqa

6.

L-iskadenza

PARTI I. DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Kapitolu 1. Introduzzjoni

(1)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) jistipula li, “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(2)

Madankollu, minkejja din il-projbizzjoni ġenerali, tista’ tkun meħtieġa għajnuna mill-Istat biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq biex tiġi żgurata ekonomija li tiffunzjona sew u ekwitabbli. Għalhekk, it-Trattat jagħti lok għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ diversi għanijiet politiċi. B’rilevanza partikolari għas-settur agrikolu u l-forestrija, l-ewwelnett skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat, l-għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali għandha tkun kompatibbli mas-suq intern. It-tieninett, fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tqis li l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tas-settur agrikolu u tal-forestrija u taż-żoni rurali hija kompatibbli mas-suq intern, diment li din ma taffettwax ħażin lill-kundizzjonijiet tal-kummerċ.

(3)

Barra minn hekk, minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-settur agrikolu, l-Artikolu 42 tat-Trattat jipprevedi li r-regoli dwar il-kompetizzjoni japplikaw għall-produzzjoni tal-prodotti agrikoli u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli biss sal-punt li jiddeterminaw il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(4)

F’dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-kriterji skont liema l-għajnuna għas-settur agrikolu u tal-forestrija u għaż-żoni rurali titqies bħala kompatibbli mas-suq intern u tistabbilixxi l-kriterji li bihom jiġu identifikati ż-żoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat. Fir-rigward tal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b), il-Kummissjoni hawnhekk tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li sejrin jiġu vverifikati sabiex jiġi stabbilit jekk għajnuna li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali hijiex fil-fatt koperta minn dak l-Artikolu.

(5)

L-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tas-settur agrikolu u tal-forestrija u taż-żoni rurali hi integrata fil-Politika Agrikola Komuni (il-PAK) usa’. Fi ħdan il-PAK, l-Unjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju għas-settur agrikolu u tal-forestrija u għaż-żoni rurali. Peress li l-effetti ekonomiċi tal-għajnuna mill-Istat ma jinbidlux skont jekk din hijiex (anki parzjalment) iffinanzjata mill-Unjoni, jew jekk hijiex iffinanzjata minn Stat Membru waħdu, il-Kummissjoni tikkunsidra li fil-prinċipju għandu jkun hemm konsistenza u koerenza bejn il-politika tagħha fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, u l-appoġġ li jingħata skont il-politika agrikola komuni tal-Unjoni stess. B’hekk, l-użu ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk ikun konformi mal-għanijiet ta’ din il-politika u, b’mod partikolari, l-għanijiet sottostanti tar-riforma fil-PAK lejn l-2020 (1). Għalhekk, meta l-Kummissjoni tapplika u tinterpreta r-regoli tal-Linji Gwida għal skemi ta’ għajnuna speċifiċi, hija tikkunsidra r-regoli u l-politiki tal-PAK.

(6)

L-Istrumenti Ewropej li ġejjin huma ta’ rilevanza partikolari għall-kunsiderazzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat relatati mal-PAK:

(a)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (2), jew kwalunkwe regolament ta' sostituzzjoni, li jirregola l-informazzjoni u l-miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli u l-metodu ta’ produzzjoni tagħhom kif ukoll għall-prodotti tal-ikel ibbażati fuq prodotti agrikoli mwettqa fis-suq intern jew f’pajjiżi terzi;

(b)

Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (3) u r-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (4). Skont dawk ir-Regolamenti, jistgħu jiġu stabbiliti programmi ta’ appoġġ biex jitqiesu l-iżvantaġġi ġeografiċi u ekonomiċi ta’ dawk ir-reġjuni.

(c)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (5);

(d)

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005 (6), li għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp rurali sostenibbli madwar l-Unjoni b’mod komplimentari għall-istrumenti l-oħra tal-PAK, bħal pagamenti diretti u miżuri tas-suq. Jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ settur agrikolu tal-Unjoni iżjed ibbilanċjat fil-livell territorjali u ambjentali, li ma jagħmilx ħsara lill-klima u li jkun reżistenti, kompetittiv, produttiv u innovattiv u għall-iżvilupp ta’ territorji rurali;

(e)

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (7);

(f)

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa fi skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (8) li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti mħallsa lill-bdiewa fil-forma ta’ appoġġ bażiku għad-dħul taħt ċerti skemi ta’ appoġġ;

(g)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-suq għall-prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (9), li jistabbilixxi regoli komuni għas-swieq agrikoli. B’mod partikolari, dawk ir-regoli jikkonċernaw l-intervent pubbliku fis-swieq, il-kwoti, u l-iskemi ta’ għajnuna, il-kummerċjalizzazzjoni u l-istandards ta’ produzzjoni, u l-kummerċ ma’ pajjiżi terzi;

(7)

Il-PAK tistrieħ fuq żewġ pilastri: l-ewwel wieħed fih strumenti relatati mal-funzjonament tas-swieq agrikoli u mal-katina tal-provvista tal-ikel (ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament (KE) Nru 3/2008, ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 u r-Regolament (UE) Nru 229/2013) u mal-pagamenti diretti (ir-Regulation (UE) Nru 1307/2013) bil-kundizzjoni ta' rekwiżiti ta’ ġestjoni statutorji, u ta' kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin. Flimkien, dawk il-miżuri jipprovdu bażi ta’ appoġġ għall-bdiewa fl-Unjoni, billi jiffurmaw il-pedament li fuqu tistrieħ il-biedja sostenibbli madwar l-UE. Il-miżuri tal-ewwel pilastru huma obbligatorji għall-Istati Membri u, bi ftit eċċezzjonijiet li huma rari, ma hemm l-ebda kofinanzjament. Dan jiżgura l-applikazzjoni ta’ politika komuni fi ħdan is-suq intern. It-tieni pilastru tal-PAK hu l-politika tal-iżvilupp rurali rregolata bir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 li l-għan tiegħu hu li jtejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat taż-żoni rurali. Ġeneralment, il-miżuri tal-iżvilupp rurali huma volontarji, ta’ natura kuntrattwali, kofinanzjati u mogħtija fi ħdan qafas strateġiku u implimentati permezz ta’ programmi ta’ żvilupp rurali li jissodisfaw il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

(8)

Skont l-Artikolu 39(1) tat-Trattat, il-PAK għandha l-għanijiet li żżid il-produttività agrikola, tiżgura livell ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola, tistabbilizza s-swieq u tiżgura d-disponibbiltà tal-fornituri li jilħqu l-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli. Skont l-Artikolu 39(2) tat-Trattat, matul it-tfassil tal-PAK u l-metodi speċjali għall-applikazzjoni tagħha, ġew meqjusa l-forma partikolari tal-attività agrikola, li tirriżulta mill-istruttura soċjali tal-agrikoltura u minn disparitajiet strutturali u naturali bejn id-diversi reġjuni agrikoli, il-ħtieġa li jsiru l-aġġustamenti xierqa skont il-gradi u l-fatt li l-agrikoltura tikkostitwixxi settur li hu marbut mill-qrib mal-ekonomija in ġenerali.

(9)

L-agrikoltura trid taddatta għar-realtajiet il-ġodda u trid tiffaċċja l-isfidi f’termini ta’ sigurtà alimentari, l-ambjent, it-tibdil fil-klima u ż-żamma tal-ekonomija rurali ħajja. Sabiex jiġu indirizzati dawk l-isfidi ewlenin, fil-Komunikazzjoni dwar il-PAK fid-dawl tas-sena 2020 (10) il-Kummissjoni indikat l-għanijiet li ġejjin għall-PAK 2014-2020: (1) produzzjoni tal-ikel vijabbli; (2) ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u azzjoni klimatika; u (3) żvilupp territorjali bbilanċjat.

(10)

Bħala parti integrali mill-PAK, il-politika 2014-2020 dwar l-iżvilupp rurali għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin: (1) it-trawwim tal-kompetittività tal-agrikoltura; (2) l-iżgurar tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, u l-azzjoni klimatika; u (3) l-ilħuq ta’ żvilupp territorjali bbilanċjat ta’ ekonomiji u komunitajiet rurali inkluż il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi. L-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet ta’ żvilupp rurali għandu jiġi segwit permezz tal-prijoritajiet tal-Unjoni li ġejjin għall-iżvilupp rurali: (1) il-promozzjoni tat-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni fl-agrikoltura u l-forestrija u ż-żoni rurali; (2) it-tisħiħ tal-kompetittività u l-vijabbiltà tal-farm tat-tipi kollha ta’ agrikoltura fir-reġjuni kollha u l-promozzjoni ta' teknoloġiji innovattivi tal-farms u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; (3) il-promozzjoni tal-organizzazzjoni tal-katina tal-ikel, inkluż l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, it-trattament xieraq tal-annimali u l-ġestjoni tar-riskji fl-agrikoltura; (4) ir-restawr, il-preżervazzjoni u t-tisħiħ tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u l-forestrija; (5) il-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-appoġġ għall-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżiljenti għall-klima fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel u tal-forestrija; u (6) il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali (11).

(11)

L-għanijiet tal-PAK jaqgħu wkoll fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għanijiet stipulati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010“Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (12) u l-inizjattiva ewlenija tagħha għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi (13), li tistabbilixxi miri f’oqsma bħall-kompetittività, il-klima, l-enerġija u l-bijodiversità.

(12)

Il-politika ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u tal-forestrija u fiż-żoni rurali trid tiġi inkorporata wkoll fl-inizjattiva ġenerali tal-Kummissjoni għal modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (14), il-Kummissjoni ħabbret tliet għanijiet li għandhom jiġu segwiti permezz tal-modernizzazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat: (1) biex jitrawwem it-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv f’suq intern kompetittiv; (2) biex l-iskrutinju ex ante tal-Kummissjoni jiġi ffukat fuq il-każijiet bl-akbar impatt fuq is-suq intern, filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat; u (3) biex jiġu ssimplifikati r-regoli u jkun hemm deċiżjonijiet aktar rapidi. B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni appellat għal approċċ komuni fir-reviżjoni tal-Linji Gwida u tal-oqfsa differenti bil-għan li jissaħħaħ is-suq intern, tiġi promossa effikaċja akbar fl-infiq pubbliku permezz ta’ kontribuzzjoni aħjar tal-għajnuna mill-Istat għall-għanijiet tal-interess komuni, isir skrutinju akbar fuq l-effett tal-inċentiv, l-għajnuna tiġi ristretta biss għall-minimu, u jiġu evitati l-effetti negattivi li l-għajnuna jista' jkollha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida huma bbażati fuq dawk il-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni u huma applikabbli għal skemi ta’ għajnuna notifikabbli u għall-għajnuna individwali.

Kapitolu 2. Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

2.1.   Effett tal-PAK u tal-politika tal-iżvilupp rurali fuq il-kamp ta’ applikazzjoni

(13)

Skont l-Artikolu 42 tat-Trattat, sa fejn huma kkonċernati l-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I għat-Trattat, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fl-Artikoli 107 sa 109 tat-Trattat japplikaw biss sa fejn jistabbilixxu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(14)

Bħala regola ġenerali, skont l-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-roduzzjoni tal-prodotti agrikoli u l-kummerċ fihom. Madankollu, hemm diversi derogi mill-prinċipju ġenerali li huma stabbiliti, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Artikolu 13(6) tar-Regolament (KE) Nru 3/2008, l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 u l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 229/2013.

(15)

Fir-rigward tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali, il-prinċipju ġenerali tal-applikabbiltà tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat f’dak il-kuntest huwa stabbilit fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Madankollu, l-Artikoli 81(2) u 82 ta’ dak ir-Regolament jistipulaw li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma japplikawx għall-pagamenti li jsiru mill-Istati Membri skont, u b’mod konformi mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jew ma’ finanzjament nazzjonali addizzjonali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat.

(16)

Għalhekk, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat la japplikaw għall-kofinanzjament tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali (kemm il-parti tal-FAEŻR kif ukoll il-parti nazzjonali) u lanqas għall-finanzjament nazzjonali addizzjonali bħala żieda ma’ tali appoġġ, diment li l-miżura inkwistjoni tkun relatata ma’ attività agrikola li taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat u tagħmel parti mill-programm ta’ żvilupp rurali.

(17)

Madankollu, ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat japplikaw b’mod sħiħ għal kull miżura kofinanzjata ta’ għajnuna (kemm il-parti tal-FAEŻR kif ukoll il-parti nazzjonali) u għal finanzjament nazzjonali addizzjonali għat-tali miżuri li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat, previsti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fil-każijiet li ġejjin: (a) miżuri li jappoġġjaw l-attivitajiet fiż-żoni rurali u (b) il-miżuri tal-forestrija.

(18)

Jekk Stat Membru jkun beħsiebu jiffinanzja b’mod esklussiv mill-fondi nazzjonali (jiġifieri mingħajr ebda kofinanzjament mill-FAEŻR), miżura li fil-parti l-kbira tagħha tkun imfassla skont il-kundizzjonijiet ta’ miżura tal-iżvilupp rurali partikolari (“miżura simili għal dik tal-iżvilupp rurali”), ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat japplikaw b’mod sħiħ, indipendentement minn jekk il-miżura taqax fi ħdan jew barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat.

2.2.   Kamp ta’ applikazzjoni

(19)

Il-Kummissjoni ser tapplika dawn il-Linji Gwida għall-iskemi ta’ għajnuna u għall-għajnuna individwali.

(20)

Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni agrikola primarja u għall-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli li jirriżultaw fi prodott agrikolu ieħor u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli.

(21)

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali deskritti fit-Taqsima 2.1 tal-Parti I ta’ dawn il-Linji Gwida, sabiex tiġi żgurata koerenza mal-politika ta’ żvilupp rurali u tintlaħaq simplifikazzjoni għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa xieraq li f’dawn il-Linji Gwida jiġu inklużi wkoll ċertu miżuri tal-iżvilupp rurali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat, li jkunu kofinanzjati mill-FAEŻR jew minn finanzjament nazzjonali addizzjonali, kif ukoll miżuri simili għal dawk tal-iżvilupp rurali ffinanzjati esklussivament minn fondi nazzjonali. Għalhekk, minbarra s-settur agrikolu, dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-kriterji ta’ kompatibbiltà għall-għajnuna mill-Istat lis-settur tal-forestrija u l-għajnuna lill-impriżi attivi fiż-żoni rurali li nkella ma jkunux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat.

(22)

Meta tanalizza l-għajnuna mill-Istat u l-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipji ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni se tqis, sa fejn possibbli, il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u l-att delegat tiegħu.

(23)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija qabel, dawk il-Linji Gwida jkopru l-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin:

(a)

miżuri fis-settur agrikolu, iffinanzjati esklussivament mill-fondi nazzjonali, li jikkonsistu minn:

(i)

miżuri simili għal dawk tal-iżvilupp rurali li mhumiex fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali (Taqsima 1.1 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida);

(ii)

miżuri oħra li mhumiex dawk imsemmija fil-(i) li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, bħal xi miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u tal-kriżijiet, għajnuna għas-settur tat-trobbija tal-bhejjem u ċertu miżuri tal-promozzjoni (it-Taqsimiet 1.2 u 1.3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida);

(b)

għajnuna għas-settur tal-forestrija, li tista’:

(i)

tingħata bħala parti minn programm tal-iżvilupp rurali jew bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għat-tali miżura tal-iżvilupp rurali (Taqsimiet 2.1 sa 2.7 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida);

(ii)

tiġi ffinanzjata minn riżorsi nazzjonali, fl-għamla ta’:

miżura tal-forestrija simili għal dik tal-iżvilupp rurali prevista fir-Regolament (UE) Nru 1305/2014 u tingħata skont il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-Linji Gwida (Taqsimiet 2.1 sa 2.7 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida);

għajnuna oħra fis-settur tal-forestrija b’għanijiet ekoloġiċi, protettivi u rikreazzjonali (Taqsima 2.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida);

għajnuna fis-settur tal-forestrija skont il-miżuri dwar l-għajnuna agrikola (Taqsima 2.9 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida);

(c)

għajnuna għall-impriżi attivi fiż-żoni rurali li tista’ tingħata bħala:

(i)

miżura ta’ għajnuna inkluża fi programm tal-iżvilupp rurali kofinanzjata mill-FAEŻR fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u b'mod konformi miegħu, fejn il-miżura notifikabbli ta’ għajnuna mill-Istat hija l-istess bħall-miżura fil-programm tal-iżvilupp rurali (Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida); jew

(ii)

bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali relatat ma’ miżura fil-qafas ta’ programm tal-iżvilupp rurali (Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida).

(24)

L-għajnuna għall-żvilupp lokali “Leader” imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u fl-Artikolu 42 sa 45 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li jinvolvi proġetti individwali mfassla u mwettqa minn imsieħba lokali biex jiġu indirizzati problemi lokali speċifiċi, jista’ jiġi kopert minn dawn il-Linji Gwida, sal-punt li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-miżuri tal-iżvilupp rurali kif stabbilit f’dawn il-Linji Gwida.

(25)

Dawn il-Linji Gwida fil-prinċipju japplikaw għall-għajnuna lill-SMEs u lill-intrapriżi l-kbar. L-intrapriżi l-kbar għandhom it-tendenza li jkunu inqas affettwati mill-fallimenti tas-suq mill-SMEs. Barra minn hekk, l-intrapriżi l-kbar fis-settur agrikolu u tal-forestrija u fiż-żoni rurali għandhom tendenza akbar li jkunu atturi importanti fis-suq u, konsegwentement, f’każijiet speċifiċi, l-għajnuna mogħtija lill-intrapriżi l-kbar tista’ tfixkel b’mod partikolari l-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern. Peress li l-għajnuna lill-intrapriżi l-kbar fis-settur agrikolu u tal-forestija u fiż-żoni rurali u lil intrapriżi kbar oħra tista’ tikkawża distorsjonijiet simili tal-kompetizzjoni, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-intrapriżi l-kbar f’dawn il-Linji Gwida għandhom jiġu armonizzati mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipji komuni tal-valutazzjoni kif stabbilit fil-Kapitolu 3 tal-Parti I ta’ dawn il-Linji Gwida. Mingħajr preġudizzju għal dawk il-prinċipji komuni tal-valutazzjoni, fir-rigward tal-miżuri tal-iżvilupp rurali, għal raġunijiet ta’ konsistenza u koerenza mal-politika tal-iżvilupp rurali, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat lill-intrapriżi l-kbar għandhom jiġu allinjati mar-regoli rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna għas-settur tat-trobbija tal-bhejjem, li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-Kummissjoni żżomm il-politika preċedenti tagħha li l-intrapriżi l-kbar għandhom ikunu jistgħu jiffinanzjaw l-ispejjeż ta’ dawn il-miżuri huma stess. Għalhekk, l-għajnuna fis-settur tat-trobbija tal-bhejjem għandha tiġi limitata għall-SMEs.

(26)

Fil-prinċipju, l-impriżi f’diffikultà (15) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida. Il-Kummissjoni tikkunsidra li meta impriża tkun f’diffikultà finanzjarja, fid-dawl tal-fatt li l-eżistenza tagħha tkun f’periklu, din ma tistax titqies mezz xieraq għall-promozzjoni ta’ għanijiet oħrajn ta’ politika pubblika sakemm tiġi żgurata l-vijabbiltà tagħha. Għalhekk, meta l-benefiċjarju tal-għajnuna ikun f’diffikultà finanzjarja fis-sens tal-punt (35)15 , l-għajnuna se tkun valutata skont il-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f’diffikultà (16), kif emendati jew mibdula. Dan il-prinċipju ma japplikax għal għajnuna kompensatorja għal danni kkawżati minn diżastri naturali u okkorrenzi eċċezzjonali, imsemmija fit-Taqsima 1.2.1.1 u fit-Taqsima 2.1.3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, li hija dejjem kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat. Jekk id-diffikultà finanzjarja ta’ impriża attiva fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija jkun ġabha avveniment tar-riskju msemmi fit-Taqsimiet 1.2.1.2., 1.2.1.3, 1.2.1.5, 2.1.3 jew 2.8.5 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, tista' tingħata għajnuna kumpensatorja għal avvenimenti tar-riskju bħal dawn, jew biex jitreġġgħu lura t-telf jew id-dannu kkawżat minnhom, jew jitħallsu l-ispejjeż tal-qerda tal-pesti tal-pjanti, f'konformità ma' dawn il-Linji Gwida u xorta waħda tista' tinstab kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ta' emerġenza, m'għandha ssir l-ebda distinzjoni, skont ċertu kundizzjonijiet, fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika ta' impriża għal għajnuna għall-qerda u għat-tneħħija ta' fwata jitqies għandhiex tingħata għajnuna għall-qerda u t-tneħħija ta’ bhejjem mejta fit-Taqsima 1.2.1.4 u għal għajnuna għall-miżuri tal-qerda fil-każ ta' mard tal-annimali msemmija fil-punt (375)(c) tat-Taqsima 1.2.1.3.

(27)

Meta tivvaluta l-għajnuna li tingħata lil xi impriża li tkun soġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti b’segwitu għal deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna bħala li tkun illegali u inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni ser tqis l-ammont tal-għajnuna li jkun għadu jrid jiġi rkuprat (17). Dan ma japplikax għall-għajnuna li tikkumpensa għad-danni kkawżati minn diżastri naturali skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat.

(28)

Il-Kummissjoni mhijiex ser tawtorizza għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lil pajjiżi terzi jew lil Stati Membri li jkunu marbutin direttament mal-kwantitajiet esportati, għajnuna li tkun tiddependi fuq l-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati, jew għajnuna biex jitwaqqaf u jitħaddem netwerk ta’ distribuzzjoni jew biex tiġi koperta xi nefqa oħra marbuta mal-attivitajiet ta’ esportazzjoni. Għajnuna għall-ispiża tal-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew eżistenti f’suq ġdid, fil-prinċipju ma tikkostitwixxix għajnuna għall-esportazzjoni.

(29)

L-Istati Membri huma mfakkra li s-sistema ta’ finanzjament, pereżempju l-imposti parafiskali għandhom jiġu nnotifikati, meta din is-sistema tagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna (ara l-paragrafi 41 sa 44 tal-Kawża T-275/11) (18).

(30)

Il-Kummissjoni se tivvaluta kwalunkwe miżuri ta’ għajnuna li mhumiex koperti minn dawn il-Linji Gwida jew permezz ta’ xi regoli rilevanti oħra ta’ għajnuna mill-Istat abbażi ta’ każ b’każ direttament skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat, filwaqt li tqis ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat, il-PAK u b’analoġija dawn il-Linji Gwida, meta jkun possibbli. L-Istati Membri li jinnotifikaw għajnuna mill-Istat li ma tkunx koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, se jkunu jridu juru li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni tkun tissodisfa l-prinċipji ta’ valutazzjoni komuni kif jistabbilixxi l-Kapitolu 3 tal-Parti I ta’ dawn il-Linji Gwida. Il-Kummissjoni se tapprova miżuri bħal dawn biss jekk il-kontribut pożittiv tas-settur jegħleb ċar u tond lir-riskji li jaf ixekklu l-kompetizzjoni fis-suq intern u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

2.3.   Regoli orizzontali u strumenti tal-għajnuna applikabbli għas-settur agrikolu u għas-settur tal-forestrija u għaż-żoni rurali

(31)

Fil-prinċipju, biex jiġu ssimplifikati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u minħabba x-xebh bejn l-impriżi attivi fis-settur agrikolu, fis-settur tal-forestrija u f’żoni rurali u impriżi oħra, l-istrumenti ġenerali tal-għajnuna mill-Istat li jistabbilixxu l-kriterji għall-kompatibbiltà tal-għajnuna huma applikabbli għas-setturi li jkopru dawn il-Linji Gwida. Dan jolqot l-aktar lil-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà, il-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (19) kif emendat jew mibdul, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (20) kif emendati jew mibdula, il-Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (21) kif emendata jew mibdula, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-investimenti ta’ finanzjament tar-riskju (22) kif emendati jew mibdula, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-każijiet tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ soġġetti għal notifika individwali (23) kif emendata jew mibdula, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat għall-ħaddiema żvantaġġati jew b'diżabbiltà suġġetta għan-notifika individwali (24) kif emendata jew mibdula, u l-istrumenti relatati mas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (25).

(32)

L-istrumenti orizzontali ta’ hawn fuq japplikaw għall-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli sakemm il-Linji Gwida attwali jipprovdu regoli speċifiċi.. Dawn il-Linji Gwida jipprevedu miżuri speċifiċi ta’ għajnuna ambjentali, bħal għajnuna għall-impenji fil-qasam tal-agri-ambjent-klima u tal-benesseri tal-annimali (it-Taqsima 1.1.5 tal-Parti II), għajnuna għall-iżvantaġġi relatati maż-żoni tan-Natura 2000 u mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (26) (it-Taqsima 1.1.6 tal-Parti II) u għajnuna għall-biedja agrikola (it-Taqsima 1.1.8 tal-Parti II). L-għajnuna għal investimenti fl-interess tal-għanijiet ambjentali fil-qasam tal-produzzjoni agrikola primarja hija evalwata skont ir-regoli stipulati fit-Taqsima 1.1.1.1. tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida. L-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent favur impriżi attivi fl-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli ser tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u l-enerġija 2014-2020. L-għajnuna għall-investimenti fl-iffrankar tal-enerġija, fil-bijokarburanti u fis-sorsi tal-enerġiji rinnovabbli hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 2 u 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida peress li t-tali għajnuna għandha tikkonforma mal-GBER jew il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u l-enerġija 2014-2020, sakemm din ma tkunx eżentata mill-obbligu ta’ notifika. Madankollu, l-għajnuna għall-investimenti marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja relatata mal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jew mal-produzzjoni ta’ bijokarburanti fl-azjendi tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida, sakemm it-tali produzzjoni ma tkunx taqbeż il-konsum annwali medju ta’ karburanti jew enerġija tal-impriża agrikola partikolari (Taqsima 1.1.1.1).

(33)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (27) ma japplikawx għall-għajnuna għall-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli primarji minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-settur. Madankollu, dawn japplikaw għall-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli sal-punt stabbilit f’dawn il-Linji Gwida.

(34)

Kemm ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll id-dispożizzjonijiet aktar speċifiċi ta’ dawn il-Linji Gwida jaf ikollhom x’jaqsmu ma’ impriżi attivi fis-settur tal-forestrija jew f’żoni rurali. Meta applikabbli, l-għajnuna lill-impriżi attivi fis-settur tal-forestrija jew fiż-żoni rurali tista’ wkoll tinstab kompatibbli skont il-kundizzjonijiet u f’konformità ma’ regoli ġenerali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat (b’mod partikolari, mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, il-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020).

2.4.   Definizzjonijiet

(35)

Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida:

1.

“għajnuna” tfisser kwalunkwe miżura li tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

2.

“settur agrikolu” tfisser l-azjendi kollha attivi fil-produzzjoni agrikola primarja, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli;

3.

“prodott agrikolu” tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, minbarra l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28);

4.

“skema ta’ għajnuna” tfisser kull att li, abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri oħra ta’ implimentazzjoni, għotjiet ta’ għajnuna individwali jistgħu jingħataw lil impriżi ddefiniti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kwalunkwe att li abbażi tiegħu tista’ tingħata għajnuna li mhijiex marbuta ma’ proġett speċifiku lil impriża waħda jew aktar għal perjodu ta' żmien indefinit u għal ammont indefinit;

5.

“reġjuni l-aktar imbiegħda” tfisser ir-reġjuni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 tat-Trattat;

6.

“gżejjer minuri tal-Eġew” tfisser il-gżejjer minuri msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 (29);

7.

“programm tal-iżvilupp rurali” tfisser programm tal-iżvilupp rurali kif previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

8.

“attività agrikola” tfisser il-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli;

9.

“foresta” tfisser medda ta’ art ta’ aktar minn 0,5 ettaru b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kanupew li jkopri aktar minn 10 %, jew siġar li kapaċi jilħqu dawn il-limiti in situ; u ma tinkludix art li hi prinċipalment taħt użu ta’ art agrikola jew urbana. Stat Membru jew reġjun jistgħu jagħżlu li japplikaw definizzjoni oħra ta’ foresta abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti jew is-sistema tal-inventarju. L-Istati Membri jew ir-Reġjuni għandhom jagħtu definizzjoni bħal din fin-notifika u meta tkun relatata ma’ miżura tal-iżvilupp rurali, din għandha tingħata fil-programm tal-iżvilupp rurali;

10.

“produzzjoni agrikola primarja” tfisser il-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħamrija u tat-trobbija tal-bhejjem, elenkati fl-Anness I għat-Trattat, mingħajr it-twettiq ta’ kwalunkwe operazzjoni ulterjuri li tbiddel in-natura ta’ dawn il-prodotti;

11.

“ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirriżulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, minbarra l-attivitajiet fil-farm meħtieġa għat-tħejjija ta’ prodott tal-annimali jew tal-pjanti għall-ewwel bejgħ;

12.

“kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli” tfisser iż-żamma jew il-wiri bil-għan ta’ bejgħ, l-offerta għall-bejgħ, il-kunsinna jew kwalunkwe mod ieħor ta’ tqegħid fis-suq, minbarra l-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil dawk li jbiegħu mill-ġdid jew lill-proċessuri u kwalunkwe attività ta’ preparazzjoni ta’ prodott għat-tali l-ewwel bejgħ; bejgħ minn produttur primarju lill-konsumaturi finali jitqies bħala kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli jekk iseħħ f’bini separat riżervat għal dak l-iskop;

13.

“SME” jew “intrapriżi mikro, żgħar u ta’ medji” tfisser intrapriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 702/2014 (30);

14.

“intrapriżi kbar” tfisser intrapriżi li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014;

15.

“impriża f’diffikultà” tfisser impriza li fir-rigward tagħha tinqala’ mill-inqas waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' kumpanija b'responsabbiltà limitata (għajr SME li ilha teżisti għal anqas minn tliet snin), fejn aktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt ikun għeb b'riżultat ta' telf akkumulat. Dan huwa l-każ meta t-tnaqqis tat-telf akkumulat mir-riżervi (u l-elementi l-oħra kollha ġeneralment ikkunsidrati bħala parti mill-fondi proprji tal-kumpanija) jwassal għal ammont kumulat negattiv li jeċċedi nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt. Għall finijiet ta’ din id-dispożizzjoni “kumpanija b’responsabbiltà limitata” tirreferi b’mod partikolari għat-tipi ta’ kumpaniji msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) u “kapital azzjonarju” jinkludi, fejn relevanti, kwalunkwe primjum fuq l-azzjonijiet;

(b)

fil-każ ta’ kumpanija li mill-inqas xi membri għandhom responsabbiltà limitata għad-dejn tal-kumpanija (ħlief SME li ilha teżisti għal anqas minn tliet snin), fejn aktar minn nofs il-kapital tagħha kif muri fil-kontijiet tal-kumpanija jkun għeb minħabba telf akkumulat. Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni “kumpanija fejn mill-inqas xi membri għadhom responsabbiltà limitata għad-dejn tal-kumpanija” tirreferi b'mod partikolari għat-tipi ta' kumpanija msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2013/34/UE;

(c)

meta l-impriża tkun suġġetta għal proċedimenti ta’ insolvenza kollettivi jew tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha biex titqiegħed fi proċedimenti ta’ insolvenza kollettivi fuq talba tal-kredituri tagħha.

(d)

meta l-impriża tkun irċeviet għajnuna għas-salvataġġ u tkun għadha ma rrimborżatx is-self jew ma temmitx il-garanzija, jew tkun irċeviet għajnuna għar-ristrutturar u għadha soġġetta għal pjan ta’ ristrutturar;

(e)

fil-każ ta’ intrapriża li mhix SME, fejn fl-aħħar sentejn:

(i)

id-dejn kontabilistiku għall-proporzjon ta’ ekwità tal-impriża kien aktar minn 7,5; u

(ii)

il-proporzjon tal-kopertura tal-imgħax tal-EBITDA tal-impriża jkun taħt il-1,0.

16.

“azjenda agrikola” tfisser unità li tinkludi art, bini u faċilitajiet użati għal produzzjoni agrikola primarja;

17.

“intensità tal-għajnuna” tfisser l-ammont tal-għajnuna gross espress bħala perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli, qabel kull tnaqqis ta’ taxxa jew imposti oħra;

18.

“għajnuna individwali” tfisser għajnuna ad hoc u għotjiet ta’ għajnuna lil benefiċjarji individwali abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

19.

“għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna mhux mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna;

20.

“għotja gross ekwivalenti” tfisser l-ammont tal-għajnuna jekk kienet ipprovduta fil-forma ta’ għotja għall-benefiċjarju, qabel kull tnaqqis tat-taxxa jew imposti oħrajn;

21.

“data tal-għoti tal-għajnuna” tfisser id-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna skont l-iskema legali nazzjonali applikabbli.

22.

“grupp ta’ produtturi u organizzazzjoni” tfisser grupp jew organizzazzjoni stabbiliti għall-fini:

(a)

tal-adattament tal-produzzjoni u l-output tal-produtturi li huma membri ta’ tali gruppi jew organizzazzjonijiet ta' produtturi skont ir-rekwiżiti tas-suq, jew

(b)

tat-tqegħid b’mod konġunt ta’ prodotti fis-suq, inklużi l-preparazzjoni għall-bejgħ, iċ-ċentralizzazzjoni tal-bejgħ u l-provvista lix-xerrejja bl-ingrossa; jew

(c)

tal-istabbiliment ta’ regoli komuni fuq l-informazzjoni dwar il-produzzjoni, b’mod partikolari dwar il-ħsad u d-disponibbiltà; jew

(d)

tal-attivitajiet l-oħra li jistgħu jitwettqu minn gruppi jew organizzazzjonijiet tal-produtturi , bħall-iżvilupp ta’ ħiliet tan-negozju u tal-kummerċjalizzazzjoni u l-organizzazzjoni u l-iffaċilitar ta’ proċessi ta’ innovazzjoni;

23.

“avvanz ripagabbli” tfisser self għal proġett li jitħallas bi ħlas parzjali wieħed jew iktar u l-kundizzjonijiet li għar-rimborż li jiddependi mill-eżitu tal-proġett;

24.

“pest tal-pjanti” tfisser organiżmi dannużi kif definiti fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (32);

25.

“bidu ta' xogħlijiet fuq il-proġett jew attività” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet jew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni marbuta mal-investiment, liema minnhom jinbdew l-ewwel, jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti biex jiġi ordnat apparat jew jiġu impjegati servizzi jew kull impenn ieħor li permezz tiegħu il-proġett jew l-attività isiru irriversibbli; ix-xiri ta' art u xogħlijiet preparatorji bħalma huma l-kisba ta' permessi u t-twettiq ta' studji ta' fattibiltà mhumiex ikkunsidrati bħala l-bidu ta' xogħlijiet jew attività. Ix-xiri ta’ art imsemmi fil-punt (144)(a) fit-tieni sentenza, (502)(a) fit-tieni sentenza u (635)(a) meta l-ispejjeż eliġibbli għax-xiri tal-art ikunu 100 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment, jitqies li huwa l-bidu ta’ ħidma fi proġett jew attività;

26.

“skemi tas-suċċessur fiskali” tfisser skema fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa li tikkostitwixxi verżjoni emnedata ta’ skema li kienet teżisti qabel fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa u li tiħdilha postha;

27.

“bhejjem mejta” tfisser annimali li nqatlu permezz tal-ewtanażja b’dijanjożi definita jew mingħajrha jew li mietu, inklużi annimali li twieldu mejta u li ma twildux, f'farm jew fi kwalunkwe bini jew matul it-trasport, iżda li ma nqatlux għall-konsum tal-bniedem;

28.

“annimal protett” tfisser kull annimal protett jew mill-Unjoni jew inkella mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

29.

“bidwi żgħażugħ” tfisser persuna fiżika li ma għandhiex aktar minn 40 sena fid-data meta tissottometti l-applikazzjoni għall-għajnuna, ikollha ħiliet u kompetenzi okkupazzjonali xierqa u tkun qiegħda tieħu r-rwol ta’ kap f’dik l-azjenda agrikola;

30.

“proġett kbir ta’ investiment” tfisser investiment f’żoni rurali, kif imsemmi fil-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, bl-ispejjeż eliġibbli li jaqbżu l-EUR 50 miljun, ikkalkolati bil-prezzijiet u r-rati tal-kambju tad-data ta’ għoti tal-għajnuna;

31.

“ammont aġġustat tal-għajnuna” tfisser l-ammont massimu ta’ għajnuna permissibbli għal proġett kbir tal-investiment, ikkalkulat b’din il-formula: ammont massimu tal-għajnuna = R×(50+0,50×B+0,34×C), fejn R hi l-intensità tal-għajnuna massima li tapplika fiż-żona kkonċernata, mingħajr l-intensità tal-għajnuna miżjuda għalll-SMEs. B jirrappreżenta l-parti tal-ispejjeż eliġibbli bejn il-EUR 50 miljun u l-EUR 100 miljun. C hija l-parti tal-ispejjeż eliġibbli ta’ aktar minn EUR 100 miljun;

32.

“assi tanġibbli” tfisser assi li jkunu jikkonsistu minn art, bini u impjanti, makkinarju u tagħmir;

33.

“assi intanġibbli” tfisser assi li m'għandhomx forma fiżika jew finanzjarja bħal privattivi, liċenzji, know-how jew proprjetà intellettwali oħra;

34.

“avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali” tfisser kundizzjonijiet ħżiena tat-temp bħal ġlata, tempesti u silġ, borra, xita bil-qliel jew nixfa severa li jeqirdu aktar minn 30 % tal-medja tal-produzzjoni annwali ta’ bidwi partikolari, matul il-perjodu preċedenti ta’ tliet snin jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu preċedenti ta’ ħames snin, esklużi l-ogħla entrata u dik l-aktar baxxa;

35.

“avvenimenti klimatiċi avversi oħra” tfisser kundizzjonijiet mhux favorevoli li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-punt (35)34 ta’ dawn il-Linji Gwida;

36.

“inċidenti ambjentali” tfisser okkorrenza speċifika ta’ tniġġis, kontaminazzjoni jew degrazzjoni fil-kwalità tal-ambjent relatati ma’ avveniment speċifika u ta’ ambitu ġeografiku limitat, li jeqred aktar minn 30 % tal-produzzjoni annwali medja tal-impriża attiva fis-settur agrikolu fil-perjodu preċedenti ta’ tliet snin jew medja ta’ tliet snin abbażi tal-perjodu preċedenti ta’ ħames snin, bl-esklużjoni tal-ogħla entrata u ta’ dik l-aktar baxxa. Ma tkoprix ir-riskji ambjentali ġenerali li mhumiex marbuta ma’ avveniment speċifiku, bħat-tibdil fil-klima jew it-tniġġis atmosferiku;

37.

“avveniment katastrofiku” tfisser avveniment mhux previst ta' natura bijotika jew mhux bijotika kkawżat minn azzjoni umana li twassal għal disturbi kbar fl-istrutturi forestali, u li eventwalment jikkawża dannu ekonomiku kbir lis-setturi forestali;

38.

“standard tal-Unjoni” tfisser standard obbligatorju stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jistabbilixxi l-livell li jridu jiksbu l-impriżi individwali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ambjent, l-iġene u t-trattament xieraq tal-annimali; għaldaqstant, standards jew miri stabbiliti fil-livell tal-Unjoni li huma vinkolanti għall-Istati Membri iżda mhux għal impriżi individwali ma jitqisux bħala standards tal-Unjoni;

39.

“investiment mhux produttiv” tfisser investiment li ma jwassalx għal żieda sinifikanti fil-valur jew fil-profittabbiltà tal-azjenda agrikola;

40.

“investimenti biex tinżamm konformità ma’ standard tal-Unjoni” tfisser investimenti li jsiru biex ikun hemm konformità ma’ standard tal-Unjoni wara l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju previst fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

41.

“konsulenza” tfisser konsulenza kompleta mogħtija fil-qafas tal-istess kuntratt;

42.

“ktieb tal-merħla” tfisser kwalunkwe ktieb, reġistru, fajl jew mezz ta’ ħżin ta’ dejta:

(a)

li jinżamm minn organizzazzjoni jew assoċjazzjoni ta’ min inissel rikonoxxuta b’mod uffiċjali minn Stat Membru li fih twaqqfet l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni ta’ min inissel; u

b)

li fih jiddaħħlu jew jiġu rreġistrati annimali ta’ razza pura għat-tnissil ta’ razza partikolari b’referenza għall-antenati tagħhom;

43.

“bidwi attiv” tfisser bidwi attiv skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

44.

“reġjuni inqas żviluppati” tfisser reġjuni fejn il-prodott domestiku gross (PDG) per capita huwa inqas minn 75 % tal-PDG medju tal-UE-27;

45.

“UE-25” tfisser il-25 Stat Membru tal-Unjoni li kienu Stati Membri fl-Unjoni f'Mejju 2005;

46.

“UE-27” tfisser is-27 Stat Membru tal-Unjoni li kienu Stati Membri fl-Unjoni f'Jannar 2007;

47.

“xogħlijiet kapitali” tfisser xogħlijiet li jitwettqu mill-bidwi nnifsu jew mill-ħaddiema tiegħu, li permezz tagħhom jinħoloq attiv;

48.

“infrastruttura fuq skala żgħira” tfisser infrastruttura bi spejjeż eliġibbli limitati għal EUR 2 miljun;

49.

“bijokarburant magħmul mill-ikel” tfisser bijokarburant prodott minn ċereali u minn għelejjel oħra bi pjanti b'kontenut rikk ta’ lamtu, bi pjanti taz-zokkor u bi pjanti li minnhom jiġi estratt iż-żejt kif definit fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (33);

50.

“żona agrikola” tfisser kwalunkwe żona meħuda minn raba’, bur permanenti u mergħa permanenti jew uċuħ tar-raba’ permanenti kif definiti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

51.

“maniġer ieħor tal-art” tfisser impriża li timmaniġġa art għajr impriża li hija attiva fis-settur agrikolu;

52.

“spiża tat-tranżazzjonijiet” tfisser spiża addizzjonali marbuta ma’ li jiġi sodisfatt l-impenn, iżda mhux direttament attribwibbli għall-implimentazzjoni tiegħu jew mhux inkluż fl-ispejjeż jew id-dħul mitluf li huma kumpensati direttament; u li tista’ tiġi kkalkolata abbażi ta’ spiża standard;

53.

għall-finijiet tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija,

(a)

“konservazzjoni in situ” fl-agrikoltura tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ekosistemi u l-ħabitats naturali u ż-żamma u l-ikupru ta’ popolazzjoni vijabbli ta’ speċi jew razez selvaġġi fl-ambjenti naturali tagħhom u, fil-każ ta’ razez ta’ annimali ddomestikati jew speċijiet ta’ pjanti kkultivati, fl-ambjent ikkultivat fejn dawn żviluppaw il-karatteristiċi distintivi tagħhom;

(b)

“konservazzjoni in situ” fil-forestrija tfisser il-konservazzjoni tal-materjal ġenetiku f’ekosistemi u ħabitats naturali u ż-żamma u l-irkupru tal-popolazzjoni vijabbli ta’ speċijiet fl-ambjent naturali tagħhom;

(c)

“konservazzjoni tal-farm jew tal-azjenda f'foresta” tfisser il-konservazzjoni in situ u l-iżvilupp fil-livell tal-farm jew tal-azjenda f’foresta;

(d)

“konservazzjoni ex situ” tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura jew il-forestrija barra mill-ħabitat naturali tiegħu;

(e)

“ġbir ex situ” tfisser ġbir ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura jew il-forestrija miżmum barra l-ħabitat naturali tiegħu;

54.

“oġġetti tal-ikel” tfisser oġġetti tal-ikel li mhumiex prodotti agrikoli u li huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34);

55.

“spejjeż fissi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fi skema tal-kwalità” tfisser l-ispejjeż imġarrba biex wieħed jidħol fi skema tal-kwalità appoġġjata u l-kontribuzzjoni annwali għall-parteċipazzjoni f’dik l-iskema tal-kwalità, inkluża, fejn ikun meħtieġ, in-nefqa fuq il-verifiki meħtieġa biex tiġi verifikata l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-iskema tal- kwalità;

56.

“katina qasira tal-provvista” tfisser katina qasira tal-provvista li tinvolvi numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi, impenjati għall-kooperazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku lokali, u relazzjonijiet ġeografiċi u soċjali mill-qrib bejn il-produtturi, il-proċessuri u l-konsumaturi;

57.

“membru ta’ familja li tgħix f'farm” tfisser persuna fiżika jew ġuridika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ikun xi jkun l-istatus legali li jingħata lill-grupp u l-membri tiegħu mil-liġi nazzjonali, minbarra l-ħaddiema tal-azjenda. Meta persuna ġuridika jew grupp ta’ persuni ġuridiċi jitqiesu bħala membri tal-unità domestika tal-azjenda agrikola, dawk il-membri jridu jeżerċitaw attività agrikola fil-farm fiż-żmien li fih issir l-applikazzjoni għall-għajnuna;

58.

“raggruppament” tfisser grupp ta’ impriżi indipendenti, inklużi negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu, intrapriżi żgħar, medji u kbar kif ukoll korpi konsultattivi u/jew organizzazzjonijiet ta’ riċerka - imfassla biex jistimulaw l-attività ekonomika/innovattiva billi jippromwovu interazzjonijiet intensivi, qsim ta’ faċilitajiet u skambju ta’ għarfien u l-kompetenza kif ukoll billi jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-trasferiment tal-għarfien, in-netwerking u t-tixrid ta’ informazzjoni fost l-impriżi fir-raggruppament;

59.

“operatur żgħir” tfisser mikrointrapriża kif iddefinit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361 (35), jew persuna fiżika mhux impenjata f’attività ekonomika fil-mument tal-applikazzjoni għall-għajnuna;

60.

“swieq lokali” tfisser:

(a)

swieq f’raġġ ta’ 75 km mill-farm mnejn joriġina l-prodott, li fiha jridu jitwettqu l-attivitajiet ta’ pproċessar u bejgħ lill-klijent finali; jew

(b)

swieq li għalihom il-programm tal-iżvilupp rurali rispettiv jistabbilixxi raġġ kilometriku mill-farm mnejn joriġina l-prodott, li fiha jridu jitwettqu l-attivitajiet ta’ pproċessar u bejgħ lill-klijent finali; jew

(c)

swieq li għalihom il-programm tal-iżvilupp rurali rispettiv jistabbilixxi definizzjoni alternattiva konvinċenti;

61.

“spejjeż tat-testijiet għall-Enċefalopatija Sponġiformi li Tittieħed (TSE) u l-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE)” tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi dawk għall-kits tat-testijiet u għat-teħid, it-trasport, l-ittestjar, il-ħżin u l-qerda ta’ kampjun imeħtieġa għall-kampjunar u l-ittestjar fil-laboratorji skont il-Kapitolu C tal-Anness X għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36);

62.

“organizzazzjoni ta’ riċerka u tqassim tal-għarfien” tfisser entità (bħal universitajiet jew istituti ta’ riċerka, aġenziji ta’ trasferiment tat-teknoloġija, intermedjarji tal-innovazzjoni, entitajiet kollaborattivi fiżiċi u/jew virtwali orjentati lejn ir-riċerka), ikun xi jkun l-istatus ġuridiku tagħha (organizzata skont il-liġi pubblika jew privata) jew mod ta’ finanzjament tagħha, bl-għan primarju li twettaq riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp esperimentali b’mod indipendenti, kif stipulat fil-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni jew biex tqassam b’mod mifrux ir-riżultati tat-tali attivitajiet permezz ta’ tagħlim, pubblikazzjoni jew trasferiment tal-għarfien. Meta t-tali entità twettaq attivitajiet ekonomiċi wkoll, il-finanzjament, l-ispejjeż u d-dħul ta’ attivitajiet ekonomiċi jridu jitqiesu b’mod separat. L-impriżi li jistgħu jinfluwenzaw lit-tali entità, fil-kwalità ta’, pereżempju, azzjonisti jew membri, ma jistgħux igawdu aċċess preferenzjali għall-kapaċitajiet ta’ riċerka tat-tali entità jew għar-riżultati ġġenerati minnha;

63.

“distakkament” tfisser li l-kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni bejn il-partijiet kontraenti mhumiex differenti minn dawk li jkunu stipulati bejn impriżi indipendenti u ma jinkludu ebda element ta’ kollużjoni. Kull tranżazzjoni li tirriżulta minn proċedura miftuħa, trasparenti u bla ebda kundizzjoni titqies li tilħaq il-prinċipju tad-distakkament;

64.

“ġestjoni sostenibbli tal-foresti” tfisser l-użu tal-foresti u tal-art tal-foresti b’mod u b’rata tali li jippermettulhom iżommu l-bijodiversità, il-produttività, il-kapaċità ta’ riġenerazzjoni, il-vitalità u l-potenzjal tagħhom li jiġu sodisfatti, attwalment u fil-futur, il-funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali rilevanti, f’livell lokali, nazzjonali u dinji, mingħajr ma jikkawżaw dannu lil ekosistemi oħrajn;

65.

“sistemi agroforestali” tfisser sistemi tal-użu tal-art li fihom is-siġar jitkabbru flimkien ma’ agrikoltura fuq l-istess art;

66.

“siġar li jikbru malajr” tfisser foresta ta’ rotazzjoni qasira, fejn iż-żmien minimu qabel it-tqaċċit totali ma jkunx inqas minn 8 snin u ż-żmien massimu qabel it-tqaċċit totali ma jaqbiżx l-20 sena;

67.

“siġar għall-imsaġar ta’ rotazzjoni qasira” tfisser l-ispeċijiet ta’ siġar tal-kodiċi NM 0602 90 41 li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri, li jkunu magħmula minn uċuh tar-raba’ għudin, perenni, mir-riżomi jew mill-għeruq li jifdal fl-art wara l-ħsad, b’rimjiet ġodda li joħorġu fl-istaġun ta’ wara u b’ċiklu ta’ ħsad massimu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 4(1)(k) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

68.

“żoni skarsament popolati” tfisser żoni aċċettati mill-Kummissjoni bħala tali fid-deċiżjonijiet individwali fuq mapep ta’ għajnuna reġjonali għall-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020;

69.

“żoni ‘a’” tfisser dawk iż-żoni nominati f’mappa ta’ għajnuna reġjonali approvata għall-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020 b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat;

70.

“żoni ‘c’” tfisser dawk iż-żoni nominati f’mappa ta’ għajnuna reġjonali approvata għall-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020 b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat;

71.

“żona NUTS 3” tfisser reġjun speċifikat fil-livell 3 ta' klassifika komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37);

72.

“żoni ‘c’ mhux predefiniti” tfisser żoni li Stat Membru skont id-diskrezzjonijiet tiegħu stess jagħżel bħala żoni “c” dment li l-Istat Membru juri li żoni bħal dawn jissodisfaw ċertu kriterji soċjoekonomiċi u li dawn iż-żoni huma identifikati fuq mappa ta' għajnuna reġjonali approvata għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2014sal-31 ta' Diċembru 2020 bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat;

73.

“dawk li kienu żoni ‘a’” tfisser dawk iż-żoni identifikati bħala żoni “a” fuq mappa approvata ta’ għajnuna reġjonali għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011sat-30 ta’ Ġunju 2014;

74.

“mappa ta’ għajnuna reġjonali” tfisser il-lista ta’ żoni nominati minn Stat Membru skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 u approvati mill-Kummissjoni;

75.

“l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli fi prodotti mhux agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tagħmlu prodott li mhuwiex prodott mhux agrikolu;

76.

“pjan ta' evalwazzjoni” tfisser dokument li fih mill-inqas l-elementi minimi li ġejjin: l-għanijiet tal-iskema ta' għajnuna li jridu jiġu evalwati; il-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni; l-indikaturi tar-riżultati; il-metodoloġija li se tintuża biex titwettaq l-evalwazzjoni; ir-rekwiżiti tal-ġbir tad-dejta; it-twaqqit propost tal-evalwazzjoni inkluż id-data ta' preżentazzjoni tar-rapport finali ta' evalwazzjoni; id-deskrizzjoni tal-korp indipendenti li jkun qed iwettaq l-evalwazzjoni jew il-kriterji li se jintużaw għall-għażla tiegħu u tal-modalitajiet biex tkun żgurata l-pubbliċità tal-evalwazzjoni.

2.5.   Għajnuna notifikabbli

(36)

Meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma jiġux issodisfati, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna fis-settur agrikolu u tal-forestrija u fiż-żoni rurali skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat u ma għandhomx idaħħlu fis-seħħ il-miżura proposta sakemm din il-proċedura tkun irriżultat f’deċiżjoni finali, ħlief fil-każ ta' miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament ta’ eżenzjoni ġenerali.

(37)

L-għajnuna individwali mogħtija skont skema ta’ għajnuna tibqa' soġġetta għall-obbligu ta' notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk l-għajnuna tkun taqbeż dawn il-limiti tan-notifika:

(a)

għal għajnuna individwali għal investiment għall-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli skont it-Taqsima 1.1.1.4 tal-Parti II ta' dawn il-Linji Gwida: l-ispejjeż eliġibbli li jaqbżu l-EUR 25 miljun, jew meta l-ekwivalenti tal-għotja gross tkun taqbeż it-EUR 12 miljun;

(b)

għall-għajnuna għall-kampanji ta' promozzjoni skont it-Taqsima 1.3.2. tal-Parti II ta' dawn il-Linji Gwida: kampanji ta' promozzjoni b'baġit annwali li jaqbeż il-EUR 5 miljun;

(c)

għall-għajnuna għal investiment individwali mogħtija skont it-Taqsimiet 3.1, 3.2, 3.6 u 3.10 tal-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida:

L-intensità tal-għajnuna

Livell limitu tan-notifika

10 %

EUR 7,5 miljun

15 %

EUR 11,25 miljun

25 %

EUR 18,75 miljun

35 %

EUR 26,25 miljun

50 % u iktar

EUR 37,5 miljun

Kapitolu 3. Il-prinċipji komuni tal-valutazzjoni

(38)

Fil-valutazzjoni tagħha jekk miżura ta’ għajnuna nnotifikata tistax titqies kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni ġeneralment tanalizza jekk it-tfassil tal-miżura ta’ għajnuna jiżgurax li l-impatt pożittiv tal-għajnuna għall-ilħuq ta’ għan ta’ interess komuni jkunx jeċċedi l-effetti negattivi potenzjali tagħha fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

(39)

Il-Komunikazzjoni dwar l-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat talbet għall-identifikazzjoni u d-definizzjoni tal-prinċipji komuni applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kollha ta’ għajnuna mwettqa mill-Kummissjoni. Għal din il-fini, il-Kummissjoni ser tikkunsidra li miżura ta’ għajnuna tkun kompatibbli mat-Trattat biss jekk tissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

kontribuzzjoni għal għan definit sew ta' interess komuni: miżura ta’ għajnuna mill-Istat trid timmira għal għan ta’ interess komuni b’mod konformi mal-Artikolu 107(3) tat-Trattat;

(b)

ħtieġa ta' intervent mill-Istat: miżura ta’ għajnuna mill-Istat għandha tkun immirata lejn sitwazzjoni fejn l-għajnuna tkun tista’ ġġib magħha titjib materjali li ma jkunx jista’ jikseb is-suq innifsu billi tirrimedja falliment tas-suq iddefinit sew;

(c)

l-adegwatezza tal-miżura tal-għajnuna: il-miżura ta’ għajnuna proposta trid tkun strument ta’ politika adegwat biex jiġi indirizzat l-għan ta’ interess komuni;

(d)

l-effett tal-inċentiv: l-għajnuna trid tibdel l-imġiba tal-impriżi kkonċernati b’tali mod li dawn jidħlu għal attività addizzjonali li mingħajr l-għajnuna ma jwettquhiex jew iwettquha b’mod ristrett jew differenti jew b’mod differenti;

(e)

il-proporzjonalità tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-bżonn minimu): l-ammont tal-għajnuna jrid ikun limitat għall-bżonn minimu kemm titħeġġeġ l-attività tas-settur ikkonċernat;

(f)

evitati l-effetti negattivi mhux dovuti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri: l-effetti negativi tal-għajnuna għandhom jridu jkunu limitati biżżejjed ħalli l-bilanċ ġenerali tal-miżura jkun pożittiv;

(g)

it-trasparenza tal-għajnuna: l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-pubbliku jrid ikollhom aċċess faċli għall-atti u għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-għajnuna li tingħata fil-qafas tagħhom.

(40)

Il-bilanċ globali ta’ ċertu kategoriji ta’ skemi jista’ jkun soġġett għal rekwiżit ieħor ta’ evalwazzjoni ex post kif deskritt fil-punti (720) sa (723). F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ tillimita t-tul ta’ żmien ta’ dawn l-iskemi (normalment għal erba’ snin jew anqas) bil-possibbiltà li tinnotifika mill-ġdid l-estensjoni ulterjuri tagħhom.

(41)

Barra minn hekk, jekk miżura għall-għajnuna mill-Istat jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha (inkluż il-metodu ta’ finanzjament tagħha meta jifforma parti integrali minnha) iwasslu b’mod mhux esklussiv fi ksur tal-liġi tal-Unjoni, l-għajnuna ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (38). B’mod partikolari, l-għajnuna li ġejja hija meqjusa li tinvovli ksur inseperabbli tal-liġi tal-UE:

(a)

għajnuna li tingħata biss jekk il-benefiċjarju jkollu l-kwartieri tiegħu fl-Istat Membru rilevanti jew li jkun stabbilit b’mod predominanti f’dak l-Istat Membru;

(b)

għajnuna li tingħata biss jekk il-benefiċjarju juża oġġetti prodotti nazzjonalment jew servizzi nazzjonali;

(c)

għajnuna li tillimita l-possibbiltà li l-benefiċjarji jisfruttaw ir-riżultati tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fi Stati Membri oħrajn.

(42)

Il-prinċipji komuni tal-valutazzjoni għandhom jitqiesu fil-kuntest speċifiku tal-Politika Agrikola Komuni. Għalhekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet politiċi ġenerali dwar il-kompetizzjoni għall-għajnuna kollha skont dawn il-Linji Gwida, sakemm ma jkunux previsti derogi fit-Taqsimiet 3.1 sa 3.7 tal-Parti I ta’ dawn il-Linji Gwida, minħabba kunsiderazzjonijiet partikolari applikabbli fis-settur agrikolu.

3.1.   Kontribuzzjoni għal għan komuni

(43)

L-għanijiet tal-għajnuna fis-settur agrikolu u tal-forestrija u fiż-żoni rurali għandhom jiżguraw produzzjoni tal-ikel vijabbli u l-promozzjoni tal-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi sabiex jinkiseb tkabbir intelliġenti u sostenibbli.

(44)

L-għajnuna fis-settur agrikolu u tal-forestrija u fiż-żoni rurali għandha tkun relatata mill-qrib mal-PAK, għandha tkun konsistenti mal-għanijiet tal-iżvilupp rurali msemmijin fil-punt (10) ta’ dawn il-Linji Gwida u għandha tkun kompatibbli mar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli.

Għanijiet tal-iżvilupp rurali

(45)

L-għanijiet tal-iżvilupp rurali flimkien mal-prinċipji ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat se jitqiesu għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna.

(46)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri, implimentati skont u b’mod konformi mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu jew bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali fil-qafas tal-programm tal-iżvilupp rurali, huma per se konsistenti mal-għanijiet tal-iżvilupp rurali u jikkontribwixxu għalihom.

(47)

Fir-rigward tal-miżuri simili għal dawk tal-iżvilupp rurali ffinanzjati esklussivament minn fondi nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-miżuri tal-iżvilupp rurali kofinanzjati mill-FAEŻR taħt il-programm ta’ żvilupp rurali, l-Istati Membri għandhom juru kif l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni hija tajba u konsistenti mal-programmi tal-iżvilupp rurali rilevanti. Kull notifika għandha tiġi akkumpanjata minn tali dokumentazzjoni.

(48)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prinċipju ta’ kontribuzzjoni għall-għanijiet tal-iżvilupp rurali huwa ssodisfat fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna fit-Taqsimiet 1.2, 1.3, 2.8 u 2.9 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iżvilupp rurali, peress li l-Kummissjoni kisbet biżżejjed esperjenza fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ dawk il-miżuri għall-għanijiet tal-iżvilupp rurali.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwalment notifikabbli abbażi ta’ skema

(49)

Meta tagħti l-għajnuna għal proġetti ta’ investiment individwalment notifikabbli abbażi ta’ skema, l-awtorità awtorizzanti trid turi li l-proġett magħżul se jikkontribwixxi għall-għan tal-iskema u li b’hekk jikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ għajnuna fis-settur agrikolu u tal-forestrija u fiż-żoni rurali. Għal din il-fini, l-Istati Membri jistgħu jserrħu fuq l-informazzjoni pprovduta mill-applikant għall-għajnuna, billi fiha jridu jiġu deskritti l-effetti pożittivi tal-investiment.

Ir-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli

(50)

Minħabba l-ispeċifiċità tas-settur agrikolu (39), minkejja li r-regoli ta’ għajnuna mill-Istat huma ġeneralment applikabbli għal dan is-settur, l-applikazzjoni tagħhom madankollu tibqa’ soġġetta għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolament tal-ewwel pilastru tal-PAK. Fi kliem ieħor, ir-rikors tal-Istati Membri għal miżuri tal-għajnuna mill-Istat ma jistax jieħu preċedenza fuq ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (40). Għalhekk, il-Kummissjoni mhix se tawtorizza għajnuna mill-Istat li tkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq jew li tfixkel il-funzjonament xieraq tal-organizzazzjoni komuni.

(51)

Aktar kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-konformità mal-prinċipji tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli huma stabbiliti fit-Taqsima 1.1.1.1 dwar l-għajnuna għall-investiment f’azjendi agrikoli relatati mal-produzzjoni agrikola primarja, fit-Taqsima 1.1.4 dwar l-għajnuna għall-bidu ta' gruppi u organizzazzjonijiet tal-produtturi u fit-Taqsima 1.2.2 dwar l-għajnuna għall-għeluq tal-kapaċità tal-produzzjoni, tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

Għanijiet ambjentali

(52)

L-Artikolu 11 tat-Trattat jiddikjara li: “Il-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-iskop li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”. Il-bażi legali għall-miżuri ambjentali sostanzjali fl-ewwel u fit-tieni pilastri tal-PAK hi l-Artikolu 11 tat-Trattat. B’mod konformi ma’ dan ir-rekwiżit, il-prijoritàjiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali għandhom ikunu segwiti fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli. Il-promozzjoni mill-Unjoni tal-għan tal-ħarsien tal-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 11 tat-Trattat, iqis ukoll il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (41). Għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet ambjentali fin-notifiki futuri dwar l-għajnuna mill-Istat. In-notifiki kollha ta’ għajnuna mill-Istat fil-futur għandhom jinkludu valutazzjoni dwar jekk l-attività ta’ għajnuna hijiex mistennija li jkollha xi impatt ambjentali. F’każijiet fejn hemm impatt ambjentali, in-notifiki ta’ għajnuna mill-Istat għandhom jipprovdu informazzjoni li turi li l-miżura tal-għajnuna mhix se twassal għal ksur tal-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli dwar il-protezzjoni ambjentali. Pereżempju, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna għall-investimenti li huma maħsuba biex iżidu l-produzzjoni, u li jinvolvu żieda fl-użu tar-riżorsi skarsi jew żieda fit-tniġġis, ser ikun meħtieġ li tintwera li l-iskema ma twassalx għal ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ambjentali (42), u l-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba (GAECs) tal-kundizzjonalità skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Fejn tiġi nnotifikata l-għajnuna mill-Istat, li tagħmel parti mill-programm tal-iżvilupp rurali, ir-rekwiżit ambjentali għal tali miżura ta’ għajnuna mill-Istat għandha tkun l-istess bħar-rekwiżit ambjentali tal-miżura tal-iżvilupp rurali.

3.2.   Il-bżonn għal intervent mill-Istat

(53)

Sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna mill-Istat hix neċessarja biex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni, jeħtieġ li l-ewwel tingħarbel il-problema li għandha tiġi indirizzata. L-għajnuna mill-Istat għandu jkollha fil-mira sitwazzjonijiet meta l-għajnuna tista’ ġġib magħha titjib materjali li s-suq ma jkunx kapaċi jġib waħdu.

(54)

Tabilħaqq, il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkoreġu fallimenti tas-suq, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq u jsaħħu l-kompetittività. Barra minn hekk, meta s-swieq jipprovdu riżultati effiċjenti imma dawn jitqiesu bħala mhux sodisfaċenti minn perspettiva ta’ ekwità jew ta’ koeżjoni, l-għajnuna mill-Istat tista’ tintuża biex jinkiseb riżultat tas-suq li jkun aktar mixtieq u ekwu.

(55)

Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-suq mhux qiegħed iwassal l-għanijiet mistennija mingħajr l-intervent tal-Istat fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida. Għaldaqstant, tali għajnuna għandha tiġi kkunsidrata neċessarja biex jinkisbu l-għanijiet ta’ interess komuni speċifikati skont it-Taqsima 3.1 tal-Parti I ta’ dawn il-Linji Gwida.

3.3.   Adegwatezza tal-għajnuna

(56)

Il-miżura ta’ għajnuna proposta trid tkun strument ta’ politika adegwat biex jiġi indirizzat l-għan ta’ politika kkonċernat. Miżura ta’ għajnuna ma titqisx kompatibbli jekk strumenti ta’ politika li joħolqu anqas distorsjoni jew tipi oħra ta’ ta’ għajnuna li joħolqu anqas distorsjoni jippermettu li jinkiseb l-istess kontribuzzjoni pożittiva għall-għanijiet tal-PAK u b’mod partikolari tal-iżvilupp rurali. Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li jista’ jkun hemm strumenti oħra li jkunu aktar adattati bħal regolamenti, strumenti bbażati fuq is-suq, l-iżvilupp tal-infrastruttura u t-titjib fl-ambjent tan-negozju biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

L-adegwatezza fost strumenti ta’ politika alternattivi

(57)

Dwar l-għajnuna mogħtija fis-settur agrikolu u fis-settur tal-forestrija u fiż-żoni rurali, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet rilevanti tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, Il-Kummissjoni tqis li din hi strument tal-politika xieraq.

(58)

Meta Stat Membru jiddeċiedi li jdaħħal fis-seħħ miżura tal-għajnuna simili għal dik tal-iżvilupp rurali ffinanzjata esklussivament minn fondi nazzjonali, meta fl-istess ħin l-istess miżura hi prevista fil-programm tal-iżvilupp rurali rilevanti, l-Istat Membru għandu juri l-vantaġġi ta’ tali strument tal-għajnuna nazzjonali meta mqabbel mal-miżura tal-programm tal-iżvilupp rurali kkonċernat.

Adegwatezza fost strumenti differenti ta’ għajnuna

(59)

L-għajnuna tista’ tingħata f’diversi forom. Madankollu l-Istat Membru għandu jiżgura li l-għajnuna tingħata fil-forma li aktarx tiġġenera l-anqas distorsjonijiet fil-kummerċ u fil-kompetizzjoni.

(60)

Meta tkun prevista formola speċifika għal miżura tal-għajnuna deskritta fil-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, din il-formola titqies xierqa bħala strument tal-għajnuna xieraq għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida.

(61)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li fir-rigward tal-miżuri tal-iżvilupp rurali, ikkofinanzjati mill-FAEŻR jew mogħtija bħala finanzjament addizzjonali għat-tali miżuri tal-iżvilupp rurali kkofinanzjati, l-għajnuna fil-forma pprovduta fil-miżura rispettiva tal-iżvilupp rurali hija strument xieraq ta’ għajnuna.

(62)

Fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment, mhux koperta mir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 bħala parti mill-programm tal-iżvilupp rurali jew bħala finanzjament addizzjonali għat-tali miżura ta’ żvilupp rurali, meta l-għajnuna tingħata f’forom li jipprovdu vantaġġ finanzjarju dirett (pereżempju għotjiet diretti, eżenzjonijiet jew tnaqqis fit-taxxi, fis-sigurtà soċjali jew f’imposti obbligatorji oħrajn, eċċ.), l-Istat Membru jrid juri għaliex forom ta’ għajnuna oħrajn li potenzjalment joħolqu anqas distorsjoni, bħall-ħlas bil-quddiem ripagabbli jew bħal forom ta’ għajnuna li huma bbażati fuq strumenti ta’ dejn jew ta’ ekwità (pereżempju, self b’imgħax baxx jew rifużjonijiet tal-imgħax, garanziji tal-Istat, jew forniment alternattiv ta’ kapital b’termini favorevoli), huma inqas adegwati.

(63)

Fir-rigward tal-miżuri tal-forestrija fit-Taqsima 2.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, l-Istati Membri għandhom juru li l-għanijiet ekoloġiċi, protettivi u rikreattivi li qed jippruvaw jilħqu ma jistgħux jintlaħqu b’miżuri tal-forestrija simili għal dawk tal-iżvilupp rurali fil-Kapitoli 2.1 sa 2.7 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

(64)

Fil-każ ta’ diversi kategoriji ta’ għajnuna bħall-għajnuna għall-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ riċerka tas-suq, il-ħolqien u d-disinn tal-prodotti u għall-preparazzjoni tal-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ skemi tal-kwalità, l-għajnuna għat-trasferiment tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni, l-għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza, l-għajnuna għal servizzi ta’ sostituzzjoni fuq l-azjendi agrikoli, l-għajnuna għal miżuri promozzjonali, l-għajnuna biex tikkumpensa l-ispejjeż tal-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti u l-għajnuna għas-settur tal-bhejjem, l-għajnuna trid tingħata lill-benefiċjarji finali tal-għajnuna indirettament, in natura, permezz ta’ servizzi sussidjati. F’dawn il-każijiet l-għajnuna titħallas lill-fornitur tas-servizz jew l-attività inkwistjoni.

(65)

Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq intern hija mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-akkwist pubbliku u għall-prinċipji ta’ trasparenza u ftuħ u n-nondiskriminazzjoni fil-proċess ta’ għażla ta’ fornitur tas-servizzi.

3.4.   L-effett ta’ inċentiv u l-bżonn ta’ għajnuna

(66)

L-għajnuna fis-settur agrikolu u fis-settur tal-forestrija u fiż-żoni rurali tista’ biss titqies kompatibbli mas-suq intern, jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Meta l-għajnuna tibdel l-imġiba ta’ impriża b’tali mod li din tinvolvi ruħha f’attività addizzjonali li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur, li mingħajr l-għajnuna, ma kinitx tinvolvi ruħha fiha jew kienet tinvolvi ruħha fiha biss b’mod ristrett jew differenti, jinħoloq effett ta’ inċentiv. Madankollu, l-għajnuna ma għandhiex tissussidja l-kosti ta’ attività li ġġarrab impriża jkun x’ikun il-każ u ma tridx tikkumpensa għar-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika.

(67)

Sakemm l-eċċezzjonijiet ma jkunux stipulati b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew f’dawn il-Linji Gwida, il-miżuri unilaterali ta’ għajnuna mill-Istat li huma sempliċiment maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi iżda li bl-ebda mod ma jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur, u b’mod partikolari għajnuna li tingħata biss fuq il-bażi tal-prezz, il-kwantità, l-unità ta’ produzzjoni jew l-unità tal-mezzi ta’ produzzjoni jitqiesu li jikkostitwixxu għajnuna operattiva li hija inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, fis-sustanza tagħha, għajnuna bħal din aktarx li xxekkel ukoll il-mekkaniżmi li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-suq intern.

(68)

Dawn l-istess raġunijiet wasslu biex il-Kummissjoni tawtorizza għajnuna biex tiffaċilità l-konformità mal-istandards obbligatorji sal-punt biss li tissodisfa l-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp rurali.

(69)

Għall-istess raġunijiet, għajnuna mogħtija skont it-Taqsimiet 1.2. u 2.8.5 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida għandha tkun limitata għal għajnuna mogħtija lill-impriżi attivi fis-settur agrikolu u tal-forestrija li jiffaċċjaw diversi diffikultajiet minkejja li jkunu wettqu sforzi raġonevoli biex jimminimizzaw dawn ir-riskji. L-għajnuna mill-Istat ma għandhiex ikollha bħala effett li tħajjar lil impriżi jieħdu riskju bla bżonn. Impriżi attivi fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija għandhom huma stess iġarrbu l-konsegwenzi ta’ għażliet mhux prudenti ta’ metodi ta’ produzzjoni jew prodotti.

(70)

Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma tippreżentax inċentiv għall-benefiċjarju kull meta l-ħidma fuq il-proġett jew l-attività rilevanti tkun diġà bdiet qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mingħand l-awtoritajiet nazzjonali.

(71)

L-applikazzjoni għall-għajnuna għandha tinkludi tal-anqas l-isem tal-applikant u d-daqs tal-impriża, deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inkluż il-post u d-dati ta’ bidu u tmiem tagħhom, l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa biex jitwettqu u l-ispejjeż eliġibbli.

(72)

Barra minn hekk, fl-applikazzjoni, l-intrapriżi l-kbar għandhom jiddeskrivu s-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna, liema sitwazzjoni tissemma bħala x-xenarju kontrofattwali jew bħala proġett jew attività alternattivi, u għandhom iressqu evidenza dokumentata li tappoġġa x-xenarju kontrofattwali deskritt fl-applikazzjoni.

(73)

Malli tirċievi applikazzjoni, l-awtorità awtorizzanti trid twettaq verifika tal-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali u tikkonferma li l-għajnuna reġjonali għandha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. Xenarju kontrofattwali jitqies kredibbli jekk ikun ġenwin u jekk ikun jirrigwarda l-fatturi prevalenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fiż-żmien li fih il-benefiċjarju jieħu d-deċiżjoni dwar il-proġett jew l-attività kkonċernata.

(74)

B'deroga mill-punti (70) sa (73), l-għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fiskali mogħtija lill-SMES għandha titqies li jkollha effett ta’ inċentiv jekk l-iskema tal-għajnuna tkun tistabbilixxi dritt għall-għajnuna skont kriterji oġġettivi u mingħajr aktar eżerċitar ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru u jekk l-iskema tal-għajnuna tkun ġiet adottata u daħlet fis-seħħ qabel bdiet il-ħidma fuq il-proġett jew l-attività megħjuna. Ir-rekwiżit tal-aħħar ma japplikax fil-każ ta’ skemi fiskali suċċessivi, sakemm l-attività ma kinitx diġà koperta mill-iskemi preċedenti fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa.

(75)

B’deroga mill-punti (70) sa (74), dawn il-kategoriji ta’ għajnuna ta' dawn il-Linji Gwida mhemmx bżonnhom jew jistgħu jitqiesu li għandhom effett inċentiv:

(a)

skemi ta’ għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art skont it-Taqsima 1.3.4. u t-Taqsima 2.9.2. u skemi ta’ għajnuna b’għanijiet ekoloġiċi, protettivi u rikreazzjonali skont it-Taqsima 2.8 tal-Parti II u meta:

(i)

l-iskema ta’ għajnuna tistabbilixxi dritt għal għajnuna skont il-kriterji oġġettivi u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membri;

(ii)

l-iskema ta’ għajnuna ġiet adottata u kienet fis-seħħ qabel ma ġġarrbu l-ispejjeż eliġibbli skont it-Taqsimiet 1.3.4, 2.9.2 u 2.8. mill-benefiċjarju; u

(iii)

l-iskema tal-għajnuna tkopri biss lill-SMEs;

(b)

l-għajnuna għall-iżvantaġġi marbuta mal-oqsma ta’ Natura 2000 u għad-Direttiva qafas dwar l-Ilma mogħtija lill-SMEs skont it-Taqsima 1.1.6 tal-Parti II;

(c)

l-għajnuna lil żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew speċifiċi oħra skont it-Taqsima 1.1.7 tal-Parti II;

(d)

l-għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali skont it-Taqsima 1.2.1.1 tal-Parti II;

(e)

għajnuna biex tikkumpensa d-dannu ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jitqabblu ma' diżastru naturali skont it-Taqsima 1.2.1.2 tal-Parti II;

(f)

għajnuna biex tikkumpensa l-ispejjeż tal-qerda tal-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti u għat-telf ikkawżat minn dak il-mard tal-annimali jew il-pesti tal-pjanti skont it-Taqsima 1.2.1.3 tal-Parti II;

(g)

għajnuna biex tkopri l-ispejjeż tat-tneħħija u l-qerda ta’ bhejjem mejta skont it-Taqsima 1.2.1.4 tal-Parti II;

(h)

għajnuna biex tikkumpensa d-danni kkawżati minn annimali protetti skont it-Taqsima 1.2.1.5 tal-Parti II;

(i)

għajnuna biex tagħmel tajjeb għd-dannu fil-foresti kkawżat minn annimali rregolati bil-liġi skont it-Taqsima 2.8.5 tal-Parti II;

(j)

għajnuna għall-investiment biex jintlaħqu l-istandards skont il-punt (148)(a) u (b);

(k)

għajnuna għall-investiment biex jintlaħqu l-istandards mogħtija lill-SMEs skont il-punt (148)(c); għajnuna għall-investiment biex jintlaħqu l-istandards lill-intrapriżi l-kbar skont il-punt (148)(c) tista’ titqies li għandha effett ta’ inċentiv, meta l-impriża kkonċernata tista’ turi li mingħajr l-għajnuna jkollha r-riskju li tagħlaq.

(l)

għajnuna għall-investiment favur il-konservazzjoni tal-wirt kulturali u naturali fl-azjenda agrikola skont it-Taqsima 1.1.1.2 tal-Parti II, ħlief għajnuna individwali li taqbeż il-EUR 500 000 għal kull impriża għal kull proġett ta’ investiment;

(m)

għajnuna għall-miżuri ta' promozzjoni skont il-punt (464)(b) u (c) u għall-kampanji ta' promozzjoni ta’ bixra ġenerika skont il-punt (464)(d);

(n)

għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija skont it-Taqsima 1.3.6 u t-Taqsima 2.9.1 tal-Parti II;

(o)

għajnuna għaż-żamma, ir-restawr u t-titjib tal-wirt kulturali u naturali tal-irħula, il-pajsaġġi rurali u s-siti ta’ valur naturali għoli skont il-punt (644)(e); din id-deroga ma tapplikax għal l-ħajnuna għall-investiment assoċjat mal-wirt kulturali u naturali ta’ villaġġi, pajsaġġi rurali u siti ta’ valur naturali għoli, li tkun taqbeż il-limiti tan-notifika stabbiliti fil-punt (37)(c);

(p)

għajnuna għat-tfassil u l-aġġornament ta’ pjanijiet għall-iżvilupp ta’ muniċipalitajiet u rħula f’żoni rurali u s-servizzi bażiċi tagħhom u tal-pjanijiet ta’ protezzjoni u ġestjoni relatati ma’ siti ta’ Natura 2000 u żoni oħrajn ta’ valur naturali għoli, skont il-punt (644)(a);

(q)

għajnuna għar-restawrazzajoni ta’ ħsara f’foresti minn nirien, diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi, pesti tal-pjanti, mard tal-annimali, avvenimenti katastrofiċi u avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima skont it-Taqsima 2.1.3 tal-Parti II.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna għal investiment individwalment notifikabbli

(76)

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti hawn fuq, għall-għajnuna għall-investiment individwalment notifikabbli, l-Istat Membru jrid jipprovdi evidenza ċara li l-għajnuna effettivament għandha impatt fuq l-għażla tal-investiment. Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni komprensiva, l-Istat Membru ma jridx jipprovdi biss l-informazzjoni dwar il-proġett megħjun iżda anki deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali, li fih l-ebda awtorità pubblika ma tagħti xi għajnuna lill-benefiċjarju.

(77)

L-Istati Membri huma, mistiedna biex iserrħu fuq dokumenti, bħal dokumenti uffiċjali tal-bord, valutazzjonijiet tar-riskju, inkluża l-valutazzjoni ta’ riskji speċifiċi għall-post, rapporti finanzjarji, pjanijiet interni ta’ direzzjoni tan-negozju, opinjonijiet tal-esperti u studji oħra relatati mal-proġett ta’ investiment taħt valutazzjoni. Dokumenti li jkunu jinkludu tbassir dwar id-domanda u l-kosti u tbassir finanzjarju, dokumenti li jiġu ppreżentati lill-kumitat għall-investiment u li jelaboraw dwar diversi xenarji ta’ investiment, jew dokumenti pprovduti lill-istituzzjonijiet finanzjarji, jistgħu jgħinu lill-Istati Membri juru l-effett ta’ inċentiv.

(78)

F’dan il-kuntest, il-livell ta’ profittabbiltà jista’ jiġi evalwat b’referenza għal metodoloġiji li huma prattika standard fis-settur ikkonċernat, u li jistgħu jinkludu metodi għall-evalwazzjoni tal-valur nett preżenti tal-proġett (NPV) (43), ir-rata ta’ redditu interna (IRR) (44) jew ir-redditu medju fuq il-kapital imħaddem (ROCE). Il-profittabbiltà tal-proġett għandha tiġi mqabbla mar-rati normali ta’ redditu applikati mill-impriża fi proġetti oħrajn ta’ investiment ta’ natura simili. Meta dawn ir-rati ma jkunux disponibbli, il-profittabbiltà tal-proġett għandha tiġi mqabbla mal-kost tal-kapital tal-impriża b’mod sħiħ jew bir-rati ta’ redditu komuni osservati fis-settur ikkonċernat.

(79)

Fejn l-ebda xenarju kontrofattwali speċifiku ma huwa magħruf, l-effett ta’ inċentiv jista’ jkun preżunt meta hemm diskrepanza ta' likwidità, jiġifieri meta l-kostijiet tal-investiment jaqbżu l-valur preżenti nett (VPN) tal-profitti operattivi mistennija tal-investiment fuq il-bażi ta’ pjan tan-negozju ex ante.

(80)

Jekk l-għajnuna ma tibdilx l-imġiba tal-benefiċjarju billi tħeġġeġ investiment addizzjonali, din ma jkollha l-ebda effett pożittiv għall-iżvilupp tas-settur ikkonċernat. Għaldaqstant, l-għajnuna ma tiġix approvata meta jkun jidher li l-istess investiment isir xorta mingħajr l-għajnuna.

3.5.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna

(81)

Fis-settur agrikolu u fis-settur tal-forestrija u f'żoni rurali, l-għajnuna hija kkunsidrata bħala proporzjonata jekk l-ammont ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju hija limitata għall-minimu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan komuni fil-mira.

L-intensitajiet massimi tal-għajnuna u l-ammonti massimi tal-għajnuna

(82)

Fil-prinċipju, sabiex l-għajnuna tkun proporzjonata, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ammont tal-għajnuna ma għandux jaqbeż l-ispejjeż eliġibbli. Dan hu mingħajr ħsara għar-regoli għal inċentivi ambjentali jew pubbliċi oħrajn li espressament hemm previsti fit-Taqsimiet 1.1.3 u 1.2.2 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

(83)

Sabiex tiżgura predividibbiltà u kundizzjonijiet ekwi, f’dawn il-Linji Gwida l-Kummissjoni tapplika wkoll l-intensitajiet massimi tal-għajnuna. Meta l-intensità massima tal-għajnuna ma tkun tista’ tiġi stabbilita, pereżempju fil-każ tal-għajnuna tal-bidu għall-bdiewa żgħażagħ u l-iżvilupp ta’ farms żgħar, jiġu stabbiliti l-ammonti massimi tal-għajnuna definiti f’termini nominali ħalli tkun żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna.

(84)

Jekk l-ispejjeż eliġibbli jkunu kkalkolati b’mod korrett u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna jew l-ammonti massimi tal-għajnuna stabbiliti fil-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida jkunu rispettati, il-kriterju ta’ proporzjonalità jitqies bħala sodisfat.

(85)

L-intensità massima tal-għajnuna u l-ammont tal-għajnuna jridu jiġu kkalkolati mill-awtorità awtorizzanti meta tingħata l-għajnuna. L-ispejjeż eliġibbli jridu jkunu sostnuti minn evidenza dokumentarja li għandha tkun ċara, speċifika u kontemporanja. Għall-fini tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna u tal-ispejjeż eliġibbli, iċ-ċifri kollha użati jridu jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis fit-taxxa jew imposta oħra.

(86)

It-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) mhix eliġibbli għal għajnuna, ħlief meta ma tkunx tista’ tiġi rkuprata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-VAT.

(87)

Meta tingħata l-għajnuna f’forma oħra għajr għotja, l-ammont tal-għajnuna huwa l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna.

(88)

Għajnuna pagabbli f’diversi ħlasijiet parzjali hija skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata l-għajnuna. L-ispejjeż eliġibbli huma skontati għall-valur tagħhom fil-mument li tingħata l-għajnuna. Ir-rata ta’ imgħax li għandha tintuża għall-finijiet ta’ skontijiet hija r-rata tal-iskont applikabbli fid-data ta’ meta ngħatat l-għotja.

(89)

Meta l-għajnuna tingħata b’vantaġġi fiskali, l-iskontar tal-porzjonijiet tal-għajnuna għandu jsir abbażi tar-rati ta’ skont applikabbli fid-diversi drabi li jidħol fis-seħħ il-benefiċċju fiskali.

(90)

Fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment fiż-żoni rurali, l-intensità tal-għajnuna massima għal proġetti kbar tal-investiment trid titbaxxa għall-ammont tal-għajnuna aġġustat kif jiddefinixxi l-punt (35).31. Barra minn hekk, il-proġetti l-kbar tal-investiment ma jistgħux igawdu mill-intensitajiet miżjuda tal-għajnuna għall-SMEs.

(91)

Meta l-impenji skont it-Taqsimiet 1.1.5.1, 1.1.8, 2.3 u 3.4 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida jingħataw f’unitajiet oħrajn minbarra dawk stipulati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Istati Membri jistgħu jikkalkolaw il-pagamenti fuq il-bażi ta’ dawk l-unitajiet l-oħrajn. F’dawn il-każi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinżamm konformità mal-ammonti massimi fis-sena.

(92)

Ħlief għall-għajnuna għal impenji biex jitrabbew razez lokali fil-periklu li jintilfu għall-biedja msemmija fit-Taqsima 1.1.5.1, għajnuna skont it-Taqsimiet 1.1.5.1, 1.1.8, 2.3 u 3.4 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida ma jistgħux jingħataw għal kull unità ta’ bhejjem. Ir-rati ta’ konverżjoni tal-bosta kategoriji ta’ annimali għal unitajiet ta’ bhejjem huma stabbiliti fl-Anness II tal-att ta’ implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(93)

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-ammont ta’ għajnuna għall-miżuri jew tipi ta’ operazzjonijiet imsemmijin fit-Taqsimiet 1.1.5, 1.1.6, 1.1.7, 1.1.8, 2.3, 3.4 u 3.5 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet standard ta’ spejjeż addizzjonali u dħul mitluf. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kalkoli u l-għajnuna korrispondenti: (a) fihom biss elementi li huma verifikabbli; (b) huma bbażati fuq figuri stabbiliti b’kompetenza xierqa; (c) jindikaw biċ-ċar is-sors tal-figuri użati; (d) huma differenzjati sabiex jieħdu f’kunsiderazzjoni kundizzjonijiet reġjoanli jew tas-sit lokali u l-użu attwali tal-art, fejn applikabbli; u (e) ma fihomx elementi marbutin ma’ spejjeż ta’ investiment.

(94)

Meta tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-Kummissjoni ser tikkunsidra kwalunkwe assigurazzjoni meħuda, jew li setgħet tittieħed mill-benefiċjarju tal-għajnuna. Fir-rigward tal-għajnuna għall-kumpens ta’ telf ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastru naturali, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-għajnuna fl-intensità massima tal-għajnuna għandha tingħata biss lil impriża li ma tistax tkun koperta minn assigurazzjoni għal dan it-telf. Għaldaqstant, biex titjieb ulterjorment il-ġestjoni tar-riskji, il-benefiċjarji jridu jkunu mħeġġa li jagħmelu assigurazzjoni kull meta dan ikun possibbli.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna tal-investiment individwalment notifikabbli u għajnuna tal-investiment għal intrapriżi kbar skont skemi notifikati

(95)

Bħala regola ġenerali, l-għajnuna għall-investiment individwalment notifikabbli se titqies li hija limitata għall-minimu meħtieġ, jekk l-ammont tal-għajnuna jikkorrispondi għall-ispejjeż żejda netti marbuta mal-implimentazzjoni tal-investiment fiż-żona kkonċernata, meta mqabbel ma’ dak li seta’ jseħħ mingħajr l-għajnuna f’xenarju kontrofattwali. Bl-istess mod, fil-każ ta’ għajnuna għall-investiment mogħtija lill-intrapriżi l-kbar taħt skemi nnotifikati, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ammont tal-għajnuna huwa limitat għall-minimu fuq il-bażi ta’ “approċċ tal-ispejjeż żejda netti”.

(96)

L-ammont tal-għajnuna ma għandux jaqbeż il-minimu meħtieġ sabiex il-proġett ikun profitabbli biżżejjed, pereżempju dan ma għandux iwassal biex iżid l-IRR tiegħu aktar mir-rati normali ta’ redditu applikati mill-impriża kkonċernata fi proġetti oħra tal-investiment tal-istess tip jew, meta disponibbli, biex iżid l-IRR tiegħu aktar mill-ispiża tal-kapital tal-impriża b’mod sħiħ jew aktar mir-rati ta’ redditu osservati b’mod komuni fis-settur ikkonċernat.

(97)

Fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment lill-intrapriżi l-kbar taħt skemi nnotifikati, l-Istat Membru jrid jiżgura li l-ammont tal-għajnuna jikkorrispondi għall-ispejjeż żejda netti marbuta mal-implimentazzjoni tal-investiment fiż-żona kkonċernata, meta mqabbel ma’ dak li seta’ jiġri mingħajr l-għajnuna f’xenarju kontrofattwali. Il-metodu spjegat fil-punt (96) irid jintuża flimkien mal-intensitajiet massimi tal-għajnuna bħala limitu massimu.

(98)

Fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment individwalment notifikabbli, il-Kummissjoni ser tivverifika jekk l-ammont tal-għajnuna jaqbiżx il-minimu meħtieġ biex il-proġett jiġi jrendi biżżejjed profitt, billi tuża l-metodu stabbilit fil-punt (96). Il-kalkoli użati għall-analiżi tal-effett ta’ inċentiv jistgħu jintużaw ukoll biex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna hijiex proporzjonata. L-Istat Membru jrid juri l-proporzjonalità abbażi ta’ dokumentazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt (77). Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal għajnuna għall-investiment relatat mal-produzzjoni agrikola primarja.

Akkumulazzjoni ta’ għajnuna

(99)

L-għajnuna tista’ tingħata flimkien ma’ diversi skemi jew akkumulata ma’ għajnuna ad hoc, sakemm l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat għal attività jew proġett megħjun ma taqbiżx il-limiti massimi tal-għajnuna stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida.

(100)

L-għajnuna bi spejjeż eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna oħra tal-Istat, sakemm dawn l-għajnuniet jikkonċernaw spejjeż eliġibbli identifikabbli differenti. L-għajnuna bi spejjeż eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli, li jikkoinċidu b’mod sħiħ jew parzjali, biss jekk tali akkumulazzjoni ma twassalx biex tinqabeż l-ogħla intensità ta’ għajnuna jew l-ammont ta’ għajnuna applikabbli għal dan it-tip ta’ għajnuna skont dawn il-Linji Gwida.

(101)

L-għajnuna mingħajr spejjeż eliġibbli identifikabbli skont it-Taqsimiet 1.1.2 u 3.3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe miżura oħra ta’ għajnuna mill-Istat bi spejjeż eliġibbli identifikabbli. L-għajnuna mingħajr spejjeż eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna mill-Istat oħra mingħajr spejjeż eliġibbli identifikabbli, sal-livelli limitu ta’ finanzjament totali rilevanti stabbilit fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ minn dawn il-Linji Gwida jew linji gwida oħra dwar l-għajnuna mill-Istat, regolament ta’ eżenzjoni ġenerali jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

(102)

Għajnuna mill-Istat favur is-settur agrikolu m'għandhiex tiġi kumulata mal-pagamenti msemmija fl-Artikoli 81(2) u 82 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jekk dan il-kumulu joħloq intensità tal-għajnuna jew ammont tal-għajnuna li jaqbżu lil dawk stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida.

(103)

Meta l-finanzjament tal-Unjoni mmexxi b'mod ċentrali mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-impriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni, li mhux direttament jew indirettament fil-kontroll tal-Istat Membru, jingħaqad mal-għajnuna mill-Istat, dan tal-aħħar biss għandu jitqies biex jinstab jekk humiex jiġu rrispettati l-limiti tan-notifika u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna u l-livelli limitu, sakemm l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku mogħti fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli ma jkunx jaqbeż l-aktar rati favorevoli ta’ finanzjament stabbiliti fir-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni.

(104)

L-għajnuna ambjentali skont dawn il-Linji Gwida ma tistax tkun akkumulata b’għajnuna de minimis fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jekk tali akkumulazzjoni tirriżulta f’intensità ta’ għajnuna jew ammont ta’ għajnuna li jaqbeż lil dak stabbilit f’dawn il-Linji Gwida.

(105)

L-għajnuna għal investimenti maħsuba għar-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola kif imsemmi fil-punt (143)(e) m'għandhiex tiżdied mal-għajnuna li tikkumpensa dannu materjali msemmi fit-Taqsimiet 1.2.1.1, 1.2.1.2 u 1.2.1.3 ta' dawn il-Linji Gwida.

(106)

Il-finanzjament doppju ta’ prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent skont it-Taqsimiet 1.1.5.1, 1.1.6, 1.1.8 u 3.5 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwidaa u prattiki ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi eskluż. Il-klawżola ta’ reviżjoni prevista fil-punt (724) ta’ dawn il-Linji Gwida għandha tiżgura li jiġi evitat il-finanzjament doppju.

(107)

L-għajnuna tal-bidu għal gruppi u organizzazzjonijiet tal-produtturi kif imsemmi fit-Taqsima 1.1.4 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida ma għandhiex tiżdied ma’ għajnuna għat-twaqqif ta’ gruppi u organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur agrikolu stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. L-għajnuna tal-bidu għal bdiewa żgħażagħ u għajnuna tal-bidu għall-iżvilupp ta' farms żgħar kif jissemma fit-Taqsima 1.1.2 ma għandhiex tiżdied ma' għajnuna tal-bidu ta' negozju għal bdiewa żgħażagħ jew l-iżvilupp ta' farms żgħar kif jissemma fl-Artikolu 19(1)(a)(i) u (iii) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jekk b'dan il-kumulu, l-ammont tal-għajnuna jaqbeż lil dawk stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida.

3.6.   L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(108)

Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli, l-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jridu jkunu limitati u inferjuri għall-effetti pożittivi f’dak li jikkonċerna l-kontribuzzjoni għal għan ta’ interess komuni.

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(109)

Fil-valutazzjoni tal-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ser tiffoka l-analiżi tagħha tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fuq l-impatt previst li l-għajnuna fis-settur agrikolu u tal-forestrija u fiż-żoni rurali għandha fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-swieq tal-prodotti affettwati (45).

(110)

Bħala punt ta’ tluq, jekk l-għajnuna tkun immirata sew, proporzjonata u limitata għall-ispejjeż żejda netti, l-impatt negattiv tal-għajnuna jitnaqqas u r-riskju li l-għajnuna tfixkel il-kompetizzjoni b’mod mhux xieraq ikun aktar limitat. It-tieni, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-intensitajiet massimi tal-għajnuna. Dawn jikkostitwixxu rekwiżit bażiku għall-kompatibbiltà, li l-għan tiegħu huwa li jevita li l-għajnuna mill-Istat tintuża għal proġetti fejn il-proporzjon bejn l-ammont tal-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli għandu jitqies għoli ħafna u partikolarment suxxettibbli li joħloq distorsjonijiet. B’mod ġenerali, aktar ma l-proġett megħjun iġib miegħu effetti pożittivi potenzjali u aktar ma tkun kbira l-ħtieġa potenzjali għall-għajnuna, aktar ikun għoli l-limitu massimu fuq l-intensità tal-għajnuna.

(111)

Madankollu, anki meta l-għajnuna tkun meħtieġa u proporzjonata, din tista’ tirriżulta f’bidla fl-imġiba tal-benefiċjarji li tfixkel il-kompetizzjoni. Dan huwa aktar probabbli fis-settur agrikolu li hu differenti minn swieq oħra bl-istruttura speċifika tal-produzzjoni agrikola primarja li hi karaterizzata minn għadd ġmielu ta’ impriżi żgħar involuti. Fi swieq bħal dawn, ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni huwa kbir anki meta jingħataw biss ammonti żgħar ta’ għajnuna.

(112)

Iż-żewġ distorsjonijiet potenzjali ewlenin tal-kompetizzjoni u l-kummerċ jistgħu jkunu kkawżati mill-għajnuna għas-settur agrikolu u tal-forestrija u għaż-żoni rurali. Dawn huma distorsjonijiet tas-suq tal-prodotti u l-effetti marbuta mal-post. Iż-żewġ tipi jistgħu jwasslu għal ineffiċjenzi allokattivi, li jkunu ta’ ħsara għall-prestazzjoni ekonomika tas-suq intern, u jistgħu iwasslu wkoll għal tħassib distributtiv, fis-sens li l-għajnuna taffettwa d-distribuzzjoni tal-attività ekonomika fost ir-reġjuni.

(113)

Fil-prinċipju, minħabba l-effetti pożittivi tagħha fuq l-iżvilupp tas-settur, il-Kummissjoni tikkunsidra li meta għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet u ma taqbiżx l-intensitajiet massimi rilevanti tal-għajnuna, stabbiliti fit-Taqsimiet applikabbli tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, l-effett negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ jiġi limitat għall-minimu.

(114)

Madankollu, billi l-għajnuna għall-investiment lil impriżi attivi fl-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli u lil impriżi attivi f’setturi oħrajn, pereżempju fis-settur tal-ipproċessar tal-ikel (46), għandha t-tendenza li jkollha effetti ta’ distorsjoni simili fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-politika ta’ kompetizzjoni fuq l-effett tal-kompetizzjoni u l-kummerċ għandhom japplikaw ugwalment għal dawk is-setturi kollha. Għalhekk, il-kundizzjonijiet deskritti fil-punti (115) sa (127) għandhom jiġu rrispettati fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment għall-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fis-settur tal-forestrija u f’żoni rurali.

L-iskemi ta' għajnuna għall-investiment għall-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli fis-settur tal-forestrija u fiż-żoni rurali :

(115)

L-iskemi ta’ għajnuna ma għandhomx iwasslu għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. B’mod partikolari, anki meta d-distorsjonijiet jistgħu jitqiesu limitati fuq livell individwali (sakemm ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha tal-għajnuna għall-investiment), fuq bażi kumulattiva l-iskemi ta’ għajnuna għall-investiment xorta waħda jistgħu jwasslu għal livelli għoljin ta’ distorsjonijiet. Tali distorsjonijiet jistgħu jolqtu s-swieq tal-produzzjoni billi joħolqu jew jiggravaw sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda, jew billi joħolqu, iżidu jew iżommu s-setgħa sostanzjali fis-suq ta’ wħud mill-benefiċjarji b’tali mod li jaffettwa b’mod negattiv l-inċentivi dinamiċi. L-għajnuna disponibbli fil-qafas ta’ skemi ta’ għajnuna għall-investiment tista’ twassal ukoll għal telf sinifikanti ta’ attività ekonomika f’żoni oħra taż-ŻEE. F’każ li skema ta’ għajnuna għall-investiment tkun tiffoka fuq ċerti setturi, ir-riskju ta’ distorsjoni bħal din jinħass aktar.

(116)

Għaldaqstant, l-Istat Membru kkonċernat irid juri li dawn l-effetti negattivi se jkunu limitati għall-minimu li jqis, pereżempju, id-daqs tal-proġetti kkonċernati, l-ammonti tal-għajnuna individwali u kumulattiva, il-benefiċjarji mistennija, kif ukoll il-karatteristiċi tas-setturi fil-mira. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-effetti negattivi potenzjali, l-Istat Membru mħeġġeġ jippreżenta kull valutazzjoni tal-impatt li għandu, kif ukoll evalwazzjonijiet ex post li jkunu twettqu għal skemi simili preċedenti.

Għajnuna għal investimenti individwalment notifikabbli għall-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli u fiż-żoni rurali

(117)

Fl-istima tal-effetti negattivi tal-għajnuna għall-investiment individwali, il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari l-effetti negattivi marbuta mal-bini tal-kapaċità żejda fi swieq li jkunu sejrin lura, mal-prevenzjoni tal-ħruġ, u mal-kunċett tas-setgħa sostanzjali fis-suq. Dawn l-effetti negattivi huma deskritti fil-punti (118) sa (127) u jridu joħolqu bilanċ mal-effetti pożittivi tal-għajnuna.

(118)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tidentifika u tivvaluta d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza li tippermetti lill-Kummissjoni tidentifika s-swieq tal-prodotti kkonċernati (jiġifieri, prodotti affettwati mill-bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju tal-għajnuna) u l-kompetituri u l-klijenti/konsumaturi affettwati.

(119)

Il-Kummissjoni tuża diversi kriterji biex tivvaluta dawk id-distorsjonijiet potenzjali, bħall-istruttura tas-suq tal-prodott ikkonċernat, il-prestazzjoni tas-suq (suq li sejjer lura jew li qiegħed jikber), il-proċess tal-għażla tal-benefiċjarju tal-għajnuna, l-ostakli għad-dħul fis-suq u għall-ħruġ minnu, u l-varjazzjoni tal-prodotti.

(120)

Meta impriża tiddependi b’mod sistematiku fuq l-għajnuna mill-Istat, dan jista’ jfisser li l-impriża waħedha ma tiflaħx għall-kompetizzjoni jew li qiegħda tgawdi minn vantaġġi mhux mistħoqqa meta mqabbla mal-kompetituri tagħha.

(121)

Il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn żewġ sorsi ewlenin ta’ effetti negattivi potenzjali fuq is-swieq tal-prodotti:

(a)

każijiet ta’ espansjoni sinifikanti fil-kapaċità li jew twassal għal sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda jew inkella tkompli tgħarraq sitwazzjoni diġà eżistenti ta’ kapaċità żejda, speċjalment f’suq li jkun sejjer lura; u

(b)

każijiet fejn il-benefiċjarju tal-għajnuna jkollu setgħa sostanzjali fis-suq.

(122)

Biex tevalwa jekk l-għajnuna tistax tgħin biex jinħolqu jew jinżammu strutturi ineffiċjenti fis-suq, il-Kummissjoni tikkunsidra l-kapaċità addizzjonali fil-produzzjoni maħluqa mill-proġett u jekk is-suq huwiex sejjer agħar milli mistenni.

(123)

Fejn is-suq inkwistjoni jkun qiegħed jikber, normalment ikun hemm anqas raġuni għal tħassib li l-għajnuna ser tolqot b’mod negattiv inċentivi dinamiċi jew li ser ixxekkel il-ħruġ jew id-dħul bla bżonn.

(124)

Wieħed jifhem li jkun hemm aktar tħassib meta s-swieq ikunu sejrin lura. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn il-każijiet li fihom, minn perspettiva fit-tul, is-suq rilevanti jkun strutturalment sejjer lura (jiġifieri juri rata ta’ tkabbir negattiva), u l-każijiet li fihom is-suq rilevanti jkun sejjer lura b’mod relattiv (jiġifieri juri rata ta’ tkabbir pożittiva, iżda ma jaqbiżx ir-rata ta’ tkabbir normattiva).

(125)

Normalment, kemm is-suq mhux sejjer kif mistenni jitkejjel f’paragun mal-PDG taż-ŻEE matul it-tliet snin qabel il-bidu tal-proġett (ir-rata normattiva); jista’ jiġi stabbilit ukoll fuq il-bażi tar-rati ta’ tkabbir għat-tliet snin sa ħames snin ta’ wara. L-indikaturi jistgħu jinkludu t-tkabbir futur prevedibbli tas-suq ikkonċernat u r-rati tal-użu tal-kapaċità mistennija li jirriżultaw, kif ukoll l-impatt potenzjali taż-żieda fil-kapaċità fuq il-kompetituri permezz tal-effetti li tħalli fuq il-prezzijiet u l-marġnijiet tal-profitt.

(126)

F’ċerti każijiet, il-valutazzjoni tat-tkabbir tas-suq tal-prodotti fiż-ŻEE tista’ ma tkunx kompletament adegwata biex jitqiesu l-effetti tal-għajnuna, b’mod partikolari jekk is-suq ġeografiku jkun mifrux mad-dinja kollha. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tqis l-effett tal-għajnuna fuq l-istrutturi tas-suq ikkonċernati, b’mod partikolari, il-potenzjal tagħha li tisforza produtturi fiż-ŻEE sabiex joħorġu mis-suq.

(127)

Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tas-setgħa sostanzjali tas-suq, il-Kummissjoni ser tqis il-pożizzjoni tal-benefiċjarju f’perjodu ta’ żmien qabel ma jirċievi l-għajnuna u l-pożizzjoni mistennija fis-suq wara l-iffinalizzar tal-investiment. Il-Kummissjoni se tqis l-ishma fis-suq tal-benefiċjarju, kif ukoll l-ishma fis-suq tal-kompetituri tiegħu u fatturi rilevanti oħrajn, inkluża pereżempju l-istruttura tas-suq billi jiġu eżaminati l-konċentrazzjoni fis-suq, l-ostakli possibbli għad-dħul (47), is-saħħa tax-xerrej (48) u l-ostakli għall-espansjoni jew għall-ħruġ mis-suq.

3.7.   Transparenza

(128)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li ġejja fuq websajt komprensiva dwar l-għajnuna mill-Istat, f’livell nazzjonali jew reġjonali:

(a)

it-test sħiħ tal-iskema ta’ għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, jew il-bażi ġuridika għall-għajnuna individwali, jew link għalih;

(b)

l-identità tal-awtorità(jiet) awtorizzanti;

(c)

l-identità tal-benefiċjarji individwali, il-forma u l-ammont mogħtija lil kull benefiċjarju, id-data tal-għoti, it-tip ta’ impriża (SME/ intrapriża kbira), ir-reġjun li fih jinsab il-benefiċjarju (fil-livell II tal-NUTS) u s-settur ekonomiku ewlieni fejn il-benefiċjarju għandu l-attivitajiet tiegħu (fil-livell tal-grupp tal-NACE). Rekwiżit bħal dan jista’ jiġi rrinunzjat fir-rigward ta’ għotjiet ta’ għajnuna individwali li ma jaqbżux dawn li il-limiti:

(i)

EUR 60 000 għal benefiċjarji attivi fil-produzzjoni agrikola primarja;

(ii)

EUR 500 000 għal benefiċjarji fis-setturi tal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, is-settur tal-forestrija jew l-attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat.

(129)

Għal skemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa, l-informazzjoni dwar l-ammont ta’ għajnuna individwali tista’ tiġi pprovduta fil-meded li ġejjin (f’EUR miljuni): 0,06 – 0,5 biss għal produzzjoni agrikola primarja; 0,5 sa 1; 1 sa 2; 2 sa 5; 5 sa 10; 10 sa 30; u 30 u iktar.

(130)

Jekk l-għotja tal-għajnuna individwali tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u tkun kofinanzjata mill-FAEŻR jew mogħtija bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għal tali miżuri kofinanzjati, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li ma jippubblikahiex fuq il-websajt tal-għajnuna mill-Istat li tissemma fil-punt (128) sakemm l-għotja tal-għajnuna individwali tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikoli 111, 112 u 113 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. F'dak il-każ, l-Istat Membru għandu jagħmel referenza għall-websajt imsemmija fl-Artikolu 111 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fuq il-websajt dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-punt (128).

(131)

Din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni tal-għoti, u għandha tinżamm għal mill-anqas 10 snin u tkun disponibbli għall-pubbliku bla restrizzjonijiet (49). L-Istati membri ma jeħtiġilhomx jippubblikaw din l-informazzjoni msemmija hawn fuq qabel l-1 ta' Lulju 2016 (50).

(132)

Għal raġunijiet ta’ trasparenza, l-Istati Membri jridu jwettqu rapportar u reviżjoni kif mitlub fil-Kapitolu 2 tal-Parti III ta’ dawn il-Linji Gwida.

PARTI II. KATEGORIJI TA’ GĦAJNUNA

Kapitolu 1. Għajnuna favur l-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli

1.1.   Miżuri dwar l-iżvilupp rurali

1.1.1.   Għajnuna għall-investiment

(133)

Din it-Taqsima tapplika għall-investiment fl-azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja, l-investiment b’rabta mal-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli.

(134)

Kull għajnuna għall-investiment skont it-Taqsimiet 1.1.1.1, 1.1.1.2, 1.1.1.3. u 1.1.1.4. tal-Parti II ta' dawn il-Linji Gwida trid tikkonforma ma' dawn il-kundizzjonijiet: meta organizzazzjoni tas-suq komuni, inklużi skemi ta’ appoġġ dirett, iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) tqiegħed restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni jew limitazzjonijiet fuq l-appoġġ tal-Unjoni fil-livell tal-impriżi individwali, l-azjendi jew l-impjanti tal-ipproċessar, l-ebda investiment li jżid il-produzzjoni aktar minn dawk ir-restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet ma jista’ jirċievi appoġġ b’għajnuna mill-Istat.

1.1.1.1.   Għajnuna għal investiment f’assi tanġibbli u intaġibbli fuq azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja

(135)

Il-Kummissjoni se tqis għajnuna għall-investimenti f'assi tanġibbli u intanġibbli f'azjendi agrikoli relatati mal-produzzjoni agrikola primarja kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk din tkun konformi mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta' dawk il-Linji Gwida, il-kundizzjoni ġenerali għall-għajnuna għal investiment stabbilita fil-punt (134) ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(136)

Din it-Taqsima tapplika għall-investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli f’azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja. L-investiment jitwettaq minn benefiċjarju wieħed jew aktar jew jikkonċerna assi tanġibbli jew assi intanġibbli użati minn benefiċjarju wieħed jew aktar.

(137)

Din it-Taqsima tapplika wkoll għall-investiment f'assi tanġibbli u intanġibbli relatat mal-produzzjoni ta' bijokarburanti jew ta’ enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew il-produzzjoni ta’ bijokarburanti f’azjendi, li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-investiment isir għall-produzzjoni tal-bijokarburanti fis-sens tad-Direttiva 2009/28/KE (51) f’azjendi agrikoli, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli huma eliġibbli biss għall-għajnuna jekk il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom ma tkunx aktar mill-medja tal-konsum annwali ta’ karburant għat-trasport tal-azjenda agrikola; il-bijokarburant prodott ma għandux jinbiegħ fis-suq;

(b)

meta l-investiment isir fil-produzzjoni ta’ enerġija termali u/jew l-elettriku minn sorsi rinnovabbli f’azjendi agrikoli, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli huma eliġibbli għall-għajnuna biss jekk dawn ikollhom l-għan li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom tal-enerġija u jekk il-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom ma tkunx aktar mill-medja ta’ konsum enerġetiku annwali kkombinat ta’ enerġija termali u elettriku fl-azjenda agrikola, inkluż fl-unità domestika agrikol; fir-rigward tal-elettriku, huwa permess il-bejgħ ta’ elettriku fil-grilja, sakemm jitħares il-limitu ta’ konsum proprju annwali.

(138)

Meta aktar minn azjenda agrikola waħda tagħmel l-investiment għall-produzzjoni ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli bil-għan li sservi l-ħtiġijiet tagħha tal-enerġija jew għall-produzzjoni ta' bijokarburanti f'azjendi, il-konsum medju annwali hu akkumulat sal-ammont ekwivalenti tal-konsum annwali medju ta' kull benefiċjarju.

(139)

L-Istati Membri jridu jeżiġu konformità mal-istandards minimi għall-effiċjenza enerġetika għall-investimenti f’infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli li jikkunsmaw jew jipproduċu l-enerġija, fejn tali standards jeżistu fil-livell nazzjonali.

(140)

L-investimenti fl-installazzjonijiet, li l-għan primarju tagħhom huwa l-produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa, mhumiex eliġibbli għall-għajnuna sakemm ma jiġix utilizzat perċentwal minimu ta’ enerġija, li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

(141)

L-Istati Membri jridu jistabbilixxu l-livelli limitu għall-proporzjonijiet massimi ta’ ċereali u għelejjel oħra b’kontenut rikk ta’ lamtu, zokkor u għelejjel taż-żejt użati għall-produzzjoni tal-bijoenerġija, inkluż il-bijokarburanti, għal tipi differenti ta’ installazzjonijiet. L-għajnuna għall-proġetti tal-bijoenerġija trid tkun limitata għall-bijoenerġija li tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkluż l-Artikolu 17(2) sa (6) tad-Direttva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(142)

Jekk il-kapaċità tal-produzzjoni tal-installazzjoni taqbeż il-konsum annwali medju tal-benefiċjarju jew tal-benefiċjarji kif jissemma fil-punti (137) u (138) ta' dawn il-Linji Gwida, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 diment li din l-għajnuna ma tkunx eżentata mill-obbligu ta' notifika.

(143)

L-investiment irid jsegwi tal-inqas wieħed mill-għanijiet li ġejjin:

(a)

it-titjib tal-prestazzjoni globali u s-sostenibbiltà tal-azjenda agrikola, b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis fl-ispejjeż ta’ produzzjoni jew it-titjib u t-tqassim mill-ġdid ta’ produzzjoni;

(b)

it-titjib tal-ambjent naturali, l-istandards tal-iġjene jew l-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali, sakemm l-investiment ikkonċernat ikollu l-għan li jmur lil hinn mill-istandard tal-Unjoni fis-seħħ;

(c)

il-ħolqien u t-titjib ta’ infrastruttura relatata mal-iżvilupp, l-adattament u l-immodernizzar tal-agrikoltura, inkluż aċċess għal art tal-farm, konsolidazzjoni tal-art u titjib tal-art, il-forniment u l-iffrankar tal-enerġija u tal-ilma;

(d)

il-kisba tal-għanijiet agroambjentali klimatiċi, inkluż l-istatus ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità tal-ispeċijiet u l-ħabitats kif ukoll it-titjib tal-valur tal-kumditajiet pubbliċi ta’ żona ta’ Natura 2000 jew sistemi oħra ta’ valur naturali għoli, sakemm l-investimenti ma jkunux produttivi;

(e)

it-treġġigħ lura tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola li ġarrbet danni minn diżastri naturali, okkorrenzi eċċezzjonali jew avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastri naturali, il-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti, l-annimali protetti u l-prevenzjoni u l-mitgazzjoni tar-riskju tad-danni kkawżati minn dawk l-avvenimenti u l-fatturi msemmija qabel;

(f)

jissodisfa l-istandards skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt (148) ta’ hawn taħt.

L-ispejjeż eliġibbli

(144)

L-għajnuna tkopri l-ispejjeż eliġibbli li ġejjin:

(a)

il-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-lokazzjoni, jew it-titjib tal-proprjetà immobbli, bl-art mixtrija eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx l-10 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata; f’każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati kif xieraq, perċentwal ogħla jista’ jiġi awtorizzat għal operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni ambjentali;

(b)

ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

(c)

spejjeż ġenerali relatati man-nefqa msemmija fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk ta’ konsultazzjoni, tariffi li għandhom x’jaqsmu ma’ konsulenza dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji tal-fattibbiltà; l-istudji tal-fattibbiltà jibqgħu spejjeż eliġibbli anki meta abbażi tar-riżultati tagħhom ma tiġġarrab ebda nefqa skont il-punt (a) u (b);

(d)

l-akkwist jew l-iżvilupp ta’ softwer tal-kompjuter u l-akkwist ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u marki kummerċjali.

(e)

spejjeż għal investimenti mhux produttivi marbutin mal-għanijiet imsemmijin fil-punt (143)(d) hawn fuq;

(f)

fil-każ ta’ investiment li għandu l-għan li jirrestawra l-potenzjal ta’ produzzjoni agrikola li ġarrbet ħsara minħabba diżastri naturali, okkorrenzi eċċezzjonali jew avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti u annimali protetti, l-ispejjeż jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrbin għar-restawrazzjoni tal-potenzjal ta’ produzzjoni sal-livell preċedenti li kien hemm qabel ma seħħew dawk l-avvenimenti;

(g)

fil-każ ta’ investimenti bl-għan li jipprevjenu ħsara kkaġunata minn diżastri naturali, okkorrenzi eċċezzjonali, avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, mard tal-annimali u pesti tal-pjanti u minn annimali protetti, l-ispejjeż eliġibbli jistgħu jinkludu l-ispejjeż ta’ azzjonijiet speċifiċi ta’ prevenzjoni bl-għan li jnaqqsu l-konsegwenzi tat-tali avvenimenti probabbli.

(145)

L-għajnuna ma tistax tingħata fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a)

ix-xiri ta’ drittijiet tal-produzzjoni, intitolamenti tal- pagamenti u pjanti annwali;

(b)

it-tħawwil ta’ pjanti annwali;

(c)

ix-xiri ta’ annimali;

(d)

investimenti biex tinżamm konformità ma’ standards tal-Unjoni li huma fis-seħħ;

(e)

spejjeż, minbarra dawk imsemmijin fil-punt (144) marbutin ma’ kuntratti ta’ lokazzjoni, bħall-marġni ta’ lokatur, spejjeż ta’ rifinanzjament tal-imgħax, spejjeż ġenerali u miżati tal-assigurazzjoni.

(f)

il-kapital tax-xogħol;

(146)

B'deroga mill-punt (145)(c), għajnuna tista' tingħata għax-xiri ta' annimali bil-għan ta' punt (143)(e) ta' dawn il-Linji Gwida.

(147)

B'deroga mill-punt (145)(c), għajnuna tista' tingħata għax-xiri ta' annimali tat-tgħammir bil-għan li titjieb il-kwalità ġenetika tal-merħla, diment li dan ix-xiri jikkonforma ma' dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

il-Kummissjoni tqis li t-titjib fil-kwalità ġenetika tal-merħla jista’ jinkiseb b’mod ġenerali permezz ta’ inseminazzjoni artifiċjali b’materjal ġenetiku ta’ annimali ta’ kwalità għolja. Madankollu, din tagħraf li l-prattiki ta’ ġestjoni jillimitaw b’ċertu mod l-użu tal-inseminazzjoni artifiċjali fil-bhejjem tal-laħam taċ-ċanga, in-nagħaġ u l-mogħoż; għalhekk l-għajnuna tista’ tingħata biss għax-xiri ta’ annimali għat-tnissil biex tittejjeb il-kwalità ġenetika tal-mergħa fil-bhejjem tal-laħam taċ-ċanga, in-nagħaġ u l-mogħoż;

(b)

għandu jkun eliġibbli biss l-investiment maħsub biex itejjeb il-kwalità ġenetika tal-istokk permezz tax-xiri ta’ annimali għat-tnissil ta’ kwalità għolja, kemm irġiel u nisa li ġew irreġistrati f’kotba tal-mergħa; fil-każ ta’ sostituzzjoni tal-istokk eżistenti għat-tnissil, tista’ tingħata għajnuna biss għas-sostituzzjoni ta’ annimali li ma kinux irreġistrati fi ktieb tal-mergħa;

(c)

bdiewa attivi biss huma eliġibbli għall-għajnuna:

(d)

għandhom jinxtraw biss dawk l-annimali li jiżguraw potenzjal riproduttiv ottimali għal ċertu perjodu ta’ żmien; għalhekk, annimali nisa biss mixtrijin qabel ma jwelldu l-ewwel wild tagħhom għandhom ikunu eliġibbli;

(e)

l-aninimali mixtrija jridu jinżammu tal-inqas erba’ snin fil-mergħa.

(148)

B’deroga mill-punt (145)(d), tista' tingħata għajnuna biex jintlaħqu standards, iżda b'dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

lill-bdiewa żgħażagħ li jidħlu għall-ewwel darba f’azjenda agrikola bħala kap tal-azjenda fir-rigward tal-investimenti biex jikkonformaw mal-istandards tal-Unjoni li japplikaw għall-produzzjoni agrikola, inkluż is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; tali għajnuna tista’ tingħata għal massimu ta’ 24 xahar mid-data tal-bidu tal-attività;

(b)

Il-Kroazja tista’ tagħti għajnuna għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati (52) fi żmien massimu ta’ erba’ snin mid-data ta’ Adeżjoni skont l-Aritkolu 3(2) u l-Artikolu 5(1) ta’ dik id-Direttiva;

(c)

meta l-liġi tal-Unjoni timponi rekwiżiti ġodda fuq l-impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja, tista’ tingħata għajnuna għall-investimenti biex jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar mid-data li fiha r-rekwiżiti jkunu saru obbligatorji għall-impriża kkonċernata.

(149)

Fir-rigward tat-tisqija f’żoni msoqqija eżistenti jew ġodda, l-investimenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin ser jitqiesu bħala spejjeż eliġibbli:

(a)

pjan ta’ ġestjoni tal-baċin tax-xmara, kif meħtieġ skont it-termini tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma ġie kkomunikat lill-Kummissjoni għaż-żona sħiħa fejn ikun ser isir l-investiment, kif ukoll fi kwalunkwe żona oħra li l-ambjent tagħha jista’ jiġi milqut mill-investiment; il-miżuri li jidħlu fis-seħħ taħt il-pjan ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara skont l-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva u tar-rilevanza għas-settur agrikolu ġew speċifikati fil-programm ta’ miżuri rilevanti;

(b)

bħala parti mill-investiment hemm jew irid ikun hemm fis-seħħ kejl tal-ilma li jippermetti li jitkejjel l-użu tal-ilma fil-livell tal-investiment appoġġjat;

(c)

investiment fit-titjib ta’ installazzjoni ta’ tisqija eżistenti jew element ta’ infrastruttura tat-tisqija huma eliġibbli biss jekk jiġu vvalutati ex-ante bħala li joffru ffrankar ta’ ilma potenzjali ta’ mill-anqas bejn 5 u 25 % skont il-parametri tekniċi tal-installazzjonijiet jew l-infrastruttura eżistenti; jekk l-investiment jaffettwa korpi tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art li l-istat tagħhom ġie identifikat bħala mhux daqshekk tajjeb fil-pjan ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara rilevanti għal raġunijiet relatati mal-kwantità tal-ilma:

(i)

l-investiment irid jiżgura tnaqqis effettiv fl-użu tal-ilma, fil-livell tal-investiment, li jammonta għal tal-anqas 50 % tal-iffrankar potenzjali ta’ ilma li jkun possibbli permezz tal-investiment;

(ii)

fil-każ ta’ investiment f’impriża agrikola waħda, dan irid iwassal ukoll għal tnaqqis fl-użu totali ta’ ilma mill-azjenda agrikola li jammonta għal tal-anqas 50 % tal-iffrankar potenzjali ta’ ilma li jkun possibbli fil-livell tal-investiment; l-użu totali ta’ ilma tal-azjenda jrid jinkludi l-ilma mibjugħ mill-azjenda:

L-ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-punti (c) ma għandha tapplika għal investiment f’installazzjoni eżistenti li tolqot biss l-effiċjenza enerġetika jew investiment fil-ħolqien ta’ ġibjun jew investiment fl-użu tal-ilma riċiklat li la jolqot korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jew tal-wiċċ;

(d)

investiment li jirriżulta f’żieda netta taż-żona li tissaqqa li jaffettwa medda partikolari ta’ ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art għandu jkun eliġibbli biss jekk:

(i)

l-istat tal-korp tal-ilma ma jkunx ġie identifikat bħala mhux daqshekk tajjeb fil-pjan ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara rilevanti għal raġunijiet relatati mal-kwantità tal-ilma; u

(ii)

analiżi ambjentali turi li mhu ser ikun hemm l-ebda impatt ambjentali negattiv sinifikanti mill-investiment. Tali analiżi tal-impatt ambjentali trid titwettaq mill-awtorità kompetenti jew tiġi approvata mill-awtorità kompetenti u tista’ tirreferi wkoll għal gruppi ta’ azjendi;

(e)

b’deroga mill-punt (d)(i), l-investimenti li jwasslu għal żieda netta fiż-żona li tissaqqa xorta jistgħu jkunu eliġibbli jekk:

(i)

l-investiment ikun flimkien ma’ investiment f’installazzjoni ta’ tisqija eżistenti jew element ta’ infrastruttura tat-tisqija vvalutati ex-ante bħala li joffru ffrankar ta’ ilma potenzjali ta’ mill-anqas bejn 5 % u 25 % skont il-parametri tekniċi tal-installazzjoni jew l-infrastruttura eżistenti; u

(ii)

l-investiment jiżgura tnaqqis effettiv fl-użu tal-ilma, fil-livell tal-investiment kollu kemm hu, li jammonta għal tal-anqas 50 % tal-iffrankar potenzjali ta’ ilma li jkun possibbli permezz tal-investiment fl-installazzjoni tat-tisqija jew l-element tal-infrastruttura eżistenti;

(f)

b’deroga mill-punt (d)(i), il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dik id-dispożizzjoni ma japplikawx għal investimenti fit-twaqqif ta’ sistema ta’ tisqija ġdida fornita b’ilma minn ġibjun eżistenti approvat mill-awtoritajiet kompetenti qabel il-31 ta’ Ottubru 2013, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-ġibjun inkwistjoni jkun identifikat fil-pjan ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara rilevanti u jkun soġġett għar-rekwiżiti ta’ kontroll previsti fl-Artikoli 11(3)(e) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

(ii)

fil-31 ta’ Ottubru 2013, kien hemm fis-seħħ limitu massimu fuq l-estrazzjonijiet totali mill-ġibjun jew livell minimu meħtieġ ta’ fluss fl-ilmijiet affettwati mill-ġibjun;

(iii)

dak il-limitu massimu jew il-livell minimu meħtieġ ta’ fluss li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; u

(iv)

l-investiment inkwistjoni ma jirriżultax f’estrazzjonijiet li jmorru lil hinn il-limitu massimu fis-seħħ fil-31 ta’ Ottubru 2013 jew jirriżulta fi tnaqqis fil-livell ta’ fluss fil-korpi tal-ilma affettwati taħt il-livell minimu meħteġ fis-seħħ fil-31 ta’ Ottubru 2013.

(150)

Iż-żoni li ma jissaqqewx iżda fejn reċentement kienet attiva installazzjoni ta’ tisqija, li għandhom jiġu stabbiliti u ġġustifikati mill-Istati Membri, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala żoni misqija għall-fini li tiġi stabbilita ż-żieda netta fiż-żona misqija.

(151)

Mill- 1 ta'Jannar 2017, fil-każ tat-tisqija, l-għajnuna jistgħu jħallsuha l-Istati Membri li jistgħu jiżguraw li fir-rigward tad-distrett tal-baċin tax-xmara fejn isir l-investiment, tingħata kontribuzzjoni tal-użi differenti tal-ilma għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma mis-settur agrikolu, f'konformità mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60/KE filwaqt li meta jixraq, jitqiesu l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru u l-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjuni jew reġjuni milquta.

L-intensità tal-għajnuna

(152)

L-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż:

(a)

75 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

(b)

75 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli eliġibbli fil-Gżejjer minuri tal-Eġew;

(c)

75 % tal-ammont ta’ spejjeż eliġibbli fil-Kroazja għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati skont il-punt (148)(b) ta’ dawk il-Linji Gwida;

(d)

50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli f'reġjuni anqas żviluppati u fir-reġjuni kollha li l-PDG per capita tagħhom għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007sal-31 ta' Diċembru 2013 kien inqas minn 75 % tal-medja tal-UE-25 għall-perjodu ta' referenza imma li l-PDG per capita tagħhom jaqbeż il-75 % tal-medja tal-PDG tal-UE-27;

(e)

40 % tal-ammont tal-investiment eliġibbli f’reġjuni oħrajn;

(f)

30 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għax-xiri ta’ annimali għat-tnissil imsemmijin fil-punt (147).

(153)

Ir-rati tal-għajnuna msemmija fil-punt (152) jistgħu jiżdiedu b’20 punt perċentwali, sakemm l-għajnuna massima kkombinata ma tkunx taqbeż id-90 % għal ta' dan li ġej:

(a)

bdiewa żgħażagħ jew bdiewa li ilhom stabbiliti matul il-ħames snin qabel id-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna;

(b)

investimenti kollettivi, bħal faċilitajiet tal-ħzin li juża l-grupp ta' bdiewa jew faċilitajiet fejn jitħejjew il-prodotti agrikoli qabel il-kummerċjalizzazzjoni; investimenti kollettivi, bħalma huma faċilitajiet ta’ ħżin li jintużaw minn grupp ta’ bdiewa jew faċilitajiet biex jiġu ppreparati l-prodotti agrikoli qabel il-kumerċjalizzazzjoni, u proġetti integrati li jkopru diversi miżuri li hemm stipulazzjoni dwarhom fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, inklużi dawk marbuta ma’ fużjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi;

(c)

investimenti f’żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħra skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(d)

operazzjonijiet iffinanzjati fil-qafas tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP), bħalma huwa investiment fi stalla ġdida, li jippermettu l-ittestjar ta’ prattika ġdida ta’ akkomodazzjoni tal-annimali, li tkun ġiet żviluppata fi grupp operazzjonali kompost minn bdiewa, xjentisti, u organizzazzjonijiet mhux governattivi tat-trattament xieraq tal-annimali;

(e)

investimenti bil-għan li jtejbu l-ambjent naturali, il-kundizzjonijiet tal-iġjene jew l-istandards tal-benesseri tal-annimali, kif jissemma fil-punt (143)(b) hawn fuq; f’dak il-każ l-intensità tal-għajnuna miżjuda prevista f’dan il-paragrafu tapplika biss għall-ispejjeż addizzjonali li hemm bżonn biex jinkiseb livell li jaqbeż l-istandards tal-Unjoni fis-seħħ u li ma jwassalx għal żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni;

(f)

investimenti bil-għan li jtejbu s-sostenibbiltà tal-azjenda agrikola, kif jissemma fil-punt (143)(a), li huma marbuta mal-impenji agroambjentali klimatiċi u l-agrikoltura organika skont it-Taqsima 1.1.5.1 u t-Taqsima 1.1.8 tal-Parti II.

(154)

Fir-rigward ta’ investimenti mhux produttivi msemmija fil-punt (143)(d) u l-investimenti li jreġġgħu lura l-potenzjal tal-produzzjoni li jissemmew fil-punt (143)(e), l-intensità massima tal-għajnuna ma tistax taqbeż il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(155)

Fir-rigward tal-investiment tal-għanijiet preventivi fil-punt (143)(e), l-intensità massima tal-għajnuna ma tistax taqbeż 80 %. Madankollu, tista’ tiżdied sa 100 % jekk l-investiment isir b’mod kollettiv minn aktar minn benefiċjarju wieħed.

1.1.1.2.   Għajnuna għal investiment favur il-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali li jinsabu fuq l-azjendi agrikoli

(156)

Il-Kummissjoni se tqis għajnuna għall-investimenti favur il-konservazzjoni tal-wirt kulturali u naturali li jinsab fl-impriża agrikola bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk din tkun konformi mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni, il-kundizzjoni ġenerali għall-għajnuna għal investiment stabbilita fil-punt (134) ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(157)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(158)

L-għajnuna għandha tingħata għall-wirt kulturali u naturali fil-forma ta’ pajsaġġi naturali u binjiet li hija formalment rikonoxxuta bħala patrimonju kulturali jew naturali mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti tal-Istat Membru.

Spejjeż eliġibbli

(159)

L-ispejjeż li ġejjin maħsuba għall-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali huma eliġibbli:

(a)

spejjeż ta’ investiment f’assi tanġibbli;

(b)

xogħol kapitali.

L-intensità tal-għajnuna

(160)

Japplikaw l-intensitajiet tal-għajnuna li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ investimenti li għandhom l-għan ta’ konservazzjoni ta’ karatteristiċi tal-patrimonju produttiv li jinsabu fuq l-azjendi agrikoli u sakemm l-investiment ma jinvolvix xi żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni, l-intensità tal-għajnuna trid tkun limitata għal

(i)

80 % tal-ispejjeż reali mġarrba f’żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(ii)

70 % tal-ispejjeż reali mġarrba f’reġjuni anqas żviluppati;

(iii)

60 % tal-ispejjeż reali mġarrba f’żoni oħra;

(b)

meta hemm żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni, japplikaw ir-rati ta’ għajnuna għall-investiment stabbiliti fil-punti (152) u (153) ;

(c)

għajnuna addizzjonali tista’ tingħata b’rata li tasal sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli biex tkopri l-ispejjeż żejda mġarrba minħabba l-użu ta’ materjali tradizzjonali meħtieġa biex jinżammu l-karatteristiċi tal-patrimonju tal-bini li jinsabu fl-azjendi agrikoli;

(d)

minkejja r-regoli previsti fil-punti (a) sa (c), l-intensità massima tal-għajnuna tista’ tasal sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli, fejn l-investiment jikkonċerna infrastrutturi fuq skala żgħira;

(e)

fil-każ ta’ investimenti li għandhom l-għan li jippreservaw karatteristiċi ta’ wirt mhux produttivi li jinsabu f’azjendi agrikoli, bħal karatteristiċi arkeoloġiċi jew storiċi, l-intensità tal-għajnuna tista’ tasal sa 100 % tal-ispejjeż reali mġarrbin;

(f)

L-għajnuna għax-xogħlijiet kapitali trid tkun limitata għal EUR 10 000 fis-sena.

1.1.1.3.   Għajnuna għal investiment li tikkonċerna r-rilokazzjoni tal-binijiet tal-azjenda agrikola

(161)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-investimenti li jikkonċernaw ir-rilokazzjoni tal-binjiet tal-farm bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tkun konformi mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, il-kundizzjoni ġenerali għall-għajnuna għal investiment stabbilita fil-punt (134) u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(162)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(163)

Ir-rilokazzjoni ta’ bini ta’ farm trid issegwi għan ta’ interess pubbliku. L-interess pubbliku invokat biex jiġġustifika l-għajnuna taħt din it-Taqsima jrid ikun speċifikat fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat.

Intensitajiet tal-għajnuna fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli

(164)

Japplikaw l-intensitajiet tal-għajnuna li ġejjin:

(a)

meta rilokazzjoni ta’ bini ta’ farm tkun tikkonsisti fiż-żarmar, it-tneħħija u l-bini mill-ġdid ta’ faċilitajiet eżistenti, l-intensità tal-għajnuna tista’ tasal sa 100 % tal-ispejjeż proprji mġarrba għal tali attivitajiet;

(b)

meta, minbarra l-punt (a) ta’ hawn fuq, ir-rilokazzjoni tirriżulta fl-immodernizzar tal-faċilitajiet jew f’żieda fil-kapaċità produttiva, japplikaw l-intensitajiet tal-għajnuna għall-investiment kif imsemmi fil-punti (152) u (153) fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-immodernizzar tal-faċilitajiet jew iż-żieda tal-kapaċità ta’ produzzjoni. Għall-finijiet ta’ dan il-punt, is-sempliċi sostituzzjoni ta’ bini jew faċilitajiet eżistenti b’bini jew faċilitajiet aġġornati mingħajr ma fundamentalment jinbidlu l-produzzjoni jew it-teknoloġiji involuti, mhijiex ikkunsidrata bħala relatata mal- immodernizzar;

(c)

fejn ir-rilokazzjoni tikkonċerna attivitajiet qrib stabbilimenti rurali, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja jew tiżdied il-prestazzjoni ambjentali tal-istabbiliment rurali u tikkonċerna infrastrutturi fuq skala żgħira, l-intensità tal-għajnuna tista’ tasal sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

1.1.1.4.   Għajnuna għall-investimenti b’rabta mal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli

(165)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-investimenti relatati mal-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk din tkun konformi mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mal-kundizzjoni ġenerali għall-għajnuna għal investiment stabbilita fil-punt (134) u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(166)

Għajnuna għal bijokarburanti mill-ikel m'għandhiex tingħata skont din it-Taqsima, ħalli jingħata inċentiv għal bidla lejn il-produzzjoni ta' għamliet aktar avvanzati ta' bijokarburanti, kif maħsub bir-regoli orizzontali dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija.

(167)

Din it-Taqsima tapplika għal għajnuna għal investimenti f'assi tanġibbli u intanġibbli relatati mal-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli kif jissemma fil-punt (35)11 u fil-punt (35)12.

(168)

L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna għal investimenti relatati mal-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli u mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, diment li din l-għajnuna tkun tissodisfa kull kull kundizzjoni ta’ wieħed mill-istrumenti ta’ għajnuna li ġejjin:

(a)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (53); jew

(b)

Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020; jew

(c)

il-kundizzjonijiet ta' din it-Taqsima ta' dawn il-Linji Gwida.

L-ispejjeż eliġibbli

(169)

L-ispejjeż eliġibbli skont il-punt (168)(c) iridu jkunu limitati għal:

(a)

il-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-kiri, jew it-titjib tal-proprjetà immobbli, b’art mixtrija li tkun eliġibbli biss diment li ma taqbiżx l-10 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata;

(b)

ix-xiri jew ix-xiri bin-nifs ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

(c)

spejjeż ġenerali relatati man-nefqa msemmija fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk ta’ konsultazzjoni, tariffi li għandhom x’jaqsmu ma’ konsulenza dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji tal-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà jibqgħu nefqa eliġibbli anki fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ebda nefqa skont il-punti (a) u (b) ma tkun saret;

(d)

l-akkwist jew l-iżvilupp ta’ softwer tal-kompjuter u l-akkwist ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u marki kummerċjali.

(170)

L-ispejjeż li ġejjin mhumiex eliġibbli:

(a)

spejjeż, minbarra dawk imsemmijin fil-punt (169) marbutin ma’ kuntratti ta’ lokazzjoni, bħall-marġni ta’ lokatur, spejjeż ta’ rifinanzjament tal-imgħax, spejjeż ġenerali u miżati tal-assigurazzjoni.

(b)

il-kapital tax-xogħol;

(c)

spejjeż relatati mal-investimenti għall-konformità mal-istandards tal-Unjoni li huma fis-seħħ.

L-intensità tal-għajnuna

(171)

L-intensità massima tal-għajnuna skont dawn il-Linji Gwida ma tistax taqbeż:

(a)

75 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

(b)

75 % tal-ammont tal-ispejjeż ta’ investiment eliġibbli fil-Gżejjer minuri tal-Eġew;

(c)

50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment f'reġjuni anqas żviluppati u fir-reġjuni kollha li l-PDG per capita tagħhom għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007sal-31 ta' Diċembru 2013 kien inqas minn 75 % tal-medja tal-UE-25 għall-perjodu ta' referenza imma li l-PDG per capita tagħhom huwa 'l fuq minn 75 % tal-medja tal-PDG tal-UE-27;

(d)

40 % tal-ammont tal-ispejjeż ta’ investiment eliġibbli f’reġjuni oħrajn.

(172)

Ir-rati ta’ għajnuna msemmija fil-punt (171) ta’ hawn fuq jistgħu jiżdiedu b’20 punt perċentwali, sakemm l-intensità tal-għajnuna massima ma taqbiżx 90 % għal operazzjonijiet:

(a)

marbuta ma’ fużjoni ta’ organizzazzjonijiet produtturi; jew

(b)

appoġġjati fil-qafas tal-EIP.

(173)

Għajnuna individwali li taqbeż il-limitu ta' notifika msemmi fil-punt (37)(a) trid tiġi notifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

1.1.2.   Għajnuna biex jinbeda negozju għal bdiewa żgħażagħ u għall-iżvilupp ta’ farms żgħar

(174)

Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna biex jinbeda negozju għall-bdiewa żgħażagħ u għajnuna biex jinbeda negozju għall-iżvilupp ta’ farms żgħar kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(175)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(176)

L-għajnuna tingħata lil bdiewa żgħażagħ kif spjegat fil-punt (35).29 ta’ dawn il-Linji Gwida, li huma impriżi mikro u żgħar jew lil farms żgħar. Farms żgħar iridu jkunu definiti mill-istati Membri fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u jridu jkunu limitati għal impriżi mikro u żgħar.

(177)

L-Istati Membri jridu jiddefinixxu l-livelli limitu superjuri u inferjuri ta’ għajnuna għall-aċċess f’termini ta’ potenzjal ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola, imkejjel f’produzzjoni standard, kif definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2008 (54), jew ekwivalenti, għal aċċess għal għajnuna tal-bidu għal bdiewa żgħażagħ u l-iżvilupp ta’ farms żgħar. Il-livell limitu inferjuri għall-aċċess għal għajnuna tal-bidu għall-bdiewa żgħażagħ irid ikun ogħla mil-livell limitu superjuri għall-aċċess għal għajnuna għall-iżvilupp ta’ farms żgħar.

(178)

Meta l-għajnuna tingħata lill-bidwi żgħażugħ li qed jistabbilixxi azjenda fil-forma ta' persuna legali, il-bidwi żgħażugħ għandu jeżerċita kontroll effettiv u fuq żmien twil fuq il-persuna legali fir-rigward ta' deċiżjonijiet relatati mat-tmexxija, il-benefiċċji u r-riskji finanzjarji. Meta diversi persuni fiżiċi, inkluż persuni li mhumiex bdiewa żgħażagħ, għandhom sehem fil-kapital jew fit-tmexxija tal-persuna legali, il-bidwi żgħażugħ għandu jkun kapaċi li jeżerċita kontroll effettiv u fuq żmien twil bħal dan jew waħdu jew b'mod konġunt flimkien ma' persuni oħra. Meta persuna legali hija kkontrollata b'mod uniku jew konġunt minn persuna legali oħra, dawn ir-rekwiżiti għandhom japplikaw għal kull persuna fiżika li għandha l-kontroll fuq dik il-persuna legali l-oħra.

(179)

L-għajnuna trid tingħata bil-kundizzjoni li jiġi sottomess pjan ta’ direzzjoni tan-negozju lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, li l-implimentazzjoni tiegħu trid tibda fi żmien disa’ xhur mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna.

(180)

Fil-każ ta’ għajnuna għal bdiewa żgħażagħ, il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jrid jistabbilixxi li l-benefiċjarju jrid jikkonforma mad-definizzjoni ta’ bidwi attiv prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fi żmien 18-il xahar mid-data tat-twaqqif.

(181)

Madankollu, meta l-bidwi żagħżugħ ma jkollux ħiliet u kompetenzi okkupazzjonali xierqa, dan ikun intitolat li jirċievi għajnuna, diment li jimpenja ruħu li jikseb dawk il-ħiliet u kompetenzi okkupazzjonali fi żmien 36-il xahar mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna. Dak l-impenn għandu jiġi inkluż fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju.

(182)

Il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jrid jiddeskrivi dawn li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ għajnuna tal-bidu lil bdiewa żgħażagħ:

(i)

is-sitwazzjoni inizjali tal-azjenda agrikola;

(ii)

il-kisbiet u l-miri għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-azjenda agrikola;

(iii)

dettalji tal-azzjonijiet inklużi dawk relatati mas-sostenibbiltà ambjentali u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, meħtieġa għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-azjenda agrikola, bħal investimenti, taħriġ, pariri jew kwalunkwe attività oħra;

(b)

fil-każ ta’ għajnuna tal-bidu għall-iżvilupp ta’ farms żgħar:

(i)

is-sitwazzjoni inizjali tal-azjenda agrikola; u

(ii)

dettalji tal-azzjonijiet inklużi dawk marbutin mas-sostenibbiltà ambjentali u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, li jistgħu jsostnu l-kisba tal-vijabbiltà ekonomika, bħal investimenti, taħriġ, kooperazzjoni jew kwalunkwe azzjoni oħra.]

(183)

L-għajnuna trid tiġi pprovduta jew titħallas tal-inqas f’żewġ ħlasijiet parzjali jew bin-nifs fuq perjodu ta’ ħames snin. Għall-bdiewa żgħażagħ, l-aħħar għajnuna jew l-aħħar ħlas bin-nifs tal-għajnuna jrid ikun kundizzjonali għall-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju msemmi fil-punt (179).

L-intensità tal-għajnuna

(184)

L-għajnuna massima trid tkun limitata għal EUR 70 000 għal kull bidwi żagħżugħ u EUR 15 000 għal kull farm żgħir. L-Istati Membri jridu jiddefinixxu l-ammont ta' għajnuna għal bdiewa żgħażagħ filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żona kkonċernata.

1.1.3.   Għajnuna għat-trasferiment ta’ azjendi agrikoli

(185)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għat-trasferiment ta’ azjendi agrikoli bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(186)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja li jittrasferixxu l-azjenda agrikola tagħhom b’mod permanenti lil impriża oħra attiva fil-produzzjoni agrikola primarja.

(187)

L-għajnuna tingħata lill-impriżi, eliġibbli biex jieħdu sehem fl-iskema tal-bdiewa żgħażagħ, stabbilita bit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal għajnuna tagħhom, ikun ilhom eliġibbli għal tal-inqas sena u li jieħdu impenn li jittrasferixxu b’mod permanenti l-azjenda agrikola kollha tagħhom u l-intitolamenti ta’ pagament korrispondenti lil impriża oħra.

(188)

L-għajnuna trid titħallas bħala pagament annwali jew bħala pagament ta’ darba.

(189)

L-għajnuna trid titħallas mid-data tat-trasferiment tal-azjenda agrikola sal-31 ta’ Diċembru 2020.

L-intensità tal-għajnuna

(190)

L-għajnuna tikkorrispondi għal 120 % tal-pagament annwali li l-benefiċjarju huwa eliġibbli li jirċievi mill-iskema tal-farms żgħar.

1.1.4.   Għajnuna inizjali għal gruppi u organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur agrikolu

(191)

Il-Kummissjoni għandha fehma pożittiva fir-rigward tal-għajnuna inizjali għal gruppi ta’ produtturi u organizzazzjonijiet ta’ prodotturi peress li din toħloq inċentiv sabiex il-bdiewa jingħaqdu flimkien. Għaldaqstant, ser tqis l-għajnuna inizjali għal gruppi ta’ produtturi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(192)

Din it-Taqsima tapplika għas-settur agrikolu kollu (55).

(193)

Huma biss il-gruppi jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ġew uffiċjalment rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat abbażi ta’ preżentazzjoni ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li huma eliġibbli għall-għajnuna.

(194)

L-għajnuna tal-bidu trid tingħata soġġett għall-obbligu tal-Istat Membru li jivverifika li l-għanijiet tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ntlaħqu fi żmien ħames snin mid-data tar-rikonoxximent uffiċjali tal-grupp jew l-organizzazzjoni ta’produtturi.

(195)

Il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma li ġew konklużi fil-qafas tal-grupp jew l-organizzazzjoni ta’ produtturi għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-kompetizzjoni kif japplikaw bis-saħħa tal-Artikoli 206 sa 210 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(196)

Bħala alternattiva li tiġi pprovduta għajnuna tal-bidu għall-gruppi u l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, tista’ tingħata għajnuna sal-istess ammont globali direttament lill-produtturi biex jagħmlu tajjeb għall-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-ispejjez tat-tmexxija tal-gruppi jew l-organizzazzjonijiet matul l-ewwel ħames snin wara l-formazzjoni tal-grupp jew tal-organizzazzjoni.

(197)

L-Istati Membri jistgħu jibqgħu jagħtu għajnuna tal-bidu lill-gruppi ta’ produtturi anki wara li jkunu ġew rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet ta’ produtturi skont il-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(198)

L-għajnuna trid tkun limitata għal gruppi ta’ produtturi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi li għandhom definizzjoni ta’ SMEs (56). Il-Kummissjoni mhijiex ser tawtorizza għajnuna mill-Istat għall-ispejjeż koperti minn din it-Taqsima favur intrapiżi kbar (57).

(199)

L-iskemi ta’ għajnuna awtorizzati taħt din it-Taqsima ser ikunu soġġetti għal kundizzjoni li teħtieġ li huma jaġġustaw biex titqies kwalunkwe bidla fir-regolamenti li jirregolaw l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli.

L-ispejjeż eliġibbli

(200)

L-ispejjeż eliġibbli jistgħu jinkludu l-ispejjeż ta’ kiri ta’ bini xieraq, ix-xiri ta’ tagħmir tal-uffiċċju, inkluż ħardwer u softwer tal-kompjuter, l-ispejjeż tal-persunal amministrattiv, l-ispejjeż ġenerali u t-tariffi legali u amministrattivi. Fejn jinxtara bini, l-ispejjeż eliġibbli għal bini jridu jkunu limitati għal spejjeż ta’ kera b’rati tas-suq.

(201)

Ma tistax tingħata għajnuna lil:

(a)

organizzazzjonijiet tal-produzzjoni, entitajiet jew korpi, bħalma huma kumpaniji jew kooperattivi, li l-għan tagħhom huwa l-ġestjoni ta’ azjenda agrikola waħda jew aktar u li huma għalhekk produtturi uniċi;

(b)

assoċjazzjonijiet agrikoli, li jagħmlu kompiti, bħalma huma appoġġ reċiproku u għajnuna lill-farms u servizzi ta’ ġestjoni tal-farms, fl-azjendi tal-membri mingħajr ma jkunu involuti fl-adattament konġunt tal-provvista lis-suq;

(c)

gruppi, organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet ta’ produtturi li l-għanijiet tagħhom mhumiex kompatibbli mal-Artikolu 152(1)(c) u (3) u mal-Artikolu 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(202)

L-għajnuna trid titħallas bħala għajnuna b’rata fissa f’pagamenti akkont annwali għall-ewwel ħames snin mid-data li fiha l-grupp jew l-organizzazzjoni tal-produtturi ġie rikonoxxut b’mod uffiċjali mill-awtorità kompetenti abbażi tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tiegħu. L-Istati Membri jridu jħallsu biss l-aħħar parti wara li jkunu vverifikaw l-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju.

(203)

L-għajnuniet li jingħataw lil grupp jew assoċjazzjonijiet ta’ produtturi biex ikopru l-ispejjeż li mhumiex marbuta ma’ spejjeż tal-bidu, bħal investimenti jew attivitajiet ta’ promozzjoni, ser jiġu vvalutati skont ir-regoli li jirregolaw dan it-tip ta’ għajnuniet.

L-intensità tal-għajnuna

(204)

L-intensità tal-għajnuna trid tkun limitata għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(205)

L-ammont totali tal-għajnuna jrid ikun limitat għal EUR 500 000. L-għajnuna trid tkun digressiva.

1.1.5.   L-għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi u ta’ trattament xieraq tal-annimali

(206)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

1.1.5.1.   L-għajnuna għall-impenji agri-ambjent-klima

(207)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għal impenji agroambjentali klimatiċi bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(208)

Din it-Taqsima tapplika għall-għajnuna lill-impriżi u l-grupp tat-tali impriżi li jimpenjaw ruħhom, fuq bażi volontarja, li jwettqu operazzjonijiet li jikkonsistu f’impenn agroambjentali klimatiku wieħed jew aktar fuq l-art agrikola li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri, inkluż iżda mhux limitat għall-erja agrikola kif iddefinita skont il-punt (35)50 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(209)

Din il-miżura għandu jkollha l-għan li tippreserva kif ukoll tippromwovi l-bidliet meħtieġa fil-prattiki agrikoli li jagħtu kontribuzzjoni pożittiva għall-ambjent u l-klima.

(210)

L-għajnuna se tkopri biss dawk l-impenji volontarji li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti stabbiliti skont il-Kapitolu I tat-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-kriterji rilevanti u l-attivitajiet minimi kif stabbilit skont il-punti (c)(ii) u (c)(iii) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolment (UE) Nru 1307/2013, rekwiżiti minimi rilevanti għall-użu ta’ fertilizzanti u prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti kif ukoll rekwiżiti obbligatorji rilevanti oħrajn stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Dawn l-istandards u r-rekwiżiti obbligatorji kollha jridu jkunu identifikati u deskritti fin-notifika lill-Kummissjoni.

(211)

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jiżguraw li l-impriżi li jimpenjaw ruħhom li jwettqu operazzjonijiet taħt din il-miżura jiġu pprovduti bl-għarfien u l-informazzjoni meħtieġa biex jimplimentawhom, inkluż permezz ta’ pariri minn esperti relatati mal-impenn u/jew billi jagħmlu l-għajnuna skont din il-miżura bil-kundizzjoni li jinkiseb it-taħriġ rilevanti.

(212)

L-impenji f’din il-miżura jridu jitwettqu għal perjodu ta’ ħames sa seba’ snin. Madankollu, meta jkun hemm bżonn li jinkisbu jew jinżammu l-benefiċċji ambjentali mfittxija, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu itwal għal tipi partikolari ta’ impenji, anki billi jipprovdu għall-estensjoni annwali tagħhom wara tmiem il-perjodu inizjali (58). Fir-rigward ta’ impenji ġodda li jsegwu direttament l-impenn imwettaq fil-perjodu inizjali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu iqsar.

(213)

Meta jkun rilevanti, għandu jkun hemm konformità mar-regoli għall-pagamenti relatati mal-erja stabbiliti fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u ma’ kull att delegat adottat skont dik id-dispożizzjoni.

(214)

Tista’ tingħata għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi għal amministraturi tal-artijiet oħra u gruppi ta’ benefiċjarji minbarra impriżi attivi fis-settur agrikolu skont it-Taqsima 3.4 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

(215)

L-impenji skont il-miżura agroambjentali klimatika biex tiġi estiża t-trobbija tal-bhejjem iridu tal-anqas jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-mergħa kollha tal-azjenda trid titmexxa u tinżamm biex jiġi evitat ragħa mhux biżżejjed jew eċċessiv;

(b)

id-densità tal-bhejjem trid tiġi ddefinita filwaqt li jitqiesu l-bhejjem kollha li jirgħu miżmuma fil-farm jew, fil-każ ta’ impenn għal limiti tal-lissija ta’ nutrijenti, l-annimali kollha miżmuma fil-farm li huma rilevanti għall-impenn inkwistjoni.

(216)

L-impenji skont il-miżura agroambjentali klimatika għat-trobbija ta’ razez lokali f’periklu li jintilfu minħabba l-biedja jew biex jiġu ppreservati riżorsi ġenetiċi tal-pjanti mhedda b’erożjoni ġenetiku jridu jeħtieġu:

(a)

li jitrabbew annimali tal-farm ta’ razez lokali, adatti ġenetikament għal sistema jew ambjent wieħed jew aktar ta’ produzzjoni tradizzjonali fil-pajjiż, f’periklu li jintilfu minħabba l-biedja; jew

(b)

li jinżammu r-riżorsi ġenetiċi adattati naturalment għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda mill-erożjoni ġenetika.

(217)

L-ispeċijiet ta’ annimali tal-farm li ġejjin ser ikunu eliġibbli għall-għajnuna: bhejjem; in-nagħaġ; il-mogħoż; l-ekwidi; il-ħnieżer u l-għasafar.

(218)

Ir-razez lokali ser jiġu kkunsidrati bħala f’periklu li jintilfu minħabba l-biedja jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin u jekk il-kundizzjonijiet jiġu deskritti u inklużi fin-notifika lill-Kummissjoni:

(a)

fil-livell nazzjonali jiġi ddikjarat in-numru ta’ nisa għat-tnissil ikkonċernat;

(b)

dak in-numru u l-istatus fil-periklu tar-razez elenkati huwa ċċertifikat minn korp xjentifiku rilevanti rikonoxxut kif xieraq;

(c)

korp rilevanti rikonoxxut kif xieraq jirreġistra u jżomm aġġornat il-ktieb tal-merħla jew ir-reġistru tal-bhejjem għar-razza;

(d)

il-korpi kkonċernati jkollhom il-ħiliet u l-għarfien meħtieġ biex jidentifikaw l-annimali tar-razez f’periklu.

(219)

Ir-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti ser jiġu kkunsidrati bħala li huma mhedda mill-erożjoni ġenetika bil-kundizzjoni li fin-notifika lill-Kummissjoni tiġi deskritta u inkluża biżżejjed evidenza tal-erożjoni ġenetika, abbażi tar-riżultati u indikaturi xjentifiċi għat-tnaqqis tar-razez lokali/varjetajiet lokali primittivi, id-diversità tal-popolazzjoni tagħhom u fejn ikunu rilevanti għall-modifiki fil-prattiki agrikoli prevalenti fil-livell lokali.

(220)

Tista’ tingħata għajnuna għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura għall-operazzjonijiet mhux koperti mid-dispożizzjonijiet skont il-punti (208) sa (219) ta’ din it-Taqsima.

L-ispejjeż eliġibbli

(221)

Għajnuna, ħlief l-għajnuna għall-operazzjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġeneriċi kif jissemma fil-punt (220), li tkopri l-kumpens lill-benefiċjarji għal kull jew għal parti mill-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf minħabba l-impenji li saru. L-għajnuna trid tingħata darba fis-sena.

(222)

F’każijiet iġġustifikati kif xieraq, għall-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni ambjentali, l-għajnuna tista’ tingħata bħala rata fissa jew pagament ta’ darba għal kull unità għall-impenji biex jiġi rinunzjat l-użu kummerċjali ta’ oqsma, ikkalkolata abbażi tal-ispejjeż addizzjonali mġarrba u dħul mitluf.

(223)

Meta jkun hemm bżonn, il-pagamenti jistgħu jkopru wkoll spejjeż tat-tranżazzjoni li jaslu sa 20 % tal-primjum imħallas għall-impenji agroambjentali klimatiċi. Meta l-impenji jidħlu għalihom gruppi ta’ impriżi, il-livell massimu jrid ikun ta’ 30 %.

(224)

Madankollu, jekk Stat Membru jixtieq jikkumpensa għall-ispejjeż tat-tranżazzjoni kkawżati mid-dħul f’impenji agroambjentali klimatiċi, irid jipprovdi provi konvinċenti ta’ dawk l-ispejjeż, pereżempju billi jippreżenta tqabbil bejn l-ispejjeż ma’ impriżi li ma daħlux f’impenji bħal dawn. Għalhekk, normalment il-Kummissjoni mhijiex ser tawtorizza għajnuna mill-Istat għal spejjeż tat-tranżazzjoni għall-issoktar ta’ impenji li diġà daħlu fihom fl-imgħoddi, sakemm Stat Membru ma jurix li dawk l-ispejjeż għadhom iseħħu jew li qegħdin jiġu imposti spejjeż ġodda tat-tranżazzjoni.

(225)

Meta l-ispejjeż tat-tranżazzjoni jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ spejjeż medji u/jew farms medji, l-Istati Membri għandhom juru li b’mod partikolari l-intrapriżi l-kbar mhumiex ikkumpensati ż-żejjed. Għall-fini ta’ kalkolu tal-kumpens, l-Istati Membri jridu jqisu jekk l-ispejjeż tat-tranżazzjoni inkwistjoni humiex imġarrba għal kull impriża jew għal kull ettaru.

(226)

Ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna taħt din il-miżura għal impenji li huma koperti mill-miżura dwar l-agrikoltura organika ddefinita fit-Taqsima 1.1.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

(227)

Għajnuna għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura tkopri l-ispejjeż għal dawn l-operazzjonijiet:

(a)

azzjonijiet immirati: azzjonijiet li jippromwovu konservazzjoni in situ u ex situ, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura, inklużi inventarji bbażati fuq il-web ta’ riżorsi ġenetiċi li bħalissa huma kkonservati in situ/ konservazzjoni fuq il-farm, u ta’ ġabriet u databases ex situ;

(b)

azzjonijiet ikkonċertati: azzjonijiet li jippromwovu l-iskambju ta’ tagħrif għall-konservazzjoni, il-ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura tal-Unjoni, fost organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri;

(c)

azzjonijiet ta' akkumpanjament: azzjonijiet ta’ informazzjoni, tqassim u konsultattivi li jinvolvu organizzazzjonijiet mhux governattivi u partijiet interessati relevanti oħrajn, korsijiet ta’ taħriġ u tħejjija ta’ rapporti tekniċi.

L-ammont tal-għajnuna u l-intensità tal-għajnuna

(228)

Għajnuna, ħlief l-għajnuna għall-operazzjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġeneriċi kif jissemma fil-puntt (220), trid tkun limitata għal dawn l-ammonti massimi: L-ammont massimu ta’ għajnuna huwa EUR 600 għal kull ettaru fis-sena għall-uċuħ tar-raba’ annwali; EUR 900 għal kull ettaru għal kull sena għall-uċuħ tar-raba’ perenni speċjalizzati; EUR 450 għal kull ettaru fis-sena għal użi oħra tal-art. EUR 200 għal kull unità tal-bhejjem fis-sena għal speċijiet lokali fil-periklu li jintilfu għall-finijiet tal-biedja.

(229)

Dawn l-ammonti massimi jistgħu jiżdiedu f’każijiet debitament sostanzjati meta jitqiesu ċirkostanzi speċifiċi li jridu jiġu ġġustifikati, fin-notifika lill-Kummissjoni.

(230)

Għall-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi tal-foresti fl-agrikoltura, l-għajnuna trid tkun limitata għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

1.1.5.2.   Għajnuna għall-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali

(231)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għat-trattament xieraq tal-annimali bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(232)

Din it-Taqsima tapplika għall-għajnuna lill-impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja li jimpenjaw ruħhom, fuq bażi volontarja, biex iwettqu operazzjonijiet li jikkonsistu f’impenn wieħed jew aktar tat-trattament xieraq tal-annimali u li huma bdiewa attivi.

(233)

L-għajnuna tkopri biss dawk l-impenji li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti stabbiliti skont il-Kapitolu I tat-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u rekwiżiti obbligatorji rilevanti oħrajn. Dawn ir-rekwiżiti rilevanti jridu jkunu identifikati u deskritti fin-notifika lill-Kummissjoni.

(234)

L-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali eliġibbli biex jirċievu għajnuna jridu jipprovdu standards imtejba tal-metodi ta’ produzzjoni f’wieħed mill-oqsma li ġejjin:

(a)

l-ilma, l-għalf u l-indukrar tal-annimali skont il-ħtiġijiet naturali tat-trobbija tal-annimali;

(b)

il-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, bħall-allokazzjonijiet ta’ spazju ikbar, materjali tal-bejta, materjali ta’ arrikkiment, dawl naturali;

(c)

l-aċċess għall-barra;

(d)

prattiki li jevitaw il-mutilazzjoni u/jew il-kastrazzjoni ta’ annimali jew f’każijiet speċifiċi meta tkun jitqies li hemm bżonn issir il-mutilazzjoni jew il-kastrazzjoni tal-annimali, li jipprovdu għall-użu ta’ anestetika, analġeżija u mediċina antiinfjammatorja jew immunokastrazzjoni.

(235)

L-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali jridu jittieħdu għal perjodu ta’ bejn sena u seba’ snin li jiġġedded.

(236)

It-tiġdid tal-kuntratt jista' jkun awtomatiku, jekk dettalji dwar dan ikunu deskritti fil-kuntratt. Il-mekkaniżmu ta’ tiġdid tal-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali stipulat aktar ’il fuq irid jiġi stabbilit mill-Istati Membri skont ir-regoli nazzjonali rilevanti tagħhom. Mekkaniżmu bħal dan irid jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni bħala parti min-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat skont din it-Taqsima. It-tiġdid dejjem irid ikun soġġett għar-rispett tal-kundizzjonijiet approvati mil-Kummissjoni għall-għajnuna skont din it-Taqsima.

Spejjeż eliġibbli

(237)

L-għajnuna trid tingħata kull sena u tista’ tikkumpensa lill-impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja għall-ispejjeż addizzjonali kollha jew parti minnhom u għad-dħul mitluf li jirriżulta mill-impenji li jkunu għamlu.

(238)

Meta jkun hemm bżonn, jistgħu jkopru wkoll spejjeż tat-tranżazzjoni għall-valur sa 20 % tal-primjum imħallas għall-impenji fuq it-trattament xieraq tal-annimali. Madankollu, jekk Stat Membru jixtieq jikkumpensa għall-ispejjeż tat-tranżazzjoni kkawżati mid-dħul f’impenji fuq it-trattament xieraq tal-annimali, irid jipprovdi provi konvinċenti dwar dawk l-ispejjeż, pereżempju billi jippreżenta tqabbil bejn l-ispejjeż ma’ impriżi li ma daħlux f’impenji għat-trattament xieraq tal-annimali bħal dawn. Għaldaqstant, normalment il-Kummissjoni ma tawtorizzax għajnuna mill-Istat għal spejjeż tat-tranżazzjoni għall-issoktar ta’ impenji fuq it-trattament xieraq tal-annimali li diġà daħlu għalihomvfl-imgħoddi, sakemm Stat Membru ma jurix li dawk l-ispejjeż għadhom iseħħu jew li qegħdin jiġu imposti spejjeż tat-tranżazzjoni ġodda.

(239)

Meta l-ispejjeż tat-tranżazzjoni jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ spejjeż medji u/jew farms medji, l-Istati Membri għandhom juru li b’mod partikolari l-intrapriżi l-kbar mhumiex ikkumpensati ż-żejjed. Għall-fini ta’ kalkolu tal-kumpens, l-Istati Membri jridu jqisu jekk l-ispejjeż tat-tranżazzjoni inkwistjoni humiex imġarrba għal kull impriża jew għal kull ettaru.

L-ammont tal-għajnuna

(240)

L-għajnuna trid tkun limitata għal EUR 500 għal kull unità tal-Bhejjem.

1.1.6.   Għajnuna għall-iżvantaġġi relatati ma-żoni ta’ Natura 2000 u għad-Direttiva Qafas dwar l-ilma

(241)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna mill-Istat għall-iżvantaġġi relatati maż-żoni ta’ Natura 2000 u għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(242)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(243)

L-għajnuna għall-amministraturi oħra tal-artijiet minbarra impriżi attivi fis-settur agrikolu f’każijiet iġġustifikati kif xieraq tista’ tingħata skont it-Taqsima 3.5 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

Spejjeż eliġibbli

(244)

L-għajnuna tkopri l-kumpens lill-benefiċjarji għall-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li ġej minn żvantaġġi fiż-żoni kkonċernati, relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (59).

(245)

L-għajnuna marbuta mad-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar tista’ tingħata biss fir-rigward ta’ żvantaġġi li jirriżultaw mir-rekwiżiti li jmorru lil hinn mill-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba stipulata fl-Artikolu 94 u fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013 u l-kriterji rilevanti u l-attivitajiet minimi kif stabbilit skont il-punti (ii) u (iii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(246)

L-għajnuna marbuta mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tista’ tingħata biss fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi li:

(a)

iddaħħlu mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, huma konformi mal-programmi ta’ miżuri tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara għall-fini ta’ kisba tal-għanijiet ambjentali ta’ dik id-Direttiva u jmorru lil hinn mill-miżuri meħtieġa biex tiġi implimentata leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-ilma;

(b)

imorru lil hinn mir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni u l-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba stipulata fil-Kapitolu I tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-kriterji rilevanti u l-attivitajiet minimi kif stabbilit skont il-punti (ii) u (iii) tal-Artikolu 4(1)(c), tar-Regolament (EU) No 1307/2013;

(c)

imorru lil hinn mil-livell ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fiż-żmien li fih ġiet adottata d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma kif stipulat fl-Artikolu 4(9) ta’ dik id-Direttiva; u

(d)

jimponu bidliet kbar fl-użu tat-tip ta’ art, u/jew restrizzjonijiet kbar fil-prattika tal-biedja li jirriżultaw f’telf sinifikanti ta’ dħul.

(247)

Ir-rekwiżiti msemmija fil-punti (245) u (246) iridu jkunu identifikati u deskritti fin-notifika lill-Kummissjoni.

(248)

Iż-żoni li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

iż-żoni agrikoli ta’ Natura 2000 magħżula skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar;

(b)

żoni oħra ddelimitati ta’ ħarsien tan-natura b’restrizzjonijiet ambjentali applikabbli għall-biedja li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats; dawn iż-żoni ma jistgħux jaqbżu l-5 % taż-żoni magħżula ta’ Natura 2000 koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-programm tal-iżvilupp rurali rilevanti;

(c)

żoni agrikoli inklużi fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmara skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

L-ammont tal-għajnuna

(249)

L-għajnuna trid tkun limitata għall-ammonti li ġejjin: massimu ta’ EUR 500 għal kull ettaru fis-sena fil-perjodu inizjali li ma jaqbiżx il-ħames snin; massimu ta’ EUR 200 għal kull ettaru fis-sena minn hemm ’il quddiem. L-għajnuna relatata mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma trid tammonta għal tal-inqas EUR 50 għal kull ettaru fis-sena.

(250)

L-ammonti massimi ta’ EUR 500 u EUR 200 jistgħu jiżdiedu f’każijiet eċċezzjonali filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi li għandhom jiġu ġġustifikati. L-ammont minimu ta’ EUR 50 għal għajnuna relatata mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jista’ jitnaqqas f’każijiet sostanzjati kif xieraq meta jitqiesu ċirkostanzi speċifiċi li jridu jiġu ġġustifikati.

1.1.7.   Għajnuna għaż-żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn

(251)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna mill-Istat f’żoni muntanjużi u żoni oħra li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(252)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(253)

L-għajnuna tista’ tingħata lil impriżi li jimpenjaw ruħhom li jsegwu l-attività ta’ biedja tagħhom f’żoni magħżula skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u li jkunu bdiewa attivi.

L-ispejjeż eliġibbli

(254)

L-għajnuna tkopri l-kumpens lill-impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja għall-ispejjeż addizzjonali kollha jew għal parti minnhom u d-dħul mitluf relatat mar-restrizzjonijiet għall-produzzjoni agrikola fiż-żona kkonċernata. L-Istati Membri għandhom juru l-limiti inkwistjoni u jagħtu evidenza li l-ammont ta’ kumpens li jrid jitħallas ma jmurx lil hinn mit-telf ta’ dħul u l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dawk il-limiti.

(255)

L-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf iridu jiġu kkalkolati b’paragun maż-żoni li mhumiex affettwati minn restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet oħrajn speċifiċi, filwaqt li jitqiesu l-pagamenti skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(256)

Meta jiġu kkalkolati l-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf, l-Istati Membri jistgħu, fejn debitament ġustifikat, jagħmlu distinzjoni fil-livell ta’ pagament li tqis:

(a)

is-severità ta’ kwalunkwe restrizzjoni permanenti naturali identifikata li taffettwa l-attivitajiet tal-biedja;

(b)

is-sistema ta’ biedja.

(257)

L-għajnuna ser tingħata kull sena għal kull ettaru ta’ erja agrikola.

L-ammont tal-għajnuna

(258)

L-għajnuna trid tiġi stabbilita bejn l-ammonti minimi u massimi li ġejjin: EUR 25 minimu għal kull ettaru fis-sena bħala medja taż-żona tal-benefiċjarju li tingħata għajnuna, u EUR 250 massimu għal kull ettaru fis-sena. Madankollu, l-ammont massimu jista’ jasal sa EUR 450 għal kull ettaru fis-sena f’żoni muntanjużi kif iddefinit fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(259)

L-ammonti massimi jistgħu jiżdiedu f’każijiet debitament sostanzjati meta jitqiesu ċirkostanzi speċifiċi li jridu jiġu ġġustifikati, fin-notifika lill-Kummissjoni.

(260)

L-Istati Membri jridu jipprovdu għad-digressività tal-għajnuna ’l fuq minn livell minimu ta’ żona għal kull azjenda, li għandu jiġi ddefinit fil-programm, bl-eċċezzjoni jekk l-għotja tikkonċerna biss l-ammont minimu għall kull ettaru kif stabbilit fil-punt (258) ta’ dawn il-Linji Gwida. Għal dan il-għan, in-notifiki għandhom jispeċifikaw id-daqs tal-farm li ser jibbenefika minn din l-għajnuna.

(261)

Fil-każ ta’ persuna ġuridika, jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-digressività tal-għajnuna fil-livell tal-membri ta’ dawn il-persuni jew gruppi ġuridiċi fejn il-liġi nazzjonali tistipula li l-membri individwali jassumu drittijiet u obbligi komparabbli ma’ dawk ta’ bdiewa individwali li għandhom l-istatus ta’ kap ta’ azjenda, b’mod partikolari fir-rigward tal-istatus ekonomiku, soċjali u fiskali tagħhom, sakemm dawn ikunu kkontribwixxew għat-tisħiħ tal-istrutturi agrikoli tal-persuni jew gruppi ġuridiċi kkonċernati.

(262)

Minbarra l-għajnuna prevista fil-punt (253) lill-benefiċjarji, l-Istati Membri jistgħu jagħtuhom għajnuna b'din il-miżura bejn l-2014 u l-2020 f'żoni li huma eliġibbli skont l-Artikolu 36(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 (60) waqt il-perjodu ta' programmazzjoni tal-iżvilupp rurali 2007-2013. Għall-benefiċjarji f'żoni li m'għadhomx eliġibbli wara d-deliminazzjoni l-ġdida msemmija fl-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, din l-għajnuna trid tkun digressiva għal mhux aktar minn erba' snin mid-data meta tintemm id-deliminazzjoni skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u mhux aktar tard mill-201C. Dawk l-għajnuniet iridu jibdew b'mhux aktar minn 80 % ta-pagament medju iffissat fil-programm tal-iżvilupp rurali għall-perjodu 2007-2013 jew, jekk il-miżura tkun ingħatat esklussivament minn fondi nazzjonali, fid-deċiżjoni rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 36(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, u jridu jintemmu sal-2020 b'mhux aktar minn 20 %. Meta l-applikazzjoni tar-riżultati tad-digressività fil-livell tal-pagamenti tilħaq EUR 25, l-Istat Membru jista’ jkompli jagħti l-għajnuna f'dan il-livell sakemm jitlesta l-perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali.

(263)

Wara t-tlestija tad-delimitazzjoni, il-benefiċjarji fiż-żoni li jibqgħu eliġibbli jridu jirċievu pagament sħiħ taħt din il-miżura.

1.1.8.   L-għajnuna għall-agrikoltura organika

(264)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-agrikoltura organika bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(265)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(266)

L-għajnuna għal kull ettaru tista’ tingħata lill-impriżi jew gruppi ta’ impriżi li jimpenjaw ruħhom b'mod volontarju li jikkonvertu jew iżommu prattiki u metodi tal-agrikoltura organika kif jiddefinixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (61) u li jkunu bdiewa attivi.

(267)

L-għajnuna tingħata biss għal impenji li jmorru lil hinn mill-istandards u r-rekwiżiti li ġejjin, li jridu jiġu identifikati u deskritti fin-notifika lill-Kummissjoni:

(a)

l-istandards obbligatorji rilevanti stabbiliti skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(b)

il-kriterji rilevanti u l-attivitajiet minimi kif stabbilit skont il-punti (ii) u (iii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(c)

ir-rekwiżiti minimi rilevanti applikabbli għall-użu ta’ fertilizzanti u l-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti; kif ukoll

(d)

rekwiżiti obbligatorji rilevanti oħrajn stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

(268)

L-impenji jridu jitwettqu fuq perjodu inizjali ta’ ħames sa seba’ snin. Madankollu, meta tingħata l-għajnuna għall-konverżjoni għall-agrikoltura organika, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu inizjali iqsar li jikkorrispondi għall-perjodu ta’ konverżjoni. Meta tingħata għajnuna għaż-żamma tal-agrikoltura organika, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-estensjoni annwali wara t-terminazzjoni tal-perjodu inizjali. Fir-rigward ta’ impenji ġodda li jikkonċernaw iż-żamma li ssegwi direttament l-impenn imwettaq fil-perjodu inizjali, l-Istati Membri jistgħu jipprevdu perjodu iqsar.

(269)

Meta jkun rilevanti, għandu jkun hemm konformità mar-regoli għall-pagamenti relatati mal-erja stabbiliti fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u ma’ kull att delegat adottat skont dik id-dispożizzjoni.

Spejjeż eliġibbli

(270)

L-għajnuna tkopri kumpens lill-benefiċjarji għal parti mill-ispejjeż addizzjonali jew kollha u t-telf ta’ dħul li ġejjin mill-impenji.

(271)

Meta jkun hemm bżonn, l-għajnuna tista’ tkopri wkoll spejjeż tat-tranżazzjoni b’valur massimu ta’ 20 % tal-primjum imħallas għall-impenn. Meta l-impenji jidħlu għalihom gruppi ta’ impriżi, il-livell massimu huwa ta’ 30 %. Din l-għajnuna tingħata fuq bażi annwali.

(272)

Madankollu, jekk Stat Membru jixtieq jikkumpensa għall-ispejjeż tat-tranżazzjoni kkawżati mid-dħul f’impenji fuq l-agrikoltura organika, irid jipprovdi prova konvinċenti dwar dawk l-ispejjeż, pereżempju billi jippreżenta tqabbil bejn l-ispejjeż ma’ impriżi li ma daħlux f’impenji bħal dawn. Għalhekk, normalment il-Kummissjoni ma tawtorizzax għajnuna mill-Istat għal spejjeż tat-tranżazzjoni għall-issoktar ta’ impenji ta’ agrikoltura organika li diġà daħlu fihom fl-imgħoddi, sakemm Stat Membru ma jurix li dawk l-ispejjeż għadhom iseħħu jew li qegħdin jiġu imposti spejjeż ġodda tat-tranżazzjoni.

(273)

Meta l-ispejjeż tat-tranżazzjoni jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ spejjeż medji u/jew farms medji, l-Istati Membri għandhom juru li b’mod partikolari l-impriżi l-kbar mhumiex ikkumpensati ż-żejjed. Għall-fini ta’ kalkolu tal-kumpens, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk l-ispejjeż tat-tranżazzjoni inkwistjoni humiex imġarrba għal kull impriża jew għal kull ettaru.

(274)

L-għajnuna ma tistax tingħata skont din it-Taqsima għal impenji koperti mill-miżura agroambjentali klimatika, jew għal spejjeż koperti mit-Taqsima dwar l-għajnuna biex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli fis-sistemi tal-kwalità.

(275)

L-għajnuna għal investimenti fil-produzzjoni primarja u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti organiċi hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet dwar l-għajnuna għall-investiment.

L-ammont tal-għajnuna

(276)

L-ammont tal-għajnuna L-ammont massimu ta’ għajnuna huwa EUR 600 għal kull ettaru fis-sena għall-uċuħ tar-raba’ annwali; EUR 900 għal kull ettaru għal kull sena għall-uċuħ tar-raba’ perenni speċjalizzati; EUR 450 għal kull ettaru fis-sena għal użu ieħor tal-art.

(277)

Dawn il-limiti massimi jistgħu jinqabżu f’każijiet eċċezzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi li jistgħu jiġu ġġustifikati.

1.1.9.   Għajnuna għall-parteċipazzjoni ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli fl-iskemi tal-kwalità

(278)

Il-Kummissjoni għandha ser tqis l-għajnuna favur il-parteċipazzjoni ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli u l-gruppi fl-iskemi tal-kwalità kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonfora mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(279)

Din it-Taqisma tapplika għall-produtturi ta’ prodotti agrikoli. Bdiewa attivi biss huma eliġibbli għall-għajnuna msemmija fil-punt (280)(a).

L-ispejjeż eliġibbli

(280)

L-għajnuna tkopri dawn l-ispejjeż eliġibbli fir-rigward tal-iskema tal-kwalità kif jissemma fil-punt (282) ta' dawn il-Linji Gwida:

(a)

l-ispejjeż għal parteċipazzjoni ġdida fl-iskemi tal-kwalità;

(b)

l-ispejjeż għall-miżuri obbligatorji tal-kontroll fir-rigward tal-iskemi tal-kwalità meħuda skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali jew f'isem l-awtoritajiet kompetenti;

(c)

l-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ riċerka tas-suq, il-ħolqien u d-disinn tal-prodotti u għall-preparazzjoni tal-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ skemi tal-kwalità.

(281)

L-għajnuna msemmija fil-punt (280)(a) u (b) ma tistax tingħata għall-ispejjeż ta’ kontrolli li jsiru mill-benefiċjarji stess, jew fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi li l-ispejjeż tal-kontrolli jiġu ssodisfati mill-prodotturi tal-prodotti agrikoli u l-grupp tagħhom, mingħajr ma tispeċifika l-livell attwali ta’ imposti.

(282)

L-iskemi tal-kwalità msemmija fil-punt (280)(a) ta' dawn il-Linji Gwida jridu jkunu dawn:

(a)

l-iskema tal-kwalità skont ir-Regolamenti u d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-Parti II, it-Titolu II, il-Kapitolu I, it-Taqsima 2 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tikkonċerna l-inbid;

(ii)

ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012;

(iii)

ir-Regolament (UE) Nru 834/2007 (62);

(iv)

Ir-Regolament (UE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (63);

(v)

Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (64);

(b)

skemi tal-kwalità, inklużi skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-farms, għal prodotti agrikoli rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala skemi li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

(i)

l-ispeċifiċità tal-prodott finali prodott taħt skemi ta’ kwalità bħal dawn trid tkun ġejja minn obbligi ċari li jiġu ggarantiti

karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti; jew

metodu speċifiku ta’ biedja jew produzzjoni; jew

kwalità tal-prodott finali li tmur sew lil hinn mill-istandards tal-komoditajiet kummerċjali rigward is-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali jew il-protezzjoni ambjentali;

(ii)

l-iskema ta’ kwalità trid tkun miftuħa għall-produtturi kollha;

(iii)

l-iskema ta’ kwalità trid tkun tinvolvi speċifikazzjonijiet tal-prodott vinkolanti u l-konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet tiġi vverifikata minn awtoritajiet pubbliċi jew minn korp ta’ spezzjoni indipendenti;

(iv)

l-iskema ta’ kwalità trid tkun trasparenti u tiggarantixxi traċċabbiltà sħiħa tal-prodotti agrikoli;

(c)

skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja ta’ prodott agrikolu rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - il-linji gwida tal-aqwa prattika tal-UE dwar skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (65).

(283)

L-għajnuna trid tkun aċċessibbli għal dawk l-impriżi kollha eliġibbli fl-erja kkonċernata, abbażi ta’ kundizzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv.

(284)

L-għajnuna msemmija fil-punt (280)(b) u (c) ta' dawn il-Linji Gwida ma għandhiex tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji u trid titħallas lill-korp responsabbli għall-miżuri tal-kontroll, lil min jipprovdi r-riċerka jew lil min jagħti l-konsulenza.

L-ammont tal-għajnuna

(285)

L-għajnuna msemmija fil-punt (280)(a) ta’ hawn fuq trid tingħata għal perjodu massimu ta’ ħames snin u trid tkun limitata għal EUR 3 000 għal kull benefiċjarju fis-sena. Din trid tingħata fil-forma ta’ pagament ta’ inċentiv annwali, li l-livell tiegħu huwa stabbilit skont il-livell tal-ispejjeż fissi li ġejjin mill-parteċipazzjoni fi skemi tal-kwalità.

(286)

L-għajnuna msemmija fil-punt (280)(b) u (c) tista’ tasal sa 100 % tal-ispejjeż reali mġarrba.

1.1.10.   Għajnuna għall-għoti ta’ appoġġ tekniku fis-settur agrikolu

(287)

Din it-Taqsima tkopri l-għajnuna għall-għoti ta’ appoġġ tekniku fis-settur agrikolu ħlief l-għajnuna għas-servizzi ta’ sostituzzjoni tal-farms li tista’ tingħata biss lil ċertu impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(288)

L-għoti ta’ appoġġ tekniku jista’ jsir minn gruppi ta’ produtturi jew organizzazzjonijiet oħra, ikun xi jkun id-daqs tagħhom.

(289)

L-għajnuna għandha tkun aċċessibbli għal dawk kollha eliġibbli fil-qasam ikkonċernat, abbażi ta’ kundizzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv. Meta l-għoti ta’ appoġġ tekniku jsir minn gruppi u organizzazzjonijiet ta' produtturi, is-sħubija tat-tali gruppi jew organizzazzjonijiet ma għandhiex tkun kundizzjoni għal aċċess għas-servizz. Kull kontribut ta’ persuni mhux membri għall-ispejjeż amministrattivi tal-grupp jew tal-organizzazzjoni kkonċernata għandu jkun limitata għall-ispejjeż tal-forniment tas-servizz.

1.1.10.1.   Għajnuna għat-trasferiment tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni

(290)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għat-trasferiment tal-għarfien u l-azzjonijiet ta’ informazzjoni kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji ta’ dawn il-Linji Gwida, il-kundizzjonijiet ġenerali għall-għajnuna għall-appoġġ tekniku u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(291)

L-għajnuna tkopri l-kisbiet ta’ taħriġ u ħiliet vokazzjonali, inklużi korsijiet ta’ taħriġ, workshops u kkowċjar, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u azzjonijiet ta’ informazzjoni.

(292)

L-għajnuna tista’ tkopri wkoll skambju ta’ ġestjoni tal-farms fuq perjodu qasir u żjarat fil-farms.

L-ispejjeż eliġibbli

(293)

L-għajnuna tkopri l-ispejjeż eliġibbli li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż ta’ organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali, azzjonijiet ta’ kisbiet ta’ ħiliet, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni jew azzjonijiet ta’ informazzjoni;

(b)

l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u għal kull jum tal-parteċipanti;

(c)

l-ispiża tal-provvista ta’ servizzi ta’ sostituzzjoni meta l-parteċipanti jkunu assenti;

(d)

fil-każ ta' proġetti ta' dimostrazzjoni, huma eliġibbli dawn l-ispejjeż tal-investiment li ġejjin:

(i)

il-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-kiri, jew it-titjib ta’ proprjetà immobbli, bl-art mixtrija eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx l-10 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata;

(ii)

ix-xiri jew ix-xiri bin-nifs ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

(iii)

l-ispejjeż ġenerali marbuta man-nefqa msemmija fil-punti (i) u (ii), bħad-drittijiet tal-perit, l-inġinier u ta’ konsultazzjoni, id-drittijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ pariri dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inkluż l-istudji ta’ fattibbiltà; l-istudji ta’ fattibbiltà jibqgħu spiża eliġibbli anki meta, abbażi tar-riżultati tagħhom, ma tiġġarrab ebda nefqa skont il-punti (i) u (ii);

(iv)

l-akkwist jew l-iżvilupp ta’ softwer tal-kompjuter u l-akkwisti ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u marki kummerċjali.

(v)

meta jkun debitament ġustifikat, l-għajnuna għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala żgħira tista’ tingħata għal spejjeż addizzjonali u dħul mitluf marbut mal-proġett ta’ dimostrazzjoni.

(294)

L-ispejjeż imsemmija fil-punt (293)(d)(i) sa (iv) huma eliġibbli biss sakemm dawn jintużaw għall-proġett ta' dimostrazzjoni u għat-tul taż-żmien tal-proġett ta' dimostrazzjoni. Huma mejusa eliġibbli biss dawk l-ispejjeż tad-deprezzament li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett ta' dimostrazzjoni u li huma kkalkolati abbażi ta' prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati.

(295)

Il-korpi li jipprovdu servizzi ta’ trasferiment tal-għarfien u ta’ informazzjoni jrid ikollhom il-kapaċitajiet xierqa fil-forma ta’ kwalifiki tal-persunal u taħriġ regolari biex iwettqu dawk il-kompiti.

(296)

L-għajnuna msemmija fil-punt (293)(a) u (c) u (d)(i) sa (d)(iv) m'għandhiex tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji u trid titħallas lil min jagħmel l-azzjoni ta’ trasferiment tal-għarfien u tal-informazzjoni. L-għajnuna msemmija fil-punt (293)(d)(v) trid titħallas direttament lill-benefiċjarji. L-għajnuna għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala żgħira, imsemmija fil-punt (293)(d)(i) sa (iv), tista’ titħallas direttament lill-benefiċjarji.

L-intensità tal-għajnuna

(297)

L-intensità tal-għajnuna trid tkun limitata għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(298)

Fil-każ tal-ispejjeż eliġibbli msemmijin fil-punt (293)(d) l-ammont massimu tal-għajnuna jrid ikun limitat għal EUR 100 000 fuq 3 snin fiskali.

1.1.10.2.   Għajnuna għas-servizzi konsultattivi

(299)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-fornimenti ta’ servizzi konsultattivi kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mal-kundizzjonijiet ġenerali għall-għajnuna għall-appoġġ tekniku u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(300)

L-għajnuna għandha titfassal biex tgħin lill-impriżi attivi fis-settur agrikolu u l-bdiewa żgħażagħ jibbenefikaw mill-użu tas-servizzi ta’ konsulenza għat-titjib tal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali kif ukoll il-kapaċità tal-impriża u/jew l-investiment tagħhom li ma jagħmlux ħsara lill-klima u li jkunu reżiljenti.

(301)

Il-parir irid ikun marbut mill-anqas ma' prijorità waħda tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali u jrid ikopri bħala minimu wieħed mill-elementi li ġejjin:

(a)

L-obbligi li ġejjin mir-rekwiżiti statutorji tal-ġestjoni u/jew mill-istandards għall-kundizzjonjiet agrikoli u ambjentali tajba previsti fil-Kapitolu I tat-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(b)

fejn applikabbli, il-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent stabbiliti fil-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u ż-żamma tal-erja agrikola li hemm referenza għaliha fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

miżuri mmirati għall-modernizzazzjoni tal-farms, it-tiswir tal-kompetittività, l-integrazzjoni settorjali, l-innovazzjoni, l-orjentazzjoni tas-suq kif ukoll il-promozzjoni tal-intraprenditorija;

(d)

ir-rekwiżiti ddefiniti mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

(e)

ir-rekwiżiti ddefiniti mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (66), u b’mod partikolari l-konformità mal-prinċipji ġenerali ta’ ġestjoni integrata tal-pesti kif imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi (67);

(f)

fejn ikun rilevanti, l-istandards tas-sikurezza okkupazzjonali u l-istandards tas-sikurezza marbuta mal-farms;

(g)

parir speċifiku għal bdiewa li qed jistabbilixxu ruħhom għall-ewwel darba, inkluż parir dwar sostenibbiltà ekonomika u ambjentali.

(302)

Parir jista’ jkopri kwistjonijiet oħra u b’mod partikolari l-informazzjoni relatata mal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ilmijiet kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament 1307/2013 jew kwistjonijiet marbutin mal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tal-azjenda agrikola, inklużi l-aspetti tal-kompetittività. Dan jista’ jinkludi konsulenza għall-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra, agrikoltura organika u aspetti tas-saħħa tal-kura tal-annimali.

(303)

L-għajnuna ma tistax tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji. L-għajnuna trid titħallas lill-fornitur tas-servizzi ta’ konsulenza.

(304)

Il-korpi magħżula biex jipprovdu servizz konsulattiv irid ikollhom ir-riżorsi xierqa fil-forma ta’ taħriġ regolari u persunal ikkwalifikat u esperjenza konsulattiva, u affidabbiltà fir-rigward tal-oqsma li jagħtu pariri fihom.

(305)

Meta jagħtu parir, il-fornituri tas-servizzi konsulattivi jridu jirrispettaw l-obbligi ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(306)

Meta jkun debitament iġġustifikat u xieraq, il-parir jista’ jingħata fi grupp b’mod parzjali, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni tal-utent individwali tas-servizzi konsultattivi.

L-ammont tal-għajnuna

(307)

L-ammont ta’ għajnuna huwa limitat għal EUR 1 500 għal kull parir.

1.1.10.3.   Għajnuna għal servizzi ta’ sostituzzjoni fuq il-farms

(308)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għas-servizzi ta’ sostituzzjoni fuq il-farms kompatibbli mas-suq intern tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mal-kundizzjonijiet ġenerali għall-għajnuna għall-appoġġ tekniku u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(309)

L-għajnuna ma tistax tinvolvi pagamenti diretti lill-bidwi. L-għajnuna trid titħallas lill-fornitur tas-servizz ta’ sostituzzjoni fuq il-farm.

L-ispejjeż eliġibbli

(310)

L-għajnuna tkopri l-ispejjeż reali mġarrba għas-sostituzzjoni ta’ bidwi, persuna fiżika li hija membru ta' unità domestika agrikola, jew ħaddiem fuq farm, matul l-assenza tagħhom mix-xogħol minħabba mard, inkluż mard ta' wliedhom, btala, liv tal-maternità u tal-ġenituri jew f’każ ta’ mewt.

(311)

It-tul taż-żmien totali tas-sostituzzjoni għandu jkun limitat għal 3 xhur kull sena għal kull benefiċjarju, ħlief fil-każ ta' sostituzzjoni għal-liv tal-maternità u tal-ġenituri li għandu jkun limitat għal 6 xhur f'kull każ. Madankollu f'każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista' tawtorizza perjodu itwal taż-żmien.

L-intensità tal-għajnuna

(312)

L-intensità tal-għajnuna hija limitata għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

1.1.11.   Għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur agrikolu

(313)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur agrikolu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(314)

Din it-Taqsima tapplika għas-settur agrikolu kollu (68).

(315)

L-għajnuna għandha tingħata ħalli jiġu promossi għamliet ta' koperazzjoni li jinvolvu mill-anqas żewġ entitajiet irrispettivament minn jekk dawn ikunux attivi fis-settur agrikolu, iżda li jkunu soġġetti li mill-koperazzjoni jgawdi biss is-settur agrikolu, u b'mod partikolari:

(a)

l-approċċi ta’ kooperazzjoni bejn impriżi differenti fis-settur agrikolu, il-katina alimentari (iżda biss jekk ir-riżultat tal-ipproċessar ikun prodott agrikolu) u bejn atturi oħrajn attivi fis-settur agrikolu li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet u l-prijoritajiet tal-politika tal-iżvilupp rurali, inklużi l-gruppi ta’ produtturi, il-kooperattivi u l-organizzazzjoni interprofessjonali;

(b)

il-ħolqien ta’ raggruppamenti u netwerks;

(c)

it-twaqqif u t-tħaddim ta’ gruppi operazzjonali tal-EIP għall-produttività u s-sostenibbiltà tal-agrikoltura kif imsemmija fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(316)

L-għajnuna se tingħata għall-kooperazzjoni relatata, b’mod partikolari, mal-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-proġetti pilota;

(b)

l-iżvilupp ta’ prodotti, prattiċi, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur agrikolu u fis-settur tal-ikel biss, sa fejn huma kkonċernati l-prodotti agrikoli;

(c)

kooperazzjoni bejn operaturi żgħar fis-settur agrikolu fl-organizzazzjoni ta’ proċessi ta’ ħidma konġunta u l-qsim ta’ faċilitajiet u riżorsi;

(d)

kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn atturi tal-katina tal-provvista għat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra u swieq lokali;

(e)

attivitajiet ta’ promozzjoni f’kuntest lokali relatati mal-iżvilupp ta’ katina tal-provvista qasira u swieq lokali;

(f)

azzjoni konġunta mwettqa bil-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew adattament għalih;

(g)

approċċi konġunti għal proġetti ambjentali u prattiki ambjentali attwali inkluż il-ġestjoni effiċjenti tal-ilma, l-użu tal-enerġija rinnovabbli (69) u l-preżervazzjoni tal-pajsaġġi agrikoli;

(h)

kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn l-atturi tal-katina tal-provvista fil-forniment sostenibbli ta’ bijomassa għall-użu fil-produzzjoni tal-ikel jekk ir-riżultat ikun prodott agrikolu u produzzjoni tal-enerġija għall-konsum proprju;

(i)

l-implimentazzjoni, b’mod partikolari minn gruppi ta’ msieħba pubbliċi u privati ħlief dawk iddefiniti fil-punt (b) tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, tal-istrateġiji tal-iżvilupp lokali ħlief dawk iddefiniti fl-Artikolu 2(19) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jindirizzaw waħda jew aktar mill-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali;

(317)

Għajnuna għall-ħolqien ta’ raggruppamenti u netwerks għandha tingħata biss lil raggruppamenti u netwerks li għadhom kif jiffurmaw u dawk li għadhom kif bdew attività li hija ġdida għalihom.

(318)

L-għajnuna għall-attivitajiet msemmija fil-punt (316)(a) u (b) tista’ tingħata wkoll lill-atturi individwali. Meta l-għajnuna tingħata lill-atturi individwali, ir-riżultati tal-proġett jew tal-attività appoġġjata jridu jinxterdu.

(319)

L-għajnuna għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ ktajjen qosra tal-provvista, kif imsemmi fil-punt (316)(d) u (e) trid tkopri biss il-ktajjen tal-provvista li jinvolvu xjen iktar minn intermedjarju wieħed bejn il-bidwi u l-konsumatur.

(320)

L-għajnuna skont din it-Taqsima għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, peress li japplikaw bis-saħħa tal-Artikoli 206 sa 210 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

L-ispejjeż eliġibbli

(321)

L-għajnuna tkopri l-ispejjeż eliġibbli li ġejjin, sakemm ikollhom x’jaqsmu ma’ attivitajiet agrikoli:

(a)

l-ispejjeż għal studji dwar iż-żona kkonċernata, u għal studji tal-fattibbiltà, u għat-tfassil ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jew strateġija tal-iżvilupp lokali minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(b)

l-ispejjeż tal-animazzjoni taż-żona kkonċernata sabiex proġett territorjali kollettivi jew proġett li jkun fattibbli li jrid jitwettaq minn grupp operazzjonali tal-EIP għall-Produttività u s-Sostenibbiltà tal-Agrikoltura kif imsemmi fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Fil-każ tar-raggruppamenti, l-animazzjoni tista’ tikkonċerna wkoll l-organizzazzjoni tat-taħriġ, in-netwerking bejn membri u r-reklutaġġ ta’ membri ġodda;

(c)

l-ispejjeż operazzjonali tal-kooperazzjoni, bħall-paga tal-“koordinatur”;

(d)

l-ispejjeż diretti ta’ proġetti speċifiċi marbuta mal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, strateġija tal-iżvilupp lokali li mhijiex dik imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew azzjonijiet oħra mmirati lejn l-innovazzjoni inklużl-ittestjar; l-ispejjeż diretti jridu jkunu limitati għall-ispejjeż eliġibbli tal-għajnuna ta' investiment, kif speċifikat fit-Taqsima 1.1.1.1 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida dwar l-għajnuna ta' investiment;

(e)

l-ispejjeż għall-attivitajiet ta’ promozzjoni.

(322)

L-għajnuna trid tkun limitata għal perjodu massimu ta’ seba’ snin ħlief għall-azzjoni ambjentali kollettiva f’każijiet debitament iġġustifikati kif xieraq.

L-intensità tal-għajnuna

(323)

L-għajnuna tista’ tasal sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(324)

L-ispejjeż diretti, imsemmija fil-punt (321)(d) ta’ hawn fuq, iridu jkunu limitati għall-intensità tal-għajnuna massima tal-għajnuna ta' investiment kif speċifikat fit-Taqsima dwar l-għajnuna ta' investiment.

1.2.   Ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet

(325)

L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat tista’ tkun mezz xieraq ta’ appoġġ fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ riskji fis-settur agrikolu, peress li l-attività agrikola inġenerali hija partikolarment skoperta għal riskji u kriżijiet. Madankollu jeżistu differenzi bejn impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja u impriżi attivi fl-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, li normalment ikollhom possibbiltajiet aħjar biex jilqgħu r-riskji. Għaldaqstant, uħud mill-kategoriji tal-għajnuna f’din it-Taqsima ser ikunu disponibbli għall-impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja biss.

(326)

Meta tingħata għajnuna mill-Istat għal attivitajiet affettwati mir-riskji u l-kriżijiet, il-Kummissjoni ser tqis l-bżonn li jiġu evitati distorsjonijiet żejda tal-kompetizzjoni, billi teħtieġ kontribuzzjoni minima mill-produtturi għat-telf jew l-ispiża tat-tali miżuri ta’ għajnuna jew xi miżuri adegwati oħrajn li għandhom jittieħdu biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u jiġi żgurat li l-għajnuna mill-Istat hija proporzjonata mat-telf imġarrab. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqis il-ħtieġa li l-benefiċjarju jieħu miżuri preventivi adegwati biex jimminimizza l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija.

1.2.1.   Għajnuniet bħala kumpens għad-dannu mġarrab mill-produzzjoni agrikola jew mill-mezzi ta’ produzzjoni agrikola u biex jiġi evitat id-dannu

1.2.1.1.   Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali

(327)

Il-Kummissjoni ser tqis għajnuna mill-Istat biex tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat jekk din tikkonforma ma’ dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin.

(328)

Din it-Taqisma tapplika għas-settur agrikolu (70).

(329)

Peress li jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta' għajnuna mill-Istat fis-suq intern stabbilit fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni tenniet b’konsistenza li l-kunċetti ta’ 'diżastru naturali' u 'avveniment eċċezzjonali' imsemmija fl-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat iridu jiġu interpretati b’mod restrittiv. Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (71).

(330)

Sallum il-ġurnata, il-Kumissjoni aċċettat li terremoti, valangi, uqigħ tal-art u għargħar jistgħu jikkostitwixxu diżastri naturali. Barra minn hekk il-Kummissjoni tqis l-iżvilupp fi ħdan il-qafas tal-inizjattiva għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li tippermetti li ssir eżenzjoni ġenerali ta' dawn il-kategoriji li ġejjin ta' avvenimenti ta' diżastri naturali: trombi tal-arja, uragani, eruzzjonijiet vulkaniċi, u nirien qawwija b'oriġini naturali. Okkorrenzi eċċezzjonali li l-Kummissjoni aċċettat fil-passat kienu jinkludu gwerrer, disturbi intreni jew strajkijiet u, b’ċerti riżervi u skont il-kobor tagħhom, aċċidenti nukleari jew industrijali kbar u nirien li jirriżultaw f’telf fuq skala kbira (72). Il-Kummissjoni ser tkompli tevalwa proposti biex tingħata għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 (2)(b) tat-Trattat fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li tqis l-prattika preċedenti tagħha f’dan il-qasam.

(331)

Għajnuna mogħtija skont din it-Taqsima hija soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rrikonoxxiet b’mod formali l-karattru tal-avveniment bħala diżastru naturali jew okkorrenza eċċezzjonali;

u

(b)

hemm rabta ta' kawżalità diretta bejn id-diżastru naturali jew l-okkorrenza eċċezzjonali u l-ħsara mġarrba mill-impriża.

(332)

Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu bil-quddiem kriterji li abbażi tagħhom jitqies li jkun ingħata r-rikonoxximent formali msemmi fil-punt (331)(a).

(333)

L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru fihom. Meta l-għajnuna titħallas lil grupp u organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont tal-għajnuna ma jistax jaqbeż l-ammont tal-għajnuna li għalih hija eliġibbli l-impriża.

(334)

L-iskema ta’ għajnuna trid tiġi stabbilita fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-avveniment, u l-għajnuna għandha titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data.

(335)

Biex titħaffef il-ġestjoni rapida ta’ kriżijiet, il-Kummissjoni ser tawtorizza skemi ta’ għajnuna qafas ex ante bħala kumpens għad-danni kkawżati minn terremoti, valangi, uqigħ tal-art u għargħar kif ukoll minn trombi tal-arja, uragani, eruzzjonijiet vulkaniċi u nirien qawwija ta' oriġini naturali, sakemm il-kundizzjonijiet li bihom tista’ tingħata l-għajnuna f’każijiet ta’ diżastri naturali bħal dawn jiġu stipulati b’mod ċar (73). Fil-każ ta’ skemi ex-ante l-Istati Membri jridu jikkonformaw mal-obbligu ta’ rapportar stabbilit fil-punt (728).

(336)

L-għajnuna mogħtija bħala kumpens għad-danni kkawżati minn tipi oħra ta’ diżastri naturali mhux imsemmija fil-punt (330) u għad-danni kkawżati b'okkorrenzi eċċezzjonali, trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

L-ispejjeż eliġibbli

(337)

L-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż tad-danni mġarrba bħala konsegwenza diretta tad-diżastru naturali jew okkorrenza eċċezzjonali, kif ivvalutati minn awtorità pubblika, minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità awtorizzanti jew minn impriża tal-assigurazzjoni.

(338)

Id-dannu jista’ jinkludi dan li ġej:

(a)

dannu materjali f’assi bħal bini, tagħmir, makkinarju, stokkijiet u l-mezzi ta’ produzzjoni;

(b)

telf ta’ dħul li jirriżulta mill-qerda sħiħa jew parzjali tal-produzzjoni agrikola u l-mezzi ta’ produzzjoni agrikola.

(339)

Id-dannu jrid jiġi kkalkolat fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

(340)

Il-kalkolu tad-dannu materjali jrid ikun ibbażat fuq l-ispejjeż tat-tiswija jew il-valur ekonomiku tal-ass affettwat qabel id-diżastru naturali jew l-okkorrenza eċċezzjonali. Dan ma jistax jaqbeż l-ispiża tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ġust ikkawżati mill-avveniment jew l-okkurrenza eċċezzjonali, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-proprjetà eżatt qabel u eżatt wara d-diżastru naturali jew l-okkorrenza eċċezzjonali.

(341)

It-telf tad-dħul irid jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

(a)

ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti agrikoli prodotti fis-sena tad-diżastru naturali jew l-okkorrenza eċċezzjonali, jew f’kull sena ta’ wara affettwata mill-qerda sħiħa jew parzjali tal-mezzi ta’ produzzjoni, bil-prezz medju tal-bejgħ miksub matul dik is-sena;

minn

(b)

ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantlità annwali medja ta’ prodotti agrikoli prodotti fil-perjodu ta’ tliet snin qabel id-diżastru naturali jew l-okkorrenza eċċezzjonali jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-diżastru naturali jew l-okkorrenza eċċezzjonali, ħlief l-ogħla u l-inqas entrata bil-prezz medju tal-bejgħ miksub.

(342)

Dak l-ammont jista’ jiżdied bi spejjeż oħrajn imġarrbin mill-benefiċjarju minħabba d-diżastru naturali jew l-okkorrenza eċċezzjonali, u jrid jitnaqqas b'kull spiża mhux imġarrba minħabba d-diżastru naturali jew l-okkorrenza eċċezzjonali li kieku xorta waħda kien iġarrabhom il-benefiċjarju.

(343)

Indiċijiet jistgħu jintużaw sabiex tiġi kkalkolata l-produzzjoni agrikola annwali tal-benefiċjarju diment li l-metodu ta’ kalkolu użat jippermetti li jiġi stabbilit it-telf reali ta’ benefiċjarju individwali f’sena partikolari.

(344)

Il-Kummissjoni ser taċċetta metodi oħrajn għall-kalkolu tad-dannu diment li tkun sodisfatta li dawn huma rappreżentattivi, mhumiex ibbażati fuq rendimenti għoljin b’mod mhux normali u ma jirriżultawx f’kumpens eċċessiv għal xi benefiċjarju. Il-kejl tal-firxa tad-dannu jista’ jsir skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull tip ta’ prodott billi jintużaw:

(a)

indiċijiet bijoloġiċi (kwantità ta’ telf ta’ bijomassa) jew indiċijiet ta’ telf ta’ rendiment ekwivalenti fil-livell ta’ farm, lokali, reġjonali jew nazzjonali; jew

(b)

indiċijiet tat-temp (inklużi l-kwantità ta’ xita u t-temperatura) stabbiliti fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali.

L-intensità tal-għajnuna

(345)

L-għajnuna u kull pagament ieħor riċevut bħala kumpens għad-danni, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni, għandhom ikunu limitati għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

1.2.1.2.   Għajnuna biex tikkumpensa għad-dannu kkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastru naturali

(346)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna bħala kumpens għad-dannu kkaġunat minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk din tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(347)

Din it-Taqsima tapplika għal għajnuna mogħtija biex tikkumpensa għad-dannu kkaġunat minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali kif definit fil-punt (35).31. f’dawn il-Linji Gwida. Tapplika biss għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(348)

Għajnuna mogħtija skont din it-Taqsima hija soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tkun għarfet b’mod formali l-karattru tal-avveniment bħala avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali;

u

(b)

hemm rabta ta' kawżalità diretta bejn l-avveniment klimatiku avvers li jista’ jitqabbel ma’ diżastru naturali u d-dannu mġarrab mill-impriża.

(349)

Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu bil-quddiem kriterji li abbażi tagħhom jitqies li jkun ingħata r-rikonoxximent formali msemmi fil-punt (348)(a).

(350)

Fil-każ ta’ skemi ex-ante l-Istati Membri jridu jikkonformaw mal-obbligu ta’ rapportar stabbilit fil-punt (728).

(351)

L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru fihom. Meta l-għajnuna titħallas lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont tal-għajnuna ma jistax jaqbeż l-ammont tal-għajnuna li għalih hija eliġibbli l-impriża.

(352)

L-iskemi ta’ għajnuna jridu jkunu stabbiliti fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-avveniment klimatiku avvers li jista’ jitqabbel ma’ diżastru naturali. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin mid-data.

L-ispejjeż eliġibbli

(353)

L-ispejjeż eliġibbli huma d-dannu mġarrab bħala konsegwenza diretta ta’ avveniment klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, kif ivvalutat jew minn awtorità pubblika, jew minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità awtorizzanti jew inkella minn impriża tal-assigurazzjoni.

(354)

Id-dannu jinkludi dawn li ġejjin:

(a)

id-dannu materjali f’assi bħal bini tal-farms, tagħmir u makkinarju, stokkijiet u l-mezzi ta’ produzzjoni;

(b)

it-telf ta’ dħul mill-qerda sħiħa jew parzjali tal-produzzjoni agrikola u l-mezzi ta’ produzzjoni.

(355)

Il-kalkolu tad-dannu mġarrab minħabba l-avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma' diżastru naturali jrid isir fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

(356)

Id-dannu materjali fl-assi kkaġunat mill-avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali jrid jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-kost tat-tiswija jew il-valur ekonomiku tal-ass affettwat qabel l-avveniment klimatiku avvers li jista' jkun assimilat ma’ diżastru naturali. Ma jistax jaqbeż l-ispiża tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur ġust tas-suq ikkawżat mill-avveniment klimatiku avvers u li jista' jkun assimilat ma' diżastru naturali, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-assi eżatt qabel u eżatt wara l-avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali.

(357)

Meta t-tnaqqis tad-dħul tal-benefiċjarju msemmi fil-punt (354) (b) jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-livell ta’ uċuħ tar-raba’ jew bhejjem, għandu jiġi kkunsidrat biss id-dannu materjali marbut ma’ dawk l-uċuħ tar-raba’ jew bhejjem.

(358)

It-telf ta’ dħul irid jiġi kkalkolat jew fil-livell ta’ produzzjoni annwali tal-farm jew fil-livell tal-uċuħ tar-raba’ jew bhejjem billi jitnaqqas:

(a)

ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti agrikoli prodotti fis-sena tal-avveniment klimatiku avvers li jista’ jitqabbel ma’ diżastru naturali, jew kull sena ta’ wara affettwata mill-qerda sħiħa jew parzjali tal-mezzi ta’ produzzjoni, bil-prezz medju tal-bejgħ miksub matul dik is-sena;

minn

(b)

ir-riżultat tal-moltiplikazzjoni tal-kwantità annwali medja tal-prodotti agrikoli prodotti fil-perjodu ta’ tliet snin ta’ qabel l-avveniment klimatiku avvers li jista’ jitqabbel ma’ diżastru naturali, jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin ta’ qabel l-avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali, esklużi l-ogħla u l-inqas entrata bil-prezz medju tal-bejgħ miksub.

(359)

Dak l-ammont jista’ jiżdied bi spejjeż oħrajn imġarrbin mill-benefiċjarju minħabba l-avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali. Dak l-ammont irid jitnaqqas bi kwalunkwe spiża mhux imġarrba minħabba l-avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma' diżastru naturali li kieku xorta waħda kien iġarrabhom il-benefiċjarju.

(360)

Indiċijiet jistgħu jintużaw sabiex tiġi kkalkolata l-produzzjoni agrikola annwali tal-benefiċjarju diment li l-metodu ta’ kalkolu użat jippermetti li jiġi stabbilit it-telf reali ta’ benefiċjarju individwali f’sena partikolari.

(361)

Il-Kummissjoni ser taċċetta metodi oħrajn għall-kalkolu tad-dannu diment li tkun sodisfatta li dawn huma rappreżentattivi, mhumiex ibbażati fuq rendimenti għoljin b’mod mhux normali u ma jirriżultawx f’kumpens eċċessiv għal xi benefiċjarju. Il-kejl tal-firxa tad-dannu jista’ jsir skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull tip ta’ prodott billi jintużaw:

(a)

indiċijiet bijoloġiċi (kwantità ta’ telf ta’ bijomassa) jew indiċijiet ta’ telf ta’ rendiment ekwivalenti stabbilit fil-livell ta’ farm, lokali, reġjonali jew nazzjonali; jew

(b)

indiċijiet tat-temp (inklużi l-kwantità ta’ xita u t-temperatura) stabbiliti fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali.

L-intensità tal-għajnuna

(362)

L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor riċevut bħala kumpens għall-ħsara, inklużi pagamenti minn miżuri nazzjonali jew tal-Unjoni jew poloz tal-assigurazzjoni oħrajn għad-dannu li għalih tingħata għajnuna, iridu jkunu limitati għal 80 % tal-ispejjeż eliġibbli. L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied għal 90 % f’żoni li jaffaċċjaw limitazzjonijiet naturali.

(363)

Għajnuna mogħtija skont din it-Taqsima trid titnaqqas b’50 % sakemm ma tingħatax lil benefiċjarji li għamlu assigurazzjoni li tkopri tal-anqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja jew tad-dħul relatat mal-produzzjoni tagħhom u l-aktar riskji klimatiċi statistikament frekwenti fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat, li tiġi pprovduta koperatura ta’ assigurazzjoni għalihom. Deroga minn din il-kundizzjoni hija possibbli biss jekk Stat Membru jista’ juri b’mod konvinċenti li, minkejja l-isforzi raġonevoli kollha, fiż-żmien li fih seħħew id-danni ma kienx hemm disponibbli assigurazzjoni affordabbli li tkopri l-aktar riskji klimatiċi statistikament frewekenti fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat.

1.2.1.3.   Għajnuna għall-ispejjeż ta’ prevenzjoni, il-kontoll u l-qerda tal-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat mill-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti

(364)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-ispejjeż tal-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta’ mard tal-annimali jew pjanti jew pesti tal-pjanti u għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn dak il-mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(365)

Din it-Taqsima tapplika biss għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(366)

L-għajnuna għandha titħallas biss:

(a)

fir-rigward ta' mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti li għalihom ikunu jeżistu regoli tal-Unjoni jew nazzjonali, stabbiliti mil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva; u

(b)

bħala parti minn:

(i)

programm pubbliku fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali għall-prevenzjoni, il-kontroll jew l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali jew tal-pesti tal-pjanti kkonċernati; jew

(ii)

miżuri ta’ emerġenza imposti mill-awtorità pubblika kompetenti; jew

(iii)

miżuri biex jiġu eradikati jew imrażżna pesti ta’ pjanti implimentati skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (74).

(367)

Il-programmi u l-miżuri msemmijin fil-punt (366)(b) iridu jinkludu deskrizzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni kkonċernati.

(368)

L-għajnuna ma tistax tkun relatata ma’ miżuri li fir-rigward tagħhom il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tistipula li l-ispejjeż tat-tali miżuri għandhom jiġġarrbu mill-benefiċjarju, sakemm l-ispiża ta’ tali miżuri ta' għajnuna ma jiġux ikkumpensati kompletament minn imposti obbligatorji fuq il-benefiċjarji.

(369)

L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru fihom. Meta l-għajnuna titħallas lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont tal-għajnuna ma għandux jeċċedi l-ammont tal-għajnuna li għalih hija eliġibbli l-impriża.

(370)

L-ebda għajnuna individwali ma għandha tingħata fejn jiġi stabbilit li l-marda jew l-infestazzjoni bil-pesta tal-pjanta kienu kkagunati deliberatament jew bin-negliġenza tal-benefiċjarju.

(371)

Fir-rigward tal-mard tal-annimali, l-għajnuna għandha tingħata biss fir-rigward tal-mard imsemmi fil-lista tal-mard tal-annimali stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali jew il-mard tal-annimali u ż-żoonosi elenkati fl-Anness I u fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (75).

(372)

L-iskemi ta’ għajnuna jridu jiġu introdotti fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-ispiża jew id-dannu kkawżat mill-mard tal-annimali jew mill-pesti tal-pjanti. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data.

(373)

Fil-każ ta’ skemi ex-ante l-Istati Membri jridu jikkonformaw mal-obbligu ta’ rapportar stabbilit fil-punt (728).

L-ispejjeż eliġibbli

(374)

Fil-każ ta’ miżuri ta’ prevenzjoni, l-għajnuna trid tkopri l-ispejjeż eliġibbli li ġejjin:

(a)

verifiki tas-saħħa;

(b)

analiżijiet inkluż fid-djanjostika in vitro;

(c)

testijiet u miżuri oħra ta’ tnaqqija inklużi testijiet tat-TSE u l-BSE;

(d)

ix-xiri, il-ħażna, l-amministrazzjoni u t-tqassim ta’ tilqim, mediċini, sustanzi għall-kura tal-annimali, u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

(e)

it-tbiċċir jew il-qtil preventiv tal-annimali jew il-qerda ta’ prodotti tal-annimali u ta’ pjanti u t-tindif u d-diżinfettar tal-azjenda u t-tagħmir;

(375)

Fil-każ ta’ miżuri ta’ kontroll u eradikazzjoni, l-għajnuna trid tkopri l-ispejjeż eliġibbli li ġejjin:

(a)

testijiet u miżuri oħra ta’ tnaqqija fil-każ ta’ mard tal-annimali, inklużi testijiet tat-TSE u l-BSE;

(b)

ix-xiri, il-ħażna, l-amministrazzjoni u t-tqassim ta’ tilqim, mediċini, sustanzi għall-kura tal-annimali, u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

(c)

it-tbiċċir jew il-qatla u l-qerda tal-annimali u l-qerda ta’ prodotti agrikoli u l-qerda ta’ prodotti marbutin magħhom jew il-qerda ta’ pjanti, inklużi dawk li jmutu jew jiġu meqruda bħala riżultat ta’ tilqima jew miżuri oħra ordnati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tindif u d-diżinfettar tal-azjenda u t-tagħmir.

(376)

L-għajnuna fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli msemmija fil-punti (374) u (375) trid tingħata in natura u trid titħallas lil minn jipprovdi l-miżuri tal-prevenzjoni u l-qerda ħlief l-ispejjeż eliġibbli msemmija fil-punti (374)(d) u (375)(b) u l-ispejjeż eliġibbli msemmija fil-punti (374)(e) u (375)(c) fil-każ tal-pesti tal-pjanti u għat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-azjenda u tat-tagħmir.

(377)

Fil-każ ta’ għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn marda tal-annimali jew pesti tal-pjanti, il-kumpens irid jiġi kkalkolat biss fir-rigward:

(a)

tal-valur tas-suq tal-annimali mbiċċra jew maqtula jew li mietu jew il-prodotti marbutin magħhom, jew il-pjanti meqruda:

(i)

bħala riżultati tal-marda tal-annimali jew pesti tal-pjanti;

(ii)

bħala parti minn programm jew miżura pubblika msemmija fil-punt (366)(b) ta’ dawn il-Linji Gwida;

(b)

it-telf tad-dħul minħabba obbligi ta' kwarantina u diffikultajiet fl-istokkjar mill-ġdid jew fit-tħawwil mill-ġdid u r-rotazzjoni tal-uċuħ obbligatorja imposta bħala parti minn xi programm pubbliku jew xi miżura msemmija fil-punt (366)(b).

(378)

Dak l-ammont irid jitnaqqas bi kwalunkwe spiża mhux imġarrba direttament minħabba l-marda tal-annimali jew il-pesta tal-pjanti li kieku xorta waħda kien iġarrabhom il-benefiċjarju.

(379)

Il-valur tas-suq imsemmi fil-punt (377)(a) irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-valur tal-annimali, prodotti u pjanti eżatt qabel ma feġġ jew ġie kkonfermat kwalunkwe suspett tal-marda tal-annimali jew il-pesti tal-pjanti.

(380)

L-għajnuna msemmija fil-punt (377) trid tkun limitata għall-ispejjeż u d-dannu kkaġunat minn mard tal-annimali u pesti tal-pjanti li għalihom l-awtorità kompetenti:

(a)

tkun irrikonoxxiet formalment tifqigħa, fil-każ ta’ marda tal-annimali; jew

(b)

tkun irrikonoxxiet formalment il-preżenza tagħhom, fil-każ ta’ pesti tal-pjanti.

(381)

F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-ispejjeż imġarrbin fit-twettiq tal-miżuri neċessarji minbarra dawk imsemmijin f’din it-Taqsima.

L-intensità tal-għajnuna

(382)

L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor rċevut mill-benefiċjarju, inkluż il-pagamenti skont miżuri jew politiki oħra ta’ assigurazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni għall-istess spejjeż eliġibbli jridu jkunu limitati għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

1.2.1.4.   Għajnuna għal bhejjem mejta

(383)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għal bhejjem mejta bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(384)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

L-intensità tal-għajnuna fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli:

(385)

Fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli elenkati hawn taħt, japplikaw l-intensitajiet tal-għajnuna li ġejjin:

(a)

għajnuna b’rata li tasal sa 100 % tal-ispejjeż għat-tneħħija tal-istokk li ntilef u 75 % tal-ispejjeż għall-qerda ta’ tali stokk li ntilef; tista’ tingħata għajnuna għall-ispejjeż tal-primjums imħallsa mill-impriżi agrikoli għall-assigurazzjoni li tkopri l-ispejjeż tat-tneħħija u l-qerda tal-istokk li ntilef skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1.2.1.6 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida;

(b)

għajnuna b’rata li tasal sa 100 % tal-ispejjeż għat-tneħħija u l-qerda tal-istokk li ntilef meta l-għajnuna hija ffinanzjata permezz ta’ tariffi jew permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji maħsuba għall-finanzjament tat-tneħħija u l-qerda ta’ dak l-istokk li ntilef, sakemm it-tali tariffi jew kontribuzzjonijiet ikunu limitati għas-settur tal-laħam u imposti direttament fuqu;

(c)

għajnuna ta’ 100 % tal-ispejjeż għat-tneħħija u l-qerda tal-istokk li ntilef fejn hemm obbligu ta’ twettiq ta’ testijiet għat-TSE fuq l-istokk li ntilef ikkonċernat jew fil-każ ta’ tifqiegħa ta’ marda tal-annimali msemmija fil-punt (371) ta’ dawn il-Linji wida;

(386)

L-għajnuna trid tkun kondizzjonali fuq l-eżistenza ta’ programm ta’ sorveljanza konsistenti li jiżgura r-rimi sikur tal-istokk kollu li ntilef fl-Istat Membru kkonċernat.

(387)

L-għajnuna trid tiġi pprovduta in natura u ma tistax tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji ħlief meta min jgħammar il-bhejjem u huwa wkoll il-benefiċjarju tal-għajnuna jaġixxi wkoll bħala fornitur tas-servizz.

(388)

Sabiex titħaffef l-amministrazzjoni tal-għajnuna, l-għajnuna tista' titħallas lil operaturi ekonomiċi jew korpi li:

(a)

huma attivi downstream mill-impriżi attivi fis-settur tat-trobbija tal-bhejjem; u

(b)

jipprovdu servizzi marbuta mat-tneħħija u l-qerda tal-istokk li ntilef.

(389)

Fir-rigward tal-istokk li ntilef u l-iskart tal-biċċeriji, il-Kummissjoni ser iżżomm il-politika tagħha li ma tawtorizzax l-għajnuna għall-istokk li ntilef mogħtija lil operaturi attivi fl-ipproċessar ta' prodott agrikolu u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli u l-għajnuna għall-ispejjeż għat-tneħħija tal-iskart tal-biċċeriji. L-għajnuna mill-Istat għall-investimenti li saru fir-rigward tar-rimi tal-iskart tal-biċċeriji ser tiġi eżaminata skont ir-regoli rilevanti li japplikaw għall-għajnuna ta' investiment.

1.2.1.5.   Għajnuna biex tikkumpensa d-dannu kkawżat minn annimali protetti

(390)

Danni liltagħmir, infrastruttura,annimali u pjanti kkawżati minn annimali protetti, hija problema li qiegħda tikber. Is-suċċess tal-politika ta’ konservazzjoni tal-Unjoni tiddependi parzjalment fuq il-ġestjoni effettiva tal-kunflitti bejn annimali protetti u bdiewa. Għaldaqstant, u fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni ser tqis għajnuna bħala kumpens għad-dannu kkawżat minn annimali protetti bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(391)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(392)

Tintalab kontroparti minima mill-benefiċjarji biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex jiġi pprovdut inċentiv għat-tnaqqis tar-riskju. Din il-kontribuzzjoni trid tieħu l-forma ta’ miżuri preventivi raġonevoli, bħaċ-ċnut tas-sikurezza meta jkun possibbli u bħall-klieb li joqgħodu għassa mal-bhejjem, li huma proporzjonati għar-riskju ta’ danni kkawżati minn annimali protetti fiż-żona kkonċernata. Jekk ebda miżura preventiva raġonevoli ma tkun possibbli, l-Istat Membru kkonċernat għandu juri l-impossibbiltà li jieħu tali miżuri preventivi sabiex l-għajnuna titqies kompatibbli.

(393)

L-Istat Membru jrid jistabbilixxi rabta ta; kawżalità diretta bejn id-danni mġarrba u l-imġiba tal-annimal protett.

(394)

L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru fihom. Meta l-għajnuna titħallas lil grupp u organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont tal-għajnuna ma jistax jaqbeż l-ammont tal-għajnuna li għalih hija eliġibbli l-impriża.

(395)

L-iskema tal-għajnuna trid tiġi stabbilita fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-avveniment dannuż. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin mid-data.

L-ispejjeż eliġibbli

(396)

L-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż tad-danni mġarrba bħala konsegwenza diretta tal-avveniment li kkawża d-dannu, kif jiġu vvalutati minn awtorità pubblika, minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità awtorizzanti jew minn impriża tal-assigurazzjoni.

(397)

Id-dannu jista’ jinkludi dan li ġej:

(a)

dannu għall-annimali maqtula jew għall-pjanti meqruda: l-ispejjeż eliġibbli huma bbażati fuq il-valur tas-suq tal-annimal maqtul jew tal-pjanti meqruda mill-annimali protetti;

(b)

l-ispejjeż indiretti: l-ispejjeż tal-veterinarju li jirriżultaw mill-kura tal-annimali mweġġgħin u l-ispejjeż tax-xogħol marbuta mat-tiftix għal annimali mitlufin;

(c)

id-dannu materjali fl-assi li ġejjin: it-tagħmir tal-farm, il-makkinarju, il-bini tal-farm u l-istokkijiet; il-kalkolu tad-dannu materjali jrid ikun ibbażat fuq il-kost tat-tiswija jew il-valur ekonomiku tal-ass affettwat qabel l-avveniment li kkawża d-dannu; dan ma jistax jaqbeż l-ispiża tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ġust ikkawżat mill-avveniment li kkawża d-danni, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-proprjetà eżatt qabel u eżatt wara l-avveniment.

(398)

Dak l-ammont irid jitnaqqas bi kwalunkwe spiża mhux imġarrba minħabba l-avveniment li jikkawża d-dannu, li kieku xorta waħda kien iġarrabhom il-benefiċjarju.

(399)

Id-dannu jrid jiġi kkalkolat fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

(400)

L-investimenti relatati mal-miżuri biex jiġu evitati d-danni li jsiru minn annimali protetti, jistgħu jiġu appoġġjati skont il-kundizzjonijiet tat-Taqsima 1.1.1.1 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida dwar l-għajnuna ta' investiment fl-azjendi agrikoli.

L-intensità tal-għajnuna

(401)

Il-kumpens jista’ jingħata sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(402)

Il-kumpens għall-ispejjeż indiretti jrid ikun proporzjonat mal-ispejjeż diretti u ma jistax jaqbeż 80 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli indiretti.

(403)

L-għajnuna u kwalunke pagament ieħor riċevut bħala kumpens għad-dannu, inklużi pagamenti skont miżuri nazzjonali jew tal-Unjoni jew poloz tal-assigurazzjoni oħrajn għad-dannu li għalih ingħatat l-għajnuna, iridu jkunu limitati għal 100 % tal-ispejjeż diretti eliġibbli u 80 % tal-ispejjeż indiretti eliġibbli.

1.2.1.6.   Għajnuna għall-pagament ta’ primjums tal-assigurazzjoni

(404)

F’ħafna każijiet, l-assigurazzjoni hija għodda li tgħin tassew għall-ġestjoni tajba tar-riskji u l-kriżijiet. Għaldaqstant, u fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ finanzjament spiss neqsin tal-bdiewa, il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni favorevoli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għall-primjums tal-assigurazzjoni fejn l-assigurazzjoni tikkonċerna l-produzzjoni agrikola primarja.

(405)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-pagament ta’ primjums tal-assigurazzjoni kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(406)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(407)

L-għajnuna ma għandhiex tkun ta’ xkiel għat-tħaddim tas-suq intern għas-servizzi ta’ assigurazzjoni. B’mod partikolari, l-għajnuna ma għandhiex tkun limitata għall-assigurazzjoni pprovduta minn kumpanija tal-assigurazzjoni unika jew grupp ta’ kumpaniji, jew tkun soġġetta għall-kundizzjoni li jiġi ffirmat kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ kumpanija stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat.

(408)

L-iskemi ta’ assigurazzjoni mill-ġdid ser jiġu analizzati abbażi ta’ każ b’każ.

L-ispejjeż eliġibbli

(409)

L-ispejjeż eliġibbli huma dawk l-ispejjeż għall-assigurazzjoni li tkopri d-dannu ikkawżat minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali, avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastru naturali, mard tal-annimali u pesti tal-pjanti, it-tneħħija u l-qerda tal-istokk li ntilef u d-dannu kkawżat minn annimali protetti, kif jispeċifikaw it-Taqsimiet 1.2.1.1., 1.2.1.2., 1.2.1.3., 1.2.1.4. u 1.2.1.5., kif ukoll minn avvenimenti klimatiċi avversi oħra u/jew id-dannu kkawżat minn inċidenti ambjentali.

(410)

Il-ħlasijiet tal-assigurazzjoni jistgħu jikkumpensaw biss l-ispiża tal-kumpens għad-dannu imsemmi fil-punt (409) ta’ hawn fuq u jistgħu ma jeħtiġux jew ma jispeċifikawx it-tip jew il-kwantità ta’ produzzjoni futura.

(411)

Fir-rigward tal-għajnuna għall-primjums tal-assigurazzjoni għall-assigurazzjoni tat-telf ikkawżat bl-inċidenti ambjentali, għandhom jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet addizzjonali: l-okkorrenza ta' inċident ambjentali trid tiġi rikonoxxuta formalment bħala tali mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu minn qabel kriterji li abbażi tagħhom jitqies li jkun ingħata dak ir-rikonoxximent formali. Jistgħu jintużaw l-indiċijiet imsemmija fil-punti (360) u (361) biex tiġi kkalkulata l-produzzjoni agrikola annwali tal-benefiċjarju u kemm hu kbir it-telf.

L-intensità tal-għajnuna

(412)

L-intensità grossa tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-65 % tal-primjum tal-assigurazzjoni bl-eċċezzjoni tal-għajnuna għat-tneħħija u l-qerda tal-istokk li ntilef, fejn l-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż il-100 % tal-ispiża tal-primjum tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-primjums tal-assigurazzjoni għat-tneħħija tal-istokk li ntilef u 75 % tal-ispiża tal-primjum tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-primjums tal-assigurazzjoni għall-qerda ta’ tali stokk li ntilef.

(413)

L-Istati Membri għandhom jillimitaw l-ammont tal-primjum tal-assigurazzjoni li huwa eliġibbli għal għajnuna billi japplikaw limiti massimi xierqa.

1.2.1.7.   Għajnuna għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fondi reċiproki

(414)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fondi reċiproki biex tħallas il-kumpens lill-bdiewa għad-dannu kkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jitqabblu ma’ diżastru naturali, mard tal-annimali u pesti tal-pjanti, kif speċifikat fit-Taqsimiet 1.2.1.2. u 1.2.1.3. u/jew għad-dannu kkawżat minn inċidenti ambjentali kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u l-kundizzjonijiet li ġejjin.

(415)

Din it-Taqsima tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(416)

Il-fond reċiproku kkonċernat irid:

(a)

jiġi akkreditat mill-awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali;

(b)

ikollu politika trasparenti dwar id-depożiti fil-fond u l-ġbid minnu;

(c)

ikollu regoli ċari li jattribwixxu r-responsabbiltajiet għal kwalunkwe dejn sostnut.

(417)

L-Istati Membri jridu jiddefinixxu r-regoli għall-kostituzzjoni u l-ġestjoni tal-fondi reċiproki, b’mod partikolari għall-għoti ta’ pagamenti bħala kumpens, kif ukoll għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn ir-regoli. L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-arranġamenti tal-fondi għandhom jipprovdu penali f’każ ta’ negliġenza min-naħa tal-impriża.

L-ispejjeż eliġibbli

(418)

Fost l-ispejjeż eliġibbli hemm l-ispejjeż tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji f'fondi reċiproki biex jitħallas kumpens lill-bdiewa għad-dannu kkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jkunu jitqabblu ma' diżastri naturali, mard tal-annimali u pesti tal-pjanti kif speċifikat fit-Taqsimiet 1.2.1.2. u 1.2.1.3. u/jew għad-dannu kkawżat minn inċidenti ambjentali. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu jkunu marbuta biss mal-ammonti mħallsa mill-fond reċiproku bħala kumpens finanzjarju lil impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(419)

Fir-rigward tal-għajnuna għall-kuntribuzzjonijiet finanzjarji f'fondi reċiproki biex jitħallas kumpens għad-danu kkawżat minn inċidenti ambjentali, għandhom jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin: l-okkorrenza ta' inċident ambjentali trid tiġi rikonoxxuta formalment bħala tali mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu minn qabel kriterji li abbażi tagħhom jitqies li jkun ingħata dak ir-rikonoxximent formali. Jistgħu jintużaw l-indiċijiet imsemmija fil-punti (360) u (361) biex tiġi kkalkulata l-produzzjoni agrikola annwali tal-benefiċjarju u kemm hu kbir it-telf.

L-intensità tal-għajnuna

(420)

L-għajnuna trid tkun limitata għal 65 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(421)

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna billi jiġu applikati:

(a)

limiti massimi għal kull fond;

(b)

limiti massimi xierqa tal-fond għal kull membru/affiljat.

1.2.2.   Għajnuna għall-Għeluq tal-Kapaċità ta’ Produzzjoni

(422)

Din it-Taqisma tapplika għas-settur agrikolu kollu (76).

1.2.2.1.   L-għeluq tal-kapaċità għal raġunijiet tas-saħħa tal-annimali, il-pjanti jew il-bnedmin jew għal raġunijiet sanitarji, etiċi jew ambjentali

(423)

Il-Kummissjoni se tqis li l-għajnuna għall-għeluq tal-kapaċità hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(424)

L-għeluq tal-kapaċità jsir għal raġunijiet tas-saħħa tal-annimali, il-pjanti jew il-bnedmin, jew għal raġunijiet sanitarji, etiċi jew ambjentali, bħat-tnaqqis fid-densitajiet globali tal-merħliet.

(425)

Irid ikun hemm kontroparti suffiċjenti mill-benefiċjarju tal-għajnuna. Din il-kontroparti ser tikkonsisti f’deċiżjoni definittiva u irrevokabbli sabiex titwaqqaf jew tingħalaq b’mod irrevokabbli l-kapaċità ta’ produzzjoni kkonċernata. Dan ser jinvolvi jew l-għeluq sħiħ tal-kapaċità mill-impriża kkonċernata jew, fejn dan ikun debitament iġġustifikat, l-għeluq parzjali tal-kapaċità. Iridu jinkisbu impenji legalment vinkolanti mill-benefiċjarju li l-għeluq tal-kapaċità ta’ produzzjoni kkonċernata huwa definittiv u ma jistax jitreġġa’ lura u li l-benefiċjarju mhux ser jibda l-istess attività x’imkien ieħor. Dawn l-impenji jridu jkunu jorbtu wkoll lil kwalunkwe xerrej ieħor tal-art jew faċilità kkonċernata fil-futur.

(426)

Huma biss l-impriżi li fil-fatt kienu qegħdin jipproduċu, u huma biss il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni li fil-fatt kienu qegħdin jintużaw b’mod kostanti matul l-aħħar ħames snin qabel l-għeluq tal-kapaċità li huma eliġibbli għall-għajnuna. F’każijiet fejn il-kapaċità ta’ produzzjoni tkun diġà għalqet b’mod definittiv, jew meta jkun jidher li dak l-għeluq ma jistax jiġi evitat, ma hemm l-ebda kontroparti mill-benefiċjarju, u l-għajnuna ma tistax tingħata.

(427)

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tehmeż kundizzjonijiet addizzjonali mal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna.

(428)

Għall-għajnuna, huma eliġibbli biss dawk l-impriżi li jissodisfaw l-istandards tal-Unjoni. Impriżi li ma jissodisfawx l-istandards tal-Unjoni u li jkollhom iwaqqfu l-produzzjoni xorta waħda huma esklużi.

(429)

Sabiex jiġu evitati erożjoni u effetti negattivi oħrajn fuq l-ambjent, art agrikola miftuħa li titwaqqfilha l-produzzjoni trid fil-prinċipju tiġi afforestata jew mibdula f’żona tan-natura fi żmien sentejn u b’tali mod li jiġi żgurat li jiġu evitati effetti negattivi fuq l-ambjent. Inkella, art agrikola miftuħa tista’ terġa’ tintuża 20 sena wara l-għeluq effettiv tal-kapaċità. Sa dak iż-żmien, dik l-art agrikola trid tinżamm f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, b’konformità mat-Titolu VI tal-Kapitolu I tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u mar-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti. L-għeluq tal-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (77) irid isir f’konformità mal-Artikoli 11 u 22 ta’ dik id-Direttiva li tirrikjedi li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi evitat kull riskju ta’ tniġġis u li s-sit tal-operazzjoni jerġa’ lura fi stat sodisfaċenti.

(430)

L-għajnuna mogħtija taħt skema ta’ għajnuna għandha tkun aċċessibbli għall-impriżi eliġibbli kollha.

L-ispejjeż eliġibbli

(431)

L-għajnuna tkopri l-kumpens għat-telf tal-valur tal-assi, imkejla bħala l-valur attwali tal-bejgħ tal-assi.

(432)

Minbarra l-kumpens għat-telf tal-valur tal-assi, għall-għeluq tal-kapaċità għal raġunijiet ambjentali, jista’ jingħata pagament ta’ inċentiv li ma jistax jaqbeż l-20 % tal-valur tal-assi.

(433)

Jista’ jingħata wkoll kumpens għall-ispejjeż tal-qerda tal-kapaċità ta’ produzzjoni.

(434)

L-għajnuna tista’ titħallas ukoll biex tikkumpensa għal spejjeż soċjali obbligatorji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-għeluq.

(435)

L-għajnuna għall-afforestazzjoni u l-konverżjoni tal-art f’żoni tan-natura trid tingħata skont ir-regoli fit-Taqsimiet 2.1.1 u 2.1.2 tal-Parti II u r-regoli dwar l-investiment mhux produttiv stabbiliti fit-Taqsima 1.1.1.1 tal-Parti II.

L-intensità tal-għajnuna

(436)

L-ammonti massimi tal-għajnuna huma dawn:

(a)

sa 100 % għall-kumpens tat-telf tal-valur tal-assi, għall-kumpens tal-ispejjeż tal-qerda tal-kapaċità tal-produzzjoni u biex tikkumpensa għal-ispejjeż soċjali obbligatorji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-għeluq;

(b)

sa 120 % għall-kumpens tat-telf tal-valur tal-assi fejn l-għeluq isir għal raġunijiet ambjentali.

1.2.2.2.   L-għeluq tal-kapaċità għal raġunijiet oħrajn

(437)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-għeluq tal-kapaċità għal raġunijiet oħra differenti minn dawk stabbiliti fit-Taqsmia 1.2.2.1. kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(438)

L-għeluq irid isir għar-ristrutturar tas-settur, għad-diversifikazzjoni jew għall-irtirar bikri.

(439)

Iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fil-punti (425) sa (429) .

(440)

Ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna li tinterferixxi mal-mekkaniżmi tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli. L-iskemi tal-għajnuna li japplikaw għas-setturi li huma soġġetti għal-limiti jew kwoti ta’ produzzjoni ser jiġu evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ.

(441)

L-għajnuna trid tkun parti minn programm li għandu għanijiet definiti u skeda ta’ żmien speċifika mmirata għar-ristrutturar tas-settur, għad-diversifikazzjoni, jew għall-irtirar bikri.

(442)

Sabiex jiġi żgurat impatt rapidu fuq is-suq, id-durata tal-iskemi bil-għan li tingħalaq il-kapaċità għandha tiġi limitata għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur għall-ġbir ta’ applikazzjonijiet għal parteċipazzjoni, u perjodu ieħor ta' tnax-il xahar għall-għeluq proprju. Il-Kummissjoni mhix se taċċetta skemi ta’ għajnuna b’durata ta’ aktar minn tliet snin, peress li l-esperjenza turi li dawn jistgħu jirriżultaw fl-ittardjar tal-bidliet meħtieġa.

(443)

L-iskema ta’ għajnuna għandha tkun aċċessibbli għall-atturi ekonomiċi kollha fis-settur ikkonċernat bl-istess kundizzjonijiet. Sabiex jinkiseb impatt massimu, l-Istat Membru għandu juża sistema trasparenti ta’ sejħiet għal interess li pubblikament tistieden lill-impriżi kollha potenzjalment interessati sabiex jieħdu sehem; fl-istess ħin, l-organizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għandha titmexxa b’tali mod li la tkun teħtieġ u lanqas ma tiffaċilita ftehimiet mhux kompetittivi jew prattiki miftiehma bejn l-impriżi kkonċernati.

L-ispejjeż eliġibbli u l-intensità tal-għajnuna

(444)

Huma applikabbli d-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż eliġibbli u dwar l-intensità tal-għajnuna tat-Taqsima 1.2.2.1 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż skont il-punt (432).

1.3.   Tipi oħrajn ta’ għajnuna fis-settur agrikolu

1.3.1.   Għajnuna lis-settur tat-trobbija tal-bhejjem

(445)

Il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni favorevoli fir-rigward tal-għajnuna li tikkontribwixxi għaż-żamma u t-titjib tal-kwalità ġenetika tal-bhejjem tal-Unjoni. Għalhekk ser tiddikjara l-għajnuna fis-settur tat-trobbija tal-bhejjem kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(446)

Din it-Taqsima tapplika għall-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja. Il-Kummissjoni mhijiex ser tawtorizza għajnuna mill-Istat għall-ispejjeż koperti minn din it-Taqsima favur intrapriżi kbar.

(447)

L-għajnuna għandha tiġi pprovduta in natura u ma għandhiex tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji.

L-ispejjeż eliġibbli

(448)

L-għajnuna tkopri t-twaqqif u ż-żamma ta’ kotba dwar il-merħliet kif ukoll it-testijiet imwettqa minn jew f’isem partijiet terzi, biex tiġi ddeterminata l-kwalità ġenetika jew ir-rendiment tal-bhejjem, bl-eċċezzjoni ta’ kontrolli mwettqa mis-sid tal-bhejjem u kontrolli ta’ rutina tal-kwalità tal-ħalib.

(449)

L-ispejjeż eliġibbli jinkludu:

(a)

l-ispejjeż amministrattivi li ġejjin tat-twaqqif u ż-żamma ta’ kotba dwar il-merħliet imsemmija fil-punt (448):

(i)

il-ġbir u l-amministrazzjoni tad-dejta dwar l-annimali, pereżempju l-oriġini ta’ annimal, id-data ta’ twelid tiegħu, id-data ta’ inseminazzjoni tiegħu, id-data tal-mewt tiegħu u r-raġunijiet għala seħħ dan, u evalwazzjoni ta’ espert, l-attwalizzazzjoni u l-ipproċessar tad-dejta meħtieġa għat-twaqqif u ż-żamma tal-kotba dwar il-merħliet;

(ii)

ix-xogħlijiet amministrattivi relatati mar-reġistazzjoni tad-dejta rilevanti dwar l-annimali fil-kotba tal-merħla;

(iii)

l-attwalizzazzjoni tas-softwer għall-ġestjoni tad-dejta fil-kotba tal-merħla;

(iv)

il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni online li tirrigwarda l-kotba tal-merħla u tad-dejta mill-kotba tal-merħla online; jew

(v)

spejjeż amministrattivi relatati oħra;

(b)

l-ispejjeż li ġejjin għat-testijiet biex tiġi ddeterminata l-kwalità ġenetika jew ir-rendiment tal-bhejjem imsemmija fil-punt(448):

(i)

l-ispejjeż tat-testijiet jew il-kontrolli;

(ii)

l-ispejjeż relatati għall-ġbir u l-evalwazzjoni tad-dejta rċevuta minn tali testijiet u kontrolli fir-rigward taż-żieda fis-saħħa tal-annimali u l-livell ta’ protezzjoni ambjentali;

(iii)

l-ispejjeż relatati għall-ġbir u l-evalwazzjoni tad-dejta rċevuta minn tali testijiet u l-kontrolli mmirati lejn il-valutazzjoni tal-kwalità ġenetika tal-annimali għall-implimentazzjoni ta' tekniki avvanzati ta’ tgħammir u għaż-żamma tad-diversità ġenetika; jew

(iv)

spejjeż relatati oħrajn.

L-intensità tal-għajnuna

(450)

L-għajnuna tista’ tiġi awtorizzata sa 100 % għall-finanzjament tal-ispejjeż amministrattivi tat-twaqqif u ż-żamma ta’ kotba dwar il-merħliet.

(451)

L-għajnuna ser tiġi awtorizzata sa 70 % għall-ispejjeż tat-testijiet imwettqa minn jew f’isem partijiet terzi, biex tiġi ddeterminata l-kwalità ġenetika jew ir-rendiment tal-bhejjem.

1.3.2.   Għajnuna għall-miżuri ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli

(452)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(453)

Din it-Taqsima tapplika għas-settur agrikolu kollu (78). Il-benefiċjarji tal-għajnuna għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, il-fieri kummerċjali jew l-esibizzjonijiet, imsemmija fil-punt (464)(a) iridu jkunu limitati għall-SMEs.

(454)

L-attività ta’ promozzjoni trid tkun maħsuba jew biex tinforma lill-pubbliku dwar il-karatteristiċi tal-prodotti agrikoli, bħal pereżempju bl-organizazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, bil-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali u l-attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi, bil-popolarizzazzjoni tal-għarfien xjentifiku, jew bil-pubblikazzjonijiet b’informazzjoni fattwali, jew inkella biex l-operaturi ekonomiċi jew il-konsumaturi jiġu mħeġġa jixtru l-prodott agrikolu kkonċernat permezz ta’ kampanji ta’ promozzjoni.

(455)

Il-kampanja ta' promozzjoni trid tkun iffokata fuq prodotti koperti bl-iskemi tal-kwalità msemmija fil-punt (282) jew irid ikollha karattru ġeneriku u ta' ġid għall-produtturi kollha tat-tip ta' prodott ikkonċernat.

(456)

Il-kampanja ta’ promozzjoni trid tkun konformi mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13/KE (79) u, fejn xieraq, mar-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar.

(457)

L-Istati Membri jridu jibagħtu kampjuni rappreżentattivi ta’ materjal ta’ promozzjoni meta jinnotifikaw għajnuna jew skema ta’ għajnuna għal kampanja ta’ promozzjoni. Jekk dak il-materjal ma jkunx disponibbli meta ssir in-notifika, għandu jsir impenn biex jiġi pprovdut fi stadju aktar tard u fi kwalunkwe każ qabel it-tnedija tal-kampanja ta’ promozzjoni.

(458)

Kampanji ta’ promozzjoni li jaqbżu l-livell limitu tan-notifika msemmi fil-punt (37)(b) iridu jiġu nnotifikati b’mod individwali.

(459)

Il-provvediment ta’ miżuri promozzjonali jista’ jittieħed minn gruppi ta’ produtturi jew organizzazzjonijiet oħra irrispettivament mid-daqs tagħhom. Meta l-miżura ta' promozzjoni ssir minn gruppi ta’ produtturi jew organizzazzjonijiet oħra, il-parteċipazzjoni ma għandhiex tkun soġġetta għal sħubija ta’ dawk il-gruppi jew organizzazzjonijiet filwaqt li kwalunkwe kontribuzzjoni fir-rigward tat-tariffi amministrattivi għall-grupp jew l-organizzazzjoni għandha tkun limitata għall-ispiża tal-għoti tal-miżura ta' promozzjoni.

(460)

L-għajnuna trid tingħata:

(a)

in natura; jew

(b)

abbażi ta’ rimborż tal-ispejjeż reali mġarrba mill-benefiċjarju.

(461)

B’deroga mill-punt (460), l-għajnuna għall-kampanji ta’ promozzjoni trid tingħata biss in natura permezz ta’ servizzi ssussidjati.

(462)

Meta l-għajnuna tingħata in natura l-għajnuna ma tistax tinkludi pagamenti diretti lill-benefiċjarji iżda trid titħallas lill-fornitur tal-miżuri promozzjonali.

(463)

L-għajnuna għal premji simboliċi msemmija fil-punt (464)(a)(v) tista’ titħallas biss lill-fornitur tal-miżuri ta’ promozzjoni jekk il-premju fil-fatt ingħata u mal-preżentazzjoni ta’ prova tal-għoti.

L-ispejjeż eliġibbli

(464)

L-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna għall-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli fi ħdan l-Unjoni huma dawn:

(a)

l-ispejjeż li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet, fieri kummerċjali u esibizzjonijiet, sakemm l-għajnuna hija aċċessibbli għal dawk kollha eliġibbli fil-qasam ikkonċernat, abbażi ta’ kundizzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv:

(i)

il-ħlasijiet tal-parteċipazzjoni;

(ii)

l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż għat-trasport ta’ annimali;

(iii)

l-ispejjeż ta’ pubblikazzjonijiet u websajts li jħabbru l-avveniment;

(iv)

il-kera ta’ bini u stands u l-ispejjeż għall-installazzjoni u ż-żarmar tagħhom;

(v)

il-premjijiet simboliċi sa valur ta’ EUR 1 000 għal kull premju u rebbieħ tal-kompetizzjoni;

(b)

l-ispejjeż tal-pubblikazzjonijiet f’mezzi stampati u elettroniċi, il-websajts u riklami f’mezzi elettroniċi, fuq ir-radju jew it-televixin, bil-għan li jippreżentaw informazzjoni fattwali dwar il-produtturi minn reġjun partikolari jew produtturi ta’ prodott partikolari, sakemm l-informazzjoni tkun newtrali u l-produtturi kollha jingħataw l-istess opportunità li jkunu rappreżentati fil-pubblikazzjoni;

(c)

l-ispejjeż għat-tixrid tal-għarfien xjentifiku u informazzjoni fattwali dwar:

(i)

l-iskemi tal-kwalità kif jissemma fil-punt (282) miftuħa għal prodotti agrikoli minn Stati Membri oħra u pajjiżi terzi;

(ii)

prodotti agrikoli ġeneriċi u l-benefiċċji nutrizzjonali tagħhom u l-użi ssuġġeriti għalihom;

(d)

l-ispejjeż għall-kampanji ta’ promozzjoni mmirati lejn il-konsumaturi organizzati fil-midja jew ħwienet għall-konsumaturi kif ukoll għall-materjal ta’ promozzjoni kollu li huwa distribwit direttament lill-konsumaturi.

Referenza għall-impriża, l-isem tad-ditta jew l-oriġini partikolari

(465)

L-attivitajiet ta’ promozzjoni msemmija fil-punt (464)(c) u l-kampanji ta' promozzjoni li jissemmew fil-punt (464)(d), u b’mod partikolari l-attivitajiet ta’ promozzjoni li huma ġeneriċi fin-natura tagħhom u għall-ġid tal-prodotturi kollha tat-tip ta’ prodott ikkonċernat, ma għandhomx isemmu xi impriża, marka kummerċjali jew oriġini partikolari. Il-kampanji ta’ promozzjoni, imsemmija fil-punt (464)(d) ma għandhomx ikunu assenjati għal prodotti ta’ kumpanija partikolari waħda jew aktar.

(466)

Madankollu, ir-restrizzjoni dwar ir-referenza għall-oriġini ma tapplikax għall-attivitajiet ta' promozzjoni u l-kampanji ta' promozzjoni imsemmija fil-punt (464)(c) u (d), li jiffukaw fuq prodotti koperti bl-iskemi tal-kwalità kif jissemma fil-punt (282), diment li jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

meta l-attività ta’ promozzjoni tiffoka fuq denominazzjonijiet rikonoxxuti mill-Unjoni, tista’ tirreferi għall-oriġini tal-prodotti, sakemm ir-referenza tikkorrispondi eżatt għal dik irreġistrata mill-Unjoni;

(b)

meta l-attività tkun tikkonċerna prodotti koperti bl-iskemi tal-kwalità li mhumiex skemi għal denominazzjonijiet rikonoxxuti mill-Unjoni, l-oriġini tal-prodotti tista’ tissemma’, sakemm tkun sekondarja fil-messaġġ. Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-referenza għall-oriġini hijiex sekondarja, il-Kummissjoni ser tqis l-ammont globali tat-test u/jew id-daqs tas-simbolu inklużi l-istampi kif ukoll il-preżentazzjoni ġenerali li tirreferi għall-oriġini meta mqabbla mat-test u/jew is-simbolu li jirreferi għall-element li l-aktar jolqot l-għajn, jiġifieri l-parti tal-promozzjoni li mhijiex iffokata fuq l-oriġini tar-prodott.

L-intensità tal-għajnuna

(467)

L-intensità tal-għajnuna għall-ispejjeż eliġibbli msemmija fil-punt (464)(a) sa (c), ser tkun sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(468)

L-intensità tal-għajnuna għall-kampanji ta’ promozzjoni li jiffukaw fuq prodotti koperti mill-iskemi tal-kwalità, kif jissemma fil-punt (464)(d) flimkien mal-punt (455), ma tistax taqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-kampanja. Jekk is-settur jikkontribwixxi tal-anqas 50 % tal-ispejjeż, tkun xi tkun il-forma tal-kontribuzzjoni, pereżempju taxxi speċjali, l-intensità tal-għajnuna tista’ tasal sa 100 % (80).

(469)

L-intensità tal-għajnuna għall-kampanji ta’ promozzjoni ġeneriċi, imsemmija fil-punt (464)(d) flimkien mal-punt (455), tista’ tkopri sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Promozzjoni f’pajjiżi terzi

(470)

Il-Kummissjoni ser tanalizza l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni f’pajjiżi terzi u tiddikjaraha bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk l-għajnuna tkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 3/2008. Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex ser tiddikjara bħala kompatibbli għajnuna mill-Istat għal promozzjoni li:

(a)

tingħata lil impriżi partikolari jew lil marki kummerċjali;

(b)

tirriskja li tipperikola l-bejgħ ta’ prodotti minn Stati Membri oħrajn jew tikkritikahom.

1.3.3.   Għajnuna lir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer minuri tal-Eġew

(471)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-ġżejjer minuri tal-Eġew kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(472)

Din it-Taqsima tapplika għas-settur agrikolu kollu (81).

(473)

Rigward ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, f’konformità mal-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) Nru 228/2013, l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat ma japplikawx fir-rigward tal-għajnuniet li ġejjin mogħtija minn Stati Membri skont dak ir-Regolament:

(a)

miżuri favur produzzjonijiet agrikoli lokali skont il-Kapitolu IV ta’ dak ir-Regolament;

(b)

għajnuniet mogħtija minn Franza lis-settur agrikolu taz-zokkor skont l-Artikolu 23(3) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

għajnuniet għall-programmi dwar is-saħħa tal-pjanti skont l-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament; u

(d)

għajnuniet mogħtija minn Spanja għall-produzzjoni tat-tabakk fil-Gżejjer Kanarji skont l-Artikolu 28 ta’ dak ir-Regolament.

(474)

Minbarra f’dawk il-każijiet, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-miżuri fir-rigward tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, bil-partikolarità li ġejja: l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 jistipula li l-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna operattiva fis-setturi tal-produzzjoni, l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I għat-Trattat, li fuqhom japplikaw l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat, bil-għan li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-biedja fir-reġjuni l-aktar imbiegħda minħabba l-iżolament, l-insularità u d-distanza kbira.

(475)

Rigward il-gżejjer minuri tal-Eġew, b’konformità mal-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013, l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat ma japplikawx għal pagamenti li jsiru skont il-Kapitoli III u IV ta’ dak ir-Regolament mill-Greċja b’konformità ma’ dak ir-Regolament.

(476)

Ħlief f’dawk il-każijiet, l-għajnuna mill-Istat ma tapplikax għal miżuri fir-rigward tal-gżejjer minuri tal-Eġew, bil-partikolarità li ġejja: l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna operattiva fis-setturi tal-produzzjoni, l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tat-Trattat, li fuqhom japplikaw l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat, bil-għan li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-biedja fil-gżejjer minuri tal-Eġew bħala riżultat tal-insularità, iċ-ċokon, it-terren muntanjuż u l-klima, id-dipendenza ekonomika tagħhom fuq għadd żgħir ta’ prodotti u d-distanza tagħhom mis-swieq.

L-ispejjeż eliġibbli

(477)

L-ispejjeż addizzjonali tat-trasport ta’ prodotti agrikoli li ġew prodotti fir-reġjuni ultraperiferiċi u fil-gżejjer minuri tal-Eġew huma eliġibbli għal kumpens skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-benefiċjarji għandhom l-attività tal-produzzjoni tagħhom fir-reġjuni ultraperiferiċi jew fil-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew;

(b)

l-għajnuna hija oġġettivament kwantifikabbli bil-quddiem fuq il-bażi ta’ somma fissa jew proporzjon għal kull tunnellata jew kilometru jew għal xi unità relevanti oħra;

(c)

l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport huma kkalkolati fuq il-bażi tal-vjaġġ tal-prodotti ġewwa l-fruntiera nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat billi jintużaw l-mezzi ta’ trasport li jirriżultaw fl-inqas spejjeż għall-benefiċjarju, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż esterni għall-ambjent;

(d)

għar-reġjuni ultraperiferiċi, l-ispejjeż addizzjonali eliġibbli tat-trasport jistgħu jinkludu l-ispejjeż tat-trasport ta’ prodotti agrikoli mill-post tal-produzzjoni tagħhom lejn postijiet fiż-żoni ultraperiferiċi fejn ikomplu jiġu pproċessati.

(478)

Il-Kummissjoni ser teżamina l-proposti biex tagħti għajnuna mill-Istat għal spejeż oħrajn minbarra spejjeż addizzjonali tat-trasport li hija mfassla sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer minuri tal-Eġew fuq bażi ta’ każ b’każ, fuq il-bażi tal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni u d-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li japplikaw għal dawk ir-reġjuni, u, jekk tkun applikabbli, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mal-programmi tal-iżvilupp rurali għar-reġjuni kkonċernati, u l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni kemm fir-reġjuni kkonċernati kif ukoll f’partijiet oħrajn tal-Unjoni.

1.3.4.   Għajnuna għal konsolidazzjoni tal-art agrikola

(479)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art agrikola kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

L-ispejjeż eliġibbli

(480)

L-ispejjeż eliġibbli jridu jkunu limitati għall-ispejjeż legali, amministrattivi u ta’ stħarriġ tal-konsolidazzjoni tal-art.

L-intensità tal-għajnuna

(481)

L-intensità tal-għajnuna trid tkun sa 100 % tal-ispejjeż reali mġarrba.

1.3.5.   Għajuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà

(482)

L-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà fis-settur agrikolu se tiġi vvalutata skont il-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà, kif emendati jew mibdula (82).

(483)

Madankollu, fir-rigward tal-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja japplikaw l-eċċezzjonijiet li ġejjin:

(a)

b'deroga mill-punt 79 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà, il-Kummissjoni tista' teżenta wkoll għajnuna għall-SMEs min-notifika individwali jekk l-SME kkonċernata ma tkunx tissodisfa ebda kriterju minn dawk stabbiliti fil-punt 10 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà.

(b)

il-prinċipju li l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar għandha tingħata darba biss japplika wkoll għas-settur tal-produzzjoni agrikola primarja; madankollu, minflok perjodu ta' 10 snin, kif stabbilit fit-Taqsima 3.3 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà, se japplika perjodu ta' ħames snin.

1.3.6.   Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu

(484)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(485)

Din it-Taqsima tapplika għas-settur agrikolu kollu (83).

(486)

Il-proġett megħjun irid ikun ta’ interess għall-impriżi kollha fis-settur partikolari jew fis-sottosettur ikkonċernat.

(487)

Qabel id-data tal-bidu tal-proġett megħjun, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fuq l-internet:

(a)

li l-proġett megħjun jitwettaq;

(b)

l-għanijiet tal-proġett megħjun;

(c)

data approssimattiva tal-pubblikazzjoni tar-riżultati mistennija mill-proġett megħjun;

(d)

il-post tal-pubblikazzjoni fuq l-internet tar-riżultati mistennija mill-proġett megħjun fuq l-internet;

(e)

referenza li r-riżultati huma disponibbli għall-impriżi kollha attivi fis-settur agrikolu partikolari jew is-sottosettur ikkonċernat mingħajr ebda spiża.

(488)

Ir-riżultat tal-proġett megħjun għandu jkun disponibbli fuq l-internet mid-data ta' tmiem il-proġett megħjun jew mid-data meta tingħata xi informazzjoni dwar dawk ir-riżultati lill-membri ta' xi organizzazzjoni partikolari, skont liema data tiġi l-ewwel. Ir-riżultati għandhom jibqgħu disponibbli fuq l-internet għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin mid-data tat-tmiem tal-proġett megħjun;

(489)

L-għajnuna trid tingħata direttament lill-organizzazzjoni tar-riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien. Il-miżura ma tridx tinvolvi l-għoti tal-għajnuna bbażata fuq il-prezz tal-prodotti agrikoli għall-impriżi attivi fis-settur agrikolu.

L-ispejjeż eliġibbli

(490)

L-ispejjeż eliġibbli jinkludu dan li ġej:

(a)

spejjeż tal-persunal relatati mar-riċerkaturi, mat-tekniki u persunal ieħor ta' sostenn safejn dawn huma impjegati fuq il-proġett;

(b)

l-ispejjeż tal-istrumenti u t-tagħmir sal-punt u għall-perjodu użat għall-proġett. Jekk dawn l-istrumenti u t-tagħmir ma jintużawx tul ħajjithom kollha fil-proġett, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta’ deprezzament li jikkorrispondu għall-ħajja tal-proġett, kif kalkolati abbażi ta’ prassi tajba tal-kontabbiltà;

(c)

l-ispejjeż tal-bini u l-art sal-punt u għall-perjodu użat għall-proġett. Fir-rigward tal-bini, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli biss dawk l-ispejjeż tad-deprezzament li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett, kif ikkalkolati abbażi ta' prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati. Għall-artijiet, huma eliġibbli l-ispejjeż tat-trasferiment kummerċjali jew l-ispejjeż tal-kapital realment imġarrba;

(d)

l-ispejjeż tar-riċerka kuntrattwali, l-għarfien u privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b’kundizzjonijiet distakkati, kif ukoll l-ispejjeż tal-konsulenzi u s-servizzi ekwivalenti użati esklussivament għall-proġett;

(e)

spejjeż ġenerali addizzjonali u spejjeż operattivi oħrajn, inklużi spejjeż ta’ materjali, provvisti u prodotti simili, imġarrbin direttament minħabba l-proġett.

L-intensità tal-għajnuna

(491)

L-intensità tal-għajnuna trid tkun sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(492)

L-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, se tiġi vvalutata skont il-Qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, kif emendat jew mibdul (84).

Kapitolu 2. Għajnuna għas-settur tal-forestrija li mhijiex kofinanzjata mill-FAEŻR, mogħtija bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għal tali miżuri kofinanzjati jew mogħtija bħala għajnuna mill-Istat biss

(493)

Is-settur tal-forestrija mhux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat u l-Anness I tiegħu. L-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat japplikaw għal għajnuna li jagħtu l-Istati Membru lis-settur tal-forestrija. Minkejja l-fatt li l-produzzjoni ta’ sufra naturali, mhux maħduma, mgħaffġa, granulata jew mitħuna, skart tas-sufra (intestatura NM 4501) u l-produzzjoni tal-castanea/qastan (kodiċi NM 0802 41 00) taqa’ taħt l-Anness I tat-Trattat, l-għajnuna kollha għall-attivitajiet ta’ forestrija relatati ma’ dawk is-siġar tista’ taqa’ taħt dan il-Kapitolu tal-Linji Gwida.

(494)

Skont l-għan tal-Unjoni fil-Premessa 20, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1305/2013, l-użu tal-għajnuna għal art sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-klima jinkludi żvilupp ta’ żoni ta’ foresti u ġestjoni sostenibbli ta’ foresti. Dawn il-Linji Gwida għandhom l-għan li jiżguraw koerenza mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u l-atti ta' implimentazzjoni u delegati tiegħu, u mal-prinċipji ġenerali tal-għajnuna mill-Istat. Dawn il-prinċipji jolqtu l-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet tal-għajnuna skont dawn il-Linji Gwida.

(495)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 ta’ dawn il-Linji Gwida huma mingħajr ħsara għall-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għas-settur tal-forestrija skont ir-regoli tal-Unjoni komuni jew għas-setturi kollha jew għall-kummerċ u l-industrija, kif jissemma fil-punt (34) ta’ dawn il-Linji Gwida. L-għajnuna għal inevstimenti fl-iffrankar tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida peress li t-tali għajnuna għandha tikkonforma mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u l-enerġija tal-2014-2020, sakemm din ma tkunx eżentata mill-obbligu ta’ notifika. Madankollu, skont l-Artikolu 5(5)(c), l-Artikolu 21(1)(e) u l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, dawn il-Linji Gwida jkopru investimenti relatati mal-użu ta’ injam bħala materja prima jew sors tal-enerġija, li huwa limitat għall-operazzjonijiet ta’ ħidma kollha qabel l-ipproċessar industrijali. Dawn il-Linji Gwida ma japplikawx għal industriji bbażati fuq il-foresti.

(496)

Skont dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni ser tiddikjara l-għajnuna mill-Istat għas-settur tal-forestrija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk l-għajnuna tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet 2.1 sa 2.9 ta’ hawn taħt.

(497)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu jkopri l-għajnuna għas-settur tal-foresti kif stipulat fil-punt (23)(b) ta’ dawn il-Linji Gwida.

(498)

L-istruttura tas-sjieda u l-ġestjoni tal-foresti madwar l-Unjoni huma varjati. L-Artikoli 22 sa 26 u l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jistabbilixxu restrizzjonijiet speċifiċi rigward il-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna ta’ miżuri kkofinanzjati mill-FAEŻR fis-settur tal-forestrija. Għall-miżuri tal-forestrija li jkunu parti minn programm tal-iżvilupp rurali li jgawdi appoġġ mill-FAEŻR, japplikaw ir-restrizzjonijiet għall-kamp ta' applikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, ħlief għall-foresti tropikali u subtropikali u għall-imsaġar tat-territorji tal-Azores, ta' Madeira, il-Gżejjer Kanarji, il-gżejjer minuri tal-Eġew skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 u tad-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tat-Taqsimiet 2.1.1 sa 2.1.5 tal-Parti II ta' dawn il-Linji Gwida. Sabiex jikkomplimentaw il-politika tal-UE dwar l-iżvilupp rurali, ir-restrizzjonijiet rigward il-benefiċjarji potenzjali la japplikaw għall-miżuri tal-iżvilupp rurali bħall-forestrija, li huma ffinanzjati b’mod esklussiv minn riżorsi nazzjonali u anqas ma japplikaw għall-miżuri speċifiċi tal-għajnuna tat-Taqsima 2.8 u tat-Taqsima 2.9 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida. Madankollu, fir-rigward tal-investimenti fit-teknoloġija tal-forestrija u fl-ipproċessar, il-mobilizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-foresta u l-bidu ta' grupp tal-produtturi kif jissemma fit-Taqsima 2.1.5 u tat-Taqsima 2.7, rispettivament il-limitazzjonijiet dwar id-daqs tal-benefiċarji eliġibbli għandhom dejjem japplikaw skont l-Artikolu 26 u l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

2.1.   Investimenti fl-iżvilupp taż-żona tal-foresti u titjib tal-vijabbiltà tal-foresti

(499)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-investimenti fl-iżvilupp taż-żona tal-foresti u t-titjib tal-vijabbiltà tal-foresti kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(500)

Din it-Taqsima tikkonċerna għajnuna għall-afforestazzjoni u l-ħolqien ta’ msaġar; it-twaqqif ta’ sistemi tal-agroforestrija, il-prevenzjoni u l-irkupru mill-ħsara lill-foresti minn nirien fil-foresti, diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi, avvenimenti katastrofiċi, avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima, tifqigħat tal-pesti u tal-mard, l-investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali kif ukoll il-potenzjal ta’ mitigazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti u l-investimenti fit-tekonoloġiji tal-forestija u fl-ipproċessar, fil-mobilizzazzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-foresti.

(501)

L-istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 tat-03 ta’ Mejju 2011 (85) tħeġġeġ it-twaqqif ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-forestrija, fejn huwa disponibbli l-finanzjament tal-Unjoni. Għalhekk kull meta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jeħtieġ hekk għal miżura speċifika tal-forestrija li tagħmel parti minn programm ta’ żvilupp rurali, għal azjendi li jaqbżu ċertu daqs li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom jew mod ieħor, l-għajnuna għandha trid tiddependi fuq il-preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti minn pjan għall-ġestjoni tal-foresti jew strument ekwivalenti b’mod konformi mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti kif iddefinit fil-Konferenza Ministerjali dwar il-protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa tal-1993 (86) (“ġestjoni sostenibbli tal-foresti”). Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal għajnuna tal-forestrija skont dawn il-Linji Gwida li hija ffinanzjata esklussivament mill-baġit nazzjonali.

L-ispejjeż eliġibbli

(502)

Il-kapital tax-xogħol m'għandux jitqies bħala spiża eliġibbli għall-investimenti fis-settur tal-forestrija. Dawn l-ispejjeż eliġibbli komuni għall-investimenti huma stabbiliti fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(a)

il-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-lokazzjoni, jew it-titjib tal-proprjetà immobbli, bl-art mixtrija eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx l-10 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata; F’każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati kif xieraq, il-limitu jista’ jiżdied għal iktar mill-perċentwal għall-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni ambjentali;

(b)

ix-xiri jew ix-xiri bin-nifs ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

(c)

spejjeż ġenerali relatati man-nefqa msemmija fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk ta’ konsultazzjoni, tariffi li għandhom x’jaqsmu ma’ konsulenza dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji tal-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà jibqgħu nefqa eliġibbli anki fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ma tkun saret ebda nefqa skont il-punti (a) u (b);

(d)

l-akkwist jew l-iżvilupp ta’ softwer tal-kompjuter u l-akkwisti ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u marki kummerċjali;

(e)

l-ispejjeż tal-istabbiliment tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti u l-istrumenti ekwivalenti tagħhom;

(f)

spejjeż oħra marbuta mal-kuntratti ta’ lokazzjoni, bħall-marġni tal-lokatur, l-ispejjeż ta’ rifinanzjament tal-interessi, l-ispejjeż ġenerali u l-imposti tal-assigurazzjoni ma jistgħux ikunu spejjeż eliġibbli.

(503)

Barra minn hekk, l-għanijiet u l-għamla tal-miżuri tal-forestrija previsti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiddeterminaw liema operazzjonijiet, inklużi interventi ta’ darba, jistgħu jkunu eliġibbli għal għajnuna. Għal konsistenza mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-ispejjeż eliġibbli tal-miżuri tal-forestrija skont dawn il-Linji Gwida huma konsistenti mal-ispejjeż eliġibbli rilevanti għall-miżura speċifika tal-forestrija fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

2.1.1.   Għajnuna għall-afforestazzjoni u l-ħolqien ta’ msaġar

(504)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-afforestazzjoni u l-ħolqien ta’ msaġar kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna

(505)

Tista’ tingħata għajnuna għall-ispejjeż ta’ stabbiliment u l-primjum annwali lill-proprjetarji ta’ artijiet pubbliċi u privati u l-assoċjazzjonijiet tagħhom.

(506)

L-għajnuna għall-afforestazzjoni tal-art tal-awtoritajiet pubbliċi jew għal siġar li jikbru maljar tkopri biss l-ispejjeż ta’ stabbiliment. Fil-każ ta’ art tal-Istat, tista’ tingħata għajnuna jekk il-korp li jimmaniġġja tali art ikun korp privat jew muniċipalità.

L-ispejjeż eliġibbli

(507)

L-għajnuna tkopri l-ispejjeż ta’ stabbiliment ta’ żona ta' foresta jew masġar fuq art agrikola u mhux agrikola. L-għajnuna fil-forma ta’ primjum annwali għal kull ettaru tista’ tingħata wkoll sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tad-dħul agrikolu mitluf u ta’ żamma, inkluż tindif bikri u tard, għal perjodu massimu ta’ tnax-il sena.

(508)

Ma tistax tingħata għajnuna għat-tħawwil ta' siġar għal imsaġar ta' newba qasira, siġar tal-Milied jew siġar li jikbru malajr għall-produzzjoni tal-enerġija. Speċijiet imħawla jridu jkunu adattati għall-kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi taż-żona u jkunu konformi ma’ rekwiżiti ambjentali minimi.

(509)

Fil-kuntest tal-afforestazzjoni u l-ħolqien tal-imsaġar japplikaw ir-rekwiżiti ambjentali minimi li ġejjin:

(a)

l-għażla tal-ispeċijiet li għandhom jitħawlu, taż-żoni u tal-metodi li għandhom jintużaw trid tevita l-afforestazzjoni mhux xierqa ta’ ħabitats sensittivi bħalma huma l-artijiet tal-pit u l-artijiet mistagħdra u l-effetti negattivi fuq żoni ta’ valur ekoloġiku għoli inklużi żoni b’biedja ta’ valur naturali għoli. Fis-siti indikati bħala ta’ Natura 2000 skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (87) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (88) trid tiġi permessa biss afforestazzjoni konsistenti mal-għanijiet tal-ġestjoni tas-siti kkonċernati u miftiehma mal-awtorità tal-Istat Membru responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ Natura 2000;

(b)

l-għażla tal-ispeċijiet, il-varjetajiet, l-ekotipi u l-provenjenzi tas-siġar trid tqis il-ħtieġa għar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u għal diżastri naturali u l-kundizzjoni pedoloġika u idroloġika taż-żona kkonċernata, kif ukoll il-karattru invażiv potenzjali tal-ispeċi fil-kundizzjonijiet lokali kif definiti mill-Istati membri. Il-benefiċjarju irid jintrabat li jipproteġi u jieħu ħsieb il-foresti tal-anqas matul il-perjodu li għalih jitħallas il-primjum għad-dħul agrikolu mitluf u ż-żamma. Dan irid jinkludi l-indukrar, iż-żbir jew ir-ragħa, kif xieraq, fl-interess tal-iżvilupp tal-foresta fil-futur u r-regolazzjoni tal-kompetizzjoni b’veġetazzjoni erbaċea u l-evitar tal-akkumulazzjoni ta’ materjal li jikber minn taħt suxxettibbli għan-nar. Fir-rigward tal-ispeċijiet li jikbru malajr, l-Istati Membri jridu jiddefinixxu ż-żmien minimu u massimu qabel il-qtugħ. Iż-żmien minimu ma jistax ikun anqas minn tmien snin u ż-żmien massimu ma jistax jaqbeż l-20 sena;

(c)

f'każijiet fejn, minħabba kundizzjonijiet ambjentali jew klimatiċi diffiċli, inklużi d-degradazzjoni ambjentali, it-tħawwil ta’ speċijiet imsaġġra perenni ma jistax ikun mistenni li jwassal għall-istabbiliment ta’ kopertura ta’ foresta kif iddefinit skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-Istat Membru jista’ jippermetti lill-benefiċjarju jistabbilixxi kopertura ta’ veġetazzjoni ta’ siġar oħra. Il-benefiċjarju jrid jipprovdi l-istess livell ta’ attenzjoni u protezzjoni kif applikabbli għall-foresti;

(d)

fil-każ ta’ operazzjonijiet tal-afforestazzjoni li jwasslu biex il-foresti jikbru aktar minn ċertu limitu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, l-operazzjoni trid tikkonsisti minn:

(i)

it-tħawwil esklussiv ta’ speċijiet u/jew speċijiet reżiljenti għat-tibdil fil-klima fiż-żona bijoġeografika kkonċernata, li permezz ta’ valutazzjoni tal-impatti, ma jidhrux li huma ta’ theddida għall-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi, jew li għandhom impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem; jew

(ii)

taħlita ta' speċijiet ta' siġar li tinkludi jew tal-anqas 10 % tas-siġar b’weraq wesgħin fiż-żona, jew minimu ta’ tliet speċijiet ta’ siġar jew varjetajiet, bl-anqas waħda komuni minnhom li tieħu tal-anqas 10 % taż-żona.

(510)

Fiż-żoni fejn l-afforestazzjoni hija diffiċli minħabba kundizzjonijiet pedoklimatiċi serji, tista’ tingħata għajnuna għat-tħawwil ta’ speċijiet oħra tal-injam perenni bħal arbuxelli jew siġar baxxi adattati għall-kundizzjonijiet lokali.

(511)

In-notifika lill-Kummissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tajba li turi l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-punt (509) ta’ hawn fuq u l-ġustifikazzjonijiet fejn tapplika kwalunkwe deroga.

L-intensità tal-għajnuna

(512)

L-għajnuna tista’ tingħata sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

2.1.2.   Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti sistemi tal-agroforestrija

(513)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti sistemi tal-agroforestija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(514)

L-għajnuna tista’ tingħata għat-twaqqif tas-sistemi tal-użu tal-art li fihom is-siġar jitkabbru flimkien ma’ agrikoltura fuq l-istess art kif iddefinit fil-punt (35)65. ta’ dawn il-Linji Gwida.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna

(515)

L-għajnuna tista’ tingħata lill-proprjetarji ta’ artijiet privati, muniċipalitajiet u l-assoċjazzjonijiet tagħhom.

L-ispejjeż eliġibbli

(516)

L-għajnuna tkopri l-ispejjeż tal-istabbiliment u jista’ jingħata primjum annwali għal kull ettaru biex ikopri l-ispejjeż ta’ manutenzjoni għal perjodu massimu ta’ ħames snin.

(517)

L-Istati Membri jridu jistabbilixxu n-numru massimu u minimu ta’ siġar għal kull ettaru, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet pedoklimatiċi u ambjentali lokali, l-ispeċijiet tal-forestrija u l-ħtieġa li jiġi żgurat użu agrikolu sostenibbli tal-art.

L-intensità tal-għajnuna

(518)

L-għajnuna tista’ tkun limitata għal massimu ta’ 80 % tal-ammont tal-ispejjeż ta’ investiment eliġibbli għat-twaqqif ta’ sistemi tal-agroforestrija, u sa 100 % tal-ammont tal-primjum annwali.

2.1.3.   Għajnuna għall-prevenzjoni u l-irkurpru mill-ħsara lill-foresti minħabba nirien, diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jitqabblu ma' diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi oħra, pesti tal-pjanti u avvenimenti katastrofiċi

(519)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-prevenzjoni u għall-irkupru mill-ħsara lill-foresti minħabba nirien, diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jitqabblu ma' diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi oħra, pesti tal-pjanti, avvenimenti katastrofiċi u avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) jew, kif jaf ikun il-każ, l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk din tkun konformi mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjoniijiet li ġejjin.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna

(520)

Tista’ tingħata għajnuna lill-proprjetarji ta’ foresti privati u pubbliċi u korpi privati u pubbliċi oħra u l-assoċjazzjonijiet tagħhom.

L-ispejjeż eliġibbli

(521)

L-għajnuna tkopri l-ispejjeż għal:

(a)

il-bini ta’ infrastruttura protettiva; fil-każ li jfaqqgħu nirien l-l-għajnuna tista’ tkopri wkoll għajnuna li tikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ manutenzjoni; ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna għal attivitajiet relatati mal-agrikoltura fiż-żoni koperti minn impenji agroambjentali klimatiċi;

(b)

attivitajiet lokali ta’ prevenzjoni fuq skala żgħira kontra n-nirien, jew perikli oħra naturali, inkluż l-użu ta’ annimali li jirgħu;

(c)

l-istabbiliment u titjib ta’ faċilitajiet għall-monitoraġġ tan-nirien fil-foresti, tal-pesti u ta' mard u tat-tagħmir ta’ komunikazzjoni;

(d)

l-irkupru tal-potenzjal tal-foresti li sofrew ħsara minħabba nirien, diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jitqabblu ma' diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi oħra, pesti tal-pjanti, avvenimenti katastrofiċi u avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima.

(522)

Fil-każ tal-irkupru tal-potenzjal tal-foresti, li jissemma fil-punt (521)(d), l-għajnuna trid tkun soġġetta għar-rikonoxximent formali mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti tal-Istati Membri li l-avveniment imsemmi fuq ikun seħħ, u li jew dak l-avveniment, jew il-miżuri adottati skont id-Direttiva 2000/29/KE biex jiġu miġġielda, eradikati jew ikkontrollati l-organiżmi dannużi, ikkawżaw il-qerda ta’ mill-anqas 20 % tal-potenzjal tal-foresti rilevanti.

(523)

Fil-każ ta’ għajnuna għall-prevenzjoni ta’ ħsara f'foresta minn pesti tal-pjanti, ir-riskju tal-okkorrenza tal-pesta tal-pjanti għandu jkun appoġġat b’evidenza xjentifika u rikonoxxut minn organizzazzjoni xjentifika pubblika. Meta rilevanti, man-notifika trid tingħata l-lista ta’ organiżmi dannużi li jistgħu jikkawżaw pest tal-pjanti.

(524)

Operazzjonijiet eliġibbli jridu jkunu konsistenti mal-pjan ta’ protezzjoni tal-foresti stabbilit mill-Istati Membri. Għal dak li jirrigwarda azjendi li jaqbżu ċertu daqs li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri fil-programm ta’ żvilupp rurali, meta l-miżura tkun konfinanzjata mill-FAEŻR, l-għajnuna trid tkun tiddependi fuq il-preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti minn pjan għall-ġestjoni tal-foresti jew strument ekwivalenti b’mod konformi mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti kif definit fil-Konferenza Ministerjali dwar il-protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa tal-1993, li tindika l-għanijiet preventivi.

(525)

Iż-żoni tal-foresti eliġibbli għall-għajnuna relatata mal-prevenzjoni tan-nar huma dawk biss li jiġu klassifikati li għandhom riskju medju sa riskju għoli ta' nirien skont il-pjan ta’ protezzjoni tal-foresti stabbilit mill-Istat Membru.

(526)

M'għandiex tingħata għajnuna għat-telf ta' dħul ikkawżat min-nirien, diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jitqabblu ma' diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi oħra, pesti tal-pjanti, avvenimenti katastrofiċi u avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima.

L-intensità tal-għajnuna

(527)

L-għajnuna tista’ tingħata sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(528)

Għajnuna mogħtija għall-ispejjeż eliġibbli kif imsemmi fil-punt (521)(d) u kull pagament ieħor riċevut mill-benefiċjarju, inklużi pagamenti skont miżuri nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn jew poloz tal-assigurazzjoni għall-istess spejjeż eliġibbli, huma limitati għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

2.1.4.   Għajnuna għall-investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti

(529)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna

(530)

Tista’ tingħata għajnuna lil persuni fiżiċi, proprjetarji ta’ foresti privati u pubbliċi u korpi legali privati u dawk pubbliċi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom.

L-ispejjeż eliġibbli

(531)

L-investimenti għandhom ikunu mmirati għall-kisba tal-impenji għal għanijiet ambjentali għall-provvista ta’ servizzi tal-ekosistemi u/jew għat-tisħiħ tal-valur ta’ kumditajiet pubbliċi tal-foresti u l-imsaġar fiż-żona kkonċernata jew għat-titjib tal-potenzjal ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tal-ekosistemi, mingħajr l-esklużjoni tal-benefiċċji ekonomiċi fuq perjodu ta’ żmien twil.

L-intensità tal-għajnuna

(532)

L-għajnuna tista’ tingħata sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

2.1.5.   Għajnuna għall-investimenti fit-teknoloġiji tal-forestrija u fl-ipproċessar, il-mobilizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-foresti

(533)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-investimenti li jsaħħu l-potenzjal tal-forestrija jew li huma marbutin mal-ipproċessar, il-mobilizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni li jżidu l-valur tal-prodotti tal-foresti kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(534)

L-Istati Membri jridu jeżiġu konformità mal-istandards minimi għall-effiċjenza enerġetika għall-investimenti appoġġati f’infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli li jikkunsmaw jew jipproduċu l-enerġija, fejn tali standards jeżistu fil-livell nazzjonali.

(535)

L-investimenti fl-installazzjonijiet, li l-għan primarju tagħhom huwa l-produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa, ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-għajnuna sakemm ma jiġix utilizzat perċentwal minimu ta’ enerġija, li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

(536)

L-għajnuna għall-proġetti tal-bijoenerġija għandha tkun limitata għall-bijoenerġija li tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkluż l-Artikolu 17(2) sa (6) tad-Direttva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna

(537)

Tista’ tingħata għajnuna lill-proprjetarji ta’ foresti privati, muniċipalitajiet u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u lill-SMEs għal investimenti. Fit-territoriji tal-Ażores, ta' Madeira, il-gżejjer Kanarji, il-gżejjer minuri tal-Eġew fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 201D/93 u d-dipartimenti tal-għajnuna barranin Franċiżi. Tista’ tingħata wkoll għajnuna lil impriżi li mhumiex SMEs.

L-ispejjeż eliġibbli

(538)

L-għajnuna tista’ tingħata għall-investimenti li jtejbu l-potenzjal tal-forestrija jew li jkunu relatati mal-ipproċessar, il-mobilizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni li jżidu l-valur tal-prodotti tal-foresti.

(539)

L-investimenti marbuta mat-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti jridu jkunu ġustifikati fir-rigward tat-titjib mistenni għall-foresti fuq azjenda waħda jew aktar u jistgħu jinkludu investimenti għal makkinarju u prattiki tal-ħsad li ma jagħmlux ħsara lill-ħamrija u li ma jagħmlux ħsara lir-riżorsi.

(540)

L-investimenti marbuta mal-produzzjoni u l-użu tal-injam bħala materja prima jew sors tal-enerġija jridu jkunu limitati għall-operazzjonijiet ta’ ħidma kollha qabel l-ipproċessar industrijali.

L-intensità tal-għajnuna

(541)

L-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż:

(a)

75 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

(b)

75 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli fil-gżejjer minuri tal-Eġew;

(c)

50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli f'reġjuni anqas żviluppati u fir-reġjuni kollha li l-PDG per capita tagħhom għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007sal-31 ta' Diċembru 2013 kien inqas minn 75 % tal-medja tal-UE-25 għall-perjodu ta' referenza iżda li l-PDG per capita tagħhom kien aktar minn 75 % tal-medja tal-PDG tal-UE-27;

(d)

40 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli f’reġjuni oħrajn.

2.1.6.   Għajnuna għal investimenti fl-infrastruttura relatata mal-iżvilupp, l-immodernizzar jew l-adattament tal-forestrija

(542)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-investimenti fl-infrastruttura relatati mal-iżvilupp, l-immodernizzar jew l-adattament tal-forestrija kompatabbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

L-ispejjeż eliġibbli

(543)

L-għajnuna tkopri l-investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli li jikkonċernaw infrastruttura marbuta mal-iżvilupp, l-immodernizzar jew l-adattament tal-foresti, inkluż l-aċċess għall-art tal-foresti, il-konsolidazzjoni u t-titjib tal-art, u l-provvista u l-iffrankar tal-enerġija u l-ilma.

L-intensità tal-għajnuna

(544)

Fil-każ ta’ investimenti mhux produttivi, investimenti bl-għan esklussiv li jtejbu l-valur ambjentali tal-foresti u investimenti għal toroq fil-foresti, li huma miftuħin għall-pubbliku b’xejn u li jaqdu l-aspetti multifunzjonali tal-foresta, l-intensità tal-għajnuna hija limitata għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(545)

Fil-każ ta’ investimenti li jtejbu l-potenzjal ekonomiku fi żmien qasir jew fit-tul tal-foresti, l-intensità tal-għajnuna trid tkun limitata għal:

(a)

75 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

(b)

75 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli fil-gżejjer minuri tal-Eġew;

(c)

50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli f'reġjuni anqas żviluppati u fir-reġjuni kollha li l-PDG per capita tagħhom għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007sal-31 ta' Diċembru 2013 kien inqas minn 75 % tal-medja tal-UE-25 għall-perjodu ta' referenza iżda li l-PDG per capita tagħhom kien aktar minn 75 % tal-medja tal-PDG tal-UE-27;

(d)

40 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli f’reġjuni oħrajn.

2.2.   Għajnuna għal żvantaġġi relatati maż-żoni tal-foresta ta’ Natura 2000

(546)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna mill-Istat relatata ma’ Natura 2000 f’żoni tal-foresta kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna

(547)

Tista’ tingħata għajnuna lill-proprjetarji ta’ foresti privati u l-assoċjazzjonijiet ta’ propjetarji ta’ foresti privati.

L-ispejjeż eliġibbli

(548)

L-għajnuna skont din il-miżura trid tingħata kull sena u għal kull ettaru ta’ foresta sabiex tikkumpensa l-benefiċjarji għal spejjeż addizzjonali mġarrba u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-iżvantaġġi fiż-żoni kkonċernati, marbuta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar.

(549)

Iż-żoni li ġejjin jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

iż-żoni tal-foresti ta’ Natura 2000 magħżula skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar;

(b)

żoni delimitati oħrajn ta’ ħarsien tan-natura b’restrizzjonijiet ambjentali applikabbli għall-foresti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats; diment li, meta l-miżura tkun ikkofinanzjata mill-FAEŻR bħala miżura ta’ żvilupp rurali, għal kull programm ta' żvilupp rurali, dawk iż-żoni ma jaqbżux il-5 % taż-żoni identifikati ta’ Natura 2000 koperti bl-ambitu territorjali tiegħu; għal miżuri ta’ għajnuna ffinanzjati esklussivament mill-fondi nazzjonali, din ir-restrizzjoni territorjali tal-aħħar ma tapplikax.

L-ammont tal-għajnuna

(550)

L-għajnuna trid tkun limitata għall-ammonti massimi li ġejjin: EUR 500 għal kull ettaru fis-sena fil-perjodu tal-bidu li ma jaqbiżx il-ħames snin u EUR 200 għal kull ettaru fis-sena minn hemm ’il quddiem. Dawn l-ammonti massimi jistgħu jiżdiedu f’każijiet sostanzjati kif xieraq filwaqt li jitqiesu ċirkostanzi speċifiċi li għandhom jiġu ġġustifikati fil-programmi ta’ żvilupp rurali jew b’xi mod ieħor, jekk il-miżura tkun iffinanzjata esklussivament minn fondi nazzjonali.

2.3.   Għajnuna għas-servizzi tal-ambjent u l-klima tal-foresti u l-konservazzjoni tal-foresti

(551)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għas-servizzi tal-ambjent u l-klima tal-foresti u l-konservazzjoni tal-foresti kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(552)

L-għajnuna skont din il-miżura trid tingħata għal kull ettaru ta’ foresta. Għal dak li jirrigwarda l-azjendi tal-foresti li jaqbżu ċertu daqs li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri fil-programm ta’ żvilupp rurali tagħhom, l-għajnuna trid tkun tiddependi fuq il-preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti minn pjan għall-ġestjoni tal-foresti jew strument ekwivalenti b’mod konformi mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti kif iddefinit fil-Konferenza Ministerjali dwar il-protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa tal-1993.

(553)

L-għajnuna tkopri impenn jew impenji volontarji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji rilevanti stabbiliti mill-att dwar il-forestrija nazzjonali jew leġiżlazzjoni nazzjonali oħra rilevanti. Fil-każ ta’ FAEŻR kofinanzjat minn miżura ta’ żvilupp rurali, ir-rekwiżit obbligatorju rilevanti għandu jkun identifikat u deskritt biċ-ċar fil-programm ta’ żvilupp rurali. Fil-każ ta’ miżuri tal-għajnuna ffinanzjati esklussivament mill-fondi nazzjonali, ir-rekwiżit obbligatorju rilevanti għandu jiġi identifikat u deskritt fin-notifika lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(554)

L-impenji jridu jittieħdu għal perjodu ta’ bejn ħames u seba’ snin. Madankollu, fejn meħtieġ u ġġustifikat kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw perjodu itwal għal tipi ta’ impenji partikolari. Fil-każ ta’ FAEŻR ikkofinanzjat minn miżura ta’ żvilupp rurali, dan għandu jiġi speċifikat fil-programm ta’ żvilupp rurali. Fil-każ ta’ miżuri tal-għajnuna ffinanzjati esklussivament mill-fondi nazzjonali, dan għandu jiġi identifikat fin-notifika ta’ għajnuna mill-Istat.

(555)

Meta jkun rilevanti, għandhom jitħarsu r-regoli għall-pagamenti relatati maż-żona stabbiliti fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u d-dispożizzjoni rilevanti tal-atti ddelegati tiegħu.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna

(556)

Tista’ tingħata għajnuna lill-proprjetarji ta’ foresti pubbliċi u privati u korpi legali privati u dawk pubbliċi oħra u l-assoċjazzjonijiet tagħhom. Fil-każ ta’ foresti tal-Istat, tista’ tingħata għajnuna biss jekk il-korp li jkun qiegħed jimmaniġġja tali foresta jkun korp privat jew muniċipalità.

(557)

L-entitajiet pubbliċi u privati huma eliġibbli għall-għajnuna għall-konservazzjoni u l-promozzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi tal-foresta għal operazzjonijiet li mhumiex koperti mod ieħor f’din it-Taqsima.

L-ispejjeż eliġibbli u l-modalitatjiet tal-għajnuna

(558)

L-għajnuna għandha tikkumpensa lill-benefiċjarji għall-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf kollha jew parti minnhom li jirriżultaw mill-impenji li jsiru. Meta jkun hemm bżonn din tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet sa valur li jasal sa 20 % tal-primjum tal-għajnuna mħallas għall-impenji favur l-ambjent tal-foresti.

(559)

F’każijiet iġġustifikati kif xieraq għal operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni tal-ambjent, tista’ tingħata għajnuna bħala pagament wieħed b’rata fissa jew ta’ darba għal kull unità għall-impenji biex ma jsirx użu kummerċjali mis-siġar u l-foresti, ikkalkolat fuq il-bażi tal-ispejjeż addizzjonali mġarrba u d-dħul mitluf.

(560)

L-għajnuna tista’ tiġi pprovduta għall-konservazzjoni u l-promozzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-foresti għal operazzjonijiet mhux koperti mid-dispożizzjonijiet taħt il-punti fi ħdan din it-Taqsima.

(561)

L-operazzjonijiet għall-konservazzjoni ta' riżorsi ġenetiċi fil-forestrija jridu jinkludu dan li ġej:

(a)

azzjonijiet immirati: azzjonijiet li jippromwovu l-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir u l-użuin situ u ex situ, tar-riżorsi ġenetiċi fil-forestrija, inkluż l-inventarji bbażati fuq il-web ta’ riżorsi ġenetiċi li bħalissa huma kkonservati in situ, inkluż il-konservazzjoni fuq azjenda f’foresta, u ta’ ġabriet u databases ex situ;

(b)

azzjonijiet ikkonċertati: azzjonijiet li jippromwovu l-iskambju ta’ tagħrif għall-konservazzjoni, il-ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fil-forestrija tal-Unjoni, fost organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri;

(c)

azzjonijiet ta' akkumpanjament: azzjonijiet ta’ informazzjoni, tqassim u konsultazzjoni li jinvolvu organizzazzjonijiet mhux governattivi u partijiet interessati rilevanti oħrajn, korsijiet ta’ taħriġ u t-tħejjija ta’ rapporti tekniċi.

L-ammont tal-għajnuna

(562)

Għajnuna, ħlief l-għajnuna għall-operazzjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġeneriċi kif jissemma fil-puntt (560) trid tkun limitata għall-ammont massimu ta' EUR 200 għal kull ettaru kull sena: Dak l-ammont jista’ jiżdied f’każijiet sostanzjati kif xieraq meta jitqiesu ċirkostanzi speċifiċi li jridu jiġu ġġustifikati fil-programmi tal-iżvilupp rurali jew b’mod ieħor fin-notifika lill-Kummissjoni.

(563)

Għall-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi tal-foresti, l-għajnuna trid tkun limitata għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

2.4.   Għajnuna għat-trasferiment tal-għarfien u l-azzjonijiet ta’ informazzjoni fis-settur tal-forestrija

(564)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għat-trasferiment tal-għarfien u l-azzjonijiet ta’ informazzjoni kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(565)

L-għajnuna għat-trasferiment tal-għarfien u l-azzjonijiet tal-informazzjoni għall-ġid tal-persuni involuti fis-settur tal-forestrija għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet rilevanti applikabbli stabbiliti fit-Taqsima 1.1.10.1 tal-Parti II ħlief fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-punt (294), l-ammont massimu tal-għajnuna inkluż fil-punt (298) u l-possibbiltà li l-għajnuna titħallas direttament lill-benefiċjarju fil-punt (296).

(566)

L-għajnuna tista' tkopri skambji ta’ ġestjoni tal-foresti għal żmien qasir u żjarat fil-foresti.

(567)

It-tul u l-kontenut tal-iskemi qosra ta' skambju tal-ġestjoni tal-foresti u żjarat fil-foresti iridu jiġu definiti fin-notifika lill-Kummissjoni, kemm fil-każ ta' miżura kofinanzjata tal-FAEŻR fil-programm tal-iżvilupp rurali, kif ukoll fil-każ ta' skema ffinanzjata mill-Istat Membru. Dawn l-iskemi u ż-żjarat iridu jiffukaw b'mod partikolari fuq metodi u/jew teknoloġiji tal-forestrija sostenibbli, l-iżvilupp ta' opportunitajiet ġodda ta' negozju u teknoloġiji ġodda, u fuq it-titjib tar-reżiljenza tal-foresta.

2.5.   Għajnuna għas-servizzi konsultattivi fis-settur tal-forestrija

(568)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għas-servizzi konsultattivi fis-settur tal-forestrijai kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(569)

L-għajnuna għas-servizzi konsultattivi fis-settur tal-forestrija lil proprjetarji tal-foresti trid tingħata skont il-kundizzjonijiet rilevanti applikabbli speċifikati fil-punt 1.1.10.2 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, flimkien mad-dispożizzjonijiet addizzjonali li ġejjin relatati mal-forestrija.

L-ispejjeż eliġibbli

(570)

L-għajnuna ser tingħata biex tgħin lill-propjetarjital-foresti jibbenefikaw mill-użu ta’ servizzi konsultattivi għat-titjib tal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali kif ukoll l-elementi li ma jagħmlux ħsara lill-klima u r-reżiljenza tal-azjendi, l-impriża u/jew l-investiment tagħhom.

(571)

Il-konsulenza mogħtija lill-propjetarji tal-foresti trid tkopri bħala minimu l-obbligi rilevanti skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Tista’ tkopri wkoll kwistjonijiet marbuta mal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tal-azjenda tal-foresta.

2.6.   Għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur tal-foresti

(572)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur tal-forestrija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(573)

L-għajnuna għall-koperazzjoni li tinvolvi mill-anqas żewġ entitajiet fis-settur tal-forestrija jew fis-setturi tal-forestrija u tal-agrikoltura, trid tingħata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 1.1.11. tal-Parti II.

(574)

Għas-settur tal-forestrija, japplikaw id-dispożizzjonijiet addizzjonali li ġejjin.

L-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet tal-għajnuna

(575)

Mingħajr preġudizzju għall-ispejjeż imsemmija fit-Taqsimiet 1.1.11 tal-Parti II ta' dawn il-Linji Gwida, l-għajnuna għall-koperazzjoni fis-settur tal-forestrija tista' tkun relatata wkoll mat-tfassil ta' pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti jew l-ekwivalenti.

(576)

L-ispejjeż diretti msemmijin fil-punt (321)(d) l-ispejjeż diretti ta' proġetti speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni ta' pjan tal-ġestjoni tal-foresti jew l-ekwivalenti, iridu jkunu limitati għall-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna ta’ għajnuna għal investiment fis-settur tal-forestrjia, kif speċifikat fit-Taqsima 2.1 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida dwar l-għajnuna għal investiment.

(577)

L-għajnuna għal kooperazzjoni fis-settur tal-forestrija tista’ tkun relatata ma’ kooperazzjoni orizzontali u vertikali fost l-atturi tal-katina tal-provvista fil-produzzjoni sostenibbli tal-bijomassa għal produzzjoni tal-enerġija u proċessi industrijali f’konformità mal-Kapitolu 3.10 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

2.7.   Għajnuna tal-bidu għal gruppi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-forestrija

(578)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna tal-bidu għall-gruppi u l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-forestrija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(579)

Il-gruppi jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi biss li ġew uffiċjalment rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat abbażi ta’ preżentazzjoni ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna. L-għajnuna trid tingħata soġġetta għall-obbligu tal-Istat Membru biex ikun ivverifikat li l-għanijiet tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ntlaħqu fi żmien il-perjodu ta’ ħames snin mid-data ta’ rikonoxximent tal-grupp jew organizzazzjoni tal-produtturi.

(580)

Il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki f’daqqa konklużi fil-qafas tal-grupp jew l-organizzazzjoni ta’ produtturi jridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari mal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat.

(581)

L-għajnuna ma għandhiex tingħata lil

(a)

organizzazzjonijiet tal-produzzjoni, entitajiet jew korpi, bħalma huma kumpaniji jew kooperattivi, li l-għan tagħhom huwa l-ġestjoni ta’ azjenda tal-forestrija waħda jew aktar u li huma għalhekk produtturi uniċi;

(b)

assoċjazzjonijiet tal-forestrija oħra, li jagħmlu kompiti, bħalma huma appoġġ reċiproku u servizzi maniġerjali tal-forestrija, fl-azjenda tal-membri mingħajr ma jkunu involuti fl-adattament konġunt tal-provvista lis-suq.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna

(582)

L-għajnuna hija limitata għal gruppi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi li huma SMEs. Il-Kummissjoni mhijiex ser tawtorizza għajnuna mill-Istat għall-ispejjeż f’din it-Taqsima favur impriżi kbar.

(583)

Bħala alternattiva li tiġi pprovduta għajnuna għall-gruppi jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tista’ tingħata għajnuna sal-istess ammont globali direttament lill-produtturi biex jagħmlu tajjeb għall-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-ispejjez tat-tmexxija tal-gruppi jew l-organizzazzjonijiet matul l-ewwel ħames snin wara l-formazzjoni tal-grupp.

L-ispejjeż eliġibbli

(584)

L-ispejjeż eliġibbli jinkludu l-ispejjeż ta’ kiri ta’ bini xieraq, l-akkwist ta’ tagħmir tal-uffiċċju, inkluż ħardwer u softwer tal-kompjuter, l-ispejjeż tal-persunal amministrattiv, l-ispejjeż ġenerali u t-tariffi legali u amministrattivi. Fejn jinxtara bini, l-ispejjeż eliġibbli għal bini jridu jkunu limitati għal spejjeż ta’ kera b’rati tas-suq.

(585)

L-għajnuna trid titħallas bħala għajnuna b’rata fissa f’pagamenti akkont annwali għall-ewwel ħames snin mid-data li fiha l-grupp jew l-organizzazzjoni tal-produtturi ġie rikonoxxut b’mod uffiċjali mill-awtorità kompetenti abbażi tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tiegħu.

(586)

L-Istati Membri jridu jħallsu l-aħħar ħlas parzjali biss wara li jkunu vverifikaw l-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju.

L-intensità tal-għajnuna

(587)

L-intensità tal-għajnuna trid tkun sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(588)

L-ammont totali tal-għajnuna jrid ikun limitat għal EUR 500 000. L-għajnuna trid tkun digressiva.

2.8.   Għajnuna oħra għas-settur tal-forestrija b’għanijiet ekoloġiċi, protettivi u rikreazzjonali

(589)

B'konformità mal-politika stabbilita matul il-perjodu mill-1 ta'Jannar 2007sal-31 ta' Diċembru 2013, sabiex tikkontribwixxi għaż-żamma u t-titjib tal-foresti u biex tippromwovi l-funzjoni ekoloġika, protettiva u rikreazzjonali tagħhom, il-Kummmissjoni ser tqis li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, bl-għan primarju li jżommu, jtejbu jew jirkupraw il-funzjonijiet ekoloġiċi, protettivi u rikreazzjonali tal-foresti, il-bijodiversità u ekosistema tal-foresti b’saħħitha huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin.

(590)

L-Istati Membri għandhom juru li l-miżuri jikkontribwixxu direttament għaż-żamma jew l-irkupru tal-funzjonijiet ekoloġiċi, protettivi u rikreazzjonali tal-foresti, il-bijodiversità u ekosistema tal-foresti b’saħħitha.

(591)

Skont din it-taqsima, ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna lil industriji bbażati fil-foresti jew għal estrazzjoni kummerċjalment vijabbli ta’ injam maqtugħ jew għat-trasport ta’ injam maqtugħ jew għall-ipproċessar ta’ injam jew riżorsi oħra tal-foresta fi prodotti jew għall-ġenerazzjoni tal-enerġija. Ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna għall-qtugħ li l-għan primarju tiegħu hija l-estrazzjoni kummerċjalment vijabbli tal-injam jew għall-istokkjar mill-ġdid fejn is-siġar maqtugħa huma sostitwiti b’oħrajn ekwivalenti.

L-intensità tal-għajnuna

(592)

L-għajnuna għall-miżuri kollha deskritti f’din it-Taqsima tista’ tingħata sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna

(593)

L-għajnuna tista’ tingħata lil impriżi attivi fis-settur tal-forestrija.

2.8.1.   L-għajnuna għal azzjonijiet speċifiċi tal-foresta u interventi bl-għan primarju ta’ kontribuzzjoni għaż-żamma jew l-irkupru tal-ekosistema u l-bijodiversità tal-foresta jew il-pajsaġġ tradizzjonali

(594)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għat-tħawwil, l-irmondar, iż-żbir u l-qtugħ totali ta’ siġar u veġetazzjoni oħra f’foresti eżistenti, it-tneħħija ta’ siġar li waqgħu, u l-ispejjeż tal-ippjanar ta' tali miżuri kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk l-għajnuna tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni u d-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għat-Taqsima 2.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, u fejn l-għan primarju tat-tali miżuri huwa li jikkontribwixxu għaż-żamma jew l-irkupru tal-ekosistema u l-bijodiversità ta’ foresta jew il-pajsaġġ tradizzjonali.

2.8.2.   Għajnuna għaż-żamma u t-titjib tal-kwalità tal-ħamrija u l-iżgurar ta’ tkabbir ibbilanċjat u b’saħħtu tas-siġar fis-settur tal-forestrija

(595)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għaż-żamma u t-titjib tal-kwalità tal-ħamrija u l-iżgurar ta’ tkabbir ibbilanċjat u b’saħħtu tas-siġar fis-settur tal-forestrija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, id-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għat-Taqsima 2.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(596)

L-għajnuna tista’ tingħata għaż-żamma u t-titjib tal-kwalità tal-ħamrija fil-foresti u biex jiġi żgurat tkabbir ibbilanċjat u b’saħħtu tas-siġar.

(597)

Il-miżuri jistgħu jinkludu titjib tal-ħamrija bil-fertilizzazzjoni u trattamenti oħra għaż-żamma tal-bilanċ naturali tagħha, it-tnaqqis tad-densità eċċessiva tal-veġetazzjoni u l-iżgurar taż-żamma tal-ilma suffiċjenti u drenaġġ kif suppost. L-Istati Membri għandhom juru li l-miżuri ma jnaqqsux il-bjiodiversità, jikkawżaw lissija ta’ nutrijenti jew jaffettwaw ħażin ekosistemi tal-ilma naturali jew żoni ta’ protezzjoni tal-ilma.

(598)

L-għajnuna tista’ tkopri l-ispejjeż tal-ippjanar ta’ tali miżuri.

2.8.3.   Irkupru u żamma tal-mogħdijiet naturali, l-elementi u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ u l-ħabitat naturali għall-annimali fis-settur tal-forestrija

(599)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-irkupru u żamma tal-mogħdijiet naturali, l-elementi u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ u l-ħabitat naturali għall-annimali fis-settur tal-forestrija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, id-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għat-Taqsima 2.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(600)

L-għajnuna tista’ tingħata għar-restawr u ż-żamma tal-mogħdijiet naturali, l-elementi u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ u l-ħabitat naturali għall-annimali, inklużi l-ispejjeż għall-ippjanar.

(601)

Il-miżuri li għandhom l-għan li jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar huma esklużi minn din it-tip ta’ għajnuna, peress li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ skont il-kundizzjonijiet tat-Taqsima 2.2 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

2.8.4.   Għajnuna għall-manutenzjoni ta’ toroq biex jiġu evitati nirien fil-foresti

(602)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-manutenzjoni ta’ toroq kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, id-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għat-Taqsima 2.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(603)

L-għajnuna għall-manutenzjoni ta’ toroq għandu jkollha l-għan li tevita nirien fil-foresti. Ir-rabta bejn l-għan tal-għajnuna u l-manutenzjoni tat-toroq għandha tintwera fin-notifika lill-Kummissjoni.

2.8.5.   Għajnuna li tikkumpensa l-ħsara f’foresti kkaġunata minn annimali rregolati bil-liġi

(604)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkaġunata minn annimali rregolati mil-liġi f’foresti kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, id-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għat-Taqsima 2.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(605)

Għas-settur tal-forestrija, annimali rregolati mil-liġi jkopru annimali protetti kif definit fil-punt (35)28 u speċijiet soġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, meta jkun hemm interess muri bil-provi għall-preservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ispeċi.

(606)

Tintalab kontroparti minima mill-benefiċjarji biex jittaffair-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u biex jiġi pprovdut inċentiv għat-tnaqqis tar-riskju. Dik il-kontribuzzjoni trid tieħu l-forma ta’ miżuri preventivi raġonevoli, bħaċ-ċnut tas-sikurezza meta jkun possibbli, li huma proporzjonati għar-riskju ta’ ħsara mill-annimali rregolati fiż-żona tal-foresta kkonċernata. Jekk ebda miżura preventiva raġonevoli ma tkun possibbli, l-Istat Membru għandu juri l-impossibbiltà li tittieħed miżura preventiva bħal din fin-notifika lill-Kummissjoni sabiex l-għajnuna titqies kompatibbli.

(607)

Trid tiġi stabbilita rabta każwali diretta bejn il-ħsara mġarrba u l-imġiba tal-annimali.

(608)

Iridu jiġu stabbiliti skemi ta’ għajnuna relatati ma’ avveniment ta' ħsara speċifiku fi żmien tliet snin mill-okkorrenza tal-avveniment li kkawża l-ħsara. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data.

(609)

Il-ħsara trid tiġi kkalkolata fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

L-ispejjeż eliġibbli

(610)

L-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż tal-ħsara mġarrba bħala konsegwenza diretta tal-avveniment li jikkawża l-ħsara, kif jiġi vvalutat minn awtorità pubblika, minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità awtorizzanti jew minn impriża tal-assigurazzjoni.

(611)

Il-ħsara tista’ tinkludi dan li ġej:

(a)

ħsara lil siġar ħajjin. L-għajnuna tista’ tingħata biex tikkumpensa għat-telf tal-istokk u għall-ispejjeż ta’ stokkjar mill-ġdid sal-valur tas-suq tal-istokk meqrud mill-annimali rregolati. Meta jiġi kkalkolat il-valur tas-suq tat-telf inkrementali, l-inkrement potenzjali tal-istokk meqrud sal-età normali tal-qtugħ jista’ jitqies;

(b)

spejjeż oħra li jġarrab il-benefiċjarju minħabba l-avveniment li kkawża ħsara, bħal miżuri tat-trattament, inklużi it-tħejjija tal-ħamrija għat-tħawwil mill-ġdid u l-prodotti, l-apparati u l-materjali meħtieġa għal dawn l-operazzjonijiet;

(c)

il-ħsara materjali lil dawn l-assi: it-tagħmir tal-forestrija, il-makkinarju u l-bini. Il-kalkolu tal-ħsara materjali trid ikun ibbażata fuq l-ispiża tat-tiswija jew il-valur ekonomiku tal-ass affettwat qabel ma l-avveniment ikkawża l-ħsara; Dan ma jistax jaqbeż l-ispiża tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ġust ikkawżat mill-avveniment, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-proprjetà eżatt qabel u eżatt wara l-avveniment li kkawża l-ħsara.

(612)

Dak l-ammont irid jitnaqqas bi kwalunkwe spiża mhux imġarrba minħabba l-avveniment li kkawża l-ħsara, li inkella kien ikollha titħallas mill-benefiċjarju.

(613)

Miżuri preventivi kontra ħsara li saret minn annimali f’foresti jistgħu jkunu sostnuti skont it-Taqsima 2.1.4 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida bħala protezzjoni ta’ ħabitats u azzjonijiet relatati mal-bijodiversità.

(614)

L-għajnuna għall-irkupru mill-ħsara lill-foresti kkaġunat minn annimali rregolati mil-liġi nazzjonali tista’ tingħata jekk tinżamm konformità mal-kundizzjonijiet tat-Taqsima 2.1.3.

L-intensità tal-għajnuna

(615)

Huwa awtorizzat kumpens sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(616)

L-għajnuna u kull pagament ieħor mogħti bħala kumpens għad-danni, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni jew minn miżuri nazzjonali jew tal-Unjoni, huma limitati għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

2.8.6.   Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti

(617)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għall-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, id-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għat-Taqsima 2.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(618)

Peress li l-politika dwar l-iżvilupp rurali tal-2014-2020 tagħmel il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jew strumenti ekwivalenti prekundizzjoni għall-eliġibbiltà għal għajnuna skont bosta miżuri, bl-għan li jissaħħu l-kisbiet tal-għanijiet tal-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni żżomm il-politika attwali tagħha li l-għajnuna tista’ tingħata sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti.

(619)

L-għajnuna trid tikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-għajnuna għal servizzi ta' konsulenza fis-settur tal-forestrija kif jistabbilixxu l-punti (288), (289), (299) u (303) sa (306) tal-Parti II.

2.9   Għajnuna fis-settur tal-forestrija allinjata mal-miżuri tal-għajnuna agrikola

(620)

Fl-imgħoddi, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-politika tagħha li għal miżuri ta’ għajnuna speċifiċi inqas distorsivi, ir-regoli huma komuni għas-settur agrikolu u tal-forestrija.

(621)

Billi ssegwi t-tendenza li jiġu allinjati l-politiki agrikoli u tal-forestrija meta l-għajnuna titqies li hija inqas distorsiva, il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-forestrija u l-għajnuna għal konsolidazzjoni tal-art tal-foresti kompatibbli mas-suq intern jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dawn it-taqsimiet.

(622)

L-intensità tal-għajnuna trid tkun limitata għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

2.9.1.   Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-foresti

(623)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-foresti kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mal-kundizzjonijiet tat-Taqsima 2.9 u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(624)

Il-proġett megħjun għandu jkun ta’ interess għall-impriżi kollha attivi fis-setturi jew is-sottosetturi partikolari tal-forestrija kkonċernati.

(625)

Qabel id-data tal-bidu tal-proġett megħjun, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fuq l-internet:

(a)

li jitwettaq il-proġett megħjun;

(b)

l-għanijiet tal-proġett megħjun;

(c)

data approssimattiva għall-pubblikazzjoni tar-riżultati mistennija mill-proġett megħjun;

(d)

il-post ta’ pubblikazzjoni tar-riżultati mistennija mill-proġett megħjun fuq l-internet;

(e)

referenza li r-riżultati tal-proġett megħjun huma disponibbli għall-impriżi kollha attivi fis-settur jew sottosettur tal-forestrija kkonċernat mingħajr spejjeż.

(626)

Ir-riżultat tal-proġett megħjun għandu jkun disponibbli fuq l-internet mid-data ta' tmiem il-proġett megħjun jew mid-data meta tingħata xi informazzjoni dwar dawk ir-riżultati lill-membri ta' xi organizzazzjoni partikolari, skont liema data tiġi l-ewwel. Ir-riżultati għandhom jibqgħu disponibbli fuq l-internet għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin tad-data tat-tmiem tal-proġett megħjun.

(627)

L-għajnuna għandha tingħata direttament lill-organizzazzjoni ta’ riċerka u tqassim tal-għarfien u ma għandhiex tinvolvi l-forniment ta’ għajnuna fuq il-bażi tal-prezz tal-prodotti tal-forestrija lil impriżi attivi fis-settur tal-forestrija.

L-ispejjeż eliġibbli

(628)

L-għajnuna trid tkun limitata għal dawn l-ispejjeż eliġibbli:

(a)

spejjeż tal-persunal relatati mar-riċerkaturi, mat-tekniki u persunal ieħor ta' sostenn safejn dawn huma impjegati fuq il-proġett;

(b)

l-ispejjeż tal-istrumenti u t-tagħmir sal-punt u għall-perjodu użat għall-proġett. Jekk dawn l-istrumenti u t-tagħmir ma jintużawx tul ħajjithom kollha fil-proġett, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta’ deprezzament li jikkorrispondu għall-ħajja tal-proġett, kif kalkolati abbażi ta’ prassi tajba tal-kontabbiltà;

(c)

l-ispejjeż tal-bini u l-art sal-punt u għall-perjodu użat għall-proġett. Fir-rigward tal-bini, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli biss dawk l-ispejjeż tad-deprezzament li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett, kif ikkalkolati abbażi ta' prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati. Għall-artijiet, huma eliġibbli l-ispejjeż tat-trasferiment kummerċjali jew l-ispejjeż tal-kapital realment imġarrba;

(d)

l-ispejjeż tar-riċerka kuntrattwali, l-għarfien u privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b’kundizzjonijiet distakkati, kif ukoll l-ispejjeż tal-konsulenzi u s-servizzi ekwivalenti użati esklussivament għall-proġett;

(e)

spejjeż ġenerali addizzjonali u spejjeż operattivi oħrajn, inklużi spejjeż ta’ materjali, provvisti u prodotti simili, imġarrbin direttament minħabba l-proġett.

2.9.2.   Għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art tal-forestrija

(629)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art tal-forestrija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mal-kundizzjoni tat-Taqsima 2.9 u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

L-ispejjeż eliġibbli

(630)

L-ispejjeż eliġibbli jridu jkunu limitati għall-ispejjeż reali legali, amministrattivi u ta’ stħarriġ tal-konsolidazzjoni tal-art imġarrba.

Kapitolu 3. Għajnuniet fiż-żoni rurali li huma kofinanzjati mill-FAEŻR jew mogħtija bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għal tali miżuri kofinanzjati

Dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida

(631)

L-għajnuna skont il-Kapitolu 3 tal-Parti II ta' dawn il-Linji Gwida għandha tissodisfa din il-kundizzjoni komuni li ġejja: l-għajnuna trid tingħata fil-qafas ta’ programm tal-iżvilupp rurali skont u f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, bħala għajnuna kofinanzjata mill-FAEŻR jew bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali li jiffinanzja din l-għajnuna.

(632)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tingħata għajnuna għaż-żoni rurali skont ir-regoli tal-Unjoni li huma komuni għas-setturi kollha jew għall-kummerċ u l-industrija.

(633)

Fir-rigward tal-investimenti skont it-Taqsimiet 3.1, 3.2, 3.6 u 3.10 tal-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, l-għajnuna trid tikkonforma mad-dispożizzjonijiet komuni li ġejjin kif stabbilit fil-punti (634) sa (639).

(634)

L-investimenti fl-iffrankar tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida. Din l-għajnuna trid tikkonforma mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020, ħlief meta tkun eżentata mill-obbligu ta' notifika.

L-ispejjeż eliġibbli għall-investimenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 3, tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida

(635)

L-ispejjeż eliġibbli għall-miżuri ta’ għajnuna għall-investiment fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 3, tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida jridu jkunu limitati għall-ispejjeż li ġejjin:

(a)

il-bini, il-kisba, inkluża l-lokazzjoni, jew it-titjib ta’ proprjetà immobbli, bix-xiri biss ta’ art li hija eliġibbli sa mhux iktar minn 10 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata; madankollu f’każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati kif xieraq, perċentwal ogħla jista’ jiġi awtorizzat għal operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni ambjentali;

(b)

ix-xiri jew ix-xiri bin-nifs ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

(c)

spejjeż ġenerali relatati man-nefqa msemmija fil-punt (635)(a) u (b), bħal tariffi tal-periti, tal-inġiniera u dawk ta’ konsultazzjoni, tariffi li għandhom x’jaqsmu ma’ konsulenza dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji tal-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà jibqgħu nefqa eliġibbli anki fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, skont il-punt (635) (a) u (b) ma tkun saret ebda nefqa;

(d)

inevstiment f’dawn l-assi intaġibbli: l-akkwist jew l-iżvilupp ta’ softwer tal-kompjuter u l-akkwisti ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u marki kummerċjali.

(636)

L-ispejjeż, minbarra dawk imsemmija fil-punt (635), marbuta mal-kuntratti ta’ lokazzjoni, bħall-marġni tal-lokatur, l-ispejjeż ta’ rifinanzjament tal-interessi, l-ispejjeż ġenerali u l-imposti tal-assigurazzjoni mhumiex ser jitqiesu bħala spejjeż eliġibbli.

(637)

Il-kapital tax-xogħol mhux spiża eliġibbli skont il-Kapitolu 3 tal-Parti II.

L-intensità tal-għajnuna għall-miżuri ta’ investiment skont il-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida

(638)

L-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż:

(a)

f'reġjuni anqas żviluppati:

(i)

50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għall-investiment fir-reġjuni li l-PDG per capita tagħhom huwa anqas minn 45 % tal-medja tal-UE-27;

(ii)

35 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għall-investiment fir-reġjuni li l-PDG per capita tagħhom huwa bejn 45 % u 60 % tal-medja tal-UE-27;

(iii)

25 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għall-investiment fir-reġjuni li l-PDG per capita tagħhom huwa aktar minn 60 % tal-medja tal-UE-27;

(b)

fir-reġjuni l-aktar imbiegħda: l-intensitajiet ta’ għajnuna massimi stabbiliti fil-punt (a) jistgħu jiżdiedu sa 20 punt perċentwali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda li għandhom PDG per capita li jilħaq 75 % tal-medja tal-UE-27 jew taħtu jew sa 10 punti perċentwali f’reġjuni l-aktar imbiegħda oħra;

(c)

f’żoni “c”:

(i)

15 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għal investiment f’żoni b’popolazzjoni baxxa u f’reġjuni NUTS 3 jew partijiet ta’ reġjuni NUTS 3 li jaqsmu fruntiera tal-art ma’ pajjiż li ma jagħmilx parti miż- ŻEE jew mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA);

(ii)

10 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għall-investimenti f’żoni “c” mhux predefiniti;

(iii)

f’dawk li kienu żoni “a”, l-intensitajiet tal-għajnuna jistgħu jiżdiedu sa 5 punti perċentwali mill-1 ta’ Lulju 2014sal-31 ta’ Diċembru 2017;

(iv)

fejn żona “c” tkun biswit żona “a”, l-intensità tal-għajnuna massima permessa fiż-żoni NUTS 3 jew partijiet ta’ żoni NUTS 3 f’dik iż-żona “c” li huwa biswit iż-żona “a” tista tiżdied kif ikun meħtieġ biex id-differenza fl-intensità tal-għajnuna bejn iż-żewġ żoni ma taqbiżx il-15-il punt perċentwali;

(d)

bl-eċċezzjoni tal-għajnuna mogħtija favur proġetti ta’ investiment kbar, l-intensitajiet ta’ għajnuna massimi stabbiliti fil-punti (a) sa (c) ta’ hawn fuq jistgħu jiżdiedu sa 10 punti perċentwali għall-impriżi medji u sa 20 punt perċentwali għal impriżi mikro u żgħar;

(e)

fiż-żoni l-oħra kollha: 10 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għall-investiment għall-impriżi medji u 20 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għall-investiment għall-impriżi mikro u żgħar;

(f)

l-intensità massima tal-għajnuna għal proġetti kbar tal-investiment trid titnaqqas għall-ammont aġġustat tal-għajnuna kif definit fil-Punt (35). ta’ dawn il-Linji Gwida.

(639)

Jekk l-għajnuna mis-sorsi kollha tkun taqbeż il-limitu tan-notifika, kif speċifikat fil-punt (37)(c), l-għajnuna għall-investiment individwali mogħtija bi skema notifikata tibqa’ soġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

3.1.   Għajnuna għall-investimenti li tikkonċerna l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli fi prodotti mhux agrikoli, il-produzzjoni tal-qoton jew l-investimenti fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ attivitajiet mhux agrikoli

(640)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-investimenti li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli fi prodotti mhux agrikoli, il-produzzjoni tal-qoton jew l-investimenti fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ attivitajiet mhux agrikoli kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(641)

L-għajnuna skont din il-miżura għandha tkopri investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli.

(642)

Din it-Taqsima tapplika għal għajnuna għal:

(a)

l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli fejn ir-riżultat tal-proċess tal-produzzjoni huwa prodott mhux agrikolu;

(b)

il-produzzjoni tal-qoton, inkluż l-attività ta’ tfesdiq (ginning);

(c)

l-investimenti fl-attivitajiet mhux agrikoli li jingħataw lil bdiewa jew membri ta’ unità domestika agrikola li jiddiversifikaw f’attivitajiet mhux agrikoli u lil impriżi mikro u żgħar u persuni fiżiċi f’żoni rurali.

3.2.   Għajnuna għal servizzi bażiċi u tiġdid ta’ villaġġi f'żoni rurali

(643)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għal servizzi bażiċi (89) u t-tiġdid tal-villaġġi fiż-żoni rurali kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) u mal-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(644)

L-għajnuna taħt din il-miżura tkopri:

(a)

it-tfassil u l-aġġornament ta’ pjanijiet għall-iżvilupp tal-muniċipalitajiet u l-villaġġi f'żoni rurali u s-servizzi bażiċi tagħhom u tal-pjanijiet ta’ protezzjoni u ġestjoni b’rabta mas-siti ta’ Natura 2000 u żoni oħra ta’ valur naturali għoli;

(b)

l-investimenti fil-ħolqien, it-titjib jew l-espansjoni ta' kull tip ta’ infrastruttura fuq skala żgħira kif jiddefinixxi l-punt (35)48, ħlief l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija, u fl-infrastruttura tal-broadband;

(c)

l-investimenti fl-istabbiliment, it-titjib jew l-espansjoni ta’ servizzi bażiċi lokali għall-populazzjoni rurali, inkluż dawk relatati mad-divertiment u l-kultura, u l-infrastruttura relatata;

(d)

l-investimenti għall-użu pubbliku fl-infrastruttura rikreazzjonali, l-informazzjoni għat-turisti u l-infrastruttura tat-turiżmu fuq skala żgħira;

(e)

l-istudji u l-investimenti assoċjati mal-manutenzjoni, ir-restawr u t-titjib tal-patrimonju kulturali u naturali tal-villaġġi, il-pajsaġġi rurali u siti ta’ valur naturali għoli, inklużi aspetti soċjoekonomiċi relatati, kif ukoll azzjonijiet ta’ għarfien ambjentali;

(f)

l-investimenti li jolqtu r-rilokazzjoni ta’ attivitajiet u l-konverżjoni ta’ bini jew faċilitajiet oħra li jinsabu fi stabbilimenti rurali jew viċin tagħhom, bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja jew iżidu l-prestazzjoni ambjentali tal-istabbiliment.

(645)

L-investimenti taħt din il-miżura huma eliġibbli għall-għajnuna meta l-operazzjonijiet rilevanti jiġu implimentati skont il-pjanijiet għall-iżvilupp tal-muniċipalitajiet u l-villaġġi fiż-żoni rurali u s-servizzi bażiċi tagħhom, fejn jeżistu tali pjanijiet, u jridu jkunu konsistenti ma’ kwalunkwe strateġija ta’ żvilupp lokali rilevanti.

(646)

L-għajnuna msemmija fil-punt (644)(e) għandha tingħata għal patrimonju li huwa formalment rikonoxxut bħala patrimonju kulturali jew naturali mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti ta’ Stat Membru.

L-ispejjeż eliġibbli

(647)

L-ispejjeż li ġejjin huma eliġibbli:

(a)

l-ispejjeż għat-tfassil u l-aġġornament u l-pjanijiet ta’ ġestjoni relatati maż-żoni rurali u s-servizzi bażiċi tagħhom, u għal siti ta’ valur naturali għoli;

(b)

l-ispejjeż ta’ investiment għal assi tanġibbli u intanġibbli;

(c)

l-ispejjeż għat-tħejjija ta’ studji assoċjati mal-patrimonju kulturali u naturali, pajsaġġi rurali u siti ta’ valur naturali għoli; l-ispejjeż marbuta mal-azzjonijiet ta’ għarfien ambjentali;

(d)

l-ispejjeż ta’ xogħlijiet kapitali jistgħu jkunu wkoll għal għajnuna eliġibbli msemmija fil-punt (644)(e).

L-intensità tal-għajnuna

(648)

L-intensità tal-għajnuna għall-attivitajiet skont il-punt (644)(a) u (b) ma tridx taqbeż il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(649)

L-intensità tal-għajnuna għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (644)(c), (d) u (e) ma tistax taqbeż il-100 % tal-ispejjeż eliġibbli. L-introjti netti jridu jitnaqqsu mill-ispejjeż eliġibbli ex ante jew permezz ta’ mekkaniżmu ta' rkupru.

(650)

L-intensità tal-għajnuna għall-attivitajiet fil-punt (644)(f) ma tridx taqbeż dawn l-ammonti:

(a)

meta r-rilokazzjoni tal-attivitajiet jew il-konverżjoni tal-binjiet jew faċilitajiet oħra tikkonsisti fiż-żarmar, it-tneħħija u l-bini mill-ġdid ta’ faċilitajiet eżistenti, 100 % tal-ispejjeż reali mġarrba għat-tali attivitajiet;

(b)

meta r-rilokazzjoni tal-attivitajiet jew il-konverżjoni tal-binjiet jew faċilitajiet oħrajn, minbarra ż-żarmar, it-tneħħija u l-bini mill-ġdid ta’ faċilitajiet eżistenti kif imsemmi fil-punt (650)(a), tirriżulta f’modernizzar ta’ dawn il-faċilitajiet jew f’żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni, l-intensitajiet ta’ għajnuna għal investimenti stabbiliti fil-punt (638) fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-immodernizzar tal-faċilitajiet jew iż-żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni.

(651)

Għall-finijiet tal-punt (650) (b), is-sempliċi sostituzzjoni ta’ bini jew faċilitajiet eżistenti b’bini jew faċilitajiet aġġornati ġodda mingħajr ma fundamentalment tibdel il-produzzjoni tat-teknoloġija involuta mhijiex ser titqies bħala relatata mal-immodernizzar.

3.3.   Għajnuna inizjali għan-negozju għall-attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali

(652)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna inizjali għan-negozju għall-attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(653)

L-għajnuna tista’ tingħata lil bdiewa jew membri tal-unità domestika tal-azjenda agrikola li jiddiverisifikaw f’attivitajiet mhux agrikoli, lil impriżi mikro u żgħar u lil persuni fiżiċi fiż-żoni rurali. Tista’ tingħata wkoll għajnuna għat-twaqqif ta’ servizzi tal-ġestjoni tal-farms, tas-sostituzzjoni tal-farms u servizzi ta’ konsulenza relatati mal-forestrija, inkluża s-Sistema ta’ Konsulenza tal-Farms imsemmija fl-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 lill-impriżi medji u kbar f’żoni rurali.

(654)

L-għajnuna trid tingħata bil-kundizzjoni li jiġi ppreżentat pjan ta’ direzzjoni tan-negozju. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju trid tibda fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha tittieħed id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna.

(655)

Il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jrid jiddeskrivi dawn li ġejjin:

(a)

is-sitwazzjoni ekonomika inizjali tal-benefiċjarju li japplika għal għajnuna;

(b)

il-miri u l-għanijieti għall-iżvilupp tal-attivitajiet il-ġodda tal-benefiċjarju;

(c)

id-dettalji tal-azzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-benefiċjarju, bħad-dettalji tal-investimenti, it-taħriġ, il-konsulenza jew attività oħra.

(656)

L-għajnuna trid titħallas f’tal-anqas żewġ ħlasijiet parzjali tul perjodu massimu ta’ ħames snin. Il-ħlasijiet parzjali jistgħu jkunu digressivi. Il-ħlas tal-aħħar ħlas parzjali jrid ikun soġġett għall-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju.

(657)

Fl-istabbiliment tal-ammont tal-għajnuna, l-Istati Membri jridu jqisu anki s-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żona tal-programm.

L-ammont tal-għajnuna

(658)

L-ammont tal-għajnuna jrid ikun limitat għal EUR 70 000 għal kull impriża. L-Istati Membri jridu jiddefinixxu l-ammont tal-għajnuna filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żona kkonċernata.

3.4.   Għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi lil amministraturi oħrajn tal-artijiet u lil impriżi fiż-żoni rurali li mhumiex attivi fis-settur agrikolu

(659)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi lil amministraturi oħrajn tal-artijiet u lil impriżi fiż-żoni rurali li mhumiex attivi fis-settur agrikolu, bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(660)

L-għajnuna trid tingħata skont il-kundizzjonijiet relevanti applikabbli speċifikati fil-punt 1.1.5.1 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, bid-dispożizzjonijiet addizzjonali li ġejjin relatati ma’ amministraturi tal-artijiet oħrajn.

(661)

L-għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi tista’ tingħata lil gruppi ta’ impriżi attivi fis-settur agrikola u amministraturi tal-artijiet oħrajn li jimpenjaw ruħhom, fuq bażi volontarja, li jwettqu operazzjonijiet li jikkonsistu f’impenn agroambjentali klimatiku wieħed jew aktar fuq l-art agrikola li għandha tiġu ddefinita mill-Istati Membri, inkluż iżda mhux limitat għaż-żona agrikola kif iddefinit skont (35).50 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(662)

Meta jkun iġġustifikat kif xieraq biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, tista’ tingħata għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi lil amministraturi tal-artijiet oħrajn jew gruppi ta’ amministraturi tal-artijiet oħrajn.

(663)

L-għajnuna lill-impriżi f’żoni rurali li mhumiex attivi fis-settur agrikolu tista’ tiġi pprovduta għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura għal operazzjonijiet mhux koperti mid-dispożizzjonijiet taħt il-punti (208) sa (219) tat-Taqsima 1.1.5.1. tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

3.5.   Għajnuna għal żvantaġġi relatati ma’ żoni tan-Natura 2000 lil amministraturi tal-artijiet oħrajn

(664)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għal żvantaġġi relatati ma’ żoni tan-Natura 2000 lil amministraturi tal-artijiet oħrajn bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(665)

L-għajnuna tista’ tingħata lil amministraturi tal-artijiet oħrajn f’każijiet iġġustifikati kif xieraq biss.

L-ispejjeż eliġibbli

(666)

L-għajnuna tista’ tingħata biex tkkumpensa lil amministraturi tal-artijiet oħrajn għal spejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-iżvantaġġi fiż-żoni kkonċernati, relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar.

(667)

Il-miżuri meħuda f’dawn l-oqsma biss huma eliġibbli għall-għajnuna:

(a)

iż-żoni agrikoli ta’ Natura 2000 magħżula skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar;

(b)

żoni delimitati oħra ta’ protezzjoni naturali b’restrizzjonijiet ambjentali applikabbli għall-biedja li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

L-ammont tal-għajnuna

(668)

L-għajnuna trid tkun limitata għall-ammonti li ġejjin: massimu ta’ EUR 500 għal kull ettaru fis-sena fil-perjodu inizjali li ma jaqbiżx il-ħames snin; massimu ta’ EUR 200 għal kull ettaru fis-sena minn hemm ’il quddiem. L-ammonti massimi ta’ EUR 500 u EUR 200 jistgħu jiżdiedu f’każijiet eċċezzjonali filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi li għandhom jiġu ġġustifikati.

3.6.   Għajnuna għat-trasferiment ta’ għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni fiż-żoni rurali

(669)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għat-trasferiment ta’ għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni, l-amministraturi tal-art u l-SMEs fiż-żoni rurali, bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(670)

L-għajnuna skont din il-miżura tkopri azzjonijiet ta’ taħriġ vokazzjonali u kisba tal-ħiliet (inklużi korsijiet ta’ taħriġ, workshops u kkowċjar), attivitajiet ta’ wiri u azzjonijiet ta’ informazzjoni. L-għajuna tista’ tingħata anki għat-taħriġ ta’ konsulenti marbuta mas-servizzi ta’ konsulenza msemmija fit-Taqsima 1.1.10.2. u t-Taqsimiet 2.5. u 3.7. tal-Parti II.

(671)

Tista' tingħata għajnuna favur persuni involuti fis-settur tal-ikel, amministraturi tal-artijiet oħrajn li mhumiex impriżi attivi fis-settur agrikolu u SMEs f’żoni rurali. L-għajnuna għat-taħriġ tal-konsulenti tista’ tingħata wkoll favur impriżi kbar f’żoni rurali.

(672)

L-għajnuna tista’ tingħata fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż għall-organizzazzjoni u l-forniment tat-trasferiment tal-għarfien jew l-azzjoni ta’ informazzjoni;

(b)

fil-każ ta’ proġetti ta’ wiri, l-għajnuna tista’ tkopri wkoll spejjeż tal-investiment rilevanti;

(c)

l-ispejjeż għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u għal kull jum tal-parteċipanti.

(673)

L-għajnuna msemmija fil-punti (672)(a) u (b) ma tistax tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji. L-għajnuna trid titħallas lill-fornitur tat-taħriġ jew trasferiment tal-għarfien u azzjoni ta’ informazzjoni oħra.

(674)

L-għajnuna trid tkun aċċessibbli għal dawk l-impriżi kollha eliġibbli attivi fiż-żona rurali kkonċernata, abbażi ta’ kundizzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv.

(675)

Il-korpi li jipprovdu servizzi ta’ trasferiment tal-għarfien u ta’ informazzjoni jrid ikollhom il-kapaċitajiet xierqa fil-forma ta’ kwalifiki tal-persunal u taħriġ regolari biex iwettqu dan il-kompitu.

L-intensità tal-għajnuna

(676)

L-intensità tal-għajnuna trid tkun limitata għal 50 % tal-ispejjeż eliġibbli fil-każ ta’ impriżi kbar, għal 60 % fil-każ ta’ impriżi medji u għal 70 % fil-każ ta’ impriżi mikro u żgħar. L-għajnuna għat-taħriġ tal-konsulenti trid tkun limitata għal EUR 200 000 għal kull tliet snin.

3.7.   Għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza fiż-żoni rurali

(677)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għas-servizzi ta’ konsulenza fiż-żoni rurali bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(678)

L-għajnuna għandha tingħata biex tgħin lil amministraturi tal-artijiet oħrajn u SMEs fiż-żoni rurali jibbenefikaw mill-użu ta’ servizzi ta’ konsulenza għat-titjib tal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali kif ukoll it-tnaqqis tal-ħsara lill-klima u r-reżiljenza tal-intrapriża u/jew l-investiment tagħhom.

(679)

Konsulenza lill-SMEs f’żoni rurali tista’ tkopri kwistjonijiet marbuta mal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tal-benefiċjarju.

(680)

Il-konsulenza lil amministraturi tal-artijiet oħrajn f’żoni rurali għandha tkopri bħala minimu wieħed mill-elementi stabbiliti fil-punt (301) tat-Taqsima 1.1.10.2 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida. Tista’ tkopri kwistjonijiet oħra, kif imsemmi fil-punt (302).

(681)

L-għajnuna ma tistax tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji. L-għajnuna trid titħallas lill-fornitur ta’ servizzi konsultattivi.

(682)

Meta jagħtu konsulenza, il-fornituri tas-servizzi konsultattivi jridu jirrispettaw l-obbligi ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(683)

Meta dan ikun iġġustifikat u xieraq, il-konsulenza tista’ tingħata fi grupp b’mod parzjali, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet tal-utent individwali tas-servizzi konsultattivi.

L-intensità tal-għajnuna

(684)

L-għajnuna trid tkun limitata għal EUR 1 500 għal kull parir.

3.8.   Għajnuna għal parteċipazzjoni ġdida tal-bdiewa attivi fi skemi tal-kwalità għall-qoton u l-oġġetti tal-ikel

(685)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għall-parteċipazzjoni l-ġdida tal-bdiewa attivi fi skemi tal-kwalità għall-qoton jew l-oġġetti tal-ikel bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(686)

L-għajnuna tikkonċerna l-ewwel parteċipazzjoni tal-bdiewa attivi f’waħda mill-kategoriji ta’ skemi tal- kwalità li ġejjin:

(a)

skemi tal-kwalità għal qoton jew l-oġġetti tal-ikel stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(b)

skemi tal-kwalità għal qoton jew oġġetti tal-ikel rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala konformi mal-kriterji li ġejjin:

(i)

l-ispeċifiċità tal-prodott finali prodott taħt skemi ta’ kwalità bħal dawn trid tkun ġejja minn obbligi ċari li jiġu ggarantiti

karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti; jew

metodu speċifiku ta’ biedja jew produzzjoni; jew

kwalità tal-prodott finali li tmur sew lil hinn mill-istandards tal-komoditajiet kummerċjali rigward is-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali jew il-protezzjoni ambjentali;

(ii)

l-iskema ta’ kwalità trid tkun miftuħa għall-produtturi kollha;

(iii)

l-iskema ta’ kwalità trid tkun tinvolvi speċifikazzjonijiet tal-prodott vinkolanti u l-konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet tiġi vverifikata minn awtoritajiet pubbliċi jew minn korp ta’ spezzjoni indipendenti;

(iv)

l-iskema ta’ kwalità trid tkun trasparenti u tiggarantixxi traċċabbiltà sħiħa tal-prodotti agrikoli;

(c)

skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja ta’ prodott agrikolu rikonoxxuti mill-Istati Membri li jissodisfaw il-Linji Gwida tal-Unjoni dwar l-aħjar prattika għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja relatati mal-prodotti agrikoli.

L-ispejjeż eliġibbli

(687)

L-għajnuna trid tingħata fil-forma ta’ pagament ta’ inċentiv annwali, li għandu jiġi ddeterminat skont il-livell tal-ispejjeż fissi li ġejjin minn parteċipazzjoni fl-iskemi tal- kwalità.

(688)

L-għajnuna tista’ tingħata għal perjodu massimu ta’ ħames snin.

L-ammont tal-għajnuna

(689)

L-għajnuna trid tkun limitata għal EUR 3 000 għal kull benefiċjarju kull sena.

3.9.   Għajnuna għal attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-qoton u oġġetti tal-ikel koperti minn skema tal-kwalità

(690)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna għall-attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-qoton u l-oġġetti tal-ikel bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

L-ispejjeż eliġibbli

(691)

Tista’ tingħata għajnuna għal attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-qoton u l-oġġetti tal-ikel li huma koperti minn skema tal-kwalità u li għalihom tingħata għajnuna skont it-Taqsima 3.8 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

(692)

L-għajnuna tista’ tingħata lil gruppi ta’ produtturi li qegħdin jimplimentaw l-attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni.

(693)

L-għajnuna trid tkopri l-ispejjeż għall-azzjonijiet bil-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

ikunu maħsuba biex jipperswadu lill-konsumaturi jixtru oġġetti tal-ikel jew qoton koperti minn skema tal-kwalità;

(b)

li jiġbdu l-attenzjoni għal karatteristiċi jew vantaġġi speċifiċi tal-oġġetti tal-ikel jew il-qoton, b’mod partikolari għall-kwalità, metodu ta’ produzzjoni speċifiku, standards għoljin ta’ trattament xieraq tal-annimali u r-rispett għall-ambjent b’rabta mal-iskema tal-kwalità kkonċernata.

(694)

L-azzjonijiet imsemmija fil-punt (693) ma jistgħux jinċitaw lill-konsumaturi biex jixtru ikel jew qoton minħabba l-oriġini partikolari tagħhom, ħlief għal dawk koperti mill-iskemi tal-kwalità introdotti mit-Titolu II tar-Regolament (EU) Nru 1151/2012.

(695)

Madankollu, tista’ tiġi indikata l-oriġini tal-oġġetti tal-ikel jew il-qoton, sakemm ir-referenza għall-oriġini tkun subordinata għall-messaġġ prinċipali.

(696)

L-attivitajiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni relatati ma' impriżi partikolari jew ta' marki kummerċjali ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-għajnuna.

(697)

Attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni fis-suq intern biss huma eliġibbli.

L-intensità tal-għajnuna

(698)

L-intensità tal-għajnuna trid tkun sa 70 % tal-ispejjeż eliġibbli.

3.10.   Għajnuna għall-kooperazzjoni fiż-żoni rurali

(699)

Il-Kummissjoni ser tqis l-għajnuna mill-Istat għall-kooperazzjoni fiż-żoni rurali kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(700)

L-għajnuna għandha tingħata sabiex tippromwovi l-forom ta’ koperazzjoni fost l-impriżi attivi fis-settur agrikolu, l-impriżi attivi fil-katina tal-provvista u atturi oħra li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-politika tal-iżvilupp rurali, inklużi gruppi ta’ produtturi, kooperattivi u organizzazzjonijiet interprofessjonali, meta mill-koperazzjoni jgawdu ż-żoni rurali.

(701)

Il-koperazzjoni trid tinvolvi mill-anqas żewġ entitajiet, u għandha tkun relatata l-aktar ma'

(a)

approċċi ta’ kooperazzjoni;

(b)

il-ħolqien ta’ raggruppamenti u netwerks;

(c)

it-twaqqif u t-tħaddim ta’ gruppi operazzjonali tal-EIP għall-produttività u s-sostenibbiltà tal-agrikoltura kif imsemmija fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(702)

L-għajnuna tista’ tingħata għall-kooperazzjoni relatata mal-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-proġetti pilota;

(b)

l-iżvilupp ta’ prodotti, prattiki u proċessi u teknoloġiji fis-setturi tal-ikel;

(c)

koperazzjoni bejn operaturi żgħar fl-organizzazzjoni ta’ proċessi ta’ ħidma konġunta u l-qsim ta’ faċilitajiet u riżorsi u għall-iżvilupp u/jew il-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-turiżmu relatati mat-turiżmu rurali;

(d)

kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn atturi tal-katina tal-provvista għat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra u swieq lokali;

(e)

attivitajiet ta’ promozzjoni f’kuntest lokali relatati mal-iżvilupp ta’ katina tal-provvista qasira u swieq lokali;

(f)

azzjonijiet konġunti mwettqa bil-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew adattament għalih;

(g)

approċċi konġunti għal proġetti ambjentali u prattiki ambjentali attwali inkluż il-ġestjoni effiċjenti tal-ilma, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-konservazzjoni tal-pajsaġġi agrikoli;

(h)

kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn l-atturi tal-katina tal-provvista għall-forniment sostenibbli tal-bijomassa għall-użu fl-ikel, fil-produzzjoni tal-enerġija u fil-proċessi industrijali;

(i)

l-implimentazzjoni, b’mod partikolari minn gruppi ta’ msieħba pubbliċi u privati ħlief dawk iddefiniti fil-punt (b) tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, tal-istrateġiji tal-iżvilupp lokali ħlief dawk iddefiniti fl-Artikolu 2(19) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jindirizzaw waħda jew aktar mill-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali;

(j)

id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-biedja f’attivitajiet li jikkonċernaw il-kura tas-saħħa, l-integrazzjoni soċjali, l-agrikoltura appoġġjata mill-komunità u l-edukazzjoni dwar l-ambjent u l-ikel.

(703)

Għajnuna għall-ħolqien ta’ raggruppamenti u netwerks tista’ tingħata biss lil raggruppamenti u netwerks ġodda li għadhom kif iffurmaw u dawk li għadhom kif bdew attività li hija ġdida għalihom.

(704)

Tista’ tingħata għajnuna għall-proġetti pilota msemmija fil-punt (702)(a) u għall-iżvilupp ta’ prodotti, prattiki, proċessi u teknoloġiji fis-settur tal-ikel imsemmija fil-punt (702)(b) anki lill-atturi individwali, fejn tiġi pprovduta din il-possibbiltà għall-programm ta’ żvilupp rurali. Ir-riżultati tal-proġetti pilota skont il-punt (702)(a) u l-attivitajiet skont (702)(b) imwettqa minn atturi individwali jridu jixxerrdu.

(705)

L-għajnuna għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ ktajjen qosra tal-provvista, kif imsemmi fil-punt (702)(d) u (e) trid tkopri biss il-ktajjen tal-provvista li jinvolvu xjen iktar minn intermedjarju wieħed bejn il-bidwi u l-konsumatur.

(706)

L-għajnuna taħt din it-Taqsima għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat.

(707)

L-għajnuna trid tkun limitata għal perjodu massimu ta’ seba’ snin minbarra l-azzjoni ambjentali kollettiva f’każijiet iġġustifikati kif xieraq.

L-ispejjeż eliġibbli

(708)

L-għajnuna tista’ tingħata biex tkopri l-ispejjeż eliġibbli li ġejjin:

(a)

studji dwar iż-żona kkonċernata, studji tal-fattibbiltà, u l-ispejjeż għat-tfassil ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jew strateġija tal-iżvilupp lokali minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(b)

l-ispejjeż tal-animazzjoni taż-żona kkonċernata sabiex proġett territorjali kollettiv jew proġett li jkun fattibbli li jitwettaq minn grupp operazzjonali tal-EIP għall-Produttività u s-Sostenibbiltà tal-Agrikoltura kif imsemmi fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013; fil-każ tar-raggruppamenti, l-attività tista’ tikkonċerna wkoll in-netwerking bejn membri u r-reklutaġġ ta’ membri ġodda;

(c)

l-ispejjeż operazzjonali tal-kooperazzjoni, bħall-paga tal-“koordinatur”;

(d)

l-ispejjeż diretti ta’ proġetti speċifiċi marbuta mal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, pjan ambjentali, strateġija ta’ żvilupp lokali minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew azzjonijiet oħra mmirati għall-innovazzjoni, inkluż l-ittestjar;

(e)

l-ispejjeż għall-attivitajiet ta’ promozzjoni.

(709)

L-ispejjeż diretti skont il-punt (708)(d) iridu jkunu limitati għall-ispejjeż eliġibbli ta’ għajnuna għall-investimenti, kif speċfikat fil-punti (635) sa (636) u jridu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet speċifiċi msemmija fil-punt (634).

L-intensità tal-għajnuna

(710)

L-intensità tal-għajnuna għall-ispejjeż imġarrba msemmija fil-punt (708)(a), (b), (c) u (e) ma tridx taqbeż il-50 %.

(711)

L-intensità tal-għajnuna għall-ispejjeż diretti skont il-punt (708)(d) ma tridx taqbeż dawk speċifikati fil-punt (638) ta’ dawn il-Linji Gwida, inkluż il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis għal proġetti ta’ investiment kbar. L-intensità tal-għajnuna li tapplika għaż-żona fejn jinsab l-investiment ser tapplika għall-benefiċjarji kollha li jieħdu sehem fil-proġett ta’ kooperazzjoni. Jekk l-investiment ikun jinsab f’żewġ żoni jew aktar, l-intensità massima tal-għajnuna għall-investiment ser tkun dik applikabbli fiż-żona fejn tkun ser tiġġarrab l-akbar parti tal-ispejjeż eliġibbli.

(712)

Il-livell limitu ta’ notifika msemmi fil-punt (639) japplika għall-għajnuna għall-ispejjeż diretti relatati mal-investimenti skont il-punt (708)(d).

3.11.   Għajnuna għat-twaqqif ta’ fondi reċiproki

(713)

Il-Kummissjoni se tqis l-għajnuna għat-twaqqif ta’ fondi reċiproki bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk tikkonforma mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, mad-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-Kapitolu 3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u mal-kundizzjonijiet li ġejjin.

(714)

Il-fond reċiproku kkonċernat irid:

(a)

jiġi akkreditat mill-awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali;

(b)

ikollu politika trasparenti dwar id-depożiti fil-fond u l-ġbid minnu;

(c)

ikollu regoli ċari li jattribwixxu r-responsabbiltajiet għal kwalunkwe dejn sostnut;

(d)

iħallas kontribuzzjoni finanzjarja lill-impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja għat-telf ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, u mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti kif speċifikat fit-Taqsimiet 1.2.1.2 u 1.2.1.3 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida u/jew it-telf ikkawżat minn inċidenti ambjentali.

(715)

L-Istati Membri jridu jiddefinixxu r-regoli għall-kostituzzjoni u l-ġestjoni tal-fondi reċiproki, b’mod partikolari għall-għoti ta’ pagamenti ta’ kumpens kif ukoll għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn ir-regoli. L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-arranġamenti tal-fondi jipprevedu penali f’każ ta’ negliġenza min-naħa tal-impriża.

L-ispejjeż eliġibbli

(716)

L-għajnuna ta’ hawn fuq tista’ tkun relatata biss mal-ispejjeż amministrattivi għat-twaqqif tal-fond reċiproku, mifruxa fuq massimu ta’ tliet snin b’mod digressiv; l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna billi japplikaw limiti massimi għal kull fond.

(717)

Ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna għall-istokk kapitali.

L-intensità tal-għajnuna

(718)

L-għajnuna trid tkun limitata għal 65 % tal-ispejjeż eliġibbli.

PARTI III. KWISTJONIJIET PROĊEDURALI

1.    It-tul tal-iskemi tal-għajnuna u evalwazzjoni

(719)

Skont il-prattika stabbilita fil-Linji Gwida ta’ qabel, sabiex tikkontribwixxi għat-trasparenza u għar-reviżjoni regolari tal-iskemi ta’ għajnuna kollha eżistenti, il-Kummissjoni ser tawtorizza biss l-iskemi ta’ għajnuna b’durata limitata. L-iskemi li jkopru l-għajnuna mill-Istat għal miżuri li jistgħu jibbenefikaw ukoll minn ko‐finanzjament tal-FAEŻR skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom ikunu limitati għad-durata tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Fejn id-dritt tal-Unjoni jippermetti hekk, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jagħmlu impenji ġodda għall-iżvilupp rurali abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni ser tapplika dawk il-Linji Gwida anki għal tali impenji ġodda. Skemi oħrajn ta’ għajnuna ma għandhomx japplikaw għal aktar minn seba’ snin.

(720)

Sabiex jiġi żgurat ulterjorment li jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li ċerti skemi jkunu soġġetti għal limitazzjoni ta’ żmien (is-soltu ta’ erba’ snin jew anqas) u għall-evalwazzjoni msemmija fil-punt (40). L-evalwazzjonijiet ser jitwettqu għal skemi fejn il-potenzjal tad-distorsjonijiet ikun partikolarment għoli, jiġifieri, dawk li jistgħu jirriskjaw li jkollhom effett ta’ restrizzjoni jew distorsjoni sinifikanti fuq il-kompetizzjoni jekk l-implimentazzjoni tagħhom ma tiġix eżaminata mill-ġdid fi żmien xieraq.

(721)

Minħabba l-għanijiet tal-evalwazzjoni u sabiex ma jiġix impost piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ għajnuna ta’ ammonti iżgħar, l-evalwazzjoni tapplika biss għall-iskemi ta’ għajnuna b’baġits għall-għajnuna kbar, li jkun fihom karatteristiċi ġodda jew li jkunu jipprevedu bidliet sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew fir-regolamentazzjoni. L-evalwazzjoni trid titwettaq minn espert li jkun indipendenti mill-awtorità awtorizzanti tal-għajnuna fuq il-bażi ta’ metodoloġija komuni u trid issir pubblika. Flimkien mal-iskema tal-għajnuna rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw abbozz tal-pjan ta' evalwazzjoni, li jkun parti integrali mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iskema.

(722)

Fil-każ tal-iskemi tal-għajnuna li mhumiex fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament ta' eżenzjoni ġenerali, esklussivament minħabba l-baġit kbir tagħhom, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tagħhom biss abbażi tal-pjan ta' evalwazzjoni.

(723)

L-evalwazzjoni trid tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni fiż-żmien opportun, biex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni tal-estensjoni possibbli tal-iskema tal-għajnuna u fi kwalunkwe każ, malli tiskadi. Kwalunkwe miżura ta’ għajnuna sussegwenti b'għan simili trid tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

2.    Klawżola ta’ reviżjoni

(724)

Għandha tiġi pprovduta klawżola ta’ reviżjoni għal impenji meħuda skont it-Taqsimiet 1.1.5.1 u 1.1.5.2., it-Taqsima 1.1.8, u t-Taqsimiet 2.3. u 3.4. tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida, sabiex ikun żgurat l-aġġustament tagħhom fil-każ tal-emendar tal-istandards obbligatorji, ir-rekwiżiti jew l-obbligi rilevanti msemmija f’dawk it-Taqsimiet li jridu jinqabżu mill-impenji li jissemmew f'dawk it-Taqsimiet.

(725)

L-operazzjonijiet imwettqin skont it-Taqsimiet 1.1.5.1, u 1.1.5.2., it-Taqsima 1.1.8, u t-Taqsimiet 2.3. u 3.4. tal-Parti II li jmorru lil hinn mill-perjodu ta’ programmazzjoni tal-iżvilupp rurali tal-2014-2020, għandu jkun fihom klawżola ta’ reviżjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu aġġustati għall-qafas legali tal-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara.

(726)

Jekk l-aġġustamenti msemmija fil-punti (724) u (725) ma jiġux aċċettati jew ma jiġux implimentati mill-benefiċjarju, l-impenn jiskadi u l-ammont tal-għajnuna għandu jitnaqqas għall-ammont tal-għajnuna li jikkorrispondi għall-perjodu sa ma jiskadi l-impenn.

3.    Rapportar u monitoraġġ

(727)

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (90) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (91) u l-emendi sussegwenti tagħhom, l-Istati Membri jridu jissottomettu rapporti annwali lill-Kummissjoni.

(728)

Ir-rapport annwali jrid ikun fih ukoll informazzjoni dwar dawn li ġejjin:

(a)

il-mard tal-annimali jew il-pesti tal-pjanti kkonċernati fit-Taqsima 1.2.1.3;

(b)

informazzjoni meteoroloġika fuq it-tip ta' avveniment klimatu jew id-diżastru naturali, meta jiġru, il-qilla relattiva tagħhom u l-post fejn jiġru, skont it-Taqsimiet 1.2.1.1 u 1.2.1.2 rispettivament.

(729)

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tfittex informazzjoni addizzjonali dwar skemi tal-għajnuna eżistenti fuq bażi ta’ każ b’każ, meta dan ikun meħtieġ biex tkun tista’ twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha skont l-Artikolu 108(1) tat-Trattat.

(730)

L-Istati Membri jridu jiżguraw li jinżammu reġistri ddettaljati rigward il-miżuri kollha li jinvolvu l-għoti ta’ għajnuna. Dawn ir-rekords iridu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet kollha ta’ dawn il-Linji Gwida li, fejn applikabbli, jirrigwardaw il-kostijiet eliġibbli u l-intensità massima permissibbli tal-għajnuna jkunux ġew irrispettati. Dawn ir-rekords iridu jinżammu għal 10 snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna u jridu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni meta din tagħmel talba għalihom.

4.    Applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida

(731)

Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-Linji Gwida mill-1 ta' Lulju 2014.

(732)

Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-Linji Gwida għal kull miżura nnotifikata fir-rigward ta’ liema tintalab tieħu deċiżjoni wara l-1 ta’ Lulju 2014, anki meta l-għajnuna kienet innotifikata qabel dik id-data. Madankollu, l-għajnuna individwali mogħtija skont l-iskemi ta’ għajnuna approvati u nnotifikati lill-Kummissjoni f’konformità ma’ obbligu ta’ notifika ta’ tali għajnuna fuq bażi individwali ser jiġu vvalutati skont dawn il-Linji Gwida li japplikaw għall-iskema ta’ għajnuna approvata li fuqha hija bbażata l-għajnuna individwali.

(733)

Għajnuna illegali ser tiġi vvalutata skont ir-regoli fis-seħħ fid-data ta’ għoti tal-għajnuna. L-għajnuna individwali mogħtija minn skema ta’ għajnuna illegali se tiġi vvalutata skont il-Linji Gwida li japplikaw għall-iskema ta’ għajnuna illegali fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna individwali.

(734)

Dawk li kienu l-Linji Gwida tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat fis-settur Agrikolu u tal-Forestrija għall-2007 sal-2013 huma mħassra mid-data tal-applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida. Għall-miżuri ta’ żvilupp rurali kofinanzjati mill-FAEŻR, fejn id-dritt tal-Unjoni jippermetti hekk, u skont il-kundizzjonijiet stabbilit fir-regoli ta’ żvilupp rurali, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jagħmlu impenji ġodda skont dawk li kienu l-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat fis-settur Agirkolu u tal-Forestrija għall-2007 sal-2013 skont il-Punt 189 (92).

5.    Proposti għal miżuri xierqa

(735)

B’mod konformi mal-Artikolu 108(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jemendaw l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tagħhom biex jikkonformaw ma’ dawn il-Linji Gwida sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2015. Dwar dan id-dewmien, japplikaw dawn id-derogi li ġejjin:

(a)

skemi tal-għajnuna eżistenti, meta l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-Forestrija u l-Agrikoltura għall-2007-2013 tkun għamlitha l-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1857/2006, iridu jkunu konformi ma' dawn il-Linji Gwida sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2015;

(b)

l-iskemi tal-għajnuna eżistenti biex jintlaħqu l-istandards skont is-Sottokapitolu IV.E tal-Linji Gwida Komunitarji għall-Għajnuna mill-Istat fis-settur Agrikolu u tal-Forestrija għall-2007-2013 u l-għajnuna għax-xiri ta’ art għall-forestrija użata bħala żona għall-protezzjoni tan-natura, għandhom jitneħħew sat-30 ta’ Ġunju 2016;

(c)

skemi tal-għajnuna eżistenti għall-eżenzjonijiet u t-tnaqqis fit-taxxa skont id-Direttiva 2003/96/KE msemmija fis-Sottokapitolu VI.F tal-Linji Gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat fis-settur Agrikolu u tal-Forestrija għall-2007-2013 iridu jikkonformaw mar-regoli orizzontali applikabbli tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-2014-2020 sat-30 ta’ Ġunju 2016, ħlief meta din l-għajnuna tkun eżentata mill-obbligu ta' notifika;

(d)

l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti għall-irtirar bikri għandhom jiġu eliminati gradwalment sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018.

(736)

L-Istati Membri huma mistiedna jesprimu l-qbil espliċitu inkondizzjonali tagħhom ma’ dawn il-miżuri xierqa proposti fi żmien xahrejn mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, il-Kummissjoni ser tassumi li l-Istat Membru inkwistjoni ma jaqbilx mal-miżuri proposti.

6.    L-iskadenza

(737)

Dawn il-Linji Gwida ser japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrevedi jew temenda dawn il-Linji Gwida fi kwalunkwe ħin jekk dan ikun meħtieġ, għal raġunijiet marbuta mal-politika dwar il-kompetizzjoni jew biex tqis politiki tal-Unjoni oħra, bħall-iżvilupp agrikolu u rurali jew kunsiderazzjonijiet ta’ politika tas-saħħa tal-bniedem u l-annimali, kunsiderazzjoni tal-politika ambjentali u l-protezzjoni tal-pjanti, u impenji internazzjonali, jew għal kwalunkwe raġuni oħra ġġustifikata.


(1)  Aktar dettalji dwar ir-riforma tal-PAK jinsabu fi: http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/index_en.htm

(2)  ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23.

(4)  ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41.

(5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(6)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(7)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(8)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(9)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(10)  Il-Komunikazzjoni tat-18 ta' Novembru 2010 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali (COM(2010) 672 finali).

(11)  Kif iddefinit fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(12)  COM(2010) 2020 finali.

(13)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2011) 21 finali).

(14)  COM(2012) 209 tat-8.5.2012.

(15)  Ara d-definizzjoni ta’ impriża f’diffikultà fil-punt (35)15.

(16)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2. Kif estiż bi ĠU C 156, 9.7.2009, p. 3 u ĠU C 296, 2.10.2012, p. 3.

(17)  F’dan ir-rigward, ara l-Kawżi konġunti T-244/93 u T-486/93, TWD Textilwerke Deggendorf GmbH v il-Kummissjoni, [1995] ECR II-02265.

(18)  Il-Kawża T-275/11 Télévision française 1 (TF1) v il-Kummissjoni [2013] ECR; Ara fost l-oħrajn. Il-Kawża C-174/02 Streekgewest Westelijk Noord-Brabant [2005], ECR I-85; Il-Kawża C-526/04 Laboratoires Boiron [2006] ECR I-7529; Il-Kawżi konġunti C-78/90, C-79/90, C-80/90, C-81/90, C-82/90 u C-83/90 Compagnie commerciale de l'Ouest v. Receveur principal des douanes de La Pallice-Port [1992], ECR I-1847; Il-Kawża C-234/99 Niels Nygård v Svineafgiftsfonden, u Ministeriet for Fødevarer [2002] ECR I-3657.

(19)  ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1.

(20)  It-test kif adottat fid-9.4.2014 jinsab fi: http://ec.europa.eu/competition/sectors/energy/legislation_en.html

(21)  ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1.

(22)  ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4.

(23)  ĠU C 188, 11.8.2009, p. 1.

(24)  ĠU C 188, 11.8.2009, p. 6.

(25)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-appikazzjoni tal-Artikolu 106(2), tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna lill-Istat f'forma ta' kumpens ta' servizz pubbliku mogħti lil ċerti intrapriżi responsabbli mill-immaniġġjar tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3) u l-Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnina tal-Istat fil-forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku, (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15).

(26)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (“id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma”) (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(27)  ĠU C 209, 23.7.2013 p.1.

(28)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(29)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).

(30)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1).

(31)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(32)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p.1).

(33)  COM(2012) 595, tas-17.10.2012.

(34)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 November 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(35)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(36)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

(37)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).

(38)  Ara pereżempju l-Kawża C-156/98 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-6857, il-paragrafu 78 u l-Kawża C-333/07 Régie Networks vs Rhone Alpes Bourgogne [2008] Ġabra I-10807, il-paragrafi 94 sa 116.

(39)  Ara l-punti (13) u (14) ta’ dawn il-Linji Gwida.

(40)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Kawża 177/78 Pigs&Bacon il-Kummissjoni v. McCarren [1979] ECR 2161, il-paragrafu 11.

(41)  Il-premessa 5 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(42)  Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni: Id-Direttiva 2009/147/KE (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7) (“id-Direttva dwar l-Għasafar”); Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KE tal-21 ta' Mejju 1992 (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7) (“id-Direttva dwar il-Ħabitats”); Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KE (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1) (“id-Direttva dwar in-Nitrati”); id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; Id-Direttiva 2006/118/KE (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19) (“id-Direttva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art”); Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71) (“l-Użu Sostenibbli tad-Direttiva dwar il-Pestiċidi”); Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1); Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1) (“id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali”) u meta applikabbli d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30) (“id-Direwttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika”).

(43)  Il-valur preżenti nett ta’ proġett (NPV) huwa d-differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u negattivi matul il-ħajja tal-investiment, imnaqqsa għall-valur attwali tagħhom (normalment billi jintuża l-kost tal-kapital).

(44)  Ir-rata ta’ redditu interna (IRR) mhijiex ibbażata fuq il-kontabilizzar tal-qligħ f’sena partikolari, imma tqis in-nixxiegħa ta’ flussi ta’ flus futuri li l-investitur jistenna li jirċievi tul il-perjodu kollu ta’ ħajja tal-investiment. Hija definita bħala r-rata ta’ skont li għaliha l-VPN ta’ nixxiegħa ta’ flussi ta’ flus huwa ugwali għal żero.

(45)  Għadd ta’ swieq jistgħu jiġu affettwati mill-għajnuna, għax l-impatt tal-għajnuna jista’ ma jkunx limitat għas-suq li jikkorrispondi għall-attività appoġġata, iżda jista’ jestendi għal swieq oħra li huma marbuta ma’ dak is-suq għax ikunu f’fażi anterjuri (upstream), posterjuri (downstream) jew kumplimentari, jew għax il-benefiċjarju jkun diġà fihom jew se jkun fihom fil-futur qrib.

(46)  Fil-Linji Gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u tal-forestrija għall-2007-2013 (ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1) ir-regoli li japplikaw għall-kumpaniji tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli diġà ġew armonizzati ma’ dawk li japplikaw għall-kumpaniji mhux agrikoli (il-punt 17 ta’ dawn il-Linji Gwida).

(47)  Dawn l-ostakli għad-dħul jinkludu ostakli legali (b’mod partikolari d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali), l-ekonomiji ta’ skala u l-ekonomiji ta’ firxa, l-ostakli għall-aċċess għan-netwerks u l-infrastruttura. Meta l-għajnuna tikkonċerna suq fejn il-beneficjarju tal-għajnuna jkun diġà stabbilit, l-ostakli possibbli għad-dħul jistgħu jintensifikaw is-setgħa sostanzjali fis-suq ta’ dan il-benefiċjarju bir-riżultat li jiġu intensifikati wkoll l-effetti negattivi possibbli ta’ dik is-setgħa fis-suq.

(48)  Meta jkun hemm xerrejja b’saħħithom fis-suq, huwa anqas probabbli li benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jżid il-prezzijiet fil-konfront ta’ dawn ix-xerrejja b’saħħithom.

(49)  Din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fi żmien sitt xhur mid-data tal-għoti (jew, għall-għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fiskali, fi żmien sena mid-data tad-dikjarazzjoni tat-taxxa). F’każ ta’ għajnuna mhux skont il-liġi, l-Istati Membri ser ikunu meħtieġa jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ din l-inormazzjoni ex post, tal-inqas fi żmien sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli f’format li jippermetti li d-dejta tkun tista’ titfittex, tiġi estratta u faċilment ippubblikata fuq l-internet, pereżempju f’format CSV jew XML.

(50)  Mhemmx bżonn li tiġi ppubblikata informazzjoni fuq għajnuna mogħtija qabel l-1 ta' Lulju 2016 u, għal għajnuna fiskali, mhemmx bżonn li tiġi ppubblikata informazzjoni fuq għajnuna mitluba jew mogħtija qabel l-1 ta' Lulju 2016.

(51)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(52)  Ara l-punt ta’ qiegħ il-paġna 64 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(53)  ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.

(54)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi tipoloġija Komunitarja għall-azjendi agrikoli (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 3).

(55)  Ara d-definizzjoni ta’ settur agrikolu fil-punt (35)2 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(56)  Ara d-definizzjoni ta’ SME fil-punt (35)13 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(57)  Ara d-definizzjoni ta’ intrapriża kbira fil-punt (35)14 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(58)  Pereżempju, fil-każ ta’ sottomiżuri mmirati għar-restawr u ż-żamma tal-ħabitats mistagħdra, l-għajnuna tista’ tingħata għal aktar minn seba’ snin fid-dawl tal-kumplessità biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(59)  Ara l-punt (52) u n-nota 42 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-Linji Gwida.

(60)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

(61)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(62)  ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(63)  ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(64)  ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).

(65)  ĠU C 341, 16.12.2010, p. 5.

(66)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 64 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(67)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 64 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(68)  Ara d-definizzjoni ta’ settur agrikolu fil-punt (35)2 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(69)  Dan japplika wkoll għall-kooperazzjoni relatata mal-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew il-produzzjoni ta’ bijokarburanti f’azjendi agrikoli, diment li jitħarsu l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 1.1.1.1 tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida.

(70)  Ara d-definizzjoni ta’ settur agrikolu fil-punt (35)2 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(71)  Il-Qorti tal-Ġustizzja, 11.11.2004, C 73/03, Spanja vs il-Kummissjoni, punt 37; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 23.2.2006, C-346/03 u C-529/03, Giuseppe Atzeni et, punt 79.

(72)  Il-Kummissjoni ma aċċettatx li nirien f’impjant tal-ipproċessar uniku li kien kopert minn assigurazzjoni kummerċjali normali jistgħu jiġu kkunsidrati bħala okkorrenza eċċezzjonali. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni ma taċċettax li tifqigħa ta’ mard tal-annimali jew l-okkorrenza ta' pesta tal-pjanti tista’ titqies li tikkostitwixxi diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali. Madankollu, f’każ wieħed, hija għarfet li l-firxa konsiderevoli ta’ marda tal-annimali kompletament ġdida kienet tikkostitwixxi avveniment eċċezzjonali.

(73)  Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat fil-każijiet N 274b/2010, N 274a/2010, SA.33605, SA.33628, SA.36787.

(74)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(75)  Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tal-infiq relatat mal-katina alimentari, is-saħħa tal-annimali u l-benessri tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/26/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jirevoka d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1).

(76)  Ara d-definizzjoni ta’ settur agrikolu fil-punt (35)2 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(77)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(78)  Ara d-definizzjoni ta’ settur agrikolu fil-punt (35)2 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(79)  Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29).

(80)  Il-Kawża T-139/09, Franza v. il-Kummissjoni [2012]ECR.

(81)  Ara d-definizzjoni ta’ settur agrikolu fil-punt (35)2 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(82)  Għall-abbozz tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà, jekk jgħoġbok ara l-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_state_aid_rescue_restructuring/index_en.html

(83)  Ara d-definizzjoni ta’ settur agrikolu fil-punt (35)2 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(84)  ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1.

(85)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020, COM(2011) 244 final.

(86)  It-tieni Konferenza Ministerjali dwar il-protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa, mis-16sas-17 ta’ Ġunju 1993, Ħelsinki/il-Finlandja “Riżoluzzjoni H1 – Linji Gwida Ġenerali għall-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti fl-Ewropa”.

(87)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-l-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p.7) (“id-Direttiva dwar il-Ħabitats”)

(88)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7) (“id-Direttiva dwar l-Għasafar”).

(89)  L-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat japplikaw għall-għajnuna għal servizzi fiż-żoni rurali, sakemm jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, filwaqt li jqisu l-interpretazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija fl-avviż li ġej tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna.

(90)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 3).

(91)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(92)  Kif immodifikat fid-19 ta’ Novembru 2013, ĠU C 339, 20.11.2013, p. 1.