20.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 415/14


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030

2014/C 415/04

Relatur

Is-Sinjura Jaeger (FR/PSE),

Kunsillier Reġjonali tal-Provence-Alpes Côte d’Azur

Dokument ta’ referenza

Ittra ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Frar 2014

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

f’mument fejn l-aħħar data xjentifika tal-IPCC twissina dwar id-deterjorament tat-tisħin tal-klima u l-impatti tiegħu u fil-kuntest tar-rapport preċedenti tal-Kumitat tar-Reġjuni (CDR 5810/2013),

1.

jitlob lill-UE tagħżel sett rebbieħ ta’ tliet għanijiet vinkolanti relatati mal-klima u l-enerġija sal-2030:

tnaqqis ta’ 50 % fl-emissjonijiet ta’ gass serra meta mqabbel mal-1990;

sehem ta’ 40 % ta’ enerġija rinnovabbli, espress bħala għanijiet nazzjonali;

tnaqqis ta’ 40 % tal-konsum ta’ enerġija primarja meta mqabbel mal-2005, permezz ta’ żieda fl-effiċjenza, espress ukoll fl-għanijiet nazzjonali.

Dawn it-tliet għanijiet huma meħtieġa biex ikollna l-opportunità nevitaw tisħin katastrofiku ta’ aktar minn 2 oC u biex niksbu l-għan fit-tul tal-UE (tnaqqis ta’ 80 sa 95 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra);

2.

ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Marzu 2014 fejn il-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern ftehmu li sa Ottubru 2014 jadottaw deċiżjoni dwar qafas ta’ politika ġdid. Il-KtR jistenna li din id-deċiżjoni tinkludi miri ambizzjużi; f’dan il-kuntest jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ ambizzjoni fil-proposti li tressqu s’issa mill-Kummissjoni Ewropea: li huma dgħajfin wisq fir-rigward tal-perċentwali proposti f’termini ta’ obbligu biex jintlaħqu biss fil-livell tal-UE, u b’rabta mal-istruttura ta’ governanza proposta;

3.

iqis li dawn it-tliet għanijiet huma teknikament realistiċi u jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija Ewropea; dawn jiddeterminaw viżjoni strutturali fit-tul li tippermetti li l-Ewropa jkollha futur ta’ enerġija sostenibbli, ċert u sigur;

4.

iżid li l-UE għandha tadotta għan ta’ emissjonijiet netti li joqorbu lejn iż-żero sa nofs is-seklu, filwaqt li tiżgura li ma jiżdiedx il-faqar enerġetiku. Apparti l-bżonn ta’ tnaqqis kontinwu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għandhom jiġu promossi iżjed ukoll sforzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għall-eliminazzjoni tas-CO2 mill-atmosfera u għandha tingħata prijorità lit-tisħiħ tar-rwol tal-qbid naturali tas-CO2;

5.

jinnota li l-UE, b’saħħitha b’dawn l-għanijiet iddikjarati, tkun imbagħad lesta li tinnegozja ftehim globali dwar il-klima fid-dawl tal-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) matul il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li ser issir f’Pariġi f’Novembru-Diċembru 2015, partikolarment billi tħabbar l-intenzjonijiet tagħha li tagħti “kontributi nazzjonali”, f’isem l-UNFCCC, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu 2015;

A.    Governanza

6.

jirrakkomanda li dan il-qafas propost ġdid ta’ governanza tal-enerġija jibni fuq it-tagħlimiet mill-pakkett għall-2020, speċifikament billi jiġu stabbiliti miri vinkolanti fil-livell tal-UE u nazzjonali li għalihom ikunu responsabbli l-Istati Membri; għaldaqstant jemmen li l-approċċ kooperattiv propost li fih miri stabbiliti fil-livell tal-UE biss mhux ser jipprovdi l-inċentivi meħtieġa biex jintlaħqu dawn il-miri u jinkisbu riżultati aktar ambizzjużi;

7.

jemmen li huwa assolutament neċessarju li l-għanijiet nazzjonali għaż-żieda tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija jiġu stabbiliti b’mod vinkolanti għal kull Stat Membru u għal dan il-għan, il-pajjiżi għandhom jibbażaw l-approċċ tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta’ strateġiji reġjonali u lokali. Dan għandu jkun mhux biss aktar effettiv iżda wkoll konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din l-istruttura għandha tinstab fil-qafas il-ġdid ta’ governanza enerġetika;

8.

jisħaq li l-PAK il-ġdida tista’ taqdi rwol fundamentali kemm fit-tnaqqis tal-gassijiet serra kif ukoll fil-promozzjoni tas-sekwestru tal-karbonju fis-setturi agrarji, forestali u tat-trobbija tal-bhejjem;

9.

jenfasizza r-rwol fundamentali tal-livell lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki relatati mat-tibdil fil-klima, mal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, iżda jenfasizza wkoll li l-azzjoni tagħhom ma tistax tkun ottimali mingħajr rikonoxximent fil-forma ta’ mandat u riżorsi finanzjarji fit-tul;

10.

għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi u tuża l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-klima u l-enerġija, tinkludihom fil-qafas ta’ politika għall-2030 u tinkorporahom f’governanza ġdida tal-enerġija skont il-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli li tirrikonoxxi r-rwol ta’ kull livell ta’ governanza biex ikun hemm politiki pubbliċi effikaċi;

11.

fl-aħħar nett jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex janalizzaw aktar l-isfida tal-klima billi jistabbilixxu l-għanijiet ambizzjużi tagħhom għall-2030 u joħolqu inizjattivi fid-dawl tal-COP21 f’Diċembru 2015, f’Pariġi. Dan b’konformità mad-deċiżjonijiet tal-COP19 ta’ Varsavja f’Novembru 2013 dwar ir-rikonoxximent tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinkiseb ftehim globali;

B.    Tliet għanijiet inseparabbli

12.

jinsisti fuq il-fatt li, jekk l-għan ta’ tnaqqis tal-gassijiet effett serra huwa essenzjali biex jingħata sinjal ċar li jippermetti li l-ispejjeż kollha tat-tniġġis jiġu internalizzati u għalhekk jitbaxxew il-livelli tagħhom, huwa daqstant essenzjali li dan l-għan jiġi kkomplementat minn għanijiet dwar l-enerġija rinnovabbli u dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tal-enerġija effettivament twassal għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju li tkun sigura, kompetittiva u sostenibbli u li jkollha effett sinerġetiku fuq it-tibdil fil-klima;

13.

jinsisti li hemm bżonn miri vinkolanti li jgħinu jidderieġu l-investiment lejn l-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa. Barra minn hekk, hemm bżonn urġenti li l-investituri f’teknoloġiji b’użu baxx ta’ karbonju jingħataw ċertezza legali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-eżistenza ta’ qafas legali ċar u stabbli biex jilqa’ għall-arbitrarjetà u jipprevjeni r-retroattività ta’ dispożizzjonijiet ġodda fir-regolamenti;

14.

ifakkar li jeħtieġ tinkiseb kondiviżjoni ġusta tal-ispejjeż bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-bliet u jitqiesu l-ħtiġiet tal-ippjanar tat-territorju u tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli disponibbli lokalment, mingħajr ma ċerti reġjuni u bliet jinżammu milli jinvolvu ruħhom aktar qabel jekk ikunu jixtiequ dan;

15.

jenfasizza li, matul it-tfassil tal-politiki fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, hemm bżonn li tittieħed nota tal-bżonn li l-kont tal-enerġija jinżamm f’livell raġonevoli u li għal dan il-għan, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija strument ewlieni billi din tippermetti lill-konsumaturi u lill-Istati Membri tal-UE jiffrankaw aktar minn EUR 200 biljun kull sena sal-2030 (1); iqis ukoll li jeħtieġ li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu rrakkomandati jadottaw miżuri speċifiċi għall-familji u l-konsumaturi vulnerabbli fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku. Wieħed mill-mezzi prijoritarji biex tittejjeb l-effikaċja enerġetika jrid ikun ir-rinnovazzjoni tal-bini, li ssir sors importanti ta’ ħolqien ta’ impjiegi fis-settur li jkollha impatt kemm fil-livell soċjali kif ukoll dak tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, dan joffri l-possibbiltajiet ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-materjali effikaċi mil-lat enerġetiku u minn sorsi bijoloġiċi, li jwassal għal investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-innovazzjoni. Għalhekk, għandhom jinħolqu fondi speċifiċi fil-livell Ewropew biex titħeġġeġ ir-rinnovazzjoni tal-bini b’mod li jagħmel użu iżjed effiċjenti mill-enerġija;

C.    L-indipendenza fl-enerġija tal-Ewropa

16.

ifakkar li l-Ewropa hija l-akbar importatur tal-enerġija, u jqis li għanijiet Ewropej aktar ambizzjużi biex jinkiseb iffrankar fl-użu tal-enerġija sal-2030 u fl-istess ħin jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli jnaqqsu b’mod sinifikanti l-importazzjonijiet tal-enerġija tal-Ewropa u jsaħħu l-indipendenza fl-enerġija tagħha;

17.

wieħed mill-mezzi prinċipali għat-titjib tal-effikaċja fl-użu tal-enerġija għandu jkun ir-rinnovazzjoni tal-binjiet, filwaqt li jinbnew djar effiċjenti. Madankollu, ma jkunx tajjeb li d-deċiżjonijiet rilevanti dwar kwistjonijiet speċifiċi jibbażaw fuq perspettiva uniformi: l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-livell xieraq fejn dawn id-deċiżjonijiet konkreti jistgħu jittieħdu. Dan għandu jgħin biex jinħoloq livell ta’ impjieg sinifikanti f’settur sensittiv kemm fil-livell soċjali kif ukoll f’dak tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, dan joffri l-possibbiltajiet ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-materjali effikaċi mil-lat enerġetiku u tal-użu ta’ sorsi bijoloġiċi, li jwassal għal investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

18.

jenfasizza li l-enerġiji rinnovabbli jistgħu jipprovdu kważi nofs il-konsum tal-enerġija fl-Ewropa fl-2030 (Sors: l-Istitut Fraunhofer (2) u ċ-Ċentru Aerospazjali Ġermaniż (3));

19.

jenfasizza l-importanza tal-potenzjal tal-iffrankar fl-enerġija, li huwa l-akbar għal dawk il-pajjiżi tal-UE li jiddependu l-aktar fuq l-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass. Investiment fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-UE sal-2030 jippermetti li l-UE tnaqqas b’mod sinifikanti l-importazzjonijiet Ewropej tal-enerġija u b’hekk titjieb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE, kif ukoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, aktar effiċjenti, siguri, li ma jaħlux u li joħolqu l-impjiegi;

20.

jemmen ukoll li l-indipendenza tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-UE jistgħu jissaħħu billi jintużaw ir-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli lokali kollha, is-suq uniku tal-enerġija jiġi żviluppat aktar, bl-użu, pereżempju, tal-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira mill-konsumaturi nnifishom, tal-interkonnessjonijiet ġodda, tal-ħżin tal-enerġija u tan-netwerks intelliġenti u għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jintalbu jadottaw leġislazzjoni biex dan iseħħ. Huwa jenfasizza li d-diversità tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli taġixxi bħala buffer kontra l-flutwazzjonijiet fil-prezzijiet, tagħmel is-sistema tal-enerġija inqas vulnerabbli u tevita tfixkil tal-provvista;

21.

jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-tibdil tal-infrastrutturi tal-enerġija billi jittejbu l-interkonnessjonijiet transkonfinali, u dan huwa partikolarment urġenti f’dawk l-Istati li għadhom l-aktar lura milli jilħqu l-għan diġà miftiehem, jiġifieri li jiġi garantit livell ta’ interkonnessjonijiet elettriċi ta’ 10 % jew aktar tal-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom;

D.    Ir-riforma strutturali tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet

22.

jilqa’ b’mod pożittiv il-“posponiment” tat-titjib tal-funzjonament tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, iżda huwa tal-fehma li hemm bżonn li ssir riforma strutturali; f’dan il-kuntest jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tinħoloq ukoll “riżerva ta’ stabbiltà tas-suq” li, madankollu, għandha tidħol fis-seħħ ħafna qabel l-2020; iqis li huwa essenzjali li r-riżerva ta’ stabbiltà tkun akkumpanjata minn miżuri oħrajn bħat-tneħħija permanenti ta’ permessi żejda għall-emissjonijiet u l-ħolqien ta’ prezz minimu;

23.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tirrestrinġi l-użu tax-xiri ta’ krediti internazzjonali għall-kumpens tal-karbonju. Dawn il-krediti ma jħeġġux it-tnedija ta’ bidliet strutturali li għandhom jinħolqu fl-UE, u lanqas ma jwasslu għal investimenti fit-territorju. Huwa jappella wkoll għall-implimentazzjoni tal-miżuri biex jiffaċilita l-ħażna tal-karbonju fil-foresti ġestiti b’mod sostenibbli;

24.

huwa tal-fehma li porzjon mill-qligħ mill-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għandu jmur f’miżuri fil-livell lokali u reġjonali;

25.

jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati strumenti komuni oħra għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bħall-ekodisinn u l-akkwist pubbliku. It-taxxa fuq id-diossidu tal-karbonju hija strument effettiv li hemm marbuta magħha esperjenzi tajbin li ta’ min jibni fuqhom;

E.    L-importanza tal-produzzjoni lokali

26.

iqis li l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fuq skala żgħira mill-konsumaturi nnifishom għandha tkun parti mis-soluzzjonijiet imħeġġa minn Ewropa futura tal-enerġija, li tippermetti li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea fil-konfront tal-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jintalbu jwaqqfu leġislazzjoni biex dan jinkiseb;

27.

huwa tal-fehma li kooperattivi maħluqa miċ-ċittadini fil-livell lokali u reġjonali sabiex tiġi promossal-enerġija rinnovabbli jeħtieġu attenzjoni speċjali, l-ewwel nett peress li huma fornituri addizzjonali tal-enerġija u t-tieni nett peress li jaqdu rwol edukattiv sinifikanti sabiex jikkonsolidaw l-għarfien ta’ użu razzjonali tal-enerġija;

28.

jinnota li, għall-istess spiża, iċ-ċittadini għandhom l-interess li l-awtoritajiet l-aktar viċin jgħinuhom mill-aħjar li jistgħu fil-problemi tagħhom relatati mal-enerġija u li jiżviluppaw soluzzjonijiet lokali ta’ produzzjoni tal-enerġija minħabba ż-żieda fil-prezzijiet fis-swieq globali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala s-sidien tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-energija, għandhom ukoll jaqdu rwol akbar fl-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli;

29.

ifakkar fil-bżonn li tiġi żgurata koerenza bejn, minn naħa, il-liġi tal-kompetizzjoni fil-livell tal-UE, li għaliha l-UE għandha kompetenza esklużiva, u, min-naħa l-oħra, il-prinċipji fundamentali tal-politika tal-enerġija tagħha li tipprevedi responsabbiltà konġunta bejn l-UE u l-Istati Membri, bl-obbligu li jiġi rispettat ir-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari tal-aġenziji lokali u reġjonali tal-enerġija;

E.    Il-livell lokali u reġjonali jinsab quddiem sabiex jindirizza l-isfidi relatati mal-klima u l-enerġija

30.

jenfasizza li, kif muri minn diversi fenomeni klimatiċi estremi reċenti, huma l-awtoritajiet lokali li jġorru l-piż tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ azzjoni u ser ikollhom iħallsu l-prezz tal-konsegwenzi futuri jekk ma tiġix aċċellerata t-tranżizzjoni enerġetika;

31.

jinnota li l-UNDP (4) temmen li l-awtoritajiet lokali jieħdu aktar minn 70 % tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u sa 90 % tal-miżuri għall-adattament għat-tibdil fil-klima;

32.

ifakkar li l-Unjoni Ewropea għandha strateġija ta’ adattament u li huma r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali li ser jiffaċċjaw l-isfidi prinċipali tal-adattament għat-tibdil fil-klima fid-deċenji li ġejjin. Peress li din l-Istrateġija ser tiġi riveduta għall-perjodu wara l-2020, jeħtieġ li jiġu applikati sforzi konsiderevoli fir-reġjuni u fil-bliet biex jinbdew il-programm ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, u billi jingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea;

33.

jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li huma viċin taċ-ċittadini, jistgħu jgħinu jinfurmaw u jżidu l-għarfien dwar il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali fil-livell lokali tal-miżuri relatati mat-tranżizzjoni enerġetika;

34.

jenfasizza l-bżonn li l-qafas ta’ politika għall-2030 jiġi bbażat fuq l-inizjattivi tal-UE fil-livell lokali u jsaħħaħhom, pereżempju l-Patt tas-Sindki tal-UE (li nixtiequ li jiġi estiż sal-2030), Mayors Adapt u proġetti oħrajn b’fondi tal-UE; jitlob, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura koerenza u sinerġiji ta’ politika bejn l-inizjattivi differenti kif ukoll li tinvolvi lill-KtR fit-tfassil u l-implimentazzjoni kif adatt. Jeħtieġ li l-bliet u ż-żoni rurali jingħataw aċċess għal dawn il-possibbiltajiet offruti mill-UE;

35.

jinsisti li jkun utli li biex jimxu aktar ‘il quddiem l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu għanijiet kwantitattivi speċifiċi għall-2030 b’rabta mat-tnaqqis tal-emissjonijiet, mal-enerġiji rinnovabbli u mal-iffrankar tal-enerġija, appoġġjati minn strateġiji lokali u reġjonali adegwati sabiex tiġi aċċellerata d-dinamika ġġenerata mit-territorji. Dawn l-għanijiet jistgħu jiġu stabbiliti b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ u l-estensjoni tal-Patt tas-Sindki li trid tiġġedded lil hinn mill-2020;

36.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel proposti sabiex jiġu ffinanzjati miżuri relatati mat-tranżizzjoni enerġetika, prinċipalment permezz tal-BEI, li jista’ jappoġġja l-istrutturi finanzjarji lokali eżistenti jew futuri b’addizzjoni għall-fondi Ewropej previsti għall-2014-2020 (Life+Clima, Fondi Strutturali, Orizzont 2020, il-Faċilita Nikkollegaw l-Ewropa, eċċ.);

37.

jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, abbażi ta’ din l-Opinjoni, sabiex jagħqdu l-forzi tagħhom f’mobilizzazzjoni konġunta sabiex isemmgħu leħinhom, qabel u matul il-COP21, li hija punt ta’ stadju importanti peress li hija s-Summit dwar il-Klima organizzata mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti nhar it-23 ta’ Settembru fi New York.

Brussell, 8 ta’ Ottubru 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  Ecofys, Frar 2013: Saving energy: bringing down Europe’s energy prices for 2020 and beyond

(2)  Istitut Fraunhofer, Mejju 2011: Long Term Potentials and Costs of RES.

(3)  Greenpeace, 24 ta’ Ottubru 2012: EU-27 Energy [R]evolution; WWF, 6 ta’ Novembru 2013: Renewable energy: a 2030 scenario for the EU.

(4)  Rapport tal-UNPD Charting a new low-carbon route to development: A primer on integrated climate change planning for regional governments (2009).