52014DC0036

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress tal-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika /* COM/2014/036 final */


1. Introduzzjoni

Fl-2012, il-ħames sena tal-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika (MKV), il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproduċi valutazzjoni fit-tul biex tagħti stampa sħiħa tal-progress. Din il-valutazzjoni ġiet ippubblikata f'Lulju 2012.[1] Hija wriet progress importanti fl-adattament tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali bażiku, iżda wkoll xi lakuni li fadal bħala bżonn għal implimentazzjoni effettiva u konsistenti tar-riformi. Kien għad hemm sfidi konsiderevoli x'jiġu indirizzati. F'dan il-kuntest, ġie deċiż li jittieħed żmien itwal qabel ir-rapport li jmiss (18-il xahar) juri kif ir-riformi li diġa' ġew implimentati mill-Bulgarija kienu qed jiġu stabbiliti u biex jingħata ż-żmien biex jiġi vvalutat il-grad ta' sostenibilità qabel il-valutazzjoni li jmiss. Ir-rapport tal-2012, il-metodoloġija u l-konklużjoni tiegħu kienu approvati wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri.[2]

Dan ir-rapport jivvaluta l-progress li għamlet il-Bulgarija fl-oqsma prinċipali tal-MKV tar-riforma ġudizzjarja, tax-xogħol kontra l-korruzzjoni, u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Dawn huma kwistjonijiet fil-qalba tal-modernizzazzjoni tas-soċjetà Bulgara: biex ir-riforma tirnexxi, jeħtieġ li jkollha approċċ konsistenti u koerenti bbażat fuq kunsens wiesa' fis-soċjetà Bulgara. L-inċertezzi politiċi fil-Bulgarija ma għenux biex dan il-kunsens jiżdied, bi tliet gvernijiet differenti fil-poter fiż-żmien kopert minn dan ir-rapport, minkejja li l-avvenimenti wrew ukoll aspirazzjoni għal riforma fost il-pubbliku.

Il-Kummissjoni temmen li l-proċess ta' monitoraġġ tal-MKV, l-opportunitajiet provduti mill-fondi tal-UE u l-involviment kostruttiv tal-Kummissjoni u ħafna Stati Membri jkompli jkun ta' appoġġ siewi għar-riforma fil-Bulgarija. Ir-rapport formali li jmiss jitlesta f'madwar sena.

2. Il-Qagħda tal-proċess ta' riforma fil-Bulgarija

2.1       Riforma tal-ġudikatura

L-Indipendenza, l-Integrità u l-Kontabilità

Il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura tal-Bulgarija mhix kbira.[3] Ir-rapporti tal-MKV urew modi kif din il-fiduċja tista' titjieb, permezz ta' approċċ professjonali fl-immaniġjar tas-sistema għall-iżolament ta' ħatriet ġudizzjarji u deċiżjonijiet mill-influwenza politika.[4]

Minn Lulju 2012 'l hawn ittieħdu xi passi sinifikanti. Il-proċeduri għall-ħatra ta' maġistrati anzjani saru aktar pubbliċi u kien hemm sforz akbar biex jiġu indirizzati xi wħud mill-kwistjonijiet ta' maniġment li tiffaċċja l-ġudikatura, bħal żbilanċi fil-volum ta' xogħol. Ġie kkonfermat li xi problemi serji jeħtieġu azzjoni, bħall-bżonn li s-sistema tal-allokazzjoni tal-kawżi tiġi protetta mill-manipulazzjoni. Fit-tieni nofs tal-2013, ma kien hemm ebda attakk dirett mill-eżekuttiv fuq il-ġudikatura.[5] Madankollu, kif ġie enfasizzat ukoll f'rapporti preċedenti, jibqa' t-tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Bulgarija.

F'Lulju 2012, il-Kummissjoni esprimiet tama qawwija li l-maniġment futur tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (KĠS) jagħtih il-pożizzjoni ta' istituzzjoni ewlenija li hija l-mutur tal-progress fir-riforma tal-ġudikatura. Ir-riformi fl-2012 introduċew aktar proċeduri ta' elezzjoni pubbliċi għall-KĠS. Madankollu, il-mod kif tmexxiet l-elezzjoni għall-KĠS fil-ħarifa tal-2012 ma weriex b'mod konvinċenti kompetizzjoni miftuħa fejn il-mertu u l-integrità professjonali kienu evidenti. Il-proċedimenti għall-elezzjoni tal-kwota parlamentari, filwaqt li kienu aktar miftuħa minn qabel,[6] taw ħjiel ta' influwenza sinifikanti mill-partiti politiċi fuq il-proċess. Id-deċiżjoni li elezzjonijiet diretti mill-imħallfin ma jiġux permessi kellha effett negattiv .fuq l-elezzjoni tal-kwota ġudizzjarja.[7] Dan ħalla ħafna mill-influwenza f'idejn it-tmexxija eżistenti tal-qorti, u illimita l-opportunitajiet għal bidu ġdid.

Il-KĠS identifika l-prijoritajiet tiegħu b'mod aktar ċar minn qabel. Għamel ukoll sforzi biex jinfetaħ, b'aktar komunikazzjoni u bit-twaqqif ta' Kunsill Ċiviku biex iġib pariri mis-soċjetà ċivili lill-KĠS, inkluż minn NGOs ewlenin kif ukoll minn organizzazzjonijiet professjonali. Ir-rapport ta' Lulju 2012 identifika soċjetà ċivili rigoruża f'dan il-qasam fbħala pass importanti 'l quddiem għall-Bulgarija.[8] Madankollu, l-influwenza vera tiegħu fuq il-politika għadha mhix ċara u proċedura aktar ċara għall-konsultazzjoni mal-Kunsill Ċiviku u li tingħata spjegazzjoni meta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma jiġux segwiti jżidu l-effettività tal-Kunsill Ċiviku. B'mod ġenerali, il-KĠS għandu jieħu aktar passi fid-direzzjoni tat-trasparenza.

Il-KĠS ħa xi passi 'l quddiem lejn riforma maniġerjali. Dwar il-volum ta' xogħol u l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi, jidher li qed isir xi progress permezz ta' approċċ prattiku. F'oqsma oħra, bħal proċeduri oġġettivi ta' evalwazzjoni u promozzjoni jew l-introduzzjoni ta' aktar konsistenza fi proċedimenti dixxiplinari, il-passi konkreti s'issa huma ftit. [9] Il-kumitat tal-etika jista' jkun mistenni jaġixxi bħala difensur tal-integrità, iżda l-KĠS ma ħax pożizzjoni biex jagħmel l-integrità prijorità ewlenija.[10] Hija iebsa għalih biex ineħħi tħassib kontinwu dwar l-influwenza politika fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu.

Ir-riżultat huwa li l-KĠS illum ma jitqiesx minn ħafna bħala awtorità awtonoma u indipendenti li kapaċi tiddefendi b'mod effettiv l-indipendenza ġudizzjarja fil-konfront tal-fergħat eżekuttivi u parlamentari tal-gvern. L-oneru għad-difiża tal-indipendenza tal-ġudikatura, jew għall-iskrutinju ta' jekk il-kawżi li huma politikament sensittivi jiġux ġestiti oġġettivament,[11] spiss jidher li jaqa' fuq is-soċjeta ċivili. Il-KĠS għandu jirrikonoxxi dan bħala prijorita importanti u jintroduċi proċeduri trasparenti għall-ġestjoni konsistenti tal-kwistjonijiet hekk kif jitfaċċaw. Dan jissuġġerixxi wkoll li hemm bżonn ta' politika aktar konsistenti lejn il-midja.

Wieħed mill-oqsma ewlenin li jinfluwenzaw il-perċezzjoni pubblika tal-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja huma l-ħatriet. Dawn servew ta' iffukar mill-midja u fuq il-politika. Tħassib dwar ħatriet pubbliċi importanti li jiġu deċiżi b'mod mhux trasparenti u li jinvolvi gruppi b'saħħithom ta' interess ekonomiku u politiku, kompla jissaħħaħ b'diversi ħatriet ta' profil għoli matul is-sena li għaddiet. Eżempji konkreti huma l-ħatriet li fallew tal-qorti kostituzzjonali u tal-Aġenzija Statali tas-Sigurtà Nazzjonali (ASSN).[12] Fiż-żewġ każijiet, il-kandidati eventwalment kellhom jirriżenjaw, iżda t-tnejn li huma ħallew riżultat ta' tħassib dwar kif taħdem is-sistema. Dawn kienu biss l-aktar każijiet emblematiċi. F'każijiet oħra, ir-riżultati ġew ikkontestati anqas, iżda l-proċess xorta waħda ħalla stampa li t-tiswir ta' deċiżjonijiet mhux trasparenti għandu influwenza akbar mill-proċeduri formali, minkejja t-titjib fit-trasparenza.[13]

Każijiet bħal dawn juru li filwaqt li proċeduri trasparenti huma importanti għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet pubbliċi, ir-regoli formali mhumiex dejjem biżżejjed. Sabiex iżżid il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħha, il-Bulgarija teħtieġ li tiżviluppa rekord billi tippermetti li deċiżjonijiet li jikkonċernaw ħatriet, inkluż karigi ta' livell għoli, jkunu ibbażati fuq kompetizzjoni vera bejn il-kandidati skont l-istandards ċari ta' mertu u integrità enfasizzati f'rapporti preċedenti tal-MKV.[14] Każ ta' prova importanti ser ikun in-nomina u l-ħatra tal-Ispettur Prinċipali tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Id-dewmien ta l-impressjoni li l-fattur ewlieni huwa li ma kienx hemm qbil bil-quddiem fuq kandidat, filwaqt li din it-tip ta' pożizzjoni għandha timtela' wara proċess miftuħ imfassal biex jaħtar persuna professjonali b'ħila kbira li tista' turi u tapplika oġġettività sħiħa. L-elezzjoni tal-President tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni ser tkun ukoll ħatra importanti aktar tard fl-2014.

Element importanti fil-protezzjoni tar-responsabbiltà u l-integrità ġudizzjarja huma l-proċeduri dixxiplinari li jiġu applikati lill-maġistrati. Dan jeħtieġ kriterji sistematiċi bil-għan ta' konsistenza fl-azzjoni dixxiplinarja.[15] Fejn ma hemmx standards ċari għall-valutazzjoni tal-każijiet individwali, il-proċess isir miftuħ għal deċiżjonijiet arbitrarji. Il-fatt li l-Qorti Amministrattiva Suprema spiss reġġgħet lura deċiżjonijiet tal-KĠS jagħti ħjiel ukoll ta' inkonsistenza jew nuqqas ta' interpretazzjoni komuni tar-regoli. Approċċ sistematiku għall-azzjoni dixxiplinarja huwa element ewlieni tal-indipendenza u l-initegrità ġudizzjarja, minħabba li deċiżjonijiet arbitrarji f'dan il-qasam għandhom it-tendenza li joħolqu l-bażi għal pressjoni bla bżonn - reali jew perċepita - fuq il-maġistrati. 

L-unità l-ġdida mwaqqfa biex tinvestiga r-reati magħmula minn maġistrati ser tkun responsabbli għal qasam partikolarment sensittiv. Jekk tkun kapaċi tistabbilixxi rekord ta' oġġettività u effettività, din tista' tkun żieda importanti mal-isforzi għall-promozzjoni tal-integrità. Madankollu, l-abbużi identifikati mit-tmexxija preżenti tal-prosekuzzjonii fl-Ispettorat tal-Prosekuzzjoni ta' qabel juru wkoll ir-riskji ta' korpi awtonomi fil-prosekuzzjoni.[16] L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' proċeduri ċari, trasparenti u responsabbli hija essenzjali biex tpatti għal dan ir-riskju.

Qafas Legali

Diskussjonijiet kurrenti dwar ir-riforma tal-Kodiċi Penali għandhom l-għan li d-diskussjonijiet dwar l-ewwel abbozz li ilhom għaddejjin jaslu għal konklużjoni u f'Jannar ġiet ippreżentata proposta lill-Parlament. Il-kodiċi l-ġdid għandu jġib miegħu titjib importanti. Madankollu, għandu jiġi nnutat li filwaqt li riforma tal-Kodiċi Penali tal-1968 - emendat b'mod regolari - tkun ta' għajnuna, jeħtieġ li din ir-riforma tkun parti minn approċċ aktar wiesa' tal-ġustizzja kriminali u tiġi diskussa mal-prattikanti u mas-soċjetà ċivili. Fl-oqsma koperti mill-MKV, ser ikun importanti li d-dispożizzjonijiet li huma maħsuba biex itejbu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata jiġu identifikati u spjegati, izda ser ikun importanti wkoll li wieħed jara kif il-bidliet jistgħu jiġu abbinati ma' sistema ġudizzjarja u ta' infurzar tal-liġi mmaniġjata aħjar. Dan jista' jeħtieġ tibdil fil-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali. Fl-istess ħin, il-bżonn għal tibdil leġiżlattiv m'għandux iżomm lura passi prattiċi u organizzazzjonali siewja li jistgħu jsiru f'perjodu qasir, indipendentement mill-liġi l-ġdida. Element importanti f'dan il-proċess għandhom ikunu l-konklużjonijiet ta' analiżi ta' każijiet li ma rnexxewx irrakkomandati mill-Kummissjoni,[17] kif ukoll analiżijiet oħra ta' kwistjonijiet bħad-dewmien fil-proċedimenti kriminali (ara hawn taħt).

Qafas strateġiku għar-riforma ġudizzjarja

Flimkien mal-KĠS, l-attur ewlieni l-ieħor li qed iservi ta' sfond għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja huwa l-Ministeru tal-Ġustizzja. B'tibdil fit-tmexxija Ministerjali u aritmetika parlamentari li issa tagħmel it-tibdil leġiżlattiv diffiċli, kien diffiċli għall-Ministeru biex jipprovdi l-perspettiva meħtieġa, għalkemm il-promozzjoni ta' oqsma bħall-ġustizzja elettronika tista' tgawdi d-dividendi fil-futur. Jekk jingħataw responsabilità ġenwina, l-isforzi preżenti biex tiġi aġġornata l-istrateġija fit-tul għar-riforma ġudizzjarja jistgħu jaġixxu bħala fokus bżonnjuż.

Il-Ministru tal-Ġustizzja staqsa lil NGOs prinċpali biex jgħinu fl-analiżi tal-istat attwali tar-riforma tal-ġudikatura sal-lum.  L-idea hija li tkompli tinbena l-istrateġija tal-2010, li ġiet implimentata biss parzjalment, u biex tkopri varjetà ta' kwistjonijiet li jinkludu l-ibbilanċjar mill-ġdid tar-riżorsi skont il-bżonn, kwistjonijiet ta' integrità, l-armonizzazzjoni tal-prassi maniġerjali tal-qrati u l-irwol tal-kapijiet amministrattivi. Din l-analiżi kellha tkun lesta fil-ħarifa tal-2013 iżda ġiet imdewma. Għandha tiġi adottata fl-2014 wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti u għandha tkopri perjodu ta' 7 snin biex timplimenta riformi, parzjalment biex jiġi allinjat perjodu ta' żmien mal-iprogrammar tal-appoġġ taħt il-fondi strutturali tal-UE. Huwa importanti li l-istrateġija tkun suġġetta għal konsultazzjoni wiesgħa, inkluż mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet professjonali, iżda imbagħad tiġi adottata bħala pjan direzzjonali maqbul mill-gvern u l-KĠS, biex tiġi żgurata responsabilità massima.

L-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi

Qed jittieħdu l-ewwel passi fl-indirizzar ta' kwistjonijiet diffiċli li jirrigwardaw il-volum ta' xogħol u ta' tqassim mill-ġdid tar-riżorsi bejn il-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuzzjoni. Dan jista' jiltaqa' ma xi reżistenza minn ċerti partijiet ikkonċernati, iżda sakemm jista' jintwera li huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, se jaġixxi wkoll bħala turija li t-tmexxija ġudizzjarja tista' tindirizza kwistjonijiet sensittivi. Flimkien mat-tnedija ta' kompetizzjonijiet wefqin, dan issa għandu jibda jirriżulta f'xi titjib reali.[18] Ix-xogħol li sar fil-KĠS dwar l-iżvilupp ta' linji ġwida metodoloġiċi biex jindirizza l-iżbilanċ fil-volum ta' xogħol għandu joffri wkoll bażi tajba għall-futur. Tqassim ġust tal-volum ta' xogħol mhux biss jagħmel tajjeb għal sistema aktar effiċjenti li sservi aħjar għall-pubbliku Bulgaru - iżda jkollu konsegwenzi wkoll għal proċedimenti dixxiplinari. Bħalissa, id-dewmien mifrux ħafna jista' wisq faċilment jintuża għal kawżi ta' dixxiplinar - spiss fuq bażi inkonsistenti - filwaqt li r-responsabilità għall-problema tista' tkun fit-tmexxija ġudizzjarja u l-kapijiet amministrattivi.

Dwar l-allokazzjoni tal-kawżi, il-KĠS beħsiebu jinstalla sistema ċentralizzata biex iżomm kont ta' allokazzjonijiet aleatorji ta' kawżi fil-qrati kollha, biex jindirizza t-tħassib li s-sistema preżenti tista' tiġi mmanipulata.[19] Wieħed jilqa' l-fatt li l-eżistenza ta' problema issa ġiet rikonoxxuta. Sistema permanenti għandha tibbenefika minn għarfien espert minn barra u mill-involviment tal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili jekk il-fiduċja għandha tiġi stabbilita mill-ġdid. Huwa importanti wkoll li jkun hemm regoli implimentattivi komuni, sabiex il-partijiet kollha jkunu jafu kif is-sistema tissarraf fil-prattika u jkunu jistgħu jqajjmu mistoqsijiet dwar kwalunkwe mumenti fejn ir-regoli jkunu jidhru li ma ġewx rispettati.

Parti importanti oħra tal-maniġment tas-sistema ġudizzjarja huwa l-Ispettorat marbut mal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem. Kif imniżżel f'rapporti preċedenti tal-MKV,[20] l-Ispettorat jista' jkun għodda siewja biex imexxi approċċ ta' maniġment aktar rigoruż u biex jiffoka fuq nuqqasijiet li ġew identifikati, u jorjenta xogħlu mill-ġdid minn approċċ formali tal-ispezzjonijiet għal wieħed kwalitattiv. Bħalissa l-Ispettorat qed janalizza l-istatistiki fuq il-konformità mal-iskadenzi jew jikkontrolla l-applikazzjoni tal-allokazzjoni aleatorja tal-każijiet, iżda rari jikkontrolla l-kwalità tal-fajls tal-kawżi u lanqas ma jqis il-kwistjonijiet tal volum ta' xogħol b'mod sistematiku. Bħala konsegwenza, il-konklużjonijiet li wasal għalihom l-ispettorat f'qasam bħall-allokazzjoni aleatorja ma jidhirx li jindirizzaw il-kwistjonijiet għal kollox.  Barra minn hekk, kwistjonijiet relatati mal-integrità jew l-imġieba etika tal-maġistrati, ma jiġux trattati mill-Ispettorat, minħabba li l-Ispettorat iqis li dawn jaqgħu 'il barra mill-kompetenza tiegħu. Dawn il-fatturi jillimitaw l-impatt tal-Ispettorat fejn jidħol l-indirizzar tan-nuqqasijiet usa' li jaffettwaw is-sistema ġudizzjarja fil-Bulgarija.[21]

Eżempju fejn il-maniġment ħa approċċ aktar sistematiku huwa fil-prosekuzzjoni.[22] L-awditjar li sar mill-Prosekutur Ġenerali u l-pjan ta' azzjoni li jsegwi jipprovdu analiżi ċara tan-nuqqasijiet, u jfittxu li jidentifikaw rimedji partikolari. Jekk jiġi implimentat b'suċċess, l-pjan ta' azzjoni jista' jrendi riżultati sinifikanti, filwaqt li tispjega li r-riżorsi żejda mhumiex dejjem meħtieġa biex jagħtu spinta lill-bidla. Filwaqt li proċess bħal dan fil-prosekuzzjoni ma jistax ikun replikat b'mod awtomatiku fil-ġudikatura, minħabba l-maniġment inqas ġerarkiku tiegħu, huwa jipprovdi eżempju f'termini ta' rieda akbar li jindirizza l-problemi u jkun speċifiku fis-soluzzjonijiet intenzjonati. Madankollu jkun hemm bżonn li tiġi applikata aktar trasparenza lill-proċess, biex jiġi żgurat li r-responsabilità għall-implimentazzjoni tiegħu tista' tkun effettiva. Ir-riforma fil-prosekuzzjoni teħtieġ ukoll li timxi 'l quddiem fil-kuntest tal-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja usa' - l-problemi bħall-indirizzar tad-diffikultajiet bl-użu tal-għarfien espert fil-qorti jeħtieġu approċċ komuni mill-prosekuzzjoni u l-KĠS. Kwistjonijiet bħall-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni jistgħu wkoll jimxu 'l quddiem b'mod li jiżgura approċċ konsistenti għall-imħallfin u l-prosekuturi.

B'mod aktar ġenerali, il-Ministeru tal-Intern għadda minn għadd ta' riformi sinifikanti biex jiffoka fuq l-iskop ewlieni tal-infurzar tal-liġi u biex iqassam mill-ġdid il-persunal minn funzjonijiet amministrattivi għal dawk operazzjonali. Il-prassi problematika tad-donazzjonijiet lill-Ministeru, li ġiet ristretta għall-awtoritajiet u kumpaniji pubbliċi, skont ir-rapporti twaqqfet. Fl-istess ħin, il-Ministeru jrid jaffaċċja sfidi bħall-ġestjoni xierqa ta' dimostrazzjonijiet u pressjoni fuq il-fruntieri.

2.2       Il-Korruzzjoni 

Il-korruzzjoni mifruxa hija pperċepita bħala problema ewlenija u hija ta' sfida sinifikanti għall-awtoritajiet Bulgari[23] Għandha konsegwenzi ċari għar-rieda tan-negozji biex jinvestu fil-Bulgarija.[24] Strateġija kontra l-korruzzjoni kienet adottata mill-gvern ta' qabel fl-2010 u issa qed tiġi aġġornata - tista' tinvolvi b'mod utli għarfien espert minn barra indipendenti f'dan ix-xogħol. Kollox ma' kollox, ir-riżultati tal-isforzi preċedenti kienu limitati ħafna. L-istampa ġenerali hija dik ta' rispons dgħajjef u mhux koordinat għal x'inhi problema sistematika tul l-amministrazzjoni pubblika. In-nuqqasijiet identifikati f'rapport MKV preċedenti, jibqgħu.[25]

Saru għadd ta' bidliet istituzzjonali matul l-aħħar snin, iżda hemm it-tendenza li dawn l-inizjattivi jidħlu fi problemi jew sempliċement ma juru ebda riżultati viżibbli. Pereżempju, il-Kummissjoni dwar il-Kunflitt ta’ Interess, li setgħet kellha rwol kruċjali li timmira għal prattiki irregolari fil-livelli kollha fis-settur pubbliku, minflok inqabdet fi skandlu serju li jinvolvi s-suspett ta' influwenza politika qawwija.  Il-proġett kontra l-korruzzjoni BORKOR, li ġie promoss bħala strument ewlieni biex jidentifika u jindirizza r-riskji ta' korruzzjoni, għadu ma pproduċiex riżultati konkreti, minkejja li ġew dedikati riżorsi għall-proġett. Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, qafas leġiżlattiv kumpless u li dejjem jinbidel għamilha aktar diffiċli biex tinħoloq kultura ta' oġġettività u serjetà. Xi vuċijiet tan-negozju qed jitilfu l-fiduċja li mewġa ta' manipulazzjonijiet ta' offerti tista' titwaqqaf.[26]

Hemm ukoll, madankollu, xi żviluppi pożittivi. Mill-2007 'l hawn l-ispettorati interni tal-amministrazzjoni tal-istat li jaħdmu taħt il-gwida tal-Ispeettorat Ġenerali taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru issaħħew. Huma għandhom il-potenzjal ta' rwol importanti fid-detezzjoni u l-prevenzjoni tal-irregolaritajiet kif ukoll fil-preżentazzjoni ta' proposti għal aktar żviluppi fis-sistema ta' kontra l-korruzzjoni. Il-prassi li jiġu stabbiliti timijiet konġunti bejn l-aġenziji investigatorji u l-prosekuzzjoni għandha twassal ukoll għal rispons aktar effettiv rigward reati ta' korruzzjoni serji. Jibqa' l-każ li l-isforzi ta' kontra l-korruzzjoni huma mxerrda, bl-ebda awtorità ta' korruzzjoni waħedha ma tingħata l-awtorità, u l-awtonomija li ġġib il-bidla. L-Ispettorat Ġenerali jista' jaġixxi bħala nukleju għal dan ix-xogħol, iżda bħalissa qiegħed fuq skala żgħira wisq biex ikollu impatt kbir.

L-esperjenza tissuġġerixxi, madankollu, li s-segwiment b'suċċess ta' korruzzjoni f'livell għoli, hija ta' importanza ċentrali għall-kredibilità tal-azzjoni kontra l-korruzzjoni, sabiex it-trasgressjonijiet jitressqu quddiem il-ġustizzja. In-nuqqas ta' rekord ta' suċċess tas-segwiment ta' każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli jibqa' ostaklu biex il-pubbliku Bulgaru jiġi persważ li qed isir sforz serju biex jindirizza l-problema.

2.3       Kriminalità organizzata

Bl-istess mod, in-nuqqas ta' progress ġenerali jew ta' kawżi ta' kriminalità organizzata emblematiċi, għandu konsegwenzi inevitabbli għall-perċezzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Għadd ta' kawżi bi profil għoli waqgħu, filwaqt li għal reati serjii oħra, bħal qtil kuntrattwali, ma saru ebda akkużi wara diversi snin ta' investigazzjoni.

Il-fatt li figuri involuti fil-kriminalità organizzata bi profil għoli kellhom il-ħila jaħarbu mill-ġustizzja lejlet il-verdett finali f'Lulju 2012 kien sors ta' tħassib mifrux:[27] iżda l-fatt li ħadd ma kien lest li jieħu r-responsabilità għal dan, u li ma ttieħdu ebda passi biex jiġi żgurat li dan ma jerġax jiġri, hija riflessjoni aktar qawwija tad-diffikultajiet tas-sistema biex tindirizza l-problemi.[28]

Il-miżura ewlenija meħuda mill-gvern il-ġdid kienet it-tisħiħ għall-Aġenzija Statali tas-Sigurtà Nazzjonali (ASSN), li issa mhux biss ser tkun qed tieħu ħsieb l-ispjunaġġ u l-kontraintelliġenza, iżda wkoll il-kriminalità organizzata u varjetà ta' reati oħra meqjusa li huma sinifikanti biżżejjed li jaffettwaw is-sikurezza tal-istat. Dan jinkludi t-trasferiment ta' unitajiet speċjali tal-Pulizija fuq kriminalità organizzata (GDBOP) għas-servizzi tas-sigurtà (ASSN). Dan ħoloq xi tfixkil fl-operazzjoni tas-servizzi kkonċernati u huwa importanti li jiġi żgurat li dan l-effett ikun biss wieħed tranżitorju. B'mod aktar sinifikanti, il-mod li bih ittieħdet id-deċiżjoni, mingħajr ebda konsultazzjoni jew ġustifikazzjoni dak iż-żmien, ikkawża ħsara sinifikanti fir-reputazzjoni tas-servizzi kif ukoll tal-gvern il-ġdid, li tista' biss tiġi rimedjata billi s-servizzi juru li l-bidla ġġib magħha riżultati operazzjonali imtejba. Kif diskuss hawn fuq, f'dan il-każ l-istampa ġenerali ta' riforma implimentata b'mod prematur ġiet aggravata aktar mill-kontroversja fuq il-ħatra tal-kap il-ġdid tal-aġenzija ta' sigurtà.

Kwistjoni ewlenija hija wkoll it-tqassim tax-xogħol mal-Ministeru tal-Intern. Per eżempju, l-ASSN ser tieħu ħsieb il-produzzjoni ta' drogi u t-traffikar internazzjonali tad-drogi, filwaqt li l-pulizija ser tieħu ħsieb reati oħra relatati mad-droga. L-ASSN ser tieħu ħsieb il-korruzzjoni f'livell għoli, il-pulizija tieħu ħsieb il-forom kollha l-oħra ta' korruzzjoni. Xi drabi l-każijiet jistgħu jeħtieġu li jkunu mqassma mill-ġdid tul l-investigazzjoni.

L-ASSN u l-Prosekuzzjoni iffurmaw timijiet speċjalizzati biex jieħdu ħsieb il-korruzzjoni, it-traffikar, u r-reati finanzjarji.[29] 

Filwaqt li din l-organizzazzjoni mill-ġdid tista' ġġib xi żviluppi pożittivi, l-aktar billi jkun hemm approċċ aktar integrat minħabba l-konnessjonijiet bejn il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, l-aġenzija l-ġdida ser ikollha tistabbilixxi rekord b'saħħitha jekk trid tneħħi l-impressjoni negattiva maħluqa mill-atmosfera kontroversjali tal-ħolqien tagħha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni mas-servizzi tal-infurzar tal-liġi fi Stati Membri oħra.[30]

B'mod aktar ġenerali, ir-rapporti tal-MKV irrakkomandaw analiżi komprensiva tar-raġunijiet għaliex il-każijiet fil-passat waqfu ħesrem jew ma kellhomx suċċess, li tinvolvi l-awtoritajiet kollha tal-gvern u ġudizzjarji relevanti,[31] Il-problemi pperċepiti bħall-użu tal-evidenza esperta fil-qorti, protezzjoni insuffiċjenti tax-xhieda u problemi bl-evidenza jridu jidhru mill-perspettiva tal-investigazzjoni tal-pulizija, il-fażi tal-prosekuzzjoni u tal-proċess jekk għandu jsegwi t-titjib. Il-progress fuq l-analiżi kien bilmod u nuqqas ta' koordinazzjoni u sa ċertu punt ta' responsabilità huwa ssuġġerit minn inizjattivi paralleli mill-Prosekuzzjoni u l-KĠS.[32] Diskussjonijiet miftuħa mal-partijiet interessati u mas-soċjetà ċivili, segwiti minn pjan ta' azzjoni ċar, huma meħtieġa biex jerġgħu jġibu l-momentum f'dan il-proċess.

Is-sekwestru tal-assi huwa għodda ewlenija biex il-gruppi tal-kriminalità organizzata jiġu mċaħħda mid-dħul illegali tagħhom.  It-tmexxija l-ġdida tal-kummissjoni tas-sekwestru tal-assi (CEPACA) tidher li wettqet żieda modesta f'assi ssekwestrati. Madankollu, l-liġi l-ġdida, minkejja li tejjbet xi aspetti, inkludiet ukoll xi emendi parlamentari li ħolqu ostakli ġodda, b'mod partikolari limitu ta' ġid mhux ġustifikat għoli ħafna. għall-aġenzija (CEPACA) - biex tintervjeni ex-officio. Xi mistoqsijiet għalhekk jibqgħu rigward l-istabbiliment legali l-ġdid u l-impatt tiegħu fuq il-kapaċità tal-CEPACA li taġixxi b'mod effettiv.[33]

Bl-istess mod, il-prosekuzzjoni speċjalizzata u l-qrati xorta waħda jeħtieġ li jistabbilixxu esperjenza ta' indirizzar effettiv ta' kawżi importanti. Jibqa' tħassib li xi aspetti tas-disinn qed ifixklu l-effettività tagħhom, b'mod partikolari nuqqas ta' awtorità li jipprijoritizzaw, li tħalli lill-istituzzjonijiet mtaqqla b'kawżi żgħar. In-nuqqas ta' għarfien espert tekniku huwa spiss immarkat mill-prosekuzzjoni speċjalizzata bħala problema operazzjonali serja, u ż-żieda tal-importanza tal-investigazzjoni finanzjarja fi kriminalità organizzata tagħmel dan partikolarment importanti.

3.         KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni f'Lulju 2012, il-Bulgarija għamlet xi passi 'l quddiem. Kien hemm ammont ta' titjib fil-proċeduri tal-ħatriet, xi passi maniġerjali utili mill-Prosekutur Ġenerali u xi progress mill-Kunsill Ġudizzjarju Suprem dwar il-kwistjoni tal-ammont ta' xogħol.

Madankollu, il-progress ġenerali għadu mhux biżżejjed u huwa fraġli. Il-fiduċja pubblika hija kkundizzjonata l-aktar minn mumenti ewlenin meta d-deċiżjonijiet jew il-ġrajjiet ikunu ta' importanza biżżejjed biex jiggarantixxu aktar interess ġenerali. Ħafna mill-ġrajjiet bħal dawn matul l-aħħar 18-il xahar - perjodu li fih il-Bulgarija kellha tliet gvernijiet differenti - kienu s-sors ta' tħassib aktar milli ta' riassigurazzjoni, b'ħatriet li kellhom jiġu abbandunati minħabba kwistjonijiet ta' integrità, il-ħarba mill-ġustizzja ta' mexxejja kkundannati tal-kriminalità organizzata u suċċessjoni ta' rivelazzjonijiet dwar l-influwenza politika fuq is-sistema ġudizzjarja. Jifdal biss ftit każijiet li fihom ir-reati ta' korruzzjoni jew kriminalità organizzata ġew konklużi fil-qorti.

Hemm vuċijiet favur ir-riforma fil-Bulgarija, iffrustrati minħabba l-pass kajman tal-bidla, li ħaqqhom jingħataw appoġġ. Biex isir progress aktar mgħaġġel lejn il-punti ta' riferiment tal-MKV, l-awtoritajiet Bulgari jeħtieġ li jaħdmu magħhom u jipprovdu tmexxija bbażata fuq viżjoni li fil-qalba tagħha għandha l-prinċipji ewlenin bħall-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura. Dan ikun ifisser impenn politiku għal strateġija fit-tul għar-riforma kif ukoll miżuri konkreti u prattiċi fuq perjodu qasir biex imexxu l-proċess 'il quddiem.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Bulgarija biex tieħu azzjoni fl-oqsma li jmiss:

1.         L-Indipendenza, ir-responsabilità u l-integrità tal-ġudikatura

Ir-regoli li jmexxu l-ħatriet għandhom jiġu applikati b'ċarezza u trasparenza. Serje ta' kawżi li fihom il-professjonaliżmu u l-integrità huma b'mod ċar il-mexxejja ewlenin fi proċess ta' ħatra jkunu meħtieġa biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja pubblika, b'mod partikolari fil-każ tal-aktar ħatriet għoljin. F'dan il-qasam il-Bulgarija għandha:

· Tistabbilixxi sett ta' standards oġġettivi għall-evalwazzjonijiet u l-promozzjonijiet, li jiffukaw fuq il-mertu, l-integrità u t-trasparenza, u twaqqaf sistema biex timmonitorja u tevalwa l-applikazzjoni ta' dawk l-istandards fil-prattika attwali, li tkopri l-ispeċifiċitajiet tal-funzjonijiet tal-imħallfin, prosekuturi u investigaturi. Tinvolvi, fiż-żewġ passi, lilll-assoċjazzjonijet professjonali u partijiet interessati oħra.

· Tiżviluppa prassi konsistenti, fil-KĠS li tapplika standards oġġettivi ta' mertu, integrità u trasparenza għall-ħatriet, inkluż għal karigi ta' livell għoli.

· Tipprovdi garanziji għall-integrità u t-trasparenza tas-sistema tal-allokazzjoni tal-kawżi madwar il-ġudikatura, b'sistema ta' allokazzjoni aleatorja kkontrollata minn esperti indipendenti biex tiżgura li l-kapijiet amministrattivi jkunu responsabbli għal kollox mid-deċiżjonijiet kollha li jiżvijaw mis-sistema. Jinħtieġu regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema u għandhom japplikaw għall-qrati kollha. 

· Tagħti direzzjoni ġdida lix-xogħol tal-Ispettorat u tal-KĠS biex jaġixxu b'mod proattiv biex jippromwovu l-integrità u l-effiċjenza tal-ġudikatura.

· Tistabbilixxi proċedura ċara għall-KĠS biex jirreaġixxi b'mod pubbliku f'każijiet ta' interferenza politika fil-ġudikatura u l-prosekuzzjoni.

2.         Ir-Riforma tas-Sistema Ġudizzjarja

L-istrateġija aġġornata dwar ir-riforma ġudizzjarja għandha tintuża biex tagħti direzzjoni u momentum lir-riforma. F'dan il-qasam, il-Bulgarija għandha:

· Timplimenta l-pjan ta' azzjoni għall-prosekuzzjoni fil-perjodu ta' żmien propost. Tinkorpora l-pjan ta' azzjoni fir-riforma usa' tal-ġudikatura. Sadanittant, fil-KĠS, tieħu miżuri konkreti biex tindirizza l-problema ta' volum ta' xogħol differenti bejn il-qrati u l-maġistrati b'mod oġġettiv.

· L-istrateġija għandha tinkludi rapport ta' progress annwali mill-KĠS dwar miżuri fir-riforma ġudizzjarja u objettivi għas-sena ta' wara sabiex tiżdied it-trasparenza tal-proċess

Tistabbilixxi mira għat-tlestija tax-xogħol fuq il-Kodiċi Penali l-ġdid, u għall-implimentazzjoni tiegħu. Tiżgura l-involviment miftuħ tal-NGOs kollha sinifikanti u organizzazzjonijiet

professjonali fid-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji għar-riforma.

3.         L-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja

Il-kwistjonijiet tal-iżbilanċi fil-volum ta' xogħol u t-tqassim tar-riżorsi għandhom ikomplu jiġu indirizzati flimkien ma' kwistjonijiet bħal evalwazzjonijiet u promozzjonijiet billi iqisu b'mod sħiħ l-integrità. Barra minn hekk, f'dan il-qasam il-Bulgarija għandha:

· Tistabbilixxi proċeduri ċari, standards u penali biex tiżgura deċiżjonijiet dixxiplinari konsistenti. Dawn għandhom iservu bħala l-bażi għal approċċ konsistenti mill-kapijiet amministrattivi.

· Twettaq eżerċizzju ta' awditjar kompletament pubbliku u funzjonali tal-uffiċċji tal-prosekuzzjoni mmexxi mill-Prosekutur Ġenerali kif ukoll il-pjan ta' azzjoni biex twettaq konsultazzjoni pubblika fuq il-pjan ta' azzjoni.

Tagħlaq lakuni fl-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet tal-qorti, bħal

ħrib biex tkun evitata sentenza ta’ ħabs jew ma jkunux jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet finanzjarji

stabbiliti mill-qorti.

· Tagħmel progress konkret fuq il-ġustizzja elettronika bħala mezz biex ittejjeb l-effiċjenza, it-trasparenza u l-konsistenza tal-proċess ġudizzjarju fi żmien qasir sa medju kif ukoll fil-prespettiva fit-tul.

4.         Il-Korruzzjoni

L-indirizzar tal-korruzzjoni jieħtieġ sforz sostnut u konsistenti dwar il-prevenzjoni, iżda wkoll dwar is-segwiment ta' trasgressjonijiet u t-turija li l-aġir żbaljat iwassal għal sanzjonijiet. F'dan il-qasam il-Bulgarija għandha:

Tafda istituzzjoni ewlenija bil-kompitu li tikkoordina l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, biex tassisti u tikkoordina l-isforzi f'setturi differenti.

· Tirrevedi u taġġorna l-istrateġija ta' kontra l-korruzzjoni nazzjonali, b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mudell standard ta' amministrazzjoni pubblika li jkollu spettorati interni bl-indipendenza, it-trasparenza u l-kontabilità.

· Tieħu passi biex tnaqqas ir-riskju ta' korruzzjoni fi proċeduri ta' akkwist pubbliku billi tagħmilhom aktar faċli u trasparenti.

· Tirrevedi l-proċeduri dwar il-kunflitti tal-interess sabiex tiżgura l-effettività u l-imparzjalità tagħhom kif ukoll il-kredibilità tal-mekkaniżmu ta' sanzjonijiet.

5.         Kriminalità organizzata

L-investigazzjoni u s-sanzjonar effettiv tal-kriminalità organizzata jibqa' dejjem l-aktar mod effettiv biex isir il-progress, sabiex il-progress f'każijiet emblematiċi jibqa' ta' importanza ċentrali. F'dan il-qasam il-Bulgarija għandha:

· Tipprepara u timplimenta pjan ta' azzjoni, billi tagħmel użu mill-analiżi indipendenti u komprensiva tant mistennija tal-falliment tal-kawżi, bi skeda ta' miżuri konkreti li jindirizzaw l-aspetti u l-istadji kollha tal-infurzar tal-liġi u s-sistema ġudizzjarja.

· Tindirizza b'mod speċifiku l-problema ta' imputati ta' livell għoli li jaħarbu qabel id-deċiżjoni finali tal-qorti, b'inkarigu ċar tar-responsabilità għal kwalunkwe falliment.

· Tiżviluppa politika ċara li tiggverna r-relazzjoni tal-Aġenzija Statali tas-Sigurtà Nazzjonali (ASSN), ma' korpi li għandhom x'jaqsmu mal-kriminalità organizzata fi Stati Membri oħra, bi proċeduri operattivi speċifiċi ma dawk il-korpi biex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni tinżamm u tiġi mtejba.

· Tipprovdi li l-Qorti Speċjalizzata għall-Kriminalità Organizzata u l-Uffiċċju tal-Prosekutur marbut, jistgħu jikkonċentraw fuq kawżi ta' profil għoli. 

· Tiżgura l-kooperazzjoni neċessarja bejn il-Kummissjoni għas-Sekwestru tal-Assi u l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi relevanti. Twettaq evalwazzjoni indipendenti tal-liġi l-ġdida fuq is-sekwestru tal-assi u l-impatt tagħha sas-sajf tal-2014.

[1] COM(2012) 411 finali

[2] 24 ta' Settembru 2012

[3]   Ara l-aktar ċifri riċenti mill-Forum Ekonomiku Dinji  http://reports.weforum.org/the-global-competitiveness-report-2013-2014/

[4]  Per eżempju, COM(2012) 411, pp 6-8

[5] Pereżempju, intemmet il-prattika li l-operazzjonijiet tal-puliżija jissemmew għal imħallfin li naqsu milli jimponu miżuri ta' detenzjoni fuq suspettati taħt arrest.

[6] Rapport tekniku p. 2.

[7]  COM(2012) 411 finali, ref

[8]  COM(2012) 411 finali, p. 6.

[9] Rapport tekniku pp. 13-14.

[10] Rapport tekniku pp.11-12.

[11] Kawżi attwali li jinvolvu allegazzjonijiet ta' interċettar u mmanuvrar tal-vot ser iservu ta' prova f'dan ir-rigward.

[12] Rapport tekniku pp. 4 u 25.

[13] Rapport tekniku p 5.

[14] Hemm standards rikonoxxuti internazzjonalment, bħal dawk tan-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura: http://encj.net/images/stories/pdf/GA/Dublin/encj_dublin_declaration_def_dclaration_de_dublin_recj_def.pdf 

[15]  Fejn jidħlu l-evalwazzjonijiet u l-promozzjonijiet, il-proċedimenti dixxiplinari xi drabi jitqiesu u xi drabi le matul l-eżerċizzju ta' promozzjoni.

[16] Rapport tekniku p. 10.

[17]  COM(2012) 411 finali, p. 21.

[18] Rapport tekniku p. 14.

[19] Rapport tekniku p. 6-7.

[20]  COM(2012) 411 finali, p. 7 u 21.

[21] Rapport tekniku p. 11.

[22] Rapport tekniku p. 9.

[23]  Ċentru għall-Istudju tad-Demokrazija, il-Korruzzjoni u l-antikorruzzjoni fil-Bulgarija (2012-2013), Policy Brief N 43, Novembru 2013. Skont l-Indiċi ta' Perċezzjoni tal-Korruzzjoni  tal-2013 ippubblikat minn Transparency International, il-Bulgarija hija t-tieni l-aktar pajjiż fost l-Istati Membri tal-UE fejnn jidħol il-livell ta' korruzzjoni pperċepit. (http://www.transparency.org/cpi2013)

[24]  Ir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali tal-2013 jelenka l-korruzzjoni bħala l-aktar fattur problematiku biex isir in-negozju fil-Bulgarija. http://www3.weforum.org/docs/WEF_GlobalCompetitivenessReport_2013-14.pdf  p. 138.

[25]  COM(2012) 411 finali  pp. 14.

[26] Kuntatti diretti bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet tan-negozju.

[27] Il-fatt li każ ta' sekwestru tal-assi kontra l-istess grupp issa intemm ħesrem, saħħaħ dan it-tħassib.

[28] Fil-fatt, kawża komparabbli dwar imputat ikkundannat b'delitt doppju seħħet f'Diċembru 2013.

[29] B'żieda mal-unità dwar ir-reati li tikkonċerna l-maġistratura nnutata hawn fuq

[30] Problema partikolari tikkonċerna l-ammissibilità f'xi ġuriżdizzjonijiet ta' evidenza miġbura mis-servizzi ta' sikurezza.

[31]  COM(2012) 411 finali, p. 14 u 21.

[32] Rapport tekniku p. 24.

[33] Rapport tekniku p 25-26.