52014DC0228

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju /* COM/2014/0228 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju

Werrej

1..... Introduzzjoni. Error! Bookmark not defined.

2..... IL-PROGRAMM TAL-UE TAL-politika tal-ISPETTRU TAR-RADJU.. 3

2.1.     Inventarju tal-ispettru. 4

2.2.     Broadband mingħajr fili 4

2.2.1.       L-implimentazzjoni tal-banda ta' 800 MHz. 5

2.3.     Użu komuni 6

2.3.1.       Spettru mhux liċenzjat 7

2.3.2.       Aċċess komuni liċenzjat (LSA) 8

2.4.     Politika oħra tal-UE.. 8

3..... Id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju.. 8

4..... Konklużjonijiet. 9

1.           Introduzzjoni

Dan ir-rapport iwieġeb għar-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 243/2012/UE[1] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (l-RSPP), li jistipula li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-attivitajiet żviluppati u l-miżuri adottati skont l-RSPP sa April 2014. L-obbligi ta’ rappurtar dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju jinsabu wkoll fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 676/2002/KE[2] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju). Dan ir-rapport għalhekk jgħaqqad dawn l-obbligi f’rapport konċiż.

L-ispettru tar-radju huwa l-bażi għall-komunikazzjoni mingħajr fili bħall-Wi-Fi u l-mowbajls, u riżorsa ewlenija għal setturi oħra inkluż ix-xandir, il-manifattura u t-trasport, u servizzi essenzjali mhux kummerċjali bħad-difiża, is-servizzi ta’ emerġenza u l-ħarsien tal-ambjent. L-ispettru tar-radju huwa riżorsa naturali limitata u li tista' terġa' tintuża, u li hemm domanda għolja għaliha; u l-apparat li jagħmel użu minnha faċilment jista' jaqsam il-fruntieri. L-użu kemm jista’ jkun effiċjenti tal-ispettru fis-suq intern kollu, inkluż il-kondiviżjoni tal-ispettru bejn applikazzjonijiet u utenti differenti, jitlob koordinazzjoni fuq livell internazzjonali u fuq livell Ewropew, waqt li jitqies l-impatt tiegħu fuq il-politiki tal-UE.

2.           Il-Programm tal-UE tal-politika tal-ispettru tar-radju

L- RSPP jiddefinixxi objettivi ta’ politika ewlenin u jistipula prinċipji ġenerali għall-ippjanar strateġiku u għall-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru sabiex ikun żgurat il-funzjonament tas-suq intern. L-RSPP, li huwa msejjes fuq dawn il-prinċipji, jidentifika l-prijoritajiet għall-azzjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet broadband mingħajr fili, u l-medja awdjoviżiva, kif ukoll oqsma oħra ta’ politika tal-UE bħall-programm Galileo, il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja Koperniku, it-trasport, is-saħħa, ir-riċerka, il-protezzjoni ċivili u l-għajnuna f’diżastri, l-ambjent u l-qasam tal-applikazzjonijiet li jiffrankaw l-enerġija.

Il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet implimentattivi speċifiċi li jappoġġaw oqsma ta’ politika speċifiċi tal-UE, skont id-Deċiżjoni dwar l-ispettru tar-radju u l-RSPP. L-oqsma ta’ politika tal-UE speċifiċi jinkludu:

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa: l-armonizzazzjoni tal-ispettru għall-broadband mingħajr fili kif ukoll għal apparat ta' medda qasira li jiffaċilita l-applikazzjonijiet tal-“internet tal-oġġetti”.

L-Ajru Uniku Ewropew: L-armonizzazzjoni tal-ispettru għall-komunikazzjonijiet mobbli abbord inġenji tal-ajru

It-trasport marittimu u tal-art: L-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru, fost l-oħrajn, għal sistemi tat-trasport intelliġenti inklużi sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi u sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tkompli l-ħidma tagħha dwar il-politika tal-ispettru f’kollaborazzjoni mal-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju (RSC), il-Grupp ta’ Politika tal-Ispettru tar-Radju (RSPG)[3] u l-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT).[4]

Il-Kummissjoni qed tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq diversi prijoritajiet relatati mal-ispettru mfissra fit-taqsimiet hawn taħt.

2.1.        Inventarju tal-ispettru

L-Artikolu 9 tal-RSPP stipula l-inventarju tal-ispettru sabiex l-utenti privati u pubbliċi jkunu jistgħu janalizzaw id-diversi tipi ta' użu tal-ispettru, bil-għan li jinkiseb għarfien aħjar dwar l-użu attwali tal-ispettru. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni tipproponi miżuri għal użu aktar effiċjenti tal-ispettru sabiex tiġi żgurata konnettività sostenibbli mingħajr fili. Dan jista’ jinkludi skambju ta’ opportunitajiet f’bandi ma' utenti eżistenti jew bandi ta' identifikazzjoni li jistgħu jiġu allokati jew riallokati, sabiex tittejjeb l-effiċjenza, tiġi mħeġġa l-innovazzjoni u tittejjeb il-kompetizzjoni. Din il-ħidma se tgħin lill-Kummissjoni tidentifika spettru suffiċjenti u xieraq għall-broadband mingħajr fili bil-għan li jiġu ddeżinjati l-210 MHz addizzjonali meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ 1200 MHz tal-RSPP ta’ bandi armonizzati għall-broadband mingħajr fili.

Skont l-Artikolu 9(2) tal-RSPP, f’April 2013 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/195/UE[5] li tiddefinixxi arranġamenti prattiċi, formati uniformi u metodoloġija għal inventarju dwar l-ispettru tar-radju. Din id-Deċiżjoni tobbliga lill-Istati Membri biex ikomplu jdaħħlu d-dejta dwar is-Sistema Ewropea dwar il-frekwenza tal-informazzjoni (EFIS),[6] u biex jipprovdu d-dejta addizzjonali disponibbli kollha, jiġifieri dejta mhux miġbura fl-EFIS, lill-Kummissjoni f’format li jista’ jinqara minn magna fil-perjodu bejn l-2013 u l-2015.

Skont l-Artikolu 9(4) tal-RSPP, il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-analiżi tat-tendenzi teknoloġiċi, tal-ħtiġijiet futuri u tad-domanda għall-ispettru f’rapport separat dwar l-inventarju, li huwa ppjanat għal nofs l-2014.

2.2.        Broadband mingħajr fili

L-Artikolu 3(b) tal-RSPP jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkooperaw fl-allokazzjoni ta' mill-inqas 1 200 MHz ta’ spettru sal-2015 sabiex tintlaħaq id-domanda dejjem tikber mit-traffiku tad-dejta mingħajr fili. Sal-lum, permezz ta’ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, ġie armonizzat total ta’ 990 MHz għall-broadband mingħajr fili. L-Istati Membri, bħala medja, assenjaw madwar 600 MHz abbażi ta’ dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

Sabiex tinkiseb il-mira ta' 1 200 MHz, qed jitwettqu studji f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Ta' importanza politika partikolari huwa l-futur tal-medda UHF (470-790 MHz) li għaliha qed jikkompetu servizzi differenti: servizzi awdjoviżivi u tal-broadband, mikrofoni mingħajr fili, netwerks għall-ħarsien tal-pubbliku tagħmir għall-għajnuna f'diżastri u ta' spazju abjad. Il-Kummissjoni qed tfittex il-konsulenza strateġika tal-RSPG[7] u stabbilixxiet Grupp ta’ Livell Għoli ta' partijiet interessati[8] dwar l-użu potenzjali futur tal-ispettru tal-UHF. Il-Kummissjoni tixtieq issib sitwazzjoni ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet għas-setturi broadband mingħajr fili u tax-xandir.

Miexja wkoll il-ħidma biex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għal tagħmir għall-Avvenimenti Speċjali u l-Ħolqien ta' Programmi awdjo (PMSE) (eż. mikrofoni mingħajr fili), skont l-Artikolu 6(6) tal-RSPP u biex jiġi antiċipat użu aktar effiċjenti tal-banda tal-UHF. Huwa xieraq u f’waqtu li l-komunità tal-PMSE tingħata ċertezza fir-rigward id-disponibbiltà kontinwa tal-ispettru għal mikrofoni mingħajr fili. Il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet mal-Istati Membri fil-Kumitat għall-Ispettru tar-Radju dwar spettru ta' armonizzazzjoni ta' abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni għal PMSE awdjo ppjanata għall-adozzjoni fit-tieni nofs tal-2014.

Bħala parti mill-proċess tal-inventarju, bħalissa għaddejjin studji tekniċi u tinsab għaddejja analiżi biex jiġi aċċertat jekk il-koeżistenza ta’ broadband mingħajr fili mas-servizzi eżistenti tistax tiġi prevista f'bandi oħra eżistenti.

L-Artikolu 6(2) tal-RSPP jobbliga lill-Istati Membri biex sal-2012 jawtorizzaw l-użu tal-bandi ta’ frekwenzi diġà armonizzati fuq livell tal-UE.[9] Il-Kummissjoni ilha taħdem biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha tal-obbligi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 6(2), billi tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi ittri pilota li ntbagħtu lil 23 Stat Membru u t-tnedija ta’ proċedura ta' ksur.

2.2.1.     L-implimentazzjoni tal-banda ta' 800 MHz

L-Artikolu 6(4) tal-RSPP jobbliga lill-Istati Membri jwettqu proċess ta’ awtorizzazzjoni sabiex jippermettu banda ta' 800 MHz, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala "l-banda tad-dividend diġitali”, biex sal-1 ta’ Jannar 2013 tintuża biex tipprovdi servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Fuq il-bażi ta’ talbiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tat derogi speċifiċi għal Stati Membri fejn iċ-ċirkostanzi nazzjonali jew lokali eċċezzjonali jew problemi tal-koordinazzjoni tal-frekwenzi trasfruntieri waqqfu d-disponibbiltà tal-banda (Table 1).

Erbatax-il Stat Membru fittxew derogi; tnejn ġew miċħuda fl-intier tagħhom minħabba li ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(4). Il-Kummissjoni illimitat kemm jista' jkun possibbli d-durata tad-derogi għat-12-il pajjiż l-oħra, waqt li qieset kull ċirkostanza speċifika. Ingħataw biss parzjalment żewġ talbiet għal deroga u erba’ oħra ingħataw għal durata iqsar milli mitlub. Filwaqt li l-Kummissjoni fittxet li tevita konsegwenzi negattivi għal Stati Membri ġirien, id-derogi kienu prinċipalment iġġustifikati minn diffikultajiet fit-tifi ta' TV analogi minħabba sitwazzjonijiet ġeografiċi jew ekonomiċi speċifiċi, jew problemi ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi. Fil-Bulgarija l-ispettru ta' 800 MHz se jkompli jintuża, minħabba li skont l-Artikolu 1(3) tal-RSPP, hija nnotifikat li l-armata għadha qed tagħmel użu mill-banda ta' 800MHz sakemm it-tagħmir jitneħħa mill-użu gradwalment. Matul l-aħħar sentejn, l-RSPG offra l-influwenza tiegħu biex jgħin lill-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' koordinazzjoni transfruntieri fl-Unjoni; madanakollu din il-medjazzjoni siewja xxekklet min-nuqqas ta' setgħat ta' infurzar ċari.

Tabella 1 — Allokazzjoni u derogi tal-banda armonizzata ta' 800 MHz

Status || Stati Membri || Għadd ta' SM

Allokazzjoni fl-2012 jew qabel || ES*, DK, DE, IE, FR, IT, LU, NL, PT, SE, HR || 11

Allokazzjoni fl-2013** || LT, AT, SK, FI, CZ, BE, ir-Renju Unit, EE*** || 8

Deroga sal-1.1.2014 || ES || 1

Deroga sal-5.4.2014 || RO || 1

Deroga sat-30.6.2014 || HU || 1

Deroga sat-30.10.2014 || EL || 1

Deroga sal-31.12.2014 || MT || 1

Deroga sat-30.6.2015 || LV || 1

Deroga sal-aħħar tal-2015 || CY || 1

Għadha ma ġietx allokata || BG (użu militari notifikat skont l-Art.1(3)); PL (deroga sal-aħħar tal-2013, iżda tard), SI. || 3

*          Minkejja li ġiet assenjata fl-2011, id-deroga għandha sal-1.1.2014.

**        Inklużi derogi sal-1 ta’ Jannar 2014

***      40 MHz biss allokati (20 MHz 40 MHz allokati f'Jannar 2014)

Fir-rigward is-Servizzi ta’ Komunikazzjoni Elettronika (ECS) l-RSPP jobbliga lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tindirizza r-riskju possibbli ta’ frammentazzjoni tas-suq intern minħabba l-kriterji u l-proċeduri tal-għażla diverġenti għal spettru armonizzat. Dan għandu jsir billi tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni, u billi tiġi mħeġġa l-kondiviżjoni tal-informazzjoni sabiex tiżdied il-konsistenza madwar l-Unjoni. Madankollu, l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-broadband mingħajr fili tal-RSPP u mill-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni nazzjonali f’dawn l-aħħar sentejn, turi li l-RSPP ma stimulax biżżejjed is-suq uniku, u dan wassal għal konverġenza ta’ kundizzjonijiet tal-liċenzjar, l-integrazzjoni tan-netwerks jew l-investiment fil-broadband mingħajr fili u t-tixrid tiegħu b’rati komparabbli ma’ dawk ta’ reġjuni oħra jew meħtieġa biex sal-2020 tinkiseb il-mira tad-DAE ta’ 30 Mbps għal kulħadd.

2.3.        Użu komuni

L-Artikolu 4 tal-RSPP jgħid li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, fejn xieraq, jieħdu miżuri biex itejbu l-effiċjenza u l-flessibbiltà b’mod partikolari permezz tal-użu komuni u kondiviż tal-ispettru sabiex iħeġġu l-innovazzjoni u l-investiment. F’Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-fehmiet tagħha dwar “Il-Promozzjoni tal-użu komuni tar-riżorsi tal-ispettru tar-radju fl-UE”.[10] Bħala l-ewwel dokument ta’ segwitu għall-prijoritajiet stabbiliti mill-RSPP, din il-Komunikazzjoni tisħaq fuq l-importanza tat-teknoloġiji għall-użu komuni tal-frekwenzi tar-radju, kif ukoll il-ħtieġa li jinħolqu inċentivi u ċertezza legali għall-innovaturi. Dan id-dokument jipproponi modi biex jitħeġġeġ użu aktar effiċjenti tal-ispettru permezz ta’ innovazzjonijiet mingħajr fili.

F’termini ta’ miżuri konkreti dwar l-użu komuni tal-ispettru l-Kummissjoni qed tgħin l-innovazzjoni permezz tal-armonizzazzjoni ta' bandi ta’ frekwenzi li huma soġġetti għal awtorizzazzjonijiet ġenerali (tal-ispettru mhux liċenzjat) jew drittijiet individwali ta’ użu (aċċess komuni liċenzjat) kif deskritt fit-taqsimiet li ġejjin, kif ukoll billi titlob standards relatati mal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandards.[11]

2.3.1.     Spettru mhux liċenzjat

Apparat għal medda qasira (SRD) normalment ikun soġġett għal awtorizzazzjonijiet ġenerali biss bħall-apparat għall-identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-Radju (RFID) li jappoġġa l-awtomazzjoni tal-katina tal-provvista u l-applikazzjonijiet minn magna għal magna (M2M); sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) emerġenti inklużi sistemi elettroniċi u radars ta' medda qasira għall-vetturi (SRR); u applikazzjonijiet użati miċ-ċittadini bħall-alarms, apparat mediku u routers tal-Wi-fi. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/771/KE[12] dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma’ tagħmir għal meded qosra tistabbilixxi l-bandi ta’ frekwenza armonizzati u taħt liema kundizzjonijiet dwar l-użu tekniku l-SRDs jistgħu jintużaw madwar l-Ewropa. Applikazzjonijiet li jiddependu fuq bandi tal-SRDS eżentati mil-liċenzja jibbenefikaw minn aċċess faċli għall-ispettru tar-radju minħabba li mhi meħtieġa l-ebda liċenzja tal-ispettru fl-Unjoni Ewropea. L-armonizzazzjoni ta’ bandi tal-SRDs fis-suq intern kollu tappoġġa wkoll ekonomiji ta’ skala għall-manifatturi tat-tagħmir.

Minħabba d-domanda dejjem tikber għal meded tal-SRDs armonizzati għal diversi applikazzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea taġġorna l-kundizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-ispettru għall-SRDs regolarment. Bħala parti minn dan il-proċess ta’ aġġornament regolari, l-Anness Tekniku tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/771/KE ġie aġġornat ħames darbiet minn meta ġie adottat għall-ewwel darba fl-2006, l-aktar riċenti fl-2013 (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/752/UE[13]). L-aħħar aġġornament jintroduċi kategoriji tal-SRDs usa’ bħala bażi għal ambjenti ta' kondiviżjoni armonizzati, bil-għan li jiffaċilitaw aċċess aktar faċli, l-innovazzjoni u t-teknoloġija u n-newtralità tas-servizz, – li kollha kemm huma huma prinċipji importanti li jinsabu fl-RSPP.

Bħala parti mill-proposta Kontinent Konness, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta' ambjent favorevoli u sistema amministrattiva għall-użu ta’ ċelloli żgħar sabiex twieġeb għad-domanda għal kapaċità futura tal-konnettività bil-broadband, kif ukoll għall-provvediment tal-konnettività ta' Radju LAN (RLAN jew tal-WiFi) u l-ġbir flimkien ta’ riżorsi RLAN ta' utenti differenti.

Barra minn hekk, inħareġ mandat lis-CEPT rigward estensjoni possibbli ta’ RLANs fil-banda ta' 5 GHz, soġġett għall-fattibilità teknika li tkun kapaċi żżomm servizzi importanti oħra (GMES u ITS) li huma wkoll prijoritajiet skont l-RSPP. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq miżura biex tiffaċilita t-teknoloġija ta' banda wiesgħa ħafna (UWB - ultra-wide band), li tittrasmetti sinjali tar-radju ta’ qawwa baxxa f’medda wiesgħa ta’ frekwenzi, u tappoġġa applikazzjonijiet għal meded qosra bħal komunikazzjonijiet ta' dejta għolja, lokalizzazzjoni u radar li jippenetra l-art.

2.3.2.     Aċċess komuni liċenzjat (LSA)

Skont il-kunċett LSA id-drittijiet tal-ispettru fuq bażi komuni jingħataw lil liċenzji soġġetti għal termini definiti mir-regolatur biex ikun possibbli li tiġi żgurata kwalità tas-servizz prevedibbli. Kull utent jeħtieġ dritt għall-użu individwali (iżda mhux esklussiv) biex jaċċessa banda ta’ frekwenza partikolari u l-iffissar ta’ kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni huwa r-responsabbiltà tal-awtorità ta’ ġestjoni tal-ispettru, li tiddefinixxi l-parametri ta’ aċċess permezz ta’ regolamentazzjoni u kundizzjonijiet tal-liċenzja.

L-Opinjoni riċenti tal-RSPG dwar l-LSA tista' titqies bħala spunt għal applikazzjoni aktar ġenerika tal-kunċett. Is-CEPT u l-RSPG identifikaw il-banda ta' 2.3 GHz bħala kandidat possibbli għall-użu minn servizzi tal-broadband mingħajr fili fl-UE. Dan l-użu qed jitqies fil-kuntest tal-LSA, peress li jiżgura l-użu responsabbli fit-tul tal-banda f’dawk l-Istati Membri li jixtiequ jżommu l-użu eżistenti, filwaqt li jipprovdi ċertezza legali għal detenturi tal-liċenzji addizzjonali.

2.4.        Politiki oħra tal-UE

L-Artikolu 8(2) tal-RSPP jobbliga lill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, li tidentifika l-possibbiltajiet għall-użu tal-ispettru sabiex jikkontribwixxu għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Iridu wkoll jikkunsidraw li jagħmlu l-ispettru disponibbli għal teknoloġiji mingħajr fili li għandhom il-potenzjal li jtejbu l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza ta’ sistemi intelliġenti għad-distribuzzjoni tal-enerġija u sistemi ta’ metraġġ intelliġenti. F’April 2012 il-Kummissjoni wettqet "Konsultazzjoni pubblika dwar l-użu tal-ispettru għal produzzjoni u distribuzzjoni tal-enerġija iktar effiċjenti”, li wriet li ma kien hemm l-ebda pożizzjoni komuni dwar l-użu tal-infrastruttura tal-ICT għal sistemi u miters intelliġenti u lanqas fuq l-użu tal-ispettru komuni, fuq bażi liċenzjata jew mhux liċenzjata.

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda opinjoni komuni dwar kif is-servizzi kritiċi għall-missjoni għandhom jiġu pprovduti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni nediet studju dwar "L-użu ta’ netwerks u tagħmir mobbli kummerċjali għal komunikazzjonijiet bil-broadband ta' veloċità għolja f’setturi speċifiċi”. L-għan ta' dan l-istudju huwa li jesplora r-rwol potenzjali ta’ netwerks mobbli kummerċjali biex jiżgura l-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni “kritiċi għall-missjonijiet", inklużi grilji enerġetiċi intelliġenti. L-istudju għandu jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar l-infrastruttura u l-użu tal-ispettru għal dawn l-applikazzjonijiet.

3.           Id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju

Id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju stipulat għodod regolatorji sabiex tiġi assigurata l-koordinazzjoni ta’ approċċi ta’ politika u kundizzjonijiet armonizzati għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern. Stabbilixxiet ukoll il-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju (l-RSC), li l-irwol tiegħu huwa li jassisti lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni li jibnu fuq mandati lis-CEPT biex jinkisbu l-għanijiet ta’ politika msemmija hawn fuq. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-RSD bniet fuq it-trawwim ta’ relazzjonijiet ta’ ħidma tajba bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri rrappreżentati fl-RSC. Din il-kollaborazzjoni tkompliet fl-implimentazzjoni attwali tal-RSPP. Il-miżuri kollha proposti għall-votazzjoni lill-RSC irċivew opinjoni pożittiva. Lista ta’ deċiżjonijiet adottati bejn l-2006 u l-2013 hija pprovduta fl-Anness 1.

Id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, irnexxilha tagħmel disponibbi r-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-ispettru armonizzati għal setturi strateġiċi fis-suq intern u hija eżempju pożittiv ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-qafas strateġiku tal-RSPP jirrappreżenta qafas strateġiku importanti għall-implimentazzjoni tal-politika dwar l-ispettru tal-Unjoni bl-użu tal-mekkaniżmi stabbiliti mill-RSD.

4.           Konklużjonijiet

L-RSPP ikkontribwixxa għal użu aktar effiċjenti tal-ispettru billi ħeġġeġ approċċi komuni tal-ispettru pereżempju billi ffissa l-għan ta’ 1 200 MHz għall-broadband mingħajr fili, u billi ta bidu għall-proċess tal-inventarju tal-ispettru li se tkun għodda li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiddefinixxu politika msejsa aktar fuq il-fatti. Dan il-programm għen ukoll billi rawwem l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni permezz ta’ użu aktar effiċjenti tal-ispettru, u b’hekk l-ispettru jsir disponibbli għal servizzi innovattivi. L-armonizzazzjoni tal-ispettru toħloq il-potenzjal għal ekonomiji ta’ skala, u tippermetti l-aktar kundizzjonijiet għall-użu tal-ispettru wiesgħa possibbli, u tippermetti l-aċċess għal għadd kemm jista' jkun possibbli ta' applikazzjonijiet filwaqt li tħares l-użu eżistenti.

Min-naħa l-oħra, l-RSPP wera limitazzjonijiet minħabba l-karattru ġenerali ta’ xi prinċipji regolatorji li stabbilixxa, li jeħtieġ ikunu aktar preċiżi għal implimentazzjoni effettiva. Filwaqt li kull Stat Membru jibqa’ jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni għall-ispettru, id-differenzi kbar f’dawn il-kundizzjonijiet u l-proċeduri jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-suq intern b’impatt negattiv fuq l-integrazzjoni tan-netwerks bejn il-fruntieri, fuq il-kapaċitajiet ta' handsets disponibbli u għal żvantaġġi oħra għall-konsumaturi.[14] Is-sempliċi skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bbażat fuq il-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-qafas attwali ma jidhirx li huwa biżżejjed biex dawn l-ostakoli għas-suq uniku jitneħħew. Ċertezza legali dwar prinċipji u kriterji komuni stabbiliti sew li huma applikati mill-Istati Membri b’mod ikkoordinat fl-Unjoni kollha jidhru li huma l-minimu meħtieġ.

Id-dewmien fl-għoti tal-banda ta' 800 MHz juri l-ħtieġa għal aktar mekkaniżmi bi prontezza u flessibbli għall-iskedar armonizzat ta' assenjazzjonijiet mal-Unjoni kollha jew għal kategoriji tal-Istati Membri bbażati fuq il-karatteristiċi tas-suq tal-broadband mingħajr fili, u għad-durata armonizzata tad-drittijiet għall-użu tal-ispettru. F’dan ir-rigward, huwa importanti li tiġi żgurata l-assenjazzjoni effiċjenti u f’waqtha tal-ispettru armonizzat eżistenti sabiex jiġu akkumulati l-benefiċċji soċjoekonomiċi potenzjali permezz ta’ servizzi diġitali pprovduti fuq netwerks broadband mingħajr fili.

Aktar dispożizzjonijiet speċifiċi huma meħtieġa b’mod urġenti f’dawn l-oqsma. Biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni pproponiet miżuri leġiżlattivi konkreti bħala parti mill-pakkett Kontinent Konness.[15] Dawn jistabbilixxu sett ta’ prinċipji u kriterji ta’ awtorizzazzjoni komuni tal-ispettru flimkien ma’ mekkaniżmu formali għal evalwazzjoni bejn il-pari limitat fiż-żmien ta’ pjanijiet nazzjonali bil-għan li tiġi żgurata l-aħjar prattika.

Barra minn hekk, iċ-ċertezza legali dwar l-iskedar komuni u d-durata tal-assenjazzjonijiet tal-ispettru għall-broadband mingħajr fili se tkun ta’ benefiċċju għall-operaturi fl-evalwazzjonijiet tal-każ tan-negozju tagħhom u fl-istrateġiji transfruntieri u se tippermettilhom ikollhom aċċess prevedibbli għall-ispettru u l-kundizzjonijiet għall-investiment.

Biex jiġi żgurat li l-politika dwar l-ispettru tar-radju tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-politiki tal-UE, jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi ta' koordinazzjoni li qed isiru taħt il-gwida strateġika tal-RSPP u l-implimentazzjoni teknika b’suċċess permezz tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-radju, billi tissaħħaħ il-koordinazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet fi ħdan l-Ewropa. Rapport finali dwar l-ewwel RSPP u l-progress lejn il-miri stabbiliti huma ppjanati għal tmiem l-2015. Anness 1 – Lista deċiżjonijiet marbuta mal-ispettru bejn l-2006 u l-2013

Il-programm ta’ politika u definizzjoni

Data || Deċiżjoni || Kontenut

Is-16 ta' Diċembru 2009 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/978/KE || Li temenda d-Deċiżjoni 2002/622/KE li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju

L-14 ta’ Marzu 2012 || Id-Deċiżjoni 243/2012/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill || Li tistabbilixxi programm ta' politika pluriennali tal-ispettru tar-radju

Broadband mingħajr fili

Data || Att tal-Unjoni || Kontenut

It-12 ta' Frar 2007 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/90/KE || Li temenda d-Deċiżjoni 2005/513/KE dwar l-użu tal-faxxa ta' frekwenza ta' 5 GHz għall-implimentazzjoni ta' Sistemi ta’ Aċċess bla Wajers u n-Netwerks tar-Radju għaż-Żona Lokali

L-14 ta’ Frar 2007 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/98/KE || L-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju fil-medda ta' 2 GHz għal sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli

Il-21 ta’ Mejju 2008 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/411/KE || l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ 3400-3800 MHz għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

It-13 ta’ Ġunju 2008 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/477/KE || L-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenza ta' 2500-2690 MHz għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika

Il-5 ta’ Awwissu 2008 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/671/KE || L-armonizzazzjoni tal-faxex ta' frekwenza ta' 5875-5 905 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS)

Is-16 ta’ Settembru 2009 || Id-Direttiva 2009/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill || Li temenda d-Direttiva tal-GSM biex jagħmlu l-medda ta' 900 MHz disponibbli għal kwalunkwe sistema terrestri li kapaċi tipprovdi servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni li jistgħu jeżistu flimkien mas-sistemi tal-GSM

Is-16 ta’ Frar 2009 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE || L-armonizzazzjoni tal-meded ta' frekwenza ta' 900 MHz u 1800 MHz għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika

Is-6 ta’ Mejju 2010 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/267/UE || L-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tekniċi ta’ użu fil-medda ta' frekwenzi 790-862 MHz għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika

It-18 ta' April 2011 || Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/251/UE, || Li temenda d-Deċiżjoni 2009/766/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta’ 900 MHz u 1800 MHz għal servizzi ta’ elettroniċi ta' komunikazzjoni

Il-5 ta' Novembru 2012 || Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/688/UE || L-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenza 1920-1980 MHz u 2110-2170 MHz għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika

Informazzjoni dwar l-użu tal-ispettru

Data || Deċiżjoni tal-Kummissjoni || Kontenut

Is-16 ta’ Mejju 2007 || 2007/344/KE || Id-disponibbiltà armonizzata tal-informazzjoni dwar l-użu tal-ispektrum fil-Komunità

It-23 ta' April 2013 || 2013/195/UE || Li tiddefinixxi arranġamenti prattiċi, formati uniformi u metodoloġija fir-rigward tal-inventarju tal-ispettru tar-radju

Użu komuni

Data || Deċiżjoni tal-Kummissjoni || Kontenut

Id-9 ta' Novembru 2006 || 2006/771/KE || dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma’ tagħmir għal meded qosra (SRD)

It-23 ta' Novembru 2006 || 2006/804/KE || L-armonizzazzjoni tal-ispettru tal-frekwenzi tar-radju għal apparat għall-identifikazzjoni li jaħdem permezz ta’ frekwenzi tar-radju (RFID) li jopera fil-medda ta’ frekwenza ultra għolja

Il-21 ta’ Frar 2007 || 2007/131/KE || Li tippermetti l-użu tal-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju, għal apparat li juża teknoloġija ultra-wideband

It-23 ta’ Mejju 2008 || 2008/432/KE || Li temenda d-Deċiżjoni 2006/771/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għall-użu ma’ tagħmir għal meded qosra

Il-5 ta’ Awwissu 2008 || 2008/673/KE || Li temenda d-Deċiżjoni 2005/928/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenza bejn il-169,4 u l-169.8125 MHz għal ċerti tipi ta’ apparat ta’ medda qasira

It-13 ta’ Mejju 2009 || 2009/381/KE || Li temenda d-Deċiżjoni 2006/771/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għall-użu ma’ tagħmir għal meded qosra

Il-21 ta' April 2009 || 2009/343/KE || Li temenda d-Deċiżjoni 2007/131/KE dwar il-permess ta' użu tal-ispektrum tar-radju għal apparat li juża teknoloġija ultra-wideband

It-13 ta’ Ġunju 2010 || 2010/368/UE || li temenda d-Deċiżjoni 2006/771/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma' tagħmir għal meded qosra

Id-29 ta’ Lulju 2011 || 2011/485/UE || Li temenda d-Deċiżjoni 2005/50/KE dwar il-faxxa ta' 24 GHz għall-użu limitat biż-żmien ta' tagħmir bir-radar ta' medda qasira għall-vetturi

It-8 ta' Diċembru 2011 || 2011/829/UE || Li temenda d-Deċiżjoni 2006/771/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għall-użu ma’ tagħmir għal meded qosra

Il-11 ta' Diċembru 2013 || 2013/752/UE || Li temenda d-Deċiżjoni 2006/771/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma’ tagħmir għal meded qosra u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/928/KE

Komunikazzjonijiet abbord l-inġenji tal-ajru u l-bastimenti

Data || Deċiżjoni tal-Kummissjoni || Kontenut

Is-7 ta' April 2008 || 2008/294/KE || Kundizzjonijiet armonizzati għall-użu tal-ispektrum għas-servizzi ta' komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji tal-ajru

Id-19 ta’ Marzu 2010 || 2010/166/UE || Kundizzjonijiet armonizzati għall-użu tal-ispektrum tar-radju għas- servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti

It-12 ta' Novembru 2013 || 2013/654/UE || Li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/294/KE biex jiġu inklużi teknoloġiji tal-aċċess u baned tal-frekwenza addizzjonali għas- servizzi tal-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji tal-ajru.

Perjodi tranżitorji/arranġamenti ta' kondiviżjoni - l-Artikolu 4.5 tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju

Data || Deċiżjoni tal-Kummissjoni || Kontenut

It-22 ta’ Mejju 2007 || 2007/346/KE || Franza — segħat ta' emissjoni limitati għall-RFID

Is-16 ta' Diċembru 2008 || 2009/1/KE || Il-Bulgarija — armonizzazzjoni tal-banda ta' 2500-2690 MHz

Il-25 ta’ Frar 2009 || 2009/159/KE || L-Awstrija — l-użu ta' banda ta' 5875-5905 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal- ITS

Is-6 ta' Ottubru 2009 || 2009/740/KE || France — armonizzazzjoni tal-banda ta' 500-2690 MHz

Is-26 ta' Ottubru 2009 || 2009/812/KE || Franza — armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għall-użu minn apparat ta' medda qasira

Il-31 ta’ Marzu 2010 || 2010/194/UE || Il-Bulgarija — armonizzazzjoni tal-banda ta' 2500-2690

Derogi taħt l-Artikolu 6 4) tad-Deċiżjoni dwar l-RSPP rigward il-banda ta' 800 MHz

Id-data tad-deċiżjoni || Deċiżjoni tal-Kummissjoni notifikata lill-Istati Membri || Kontenut

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4546 || Spanja — 12-il xahar

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4547 || Il-Polonja —12-il xahar

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4569 || L-Ungerija — 18-il xahar

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4570 || L-Awstrija — 9 xhur

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4590 || Malta — 24 xahar

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4592 || Is-Slovakkja — ma ngħatat l-ebda deroga

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4593 || Ir-Rumanija — sal-5.4.2014

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4594 || Is-Slovenja — ma ngħatat l-ebda deroga

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4595 || Ċipru — 36 xahar

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4608 || Il-Finlandja — 12-il xahar

It-23 ta’ Lulju 2013 || C(2013) 4613 || Litwanja — 6 xhur*

Is-17 ta' Ottubru 2013 || C(2013)6765 || Il-Greċja — 30.10.2014

Is-17 ta' Ottubru 2013 || C(2013)6764 || Il-Latvja — 30 xahar

Id-9 ta' Diċembru 2013 || C(2013)8690 || Ir-Repubblika Ċeka — 6 xhur**

*          30 xahar għas-subbanda ta' 820-821 MHz

**        Żewġ distretti biss

[1]       ĠU L 81, 21.3.2012, pp. 7–17

[2]       ĠU L 108, 24.4.2002, pp. 1–6

[3]       Il-Grupp ta’ Politika tal-Ispettru tar-Radju huwa grupp konsultattiv għall-Kummissjoni mwaqqaf skont id-Deċiżjoni 2002/622/KE

[4]       Is-CEPT huwa pjattaforma ta’ kooperazzjoni teknika fejn il-membri minn 48 pajjiż Ewropew jikkooperaw fl-oqsma tal-karigi, l-ispettru tar-radju u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni

[5]       ĠU L 113, 25.4.2013, pp. 18-21

[6]       L-EFIS hija bażi ta’ dejta onlajn li tissodisfa d-Deċiżjoni KE 2007/344/KE dwar id-disponibbiltà armonizzata tal-informazzjoni dwar l-użu tal-ispettru fl-Ewropa li hija kkontrollata mill-Uffiċċju Ewropew tal-Komunikazzjonijiet (EKO) f’Kopenħagen.

[7]       Id-dokument RSPG13-543 (l-Anness 1): Konsultazzjoni pubblika dwar il-Programm ta' Ħidma 2014, p.2

[8]       Stqarrija għall-istampa tal-grupp ta' livell għoli, IP/14/14 tat-13 Jannar 2014

[9]       ĠU L 144, 4.6.2008, pp. 77–81; ĠU L 163, 24.6.2008, pp. 37–41; ĠU L 274, 20.10.2009, pp. 32–35

[10]     Inħeġġu l-użu komuni ta’ riżorsi ta’ spettru tar-radju fl-UE

[11]     Il-mandat ta' standardizzazzjoni M 512 lis-CEN, is-CENELEC u l-ETSI għal sistemi tar-radju rikonfigurabbli

[12]     ĠU L 113, 11.11.2006, pp. 66-70

[13]     ĠU L 334, 13.12.2013, pp. 17-36

[14]     Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistipula miżuri dwar is-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, u biex jinkiseb Kontinent Konness, SWD(2013) 331 final

[15]     Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjonijiet, COM(2013) 634