52014DC0008

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Enerġija Blu Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn /* COM/2014/08 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Enerġija Blu

Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn

1.           Il-Kontribut għall-Għanijiet tal-Impjiegi, l-Innovazzjoni, il-Klima u l-Enerġija

L-ibħra u l-oċeani tagħna għandhom il-potenzjal li jsiru sorsi importanti tal-enerġija nadifa. L-enerġija rinnovabbli mill-baħar, li tinkludi kemm l-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut u dik mill-oċean[1], toffri l-opportunità lill-UE biex tiġġenera t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, ittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha, u tixpruna l-kompetittività permezz tal-innovazzjoni teknoloġika. Wara l-Komunikazzjoni tal-2008 dwar l-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut[2], din il-Komunikazzjoni tikkunsidra l-potenzjal tas-settur tal-enerġija mill-oċeani li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020[3] kif ukoll għall-għanijiet fit-tul tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn il-futur ta' din it-teknoloġija ġdida promettenti u tfassal pjan ta’ azzjoni sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tagħha.

L-isfruttament b’mod sostenibbli tal-potenzjal ekonomiku tal-ibħra u l-oċeani tagħna huwa element ewlieni tal-politika marittima tal-UE[4]. Dan l-aħħar, is-settur tal-enerġija mill-oċeani ssemma fl-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir Blu[5] bħala wieħed mill-ħames oqsma ta' żvilupp fl-“ekonomija blu” li jistgħu jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi fiż-żoni kostali. Inizjattivi oħra tal-Kummissjoni, bħall-Komunikazzjoni dwar it-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni fl-Enerġija[6] u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Atlantiku[7], għarfu l-importanza tal-enerġija mill-oċeani u jimmiraw li jħeġġu r-riċerka u l-iżvilupp kollaborattivi u l-kooperazzjoni transfruntiera sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp tagħha.

Mir-riċerka u l-konsultazzjoni li saru bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-Komunikazzjoni ħareġ li jekk jingħata iktar appoġġ lil dan is-settur emerġenti l-UE tkun tista' taħsad benefiċċji ekonomiċi u ambjentali kbar. Il-valutazzjoni tal-impatt tenfasizza b’mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin:

· Ir-riżorsa tal-enerġija mill-oċeani li hemm disponibbli fid-dinja tisboq il-bżonnijiet tagħna ta' enerġija fil-preżent u l-futur. Fl-UE, l-ogħla potenzjal għall-iżvilupp tal-enerġija mill-oċeani hija fil-littoral tal-Atlantiku, iżda huwa wkoll preżenti fil-Mediterran u l-baċiri tal-Baltiku u fir-Reġjuni Ultraperiferiċi. L-isfuttar ta' din ir-riżorsa indiġena jista' jgħin biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u biex titjieb is-sigurtà tal-enerġija. Dan jista’ jkun ta’ importanza partikolari għal nazzjonijiet u reġjuni gżejjer, fejn l-enerġija mill-oċeani tista' tikkontribwixxi għall-awtosuffiċjenza enerġetika u tieħu post l-elettriku għali ġġenerat mid-diżil.

· Is-settur tal-enerġija mill-oċeani jista’ jsir parti importanti mill-ekonomija blu, u jistimola t-tkabbir ekonomiku fir-reġjuni kostali, kif ukoll dawk interni. Jistgħu jiżviluppaw ktajjen tal-provvista pan-Ewropej hekk kif l-industrija tespandi sabiex tinvolvi kemm l-SMEs innovattivi kif ukoll il-kumpaniji akbar tal-manifatttura b'kapaċitajiet rilevanti, pereżempju, fil-bini tal-bastimenti, l-inġinerija mekkanika, elettrika u marittima iżda wkoll fil-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali jew il-ġestjoni tas-saħħa u tas-sikurezza. Hija mistennija wkoll, pereżempju, żieda fid-domanda tal-bastimenti speċjalizzati. Dawn x’aktarx jinbnew fit-tarzni Ewropej.

· Il-pożizzjoni tal-industrija Ewropea fis-suq dinji tal-enerġija mill-oċeani bħalissa hija b'saħħitha. Dan jixhdu l-fatt li ħafna mill-iżviluppaturi tat-teknoloġija huma bbażati fl-Ewropa. Madankollu, hija mistennija kompetizzjoni dejjem ikbar miċ-Ċina, il-Kanada u pajjiżi industrijalizzati oħra. Il-Carbon Trust tar-Renju Unit ikkalkula li s-suq dinji tal-enerġija mill-mewġ u l-marea jista’ jkun jiswa sa EUR 535 biljun bejn l-2010 u l-2050[8]. Jekk jinħolqu issa l-kundizzjonijiet li fihom is-settur ikun jista’ jiffjorixxi, l-UE tkun tista' taħkem sehem imdaqqas mis-suq fil-ġejjieni. L-innovazzjoni permezz tar-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jippermettu lill-UE li tiġġenera opportunitajiet ta’ esportazzjoni għat-teknoloġija u wkoll għall-għarfien espert. Huwa essenzjali, għalhekk, li l-UE tkun tista’ tmantni l-pożizzjoni tagħha fuq quddiem fl-industrija dinjija.

· L-enerġija mill-oċeani għandha l-potenzjal li toħloq impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja fl-iżvilupp tal-proġetti, il-manifattura tal-komponenti u l-operazzjonijiet. L-estimi indikattivi tal-impjiegi mill-valutazzjoni tal-impatt juru li sal-2035 jistgħu jinħolqu bejn 10,500 u 26,500 impjieg permanenti u sa 14 000 impjieg temporanju. Sorsi oħra, iktar ottimistiċi, jistmaw li sal-2035 se jinħolqu 20,000 impjieg fir-Renju Unit waħdu[9] u 18,000 impjieg fi Franza sal-2020.[10] Proporzjon sostanzjali ta’ dawn l-opportunitajiet ta' impjiegi se jinħolqu fiż-żoni tal-kosta Atlantika, fejn bħalissa hemm livelli għolja ta’ qgħad.

· Iż-żieda fl-użu tal-enerġija mill-oċeani tista' tikkontribwixxi għall-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa. L-iżvilupp kosteffettiv tas-sorsi kollha tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju se jkun importanti biex l-UE tkun tista' żżomm mal-impenn tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'bejn 80 u 95 % sal-2050.

· Il-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija mill-oċeani hija differenti minn dik minn sorsi oħra tal-enerġija rinnovabbli. Dan ifisser li l-enerġija mill-oċeani tista’ tgħin biex tibbilanċja l-produzzjoni elettrika ta’ sorsi oħra tal-enerġija rinnovabbli bħalma huma l-enerġija mir-riħ u l-enerġija solari sabiex b'hekk tiġi żgurata provvista aggregata stabbli tal-enerġija rinnovabbli lin-netwerk. L-enerġija mill-oċeani għalhekk tkun ass importanti fil-portafoll tal-enerġija tal-UE.

· L-apparat tal-enerġija mill-oċean normalment ikun kompletament jew parzjalment taħt l-ilma, u b’hekk ikollu impatt viżiv żgħir. Billi l-possibbiltajiet għall-espansjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq l-art huma limitati, l-ispazju marittimu joffri soluzzjoni potenzjali għall-kwistjonijiet tal-aċċettazzjoni mill-pubbliku relatati mal-impatt viżiv, li jistgħu jxekklu l-iżviluppi fl-enerġija rinnovabbli fuq l-art.

2.           Is-sorsi rinnovabbli mill-baħar illum

Xi kultant l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija mill-oċeani llum jitqabbel mal-bidu tal-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, is-settur tal-enerġija mir-riħ, inkluż ir-riħ 'il barra mix-xtut, kiber esponenzjalment wara li kien ibbenefika minn appoġġ politiku mmirat fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak tal-UE. Fl-2012, il-kapaċità tar-riħ 'il barra mix-xtut kibret bi 33 %, rata ta’ tkabbir aktar mgħaġġla milli dik tas-settur tar-riħ fuq l-art[11]. Fi tmiem l-2012, is-settur tal-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut kien jikkonsisti fi kważi 5GW ta' kapaċità installata f’55 park oeliku 'l barra mix-xtut f’10 pajjiżi Ewropej, li flimkien jipproduċu biżżejjed elettriku biex ikopru 0.5 % tal-konsum totali tal-elettriku tal-UE. Fl-ewwel sitt xhur tal-2013, ġew konnessi 277 turbina tar-riħ ġdida 'l barra mix-xtut li b'kollox żiedu 1GW ieħor. Il-kapaċità installata totali sal-2020 hija mbassra li tilħaq 43GW, sabiex tkun qed tipproduċi madwar 3 % tal-konsum totali tal-elettriku tal-UE.

Bit-titjib teknoloġiku u appoġġ pubbliku addizzjonali għall-istadju bikri tal-iżvilupp, is-settur tal-enerġija mill-oċeani, maż-żmien jista' jkun kapaċi jikber għal skala bħal dik tar-riħ ’il barra mix-xtut. L-enerġija mill-oċeani bħalissa hija industrija fil-bidu tagħha u fiha, it-teknoloġiji tal-mewġ u tal-fluss tal-marea, huma relattivament aktar żviluppati minn teknoloġiji oħra. Bħalissa hemm 10 MW[12] ta’ kapaċità installata tal-enerġija mill-mewġ u l-fluss tal-marea fl-UE, li hija żieda ta' kważi tliet darbiet minn 3.5 MW ta' erba’ snin ilu. Dawn il-proġetti, li jinsabu fir-Renju Unit, Spanja, l-Isvezja u d-Danimarka, huma fil-biċċa l-kbira fi stadju prekummerċjali, biex juru l-affidabbiltà u s-sopravivenza tal-apparat ittestjat. Madankollu, diġà huwa previst tkabbir kbir, b'madwar 2GW ta’ proġetti ppjanati (fil-biċċa l-kbira fir-Renju Unit, Franza u l-Irlanda). Jekk dawn il-proġetti kollha jiġu implimentati, jistgħu jipprovdu l-elettriku lil aktar minn 1.5 miljun dar.

Kunċett promettenti ieħor huwa dak tal-enerġija mir-riħ minn impjanti 'l barra mix-xtut li jżommu f’wiċċ l-ilma. Minħabba l-baħar fond fiż-żoni kostali tal-Atlantiku, it-turbini 'l barra mix-xtut bil-pedamenti fissi jiswew ħafna flus. Pjattaforma li żżomm f'wiċċ l-ilma u li tkun ankrata ma' qiegħ il-baħar tista’ tkun soluzzjoni aktar kosteffettiva f’dawk l-ilmijiet. Bħalissa, fil-Portugall u n-Norveġja hemm żewġ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta' impjanti tar-riħ 'il barra mix-xtut li jżommu f'wiċċ l-ilma. It-teknoloġija tal-konverżjoni tal-enerġija termali tal-oċeani (OTEC) għandha potenzjal qawwi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda minħabba li dawn jinsabu fi klima tropikali, fejn id-differenza fit-temperatura bejn l-ilma fil-wiċċ u l-ilma fond tkun l-ikbar. L-isfruttament lokali jista' jaqdi l-bżonnijiet ta' ilma tax-xorb, tkessiħ u elettriku tal-gżejjer. Bħalissa qed isiru studji ta’ fattibilità f’Martinique u La Réunion.

Għalkemm iċ-ċifri tal-isfruttament tal-enerġija mill-oċeani huma modesti meta mqabbla ma’ tas-settur tal-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut, l-interess kummerċjali fis-settur qed jiżdied, kif jixhed l-involviment dejjem ikbar ta’ manifatturi u kumpaniji tal-provvista tal-enerġija kbar . Id-"Dokument ta' Viżjoni" riċenti tal-industrija tal-oċeani jipprovdi sinjal ieħor li s-settur qiegħed f’pożizzjoni aħjar biex jidentifika l-bżonnijiet u l-limitazzjonijiet tiegħu u d-dokument jagħti wkoll soluzzjonijiet biex jindirizzawhom. Ġew investiti iktar minn EUR 600 miljun mis-settur privat f'dawn l-aħħar seba’ snin u dan huwa mistenni li jkompli jiżdied, kemm-il darba jkun hemm il-kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta’ dan l-apparat.

3.           Appoġġ eżistenti

F'dawn l-aħħar snin, it-tkabbir tas-setturi tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx juri biċ-ċar li l-isforzi konġunti biex jinbnew l-oqfsa xierqa għall-politika u l-finanzjament jistgħu jipprovdu l-inċentivi meħtieġa mill-industrija biex jinkisbu r-riżultati. Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri mmiraw li jinkoraġġixxu l-investimenti fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ skemi ta’ appoġġ għad-dħul, għotjiet ta’ kapital u finanzjament għar-riċerka, iżda ftit biss għandhom fis-seħħ appoġġ dedikat għall-enerġija mill-oċeani.

Fil-livell tal-UE, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet favur l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Iskema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet ipprovdew il-qafas regolatorju meħtieġ. Mill-2008 ‘l hawn, il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET)[13] kien strumentali sabiex jaċċellera l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju. Ir-Regolament dwar il-linji gwida għall-infrastruttura trans-Ewropea tal-enerġija[14] jindirizza l-isfida infrastrutturali billi jiddefinixxi l-iżvilupp ta' grilja tal-elettriku integrata 'l barra mix-xtut bħala prijorità. Jistabbilixxi wkoll proċess biex jiġu identifikati u mmonitorjati l-proġetti ta’ infrastruttura magħżula, li mbagħad jibbenefikaw minn trattament regolatorju preferenzjali, bħal proċeduri tal-permessi aċċellerati, u appoġġ finanzjarju. Madankollu, bħalissa hemm biss ftit proġetti li qed jippjanaw soluzzjonijiet ta' grilja 'l barra mill-kosta integrata.

L-UE għamlet ukoll disponibbli finanzjament għal azzjonijiet li jiffavorixxu t-teknoloġiji tal-enerġija mill-oċeani. Pereżempju, ġie stabbilit programm konġunt għall-enerġija mill-oċeani fi ħdan l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA). L-involviment tal-Istati Membri qed jitħeġġeġ permezz ta’ netwerk ġdid għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA-net) ta’ programmi ta’ riċerka nazzjonali u reġjonali li ġie stabbilit speċifikament għall-enerġija mill-oċeani. Dan se jappoġġja l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet tar-riċerka, jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni trandfruntiera usa’ fir-riċerka, jidentifika l-prijoritajiet u jżid l-iskala fi ħdan l-UE. Tliet proġetti tal-enerġija mill-oċeani ngħataw madwar EUR 60 miljun b’kollox fl-ewwel fażi tal-programm NER300, li se jippermetti d-dimostrazzjoni ta’ apparat mill-2016 'l hemm. Xi proġetti ġew ukoll appoġġjati permezz tal-fondi strutturali. L-iżvilupp tal-enerġija mill-oċeani ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni intitolata “Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku"[15] li ħeġġet lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex jikkunsidraw kif jistgħu jużaw il-fondi strutturali u tal-investiment tal-UE kif ukoll il-fondi tar-riċerka jew il-finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex isostnu l-iżvilupp tas-settur.

L-UE ffinanzjat ukoll diversi proġetti bil-Programmi ta' Qafas għar-riċerka u l-Programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa għal ammont ta' massimu ta' EUR 90 miljun mit-tmeninijiet ’il hawn. Orizzont 2020, il-programm ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, se jkollu l-għan li jindirizza l-isfidi soċjali importanti inkluż l-enerġija nadifa u r-riċerka dwar l-ibħra. Għaldaqstant, huwa għodda ġdida b'saħħitha li tista’ tintuża biex tixpruna s-settur tal-enerġija mill-oċeani fit-triq lejn l-industrijalizzazzjoni, il-ħolqien ta' impjiegi ġodda u t-tkabbir ekonomiku.

4.           L-Isfidi li Fadal

Ċerti sfidi li qiegħed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-enerġija mill-oċeani huma simili għal dawk tas-settur tal-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut. Dawn jikkonċernaw notevolment il-kwistjonijiet tal-konnessjoni mal-grilja, l-iżviluppi tal-katina tal-forniment u t-tħaddim u l-manutenzjoni fil-kundizzjonijiet klimatiċi ħorox. Madankollu, l-enerġija mill-oċeani issa tinsab fi stadju kritiku. Il-pass mid-dimostrazzjoni tal-prototipi għall-kummerċjalizzazzjoni dejjem kien diffiċli għat-teknoloġiji emerġenti. Fil-klima ekonomika ta’ bħalissa, huwa partikolarment diffiċli. Bħall-enerġiji rinnovabbli l-oħra, l-enerġija mill-oċeani tibbenefika minn qafas politiku ċar, stabbli u ta' appoġġ sabiex jattira l-investiment u jiżviluppa l-potenzjal tagħha. Abbażi tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni identifikat il-kwistjonijiet li ġejjin li jeħtieġu attenzjoni fuq medda ta’ żmien qasir u medju biex is-settur jiġi megħjun jikber u jsir kompetittiv ma’ forom oħra ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku.

· Attwalment l-ispejjeż tat-teknoloġija huma għoljin ħafna u l-aċċess għall-finanzi huwa diffiċli. Il-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji eżistenti għad iridu juru l-affidabbiltà u s-sopravivenza tagħhom fl-ambjent tal-baħar. Għalhekk, l-ispiża tal-elettriku ġġenerat bħalissa hija kbira iżda mistennija tonqos hekk kif it-teknoloġiji javvanzaw fil-kurva tat-tagħlim. Id-dimostrazzjoni ta’ impjanti fuq il-baħar tiswa ħafna flus u hija riskjuża u l-SMEs spiss ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jimplimentaw il-prototipi tagħhom. Id-diversità tat-teknoloġiji li qed jiġu ttestjati bħalissa tfisser li l-progress lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż kapitali qed jieħu l-ħin.

· It-tifrix u t-tisħiħ tal-infrastruttura tal-grilja ta’ trażmissjoni tal-UE, 'il barra mix-xtut iżda wkoll fuq l-art u transfruntiera, huma meħtieġa biex din tkun tista' takkomoda l-volumi futuri tal-enerġija mill-oċeani u tittrasportaha lejn iċ-ċentri tad-domanda. Filwaqt li l-linji gwida tat-TEN-E riċenti[16] jistgħu jwasslu għal titjib fil-futur, it-tħassib dwar il-konnessjoni fil-ħin mal-grilja għadu hemm. Kwistjonijiet infrastrutturali oħra, inkluż l-aċċess inadegwat għal faċilitajiet tal-port xierqa u n-nuqqas ta’ bastimenti speċjalizzati għall-installazzjoni u l-manutenzjoni, jeħtieġ jiġu indirizzati wkoll.

· Il-proċeduri kumplessi tal-għoti ta' liċenzji u kunsens jistgħu jdewmu l-proġetti u jżidu l-ispejjeż. L-inċertezza dwar l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni ambjentali tista' tkompli ttawwal il-proċessi tal-għoti tal-kunsens. Għalhekk, l-integrazzjoni tal-enerġija mill-oċeani fil-pjanijiet għall-ispazju marittimu nazzjonali hija importanti.

· Xi wħud mill-impatti ambjentali tal-installazzjonijiet tal-enerġija mill-oċeani mhumiex mifhuma għalkollox f’dan l-istadju. Se tkun meħtieġa aktar riċerka u skambju aħjar tal-informazzjoni dwar l-impatti ambjentali biex kull effett negattiv li jista' jkollhom l-installazzjonijiet tal-enerġija mill-oċeani fuq l-ekosistemi tal-baħar jiġi mifhum u mnaqqas. Jeħtieġ ukoll li jiġu evalwati l-impatti kumulattivi ma’ attivitajiet oħra tal-bniedem fil-kuntest tal-ksib ta’ status ambjentali tajjeb skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u status ekoloġiku tajjeb skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-integrazzjoni tal-enerġija mill-oċeani fil-pjanijiet għall-ispazju marittimu nazzjonali hija importanti wkoll sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sikurezza marittima.

· Minħabba l-klima ekonomika attwali, diversi gvernijiet naqqsu sostanzjalment l-appoġġ f'għotjiet u l-appoġġ għad-dħul għall-enerġiji rinnovabbli u f’xi każijiet saħansitra implimentaw bidliet retrospettivi. Dawn l-iżviluppi jistgħu jgħawru l-kunfidenza tal-investituri u jpoġġu fir-riskju l-iżvilupp tas-settur. Nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju stabbli, li jkun jirrifletti l-pożizzjoni tat-teknoloġiji fiċ-ċiklu tal-iżvilupp, jista’ jtawwal iż-żmien meħtieġ biex il-proġetti jagħmlu l-profitt.

5.           Pjan ta’ azzjoni għall-Enerġija mill-Oċeani

L-iżvilupp futur tas-settur tal-enerġija mill-oċeani jiddependi minn jekk hux se jirnexxilu jegħleb dawn l-isfidi u l-ħila tiegħu li jipproduċi volumi kbar ta’ elettriku b'karbonju baxx għall-Ewropa. Il-programm konġunt EERA, ERA-net tal-enerġija mill-oċeani u Orizzont 2020 se jkunu strumentali fil-ħsad tal-benefiċċji tal-kooperazzjoni pan-Ewropea fir-riċerka u l-iżvilupp u, b’mod partikolari, se jgħinu biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tekniċi li għad baqa’. Madankollu, għal teknoloġiji prekummerċjali tal-enerġija mill-oċeani, huwa kruċjali li jkun hemm qafas ta’ appoġġ stabbli u b'riskju baxx peress li dan jiżgura l-bankabbiltà tal-proġetti u jippermetti t-tkabbir tal-kapaċità installata. Il-Kummissjoni riċentament ħarġet gwida dwar l-aħjar prassi għal skemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli.[17] Filwaqt li targumenta li għandu jsir aktar enfasi fuq il-prinċipju tal-kosteffettività, il-gwida tenfasizza wkoll li t-tfassil tal-iskema ta’ appoġġ għandu jrawwem l-innovazzjoni teknoloġika. Il-gwida għalhekk tippermetti li jsiru proġetti li jużaw teknoloġija ġdida fuq skala kummerċjali għall-ewwel darba u b’hekk tagħraf il-ħtieġa għal qafas ta’ appoġġ immirat għal teknoloġiji bħall-enerġija mill-oceani.

Madankollu, jinħtieġu azzjonijiet immirati oħra fil-livell tal-UE biex jikkomplementaw lil dawn l-inizjattivi u lil oħrajn meħuda f'livell nazzjonali biex jingħelbu l-ostakli għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija tal-oċeani deskritti hawn fuq. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni f’żewġ stadji li ser jassisti lil dan is-settur industrijali promettenti biex jiżviluppa l-potenzjal tiegħu, u kemm jista’ jkun jibni fuq il-ħidma u l-proġetti eżistenti bħal ORECCA, SI OCEAN jew SOWFIA. Ġew identifikati diversi azzjonijiet kosteffettivi abbażi tas-sejbiet tal-valutazzjoni tal-impatt. Xi wħud minn dawn ġew magħżula bħala l-ewwel ‘sejħa għall-azzjoni” li tista' tiġi kkomplementata b’miżuri addizzjonali fi stadju aktar tard, jekk ikun hemm bżonn ta' iktar passi. Il-benefiċċju ta’ dan l-approċċ f’żewġ stadji huwa li se jippermetti l-akkumulazzjoni ta’ massa kritika ta’ atturi u l-iżvilupp ta’ rispons komuni minn isfel għal fuq għall-kwistjonijiet ikkonċernati, u b’hekk joħloq sens ta’ sjieda fost il-partijiet interessati involuti.

5.1.        L-ewwel fażi ta’ azzjoni (2014-2016)

i. Il-Forum tal-Enerġija mill-Oċeani

Se jitwaqqaf Forum tal-Enerġija mill-Oċeani, li se jlaqqa' l-partijiet interessati f’serje ta’ sessjonijiet ta’ ħidma sabiex jiġi żviluppat fehim komuni tal-problemi attwali u biex, kollettivament, jitfasslu soluzzjonijiet fattibbli. Dan se jkun strumentali biex tissawwar il-kapaċità u l-massa kritika u wkoll biex irawwem il-kooperazzjoni bl-involviment ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati. Il-forum se jesplora wkoll is-sinerġiji ma’ industriji oħrajn tal-baħar, partikolarment is-settur tar-riħ 'il barra mix-xtut, f'aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-katini tal-provvista, il-konnessjoni mal-grilja, l-operazzjonijiet u l-manutenzjoni, il-loġistika u l-ippjanar spazjali. Ir-rappreżentanti mill-industriji rilevanti jistgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw kif ikun xieraq skont is-suġġetti diskussi. Il-Kummissjoni se jkollha rwol ta’ faċilitatur u koordinatur fil-forum. Il-forum se jiġi organizzat skont tliet linji ta' azzjoni:

a) Teknoloġija u Riżorsi

Il-kummerċjalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija tal-oċeani teħtieġ aktar avvanzi teknoloġiċi kif ukoll aktar titjib fil-konnessjonijiet mal-grilja u l-infrastruttura l-oħra 'l barra mix-xtut tal-katina tal-provvista.

It-titjib tal-affordabbiltà, l-affidabbiltà, is-sopravivenza, l-operabbiltà u l-istabbiltà ta’ tagħmir tal-enerġija mill-oċeani[18] huwa essenzjali. Diġà hemm xi forma ta’ kunsens dwar l-oqsma ta’ prijorità għar-riċerka teknoloġika inkluż, pereżempju, dwar il-ħtieġa għal sistemi aħjar tal-irmiġġ u materjali ġodda. Jistgħu wkoll jiġu identifikati l-possibilitajiet għall-ħidma kollaborattiva sabiex ir-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti u biex tiġi ffaċilitata l-konverġenza teknoloġika. Se tiġi stabbilita skeda ċara, li tkun tinkludi l-miri teknoloġiċi ewlenin.

Din il-linja ta' azzjoni se tinkludi valutazzjoni dettaljata tar-riżorsi tal-enerġija mill-oċeani u tal-infrastrutturi 'l barra mix-xtut bħalma huma l-portijiet u l-bastimenti, peress li t-titjib f’dawn l-oqsma jgħin biex ikun hemm l-aħjar ġestjoni tal-apparat għall-enerġija mill-oċeani u, b'hekk, ikun hemm tnaqqis korrispondenti fl-ispejjeż.

F'din il-linja ta' azzjoni tista’ wkoll issir ħidma li twassal għal aktar titjib fl-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli 'l barra mix-xtut mas-sistema tal-enerġija. L-industrija jkollha l-opportunità li tesprimi l-ħtiġijiet tagħha dwar kwistjonijiet bħalma huma l-bżonnijiet ta' riċerka u żvilupp marbuta mat-teknoloġija tal-grilja, it-tbassir tal-produzzjoni tal-enerġija u t-teknoloġiji tal-ħżin jistgħu jiġu esplorati wkoll. Ir-riżultati mbagħad jiġu trażmessi lill-atturi rilevanti bħall-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u fora rilevanti bħall-inizjattiva tal-grilja 'l barra mix-xtut tal-pajjiżi tal-ibħra tat-Tramuntana.

b) Kwistjonijiet Amministrattivi u l-Finanzi

Il-perjodi twal ta’ stennija kkawżati minn proċeduri twal tal-għoti tal-permessi u l-liċenzji u diffikultà fl-aċċess għall-finanzi ġew identifikati bħala diffikultajiet urġenti.

L-għan ta’ din il-linja ta' azzjoni se jkun li jiġu eżaminati l-proċeduri amministrattivi rilevanti għall-installazzjonijiet tal-enerġija mill-oċeani fl-Istati Membri u l-effetti li dawn l-installazzjonijiet tal-enerġija mill-oċeani jista' jkollhom fuq it-tbaħħir. Dawn il-kwistjonijiet amministrattivi u ta’ sikurezza jeħtieġ li jiġu riveduti f’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-industrija f’dan il-grupp ta’ ħidma, sabiex wieħed jasal għal fehim komuni tal-isfidi li qed jiġu ffaċċjati minn kull naħa, u kif dawn għandhom jiġu trattati. L-informazzjoni miġbura matul id-diskussjonijiet se tintuża biex jiġi kkompilat katalgu tal-aħjar prassi, flimkien ma’ studji ta’ każijiet varji.

Se jiġu eżaminati wkoll il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-finanzi. Minħabba l-innovazzjoni u l-kumplessità tat-teknoloġiji, l-investituri jistgħu ma jkunux konxji mill-opportunitajiet li toffri din l-industrija. Din il-linja ta' azzjoni għandha tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali, il-banek tal-iżvilupp, il-finanzjaturi privati u l-iżviluppaturi tal-proġetti biex jiddiskutu kif l-aħjar jiġi stimolat l-investiment meħtieġ. Se tiġi vvalutata wkoll l-adegwatezza ta’ mekkaniżmi differenti għall-qsim tar-riskju bħal soft-loans, koinvestiment u garanziji pubbliċi. L-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli fi ħdan il-programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE bħal Orizzont 2020, il-Programm tan-NER300, u l-programm ta' finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Bank Ewropew tal-Investiment se jingħataw attenzjoni speċifika.

c) Ambjent

Il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali huma kruċjali biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli ta’ din l-industrija emerġenti. Il-ġbir tad-dejta ambjentali ta' bażi, madankollu, ipoġġi piż kbir fuq l-iżviluppaturi individwali tal-proġetti skont id-daqs tal-proġetti individwali. Din il-linja ta' azzjoni se tinkoraġġixxi l-ħidma kollaborattiva fil-monitoraġġ tal-impatti ambjentali tal-installazzjonijiet eżistenti u ppjanati u dwar modi innovattivi għat-tnaqqis tal-impatt tal-enerġija mill-oċeani fuq l-ambjent tal-baħar. Id-dejta dwar l-impatti ambjentali u l-monitoraġġ jeħtieġ li tiddaħħal fis-sistema mill-awtoritajiet nazzjonali bħala rutina, skont l-iskopijiet tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma u d-Direttivi ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima.

Diġà hemm qafas komprensiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE li jkopri l-konservazzjoni tan-natura, il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-enerġija rinnovabbli, u dan huwa kkomplementat mill-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP). Madankollu, din il-linja ta' azzjoni għandha tevalwa l-ħtieġa għal linji gwida ta’ implimentazzjoni speċifiċi għas-settur, bħal dawk li diġà ġew żviluppati għall-enerġija mir-riħ, biex jikkomplementaw id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar, l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u Direttiva futura possibbli dwar l-MSP.

ii. Pjan Direzzjonali Strateġiku għall-Enerġija mill-Oċeani

Fuq il-bażi tar-riżultati tal-Forum tal-Enerġija mill-Oċeani, se jiġi żviluppat Pjan Direzzjonali Strateġiku li jistabbilixxi miri ċari għall-iżvilupp industrijali tas-settur kif ukoll skeda ta’ żmien għall-ksib tagħhom. Fl-iffissar tal-prijoritajiet tat-teknoloġija, il-pjan għandu jikkunsidra l-prinċipji u l-iżviluppi ewlenin imħabbra mill-Komunikazzjoni dwar it-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija[19] u se jagħti kontribuzzjoni lill-"Pjan Direzzjonali Integrat"[20]u jsir parti minnu. Dan il-pjan direzzjonali se jiġi elaborat b’mod konġunt mill-industrija, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali interessati, NGOs u partijiet interessati relevanti oħra permezz ta’ proċess strutturat u parteċipattiv, kif definit hawn fuq. Il-pjan direzzjonali se jlaqqa’ flimkien is-sejbiet mill-oqsma kollha rilevanti għall-iżvilupp tal-industrija u jipprovdi pjan ta' azzjoni miftiehem sabiex is-settur tal-enerġija mill-oċeani jiġi megħjun jimxi lejn l-industrijalizzazzjoni.

5.2.        It-tieni fażi ta’ azzjoni (2017-2020)

iii. Inizjattiva Industrijali Ewropea

Tista' tiġi żviluppata Inizjattiva Industrijali Ewropea fuq il-bażi tar-riżultati tal-Forum tal-enerġija mill-oċeani. Bosta Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs) diġà ġew stabbiliti bil-Pjan SET. L-EIIs huma sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat li jiġbru flimkien l-industrija, ir-riċerkaturi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex flimkien jistabbilixxu u jiksbu objettivi ċari u komuni fi skeda ta' żmien speċifika. Dawn jistgħu jtejbu l-effettività tar-riċerka u l-iżvilupp innovattivi u jipprovdu pjattaforma għall-qsim tar-riskju tal-investiment. L-Inizjattiva Ewropea tal-Enerġija mir-Riħ, pereżempju, diġà tat kontribut lill-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp tal-UE fil-qasam tal-enerġija mir-riħ u ħeġġet biex ikun hemm allinjament aħjar tal-fondi pubbliċi nazzjonali u tal-UE rilevanti mal-prijoritajiet identifikati.

Sabiex tiġi stabbilita Inizjattiva Industrijali Ewropea vijabbli, madankollu, il-partijiet interessati industrijali għandhom l-ewwel ikollhom strateġija ċara għall-iżvilupp tas-settur u għandhom ikunu organizzati tajjeb sabiex tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha. L-inizjattiva tkun ir-riżultat ta’ proċess komuni, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-industrija u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka. Il-forma preċiża ta’ din il-kooperazzjoni jeħtieġ li tiġi determinata fi stadju aktar tard, madankollu, billi l-arranġament attwali fil-Pjan SET jista' jinbidel kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar it-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni.[21]

Minħabba l-istadju bikri tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija mill-oċeani, it-twaqqif ta’ sħubijiet pubbliċi-privati fuq skala kbira jista' jkun mezz effiċjenti għall-qsim tar-riskju u għall-ingranaġġ tal-investiment privat. Kif diskuss fil-valutazzjoni tal-impatt, it-twaqqif ta’ Inizjattiva Industrijali Ewropea jew forma xierqa oħra ta’ sħubija pubblika-privata, aktarx li jkun pass importanti fit-triq lejn tnedija industrijali sħiħa. Dan jgħin fl-ifformalizzar tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati, bir-riżultat li jkun hemm aċċess iktar faċli għall-finanzi, u fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Strateġiku mħabbar f’din il-Komunikazzjoni.

iv. Linji gwida speċifiċi għas-settur għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti

Abbażi tal-esperjenza akkwistata fil-linja ta' azzjoni tal-kwistjonijiet amministrattivi u l-finanzi u dik tal-ambjent, jistgħu jiġu żviluppati linji gwida biex jissimplifikaw u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar u l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli kif ukoll biex jgħinu bil-proċessi tal-ippjanar spazjali marittimu. L-għan ta’ dawn il-linji gwida se jkun li titnaqqas l-inċertezza permezz tal-għoti ta’ gwida aktar ċara u speċifika għal-liċenzjar tal-proġetti rilevanti u, b'hekk, jittaffa l-piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi u l-iżviluppaturi tal-proġetti.

6.           Analiżi tal-Progress

Ladarba l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq ikunu nbdew u jkunu stabbiliti sew, ikun importanti li jiġi mmonitorjat il-progress li jkun għamel is-settur tal-enerġija mill-oċeani biex jissodisfa l-potenzjal tiegħu bħala teknoloġija enerġetika strateġika. Dan jista’ jsir, pereżempju, billi jitkejlu l-livell tal-kapaċità installata u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, l-għadd ta’ proġetti implimentati u ppjanati, l-iskala tal-investiment, l-ammont tat-tnaqqis fl-ispiża kapitali jew l-għadd ta’ impriżi kollaborattivi. Se jkun importanti wkoll li jiġi evalwat sa liema punt is-settur qed jikkontribwixxi għall-għanijiet iktar wiesa’ tal-UE f'termini ta' impjiegi, tkabbir u sostenibbiltà.

Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni inizjali tal-progress fl-2017 u evalwazzjoni aktar komprensiva tal-istat ta’ żvilupp tal-enerġija mill-oċeani qabel l-2020. Il-proċess tar-reviżjoni se jkollu jqis l-evalwazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-politika ġenerali tal-UE lejn l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-politika dwar it-teknoloġija tal-enerġija.

7.           Konklużjoni

Hekk kif l-UE qed tikkontempla l-politika tagħha dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima għal wara l-2020, huwa f’waqtu li tesplora l-għażliet kollha possibbli fi sforz sostnut u kollettiv sabiex jittaffew l-effetti tal-bidla fil-klima u biex jiġi ddiversifikat il-portafoll tal-Ewropa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-appoġġ tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-enerġija b’karbonju baxx jista' jgħin biex jingħelbu dawn l-isfidi. L-ebda possibbiltà ma għandha tiġi ttraskurata. Biex l-enerġija mill-oċeani tkun tista' tirrealizza l-potenzjal tagħha, wasal iż-żmien biex l-Istati Membri, l-industrija u l-Kummissjoni jaħdmu flimkien b'mod kollaborattiv biex jaċċelleraw l-iżvilupp tagħha. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex tkompli tiggwida l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija mill-oċeani. It-tlestija ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni fil-perjodu 2014-2017 għandu jgħin l-industrijalizzazzjoni tas-settur, sabiex ikun jista’ jipprovdi elettriku kosteffettiv b’livell baxx ta’ karbonju kif ukoll impjiegi ġodda u tkabbir ekonomiku għall-ekonomija tal-UE.

Għanijiet komuni jistgħu jintlaħqu aħjar b’approċċ ikkoordinat u inklussiv. Għalkemm illum is-settur tal-enerġija mill-oċeani huwa relattivament żgħir, jista’ jikber fl-iskala sabiex ikun f’pożizzjoni li jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE. Is-settur jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-ambizzjonijiet tat-tnaqqis tal-gassijiet serra tal-UE sal-2050 jekk il-kundizzjonijiet adatti jiġu stabbiliti minn issa. Jekk jingħata l-impetu politiku meħtieġ lil dan is-settur emerġenti, permezz tal-miżuri deskritti hawn fuq, fit-terminu medju u fit-tul, l-enerġija mill-oċeani għandha tkun tista' tikseb il-massa kritika meħtieġa għall-kummerċjalizzazzjoni tagħha u ssir storja ta’ suċċess industrijali Ewropea oħra.

8.           Anness 1: Sommarju tal-miżuri proposti

Riżultati || Skeda

Fażi 1

It-twaqqif ta’ Forum tal-Enerġija mill-Oċeani, li jinvolvi l-industrija u partijiet oħra interessati · Linja ta' Azzjoni għat-Teknoloġija u r-Riżorsi · Linja ta' Azzjoni għall-Kwistjonijiet amministrattivi u l-Finanzi · Linja ta' Azzjoni għall-Ambjent || 2014 - 2016

2014 - 2016

2014 - 2016

Abbozzar ta’ Pjan Direzzjonali Strateġiku || 2016

Fażi 2

It-twaqqif possibbli ta’ Inizjattiva Industrijali Ewropea || 2017 - 2020

L-abbozzar possibbli ta’ linji gwida biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u biex jassistu fl-ippjanar spazjali marittimu || 2017 - 2020

[1]               L-enerġija mill-oċeani tista' tinħasad f’bosta għamliet. L-enerġija mill-mewġ tiddependi mill-għoli, il-veloċità u t-tul tal-mewġa u d-densità tal-ilma. L-enerġija mill-fluss tal-marea tiġi ġġenerata mill-fluss tal-ilma f’kanali dojoq filwaqt li t-teknoloġiji tal-varjazzjoni tal-marea (jew “stazzjonijiet mareomotriċi”) jisfruttaw id-differenza fl-għoli tal-wiċċ f’estwarju jew bajja b'diga. L-enerġija mill-oċeani tista’ tkun iġġenerata wkoll mid-differenzi fit-temperatura bejn l-ilma tal-wiċċ u dak iktar fil-fond filwaqt li l-enerġija tal-iskala tas-salinità tiddependi mid-differenza fis-salinità bejn l-ilma mielaħ u l-ilma ħelu.

[2]               COM(2008), 13.11.2008

[3]               COM(2010) 2020, 3.3.2010.

[4]               COM(2007) 575, 10.10.2007

[5]               COM(2012) 494, 13.9.2012

[6]               COM(2013) 253, 2.5.2013

[7]               COM(2013) 279, 13.5.2013

[8]               Carbon Trust (2011), Marine Renewables Green Growth Paper

[9]               Renewable UK (2013), Wave and Tidal Energy in the UK fis-sit: http://www.renewableuk.com/en/publications/reports.cfm/wave-and-tidal-energy-in-the-uk-2013

[10]             Is-Senat Franċiż (2012), Rapport dwar l-Affarijiet Marittimi fis-sit: http://www.senat.fr/rap/r11-674/r11-6741.pdf

[11]             L-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Enerġija mir-Riħ (2013), Wind in power: 2012 European statistics

[12]             Il-kapaċità installata attwali tiżdied għal 250 MW jekk wieħed jinkludi wkoll is-sistema tal-varjazzjoni tal-marea La Rance, li ilha topera mill-1966. Is-sistemi tal-varjazzjoni tal-marea huma teknoloġija matura iżda ma hemmx ħafna iktar lok fejn dawn jintużaw minħabba n-nuqqas ta’ postijiet adattati u l-impatt kbir li għandhom fuq l-ambjent.

[13]             COM(2009) 519, 7.10.2009

[14]             Ir-Regolament 347/2013, 25.4.2013

[15]             COM(2013) 279, 13.5.2013

[16]             Ir-Regolament 347/2013, 25.4.2013

[17]             SWD (2013) 439 finali, 5.11.2013.

[18]             Għażla mill-Pjan Direzzjonali ORECCA (2012)

[19]             COM (2013) 253

[20]             Il-miżura implimentattiva proposta minn COM (2013) 253

[21]             COM (2013) 253, 2.5.2013