16.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 451/96 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà”
COM(2014) 154 final
(2014/C 451/16)
Relatur: |
is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO |
Nhar l-14 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà
COM(2014) 154 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2014.
Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’85 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
B'konformità mal-pożizzjoni li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sostna tul iż-żmien, u li esprima fl-Opinjonijiet dwar il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Programm tal-Aja (1) u, wara, dwar il-Programm ta' Stokkolma (2), il-KESE jemmen li l-pedament u l-punt tat-tluq għall-politiki tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għandhom ikunu l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE huwa tal-fehma li l-politiki promossi mill-istituzzjonijiet Ewropej għandhom isibu kompromess bejn id-drittijiet fundamentali u s-sigurtà. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar id-Direttiva Nruo 2006/24/KE dwar iż-żamma għal mill-inqas sitt xhur ta' dejta marbuta ma' komunikazzjonijiet elettroniċi u telefoniċi taċ-ċittadini, din id-Direttiva ġiet meqjusa bħala invalida abbażi tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Madankollu, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma tad-dejta hija għan leġittimu li jissodisfa l-interessi ġenerali. |
1.2 |
Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-Ewropa tal-intolleranza, ir-razziżmu u l-ksenofobija kontra l-immigranti; u jinnota wkoll li f'ċerti Stati Membri jista' jkun li qed jitnaqqar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. It-trattament ugwali u l-politiki tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jirrappreżentaw il-pilastri tal-politiki ta’ integrazzjoni. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni taħtar Kummissarju uniku għat-tfassil, it-tisħiħ u l-adozzjoni ta' miżuri favur il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. |
1.3 |
Bl-istess mod, jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tirsisti biex tikkonsolida sistema internazzjonali li tiffaċilita u tirregola l-immigrazzjoni u l-mobbiltà, abbażi tal-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti u l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Xogħol. |
1.4 |
Bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, il-KESE huwa msieħeb li jrid jitqies u li jrid ikun preżenti f'kull stadju tad-diskussjonijiet dwar “Ewropa miftuħa u sikura” li jsiru bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. |
1.5 |
Il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jmissha kienet aktar konkreta. Id-dokument huwa sensiela ta' ideat li jeħtieġu jkunu aktar konkreti u strutturati. Il-Kumitat jemmen ukoll li l-Komunikazzjoni jmissha poġġiet enfasi speċjali fuq il-problemi ewlenin li bħalissa qed iżommu lill-Ewropa milli tkun aktar miftuħa u sikura. |
1.6 |
L-immigranti jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ewropa, li min-naħa tagħha qed tiffaċċja sfida demografika kbira minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni. L-UE għaddejja minn kriżi ekonomika serja u għandha rati għoljin ta' qgħad, iżda anke f'din is-sitwazzjoni, is-swieq tax-xogħol f'għadd ta' Stati Membri jeħtieġu immigranti ġodda. Mingħajr politika serja dwar il-migrazzjoni, meta l-kriżi tingħeleb u ċ-ċiklu ekonomiku jinbidel jistgħu jiggravaw il-problemi strutturali kkawżati minn din is-sitwazzjoni demografika jekk ma jiġux adottati xi miżuri. |
1.7 |
L-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi sistema komuni għall-asil b'leġislazzjoni armonizzata abbażi tat-Trattat għal politika komuni f'dan il-qasam. Il-Konvenzjoni ta' Dublin għandha tiġi sostitwita b'sistema ta' solidarjetà iżjed b'saħħitha fi ħdan l-UE, li tqis ukoll ix-xewqat tal-applikanti għall-asil. |
1.8 |
Il-KESE jemmen li biex ikun hemm approċċ kredibbli għall-migrazzjoni irregolari u r-ritorn, hemm bżonn ta' azzjoni deċiżiva bl-istrumenti kollha disponibbli kontra l-kriminalità organizzata tat-traffikar tal-bnedmin. Jemmen bis-sħiħ li hija utli u meħtieġa koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri biex jintuża l-potenzjal kollu tal-mezzi u l-istrumenti li jeżistu diġà għall-ġlieda kontra dawk li jgħinu u jiffaċilitaw b'mod illegali l-immigrazzjoni irregolari. |
1.9 |
L-UE għandha terfa' r-responsabbiltà tal-kontroll tal-fruntieri esterni, li huma l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea kollha fiż-żona Schengen. Billi tingħata prijorità lill-ħarsien ta' ħajjet il-persuni fil-periklu u lir-rispett tal-leġislazzjoni fis-seħħ, l-Aġenzija Frontex għandha tinbidel f'servizz Ewropew li jgħasses il-fruntieri. |
1.10 |
Il-KESE jipproponi li l-Europol issir Aġenzija Ewropea li taqa' taħt awtorità politika jew ġudizzjarja Ewropea, bi rwol akbar minn dak ta' koordinazzjoni li taqdi diġà bħalissa, u biex mill-aktar fis possibbli jkollha l-kapaċità operattiva proprja tagħha biex tagħmel investigazzjonijiet fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istati Membri. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Minkejja li għaddew biss ftit snin mit-tnedija tal-Programm ta' Stokkolma għal “Ewropa miftuħa u sikura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini”, l-implimentazzjoni ta' xi miżuri proposti fih wasslu biex l-Unjoni Ewropea tiżviluppa politiki maħsubin għall-iżvilupp ta' soċjetà aktar miftuħa u sikura għal dawk kollha fostna li jgħixu fl-Unjoni Ewropea – din iż-żona wiesgħa ta' libertà u fehim. Trid tkun Unjoni Ewropea li fiha ma jiġi aċċettat u ttollerat bl-ebda mod lanqas l-iċken ħjiel ta' diskriminazzjoni, razziżmu jew ksenofobija. |
2.2 |
It-tisħiħ taż-żona Schengen, il-ftehim dwar Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, it-titjib tal-politika komuni dwar il-viżi, iż-żieda fil-kooperazzjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fl-aktar forom perikolużi għall-bnedmin (terroriżmu, traffikar tal-bnedmin, kriminalità ċibernetika, eċċ.), kif ukoll żieda fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni, għalkemm huma kisbiet importanti, xorta waħda mhumiex biżżejjed. |
2.3 |
F'dinja li kulma jmur qed issir dejjem aktar konnessa u interdipendenti, fejn il-fluss tal-informazzjoni huwa kostanti u fejn qed jinbtu sfidi mhux mistennija li jridu jiġu indirizzati, hemm bżonn navvanzaw u niżviluppaw livelli ogħla ta' libertà u sigurtà, kemm għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għal dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi, li jixtiequ jingħaqdu u jintegraw fis-soċjetà tagħna biex jikkontribwixxu għaliha u għall-valuri tagħna u jtejbu l-livell tal-għajxien tagħhom. |
2.4 |
Hekk kif qed joqrob tmiem il-perjodu tal-Programm ta' Stokkolma (3), li dwaru l-KESE kien ħareġ Opinjoni obbligatorja (4), hemm bżonn li tingħata tweġiba għall-mistoqsija li tagħmel il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: kif tista' Ewropa miftuħa u sikura ssir realtà? |
2.5 |
Nhar it-8 ta' April 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (5) ddikjarat invalida d-Direttiva Nru 2006/24/KE (6), li kienet tobbliga lill-Istati Membri li jżommu għal mill-inqas sitt xhur id-dejta relatata ma' komunikazzjoni elettronika jew telefonika taċ-ċittadini. Il-Qorti qieset li d-Direttiva, billi timponi ż-żamma tad-dejta u tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jaċċessawha, hija ksur partikolarment gravi tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, b'riżultat tal-fatt li d-dejta hija maħżuna u tista' tintuża wara mingħajr ma jiġi infurmat l-abbonat jew l-utent irreġistrat, il-persuni kkonċernati jistgħu jħossuhom li l-ħajja privata tagħhom hija soġġetta għal sorveljanza kontinwa. Il-Qorti ppreċiżat li ż-żamma tad-dejta dwar it-traffiku (jiġifieri b'mod impliċitu d-Direttiva) tirrappreżenta ksur serju tad-dritt fundamentali tal-ħajja privata ankrat f'Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Is-sentenza tal-Qorti tat-8 ta' April 2014 ikkonfermat l-importanza tar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini għall-konsolidazzjoni Ewropea. Il-Qorti, li invalidat id-Direttiva abbażi tal-prinċipju tal-proporzjonalità, hija tal-fehma li ż-żamma tad-data hija għan leġittimu li jissodisfa l-interessi ġenerali. |
3. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
3.1 |
Il-Komunikazzjoni hija r-riżultat ta' diskussjoni li fiha ħadu sehem l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha kkonċernati minn dawn il-politiki tal-Unjoni Ewropea, billi taw il-kontributi tagħhom permezz tal-konferenza “Open and Safe Europe: What's next” (Ewropa miftuħa u sikura: xi jmiss?) li saret fi Brussell f'Jannar 2014 bis-sehem tal-KESE, u permezz ta' konsultazzjoni pubblika li kellha parteċipazzjoni wiesgħa ħafna. |
3.2 |
Il-Komunikazzjoni tinkludi introduzzjoni li fiha jiġi ppreżentat fil-qosor il-progress li sar s'issa fil-kisba tal-għanijiet ambizzjużi tal-Programm ta' Stokkolma, qabel ma tibda t-tieni parti tad-dokument, li tippreżenta sensiela ta' prijoritajiet politiċi. |
3.3 |
Il-prijoritajiet huma mniżżlin kif ġej:
|
4. Kummenti
4.1 Politika effettiva tal-migrazzjoni u l-mobilità
4.1.1 |
Il-KESE esprima l-fehma tiegħu diversi drabi tul is-snin dwar il-politiki tal-migrazzjoni, il-mobilità u l-integrazzjoni. Għaldaqstant jixtieq itenni dawn il-fehmiet, speċjalment il-proposti li fihom u li għadhom ma ġewx ikkunsidrati. F'dan il-kuntest, il-KESE jaqbel mija fil-mija li jridu jiżdiedu kemm jista' jkun il-benefiċċji tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni għax bla dubju dawn iwasslu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif juri d-dokument tal-Kummissjoni. Madanakollu, ma nistgħux ninsew li f'Ewropa fejn qed jikbru l-ideoloġiji razzisti u ksenofobiċi, it-tolleranza għal dawn il-movimenti għandha tkun żero. Fil-miżuri kollha li qed jiġu kkunsidrati għal Ewropa aktar miftuħa u sikura, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija għandha tkun azzjoni prijoritarja. |
4.1.2 |
L-attirar ta' talent u ta' ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli, l-attirar u ż-żamma ta' studenti minn pajjiżi terzi biex wara jibqgħu jaħdmu fl-UE, l-iffaċilitar tar-rikonoxximent ta' kwalifiki minn dawn il-pajjiżi, l-assistenza u l-għajnuna għall-emigranti potenzjali fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom biex id-dħul fl-Unjoni jkun inqas diffiċli, kollha huma miżuri importanti u ta' valur kbir biex l-Istati Membri tal-Unjoni jistagħnew intellettwalment u ekonomikament u, għaldaqstant, għandhom jiġu appoġġjati mill-KESE. Iżda, qabel dan hemm bżonn li tiġi ċċarata din il-ħaġa: mod jinstabu talenti u persuni kkwalifikati minn pajjiżi terzi li diġà għandhom kapaċità kbira li jiġġeneraw valur intellettwali u ġid, u mod li jinstabu minn pajjiżi li qed isibuha diffiċli li jiżviluppaw u jiksbu livelli ogħla ta' ġid u prosperità. F'dan is-sens, din tista' tkun strateġija eċċellenti għall-Istati Membri tal-Unjoni, iżda għall-pajjiżi terzi tista' tfisser it-telf ta' kapital uman importanti. Hemm bżonn ta' kollaborazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi fil-qafas tas-Sħubijiet għall-Mobilità. |
4.1.3 |
Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riperkussjonijiet li jista' jkollha din l-istrateġija f'pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw, li jixtiequ jżommu kapital uman imħarreġ u kkwalifikat biex joħorġu mill-istat ta' bżonn li jinsabu fih. Meta jkunu qed jitfasslu politiki għall-attirar ta' talent minn barra l-UE għandha tkun prijorità li meta jiġi attirat dan il-kapital jiġu introdotti miżuri ta' kumpens fil-pajjiżi ta' oriġini biex ma jintlaqatx it-tkabbir tagħhom. M'għandux jintesa li s-soluzzjoni fuq perjodu twil ta' żmien biex iċ-ċittadini li jkunu ġejjin minn pajjiżi sottożviluppati jkollhom ġejjieni aħjar, mhuwiex li jiġu attirati u integrati fl-UE biex isibu xogħol u kundizzjonijiet tal-ħajja aħjar, iżda li jsir sforz biex il-pajjiżi tagħhom jilħqu livelli ta' żvilupp li jippermettu li ċ-ċittadini tagħhom ma jarawx l-emigrazzjoni bħala l-unika possibbiltà għall-għajxien tagħhom. |
4.1.4 |
Ir-rabta komplementarja u li ma tinħallx li teżisti bejn l-integrazzjoni u l-immigrazzjoni diġà kienet ġiet rikonoxxuta mill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ta' Ġunju 2007. Matul is-snin, il-KESE esprima l-fehma tiegħu f'diversi Opinjonijiet dwar dan is-suġġett, u wera kemm-il darba l-fehma tiegħu dwaru. B'mod speċjali f'dan iż-żmien ta' diffikultajiet ekonomiċi hemm aktar bżonn li jiġi mtenni u mfakkar li “It-trattament ugwali u l-politiki tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jirrappreżentaw il-pilastri tal-politiki ta' integrazzjoni”. Din ir-rakkomandazzjoni tagħmel parti mill-Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti” (7) imfassla fl-2010. Din l-Opinjoni għadha fis-seħħ bis-sħiħ, u huwa għalhekk li l-kontenut tagħha qed jiġi inkorporat f'dan id-dokument. |
4.1.5 |
Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni huwa pjattaforma eċċellenti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-immigranti. Il-Kumitat itenni l-impenn tiegħu li jkompli jikkollabora mal-Kummissjoni fl-attivitajiet tal-Forum u fl-iżvilupp tal-aġenda Ewropea għall-integrazzjoni. |
4.1.6 |
Il-KESE jemmen li biex ikun hemm approċċ kredibbli għall-migrazzjoni irregolari u r-ritorn, hemm bżonn ta' azzjoni deċiżiva bl-istrumenti kollha disponibbli kontra l-kriminalità organizzata – li tuża lill-bnedmin bħala merkanzija li tiġġenera l-flus meta l-persuni jiddaħħlu fl-UE b'mod irregolari – kontra t-traffikanti tal-bnedmin li jisfruttaw sesswalment lin-nisa u lill-minorenni, u kontra dawk li japprofittaw ruħhom u jużaw ħaddiema irregolari u kważi fi skjavitù, billi l-vittmi jiġu ggarantiti l-protezzjoni tal-leġislazzjoni umanitarja internazzjonali u tal-konvenzjonijiet Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem, peress li huma gruppi ta' nies vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni speċjali. Jemmen bis-sħiħ li hija utli u meħtieġa koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri biex jintuża l-potenzjal kollu tal-mezzi u l-istrumenti li jeżistu diġà għall-ġlieda kontra dawk li jgħinu u jiffaċilitaw b'mod illegali l-immigrazzjoni irregolari. |
4.1.7 |
Il-Kumitat jemmen li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi hija l-qofol tas-soluzzjoni umanitarja u regolata għar-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom ta' dawk il-persuni li għażlu d-dħul irregolari fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni. Il-Kumitat jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) għall-promozzjoni tar-ritorn volontarju assistit. |
4.1.8 |
Għal dan il-għan hemm bżonn ta' politika ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika sub-Saħarjana, tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani, li tal-inqas tkun l-istess bħal dik li qed tiġi żviluppata ma' pajjiżi Ewropej li mhumiex fl-UE jew ma' pajjiżi Asjatiċi. Spanja, il-Greċja, l-Italja, Ċipru u Malta għandhom pressjoni għolja ta' migrazzjoni irregolari ġejja minn din iż-żona tad-dinja u li ssir bil-qsim tal-Mediterran u l-Balkani, u li jwasslu għal sitwazzjonijiet drammatiċi bħal dawk li seħħew mal-kosta ta' Lampedusa, u li jridu jiġu evitati assolutament. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-Unjoni Ewropea tkun involuta aktar f'din il-problema li hija tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, tal-Istati Membri kollha u mhux biss ta' dawk li jinsabu mal-fruntieri, billi toffri aktar soluzzjonijiet u inqas ċanfir lill-Istati Membri. |
4.1.9 |
Wara t-traġedja ta' Lampedusa f'Ottubru 2013, twaqqfet it-Task Force fil-Mediterran. Din it-task force spiċċat xogħolha bil-pubblikazzjoni ta' Komunikazzjoni dwar ix-xogħol li wettqet (8), li pproponiet pakkett ta' azzjonijiet fuq perjodu qasir, medju u twil ta' żmien, f'ħames oqsma ta' azzjoni prinċipali, fuq l-istess linji tal-prijoritajiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li qed tiġi diskussa f'din l-Opinjoni. Fil-fehma tal-KESE, huwa fundamentali li l-azzjonijiet fuq perjodu qasir ta' żmien ikunu kkomplementati b'azzjonijiet fit-tul bil-għan li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni mhux volontarja (faqar, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kunflitti, nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, qgħad, eċċ.). |
4.1.10 |
Bla dubju l-migrazzjoni irregolari hija perikoluża ħafna għall-ħajja ta' dawk li jkunu ġejjin mill-pajjiżi sub-Saħarjani u tiġi miġġielda aħjar fil-pajjiżi ta' oriġini milli fit-tranżitu u/jew fid-destinazzjoni. Il-KESE ser jappoġġja kwalunkwe miżura li twassal għal azzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini, billi tintwera aktar determinazzjoni fil-kriżijiet umanitarji, jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-pajjiżi ta' oriġini, u fuq kollox billi jsir dak li sikwit intqal li se jsir iżda ma sarx dwar il-migrazzjoni ddisprata ta' mijiet ta' eluf jew miljuni ta' nies. |
4.2 Schengen, il-viżi u l-fruntieri esterni
4.2.1 |
Meta tissemma Schengen, in-nies jifhmu li din tirrappreżenta l-moviment liberu tal-persuni fl-Istati firmatarji kollha. Il-libertà tal-moviment u r-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni huwa dritt protett u rregolat mit-Trattati. L-ikkompletar u l-flessibbiltà tal-politika komuni tal-viżi, il-valutazzjoni b'mod individwali ta' kull applikazzjoni mingħajr preġudizzji ta' nazzjonalità, l-istabbiliment ta' ċentri tal-viżi ta' Schengen u r-reviżjoni tal-lista tal-pajjiżi li jeħtieġu l-viża. dawn l-aspetti kollha huma importanti u jistħoqqilhom azzjoni konġunta biex jiġu żgurati approvazzjoni u implimentazzjoni aħjar. |
4.2.2 |
Madanakollu, il-Kumitat wisq jibża' li mhuwiex kredibbli li l-Istati Membri ser jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-Istati Membri tal-Unjoni meta fl-istess ħin hemm Stati Membri li qed jheddu lil ċittadini tal-Unjoni stess li se jkeċċuhom lura lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom minħabba li huma qiegħda jew sempliċement qed jinżammu milli jidħlu. Il-Kumitat jiddispjaċih li, fin-nuqqas ta' moviment liberu u sħiħ għaċ-ċittadini tal-Unjoni, mhuwiex kredibbli li dan jista' jiġi applikat għal ċittadini ta' pajjiżi terzi. |
4.2.3 |
Għal dak li għandu x'jaqsam mal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, il-KESE jistaqsi jekk is-sehem tal-UE fil-ħarsien tal-fruntiera tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni hijiex adegwata għar-realtà li teżisti bħalissa hemmhekk. Minkejja t-tisħiħ tar-rwol tal-Frontex, li sar permezz tal-emenda għar-Regolament KE Nru 2007/2004 tal-Kunsill, hemm bżonn nistaqsu jekk il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni hijiex possibbli fl-Unjoni llum il-ġurnata. Il-KESE jfakkar u jtenni r-rakkomandazzjonijiet li għamel fl-Opinjoni tiegħu (9) dwar il-proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament u jemmen li l-Frontex għandha tinbidel f'servizz Ewropew li jgħasses il-fruntieri li jkun magħmul minn kontinġent Ewropew ta' għassiesa tal-fruntieri. |
4.2.4 |
L-applikazzjoni tal-pakkett “Fruntieri Intelliġenti”, li dwaru l-KESE kien ħareġ Opinjoni (10), abbażi ta' Programm ta' Vjaġġaturi Rreġistrati li ser jippermetti lill-vjaġġaturi frekwenti minn pajjiżi terzi li jidħlu fl-UE bl-użu ta' kontrolli semplifikati fil-fruntieri wara skrutinju u awtorizzazzjoni minn qabel, kif ukoll Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) li għandha tirreġistra l-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE li ser tippermetti li jiġu mgħaġġla, iffaċilitati u msaħħa kemm il-proċeduri ta' kontroll fil-fruntieri kif ukoll il-qsim tal-fruntieri minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-UE. Il-KESE juri l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni ta' dan il-pakkett għax jinsab konvint li l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda ser tiffaċilita l-ġestjoni tal-fruntieri tal-Unjoni b'mod aktar modern. Għaldaqstant jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iħaffu l-istrumenti legali li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni rapida ta' dawn it-teknoloġiji. |
4.3 Sistema Ewropea Komuni tal-Asil
4.3.1 |
Il-Kumitat iqis li sar bosta progress f'dak li għandu x'jaqsam mat-twaqqif ta' qafas leġislattiv fl-Unjoni li jtejjeb l-aċċess għall-asil għal dawk li jeħtieġu protezzjoni, billi d-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-asil qed jingħataw aktar malajr u huma aktar affidabbli. Minkejja dan, rigward it-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea fil-leġislazzjonijiet nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha, il-KESE jfakkar u jtenni l-osservazzjoni li għamel fl-Opinjoni (11) tiegħu dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-programm ta' politika dwar l-ażil: approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE” (12), li dwar l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-asil fl-Istati Membri kien irrakkomanda: “L-UE għandha tiżviluppa leġiżlazzjoni komuni mingħajr ma tikkomprometti l-istandards tal-protezzjoni, b’mod li jkunu l-Istati Membri li għandhom livelli insuffiċjenti ta’ ħarsien li jkollhom ibiddlu l-leġiżlazzjoni tagħhom. L-Istati Membri dejjem ser ikollhom livell ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ażil, iżda l-KESE jappoġġja biss leġiżlazzjoni tal-UE li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni u tnaqqas il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni li, kif qed jiġri bħalissa, tista’ tfixkel milli l-leġiżlazzjoni tiġi applikata b’mod korrett.” |
4.3.2 |
Hemm bżonn li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tiġi kkonsolidata biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw l-istess kriterji, kif ukoll tiġi garantita ċ-ċertezza legali tal-applikanti għall-asil. Il-KESE jemmen li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri tista' tkun wieħed mill-aspetti li jeħtieġu aktar sforz. Fil-fatt, minħabba għadd ta' ċirkostanzi, jista' jkun hemm pressjoni ikbar fuq ċerti Stati Membri. F'dan il-kuntest, l-istess bħad-difiża tal-fruntieri esterni, hemm bżonn ta' aktar Unjoni. |
4.3.3 |
Madanakollu, u fid-dawl tal-esperjenza u l-evidenza li jeżistu dwar il-migrazzjoni irregolari, tajjeb li nistaqsu jekk fiċ-ċirkostanzi preżenti jistgħux jintlaħqu aktar solidarjetà u responsabbiltà kondiviża f'dan il-qasam. Għaldaqstant, biex tingħata tweġiba għall-mistoqsija ta' kif tista' titrawwem is-solidarjetà u r-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, il-Kumitat jaqsam il-fehma tal-Kummissjoni li għandha titħeġġeġ ir-rilokazzjoni fi Stati oħra b'inqas pressjoni kif ukoll it-twaqqif ta' ċentri ta' akkoljenza komuni. Kif imfisser mill-KESE fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar “L-immigrazzjoni irregolari bil-baħar fir-reġjun Ewro-Mediterranju” (13): “Dan ma jirrigwardax biss it-turija ta' solidarjetà, iżda li l-Istati Membri kollha jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom permezz ta' mekkaniżmi li jaqsmu l-piż li ġġib magħha l-immigrazzjoni irregolari.” |
4.3.4 |
Rigward il-ġestjoni ta' kwantitajiet kbar ta' persuni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi bħal fil-każ tas-Sirja u b'rabta mat-talbiet għal asil permezz tal-applikazzjoni ta' strumenti aktar flessibbli, kif imfisser mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, tajjeb li nfakkru li l-KESE fil-passat diġà appoġġja l-ħolqien ta' proċedura komuni tal-asil li ma tħallix lok għat-tixrid ta' rekwiżiti differenti fl-Istati Membri individwali (14). Il-flessibbiltà murija mill-Kummissjoni għandha tapplika biss għall-protezzjoni temporanja u dan iżid il-ħtieġa għal sforz akbar mill-awtoritajiet biex jevalwaw it-talbiet ta' dawk li verament jeħtieġu l-asil u jiġu distinti minn dawk li japplikaw b'mod qarrieqi. |
4.4 Insaħħu l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità
4.4.1 |
Il-mobilità u l-migrazzjonijiet tan-nies mhumiex motivati biss mix-xewqa għal ġejjieni aħjar. Matul is-sekli, l-instabbiltà, it-taqlib politiku, it-tibdil fil-klima u ħafna fatturi oħrajn ikkawżaw u għadhom s'issa jikkawżaw movimenti kbar tan-nies. Id-differenza bejn migrazzjonijiet tal-passat u dawk li jseħħu llum il-ġurnata hija l-garanzija u r-rispett tad-drittijiet fundamentali li għandu kull individwu. Huwa għalhekk li l-Unjoni Ewropea, li tiġbor fiha l-ikbar żona ta' libertà u sigurtà fid-dinja, trid tikkollabora mal-pajjiżi ta' oriġini biex tħeġġeġ mobilità b'mod ordnat li tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi, u tbiegħedhom min-netwerks tal-kriminalità organizzata li jittraffikaw il-bnedmin. |
4.4.2 |
Fl-Opinjoni tiegħu (15) dwar “L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità” (16), il-KESE esprima b'mod ċar li jaqbel mal-“Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM), li jorbot mill-qrib il-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-asil mal-politika esterna tal-UE”. Dwar dan il-KESE tenna l-pożizzjoni tiegħu tul is-snin u permezz ta' għadd ta' stqarrijiet, u għadu s'issa jagħti l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp ta' rabta dejjem aktar mill-qrib bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tal-politika migratorja u tal-mobilità, u għaż-żieda fil-koerenza tal-politiki tal-immigrazzjoni u tal-asil tal-Unjoni u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. |
4.5 Ewropa li tipproteġi
4.5.1 |
L-Istrateġija dwar is-Sigurtà Interna adottata fl-2010 tipprevedi azzjoni konġunta tal-UE dwar it-theddid ewlieni għas-sigurtà. Hija bbażata fuq ħames għanijiet strateġiċi li, minkejja li għadhom fis-seħħ, għandhom jiġu riveduti u aġġornati għall-isfidi tal-ħames snin li ġejjin, billi jitħeġġu sinerġiji ma' oqsma importanti oħra li fihom is-sigurtà hija essenzjali għall-konsolidazzjoni u l-progress tagħhom. |
4.5.2 |
Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-isfaxxar tan-netwerks kriminali internazzjonali li joperaw fl-Unjoni għandu jkun fost il-prijoritajiet tal-Istati Membri kollha, u l-koordinazzjoni tal-isforzi biex dan jintlaħaq għandha tkun għan tal-Unjoni. Il-kriminalità organizzata dejjem tinsab pass aktar 'il quddiem mill-miżuri legali u mir-riżorsi tal-pulizija. L-internazzjonalizzazzjoni tal-kriminalità organizzata teħtieġ sforz ta' kooperazzjoni u kollaborazzjoni kbir bejn l-Istati Membri, li għandu jkun ikkoordinat mill-qrib mill-Unjoni Ewropea. |
4.5.3 |
Ma nistgħux inħallu li d-differenzi fil-leġislazzjonijiet u fil-kompetenzi tal-pulizija, kif ukoll l-istess tip ta' każijiet ripetuti quddiem il-qrati jwasslu biex in-netwerks kriminali ma jiġux sfaxxati jew ikun hemm dewmien biex dan isir. Jekk teżisti kriminalità mingħajr fruntieri, għandna navvanzaw aktar malajr lejn ġustizzja mingħajr fruntieri fl-Unjoni. Il-KESE jqis li ma nistgħux nibqgħu nipposponu soluzzjonijiet globali kontra l-kriminalità organizzata. |
4.5.4 |
Il-Kumitat jemmen li t-taħriġ u l-informazzjoni fihom infushom mhumiex biżżejjed biex jiġu sfaxxati n-netwerks kriminali, u għaldaqstant iħeġġeġ biex minkejja li jitkompla l-programm Ewropew ta' taħriġ tal-uffiċjali tal-applikazzjoni tal-liġi, titqies il-possibbiltà li l-Europol issir pulizija tal-investigazzjoni operattiva, b'kompetenzi fil-livell tal-Unjoni biex tgħasses il-kriminalità organizzata transkonfinali, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mat-traffikar tal-bnedmin, billi jiżdied il-livell tal-funzjonijiet tagħha minn rwol ta' koordinazzjoni għal operazzjonijiet sħaħ. Fid-dawl ta' dan, nixtiequ nisħqu fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Opinjoni esploratorja dwar “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu” (17) fejn il-KESE ppropona li l-Europol issir Aġenzija Ewropea li taqa' taħt awtorità politika jew ġudizzjarja Ewropea, bi rwol akbar minn dak ta' koordinazzjoni li taqdi diġà bħalissa, u biex mill-aktar fis possibbli jkollha l-kapaċità operattiva proprja tagħha biex tagħmel investigazzjonijiet fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istati Membri. |
4.5.5 |
It-tfassil permanenti ta' orizzonti, għanijiet u dati mmirati fuq perjodu twil ta' żmien jista' jwassal biex iċ-ċittadini jgħajjew għax huma jridu s-soluzzjonijiet. Anke f'dawn l-oqsma tant importanti għall-ħajja ta' kuljum tal-persuni, irridu nintroduċu l-flessibbiltà u nneħħu l-burokrazija, għax inkella jkompli jiżdied l-Ewroxettiċiżmu. |
4.5.6 |
Fl-aħħar rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea joħroġ ċar li l-korruzzjoni għadha problema fuq skala Ewropea. Għandhom jittieħdu passi legali u sanzjonijiet kontra l-abbuż tal-poter għall-qligħ personali, speċjalment fejn tkun involuta wkoll il-kriminalità organizzata. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-kooperazzjoni interistituzzjonali u mal-Istati Membri biex tiġi miġġielda din il-pjaga li tnawwar il-kredibbiltà tas-sistema politika tagħna. |
4.5.7 |
Il-KESE juri l-appoġġ u l-qbil tiegħu għal kwalunkwe inizjattiva leġittima u demokratika li tiġi applikata għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ. M'hemmx dubju li kull miżura leġittima u demokratika li twaqqaf liż-żgħażagħ milli jissieħbu f'movimenti jew partiti estremi li jeħduhom u jinċitawhom direttament fit-triq ta' prattiki terroristiċi, għandha tingħata l-appoġġ fil-livell tal-Unjoni u barra mill-fruntieri tagħha. L-identifikazzjoni ta' oqsma ta' riskju u ta' punti fokali li fihom jiġu rreklutati persuni għal ideat estremi hija prijoritarja biex tiġi garantita s-sigurtà individwali u kollettiva tagħna. F'dan il-kuntest, għandu jkun hemm informazzjoni ħielsa biex l-attivitajiet ta' radikalizzazzjoni u reklutaġġ jinqabdu mill-bidu u għandhom jittieħdu miżuri ħarxa biex jitwaqqfu malli jinbtu. Hawnhekk il-Kumitat ifakkar u jtenni r-rakkomandazzjonijiet li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur”. |
4.5.8 |
Irridu nżommu quddiem għajnejna li t-terroriżmu jista' jiġi minn barra l-fruntieri tagħna, iżda jista' anke jibda minn ġewwa, kif tgħallimna l-istorja reċenti tal-Ewropa. Għaldaqstant iridu nipprevjenu li r-radikalizzazzjoni u l-użu tal-vjolenza estrema, fl-irvelli fit-toroq tal-bliet Ewropej, jintużaw bħala punt fokali għar-reklutaġġ għal azzjonijiet futuri ta' gruppi ddikjarati pubblikament bħala gruppi terroristiċi. Il-vjolenza fit-toroq ma tagħrafx fruntieri u l-persuni vjolenti sikwit ikunu jistgħu jiċċaqilqu minn Stat għal ieħor u japprofittaw ruħhom minn avvenimenti li jseħħu hemm. Għalhekk il-Kumitat iqis li hemm bżonn ta' koordinazzjoni akbar bejn il-politiki tal-Istati differenti, biex jiġu identifikati u tittieħed azzjoni kontra dawn il-gruppi vjolenti li wara jistgħu jingħaqdu ma' gruppi terroristiċi. |
4.5.9 |
Il-KESE juri l-appoġġ tiegħu għall-miżuri li qed jiġu applikati biex jiżdied il-livell ta' sigurtà għaċ-ċittadini u l-intrapriżi fiċ-ċiberspazju. Fid-dawl taż-żieda mbassra tal-kriminalità fin-netwerks tal-internet, il-miżuri li qed twettaq l-Unjoni Ewropea kontra ċ-ċiberkriminalità jistħoqqilhom l-appoġġ kollu possibbli. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi għandha twassal biex il-problema tal-kriminalità fuq skala globali tiġi indirizzata fuq livell dinji u mingħajr fruntieri. Għal darb'oħra, il-prevenzjoni hija fundamentali biex jiġi evitat li ċ-ċiberkriminali jgħadduna fl-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda. Minkejja li twaqqaf reċentement u ftit ilu jaħdem, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità għandu jingħata aktar riżorsi u finanzi. |
4.5.10 |
Il-KESE, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE, ma jistax jifhem kif għad hemm Stati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra ċ-Ċiberkriminalità. |
4.5.11 |
F'Ewropa li, fost libertajiet oħra, hija bbażata fuq il-libertà tal-moviment tal-persuni u l-merkanzija, it-tisħiħ tas-sigurtà permezz tal-ġestjoni tal-fruntieri għandu jinbidel f'azzjoni politika komuni li tiggarantixxi s-sigurtà liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Id-dħul ta' merkanzija minn kwalunkwe dwana u l-moviment ħieles tagħha madwar l-Unjoni kollha jeħtieġ strumenti sodi u komuni għal ġestjoni effikaċi tal-fruntieri esterni, u li ma jippermettux l-eżistenza ta' fruntieri ħorox u oħrajn laxki. |
4.5.12 |
Diġà jeżisti rispons komuni għal sitwazzjonijiet gravi, anke mingħajr il-bżonn ta' regolazzjoni, meta n-nies jagħtu l-għajnuna tagħhom b'mod spontanju mingħajr ma l-ebda awtorità jkollha bżonn tistaqsi. Madanakollu, l-azzjoni kkoordinata u r-rispons konġunt għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u diżastri, huwa valur miżjud biex tiżdied l-effettività u l-effiċjenza tar-rispons għal dawn is-sitwazzjonijiet. |
4.5.13 |
Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-ħolqien tas-sigurtà interna jitlob ukoll azzjoni li tmur lil hinn mill-fruntieri tagħna, jiġifieri li tittieħed azzjoni globali. Fl-oqsma kollha marbutin mal-libertà u s-sigurtà, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi hija essenzjali biex inkomplu nimxu 'l quddiem lejn dinja aħjar u aktar ġusta, li fiha l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu ma jheddux il-libertajiet u d-drittijiet li ksibna lkoll b'tant tbatija. |
Brussell, 9 ta' Lulju 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 65, 17.3.2006, p. 120-130 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80-88
(4) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80-88
(5) http://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2014-04/cp140054en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(6) Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).
(7) ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16-22
(8) COM(2013) 869.
(9) ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162-166
(10) ĠU C 271, 19.9.2013, p. 97
(11) ĠU C 218, 11.9.2009, p. 78
(12) COM(2008) 360 final.
(14) ĠU C 218, 11.9.2009, p. 78
(15) ĠU C 191, 29.6.2012, p. 134
(16) COM(2011) 743 final.
(17) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 147 (mhux disponibbli bil-Malti).