52014SC0208

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2008/98/KE dwar l-iskart, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma, 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku /* SWD/2014/0208 final */


1. Definizzjoni tal-problema

Għalkemm l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE qed ikompli jitjieb, bħalissa l-ekonomija tal-UE qed titlef għadd ġmielu ta' materja prima sekondarja potenzjali. B'kollox fl-2010, il-produzzjoni tal-iskart fl-UE laħqet l-2,520 miljun tunnellata. Minnha, sehem limitat (36%) biss ġie riċiklat, bil-bqija ntrema fil-miżbliet jew inħaraq meta madwar 600 miljun tunnellata minnu seta' ġie riċiklat jew intuża mill-ġdid. Għalhekk l-UE qed jaħarbulha opportunitajiet importanti li ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u toħloq ekonomija aktar ċirkolari, toħloq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, tieħu miżuri kosteffikaċi biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-materja prima importata.

Mingħajr inizjattivi ġodda biex jitjieb l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE, fis-snin li ġejjin se jkomplu jintilfu ammonti sinifikanti ta' riżorsi prezzjużi. Mingħajr perspettiva ċara għaż-żmien medju, li jkun fiha miri stabbiliti, l-UE qed tirriskja li żżid l-investimenti fi proġetti mhux flessibbli fuq skala kbira li jiffukaw fuq it-trattament tal-iskart residwu u dawn ixekklu ambizzjonijiet aktar fit-tul biex jtejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

It-tixrid tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri se jibqa' limitat u l-kundizzjonijiet ekonomiċi mhux se jinċentivaw biżżejjed il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ u għaldaqstant se jibqgħu jippersistu bosta diverġenzi kbar mil-lat tal-prestazzjonijiet fost l-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-iskart . Barra minn hekk, il-kwalità tal-għodod meħtieġa għall-monitoraġġ, ngħidu aħna l-istatistika dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-immaniġġjar tal-iskart se tibqa' subottimali u ħafna obbligi tar-rappurtar se jibqgħu kumplessi mingħajr ma jkollhom ħafna valur miżjud.

2. Analiżi tas-sussidjarjetà

Il-proposta tgħin direttament fl-Istrateġija 2020 tal-UE, l-aktar bl-inizjattiva ewlenija tagħha msejħa "Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi", u hi relatat ħafna mal-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar l-Effiċjenza fir-Rizorsi u mal-Inizjattiva tiegħu dwar il-Materja Prima. Din twieġeb direttament l-ambizzjonijiet komuni tal-UE relatati mal-ambjent u l-iskart li jistabbilixxi s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali.

Il-kompetenza tal-Unjoni li tieħu azzjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart toħroġ mill-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-ambjent. Dan jgħid li "il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin: is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem; l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali; il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima."

B'mod aktar speċifiku, il-proposta twieġeb tliet biċċiet speċifiċi ta' klawsoli ta' reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar ir-Rimi tal-Iskart f'Terraferma u d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ) li teżiġi li l-Kummissjoni tirrevedi l-miri eżistenti tal-immaniġġjar tal-iskart. L-esperjenza li nkisbet turi li l-għanijiet u l-miri għall-UE kollha għall-immaniġġjar tal-iskart kienu xprun ewlieni biex tjieb l-immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi f'ħafna mill-Istati Membri. Anki għanijiet u miri komuni jgħinu biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq tal-iskart tal-UE, pereżempju billi tingħata gwida għal deċiżjonijiet tal-investiment, tkun żgurata l-koperazzjoni fost l-Istati Membri u tkun żgurata xi tip ta' armonizzazzjoni bejn l-iskemi nazzjonali tar-responsabilità tal-produtturi. Hemm bżonn ukoll miri għall-UE kollha li joħolqu l-iskala minima għall-industrija tal-UE biex tinvesti f'tekniki ġodda tar-riċiklaġġ.

Il-proposta tindirizza problemi ambjentali b'implikazzjonijiet transnazzjonali fosthom l-impatt ta' mmaniġġjar mhux xieraq tal-iskart fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, it-tniġġis tal-arja u r-rimi taż-żibel, l-aktar l-ambjent tal-baħar.

3. L-għanijiet

L-għanijiet ewlenin tal-proposta huma li tiżgura li b'mod effettiv il-materjal prezzjuż fl-iskart jintuża mill-ġdid, jiġi riċiklat u jerġa' jidħol fl-ekonomija Ewropea, jiġifieri din tgħin biex isir progress għal ekonomija ċirkolari fejn l-iskart jintuża b'mod progressiv bħala riżorsa u jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi u impjiegi ġodda.

L-għanijiet speċifiċi tal-proposta huma li:

· Tissimplifika l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart billi tiċċara u tissimplifika l-metodi tal-kejl relatati mal-miri, tadatta u tiċċara d-definizzjonijiet ewlenin, issaħħaħ il-miri, iżżid il-konsistenza fit-tfassil tal-miri, tneħħi r-rekwiżiti skaduti u tissimplifika l-obbligi tar-rappurtar.

· Ittejjeb is-sorveljanza billi ttejjeb il-kwalità tal-istatistika dwar l-iskart, l-aktar fejn jidħlu l-miri, u tantiċipa problemi li jista' jkun hemm fl-implimentazzjoni permezz ta' proċedura ta' "twissija bikrija".

· Tiżgura l-aqwa mmaniġġjar tal-iskart fl-Istati Membri kollha billi tippromwovi t-tixrid tal-aqwa prattiki u strumenti ewlenin, bħal ngħidu aħna l-istrumenti ekonomiċi, u tiżgura livell minimu ta' armonizzazzjoni tal-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR).

· Toħloq l-miri tal-iskart għaż-żmien medju li jaqblu mal-ambizzjonijiet tal-UE fejn jidħlu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-aċċess għall-materja prima. 

L-għanijiet operazzjonali proposti jixhdu l-ambizzjonijiet li ġew stabbiliti fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-UE (is-Seba' EAP) li dan l-aħħar adottaw il-Kunsill u l-Parlament.

­ Il-ġenerazzjoni tal-iskart għandu jonqos u jkun diżakkoppjat mill-evoluzzjoni tal-PDG;

­ l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom ikunu fl-ogħla livell possibbli;

­ l-inċinerazzjoni għandha titħalla għal skart li mhux riċiklabbli;

­ ftit ftit għandu jispiċċa r-rimi fil-miżbliet ta' skart li jista’ jiġi rkuprat;

­ l-iskart fil-baħar għandu jonqos sew.

L-għanijiet biex tiġi simplifikata l-leġiżlazzjoni u jonqsu l-piżijiet regolatorji (inkluż għall-SMEs) kif ukoll biex ikun żgurat li l-miri ikunu adatti għall-għan u jaqblu għalkollox mal-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura idoneità regolatorja. Barra minn hekk, il-proposta tagħti kas sew is-sejbiet tal-verifika tal-ideonità (l-evalwazzjoni ex post) ta’ ħames flussi tal-iskart tal-UE (inkluża d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ) li saret b'mod parallel mar-reviżjoni tal-miri tal-UE dwar l-iskart.

4. L-Alternattivi ta' Politika

Abbażi ta' analiżi fil-fond dwar dak li rnexxa jew ma rnexxiex fil-passat, u wara konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, inżammu dawn it-tliet alternattivi li ġejjin (u sensiela ta' subalternattivi u miżuri speċifiċi) għal aktar analiżi dettaljata:

Alternattiva 1 – Niżguraw implimentazzjoni sħiħa:

•        L-UE ma tiħux azzjoni addizzjonali ħlief tippromwovi l-konformità

Alternattiva 2 – Simplifikazzjoni, monitoraġġ aħjar, tixrid tal-aqwa prattiki:

• nallinjaw id-definizzjonijiet tal-kunċetti ewlenin (eżempju ta' "riċiklaġġ" u "użu mill-ġdid") u nneħħu r-rekwiżiti skaduti;

• nissimplifikaw il-metodi tal-kejl (metodu wieħed biss li jkejjel l-"iskart domestiku u skart simili") u l-obbligi tar-rappurtar;

• noħolqu reġistri nazzjonali fuq il-ġbir tal-iskart u l-immaniġġjar tal-iskart li jkunu jeħtieġu l-verifika minn parti terza tad-dejta u tal-istatistika ewlenin;

• indaħħlu proċedura ta' twissija bikrija biex tissorvelja l-prestazzjoni tal-Istati Membri u teżiġi miżuri ta' korrezzjoni f'waqthom meta jkun meħtieġ; u

• nistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għat-tħaddim tal-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR).

Alternattiva 3 – Naġġornaw il-miri tal-UE:

Sabiex jiġu proposti miri u skadenzi realistiċi għall-Istati Membri kollha filwaqt li jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tas-Seba' EAP, tqiesu l-prestazzjonijiet attwali tal-aktar Stati Membri avvanzati u ż-żmien li kien meħtieġ biex jintlaħqu dawn il-miri.  

Alternattiva 3.1 – Inżidu l-mira tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid għall-iskart muniċipali:

­ Mira baxxa: 60% għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid sal-2030; 50% sal-2025

­ Mira għolja: 70 % għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid sal-2030; 60 % sal-2025

Alternattiva 3.2 – Inżidu l-miri tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid għall-iskart mill-imballaġġ:

­ Żieda fil-miri bbażati fuq il-materjal mill-2020 sal-2030 (80% għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ġenerali)

­ Varjant: mira separata speċifika għall-metalli mhux ferrużi ("metal split")

Alternattiva 3.3 – Inwaqqfu ftit ftit ir-rimi fil-miżbliet ta' skart muniċipali li jista' jiġi rkuprat:

­ Projbizzjoni fuq il-plastik, il-karti, il-ħġieġ u l-metalli sal-2025 (ir-rimi fil-miżbliet ma jaqbiżx il-25%), projbizzjoni generali sal-2030 (mhux aktar minn 5%)

Alternattiva 3.4 – Taħlita tal-Alternattivi 3.1, 3.2 u 3.3:

Alternattiva 3.5 – Bħal Alternattiva 3.4 iżda bi skadenzi differenti għal gruppi differenti ta' pajjiżi

Alternattiva 3.6 – Bħal Alternattiva 3.4 iżda bi skadenzi aktar malajr għall-Istati Membri kollha bil-possibbiltà ta' derogi taż-żmien għal uħud minnhom

Alternattiva 3.7 – Bħal Alternattiva 3.4 iżda b'estensjoni tal-projbizzjoni tar-rimi fil-miżbliet għall-iskart kollu simili għall-iskart muniċipali

5. Valutazzjoni tal-Impatti

L-impatti tal-alternattivi ta' politika identifikati għandhom x'jaqsmu ma' dawn l-aspetti ewlenin li ġejjin:

L-ispejjeż u l-iffrankar minn ġbir u trattament aħjar tal-iskart (eż. aktar użu mill-ġdid u riċiklaġġ). Sabiex jiżdiedu r-rati tar-riċiklaġġ, maż-żmien se jkollhom jevolvu sistemi għall-ġbir tal-iskart, eżempju evoluzzjoni minn sistemi ta' ġbir imsejħa "bring systems" għal sistemi ta' ġbir bieb bieb. L-ispejjeż addizzjonali tal-investiment li dan iġib miegħu se jittaffew maż-żmien għax l-ispejjeż tal-ġbir u tat-trattament tal-iskart residwu mħallat huma mistennija jonqsu filwaqt li d-dħul minn materjali riċiklati hu mistenni jiżdied. Il-benefiċċji relatati ma' disponibbiltà akbar ta' materja prima sekondarja, jiġifieri jitaffew ir-riskji li fil-futur jiżdiedu l-prezzijiet tal-materjali primarji li aktarx se taffaċċja l-industrija tal-manifattura tal-UE. Il-benefiċċji mill-opportunitajiet ta' riċiklaġġ u rkupru aħjar tal-iskart fis-suq intern tal-UE (użu aħjar tas-sistemi eżistenti u żvilupp ta' infrastruttura ġdida u innovattiva għat-trattament tal-iskart, jiġifieri favur is-settur tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE) L-ispejjeż u l-benefiċċji relatati ma' monitoraġġ aħjar, inqas piżijiet amministrattivi u mas-simplifikazzjoni. Il-ħolqien tal-impjiegi, minħabba l-fatt li livelli ogħla fil-ġerarkija tal-iskart (inkluż il-ġbir separat, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ) jitqiesu li jeħtieġu ħafna aktar ħaddiema milli jeħtieġu r-rimi u l-inċinerazzjoni tal-iskart.. Il-benefiċċji mil-lat tal-aċċettazzjoni soċjali. L-infrastruttura meħtieġa għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart ġeneralment ikollha aktar aċċettazzjoni soċjali milli jkollhom il-faċilitajiet tar-rimi u l-inċinerazzjoni tal-iskart. Impatti ambjentali pożittivi, kemm diretti (immaniġġjar aħjar tal-iskart, rati aktar baxxi ta' rimi fiż-żibel inkluż fl-ambjent tal-baħar) kif ukoll indiretti (livelli aktar baxxi ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra u tniġġis tal-arja, għax jiġi evitat l-użu ta' materja prima verġni u l-enerġija). Minħabba f'hekk, anki l-effetti fuq saħħet il-bniedem ikunu pożittivi.

Filwaqt li xi impatti minn dawn (b'mod partikolari dawk relatati mal-ġbir aħjar tal-iskart, mal-benefiċċji ambjentali, u mal-ħolqien tal-impjiegi) jistgħu jingħaddu u jissarrfu fi flus, xi aspetti oħrajn jistgħu biss jitniżżlu biss b'mod aktar kwalitattiv (eżempju d-dipendenza mnaqqsa fuq il-materja prima importata).

L-impatti ta' Alternattiva 1 ("implimentazzjoni sħiħa") ġew ivvalutati meta mqabbla max-xenarju jekk kollox jibqa' kif inhu, filwaqt li l-impatti ta' Alternattivi 2 u 3 ġew identifikati bil-"implimentazzjoni sħiħa" bħala l-punt tat-tluq.

Alternattiva 1 – Implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-ispejjeż netti annwali (mill-ispejjeż ogħla għall-ġbir/trattament jitnaqqsu l-benefiċċji ambjentali) ta' din l-alternattiva huma stmati li jilħqu €1500 miljun sal-2020 u maż-żmien jonqsu għal inqas €600 miljun sal-2035 fost l-UE28. Iż-żieda stmata fl-impjiegi diretti hi ta' 36,761 f'ekwivalenti ta' ingaġġ full-time (FTEs).

Alternattiva 2 – Simplifikazzjoni, monitoraġġ aħjar, tixrid tal-aqwa prattiki

Filwaqt li t-titjib fl-istatistika, eżempju b'reġistri nazzjonali, ikun jeħtieġ sforzi addizzjonali minn xi Stati Membri, fl-istess ħin dan jgħin biex jonqsu l-ispejjeż tar-rappurtar. Is-sistema proposta ta' "twissija bikrija" teħtieġ l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, iżda jaf tnaqqas il-ħtieġa għal proċeduri ta' ksur fi stadju aktar tard filwaqt li tevita investimenti mhux adattati. L-iffrankar tal-ispejjeż iġib miegħu simplifikazzjoni sinifikanti tar-rekwiżiti tar-rappurtar għall-Istati Membri; dawn il-flus jistgħu jintużaw biex ikopru kull spiża netta li joħolqu l-miżuri li jtejbu l-monitoraġġ. Fl-aħħar nett, jekk jiġu definiti kundizzjonijiet minimi għat-tħaddim tal-iskemi tal-EPR, fost l-oħrajn tiżdied il-kosteffikaċja tagħhom.

Alternattiva 3 – Naġġornaw il-miri tal-UE

Għas-snin mill-2014 sal-2030, l-impatti ewlenin tad-diversi subalternattivi 3 li tiddeskrivi Taqsima 4 jistgħu jinstabu fil-qosor f'din it-Tabella. Bħalma turi t-Tabella, it-taħlita tas-subalternattivi 3.1, 3.2 u 3.3 (jiġifieri s-subalternattivi 3.4 sa 7) tipprovdi l-akbar proporzjon tal-ispejjeż u l-benefiċċji filwaqt li toħloq aktar impjiegi u tnaqqas aktar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra:

Alternattiva || L-ispejjeż finanzjarji (VPN 2014-2030), € biljun (1) || L-ispejjeż esterni (VPN 2014-2030), € biljun (2) || L-ispejjeż soċjali netti (1+2) || Impjiegi (FTEs fl-2030) || Miljuni ta' tunnellati ta' GHG CO2eq (2030) || Miljuni ta' tunnellati ta' GHG CO2eq (2014-2030)

Alternattiva 3.1 - mira baxxa || -3.73 || -3.96 || -7.69 || 78,519 || -23 || -107

Alternattiva 3.1 - mira għolja || -8.41 || -8.49 || -16.91 || 137,585 || -39 || -214

Alternattiva 3.2 || -11.2 || -8.45 || -19.66 || 107,725 || -20 || -183

Alternattiva 3.2 – "metal split" || -13.48 || -10.05 || -23.53 || 107,643 || -24 || -250

Alternattiva 3.3 || 5.64 || -0.65 || 4.99 || 46,165 || -13 || -49

Alternattiva 3.4 || -12.65 || -13 || -25.65 || 177,637 || -44 || -308

(1) Alternattivi 3.5 u 3.6 || -13.62 || -13.58 || -27.2 || 177,628 || -44 || -320

(2) Alternattiva 3.7 || -10.7 || -18.3 || -29 || || -62 || -443

Nota: spejjeż negattivi jirrappreżentaw benefiċċju 

Alternattivi 3.4 sa 7 jagħtu perspettiva konsistenti dwar l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE skont l-esperjenza li kisbu l-aktar Stati Membri avvanzati: ftit ftit qed jiddaħħlu restrizzjonijiet għar-rimi fil-miżbliet, f'binarju ma' żieda ftit ftit fil-miri tar-riċiklaġġ; dan jgħin biex ikun evitat milli jinħolqu kapaċitajiet żejda ta' faċilitajiet tat-trattament tal-iskart residwu bħal inċineraturi jew faċilitajiet oħra bi prestazzjoni baxxa.

Meta mqabblin mal-"implimentazzjoni sħiħa", Alternattivi 3.4 sa 7 jwasslu wkoll għal tnaqqis addizzjonali fl-iskart fil-baħar ta' 7% sal-2020 u 23% sal-2030. Mit-tnaqqis fil-flussi tal-iskart fil-baħar hu stmat iffrankar addizzjonali ta' €136 miljun sal-2030, l-aktar minħabba anqas tindif tax-xtut u minħabba li tkun evitata ħsara fil-bastimenti tas-sajd u l-irkaptu.

6. Tqabbil tal-Alternattivi

Din it-tabella tiġbor fil-qosor il-kontribut ta' kull Alternattiva għall-għanijiet ewlenin deskritti f'Taqsima 3. Minnha jistgħu joħorġu dawn il-konklużjonijiet:

Alternattiva 2 tkun utli biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-miri eżistenti iżda tidher indispensabbli jekk jiġu applikati l-miri l-ġodda proposti. Il-miżuri proposti f'Alternattiva 2 jgħinu biex jintlaħqu l-biċċa l-kbira tal-għanijiet identifikati u għandhom jitqiesu bħala "miżuri ta' akkumpanjament" li jgħinu biex titjieb il-konformità mal-leġiżlazzjoni u jintlaħqu l-miri. Alternattivi 3.1, 3.2 u 3.3 meħudin waħedhom mhux se jagħtu riżultati aħjar mil-lat ta' konsistenza bejn il-miri proposti u l-proporzjon tal-ispiża u l-benefiċċju. Alternattiva 3.4 bi projbizzjoni estiża fuq ir-rimi fil-miżbliet (jiġifieri Alternattiva 3.7) tidher l-aktar waħda attraenti.

M'hemmx preferenza ċara bejn Alternattiva 3.4 u Alternattivi 3.5 u 3.6: jekk jiġu definiti miri differenzjati għall-Istati Membri, jiżdied il-valur preżenti nett (VPN) għax il-benefiċċji minn immaniġġjar aħjar tal-iskart jinħafnu aktar malajr minn xi Stati Membri, iżda dan jikkomplika l-leġiżlazzjoni. 

|| Għan 1 — Is-Simplifikazzjoni || Għan 2 — Monitoraġġ Aħjar || Għan 3 — It-tixrid tal-aqwa prattiki || Għan 4 – Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi

Alternattiva 1 || 0  || 0 || 0 || 0

Alternattiva 2 || + + + || + + + || + + || +

Alternattiva 3 Alternattiva 3.1 - mira baxxa Alternattiva 3.1 - mira għolja Alternattiva 3.2 Alternattiva 3.3 Alternattiva 3.4  Alternattiva 3.5 Alternattiva 3.6 Alternattiva 3.7 || + + + + + + + + + + + + + + || + + + + + + + + + + + + + || + + + + + + + + + + + + + + + + + + + + + || + + + + +  + + +  + + + + + + + + +

Għaldaqstant qed tiġi proposta taħlita ta' Alternattiva 2 u Alternattiva 3.7. Meta mqabbla mal-implimentazzjoni sħiħa (ta' Alternattiva 1), din it-taħlita ġġib bosta benefiċċji għax:

jonqsu l-piżijiet amministrattivi l-aktar għall-SMEs, u jitjiebu s-simplifikazzjoni u l-implimentazzjoni anki billi l-miri jkunu adatti għall-għan; jinħolqu l-impjiegi – aktar minn 180,000 impjieg dirett sal-2030, l-aktar fosthom ma jkunux possibbli jitilqu mill-UE; jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra – madwar 443 miljun tunnellati ta' gassijiet serra bejn l-2014 u l-2030; il-materja prima sekondarja terġa' ssibha postha mill-ġdid fl-ekonomija – aktar mid-doppju tal-iskart li ġie riċiklat fl-2011 fejn jidħol skart muniċipali u skart mill-imballaġġ.  Il-miżuri proposti se jservu ta' katalist biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-miri kollha tal-UE li se jgħinu biex ikopru bejn 10% u 40% (skont xi jkun il-materjal) tad-domanda kollha tal-materja prima tal-UE.  Il-kompetittività tas-setturi tal-imminiġġjar tal-iskart u tar-riċiklaġġ, u s-settur tal-manifattura tal-UE se jintlaqtu tajjeb (EPR aħjar, inqas riskji mil-lat ta' aċċess u prezzijiet tal-materja prima). Il-livell tal-iskart fil-baħar jinżblu b'7% sal-2020 u b'24% sal-2030.

Il-miri proposti għaż-żmien medju jagħtu s-sinjal ċar meħtieġ lill-Istati Membri u lill-operaturi tal-iskart biex ikunu jistgħu jiġu adattati strateġiji u investimenti ġodda fil-ħin u biċ-ċertezza meħtieġa.  L-esperjenza li nkisbet turi li tjieb l-immaniġġjar tal-iskart muniċipali u mill-imballaġġ filwaqt li l-projbizzjoni fuq ir-rimi fil-miżbliet se tixpruna l-immaniġġjar ta' kull tip ta' skart ieħor.

7. Monitoraġġ u Evalwazzjoni

Ħafna mill-istatistika marbuta mal-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart (ir-riċiklaġġ, l-irkupru, ir-rimi fil-miżbliet) diġà jiġbruha l-Istati Membri u jgħadduha lill-Kummissjoni (il-Eurostat, id-DĠ tal-Ambjent). Mhumiex jiġu proposti miri ġodda; uħud mill-miri eżistenti se jiġu aġġornati u ċċarati u l-miri skaduti se jitneħħew.

F'intervalli ta’ tliet snin u bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), se tiġi stabbilita d-"distanza mill-mira" kif tirrifletti l-aħħar statistika disponibbli u d-dejta projettata, l-aktar fil-kuntest tal-proċedura ta' "twissija bikrija" proposta. L-EEA beħsiebha wkoll taġġorna regolament l-evalwazzjoni ex ante (mudell) u ex post tagħha tal-prestazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart muniċipali tal-Istati Membri. Fil-ġejjieni, jaf jinħolqu tipi oħra ta' indikaturi, bħall-potenzjal tat-tunnellaġġ tal-iskart mitluf għall-ekonomija tal-UE kull sena, u l-użu tal-materja prima sekondarja fil-prodotti u fis-suq.