52012DC0086

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali /* COM/2014/086 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali

1.           INTRODUZZJONI

Fl-2012, fl-Ewropa waslu 534 miljun turist, jiġifieri 17-il miljun aktar mill-2011 u 52% tal-wasliet internazzjonali kollha mad-dinja kollha. Mit-turiżmu fl-Ewropa ddaħħlu sa EUR 356 biljun, jiġifieri 43% tat-total dinji.[1] Fl-2013, l-ammont ta' ljieli li t-turistu qattgħu fl-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni fl-UE28 l-aktar li laħqu kienu 2.6 biljun lejl, jiġifieri żdiedu b'1.6% mill-2012[2]. Jidher ċar li t-turiżmu hu attività ekonomika importanti f'bosta reġjuni marittimi u kostali. Madankollu, it-tibdil fl-ekonomija dinjija qed jolqot lis-settur, u jġib miegħu bidliet sinifikanti fl-andament tat-turiżmu u fis-swieq tal-oriġini.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2010[3], il-Kummissjoni ħabbret strateġija għal turiżmu kostali u marittimu sostenibbli[4]. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqgħu din il-proposta u enfasizzaw il-ħtieġa ta' azzjoni konġunta. Konsultazzjoni pubblika li saret fl-2012 tat bażi soda għal inizjattiva speċifika tal-UE[5].

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-2012 dwar it-Tkabbir Blu[6] semmiet it-turiżmu kostali u marittimu fost il-ħames oqsma ta' enfasi għal tkabbir sostenibbli u impjiegi fl-ekonomija l-blu. Ir-rapport tal-2013 tal-Parlament Ewropew dwar it-Tkabbir Blu[7] laqa' dan il-qafas Ewropew u rrakkomanda għadd ta' azzjonijiet biex isaħħu s-settur u jappoġġaw l-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli f'destinazzjonijiet kostali.

Is-settur turistiku qed jikber u dan joħloq sfida biex jinħataf il-potenzjal tiegħu li b'mod sostenibbli joħloq benefiċċji ekonomiċi. Din il-Komunikazzjoni tipproponi rispons konġunt għall-isfidi multipli, ħalli jikkapitalizza fuq il-vantaġġi tal-Ewropa u jkun jista' jgħin sostanzjalment biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

2.           SETTUR BIL-POTENZJAL TA' TKABBIR U IMPJIEGI

L-Ewropa hi kontinent marittimu b'kosta mill-Artiku sal-Mediterran u mill-Atlantiku sal-Baħar l-Iswed. Fl-Ewropa, il-baċini tal-baħar u r-reġjuni kostali huma sors uniku ta' seħer naturali u kulturali. It-turiżmu marittimu u kostali hu l-akbar attività marittima fl-Ewropa u marbut mill-qrib ma' bosta oqsma oħra fl-ekonomija. Das-settur jimpjega kważi 3.2 miljun ruħ, li b'kollox joħolqu EUR 183 biljun f'valur miżjud gross[8] u jirrappreżentaw aktar minn terz tal-ekonomija marittima. Fl-UE, aktar minn erbgħa minn disat iljieli, it-turisti jqattgħuhom fi stabbilimenti tal-akkomodazzjoni fiż-żoni kostali[9]. Fl-2012, biss biss, it-turiżmu tal-kruċieri waħdu ġġenera EUR 15.5 biljun f'fatturat u impjega 330,000 ruħ; il-portijiet Ewropej laqgħu 29.3 miljun passiġġier, 75% aktar mill-2006[10]. Nofs l-impjiegi tat-turiżmu kostali Ewropew u l-valur miżjud jinsabu fil-Mediterran, iżda r-reġjuni tal-Atlantiku, tal-Baltiku u tal-Baħar l-Iswed għandhom sehem sinifikanti wkoll.

Iż-żoni kostali jiġbdu aktar minn terz tan-negozju tat-turiżmu kollu fl-Ewropa u allura huma importanti għat-tkabbir u l-impjiegi, l-aktar għaż-żgħażagħ, billi 45% tal-ħaddiema fit-turiżmu għandhom bejn is-16 u l-35 sena[11]. Madankollu, ħafna mill-intrapriżi żgħar u medji li jsawru s-settur isibu għadd ta' sfidi u waħedhom ma jistgħux jisfruttaw dan il-potenzjal. Għalhekk hemm bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi transfruntiera fil-livell tal-UE u jiġu promossi l-koperazzjoni u l-iskambju tal-aqwa prattiki, inkluż bi promozzjoni ta' sħubijiet transnazzjonali u transreġjonali strateġiċi. Hemm bżonn ukoll qafas Ewropew konġunt biex l-azzjonijiet jiżdidilhom il-valur fil-livelli kollha u biex jgħin ħalli jingħelbu d-diffikultajiet.

3.           L-ISFIDI U L-QAFAS IL-ĠDID GĦAT-TURIŻMU KOSTALI U MARITTIMU FL-EWROPA

Dan il-kapitolu jiffoka fuq sfidi li għandhom jiġu indirizzati u jipproponi strateġija biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur, li għandhom iwettqu l-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, operaturi privati u partijiet interessati oħra.

3.1.        Inħeġġu l-prestazzjoni u l-kompetittività

Intejbu l-għarfien

Kull valutazzjoni ekonomika tas-settur tixxekkel minħabba nuqqas ta' komparabbiltà tad-dejta, fil-livell lokali, fil-livell tal-baċin tal-baħar u fil-livell Ewropew. Minkejja li fl-aħħar snin sar progress[12], hemm bżonn li jiġu identifikati u indirizzati d-diskrepanzi fid-dejta biex jitjiebu l-ippjanar u l-ġestjoni tad-destinazzjoni. Hemm bżonn indikaturi speċifiċi biex jitjiebu l-koerenza u l-komparabbiltà tal-istatistika dwar it-turiżmu kostali u marittimu madwar l-Ewropa u lil hinn.

Nindirizzaw il-volatilità tad-domanda

Id-domanda għat-turiżmu[13] tvarja l-aktar għax jinbidlu s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u politiċi. In-nefqa medja kull lejl ilha tonqos minn nofs is-snin 2000, filwaqt li bejn l-2011 u l-2020 in-nefqa annwali hi mistennija tibqa' tonqos b'9% oħra. Din ix-xejra tolqot lill-ekonomiji kostali, b'mod partikolari għax dawn fihom l-aktar SMEs u mikrointrapriżi[14]. Barra minn hekk, it-tnaqqis fl-ispejjeż tat-trasport żied il-kompetizzjoni bejn id-destinazzjonijiet kostali Ewropej u d-destinazzjonijiet irħas madwar id-dinja,u dan iżid il-volatilità tad-domanda. Id-destinazzjonijiet lokali qed jitilfu l-vantaġġ komparattiv tagħhom u ħafna drabi jbatu biex jattiraw id-domanda tradizzjonali u d-domanda l-ġdida emerġenti mid-dinja kollha. L-istaġjonalità hi sfida apparti: il-biċċa l-kbira tal-gwadann soċjoekonomiku potenzjali hu kkonċentrat fix-xhur sajfin, u ħafna negozji lokali jkollhom jagħlqu matul il-bqija tas-sena. Għalhekk għandhom jitressqu strateġiji speċifiċi imfasslin fuq politika u prodotti innovattivi u attraenti ħalli jinħataf il-potenzjal ta' turisti potenzjali li jistgħu jivvjaġġaw fl-istaġun kalm.

Is-settur jista' jadatta għat-tibdil demografiku u jtejjeb dak li joffri biex jattira l-għadd dejjem jikber ta' anzjani[15]. Anke l-viżitaturi mhux Ewropej li jieħdu vaganza fl-istaġun kalm joffru potenzjal konsiderevoli, u dan l-aħħar il-Kummissjoni rrevediet il-Kodiċi tal-Viża u pproponiet simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-vjaġġaturi mhux Ewropej[16]. Barra minn hekk, it-tħassib tat-turiżmu kostali u marittimu għandu jiġi indirizzat fl-inizjattivi "Senior" u "Aċċessibbiltà"[17] li għaddejjin bħalissa u fid-"Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza"[18]. Jistgħu jinħolqu wkoll inizjattivi ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni mmirati għal pajjiżi speċifiċi li mhumiex Ewropej.

Negħlbu l-frammentazzjoni tas-settur

Billi għadna fi kriżi ekonomika, ħafna mill-SMEs turistiċi m'għandhomx jew għandhom aċċess limitat għall-kreditu għall-investiment u l-innovazzjoni[19]. Barra minn hekk, ħafna drabi r-reġjuni kostali jbatu biex joħolqu u jaħfnu għalkollox il-benefiċċji li jiġġenera t-turiżmu tal-kruċieri, għalkemm qed jitħeġġu dejjem aktar l-investiment f'infrastrutturi tal-port u l-preservazzjoni tal-ambjent.

Parzjalment dan jiġri għax in-negozji mal-baċin tal-baħar tal-UE ma jużawx biżżejjed is-sinerġiji, u allura tinħoloq il-frammentazzjoni u l-gwadann ekonomiku jkun limitat. Hu importanti li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati jaqsmu bejniethom l-aqwa prattiki. Għandha ssir promozzjoni għal koperazzjoni bejn l-istituti tar-riċerka, il-mużewijiet, il-kumpaniji tat-turiżmu u partijiet interessati oħra ħalli jinħolqu prodotti innovattivi u sostenibbli skont l-aspettattivi tal-viżitaturi.

Il-Kummissjoni se: 1. Titħabat biex ixxejjen il-lakuni fid-disponibbiltà tad-dejta, b'mod partikolari dwar it-turiżmu kostali u marittimu. 2. Tagħti bixra kostali u marittima, meta jixraq, lill-inizjattivi tal-UE għat-turiżmu, inkluż lil kampanji promozzjonali u komunikattivi. 3. Tippromwovi djalogu pan-Ewropew bejn l-operaturi tal-kruċieri, il-portijiet u l-partijiet interessati fit-turiżmu kostali. 4. Tappoġġa l-iżvilupp ta' sħubijiet, netwerks[20], u raggruppamenti transnazzjonali u interreġjonali, u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-industrija tat-turiżmu inġenerali biex: · Jimpenjaw ruħhom u jipparteċipaw bis-sħiħ biex jinħolqu netwerks u raggruppamenti u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti. · Joħolqu pakketti aktar immirati għal swieq speċifiċi, bħal pereżempju għall-anzjani jew għall-persuni b'diżabbiltà.

3.2.        Nippromwovu l-ħiliet u l-innovazzjoni

L-investiment fin-nies hu kundizzjoni biex isir tkabbir sostenibbli u kompetittiv, iżda s-settur mhux jattira biżżejjed persunal imħarreġ. Dan qed jiġri l-aktar minħabba l-istaġjonalità tal-impjiegi u n-nuqqas ta' opportunitajiet għal progress fil-karrieri. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jintużaw biex il-provvista tal-ħiliet titqabbel mad-domanda tas-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni ħadet bosta inizjattivi biex tappoġġa dan: Fil-Portal tal-EURES se jkun hemm taqsima tal-"impjiegi blu" li tinforma lil min qed ifittex impjieg u lill-impjegaturi[21]; għar-rebbiegħa tal-2014 qed titfassal mappa tal-ħtiġijiet fil-ħiliet u fit-taħriġ li għandhom is-servizzi tat-turiżmu u se toħloq oqfsa komuni għas-settur u torbothom mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u mas-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)[22].

Il-politiki ta' taħriġ immirati aħjar billi jiddaħħlu l-ħtiġijiet tas-settur fil-programmi tal-UE għandhom l-għan li jipprovdu kapital uman multilingwi, kwalifikat u orjentat għas-servizz. Il-programm il-ġdid Erasmus+ se jappoġġa sħubijiet strateġiċi transnazzjonali fost l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. Is-settur se jgawdi kurrikuli ġodda speċifiċi għas-settur u forom innovattivi ta' tagħlim u taħriġ vokazzjonali, u dan hu mistieden jimpenja ruħu u jikkopera mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla permezz ta' "Alleanzi tal-Għarfien".

Fil-qasam tat-tbaħħir rikreattiv privat, l-Istati Membri jeħtieġu kompetenzi differenti għall-kaptani tal-jottijiet, u dan jillimita l-iżvilupp transfruntiera u jolqot lis-suq tax-xogħol nawtiku. Barra minn hekk, l-obbligi ta' kwalifiki u tagħmir tas-sikurezza jvarjaw b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri, u dan jillimitaw il-mobbiltà u l-aċċess għas-suq. Tista' titjieb il-kompetittività tal-intrapriżi żgħar tat-turiżmu kostali u marittimu f'suq dejjem aktar globali billi tintuża kemm jista' jkun it-teknoloġija tal-informazzjoni. L-għodod eżistenti bħall-ICT u l-Portal għan-negozji tat-turiżmu[23] jistgħu jtejbu l-viżibbiltà, jippromwovu l-innovazzjoni u jappoġġaw il-pożizzjonar mill-ġdid tan-negozji.

Il-Kummissjoni se: 5. Tevalwa l-ħtieġa għal azzjoni tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-kwalifiki għall-kaptani professjonali tal-jottijiet u t-tbaħħir rikreattiv.[24] 6. Tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni tal-UE dwar dispożizzjonijiet għat-tagħmir tas-sikurezza tat-turiżmu nawtiku. 7. Tħeġġeġ skemi ta' ġestjoni innovattivi bl-ICT[25] u l-Portal għan-negozji tat-turiżmu

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex: · Iħeġġu l-konnettività tal-internet u jippromwovu għodod elettroniċi tal-kummerċjalizzazzjoni. · Jippromwovu servizzi ta' traduzzjoni għal mapep, fuljetti u tagħrif loġistiku. Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija biex: · Tieħu sehem bis-sħiħ fl-attivitajiet li jippromwovu l-ħiliet u t-taħriġ. · Tinvesti f'inizjattivi ta' kontroll tal-kwalità għall-prodotti turistiċi u l-persunal. · Toħloq u tippromwovi korsijiet onlajn miftuħa li jaġġornaw jew jorjentaw mill-ġdid il-ħiliet fil-qasam kostali u marittimu.

3.3.        Insaħħu s-sostenibbiltà

Nindirizzaw il-pressjonijiet ambjentali

It-turiżmu jiddependi fuq ambjent b’saħħtu u l-użu sostenibbli tal-kapital naturali, iżda ħafna drabi l-attivitajiet isiru l-aktar f'żoni li diġà għandhom popolazzjoni densa, u allura tiżdied ferm id-domanda tal-ilma, jiżdiedu l-iskart u t-tniġġis tat-trasport bil-baħar, fit-triq u bl-ajru meta jkunu fl-aqwa tagħhom, jiżdiedu r-riskji ta' ssiġillar tal-ħamrija u degradazzjoni tal-bijodiversità (minn żviluppi infrastrutturali), ewtrofikazzjoni u pressjonijiet oħra. Iż-żoni verġni u b'popolazzjoni baxxa  jistgħu jintlaqtu wkoll. Barra minn hekk, l-impatti tat-tibdil fil-klima jaggravaw il-pressjonijiet fuq dawn l-oqsma u jistgħu jagħtu sura ġdida lid-distribuzzjoni ġeografika u staġjonali tat-turiżmu.

In-netwerk tal-UE Natura 2000 iħares ħabitati kostali u marittimi vulnerabbli li, jekk jitmexxew sew, jistgħu joħolqu opportunitajiet rikreattivi sinifikanti u jgħinu għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi. Il-leġiżlazzjoni tal-UE bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw stat tajjeb tal-ilmijiet kostali u marittimi, u dan hu prerekwiżit biex it-turiżmu jimxi 'l quddiem. Ġestjoni Integrata tal-Kosta u Ppjanar tal-Ispazju Marittimu jgħinu biex jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli u ta' Infrastruttura Ekoloġika[26] permezz ta' ppjanar għaqli u koperazzjoni bejn il-gvern u s-sħab pubbliċi u privati[27]. Eżempju tajjeb hu l-"Wales Coast Path" (Passaġġ mal-Kosta ta' Wales), jiġifieri 1,400km kosta f'Wales li fl-2012 żaruha madwar 2.82 miljun turist u tiġġenera £32 miljun f'sena waħda[28]. L-ekoturiżmu[29] hu opportunità tajba biex jinħolqu prodotti li jattiraw vjaġġaturi ekosensittivi, u dan ivarja minn prodotti lokali serviti sa mudelli u prattiki kummerċjali li jirrispettaw l-ambjent.

Is-settur jista' jkejjel u jissorvelja r-rendiment tas-sostenibbiltà tiegħu stess b'inizjattivi bħall-Ekotikketta tal-UE jew is-sistema taċ-ċertifikazzjoni Travelife[30]. Is-sistemi tal-ġestjoni ambjentali huma magħrufin li jnaqqsu l-ammont tal-iskart, itejbu l-effiċjenza operattiva u jiffrankaw il-flus[31]. Fl-Iskema Ewropea tal-Immaniġġjar u l-Awditjar Ekoloġiċi diġà jeżistu indikaturi speċifiċi għas-settur tat-turiżmu[32], u jistgħu jinħolqu oħrajn bis-Sistema pilota tal-Indikaturi tat-Turiżmu Ewropew[33].

Żewġ proposti leġiżlattivi reċenti tal-Kummissjoni[34] jindirizzaw l-emissjonijiet minn dgħajjes rikreattivi. Barra minn hekk, il-bastimenti li jieħdu l-elettriku mix-xatt fil-port jistgħu jnaqqsu sostanzjalment il-konsum tal-fjuwil, l-istorbju u l-emissjonijiet fl-arja. Madankollu sal-lum għadd żgħir biss ta' portijiet Ewropej investew f'din it-teknoloġija; għandhom jibqgħu jiġu studjati u promossi l-provdiment tal-elettriku u l-integrazzjoni fi grilji intelliġenti tal-enerġija.

Il-Kummissjoni se: 8. Tippromwovi l-ekoturiżmu permezz tal-Iskema Ewropea tal-Immaniġġjar u l-Awditjar Ekoloġiċi u permezz tal-indikaturi tal-Ekotikketta tal-UE u tħeġġeġ rabtiet ma' azzjonijiet oħra tas-sostenibbiltà. 9. Tippromwovi l-implimentazzjoni tal-Protokoll għall-Konvenzjoni ta' Barċellona dwar Ġestjoni Integrata tal-Kosta u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill rilevanti, u tippromwovi l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu u l-Infrastruttura Ekoloġika ħalli tiżgura l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali tal-UE. 10. Tippromwovi strateġiji dwar il-prevenzjoni tal-iskart, il-ġestjoni u l-iskart fil-baħar ħalli tappoġġa t-turiżmu kostali u marittimu sostenibbli.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni, lill-industrija u lil partijiet interessati oħra biex: · Jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni ta' Ġestjoni Integrata tal-Kosta u l-Protokoll. · Joħolqu linji gwida biex jonqsu kemm jista' jkun l-impatti fuq il-bijodiversità u jitjiebu l-benefiċċji tar-rikreazzjoni u t-turiżmu f'żoni protetti. · Joħolqu adattament għat-tibdil fil-klima f'żoni kostali. · Itejbu l-effiċjenza tar-riżorsi, il-prevenzjoni tal-iskart u tat-tniġġis u l-ġestjoni fiż-żoni turistiċi u mill-operaturi. · Jippromwovu l-Iskema tal-Immaniġġjar u l-Awditjar Ekoloġiċi u jimplimentaw l-approċċi tal-Aqwa Prattiki ta' Ġestjoni Ambjentali u tal-Infrastruttura Ekoloġika. · Jippromwovu l-użu tal-elettriku mix-xatt u l-provvista ta' faċilitajiet tal-port. · Jippromwovu l-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma li hemm fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ilma[35]. Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija u lil partijiet interessati oħra biex: · Jiżviluppaw u jippromwovu l-ekoturiżmu u prodotti turistiċi sostenibbli oħra. · Jimplimentaw il-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma li hemm fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ilma. · Jipparteċipaw bis-sħiħ fi proġetti li jnaqqsu l-iskart, l-emissjonijiet u l-iskart fil-baħar, l-użu tar-riżorsi naturali u fl-ilma u l-irkupru/riċiklaġġ tal-iskart.

Nippromwovu offerti ta' kwalità għolja, sostenibbli u innovattivi

Billi d-domanda tinbidel, jeħtieġ li jinħolqu prodotti sostenibbli u attraenti li jipprovdu esperjenzi uniċi u personalizzati Madankollu, ħafna drabi l-postijiet jew l-oġġetti li potenzjalment ikunu interessanti ma jiġux preżentati u promossi b'mod attraenti jew ma jintrabtux ma' offerti oħra tat-turiżmu kostali. Is-settur għandu joħloq prodotti ġodda li jippromwovu l-ħajra u l-aċċessibbiltà għall-arkeoloġija marittima u kostali, il-wirt marittimu, it-turiżmu ta' taħt il-baħar, l-attivitajiet enogastronomiċi u l-bqija. Eżempju tajjeb hu l-"proġett Odyssea"[36] li jistma l-potenzjal ekonomiku tat-turiżmu kostali, ir-rotot kulturali marittimi u l-attivitajiet innovattivi bil-jottijiet, permezz ta' netwerk ta' faċilitajiet kostali innovattivi u rotot marittimi ta' żmien l-antik.

Jekk jiżdied l-interess tal-pubbliku fl-isports tal-ilma, bħas-sajd rikreattiv, it-tbaħħir sportiv, il-windsurfing u l-għadis, dan joħloq il-potenzjal u jista' jgħin biex tiġi indirizzata l-istaġjonalità billi dawn l-attivitajiet m'hemmx għalfejn isiru meta l-istaġun ikun fl-aqwa tiegħu. Ix-xejra dejjem akbar fit-tbaħħir rikreattiv privat teħtieġ li l-mollijiet ikunu sikuri u aċċessibbli iżda għadhom jinħolqu l-problemi minħabba nuqqas ta' irmiġġ u servizzi xierqa għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Xi inizjattivi bħan-"netwerk tat-turiżmu nawtiku"[37] jew il-"proġett Sail West"[38] bil-għan li jinħoloq ċentru tal-aqwa kwalità għar-rikreazzjoni tal-baħar li jorbot il-pajjiżi marittimi bħall-Irlanda, l-Irlanda ta' Fuq u l-Punent tal-Iskozja, imnejn inebbħu għal aktar rabtiet fis-settur nawtiku.

Il-kwalità tas-servizz hu sors essenzjali ta' distinzjoni kompetittiva. Għalhekk hu importanti li jkun żgurat li t-turisti jistgħu jiddependu fuq servizzi ta' kwalità għolja fl-UE u li din il-kwalità tiġi vvalutata b'mod konsistenti. Il-proposta riċenti dwar prinċipji ta' Kwalità tat-Turiżmu Ewropew għandha l-għan li żżid s-sigurtà u l-kunfidenza tal-konsumatur fis-servizzi turistiċi[39].

L-insularità u d-distanza – infittxu l-opportunitajiet fil-limitazzjonijiet ġeografiċi

Il-gżejjer u destinazzjonijiet imbiegħda oħrajn ikollhom żvantaġġ addizzjonali mil-lat ta' aċċessibbiltà u jiddependu ħafna fuq is-servizzi bid-dgħajjes. Dan joħloq problemi ta' spejjeż tat-trasport, staġjonalità u konnettività mal-art prinċipali u/jew mal-postijiet tal-madwar, u dawn jaffettwaw kemm ikunu attraenti għall-viżitaturi u għall-ħaddiema fit-turiżmu. Ħafna drabi biex jitfasslu soluzzjonijiet xierqa ma jkunx biżżejjed li jingħarfu x'inhuma l-problemi. Madankollu, għandhom jiġu żviluppati dawn il-postijiet għax dawn joffru possibilitajiet ta' impjiegi f'żoni li ħafna drabi jkunu neqsin mill-attività ekonomika.

Il-Kummissjoni se: 11. Tħeġġeġ id-diversifikazzjoni u l-integrazzjoni tal-attrazzjonijiet kostali u interni, inkluż bi programmi tematiċi transnazzjonali bħal rotot kulturali, reliġjużi jew tal-kummerċ fi żmien l-antik.[40] 12. Isir studju dwar kif tista' tittejjeb il-konnettività tal-gżejjer u jfassal strateġiji tat-turiżmu innovattiv għal gżejjer (imbiegħda). 13. Isir studju biex jidentifika prattiki innovattivi għall-iżvilupp tal-mollijiet.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-industrija biex: · Jiżviluppaw il-wirt kulturali bbażat fuq it-turiżmu, il-parks arkeoloġiċi taħt l-ilma (ibbażat fuq ħidmet il-UNESCO), u t-turiżmu tan-natura u s-saħħa f'destinazzjonijiet kostali. · Jużaw strateġiji nazzjonali u reġjonali biex jiżguraw il-koerenza tal-offerti tat-turiżmu u aċċessibbiltà aħjar għall-gżejjer u l-postijiet imbiegħda. · Jiżviluppaw prattiki innovattivi biex iqajmu u jerġgħu jużaw l-infrastruttura marittima eżistenti. Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija biex: · Tiżviluppa netwerk speċifiku ta' partijiet interessati tat-turiżmu marittimu li jkun jinkludi lill-operaturi tal-ġiti.

3.4.      Inżidu kemm jista' jkun il-finanzjament disponibbli tal-UE

Il-qafas finanzjarju tal-UE 2014-2020 u strumenti oħra tal-UE jiffinanzjaw l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-proġetti u dan jagħti spinta lill-iżvilupp sostenibbli tas-settur. L-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna jistabbilixxu strateġiji nazzjonali u/jew reġjonali multiannwali biex jiżviluppaw turiżmu kostali u marittimu sostenibbli u jiżguraw koerenza mal-Ftehimiet ta' Sħubija tagħhom u l-Programmi Operattivi.

Il-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment (ESIF)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jista' jikkofinanzja investimenti tat-turiżmu sostenibbli minn bosta għanijiet tematiċi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, l-aċċess u l-użu tal-ICT, l-intraprenditorija, it-tkabbir ekonomiku tal-SMEs u l-kompetittività tagħhom, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp ta' wirt kulturali u naturali jew l-impjiegi u l-mobbiltà tax-xogħol. L-investiment fl-infrastruttura hu limitat għal turiżmu kulturali u sostenibbli fuq skala żgħira. Skont l-għan tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea, il-FEŻR jista' jippromwovi l-iskambju tal-prattika tajba, netwerks u raggruppamenti transnazzjonali, strateġiji konġunti għal turiżmu sostenibbli, il-kultura u l-kummerċ transfruntiera.

Minn bosta fondi ġodda tal-UE jista' jgawdi wkoll it-turiżmu kostali u marittimu permezz ta' proġetti multisettorjali li jisħqu fuq l-innovazzjoni, pereżempju permezz tal-iżvilupp urban integrat (fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali), permezz tal-iżvilupp sostenibbli ta' żoni dipendenti fuq is-sajd (fil-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd) u permezz tal-iżvilupp rurali (fil-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali). Dawn il-proġetti jistgħu jinkludu finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew li jappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi, l-adattament professjonali, it-taħriġ u t-tiswir tal-kapaċità.

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività

Orizzont 2020 hu l-istrument finanzjarju li jimplimenta l-istrateġija tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għall-2014-2020. Fost l-oqsma għall-attenzjoni ġiet identifikat it-Tkabbir Blu; ġie ppjanat appoġġ speċifiku għall-SMEs li jixtiequ jiżviluppaw u jużaw soluzzjonijiet innovattivi, inkluż fit-turiżmu kostali u marittimu.

Il-programm kwadru COSME 2014-2020 għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs. L-għanijiet ewlenin tiegħu huma li tiżdied id-domanda għat-turiżmu (b'mod partikolari fl-istaġun kalm), jiġu diversifikati l-offerti u l-prodotti, jissaħħu l-kwalità, is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà, il-ħiliet u l-innovazzjoni, jitjieb l-għarfien soċjoekonomiku tas-settur, u l-Ewropa ssir magħrufa għal ġabra unika ta' destinazzjonijiet sostenibbli u ta' kwalità għolja.

L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura

Il-programm Ewropa Kreattiva (2014-2020) joffri sinerġiji possibbli mat-turiżmu kulturali u tan-natura, inkluż dwar il-wirt kostali u marittimu. Is-settur jista' jgawdi mill-programm Erasmus+ (2014-2020) mil-lat ta' impjegabbiltà, kurrikuli ġodda għas-settur u forom innovattivi ta' tagħlim u taħriġ vokazzjonali.

L-ambjent, it-tibdil fil-klima u finanzjamenti oħra

Fl-2014 se jerġa' jitnieda l-finanzjament LIFE+ u dan mistenni jappoġġa l-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità. Dan għandu fini sostanzjali li jiffinanzja proġetti innovattivi li jolqtu t-turiżmu kostali u marittimu, inkluż appoġġ għal użu effiċjenti tar-riżorsi. Il-Proposta għas-Seba' (7) Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-UE sal-2020 u l-għanijiet tal-UE dwar l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jiffokaw fuq setturi infrastrutturali bħall-enerġija u t-trasport, iżda anki fuq aspetti speċifiċi marbuta mat-turiżmu kostali u marittimu. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-investiment jipprovdi finanzjamenti lill-SMEs biex jinvestu fit-turiżmu u/jew f'reġjuni ta' konverġenza.

Il-Kummissjoni se: 14. Tiżviluppa gwida onlajn li tagħti ħarsa ġenerali lejn l-opportunitajiet ewlenin ta' finanzjament disponibbli għas-settur (l-aktar għall-SMEs).

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex: · Jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji nazzjonali/reġjonali dwar it-turiżmu kostali u marittimu u proġetti li jridu jiddaħħlu fil-Programmi Operattivi. · Ifittxu koperazzjoni transfruntiera għal dawn l-istrateġiji ta' hawn fuq u biex jaqsmu l-aqwa prattika. · Jużaw il-fondi disponibbli b'mod effiċjenti u effettiv.

4.           NIRRAZZJONALIZZAW IL-POLITIKI TAL-UE LI JOLQTU LIT-TURIŻMU KOSTALI U MARITTIMU

Ħafna mill-politiki Ewropej u l-attivitajiet ekonomiċi jinfluwenzaw direttament jew indirettament lit-turiżmu kostali u marittimu, u dawn jistgħu jixprunaw it-tkabbir ekonomiku.

Għalhekk, il-Kummissjoni se tiżgura li t-turiżmu kostali u marittimu jiddaħħal fil-politiki l-oħra tal-UE bħal fejn jidħlu l-konnettività bl-IT, it-trasport sostenibbli, kwistjonijiet ta' sikurezza u l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema. Se jitqiesu wkoll aspetti tal-politika transversali bħall-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp reġjonali, it-taħriġ, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-politiki ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, l-istrateġiji makroreġjonali għall-Baltiku, l-Atlantiku u l-Adrijatiku-Jonju jippromwovu ekonomija qawwija tat-turiżmu u jikkoordinaw ir-riżorsi reġjonali, tal-UE u li mhumiex tal-UE għall-ġid ta' kulħadd. Fil-futur se jiġu studjati rabtiet mal-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju u l-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana.

5.            KONKLUŻJONI

It-turiżmu kostali u marittimu jeħtieġ qafas tal-politika ambizzjuż. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-industrija u partijiet interessati oħra għandhom jieħdu azzjoni mmirata u li tkun koerenti mal-politiki tal-UE li jħallu impatt fuq dan is-settur.

Regolarment, il-Kummissjoni se tissorvelja dan il-proċess biex tiżgura li l-azzjonijiet jiġu implimentati. Imbagħad tkun tista' tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u tivvaluta r-riżultati.

[1]               Ir-rapport annwali tal-UNWTO 2012

                http://dtxtq4w60xqpw.cloudfront.net/sites/all/files/pdf/annual_report_2012.pdf

[2]               Il-bażi tad-dejta tal-EUROSTAT (l-2013)

[3]               COM(2010) 352 finali

[4]               inkluż it-turiżmu għall-baħar u t-turiżmu għall-bajjiet, il-kruċieri, il-jottijiet u t-tbaħħir sportiv u attivitajiet interni relatati

[5]           http://ec.europa.eu/dgs/maritimeaffairs_fisheries/consultations/tourism/index_en.htm

[6]               COM(2012) 494

[7]               A7-0209/2013-2012/2297 (INI)

[8]               Studju li jappoġġa l-miżuri ta' politika għat-turiżmu marittimu u kostali fil-livell tal-UE (minn hawn 'il quddiem "studju CMT"), ECORYS,           2013

http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/documentation/studies/documents/study-maritime-and-coastal-tourism_en.pdf

[9]               Iż-żoni kostali jinkludu l-muniċipalitajiet li jdawru l-baħar jew li jkollhom nofs it-territorju tagħhom sa 10km mill-kosta.

                Il-bażi tad-dejta tal-EUROSTAT (l-2012) – L-iljieli li t-turisti qattgħu fi stabbiliment tal-akkomodazzjoni fiż-żona kostali u mhux kostali - http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=tour_occ_ninatc).

[10]             "The Cruise Industry" tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kruċieri, l-edizzjoni tal-2013

                http://www.senato.it/application/xmanager/projects/leg17/attachments/documento_evento_procedura_commissione/files/000/000/                632/Documentazione_Clia_Europe.pdf

[11]             Il-bażi tad-dejta tal-EUROSTAT (l-2012) - Il-persuni impjegati skont il-gruppi tal-età (In-NACE Rev. 2) -

                http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database#

[12]             Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu.

[13]             imkejjel bħala l-għadd ta' wasliet lokali u internazzjonali.

[14]             studju CMT

[15]             128 miljun abitant tal-UE għandhom bejn il-55 u t-80 sena.

                Il-bażi tad-dejta tal-EUROSTAT (l-2012) - Il-popolazzjoni fl-1 ta' Jannar skont gruppi tal-età ta' ħames snin u skont is-sess -

                http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database#

[16]             COM(2012) 629

[17]             Dawn l-inizjattivi jippromwovu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u privat li bihom ikunu jistgħu jivvjaġġaw ċertu gruppi ewlenin bħaż-żgħażagħ jew l-anzjani, bħal persuni b'mobbiltà mnaqqsa u bħal familji bi dħul baxx, l-aktar fl-istaġun kalm.

[18]             http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/eden/index_en.htm

[19]             studju CMT

[20]             Fosthom in-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi

                Fil-ħarifa tal-2013 tnieda studju dwar il-perspettivi għal raggruppament fil-Mediterran.

[21]             https://ec.europa.eu/eures/

[22]             http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/ecvet_en.htm

[23]             http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/ict/index_en.htm

[24]             It-taħriġ tal-baħħara għall-vapuri tal-passiġġieri skont il-Konvenzjoni dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u s-Sorveljanza tal-Baħħara ma jgħoddx għall-kaptani.

[25]             L-għodod tal-ICT disponibbli konkreti jinkludu, pereżempju, l-Osservatorju tat-Turiżmu Virtwali (http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/vto/index_en.htm); Il-pjattaforma Tourism Link (http://www.tourismlink.eu/tourism-link/); Il-pjattaforma eCalypso (http://www.ecalypso.eu/steep/public/index.jsf)

[26]             L-Infrastruttura Ekoloġika tindirizza l-istrutturi spazjali ta' żoni naturali/seminaturali.

                http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/

[27]             COM(2013) 133 finali.

[28]             http://www.bbc.co.uk/news/uk-wales-25096911

[29]             http://www.ecotourism.org/book/ecotourism-definition

[30]             http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/index_en.htm

                http://www.travelife.org/Hotels/home.asp?p=1

[31]             Studju dwar lukandi fi Spanja (Cornell Hospitality Quarterly, Awwissu 2012) wera li min juża s-Sistemi ta' Ġestjoni Ambjentali jagħmel aktar qligħ

[32]             http://ec.europa.eu/environment/emas/about/index_en.htm

[33]             http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/sustainable-tourism/indicators/index_en.htm. L-It hi għodda li tkejjel u tissorvelja r-rendiment tat-turiżmu sostenibbli tad-destinazzjonijiet.

[34]             COM(2011) 456 finali u COM(2013) 18 finali.

[35]             Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Ilma għandha l-għan li tintegra l-politika dwar l-ilma fil-politiki l-oħra

                http://ec.europa.eu/environment/water/blueprint/

[36]             www.odyssea.eu

[37]             www.nautical-tourism.eu.

[38]             http://malinwaters.com/about ; b'finanzjament  minn INTERREG IV A, dan jipprovdi appoġġ finanzjarju lil għadd ta' proġetti ta' żvilupp fil-portijiet

[39]             COM(2014) xxx finali.

[40]             Pereżempju, il-Ftehim tal-Immaniġġjar Konġunt bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni li jippromwovu rotot kulturali u reliġjużi