21.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 376/7


ABBOZZ TA' STRATEĠIJA DWAR IL-ĠUSTIZZJA ELETTRONIKA EWROPEA 2014-2018

2013/C 376/06

I.   DAĦLA

1.

L-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Pluriennali dwar il-Ġustizzja elettronika 2009-2013 ikkostitwixxa pass ulterjuri fl-iżvilupp tal-Ġustizzja elettronika. Id-dimaterjalizzazzjoni tal-proċedimenti legali u l-użu ta' mezzi elettroniċi fil-komunikazzjoni bejn dawk kollha involuti f'attivitajiet ġudizzjarji saret element importanti fil-funzjonament effiċjenti tal-ġudikatura fl-Istati Membri. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom rieda komuni li jkomplu l-bini tas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea.

2.

Il-Ġustizzja elettronika Ewropea timmira lejn l-użu u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għas-servizz tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transkonfinali, bil-ħsieb li jingħata aċċess akbar għall-ġustizzja u l-informazzjoni ġudizzjarja liċ-ċittadini, in-negozji, il-prattikanti tal-liġi u biex tiġi ffaċilitata aktar l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-Istati Membri. Hija tħabrek biex ittejjeb l-effettività tas-sistema ġudizzjarja nnifisha filwaqt li tirrispetta l-indipendenza u d-diversità tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri kif ukoll tad-drittijiet fundamentali.

3.

B'mod partikolari, jeħtieġ li l-Ġustizzja elettronika Ewropea tkompli tiġi żviluppata bħala servizz dirett għaċ-ċittadini Ewropej li se jibbenefikaw mill-valur miżjud tagħha, inkluż permezz tal-Portal tal-Ġustizzja elettronika. Għandu jiġi żgurat li l-utenti tas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea, inkluż iċ-ċittadini, ikunu jistgħu jieħdu b'mod rapidu l-benefiċċji prattiċi tal-għodod tal-Ġustizzja elettronika.

4.

Ir-riżultati diġà miksuba, ir-restrizzjonijiet li jinqalgħu u l-objettivi previsti għall-futur jeħtieġu strateġija komprensiva tal-Ġustizzja elettronika Ewropea biex iwasslu l-impenn u l-parteċipazzjoni f'livell strateġiku. L-Istrateġija għall-Ġustizzja elettronika Ewropea 2014-2018 għandha l-għan li tibni fuq il-ħidma li diġà saret.

II.   KUNTEST TAL-IŻVILUPP TAL-ĠUSTIZZJA ELETTRONIKA FIL-LIVELL EWROPEW

1.   Sfond

5.

F'Ġunju 2007, il-Kunsill ĠAI ddeċieda li għandha titwettaq ħidma bil-ħsieb tal-iżvilupp, f'livell Ewropew, tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' portal Ewropew biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja f'sitwazzjonijiet transkonfinali.

6.

Bi tweġiba għall-Kunsill, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni tagħha “Lejn Strateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika” ta' Ġunju 2008 (1) maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ta' għodod tal-Ġustizzja elettronika fil-livell Ewropew f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. L-objettiv kien li toħloq sinerġiji bejn l-isforzi fil-livelli Ewropej u nazzjonali fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika u li toffri ekonomiji ta' skala fil-livell Ewropew.

7.

Fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008 l-Kunsill Ewropew laqa' l-inizjattiva biex “jiġi stabbilit progressivament portal uniku tal-e-Justice tal-Unjoni Ewropea sa tmiem l-2009.” L-għan ta' dan il-Portal ikun li jiġi pprovdut punt ta' aċċess uniku, multilingwistiku, faċli għall-utenti (“punt ta' kuntatt waħdieni”) għas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea kollha, jiġifieri għal siti elettroniċi u/jew servizzi ta' informazzjoni Ewropej u nazzjonali.

8.

L-ewwel Pjan ta' Azzjoni pluriennali għall-Ġustizzja Elettronika Ewropea (2009-2013), imħejji b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, ġie adottat mill-Kunsill ĠAI f'Novembru 2008.

9.

Flimkien mal-adozzjoni tal-ewwel Pjan ta' Azzjoni, il-Kunsill approva l-istabbiliment ta' struttura ta' ħidma ġdida. Il-Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Leġislazzjoni elettronika sussegwentement wettaq ħidma konsiderevoli biex iwettaq il-mandat mogħti lilu mill-Kunsill. Il-biċċa l-kbira tal-għanijiet stabbiliti fl-ewwel Pjan ta' Azzjoni nkisbu u l-ħidma relatata għadha għaddejja.

10.

Il-Parlament Ewropew wera l-interess tiegħu fil-ħidma mwettqa fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika. Fit-18 ta' Diċembru 2008 huwa adotta Riżoluzzjoni dwar il-Ġustizzja elettronika (2), li fiha stqarr, fost l-oħrajn, li għandu jitwaqqaf mekkaniżmu adatt biex jiżgura li leġiżlazzjoni futura titfassal b'mod li tkun tista' tintuża f'applikazzjonijiet online. Huwa adotta wkoll Riżoluzzjoni dwar il-Ġustizzja elettronika fil-laqgħa Plenarja tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 (3), fejn appella biex jiżdied l-użu ta' applikazzjonijiet elettroniċi, il-proviżjoni elettronika tad-dokumenti, l-użu ta' vidjokonferenzi u l-interkonnessjoni tar-reġistri ġudizzjarji u amministrattivi biex titnaqqas aktar l-ispiża tal-proċedimenti ġudizzjarji u barra mill-qorti.

2.   Kisbiet ewlenin

11.

Il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika, li huwa ospitat u mħaddem mill-Kummissjoni f'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill, ġie ppreżentat fis-16 ta' Lulju 2010. Dan l-iżvilupp ta' din il-website mill-Istati Membri u l-Kummissjoni avvanza b'mod kostanti fil-forma ta' funzjonalitajiet ġodda (bħal forom elettroniċi dinamiċi) u ż-żieda regolari ta' kontenut ġdid. Il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika għandu l-għan li jservi ta' “punt ta' kuntatt waħdieni” għaċ-ċittadini u l-professjonisti legali Ewropej, li jippermettilhom jiksbu, fil-lingwa tagħhom stess, informazzjoni dwar il-proċeduri Ewropej u nazzjonali u l-funzjonament tal-ġustizzja.

12.

Diversi Stati Membri diġà żviluppaw u pparteċipaw f'għadd ta' proġetti pilota fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika, pereżempju bil-ħsieb li jiġu interkonnessi r-reġistri tal-insolvenza tal-Istati Membri u jiġu introdotti żviluppi tekniċi sinifikanti. Infrastruttura għall-Ġustizzja elettronika Ewropea qed tiżviluppa gradwalment. Element importanti huwa ffurmat bl-infrastruttura teknika u organizzattiva għall-iskambju sigur tad-data legali bejn il-ġudikatura, l-organizzazzjonijiet governattivi, il-professjonisti legali, iċ-ċittadini u n-negozji fil-qafas tal-proġett tal-CODEX elettroniku.

13.

Għadd kbir ta' Stati Membri introduċew is-sistemi tal-vidjokonferenzi biex jaċċelleraw il-proċeduri ġudizzjarji billi jiffaċilitaw is-smigħ tax-xhieda jew tal-partijiet. Il-ħidma maħsuba biex tinkorpora s-siti elettroniċi tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali u tal-Atlas Ġudizzjarju tinsab għaddejja. Il-Kunsill adotta wkoll Deċiżjoni li tistabbilixxi l-kooperazzjoni man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji kriminali.

14.

Ir-riżultati tal-kwestjonarju reċenti dwar il-Ġustizzja elettronika (4) juru li dan il-qasam evolva b'mod konsiderevoli fl-Istati Membri mill-adozzjoni tal-ewwel Pjan ta' Azzjoni pluriennali għall-Ġustizzja elettronika Ewropea. L-Istrateġija dwar il-Ġustizzja elettronika Ewropea 2014-2018 ser tibni fuq dan is-suċċess.

15.

Fil-qasam tal-liġi elettronika ġew żviluppati moduli importanti għall-aċċessibbilità u l-interoperabbiltà semantika tar-riżorsi legali. Fl-2009 il-Kunsill adotta l-Konklużjonjiet tal-Kunsill dwar l-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI) biex ikunu jistgħu jinstabu aħjar, u jiġi ffaċilitat l-ikkwotar inekwivoċi ta' sentenzi maħruġa mill-qrati Ewropej u nazzjonali. Bosta Stati Membri diġà implimentaw l-ECLI. Il-Kummissjoni u diversi Stati Membri qed iħejju biex jintroduċu l-interfaċċja ta' tiftix tal-ECLI Ewropew fil-Portal tal-Ġustizzja elettronika sal-ewwel kwart tal-2014. L-introduzzjoni tal-ECLI qed titħejja wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

16.

Fl-2011, il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet dwar l-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ELI), li introduċa standard volontarju għall-identifikar, l-immarkar, u l-ikkwotar elettroniku tal-istrumenti legali Ewropej u nazzjonali. L-istandard ġie adottat għall-użu fil-EUR-Lex u qed jiġi introdott minn diversi Stati Membri.

3.   Konsistenza mal-qafas tal-Gvern elettroniku

17.

Il-Ġustizzja elettronika Ewropea għandha tħabrek għal aktar konsistenza mal-qafas ġenerali tal-Gvern elettroniku, li huwa speċifikament deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2010) 744 final) li tintroduċi l-Istrateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà (EIS) u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. F'dawn id-dokumenti huwa ċar li interoperabbiltà msaħħa fil-livell legali, organizzattiv, semantiku u tekniku, li twassal għall-ħolqien ta' ekosistema sostenibbli, hija essenzjali biex timmassimizza l-potenzjal soċjali u ekonomiku tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Is-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea għandha tiġi żviluppata f'konformità mal-prinċipju ta' indipendenza ġudizzjarja u s-separazzjoni tal-poteri.

III.   PRINĊIPJI ĠENERALI

18.

Il-ħidma fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipji bażiċi li ġejjin:

(a)   Azzjoni volontarja

19.

Il-parteċipazzjoni volontarja fi proġetti tal-Ġustizzja elettronika Ewropea hija fid-diskrezzjoni ta' kull Stat Membru individwali, ħlief fejn ikun ġie adottat strument leġislattiv tal-Unjoni Ewropea li jinkludi rekwiżit għall-implimentazzjoni ta' proġett speċifiku fil-kuntest tas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea.

(b)   Deċentralizzazzjoni

20.

Il-kunċett ta' Ġustizzja elettronika Ewropea huwa bbażat fuq il-prinċipju ta' sistema deċentralizzata fil-livell Ewropew li tgħaqqad flimkien lid-diversi sistemi nazzjonali indipendenti interoperabbli fl-Istati Membri. Skont dan il-prinċipju ġenerali ta' deċentralizzazzjoni huwa d-dover ta' kull Stat Membru li jiżgura l-implimentazzjoni teknika u l-ġestjoni tas-sistemi nazzjonali tal-Ġustizzja elettronika meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-interkonnessjoni bejn is-sistemi tal-Istati Membri.

21.

Madankollu, ċertu grad ta' ċentralizzazzjoni fil-livell tal-UE huwa metieġ. Iċ-ċentralizzazzjoni tista' wkoll tiġi prevista f'xi sitwazzjonijiet speċifiċi, eżempju meta din tkun soluzzjoni aktar kost-effettiva jew fejn ikun ġie adottat strument leġiżlattiv.

(c)   Interoperabbiltà

22.

L-interoperabbiltà, li tippermetti l-interkonnessjoni tas-sistemi tal-Istati Membri u l-użu ta' soluzzjonijiet ċentralizzati fejn meħtieġ, hija element fundamentali tas-sistemi deċentralizzati. Il-kompatibbiltà bejn id-diversi aspetti tekniċi, organizzattivi, legali u semantiċi magħżulin għall-applikazzjonijiet tas-sistema ġudizzjarja għandhom jiġu żgurati, filwaqt li tiġi garantita flessibbiltà massima għall-Istati Membri.

(d)   Dimensjoni Ewropea

23.

L-Istrateġija dwar il-Ġustizzja elettronika Ewropea hija maħsuba biex tkopri proġetti b'dimensjoni Ewropea fl-oqsma tad-dritt ċivili, kriminali u amministrattiv.

24.

Proġetti żviluppati skont il-Ġustizzja elettronika Ewropea, b'mod partikolari l-proġetti kollha li għandhom jiġu inklużi fil-Portal, għandu jkollhom il-potenzjal li jinvolvu lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha għandhom jiġu inkoraġġuti jipparteċipaw fil-proġetti kollha sabiex tiġi żgurat il-vijabbiltà fit-tul u l-kost-effittività tagħhom. Il-proġetti kollha għandu jkollhom il-potenzjal li jagħtu benefiċċju prattiku dirett b'mod partikolari liċ-ċittadini, in-negozji u/jew il-ġudikatura.

25.

L-iżvilupp tas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea għandu jieħu kont ukoll tal-proġetti nazzjonali li joffru valur miżjud Ewropew.

IV.   L-OBJETTIVI TAL-ĠUSTIZZJA ELETTRONIKA EWROPEA

(a)   Aċċess għall-informazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja

26.

L-objettiv huwa li jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika għandu rwol importanti biex jintlaħaq dan l-objettiv.

(b)   Aċċess għall-qrati u proċedimenti extraġudizzjarji f'sitwazzjonijiet transkonfinali

27.

Il-Ġustizzja elettronika Ewropea għandu jkollha l-għan li toffri aċċess għall-qrati u li tiffaċilita l-użu ta' proċedimenti extraġudizzjarji permezz tal-użu ta' komunikazzjoni elettronika f'sitwazzjonijiet transkonfinali.

28.

Għalhekk jeħtieġ li tkompli l-ħidma li diġà bdiet fil-livell nazzjonali f'għadd ta' Stati Membri u li jinħolqu l-kondizzjonijiet għal servizzi ġudizzjarji transkonfinali interattivi fil-livell Ewropew.

29.

Id-dematerjalizzazzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji għandha titkompla skont il-prinċipju ta' azzjoni volontarja mill-Istati Membri.

(c)   Komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji

30.

Huwa ta' importanza partikolari li tiġi ssimplifikata u mħeġġa l-komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri (eżempju permezz tal-vidjokonferenzi jew skambji ta' data elettroniċi siguri.

31.

Il-membri tal-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jingħataw aċċess sigur għad-diversi funzjonalitajiet riżervati għalihom; huma għandu jkollhom drittijiet tal-aċċess differenzjati u għandu jiġi applikat metodu ta' awtentikazzjoni uniformi jew interoperabbli.

V.   IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA

1.   Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika Ewropea

32.

Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika Ewropea għandu jibqa' jiġi żviluppat bħala punt ta' kuntatt waħdieni. Dan ma jipprekludix mezzi oħra ta' komunikazzjoni (eżempju permezz ta' trasmissjoni minn netwerk għal ieħor).

33.

Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika Ewropea għandu jipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini, in-negozji u l-prattikanti dwar il-liġi tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-Portal għandu jkun ukoll mezz li joffri aċċess għal informazzjoni relatata oħra fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali fil-qasam tal-ġustizzja.

2.   Interoperabbiltà

34.

Għandha tiġi żgurata interoperabbiltà organizzattiva, teknika u semantika. Għal dan il-għan, soluzzjonijiet tekniċi għall-Ġustizzja elettronika Ewropea għandhom jiġu żviluppati għall-iskambju tad-data sigur bejn il-ġudikatura, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-professjonisti legali, iċ-ċittadini u n-negozji. Standards tekniċi miftuħa disponibbli u soluzzjonijiet diġà żviluppati (eżempju proġetti bħal Codex elettroniku) għandhom jitqiesu qabel ma jiġu żviluppati oħrajn ġodda. L-Istati Membri wkoll għandu jkollhom rwol attiv fl-iżvilupp ta' dawn is-soluzzjonijiet u t-teħid ta' deċiżjonijiet dwarhom.

3.   Aspetti leġiżlattivi

35.

Il-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu konsistenti ta' teknoloġiji moderni tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ġdida tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja, inklużi l-emendi u r-riformulazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti, għandha titqies fil-proċess leġiżlattiv. Id-data li għandha tiġi trasferita għandha tiġi deskritta bil-kontenut tagħha biss, u mhux b'xi rappreżentazzjoni viżiva possibbli. Mezzi ta' trasferiment ta' data jew dokumenti għandhom jiġu deskritti b'mod funzjonali u newtrali mill-aspett teknoloġiku.

4.   Web Semantiku legali Ewropew

36.

L-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni legali, u b'mod partikolari data relatata mal-leġislazzjoni Ewropea jew nazzjonali, il-każistika u l-glossarji legali, huwa mxekkel min-nuqqas ta' mezzi effettivi għall-kondiviżjoni ta' din it-tip ta' data.

37.

Proġetti differenti jistgħu jindirizzaw din il-kwistjoni u jżidu l-iskambju ta' u l-interoperabbiltà semantika ta' data legali fl-Ewropa kollha u lil hinn minnha. Għandha tkompli l-ħidma fuq bażi volontarja dwar l-iżvilupp tal-internet semantiku legali Ewropew, maħsub biex itejjeb l-aċċessibbiltà u l- proċessabbiltà ta' informazzjoni legali billi l-identifikazzjoni u s-semantika tad-data legali jkunu interoperabbli.

5.   Interkonnessjoni tar-reġistri

38.

Għandha tiġi promossa l- interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali li fihom informazzjoni rilevanti għall-qasam tal-ġustizzja. Għandhom jiġu żgurati l-prekondizzjonijiet tekniċi u legali meħtieġa biex tali interkonnessjonijiet ikunu possibbli.

39.

L-azzjoni f'dan il-qasam għandha tkun iffokata fuq l-interkonnessjoni tar-reġistri li joħolqu interess għaċ-ċittadini, in-negozji, l-prattikanti legali u l-ġudikatura.

6.   Netwerks

40.

Is-sistema tal-Ġustizzja elettronika tista' toħloq kondizzjonijiet għall-iffaċilitar ta' diversi netwerks eżistenti fil-livell Ewropew fil-qasam tal-ġustizzja, bħan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji kriminali. Għal dan il-għan, il-possibbiltajiet offruti mis-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea u l-Portal tal-Ġustizzja elettronika għandhom jiġu esplorati aktar f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti.

7.   Kooperazzjoni ma' prattikanti legali u utenti oħra tal-Ġustizzja elettronika Ewropea

41.

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja elettronika titlob il-parteċipazzjoni tal-ġudikatura u prattikanti legali rilevanti oħra fl-Istati Membri. Għalhekk dawn il-prattikanti legali għandhom ikunu involuti f'diskussjonijiet u proġetti fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika Ewropea sabiex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet li ser jiġu żviluppati jilħqu l-bżonnijiet attwali ta' kull grupp immirat.

42.

Għaldaqstant, huwa essenzjali li r-rappreżentanti tal-ġudikatura tal-Istati Membri jkollhom l-opportunità li jikkontribwixxu fil-ħidma dwar il-Ġustizzja elettronika Ewropea, speċjalment dwar is-soluzzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti għall-Ġustizzja elettronika Ewropea b'tali mod li jistgħu jitqiesu l-fehmiet tagħhom u l-ħtiġijiet tal-utenti.

43.

Barra minn hekk, huwa mixtieq li prattikanti legali oħra, pereżempju l-avukati, in-nutara, l-uffiċjali ġudizzjarji u oħrajn, ikunu involuti f'diskussjonijiet futuri dwar il-Ġustizzja elettronika Ewropea biex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet li ser jiġu żviluppati jilħqu l-ħtiġijiet reali tagħhom.

44.

Huwa f'dan il-kuntest li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' kooperazzjoni ma' prattikanti legali bħal dawn biex jiġi żgurat li jittieħed kont ta' kwistjonijiet ta' interess reċiproku fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja elettronika.

45.

Għandu jittieħed kont ukoll biex jinġabru l-fehmiet u r-reazzjonijiet minn rappreżentanti tal-pubbliku b'mod ġenerali, inklużi l-utenti tal-Portal, kif ukoll l-operaturi tan-negozji.

8.   Traduzzjoni

46.

It-tħassib li ċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jgawdu minn aċċess faċli għall-Ġustizzja elettronika Ewropea ser ikun ifisser li għandhom jiġu kkunsidrati miżuri kost-effettivi u b'saħħithom fuq perijodu twil li jiffokaw fuq it-traduzzjoni. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika għandu joffri traduzzjonijiet affidabbli tal-kontenut tiegħu fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.

9.   Regoli u drittijiet fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika

47.

Żviluppi futuri fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika Ewropea ser joħolqu sfidi ġodda għall-protezzjoni ta' data personali. Huwa previst li l-iskala tal-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data ser jiżdied bl-implimentazzjoni tal-istrateġija futura tal-Ġustizzja elettronika Ewropea. Il-protezzjoni ta' data personali għalhekk għandha rwol importanti f'dan il-kuntest. Ħidma futura fil-qafas tal-Ġustizzja elettronika għandha tieħu kont tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u r-regoli dwar il-moviment ħieles ta' data personali.

48.

Ir-regoli dwar is-sjieda tal-informazzjoni għandhom jiġu stabbiliti, kif meħtieġ, biex jiġu ddeterminati r-responsabbiltajiet rigward il-kontenut tad-data li għandha tiġi ppubblikata fil-Portal tal-Ġustizzja elettronika. Fil-prinċipju, kull persuna li tipprovdi kontenut hija unikament responsabbli għal xogħolha u għandha tikkonforma mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kwalunkwe rekwiżit legali applikabbli ieħor.

49.

Għandhom jiġu stabbiliti regoli simili għall-użu ta' funzjonalitajiet elettroniċi li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni, inkluż l-iskambju ta' data personali, bejn l-awtoritajiet ġudizzjarja tal-Istati Membri u għall-preżentazzjoni elettronika ta' dokumenti li għandhom jintużaw fi proċedimenti tal-qorti.

50.

F'dan il-kuntest b'mod partikolari, il-Kummissjoni hija mistiedna tkompli teżamina l-ħtieġa li tadotta proposta għal strument leġiżlattiv fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika. Dan l-istrument għandu jiddefinixxi l-qafas legali ġenerali u l-mezzi għall-implimentazzjoni ta' strateġija konkreta dwar il-Ġustizzja elettronika fil-livell Ewropew.

10.   Promozzjoni

51.

Fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja elettronika, għandha titqies il-promozzjoni tal-funzjonalitajiet disponibbli fost l-utenti tas-sistemi ta' Ġustizzja elettronika Ewropea.

11.   Finanzjament

52.

L-iżvilupp tal-Ġustizzja elettronika Ewropea jeħtieġ riżorsi finanzjarji konsiderevoli. Għalhekk huwa importanti li jiġi pprovdut finanzjament adegwat fil-livell tal-UE, b'mod partikolari biex:

(a)

jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta' sistemi tal-Ġustizzja elettronika fil-livell nazzjonali biex titwitta t-triq għall-Ġustizzja elettronika Ewropea, kif ser jiġi implimentat fid-dawl ta' din l-istrateġija, inklużi azzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 30 u l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali; għandha tingħata wkoll attenzjoni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-riżultati ta' proġetti bħal CODEX elettroniku u eSENS;

(b)

jippermettu l-iżvilupp ta' proġetti fil-livell Ewropew, inkluż it-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-Portal tal-Ġustizzja elettronika Ewropea;

(c)

jiġi żgurat li l-Portal tal-Ġustizzja elettronika jista' jkompli jiġi offrut bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

53.

Il-finanzjament fil-livell Ewropew tal-ħidma fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika (kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew), inklużi l-proġetti konkreti li għandhom jiġu definiti u implimentati skont il-Pjan ta' Azzjoni futur, għandu jiġi garantit permezz tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 u b'mod partikolari l-pakkett finanzjarju għall-Programm tal-Ġustizzja 2014-2020.

54.

Il-proġetti relatati mal-Ġustizzja elettronika fis-sens ta' din l-istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni relatat jistgħu wkoll jiġu ffinanzjati taħt programmi eżistenti oħra tal-Unjoni dment li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f'dawk il-programmi (5).

12.   Relazzjonijiet esterni

55.

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, sakemm huwa fattibbli, jiżviluppaw kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika.

56.

Din il-kooperazzjoni possibbli għandha tiġi implimentata filwaqt li tirrispetta r-regoli istituzzjonali stabbiliti fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

13.   Pjan ta' Azzjoni Pluriennali dwar il-Ġustizzja elettronika 2014-2018

57.

Pjan ta' Azzjoni Pluriennali għandu jiġi adottat matul l-ewwel semestru tal-2014 sabiex tiġi implimentata din l-istrateġija u sservi ta' gwida prattika għas-segwitu tagħha. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu jinkludi lista ta' proġetti ppjanati għall-perijodu inkwistjoni b'indikazzjonijiet ċari ta' dawk li jixtiequ jieħdu sehem, azzjonijiet għall-implimentazzjoni prattika tagħhom u tabella indikattiva li tippermetti segwitu konkret għall-Pjan ta' Azzjoni mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Liġi elettronika (Ġustizzja elettronika) u, fejn adatt, minn partijiet interessati rilevanti. Ir-riżultati tal-Pjan ta' Azzjoni pluriennali preċedenti dwar il-Ġustizzja elettronika u l-pjan direzzjonali relatat ser jitqiesu u, jekk adatt, jiġu segwiti fil-Pjan ta' Azzjoni ġdid.

58.

Il-Grupp ta' Ħidma ser iħejji l-Pjan ta' Azzjoni f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni u tal-anqas darba kull semestru ser jagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu, li għandha tiġi adottata jekk ikun meħtieġ minn żviluppi li għaddejjin.

59.

Jekk meħtieġ, gruppi informali ta' Stati Membri involuti fi proġetti speċifiċi jistgħu jiltaqgħu sabiex iwettqu progress f'dawn l-oqsma ta' ħidma. Ir-riżultati ta' dawn il-laqgħat għandhom jiġu ppreżentati lill-Grupp ta' ħidma dwar il-Liġi elettronika (Ġustizzja elettronika).


(1)  COM(2008) 329 final.

(2)  (2008/2125 (INI)).

(3)  (2013/2852 (RSP)).

(4)  Ara 15690/1/12 REV 1 EJUSTICE 73 JURINFO 46 JUSTCIV 331 COPEN 244 CONSOM 139 DRS 126 DROIPEN 159.

(5)  Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta tabella tal-mekkaniżmi ta' finanzjament potenzjali kollha disponibbli għal proġetti fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, li jistgħu jintużaw għall-finanzjament tal-Ġustizzja elettronika.