52014DC0332

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 /* COM/2014/0332 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar Qafas Strateġiku Ewropew dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020

1. Introduzzjoni — L-isfond

L-iżgurar ta’ ambjent tax-xogħol li huwa sigur u ta’ ġid għas-saħħa għal aktar minn 217-il miljun ħaddiem fl-UE huwa mira strateġika tal-Kummissjoni Ewropea, b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE. Peress li r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huma ġeneralment simili madwar l-UE kollha, hemm rwol ċar għall-Unjoni fl-għajnuna li tista’ tagħti lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw dawn ir-riskji b’mod aktar effiċjenti u jiżguraw kundizzjonijiet indaqs madwar l-UE. Dan ir-rwol huwa rikonoxxut b’mod espliċitu fit-Trattat,[1] li jagħti lill-Unjoni kompetenza kondiviża sabiex tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tadotta direttivi li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi li jtejbu l-ambjent tax-xogħol biex is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema jkunu mħarsa.

L-azzjoni tal-UE fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OHS) issuktat matul is-snin f’qafas politiku strateġiku li jinkludi żewġ komponenti ewlenin:

korp komprensiv ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li jkopri l-aktar riskji okkupazzjonali sinifikanti u li jipprovdi definizzjonijiet, strutturi u regoli komuni li jkunu adattati mill-Istati Membri għaċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti tagħhom; u sensiela ta’ programmi ta’ azzjoni pluriennali bejn l-1978 u l-2002, segwita minn strateġiji Ewropej (li jkopru l-2002 sal-2006 u l-2007 sal-2012), biex jiġu identifikati l-prijoritajiet u l-għanijiet komuni, jiġi pprovdut qafas għall-koordinazzjoni ta’ politiki nazzjonali u tiġi promossa kultura olistika ta’ prevenzjoni. Bħala riżultat tal-istrateġija 2007-12, 27 Stat Membru stabbilixxew strateġiji nazzjonali.

Il-prevenzjoni tar-riskji u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet aktar siguri u ta’ ġid għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol mhumiex biss essenzjali għat-titjib tal-kwalità tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda wkoll għall-promozzjoni tal-kompetittività. Il-fatt li l-ħaddiema jinżammu b’saħħithom għandu impatt pożittiv dirett u evidenti fuq il-produttività, u jikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali. Li l-ħaddiema ma jitħallewx iġarrbu inċidenti serji jew ibatu minn mard okkupazzjonali u li tingħata promozzjoni lis-saħħa tal-ħaddiema tul ħajjithom fuq ix-xogħol, mill-ewwel impjieg tagħhom ’il quddiem, huwa essenzjali biex ikunu jistgħu jaħdmu iktar fit-tul. Għaldaqstant dan jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-effetti fit-tul tat-tixjiħ demografiku, f’konformità mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropea għall-2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.[2] B’mod partikolari, il-Linja Gwida dwar l-Impjieg 7 enfasizzat il-promozzjoni tal-kwalità tax-xogħol. Il-Pakkett tax-Xogħol[3] enfasizza li t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għandu impatt pożittiv fuq il-produttività u l-kompetittività.

L-investiment fl-OHS jikkontribwixxi għall-benesseri tal-ħaddiem u huwa kosteffiċjenti. Skont stimi reċenti, l-investimenti f’dan il-qasam jistgħu jipproduċu proporzjonijiet għoljin ta’ redditu, b’medja ta’ 2.2,[4] u f’medda ta’ madwar 1.29 u 2.89.[5]

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-istrateġija għall-OHS 2007-12[6] jikkonfermaw il-valur ta’ qafas strateġiku tal-UE għal azzjoni politika fil-qasam tal-OHS u juru appoġġ qawwi mill-partijiet interessati għal approċċ strateġiku kontinwu fil-livell tal-UE. L-evalwazzjoni tenfasizza l-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-għanijiet, tal-prijoritajiet u tal-metodi ta’ ħidma biex il-qafas politiku tal-UE jiġi adattat għall-bidliet fit-tendenzi tax-xogħol, u għal riskji ġodda u emerġenti.

Fl-2013, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika online[7] sabiex tikseb l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija preċedenti għall-OHS u dwar x’għandu jsir fil-ġejjieni. Il-500 tweġiba u aktar ikkonfermaw il-ħtieġa li tkompli l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE f’dan il-qasam u saru suġġerimenti utli dwar il-kontenut ta’ qafas strateġiku ġdid. Il-parti l-kbira ta’ dawk li wieġbu qisu li għandu jsir aktar biex jonqos il-piż amministrattiv u l-ispejjeż ta’ konformità għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Il-parti l-kbira ta’ dawk li wieġbu indikaw ukoll li dawn l-għanijiet għandhom jissuktaw filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ konformità mal-prinċipji tal-OHS irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija.

Fil-proposta tagħha ta’ qafas strateġiku dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-2014-20, il-Kummissjoni ikkunsidrat kif xieraq bosta kontribuzzjonijiet, kollha favur it-tnedija ta’ inizjattiva politika strateġika, b’mod partikolari dawk li ġew mill-Parlament Ewropew,[8] il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Saħħa u s-Sigurtà (Advisory Committee on Safety and Health - ACSH)[9] u l-Kumitat Għoli tal-Ispettorat tax-Xogħol (Senior Labour Inspectorate Committee - SLIC)[10].

Biex il-proċess ta' konsultazzjoni jkun komplut, il-Kummissjoni organizzat konferenza dwar "il-kondizzjonijiet tax-xogħol"[11] u ġabret flimkien il-partijiet interessati ewlenin biex jiddiskutu l-isfidi ewlenin u l-prijoritajiet għat-titjib tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.

L-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas strateġiku sejra ssir b’mod parallel mal-evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-OHS, li hija mistennija li tipprovdi konklużjonijiet sa tmiem l-2015. Din l-evalwazzjoni, li hija meħtieġa mid-Direttiva Qafas 89/391/KEE u hija inkluża fil-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-Kummissjoni (REFIT),[12] sejra ssaħħaħ il-bażi tal-evidenza għal inizjattivi ġodda possibbli fil-futur. Għal din ir-raġuni, u minħabba l-importanza kruċjali ta’ dan l-eżerċizzju, il-qafas strateġiku attwali ser jiġi rivedut fl-2016 sabiex jikkunsidra bis-sħiħ ir-riżultati tal-evalwazzjoni, ir-reviżjoni tal-istrateġija tal-Ewropa għall-2020.

Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi l-għanijiet strateġiċi ewlenin u medda ta' azzjonijiet għall-promozzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema (parti 4), ibbażati fuq l-identifikazzjoni tal-problemi pendenti (parti 2) u l-isfidi ewlenin (parti 3).

2. Rendikont — Il-progress u l-problemi pendenti fis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol

It-titjib miksub fil-prestazzjoni tal-UE fir-rigward tal-OHS f’dawn l-aħħar 25 sena jista’ jkun attribwit fil-biċċa l-kbira għal-leġiżlazzjoni komprensiva u l-azzjonijiet politiċi mnedija u implimentati mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati bħall-imsieħba soċjali.

Il-parti l-kbira tal-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi stipulati fl-Istrateġija tal-UE għall-OHS 2007‑12 ittieħdu u twasslu.

L-Istrateġija OHS tal-UE pprovdiet qafas komuni għall-koordinazzjoni u sens komuni ta’ direzzjoni. 27 Stat Membru issa għandhom strateġija nazzjonali għall-OHS, adattata għall-kuntest nazzjonali u għall-oqsma ta’ prijorità ewlenin. Bejn l-2007 u l-2011 inkiseb tnaqqis ta' 27.9% fir-rata ta' inċidenza ta' aċċidenti li jwasslu għal assenza ta' aktar minn tlett ijiem[13]. L-inizjattivi ta’ tqajjim tal-għarfien li saru fil-livell tal-UE u anki f’dak nazzjonali kkontribwew għat-tisħiħ ta’ kultura tal-prevenzjoni tar-riskji.

Skont stħarriġ reċenti tal-Eurobarometru[14], maġġoranza kbira ta' ħaddiema jesprimu sodisfazzjon fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza fix-xogħol tagħhom attwali (85%) u aktar minn tliet kwarti (77%) jistqarru li l-informazzjoni u/jew it-taħriġ tal-OSH jinsabu disponibbli fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

L-evalwazzjoni tal-istrateġija OSH 2007-12 ikkonfermat li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kienet b'mod ġenerali effettiva u l-għanijiet ewlenin tagħha nkisbu. L-Istrateġija tal-UE għenet biex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-OHS u l-kjarifika tar-regoli tal-UE. Madankollu, l-implimentazzjoni għadha sfida, b’mod partikolari għall-SMEs, li għandhom diffikultà biex jikkonformaw ma’ xi wħud mir-rekwiżiti regolatorji. Barra minn hekk, kien hemm xi nuqqasijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-impatt fuq il-kumpaniji individwali fil-livell lokali, b’mod speċjali l-SMEs. Filwaqt li l-awtoritajiet governattivi pparteċipaw b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, kien aktar diffiċli li jiġi żviluppat sens ta’ appartenenza fost imsieħba oħrajn tal-UE, b’mod speċjali l-imsieħba soċjali nazzjonali.Il-ġbir tad-dejta statistika u l-iżvilupp ta’ għodod ta’ monitoraġġ ma kinux biżżejjed. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-Istrateġija għall-2007-12 tenfasizza l-ħtieġa ta’ indirizzar aktar effettiv tal-impatt ta’ azzjonijiet preventivi speċifiċi fuq kumpaniji individwali (b’mod speċjali l-SMEs), l-interazzjoni tal-OHS mal-ambjent u l-kimiċi, u l-prevenzjoni effettiva tal-mard okkupazzjonali u tan-nuqqas ta’ saħħa relatat max-xogħol.

Minkejja t-tnaqqis sinifikanti fl-inċidenti u prevenzjoni aħjar, is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol fl-UE għadhom jeħtieġu aktar titjib.

· Kull sena aktar minn 4 000 ħaddiem imutu minħabba inċidenti fuq il-post tax-xogħol u aktar minn tliet miljun ħaddiem huma vittmi ta’ inċident serju fuq il-post tax-xogħol li jwassal għal assenza mix-xogħol ta’ aktar minn tlett ijiem[15].

· 24.2 % tal-ħaddiema jqisu li s-saħħa u s-sikurezza tagħhom huma f’riskju minħabba x-xogħol tagħhom, u 25 % iddikjaraw li x-xogħol kellu effett prinċipalment negattiv fuq saħħithom[16].

· Minbarra t-tbatija umana, l-ispejjeż minħabba l-liv tal-mard relatat max-xogħol huma għoljin b’mod inaċċettabbli. Fil-Ġermanja, 460 miljun ġurnata liv tal-mard fis-sena rriżultaw f’telf stmat ta’ produttività ta’ 3.1 % tal-PDG[17].

· L-ispejjeż għas-sigurtà soċjali attribwibbli għall-mard jew għall-inċidenti huma wkoll għoljin b’mod inaċċettabli. Fis-sena fiskali 2010/11, l-ispiża netta tal-gvern fir-Renju Unit biss kienet stmata għal-£ 2 381 miljun[18].

Biex tonqos l-iskala ta’ dawn il-problemi, hemm bżonn ta’ azzjoni politika sostnuta. Il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tal-politika pubblika dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, inkluża r-regolamentazzjoni, huma ddokumentati sew f’termini ta’ inqas inċidenti, inċidenza aktar baxxa ta’ mard serju u produttività ogħla. Madankollu meta tittieħed azzjoni, wieħed għandu jikkunsidra kif xieraq l-ispejjeż għall-kumpaniji.

3. Liema huma l-isfidi ewlenin?

Ir-rendikont fis-sezzjoni preċedenti juri sfidi ewlenin li huma komuni madwar l-Unjoni u jeħtieġu aktar azzjoni politika.

· L-ewwel sfida: It-titjib tar-rekord ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri, b’mod partikolari bit-titjib tal-kapaċità tal-intrapriżi mikro u żgħar li jistabbilixxu miżuri effettivi u effiċjenti ta’ prevenzjoni tar-riskji

Hemm diversi approċċi għall-implimentazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni dwar l-OHS fost l-Istati Membri. Dan huwa partikolarment rilevanti fir-rigward tal-grad li fih ir-rekwiżiti jkunu ssodisfati fil-kumpaniji privati u l-korpi tas-settur pubbliku, fis-setturi differenti tal-attività ekonomika u fost daqsijiet differenti ta’ kumpaniji.

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-ambitu u l-effettività tal-ġestjoni tal-OHS jibqgħu sfida partikolari għall-intrapriżi mikro u żgħar. L-istabbilimenti ż-żgħar għad għandhom it-tendenza li juru livelli aktar baxxi ta’ konformità mar-regoli nazzjonali u Ewropej, u jirrapportaw inqas miżuri ta’ ġestjoni tal-OHS meta mqabbla mal-istabbilimenti l-kbar.[19]

Il-kawżi ta’ dan huma diversi u jvarjaw minn diffikultà inerenti biex jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet regolatorji u amministrattivi, spiss minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza disponibbli direttament, sa nuqqas ta’ għarfien tal-obbligi, in-nuqqas ta’ gwida jew defiċjenza fl-infurzar. L-ispejjeż ta’ konformità huma wkoll ogħla għall-SMEs.

Fl-Istrateġija 2007-12, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali (EU-OSHA) żviluppaw gwidi u materjal prattiċi dwar il-prattika tajba b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-OHS fl-SMEs. L-għodda elettronika interattiva ta’ evalwazzjoni tar-riskji (OiRA)[20] żviluppata mill-EU-OSHA hija kontribut kbir għall-faċilitazzjoni tal-konformità tal-SMEs mar-rekwiżiti tal-OHS. Madankollu, hemm bżonn ta’ sforz aktar konċentrat fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dawk li jfasslu l-politiki għandhom jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi u l-limitazzjonijiet partikolari ta’ intrapriżi mikro u żgħar meta jfasslu jew jistabbilixxu miżuri regolatorji ta’ OHS. Dawk li jfasslu l-politiki ma jistgħux jassumu li l-obbligi li jirriżultaw mir-regoli tal-OHS sejrin ikunu implimentati bl-istess mod mill-intrapriżi kbar u żgħar, jew li jiswewlhom l-istess.

Jeħtieġ li jkunu stabbiliti soluzzjonijiet aktar sempliċi u aktar effiċjenti biex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tal-intrapriżi mikro u żgħar, u għalhekk tkun garantita protezzjoni effettiva tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol kollha irrispettivament mid-daqs. Dan jeħtieġ is-semplifikar tal-leġiżlazzjoni fejn xieraq, u l-għoti ta’ gwida mfassla u appoġġ lill-intrapriżi mikro u żgħar sabiex tiffaċilita l-valutazzjoni tar-riskji.

· It-tieni sfida: It-titjib tal-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol permezz tal-indirizzar tar-riskji eżistenti, ġodda u emerġenti

Il-mard okkupazzjonali, inkluż mard ikkawżat jew aggravat minn kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, jitfa’ piż tqil fuq il-ħaddiema, il-kumpaniji u s-sistemi tas-sigurtà soċjali.[21] L-estimi l-aktar reċenti disponibbli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO)[22] jindikaw għadd totali ta’ 159 500 marda fatali relatati max-xogħol fl-2008 għall-UE‑27, li minnhom il-kanċer kien il-kawża ewlenija tal-mewt (95 500 każ). Il-fatalitajiet assoċjati mas-sustanzi kimiċi ammontaw għal kważi nofs l-imwiet kollha relatati max-xogħol.

Il-proporzjon ta’ kanċers attribwibbli għall-espożizzjoni fuq ix-xogħol huwa stmat li huwa bejn 4 % u 8.5 %, li, fi Franza pereżempju, jirrappreżenta bejn 14 000 u 30 000 każ ġdid fis-sena, b’nofs dawn il-kanċers ikollhom rati ta’ mwiet għoljin. Ċerti gruppi ta’ ħaddiema huma affettwati b’mod partikolari, bħall-ħaddiema żgħażagħ u l-ħaddiema tal-manutenzjoni, li aktar minn 40 % minnhom instabu li huma esposti għall-karċinoġeni.

Saru sforzi kbar fil-prevenzjoni tal-mard okkupazzjonali u ta’ riskji ġodda jew emerġenti. Ġiet stabbilita leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola l-kimiċi, bl-għan li jkun iggarantit livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent (REACH[23] u CLP[24]), kif ukoll bl-għan li tiġi indirizzata l-espożizzjoni għall-kampi elettromanjetiċi. Fl-istess waqt, ittieħdet azzjoni mhux leġiżlattiva, li kienet tinkludi t-tixrid tal-informazzjoni, l-iskambju ta’ prattika tajba u t-tnedija ta’ kampanji pan-Ewropej biennali ta’ tqajjim tal-kuxjenza mill-EU OSHA.[25]

Għalkemm bosta teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet fl-organizzazzjoni tax-xogħol tejbu b’mod sostanzjali l-benesseri fuq ix-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-prevenzjoni effettiva ta’ mard relatat max-xogħol teħtieġ l-antiċipar tal-effetti negattivi potenzjali ta’ teknoloġiji ġodda fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. L-applikazzjoni industrijali ta’ teknoloġiji ġodda twassal għal prodotti u proċessi ġodda, li jeħtieġu li jkunu ttestjati u vverifikati biżżejjed sabiex ikun assigurat li huma siguri u ma jirrappreżentawx perikli kbar għall-konsumaturi u l-ħaddiema. In-nanomaterjali huma eżempju wieħed, peress li jistgħu jkollhom proprjetajiet uniċi li jeħtieġu metodi ta’ ttestjar għat-tossiċità u għodod ta’ tbassir tar-riskji ġodda mill-fażi tal-iżvilupp tal-prodott ’il quddiem, biex wieħed ikun ikkunsidra kif xieraq l-aspetti tas-sigurtà. Il-livelli rrapportati ta’ espożizzjoni għal xi riskji fiżiċi (b’mod partikolari ‘pożizzjonijiet li joħolqu għeja u uġigħ’ u ‘ċaqliq ripetittiv tal-idejn jew tad-driegħ’) fl-2010 juru li qegħdin jiżdiedu, b’rabta ma’ żieda ġenerali fl-intensità tax-xogħol f’dawn l-aħħar għoxrin sena, fatt li jeħtieġ attenzjoni speċifika għall-iżvilupp ta’ disturbi muskuloskeletali.

Bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol ikkawżati mill-iżviluppi fit-teknoloġija tal-informazzjoni, b’mod partikolari dawk li jippermettu konnettività kostanti, jiftħu possibbiltajiet enormi għal proċessi tax-xogħol flessibbli u interattivi. Hemm ukoll diversità dejjem akbar tal-forza tax-xogħol, kif rifless f’arranġamenti kuntrattwali atipiċi u mudelli tax-xogħol ġodda, u rata ogħla ta’ rotazzjoni fix-xogħol assoċjata ma’ kompiti iqsar ta’ xogħol, b’mod speċjali għall-ħaddiema żgħażagħ. Dawn il-bidliet jeħtieġu attenzjoni speċifika f’termini ta’ saħħa fiżika u mentali. In-nisa jistgħu jiffaċċjaw riskji speċifiċi, bħal disturbi muskuloskeletali jew tipi speċifiċi ta’ kanċer, minħabba n-natura ta’ ċerti impjiegi fejn huma rrappreżentati żżejjed.[26]

Qafas strateġiku ġdid għandu, għalhekk, jagħti attenzjoni partikolari:

lid-disturbi tas-saħħa psikosoċjali u mentali; lill-mard okkupazzjonali u relatat max-xogħol, b’attenzjoni fuq dak l-aktar prevalenti u dak bl-aktar impatt sinifikanti f’termini ta’ mewt, morbożità u /jew assenteiżmu, bħal mard ikkawżat mill-asbestos; lill-kanċers okkupazzjonali, il-mard tal-pulmun, il-mard tal-ġilda, l-ażżma u kundizzjonijiet kroniċi oħrajn; lid-disturbi ergonomiċi u muskuloskeletali; u lir-riskji emerġenti marbuta ma’ teknoloġiji ġodda (eż. nanoteknoloġiji, bijoteknoloġiji u teknoloġiji ekoloġiċi).

· It-tielet sfida: l-indirizzar tal-bidla demografika

Il-popolazzjoni tal-UE qiegħda tixjieħ, bl-għadd ta’ persuni li għandhom 60 sena u aktar fl-UE jiżdiedu b’aktar minn żewġ miljuni kull sena. Il-popolazzjoni tal-ħaddiema qiegħda tixjieħ ukoll, peress li l-proporzjon ta’ ħaddiema anzjani impjegati qed jiżdied meta mqabbel mal-ħaddiema żgħażagħ. Skont it-tbassir demografiku tal-Eurostat (Europop 2010), il-popolazzjoni tal-ħaddiema ta’ bejn il-55 u l-64 sena fl-UE-27 hija mistennija li tiżdied b’madwar 16 % bejn l-2010 u l-2030.

Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-pensjonijiet titlob estensjoni tal-ħajja tax-xogħol sabiex jinżammu sistemi ta’ pensjonijiet adegwati u sostenibbli. Dan ser ikun jeħtieġ kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa.[27]

Saħħa u sikurezza tajbin għall-ħaddiema huma meħtieġa għal ħajja tax-xogħol sostenibbli u tixjiħ attiv u mimli saħħa, b’mod speċjali fid-dawl tal-popolazzjoni tax-xogħol li qiegħda tixjieħ u l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol. Dan jeħtieġ il-ħolqien ta’ ambjent sigur u tajjeb għas-saħħa, matul il-ħajja tax-xogħol ta’ forza tax-xogħol dejjem aktar diversifikata. Il-promozzjoni ta’ kultura ta’ prevenzjoni hija essenzjali biex jinkiseb dan.

It-titwil b’suċċess tal-karrieri jiddependi ħafna fuq adattament xieraq tal-postijiet tax-xogħol u tal-organizzazzjoni tax-xogħol, inkluż il-ħinijiet tax-xogħol, l-aċċessibbiltà tal-post tax-xogħol u interventi fuq il-post tax-xogħol immirati lejn il-ħaddiema aktar anzjani. L-impjegabbiltà tul il-ħajja għandha tiġi żviluppata wkoll biex tlaħħaq mat-tibdil fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema minħabba t-tixjiħ. Prodotti u servizzi tal-ICT innovattivi (eż. għal ‘ħidma’ megħjuna kuntestwalment) joffru medda wiesgħa ta’ għażliet għat-titjib tal-impjegabbiltà. Barra minn hekk, miżuri ta’ reintegrazzjoni u rijabilitazzjoni li jippermettu ritorn bikri għax-xogħol wara inċident jew mard huma meħtieġa biex tiġi evitata l-esklużjoni permanenti tal-ħaddiema mis-suq tax-xogħol.

4. Objettivi strateġiċi ewlenin

Biex tingħata tweġiba b’mod olistiku u transtematiku għat-tliet sfidi identifikati fis-sezzjoni 3, il-Kummissjoni tipproponi firxa ta’ azzjonijiet li għandhom ikunu implimentati jew żviluppati f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn, miġbura taħt seba’ objettivi strateġiċi ewlenin. Il-punt safejn dawn l-objettivi huma milħuqa u l-progress fit-twassil tal-pjan ta’ azzjoni sejrin ikunu s-soġġett ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni sistematiċi, u sejrin ikunu kkunsidrati bħala parti mill-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-OHS.

4.1. Aktar konsolidazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali

Ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-UE huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ u meqjus bħala referenza kredibbli. L-evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-OHS 2007-12 uriet li 27 Stat Membru stabbilixxew strateġiji nazzjonali għall-OHS f’konformità mal-Istrateġija tal-UE. Analiżi fil-qosor tal-istrateġiji nazzjonali wriet li ġeneralment dawn jirriflettu l-prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġiji tal-UE, bl-adattament tagħhom għall-kuntest nazzjonali rilevanti. Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, il-partijiet interessati fil-livell nazzjonali enfasizzaw ir-rwol tal-Istrateġija tal-UE għall-OHS fit-tqegħid tal-OHS fuq quddiem tal-aġenda politika nazzjonali u fl-influwenzar tal-proċessi nazzjonali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’dan il-qasam.

Madankollu hemm lok għal rwol aktar b’saħħtu u aktar sistematiku tal-UE fl-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali, permezz ta’ koordinazzjoni politika, tagħlim reċiproku, l-użu ta’ finanzjament mill-UE u l-iżgurar ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni attwali mill-kumpaniji kollha, irrispettivament mid-daqs.

L-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw ir-reviżjoni tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom fid-dawl tal-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE għall-OHS, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-imsieħba soċjali.

Azzjonijiet sa mill-2014:

· ir-reviżjoni tal-istrateġiji nazzjonali tal-OHS fid-dawl tal-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE ® Stati Membri, f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-imsieħba soċjali;

· l-istabbiliment ta’ database li tkopri l-oqsfa strateġiċi kollha nazzjonali tal-OHS ® il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-EU-OSHA; u

· il-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt għall-istrateġiji nazzjonali (l-Istati Membri) li jiltaqgħu b’mod regolari sabiex jidentifikaw u jiskambjaw prattika tajba ® il-Kummissjoni, EU-OSHA, l-ACSH u l-SLIC.

4.2. Il-faċilitazzjoni tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-OHS, b’mod partikolari mill-intrapriżi mikro u żgħar

L-SMEs għandhom aktar diffikultajiet biex jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji f’dan il-qasam. Għaldaqstant, it-titjib fil-kwalità tal-gwidi u l-għoti ta’ għodod prattiki li jiffaċilitaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-OHS huma kruċjali. Il-ħtiġijiet ta’ intrapriżi mikro u żgħar jiġu kkunsidrati fl-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, inkluż l-adattament xieraq tal-għodod bħall-għodda OiRA.

Azzjonijiet sa mill-2014:

· l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku għall-implimentazzjoni tal-OIRA u ta’ għodod oħrajn ibbażati fuq l-IT fl-Istati Membri, b’attenzjoni fuq is-setturi ta’ prijorità ® l-Istati Membri, b’appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-EU-OSHA;

· l-iżvilupp ta’ gwida u l-identifikazzjoni ta’ eżempji ta’ prattika tajba, b’kunsiderazzjoni tan-natura speċifika u l-kundizzjonijiet tal-SMEs u b’mod partikolari tal-intrapriżi mikro ® il-Kummissjoni u l-EU-OSHA;

· il-promozzjoni ta’ prattika tajba, li permezz tagħha l-SMEs ikunu appoġġjati minn intrapriżi akbar fil-katina tal-kuntrattur-fornitur-xerrej sabiex titjieb l-OHS ® il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-ACSH; u

· l-issuktar tal-kampanji ta’ tqajjim tal-għarfien ® il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-EU-OSHA.

4.3. Infurzar aqwa tal-leġiżlazzjoni dwar l-OHS mill-Istati Membri

Żjara minn spettur tax-xogħol spiss tkun l-ewwel okkażjoni meta kumpanija ssir konxja tar-regolamenti tal-OHS. Dan jindika nuqqas fl-għarfien li jeħtieġ li jkun indirizzat b’mod sistematiku. Huwa kruċjali li l-ispetturi tax-xogħol jitqiesu li qegħdin jiffaċilitaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni pjuttost milli bħala ostakolu għall-attività tan-negozju. L-ispettorati tax-xogħol jaqdu wkoll rwol ewlieni li jidentifikaw u jiskoraġġixxu x-xogħol mhux iddikjarat. Huwa għalhekk li l-ispezzjonijiet, għalkemm dejjem iffukati fuq il-konformità, għandhom ikunu ta’ appoġġ u jpoġġu fil-mira tagħhom ir-riskji speċifiċi. Hemm madwar 20 000 spettur tax-xogħol fl-UE — madwar spettur għal kull 9 000 ħaddiem kopert mill-ispettorati nazzjonali rilevanti tax-xogħol.[28] Dawn iwettqu mal-1 500 000 spezzjoni fis-sena.[29]

L-effettività tal-ispezzjonijiet tax-xogħol tiddependi l-aktar fuq l-esperjenza tal-ispetturi tax-xogħol u l-kapaċità tagħhom li jwettqu dawn l-ispezzjonijiet.

It-taħriġ fl-OHS għall-ispetturi tax-xogħol, b’mod partikolari dwar ir-riskji emerġenti u t-teknoloġiji l-ġodda, huwa meħtieġ biex l-ispezzjonijiet iffukati fuq ir-riskju jsiru kif xieraq. Minħabba r-restrizzjonijiet ta’ baġit, il-programmi ta’ finanzjament tal-UE (inkluż il-FSE) jistgħu jintużaw aħjar biex jipprovdu r-riżorsi meħtieġa lill-ispettorati tax-xogħol.

L-iskambju ta’ prattika tajba bejn l-ispettorati tax-xogħol fil-livell tal-UE kien, u ser ikompli jkun, strument għat-titjib tal-effiċjenza tagħhom.

Azzjonijiet sa mill-2014:

· it-tfassil tar-riżorsi tal-ispettorati tax-xogħol u l-evalwazzjoni tal-kapaċità tagħhom biex iwettqu d-dmirijiet prinċipali tagħhom ta’ infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-OHS ® Kumitat Għoli tal-Ispettorat tax-Xogħol (SLIC);

· l-evalwazzjoni tal-programm ta’ skambju/taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol u l-analiżi ta’ metodi biex jittejbu l-għodod attwali għall-kooperazzjoni fi ħdan l-SLIC, waqt li jitqiesu l-isfidi l-ġodda tal-OHS ® il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-SLIC; u

· l-identifikazzjoni tal-effettività tas-sanzjonijiet u tal-multi amministrattivi imposti mill-Istati Membri, kif ukoll miżuri oħrajn ta’ ‘infurzar minimu’ u modi mhux tradizzjonali ta’ monitoraġġ tal-konformità ® il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri permezz tal-SLIC u l-ACSH.

4.4. Is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti

F’konformità mal-objettivi tal-programm REFIT,[30] jeħtieġ sforz konġunt kontinwu mill-Kummissjoni, istituzzjonijiet oħrajn tal-UE u l-Istati Membri biex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tal-UE u jitneħħa l-piż amministrattiv bla bżonn. Fis-snin li ġejjin, it-tħassib ewlieni għandu jiffoka fuq il-valutazzjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-OHS hijiex adattata għall-iskop tagħha, l-eżami ta’ kif tista’ titjieb l-implimentazzjoni tagħha, u l-iżgurar ta’ konformità aqwa, effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri u fl-intrapriżi.

Skont id-Direttiva 89/391/KEE, il-Kummissjoni hija involuta f’evalwazzjoni komprensiva tal-korp kollu tal-leġiżlazzjoni dwar l-OHS.[31] Bħala parti minn dan l-eżerċizzju, dan l-aħħar l-Istati Membri bagħtu r-rapporti nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' 24 Direttiva OHS. Bħalissa l-Kummissjoni qed tanalizza r-rapporti dwar l-implimentazzjoni nazzjonali li se jidħlu fl-evalwazzjoni.

L-evalwazzjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-identifikazzjoni ta’ simplifikazzjonijiet possibbli u/jew tnaqqis fil-piż amministrattiv, b’mod partikolari għall-intrapriżi mikro u żgħar, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Dan il-proċess huwa rilevanti mhux biss għal-liġi tal-UE iżda wkoll għad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali u legali li jittrasponu l-liġi tal-UE. L-Istati Membri għaldaqstant huma mħeġġa jwettqu eżerċizzju simili b’mod parallel.

Azzjonijiet sa mill-2014:

· l-identifikazzjoni ta’ simplifikazzjonijiet possibbli u/jew it-tnaqqis ta’ piż bla bżonn bħala parti mill-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-OHS, u l-promozzjoni ta’ dibattitu pubbliku mal-partijiet interessati kollha ® il-Kummissjoni u l-ACHS;

· l-Istati Membri jiġu mħeġġa jidentifikaw sorsi ta’ piż regolatorju speċifiku maħluqa mit-traspożizzjoni tagħhom stess tal-leġiżlazzjoni dwar l-OHS u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, u janalizzaw ir-rapporti ta’ implimentazzjoni nazzjonali sabiex jidentifikaw prattika tajba u jippromwovu l-iskambju tal-informazzjoni ® l-Istati Membri f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni; u

· l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-intrapriżi mikro fis-setturi b’riskji baxxi u l-ikkunsidrar ta’ kif l-implimentazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju tista’ tiġi ssimplifikata, inkluża d-dokumentazzjoni ® il-Kummissjoni.

4.5. L-indirizzar tat-tixjiħ tal-forza tax-xogħol, tar-riskji ġodda emerġenti, il-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol u mard okkupazzjonali

Teknoloġiji li jinbidlu, prodotti ġodda u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kimiċi ġodda joħolqu l-ħtieġa tal-ġbir u tal-evalwazzjoni ta’ evidenza xjentifika soda, biex wieħed jidentifika kif ir-riskji ġodda emerġenti jistgħu jiġu indirizzati l-aħjar. L-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari l-Kummissjoni, għandhom jimmobilizzaw l-esperjenza tal-aqwa kwalità disponibbli sabiex jaħdmu fuq dan.

Barra minn hekk, ir-riskji li jaffettwaw lil gruppi ta’ età partikolari, lill-ħaddiema b’diżabilità u lin-nisa jistħoqqilhom attenzjoni partikolari u jeħtieġu azzjoni mmirata. Il-proġett pilota dwar l-OHS għall-ħaddiema anzjani jidentifika modi kif tiġi promossa s-saħħa fiżika u psikoloġika tal-ħaddiema anzjani. Jipprovdi wkoll eżempji ta’ prattika tajba u jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni.[32] Il-Programm Konġunt għall-Għajxien Mgħejun Kuntestwalment jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-isfida ta’ forza tax-xogħol li qiegħda tixjieħ.

Il-valutazzjoni ta’ riskji ġodda emerġenti, ibbażata fuq evidenza xjentifika, u t-tixrid tar-riżultati sejrin ikunu partijiet kruċjali tal-evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni attwali dwar l-OHS.

Azzjonijiet sa mill-2014:

· l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ professjonisti tal-OHS u xjenzati u l-aċċertament tal-ħtieġa li jitwaqqaf korp ta’ konsultazzjoni xjentifiku indipendenti li jgħaddi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-ħidma tal-Kummissjoni à il-Kummissjoni;

· l-appoġġ tat-tixrid tas-sejbiet tal-Osservatorju Ewropew tar-Riskji fost l-atturi rilevanti ® il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-EU-OSHA;

· il-promozzjoni tal-identifikazzjoni u l-iskambju ta’ prattika tajba dwar modi kif jittejbu l-kundizzjonijiet tal-OHS għal kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, eż. ħaddiema anzjani, ħaddiema żgħażagħ mingħajr esperjenza (inklużi dawk impjegati f’forom differenti ta’ kuntratti temporanji), apprentistati, ħaddiema b’diżabilità u n-nisa ® EU-OSHA;

· il-promozzjoni ta’ miżuri ta’ rijabilitazzjoni u ta’ reintegrazzjoni permezz tal-implimentazzjoni tar-riżultati tal-proġett pilota tal-Parlament Ewropew dwar il-ħaddiema anzjani u tal-Kampanja dwar Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu fl-2016‑17 ® il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-EU-OSHA; u

· l-identifikazzjoni u t-tixrid ta’ prattika tajba dwar il-prevenzjoni ta’ problemi tas-saħħa mentali fuq ix-xogħol ® il-Kummissjoni u l-EU-OSHA.

4.6. It-titjib tal-ġbir tad-dejta statistika u l-iżvilupp tal-bażi ta’ informazzjoni

Huwa importanti għat-tfassil tal-politiki bbażati fuq l-evidenza li tinġabar dejta statistika affidabbli, f’waqtha u komparabbli dwar inċidenti u mard relatati max-xogħol, espożizzjonijiet okkupazzjonali, nuqqas ta’ saħħa relatat max-xogħol, u li jiġu analizzati l-ispejjeż u l-benefiċċji fil-qasam tal-OHS. Rigward l-inċidenti fuq ix-xogħol, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 349/2011[33] stabbilixxa li jsir ġbir annwali ta’ dejta li beda fl-2013. Madankollu, għad fadal sfidi rigward id-dejta fuq l-espożizzjonijiet okkupazzjonali u n-nuqqas ta’ saħħa relatat max-xogħol. Għaldaqstant għadu diffiċli li wieħed iqabbel il-prestazzjoni tal-OHS bejn l-Istati Membri u li jagħmel konklużjonijiet politiċi bbażati fuq l-evidenza minn dan it-tqabbil. Is-sitwazzjoni hija partikolarment ikkumplikata f’dak li jirrigwarda l-mard okkupazzjonali u l-mard relatat max-xogħol. L-esperti tal-istatistika nazzjonali u Ewropej għaldaqstant għandhom jaħdmu id f’id u jżidu l-isforzi sabiex itejbu l-ġbir tad-dejta u jiżviluppaw approċċi komuni.

Azzjonijiet sa mill-2014:

· il-valutazzjoni tal-kwalità tad-dejta dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol mibgħuta mill-Istati Membri fil-qafas tal-ġbir ta’ dejta tal-Istatistika Ewropea dwar l-Aċċidenti fuq ix-Xogħol (ESAW), bl-għan li jittejbu l-kopertura, l-affidabbiltà, il-komparabbiltà u l-puntwalità ® il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

· sal-aħħar tal-2016, l-analiżi ta’ għażliet differenti li jistgħu jtejbu d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tad-dejta dwar il-mard okkupazzjonali fil-livell tal-UE u l-analiżi tal-fattibbiltà ta’ trasmissjoni tad-dejta ssimplifikata ® il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

· it-tnedija ta’ diskussjonijiet fi ħdan l-ACSH, b’pariri mingħand l-esperti nazzjonali, bl-għan li jsiru rakkomandazzjonijiet dwar il-ħolqien ta’ database komuni dwar l-espożizzjonijiet okkupazzjonali ® il-Kummissjoni, l-ACSH u l-esperti nazzjonali;

· qabel l-2016, l-analiżi tal-għażliet li jtejbu l-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji fil-qasam tal-OHS; u

· qabel l-2016, l-iżvilupp ta’ għodda għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku tal-UE 2014-2020, inklużi indikaturi ta’ politika u ta’ prestazzjoni, li tibni fuq it-tabella ta’ valutazzjoni tal-istrateġija tal-2009 ® il-Kummissjoni u l-ACSH.

4.7. Jiġu kkoordinati aħjar l-isforzi tal-UE u dawk internazzjonali biex jiġu indirizzati s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHS) u ssir ħidma ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali

F’ekonomija globalizzata, huwa fl-interess tal-UE li tgħolli l-istandards tax-xogħol u ttejjeb l-applikazzjoni effettiva globali tagħhom billi tieħu azzjoni multilaterali b’kooperazzjoni mal-korpi kompetenti internazzjonali, u azzjoni bilaterali fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi. Hija għandha tappoġġja wkoll lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi kandidati potenzjali fit-twettiq tal-kapaċità strutturali u tal-leġiżlazzjoni tagħhom konformi mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE.

Ir-rwol tal-analiżi komparattiva tal-politika tal-OHS tal-UE huwa rikonoxxut fil-parti l-kbira minn sħab u osservaturi internazzjonali. Dan ġie rifless fl-espansjoni rapida ta’ kooperazzjoni bilaterali fl-aħħar snin, mhux biss ma’ sħab tradizzjonali minn ekonomiji żviluppati bħall-Istati Uniti, iżda wkoll u speċjalment ma’ sħab ġodda minn ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja.

Il-Kummissjoni tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis fl-inċidenti tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali madwar id-dinja. Filwaqt li tibni fuq l-isforzi ta’ kooperazzjoni kontinwi, hemm bżonn ta’ sforz konġunt mill-UE, flimkien mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b’mod partikolari, u organizzazzjonijiet oħrajn speċjalizzati bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD), biex jinkisbu riżultati aħjar fi ħdan u speċjalment barra l-UE. Hija meħtieġa kooperazzjoni operattiva mtejba biex tiżgura approċċ konsistenti u koerenti, u biex jiġu sfruttati aħjar is-sinerġiji f’livell tal-UE u internazzjonali.

Azzjonijiet sa mill-2014:

· jibqgħu jiġu appoġġjati pajjiżi kandidati matul negozjati ta’ adeżjoni fuq il-kapitolu 19 u pajjiżi potenzjalment kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-isforzi tagħhom biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni tal-OHS tagħhom mal-liġi tal-UE ® Kummissjoni;

· tiġi msaħħa l-kooperazzjoni tal-OHS, b’mod partikolari mal-ILO, iżda wkoll mal-WHO u l-OECD;

· titnieda reviżjoni tal-Memorandum ta’ Qbil mal-ILO biex jirrifletti aħjar il-politika tal-OHS ® Kummissjoni;

· jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u ta’ investiment tal-UE dwar l-OHS u kondizzjonijiet tax-xogħol ® Kummissjoni;

· jiġu indirizzati, b’mod partikolari, b’mod konġunt mal-ILO, defiċits tal-OHS fil-katina globali tal-provvista u jingħata kontribut għal inizjattivi tal-G20 fuq postijiet tax-xogħol aktar sikuri f’dan ir-rigward ® Kummissjoni; u

· jiġu msaħħa l-kooperazzjoni u d-djalogu kontinwi dwar l-OHS ma’ sħab strateġiċi, inkluż il-konsiderazzjoni ta’ reviżjoni tal-modalitajiet tal-iskambji attwali dwar l-OHS mal-Istati Uniti b’rabta man-negozjati kontinwi fuq ftehim ta’ kummerċ u sħubija transatlantiċi à Kummissjoni.

5. Strumenti tal-UE

5.1. Leġiżlazzjoni

Il-leġiżlazzjoni wriet il-valur tagħha bl-għoti ta’ korp komuni ta’ definizzjonijiet, standards, metodi u strumenti preventivi lill-UE fil-qasam tal-OHS. Qafas leġiżlattiv tal-OHS fl-UE kollha huwa kruċjali biex jinħolqu opportunitajiet indaqs għall-kumpaniji kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, mil-lokalità jew mis-settur ta’ attività. Evidenza turi li t-twettiq tal-obbligi leġiżlattivi u miżuri ta’ infurzar meħuda mill-korpi tal-kontroll, inklużi spettorati tax-xogħol, jibqgħu xprunaturi ewlenin għall-ġestjoni tal-OHS fil-maġġoranza tal-istabbilimenti.[34]

Madankollu, minħabba l-varjetà ta’ sitwazzjonijiet fil-prattika f’termini ta’ daqs tal-kumpanija u d-diversità tal-forza tax-xogħol, u l-ħtieġa li jitfasslu miżuri ta’ politika mmirati u effettivi, l-għodod mhux leġiżlattivi għandhom jintużaw ukoll biex jagħmlu differenza fil-prattika. Dawn jinkludu analiżi komparattiva, l-identifikazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajba, sensibilizzazzjoni, stabbiliment ta’ normi volontarji u għodod tal-IT faċli għall-utent.

Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-OHS mill-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata konformità xierqa. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni kontinwa tal-leġiżlazzjoni tal-OHS tal-UE se jgħinu biex jagħtu forma lill-inizjattivi futuri tal-Kummissjoni.

5.2. Fondi tal-UE

Bħalissa, 13-il Stat Membru tal-UE jużaw il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex itejbu l-politiki nazzjonali tal-OHS tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa biex jużaw l-FSE u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) oħra biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet relatati mal-OHS. Għall-perjodu ta’ 20 programmazzjoni tal-2014, il-finanzjament mill-FSE se jkun disponibbli biex jappoġġja azzjonijiet li jimmiraw inter alia li jippromwovu impjiegi sostenibbli, ta’ kwalità u inklużjoni soċjali permezz, b’mod partikolari, ta’:

- Il-prijorità ta’ investiment fuq “l-adattabilità tal-ħaddiema, tal-intrapriżi u tal-intraprendituri għall-bidla” billi jitfasslua u jiġu implimentati metodi innovattivi u aktar produttivi għall-organizzazzjoni tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, taħriġ, programmi ta’ edukazzjoni, l-integrazzjoni ta’ prattiki tajbin, eċċ.

- L-estensjoni ta’ ħajjiet tax-xogħol aktar sani permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex wieħed jippromwovi ambjent u benesseri mentali sani fuq ix-xogħol. Dan jista’ jiġi indirizzat permezz tal-prijorità ta’ investiment dwar “tixjiħ attiv u b’saħħtu”.

- L-appoġġ fir-reklutaġġ u r-ritorn għax-xogħol ta’ persuni b’mard kroniku jew rari, diżabilità jew disturbi ta’ saħħa mentali permezz ta’ mogħdijiet integrati li jikkombinaw forom differenti ta’ miżuri ta’ impjegabilità bħal appoġġ individwalizzat, konsulenza, gwida, aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ġenerali u vokazzjonali, kif ukoll aċċess għal servizzi, b’mod partikolari servizzi relatati mas-saħħa u servizzi soċjali.

- L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jippromwovu stili ta’ ħajja sani u jindirizzaw determinanti tas-saħħa ta’ kawżi okkupazzjonali/ambjentali (eż. espożizzjoni għal sustanzi tossiċi, duħħan tat-tabakk fl-ambjent) li huma marbuta ma’ mard inkluż il-kanċer.

- L-appoġġ f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni/taħriġ li jkunu mmirati għal spetturi tax-xogħol, sabiex itejbu l-għarfien/l-ħiliet u l-kapaċità amministrattiva fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

- L-appoġġ f’attivitajiet ta’ taħriġ imwettqa minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-OiRA u għodod oħrajn ibbażati fuq l-IT madwar l-Istati Membri kollha.

Barra minn hekk, il-programm operattiv għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) se jintuża biex ikunu appoġġjati azzjonijiet li jippromwovu l-kooperazzjoni, il-komunikazzjoni u l-ġbir ta’ kompetenza fil-qasam tal-OHS.

Is-Seba’ Programm Qafas (2007-13) u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-2014 sal-2020 (Orizzont 2020[35]) tal-UE jipprovdu bl-istess mod opportunitajiet finanzjarji biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà ta’ saħħa, bidla demografika u benesseri. Oqsma importanti jinkludu:

fehim tas-saħħa; xjuħija u mard; titjib ta’ tixjiħ attiv u b’saħħtu; promozzjoni effettiva tas-saħħa; prevenzjoni tal-mard, u tħejjija u skrinjar.

Dawn jirriflettu l-ħtieġa għal approċċ integrat “translazzjonali” għall-isfidi, u jipprovdu appoġġ kemm għal attivitajiet ta’ riċerka fuq terminu itwal jew ta’ nofs it-terminu kif ukoll attivitajiet ta’ innovazzjoni fuq terminu iqsar.

Ġiet proposta innovazzjoni abilitata mill-ICT għal tixjiħ Attiv u b’Saħħtu għar-reġjuni biex tkun immarkata bħala wieħed mill-oqsma prijoritarji intelliġenti ta’ speċjalizzazzjoni għall-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Allinjament u sinerġiji mas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu u mal- (it-tieni) Programm Konġunt dwar il-Ħajja Assistita Attiva jipprovdu aktar għażliet ta’ finanzjament u għażliet għall-iżvilupp tas-suq.

5.3. Djalogu soċjali

Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sħab soċjali tal-UE għandhom rwol importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-OHS u fil-promozzjoni ta’ ambjent sikur u san fl-Ewropa. Sħab soċjali tal-UE wrew il-kapaċità li jsibu soluzzjonijiet li jissodisfaw l-interessi kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-kumpaniji, u dawn ikkontribwixxew direttament għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-UE f’dan il-qasam. Ftehimiet ta’ sħab soċjali tal-UE (eż. il-ftehim multi-settorjali dwar is-silika kristallina u ftehimiet settorjali dwar l-użu ta’ strumenti li jaqtgħu fis-settur tal-kura tas-saħħa u dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol fis-settur marittimu), implimentati b’mod awtonomu jew permezz ta’ leġiżlazzjoni[36], u inizjattivi oħra ta’ sħab soċjali għandhom impatt dirett fuq is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-ħidma tal-isħab soċjali tal-UE u l-affiljati nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-politiki tal-OHS taħt il-programmi ta’ ħidma awtonomi tagħhom. Hija tistieden lill-kumitati għad-djalogu soċjali biex jikkunsidraw kif jilħqu b’mod effettiv mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi ta’ OHS. Is-sħab soċjali tal-UE huma wkoll mistiedna biex jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni kontinwa tal-acquis leġiżlattiv tal-UE.

Hemm bżonn li jittejbu s-sinerġiji bejn il-kontribuzzjonijiet tad-djalogu soċjali tal-UE f’livell transindustrijali jew settorjali u l-implimentazzjoni ta’ prijoritajiet strateġiċi tal-UE dwar l-OHS, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ l-awtonomija tas-sħab soċjali.

5.4. Komunikazzjoni u informazzjoni

Is-suċċess ta’ kwalunkwe politika tal-OHS jiddependi ħafna fuq l-effettività tal-kanali ta’ komunikazzjoni u l-għodod użati biex jintlaħqu d-diversi atturi kkonċernati, minn dawk li jfasslu l-politika għall-ħaddiema nfushom.

Mezzi bħall-Internet, applikazzjonijiet online u netwerks soċjali jipprovdu firxa ta’ għodod possibbli li għandhom jiġu esplorati ulterjorment b’mod li jistgħu jkunu aktar effettivi minn approċċi konvenzjonali sabiex jintlaħqu ħaddiema aktar żgħażagħ. Il-Kummissjoni sejra tħeġġeġ involviment usa’ ta’ partijiet interessati, inklużi sħab soċjali, esperti tal-OHS, rappreżentanti ta’ mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u assoċjazzjonijiet professjonali, fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-OHS.

L-EU-OSHA għandha rwol kruċjali fil-ġbir u d-diffużjoni ta’ informazzjoni rilevanti dwar l-OHS, l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ prattiki tajba u l-iżvilupp ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u b’hekk tikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-politika tal-OHS f’livell tal-UE.

L-iżvilupp ta’ bażi tad-dejta ta’ prattiki tajba tal-OHS mill-EU-OSHA se jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aħjar tal-politiki tal-OHS mill-kumpaniji.

L-EU-OSHA se tkompli twettaq kampanji pan-Ewropej biex tqajjem għarfien dwar kwistjonijiet tal-OHS, filwaqt li tiġi żgurata interazzjoni aħjar bl-użu tal-midja soċjali.

5.5. Sinerġiji ma’ oqsma oħra ta’ politika

Il-politika pubblika f’oqsma oħrajn tista’ tikkontribwixxi għal ambjent tax-xogħol imtejjeb. Jeħtieġ li sinerġiji potenzjali b’politika tal-OHS jiġu esplorati b’mod aktar attiv. L-oqsma ewlenin f’dan ir-rigward huma kif ġej:

L-edukazzjoni: Is-sensibilizzazzjoni dwar l-OHS tibda fl-iskola. Kien hemm rakkomandazzjonijiet sabiex ikunu riflessi aħjar il-kwistjonijiet tal-OHS fil-kurrikula skolastiċi (speċjalment fit-taħriġ vokazzjonali) kif ukoll sabiex ikunu promossi aħjar is-saħħa mentali u l-benesseri.[37] Kien hemm proġetti pilota ta’ suċċess[38] iżda r-riżultati ta’ dawn jeħtieġ li jiġu diffużi aħjar. Informazzjoni u taħriġ għall-intraprendituri jeħtieġ li jkomplu; Ir-riċerka: Il-prijoritajiet tar-riċerka tal-OHS ġew stabbiliti, li jiffokaw fuq l-impatt tat-tixjiħ, il-globalizzazzjoni, it-teknoloġiji ġodda u okkupazzjonali, il-mard relatat max-xogħol u d-diżabilitajiet. Hemm bżonn li r-riżultati ta’ din ir-riċerka jiġu diffużi aħjar u jiġu riflessi aħjar fit-tfassil tal-politika; Is-saħħa pubblika: Hija meħtieġa koordinazzjoni aħjar bejn dawk li jfasslu l-politika f’dan il-qasam, sabiex jibnu fuq programmi u linji gwida eżistenti u joħolqu sinerġiji. Hija meħtieġa kooperazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin (utenti aħħarin, awtoritajiet pubbliċi, l-industrija) permezz tal-Azzjoni Konġunta dwar is-saħħa mentali u l-benesseri u fi ħdan is-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b’saħħtu.[39] Dan se jtejjeb il-kondizzjonijiet għall-adozzjoni tal-innovazzjoni u l-investiment fl-innovazzjoni; L-ambjent: Għandhom isiru sforzi fuq it-tfassil ta’ politiki kumplimentari u koerenti dwar l-ambjent u dwar il-ħarsien tal-ħaddiema, peress li l-post tax-xogħol jista’ jitqies bħala mikro-ambjent fejn tista’ sseħħ espożizzjoni simili għal sustanzi perikolużi, għalkemm f’livelli u ma’ fatturi determinanti speċifiċi; Il-politika industrijali: Soluzzjonijiet sempliċi, bħal gwida dwar kif jiġu evitati inċidenti jew tiġi indikata l-espożizzjoni għall-vibrazzjoni, jistgħu jgħinu lill-SMEs biex jimplimentaw l-OHS b’mod aktar kost-effettiv, għaliex dawn ma jkollhomx bżonn iqabbdu esperti tal-OHS biex iwettqu valutazzjonijiet. Għandhom isiru sforzi biex tiġi żgurata l-koerenza u jinħolqu sinerġiji bejn il-politika industrijali u l-politika dwar il-ħarsien tal-ħaddiema, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sustanzi kimiċi. L-ugwaljanza: Politika tal-OHS tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs fil-politiki tal-UE, b’mod partikolari billi tippromwovi l-implimentazzjoni preċiża tad-Direttiva 2000/78/KE[40] relatata mal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol ta’ persuni b’diżabilità u d-Direttiva 2006/54/KE[41] li tipprojbixxi trattament inqas favorevoli ta’ nisa fuq il-post tax-xogħol minħabba tqala jew maternità.

6. Implimentazzjoni tal-qafas strateġiku dwar l-OHS

Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi qafas għall-azzjoni, kooperazzjoni u skambju ta' prattiċi tajba fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali fl-2014-20 li jista’ jiġi implimentat biss bil-kollaborazzjoni attiva tal-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab soċjali. Għalhekk, il-Kummissjoni sejra torganizza dibattitu miftuħ mal-partijiet interessati ewlenin fil-forums rilevanti dwar il-fehmiet u l-proposti li jinsabu f’din il-komunikazzjoni u se tinvolvihom fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet fejn xieraq. Fehmiet riċevuti mill-istituzzjonijiet tal-UE, sħab soċjali, kumitati speċjalizzati bħall- Kumitat Konsultattiv għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH) u l-Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol (SLIC), u l-EU-OSHA se jkunu ta’ importanza partikolari.

Dan il-qafas strateġiku għandu jiġi rivedut fl-2016 fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjoni ex post tal-acquis tal-OHS tal-UE u l-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku, bl-użu ta’ forums eżistenti u bl-involviment sħiħ tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati rilevanti kollha.

[1] L-Artikoli 151 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

[2] COM(2010) 2020 u COM(2014) 130 finali.

[3] COM(2012) 0173 finali.

[4] L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (ISSA), The return on prevention: Calculating the costs and benefits of investments in occupational safety and health in companies (Ir-redditu mill-prevenzjoni: Il-kalkolu tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-investimenti fis-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fil-kumpaniji), http://www.issa.int.

[5] BenOSH, Socio-economic costs of accidents at work and work-related ill health (L-ispejjeż soċjoekonomiċi tal-inċidenti fuq ix-xogħol u n-nuqqas ta’ saħħa relatat max-xogħol), http://ec.europa.eu/social.

[6] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (2013) 202.

[7] http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=333&langId=en&consultId=13&visib=0&furtherConsult=yes.

[8] Ir-Risoluzzjoni tal-Parlament Ewropew A7-0409/2011 tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-reviżjoni intermedja tal-istrateġija Ewropea; ir-Risoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2013/2685(RSP) tat-12 ta’ Settembru 2013 dwar l-istrateġija Ewropea dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.

[9] Opinjoni adottata fl-1 ta’ Diċembru 2011.

[10] Opinjoni adottata fid-9 ta’ Frar 2012.

[11] Il-Konferenza dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol tat-28 ta' April 2014. http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=88&eventsId=979&furtherEvents=yes

[12] COM(2012) 746.

[13] Statistika Ewropea dwar l-Aċċidenti fuq ix-Xogħol, (ESAW), Stima tal-Eurostat. Dejta għan-NACE Rev. 2 is-setturi A C-N.

[14] Flash Eurobarometer on Working Conditions http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_404_391_en.htm#398

[15] Statistika Ewropea dwar l-Aċċidenti fuq ix-Xogħol (ESAW), 2011.

[16] Stħarriġ Ewropew tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (EWCS), 2010.

[17] Ir-rapport tal-BAuA u tal-Ministeru tax-Xogħol dwar Is-Saħħa u s-Sikurezza fuq ix-Xogħol, 2011.

[18] L-ispejjeż għar-Renju Unit ta’ fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol u korrimenti u nuqqas ta’ saħħa rrappurtati personalment, 2010/11, HSE, 2013.

[19]             Id-daqs tal-istabbiliment, l-industrija u l-pajjiż huma l-aktar fatturi determinanti tal-iskala ta’ ġestjoni tal-OHS fl-istabbilimenti, skont ir-rapport tal-Istħarriġ Ewropew tal-2012 tal-Intrapriżi dwar ir-Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER).

[20] http://www.oiraproject.eu/ OiRA hija pjattaforma elettronika li tippermetti l-ħolqien ta’ għodod ta’ valutazzjoni tar-riskji settorjali fi kwalunkwe lingwa b’mod faċli u standardizzat. Tippermetti l-bini ta’ għodod online faċli biex jintużaw u mingħajr ħlas li jistgħu jgħinu lill-organizzazzjonijiet mikro u żgħar jistabbilixxu proċess ta’ valutazzjoni tar-riskji pass pass — li tibda mill-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ azzjonjiet preventivi, u tispiċċa bil-monitoraġġ u r-rappurtar.

[21] Ara, pereżempju, studju speċifiku dwar din il-kwistjoni: Binazzi et al., The burden of mortality with costs in productivity loss from occupational cancer in Italy (Il-piż tal-imwiet bl-ispejjeż fit-telf tal-produttività minħabba l-kanċer okkupazzjonali fl-Italja), American Journal of Industrial Medicine, 2013 Nov; 56(11): p. 1272-9.

[22] http://www.ilo.org/safework/lang--en/index.htm

http://www.ilo.org/public/english/region/eurpro/moscow/areas/safety/docs/safety_in_numbers_en.pdf.

[23] Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), ĠU L 136, 29.5.2007.

[24] Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 wara l-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, ĠU L 353, 31.12.2008.

[25] Kampanja tal-EU-OSHA 2012-13 dwar kif ‘Naħdmu flimkien għall-Prevenzjoni tar-Riskji’.

Kampanja tal-EU-OSHA 2010-11 dwar il-‘Manutenzjoni mingħajr Periklu’.

Kampanja tal-EU-OSHA 2008-09 dwar il-‘Valutazzjoni tar-Riskju’.

Kampanja tal-EU-OSHA 2007-08 dwar ‘L-Inizjattiva għal Post tax-Xogħol mingħajr Periklu’.

[26] EU-OSHA, 2013. New risks and trends in the safety and health of women at work. (Riskji u tendenzi ġodda fis-saħħa u s-sikurezza tan-nisa fuq il-post tax-xogħol) https://osha.europa.eu/en/publications/reports/new-risks-and-trends-in-the-safety-and-health-of-women-at-work/view.

[27] White paper. An agenda for adequate, safe and sustainable pensions, (Aġenda għal pensjonijiet adegwati, siguri u sostenibbli) COM(2012) 55 finali.

[28] Ir-rapporti tal-Ispettorati Nazzjonali tax-Xogħol, 2011, mibgħuta lill-SLIC.

[29] Ir-rapporti tal-Ispettorati Nazzjonali tax-Xogħol, 2009, mibgħuta lill-SLIC.

[30] COM(2013) 685 finali.

[31]  Skont l-Artikolu 17a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

[32] https://osha.europa.eu/en/priority_groups/ageingworkers/ep-osh-project.

[33] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 349/2011 tal-11 ta’ April 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, fir-rigward tal-istatistika dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol, ĠU L 97, 12.4.2011, p. 3–8.

[34] Stħarriġ Ewropew ta’ Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER) — Il-ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà waqt ix-xogħol, Rapport tal-Osservatorju Ewropew tar-Riskju tal-2010.

[35] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-20), COM(2011) 809 finali.

[36] Fil-każ ta’ implimentazzjoni permezz ta’ leġiżlazzjoni, wara evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, li tkopri r-rappreżentattività, il-konformità mal-liġi tal-UE, l-impatt fuq l-SMEs u l-analiżi kostijiet-benefiċċji fejn xieraq.

[37] OECD (2012), Sick on the Job? Myths and Realities about Mental Health and Work, Mental Health and Work.

[38] L-integrazzjoni jew l-“implimentazzjoni” tal-OHS fl-edukazzjoni tifforma parti ewlenija mill-iżvilupp ta’ kultura ta’ prevenzjoni billi tgħallem lit-tfal u lill-adulti żgħażagħ biex jgħixu u jaħdmu b’mod sikur. L-EU-OSHA tipprovdi kwantità kbira ta’ informazzjoni ta’ prattika tajba f’dan il-qasam. https://osha.europa.eu/mt/topics/osheducation.

[39] http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm?section=active-healthy-ageing&pg=about.

[40] Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol, ĠU L 303, 2.12.2000.

[41] Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (riformulazzjoni), ĠU L 204, 26.7. 2006, p. 23.