52014DC0158

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt /* COM/2014/0158 final */


WERREJ

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt

1........... Introduzzjoni................................................................................................................ 2

2........... Għaliex l-istat tad-dritt huwa ta’ importanza fundamentali għall-UE.......................... 3

3........... Għaliex qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt............................................ 5

4........... Kif se jaħdem il-Qafas il-ġdid tal-Istat tad-Dritt tal-UE.............................................. 6

4.1........ X’se jagħti bidu għall-Qafas il-ġdid tal-Istat tad-Dritt tal-UE..................................... 6

4.2........ Il-Qafas il-ġdid tal-Istat tad-Dritt tal-UE bħala proċess fi tliet stadji.......................... 7

5........... Konklużjoni.................................................................................................................. 9

1. Introduzzjoni

L-istat tad-dritt huwa s-sinsla ta’ kull demokrazija kostituzzjonali moderna. Huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri kollha tal-UE u wieħed mill-aktar valuri sinifikanti li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Dan jitfakkar bl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll bil-Preamboli tat-Trattat u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Din hija wkoll ir-raġuni għaliex, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa kundizzjoni stabbilita minn qabel għas-sħubija fl-UE. Flimkien mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt huwa wkoll wieħed mit-tliet pilastri tal-Kunsill tal-Ewropa u huwa approvat fil-Preambolu għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB)[1] .

Il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri tal-UE u s-sistemi legali rispettivi tagħhom hija l-bażi tal-Unjoni. Il-mod kif l-istat tad-dritt huwa implimentat f’livell nazzjonali għandu rwol ewlieni f’dan ir-rigward. Il-fiduċja taċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-awtoritajiet nazzjonali fil-funzjonament tal-istat tad-dritt hija partikolarment essenzjali għall-  iżvilupp fl-UE bħala "spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni"[2]. Din il-fiduċja se tinbena u tinżamm biss jekk l-istat tad-dritt huwa osservat fl-Istati Membri kollha.

Il-kostituzzjonijiet u sistemi ġudizzjarji differenti tal-Istati Membri tal-UE huma, fil-prinċipju, imfassla tajjeb u mgħammra biex jipproteġu ċ-ċittadini kontra kull theddida għall-istat tad-dritt. Madankollu, l-avvenimenti riċenti f’xi Stati Membri wrew li nuqqas ta’ rispett lejn l-istat tad-dritt u, bħala konsegwenza, anki lejn il-valuri fundamentali li l-istat tad-dritt għandu l-għan li jipproteġi, jistgħu jsiru kwistjoni ta’ tħassib serju. Matul dawn l-avvenimenti, kien hemm talba ċara mill-pubbliku inġenerali lill-UE, u notevolment lill-Kummissjoni, biex tittieħed azzjoni. Riżultati nkisbu. Madankollu, il-Kummissjoni u l-UE kellhom isibu soluzzjonijiet ad hoc minħabba li l-mekkaniżmi u l-proċeduri attwali tal-UE mhux dejjem kienu xierqa biżżejjed biex jiżguraw rispons effettiv u f’waqthu għat-theddid għall-istat tad-dritt.

Il-Kummissjoni hija l-gwardjan tat-Trattati u għandha r-responsabbiltà li tiżgura r-rispett tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE u tipproteġi l-interess ġenerali tal-Unjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni jrid ikollha rwol attiv f’dan ir-rigward[3]. F’Settembru 2012, il-President Barroso, fid-diskors annwali tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni lill-Parlament Ewropew, qal: “Neħtieġu sett ta’ strumenti żviluppati aħjar, mhux biss l-alternattiva bejn is-'setgħa ta' persważjoni' tal-persważjoni politika u l-'għażla nukleari” tal-Artikolu 7 tat-TUE. Fid-diskors tas-sena ta’ wara, huwa qal li "l-esperjenza kkonfermat l-importanza tar-rwol tal-Kummissjoni bħala arbitru indipendenti u oġġettiv. Għandna nikkonsolidaw din l-esperjenza permezz ta' qafas aktar ġenerali […]. Il-Kummissjoni se tippreżenta komunikazzjoni dwar dan. Nemmen li huwa dibattitu l ta' importanza ewlenija għall-idea tagħna tal-Ewropa."[4] 

F’Ġunju 2013, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni enfasizza li "ir-rispett lejn l-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali" u talab lill-Kummissjoni "biex tmexxi ‘l quddiem id-dibattitu konformi mat-Trattati dwar il-ħtieġa possibbli għal kif ukoll il-forma ta' metodu kollaborattiv u sistematiku biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet". F’April 2013, il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali organizza diskussjoni komprensiva dwar is-suġġett.[5]

F’Lulju 2013, il-Parlament Ewropew talab li "l-Istati Membri jiġu vvalutati regolarment għall-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri fundamentali tal-Unjoni u r-rekwiżit tad-demokrazija u l-istat tad-dritt"[6].  

Din il-Komunikazzjoni hija t-tweġiba għal dawn it-talbiet. Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni, id-dibattitu interistituzzjonali u konsultazzjonijiet wiesgħa[7], il-Komunikazzjoni tistabbilixxi qafas ġdid biex tiżgura protezzjoni effettiva u koerenti tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha. Dan huwa qafas li jindirizza u jsolvi sitwazzjoni fejn hemm theddida sistemika għall-istat tad-dritt.[8]

Il-qafas jipprova jsolvi t-theddidiet futuri għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri qabel jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-mekkaniżmi previsti fl-Artikolu 7 tat-TUE. Għaldaqstant dan huwa maħsub biex jindirizza nuqqas. Mhuwiex alternattiva għall-mekkaniżmi tal-Artikolu 7 tat-TUE iżda pjuttost jiġi qablu u jikkumplimentah. Dan huwa wkoll mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet speċifiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-UE permezz ta’ proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Minn perspettiva Ewropea usa’, il-qafas huwa maħsub biex jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż fuq il-bażi tal-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja)[9].  

2. Għaliex l-istat tad-dritt huwa ta’ importanza fundamentali għall-UE

Il-prinċipju tal-istat tad-dritt isir kull ma jmur mudell organizzattiv dominanti tal-liġi kostituzzjonali moderna u organizzazzjonijiet internazzjonali (inklużi n-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa) biex jirregola l-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi. Dan jiżgura li s-setgħat pubbliċi kollha jaġixxu fil-limiti stabbiliti mil-liġi, skont il-valuri tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali.

Il-kontenut preċiż tal-prinċipji u l-istandards li joriġina mill-istat tad-dritt jista' jvarja fil-livell nazzjonali, skont is-sistema kostituzzjonali ta’ kull Stat Membru. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja") u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll dokumenti mħejjija mill-Kunsill tal-Ewropa, li jibnu b’mod partikolari fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni ta’ Venezja, jipprovdu lista mhux eżawrjenti ta’ dawn il-prinċipji u għalhekk jiddefinixxu t-tifsira ewlieni tal-istat tad-dritt bħala valur komuni tal-UE f’konformità mal-Artikolu 2 tat-TUE.

Dawn il-prinċipji jinkludu l-legalità, li tfisser proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralista għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; ċertezza tad-dritt; projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; qrati indipendenti u imparzjali; stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u effettiv, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali; u ugwaljanza quddiem il-liġi[10].

Kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kkonfermaw li dawn il-prinċipji mhumiex purament formali u rekwiżiti proċedurali. Dawn huma l-mezz biex jiġu żgurati kemm konformità kif ukoll rispett lejn id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. L-istat tad-dritt huwa għalhekk prinċipju kostituzzjonali b’komponenti formali kif ukoll sostantivi[11]. 

Dan ifisser li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa marbut mad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali: ma jistax ikun hemm demokrazija u rispett għad-drittijiet fundamentali mingħajr rispett lejn l-istat tad-dritt u vice versa. Id-drittijiet fundamentali huma effettivi biss jekk ikunu ġustizzjabbli. Id-demokrazija hija protetta jekk ir-rwol fundamentali tal-ġudikatura, inklużi l-qrati kostituzzjonali jistgħu jiżguraw il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u r-rispett tar-regoli li jirregolaw il-proċess politiku u elettorali.

Fl-UE, l-istat tad-dritt huwa ta’ importanza partikolari. Il-konformità mal-istat tad-dritt hija prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali kollha elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE. Din hija wkoll prerekwiżit għaż-żamma tad-drittijiet u l-obbligi kollha li joriġinaw mit-Trattati u mil-liġi internazzjonali. Il-fiduċja taċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-awtoritajiet nazzjonali fis-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri l-oħra kollha hija essenzjali għall-funzjonament tal-UE kollha bħala "spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni". Illum, sentenza fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ta’ qorti nazzjonali trid tiġi rikonoxxuta awtomatikament u infurzata fi Stat Membru ieħor u Mandat ta’ Arrest Ewropew kontra allegat kriminal maħruġ fi Stat Membru wieħed irid jiġi infurzat bl-istess mod fi Stat Membru ieħor[12]. Dawn huma eżempji ċari ta’ għaliex l-Istati Membri kollha jeħtieġu li jieħdu dan f'kunsiderazzjoni jekk il-prinċipju tal-istat tad-dritt ma jkunx rispettat b'mod sħiħ fi Stat Membru wieħed. Din hija r-raġuni għaliex l-UE għandha interess qawwi fis-salvagwardja u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt madwar l-Unjoni.

3. Għaliex Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt

F’każijiet fejn il-mekkaniżmi stabbiliti fuq livell nazzjonali biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt ma jkunux qed jaħdmu b’mod effettiv, hemm theddida sistemika għall-istat tad-dritt u, b’hekk, għall-funzjonament tal-UE bħala spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-UE teħtieġ li taġixxi biex tipproteġi l-istat tad-dritt bħala valur komuni tal-Unjoni.

Madankollu, l-esperjenza wriet li theddida sistemika għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri ma tistax, fiċ-ċirkostanzi kollha, tiġi indirizzata b’mod effettiv permezz tal-istrumenti li jeżistu bħalissa fil-livell tal-Unjoni.

L-azzjoni li ttieħdet mill-Kummissjoni biex jitnedew proċeduri ta' ksur, ibbażati fuq l-Artikolu 258 tat-TFEU, kienet strument importanti biex jiġi indirizzat ċertu tħassib tal-istat tad-dritt[13].  Iżda l-proċeduri ta’ ksur jistgħu jitnedew mill-Kummissjoni biss fejn dan it-tħassib jikkostitwixxi, fl-istess ħin, ksur ta’ dispożizzjoni speċifika tal-liġi tal-UE[14].

Hemm sitwazzjonijiet ta’ tħassib li jaqgħu barra mill-ambitu tal-liġi tal-UE u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala ksur tal-obbligi skont it-Trattati iżda xorta jkunu ta’ theddida sistemika għall-istat tad-dritt. Għal dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu japplikaw mekkaniżmi ta' prevenzjoni u ta’ sanzjoni previsti fl-Artikolu 7 tat-TUE . Il-Kummissjoni hija fost l-atturi li għandhom is-setgħa permezz tat-Trattat li joħorġu proposta motivata sabiex dawn il-mekkaniżmi jintużaw. L-Artikolu 7 tat-TUE għandu l-għan li jiżgura li l-Istati Membri kollha jirrispettaw il-valuri komuni tal-UE, inkluż l-istat tad-dritt. L-ambitu tiegħu ma għandux ikun limitat għal oqsma koperti mil-liġi tal-UE, iżda jagħti s-setgħa lill-UE biex tintervjeni bil-għan li tipproteġi l-istat tad-dritt anki f’oqsma fejn l-Istati Membri jaġixxu b’mod awtonomu. Kif spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 7 tat-TUE, dan huwa ġġustifikat mill-fatt li "jekk Stat Membru jikser il-valuri fundamentali b’mod pjuttost serju li jaqa' taħt l-Artikolu 7, dan x’aktarx li jnaqqas l-istess bażi tal-UE u l-fiduċja bejn il-membri tagħha, ikun xi jkun il-qasam li fih il-ksur ikun seħħ"[15].

Madankollu, il-mekkaniżmu ta' prevenzjoni tal-Artikolu 7(1) tat-TUE jista' jintuża biss f'każ ta' "riskju ċar ta' ksur serju" u l-mekkaniżmu ta' sanzjoni tal-Artikolu 7(2) tat-TUE f'każ biss ta' "ksur serju u persistenti minn Stat Membru" tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE. Il-livelli limiti biex jintużaw iż-żewġ mekkaniżmi tal-Artikolu 7 tat-TUE huma għoljin ħafna u jenfasizzaw in-natura ta’ dawn il-mekkaniżmi bħala l-aħħar għażla.

L-iżviluppi riċenti f’xi Stati Membri wrew li dawn il-mekkaniżmi mhux dejjem ikunu adattati biex jirrispondu malajr għat-theddid għall-istat tad-dritt fi Stat Membru.

Għaldaqstant hemm sitwazzjonijiet fejn it-theddid relatat mal-istat tad-dritt ma jistax jiġi indirizzat b'mod effettiv mill-istrumenti eżistenti[16]. Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt bħala valur komuni ewlieni tal-UE huwa meħtieġ flimkien ma’ proċeduri ta’ ksur u l-mekkaniżmi tal-Artikolu 7 tat-TUE. Il-Qafas se jkun komplementari għall-mekkaniżmi eżistenti kollha diġà fis-seħħ fil-livell tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiġi protett l-istat tad-dritt[17].  Dan jirrifletti kemm l-objettivi tal-UE biex jiġu protetti l-valuri fundamentali tagħha u li jintlaħaq livell ogħla ta’ fiduċja reċiproka u integrazzjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni.

Bit-twaqqif ta' Qafas ġdid biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt il-Kummissjoni tkun qed tipprovdi ċarezza u ttejjeb il-prevedibbilità rigward l-azzjonijiet li jista' jkollha tieħu fil-ġejjieni, filwaqt li tiżgura li l-Istati Membri kollha jiġu trattati b’mod ugwali. Abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni hija lesta li tidħol f’aktar diskussjonijiet mal-Istati Membri, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar dawn il-kwistjonijiet.

4. Kif se jaħdem il-Qafas il-ġdid tal-Istat tad-Dritt tal-UE

L-iskop tal-Qafas huwa li jippermetti lill-Kummissjoni biex issib soluzzjoni mal-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi evitat li tinħoloq theddida sistemika għall-istat tad-dritt f’dak l-Istat Membru li tista’ twassal għal "riskju ċar ta’ ksur serju" skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tat-TUE, li jkun jeħtieġ li l-mekkaniżmi pprovduti f’dak l-Artikolu jitniedu.

Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-Istati Membri, il-Qafas se japplika bl-istess mod għall-Istati Membri kollha u se jopera fuq il-bażi tal-istess punti ta’ referenza fir-rigward ta' dak li huwa ta’ theddida sistemika għall-Istat tad-dritt.

4.1. X’se jagħti bidu għall-Qafas il-ġdid

Il-Qafas se jintuża f’sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru qed jieħdu miżuri jew qed jaċċettaw sitwazzjonijiet li x’aktarx jaffettwaw b’mod sistematiku u negattiv l-integrità, l-istabbiltà jew il-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet u tal-mekkaniżmi ta' salvagwardja stabbiliti fuq livell nazzjonali biex l-istat tad-dritt jiġi protett.

Il-Qafas il-ġdid tal-Istat tad-Dritt tal-UE mhuwiex imfassal b'tali mod li jingħata bidu għalih minħabba ksur tad-drittijiet fundamentali individwali jew amministrazzjoni ħażina tal-ġustizzja. Dawn il-każijiet jistgħu u għandhom jiġu ttrattati mis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, u fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta’ kontroll stabbiliti taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li l-Istati Membri kollha tal-UE jagħmlu parti minnha.

L-iskop ewlieni tal-Qafas huwa li jindirizza t-theddid tal-istat tad-dritt (kif definit fit-tieni Taqsima) li huwa  ta' natura sistemika[18]. L-ordni politika, istituzzjonali u/jew ġudizzjarja ta’ Stat Membru, l-istruttura kostituzzjonali tiegħu, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-ġudikatura, jew is-sistema tiegħu ta’ rieżami ġudizzjarju inkluż ġustizzja kostituzzjonali fejn din teżisti, iridu jkunu mhedda - pereżempju bħala riżultat tal-adozzjoni ta’ miżuri ġodda jew ta’ prattiki mifruxa sew tal-awtoritajiet pubbliċi u n-nuqqas ta’ rimedju domestiku. Il-Qafas se jibda jintuża meta s-"salvagwardji tal-istat tad-dritt" nazzjonali ma jkunux jistgħu jindirizzaw dan it-theddid b’mod effettiv.

Il-Qafas ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli tuża s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 258 tat-TFUE f’sitwazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-UE. U lanqas jipprevjeni li l-mekkaniżmi stabbiliti fl-Artikolu 7 tat-TUE jibdew jintużaw direttament, jekk id-deterjorament f’daqqa fi Stat Membru jkun jeħtieġ reazzjoni msaħħa mill-UE[19].

4.2. Il-Qafas bħala proċess fi tliet stadji

Fejn hemm indikazzjonijiet ċari ta’ theddida sistemika għall-istat tad-dritt fi Stat Membru, il-Kummissjoni se tagħti bidu għal skambju strutturat ma’ dan l-Istat Membru. Il-proċess huwa bbażat fuq il-prinċipji li ġejjin:

- enfażi fuq sejbien ta' soluzzjoni permezz ta’ djalogu mal-Istat Membru kkonċernat;

- żgurar ta' valutazzjoni  oġġettiva u dettaljata tas-sitwazzjoni inkwistjoni;

- rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-Istati Membri;

- indikazzjoni tal-azzjonijiet  rapidi u konkreti li jistgħu jittieħdu biex jiġi indirizzat it-theddid sistemiku u jiġi evitat l-użu tal-mekkaniżmi tal-Artikolu 7 tat-TUE.

Il-proċess huwa magħmul, bħala regola, minn tliet stadji, valutazzjoni tal-Kummissjoni, rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u segwitu għar-rakkomandazzjoni.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tiġbor u teżamina l-informazzjoni rilevanti kollha u tivvaluta jekk hemmx indikazzjonijiet ċari ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt kif deskritt hawn fuq. Din il-valutazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-indikazzjonijiet mogħtija minn sorsi disponibbli u istituzzjonijiet rikonoxxuti, inklużi b’mod partikolari l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali[20].

Jekk, bħala riżultat ta’ din il-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li hemm tabilħaqq sitwazzjoni ta’ theddida sistemika għall-istat tad-dritt, tibda djalogu mal-Istat Membru kkonċernat, billi tibgħat "opinjoni dwar l-istat tad-dritt" u ssostni t-tħassib tagħha, u tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibiltà li jwieġeb. L-opinjoni tista’ tkun ir-riżultat ta’ skambju ta’ korrispondenza u laqgħat mal-awtoritajiet rilevanti u, fejn xieraq,tkun segwita b’aktar skambji.

Il-Kummissjoni tistenna li l-Istat Membru kkonċernat jikkoopera matul il-proċess u jibqa’ lura milli jadotta kull miżura irriversibbli fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ tħassib imqajma mill-Kummissjoni, fl-istennija tal-valutazzjoni tal-aħħar, skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkoopera f’dan il-proċess, jew saħansitra jfixklu, ikun element li għandu jitqies meta tiġi vvalutata s-serjetà tat-theddida.

F’dan l-istadju tal-proċess, filwaqt li t-tnedija tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u t-twassil ta’ din l-opinjoni se jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni, il-kontenut tal-iskambji mal-Istat Membru kkonċernat, bħala regola, jinżamm kunfidenzjali, sabiex jiġi ffaċilitat li tinstab soluzzjoni malajr.

Ir-Rakkomandazjoni tal-Kummissjoni

Fit-tieni stadju, sakemm il-kwistjoni ma tkunx sadanittant ġiet diġà solvuta b’mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni toħroġ "rakkomandazzjoni dwar l-istat tad-dritt" indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat, jekk issib li hemm provi oġġettivi ta’ theddida sistemika u li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ma jkunux qed jieħdu azzjoni xierqa biex jirrimedjaw dan.

Fir-rakkomandazzjoni tagħha l-Kummissjoni tindika b’mod ċar ir-raġunijiet għat-tħassib tagħha u tirrakkomanda li l-Istat Membru jsolvi l-problemi identifikati fil-limitu ta’ żmien fiss u tinforma lill-Kummissjoni bil-passi meħuda għal dan il-għan. Fejn xieraq, ir-rakkomandazzjoni tista' tinkludi indikazzjonijiet speċifiċi dwar modi u miżuri biex tissolva s-sitwazzjoni.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet jkunu ibbażati fuq ir-riżultati tad-djalogu mal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll fuq kull evidenza addizzjonali li l-Istat Membru jkun jeħtieġ ukoll li juri minn qabel. 

It-twassil tar-rakkomandazzjoni tagħha u l-kontenut ewlieni tagħha jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni.

Segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni

Fit-tielet stadju, il-Kummissjoni se tissorvelja s-segwitu mogħti mill-Istat Membru kkonċernat għar-rakkomandazzjoni li ngħatat lilu. Din is-sorveljanza tista’ tkun ibbażata fuq aktar skambji mal-Istat Membru kkonċernat u tista’, pereżempju, tiffoka dwar għadhomx iseħħu  ċerti prattiki li jqajmu tħassib , jew dwar kif l-Istat Membru jimplimenta l-impenji li għamel sadanittant sabiex isib soluzzjoni għas-sitwazzjoni.

Jekk ma jkunx hemm segwitu sodisfaċenti għar-rakkomandazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tibda tuża wieħed mill-mekkaniżmi stabbiliti fl-Artikolu 7 tat-TUE.[21]

Interazzjoni istituzzjonali

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, jinżammu infurmati regolarment u mill-qrib dwar il-progress li jkun sar f’kull wieħed minn dawn l-istadji.

Benefiċċji minn kompetenza ta' parti terza

Sabiex tikseb għarfien espert dwar kwistjonijiet partikolari marbutin mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari matul il-fażi ta’ valutazzjoni, tfittex kompetenza esterna, inkluż mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali[22]. Kompetenza esterna bħal din, tista' tgħin b'mod partikolari biex tipprovdi  analiżi komparattiva dwar ir-regoli u l-prattiki eżistenti fi Stati Membri oħra sabiex ikun żgurat trattament ugwali tal-Istati Membri, fuq il-bażi ta’ fehim komuni tal-istat tad-dritt fl-UE.

Skont is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tfittex parir u għajnuna minn membri tan-netwerks ġudizzjarji fl-UE, bħan-netwerks tal-Presidenti ta' Qrati Supremi tal-UE[23], l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-UE[24] jew il-Kunsilli Ġudizzjarji[25]. Il-Kummissjoni teżamina, flimkien ma’ dawn in-netwerks, kif din l-għajnuna tista’ tiġi pprovduta malajr fejn xieraq, u jekk humiex meħtieġa arranġamenti partikolari għal dan il-għan.

Il-Kummissjoni, bħala regola u f’każijiet xierqa, tfittex il-parir tal-Kunsill tal-Ewropa u/jew tal-Kummissjoni ta’ Venezja tagħha, u tikkoordina l-analiżi tagħha magħhom fil-każijiet kollha fejn il-kwistjoni hija wkoll taħt il-kunsiderazzjoni u l-analiżi tagħhom.

5. Konklużjoni

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi Qafas ġdid tal-UE għall-Istat tad-Dritt bħala l-kontribut tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kapaċità tal-UE u tiżgura protezzjoni effettiva u ugwali tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha. B’hekk tirrispondi għat-talbiet mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Filwaqt li ma jiġux esklużi żviluppi futuri tat-Trattati f’dan il-qasam – li jridu jiġu diskussi bħala parti mir-riflessjonijiet usa’ dwar il-ġejjieni tal-Ewropa – , huwa bbażat fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni kif previst fit-Trattati eżistenti. Minbarra l-azzjoni tal-Kummissjoni, ir-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill se jkun essenzjali fit-tisħiħ tad-determinazzjoni tal-UE biex tħares l-istat tad-dritt.

[1]               Ara l-Preambolu tal-KEDB u l-Artikolu 3 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa (http://conventions.coe.int/Treaty/en/Treaties/Html/001.htm).

[2]               Ara l-Artikoli 3(2) tat-TUE u 67 tat-TFUE.

[3]               Ara d-diskors tal-Viċi President Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE, "The EU and the Rule of Law – What next?"""(http://europa.eu/rapied/press-release_SPEECH-13-677_en.htm).

[4]               Ara http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-12-596_en.htm u http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-13-684_en.htm

[5]               F’Marzu 2013, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi talbu għal aktar salvagwardji Ewropej biex tiġi żgurata l-konformità mal-valuri fundamentali tal-Unjoni fl-Istati Membri. Dwar id-diskussjoni fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali ara http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/genaff/136915.pdf. Fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ara http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/jha/137404.pdf

[6]               Ara r-riżoluzzjonijiet tal-PE li jistabbilixxu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għall-istituzzjonijiet tal-UE dwar kif tista' tissaħħaħ il-protezzjoni tal-Artikolu 2 tat-TUE (ir-Rapport ta' Rui Tavares tal-2013, ir-Rapporti ta' Louis Michel u Kinga Göncz tal-2014 - http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/libe/reports.html).

[7]               F'Novembru 2013, fl-Assises de la Justice, li hija konferenza ta' livell għoli dwar il-futur tal-ġustizzja fl-UE li attendew għaliha aktar minn 600 parti interessata, sessjoni waħda ġiet iddedikata speċifikament għas-suġġett "Lejn mekkaniżmu ġdid ta' stat tad-dritt". Ġiet organizzata sejħa għal rispons kemm qabel il-konferenza kif ukoll wara li rriżultat f'għadd kbir ta' kontribuzzjonijiet bil-miktub (ara http://ec.europa.eu/justice/events/assises-justice-2013/contributions_en.htm).

[8]               Kif enfasizza l-President Barroso fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni ta’ Settembru 2013, il-qafas "għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri u użat biss f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm riskju serju u sistemiku għall-istat tad-dritt, u li nħoloq minħabba referenzi predefiniti" (see http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-13-684_mt.htm).

[9]               Il-Kummissjoni ta’ Venezja, msejħa uffiċjalment il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt, hija korp konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa dwar kwistjonijiet kostituzzjonali (ara http://www.venice.coe.int/WebForms/pages/?p=01_Presentation).

[10]             Għal ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza rilevanti dwar l-istat tad-dritt u l-prinċipji li l-istat tad-dritt jinvolvi ara Anness I.

[11]             Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmilx referenza għall-istat tad-dritt bħala sempliċement rekwiżit formali u proċedurali, iżda tenfasizza wkoll il-valur sostantiv tiegħu billi tispeċifika li "Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt" tfisser li l-istituzzjonijiet tal-UE huma soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju tal-kompatibbilità tal-azzjonijiet tagħhom mhux biss mat-Trattat iżda "mal-prinċipji ġenerali tal-liġi li jinkludu d-drittijiet fundamentali" (ara ex pluribus, l-Kawża C-50/00 P, Unión de Pequeños Agricultores [2002] Ġabra I-06677, paragrafi 38 u 39; Il-Kawżi Magħquda C-402/05 P u C-415/05 P, Kadi, [2008], Ġabra I-06351, paragrafu 316). Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tagħti l-istat tad-dritt natura sostantiva billi tistabbilixxi li huwa kunċett inerenti fl-Artikoli kollha tal-KEDB (ara pereżempju QEDB Stafford vs ir-Renju Unit, 28 ta’ Mejju 2001, paragrafu 63). Irid jiġi enfasizzat li fil-verżjoni Franċiża l-Qorti ma tużax biss it-termini "pre-eminence du droit" (preċedenza tal-liġi), iżda wkoll "Etat de Droit" (l-istat tad-dritt).

[12]             Ara l-Kawża C-168/13, Jeremy F vs Premier Ministre, li għadha ma ġietx ippubblikata, paragrafi 35 u 36.

[13]             Ara, pereżempju, il-Kawża C-286/12 Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, li għadha ma ġietx ippubblikata (trattament ugwali fir-rigward tal-irtirar obbligatorju ta’ mħallfin u prosekuturi pubbliċi); C-518/07 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [2010] Ġabra I-01885 u C-614/10 Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, li għadha ma ġietx ippubblikata (indipendenza tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta).

[14]             L-azzjoni tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali turi din il-limitazzjoni ġuridika li tirriżulta mit-Trattat innifsu. Kif spjegat fil-Komunikazzjoni tagħha "Strategy for the effective implementation of the Charter of Fundamental rights" tad-19 ta’ Ottubru 2010 (COM(2010) 573 final), il-Kummissjoni hija determinata li tuża l-mezzi kollha disponibbli sabiex tiżgura li l-Karta tiġi rispettata b'mod sħiħ mill-Istati Membri. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-Karta li jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet tagħha garantiti mil-liġi tal-UE jiġu miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal indipendenti. Madankollu, dan jista’ jsir mill-Kummissjoni vis-à-vis l-Istati Membri "meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni biss", kif stipulat b’mod espliċitu fl-Artikolu 51 tal-Karta. Ara pereżempju l-Kawża C-87/12, Kreshnik Ymeraga u Oħrajn vs Ministre du Travail, de l’Emploi et de l'Immigration, li għadha ma ġietx ippubblikata, C-370/12 Thomas Pringle vs il-Gvern tal-Irlanda, l-Irlanda u lill-Avukat Ġenerali, li għadha ma ġietx ippubblikata u C-617/10, Åklagaren vs Hans Åkerberg Fransson, li għadha ma ġietx ippubblikata.

[15]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2003: Respect for and promotion of the values on which the Union is based, COM(2003) 606 final.

[16]             F’xi każijiet, nuqqasijiet sistemiċi marbutin mal-istat tad-dritt jistgħu jiġu trattati bl-użu ta’ Mekkaniżmi ta’ Kooperazzjoni u Verifika (CVM) bbażati fuq l-Atti ta’ Adeżjoni għar-Rumanija u l-Bulgarija. Madankollu, dawn il-mekkaniżmi, li l-bażi tagħhom tinsab direttament fil-liġi primarja tal-UE, jindirizzaw sitwazzjonijiet relatati li seħħew qabel l-adeżjoni u għalhekk huma tranżitorji. Għalhekk dawn mhumiex adattati għall-indirizzar ta' theddida għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha tal-UE.

[17]             L-Artikolu 8 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa jipprovdi li Stat Membru li jkun "kiser b'mod serju" il-prinċipji tas-supremazija tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jista’ jiġi sospiż mid-drittijiet tiegħu ta’ rappreżentanza u saħansitra jitkeċċa mill-Kunsill tal-Ewropa. Bħall-mekkaniżmi stabbiliti fl-Artikolu 7 tat-TUE, dan il-mekkaniżmu qatt ma ntuża.

[18]             Fir-rigward tal-kunċett ta’ "nuqqasijiet sistemiċi" fil-konformità mad-drittijiet fundamentali meta wieħed jaġixxi fl-ambitu tal-liġi tal-UE, ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda C-411/10 u 493/10, N.S., li għadhom ma ġewx ippubblikati, paragrafi 94 u 106; u l-Kawża C-4/11, Il-Ġermanja vs Kaveh Puid, li għadha ma ġietx ippubblikata, paragrafu 36. Rigward il-kunċett ta’ “sistemika” jew “strutturali” fil-kuntest tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara wkoll ir-rwol tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-identifikazzjoni ta' problemi sistemiċi sottostanti, kif definiti fir-Riżoluzzjoni Res(2004)3 tal-Kumitat tal-Ministri tat-12 ta’ Mejju 2004, dwar Judgments Revealing an Underlying Systemic Problem, (https://wcd.coe.int/ViewDoc.jsp?id=743257&Lang=fr).

[19]             Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2003 (nota 15 f’qiegħ il-paġna).

[20]             Ara b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, (ĠU L 53, p. 1).

[21]             Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2003 (nota 15 f’qiegħ il-paġna).

[22]             L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tista’ tagħti pariri fl-ambitu tal-kompiti tagħha kif definit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (ara n-nota 20 ta’ qiegħ il-paġna).

[23]             In-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea (ara http://www.networkpresidents.eu/).

[24]             L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli ta' l-Istati u l-Amministrazzjonijiet Supremi tal-Ġurisdizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea (ara http://www.aca-europe.eu/index.php/en/).

[25]             In-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli tal-Ġudikatura (ara http://www.encj.eu).

Anness I: L-Istat tad-Dritt bħala prinċipju fundamentali tal-Unjoni

L-istat tad-dritt u s-sistema legali tal-Unjoni

L-istat tad-dritt huwa prinċipju kostituzzjonali legalment vinkolanti. Huwa unanimament rikonoxxut bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali inerenti fis-sistemi kostituzzjonali kollha tal-Istati Membri tal-UE u l-Kunsill tal-Ewropa.

Ferm qabel ma l-prinċipju tal-istat tad-dritt kien imsemmi b'mod espliċitu fit-Trattati tal-UE[1], il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-1986 "Les Verts" kienet enfasizzat li l-UE hija bbażata fuq l-istat tad-dritt minħabba li la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jevitaw stħarriġ tal-mistoqsija jekk il-miżuri adottati minnhom humiex f'konformità mal-Karta Kostituzzjonali bażika, it-Trattat"[2]. 

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tindika li l-istat tad-dritt huwa s-sors tal-prinċipji ġustizzjabbli applikabbli b'mod sħiħ fiis-sistema legali tal-UE. Il-Qorti tenfasizza wkoll li dawn il-prinċipji huma prinċipji ġenerali tal-liġi mnisslin mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Il-prinċipji li ġejjin huma sinifikanti:

(a) il-prinċipju tal-legalità,li f’termini sostanzjali jinkludi proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralista biex jiġu ppromulgati l-liġijiet. Il-Qorti kkonfermat il-prinċipju tal-legalità bħala prinċipju fundamentali tal-Unjoni, billi stqarret li "[...] f'komunità ta' dritt, ir-rispett tal-legalità għandu jkun garantit kompletament "[3];

(b) ċertezza tad-dritt,  li tirrekjedi fost oħrajn li r-regoli jkunu ċari u prevedibbli u ma jistgħux jinbidlu retroattivament. Il-Qorti enfasizzat l-importanza taċ-ċertezza tad-dritt billi ddikjarat li minħabba l-prinċipji taċ-ċertezza tad-dritt u l-protezzjoni tal-aspettattiva leġittima, "[...] l-effett tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] għandu jkun ċar u prevedibbli għal dawk li huma soġġetti għaliha [...]". Il-Qorti ddikjarat ukoll li "[...] il-prinċipju taċ-ċertezza tad-dritt jipprekludi miżura [tal-Unjoni] milli tidħol fis-seħħ f'data qabel il-pubblikazzjoni tagħha u li jekk ikun mod ieħor, f’każijiet eċċezzjonali biss, fejn l-għan li għandu jinkiseb jitlob hekk u fejn l-aspettativi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati jkunu rispettati kif jixraq"[4]; 

(c) projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat: "Madankollu, fis-sistemi legali kollha tal-Istati Membri, kull intervent mill-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam ta’ attivitajiet privati ta’ kull persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, għandu jkollu bażi legali u jkun iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti mil-liġi, u, għalhekk, dawn is-sistemi jipprovdu, għalkemm f’forom differenti, il-protezzjoni kontra intervent arbitrarju jew sproporzjonat. Il-ħtieġa għal din il-protezzjoni trid tiġi rikonoxxuta bħala prinċipju ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni]. […]"[5];

(d) stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u effettiv, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-Qorti tenniet li l-UE hija unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt li fiha l-atti tal-istituzzjonijiet tagħha huma soġġetti għal stħarriġ tal-kompatibilità tagħhom, b’mod partikolari, it-Trattati, il-prinċipji ġenerali tad-dritt u d-drittijiet fundamentali". Il-Qorti speċifikat li dan ifisser, b’mod partikolari, li "individwi huma intitolati għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li għandhom mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni". Il-Qorti spjegat b’mod ċar li d-dritt għal protezzjoni bħal din huwa “wieħed mill-prinċipji ġenerali tal-liġi mnissel mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ilu stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali"[6].  

(e) Barra minn hekk, fir-rigward tar-rabta bejn id-dritt għal proċess ġust u s-separazzjoni tas-setgħat il-Qorti speċifikat li “[...] il-prinċipju ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] li jippermetti li kull persuna jkollha dritt għal proċess ġust, ispirat mill-Artikolu 6 tal-KEDB [...] jinkludi d-dritt għal tribunal li huwa indipendenti għas-setgħa eżekuttiva b’mod partikolari [...][7]".  Il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, huwa fil-fatt, element importanti biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-istat tad-dritt. Madankollu, dan jista’ jieħu forom differenti minħabba mudelli parlamentari differenti u livelli differenti li dan il-prinċipju japplika għalihom fil-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Qorti għamlet referenza għas-separazzjoni operattiva tas-setgħat bħala stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u effettiv, u indikat li "[...] il-liġi tal-UE ma għandhiex tipprekludi Stat Membru milli fl-istess ħin jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi, amministrattivi u ġudizzjarji, sakemm dawn il-funzjonijiet jitwettqu skont il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament tal-istat tad-dritt"[8].

(f) ugwaljanza quddiem il-liġi. Il-Qorti enfasizzat ir-rwol ta’ trattament ugwali bħala prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE billi tistqarr li "għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea"[9].

L-istat tad-dritt u l-Kunsill tal-Ewropa

Dawk l-aspetti tal-istat tad-dritt bħala denominatur komuni tal-Unjoni huma riflessi b'mod sħiħ fil-livell tal-Kunsill tal-Ewropa. Filwaqt li ma hemmx definizzjoni fl-istatut tal-Kunsill tal-Ewropa jew fil-KEDB[10], u minħabba li l-lista preċiża tal-prinċipji, l-istandards u l-valuri li joriġinaw mill-istat tad-dritt jistgħu ivarjaw fuq livell nazzjonali, il-Kummissjoni ta' Venezja, f'rapport ippubblikat fl-2011 tirreferi għall-istat tad-dritt bħala "standard Ewropew fundamentali u komuni biex jiggwida u jillimita l-eżerċizzju tas-setgħat tad-demokrazija" u bħala "parti inerenti ta' kull soċjetà demokratika" li "tirrikjedi li kulħadd jiġi trattat minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet b'dinjità, ugwaljanza u razzjonalità u skont id-dritt, u jkollu l-opportunità li jikkontesta d-deċiżjoijiet quddiem qrati indipendenti u imparzjali"[11]. Partikolarment, fuq il-bażi wkoll tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fir-Rapport tagħha l-Kummissjoni ta’ Venezja identifikat il-karatteristiċi importanti u ġeneralment komuni iżda mhux eżawrjenti li ġejjin tal-istat tad-dritt:

(a) legalità (inkluż proċess trasparenti, responsabbli u demokratiku li jippromulga l-liġijiet);

(b) ċertezza tad-dritt;

(c) projbizzjoni ta’ arbitrarjetà;

(d) aċċess għall-ġustizzja quddiem qrati indipendenti u imparzjali;

(e) rispett għad-drittijiet tal-bniedem; nondiskriminazzjoni u ugwaljanza quddiem id-dritt.

L-istat tad-dritt fuq livell nazzjonali

Filwaqt li l-istat tad-dritt ma kienx definit b'mod preċiż jew eżawrjenti minn kostituzzjonijiet nazzjonali jew qrati, u ma kienx dejjem kodifikat b'mod ċar u uniformi f'kostituzzjonijiet bil-miktub, huwa denominatur komuni fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali Ewropej moderni. F’bosta ċirkustanzi l-qrati nazzjonali jagħmlu referenza għalih sabiex jiggwidaw l-interpretazzjoni tagħhom tal-liġi nazzjonali jew jużawh bħala sors biex jiżviluppaw b'mod sħiħ il-prinċipji ġustizzjabbli.

Anness II

[1]               L-ewwel referenza għall-istat tad-dritt kienet tinsab fil-Preambolu tat-Trattat ta’ Maastricht tal-1992. It-Trattat ta’ Amsterdam semma l-Istat tad-Dritt fl-Artikolu 6(1) sostanzjalment bl-istess mod bħall-Artikolu 2 kurrenti tat-TUE.

[2]               Il-Kawża 294/83, "Les Verts" vs Il-Parlament Ewropew, [1986] Ġabra 01339, paragrafu 23.

[3]               Il-Kawża C-496/99 P, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta [2004] Ġabra I-03801, paragrafu 63.

[4]               Il-Kawżi Magħquda 212 sa 217/80 Amministrazione delle Finanze dello Stato vs Salumi [1981] Ġabra 2735, paragrafu 10.

[5]               Il-Kawżi Magħquda 46/87 u 227/88 Hoechst vs Il-Kummissjoni [1989] Ġabra 02859, paragrafu 19.

[6]               Il-Kawża C-583/11 P Inuit Tapiriit Kanatami u Oħrajn vs Il-Parlament u l-Kunsill, li għadha ma ġietx ippubblikata, paragrafu 91; Il-Kawża C-550/09 E u F, [2010] Ġabra I-06213, paragrafu 44; Il-Kawża C-50/00 P Unión de Pequeños Agricultores [2002] Ġabra I-06677, paragrafu 38 u 39.

[7]               Kawżi Magħquda C-174/98 P u C-189/98 P, Il-Pajjiżi l-Baxxi u Van der Wal vs Il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-00001, paragrafu 17.

[8]               Il-Kawża C-279/09 DEB, [2010] Ġabra I-13849, paragrafu 58.

[9]               Il-Kawża C-550/07 P, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni [2010] Ġabra I-08301, paragrafu 54.

[10]             Fil-preambolu tad-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (1948) hemm referenza għall-istat tad-dritt iżda l-ebda definizzjoni.

[11]             Ara r-Rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-4 ta’ April 2011 L-Istudju Nru 512/2009 (CDL-AD(2011)003rev).