6.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 136/3


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar rapporti ta’ referenza skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali

2014/C 136/03

WERREJ

1.

Introduzzjoni

2.

Għan ta’ din il-gwida

3.

Ambitu ta’ din il-gwida

4.

Dispożizzjonijiet legali dwar ir-rapport ta’ referenza

4.1.

Test rilevanti fl-IED

4.2.

Kelmiet u frażijiet ewlenin użati fl-IED

4.3.

Direttiva dwar il-Miżbliet

5.

Stadji fil-produzzjoni ta’ rapport ta’ referenza

5.1.

Stadju 1: Identifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi attwalment użati, prodotti jew rilaxxati fl-installazzjoni

5.2.

Stadju 2: Identifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi rilevanti

5.3.

Stadju 3: Valutazzjoni tal-possibilità ta’ kontaminazzjoni speċifika għas-sit

5.4.

Stadju 4: Storja tas-sit

5.5.

Stadju 5: Sitwazzjoni ambjentali

5.6.

Stadju 6: Karatterizzazzjoni tas-sit

5.7.

Stadju 7: Investigazzjoni dwar is-sit

5.8.

Stadju 8: Produzzjoni tar-rapport ta’ referenza

Appendiċi — lista tal-kontroll għall-investigazzjoni u għar-rapport ta’ referenza

1.   INTRODUZZJONI

L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (IED) tistipula li, “Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/60/KE, għad-Direttiva 2004/35/KE, għad-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (1) u għal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ħamrija, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal permess biex tkun żgurata l-konformità mal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet”.

L-Artikolu 22, il-paragrafi 2 sa 4, fih dispożizzjonijiet għal waqfien definittiv ta’ attivitajiet li jinvolvu l-użu, il-produzzjoni jew ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi rilevanti sabiex jipprevjenu u jindirizzaw kontaminazzjoni potenzjali tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art minn dawn is-sustanzi. Għodda ewlenija f’dan ir-rigward hija l-ħolqien ta’ “rapport ta’ referenza”. Meta attività tinvolvi l-użu, il-produzzjoni jew ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi rilevanti, u meqjusal-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art, għandu jitħejja rapport ta’ referenza qabel il-bidu tal-operat tal-installazzjoni jew qabel ma permess għal installazzjoni jiġi aġġornat għall-ewwel darba wara s-7 ta’ Jannar 2013. Ir-rapport se jservi ta’ referenza għal tqabbil mal-istat ta’ kontaminazzjoni mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet. Fejn informazzjoni pprovduta skont liġi nazzjonali oħra jew tal-Unjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu, dik l-informazzjoni tista’ tiġi inkluża jew annessa fir-rapport ta’ referenza li jiġi ppreżentat.

L-Artikolu 3(19) tal-IED jispjega li rapport ta’ referenza jeħtieġ li jipprovdi informazzjoni dwar l-istat ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi perikolużi rilevanti.

L-Artikolu 22(2) jispeċifika li rapport ta’ referenza għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

“(a)

informazzjoni dwar l-użu preżenti u, fejn disponibbli, dwar l-użi tas-sit fl-imgħoddi; kif ukoll

(b)

fejn disponibbli, l-informazzjoni eżistenti dwar il-miżuri (kejlijiet) tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art li jirriflettu l-istat fil-mument li r-rapport jiġi mfassal jew, alternattivament, miżuri (kejlijiet) ġodda tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art li jikkunsidraw il-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art b’dawk is-sustanzi perikolużi li għandhom jintużaw, fejn prodotti jew rilaxxati mill-installazzjoni kkonċernata.”

Skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tal-IED, “il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-gwida dwar il-kontenut tar-rapport ta’ bażi (referenza).”

Dik il-gwida hija stabbilita fil-Komunikazzjoni preżenti, biex l-Istati Membri jużawha matul l-implimentazzjoni tal-IED. Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tużaha meta tiġi biex tevalwa l-informazzjoni marbuta mar-rapport ta’ referenza fir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-IED.

Huwa meqjus xieraq li din il-gwida tista’ tiġi applikata b’mod ġenerali għall-installazzjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu II tal-IED. Madankollu, huwa importanti li tingħata kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li rapport bħal dan ikun komprensiv kemm jista’ jkun fid-deċiżjoni dwar il-kors ta’ azzjoni għall-iżvilupp ta’ rapport ta’ referenza fil-livell tal-installazzjoni. Huwa fl-interess tal-operatur li jiżgura li l-istat ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art identifikat fir-rapport ta’ referenza jkun ddettaljat biżżejjed, peress li din l-informazzjoni se tintuża biex tiddetermina liema kontaminazzjoni ġiet miżjuda matul l-operat tal-installazzjoni kkonċernata minn meta tkun ġiet stabbilita r-referenza.

2.   GĦAN TA’ DIN IL-GWIDA

Din il-gwida għandha l-għan li tiċċara b’mod prattiku l-formulazzjoni u l-għan tal-IED sabiex l-Istati Membri jimplimentawha b’mod konsistenti. Madankollu, mhix interpretazzjoni legalment vinkolanti tal-IED. L-uniku test legalment vinkolanti jibqa’ dak tal-IED innifsu. Barra minn hekk, interpretazzjoni uffiċjali tal-IED tista’ tingħata biss mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

3.   AMBITU TA’ DIN IL-GWIDA

Din il-gwida tipprovdi informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet legali dwar rapport ta’ referenza u jkopri -elementil li ġejjin tal-Artikolu 22 tal-IED li għandhom jiġu indirizzati fir-rapport ta’ referenza:

(i)

Li jiġi deċiż jekk jeħtieġx li jiġi ppreżentat rapport ta’ referenza;

(ii)

Li jitfasslu investigazzjonijiet ta’ referenza;

(iii)

Li tiġi mnedija strateġija ta’ teħid ta’ kampjuni;

(iv)

Li jiġi żviluppat ir-rapport ta’ referenza.

Din il-gwida ma tkoprix dawk l-elementi tal-Artikolu 22 li jirrigwardaw l-azzjonijiet meħtieġa mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet kif deskritt fl-Artikolu 22(3) u (4).

4.   DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREFERU GĦAL RAPPORT TA’ REFERENZA

4.1.   Test rilevanti fl-IED

L-elementi prinċipali li ġejjin mit-test tal-IED huma ta’ rilevanza fir-rigward tar-rapporti ta’ referenza.

Artikolu 3 – definizzjonijiet

(2)

“tniġġis” tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta, bħala riżultat ta’ attività umana, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħana jew ħsejjes fl-arja, fil-baħar jew fl-art li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent, li tirriżulta fi ħsara għal proprjetà materjali, jew tgħarraq jew tfixkel il-faċilitajiet u l-użi oħra leġittimi tal-ambjent;

(3)

“installazzjoni” tfisser unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I jew fil-Parti I tal-Anness VII, u kull attività oħra direttament assoċjata fuq l-istess sit li jkollhom konnessjoni teknika mal-attivitajiet elenkati f’dawk l-Annessi u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis;

(18)

“sustanzi perikolużi” tfisser sustanzi jew taħlitiet kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet;

(19)

“rapport ta’ bażi” (ta’ referenza) tfisser informazzjoni dwar il-qagħda tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi perikolużi rilevanti;

(20)

“ilma ta’ taħt l-art” tfisser ilma ta’ taħt l-art kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma;

(21)

“ħamrija” tfisser is-saff ta’ fuq nett tal-qoxra tad-Dinja li jinsab bejn il-qiegħ u l-wiċċ. Il-ħamrija hija magħmula minn partikoli minerali, materja organika, ilma, arja u organiżmi ħajjin.

Artikolu 12 — Applikazzjonijiet għal permessi

(1)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li applikazzjoni għal permess tkun tinkludi deskrizzjoni ta’ dan li ġej:

(d)

il-kondizzjonijiet tas-sit tal-installazzjoni;

(e)

fejn applikabbli, rapport ta’ referenza skont l-Artikolu 22(2).

Artikolu 22 — Għeluq tas-sit

(2)

Meta l-attività tinvolvi l-użu, il-produzzjoni jew ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi rilevanti, u fir-rigward tal-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art fuq is-sit tal-installazzjoni, l-operatur għandu jħejji u jippreżenta lill-awtorità kompetenti rapport ta’ bażi qabel ma jibda jħaddem installazzjoni jew qabel ma permess għal installazzjoni jiġi aġġornat għall-ewwel darba wara s-7 ta’ Jannar 2013.

Ir-rapport ta’ bażi (referenza) għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi determinat l-istat ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art sabiex isir tqabbil kwantitattiv mal-istat mal-waqfien definittiv al-attivitajiet.t

Ir-rapport ta’ referenza għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni dwar l-użu preżenti u, fejn disponibbli, dwar l-użi tas-sit fil-passat;

(b)

fejn disponibbli, l-informazzjoni eżistenti dwar il-miżuri (kejlijiet) tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art li jirriflettu l-istat fil-mument li r-rapport jiġi mfassal jew, alternattivament, miżuri (kejlijiet) ġodda tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art li jikkunsidraw il-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art b’dawk is-sustanzi perikolużi li għandhom jintużaw, fejn prodotti jew rilaxxati mill-installazzjoni kkonċernata.

Fejn informazzjoni pprovduta skont liġi nazzjonali oħra jew tal-Unjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu, dik l-informazzjoni tista’ tiġi inkluża jew annessa fir-rapport ta’ referenza li jiġi ppreżentat.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-gwida dwar il-kontenut tar-rapport ta’ referenza.

(3)

Mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet, l-operatur għandu jivvaluta l-istat ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art li tkun ġejja minn sustanzi perikolużi rilevanti użati, prodotti jew rilaxxati mill-installazzjoni. Meta l-installazzjoni tkun ikkawżat tniġġis sinifikattiv tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art permezz ta’ sustanzi perikolużi rilevanti meta mqabbel mal-qagħda stabbilita fir-rapport ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 2, l-operatur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex dak it-tniġġis jiġi indirizzat biex b’hekk is-sit imur lura għal dak l-istat. Għal dak il-għan, tista’ titqies il-fattibbiltà teknika ta’ miżuri bħal dawn.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet, u fejn il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art fuq is-sit tkun ta’ riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent bħala riżultat tal-attivitajiet permessi mill-operatur qabel mal-permess għall-installazzjoni jiġi aġġornat għall-ewwel darba wara s-7 ta’ Jannar 2013 u meqjusal-kondizzjonijiet tas-sit tal-installazzjoni stabbiliti f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 12(1), l-operatur għandu jieħu l-azzjonijiet meħtieġa mmirati lejn it-tneħħija, il-kontroll, il-konteniment jew it-tnaqqis ta’ sustanzi perikolużi rilevanti, sabiex is-sit, meqjus l-użu attwali jew futur approvat tiegħu, ma jibqax ikun ta’ riskju.

(4)

Meta l-operatur ma jkunx meħtieġ iħejji rapport ta’ referenza kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-operatur għandu, mal-waqfa definittiva tal-attivitajiet, jieħu l-azzjonijiet meħtieġa mmirati lejn it-tneħħija, il-kontroll, il-konteniment jew it-tnaqqis ta’ sustanzi perikolużi rilevanti sabiex is-sit, meqjus l-użu attwali jew futur approvat tiegħu, ma jkomplix ikun ta’ xi riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent minħabba l-kontaminazzjoni tal-ħamrija jew tal-ilma ta’ taħt l-art bħala riżultat tal-attivitajiet permessi u meqjusal-kondizzjonijiet tas-sit tal-installazzjoni stabbiliti f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 12(1).

4.2.   Kelmiet u frażijiet ewlenin użati fl-IED

Għall-iskop ta’ din il-gwida qed jingħataw dawn il-kjarifiki għal fehim aħjar tat-termini li ġejjin użati fil-kuntest tal-IED.

Sustanzi perikolużi rilevanti” (l-Artikolu 3(18) u l-Artikolu 22(2), l-ewwel subparagrafu) huma dawk is-sustanzi jew taħlitiet kif definiti fl-Artikolu 3 tar- Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-ippakkjar ta’ sustanzi u taħlitiet (Regolament CLP) li, b’konsegwenza tal-periklu, il-mobilità, il-persistenza u l-bijodegradabilità tagħhom (kif ukoll karatteristiċi oħra), huma kapaċi jikkontaminaw ħamrija u ilma ta’ taħt l-art, u huma użati, prodotti jew rilaxxati mill-installazzjoni.

Il-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art fuq is-sit tal-installazzjoni” (l-Artikolu 22(2), l-ewwel subparagrafu) tkopri għadd ta’ elementi importanti. L-ewwel nett, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa f’rapport ta’ referenza lill-kwantitajiet ta’ sustanzi perikolużi kkonċernati — fejn jintużaw, jiġu prodotti jew jiġu rilaxxati kwantitajiet żgħar ħafna fuq is-sit tal-installazzjoni, il-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni x’aktarx tkun insinifikanti għall-iskop ta’ produzzjoni ta’ rapport ta’ referenza. It-tieni, ir-rapporti ta’ referenza għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art tas-sit, kif ukoll l-impatt ta’ dawk il-karatteristiċi fuq il-possibbiltà li sseħħ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art. It-tielet, għal installazzjonijiet eżistenti, il-karatteristiċi tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati fejn huma tali li fil-prattika jkun impossibbli li sseħħ il-kontaminazzjoni.

It-terminu “kontaminazzjoni” jinftiehem bħala interskambjabbli mat-terminu “tniġġis” kif iddefinit fl-Artikolu 3(2) tal-IED.

Tqabbil ikkwantifikat” (l-Artikolu 22(2), it-tieni subparagrafu) jeħtieġ li jkun jista’ jsir tqabbil kemm għall-firxa kif ukoll għall-grad ta’ kontaminazzjoni mar-rapport ta’ referenza u fil-waqt tal-waqfien definittiv tal-attivitajiet. Tqabbil kwalitattiv biss huwa għalhekk eskluż mill-użu ta’ dan it-terminu fl-Artikolu 22(2). Huwa fl-interess tal-operatur li jiżgura li l-kwantifikazzjoni tkun eżatta u preċiża biżżejjed li tippermetti tqabbil sinifikattiv mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet.

L-informazzjoni meħtieġa biex jiġi determinat l-istat ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art” (l-Artikolu 22(2), it-tieni subparagrafu) jinftiehem bħala li jinkludi mill-inqas iż-żewġ elementi li ġejjin:

(a) informazzjoni dwar l-użu preżenti u, fejn disponibbli, dwar l-użi tas-sit fil-passat; Fil-kuntest ta’ dan ir-rekwiżit, it-terminu “fejn disponibbli” għandu jinftiehem li l-informazzjoni tkun aċċessibbli għall-operatur tal-installazzjoni filwaqt li titqies l-affidabbiltà ta’ tali informazzjoni fuq l-użi fil-passat.

Informazzjoni dwar konċentrazzjonijiet fil-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art ta’ dawk is-sustanzi perikolużi rilevanti li se jintużaw, jiġu prodotti jew jiġu rilaxxati mill-installazzjoni. Fejn żviluppi fis-sit magħrufa minn qabel fil-mument li r-rapport jiġi mfassal jistgħu jirriżultaw f’użu, produzzjoni jew rilaxx ta’ sustanzi perikolużi addizzjonali, huwa rakkomandabbli li tiġi inkluża wkoll informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet fil-ħamrija u fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ dawk is-sustanzi perikolużi rilevanti. Fejn tali informazzjoni ma tkunx diġà teżisti, għandu jsir kejl ġdid meta jkun hemm possibbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba l-użu, il-produzzjoni jew ir-rilaxx ta’ dawk is-sustanzi perikolużi mill-installazzjoni (ara wkoll hawn fuq dwar it-tifsira ta’ “Tqabbil ikkwantifikat”).

4.3.   Direttiva dwar il-Miżbliet

Il-miżbliet jirrappreżentaw tip partikolari ta’ attività taħt l-IED (Anness I, attività 5.4) billi dawn huma wkoll koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (id-Direttiva dwar il-Miżbliet). L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar il-Miżbliet tagħmilha ċara li għal dawk il-miżbliet li huma soġġetti għad-Direttiva tal-IPPC (2008/1/KE), ir-rekwiżiti tekniċi rilevanti jinsabu fi ħdan id-Direttiva dwar il-Miżbliet u li r-rekwiżiti tekniċi rilevanti tad-Direttiva IPPC huma ssodisfatti meta jkun hemm konformità mad-Direttiva dwar il-Miżbliet.

Peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tal-IED ma kinux inklużi taħt id-Direttiva tal-IPPC ta’ qabel, ma jistax jiġi konkluż li fil-każ tal-miżbliet l-ebda rapport ta’ referenza ma huwa meħtieġ. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Miżbliet, b’mod partikolari fil-punt 3 tal-Anness I tagħha (rekwiżiti ġenerali li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art), għandhom jiżguraw li l-ebda materjal perikoluż ma jitħalla jidħol fil-ħamrija u fl-ilma ta’ taħt l-art. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-Miżbliet fiha bosta elementi utli għat-tfassil ta’ rapport ta’ referenza, li għandu jkun ikkompletat fuq bażi ta’ każ b’każ. Għall-kwantifikazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art jistgħu jkunu meħtieġa proċeduri u metodi partikolari biex jittieħed kont tal-fatturi partikolari ta’ miżbla (kisi). Fil-każ li jseħħu attivitajiet oħra direttament assoċjati fuq is-sit ta’ miżbla, dawn minnhom infushom jistgħu jeħtieġu li jiġi ppreżentat rapport ta’ referenza.

5.   STADJI FIL-PRODUZZJONI TA’ RAPPORT TA’ REFERENZA

Għadd ta’ ħidmiet ewlenin għandhom jitwettqu biex jiġi determinat jekk jeħtieġx li jiġi ppreżentat rapport ta’ referenza għal sitwazzjoni partikolari u biex jiġi prodott ir-rapport ta’ referenza nnifsu.

Ġew identifikati tmien stadji f’dan il-proċess, li jkopru l-elementi ewlenin li ġejjin:

L-istadji 1-3: biex jiġi deċiż jekk rapport ta’ referenza hux meħtieġ;

L-istadji 4-7: biex jiġi ddeterminat kif għandu jitħejja rapport ta’ referenza;

L-istadju 8: biex jiġi ddeterminat il-kontenut tar-rapport.

Fejn matul l-istadji 1-3 jiġi ppruvat abbażi tal-informazzjoni disponibbli li mhux meħtieġ rapport ta’ referenza, ma hemmx għalfejn wieħed jgħaddi għall-istadji ta’ wara. Tali prova għandha tiġi reġistrata u għandha tinżamm mill-awtorità kompetenti, inklużi r-raġunijiet għal tali deċiżjoni.

Jista’ jagħti l-każ li installazzjoni li mhix meħtieġa li tippreżenta rapport ta’ referenza tagħmel tibdil fl-attivitajiet fuq il-post fil-ġejjieni b’tali mod li se jkun meħtieġ rapport ta’ referenza, pereżempju meta sustanzi perikolużi jiġu proposti biex jiġu inklużi fi proċess ġdid għall-ewwel darba. F’dan il-każ, il-ħtieġa li jiġi ppreżentat rapport ta’ referenza b’konnessjoni ma’ aġġornament tal-permess għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid skont din il-gwida.

Fejn ikun possibbli, għandu jsir użu minn informazzjoni eżistenti għat-tlestija tal-istadji 1 sa 5.

F’xi każijiet, l-informazzjoni mogħtija skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent jistgħu jintużaw b’mod utli biex jinfurmaw xi elementi tar-rapport ta’ referenza.

Barra minn hekk, is-sorsi ta’ informazzjoni li ġejjin jistgħu jkunu ta’ rilevanza għat-tfassil tar-rapport ta’ referenza:

informazzjoni miġbura fil-kuntest tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi (id-Direttiva Seveso III), b’mod partikolari fir-rigward tal-istadju 4;

informazzjoni inkluża fid-dokumenti ta’ referenza BAT, speċjalment dak dwar l-Emissjonijiet mill-Ħżin, b’mod partikolari fir-rigward tal-istadji 6 u 7.

Madankollu, meta dan ma jkunx possibbli għandha tinġabar informazzjoni ġdida.

Għalkemm l-istadji huma nnumerati 1-8 għal referenza faċli, huwa possibbli li l-istadji jitwettqu f’ordni differenti jew simultanjament.

Tabella 5.1

Stadji ewlenin tat-tħejjija tar-rapport ta’ referenza

Stadju

Attività

Objettiv

1.

Identifika liema sustanzi perikolużi jintużaw, jiġu prodotti jew jiġu rilaxxati fl-installazzjoni, u ppreżenta lista ta’ dawn is-sustanzi perikolużi.

Iddeċiedi dwar jekk jintużawx, jiġux prodotti jew jiġux rilaxxati sustanzi perikolużi, bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni rigward il-ħtieġa li jitħejja u jiġi ppreżentat rapport ta’ referenza.

2.

Identifika liema mis-sustanzi perikolużi mill-IsStadju 1 huma “sustanzi perikolużi rilevanti” (ara t-Taqsima 4.2).

Warrab dawk is-sustanzi perikolużi li mhumiex kapaċi jikkontaminaw il-ħamrija jew l-ilma ta’ taħt l-art. Iġġustifika u rreġistra d-deċiżjonijiet meħuda biex jiġu esklużi ċerti sustanzi perikolużi.

Biex tirrestrinġi l-konsiderazzjoni ulterjuri biss għas-sustanzi perikolużi rilevanti, bil-ħsieb litittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-ħtieġa ta’ tħejjija u ta’ preżentazzjoni ta’ rapport ta’ referenza.

3.

Għal kull sustanza perikoluża rilevanti li tgħaddi mill-istadju 2, identifika l-possibbiltà attwali ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art fuq is-sit tal-istallazzjoni, inkluża l-probabbiltà ta’ rilaxxi u l-konsegwenzi tagħhom, u b’konsiderazzjoni partikolari ta’:

il-kwantitajiet ta’ kull sustanza perikoluża jew gruppi ta’ sustanzi perikolużi simili kkonċernati;

kif u fejn jinħażnu, jintużaw u jiġu ttrasportati s-sustanzi perikolużi madwar l-installazzjoni;

fejn hemm ir-riskju li jiġu rilaxxati;

Fil-każ ta’ installazzjonijiet eżistenti, ukoll il-miżuri li ġew adottati biex jiġi żgurat li huwa impossibbli fil-prattika li sseħħ il-kontaminazzjoni tal-ħamrija jew tal-ilma ta’ taħt l-art.

Biex tidentifika liema sustanzi perikolużi rilevanti jirrappreżentaw riskju potenzjali ta’ tniġġis fis-sit abbażi tal-possibbiltà li jseħħu rilaxxi ta’ tali sustanzi.

Għal dawn is-sustanzi, għandha tiġi inkluża l-informazzjoni fir-rapport ta’ referenza.

4.

Agħti l-istorja tas-sit fl-imgħoddi. Ikkunsidra id-dejta disponibbli u l-informazzjoni:

Fir-rigward tal-użu attwali tas-sit, u dwar emissjonijiet ta’ sustanzi perikolużi li seħħu u li setgħu jagħtu lok għal tniġġis. B’mod partikolari, kkunsidra aċċidenti jew inċidenti, taqtir jew tixrid minn operazzjonijiet ta’ rutina, bidliet fil-prattika operattiva, kisi tal-wiċċ tas-sit, bidliet fis-sustanzi perikolużi użati.

Użi preċedenti tas-sit li setgħu jirriżultaw fir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi, kemm jekk huma l-istess bħal dawk użati, prodotti jew rilaxxati mill-istallazzjoni eżistenti kif ukoll jekk differenti.

Ir-reviżjoni ta’ rapporti ta’ investigazzjoni preċedenti tista’ tgħin fil-ġbir ta’ din id-dejta.

Identifika sorsi potenzjali li setgħu wasslu biex is-sustanzi perikolużi identifikati fl-IsStadju 3 jkunu diġà preżenti fuq is-sit tal-installazzjoni.

5.

Identifika s-sitwazzjoni ambjentali tas-sit, inkluż:

It-topografija;

Il-ġeoloġija;

Id-direzzjoni tat-tnixxija tal-ilma ta’ taħt l-art;

Mogħdijiet ta’ migrazzjoni potenzjali oħra bħal sistemi ta’ dranaġġ u kanali ta’ servizz;

Aspetti ambjentali (eż. ħabitats partikolari, speċijiet, żoni protetti, eċċ.); kif ukoll

L-użu tal-art tal-madwar.

Iddetermina fejn jistgħu jmorru s-sustanzi perikolużi jekk jiġu rilaxxati u fejn għandu jsir it-tfittix għalihom. Identifika wkoll il-mezzi u r-riċetturi ambjentali li huma potenzjalment fir-riskju u fejn hemm attivitajiet oħra fil-qasam li jerħu l-istess sustanzi perikolużi u jistgħu jġegħilhom jemigraw lejn is-sit.

6.

Uża r-riżultati tal-Istadji 3 sa 5 biex jiġi deskritt is-sit, b’mod partikolari bit-turija tal-post, it-tip, il-firxa u l-kwantità tas-sorsi ta’ emissjonijiet ta’ tniġġis storiku u dawk potenzjali futuri, filwaqt li tieħu nota tal-istrati u l-ilma ta’ taħt l-art li x’aktarx jista’ jiġi affetwat minn dawk l-emissjonijiet — b’rabtiet bejn is-sorsi tal-emissjonijiet, il-mogħdijiet li permezz tagħhom it-tniġġis jista’ jimxi u r-riċevituri li x’aktarx jiġu affettwati.

Identifika l-post, in-natura u l-punt sa fejn jeżisti tniġġis fuq is-sit u s-sejbin ta’ liema saffi u ilma ta’ taħt l-art jistgħu jiġu affettwati minn tniġġis bħal dan. Qabbel ma’ emissjonijiet futuri potenzjali biex tara jekk iż-żoni jikkoinċidux.

7.

Jekk hemm biżżejjed informazzjoni li tikkwantifika t-tniġġis tal-istat tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi perikolużi rilevanti abbażi tal-Istadji (1) sa (6), mur direttament għall-Istadju 8. Jekk ma teżistix biżżejjed informazzjoni se tkun meħtieġa investigazzjoni intrużiva tas-sit sabiex tinġabar l-informazzjoni. Id-dettalji ta’ din l-investigazzjoni għandhom jiġu ċċarati mal-awtorità kompetenti.

Iġbor informazzjoni addizzjonali kif meħtieġ li tippermetti valutazzjoni kwantifikata tat-tniġġis tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi perikolużi rilevanti.

8.

Ipproduċi rapport ta’ referenza għall-installazzjoni li jikkwantifika l-istat ta’ tniġġis tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi perikolużi.

Ipprovdi rapport ta’ referenza skont l-IED.

Kull wieħed mit-8 stadji huwa spjegat f’aktar dettall hawn taħt.

5.1.   Stadju 1: Identifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi attwalment użati, prodotti jew rilaxxati fl-installazzjoni

Ipproduċi lista ta’ sustanzi perikolużi użati mill-ħajt ‘l ġewwa tal-installazzjoni (jew bħala materja prima, prodotti, intermedjarji, prodotti sekondarji, emissjonijiet jew skart). Din għandha tinkludi s-sustanzi perikolużi kollha assoċjati kemm mal-attivitajiet fl-Anness I tal-IED kif ukoll ma’ attivitajiet direttament assoċjati li għandhom konnessjoni teknika mal-attivitajiet imwettqa u li jista’ jkollhom effett fuq it-tniġġis tal-ħamrija jew tal-ilma ta’ taħt l-art.

Fejn sustanzi perikolużi huma elenkati taħt ismijiet kummerċjali, il-kostitwenti kimiċi għandhom ukoll jiġu identifikati. Għal taħlitiet jew komposti l-proporzjon relattiv tal-aktar sustanzi kimiċi kostitwenti għandhom jiġu identifikati.

5.2.   Stadju 2: Identifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi rilevanti

Mil-lista prodotta mill-Istadju 1, iddetermina r-riskju potenzjali ta’ tniġġis ta’ kull sustanza perikoluża billi tqis il-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi tagħha bħal: il-kompożizzjoni, l-istat fiżiku (solidu, likwidu jew gass), is-solubilità, it-tossiċità, il-mobilità, il-persistenza, eċċ. Din l-informazzjoni għandha tintuża biex jiġi ddeterminat jekk is-sustanza għandhiex il-potenzjal li tikkawża tniġġis ta’ ħamrija u ilma ta’ taħt l-art. Id-dejta, flimkien mar-raġunament użat fl-interpretazzjoni tagħha, għandha tiġi ppreżentata b’mod li jkun ċar fir-rapport ta’ referenza għaliex is-sustanzi ġew esklużi jew inklużi.

Fejn grupp ta’ sustanzi juru karatteristiċi simili, jistgħu jitqiesu flimkien kemm-il darba tingħata ġustifikazzjoni għar-raggruppament.

Is-sorsi ta’ informazzjoni jistgħu jinkludu l-inventarju tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar li jkun fih informazzjoni ta’ klassifikazzjoni u tikkettjar dwar sustanzi nnotifikati skont ir- Regolament (KE) Nru 1272/2008 (ir-Regolament CLP) u informazzjoni kimika dwar sustanzi reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ir-Regolament REACH). Sorsi oħra ta’ informazzjoni jistgħu jinkludu wkoll ir-rapporti tal-valutazzjoni tar-riskju għal 141 sustanza kimika skont ir- Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 (ir-Regolament dwar Sustanzi Eżistenti). Dawn is-sorsi kollha jistgħu jinsabu fuq il-websajt tal-ECHA (2).

Fejn ikun ċar li sustanzi perikolużi użati, prodotti jew rilaxxati fl-installazzjoni ma jistgħux joħolqu kontaminazzjoni ta’ ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art, ma jeħtieġx li jiġi prodott rapport ta’ referenza.

Is-sustanzi perikolużi rilevanti identifikati għandhom jgħaddu għall-Istadju 3 għal aktar konsiderazzjoni.

5.3.   Stadju 3: Valutazzjoni tal-possibilità ta’ kontaminazzjoni speċifika għas-sit

Kull sustanza miġjuba ‘l quddiem mill-Istadju 2 għandha titqies fil-kuntest tas-sit biex jiġi ddeterminat jekk jeżistux ċirkustanzi li jistgħu jirriżultaw fir-rilaxx tas-sustanza fi kwantitajiet suffiċjenti biex jirrappreżentaw riskju ta’ tniġġis, jew bħala riżultat ta’ emissjoni unika jew bħala riżultat tal-akkumulazzjoni minn diversi emissjonijiet.

Il-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu:

(i)

Il-kwantità ta’ kull sustanza perikoluża mmaneġġjata, prodotta jew emessa fir-rigward tal-effetti tagħha fuq l-ambjent.

Trid tingħata attenzjoni minħabba li tnixxija kontinwa ta’ kwantità limitata tul perjodu ta’ żmien tista’ tikkawża tniġġis sinifikanti. Fejn tinżamm informazzjoni input-output dwar sustanzi perikolużi, din għandha tiġi eżaminata biex jinstabu emissjonijiet possibbli fil-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art;

(ii)

Il-post ta’ kull sustanza perikoluża fuq is-sit eż. fejn tinsab jew se tinġarr, fejn hi maħżuna, użata, imċaqilqa madwar is-sit, emessa eċċ., b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art f’dik il-parti tas-sit;

(iii)

Fil-każ ta’ installazzjonijiet eżistenti: il-preżenza u l-integrità ta’ mekkaniżmi ta’ konteniment, in-natura u l-kondizzjoni tal-kisi tal-wiċċ tas-sit, fejn jinsabu d-dranaġġi, is-servizzi jew kanali potenzjali oħra għall-migrazzjoni.

Il-metodu ta’ ħżin, l-immaniġġjar u l-użu ta’ sustanzi perikolużi rilevanti jeħtieġ li jiġi identifikat u jekk hemmx xi mekkaniżmi ta’ konteniment li ma jħallux li jseħħu emissjonijiet; eż. ħitan ta’ konteniment, simenta għall-ħżin ta’ materjali, proċeduri ta’ maniġġjar.

Għandha ssir spezzjoni fiżika fid-dettall tas-sit biex jiġu vverifikati l-integrità u l-effiċjenza tal-miżuri li ma jħallux li jkun hemm rilaxx ta’ sustanzi.

Eżempji tat-tipi ta’ informazzjoni li trid tinġabar huma:

jekk l-istrutturi u l-kisi tas-sit humiex maqsuma jew għandhomx ħsara. Identifika jekk hemmx ġonot jew xquq fil-viċinanza ta’ punti potenzjali ta’ emissjoni;

jekk hemmx sinjali ta’ attakk kimiku għall-uċuħ tal-konkrit;

jekk id-dranaġġi ta’ pproċessar humiex f’kundizzjoni tajba. Fejn huwa mingħajr periklu biex dan isir, spezzjona manholes, kanali u dranaġġi mikxufa;

identifika r-rotot tad-dranaġġ, kurituri ta’ servizzi, eċċ. u lokalizzazzjoni ta’ skarkir ta’ ilma;

identifika s-sinjali ta’ emissjonijiet li diġà seħħu, eżamina n-natura u l-firxa tagħhom, u kkunsidra l-probabbiltà ta’ rikorrenza tal-emissjonijiet;

identifika jekk iseħħux fis-sit emissjonijiet diretti jew indiretti ta’ sustanzi perikolużi lejn l-art jew l-ilma ta’ taħt l-art.

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, għandhom jiġu deskritti ċ-ċirkostanzi li fihom emissjoni fil-ħamrija jew fl-ilma ta’ taħt l-art tista’ sseħħ u l-probabbiltà ta’ tali emissjonijiet, u għandhom jiġu identifikati s-sustanzi li jistgħu jiġu emessi fl-ambjent u li jwasslu għal riskju ta’ tniġġis potenzjali.

Iċ-ċirkustanzi li fihom l-emissjonijiet jistgħu jseħħu jinkludu:

Aċċidenti/Inċidenti eż. qlib ta’ tanker fuq triq tas-sit; qsim ta’ kontenitur; tnixxija minn tank taħt l-art; siġill li jinqasam; tnixxija aċċidentali; tnixxijiet minn qsim ta’ dranaġġi; nar;

Operazzjonijiet ta’ rutina eż. taqtir waqt it-trasport jew minn ġonot tal-pajpijiet, tixrid żgħir matul it-tferrigħ/trasferiment ta’ prodott, tnixxijiet minn dranaġġi mblukkati jew imkissra, xquq fis-simenti tal-konkrit;

Emissjonijiet ppjanati eż. tnixxijiet lejn ilma fuq l-art jew lejn ilma taħt l-art.

Meta jkun jidher li minħabba l-kwantitajiet ta’ sustanzi perikolużi użati, prodotti jew rilaxxati fl-installazzjoni, jew minħabba l-karatteristiċi tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art tas-sit ma jkun hemm l-ebda possibbiltà sinifikanti ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija jew tal-ilma ta’ taħt l-art, ma jibqax meħtieġ rapport ta’ referenza.

Fil-każ ta’ installazzjonijiet eżistenti, fejn jittieħdu miżuri li jagħmluha impossibbli fil-prattika li sseħħ kontaminazzjoni tal-ħamrija jew tal-ilma ta’ taħt l-art, ukoll mhux meħtieġ rapport ta’ referenza.

Fejn, bħala riżultat ta’ dan l-istadju, jitqies li rapport ta’ referenza mhuwiex meħtieġ, xorta huwa mistenni li ssir reġistrazzjoni ta’ tali deċiżjoni, inklużi r-raġunijiet għad-deċiżjoni, mill-operatur u li tiġi vvalutata ulterjorment u aċċettatamill-awtorità kompetenti.

5.4.   Stadju 4: Storja tas-sit

L-għan ta’ din it-Taqsima huwa li jiġi ddeterminat liema sustanzi perikolużi rilevanti identifikati mill-iStadju 3 għandhom il-potenzjal li jkunu preżenti fuq is-sit fil-ħamrija u fl-ilma ta’ taħt l-art diġà bħala riżultat ta’ attivitajiet sal-jum preżenti u biex jiġi ddeterminat jekk jikkoinċidux ma’ punti ta’ emissjoni potenzjali futuri.

L-istorja tas-sit għandha tqis kemm (i) l-istorja tas-sit qabel l-iżvilupp tal-installazzjoni attwali/proposta kif ukoll (ii) l-istorja operattiva tal-installazzjoni attwali/proposta kif ġej:

(i)

Elenka l-użi preċedenti tas-sit minn għalqa sempliċi għall-iżvilupp tal-installazzjoni proposta. Identifika jekk dawn l-użi huwiex probabbli li nvolvew xi sustanzi perikolużi rilevanti identifikati fl-Istadju 3. Jekk iva, fejn aktarx li ġew immaniġġjati, x’inhi l-probabbiltà ta’ emissjonijiet fil-ħamrija/l-ilma ta’ taħt l-art, u liema rimedju ttieħed, jekk huwa l-każ? Fejn disponibbli, għandha tintuża dejta speċifika għas-sit.

(ii)

Għal installazzjoni li hija diġà operattiva fil-mument ta’ produzzjoni ta’ rapport ta’ referenza, x’inhi l-probabbiltà ta’ emissjonijiet matul l-istorja operattiva fis-sit? Punti speċifiċi li ta’ min jikkunsidra:

Il-post, in-natura u l-firxa ta’ aċċidenti, inċidenti, jew rimi dirett magħmula storikament (permessi jew mod ieħor) li setgħu kkawżaw rilaxx ta’ sustanzi perikolużi rilevanti fil-ħamrija jew fl-ilma ta’ taħt l-art

X’bidliet jew titjib sar fil-proċess, fis-sustanzi kimiċi mmaniġġjati, il-postijiet tal-ħażna, il-metodi ta’ rimi eċċ. u għaliex? Pereżempju, kienu riżultat ta’ inċident, aċċident, kważi inċident preċedenti eċċ., saru biex jitnaqqas ir-riskju ta’ emissjonijiet, biex titjieb l-effiċjenza, jitnaqqas l-iskart eċċ? Jindikaw li setgħu seħħew xi emissjonijiet?

Ir-rekords tal-manutenzjoni — juru integrità xierqa għal dranaġġi, tankijiet, ħitan ta’ konteniment, pajpijiet eċċ.? Kienu jsiru mill-bidu tal-attività jew ġew introdotti reċentement?

Dettalji tal-investigazzjonijiet tas-sit imwettqa qabel u xogħlijiet ta’ rimedju.

Dejta ta’ spezzjoni fiżika miġbura matul l-Istadju 3 tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni dwar il-preżenza ta’ tbajja’, evidenza ta’ korrużjoni, il-preżenza ta’ kisi ġdid, eċċ.

5.5.   Stadju 5: Sitwazzjoni ambjentali

Bħala riżultat tal-Istadji 1-4 jiġu identifikati l-postijiet fuq is-sit fejn jistgħu jitfaċċaw emissjonijiet fil-ġejjieni u fejn setgħu diġà seħħew emissjonijiet. L-Istadju 5 għandu l-għan li jiddetermina d-destin ta’ dawn l-emissjonijiet, is-saffi u l-ilma ta’ taħt l-art li jistgħu jkunu affettwati u li jistabbilixxi l-grad u l-fond sa fejn l-art teħtieġ li tkun ikkaratterizzata. Dan jeħtieġ fehim tal-karatteristiċi tal-art u tal-ilma ta’ taħt l-art fuq is-sit kif ukoll fl-inħawi tal-madwar li jistgħu jinfluwenzaw is-sit tal-istallazzjoni stess.

Fejn disponibbli, għandha tintuża dejta speċifika għas-sit. Meta d-dejta speċifika ma tkunx disponibbli, uża dejta ta’ referenza, valutazzjoni kwalitattiva/soġġettiva, dejta dedotta jew estrapolata. Għal kull każ, is-sors tad-dejta għandha tiġi identifikata, u fejn din ma tkunx speċifika għas-sit, għandu jkun hemm ġustifikazzjoni għall-użu tad-dejta magħżula, inklużi dettalji ta’ kwalunkwe marġni ta’ żball applikabbli.

Fil-kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tas-sit, għandha tinġabar id-dejta li ġejja:

It-topografija

Mit-topografija lokali u t-tip tal-wiċċ tal-art (konkrit, art mikxufa eċċ.) fil-viċinanza ta’ kull punt ta’ emissjoni se jidher l-effett immedjat ta’ xi emissjonijiet, kif ukoll il-post tal-emissjoni f’rabta mal-wiċċ tal-art (eż. fil-livell tal-art, fuq l-art, fuq minn fejn jgħaddu l-pajpijiet, taħt il-livell tal-art eċċ.).

It-tip u l-pendil tal-wiċċ tal-art jistgħu jintwerew fuq pjanta tas-sit. Barra minn hekk, il-bażi tal-elementi madwar il-ħajt ta’ konteniment, il-fosos eċċ. relattivi għal-livell tal-art tal-madwar għandhom jiġu identifikati b’mod ċar, b’mod partikolari fejn dawn huma taħt il-livell tal-art (kompletament jew parzjalment).

Ġeoloġija u idroġeoloġija

Ipprovdi deskrizzjoni tal-ħamrija u s-saffi tal-blat taħt is-sit u l-karatteristiċi fiżiko-kimiċi ta’ kull saff li jista’ jinfluwenza d-destin u trasport ta’ sustanzi permezz tal-art.

Identifika l-preżenza ta’ ilmijiet ta’ taħt l-art (inklużi l-ilmijiet li jinġabru ‘l fuq mill-watertable), jew tal-probabbiltà tal-preżenza tagħhom, b’kull saff u, fejn ikun magħruf, indika l-qlib tal-ilma.

Ipprovdi indikazzjoni tal-importanza tal-proprjetajiet tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art mill-moviment ta’ sustanzi minn ġol-art.

Sommarju sempliċi tad-dejta, aktar milli deskrizzjoni ġeoteknika sħiħa, ikun biżżejjed fir-rapport, billi aktar dettalji jistgħu jiġu pprovduti jew magħmula disponibbli għar-referenza futura kif meħtieġ.

Barra minn hekk, dan għandu jiġbor flimkien l-informazzjoni kollha disponibbli biex jippreżenta l-kundizzjonijiet tas-sit kollu, aktar milli jifred l-ġeoloġija u l-idroġeoloġija ppubblikati minn investigazzjonijiet preċedenti u s-sejbiet tal-investigazzjoni attwali.

L-idroloġija

Indika l-preżenza ta’ karatteristiċi tal-ilmijiet tal-wiċċ, id-direzzjoni tagħhom ta’ fluss, il-kwalità/klassifikazzjoni u l-lokazzjoni tal-fond tas-sodda relattivament mas-superfiċje tas-sit. Ipprovdi indikazzjoni ta’ kif kull korp ta’ ilma jista’ jiġi affettwat mill-emissjonijiet mis-sit.

Mogħdijiet magħmula mill-bniedem

Identifika mogħdijiet magħmula mill-bniedem, kurituri ta’ servizz, dranaġġi, mini, eċċ., li jistgħu jaġixxu bħala rotot ta’ migrazzjoni għal sustanzi perikolużi, u identifika d-direzzjoni ta’ migrazzjoni probabbli, filwaqt li żżomm amment li din tista’ tkun kontra l-qlib topografiku jew idrawliku.

L-użu tal-art tal-madwar u l-interdipendenzi

Identifika l-użu tal-art tal-madwar biex tara jekk hemmx industriji/attivitajiet, speċjalment dawk aktar ‘il fuq bħala livell, li jistgħu jimmaniġġjaw l-istess sustanzi jew sustanzi simili u jistgħu jikkawżaw l-emigrazzjoni tat-tniġġis lejn is-sit. Għal dik li hija migrazzjoni ta’ tniġġis lejn is-sit fil-ħin taċ-ċediment tal-liċenzja, huwa kompitu tal-operatur li jipprova li huma ma kkawżawx tniġġis waqt l-operat. Huwa għalhekk importanti li tkun taf jekk kull proprjetà li tmiss mas-sit tistax tkun sors tal-istess tniġġis jew tniġġis simili.

5.6.   Stadju 6: Karatterizzazzjoni tas-sit

Deskrizzjoni tas-sit għandha b’mod partikolari turi l-post, it-tip, il-firxa u l-kwantità tal-emissjonijiet ta’ tniġġis storiku u sorsi potenzjali futuri filwaqt li jiġu nnutati s-saffi u l-ilma ta’ taħt l-art li x’aktarx ikunu affettwati minn dawk l-emissjonijiet

Il-mudelli jistgħu jkunu utli f’dan il-kuntest billi permezz tagħhom jistgħu jsiru rabtiet bejn sorsi ta’ emissjonijiet, il-mogħdijiet li permezz tagħhom it-tniġġis jista’ jimxi, u r-riċevituri li aktarx jiġu affettwati. Li jinġiebu flimkien biċċiet differenti ta’ informazzjoni għandu jgħin biex wieħed jifhem aħjar x’riskji jista’ jkun hemm mill-kontaminazzjoni kemm għall-ambjent kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem.

Mudell kunċettwali ta’ sit huwa rappreżentazzjoni li tistabbilixxi kemm il-livelli eżistenti ta’ tniġġis kif ukoll sorsi ta’ tniġġis futuri possibbli għal żona speċifika ta’ art. Dan jista’ jsir bl-użu tal-informazzjoni miksuba fil-Istadji 3-5. Dan x’aktarx jinkludi informazzjoni eżistenti u, sa ċertu punt informazzjoni ġdida li mhix marbuta mal-Istadju 7 hawn taħt. Fejn l-operatur jipproponi li juża informazzjoni eżistenti fl-iżvilupp ta’ mudell kunċettwali ta’ sit, għandhom jiġu kkunsidrati l-affidabbiltà, il-preċiżjoni u kemm hi xierqa d-dejta.

Aktar milli jiġi pprovdut mudell ġenerali uniku tas-sit, jew bħala tpinġija jew bħala test, jista’ jkun preferibbli li jiġu prodotti mudelli individwali aktar dettaljati għal kull qasam ikkonċernat fl-installazzjoni. Pereżempju, mudell kunċettwali taż-żona madwar tank, li jista’ jindika l-kostruzzjoni tal-ħajt ta’ konteniment, id-direzzjoni ta’ qlib tal-art, jekk il-punti ta’ mili humiex ġewwa jew barra l-ħajt ta’ konteniment, it-tip ta’ kisi madwar iż-żona, u l-ġeoloġija u l-wiċċ tas-sukkursu sottostanti. Din l-informazzjoni mbagħad tintuża biex tindika fejn jistgħu jispiċċaw xi sustanzi perikolużi rilevanti li jiġu rilaxxati.

In-natura u l-kumplessità tal-mudelli kunċettwali tas-sit ivarjaw skont is-sit u skont l-attività jew l-attivitajiet imwettqa.

5.7.   Stadju 7: Investigazzjoni dwar is-sit

Jekk hemm biżżejjed informazzjoni mill-Istadji 1-6 biex tikkaratterizza s-sit kemm lateralment kif ukoll vertikalment, u biex ikun jista’ jiġi ddefinit l-istatus ta’ referenza f’termini ta’ livelli kwantifikati ta’ tniġġis tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi perikolużi rilevanti, mur direttament għall-Istadju 8. Meta jagħżel li juża l-informazzjoni eżistenti, l-operatur, huwa u jipprovdiha, u l-awtorità kompetenti, fl-evalwazzjoni tagħha, iridu jkunu konxji tal-inċertezza u r-riskju assoċjati mal-użu ta’ din id-dejta. Tali riskji jinkludu:

dejta storika li ma tqisx b’mod xieraq ir-rilaxxi ta’ sustanzi perikolużi rilevanti li setgħu seħħew minn mindu tkun inġabret id-dejta oriġinali;

dejta storika li ma tqisx is-sustanzi perikolużi rilevanti kollha iżda pjuttost tiffoka fuq proporzjon tas-sustanzi rilevanti perikolużi; kif ukoll

dejta storika li ma tqisx il-bidliet fl-attivitajiet imwettqa fuq is-sit minn mindu jkun sar il-ġbir oriġinali tagħha li setgħu jirriżultaw f’bidliet fis-sustanzi perikolużi użati, prodotti jew rilaxxati mill-installazzjoni.

L-aħjar mod biex jiġi żgurat li d-dejta hija komprensiva huwa li l-metodu ta’ determinazzjoni kif ukoll l-analiżi jiġu stabbiliti u kkomunikati b’mod ċar. Fil-każ ta’ installazzjonijiet eżistenti, meta l-affidabilità u l-kwalità ta’ informazzjoni storika dwar l-istat tal-ħamrija ma jistgħux jiġu stabbiliti (pereżempju minħabba li r-riżultati huma bbażati fuq metodi skaduti jew ma kinux kompluti) l-aktar azzjoni xierqa tkun li jerġgħu jittieħdu l-kejlijiet.

Meta parti biss tas-sit tista’ tiġi kkaratterizzata jew m’hemmx biżżejjed informazzjoni li fuqha jista’ jiġi fformulat rapport ta’ referenza, għandha tinkiseb informazzjoni addizzjonali permezz ta’ investigazzjoni tas-sit. Kejl ġdid, kemm jekk meħud qabel l-ikkummissjonar jew bħala riżultat ta’ reviżjoni tal-permess, huwa l-aħjar metodu biex tinkiseb referenza dwar l-istat tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art.

L-istrateġija għat-teħid tal-kampjuni

Fejn huwa stabbilit li se jkun hemm bżonn ta’ kejl ġdid jeħtieġ li jitqiesu strateġiji ta’ teħid ta’ kampjuni xierqa, jiġifieri l-mod li bih se jseħħu l-kejlijiet ġodda tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art. Għall-għażla tal-aktar strateġija xierqa, huwa rakkomandabbli li jkun hemm komunikazzjoni bejn l-operatur u l-awtorità kompetenti.

L-istrateġiji ta’ teħid ta’ kampjuni magħżula għandhom jipprovdu biżżejjed fiduċja li l-kejlijiet u l-kampjuni meħuda jirriflettu b’mod preċiż il-livell attwali ta’ kontaminazzjoni minn sustanzi perikolużi rilevanti sabiex tkun possibbli determinazzjoni tal-istat attwali u tal-kundizzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art. Ir-rapport ta’ referenza għandu jinkludi l-metodu propost għall-valutazzjoni tal-istatus ta’ kontaminazzjoni tas-sit, eż. it-testijiet statistiċi li għandhom jintużaw u kwalunkwe ISO/CEN, jew fin-nuqqas tagħhom, standards nazzjonali li għandhom jiġu applikati. Huwa u jsir ir-rapport tar-riżultati tal-investigazzjoni ta’ referenza, l-approċċ fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni kif ukoll il-metodi ta’ analiżi għandhom jiġu deskritti fir-rapport. Minn dan isegwi li, meta s-sit jiġi vvalutat mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet, se jkun meħtieġ li jintuża l-istess approċċ, u jew l-istess metodi jew metodi li ġew ippruvati li jipproduċu prestazzjoni analitika komparabbli.

L-istrateġiji ta’ teħid ta’ kampjuni għandhom:

ikunu ffukati fuq sustanzi perikolużi rilevanti identifikati u l-prodotti u l-metaboliti ta’ degradazzjoni perikolużi tagħhom li jridu jiġu evalwati fir-rigward tal-proprjetajiet fiżiko-kimiċi tagħhom f’rabta mal-probabbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija jew tal-ilma ta’ taħt l-art;

iqisu l-kondizzjonijiet idrawliċi u idroġeoloġiċi tas-sit. Punti ta’ kejl xierqa upstream/downstream iridu jiġu riveduti qabel l-istabbiliment tagħhom fuq is-sit tal-installazzjoni. Id-dinamika possibbli fir-rigward ta’ direzzjonijiet ta’ fluss u flutwazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art għandhom jiġu kkunsidrati fl-ispezzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art;

jirrikonoxxu l-impatt ta’ fatturi naturali influwenti u dawk marbuta mal-proċess fuq il-kampjuni meħuda u l-istrateġija ta’ teħid ta’ kampjuni (post u metodu), il-konnessjoni tal-kontaminazzjoni, l-eteroġenejtà tad-distribuzzjoni tat-tniġġis fil-ħamrija jew fl-ilma ta’ taħt l-art, it-trattament tal-kampjun bejn iż-żmien li jinkiseb u l-kejl tiegħu, u l-kejlijiet meħuda fi ħdan il-laboratorju; kif ukoll

jikkunsidraw mill-bidu nett id-determinazzjoni kemm tal-istat attwali (inkluż kontaminazzjoni storika) tat-tniġġis kif ukoll il-ħtieġa għal valutazzjoni tat-tniġġis mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet. Kartografija ċara u l-immarkar tal-punti ta’ teħid tal-kampjuni huma prerekwiżit.

Huwa rakkomandat li jkun hemm jew teħid ta’ kampjuni mhux immirat, teħid ta’ kampjuni mmirat jew taħlita tat-tnejn li huma. L-għażla trid issir bil-konsiderazzjoni tas-siwazzjoni ġeografika tas-sit, il-kondizzjonijiet u l-ambjent lokali, inklużi n-natura u l-kwantità tas-sustanzi li jridu jitkejlu. Deskrizzjoni ta’ dawn l-approċċi tinsab hawn taħt. Meta tiġi proposta teknika tat-teħid tal-kampjuni differenti, pereżempju teħid ta’ kampjuni multi-incrementali, il-livell ta’ affidabbiltà tar-riżultati meta mqabbla ma’ approċċ immirat jew mhux fil-mira għandu jiġi kkunsidrat kemm mill-operatur kif ukoll mill-awtorità kompetenti:

(i)

Teħid ta’ kampjuni mmirat — huwa teħid ta’ kampjuni ffukat fiż-żoni ta’ suspett ta’ konċentrazzjonijiet tas-sustanza niġġiesa (punti ta’ ħżin, postijiet tat-trażbord jew simili). Bħal fil-każ ta’ teħid ta’ kampjuni mhux immirat, jeħtieġ li jkun hemm deċiżjoni minn qabel dwar liema probabbiltà ta’ individwazzjoni hija meħtieġa, wara li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż involuti.

(ii)

Teħid ta’ kampjuni mhux immirat — huwa tipikament teħid ta’ kampjuni li, b’densità ta’ dejta adegwata, jipproduċi informazzjoni ċara u mingħajr ekwivoċi dwar il-medja tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi u dwar il-firxa tagħhom. Minħabba li dan l-approċċ ifittex li jipproduċi rappreżentazzjoni preċiża tas-sit kollu bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni uniformi mal-installazzjoni kollha, l-għażla tal-postijiet tat-teħid ta’ kampjuni m’għandhiex tkun influwenzata minn ċirkustanzi esterni bħal bini eżistenti u l-użu tiegħu jew il-konċentrazzjonijiet tas-sustanza niġġiesa ssuspettata. Jista’ jkun hemm diffikultajiet meta jintuża teħid ta’ kampjuni mhux immirat għal siti eżistenti fir-rigward ta’ strutturi, servizzi u utilitajiet stabbiliti.

Dan l-approċċ jittratta s-sit bħala żona ta’ art li teħtieġ dejta ta’ referenza (jiġifieri s-sit huwa ttrattat bħala entità waħda u l-arranġament tat-tqassim tal-installazzjoni jew ir-riskji speċifiċi ppreżentati mit-tankijiet, l-impjantazzjoni tal-ipproċessar eċċ. m’għandhomx għalfejn jitqiesu). Fl-adozzjoni ta’ approċċ bħal dan, se tkun meħtieġa deċiżjoni minn qabel dwar x’għandha tkun il-probabbiltà li jiġi identifikat it-tniġġis f’kull każ, wara li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa ta’ għadd inevitabbilment akbar ta’ kampjuni u l-ispejjeż assoċjati biex tinkiseb probabbiltà ogħla.

Inċertezzi assoċjati ma’ dejta dwar il-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art

Fir-rigward tal-inċertezzi assoċjati ma’ dejta dwar il-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art kemm għal teħid ta’ kampjuni mhux immirat kif ukoll dak immirat, hemm żewġ elementi importanti li jridu jitqiesu:

(i)

Ġbir ta’ dejta ta’ referenza dwar l-ilma ta’ taħt l-art: Il-kundizzjonijiet ta’ taħt l-art jistgħu jinbidlu aktar malajr mill-kundizzjonijiet tal-ħamrija u l-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art hija soġġetta għal tibdil u varjazzjoni minħabba fatturi esterni għall-proċess permes,s bħall-varjazzjoni staġjonali fil-livell u l-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art, sorsi ta’ tniġġis oħra, il-migrazzjoni ta’ traċċi ta’ kontaminant, bidliet fil-valur tal-pH jew il-potenzjali ta’ tnaqqis u ossidazzjoni tal-akwiferu, okkorrenzi ta’ xita qawwija, eċċ. It-teħid ta’ kampjuni ta’ aktar minn sett wieħed ta’ dejta dwar l-ilma ta’ taħt l-art biex jiġi stabbilit stat ta’ referenza (eż. sett ta’ riżultati ta’ monitoraġġ ta’ kull tliet xhur li jkopri perjodu ta’ sena bħala minimu) jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti l-fiduċja li bis-saħħa tagħha operatur jista’ jirrapporta stat ta’ referenza tal-ilma ta’ taħt l-art.

(ii)

Użu ta’ tekniki ta’ analiżi ta’ dejta statistika għall-valutazzjoni tad-dejta dwar il-ħamrija: Il-metodi statistiċi jistgħu jgħinu fil-kwantifikazzjoni tal-inċertezza marbuta ma’ stimi tal-konċentrazzjoni medja jew medjana tal-kontaminanti fil-ħamrija u b’hekk jipprovdu bażi aktar informata għat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-assessuri u r-regolaturi tas-sit. Il-konċentrazzjonijiet imkejla tal-kontaminanti miksuba matul investigazzjoni ta’ sit jistgħu jitqabblu ma’ “konċentrazzjoni kritika” jew indikatur tar-riskju ddefiniti mill-utent.

Jekk se jintużaw metodi statistiċi, id-dejta miksuba matul l-investigazzjoni għandha tiġi vvalutata bħala adattata għal dan l-iskop (eż. dejta suffiċjenti minn fond u postijiet xierqa u ta’ kwalità konsistenti). L-użu ta’ dan l-approċċ jirrikjedi mudell kunċettwali żviluppat, kif deskritt fl-Istadju 6, li mbagħad jinforma l-istrateġija ta’ teħid ta’ kampjuni meħtieġa biex tinġabar dejta adatta għall-analiżi statistika

Analiżi tal-kampjuni

Biex tkun żgurata l-komparabilità tar-riżultati tal-investigazzjoni ta’ referenza ma’ dawk meħuda f’data aktar tard, għandhom jiġu applikati metodi vvalidati ta’ analiżi (jiġifieri prova formali u ddokumentata li metodu analitiku huwa adattat għall-iskop maħsub u huwa preċiż u riproduċibbli). Fejn jeżistu standards CEN jew ISO, jew fin-nuqqas tagħhom, standards nazzjonali, dawn għandhom jiġu applikati.

Ir-rekwiżit essenzjali hu li l-prestazzjoni analitika tal-metodi użati fil-kompilazzjoni tar-rapport ta’ referenza u fl-evalwazzjoni tas-sit mal-waqfien definittiv ikunu direttament komparabbli ma’ xulxin. Huwa partikolarment importanti li l-ambitu u l-irkupru tad-determinant(i) fil-metodu jkunu direttament komparabbli. Speċjalment peress li l-aħjar prattika tal-laboratorju tista’ tinbidel maż-żmien, huwa ta’ importanza kbira li jkun żgurat li l-metodi ta’ analiżi użati jiġu deskritti adegwatament sabiex jinfurmaw analiżi futura kif meħtieġ skont l-IED.

Huwa possibbli li, wara investigazzjoni għall-ġbir ta’ dejta ta’ referenza dwar il-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art, investigazzjoni ulterjuri tista’ tkun meħtieġa, pereżempju jekk l-investigazzjoni identifikat tniġġis storiku (b’riżultat ta’ attivitajiet permessi jew mod ieħor) li jeħtieġ delineazzjoni u rimedju ulterjuri.

Wara investigazzjoni tas-sit jistgħu jkunu meħtieġa mudelli kunċettwali ulterjuri jew aġġornati kif deskritt fl-Istadju 6.

5.8.   Stadju 8: Produzzjoni tar-rapport ta’ referenza

L-għan ta’ dan l-istadju huwa li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni evalwata kollha miġbura fl-Istadji 1-7 biex jipproduċi rapport li jidentifika l-istat ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi perikolużi rilevanti. Ir-rapport ta’ referenza nnifsu għandu jipprovdi stampa preċiża u deskrizzjoni ċara dwar liema dejta ntużat sabiex isir magħruf l-istat tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art, liema metodi jkunu ġew użati għat-teħid tal-kampjuni u tal-analiżi tas-sottostrat u kif ġew ivverifikati r-riżultati, statistikament jew metodoloġikament. Għandu, essenzjalment, jiddeskrivi b’mod ċar serje ta’ azzjonijiet li huma kompletament riproduċibbli mal-waqfien tas-sit flimkien mar-riżultati sabiex jista’ jkun hemm tqabbil kwantifikat. Lista ta’ kontroll hija inkluża fl-Appendiċi ta’ dan id-dokument għal dan l-għan.

Fejn ikun hemm sustanzi li potenzjalment jistgħu jniġġsu, ir-rapport ta’ referenza għandu jidentifika ma’ liema saffi jew korpi tal-ilma ta’ taħt l-art huma assoċjati, u għandu jiddeskrivi l-konċentrazzjoni, in-natura u l-firxa tagħhom. Dikjarazzjoni ċara dwar liema sustanzi perikolużi rilevanti ma jkunux preżenti hija importanti daqskemm huwa importanti li jiġu identifikati dawk li huma preżenti.

Ir-rapport ta’ referenza għandu:

jiġi ppreżentat f’format loġiku u strutturat;

jinkludi informazzjoni suffiċjenti biex jiġu stabbiliti l-ambitu u l-impatt tal-attività jew attivitajiet attwali koperti mill-permess, inklużi d-dati rilevanti kollha tal-kejl tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art;

jipprovdi deskrizzjoni ċara u preċiża tal-approċċi użati u r-riżultati miksuba mill-valutazzjoni kif ukoll il-post ta’ kwalunkwe xogħlijiet intrużivi, bjar u boreholes, u punti oħra ta’ teħid ta’ kampjuni skont sistema standardizzata ta’ referenzjar ġeografiku;

jipprovdi deskrizzjoni ċara tat-tekniki analitiċi użati biex jiġu stabbiliti l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi perikolużi fil-ħamrija u fl-ilma ta’ taħt l-art, b’referenza fejn xieraq għal standards nazzjonali jew internazzjonali użati, kif ukoll kwalunkwe gwida mogħtija mill-Istati Membri li kienet teżisti fiż-żmien tal-investigazzjoni;

jiddikjara l-inċertezzi xjentifiċi u l-limitazzjonijiet tal-approċċ adottat fil-preparazzjoni tar-rapport;

jinkludi d-dejta teknika rilevanti kollha (kejl, ċertifikati ta’ kalibrar, standards analitiċi, akkreditazzjonijiet, mapep, reġistrazzjonijiet ta’ teħid ta’ kampjuni eċċ...) sabiex jiġi żgurat, mal-waqfien finali, li jista’ jsir tqabbil kwantifikat validu.

Il-varjazzjoni fit-tip, fil-profondità u l-preżentazzjoni tar-rapporti ta’ referenza bejn l-attivitajiet differenti koperti mill-IED hija mistennija u aċċettabbli sakemm jibqa’ possibbli li jiġi determinat b’mod adegwat l-istat tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi rilevanti perikolużi fil-mument li jitfassal ir-rapport.


(1)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19.

(2)  http://echa.europa.eu/information-on-chemicals/


Appendiċi

Lista tal-kontroll għall-investigazzjoni u għar-rapport ta’ referenza

 

DEĊIŻJONI DWAR JEKK HUX MEĦTIEĠ RAPPORT TA’ REFERENZA

Identifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi użati, prodotti jew rilaxxati fl-installazzjoni

Valutazzjoni biex tidentifika dawk is-sustanzi perikolużi li huma kapaċi ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija jew tal-ilma ta’ taħt l-art (sustanzi perikolużi rilevanti)

Identifikazzjoni tal-possibilità ta’ sustanzi perikolużi rilevanti li fil-fatt joħolqu kontaminazzjoni

Identifikazzjoni ta’ xi sorsi possibbli ta’ kontaminazzjoni storika

DETTALJI TA’ ĠBIR TA’ DEJTA

Dejta eżistenti

Pjanijiet rilevanti tal-installazzjoni (li juru l-konfini u l-punti ewlenin ta’ interess).

Analiżi u sinteżi ta’ rapporti preċedenti, b’referenzi għar-rapport

Sommarju ta’ kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju mwettqa fuq is-sit ta’ installazzjoni rilevanti għall-ġbir tad-dejta ta’ referenza

Investigazzjoni dwar is-sit

Ġustifikazzjoni għall-investigazzjoni — tista’ tinkludi lista ta’ sorsi potenzjali ta’ kontaminant rilevanti għal kull post ta’ investigazzjoni propost

Restrizzjonijiet applikabbli għat-tqassim tal-postijiet ta’ investigazzjoni ta’ siti

Metodi użati għat-tiswir ta’ toqob esploratorji, eż. boreholes, ħofor ta’ prova, window samples

Metodi użati għall-ġbir, il-preservazzjoni u t-trasport tal-kampjuni lil-laboratorju analitiku

Monitoraġġ u teħid ta’ kampjuni

Ġustifikazzjoni għall-istrateġija ta’ teħid ta’ kampjuni, eż. jekk tkun immirata, il-ġustifikazzjoni tal-miri; jekk mhux immirata, il-ġustifikazzjoni għall-ispazjar u t-tqassim

Deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-programmi ta’ monitoraġġ għall-ilma ta’ taħt l-art u l-ilmijiet tal-wiċċ

Dettalji ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ kampjuni, inklużi l-lokalitajiet, il-fond u l-frekwenzi

Analiżi

Ġustifikazzjoni għall-għażla ta’ metodi analitiċi

Deskrizzjoni u prestazzjoni ta’ metodi analitiċi.

PREŻENTAZZJONI U INTERPRETAZZJONI TAD-DEJTA FIT-TEST TAR-RAPPORT

Deskrizzjoni ta’ kundizzjonijiet misjuba fuq il-post, inklużi r-reġim tal-ilma ta’ taħt l-art u l-karatteristiċi tal-ilma tal-wiċċ

Tabelli sommarji tal-analiżijiet kimiċi u monitoraġġ tas-sit

Deskrizzjoni tat-tip, in-natura u d-distribuzzjoni spazjali tal-kontaminazzjoni, bil-pjanti fejn xieraq

Analiżi tas-sett tad-dejta u derivazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet rappreżentattivi għall-kontaminanti individwali sa livell xieraq ta’ importanza

Evalwazzjoni ta’ riżultati ta’ investigazzjoni tas-sit bi tqabbil mal-abbozz tal-mudell kunċettwali

PREŻENTAZZJONI TA’ DEJTA PRIMARJA (ANNESS GĦAR-RAPPORT)

Pjan li juri l-punti ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ kampjuni

Deskrizzjoni ta’ xogħlijiet tas-sit u osservazzjonijiet fuq il-post

Reġistrazzjoni ta’ esplorazzjoni bil-boreholes u tħaffir

Dettalji taż-żona ta’ reazzjoni u dettalji oħrajn ta’ kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ monitoraġġ ta’ boreholes

Riżultati tal-monitoraġġ

Deskrizzjoni tal-kampjuni sottomessi għall-analiżi

Dejta dwar Garanzija tal-Kwalità/Kontroll tal-Kwalità rilevanti — din tista’ tinkludi akkreditazzjonijiet tal-persunal, ċertifikati ta’ kalibrazzjoni tat-tagħmir, akkreditazzjonijiet tal-laboratorju (standards nazzjonali u internazzjonali)

Rapporti analitiċi tal-laboratorju, konklużi skont id-dejta dwar il-Garanzija ta’ Kwalità/Kontroll tal-Kwalità rilevanti, inklużi standards rilevanti ta’ metodi ta’ ttestjar jew analitiċi internazzjonali.

Katina ta’ reġistrazzjonijiet ta’ kustodja għall-kampjun u għad-dejta miġbura.