DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2008/98/KE dwar l-iskart, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma, 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku /* SWD/2014/0208 final */
1.
Definizzjoni tal-problema
Għalkemm l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE qed
ikompli jitjieb, bħalissa l-ekonomija tal-UE qed titlef għadd ġmielu ta'
materja prima sekondarja potenzjali. B'kollox fl-2010, il-produzzjoni
tal-iskart fl-UE laħqet l-2,520 miljun tunnellata. Minnha, sehem limitat
(36%) biss ġie riċiklat, bil-bqija ntrema fil-miżbliet jew inħaraq meta madwar
600 miljun tunnellata minnu seta' ġie riċiklat jew intuża mill-ġdid.
Għalhekk l-UE qed jaħarbulha opportunitajiet importanti li ttejjeb l-effiċjenza
fl-użu tar-riżorsi u toħloq ekonomija aktar ċirkolari, toħloq it-tkabbir
ekonomiku u l-impjiegi, tieħu miżuri kosteffikaċi biex jonqsu l-emissjonijiet
tal-gassijiet serra, u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-materja prima
importata. Mingħajr inizjattivi ġodda biex jitjieb
l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE, fis-snin li ġejjin se jkomplu jintilfu ammonti
sinifikanti ta' riżorsi prezzjużi. Mingħajr perspettiva ċara għaż-żmien medju,
li jkun fiha miri stabbiliti, l-UE qed tirriskja li żżid l-investimenti fi
proġetti mhux flessibbli fuq skala kbira li jiffukaw fuq it-trattament
tal-iskart residwu u dawn ixekklu ambizzjonijiet aktar fit-tul biex jtejbu
l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. It-tixrid tal-aqwa prattiki bejn l-Istati
Membri se jibqa' limitat u l-kundizzjonijiet ekonomiċi mhux se jinċentivaw
biżżejjed il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ u
għaldaqstant se jibqgħu jippersistu bosta diverġenzi kbar mil-lat
tal-prestazzjonijiet fost l-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-iskart . Barra
minn hekk, il-kwalità tal-għodod meħtieġa għall-monitoraġġ, ngħidu aħna
l-istatistika dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-immaniġġjar tal-iskart se
tibqa' subottimali u ħafna obbligi tar-rappurtar se jibqgħu kumplessi mingħajr
ma jkollhom ħafna valur miżjud.
2.
Analiżi tas-sussidjarjetà
Il-proposta tgħin direttament
fl-Istrateġija 2020 tal-UE, l-aktar bl-inizjattiva ewlenija tagħha msejħa
"Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi", u hi relatat ħafna mal-Pjan
Direzzjonali tal-UE dwar l-Effiċjenza fir-Rizorsi u mal-Inizjattiva tiegħu dwar
il-Materja Prima. Din twieġeb direttament l-ambizzjonijiet komuni tal-UE
relatati mal-ambjent u l-iskart li jistabbilixxi s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni
Ambjentali. Il-kompetenza tal-Unjoni li tieħu azzjoni dwar
l-immaniġġjar tal-iskart toħroġ mill-Artikolu 191 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni
tal-ambjent. Dan jgħid li "il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha
tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin: is-salvagwardja,
il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-ħarsien tas-saħħa
tal-bniedem; l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali; il-promozzjoni ta'
miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali
reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla
fil-klima." B'mod aktar speċifiku, il-proposta twieġeb
tliet biċċiet speċifiċi ta' klawsoli ta' reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE
dwar l-iskart (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar ir-Rimi
tal-Iskart f'Terraferma u d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart
mill-Imballaġġ) li teżiġi li l-Kummissjoni tirrevedi l-miri eżistenti
tal-immaniġġjar tal-iskart. L-esperjenza li nkisbet turi li l-għanijiet u
l-miri għall-UE kollha għall-immaniġġjar tal-iskart kienu xprun ewlieni biex
tjieb l-immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi f'ħafna mill-Istati Membri. Anki
għanijiet u miri komuni jgħinu biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq
tal-iskart tal-UE, pereżempju billi tingħata gwida għal deċiżjonijiet
tal-investiment, tkun żgurata l-koperazzjoni fost l-Istati Membri u tkun
żgurata xi tip ta' armonizzazzjoni bejn l-iskemi nazzjonali tar-responsabilità
tal-produtturi. Hemm bżonn ukoll miri għall-UE kollha li joħolqu l-iskala
minima għall-industrija tal-UE biex tinvesti f'tekniki ġodda tar-riċiklaġġ. Il-proposta tindirizza problemi ambjentali
b'implikazzjonijiet transnazzjonali fosthom l-impatt ta' mmaniġġjar mhux xieraq
tal-iskart fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, it-tniġġis tal-arja u
r-rimi taż-żibel, l-aktar l-ambjent tal-baħar.
3.
L-għanijiet
L-għanijiet ewlenin tal-proposta huma li tiżgura li
b'mod effettiv il-materjal prezzjuż fl-iskart jintuża mill-ġdid, jiġi riċiklat
u jerġa' jidħol fl-ekonomija Ewropea, jiġifieri din tgħin biex isir progress
għal ekonomija ċirkolari fejn l-iskart jintuża b'mod progressiv bħala riżorsa u
jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi u impjiegi ġodda. L-għanijiet speċifiċi tal-proposta huma li: ·
Tissimplifika l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar
l-iskart billi tiċċara u tissimplifika l-metodi
tal-kejl relatati mal-miri, tadatta u tiċċara d-definizzjonijiet ewlenin,
issaħħaħ il-miri, iżżid il-konsistenza fit-tfassil tal-miri, tneħħi r-rekwiżiti
skaduti u tissimplifika l-obbligi tar-rappurtar. ·
Ittejjeb is-sorveljanza
billi ttejjeb il-kwalità tal-istatistika dwar l-iskart, l-aktar fejn jidħlu
l-miri, u tantiċipa problemi li jista' jkun hemm fl-implimentazzjoni permezz
ta' proċedura ta' "twissija bikrija". ·
Tiżgura l-aqwa mmaniġġjar tal-iskart fl-Istati
Membri kollha billi tippromwovi t-tixrid tal-aqwa
prattiki u strumenti ewlenin, bħal ngħidu aħna l-istrumenti ekonomiċi, u
tiżgura livell minimu ta' armonizzazzjoni tal-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża
tal-Produttur (EPR). ·
Toħloq l-miri tal-iskart għaż-żmien medju li jaqblu
mal-ambizzjonijiet tal-UE fejn jidħlu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi
u l-aċċess għall-materja prima. L-għanijiet operazzjonali proposti jixhdu
l-ambizzjonijiet li ġew stabbiliti fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali
tal-UE (is-Seba' EAP) li dan l-aħħar adottaw il-Kunsill u l-Parlament.
Il-ġenerazzjoni
tal-iskart għandu jonqos u jkun diżakkoppjat mill-evoluzzjoni tal-PDG;
l-użu
mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom ikunu fl-ogħla livell possibbli;
l-inċinerazzjoni
għandha titħalla għal skart li mhux riċiklabbli;
ftit
ftit għandu jispiċċa r-rimi fil-miżbliet ta' skart li jista’ jiġi rkuprat;
l-iskart
fil-baħar għandu jonqos sew. L-għanijiet biex tiġi simplifikata l-leġiżlazzjoni u
jonqsu l-piżijiet regolatorji (inkluż għall-SMEs) kif ukoll biex ikun żgurat li
l-miri ikunu adatti għall-għan u jaqblu għalkollox mal-isforzi tal-Kummissjoni
biex tiżgura idoneità regolatorja. Barra minn hekk, il-proposta tagħti kas sew
is-sejbiet tal-verifika tal-ideonità (l-evalwazzjoni ex post) ta’ ħames
flussi tal-iskart tal-UE (inkluża d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart
mill-Imballaġġ) li saret b'mod parallel mar-reviżjoni tal-miri tal-UE dwar
l-iskart.
4.
L-Alternattivi ta' Politika
Abbażi
ta' analiżi fil-fond dwar dak li rnexxa jew ma rnexxiex fil-passat, u wara
konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, inżammu dawn it-tliet
alternattivi li ġejjin (u sensiela ta' subalternattivi u miżuri speċifiċi) għal
aktar analiżi dettaljata: Alternattiva 1
– Niżguraw implimentazzjoni sħiħa: • L-UE ma tiħux
azzjoni addizzjonali ħlief tippromwovi l-konformità Alternattiva 2
– Simplifikazzjoni, monitoraġġ aħjar, tixrid tal-aqwa prattiki: •
nallinjaw id-definizzjonijiet tal-kunċetti ewlenin
(eżempju ta' "riċiklaġġ" u "użu mill-ġdid") u nneħħu
r-rekwiżiti skaduti; •
nissimplifikaw il-metodi tal-kejl (metodu wieħed
biss li jkejjel l-"iskart domestiku u skart simili") u l-obbligi
tar-rappurtar; •
noħolqu reġistri nazzjonali fuq il-ġbir tal-iskart
u l-immaniġġjar tal-iskart li jkunu jeħtieġu l-verifika minn parti terza
tad-dejta u tal-istatistika ewlenin; •
indaħħlu proċedura ta' twissija bikrija biex
tissorvelja l-prestazzjoni tal-Istati Membri u teżiġi miżuri ta' korrezzjoni
f'waqthom meta jkun meħtieġ; u •
nistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għat-tħaddim
tal-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR). Alternattiva 3
– Naġġornaw il-miri tal-UE: Sabiex
jiġu proposti miri u skadenzi realistiċi għall-Istati Membri kollha filwaqt li
jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tas-Seba' EAP, tqiesu l-prestazzjonijiet attwali
tal-aktar Stati Membri avvanzati u ż-żmien li kien meħtieġ biex jintlaħqu dawn
il-miri. Alternattiva 3.1 – Inżidu l-mira
tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid għall-iskart muniċipali: Mira baxxa: 60% għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid sal-2030; 50% sal-2025
Mira għolja: 70 % għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid sal-2030;
60 % sal-2025 Alternattiva 3.2 – Inżidu l-miri
tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid għall-iskart mill-imballaġġ: Żieda fil-miri bbażati fuq il-materjal mill-2020 sal-2030 (80%
għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ġenerali) Varjant: mira separata speċifika għall-metalli mhux ferrużi
("metal split") Alternattiva 3.3 – Inwaqqfu ftit ftit
ir-rimi fil-miżbliet ta' skart muniċipali li jista' jiġi rkuprat:
Projbizzjoni fuq il-plastik, il-karti, il-ħġieġ u
l-metalli sal-2025 (ir-rimi fil-miżbliet ma jaqbiżx il-25%), projbizzjoni
generali sal-2030 (mhux aktar minn 5%) Alternattiva 3.4 – Taħlita
tal-Alternattivi 3.1, 3.2 u 3.3: Alternattiva 3.5 – Bħal
Alternattiva 3.4 iżda bi skadenzi differenti għal gruppi differenti ta'
pajjiżi Alternattiva 3.6 – Bħal
Alternattiva 3.4 iżda bi skadenzi aktar malajr għall-Istati Membri kollha
bil-possibbiltà ta' derogi taż-żmien għal uħud minnhom Alternattiva 3.7 – Bħal
Alternattiva 3.4 iżda b'estensjoni tal-projbizzjoni tar-rimi fil-miżbliet
għall-iskart kollu simili għall-iskart muniċipali
5.
Valutazzjoni tal-Impatti
L-impatti
tal-alternattivi ta' politika identifikati għandhom x'jaqsmu ma' dawn l-aspetti
ewlenin li ġejjin:
L-ispejjeż
u l-iffrankar
minn ġbir u trattament aħjar tal-iskart (eż. aktar użu mill-ġdid u
riċiklaġġ). Sabiex jiżdiedu r-rati tar-riċiklaġġ, maż-żmien se jkollhom
jevolvu sistemi għall-ġbir tal-iskart, eżempju evoluzzjoni minn sistemi
ta' ġbir imsejħa "bring systems" għal sistemi ta' ġbir bieb
bieb. L-ispejjeż addizzjonali tal-investiment li dan iġib miegħu se
jittaffew maż-żmien għax l-ispejjeż tal-ġbir u tat-trattament tal-iskart
residwu mħallat huma mistennija jonqsu filwaqt li d-dħul minn materjali
riċiklati hu mistenni jiżdied.
Il-benefiċċji relatati ma' disponibbiltà
akbar ta' materja prima sekondarja, jiġifieri jitaffew ir-riskji li
fil-futur jiżdiedu l-prezzijiet tal-materjali primarji li aktarx se
taffaċċja l-industrija tal-manifattura tal-UE.
Il-benefiċċji
mill-opportunitajiet
ta' riċiklaġġ u rkupru aħjar tal-iskart fis-suq intern tal-UE (użu
aħjar tas-sistemi eżistenti u żvilupp ta' infrastruttura ġdida u
innovattiva għat-trattament tal-iskart, jiġifieri favur is-settur
tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE)
L-ispejjeż
u l-benefiċċji relatati
ma' monitoraġġ aħjar, inqas piżijiet amministrattivi u mas-simplifikazzjoni.
Il-ħolqien
tal-impjiegi,
minħabba l-fatt li livelli ogħla fil-ġerarkija tal-iskart (inkluż il-ġbir
separat, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ) jitqiesu li jeħtieġu ħafna aktar
ħaddiema milli jeħtieġu r-rimi u l-inċinerazzjoni tal-iskart..
Il-benefiċċji
mil-lat tal-aċċettazzjoni soċjali. L-infrastruttura meħtieġa
għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart ġeneralment ikollha aktar
aċċettazzjoni soċjali milli jkollhom il-faċilitajiet tar-rimi u
l-inċinerazzjoni tal-iskart.
Impatti
ambjentali pożittivi,
kemm diretti (immaniġġjar aħjar tal-iskart, rati aktar baxxi ta' rimi
fiż-żibel inkluż fl-ambjent tal-baħar) kif ukoll indiretti (livelli aktar
baxxi ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra u tniġġis tal-arja, għax jiġi
evitat l-użu ta' materja prima verġni u l-enerġija). Minħabba f'hekk, anki
l-effetti fuq saħħet il-bniedem ikunu pożittivi.
Filwaqt
li xi impatti minn dawn (b'mod partikolari dawk relatati mal-ġbir aħjar
tal-iskart, mal-benefiċċji ambjentali, u mal-ħolqien tal-impjiegi) jistgħu jingħaddu
u jissarrfu fi flus, xi aspetti oħrajn jistgħu biss jitniżżlu biss b'mod aktar
kwalitattiv (eżempju d-dipendenza mnaqqsa fuq il-materja prima importata). L-impatti
ta' Alternattiva 1 ("implimentazzjoni sħiħa") ġew ivvalutati
meta mqabbla max-xenarju jekk kollox jibqa' kif inhu, filwaqt li l-impatti ta'
Alternattivi 2 u 3 ġew identifikati bil-"implimentazzjoni
sħiħa" bħala l-punt tat-tluq. Alternattiva 1
– Implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti L-ispejjeż
netti annwali (mill-ispejjeż ogħla għall-ġbir/trattament jitnaqqsu l-benefiċċji
ambjentali) ta' din l-alternattiva huma stmati li jilħqu €1500 miljun
sal-2020 u maż-żmien jonqsu għal inqas €600 miljun sal-2035 fost l-UE28.
Iż-żieda stmata fl-impjiegi diretti hi ta' 36,761 f'ekwivalenti ta' ingaġġ
full-time (FTEs). Alternattiva 2
– Simplifikazzjoni, monitoraġġ aħjar, tixrid tal-aqwa prattiki Filwaqt
li t-titjib fl-istatistika, eżempju b'reġistri nazzjonali, ikun jeħtieġ sforzi
addizzjonali minn xi Stati Membri, fl-istess ħin dan jgħin biex jonqsu
l-ispejjeż tar-rappurtar. Is-sistema proposta ta' "twissija bikrija"
teħtieġ l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, iżda jaf tnaqqas
il-ħtieġa għal proċeduri ta' ksur fi stadju aktar tard filwaqt li tevita
investimenti mhux adattati. L-iffrankar tal-ispejjeż iġib miegħu
simplifikazzjoni sinifikanti tar-rekwiżiti tar-rappurtar għall-Istati Membri;
dawn il-flus jistgħu jintużaw biex ikopru kull spiża netta li joħolqu l-miżuri
li jtejbu l-monitoraġġ. Fl-aħħar nett, jekk jiġu definiti kundizzjonijiet
minimi għat-tħaddim tal-iskemi tal-EPR, fost l-oħrajn tiżdied il-kosteffikaċja
tagħhom. Alternattiva 3
– Naġġornaw il-miri tal-UE Għas-snin
mill-2014 sal-2030, l-impatti ewlenin tad-diversi subalternattivi 3 li
tiddeskrivi Taqsima 4 jistgħu jinstabu fil-qosor f'din it-Tabella. Bħalma
turi t-Tabella, it-taħlita tas-subalternattivi 3.1, 3.2 u 3.3
(jiġifieri s-subalternattivi 3.4 sa 7) tipprovdi l-akbar proporzjon
tal-ispejjeż u l-benefiċċji filwaqt li toħloq aktar impjiegi u tnaqqas aktar
l-emissjonijiet tal-gassijiet serra: Alternattiva || L-ispejjeż finanzjarji (VPN 2014-2030), € biljun (1) || L-ispejjeż esterni (VPN 2014-2030), € biljun (2) || L-ispejjeż soċjali netti (1+2) || Impjiegi (FTEs fl-2030) || Miljuni ta' tunnellati ta' GHG CO2eq (2030) || Miljuni ta' tunnellati ta' GHG CO2eq (2014-2030) Alternattiva 3.1 - mira baxxa || -3.73 || -3.96 || -7.69 || 78,519 || -23 || -107 Alternattiva 3.1 - mira għolja || -8.41 || -8.49 || -16.91 || 137,585 || -39 || -214 Alternattiva 3.2 || -11.2 || -8.45 || -19.66 || 107,725 || -20 || -183 Alternattiva 3.2 – "metal split" || -13.48 || -10.05 || -23.53 || 107,643 || -24 || -250 Alternattiva 3.3 || 5.64 || -0.65 || 4.99 || 46,165 || -13 || -49 Alternattiva 3.4 || -12.65 || -13 || -25.65 || 177,637 || -44 || -308 (1) Alternattivi 3.5 u 3.6 || -13.62 || -13.58 || -27.2 || 177,628 || -44 || -320 (2) Alternattiva 3.7 || -10.7 || -18.3 || -29 || || -62 || -443 Nota: spejjeż negattivi jirrappreżentaw
benefiċċju Alternattivi 3.4 sa 7 jagħtu
perspettiva konsistenti dwar l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE skont l-esperjenza
li kisbu l-aktar Stati Membri avvanzati: ftit ftit qed jiddaħħlu
restrizzjonijiet għar-rimi fil-miżbliet, f'binarju ma' żieda ftit ftit fil-miri
tar-riċiklaġġ; dan jgħin biex ikun evitat milli jinħolqu kapaċitajiet żejda ta'
faċilitajiet tat-trattament tal-iskart residwu bħal inċineraturi jew
faċilitajiet oħra bi prestazzjoni baxxa. Meta mqabblin mal-"implimentazzjoni
sħiħa", Alternattivi 3.4 sa 7 jwasslu wkoll għal tnaqqis
addizzjonali fl-iskart fil-baħar ta' 7% sal-2020 u 23% sal-2030. Mit-tnaqqis
fil-flussi tal-iskart fil-baħar hu stmat iffrankar addizzjonali ta' €136 miljun
sal-2030, l-aktar minħabba anqas tindif tax-xtut u minħabba li tkun evitata
ħsara fil-bastimenti tas-sajd u l-irkaptu.
6.
Tqabbil tal-Alternattivi
Din
it-tabella tiġbor fil-qosor il-kontribut ta' kull Alternattiva għall-għanijiet
ewlenin deskritti f'Taqsima 3. Minnha jistgħu joħorġu dawn
il-konklużjonijiet:
Alternattiva 2
tkun utli biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-miri eżistenti iżda tidher
indispensabbli jekk jiġu applikati l-miri l-ġodda proposti. Il-miżuri
proposti f'Alternattiva 2 jgħinu biex jintlaħqu l-biċċa l-kbira
tal-għanijiet identifikati u għandhom jitqiesu bħala "miżuri ta'
akkumpanjament" li jgħinu biex titjieb il-konformità
mal-leġiżlazzjoni u jintlaħqu l-miri.
Alternattivi 3.1,
3.2 u 3.3 meħudin waħedhom mhux se jagħtu riżultati aħjar mil-lat ta'
konsistenza bejn il-miri proposti u l-proporzjon tal-ispiża u
l-benefiċċju. Alternattiva 3.4 bi projbizzjoni estiża fuq ir-rimi
fil-miżbliet (jiġifieri Alternattiva 3.7) tidher l-aktar waħda
attraenti.
M'hemmx
preferenza ċara bejn Alternattiva 3.4 u Alternattivi 3.5
u 3.6: jekk jiġu definiti miri differenzjati għall-Istati Membri,
jiżdied il-valur preżenti nett (VPN) għax il-benefiċċji minn immaniġġjar
aħjar tal-iskart jinħafnu aktar malajr minn xi Stati Membri, iżda dan
jikkomplika l-leġiżlazzjoni.
|| Għan 1 — Is-Simplifikazzjoni || Għan 2 — Monitoraġġ Aħjar || Għan 3 — It-tixrid tal-aqwa prattiki || Għan 4 – Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi Alternattiva 1 || 0 || 0 || 0 || 0 Alternattiva 2 || + + + || + + + || + + || + Alternattiva 3 Alternattiva 3.1 - mira baxxa Alternattiva 3.1 - mira għolja Alternattiva 3.2 Alternattiva 3.3 Alternattiva 3.4 Alternattiva 3.5 Alternattiva 3.6 Alternattiva 3.7 || + + + + + + + + + + + + + + || + + + + + + + + + + + + + || + + + + + + + + + + + + + + + + + + + + + || + + + + + + + + + + + + + + + + + Għaldaqstant qed tiġi proposta
taħlita ta' Alternattiva 2 u Alternattiva 3.7. Meta mqabbla
mal-implimentazzjoni sħiħa (ta' Alternattiva 1), din it-taħlita ġġib bosta
benefiċċji għax:
jonqsu l-piżijiet amministrattivi l-aktar
għall-SMEs, u jitjiebu s-simplifikazzjoni u l-implimentazzjoni anki billi
l-miri jkunu adatti għall-għan;
jinħolqu l-impjiegi – aktar minn 180,000
impjieg dirett sal-2030, l-aktar fosthom ma jkunux possibbli jitilqu
mill-UE;
jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra –
madwar 443 miljun tunnellati ta' gassijiet serra bejn l-2014 u
l-2030;
il-materja prima sekondarja terġa' ssibha
postha mill-ġdid fl-ekonomija – aktar mid-doppju tal-iskart li ġie
riċiklat fl-2011 fejn jidħol skart muniċipali u skart mill-imballaġġ.
Il-miżuri proposti se jservu ta' katalist biex tkun żgurata
l-implimentazzjoni tal-miri kollha tal-UE li se jgħinu biex ikopru bejn
10% u 40% (skont xi jkun il-materjal) tad-domanda kollha tal-materja prima
tal-UE.
Il-kompetittività tas-setturi tal-imminiġġjar
tal-iskart u tar-riċiklaġġ, u s-settur tal-manifattura tal-UE se jintlaqtu
tajjeb (EPR aħjar, inqas riskji mil-lat ta' aċċess u prezzijiet
tal-materja prima).
Il-livell tal-iskart fil-baħar jinżblu b'7%
sal-2020 u b'24% sal-2030.
Il-miri proposti għaż-żmien medju jagħtu s-sinjal
ċar meħtieġ lill-Istati Membri u lill-operaturi tal-iskart biex ikunu jistgħu
jiġu adattati strateġiji u investimenti ġodda fil-ħin u biċ-ċertezza meħtieġa.
L-esperjenza li nkisbet turi li tjieb l-immaniġġjar tal-iskart muniċipali u
mill-imballaġġ filwaqt li l-projbizzjoni fuq ir-rimi fil-miżbliet se tixpruna
l-immaniġġjar ta' kull tip ta' skart ieħor.
7.
Monitoraġġ u Evalwazzjoni
Ħafna
mill-istatistika marbuta mal-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart
(ir-riċiklaġġ, l-irkupru, ir-rimi fil-miżbliet) diġà jiġbruha l-Istati Membri u
jgħadduha lill-Kummissjoni (il-Eurostat, id-DĠ tal-Ambjent). Mhumiex jiġu
proposti miri ġodda; uħud mill-miri eżistenti se jiġu aġġornati u ċċarati u
l-miri skaduti se jitneħħew. F'intervalli ta’ tliet snin u bl-appoġġ tal-Aġenzija
Ewropea għall-Ambjent (EEA), se tiġi stabbilita d-"distanza
mill-mira" kif tirrifletti l-aħħar statistika disponibbli u d-dejta
projettata, l-aktar fil-kuntest tal-proċedura ta' "twissija bikrija"
proposta. L-EEA beħsiebha wkoll taġġorna regolament l-evalwazzjoni ex ante
(mudell) u ex post tagħha tal-prestazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart
muniċipali tal-Istati Membri. Fil-ġejjieni, jaf jinħolqu tipi oħra ta'
indikaturi, bħall-potenzjal tat-tunnellaġġ tal-iskart mitluf għall-ekonomija
tal-UE kull sena, u l-użu tal-materja prima sekondarja fil-prodotti u fis-suq.