52014DC0099

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju /* COM/2014/099 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju

1.           INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006[1] (magħrufa bħala d-Direttiva dwar il-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju - minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva CCS") ġiet adottata fit-23 ta' April 2009 flimkien ma' partijiet oħra tal-pakkett klima-enerġija tal-2009[2]. Id-Direttiva CCS tistabbilixxi qafas legali għall-ħżin ġeoloġiku mingħajr ħsara għall-ambjent tad-diossidu tal-karbonju (CO2) biex tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Id-Direttiva CCS għandha l-għan li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti ta' tnixxija ta' CO2 jew ta' ħsara għas-saħħa jew għall-ambjent, u li tevita effetti avversi fis-sigurtà tan-netwerk tat-trasport jew is-siti tal-ħżin. Id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti li jkopru t-tul ta' żmien tal-operat kollu ta' sit tal-ħżin. Tistabbillixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-ġbir u t-trasport ta' komponenti ta' CCS, minkejja li dawn l-attivitajiet huma koperti prinċipalment b'leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ambjent, bħad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA)[3] jew id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali[4], flimkien mal-emendi li ġew introdotti bid-Direttiva CCS. Qegħdin jiġu emendati seba' partijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali permezz tal-Artikoli 31 sa 37, inter alia sabiex jitneħħew l-ostakoli legali għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2.

L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva CCS jeżiġi li l-Istati Membri jippreżentaw rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva lill-Kummissjoni, li jitfassal abbażi ta' kwestjonarju adottat mill-Kummissjoni[5]. Ir-rapporti tal-Istati Membri, li twasslu lill-Kummissjoni bejn Lulju tal-2011 u April tal-2013, ikkontribwixxew għall-ewwel rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva CCS, kif jeżiġi l-Artikolu 38(1) tagħha.

Ċerti kwistjonijiet dwar il-politika relatata ma' dan is-suġġett, bħall-għażliet possibbli biex titħeġġeġ id-dimostrazzjoni ta' CCS u l-implimentazzjoni bikrija, ġew diskussi fil-Komunikazzjoni Konsultattiva tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa[6] u ġew segwiti aktar fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-2013: l-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġija tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju fl-Ewropa[7].

2.           IL-PROGRESS ĠENERALI FL-IMPLIMENTAZZJONI

L-Artikolu 39(1) tad-Direttiva CCS jeżiġi li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-25 ta' Ġunju 2011. Sa dik id-data ta' skadenza, kienu biss ftit l-Istati Membri li rrapurtaw traspożizzjoni sħiħa jew parzjali, u għaldaqstant f'Lulju tal-2011 il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' notifika formali għan-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri nazzjonali lil 26 Stat Membru. Sa Ottubru tal-2013, l-Istati Membri kollha nnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni. Dan ippermetta li sa Novembru tal-2013 il-Kummissjoni tagħlaq 19-il każ ta' ksur mis-26 każ li kien hemm. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri lestew it-traspożizzjoni tad-Direttiva; madankollu, l-Awstrija, Ċipru, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Iżvezja u s-Slovenja għadhom ma nnotifikawx il-miżuri tat-traspożizzjoni kompleta. F'Novembru tal-2013, il-Kummissjoni indirizzat opinjonijiet motivati[8] lil dawn is-sitt Stati Membri fir-rigward ta' dan in-nuqqas ta' komunikazzjoni parzjali. Stat Membru ieħor li rċieva ittra ta' notifika formali għan-nuqqas ta' komunikazzjoni, innotifika l-miżuri tat-traspożizzjoni fl-istess żmien li tħejja l-abbozz ta' dan ir-rapport; il-verifika tal-kompletezza tagħhom se tiġi ffinalizzata fir-rebbiegħa tal-2014. Il-Kummissjoni bdiet tivverifika wkoll jekk il-miżuri nnotifikati, filwaqt li jkunu kompleti, jikkonformawx ukoll mad-Direttiva CCS.

L-Istati Membri adottaw approċċi differenti għat-traspożizzjoni tad-Direttiva CCS. Filwaqt li bosta ddeċidew li jemendaw biss il-leġiżlazzjoni eżistenti, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu li jlaqqgħu flimkien il-leġiżlazzjoni speċifika l-ġdida dwar il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2  u l-emendi fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Minbarra approċċi simili li ttieħdu fit-traspożizzjoni tal-emendi fis-sitt Direttivi tal-UE introdotti permezz tal-Artikoli 31 sa 35 u 37 tad-Direttiva CCS, l-emendi fil-leġiżlazzjoni eżistenti juru xi elementi komuni madwar l-UE: 17-il Stat Membru emendaw il-leġiżlazzjoni ambjentali tagħhom u tmienja minnhom bidlu wkoll il-leġiżlazzjoni dwar il-minjieri tagħhom. L-Artikolu 23 tad-Direttiva CCS jeżiġi li kull Stat Membru jinnomina awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tad-dmirijiet stabbiliti f'dik id-Direttiva. Filwaqt li xi Stati Membri għażlu awtorità kompetenti waħda, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri assenjaw ir-responsabbiltajiet lil diversi awtoritajiet, billi s-CCS jintrabtu ma' għadd ta' oqsma regolatorji differenti. L-awtoritajiet kompetenti li ntgħażlu bl-akbar frekwenza kienu l-korpi ambjentali (18-il Stat Membru), segwiti mill-isitiuzzjonijiet responsabbli mill-oqsma tal-ekonomija, l-enerġija u l-minjieri.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva CCS, l-Istati Membri jżommu d-dritt li jiddeterminaw l-oqsma li minnhom jintgħażlu s-siti tal-ħżin, inkluż id-dritt li ma jippermettu l-ebda ħżin f'xi parti tat-territorju tagħhom. Xi Stati Membri diġà bdew jiddeterminaw siti ta' ħżin potenzjali. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom ma ffinalizzawx il-valutazzjoni. Ġiet ipprovvduta evalwazzjoni tal-kapaċità tal-ħżin tas-CO2 mill-proġett tal-UE GeoCapacity[9], li fiha l-21 Stat Membru li qed jipparteċipaw ingħataw stima tal-ħżin potenzjali teoretiku ta' 87Gt ta' CO2 (69Gt f'akwifers mielħa fil-fond - deep saline aquifers, 17Gt f'depożiti tal-idrokarburi użati u 1Gt f'saffi tal-faħam li ma jistgħux jitħaffru).

Filwaqt li fil-biċċa l-kbira l-Istati Membri jippermettu l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2, xi wħud irrappurtaw deċiżjoni li ma jippermettux il-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom jew f'parti minnu billi l-ġeoloġija tagħhom mhix adattata għall-ħżin tas-CO2 (il-Finlandja, il-Lussemburgu u r-Reġjun Kapitali ta' Brussell tal-Belġju). Kien hemm ukoll xi Stati Membri oħra li ma ppermettewx il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 (l-Awstrija, l-Estonja, l-Irlanda, il-Latvja, is-Slovenja u l-Iżvezja) jew irrestrinġewh (ir-Repubblika Ċeka[10], u l-Ġermanja[11]).

Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva CCS, l-applikazzjonijiet għall-permess tal-ħżin għandhom ikunu disponibbli mill-Kummissjoni, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tesprimi opinjoni mhux vinkolanti dwarhom. L-għan huwa li tkun żgurata l-konsistenza fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva CCS madwar l-UE u anki sabiex tittejjeb il-kunfidenza tal-pubbliku fis-CCS. Fit-28 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni adottat l-ewwel opinjoni tagħha ta' dan it-tip[12], li rrevediet l-abbozz tal-permess maħruġ mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-ħżin permanenti intiż ta' 8.1Mt ta' CO2 f'riżerva tal-ħżin fuq il-pjattaforma kontinentali Olandiża.

Minbarra l-verifika tat-traspożizzjoni tad-Direttiva CCS u r-reviżjoni tal-abbozz ta' permessi għall-ħżin, il-Kummissjoni twettaq attivitajiet oħra sabiex issostni l-konsistenza fl-implimentazzjoni tad-Direttiva CCS madwar l-UE. F'Settembru tal-2009 ġie stabbilit Grupp ta' Esperti għall-Iskambju tal-Informazzjoni mill-Istati Membri skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva CCS. S'issa l-grupp iltaqa' seba' darbiet. F'Marzu tal-2011 ġew ippubblikati erba' dokumenti ta' gwida[13] bil-ħsieb li jipprovdu approċċ metodoloġiku globali għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva CCS. Id-dokumenti ta' gwida huma indirizzati prinċiplament lill-awtoritajiet kompetenti u lill-partijiet interessati rilevanti. L-ewwel dokument ta' gwida jippreżenta qafas tal-ġestjoni tar-riskju għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-ħżin tas-CO2, filwaqt li t-tlieta l-oħra jindirizzaw kwistjonijiet bħall-karatterizzazzjoni tal-ħżin kumpless, il-kompożizzjoni tan-nixxiegħa tas-CO2, il-monitoraġġ tal-miżuri korrettivi, il-kriterji għat-trasferiment tar-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti, is-sigurtà finanzjarja u l-mekkaniżmu finanzjarju.

3.           KWISTJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-IMPLIMENTAZZJONI FL-ISTATI MEMBRI

3.1.        Il-permess għall-ħżin tas-CO2

Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva CCS, l-adattezza ta' sit għall-ħżin tiġi ddeterminata permezz tal-karatterizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-kumpless tal-ħżin potenzjali u tal-madwar skont il-kriterji speċifikati fl-Anness I tad-Direttiva CCS. L-Istati Membri li jippermettu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom fil-biċċa l-kbira implimentaw din id-dispożizzjoni billi inkorporaw l-Anness I fil-leġiżlazzjoni tagħhom.

Meta l-Istati Membri jiddeterminaw li l-esplorazzjoni hi meħtieġa biex jiġi ġġenerat it-tagħrif meħtieġ għall-għażla tas-siti tal-ħżin tas-CO2, dawn iridu jiżguraw li l-ebda esplorazzjoni ta’ din ix-xorta ma sseħħ bla permess għall-esplorazzjoni. Filwaqt li xi Stati Membri jeżiġu li l-esplorazzjoni ssir biss meta l-informazzjoni ma tkunx biżżejjed biex issir applikazzjoni diretta għal permess għall-ħżin, oħrajn dejjem jeżiġu permessi għall-esplorazzjoni. Sabiex jillimitaw il-volum taż-żona esplorata, xi Stati Membri (eż. il-Portugall) jillimitawh direttament, filwaqt li oħrajn (eż. il-Bulgarija u l-Ungerija) jillimitaw biss it-territorju tal-erja tal-wiċċ li indirettament jiddetermina l-volum massimu ta' esplorazzjoni. Diversi Stati Membri (eż. ir-Repubblika Ċeka, Franza, Spanja, l-Italja, il-Polonja u r-Renju Unit) diġà ħarġu l-permessi għall-esplorazzjoni jew qegħdin fil-proċess li joħorġuhom.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva CCS jeżiġi li l-ebda sit tal-ħżin ma jkun operat mingħajr permess għall-ħżin  L-Artikoli 7 sa 11 jelaboraw dwar l-applikazzjoni għall-permess għall-ħżin, il-kundizzjonijiet u l-kontenuti, kif ukoll it-tibdil, ir-reviżjoni, l-aġġornament u l-irtirar potenzjali tal-permessi għall-ħżin. Id-dispożizzjonijiet tat-traspożizzjoni ta' dawn l-Artikoli jixbhu ħafna lil-leġiżlazzjoni ta' ħafna Stati Membri. Flimkien mar-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-abbozz tal-permessi għall-ħżin skont l-Artikolu 10(1)[14], dan għandu jirriżulta f'implimentazzjoni konsistenti tad-dipożizzjonijiet relatati mal-permessi madwar l-UE.

3.2.        L-obbligi għall-operat tas-siti tal-ħżin

L-Artikolu 12 tad-Direttiva CCS jispeċifika l-kriterji u l-proċeduri għall-aċċettazzjoni tan-nixxiegħa tas-CO2. Filwaqt li l-atti tat-traspożizzjoni tal-maġġoranza tal-Istati Membri jinkludu rekwiżit ġeneriku li n-nixxiegħa trid tikkonsisti fil-biċċa l-kbira mis-CO2, u li ma jista' jiżdied l-ebda skart bl-iskop li jintrema, xi wħud jimponu limiti speċifiċi għall-komponenti tan-nixxiegħa tas-CO2. Diversi Stati Membri li jirrestrinġu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom għadhom ma kkomunikawx id-dispożizzjonijiet tat-traspożizzjoni għall-Artikolu 12, filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri diġa kkomunikaw id-dispożizzjonijiet li jiżguraw li operatur tal-ħżin jista' jaċċetta jew jinjetta nixxigħat tas-CO2 biss jekk tkun twettqet analiżi tal-kompożizzjoni tan-nixxigħat u jekk tkun twettqet valutazzjoni tar-riskju b'konklużjoni pożittiva. Fir-rigward tal-proċeduri għall-monitoraġġ tal-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti, xi Stati Membri jeħtieġu li l-operaturi jirrapurtaw il-kompożizzjoni tan-nixxiegħa tas-CO2 b'intervalli regolari (eż: tal-anqas darba f'xahar fl-Estonja, u tal-anqas kull sitt xhur fil-Ġermanja).

Id-dispożizzjonijiet tal-monitoraġġ (l-Artikolu 13) jistipulaw li l-operaturi jridu jwettqu monitoraġġ tal-faċilitajiet tal-injezzjoni, tal-kumpless tal-ħżin u meta xieraq tal-ambjent tal-madwar, abbażi ta' pjan tal-monitoraġġ. L-Istati Membri li jippermettu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom jeħtieġu li l-pjan ta' monitoraġġ jintbagħat lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni bħala parti mill-applikazzjoni għall-permess għall-ħżin. Il-maġġoranza tal-Istati Membri inkludew ir-rekwiżiti għall-pjan ta' monitoraġġ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jikkonformaw mal-Anness II tad-Direttiva CCS u kif ukoll mar-rekwiżiti tar-rappurtar[15] skont id-Direttiva ETS[16]. Pereżempju, il-Lussemburgu jeżiġi li r-riżultati tal-monitoraġġ jitqabblu mal-imġiba mbassra mis-simulazzjoni dinamika 3D għall-pressjoni-volum u s-saturazzjoni.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-operaturi jridu jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetienti tal-anqas darba f'sena, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva CCS. Diversi Stati Membri jistabbilixxu rekwiżit li jirrappurtaw aktar spiss, jekk l-awtorità kompetenti titlob dawn ir-rapporti.

Skont l-Artikolu 15 trid tinħoloq sistema ta' spezzjonijiet f'rutina u mhux f'rutina tal-kumplessi tal-ħżin kollha, filwaqt li r-riżultat ikun disponibbli għall-pubbliku. L-Istati Membri li jippermettu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom implimentaw id-dispożizzjoni tat-twettiq ta' spezzjonijiet f'rutina tal-anqas darba f'sena sa tliet snin wara l-għeluq. Il-Ġermanja għandha rekwiżit aktar strett għall-ispezzjonijiet: l-ispezzjonijiet f'rutina jridu jibqgħu jsiru darba f'sena anke wara l-għeluq tas-sit.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva CCS jistipula li f'każ ta' tnixxija jew irregolaritajiet sinifikanti, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-operatur jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti u jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa. L-Istati Membri li jippermettu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom żguraw li l-pjan ta' miżuri korrettivi jinħtieġ li jintbagħat lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni bħala parti mill-applikazzjoni għall-permess għall-ħżin. Uħud mill-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali speċifiċi f'każ li l-operatur jonqos milli jwettaq il-miżuri korrettivi, bħall-multi jew l-irtirar tal-permess.

3.3.        L-obbligi tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq

L-Istati Membri li jippermettu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom implimentaw l-Artikolu 17, li jistipula li wara l-għeluq ta' sit tal-ħżin l-operatur jibqa' responsabbli mill-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-miżuri korrettivi, u mill-obbligi kollha relatati maċ-ċediment tal-kwoti f'każ ta' tnixxija, sakemm ir-responsabbiltà għas-sit tal-ħżin tiġi ttrasferita lill-awtorità kompetenti. Il-pjan ta' wara l-għeluq għall-dan il-perjodu jrid jitfassal f'konformità mal-Anness II tad-Direttiva CCS, li jelenka r-rekwiżiti tal-monitoraġġ.

L-Istati Membri li jippermettu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom implimentaw ukoll l-Artikolu 18, li jistabbilixxi li r-responsabbiltà tas-sit tal-ħżin tiġi ttrasferita lill-awtorità kompetenti biss f'każ li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet mill-operatur. Fost dawn il-kundizzjonijiet, l-operatur irid jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja biex ikopri l-obbligi ta' wara t-trasferiment, irid ukoll jissottometti rapport li jiddokumenta evidenza li s-CO2 maħżun se jiġi kkontenut kompletament u b'mod permanenti. Fir-rigward tal-perjodu minimu bejn l-għeluq tas-sit u t-trasferiment tar-responsabbiltà, il-leġiżlazzjoni ta' bosta Stati Membri tirrikjedi tal-anqas 20 sena, diment li l-awtorità kompetenti ma tiġix persważa qabel li s-CO2 maħżun se jiġi kkontenut kompletament u b'mod permanenti. Xi ftit Stati Membri jagħżlu perjodi prestabbiliti itwal ta' 30 jew 40 sena, filwaqt li oħrajn jimmiraw li jiġġudikaw abbażi ta' każ b'każ.

3.4.        Il-garanziji finanzjarji

Id-Direttiva CCS tistipula żewġ mekkaniżmi finanzjarji – sigurtà finanzjarja għall-perjodu sat-trasferiment tar-responsabbiltà, u kontribuzzjoni finanzjarja għall-perjodu ta' wara t-trasferiment tar-responsabbiltà.

L-Artikolu 19 tad-Direttiva CCS jeżiġi li l-operaturi potenzjali jipprovdu sigurtà finanzjarja biex jiżguraw li l-obbligi kollha skont il-permess tal-ħżin jistgħu jiġu ssodifati, kemm għall-perjodu tal-operat u kemm għall-perjodu tal-għeluq u ta' wara l-għeluq, inklużi l-obbligi relatati maċ-ċediment tal-kwoti f'każijiet ta' tnixxija. L-iskop tas-sigurtà finanzjarja huwa li jkun żgurat li l-kostijiet sabiex jiġu ssodisfati dawn l-obbligi (bħall-monitoraġġ jew il-miżuri f'każijiet ta' tnixxija) ikunu koperti, f'każ li l-operatur ma jkunx jista' jkoprihom. Is-sigurtà finanzjarja trid tkun valida u effettiva qabel il-bidu tal-injezzjoni u trid tkun ippreżentata mill-operatur bħala parti mill-applikazzjoni għall-permess għall-ħżin. Filwaqt li ħafna Stati Membri bilkemm jirreflettu r-rekwiżiti tal-Artikolu 19 fil-leġiżlazzjoni tagħhom, xi wħud adottaw rekwiżiti addizzjonali u stipulaw linji gwida dwar strumenti speċifiċi u kalkoli tas-sigurtà finanzjarja. Pereżempju, fl-Ungerija ġie stabbilit ammont minimu ta' HUF 200 miljun (madwar EUR 671 000)[17] bħala sigurtà finanzjarja, abbażi tal-Att tal-Minjieri tal-1993 tagħha. Xi Stati Membri rrakkomandaw strumenti finanzjari potenzjali bħala sigurtà finanzjarja u din il-lista tinkludi kopertura tal-assikurazzjoni xierqa, kont tal-bank miżmum minn terzi, garanzija bankarja, jew garanzija ta' kumpanija azzjonarja  Dawn l-istrumenti jirrakkomandahom ukoll id-Dokument ta' Gwida 4[18].

L-Artikolu 20 tad-Direttiva CCS jeżiġi li l-operaturi jipprovdu kontribuzzjoni finanzjarja li tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti qabel it-trasferiment tar-responsabbiltà, sabiex ikopru l-kostijiet ta' wara t-trasferiment. L-Istati Membri li jippermettu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom żguraw li fl-ammont tal-kontribuzzjoni tqiesu l-kriterji elenkati fl-Anness I tad-Direttiva CCS u l-istorja tal-ħżin tas-CO2 fis-sit speċifiku, u li din se tkopri tal-anqas il-kostijiet antiċipati tal-monitoraġġ għal-perjodu ta' 30 sena. Xi Stati Membri jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali għall-kontribuzzjoni finanzjarja. Pereżempju, il-Ġermanja teżiġi li l-operatur iġemma 3 % tal-ammont imfaddal mid-detentur tad-drittijiet tal-emissjonijiet permezz tal-ħżin tas-CO2 għal kull sena tal-operat. Dan l-ammont jinżamm f'kont ta' depożitu li jirċievi l-imgħax mal-awtorità kompetenti, u jiġi bbilanċjat mas-sigurtà qabel it-trasferitment tar-responsabbiltà. Pereżempju fir-Repubblika Ċeka, l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja irid iqis il-kost tal-monitoraġġ antiċipat għal tal-anqas 50 sena wara t-trasferiment tar-responsabbiltà.

3.5.        Emendi ta' sitt Direttivi u kwistjonijiet transfruntiera

Sitt Direttivi eżistenti tal-UE ġew emendati bid-Direttiva CCS, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem mir-riskji imposti mill-ħżin ġeoloġiku tas-CO2.

L-Istati Membri kollha li nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri tat-traspożizzjoni kkomunikaw l-implimentazzjoni tal-Artikoli 31, 35 u 37 tad-Direttiva CCS, li jintroduċu rispettivament:

· l-emendi fl-Annessi I u II tad-Direttiva VIA biex tkopri s-siti tal-ħżin, kif ukoll il-ġbir u t-trasport tan-nixxigħat tas-CO2 għall-għan tal-ħżin ġeoloġiku.

· l-esklużjoni tas-CO2 miġbur u ttrasportat għall-iskop tal-ħżin ġeoloġiku, mill-istrumenti assoċjati mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart[19];

· l-emenda fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali biex tinkludi l-ġbir tan-nixxigħat tas-CO2 għall-iskop tal-ħżin ġeoloġiku, bħala waħda mill-attivitajiet koperti b'din id-Direttiva.

L-Istati Membri kollha li nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri tat-traspożizzjoni kkomunikaw ukoll l-implimentazzjoni tal-Artikolu 33 tad-Direttiva CCS, li temenda d-Direttiva dwar l-Impjanti Kbar tal-Kombustjoni[20]. Skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri  jeħtieġ jiżguraw li l-operaturi tal-impjanti tal-kombustjoni bi produzzjoni elettrika ta' 300MW jew aktar jivvalutaw il-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi neċessarji għall-applikazzjoni fil-futur ta' ġbir u ħżin tal-karbonju. Meta l-valutazzjoni tkun pożittiva, fit-sit tal-istallazzjoni għandu jitħalla spazju xieraq għat-tagħmir neċessarju sabiex is-CO2 jinġabar u jiġi kkompressat. Fir-Renju Unit ħarġet gwida addizzjonali li tistipula li mhu se jitħalla l-ebda impjant ġdid tal-kombustjoni bil-kapaċità li jiġġenera 300MWe jew aktar sakemm ma jkunx jipprovdi evidenza li jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 33. Il-gwida tagħti wkoll parir dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-applikanti biex jipprovdu din l-evidenza.

Bosta Stati Membri (eż. il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Renju Unit) irrapurtaw applikazzjoni prattika ta' din l-emenda fid-Direttiva dwar l-Impjanti Kbar tal-Kombustjoni wara l-25 ta' Ġunju 2009. Pereżempju, ġiet riżervata żona ta' 6,000m2 fis-sit tal-installazzjoni ta' impjant kbir tal-kombustjoni f'Mannheim fil-Ġermanja, awtorizzata fis-27 ta' Lulju 2009, bil-ħsieb li 'l quddiem tkun tista' tiġi adattata għall-ġbir tas-CO2.

L-Artikolu 32 u 34 tad-Direttiva CCS jemendaw rispettivament id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma[21], sabiex is-CO2 jkun jista' jiġi injettat f'riżervi tal-ilma mielaħ, u l-Anness III tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali[22], sabiex tinkludi l-operat tas-siti tal-ħżin tas-CO2. Dawn l-Artikoli għandhom jiġu ttrasposti minn dawn l-Istati Membri li jippermettu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom.

Billi ħafna Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi speċifiċi li jindirizzaw it-trasport transfruntiera tas-CO2 u s-siti jew il-kumplessi tal-ħżin transfruntiera, huma biss ftit dawk li għandhom esperjenza transfruntiera marbuta mas-CCS. Eżempju ta' kooperazzjoni transfruntiera ta' dan it-tip hija t-Task Force fil-Baħar tat-Tramuntana fejn kopri pubbliċi u privati mill-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit żviluppaw prinċipji komuni għall-ġestjoni u r-regolament tat-trasport, l-injezzjoni u l-ħżin permanenti tas-CO2 taħt il-qiegħ tal-Baħar tat-Tramuntana[23].

4.           RIMARKI TA’ KONKLUŻJONI

Il-valutazzjonijiet li twettqu fil-kuntest tal-Pjan Direzzjonali tal-UE għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ karbonju fl-2050[24] u l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050[25] iqisu lis-CCS bħala teknoloġija importanti jekk tiġi kummerċjalizzata, u li tikkontribwixxi għal tranżizzjoni għal sistema ta' enerġija b'livell baxx ta' karbonju fl-UE. Implimentazzjoni xierqa u konsistenti tal-qafas regolatorju CCS madwar l-Ewropa, b'mod partikolari dwar l-għażla, l-operat, l-għeluq u l-fażi ta' wara l-għeluq tas-siti tal-ħżin u l-valutazzjoni sabiex l-impjanti kbar tal-kombustjoni jiġu adattati għall-ġbir tasCO2, hija ta' importanza kruċjali bil-ħsieb li jingħata appoġġ għall-wiri tas-CCS u l-użu sussegwenti tagħhom b'mod li tinżamm is-sigurtà ambjentali u li b'mod li tingħata spinta lill-kunfidenza tal-pubbliku fit-teknoloġija CCS.

Ir-rapport juri li s'issa, l-Istati Membri kollha nnotifikaw il-miżuri tat-traspożizzjoni lill-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu li jlaqqgħu flimkien il-leġiżlazzjoni speċifika l-ġdida dwar il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2  u l-emendi fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Il-maġġoranza tal-Istati Membri assenjaw ir-responsabbiltajiet lil aktar minn awtorità kompetenti waħda. Il-valutazzjoni tas-siti tal-ħżin tas-CO2 potenzjali għadha għaddejja, u diversi Stati Membri qed joħorġu permessi għall-esplorazzjoni u l-Kummissjoni qed tirrevedi abbozz wieħed ta' permess għall-ħżin li ġie sottomess. L-Istati Membri li jippermettu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom ikkomunikaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar, l-ispezzjonijiet, it-tnixxija u l-irregolaritajiet sinifikanti, l-obbligi tal-għeluq u ta' wara l-għeluq, kif ukoll iż-żewġ mekkaniżmi finanzjarji stabbiliti bid-Direttiva CCS. Fir-rigward tal-Istati Membri li japplikaw restrizzjonijiet jew jiċħdu l-ħżin tas-CO2 fit-territorju tagħhom, xi wħud ittrasponew biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li għandha x'taqsam mal-aspetti tal-ġbir u t-trasport tas-CCS, filwaqt li oħrajn ittrasponew id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva, inklużi l-Artikoli relatati mal-ħżin.

Il-Kummissjoni tisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni konsistenti tad-Direttiva CCS madwar l-UE. Għalhekk, din issegwi każijiet ta' ksur għan-nuqqas ta' komunikazzjoni parzjali tat-traspożizzjoni tal-miżuri u qed tivverifika jekk il-miżuri nnotifikati jikkonformawx mad-Direttiva CCS. It-tagħrif li nkiseb għal dan ir-rapport, flimkien mal-esperjenza ġenerali tas-CCS, il-progress tekniku u l-aktar għarfien xjentifiku reċenti se jikkontribwixxu fit-tħejjija tar-rapport tal-Kummissjoni li jmiss, li se jivvaluta b'mod partikolari l-aspetti tas-CCS elenkati fl-Artikolu 38(2) tad-Direttiva. Dak ir-rapport ta' reviżjoni għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Marzu 2015.

[1]               ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114-135.

[2]               http://ec.europa.eu/clima/policies/package/index_en.htm

[3]               Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40-48)

[4]               Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17-119)

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/92/UE tal-10 ta’ Frar 2011 (ĠU L 37, 11.2.2011, p. 19-24)

[6]               COM(2013) 180 finali taqsira tar-riżultati tal-konsultazzjoni tista' tinsab hawn: http://ec.europa.eu/energy/coal/ccs_en.htm

[7]               2013/2079(INI)

[8]               Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

[9]               Vangkilde-Pedersen, T. et al. l-2009. FP6 EU GeoCapacity Project, Assessing European Capacity for Geological Storage of Carbon Dioxide, Storage Capacity, WP2, D16 report, 166 pp, http://www.geology.cz/geocapacity/publications

[10]             Il-ħżin tas-CO2 f'formazzjonijiet ta' blat naturali mhux se jiġi awtorizzat fir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta' Jannar 2020.

[11]             Il-Ġermanja imponiet restrizzjonijiet fuq il-kwantità annwali ta' CO2 li tista' tinħażen. It-total nazzjonali huwa ta' 4Mt ta' CO2 u għal kull sit tal-ħżin huwa permess total ta' 1.3Mt.

[12]             C(2012) 1236      

 (http://ec.europa.eu/clima/policies/lowcarbon/ccs/implementation/docs/c_2012_1236_en.pdf)

[13]             http://ec.europa.eu/clima/policies/lowcarbon/ccs/implementation/documentation_en.htm

[14]             Ara l-Kapitolu 2 għad-dettalji dwar ir-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-ewwel abbozz ta' permess għall-ħżin fl-UE.

[15]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/589/KE tat18 ta' Lulju 2007 li tistabbilixxi linji ta' gwida dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li dan l-aħħar inbidlet bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 181, 12.7.2012, p. 30-104).

[16]             Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi kema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32-46).

[17]             Dan l-ammont issarraf fl-EUR skont ir-rati ta’ referenza tal-kambju tal-Euro tal-Bank Ċentrali Ewropew fit-22 ta' Novembru 2013.      http://www.ecb.int/stats/exchange/eurofxref/html/index.en.html

[18]             http://ec.europa.eu/clima/policies/lowcarbon/ccs/implementation/docs/gd4_en.pdf

[19]             Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Dirett (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3-30), inkluża d-Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart.

[20]             Id-Direttiva 2001/80/KE dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1-21) li se titħassar permezz tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali msemmija iktar 'il fuq mill-1 ta' Jannar 2016.

[21]             Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1-73)

[22]             Id-Direttiva Nru 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56-75)

[23]             "Storing CO2 under the North Sea Basin: A key solution for combating climate change" (2007) li jinsab hawn http://www.globalccsinstitute.com/category/organisation/north-sea-basin-task-force u "One North Sea: A study into North Sea cross-border CO2 transport and storage (2010) li jinsab hawn http://www.npd.no/no/Publikasjoner/Rapporter/Samarbeider-om-CO2-lager/

[24]             COM(2011) 112 finali

[25]             COM(2011) 885 finali