52014DC0445

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR OPPORTUNITAJIET GĦALL-EFFIĊJENZA FIR-RIŻORSI FIS-SETTUR TAL-BINI /* COM/2014/0445 final */


OPPORTUNITAJIET GĦALL-EFFIĊJENZA FIR-RIŻORSI FIS-SETTUR TAL-BINI

1.         INTRODUZZJONI

Il-kostruzzjoni u l-użu tal-bini fl-UE huma responsabbli għal madwar nofs il-materjali estratti[1] u l-konsum tal-enerġija[2] kollha tagħna u madwar terz tal-konsum tal-ilma tagħna[3]. Is-settur jiġġenera wkoll madwar terz tal-iskart kollu[4] u huwa assoċjat ma' pressjonijiet ambjentali li jinħolqu fi stadji differenti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini, li jinkludu l-manifattura tal-prodotti tal-kostruzzjoni, il-kostruzzjoni, l-użu u r-rinnovament tal-bini u l-immaniġġjar tal-iskart tal-bini.

L-għanijiet prinċipali ta' din l-inizjattiva huma li tippromwovi użu aktar effiċjenti tar-riżorsi kkunsmati minn binjiet kummerċjali, residenzjali u pubbliċi ġodda u rinnovati u tnaqqas l-impatti ambjentali globali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tagħhom. L-użu tar-riżorsi huwa determinat f'parti kbira mid-deċiżjonijiet dwar id-disinn u l-għażliet dwar il-materjali tal-kostruzzjoni. Sabiex jinkisbu żidiet fl-effiċjenza tar-riżorsi, id-diżinjaturi, il-manifatturi, il-kuntratturi, l-awtoritajiet u l-utenti jeħtieġu informazzjoni li tista' tintuża u affidabbli sabiex tinforma t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Din l-inizjattiva tindirizza dan id-defiċit ta' informazzjoni billi tipproponi sett ta' indikaturi definiti b'mod ċar u miżurabbli, għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-bini.

2.         TNAQQIS FL-UŻU TAR-RIŻORSI FIL-BINI

Il-konsum tar-riżorsi u l-impatti ambjentali relatati matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' bini jistgħu jitnaqqsu permezz ta':

· Promozzjoni ta' disinn aħjar li jiżen l-użu tar-riżorsi kontra l-ħtiġijiet u l-funzjonalità tal-bini u jikkunsidra xenarji għad-dekostruzzjoni;

· Ippjanar aħjar tal-proġetti li jassigura użu akbar tar-riżorsi u prodotti effiċjenti fl-enerġija;

· Promozzjoni tal-manifattura ta' prodotti tal-kostruzzjoni aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi billi, pereżempju, jintużaw materjali riċiklati, jerġgħu jintużaw materjali eżistenti u billi l-iskart jintuża bħala karburant;

· Promozzjoni ta' kostruzzjoni u rinnovazzjoni aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi billi, pereżempju, jitnaqqas l-iskart tal-kostruzzjoni u jiġu riċiklati/jerġgħu jintużaw materjali u prodotti sabiex jintbagħtu anqas lejn il-miżbla.

Ir-riċiklaġġ jew l-użu mill-ġdid ta' materjali jew saħansitra prodotti sħaħ huwa dejjem aktar importanti bħala mezz sabiex jittejjeb l-użu effiċjenti tal-materjali u biex jiġu evitati l-impatti negattivi assoċjati mal-materjal verġni. Madankollu, il-bilanċ globali jiddependi b'mod sostanzjali fuq l-eżistenza ta' sistema ta' riċiklaġġ effiċjenti fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali li tippreżenta alternattiva attraenti u kosteffiċjenti għall-miżbla. L-attrattività tal-alternattivi tar-riċiklaġġ hija regolata mit-tul tad-distanzi tat-trasport għas-siti tar-riċiklaġġ, il-kisba tal-livell meħtieġ ta' purità tal-materjali riċiklati u l-proċessi tar-riċiklaġġ u l-produzzjoni.

Il-konsum tal-enerġija fil-fażi tal-użu mit-tisħin u t-tidwil huwa kopert minn diversi regolamenti tal-UE[5][6][7][8]. L-enerġija użata fil-manifattura tal-prodotti tal-kostruzzjoni u fil-proċess tal-kostruzzjoni għandha wkoll rwol importanti fl-impatt ambjentali ġenerali ta' bini. Studji juru li bejn 5-10% tal-konsum totali tal-enerġija madwar l-UE huwa relatat mal-produzzjoni ta' prodotti tal-kostruzzjoni[9]. Barra minn hekk, l-emissjonijiet inkorporati ta' gassijiet serra ta' bini qegħdin jiżdiedu[10] u jistgħu jinkludu proporzjon sinifikanti mill-emissjonijiet totali ta' gassijiet serra. Biex l-impatti ambjentali jiġu indirizzati b'mod effettiv irid jitqies iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta' bini. Inkella, jistgħu jiġu injorati xi impatti jew jinħolqu problemi addizzjonali f'partijiet oħra taċ-ċiklu tal-ħajja. Pereżempju, xi soluzzjonijiet sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika ta' bini fil-fażi tal-użu jistgħu jagħmlu r-riċiklaġġ aktar tard aktar diffiċli u għali.

Tnaqqis tal-kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja

Bini li jkun iddisinjat u mibni sabiex inaqqas l-impatti ambjentali matul iċ-ċiklu tal-ħajja joffri benefiċċji ekonomiċi diretti bħal kostijiet operattivi u ta' manutenzjoni aktar baxxi,[11],[12],[13] deprezzament aktar bil-mod u valur ogħla tal-assi[14],[15]. Barra minn hekk, hemm ukoll impatti soċjali pożittivi bħat-titjib fis-saħħa u l-produttività. Attwalment, il-biċċa l-kbira tal-binjiet iċċertifikati huma binjiet kummerċjali u pubbliċi ta' livell għoli (eż. lukandi u uffiċċji prestiġjużi) minħabba l-kostijiet amministrattivi u ta' ċertifikazzjoni addizzjonali li pjuttost għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-benefiċċji aktar fit-tul. Hekk kif l-għarfien fost id-diżinjaturi, il-fornituri u l-manifatturi qiegħed jiżdied, il-kostijiet naqsu hekk kif il-katina tal-provvista qiegħda tadatta għar-rekwiżiti u l-prattiċi ġodda. Fi Franza, studju minn QUALITEL ikkonkluda li l-kost żejjed għall-kostruzzjoni ta' bini residenzjali sostenibbli meta mqabbel ma' bini standard niżel minn 10 % fl-2003 għal inqas minn 1 % illum[16]. Din ix-xejra kienet innotata wkoll fir-Renju Unit[17].

3. LEJN APPROĊĊ EWROPEW KOMUNI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-PRESTAZZJONI AMBJENTALI TAL-BINI

Status attwali

Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[18] ppropona li l-bini għandu jiġi rinnovat u mibni b'effiċjenza akbar fir-riżorsi li tkun teħtieġ politiki li jħarsu lejn firxa wiesgħa ta' impatti ambjentali matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ. "L-Istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-Settur tal-Kostruzzjoni u tal-Intrapriżi tiegħu"[19] reġgħet sostniet li l-effiċjenza fir-riżorsi kienet fost l-isfidi prinċipali li s-settur qiegħed jiffaċċja fil-perjodu sal-2020. L-istrateġija indikat ukoll li l-Kummissjoni "se tipproponi approċċi għar-rikonoxximent reċiproku jew l-armonizzazzjoni tad-diversi metodi ta' valutazzjoni eżistenti, anki bil-għan li tirrendihom iktar operazzjonali u affordabbli għall-intrapriżi tal-kostruzzjoni, l-industrija tal-assigurazzjoni u l-investituri".

Filwaqt li hemm diversi strumenti li għandhom impatt fuq il-bini u l-prodotti tal-kostruzzjoni bħad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[20], id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija[21], ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini[22], is-Sistema ta' Skambju tal-Emissjonijiet tal-UE[23], id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali[24], id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart[25] u d-Direttiva dwar ir-Rimi ta' Skart f'Terraferma[26], huma jiffukaw fuq riżorsi differenti u partijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u għalissa mhumiex imfassla sabiex jipprovdu approċċ globali għaċ-ċiklu tal-ħajja.

Fuq livell nazzjonali, numru żgħir ta' Stati Membri qegħdin jippreparaw politiki marbuta mal-informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja. Hemm ir-riskju li l-indikaturi li eventwalment se jiżviluppaw ikunu differenti, li jwassal għal ambjent kummerċjali kumpless bla bżonn. Mill-banda l-oħra, l-interess preżenti jista' jitqies bħala opportunità sabiex jiġu koordinati approċċi nazzjonali diverġenti, biex tiġi żviluppata dejta komparabbli u biex tiġi kondiviża l-aħjar prattika. Fi ħdan il-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-“kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni[27] il-Kummissjoni pproponiet li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tal-metodi ta' valutazzjoni ambjentali biex toffri opportunitajiet ta' negozju addizzjonali lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fis-settur tal-kostruzzjoni.

Anki fis-settur privat, il-prestazzjoni ambjentali tal-bini ħafna drabi ma tiġix valutata b'mod sinifikanti permezz ta' skemi ta' ċertifikazzjoni kummerċjali volontarji b'ħafna kriterji. Anqas minn wieħed fil-mija tal-bini fl-Ewropa huwa ċċertifikat permezz ta' tali skemi[28]. L-adozzjoni hija mxekkla mill-kostijiet preżunti għoljin taċ-ċertifikazzjoni u wkoll mill-inċertezza dwar jekk hix se tkun meħtieġa skema ta' valutazzjoni mill-klijent finali u jekk iva, skont liema skema speċifika. Il-fatt li ma hemm l-ebda komparabbiltà stabbilita bejn l-iskemi differenti jżid ukoll l-inċertezza u l-kumplessità għan-negozji.

Fil-qosor, hemm nuqqas ta' dejta, metodi u għodod affidabbli, komparabbli u affordabbli li bihom l-operaturi fil-katina tal-provvista jistgħu janalizzaw u jkejlu l-prestazzjoni ambjentali ta' soluzzjonijiet differenti. Għaldaqstant huwa diffiċli li jittieħdu deċiżjonijiet sinifikanti rigward ir-riskju fil-katina tal-provvista, l-opportunitajiet tas-suq u l-prijoritajiet interni ta' investiment. Il-konsumaturi jsofru min-nuqqas ta' gwida adegwata dwar kif jinkorporaw il-konsiderazzjonijiet ambjentali fid-deċiżjonijiet tax-xiri tagħhom u dan jagħmilha diffiċli biex tiġi żviluppata l-fiduċja u l-kunfidenza fis-suq. Sa 79% tal-Ewropej intervistati jsostnu li dan ikun fattur importanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, kieku jingħataw l-informazzjoni.[29]

Passi 'l quddiem – bżonn ta' dejta oġġettiva u affidabbli

Sabiex il-professjonisti, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-investituri madwar l-UE jkunu jistgħu jużaw aspetti taċ-ċiklu tal-ħajja, huma jeħtieġu dejta affidabbli, trasparenti u komparabbli bbażata b'mod empiriku[30], li min-naħa tagħha trid tkun ibbażata fuq indikaturi ċari għall-prestazzjoni tal-bini li jgħaqqdu flimkien l-objettivi ta' rekwiżiti pubbliċi u privati differenti.

Filwaqt li skemi nazzjonali u kummerċjali differenti jista' jkollhom raġunijiet sabiex jiddevjaw daqsxejn l-approċċi tagħhom (eż. materjali speċifiċi jew konsiderazzjonijiet klimatiċi), xorta għandu jiġi stabbilit qafas komuni ta' indikaturi ċentrali, li jiffoka fuq l-aktar aspetti essenzjali tal-impatti ambjentali. Dan jippermetti l-komparabbiltà u jipprovdi lill-konsumaturi u lil dawk li jfasslu l-politika aċċess aktar faċli għal informazzjoni affidabbli u konsistenti.

Qafas uniku b'indikaturi ċentrali se:

· Jippermetti komunikazzjoni aktar faċli tal-informazzjoni lill-professjonisti u lil persuni mhux esperti;

· Jipprovdi dejta affidabbli u komparabbli li għandha tintuża f'teħid ta' deċiżjonijiet li jkopri ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-bini;

· Jippermetti l-istabbiliment ta' objettivi u miri ċari, inkluż limiti tas-sistema, għall-prestazzjoni tal-bini, li jikkumplimentaw il-leġżlazzjoni Ewropea diġà eżistenti dwar il-bini[31];

· Iżidu l-għarfien dwar il-benefiċċji tal-bini sostenibbli fost l-atturi involuti fil-forniment tal-bini, kif ukoll il-klijenti privati u pubbliċi, inklużi l-utenti tal-bini;

· Jiffaċilita t-trasferiment effettiv ta' prattiċi tajba minn pajjiż għall-ieħor;

· Inaqqas il-kost tal-valutazzjoni effettiva u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-bini;

· Jipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi aċċess għal indikaturi ċentrali u għal massa kritika ta' dejta rilevanti li fuqhom jistgħu jibbażaw l-inizjattivi ta' politika tagħhom, inkluż l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku;

· Iwessa' s-suq għall-bini sostenibbli għal aktar pajjiżi milli jindikaw ix-xejriet preżenti u għal aktar setturi tal-bini bħall-bini mhux residenzjali u, eventwalment, għas-suq residenzjali.

Il-vantaġġi għall-professjonisti tas-settur tal-bini (inklużi l-SMEs) huma:

· Il-periti, id-diżinjaturi, il-manifatturi ta' prodotti tal-kostruzzjoni, il-bennejja, l-iżviluppaturi u l-investituri se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġi kompetittivi bbbażati fuq il-prestazzjoni ambjentali;

· Il-manifatturi ta' prodotti tal-kostruzzjoni se jkunu meħtieġa jipprovdu biss informazzjoni dwar il-prodott li tkun meħtieġa għall-valutazzjoni tal-bini b'mod wieħed, li twassal għal iffrankar fl-ispejjeż[32];

· Il-periti u l-bennejja se jkunu appoġġati permezz ta' informazzjoni usa' f'livell kemm tal-prodotti kif ukoll tal-bini, bi tnaqqis fl-ispejjeż meta jinkorporaw aspetti tas-sostenibbiltà[33];

· L-iżviluppaturi se jkunu jistgħu jqabblu aktar faċilment il-prestazzjoni tal-proġetti[34];

L-investituri, is-sidien tal-proprjetà u l-assiguraturi se jkunu jistgħu jtejbu l-allokazzjoni tal-kapital u jintegraw ir-riskju ambjentali fid-deċiżjonijiet tagħhom.

Passi 'l quddiem – għażla ta' indikaturi affidabbli

F'kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se tiżviluppa qafas li jikkonsisti minn indikaturi ċentrali, inklużi l-metodi sottostanti tagħhom, li għandhom jintużaw biex tiġi valutata l-prestazzjoni ambjentali tal-bini matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu. Fuq il-bażi tal-politiki, ir-regolamenti u d-dejta eżistenti[35] fuq livell tal-UE u nazzjonali, u mingħajr ma jiġu mxekkla r-riżultati tal-ħidma futura, dan il-proċess għandu bħala minimu jinvestiga l-oqsma li ġejjin[36]: L-użu totali tal-enerġija, inkluża l-enerġija operazzjonali[37] (fuq il-bażi tal-leġislazzjoni eżistenti) u l-enerġija inkorporata tal-prodotti u l-proċessi tal-kostruzzjoni · L-użu tal-materjali u l-impatti ambjentali inkorporati[38] · Id-durabilità tal-prodotti tal-kostruzzjoni · Id-disinn għad-dekostruzzjoni · L-immaniġġjar tal-iskart tal-kostruzzjoni kif ukoll tat-twaqqigħ (CDW) · Il-kontenut riċiklat fil-materjali tal-kostruzzjoni · Il-kapaċità ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid tal-materjali u l-prodotti tal-kostruzzjoni · L-ilma użat mill-bini[39] · L-intensità tal-użu ta' bini (prinċipalment pubbliku) (eż. funzjonalità flessibbli għal utenti differenti matul ħinijiet differenti tal-ġurnata)[40] Il-kumdità fuq ġewwa

Meta jitqiesu l-firxa wiesgħa ta' bini fl-UE kif ukoll id-differenzi fil-kostruzzjoni ta' bini ġdid jew ir-rinnovament ta' bini eżistenti, il-qafas mhux se jkopri l-aspetti kollha tal-prestazzjoni ambjentali, iżda jinkludi l-indikaturi li wara l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati kienu identifikati bħala dawk bl-akbar impatt ambjentali fl-UE.

Passi 'l quddiem – żvilupp tal-qafas

Il-qafas bl-indikaturi ċentrali u l-metodi sottostanti tagħhom għandu wkoll:

· Jippreżenta gwida dwar l-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari rekwiżiti għall-kwalità u l-affidabbiltà tad-dejta, li jinkoraġġixxu l-verifika minn partijiet terzi;

· Jinkludi l-gwida neċessarja għall-użu tal-indikaturi;

· Jissuġġerixxi parametri referenzjarji rilevanti tal-prestazzjoni tal-bini, lil hinn mill-effiċjenza enerġetika;

· Jaħseb għat-traduzzjoni tal-indikaturi tekniċi f'informazzjoni utli għall-komunità finanzjarja kull fejn ikun neċessarju.

Il-qafas irid ikun flessibbli sabiex ikun jista' jiġi integrat fl-iskemi ta' valutazzjoni eżistenti u ġodda, jew jintuża waħdu. Għandu jkun rigoruż biżżejjed li jixpruna t-titjib fil-prestazzjoni u jippermetti t-tqabbil bejn il-bini.

Il-qafas bl-indikaturi ċentrali, u l-ġbir u l-kondiviżjoni effettivi tad-dejta, se jiġu maqbula f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati u l-Istati Membri. Il-proċess se jieħu madwar sentejn b'perjodi ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati sabiex tiġi assigurata parteċipazzjoni xierqa. Se jkun ibbażat parzjalment fuq ħidma eżistenti, bħall-istandard tekniku EN15978[41] kif ukoll skemi ta' ċertifikazzjoni kummerċjali volontarji eżistenti għall-bini, fosthom il-ħidma tal-Alleanza għal Bini Sostenibbli[42] iżda wkoll fuq proġetti ta' riċerka rilevanti[43] u żviluppi fuq livell internazzjonali.

L-intenzjoni hija li l-qafas ikun liberu biex jintuża fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi stadji differenti, iżda wkoll li jintuża fl-istabbiliment tal-politika f'diversi livelli. Għalhekk, il-qafas għandu jippermetti li:

· Jiġi inkorporat bħala modulu fl-iskemi ta' valutazzjoni flimkien mas-settijiet akbar ta' indikaturi tagħhom; jew

· Jintuża waħdu, bħala soluzzjoni affordabbli għall-ewwel għal bini mhux residenzjali u aktar tard minn bini residenzjali, ladarba tkun inkisbet l-esperjenza.

4. LEJN SUQ LI JIFFUNZJONA AĦJAR GĦALL-MATERJALI TAL-KOSTRUZZJONI RIĊIKLATI

Fi ħdan il-qafas, se tingħata attenzjoni speċjali sabiex jiżdied l-użu tal-materjali riċiklati u jitnaqqas l-iskart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ (CDW). Is-CDW jirrappreżenta terz tal-iskart totali ġġenerat fl-UE[44]. Maġġoranza kbira tas-CDW huwa riċiklabbli iżda bl-eċċezzjoni ta' ftit Stati Membri li jirriċiklaw sa 90%, l-irkupru medju għall-UE27 huwa ftit inqas minn 50%[45][46].

Ir-riċiklaġġ tas-CDW jista' jwassal għal benefiċċji sinifikanti għar-riżorsi u l-ambjent. Pereżempju, il-metalli jaraw tnaqqis globali fl-impatt ta' aktar minn 90% għall-aluminju u r-ram u ta' madwar 15% għall-azzar illigat b'mod ħafif[47]. Il-konkrit huwa l-aktar materjal użat fil-bini u r-riċiklaġġ tiegħu jnaqqas it-tnaqqis tar-riżorsi naturali u r-rimi ta' skart fil-miżbliet. Il-konkrit ħafna drabi jista' jiġi riċiklat f'siti ta' twaqqigħ jew kostruzzjoni qrib żoni urbani fejn jerġa' jintuża u b'hekk inaqqas id-domanda għat-trasport b'iffrankar fl-ispejjeż u l-emissjonijiet relatati[48].

Ir-riċiklaġġ jippermetti ffrankar ukoll għal materjali oħra. Għall-ħġieġ ċatt (użat għat-twieqi, eċċ.), tunnellata ta' materjal riċiklat tirriżulta f'iffrankar ta' 1200 kg ta' materjal verġni, 25% ta' enerġija u 300 kg ta' emissjonijiet tas-CO2 (direttament marbuta mal-proċess tat-tidwib)[49]. Hemm iffrankar simili f'termini ta' enerġija u emissjonijiet tas-CO2 għall-ħġieġ riċiklat f'forma ta' fibri[50]. Għall-fibra tal-ġebla, il-kisbiet jistgħu jkunu ta' madwar 5% fir-rigward tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet relatati[51]. Fir-rigward tal-ġibs, il-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja wrew tnaqqis tipiku ta' madwar 4-5% fil-potenzjal ta' tisħin globali, tossiċità umana u ewtrofikazzjoni meta tiġi prodotta tavla b'25% ta' kontenut riċiklat meta mqabbel mal-użu biss ta' materjal verġni[52].

Apparti mill-benefiċċji ambjentali, jista' jkun hemm opportunitajiet ekonomiċi għall-manifatturi meta jużaw materjal riċiklat. Bħala eżempju, l-industrija tal-ħġieġ ċatt fl-UE tara prezz tas-suq għall-ħġieġ riċiklat ta' madwar 60-80 EUR/tunnellata, suffiċjentement taħt id-90 EUR/tunnellata meħtieġ biex jikkompeti mal-materjal verġni. Fil-każ tal-ħġieġ, għalhekk, ħafna drabi hemm benefiċċju ekonomiku għall-manifatturi sabiex jużaw materjal riċiklat. Madankollu, id-domanda tas-suq għall-materjal riċiklat rari tintlaħaq.

Ir-riċiklaġġ tal-materjal iwassal għal tkabbir fl-impjiegi fid-dekostruzzjoni, l-issortjar u r-riċiklaġġ tal-materjali tal-kostruzzjoni. Ġeneralment dan huwa xogħol lokali u joħloq opportunitajiet ta' impjieg madwar l-Ewropa kollha.

Minkejja l-potenzjal għal benefiċċji ekonomiċi u ambjentali sinifikanti mir-riċiklaġġ tas-CDW, partijiet kbar għadhom qegħdin jintremew fil-miżbliet jew jiġu mimlija mill-ġdid (mili ta' spazji vojta wara attivitajiet ta' kostruzzjoni jew skavar). Attwalment, huma prinċipalment il-metalli li jiġu riċiklati minħabba l-valur għoli tagħhom u s-swieq eżistenti.

Ir-riċiklaġġ ta' bosta partijiet oħra tas-CDW ħafna drabi jiffaċċja ostakoli relatati ma' żewġ nuqqasijiet distinti tas-suq: il-kost tal-ħsara ambjentali la huwa internalizzat fit-tariffi tal-miżbliet u lanqas fil-prezz tal-materjali verġni, li jista' jwassal biex il-materjal riċiklat ikun aktar għali mill-materjal verġni; u l-inċentivi maqsuma fil-katina tal-valur tas-CDW fejn il-kost taż-żarmar, is-separazzjoni u l-ipproċessar tal-iskart jinġarr l-aktar fil-fażi tat-twaqqigħ filwaqt li l-benefiċċji potenzjali mill-użu tal-materjali riċiklati ġeneralment jakkumulaw fil-fażi tal-produzzjoni. Dawn in-nuqqasijiet tas-suq, flimkien ma' lakuni fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart f'numru kbir ta' Stati Membri jimpedixxu l-investiment f'operazzjonijiet ta' dekostruzzjoni u separazzjoni, u r-rimi f'miżbla jew il-mili mill-ġdid jibqgħu l-alternattivi preferiti. Il-kumpaniji tat-twaqqigħ għalhekk jiffaċċjaw inċertezza rigward id-domanda anki jekk il-prezz tal-materjali riċiklati jista' jiggarantixxi profitti għall-manifattur. Is-swieq ma jiżviluppawx ekonomiji ta' skala u l-ammont ta' materjali riċiklati pprovduti ma jikkorrispondix għad-domanda potenzjali mill-kumpaniji tal-prodotti tal-kostruzzjoni. F'xi każijiet, għad m'hemmx teknoloġiji li jippermettu materjali riċiklati li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi, tas-sigurtà u ambjentali kollha. Barra minn hekk, xi drabi huma neqsin il-proċeduri adegwati ta' ċertifikazzjoni li jattestaw li l-materjal riċiklat jissodisfa r-rekwiżiti kollha neċessarji.

Il-Kummissjoni se tinvestiga kif jistgħu jingħelbu dawn l-ostakoli sistemiċi. Filwaqt li r-reviżjoni ta' partijiet differenti tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart hija mmirata sabiex tissimplifika aktar l-Acquis dwar l-iskart u tassigura l-koerenza bejn bċejjeċ differenti tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, il-Komunikazzjoni preżenti tesplora minflok miżuri ta' politika sabiex jistimulaw il-ħolqien ta' swieq b'materjali riċiklati derivati mis-CDW. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u l-azzjonijiet ippreżentati hawnhekk għalhekk huma kumplimentari billi l-ħolqien b'suċċess ta' swieq għall-materjal riċiklat naturalment se jappoġġa b'mod b'saħħtu l-implimentazzjoni tal-partijiet differenti tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Dan jista' jkollu rwol importanti, fid-dawl ukoll tal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea għandha l-ħsieb li tivvaluta l-fattibilità ta' restrizzjoni ulterjuri tar-rimi ta' CDW f'miżbliet.

Fir-rigward ta' dan, l-aħjar prattiċi juru li xi Stati Membri rnexxielhom jiddevjaw is-CDW mir-rimi f'miżbla u l-mili mill-ġdid u żiedu r-riċiklaġġ. Politiki mmirati li jgħaqqdu flimkien miżuri bbażati fuq is-suq u miżuri regolatorji jipproduċu benefiċċji partikolarment viżibbli[53].

5. KONKLUŻJONI FIL-QOSOR

Filwaqt li l-interess fit-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-kostruzzjoni qiegħed jiżdied fuq livell nazzjonali u tal-UE, l-approċċi pubbliċi u privati nazzjonali differenti qegħdin iżidu l-kumplessità tal-ambjent ta' ħidma għall-partijiet interessati kollha. In-nuqqas ta' objettivi, indikaturi u dejta komuni, u n-nuqqas ta' rikonoxximent reċiproku tal-approċċi differenti dalwaqt jista' jħassar il-progress li sar sal-lum u jwassal għal distorsjonijiet fis-suq intern għall-professjonisti fil-qasam tal-ippjanar, l-iddisinjar, il-kostruzzjoni u l-manifattura.

Għalhekk, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati (b'mod partikolari: l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, l-investituri, l-assiguraturi, il-periti, il-kuntratturi, l-operaturi tat-twaqqigħ, il-manifatturi, ir-riċiklaturi u l-fornituri ta' skemi ta' valutazzjoni) sabiex: · Jiddiskutu objettivi u indikaturi għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini (2014-2015); · Jiddiskutu l-implimentazzjoni prattika ta' qafas li jinkludi indikaturi ċentrali (2014-2015); · Jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' dan il-qafas (2015-2016). Barra minn hekk, il-Kummissjoni se: Tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika u se tikkollabora mal-Istati Membri dwar miżuri li: jiddevjaw is-CDW mir-rimi f'miżbla u l-mili mill-ġdid, jew permezz ta' żieda fl-imposti jew permezz ta' miżuri regolatorji; kif ikun xieraq, jintegraw il-kost ambjentali estern fil-prezz tal-materjali verġni għall-prodotti tal-kostruzzjoni sabiex jistimulaw użu akbar ta' materja prima sekondarja. · Tesplora alternattivi għal miżuri sabiex ikun assigurat li l-materjali riċiklati jilħqu l-istandards meħtieġa ta' kwalità u sikurezza, permezz ta' standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni; · Tesplora kif parametri referenzjarji għall-kontenut tal-materjali riċiklati fil-prodotti tal-kostruzzjoni u l-bini jistgħu jistimulaw id-domanda għall-materjali riċiklati. Il-fokus inizjali se jkun fuq il-materjali ta' prijorità (bħall-konkrit bil-volum għoli u l-iżolament termiku tiegħu mal-produzzjoni tiegħu li tuża ħafna enerġija) b'espansjoni gradwali għas-CDW riċiklabbli kollha. Il-parametri referenzjarji u l-miri jistgħu jiġu promossi fost l-oħrajn għall-użu f'Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u fi skemi ta' ġestjoni ambjentali fis-settur tal-kostruzzjoni; · Tistudja flussi ta' skart speċifiċi ta' CDW sabiex tidentifika opportunitajiet għall-valorizzazzjoni tas-CDW; Tiżviluppa għodod/linji gwida speċifiċi għall-valutazzjoni tal-bini qabel it-twaqqigħ u r-rinnovament bl-iskop ta' użu ottimali tas-CDW. Bħala azzjonijiet kumplimentari, il-Kummissjoni se tappoġġa: Riċerka u innovazzjoni fil-qasam tar-riċiklaġġ u l-produzzjoni ta' materjali tal-kostruzzjoni minn CDW permezz ta' Orizzont 2020. Proġetti ta' dimostrazzjoni permezz ta' strumenti bħal Orizzont 2020, COSME, LIFE+ u l-Fondi Strutturali li juru kif il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat tista' toħloq swieq vijabbli bil-materjali riċiklati. Il-Kummissjoni għalhekk se tappoġġa proġetti f'oqsma bħal: id-disinn għad-dekostruzzjoni; l-awditjar tar-riċiklabbiltà ta' bini indikat għat-twaqqigħ jew kostruzzjoni mill-ġdid; l-iżvilupp ta' tekniki u prattiċi ta' separazzjoni tas-CDW fuq il-post; l-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-ipproċessar tas-CDW f'materjali riċiklati ta' kwalità għolja; l-għoti ta' inċentivi lill-produtturi ta' prodotti tal-kostruzzjoni sabiex jużaw materjal riċiklat; l-iżvilupp ta' skemi kollaborattivi bejn is-setturi tal-prodotti tat-twaqqigħ u l-kostruzzjoni, biex jaqsmu l-kostijiet u l-benefiċċji tar-riċiklaġġ tas-CDW.

[1]               COM (2011) 571

[2]               COM (2007) 860

[3]               COM (2007) 414

[4]               Studju dwar "L-immaniġġjar tas-CDW fl-UE": http://ec.europa.eu/environment/waste/pdf/2011_CDW_Report.pdf

[5]               2010/31/UE

[6]               2012/27/UE

[7]               2009/125/KE

[8]               2010/30/UE

[9]               "Resource efficiency in the building sector", Ecorys and Copenhagen Resource Institute, Rotterdam May 2014 (http://ec.europa.eu/environment/eussd/pdf/Resource efficiency in the building sector.pdf) U "Energy use and environmental impacts of the Swedish building and real estate management sector", Toller, S. et al, Journal of Industrial Ecology, 2011, Vol. 15, Nr 3

[10]              "HQE Performance, Premières tendencies pour les bâtiments neufs (Association HQE 2011) ISBN 978954110107" U l-istudju Svediż imsemmi hawn fuq.

[11]              Smart Market Report, (2013) http://www.worldgbc.org/files/8613/6295/6420/World_Green_Building_Trends_SmartMarket_Report_2013.pdf

[12]              Parker, J. (2012) The Value of BREEAM, A BSRIA report

[13]              The business case for green buildings, (2013), http://www.worldgbc.org/activities/business-case/

[14]              From obsolescence to resilience - 2013, Jones Lang LaSalle, , www.joneslanglasalle.co.uk

[15]              www.rehva.eu/publications-and-resources/hvac-journal/2013/012013/energy-efficiency-strategy-at-the-portfolio-of-a-property-owner/

[16]              Ana Cunha Cribellier, Responsable du Développement International, QUALITEL – CERQUAL

[17]              Future of sustainable housing, KN5211 BRE May 2013

[18]              COM (2011) 571

[19]              COM (2012) 433

[20]              2010/31/UE, barra minn hekk, bħalissa hemm skema ta' ċertifikazzjoni komuni volontarja tal-UE għall-prestazzjoni enerġetika ta' bini mhux residenzjali li jkun qed jiġi żviluppat, skont l-Artikolu 11 (9) ta' din id-Direttiva

[21]              2012/27/UE

[22]              Ir-Regolament 305/2011/UE

[23]              2003/87/KE

[24]             2010/75/UE

[25]              2008/98/KE

[26]              1999/31/KE

[27]              COM (2012) 433

[28]              "Resource efficiency in the building sector", Ecorys and Copenhagen Resource Institute, Rotterdam May 2014 (http://ec.europa.eu/environment/eussd/pdf/Resource efficiency in the building sector.pdf)

[29]              Flash Eurobarometer 367 - TNS Political & Social (Lulju 2013)

[30]              Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE dwar l-użu ta' metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti u ta' organizzazzjonijiet

[31]             Barra minn hekk, anki biex jiġi sostnut l-iżvilupp futur tal-kriterji għas-sostenibbiltà tal-bliet fis-seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:354:0171:0200:MT:PDF

[32]              Dan ħafna drabi jrid isir f'formati differenti, bi spiża sinifikanti għall-manifatturi. Dan kien ikkonfermat minn Construction Products Europe, Glass for Europe u Eurima. Ara wkoll Pacheco-Torgal F. et al., Eco-efficient construction and building materials, Woodhead Publishing Ltd, 2013, ISBN 0857097679

[33]              Dan huwa mistenni li jiġi appoġġat aktar permezz ta' għodod ta' mmudellar tal-informazzjoni dwar il-bini, li jiggwidaw id-disinn billi jikkalkulaw il-funzjoni u l-prestazzjoni ta' bini skont id-disinn, l-għażla tal-materjali, eċċ. Dawn l-għodod iqisu l-aspetti ambjentali b'mod limitat ħafna. Huwa mistenni li tali aspetti jkunu parti mill-iżvilupp kontinwu ta' dawn l-għodod kieku kellha titneħħa l-inċertezza dwar kif tiġi valutata u rrappurtata l-prestazzjoni ambjentali.

[34]              L-iżviluppaturi jaħdmu bi skemi ta' ċertifikazzjoni kummerċjali differenti minħabba d-domanda varjabbli tal-klijenti.

[35]              Ċentru tad-Dejta dwar l-Iskart (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/waste/introduction);

Ċentru tad-Dejta dwar ir-Riżorsi Naturali (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/data_centre_natural_resources/introduction);

Tabella ta' Valutazzjoni tal-Effiċjenza fir-Riżorsi (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/europe_2020_indicators/ree_scoreboard);

Pjattaforma Ewropea dwar il-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (http://eplca.jrc.ec.europa.eu/)

[36]              Il-Konsultazzjoni Pubblika organizzata fir-rigward ta' din l-inizjattiva kkonkludiet dwar l-oqsma elenkati. Il-kumdità fuq ġewwa ma kinitx inkluża fil-konsultazzjoni iżda ġiet enfasizzata mill-partijiet interessati.

[37]              Filwaqt li l-fażi tal-użu tiddependi fuq id-disinn u l-kostruzzjoni kif ukoll fuq l-imġiba tar-residenti, din tal-aħħar mhijiex il-fokus ta' din l-inizjattiva.

[38]              Fejn ikun xieraq, billi jiġi kkunsidrat ukoll l-użu ta' elementi ta' infrastruttura ekoloġika bħas-soqfa ekoloġiċi u l-ħitan ekoloġiċi, COM(2013)249, http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/index_en.htm.

[39]              Ara n-nota f'qiegħ il-paġna dwar l-użu tal-enerġija aktar 'il fuq.

[40]              Sabiex tiġi adattata l-ħtieġa għal aktar ambjent mibni (eż. jintuża bini vojt minflok bini ġdid, il-bini jintuża għal aktar minn skop wieħed, jinbena bini biex jiġi adattat għal funzjonijiet ġodda jew ħtiġijiet li jinbidlu)

[41]              http://www.en-standard.eu/csn-en-15978-sustainability-of-construction-works-assessment-of-environmental-performance-of-buildings-calculation-method/

[42]              http://sballiance.org/

[43]              Bħall-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru SuPerBuildings (http://cic.vtt.fi/superbuildings/) u OPEN HOUSE (http://www.openhouse-fp7.eu/about_project/related_projects)

[44]              Studju dwar l-"Immaniġġjar tas-CDW fl-UE": http://ec.europa.eu/environment/waste/pdf/2011_CDW_Report.pdf

[45]              Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart għal tkabbir ekoloġiku, DG ENV (2011)

[46]              Immaniġġjar tas-CDW fl-UE http://ec.europa.eu/environment/waste/pdf/2011_CDW_Report.pdf

[47]              OVAM Ecolizer 2.0 Ecodesign Tool http://www.ecodesignlink.be/images/filelib/EcolizerEN_1180.pdf

[48]              The Cement Sustainability Initiative, World Business Council for Sustainable Development, ISBN 987-3-940388-49-0

[49]              Glass for Europe, http://www.glassforeurope.com/images/cont/187_987_file.pdf

[50]              EURIMA

[51]              EURIMA

[52]              WRAP Technical report, Life cycle assessment of plasterboard, April 2008, 1-84405-378-4

[53]              Del Rio Merino, M., Gracia, P. I., Azevedo, I. S. W. (2010) Sustainable construction: CDW reconsidered. Waste Management and Research. 28: 118-129. DOI: 10.1177/0734242X09103841 u l-każ tar-Renju Unit (p.170) http://ec.europa.eu/environment/enveco/taxation/pdf/annexes_phasing_out_env_harmful_subsidies.pdf