28.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 140/7


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP)

(2015/C 140/02)

Relatur

:

Is-Sur Markus Töns (DE/PSE), Membru tal-Landtag ta' Nordrhein-Westfalen

Dokument ta' referenza

:

 

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

ifakkar li l-Unjoni Ewropea (UE) hija aktar minn sempliċi komunità ekonomika, u teqreb iżjed lejn komunità ta' valuri – kif stabbilit fil-Preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – li tqiegħed lill-individwi fil-qalba tal-attivitajiet tagħha; ifakkar ukoll li l-UE tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-valuri komuni filwaqt li tirrispetta d-diversità tal-kulturi u t-tradizzjonijiet tal-popli tal-Ewropa kif ukoll l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi tagħhom fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

2.

jenfasizza li qbil dwar it-TTIP jista’ jagħti stimolu tassew meħtieġ lill-ekonomija Ewropea, iwassal għal tkabbir sinifikanti tal-prodott gross domestiku Ewropew u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja;

3.

ifakkar li r-riżultat tal-ftehim tat-TTIP ser joħloq regoli vinkolanti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku għal-livelli kollha ta' governanza, minn fuq nett sal-awtoritajiet lokali, u għaldaqstant japplika għal madwar 820 miljun individwu u ser iwitti t-triq għall-ftehimiet bilaterali u multilaterali ta' kummerċ u ta' investiment kollha futuri, inkluż il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA); għalhekk dawn in-negozjati huma tal-ikbar importanza għall-ħajja taċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-Istati Uniti u għandhom isiru b'mod ġust u trasparenti b'konsiderazzjoni tal-aħjar interess taċ-ċittadini;

4.

jilqa' b'sodisfazzjon li d-direttivi ta' negozjati jirrikonoxxu d-dritt tal-partijiet li qed jinnegozjaw li “jadottaw, iżommu u jinforzaw miżuri neċessarji sabiex jiġu segwiti objettivi ta' politika leġittimi bħall-protezzjoni tas-soċjetà, l-ambjent u s-saħħa pubblika, jiġu żgurati l-integrità u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja, jiġu promossi s-sigurtà u s-sikurezza pubblika, u tiġi promossa u protetta d-diversità kulturali”;

5.

jinnota li n-negozjati dwar il-ftehimiet trans-Atlantiċi ta' kummerċ ħieles jinkludu oqsma li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza legali tal-livelli governattivi u amministrattivi kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u fid-dawl ta' din id-dimensjoni lokali u reġjonali konsiderevoli tal-ftehim, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tinkludih fil-Grupp Konsultattiv dwar it-TTIP tal-Kummissjoni Ewropea bħala assemblea tar-rappreżentanti lokali u reġjonali tal-UE sabiex jiġi żgurat l-involviment u l-parteċipazzjoni minn stadju bikri tal-livell reġjonali, muniċipali u lokali fin-negozjati;

6.

madankollu, jiddispjaċih li s'issa l-Kummissjoni Ewropea ma inkludietx il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili fil-grupp konsultattiv tagħha;

7.

jenfasizza l-bżonn li tinżamm il-flessibbiltà regolatorja li teżisti bħalissa fl-Istati Membri kif ukoll dik tal-ġejjieni, speċjalment fil-qasam tal-istabbiliment ta' standards ta' protezzjoni u tas-servizzi ta' interess ġenerali. Il-garanzija tal-flessibbiltà hija indispensabbli l-iktar għall-intrapriżi tas-servizzi pubbliċi, peress li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali; jenfasizza wkoll il-prinċipju fundamentali stabbilit fit-Trattati tar-rispett tal-awtoregolamentazzjoni lokali u reġjonali;

8.

ma jaqbilx mal-proposta għal iktar kooperazzjoni regolatorja, li tagħti vuċi privileġġjata lill-imsieħba kummerċjali u tal-investiment fil-fażi preleġislattiva jew leġislattiva tal-proċessi leġislattivi tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jew li tippermetti li jiġu posposti l-proċeduri leġislattivi permezz tat-talba ta' studji tal-impatt tal-leġislazzjoni dwar il-kummerċ ħieles;

9.

jenfasizza li dan il-ftehim ser ikun ta’ benefiċċju għal kumpaniji ta’ kull daqs, b’mod partikolari l-SMEs, li m'għandhomx ir-riżorsi finanzjarji, legali jew oħrajn sabiex jiffaċċjaw regoli differenti u ostakoli oħrajn għall-kummerċ;

10.

jassumi li t-TTIP jista' jkun opportunità biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjieg fl-UE, peress li jista' jipprovdi aċċess reċiproku għas-suq għall-kummerċ ta' prodotti, servizzi, u investimenti, kif ukoll l-akkwist pubbliku u dispożizzjonijiet regolatorji miftuħa u jnaqqas l-ostakli kummerċjali nontariffarji (ONT);

11.

jinnota li, fid-dawl ta' dazju doganali medju ta' 2 %, l-ispinta għat-tkabbir partikolarment mistennija mill-Kummissjoni Ewropea għandha tinsab prinċipalment fil-konverġenza tad-dispożizzjonijiet regolatorji u t-tnaqqis tal-ONT;

12.

madankollu, jinnota li ftehim b'kamp ta' applikazzjoni daqshekk globali jipprovdi oppportunitajiet iżda jinvolvi wkoll riskji u, f'dan il-kuntest, jenfasizza b'mod espliċitu li l-parteċipazzjoni demokratika u l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali, muniċipali u reġjonali għandhom ikunu ssalvagwardjati;

13.

jilqa' b'mod favorevoli d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li jippubblika l-mandat ta' negozjar tat-TTIP. Il-KtR jiddispjaċih li dan seħħ diversi xhur wara li kien diġà ġie żvelat fuq l-internet, kif ukoll il-fatt li r-restrizzjonijiet fuq il-mandat ta' negozjar għadhom pjuttost kbar. Għalhekk dawn iridu jitnaqqsu sabiex jiġi garantit aċċess aħjar għall-pubbliku fir-rigward tal-qagħda tan-negozjati;

14.

jinnota wkoll li, fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti, għandu jiġi garantit f'kull ħin il-kontroll demokratiku tan-negozjati u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jiżguraw negozjati kemm jista' jkun trasparenti. F'termini konkreti dan ifisser li għandhom jiġu ppubblikati d-dokumenti essenzjali kollha u, fejn possibli, jiġu preżentati fil-ħin u b'mod komprensiv id-direttivi ta' negozjati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-gruppi soċjali rilevanti kollha kif ukoll liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea; b'rabta ma' dan jilqa' l-fatt li l-Istati Membri, li jżommu ma' deċiżjoni unanima fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta' dokumenti dwar in-negozjati għall-ftehmiet kummerċjali, fil-bidu ta' Jannar 2015 talbu lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika t-test tal-proposti inizjali tal-UE f'diversi oqsma tan-negozjati;

15.

jenfasizza li t-TTIP huwa ftehim imħallat, li huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u għandu jiġi ratifikat ukoll minn kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat jista' jirrikjedi mhux biss l-approvazzjoni tal-parlament nazzjonali iżda wkoll l-approvazzjoni tal-gvern, il-parlament jew il-kmamar li jirrappreżentaw il-livell reġjonali;

16.

jitlob li tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiġi introdotta klawżola ta’ reviżjoni fil-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex, fejn adegwat, ikun possibbli li jiġu riveduti u emendati l-ftehimiet li jintlaħqu, skont l-impatt tagħhom;

17.

jistieden lill-Kummissjoni taħdem sabiex il-ftehim dwar it-TTIP jiġbor fih approċċ ta' elenkar pożittiv u biex tirrifjuta approċċ ta' elenkar negattiv u l-hekk imsejħa klawżoli “krikk” (ratchet clauses);

18.

iqis li l-livell għoli tal-istandards ta' protezzjoni Ewropej li jeżistu għaċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea huwa kisba ewlenija li għandha tiġi protetta kemm jista' jkun u jħeġġeġ li l-istandards legali eżistenti fl-Istati Membri tal-UE, pereżempju dwar il-ħarsien tal-ħajja, is-sigurtà tal-prodotti, il-protezzjoni tas-saħħa, soċjali, ambjentali, tal-klima, alimentari u tal-annimali kif ukoll id-drittijiet tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-data, il-proprjetà intellettwali kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema, u dwar il-kundizzjonijiet siguri għas-servizzi pubbliċi fl-ebda każ m'għandhom jonqsu iżda pjuttost għandhom jittejbu; jappoġġja l-fehma li d-dritt li jiġu regolati dawn l-oqsma prinċipali għandu jibqa' tal-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali rilevanti biss;

19.

jitlob li l-imsieħba fin-negozjati jaħdmu favur it-titjib ta' dawn l-istandards u, jekk ikun hemm bżonn, għall-adozzjoni jew ir-rikonoxximent tal-ogħla livell ta' standards ta' protezzjoni tal-pajjiżi msieħba u jitlob ukoll biex dawn l-istandards ta' protezzjoni jiġu ottimizzati fil-futur; għandu jitwaqqaf mekkaniżmu biex jiġu aġġustati skont l-aħħar għarfien xjentifiku;

20.

jenfasizza li l-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-politika Ewropea għall-protezzjoni ambjentali, tas-saħħa u tal-konsumatur, u b'konformità miegħu l-miżuri jittieħdu minn qabel u b'mod proattiv għall-prevenzjoni ta' riskji għas-saħħa tal-bniedem, l-annimali u l-pjanti u ħsara lill-ambjent. F'dan il-kuntest għalhekk jinnota li ftehim trans-Atlantiku ta' kummerċ ħieles m'għandux iwassal biex jiddgħajjef il-prinċipju ta' prekawzjoni applikabbli fl-UE partikolarment fl-oqsma tal-protezzjoni ambjentali, tas-saħħa, tal-ikel u tal-konsumatur;

21.

jafferma wkoll li d-dettalji importanti kollha tal-ftehim għandhom jiġu negozjati u li ma għandu jkun hemm l-ebda trasferiment addizzjonali ta' kwistjonijiet regolatorji – li jevitaw il-proċess leġislattiv demokratiku – lejn korpi ta' esperti speċjalizzati stabbiliti apposta;

22.

jiddispjaċih li l-monitoraġġ, id-dekodifika u l-analiżi fil-livell globali tal-komunikazzjoni elettronika mis-servizzi tal-intelliġenza, fost oħrajn mill-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali Amerikana (National Security Agency – NSA) kif ukoll minn aġenziji tal-intelliġenza ta' pajjiżi ħbieb tal-UE, kellhom impatt negattiv dejjiemi fuq il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-istandards ta' protezzjoni tad-data internazzjonali u f'dan il-kuntest jitlob lill-partijiet tan-negozjati jiggarantixxu d-dritt għall-privatezza u jissalvagwardjaw il-libertà u d-drittijiet taċ-ċittadini anke fl-internet;

23.

jinsisti li n-negozjati dwar it-TTIP għandhom ikunu marbuta mal-konklużjoni ta’ ftehim komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti;

24.

jinnota li l-acquis tal-UE (l-“acquis communautaire”) jistipula b'mod vinkolanti dispożizzjonijiet fil-qasam tal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) kif ukoll dwar is-sikurezza okkupazzjonali u s-sigurtà tal-prodotti u, f'dan il-kuntest, jenfasizza li l-intrapriżi multinazzjonali għandhom jikkonformaw b'mod espliċitu mal-istandards ewlenin tal-ILO fil-qasam tax-xogħol u l-linji gwida tal-OECD anke fil-qafas ta' negozjati ulterjuri tat-TTIP;

25.

huwa kontra li d-drittijiet ta' protezzjoni eżistenti u futuri tal-ħaddiema, bħad-dritt għall-parteċipazzjoni fl-organizzazzjoni tax-xogħol u drittijiet oħra tal-protezzjoni tal-ħaddiema, jiġu definiti bħala ostakoli kummerċjali nontariffarji fit-TTIP; barra minn hekk, ir-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, is-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-awtonomija fin-negozjar kollettiv, il-libertà ta' assoċjazzjoni, id-dritt tal-istrajkar, il-paga minima u l-ftehimiet kollettivi ta' Stat Membru tal-UE għandhom ukoll jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali;

26.

jilqa' l-fatt li skont il-mandat ta' negozjar tal-UE “il-kwalità għolja tal-utilitajiet pubbliċi tal-UE għandha tiġi preservata skont it-TFUE u b'mod partikolari l-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali, u fid-dawl tal-impenn tal-UE f'dan il-qasam, inkluż il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS)”; madankollu f'dan il-kuntest jirreferi għad-dispożizzjonijiet komuni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li skonthom l-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali (Artikolu 4(2) tat-TUE);

27.

jenfasizza l-prinċipju li l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandha tiġi żgurata bħala waħda mill-oqsma ewlenin tad-dritt għall-awtonomija muniċipali u li r-remuniċipalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, jiġifieri l-provvista ta' servizzi pubbliċi mill-korpi pubbliċi tagħhom fi kwalunke żmien, anki wara l-privatizzazzjoni ta' dawn is-servizzi, għandha tibqa' għalkollox possibbli skont is-sitwazzjoni lokali u abbażi tar-rieda tal-votanti lokali;

28.

ifakkar b'insistenza li l-mandat ta' negozjar tal-Kummissjoni ma jmurx lil hinn mill-qafas kostituzzjonali – li jfisser li għandha tiġi rispettata l-protezzjoni tal-Istati Membri f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet ta' interess ġenerali;

29.

jinnota li, skont il-paragrafu 20 tal-mandat ta' negozjar tal-UE, is-servizzi li jitwettqu fi ħdan l-eżerċizzju tal-awtorità governattiva huma esklużi mill-mandat ta' negozjar u jitlob li jiġi ċċarat li għalhekk dan jeskludi min-negozjati s-servizzi li huma kkunsidrati mill-ġurisprudenza tal-partijiet kontraenti jew tal-membri tagħhom bħala servizzi li jitwettqu fl-eżerċizzju tal-awtorità governattiva;

30.

jitlob kjarifika dwar jekk is-servizzi pubbliċi msemmija fil-paragrafu 19 tal-mandat ta' negozjar tal-UE jirreferux għas-servizzi li huma soġġetti għal sistemi regolatorji speċifiċi jew ikkaratterizzati minn impenji speċifiċi imposti fuq il-provvedituri tas-servizzi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-interess ġenerali, skont il-ġurisprudenza ta' kull parti kontraenti jew ta' kull membru; dawn jinkludu pereżempju l-provvista tal-ilma u tal-enerġija, ir-rimi tal-iskart u tad-drenaġġ, is-servizzi tal-emerġenza, is-saħħa pubblika u s-servizzi soċjali, it-trasport pubbliku u l-abitazzjoni, miżuri ta' pjanar urban u ta' żvilupp urban;

31.

jitlob lill-Kummissjoni biex, għas-servizzi pubbliċi taħt il-paragrafu 19 tal-mandat ta' negozjar tal-UE, tipprovdi eċċezzjoni orizzontali mill-obbligi kollha tal-prinċipju tal-aċċess għas-suq u tat-trattament nazzjonali u, fir-rigward tas-servizzi pubbliċi, jitlob li tiġi infurzata eċċezzjoni għas-setturi kollha u għall-miżuri eżistenti u dawk futuri sabiex il-partijiet kontraenti jillimitaw in-numru tas-servizzi u tal-provvedituri tas-servizzi, sabiex il-provvedituri tas-servizzi jimponu obbligi speċifiċi u jirregolaw id-dispożizzjonijiet ta' dawn is-servizzi fil-qafas tal-interess ġenerali;

32.

jinnota li ma jqisx bħala neċessarju l-ftuħ ulterjuri, speċjalment għas-servizzi edukattivi ffinanzjati minn sorsi differenti, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni preskolari, l-iskejjel, l-universitajiet u l-edukazzjoni tal-adulti u t-tagħlim tul il-ħajja, peress li l-ftehim multilaterali tal-GATS diġà jinkludi diversi obbligi dwar il-liberalizzazzjoni fil-qasam tas-servizzi;

33.

jilqa' r-rapport dwar il-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-investitur u l-istat (ISDS) maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea wara l-konsultazzjoni pubblika tagħha; iqisu bħala kontribut ulterjuri importanti għall-isforzi kemm tal-Istati Uniti kif ukoll tal-Kummissjoni biex jiżguraw aktar trasparenza fin-negozjati dwar it-TTIP u biex jippermettu li jinstemgħu l-fehmiet ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati; jirrakkomanda bis-sħiħ li, fid-dawl tal-1 50  000 risposta li juru, inter alia, oppożizzjoni kbira lejn il-mekkaniżmu tal-ISDS, il-Kummissjoni tikkunsidra b'mod assolut ir-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni fil-valutazzjoni finali tagħha tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim. Barra minn hekk, jilqa' wkoll li l-Kummissjoni l-ġdida mhux ser taċċetta li l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istati Membri tal-UE tkun limitata minħabba regoli speċjali għall-ilmenti tal-investituri u li l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza quddiem il-liġi għandhom japplikaw ukoll f'dan il-kuntest;

34.

jappoġġja lill-Kummissjoni bil-qawwa biex tressaq proposti ulterjuri biex ittejjeb it-trasparenza u l-ġustizzja fl-ISDS;

35.

javża li jeżistu riskji kbar assoċjati mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment u mal-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-investitur u l-istat applikabbli għar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti (ISDS), li jmorru kontra l-ġurisdizzjonijiet ordinarji, u għaldaqshekk mhumiex ikkunsidrati bħala neċessarji. Il-liġijiet tal-Istati Membri m'għandhomx jiġu affettwati mill-ftehim trans-Atlantiku ta' kummerċ ħieles. Huwa jistenna li jinżamm il-marġni ta' flessibbiltà tal-Unjoni Ewropea u tal-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri biex b'hekk jitħarsu l-possibbiltajiet ta' influwenza demokratika taċ-ċittadini u sabiex it-tilwim dwar l-investiment jitressaq quddiem il-qrati nazzjonali;

36.

jenfasizza li l-miżuri politiċi u amministrattivi li jgawdu minn leġittimità demokratika u l-istat tad-dritt m'għandhomx jiġu dubitati mit-tribunali tal-arbitraġġ b'mod speċjali fir-rigward ta' talbiet għal kumpens għad-danni b'mod retorattiv u li l-klawżoli dwar il-protezzjoni tal-investiment fit-TTIP bl-ebda mod m'għandhom iwasslu biex il-liġi regolatorja statali tiġi affettwata b'mod dirett jew indirett;

37.

jinnota li l-leġislazzjoni dwar is-sjieda pubblika tal-istituzzjonijiet tat-tfaddil u l-banek tal-Länder tal-Ġermanja (Landesbank), m'għandhiex tithedded mit-TTIP jew kwalunkwe ftehimiet kummerċjali oħra tal-UE. Leġislazzjoni bħal din la hija ostaklu għall-aċċess għas-suq u lanqas m'hi kwalunkwe forma oħra ta' diskriminazzjoni;

38.

jinnota li attwalment 85 % tas-sejħiet għall-offerti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea diġà huma aċċessibbli għal offerenti Amerikani għall-kontra tat-32 % tas-sejħiet għall-offerti Amerikani biss li huma aċċessibbli għal offerenti mill-UE, u dan l-iżbilanċ jiġi aggravat minħabba s-sistema ta' “opt-in” tal-pajjiżi tal-Istati Uniti. Għaldaqstant, dan il-ftehim għandu jippromovi l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn iż-żewġ partijiet, li għandu jkun ta’ benefiċċju b'mod partikolari għall-SMEs Ewropej sabiex ikollhom aċċess għal swieq Amerikani tal-akkwist pubbliku;

39.

jenfasizza li m'għandux jinxteħet dubju fuq l-aspetti tal-istabbiliment ta' standards tal-liġi Ewropea dwar l-akkwist, speċjalment jekk nikkunsidraw l-implikazzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħhom fi-livell reġjonali u lokali, pereżempju fir-rigward tar-rispett ta' standards dwar il-liġi tax-xogħol, soċjali u n-negozjar kollettiv, l-akkwist pubbliku ekoloġiku jew il-kunsiderazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jiżguraw li jiġu kkunsidrati kriterji oħra fis-sejħiet għall-offerti, apparti l-prezz, bħal aspetti soċjali u sostenibbli, għall-offerent bl-aħjar offerta;

40.

ifakkar lill-KE biex tagħti ħarsa mill-qrib lejn l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fis-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP);

41.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu garantiti eżenzjonijiet mil-leġislazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, kif inhu previst attwalment għad-diversi direttivi dwar l-akkwist pubbliku (livelli limitu, “in-house”, kooperazzjoni intermuniċipali, eżenzjonijiet settorjali bħal perżempju s-settur tal-ilma jew għas-servizzi tas-salvataġġ);

42.

jilqa' l-fatt li l-Ftehim ta' kummerċ ħieles tal-UE jinkludi għall-ewwel darba kapitolu dedikat għall-SMEs, u jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li t-TTIP għandha l-għan li tiffaċilita, b'mod partikolari għall-SMEs, l-aċċess għas-suq rispettiv kif ukoll għall-kummerċ u l-investiment fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku b'mod speċjali billi jitnaqqsu l-ostakli kummerċjali nontariffarji, li huma ta' piż kbir l-iżjed għall-SMEs; Dan permezz ta’ ċertezza legali akbar, speċjalment għall-SMEs fis-settur tas-servizzi, u permezz tat-tisħiħ u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali, li l-benefiċċji tagħhom huma siewja wkoll għal dawn l-intrapriżi;

43.

jibża' li d-diversità tal-istandards fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, l-għajnuna pubblika, il-proċeduri għall-privattivi, l-enerġija, eċċ., tirriżulta f’telf ta’ attivitajiet, produzzjoni u tipi oħra ta' telf, tal-intrapriżi differenti li jinsabu fir-reġjuni tal-UE lejn l-Istati Uniti minħabba inqas spejjeż pereżempju b'rabta mal-enerġija, il-finanzjament tar-riżorsi rinnovabbli, l-emissjonijiet ta’ CO2, l-istandards soċjali għall-ħaddiema, iżda wkoll b'rabta mar-riċerka u l-iżvilupp, b'mod partikolari permezz ta’ ħeffa ikbar fil-proċeduri għall-privattivi, eċċ.

44.

jenfasizza li b'mod partikolari għall-SMEs, id-dazji doganali, ir-rekwiżiti amministrattivi eċċessivi u l-proċeduri onerużi ta' kontroll u ta' konformità jimponu piżijiet u spejjeż sproporzjonati, li sikwit iwasslu biex jiġi evitat il-kummerċ ma' msieħba mill-Istati Uniti. Fl-Unjoni Ewropea jeżistu aktar minn 20 miljun SMEs li jimpjegaw żewġ terzi tal-ħaddiema fis-settur privat. It-tneħħija prevista tal-ostakoli tariffarji u nontariffarji li jfixklu l-aċċess għas-suq u l-kummerċ tista' toffri possibbiltajiet aħjar ta' esportazzjoni għall-SMEs u b'hekk tiftaħ il-bieb għal aktar opportunitajiet ta' impjieg;

45.

jafferma li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Ewropa huma kontra l-kultivazzjoni, l-importazzjoni u l-ipproċessar tal-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM);

46.

jitlob li jiġu previsti regoli speċjali għas-settur agrikolu sabiex tiġi projbita l-importazzjoni ta' ċerti prodotti fl-UE. Dan jikkonċerna l-aktar il-prodotti li ma jikkonformawx mad-Direttiva dwar it-Tikkettar, il-prodotti li fihom jew huma magħmula minn OĠM, l-annimali injettati b'ormoni tat-tkabbir u t-tqegħid fis-suq ta' ikel li ġej minn annimali klonati. L-istess jgħodd ukoll għall-ikel trattat b'sustanzi projbiti fl-UE u prodotti tal-ikel fejn l-ingredjenti mhumiex indikati tajjeb fuq it-tabella;

47.

jenfasizza li l-bijodiversità agrikola hija l-bażi tal-produzzjoni tal-ikel u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ftehim ippjanat tat-TTIP m'għandux jillimita d-disponibbiltà tal-varjetajiet antiki ta' żrieragħ, ifaqqar l-għelejjel tar-raba' tradizzjonali tagħna u lanqas m'għandu jxekkel l-agrikoltura ta' kwalità u ekoloġika;

48.

jappella biex jiddaħħal kapitolu speċifiku dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi (GIs) bil-għan li jistabbilixxi leġislazzjoni għall-ħarsien tal-GIs fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet u sistema ta' għarfien reċiproku tad-deżinjazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti, fost l-oħrajn permezz ta' indikazzjoni speċifika tal-użu ġeneriku tal-isem ta' prodott u/jew il-post ta' produzzjoni u billi jinżammu l-istandards Ewropej;

49.

jenfasizza b'mod espliċitu li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipji għandhom iżommu l-possibbiltà li jadottaw kwalunkwe miżura regolatorja jew finanzjarja biex jipproteġu jew jippromovu d-diversità kulturali, il-libertà, u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll biex jippreservaw jew jiżviluppaw servizzi awdjoviżivi jew servizzi relatati oħra sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà, indipendentement mit-teknoloġija użata jew mill-pjattaforma ta' distribuzzjoni. Is-sovranità tal-Istati Membri fil-qasam tal-kultura u tal-midja għandha titħares permezz ta' eżenzjoni ċara tal-kultura u l-midja mill-mandat tan-negozjati;

50.

jesprimi t-tama li, fid-dawl tal-impatt globali tal-ftehim ta' kummerċ ħieles, il-partijiet fin-negozjati jesprimu ruħhom favur regoli kummerċjali ġusti u sostenibbli, li ma jmorrux kontra l-isforzi mnedija rispettivament mill-UE u l-Istati Uniti fil-qafas tal-politiki tagħhom ta' żvilupp biex itejbu s-sitwazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda li jiġu implimentati f'perspettiva ta' responsabbiltà u ta' solidarjetà internazzjonali fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi;

51.

jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar, tiġi analizzata, evalwata u ġestita data komprensiva u komparabbli li tippermetti li jiġi previst u joħroġ fid-dieher l-impatt tat-TTIP fuq il-livell reġjonali, muniċipali u lokali, b'attenzjoni speċjali għar-reġjoni ultraperiferiċi, sabiex fil-futur jiġu ffaċilitati l-previżjonijiet ekonomiċi u l-istimi statistiċi, u f'dan ir-rigward jiġi ppubblikat studju ibbażat fuq ix-xjenza.

Brussell, 12 ta' Frar 2015

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA