52013SC0322

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi /* SWD/2013/0322 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi

Sommarju eżekuttiv

1.           Definizzjoni tal-problema

Hemm żewġ aspetti għall-problema tal-IAS fl-Ewropa: 1) Il-problema ekoloġika li tinħoloq bid-dħul, l-istabbiliment u t-tixrid tagħhom, 2) il-falliment tal-politika kkawżat mill-istabbiliment ta' politika mhux koerenti u frammentata fil-livell tal-UE u dak nazzjonali li qed tippermetti li l-problema ekoloġika tkompli tikber.

Il-problema ekoloġika - L-ispeċijiet aljeni huma speċijiet li jiġu ttrasportati bħala riżultat ta' azzjoni umana barra mill-firxa naturali tagħhom lil hinn mill-ostakli ekoloġiċi. L-evidenza xjentifika turi li minn dawn l-ispeċijiet aljeni bejn 10 u 15 % għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-bijodiversità kif ukoll konsegwenzi gravi fil-livell ekonomiku u soċjali: dawn huma l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi (Invasive Alien Species - IAS). Hemm żewġ kawżi prinċipali: 1) ċerti speċijiet aljeni huma mixtieqa u jiddaħħlu, eż. permezz tal-kummerċ, fl-UE (eż. interessi kummerċjali, għanijiet ornamentali, annimali ta' kumpanija, kontroll bijoloġiku); 2) xi speċijiet aljeni jiġu introdotti b'mod mhux intenzjonat bħala kontaminanti ta' prodotti (kummerċ fi prodotti oħra) jew jistgħu jkunu qed jirkbu jew moħbija fuq vetturi ta' trasport. Huwa stmat li matul l-aħħar 20 sena, l-IAS swew lill-UE tal-anqas EUR 12-il biljun fis-sena. Dawn jaffettwaw in-negozji, inklużi l-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi (eż. il-kastur tal-għadajjar (coypu) iħalli impatt fuq il-produzzjoni agrikola), iċ-ċittadini (eż. l-ambrosja tikkawża l-allerġiji), l-awtoritajiet pubbliċi (eż. il-far tal-misk tal-ilma jikkawża ħsara fl-infrastruttura) u l-bijodiversità (eż. il-papra ħamranija thedded lill-brajmla rasha bajda nattiva). Filwaqt li l-volumi tal-kummerċ u t-trasport qed jikbru, l-għadd ta' IAS introdotti qed jiżdied ukoll. Barra minn hekk, waqt li l-IAS introdotti jistabbilixxu lilhom infushom u jinxterdu, il-ħsara kkawżata minn kull IAS qed tikber, u dan qed iwassal għal żieda fit-tkabbir tal-ħsara. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni xierqa, l-ispiża tal-UE mistennija li tkompli tiżdied konsegwentement.

Falliment tal-politika - Huma biss ftit l-Istati Membri li għandhom qafas legali komprensiv biex jindirizzaw il-problema u l-maġġoranza jserrħu fuq azzjoni ad hoc speċifika għall-ispeċi, li jwassal għal approċċ frammentat u azzjoni mhux koordinata biex tiġi indirizzata problema li hija fin-natura tagħha transfruntiera. Bħalissa, il-leġiżlazzjoni tal-UE tindirizza biss il-pesti u l-aġenti tal-mard li jaffettwaw il-pjanti u l-annimali u l-ispeċijiet aljeni introdotti għall-akkwakultura (irregolati rispettivament permezz tar-reġim tas-saħħa tal-pjanti, ir-reġim tas-saħħa tal-annimali u r-regolament dwar l-użu ta' speċijiet aljeni fl-akkwakultura), u mhix qed tindirizza parti sostanzjali mill-problema. Barra minn hekk, l-azzjoni kurrenti fuq l-IAS fl-Istati Membri tal-UE hija prinċipalment reattiva, u tfittex li tnaqqas il-ħsara li diġà qed tiġi kkawżata.

L-Istati Membri kollha jintlaqtu mill-IAS, minkejja li fi żminijiet differenti u minn speċijiet differenti, peress li xi IAS jaffettwaw il-biċċa l-kbira tal-UE filwaqt li oħrajn huma ta' problema f'ċerti reġjuni biss, jew f'ċerti kundizzjonijiet ekoloġiċi jew klimatiċi. Jista' jiġi preżunt li aktarx il-pajjiżi li għandhom volumi ta' kummerċ akbar u għadd ta' punti tad-dħul ibatu aktar mill-introduzzjonijet tal-IAS. Mhuwiex possibbli li jiġi aċċertat il-kobor jew il-konċentrazzjoni tal-movimenti intra-UE peress li ma hemm l-ebda verifika interna tal-prodott bażiku jew monitoraġġ tal-movimenti tal-ispeċijiet aljeni fis-selvaġġ madwar il-fruntieri. Minħabba li l-impatt tal-IAS huwa rilevanti għall-UE kollha, l-Istati Membri kollha għandhom igawdu minn azzjoni koordinata biex jindirizzaw l-IAS, filwaqt li b'mod ċar jinħtieġu sforzi mill-Istati Membri kollha.

2.           Hija ġġustifikata azzjoni tal-UE abbażi tas-sussidjarjetà?

Il-fatt li l-għadd ta' IAS qed jiżdied minkejja l-politiki/inizjattivi kurrenti, jindika li l-approċċ preżenti mhuwiex effettiv. Peress li l-ispeċijiet ma jirrispettawx il-fruntieri, l-azzjoni tal-UE se tkun iġġustifikata. L-azzjoni koordinata tal-UE se tkun meħtieġa biex tiżgura li, fejn l-IAS jidħlu għall-ewwel darba fl-Unjoni, l-Istati Membri jieħdu miżuri fil-pront għall-benefiċċju tal-Istati Membri l-oħra li ma jkunux għadhom ġew affettwati. Se tiżgura wkoll ċarezza legali u kundizzjonijiet ekwi għal dawk is-setturi li jużaw jew jinnegozjaw l-ispeċijiet aljeni filwaqt li tevita l-frammentazzjoni tas-suq intern minħabba restrizzjonijiet varji fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-IAS bejn l-Istati Membri. Xi speċijiet huma invażivi u jikkawżaw ħafna ħsara f'ċerti pajjiżi filwaqt li f'oħrajn ma jagħmlux ħsara jew saħansitra jkunu ta' profitt. L-azzjoni fil-livell tal-UE skont il-prinċipju tas-solidarjetà se tħares l-interess ta' dawk l-Istati Membri li aktarx ibatu l-aktar konsegwenzi negattivi. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri li diġà għandhom leġiżlazzjoni dwar l-IAS se jibbenefikaw minn apporċċ komuni, li jiggarantixxi li l-Istati Membri ġirien jieħdu azzjoni dwar l-istess speċijiet.

3.           Għanijiet

Għanijiet ġenerali:

it-tnaqqis tal-impatt negattiv tal-IAS fuq il-bijodiversità u fuq l-ambjent u l-għoti ta' kontribut għall-mira tal-bijodiversità tal-UE 2020;billi tintlaħaq il-Mira 5. "sal-2020, l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi (IAS) u l-mogħdijiet tagħhom għandhom jiġu identifikati u mogħtija prijorità, speċi prijoritarji għandhom jiġu kkontrollati jew imneħħija, u l-mogħdijiet għandhom ikunu ġestiti b'mod li jimpedixxu l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta' IAS ġodda.

it-tnaqqis tal-impatt ekonomiku u soċjali negattiv tal-IAS fuq l-ekonomija tal-UE u fuq iċ-ċittadini tal-UE u li jitħarsu l-benesseri u s-saħħa tagħhom, biex b'hekk jingħata kontribut għall-Istrateġija Ewropa 2020.

Għanijiet speċifiċi:

il-bidla fl-approċċ reattiv kurrenti għal wieħed aktar preventiv dwar l-IAS;

l-għoti ta' prijorità lill-azzjoni dwar l-IAS fejn għandhom jinkisbu l-ogħla benefiċċji netti;

l-inkoraġġiment għal approċċ koerenti dwar l-IAS madwar l-UE.

Għanijiet operattivi:

il-prevenzjoni tal-introduzzjoni intenzjonata fl-UE tal-IAS li huma sors ta' tħassib għall-UE;

il-prevenzjoni tal-introduzzjoni mhux intenzjonata tal-IAS fl-UE u tar-rilaxx mhux intenzjonat tagħhom fl-ambjent;

il-prevenzjoni tar-rilaxx intenzjonat tal-IAS fl-ambjent;

it-twissija bikrija u r-rispons rapidu sabiex wieħed jilqa' għar-riproduzzjoni u t-tixrid tal-IAS li huma sors ta' tħassib għall-UE;

l-eliminazzjoni, it-tnaqqis jew il-mitigazzjoni tal-ħsara permezz tal-ġestjoni tal-IAS li huma sors ta' tħassib għall-UE li stabbilixxew lilhom infushom fl-ambjent.

4.           Għażliet tal-politika

Ġew identifikati ħames għażliet, li lkoll jindirizzaw il-ħames għanijiet operattivi, iżda bl-livell differenti ta' ambizzjoni. Dawn l-għażliet inħolqu billi ntuża approċċ doppju, li kien jinkludi fl-istess ħin analiżi tal-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati l-għanijiet operattivi (il-kontenut), kif ukoll it-tip ta' strument politiku (il-forma).

Għażla 0 - L-għażla bażika tirrappreżenta l-istatus quo mingħajr ebda azzjoni oħra, għalhekk tindirizza biss il-pesti u l-aġenti tal-mard li jaffettwaw il-pjanti u l-annimali u l-ispeċijiet aljeni tal-akkwakultura. Barra minn hekk, jistgħu jiġu imposti projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni permezz tar-Regolament dwar il-Kummerċ ta' Flora u Fawna Selvaġġi u l-ilma tas-saborra jiġi indirizzat meta tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni dwar l-ilma tas-Saborra. L-Istati Membri jkomplu jaġixxu fuq bażi ad hoc xprunati mill-ispejjeż tal-ħsarat abbażi ta' kull speċi.

Għażla 1 - L-inkoraġġiment għal azzjoni volontarja u titjib fil-kooperazzjoni jinkludi l-iżvilupp ta' linji gwida, kodiċijiet tal-kondotta settorjali u kampanji edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni. Din tiżdied ma' dak li diġà jkun sar bl-għażla 0.

Għażla 2.1 - Jiġi sostnut strument leġiżlattiv bażiku permezz ta' lista unika ta' IAS li huma sors ta' tħassib għall-UE. Dawn ikunu speċijiet aljeni li jkunu rriżultaw invażivi minn valutazzjoni tar-riskju, u meqjusa bħala theddida rilevanti għall-UE minn kumitat permanenti li jinkludi rappreżentanti mill-Istati Membri. Din il-lista toħloq għadd ta' obbligi għall-Istati Membri: minn naħa, li jieħdu azzjoni biex iżommu mid-dħul fl-UE tal-ispeċijiet indikati fil-lista (il-prevenzjoni) u, min-naħa l-oħra, li jiġġestixxu l-ispeċijiet indikati fil-lista li diġà daħlu u stabbilixxew lilhom infushom fl-UE (ir-reazzjoni), b'tali mod li jevitaw li jinxterdu aktar madwar l-UE u jnaqqsu l-ħsara tagħhom. L-għażla tal-miżuri li se jittieħdu (il-qerda, it-trażżin jew il-kontroll) titħalla f'idejn l-Istati Membri.

Għażla 2.2 - Din l-għażla twessa' l-kamp tal-applikazzjoni tal-għażla 2.1 lil hinn mil-lista ta' IAS li huma sors ta' tħassib għall-UE f'dak li għandu x'jaqsam mar-rilaxx fl-ambjent. Dan jintlaħaq billi tiġi introdotta sistema li permezz tagħha l-Istat Membru jkun jeħtieġ permess għar-rilaxx għall-IAS li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri.

Għażla 2.3 - Din l-għażla twessa' aktar il-kamp tal-applikazzjoni tal-għażla 2.1 lil hinn mil-lista ta' IAS li huma sors ta' tħassib għall-UE f'dak li għandu x'jaqsam mar-rilaxx fl-ambjent. Dan jintlaħaq billi tiġi stabbilita sistema li permezz tagħha l-ispeċijiet aljeni ġodda jkunu jistgħu jiġu rrilaxxati fl-ambjent b'approvazzjoni espliċita biss, u jitniżżlu f'lista tal-UE ta' speċijiet aljeni approvati għar-rilaxx, wara l-aċċertament li r-rilaxx tagħhom ma jimplika l-ebda riskju.

Għażla 2.4 - Din l-għażla ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet għal rispons rapidu meta mqabbla mal-għażla 2.2. Dan jintlaħaq billi jkun introdott obbligu għall-Istati Membri li jeqirdu l-IAS il-ġodda li jkunu qed jistabbilixxu lilhom infushom li huma inklużi fil-lista ta' IAS li huma sors ta' tħassib għall-UE, minflok ma jrażżnuhom jew jikkontrollawhom, sakemm ma tkunx ingħatat deroga mill-Kummissjoni.

5.           Valutazzjoni tal-impatti

Waħda mid-diffikultajiet fl-analiżi tal-impatti tad-diversi għażliet kienet il-fatt li kien impossibbli li wieħed ikun jaf minn qabel l-għadd ta' invażjonijiet u liema minnhom kienu se jeħtieġu li jiġu indirizzati u l-għadd ta' speċijiet u liema minnhom kienu se jiġu inklużi fil-lista tal-IAS li huma sors ta' tħassib għall-UE. Barra minn hekk, sa ftit ilu, studji ekonomiċi komprensivi u fuq skala kbira dwar l-IAS inġenerali kienu skarsi.

Huwa importanti li jiġi kkunsidrat ukoll li s-setturi li aktarx jintlaqtu mill-istrument leġiżlattiv, jinkludu diversi intrapriżi żgħar u medji (SMEs), fosthom il-mikrointrapriżi. Il-Kummissjoni hija mħassba dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq l-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi u għandha politika biex tnaqqas il-piż ta' dawn in-negozji; madankollu, huma mistennija li jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. L-IAS jista' jkollhom impatti negattivi serji fuq l-SMEs f'setturi bħall-forestrija, l-agrikoltura, it-turiżmu u l-attivitajiet rikreattivi. Għalhekk, dawn is-setturi jibbenefikaw mill-introduzzjoni ta' miżuri koordinati biex jiġu indirizzati l-IAS. Mill-banda l-oħra, SMEs oħra, bħal kummerċjanti tal-annimali tad-dar u s-settur tal-ortikultura, jibbenefikaw mill-kummerċ tal-ispeċijiet aljeni u jistgħu jintlaqtu mil-leġiżlazzjoni li tindirizza l-IAS, li tista' timponi xi restrizzjonijiet fuq l-użu ta' speċijiet aljeni, għalkemm huwa magħruf b'mod ġenerali li għall-biċċa l-kbira tal-iskopijiet hemm għażla ta' speċijiet sostituti.

Fl-analiżi nstabu l-impatti ewlenin li ġejjin:

Għażla 0 - Filwaqt li l-ispiża tal-azzjoni diġà tammonta għal EUR 1.4 biljun fis-sena, il-ġestjoni tal-istatus quo ma tevitax iż-żieda fil-ħsara ekonomika, soċjali u ambjentali kkawżata mill-IAS u għalhekk mhijiex effettiva biex jintlaħqu l-għanijiet ta' din il-proposta.

Għażla 1 - Din l-għażla tinvolvi biss żieda minima fl-ispiża tal-azzjoni meta mqabbla mal-għażla 0, iżda din ukoll mhijiex effettiva fil-prevenzjoni taż-żieda fil-ħsara.

Għażla 2.1 - Din l-għażla mhix mistennija li żżid b'wisq l-ispejjeż tal-azzjoni (żieda ta' EUR 26-40 miljun fis-sena) meta mqabbla mal-għażla 0 u barra minn hekk tista' twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż matul is-snin (EUR 1 biljun fis-sena). Il-miżuri proposti fl-għażla 2.1 jinvolvu r-riorganizzazzjoni tan-nefqa kurrenti - b'aktar enfasi fuq il-prevenzjoni aktar milli fuq ir-reazzjoni (skont ir-reġimi tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali) - u għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, permezz ta' prijoritizzazzjoni koerenti. Iż-żieda fl-ispejjeż tinżamm minima kemm jista' jkun billi jsir użu massimu tad-dispożizzjonijiet eżistenti. L-għażla 2.1 tista' tolqot b'mod negattiv il-kummerċ internazzjonali (iżda f'każ li jkunu pprojbiti l-IAS ta' valur għoli nnegozjati b'mod ġenerali biss) u l-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi li jikkultivaw l-IAS jew jinnegozjaw l-annimali tad-dar jew l-ispeċijiet ornamentali (iżda dan jiġri biss jekk ma jinstabux alternattivi xierqa). Madankollu, jitqiesu l-impatti ekonomiċi negattivi potenzjali meta jitqiesu l-ispeċijiet għal-lista. Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi, u l-operaturi ekonomiċi l-oħra, inklużi bosta intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi, bħall-bdiewa u dawk li jaħdmu fil-forestrija, ikunu l-benefiċjarji ewlenin meta tiġi evitata ż-żieda fil-ħsara. L-operaturi ekonomiċi kollha jibbenefikaw ukoll minn ċertezza legali mtejba u approċċ aktar koordinat. Fl-aħħar nett, l-istrument leġiżlattiv bażiku jġib miegħu benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi sostanzjali li jkunu akbar mill-ispejjeż. Fil-fatt, il-pakkett jista' jevita t-telf ta' impjiegi (eż. wara kollass taż-żoni tas-sajd), ikun ta' benefiċċju għas-saħħa pubblika kif ukoll għall-proprjetajiet u għall-faċilitajiet rikreattivi. L-impatti ambjentali jkunu pożittivi wkoll minħabba li tkun ġiet evitata l-ħsara lill-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema. Huwa stmat li, għaż-żmien fit-tul, kull IAS li titwaqqaf twassal għal tnaqqis ta' EUR 130 miljun fis-sena mill-ispiża tal-kontroll/ħsara. Din hija stima approssimattiva, iżda turi l-benefiċċji potenzjali b'mod sempliċi. Barra minn hekk, anki jekk l-IAS ġodda li jkunu qed jistabbilixxu lilhom infushom ma jkunux jistgħu jitwaqqfu, dawn xorta jitniżżlu f'lista u jiġu ġestiti b'mod koerenti, b'hekk jiġu evitati aktar spejjeż għall-ħsara.

Għażla 2.2 - Din l-għażla hija maħsuba għal approċċ aktar preventiv bla ma toħloq piż żejjed. Iżżid xi spejjeż amministrattivi għal dawk l-Istati Membri li għad m'għandhomx sistema ta' permess u għal dawk l-operaturi ekonomiċi li għandhom interess fir-rilaxx ta' speċijiet aljeni li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri. Madankollu, din is-sistema tevita l-introduzzjoni tal-IAS fl-ambjent, li għalkemm mhumiex imniżżla bħala IAS li huma sors ta' tħassib għall-UE, jistgħu jikkawżaw ħsara ekonomika, soċjali u ambjentali konsiderevoli.

Għażla 2.3 - Din l-għażla ssegwi l-aktar approċċ ta' prekawzjoni mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali. Minkejja dan, tirrappreżenta bidla konsiderevoli meta mqabbla mal-approċċ kurrenti u tikkawża piż amministrattiv sostanzjali fuq is-setturi ekonomiċi li jiddependu mill-introduzzjoni tal-ispeċijiet aljeni fl-ambjent (eż. is-setturi tal-ortikultura u tal-forestrija).

Għażla 2.4 – Din l-għażla tiżgura li l-invażjonijiet ġodda jiġu indirizzati bir-reqqa immedjatament. Kull invażjoni li tinqered rapidament tevita, għaż-żmien fit-tul, impatti akonomiċi soċjali u ambjentali. Dan jinvolvi aktar investiment importanti fil-qerda, prinċipalment mill-Istati Membri, iżda ffrankar sostanzjali għaż-żmien fit-tul, għas-soċjetà kollha.

Fl-aħħar nett, għandu jitqies li l-Istati Membri se jiġu affettwati b'modi differenti skont l-istrutturi tan-negozji tagħhom, minbarra l-ġeografija u l-kundizzjonijiet klimatiċi tagħhom. Pereżempju, f'xi Stati Membri s-settur tal-forestrija huwa aktar b'saħħtu minn oħrajn (eż: il-pajjiżi Nordiċi, il-Ġermanja), filwaqt li f'oħrajn is-settur tal-ortikultura huwa ta' suċċess (eż: il-Pajjiżi l-Baxxi). Madankollu, ma kienx possibbli li jiġi indentifikat żbilanċ partikolarment qawwi bejn l-Istati Membri.

6.           Tqabbil tal-għażliet

Abbażi tal-analiżi tal-impatti, kien possibbli li tintlaħaq il-konklużjoni li jmiss:

Filwaqt li l-għażla 0 u l-għażla 1 jinkludu diversi partijiet mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew dik tal-UE, dawn ma jindirizzawx il-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet u l-mogħdijiet. Huwa stmat li diġà jikkawżaw EUR 1.4 biljun fis-sena ta' spiża għall-azzjoni, prinċipalment għall-Istati Membri, iżda nstab li mhumiex effettivi biex jilħqu l-għan ta' dan l-eżerizzju u għandhom nuqqas ta' koerenza mal-għanijiet komprensivi tal-UE.

L-għażla 2.1 tista' tnaqqas b'mod sinifikanti l-impatti negattivi tal-IAS u tkun effettiva biex jintlaħqu l-għanijiet. Tikkawża spejjeż żejda tal-azzjoni ta' EUR 26 sa 40 miljun fis-sena biss. Barra minn hekk, maż-żmien, l-ispiża tal-azzjoni tista' tonqos għal EUR 1 biljun fis-sena. Din l-għażla tolqot b'mod pożittiv l-effiċjenza tan-nefqa tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u tkun koerenti mal-għanijiet komprensivi tal-UE.

L-għażla 2.2 tkun aktar effiċjenti, effettiva u koerenti mill-għażla 2.1 bi spejjeż żejda moderati, billi ħafna drabi l-Istati Membri jibnu fuq sistemi eżistenti.

L-għażla 2.3 tkun aktar effettiva u koerenti mill-għażla 2.2 iżda fl-istess ħin timponi piż sinifikanti fuq ċerti operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari dawk involuti fil-produzzjoni primarja, u b'hekk taffettwa l-effiċjenza tagħha.

L-għażla 2.4 tkun aktar effiċjenti, effettiva u koerenti mill-għażla 2.2, bi spejjeż żejda moderati.

Fil-qosor, l-għażla 2.3 mistennija tiġġenera l-aqwa riżultat f'dik li hija effettività u koerenza. Madankollu, il-kompromess tagħha lejn il-qasam ekonomiku huwa meqjus bħala sostanzjali wisq u għalhekk il-proporzjon tal-kostijiet/benefiċċji tagħha huwa inqas favorevoli minn dak tal-għażla 2.2. Min-naħa l-oħra, ġie stmat li l-benefiċċji żejda tal-għażla 2.4 huma sostanzjali u huma akbar mill-ispejjeż żejda meta mqabbla mal-għażliet 2.2 u 2.1. Apparti dan, l-għażla 2.4 tibni b'mod effiċjenti ħafna fuq id-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Istati Membri. Għaldaqstant, l-għażla 2.4 intgħażlet bħala l-għażla ppreferuta, billi toffri l-ogħla benefiċċji f'relazzjoni mal-ispejjeż, għalkemm mhijiex l-għażla li toffri l-ogħla benefiċċji għall-bijodiversità.

Bl-għażla 2.4, huwa mistenni li 1) l-ispiża tal-azzjoni annwali tibqa' stabbli jew saħansitra tonqos matul iż-żmien, 2) il-kobor tal-benefiċċji (jiġifieri li jiġu evitati spejjez tal-ġestjoni u ħsara) jkompli jiżdied matul is-snin, billi tiġi evitata żieda fl-għadd ta' invażjonijiet, 3) l-ispejjeż totali tal-problema ma jiżdidux daqskemm kienu jiżdiedu mingħajr azzjoni tal-UE.

7.           Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultat tal-istrument propost se jiġu indirizzati permezz tal-obbligi tar-rappurtar u tan-notifika integrati fit-test legali. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni u l-korpi l-oħra se jkunu jistgħu jirrappurtaw dwar l-indikaturi u jsegwu l-progress lejn l-għanijiet.

L-obbligi tar-rappurtar jibnu fuq mekkaniżmi tar-rappurtar eżistenti bħalma huma dawk imwettqa skont id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina kif ukoll ir-reġimi tas-Saħħa tal-Annimali u l-Pjanti u l-Akkwakultura. Dawn l-obbligi jkunu limitati strettament għall-minimu meħtieġ biex ikunu żgurati l-infurzar tat-test legali u l-impenji internazzjonali l-oħra, sabiex ikun evitat piż amministrattiv bla bżonn.

It-test legali jinkludi klawżola ta' analiżi li tippermetti l-aġġornament tal-approċċ skont il-progress tekniku u xjentifiku u tippermetti aktar żvilupp gradwali fid-dawl tal-kwistjonijiet li jinqalgħu waqt l-implimentazzjoni.