52013SC0014

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-iskema volontarja tal-ekodisinn għat-tagħmir tal-immaġni /* SWD/2013/014 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-iskema volontarja tal-ekodisinn għat-tagħmir tal-immaġni

Dan id-dokument ta' ħidma hu maħsub biex jintuża mill-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u hu għall-finijiet ta' informazzjoni biss. Dan ma jirrappreżentax il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni, u lanqas ma jantiċipaha.

Id-DĠ ewlieni: ENER

Id-DĠ assoċjat: ENTR

Servizzi oħra involuti: SG, LS, CLIMA, CNECT, COMP, ECFIN, EMPL, ENV, JRC, JUST, MARKT, SANCO, TAXUD, TRADE, RTD

Sommarju eżekuttiv

It-tagħmir tal-immaġni jiġbor fih prodotti relatati mal-enerġija koperti bid-Direttiva tal-Ekodisinn 2009/125/KE.

Id-Direttiva tal-Ekodisinn tistabbilixxi qafas biex jiġu stipulati rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija. Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti joħolqu strument importanti biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi taħt "Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza — Inizjattiva ewlenija"[1], id-dokument ta' strateġija "Ewropa 2020"[2] u l-"Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2011"[3] tal-Kummissjoni.

Dan id-dokument u r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt iqisu jekk ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tagħmir tal-immaġni għandhomx jiġu adottati skont id-Direttiva tal-Ekodisinn biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-tagħmir tal-immaġni, b'mod partikolari l-konsum tal-enerġija tiegħu.

1.           Definizzjoni tal-problema

Meta mqabbel mas-sitwazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-prodotti oħra kkunsidarti għall-miżuri, ma hemm l-ebda problema kbira dwar l-ekodisinn għat-tagħmir tal-immaġni, peress li t-titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar fil-karta permezz ta' stampar fuq iż-żewġ naħat qed javvanzaw malajr, ilkoll xprunati minn strumenti politiċi volontarji.

Mhuwiex qed ikun sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tekniku kollu tal-iffrankar, u dan primarjament minħabba d-dinamika tas-settur, li kiseb rati ta' titjib fl-effiċjenza ogħla minn 6% kull sena u ffranka l-elettriku sa 87% matul l-aħħar 15-il sena.

Huwa ta' tħassib li x-xejra pożittiva attwali fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika mhux garantit li tibqa' u li l-leġiżlazzjoni orizzontali attwali tkopri biss aspetti ambjentali magħżula.

2.           Għanijiet

L-istudju preparatorju[4] u r-riċerka tal-2012[5] sabu li hemm potenzjal kosteffikaċi biex jonqos il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir tal-immaġni, inkluż il-konsum tal-karta, u li bħalissa l-potenzjal sħiħ mhux qed ikun sfruttat.

Għalhekk, l-għan huwa li tinħoloq miżura tal-ekodisinn li tkun tinkludi l-awtoregolamentazzjoni, li tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet politiċi attwali, jiġifieri li jkunu ffrankati 20% tal-enerġija u li jonqsu b'20% l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-1990 sal-2020, kif ukoll il-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi materjali (mhux tal-enerġija) billi pereżempju jonqos l-użu tal-materjal (eż: il-karta), isir riċiklaġġ (eż: ta' partijiet akbar tal-plastik, l-elettronika u metalli) u jsir użu mill-ġdid (eż: it-toner cartridges).

Ir-riċerka tal-2012 uriet li għalkemm diġà ġie ffrankat ammont konsiderevoli, il-livelli tal-miri għall-2020 xorta jistgħu jkunu ambizzjużi u jistgħu jimmiraw li jiffrankaw 60% tal-enerġija u li jilħqu r-rata ta' 90% fi stampar fuq iż-żewġ naħat fejn jidħol it-tagħmir tipiku tal-uffiċċju mill-2012 sal-2020.

F'konformità mal-premessi 18 u 19 u mal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva tal-Ekodisinn, l-awtoregolamentazzjoni għandha tiġi esplorata bħala l-għażla preferuta.

3.           Kriterji għall-miżuri tal-ekodisinn

L-approċċ biex isiru l-miżura proposta u l-valutazzjoni tal-impatt tagħha kien strutturat f'erba' passi.

L-ewwel pass: Bażi legali konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Ekodisinn

F'konformità mal-Artikolu 15(4a) u mal-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Ekodisinn, il-Kummissjoni għamlet studju preparatorju tekniku, ambjentali u ekonomiku sabiex tivvaluta l-kriterji għall-miżuri ta' implimentazzjoni tal-ekodisinn għat-tagħmir tal-immaġni[6].

L-istudju wera li dawn il-kriterji ntlaħqu, billi (1) it-tagħmir tal-immaġni jitqiegħed fis-suq tal-UE fi kwantitajiet kbar, (2) l-impatt ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-konsum tal-elettriku tat-tagħmir tal-immaġni huwa sinifikanti, (3) hemm differenzi konsiderevoli fl-impatti ambjentali tat-tagħmir tal-immaġni li bħalissa hemm fis-suq. Jeżistu soluzzjonijiet tekniċi kosteffikaċi li jistgħu jwasslu għal titjib sinifikanti.

Tabella 1: Il-kriterji tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva tal-Ekodisinn kif applikati għat-tagħmir tal-immaġni

Art. 15(2a) || Il-volum tal-bejgħ annwali fl-UE (unitajiet) || 2010       31 miljun 2020       37 miljun 2030       41 miljun

Art. 15(2b) || L-impatt ambjentali: il-konsum dirett tal-elettriku tat-tagħmir tal-immaġni, f'elettriku TWh u Mt CO2 ekwivalenti fis-sena [1] || dirett (elettriku) 2010       8.7 TWh (3.6 Mt CO2) 2020       9.1 TWh (3.5 Mt CO2) 2030       10.4 TWh (3.6 Mt CO2)

L-impatt ambjentali: l-enerġija indiretta għall-produzzjoni tal-karta kkunsmata, f'elettriku TWh ekwivalenti u Mt CO2 ekwivalenti fis-sena [2] || indirett (karta) 2010       38.8 TWh (5.8 Mt CO2) 2020       42.8 TWh (6.4 Mt CO2) 2030       47.0 TWh (7.0 Mt CO2)

Art. 15(2c) || il-potenzjal tat-titjib versus li kollox jibqa' bħas-soltu (BAU: business as usual) fl-istess sena (bl-applikazzjoni tat-teknoloġija kosteffikaċi attwali, Subgħażla volontarja), espressi f'unitajiet bħal ta' hawn fuq. || enerġija diretta (titjib fl-effiċjenza) 2020     7.9 TWh (4.1 Mt CO2) 2030     9.1 TWh (4.3 Mt CO2) enerġija indiretta (użu tal-karta miż-żewġ naħat u stampar-N) 2020     7.1 TWh (1.1 Mt CO2) 2030     7.8 TWh (1.1 Mt CO2)

[1] Il-bidla minn elettriku TWh għal Mt CO2 ekwivalenti tqis it-titjib fl-emissjonijiet tas-CO2 tal-impjanti tal-enerġija bejn l-2010 u l-2030 (sors: MEErP 2011).

[2] Tnaqqis fil-produzzjoni tal-karta tal-uffiċċji: enerġija primarja 40 MJ/kg ta' karta, il-bidla għal elettriku ekwivalenti li juża fattur tal-enerġija primarja 2.5 (40 MJ primarja = 16 MJ ta' elettriku = 4.44 kWh ta' elettriku), l-emissjonijiet tal-gassijiet serra 0.6 kg/kg ta' karta (sors: MEErP 2011). Il-konsum tal-karta ġie kkalkulat skont iċ-ċikli tat-tħaddim tal-ENERGY STAR.

Il-kriterji jintlaħqu bis-sħiħ mit-tagħmir tal-immaġni monokromatika jew tal-kulur li juża teknoloġija tal-istampar bil-ġettijiet tal-linka (IJ: inkjet), elettrofotografika (EP/"lejżer") u bil-linka solida (SI: solid-ink, inkluża fil-kategorija tal-EP). It-tagħmir tal-EP jinkludi fotokopjaturi, printers, apparat multifunzjonali (MFDs) u magni tal-faks, u t-tagħmir tal-IJ jinqasam f'apparat b'funzjoni waħda u f'apparat multifunzjonali.

It-teknoloġija tal-istampar tradizzjonali bħat-trasferiment termali (TT: thermal transfer), it-termali dirett (DT: direct thermal) u s-sublimazzjoni taż-żebgħa (DT: dye sublimation) hija eskluża peress li din tinbiegħ fi kwantitajiet żgħar u ħafna drabi tintuża f'applikazzjonijiet speċjali bħall-istampar ta' irċevuti, tikketti u tessuti. Għall-istess raġunijiet, huma esklużi wkoll il-printers il-kbar li pereżempju jintużaw għad-disinji tekniċi. Fl-aħħar nett, il-printers veloċi li pereżempju jintużaw fl-istamperiji professjonali huma esklużi wkoll minħabba li jekk titqies l-ispiża, f'dan is-segment tas-suq ix-xerrejja jagħżlu li jixtru biss l-aktar mudelli effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

It-tieni pass: L-inizjattivi eżistenti u l-kapaċità tal-forzi tas-suq li jindirizzaw il-kwistjoni

L-Artikoli 15(2) u 15(4c) tad-Direttiva tal-Ekodisinn jesiġu li trid titqies il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u nazzjonali rilevanti. It-tagħmir tal-immaġni ma kien soġġett għall-ebda miżura obbligatorja speċifika għall-prodott, iżda ċerti aspetti ġew indirizzati minn leġiżlazzjoni orizzontali dwar l-użu tal-elettriku f'modalità standby u f'modalità mitfija[7], il-kimiċi[8], u l-iskart[9]. L-użu tal-enerġija tat-tagħmir tal-immaġni fis-settur mhux residenzjali huwa parti mill-kontabbiltà tal-enerġija taħt id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[10] u dik li se tkun id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika[11]. Din hija indirettament inkluża wkoll fil-kontabbiltà tal-karbonju taħt l-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet.

L-effiċjenza tal-enerġija u l-impatti ambjentali ewlenin tat-tagħmir tal-immaġni huma indirizzati prinċipalment mill-programm volontarju ENERGY STAR tal-UE, wara l-Ftehimiet li saru bejn l-UE u l-Istati Uniti mill-2001. Għall-2012 huwa ppjanat aktar appoġġ permezz tal-kriterju tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) u permezz tal-Ekotikketta tal-UE, li ħafna drabi jużaw ir-rekwiżiti u l-formati tal-ENERGY STAR.

Mill-2008 'l hawn, l-akkwist pubbliku tat-tagħmir mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-ġvernijiet ċentrali tal-Istati Membri, kien obbligat iħares il-kriterji tal-ENERGY STAR, li huma aġġornati kull tliet snin jew erbgħa[12]. Ir-rispons tal-industrija tat-tagħmir tal-immaġni għall-miżuri kien pożittiv, b'rata għolja ta' parteċipazzjoni (kopertura tas-suq >90%), b'sehem kbir ta' prodotti konformi (>90% tal-mudelli huma skont ir-rekwiżiti attwali) u b'awtodikjarazzjoni f'livell ta' affidabbiltà sodisfaċenti[13].

Skont l-istudju preparatorju, fejn hemm nuqqasijiet regolatorji u/jew tas-suq għat-tagħmir tal-immaġni, dawn aktar għandhom x'jaqsmu mal-apparat b'volum baxx fis-suq tal-konsumatur milli mas-suq tal-uffiċini professjonali. Dawn jistgħu jinqalgħu minħabba li l-prezzijiet attwali tal-elettriku ma jirriflettux l-ispejjeż ambjentali li ġġarrab is-soċjetà u għalhekk ma jitqisux biżżejjed waqt id-deċiżjoni tax-xiri (esternalità negattiva). Barra minn hekk, ħafna mill-konsumaturi jagħżlu t-tagħmir tagħhom skont il-prezz tal-bejgħ u skont fatturi oħrajn fosthom id-disponibbiltà, is-servizz u l-ismijiet kummerċjali "fdati", aktar milli skont l-ispejjeż tal-enerġija, u dan minħabba nuqqas ta' tagħrif xieraq (tagħrif asimetriku). F'dan il-kuntest, huwa rilevanti li l-logo tal-ENERGY STAR ikun magħruf sew fis-settur tal-uffiċini iżda ferm inqas fost il-konsumaturi privati. Fl-aħħar nett, il-każijiet ta' falliment tas-suq jiġru meta l-ispejjeż tal-investiment u l-ispejjeż operattivi jġarrbuhom partijiet differenti, eż: dipartiment tax-xiri f'kumpanija jaf ikollu perspettiva finanzjarja differenti mill-unità tan-negozju li fil-fatt qed tuża t-tagħmir u qed tħallas l-ispejjeż operattivi tiegħu (inċentivi maqsuma).

It-tielet pass: L-għanijiet politiċi u l-livelli ta' ambizzjoni

L-għan ġenerali hu li jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u esternalitajiet billi jittieħdu l-miżuri xierqa tal-ekodisinn. L-għażliet li tqiesu fl-analiżi dettaljata tal-impatt kienu ta': l-ebda azzjoni mill-UE (kollox bħas-soltu, BAU), l-awtoregolamentazzjoni (l-għażla "Volontarja"), u r-rekwiżiti tal-ekodisinn (l-għażla tal-"Ekodisinn"). L-industrija ppreferiet ftehim volontarju ("awtoregolamentazzjoni") milli miżura regolatorja.

L-Anness II tad-Direttiva tal-Ekodisinn jipprovdi li r-rekwiżiti tal-konsum tal-enerġija għandhom normalment jiġu stabbiliti f'livell sabiex jonqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja (sakemm ma jkunx hemm fatturi oħra li lil din il-ħaġa jagħmluha stretta wisq).

Il-punt tal-bidu tal-analiżi kien l-istudju preparatorju, u dan ħejja bażi għax-xenarju jekk kollox jibqa' kif inhu (BAU, kollox bħas-soltu). Id-dejta dwar il-bejgħ li hemm fl-istudju preparatorju se tintuża fil-mudell tal-ħażniet sabiex jiġu kkalkulati l-ħażniet, il-konsum tal-elettriku u l-konsum tal-karta għall-għażliet kollha.

Saret analiżi addizzjonali tal-mudelli rreġistrati fil-bażi tad-dejta tal-ENERGY STAR tal-UE li tinsab fuq www.eu.energystar.org. Din ikkalkulat il-konsum tal-elettriku u l-karatteristiċi tal-istampar fuq iż-żewġ naħat għall-mudelli kollha tat-tagħmir tal-immaġni li tqiegħdu fis-suq tal-UE u li kienu rreġistrati fil-bażi tad-dejta tal-ENERGY STAR tal-UE fl-2012 iżda anke fis-snin ta' referenza ta' qabel sal-2009. Din l-evalwazzjoni wriet mhux biss in-numru ta' mudelli li huma konformi mal-verżjonijiet 1.0, 1.1 (li fuqa jissejjes il-Ftehim Volontarju (FV) attwali) u l-abbozz tal-verżjoni 2.0 (li tidħol fis-seħħ fl-2013 u fuq se jissejjes il-FV li jmiss) tar-rekwiżiti tal-ENERGY STAR, iżda żvelat ukoll kif marru dawn il-mudelli fir-rigward ENERGY STAR rekwiżiti minimi. Ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni jidhru fl-għażla Volontarja. B'din l-għażla ġie preżunt li ftehim volontarju jżomm ir-ritmu ta' titjib f'livelli ogħla minn dawk mitluba mir-rekwiżiti tal-ENERGY STAR (bħal fis-snin ta' qabel).

L-għażla tal-Ekodisinn tistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji minimi tal-effiċjenza għat-tagħmir tal-immaġni li jitqiegħed fis-suq. Meta mqabbel ma' ftehim volontarju effettiv b'mira ta' konformità ta' 90%, Regolament li jesiġi konformità sħiħa b'definizzjoni għandu l-iżvantaġġ li jkun nieqes mill-flessibbiltà u allura normalment l-ambizzjoni tkun konsiderevolment aktar baxxa. Għall-ewwel dan jista' jidher kontradittorju, iżda essenzjalment, skont l-Artikolu 15(5) tad-Direttiva tal-Ekodisinn ("l-ebda impatt negattiv" fuq il-funzjonalità u fuq il-kompetittività tal-industrija), prinċipalment il-livell ta' ambizzjoni għar-rekwiżiti skont Regolament ikun determinat mill-aktar 10% dgħajfa tas-suq, li jkunu jikkonsistu minn prodotti speċjali jew prodotti li għamluhom kumpaniji finanzjarjament dgħajfa. B'kuntrast, il-livell ta' ambizzjoni ta' ftehim volontarju jista' jiffoka fuq id-90% ta' prodotti "normali", li jkunu għamluhom manifatturi innovattivi u sodi finanzjarjament.

L-għażla tal-Ekodisinn tqis dan kollu: l-ewwel saff ġie stabbilit għall-2014 bil-preżunzjoni ta' mira tal-effiċjenza ta' 40% taħt il-livell tal-BAU u t-tieni saff ġie stabbilit għall-2016 bil-preżunzjoni ta' mira ta' 60% taħt il-BAU. Għall-istampar fuq iż-żewġ naħat ġie preżunt — b'mod ottimist — li, wara li tinħoloq lista ta' eżenzjonijiet, ir-rekwiżiti jkunu jistgħu jiġu stabbiliti fl-istess livell tal-Għażla volontarja, jiġifieri għall-printers tipiċi tal-uffiċini għandhom japplikaw ir-rati ta' stampar fuq iż-żewġ naħat ta' 75% għall-2014 u ta' 85% għall-2016.

Ir-raba' pass: Valutazzjoni tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali

L-analiżi tas-subgħażliet ikkalkulat l-iffrankar li jidher fit-Tabella 2. It-tabella u l-figura ta' hawn taħt juru l-konsum dirett tal-elettriku tat-tagħmir tal-immaġni, il-konsum indirett tal-elettriku (ikkalkulat bħala ekwivalenti tal-elettriku) li hemm bżonn biex isiru l-karti, u l-konsum totali tal-enerġija (dirett + indirett) taħt il-BAU u l-iffrankar taż-żewġ għażliet l-oħra meta mqabblin mal-BAU.

Tabella 2: Sommarju dwar l-iffrankar mit-tagħmir tal-immaġni fl-UE-27 skont għażliet differenti meta mqabblin mal-linja bażi tal-BAU għall-2020 u l-2030 (l-iffrankar monetarju hu espress f'ewro kostanti tal-2010)

L-iffrankar totali (enerġija diretta u indiretta tal-karta u mhux għat-toner) fl-2020

versus il-linja bażi tal-BAU || BAU (livelli) || Volontarja || tal-Ekodisinn

|| 2020 || 2030 || 2020 || 2030 || 2020 || 2030

Il-konsum tal-enerġija (TWh) || || || || || ||

Dirett || 9.13 || 10.40 || 7.92 || 9.07 || 5.56 || 6.31

Indirett || 42.75 || 49.99 || 7.12 || 7.83 || 6.54 || 7.83

Totali || 51.88 || 57.39 || 15.04 || 16.91 || 12.10 || 14.15

|| || || || || ||

L-emissjonijiet (Mt) tas-CO2 || || || || || ||

Dirett || 3.47 || 3.54 || 2.99 || 3.09 || 2.10 || 2.15

Indirett || 6.41 || 7.05 || 1.07 || 1.17 || 0.98 || 1.17

Totali || 9.88 || 10.59 || 4.06 || 4.26 || 3.08 || 3.32

|| || || || || ||

L-iffrankar fl-ispejjeż ħlief it-toner (f'biljun ewro) [14] || || || || || ||

Dirett || 2.43 || 4.10 || 2.11 || 3.58 || 1.48 || 2.49

Indirett || 42.75 || 46.99 || 7.12 || 7.83 || 6.54 || 7.83

Totali || 45.18 || 51.09 || 9.24 || 11.41 || 8.02 || 10.32

Il-Figura 1 turi li l-konsum tal-elettriku se jiżdied jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri. Iż-żewġ għażliet, l-għażla Volontarja u l-għażla tal-Ekodisinn se jnaqqsu sostanzjalment iż-żieda fil-konsum tal-elettriku.

Figura 1: It-total tal-konsum tal-enerġija tal-UE-27 f'TWh fis-sena

4.           Konklużjonijiet

L-għażla Volontarja hija l-għażla preferuta. Din tgħin biex tissolva l-problema tal-kontinwità fix-xejra pożittiva attwali għal effiċjenza enerġetika u biex jiġu ffrankati l-karti (stampar fuq iż-żewġ naħat u stampar-N) u tindirizza kwistjonijiet oħra ta' effiċjenza fl-użu tar-riżorsi bħar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid. F'dan is-settur dinamiku tal-prodotti, din l-għażla tiffranka konsiderevolment aktar mill-għażla tar-rekwiżiti obbligatorji tal-ekodisinn, toffri flessibbiltà, tippermetti aġġornament aktar mgħaġġel tal-livelli ta' mira, u għandha inqas piż amministrattiv. B'differenza mill-miżuri obbligatorji, din l-għażla ma toħloq l-ebda riskju ta' impatt negattiv fuq l-effikaċja tal-miżuri politiċi attwali li rnexxew bħall-ENERGY STAR tal-UE.

B'mod speċifiku, l-għażla Volontarja tinvolvi:

· kontribuzzjoni għall-mira "20-20-20" (bejn l-1990 u l-2020) ta' ffrankar dirett fl-elettriku ta' 25 TWh/a billi titjieb l-effiċjenza u l-ekwivalenti ta' ffranfar fl-elettriku ta' madwar 4 TWh/a permezz ta' ffrankar dirett fir-riżors tal-karti, li lkoll f'daqqa jiffrankaw 29 TWh/a (ekwivalenti għal 1.1% tal-konsum totali tal-elettriku tal-UE fl-2007);

· kontribuzzjoni għall-mira "20-20-20" (bejn l-1990 u l-2020) fl-għamla ta' tnaqqis dirett ta' 9.6 Mt CO2 eq/a (elettriku) u 0.6 Mt CO2 eq/a (karti) f'gassijiet serra, li lkoll f'daqqa jnaqqsu 10.2 Mt CO2/a (0.2% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE);

· kontribuzzjoni għal effiċjenza fl-użu tar-riżorsi mhux tal-enerġija ta' aktar minn miljun tunnellata (1 Mt) billi jonqos il-konsum tal-karti tal-uffiċini mill-1990 sal-2020, u kontribuzzjoni għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid;

· li jintlaħqu r-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Ekodisinn 2009/125/KE, b'mod partikolari l-premessi 18 u 19, l-Artikolu 15(6) u l-Anness VIII,

· li r-rekwiżiti jkunu diġà daħlu fis-seħħ u huma ogħla milli fil-każ ta' Regolament,

· li hemm kompatibbiltà u l-kumplimentarjetà mal-istrumenti politiċi eżistenti,

· li ma jkunx hemm piż amministrattiv sinifikanti għall-manifatturi jew il-bejjiegħa,

· żieda insinifikanti, jekk ikun hemm, fil-prezz tax-xiri, li titpatta bil-kbir bl-iffrankar waqt li jkun qed jintuża l-prodott,

· ebda impatt sinifikanti fuq il-kompetittività tal-industrija u fuq l-impjiegi, b'mod partikolari għall-SMEs.

[1]               Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020, KE, 26.1.2011, COM(2011) 21.

[2]               Enerġija 2020, Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b'sigurtà, KE, 10.11.2010, COM(2010) 639 finali.

[3]               Pjan għall-Effiċjenza Enerġetika 2011, KE, 8.3.2011, COM(2011) 109 finali.

[4]               Studju Preparatorju tal-EuP dwar it-Tagħmir tal-Immaġini li sar minn Fraunhofer IZM.

[5]               Riċerka tal-bazi tad-dejta EU-ENERGY STAR li saret minn konsulenti (van Holsteijn en Kemna VHK) fl-2012 ("ir-riċerka tal-2012").

[6]               http://www.ecoimaging.org/

[7]               Ir-Regolament Nru 1275/2008 dwar il-konsum tal-elettriku ta' tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f'modalità standby u f'modalità mitfija.

[8]               Id-Direttiva RoHS 2011/65/KE (tfassil mill-ġdid).

[9]               Id-Direttiva WEEE 2012/19/KE (tfassil mill-ġdid).

[10]             Id-Direttiva EPBD 2010/31/KE (tfassil mill-ġdid).

[11]             L-abbozz tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE [COM(2011) 370, 22.06.2011].

[12]             Ara l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar programm Komunitarju ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju (verżjoni mfassla mill-ġdid), ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1-7.

[13]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2011) 337 finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm ENERGY STAR fl-Unjoni Ewropea matul il-perjodu 2006-2010. Brussell, id-9.6.2011.

[14]             Iffrankar fl-ispejjeż tal-karta huwa kkalkulat billi n-numru ta' paġni ffrankati jiġi mmultipplikat bi EUR 0,02 (il-prezz għal paġna waħda hu kkalkulat ukoll fil-Kapitolu 2). Ir-rati tal-elettriku huma għal kull kWh ta' enerġija primarja. Għall-elettriku, jintużaw ir-rati residenzjali tal-elettriku fl-2010 mingħajr taxxi, jiġifieri EUR 0,18/kWh, bil-preżunzjoni li r-rata tal-prezz tal-elettriku (il-medja fit-tul mill-2011 sal-2030) tiżdied kull sena b'4%.