52014DC0388

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar konsultazzjoni rigward opportunitajiet għas-sajd għall-2015 skont il-Politika Komuni tas-Sajd /* COM/2014/0388 final */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar konsultazzjoni rigward opportunitajiet għas-sajd għall-2015 skont il-Politika Komuni tas-Sajd

Introduzzjoni

L-opportunitajiet għas-sajd għall-2015 se jiġu stabbiliti għall-ewwel darba taħt il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) il-ġdida[1]. L-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għandu jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS il-ġdida. L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont ir-rendiment massimu sostenibbli, flimkien ma’ strumenti ta’ mmaniġġjar oħrajn stabbiliti fil-PKS ġdida għandhom jiżguraw li attivitajiet tas-sajd huma ambjentalment sostenibbli għal tul ta’ żmien twil u huma mmaniġġjati b’mod konsistenti sabiex jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg u jikkontribwixxu biex il-provvisti tal-ikel ikunu disponibbli.

L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 2(2) tal-PKS, u bl-għan li b’mod progressiv il-popolazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut jiġu lura għal li kienu u jinżammu ’l fuq mil-livelli ta’ bijomassa li kapaċi jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY). Fejn hu possibbli, l-għan tal-MSY għandu jintlaħaq sal-2015 u fuq bażi progressiva u inkrimentali mhux iktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha. Dan l-għan se jikkontribwixxi wkoll sabiex sal-2020 jintlaħaq status ambjentali tajjeb kif stipulat fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[2] (MSFD) u l-PKS.

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-proposti tal-Kummissjoni se jiġu bbażati fuq li l-impatt tal-flotot tas-sajd fuq l-istokkijiet jinġieb fl-iqsar perjodu ta’ żmien fattibbli għal-livelli meħtieġa li jippermettu li l-istokkijiet jerġgħu jinbnew għal-livelli ta’ bijomassa li jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Meta jintlaħaq dan, il-Kummissjoni, kif xieraq, se tipproponi miżuri li jippermettu bini ulterjuri mill-ġdid.

L-2015 se tkun ukoll is-sena li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ħatt l-art għal ċertu sajd[3]. Għandhom jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet li jaqgħu taħt l-obbligu tal-ħatt l-art b’kunsiderazzjoni għall-bidliet fl-opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu qabdiet iktar milli ħatt l-art[4], bil-ftehim li huma ma għandhomx ixekklu l-għan tal-MSY jew jirriżultaw f’żieda fil-mortalità tal-ħut waqt is-sajd.

Il-Kummissjoni se tibbaża l-proposti tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd fuq l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) dwar kif jintlaħaq l-MSY. Għal stokkijiet fejn pariri bħal dawn mhumiex disponibbli, il-proposti tal-Kummissjoni se japplikaw l-approċċ prekawzjonarju f'konformità mal-Artikolu 2(2) tal-PKS. Wara talba mill-Kummissjoni, l-ICES ipprepara parir għal qafas għall-evalwazzjoni ta’ Status Ambjentali Tajjeb (GES) jew għal stokkijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar sfruttat kummerċjalment (It-tielet(3) Deskrittur tal-MSFD)[5]. Se jsir aktar xogħol biex jintwera kif l-MSY jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq il-GES u b’hekk tiġi żgurata l-koerenza bejn l-implimentazzjoni tal-PKS u l-MSFD.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji għall-proposti tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2015[6]. Il-partijiet interessati huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni mhux iktar tard mit-30.09.2014

L-Artikolu 50 tal-PKS jistabbilixxi li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-ilħuq tar-rendiment massimu sostenibbli u dwar is-sitwazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut. Din il-Komunikazzjoni hija maħsuba wkoll biex tipprovdi dik l-informazzjoni.

Il-PKS ġdida u l-proposti TAC għall-2015

Immaniġġjar permezz ta’ pjanijiet multiannwali

Il-PKS il-ġdida tirrikjedi l-adozzjoni ta’ pjanijiet multiannwali. Twaqqfet task force interistituzzjonali biex issolvi n-nuqqas ta’ ftehim interistituzzjonali u biex tiffaċilita l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ pjanijiet multiannwali skont il-PKS ġdida. It-Task Force iffinalizzat xogħolha f’April 2014 u rrappurtat lill-istituzzjonijiet Ewropej.

Ir-rapport huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-pjanijiet multiannwali fil-PKS. Il-Pjanijiet għandhom jipprovdu qafas għall-immaniġġjar robust u dejjiemi, li jiżgura s-sostenibbiltà ta’ sajd b’rendiment għoli u stabbli għall-industrija tas-sajd, filwaqt li jiġi kkunsidrat approċċ ibbażat fuq ekosistema għall-immaniġġjar tas-sajd billi jiġu minimizzati l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema marina. L-għan tal-MSY u l-iskadenzi biex dan jintlaħaq huma elementi ċentrali tal-pjanijiet. L-MSY se jiġi espress fi gradi u għandu jinkludi punti ta’ referenza ta’ konservazzjoni ta’ salvagwardja. Id-deċiżjonijiet skont il-pjanijiet għandhom jiġu bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Il-pjanijiet għandhom jippermettu flessibbiltà f’deċiżjonijiet annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd. Fejn meħtieġ, il-pjanijiet għandhom jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni alternattivi fir-rigward ta’ ċertu stokkijiet, li tkun soġġetta għar-reġjonalizzazzjoni. F’sitwazzjonijiet ta’ sajd imħallat, il-pjanijiet għandhom jidentifikaw l-ispeċijiet li jimmotivaw is-sajd u jiżguraw li l-istokkijiet kollha huma mmaniġġjati skont l-għan tal-MSY.

Il-Kummissjoni se tipproponi malajr kemm jista’ jkun, pjanijiet multiannwali bbażati fuq dan ir-rapport, u se tanalizza l-bżonn li proposti eżistenti jiġu adattati għal pjanijiet ibbażati fuq parir xjentifiku aġġornat. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll li tippreżenta proposti ġodda li jissostitwixxu pjanijiet eżistenti ta’ rkupru jew ta’ mmaniġġjar li jkunu laħqu l-għanijiet tagħhom u li jeħtieġ li jiġu sostitwiti sabiex ikunu adattati għall-PKS ġdida.

Stokkijiet b’valutazzjoni tal-MSY

Il-PKS għandha l-għan li sal-2015, safejn ikun possibbli, tilħaq ir-rati ta’ sfruttar tal-MSY. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li fl-2015 tipproponi Qabdiet Totali Permessibbli (TACs) b’mod konsistenti mal-MSY għall-grupp li qed jikber ta’ stokkijiet b’valutazzjoni totali u stimi tal-MSY. Fil-valutazzjonijiet l-iktar riċenti, il-grupp inkluda 46 stokk ta’ interess primarju għall-UE fil-grigal tal-Atlantiku u l-Baħar Baltiku (ara hawn taħt u l-Anness I). Id-dejta għall-aħħar tliet snin għall-Baħar Mediterran u l-Baħar Baltiku ġiet ikkunsidrata, iżda n-numru ta’ stokkijiet mhux ivvalutati f’dik iż-żona mhuwiex magħruf.

Dewmien biex jintlaħaq l-għan wara l-2015 (u mhux iktar tard mill-2020) ikun aċċettabbli biss jekk biex jintlaħaq l-MSY sal-2015 ifisser tfixkil serju għas-sostenibbiltà soċjali u ekonomika tal-flotot tas-sajd involuti. Dan huwa f’konformità mal-PKS riformata.

Fejn jeżistu pjanijiet multiannwali u dawn ikunu konsistenti mal-MSY, il-Kummissjoni se tkompli tapplikahom. Meta l-pjanijiet eżistenti ma jibqgħux japplikaw (eż. jintlaħaq għan minbarra l-MSY), il-Kummissjoni se tadotta proposti għal opportunitajiet tas-sajd abbażi tal-MSY.

Is-simplifikazzjoni tal-immaniġġjar hija prijorità skont il-PKS il-ġdida; il-Kummissjoni se teżamina l-valur miżjud tal-immaniġġjar permezz ta’ limitazzjoni tal-isforz tas-sajd bħala Sistema addizzjonali għat-TACs. Hija għandha l-ħsieb li tneħħi l-istrumenti tal-immaniġġjar li ma jipprovdu ebda valur miżjud lejn l-ilħuq tal-għanijiet tal-PKS ġdida.

Għal stokkijiet b’valutazzjoni MSY li huma maqsumin ma’ pajjiżi terzi jew immaniġġjati permezz tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd, il-Kummissjoni se titlob ftehim mal-imsieħba tagħna abbażi tal-istess approċċ.

Stokkijiet oħra

Fil-każijiet fejn l-informazzjoni xjentifika mhix biżżejjed biex jiġu determinati dawk il-livelli, għandhom jitqiesu parametri approssimattivi. Ġew identifikati ħames sitwazzjonijiet kif jidher hawn taħt. Fil-każijiet kollha, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel proposti bbażati fuq parir xjentifiku u mingħajr ma xxekkel il-bżonnijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-istokkijiet.

Stokkijiet b’dejta disponibbli biex jiġu determinati indikaturi tal-MSY

Dik il-kategorija ta’ stokkijiet tikkonsisti fi stokkijiet li għandhom dejta rikka, ivvalutata b’mod analitiku u bi previżjonijiet tax-xejriet. Ġeneralment huwa disponibbli indikatur tal-MSY. L-approċċ għall-istabbiliment tat-TACs se jkun simili għas-sitwazzjoni tal-istokkijiet b’valutazzjoni sħiħa tal-MSY.

Il-Kummissjoni tipprevedi evalwazzjoni ulterjuri tal-bżonn u tal-possibiltajiet sabiex jiżdied l-għarfien ta’ dawn l-istokkijiet għal valutazzjoni sħiħa tal-MSY fil-futur qarib.

Stokkijiet b’xejriet ivvalutati abbażi ta’ stħarriġiet jew b’serje taż-żmien tal-qbid sabiex jiġu żviluppati indikaturi tal-MSY.

Il-parir tal-ICES dwar dawk l-istokkijiet huwa kwantitattiv biss: limiti ta’ qbid proposti fin-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-MSY. Il-Kummissjoni biħsiebha tuża parir aġġornat tal-ICES dwar dawk l-istokkijiet għall-proposti tagħha u se tikkunsidra s-sitwazzjoni każ b’każ b’kunsiderazzjoni għall-approċċ prekawzjonarju.

Il-Kummissjoni tipprevedi evalwazzjoni stokk bi stokk fil-futur qarib dwar il-bżonn u l-possibbiltajiet sabiex jiżdied l-għarfien ta’ dawn l-istokkijiet sabiex tkun possibbli d-determinazzjoni ta’ indikaturi tal-MSY.

Stokkijiet bi preżunzjoni ta’ stabbiltà

F’Diċembru 2013, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu fuq ix-xewqa li t-TACs jinżammu mingħajr tibdil għal 25 stokk sakemm parir xjentifiku ma jindikax bżonn għal bidla. Ġeneralment, dawk huma stokkijiet ikkunsidrati biss bħala qabdiet inċidentali jew li għandhom livelli baxxi ta’ kwota, b’informazzjoni limitata dwar l-istatus ta’ stokk u importanza ekonomika baxxa.

Stokkijiet mingħajr parir xjentifiku

Meta ma jkunx hemm parir xjentifiku disponibbli, għandu jiġi segwit l-approċċ prekawzjonarju b’konformità mal-Artikolu 2(2) tal-PKS b’mod sistematiku, definit minn qabel u trasparenti.

Stokkijiet tal-baħar fond

Fl-2014, il-Kunsill se jistabbilixxi l-opportunitajiet għas-sajd fil-fond għas-snin 2015-2016. L-istokkijiet tal-baħar fond għandhom jiġu mmaniġġjati b’mod sostenibbli fl-isfond tan-natura sensittiva ta’ xi wħud minn dawk l-istokkijiet u l-ħajja marina tal-baħar fond. Għal ħafna stokkijiet għad m’hemmx biżżejjed għarfien u dejta għal analiżi xjentifika. Il-bżonn li jiġi segwit l-approċċ prekawzjonarju b’mod sistematiku, definit minn qabel u trasparenti b’konformità mal-Artikolu tal-PKS huwa imperattiv. Il-Kummissjoni, meta tagħmel il-proposti tagħha se tikkunsidra b’mod xieraq l-impenji fir-Riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti 61/105 għall-2006, Riżoluzzjoni 64/72 tal-2009, 66/68 tal-2011 u l-Linji gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd f’Baħar Fond fl-Ibħra Miftuħa tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2008.

Obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha

Fl-2015 se jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha[7]:

· sajd pelaġiku żgħir (kavalli, aringi, sawrell, stokkafixx, pixxitrumbetta, inċova, argentina, sardin u laċċa kaħla;

· sajd pelaġiku kbir[8] (tonn, pixxispad[9], alonga, tonn għajnu kbira, marlin blu u abjad),

· sajd għal skopijiet industrijali (fost l-oħrajn, sajd għal kapelin, ċiċċirell u merluzz tan-Norveġja),

· sajd għas-salamun fil-Baħar Baltiku, kif ukoll

· mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2015 għall-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd u mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017, għall-ispeċijiet l-oħra kollha għas-sajd fil-Baħar Baltiku.

L-Istati Membri qed jikkooperaw fil-livell reġjonali dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-ħatt l-art. Il-Parlament u l-Kunsill qed jeżaminaw ukoll proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġu allinjati r-Regolamenti dwar miżuri tekniċi u dwar il-kontroll tar-regoli għall-obbligu tal-ħatt l-art.

Għas-sajd ikkonċernat, l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għandu jikkunsidra l-bidla sabiex jiġu riflessi l-qabdiet minflok il-ħatt l-art. Dawk l-aġġustamenti jistgħu jinvolvu adattamenti fit-TACs skont il-limiti tad-dejta dwar skartar preċedenti u dwar il-bżonn li jiġu evitati żidiet fil-mortalità tal-ħut.

Il-Kummissjoni talbet lill-ICES biex jinkludi d-dejta disponibbli dwar l-iskartar ta’ dak is-sajd fil-valutazzjonijiet tal-istokk u l-previżjonijiet tal-qabdiet rilevanti. L-ICES se juża dejta disponibbli dwar l-iskartar fil-passat riċenti sakemm din id-dejta tkun ivvalidata għall-użu fil-valutazzjonijiet u l-parir għall-2015. Dan mistenni li jwassal għal aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet koperti mill-obbligu tal-ħatt l-art fl-2015. Huwa essenzjali li dawk l-aġġustamenti jibqgħu kompatibbli mal-ilħuq tal-MSY.

Skont il-PKS ġdida, l-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw proġetti pilota biex jippreparaw għall-obbligu tal-ħatt l-art. Dan għandu jsir fl-opportunitajiet tas-sajd disponibbli. L-Istati Membri jistgħu jużaw kwoti disponibbli fuq livell nazzjonali għas-sostenn ta’ proġetti pilota sabiex titjieb id-dejta. Dan se jkun ta’ għajnuna għall-opportunitajiet tas-sajd wara l-2015.

Il-PKS ġdida tipprovdi xi miżuri għal flessibbiltà addizzjonali li għandha tintuża fl-immaniġġjar tal-istokkijiet tas-sajd soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art[10]. Kwota interannwali flessibbli, flessibbiltà interspeċi (qabdiet ta’ speċi waħda jistgħu jingħaddu kontra l-kwota tal-ispeċi mmirata taħt ċertu kundizzjonijiet), eżenzjonijiet de minimis u eżenzjonijiet abbażi ta’ sopravivenza għolja huma rilevanti fir-rigward ta’ opportunitajiet tas-sajd. Meta jsiru proposti fil-futur għal opportunitajiet tas-sajd, se jiġi kkunsidrati dawk il-provvedimenti ta’ flessibbiltà.

Il-Baħar Mediterran

L-għan tal-MSY japplika wkoll għall-istokkijiet tal-Mediterran li mhumiex immaniġġjati mit-TACs. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jirrevedu jekk l-għanijiet tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar nazzjonali adottati skont ir-Regolament dwar il-Mediterran[11] humiex konsistenti mal-għan tal-MSY. Il-pjanijiet adottati bħalissa jew li jinsabu viċin li jiġu adottati huma elenkati hawn taħt:

KROAZJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir

KROAZJA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine

ĊIPRU – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir

GREĊJA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine

GREĊJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir

FRANZA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir

FRANZA – Gangui

FRANZA – Seines ta’ xatt il-baħar

SPANJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir

SPANJA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine

SPANJA – Dgħajjes bis- seines Murcia

SPANJA – Dgħajjes bis-seines Gżejjer Baleariċi

SPANJA – Dgħajjes bis-seines Katalunja

SPANJA – Karrakka tal-ħama Andalusija

ITALJA – Xbieki li jdawru żona (4 pjanijiet)

ITALJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir(8 pjanijiet)

ITALJA – Dgħajjes bis-seine Ligurja-Toskana

SLOVENJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir

SLOVENJA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine

MALTA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir

MALTA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine (2 pjanijiet)

Żvilupp tal-istat ta’ stokkijiet

Is-sajd eċċessiv naqas fl-ibħra Ewropej u tal-Atlantiku, fil-Baħar tat-Tramenutana u l-Baħar Baltiku. Għall-istokkijiet b’valutazzjonijiet tal-MSY, is-sajd eċċessiv naqas minn 94 % tal-istokkijiet fl-2003, għal 63% fl-2009 u għal 41% fl-2012. Ġie vvalutat proporzjon ikbar tal-istokkijiet.

In-numru ta’ stokkijiet li, skont l-istimi disponibbli, jinqabdu f’livelli korrispondenti għall-MSY żdied minn sempliċiment 2 fl-2003, għal 13 fl-2009 u għal 27 fl-2012 (Anness Ia).

In-numru ta’ stokkijiet b’valutazzjonijiet MSY sħaħ żdied minn 34 fl-2005 għal 35 fl-2009 u għal 46 fl-2014. Sar progress sinifikanti fin-numru ta’ stokkijiet b’parir kwantitattiv minn 59 fl-2003 għal 71 fl-2014, b’riżultat tal-introduzzjoni ta’ metodi ġodda mill-ICES fl-2013.

B’numru jikber b’mod mgħaġġel tal-istokkijiet li jiġu vvalutati, qed isir evidenti li s-sajd eċċessiv għadu prevalenti fil-Mediterran kif jidher fil-Figuri 1-3. Għandhom jittieħdu azzjonijiet effettivi malajr sabiex is-sajd eċċessiv jonqos gradwalment.

Figura 1. Numru ta’ stokkijiet fejn il-valutazzjoni mill-2007 sal-2012 hija magħrufa fis-Sub-reġjun tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed.

Figura 2. Numru ta’ stokkijiet fejn il-valutazzjoni mill-2007 sal-2012 hija magħrufa permezz ta’ sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed.

Figura 3. Numru ta’ stokkijiet ivvalutati bħala qabdiet żejda mill-2007sal-2012 permezz ta’ sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed.

L-Anness Ic jipprovdi analiżi preliminari. Għal xi żoni, parti mir-riżorsi biss ġiet ivvalutata. Minkejja titjib riċenti, il-parti mhux magħrufa għadha kbira ħafna fil-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed.

Għarfien attwali dwar l-istat ta’ stokkijiet oħra tal-ħut huwa deskritt hawn taħt fuq bażi reġjonali[12].

Stokkijiet pelaġiċi tal-Grigal tal-Atlantiku

Il-biċċa l-kbira tal-istokkijiet tal-aringa (il-Baħar tat-Tramuntana, il-Punent tal-Iskozja, il-balar Keltiku) jinqabdu fir-rati tas-sajd MSY. Għall-2014, ġew stabbiliti TACs korrispondenti għall-MSY fil-każijiet kollha.

Is-sitwazzjoni ddeterjorat għal xi stokkijiet oħrajn: is-sawrell tal-punent u l-aringa tal-punent tal-Irlanda jinqabdu b’mod eċċessiv. Għall-kavalli, intlaħaq ftehim bejn il-Gżejjer Faroe, in-Norveġja, u l-UE għal immaniġġjar sostenibbli. Il-parir tal-ICES għall-2014 indika li l-istokk jista’ jkun li żdied b’mod sinifikanti.

Il-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u Kattegat

Il-pollakkju iswed, il-barbun tat-tbajja’, il-merluzz tal-linja sewda u l-awwista fiż-żoni ta’ Skagerrak u ta’ Fladen jinqabdu f’livelli konsistenti mal-MSY. L-istokkijiet l-oħrajn kollha jew jinqabdu żejda, jew l-istat tagħhom mhux magħruf.

Minkejja żidiet riċenti fid-daqs tal-istokk u t-tnaqqis fil-mortalità tas-sajd, l-istokkijiet tal-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana huma ftit iktar ogħla mil-limitu tal-bijomassa u għadhom ’il bogħod mil-livell prekawzjonarju. Il-mortalità tas-sajd għadha ftit ogħla mil-livelli tal-MSY. Ir-rati tal-iskartar ilhom jonqsu iżda għadhom madwar 25% tal-istokkijiet li jinħattu l-art. Fil-Kattegat, l-istokk tal-bakkaljaw huwa f’livell baxx ħafna u minbarra t-TACs u l-isforzi, jista’ jkun li jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri.

Il-Baħar Baltiku

Il-Kunsill segwa l-pożizzjoni konġunta tad-Direttorati tal-Istati Membri Baltiċi fil-forum BALTFISH dwar l-istabbiliment ta’ TACs f’konformità ma’ parir xjentiku.

L-aringa tal-Baltiku Ċentrali, l-aringa tal-Baħar tal-Botnja u l-laċċa kaħla tal-Baħar Baltiku jinqabdu b’mod konsistenti mal-MSY. Madankollu, l-aħħar parir jindika li għall-istokk tal-bakkaljaw tal-baltiku tal-punent, ir-rata tal-mortalità tal-ħut prevista mill-pjan eżistenti hija ’l bogħod mill-mira tal-MSY. L-istokk tal-bakkaljaw tal-Lvant qed juri żviluppi li jagħmlu possibbli li jintużaw il-mudell attwali tal-valutazzjoni. Fl-2014 se jiġi propost mill-Kummissjoni pjan multiannwali għall-Baħar Baltiku.

Il-Punent tal-Iskozja, il-Baħar Irlandiż u l-Baħar Keltiku

Fil-punent tal-Iskozja ċerti stokkijiet ta’ ħut abjad minbarra l-merluzz tal-linja sewda għadhom f’livelli baxxi. L-iskartar għadu għoli u jeħtieġ li jiġi indirizzat. Ġew żviluppati miżuri tekniċi mill-Istati Membri sabiex titnaqqas il-mortalità tal-bakkaljaw u sabiex jiġu evitati qabdiet mhux mixtieqa, li tagħhom xi wħud urew tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa (eż. fil-Baħar Irlandiż). Miżuri oħrajn għadhom qed jiġu vvalutati u hemm bżonn ta’ iktar xogħol.

Fil-Baħar Keltiku, l-opportunitajiet tas-sajd naqsu minħabba li l-impatt ta’ xi reklutaġġ riċenti ta’ ħut żgħir qed jisparixxi. Wara parir tal-MSY, l-opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw u l-merlangu tnaqqsu b’mod sostanzjali. Il-merluzz tal-linja sewda kellu perjodu ta’ reklutaġġ imnaqqas, iżda l-iskartar kien problema wkoll. Il-miżuri ta’ selettività introdotti fl-2012 fil-Baħar Keltiku ġew riveduti, iżda l-STECF baqa’ inkonklussiv dwar il-kontribuzzjoni ta’ dawk il-miżuri għall-finijiet ta’ konservazzjoni.

Hemm parir ibbażat fuq l-MSY għall-istokkijiet kollha tal-awwista tan-Norveġja bl-eċċezzjoni ta’ unità funzjonali waħda, inkluż fil-bank tal-porkuspin, li jkompli jkollu għeluq staġjonali (xahar) u sub-TAC separata.

L-ICES ipprovda valutazzjonijiet tal-MSY għal 18-il stokk, u ta parir li jitnaqqsu l-opportunitajiet tas-sajd għal 14 –il stokk, ħafna drabi sostanzjalment. Il-parir tal-MSY ġie implimentat għal 12 minn dawn l-istokkijiet għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2014.

Speċijiet tal-baħar fond

Għall-biċċa l-kbira tal-istokkijiet tal-baħar fond, mhumiex disponibbli previżjonijiet minħabba nuqqas ta’ dejta. Parir riċenti tal-ICES għall-biċċa l-kbira tal-istokkijiet huwa li s-sajd għandu jitnaqqas u ma jkunx permess li jespandi fl-2015-2016 sakemm ikun magħruf li l-istokkijiet huma sostenibbli. Il-mera tal-Atlantiku, il-klieb il-baħar tal-fond, il-bażuga kaħlija u xi stokkijiet ta' roundnose grenadier huma t-tħassib ewlieni. L-ICES jinnota li ħafna sajd li jimmira l-ispeċijiet tal-baħar fond huwa sajd imħallat b’qabdiet inċidentali relattivament kbar ta’ speċijiet mhux fil-mira. L-istabbiliment tat-TACs għal speċijiet fil-mira għandu jikkunsidra l-impatt fuq speċijiet ta’ qabdiet inċidentali.

Iż-żona Iberika-Atlantika u l-Bajja ta’ Biskajja

Ftit valutazzjonijiet ta’ stokkijiet huma disponibbli għall-Bajja ta’ Biskajja u l-Ibħra Iberiċi-Atlantiċi. Il-merluzz tan-Nofsinhar, il-megrims u l-petrika qed jiżdiedu. Filwaqt li l-merluzz tan-nofsinhar esperjenza reklutaġġ tajjeb, l-istokk għadu jinqabad żejjed u s-sostenibbiltà għal tul ta’ żmien twil tiegħu hija f’riskju. Is-sistemi ta’ reġistrazzjoni tal-qbid u l-isforz tal-Istati Membri ġew awditjati mill-Kummissjoni fl-2012. Ġew miftiehma azzjonijiet ta’ segwitu u l-kontroll qed jitjieb.

L-awwista tan-Norveġja fil-Baħar tal-Kantabrija  għadha suġġetta għall-parir biex jieqaf is-sajd tagħha.

Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed

Bejn l-2007 u l-2012 saru iktar minn 300 valutazzjoni, mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) u l-STECF. In-numru ta’ stokkijiet ivvalutati żdied minn 29 fl-2007 għal 104 fl-2012. Minkejja dan, l-għarfien għadu limitat minħabba li n-numru totali ta’ stokkijiet kummerċjalment sfruttati huwa konsiderevolment ogħla.

In-numru ta’ stokkijiet ivvalutati huwa ogħla fil-partijiet tal-punent u ċentrali milli fil-parti tal-Lvant tal-baċir. Ftit huwa magħruf dwar l-istatus tal-istokkijiet fis-subreġjuni tan-Nofsinhar.

Il-livelli ta’ sfruttar huwa lil hinn ferm mill-miri tal-MSY. Minn 97 stokk, 91% kien jinqabad żejjed. Il-merluzz, it-trilja u l-gambli roża tal-fond huma l-iktar stokkijiet li jgħixu qrib il-qiegħ komuni li jinqabdu żejda. Is-sardin u l-inċova huma ż-żewġ stokkijiet pelaġiċi żgħar komuni li jinqabdu żejda.

Fil-Baħar l-Iswed, l-istatus ta’ 7 stokkijiet huwa magħruf u 5 minnhom huma sfruttati. Mill-istokkijiet immaniġġjati bit-TAC, il-barbun imperjali jinqabad żejjed u l-laċċa kaħla ilha tiġi sfruttata b’mod sostenibbli mill-2007.

Stokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna fl-Oċean Atlantiku u fil-Baħar Mediterran

Dawn l-istokkijiet jinkludu t-tonn, l-alonga, it-tonn tropikali, il-pixxispad u l-kastardella li huma vvalutati u mmaniġġjati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT).

Il-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet tat-tonn jgħixu ħafna u l-valutazzjonijiet ma jsirux kull sena. Informazzjoni disponibbli dwar l-istatus ta’ konservazzjoni tal-istokkijiet differenti hija diversa u għad fadal diversi inċertezzi. L-iktar valutazzjonijiet riċenti (2013) għall-pixxispad tal-Atlantiku juru li l-istokk reġa’ nbena wara li fil-bidu tal-2000 kien jinqabad żejjed. L-alonga tat-tramuntana tal-Atlantiku ġiet ivvalutata wkoll fl-2013. Ir-rati ta’ mortalità tal-ħut huma taħt il-livell tal-MSY, għalkemm il-bijomassa tal-istokk għad jeħtieġ li terġa’ tinbena għal livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.

L-istokk tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran żdied fis-snin riċenti. Teżisti inċertezza konsiderevoli fil-valutazzjoni iżda l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru tal-ICCAT, irriżultat fi tnaqqis tal-mortalità tal-ħut li issa hija stmata li hi taħt il-livell tal-MSY. Il-qabdiet fil-livell tat-TAC kurrenti aktarx jippermettu lill-istokk biex jirkupra għalkollox f’terminu ta’ żmien medju.

Bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika

Il-prestazzjoni ekonomika tal-flotot tal-UE fiż-żoni kollha tjiebet gradwalment matul is-snin riċenti minn marġni ta’ profitt nett ta’ 1% fl-2008 għal 6% fl-2011. Għalkemm l-ispejjeż żdiedu b’mod ġenerali fl-2011 minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-karburant, id-dħul żdied bi proporzjon ikbar mill-ispejjeż. Il-Valur Miżjud Gross (GVA) iġġenerat fl-2011 kien EURO 3.4 biljuni (+4% meta mqabbel mal-2010), il-profitt gross kien EURO 1.3 biljun u l-profitt nett kien EURO 410 miljun (+22%). Fl-2011, il-flotta tas-sajd tal-UE ħattet inqas iżda ġġenerat valur ogħla tal-ewwel. Minħabba li l-flotta tal-UE hija diversa ħafna, dik ix-xejra ma kinetx tapplika għall-partijiet kollha tal-flotta.

Esperjenzi bit-trasferiment għal sajd MSY

Xi eżempji ta’ trasferiment għal sajd MSY huma spjegati hawn taħt.

Għas-sajd tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku, il-prestazzjoni ekonomika tal-flotot li jiddependu fuq il-bakkaljaw tjiebet b’mod sinifikanti bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-immaniġġjar tal-bakkaljawli ġab is-sajd eqreb għas-sitwazzjoni MSY. Il-qabdiet inżammu relattivament stabbli u d-daqsijiet tal-istokkijiet bdew jiżdiedu, li jfisser żieda fil-profittabbiltà. L-ispejjeż tal-qabdiet naqsu minħabba li ntuża iktar karburant u l-ispejjeż kapitali tbaxxew. Il-valur miżjud gross permezz ta’ bastimenti rappreżentattivi żdied b’iktar minn 40% mill-2008 sal-2011. Dawn il-flotot iġġeneraw profitt gross sitt darbiet ogħla fl-2011 meta mqabbel mal-2008, jew 40% ogħla meta mqabbel mal-2009.

Għas-sajd tal-lingwata u tal-barbun tat-tbajja’ fil-Baħar tat-Tramuntana, it-trasferiment għal sajd MSY fisser li l-biċċa l-kbira tal-flotot setgħu jibqgħu profittabbli anke meta affaċċjati minn żieda ta’ 32 % fil-prezz tal-karburant sal-2011. Dan seħħ minħabba li l-ħatt l-art tal-barbun tat-tbajja’ żdiedu b’51% mill-2008 sal-2011 filwaqt li l-ispejjeż assoċjati mas-sajd naqqsu konsiderevolment meta l-istokkijiet saru iktar abbundanti.

Is-sajd għal-lingwata fil-kanal tal-punent kien sfruttat f’livelli MSY mill-2009. Minn dakinhar sal-2013 id-daqs tal-istokk żdied b’16% u l-qabdiet żdiedu b’24%. Sal- 2011, il-prezzijiet tal-lingwata u speċijiet oħra mmirati fil-kuntest ta’ dan il-pjan ta’ mmaniġġjar żdiedu. L-istabbiltà mtejba fis-sajd jista’ jkun li tejbet b’mod sinifikanti l-opportunitajiet ta’ investiment fil-flotot.

Skeda

L-iskeda taż-żmien ippjanata tax-xogħol hija kif ġej.

Regolament dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd || Parir || Proposta tal-Kummissjoni || Adozzjoni possibbli mill-Kunsill

Stokkijiet fl-Atlantiku, il-Baħar tat-Tramuntana, l-Antartiku u żoni oħra || L-aħħar ta’ Ġunju - l-aħħar ta’ Ottubru || Ottubru || Diċembru

Il-Baħar Baltiku || L-aħħar ta’ Mejju || Awwissu || Ottubru

Il-Baħar l-Iswed || L-aħħar ta’ Ottubru || Novembru || Diċembru

Il-Baħar Fond || Mejju - Ġunju || Settembru || Novembru

Konklużjoni

Din il-Komunikazzjoni stabbilixxiet il-prinċipji bażiċi fir-rigward tal-istabbiliment tal-opportunitajiet għas-sajd għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ tal-PKS ġdida. L-Istati Membri, il-Kunsilli Konsultattivi u l-partijiet interessati huma mistiedna biex jirriflettu fuq l-orjentazzjonijiet stabbiliti u biex jipprovdu rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti lill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-opportunitajiet tas-sajd tal-2015 jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-PKS ġdida.

ANNESS Ia –Parir Xjentifiku dwar l-istokkijiet fil-Grigal tal-Atlantiku u l-ibħra ta’ biswit[13]

Il-limiti bijoloġiċi sikuri huma pertinenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(8) tar-Regolament Nru 1380/2013.

* Imqabbel ma’ proporzjon jikber ta’ stokkijiet suġġetti għal parir kwantitattiv.

Stokkijiet fejn huwa pprovdut parir mhux ikkwantifikat mhumiex inklużi fit-Tabella 5.

Mhux inklużi f’din l-analiżi : Speċijiet tal-fond, inklużi t-tusk, il-lipp u l-minfaħ; TACs għall-qabdiet inċidentali tal-aringa; TACs li huma marbuta ma’ deċiżjoni oħra dwar l-istess stokk (eż. il-Pollakkju Iswed fil-Punent tal-Iskozja), TACs li jirrappreżentaw skambji ta’ opportunitajiet tas-sajd ma’ pajjiżi terzi, TACs barra miż-żona tal-Grigal tal-Atlantiku, TACs fejn jeżisti sajd mhux irregolat għall-istess stokk (eż. l-istokkafixx qabel l-2006), stokkijiet li għalihom hemm parir iżda ebda TAC (eż. il-pixxiplamptu), TACs fejn l-għodda ta’ mmaniġġjar primarja kienet immaniġġjar bi sforz (eż. is-sallura). Meta TAC tkopri żewġ speċijiet li għalihom hemm valutazzjoni, (eż. il-Megrims, il-petrika, VII u VIII), l-analiżi tirreferi għall-iktar speċi abbundanti miż-żewġ speċijiet koperti bit-TAC.

Il-metodu użat għall-kumpilazzjoni ta’ din l-informazzjoni li tikkonċerna l-ibħra tal-Atlantiku Ewropew ma nbidilx minn edizzjonijiet preċedenti ta’ dan ir-rapport, għalkemm xi kolonni tas-snin reġgħu ġew ittikkettati sabiex jirriflettu l-fatt li d-dejta u l-kejl miġbura jkunu saru sentejn qabel is-sena li fiha jiġi implimentat il-parir.

Anness Ib. Sitwazzjoni tal-istokkijiet fir-rigward tal-Fmsy[14]

Figura 1: Proporzjonijiet skont il-piż li jkun inħatt l-art fl-UE ta’ stokkijiet li jgħixu qrib qiegħ il-baħar maqbuda fil-livell Fmsy (griż ċar) jew taħt dan il-livell, ’il fuq mill-Fmsy (=sajd żejjed) (iswed), jew li l-isatus mhux magħruf (bil-kaxxi). Fil-Baħar Mediterran, il-proporzjon ta’ qabdiet li l-istatus tagħhom mhux magħruf għadu ma ġiex ivvalutat għalkollox iżda huwa maħsub li hu bejn 70 u 85% tal-qabdiet li jinħattu l-art. L-intestaturi fil-pannelli juru l-qabdiet li jinħattu l-art ivvalutati (tunnellati, t, jew eluf ta’ tunnellati, Kt).

Figura 2: Proporzjonijiet ta’ piż li nħatt l-art fl-UE ta’ stokkijiet pelaġiċi maqbuda fil-livell Fmsy (griż ċar) jew taħt dak il-livell, ’il fuq mil-livell Fmsy (=sajd żejjed) (iswed) jew ta’ status mhux magħruf (bil-kaxxi). Fil-Baħar Mediterran il-proporzjon ta’ qabdiet li l-istatus tagħhom mhux magħruf), ma ġiex ivvalutat għalkollox iżda huwa maħsub li hu bejn 70 u 85% tal-qabdiet li jinħattu l-art. L-intestaturi fil-pannelli juru l-qabdiet li jinħattu l-art ivvalutati (tunnellati, t, jew eluf ta’ tunnellati, Kt).

Figura 3: Proporzjonijiet ta’ stokkijiet ta’ ħut li jgħixu qrib qiegħ il-baħar fil-livell Fmsy (griż ċar) jew taħt dan il-livell, ’il fuq mill-Fmsy (=sajd żejjed) (iswed), jew li l-isatus mhux magħruf (bil-kaxxi). Fil-Baħar Mediterran, il-proporzjon ta’ qabdiet li l-istatus tagħhom mhux magħruf għadu ma ġiex ivvalutat għalkollox.

Figura 4: Proporzjonijiet ta’ stokkijiet pelaġiċi fil-livell Fmsy (griż ċar) jew taħt dan il-livell, ’il fuq mill-Fmsy (=sajd żejjed) (iswed), jew li l-isatus mhux magħruf (bil-kaxxi). Fil-Baħar Mediterran, il-proporzjon ta’ qabdiet li l-istatus tagħhom mhux magħruf għadu ma ġiex ivvalutat għalkollox.

L-analiżi tal-figuri 1-4 tkopri s-sena tal-iktar dejta riċenti tal-qabdiet. Għall-istokkijiet tal-Mediterran, l-istat tal-istokkijiet huwa kkunsidrat li huwa magħruf sa tliet snin mill-aħħar valutazzjoni.

[1] Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28/12/2013, p.22)

[2] Direttiva 2008/56/KE, ĠU L 164, 25/06/2008, p 19-40.

[3] Sajd pelaġiku żgħir, sajd pelaġiku kbir, sajd għal finijiet industrijali, sajd għas-salamun, u speċijiet li jiddefinixxu s-sajd fl-ibħra tal-Unjoni tal-Baħar Baltiku (Artikolu 15.1 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013).

[4] Artikolu 16.2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

[5]http://www.ices.dk/sites/pub/Publication%20Reports/Advice/2014/Special%20Requests/EU_Draft_recommendations_for_the_assessment_of_MSFD_Descriptor3.pdf

[6] Għal stokkijiet tal-baħar fond, ir-referenza għall-2015 għandha tinftiehem bħala referenza għall-2015-2016, peress li l-opportunitajiet tas-sajd għal dawn l-istokkijiet huma stabbiliti għal sentejn.

[7] Il-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li huma suġġetti għal limitazzjonijiet tal-qabdiet kif ukoll, fil-Mediterran, anke qabdiet ta’ speċijiet li huma suġġetti għal daqsijiet minimi kif definit fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal- 21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30/12/2006, p. 11)–.

[8] Mingħajr ħsara għall-obbligi internazzjonali.

[9] Fil-Mediterran, skont l-obbligi internazzjonali.

[10] Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

[11] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1967/

[12]             Analiżi sħiħa tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut tista’ tinstab fuq www.ices.dk għall-Atlantiku u l-ibħra viċin u fuq https://stecf.jrc.ec.europa.eu għaż-żoni kollha.

[13] Parir kif ipprovdut bl-użu ta’ dejta u miżuri magħmula sentejn qabel is-sena li għaliha japplika l-parir.

[14] Analiżi preliminari. Il-Kummissjoni talbet reviżjoni metodoloġika mill-STECF.