52013PC0919

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni /* COM/2013/0919 final - 2013/0442 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Kuntest ġenerali, – ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"[1] tat spinta importanti lill-proċess tal-analiżi tal-Politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, b'mod partikolari fejn din identifikat il-ħtieġa ta' miżuri biex jittrattaw il-problema tat-tniġġis tal-arja fis-sors tagħha.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew "Programm ta' Arja Nadifa għall-Ewropa"[2] tħeġġeġ l-azzjoni biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja minn impjanti tal-kombustjoni b'kapaċità termika kklassifikata bejn il-1 u l-50 MW (minn hawn 'il quddiem impjanti medji tal-kombustjoni), u b'hekk tikkompleta l-qafas regolatorju għas-settur tal-kombustjoni bil-għan li jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-politiki dwar it-tniġġis tal-arja u dwar it-tibdil fil-klima.

L-impjanti tal-kombustjoni medji jintużaw għal għadd kbir ta' applikazzjonijiet diversi (fosthom il-ġenerazzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ domestiku/reżidenzjali u l-forniment tas-sħana/tal-fwar għall-proċessi industrijali, eċċ.) u huma sors importanti ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tal-materja partikolata. L-għadd approssimattiv ta' impjanti tal-kombustjoni medji fl-UE huwa ta' 142 986.

Il-kombustjoni tal-fjuwils f'impjanti u apparati żgħar ġodda tal-kombustjoni jista' jiġi kopert mid-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija[3]. Mis-7 ta' Jannar 2013 ġiet irregolata l-kombustjoni tal-fjuwils f'impjanti kbar tal-kombustjoni bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)[4] , u bid-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni[5] se tibqa' tapplika għall-impjanti kbar tal-kombustjoni eżistenti sal-31 ta' Diċembru 2015.

L-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji ġeneralment mhumiex irregolati fil-livell tal-UE, u għaldaqstant jixraq li l-leġiżlazzjoni eżistenti marbuta mal-impjanti tal-kombustjoni tiġi ssupplimentata b'dispożizzjonijiet dwar din il-kategorija.

Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Il-proposta attwali tifforma parti mill-qafas il-ġdid ta' azzjoni fil-qasam tal-kwalità tal-arja fl-UE, kif stabbilit fl-Istrateġija Tematika tal-UE dwar it-Tniġġis tal-Arja, u hija konsistenti mal-għanijiet tal-Ewropa 2020 dwar tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli, u tirrinforzahom[6]. Qed tingħata l-attenzjoni biex jitħarsu l-interessi tal-SMEs, konformi mal-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir".[7]

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Ġew ikkonsultati l-partijiet interessati u l-pubbliku permezz ta' sensiela ta' avvenimenti formali u informali li fosthom kien hemm żewġ kwistjonarji onlajn, stħarriġ tal-Ewrobarometru, u djalogu kontinwu permezz ta' laqgħat multilaterali u bilaterali. Saru wkoll konsultazzjonijiet mal-Istati Membri permezz tal-laqgħat tal-Grupp Espert dwar il-Kwalità tal-Arja. Għadd sinifikanti ta' partijiet interessati enfasizzaw l-importanza tal-kontrolli tas-sorsi tal-UE fil-qsim tad-dmir ta' tnaqqis tat-tniġġis, u esprimew opinjoni favorevoli għall-kontroll tal-emissjonijiet minn impjanti tal-kombustjoni medji, filwaqt li għamlu l-osservazzjonijiet dwar il-ħtieġa li jkun hemm limitu fuq il-piż amministrattiv, li jista' jsir sproporzjonat kemm għall-operaturi, kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti, fil-kaz ta' qafas ta' approvazzjoni "sħiħ". Il-fehmiet tal-partijiet interessati tqiesu fit-tfassil tal-pjanijiet possibbli għall-kontroll tal-emissjonijiet minn impjanti tal-kombustjoni medji.

Fl-aħħar tal-2011 saret konsultazzjoni pubblika onlajn bi skop li tiġbor l-ideat , biex twessa' l-bażi ta' informazzjoni għall-ewwel żvilupp tal-possibbiltatjiet politiċi. Mill-10 ta' Diċembru 2012 saret konsultazzjoni bl-internet tul 12-il ġimgħa fil-paġna tal-Kummissjoni Ewropea "Your voice in Europe". Il-konsultazzjoni użat żewġ kwestjonarji, wieħed qasir għall-pubbliku ġenerali u l-ieħor itwal u b'aktar taqsimiet li inkludew mistoqsijiet dwar il-kontrolli tas-sorsi, għall-esperti u l-partijiet interessati. Mill-pubbliku ġenerali wieġbu total ta' 1934 persuna, filwaqt li kien hemm 371 tweġiba mingħand l-esperti u l-partijiet interessati. Minn fost dawn tal-aħħar, madwar 40% qablu dwar il-ħtieġa li l-impjanti tal-kombustjoni ta' taħt il-limitu ta' 50 MW stabbilit fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jkunu rregolati fil-livell tal-UE, dawn kienu mqassmin hekk: 20% tar-rappreżentanti tan-negozji, 43% tal-esperti individwali, 48% tar-rappreżentanti tal-gvernijiet u 55% tar-rappreżentanti tal-NGOs. Ir-rappreżentanti tan-negozji u tal-gvernijiet għażlu reġim ta' approvazzjoni ħafif, jew reġim ta' reġistrazzjoni, filwaqt li madwar nofs l-esperti individwali u l-NGOs għażlu reġim ta' approvazzjoni "sħiħ" b'valuri limitu tal-emissjonijiet għall-UE kollha.

L-informazzjoni kollha kontestwali hija disponibbli f'websajt[8] apposta għal din l-inzjattiva.

Ir-riżultat tal-istima tal-impatt

Kif ġie ddikjarat fl-Istima tal-Impatti tal-Analiżi tal-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja, filwaqt li l-qafas ġenerali tal-politika dwar il-kwalità tal-arja hija loġika u koerenti, irid ikun żgurat aktar qbil fl-implimentazzjoni prattika, bejn il-kontrolli tas-sorsi, il-limiti tal-emissjonijiet u l-istandards tal-kwalità tal-arja ambjentali, notevolment biex ikun żgurat li l-kisba lokali ta' standards ta' kwalità tal-arja ambjentali ma tkunx kompromessa minn (a) nuqqas li t-tniġġis jiġi limitat minn sorsi li huma punti lokalizzati jew minn prodotti (jiġifieri l-emissjonijiet fattwali), jew (b) konċentrazzjonijiet għoljin fl-isfond li jirriżultaw mill-piż globali tal-emissjonijiet.

Biex isir progress lejn il-mira tul żmien twil tal-UE (wara l-2020) li jitnaqqsu iżjed l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa u fuq l-ambjent, ġew ivvalutati għadd ta' pjanijiet politiċi possibbli bil-għan li jiġi identifikat pakkett ta' miżuri kosteffettiv. Dan kien jinkludi l-kunsiderazzjoni ta' miżuri addizzjonali tal-UE magħżulin għall-kontroll tas-sorsi, waħda minn dawn tindirizza l-emissjonijiet minn impjanti ta' kombustjoni medji. Ir-riżultat tal-valutazzjoni huwa li strument użat madwar l-UE kollha biex jikkontrolla l-emissjonijiet minn impjanti tal-kombustjoni medji jkun jestendi l-miżuri tekniċi identifikati bħala kosteffettivi fl-analiżi multisettorjali għall-Istati Membri kollha, u wassal għall-konklużjoni li jiġi propost strument leġiżlattiv fil-livell tal-UE għall-kontroll tal-emissjonijet minn dawn l-impjanti.

Minn fost il-ħames possibbiltajiet politiċi għall-kontroll tal-emissjonijiet minn impjanti tal-kombustjoni medji li tqiesu u ġew analizzati fid-dettall, l-għażla ppreferuta tkun tistabbilixxi l-valuri limitu tal-emissjonijiet li jikkonformaw ma' dawk stabbiliti fid-Direttiva 2010/75/UE għall-impjanti ta' bejn il-50 u l-100 MW u f'għadd ta' Stati Membri, u kkomplementati b'għadd ta' valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti għall-impjanti ġodda fil-Protokoll ta' Gothenburg emendat[9]. Biex jiġu limitati l-ispejjeż marbutin mat-tnaqqis tal-ossidi tan-nitroġenu, il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom ikunu bbażati primarjament fuq l-applikazzjoni ta' miżuri primarji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Madankollu, f'sitwazzjonijiet fejn il-kwalità tal-arja ma tissodisfax l-istandards tal-UE, l-Istati Membri għandhom japplikaw limiti aktar stretti.

Biex jiġi evitat kull impatt sinifikanti fuq l-SMEs, li jħaddmu l-maġġoranza tal-impjanti medji tal-kombustjoni, qed jiġu applikati għadd ta' miżuri ta' mitigazzjoni: l-operaturi mhux se jkollhom bżonn ta' permess, iżda jridu javżaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar it-tħaddim tal-impjant, imbagħad dawn tal-aħħar jiżguraw li ssir ir-reġistrazzjoni; ġiet irrakkomandata wkoll implimentazzjoni fi stadji, li tati perjodu ta' transizzjoni itwal lill-impjanti eżistenti, biex jikkonformaw mal-limiti, u l-iżgħar kategorija ta' impjanti jkollha l-itwal perjodi ta' transizzjoni; huma previsti obbligi ta' rappurtar u monitoraġġ limitati jew issimplifikati.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Meta tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar l-impjanti tal-kombustjoni medji, il-proposta għandha l-għan li timla vojt li jeżisti fil-leġiżlazzjoni. Hija tintroduċi rekwiżiti minimi, filwaqt li żżomm il-piż amministrattiv fl-inqas livell possibbli u tieħu ħsieb partikolari tal-qgħada tal-SMEs.

Informazzjoni speċifika dwar l-Artikoli u l-Annessi tal-proposta qed tingħata hawn taħt.

L-Artikolu 1 jagħmilha ċara li d-direttiva għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet fl-arja tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u ta' materja partikolata mill-impjanti tal-kombustjoni medji u b'hekk tnaqqas ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent minn dawn l-emissjonijiet.

L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva b'mod li jevita l-irduppjar mad-Direttiva 2009/125/KE jew mal-Kapitoli III jew IV tad-Direttiva 2010/75/UE, u teżenta wkoll xi impjanti tal-kombustjoni abbażi tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom jew tal-użu tagħhom f'attivitajiet partikolari.

L-Artikolu 3 jelenka d-definizzjonijiet applikabbli għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 4 jistipula l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tirreġistra l-impjanti ta' kombustjoni medji, abbażi tan-notifika tal-operatur. L-elementi ta' din in-notifika qegħdin elenkati fl-Anness I.

Fl-Artikolu 5 huma stipulati l-valuri limitu tal-emissjonijiet, bil-valuri korrispondenti applikabbli għall-impjanti eżistenti u ġodda fl-Anness II. Huwa propost li l-valuri limitu tal-emissjonijiet ikunu japplikaw għall-impjanti tal-kombustjoni eżistenti wara perjodu fiss mid-data tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, biex dawn jingħataw biżżejjed żmien biex jaddattaw irwieħom teknikament għar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. L-Artikolu 5(4) jeħtieġ li l-Istati Membri japplikaw valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti għal impjanti individwali f'żoni li ma jikkonformawx mal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja. L-Anness III jistabbilixxi l-valuri referenzjarji għal dan il-għan, li jirriflettu l-prestazzjoni tal-iżjed tekniki avvanzati disponibbli.

Ir-rekwiżiti tal-monitoraġġ huma stabbiliti fl-Artikolu 6 u fl-Anness IV. Huwa propost li dan l-Anness jiġi addattat għall-progress tekniku u xjentifiku permezz ta' atti ddelegati (skont l-Artikoli 14 u 15).

L-Artikoli 7 u 8 tal-proposta jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet li jiżguraw implimentazzjoni u infurzar effettivi ta' din id-Direttiva. B'mod partikolari, iddaħħlet dispożizzjoni li tirrikjedi li l-operaturi jirrappurtaw minnufih nuqqas ta' konformità lill-awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-operatur u l-awtorità kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Direttiva. Barra minn hekk, il-proposta tintroduċi rekwiżiti li l-Istati Membri jipprevedu sistema ta' spezzjonijiet ambjentali tal-impjanti tal-kombustjoni medji koperti minn din id-Direttiva, jew jimplimentaw miżuri oħrajn biex jikkontrollaw il-konformità magħha.

L-Artikolu 9 jistipula l-obbligi tal-operatur u tal-awtorità kompetenti f'każ ta' tibdil f'impjant tal-kombustjoni medju.

L-Artikolu 10 jittratta dwar id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni u għal dan il-għan jirreferi għad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE [10].

L-Artikolu 11 jeħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-obbligi li joriġinaw minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 12 jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rappurtar. Filwaqt li l-ewwel rapport tal-Istati Membri lill-Kummissjoni, li għandu jintbagħat sat-30 ta' Ġunju 2019, għandu jkun fih sommarju tad-dejta ta' importanza ewlenija fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, ir-rapporti ta' wara għandu jkun fihom informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, dwar kull azzjoni li ssir biex tivverifika l-konformità tat-tħaddim tal-impjanti tal-kombustjoni medji ma' din id-Direttiva u kull azzjoni ta' infurzar li ssir għal dan il-għan. L-Artikolu 13 jistabbilixxi d-dmirijiet ta' rappurtar tal-Kummissjoni.

L-Artikolu 14 jistabbilixxi l-proċedura ta' delega applikabbli biex l-Anness IV jiġi addattat għall-progress xjentifiku u tekniku permezz ta' atti ddelegati, kif jitlob l-Artikolu 13.

L-Artikoli 15, 16 u 17 rispettivament jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiġu promulgati skont il-proposta, dwar it-traspożizzjoni fil-liġi tal-Istati Membri tal-proposta sa mhux aktar tard minn xx/xx/xx, u dwar id-dħul fis-seħħ tagħha.

L-Anness I jelenka l-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata mill-operatur lill-awtorità kompetenti.

L-Anness II jistabbilixxi l-valuri limitu tal-emissjonijiet applikabbli għall-impjanti tal-kombustjoni eżistenti u ġodda, skont l-Artikolu 5(2) u 5(3) rispettivament.

L-Anness III jipprevedi valuri referenzjarji għall-applikazzjoni ta' valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti, b'konformità mal-Artikolu 5(4).

L-Anness IV jagħti fid-dettall ir-rekwiżiti applikabbli għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

Il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti ta’ spjegazzjoni huma meħtieġa biex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva għar-raġunijiet li ġejjin.

It-traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva hija essenzjali biex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tagħha (jiġifieri il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent). Billi xi Stati Membri diġà jirregolaw l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja mill-impjanti tal-kombustjoni medji, x'aktarx li t-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva ma tkunx tikkonsisti minn biċċa leġiżlazzjoni waħda, iżda tkun tikkonsisti minn diversi emendi jew proposti ġodda fl-oqsma rilevanti. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' spiss hija deċentralizzata ħafna, billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma responsabbli mill-applikazzjoni tagħha u, f'xi Stati Membri, anki mit-traspożizzjoni tagħha.

Il-fatturi msemmija hawn fuq huma mistennija li jżidu r-riskji ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni ħażina tad-Direttiva, u jikkumplikaw il-kompitu tal-Kummissjoni ta' monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Informazzjoni ċara fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva hija strumentali biex tiżgura l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tagħha.

Ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dokumenti ta’ spjegazzjoni jista' joħloq piż amministrattiv addizzjonali fuq dawk l-Istati Membri li ma jaħdmux fuq din il-bażi fl-ebda każ. Madankollu, huma meħtieġa d-dokumenti ta’ spjegazzjoni biex jippermettu verifika effettiva tat-traspożizzjoni sħiħa u korretta, li hija essenzjali għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u ma hemm ebda miżuri ta’ inqas piż li jippermettu verifika effiċjenti. Barra minn hekk, id-dokumenti ta' spjegazzjoni jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti biex inaqqsu l-piż amministrattiv tal-monitoraġġ tal-konformità mill-Kummissjoni; mingħajrhom ikun hemm bżonn ta' ħafna riżorsi u kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu rintraċċati l-metodi ta' traspożizzjoni fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, il-possibbiltà ta’ piż amministrattiv addizzjonali minħabba l-forniment ta' dokumenti ta' spjegazzjoni huwa proporzjonat mal-mira segwita, jiġifieri li tiġi żgurata t-traspożizzjoni effettiva tal-għanijiet tad-Direttiva u li dawn jintlaħqu bis-sħiħ.

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq jixraq li l-Istati Membri jintalbu jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali .

Bażi legali

Billi l-għan ewlieni tad-Direttiva huwa l-ħarsien tal-ambjent, b'konformità mal-Artikolu 191 tat-TFUE, il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u l-għażla ta’ strument

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma tkunx taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b'mod sħiħ mill-Istati Membri u l-azzjoni tal-Unjoni se tilħaqhom aħjar għar-raġunijiet li ġejjin.

Filwaqt li l-emissjonijiet fl-arja ta' spiss jikkawżaw it-tniġġis transkonfinali, l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja mill-impjanti tal-kombustjoni medji ġeneralment bħalissa mhumiex regolati fil-livell tal-UE. Il-mira ewlenija ta' din il-proposta hija li jiġu stabbiliti l-valuri limitu tal-emissjonijiet biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tal-materja partikolata fl-arja mill-impjanti tal-kombustjoni medji bħala standards minimi ta' ħarsien tal-ambjent u taċ-ċittadini kollha tal-UE.

Għaldaqstant, l-Istati Membri kollha għandhom iwettqu l-miżuri biex jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi; ir-regolazzjoni nazzjonali diversa tista' tkun ta' xkiel għall-attivitajiet ekonomiċi transkonfinali. L-azzjoni fil-livell tal-UE hija meħtieġa u żżid il-valur meta mqabbla ma' azzjonijiet nazzjonali individwali.

Għaldaqstant il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

L-istrument legali magħżul huwa direttiva billi l-proposta tistabbilixxi l-obbligi u l-għanijiet ġenerali, filwaqt li tħalli biżżejjed flessibbiltà lill-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-miżuri għall-konformità u l-implimentazzjoni dettaljata tagħhom. Għaldaqstant il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Il-proposta tikkonċerna kwistjoni rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea u għalhekk għandha tkun applikabbli għaliha.

2013/0442 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[12],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[13],

Billi:

(1)       Id-Deċiżjoni XXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14] (il-Programm ta' Azzjoni) jirrikonoxxi li l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja tnaqqsu b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, iżda li fl-istess ħin il-livelli tat-tniġġis tal-arja għadhom problema f'bosta partijiet tal-Ewropa, u li ċ-ċittadini tal-Unjoni għadhom esposti għas-sustanzi li jniġġsu l-arja, li potenzjalment jistgħu jikkompromettu s-saħħa u l-benessri tagħhom. Skont il-Programm ta' Azzjoni, l-ekosistemi għadhom ibatu minħabba eċċess ta' depożiti ta' nitroġenu u kubrit marbutin mal-emissjonijiet tat-trasport, tal-prattiki agrikoli mhux sostenibbli, u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

(2)       Biex ikun żgurat ambjent tajjeb għal kulħadd, il-Pjan ta' Azzjoni jeħtieġ li l-miżuri lokali jkunu kompelementati b'politika xierqa kemm fil-livell nazzjonali, kif ukoll f'dak tal-Unjoni. B'mod partikolari, jeħtieġ li jissaħħu l-isforzi biex ikun hemm konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja tal-Unjoni u biex jiġu ddefiniti l-miri u l-azzjonijiet strateġiċi lil hinn mill-2020.

(3)       Il-valutazzjonijiet xjentifiċi juru li t-telf medju mit-tul tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni minħabba t-tniġġis tal-arja huwa ta' tmien xhur.

(4)       L-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja li joħorġu mill-kombustjoni tal-fjuwils fl-impjanti tal-kombustjoni medji, b'mod ġenerali mhumiex irregolati fil-livell tal-Unjoni minkejja li dejjem qegħdin iżidu aktar mat-tniġġis tal-arja, b'mod partikolari minħabba żieda fl-użu tal-bijomassa bħala fjuwil, minħabba l-politika dwar il-klima u l-enerġija.

(5)       Il-kombustjoni tal-fjuwils f'impjanti u apparat tal-kombustjoni tista' tkun koperta minn atti li jimplimentaw id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija[15]. Il-kombustjoni tal-fjuwil fl-impjanti tal-kombustjoni kbar hija koperta bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[16] mis-7 ta' Jannar 2013, filwaqt li d-Direttiva 2001/80KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17] għadha tapplika għall-impjanti tal-kombustjoni l-kbar, koperti bl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2010/75/UE sal-31 ta' Diċembru 2015.

(6)       Ir-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2013[18] dwar l-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 30(9) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2010/75/UE ikkonkluda li kien intwera potenzjal ċar ta' tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni ta' fjuwils mill-impjanti tal-kombustjoni medji.

(7)       L-obbligi internazzjonali tal-Unjoni dwar it-tniġġis tal-arja biex jitnaqqsu l-aċidifikazzjoni, l-ewtrifikazzjoni, l-ożonu troposferiku u l-emissjonijiet ta' materja partikolata ġew miftehma skont il-Protokoll ta' Gothenburg tal-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila, li ġie emendat fl-2012 biex jissaħħu l-impenji eżistenti ta' tnaqqis tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu, tal-ammonja u tal-komposti organiċi volatili u jiddaħħlu impenji ta' tnaqqis ġodda għall-materja partikolata fina (MP 2,5), li għandhom jintlaħqu mill-2020 'il quddiem.

(8)       Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew "Programm ta' Arja Nadifa għall-Ewropa"[19] teħtieġ l-azzjoni għall-kontroll tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja mill-impjanti tal-kombustjoni medji, b'hekk tikkompleta l-qafas regolatorju għas-settur tal-kombustjoni. L-Istrateġija tikkompleta l-aġenda għat-tnaqqis tat-tniġġis għall-2020 stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2005 dwar l-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja[20], u tiżviluppa l-miri tat-tnaqqis tal-impatti għall-perjodu li jwassal sal-2030. Biex jinkisbu l-miri strateġiċi għandha tiġi stabbilita aġenda regolatorja li tinkludi miżuri għall-kontroll tal-emissjonijiet mill-impjanti tal-kombustjoni medji.

(9)       Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-prodotti marbutin mal-enerġija li huma koperti mill-miżuri ta' implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE jew il-Kapitolu III jew IV tad-Direttiva 2010/75/UE. Ċerti impjanti tal-kombustjoni oħrajn ukoll għandhom ikunu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, abbażi tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom jew tal-użu tagħhom f'attivitajiet partikolari.

(10)     Biex ikun żgurat il-kontroll ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tal-materja partikolata fl-arja, kull impjant tal-kombustjoni medju għandu jaħdem biss jekk ikun għallinqas irreġistrat mill-awtorità kompetenti abbażi tan-notifika tal-operatur.

(11)     Biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet fl-arja mill-impjanti tal-kombustjoni medji, għandhom jiġu stabbiliti f'din id-Direttiva l-valuri limitu tal-emissjonijiet u r-rekwiżiti tal-monitoraġġ.

(12)     Biex l-impjanti tal-kombustjoni eżistenti jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw teknikament għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom japplikaw għal dawk l-impjanti wara perjodu fiss mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(13)     Skont l-Artikolu 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti, pereżempju biex jikkonformaw mal-istandards ta' kwalità ambjentali. B'mod partikolari, f'żoni li ma jikkonformawx mal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja, l-Istati Membri għandhom japplikaw valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti, bħall-valuri referenzjarji stabbiliti fl-Anness III ta' din id-Direttiva; dawn ikunu jippromwovu l-ekoinnovazzjoni fl-Unjoni, filwaqt li b'mod partikolari jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi żgħar u medji.

(14)     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ta' impjant tal-kombustjoni medju u l-awtorità kompetenti jwettqu l-miżuri meħtieġa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Direttiva.

(15)     Biex ikun limitat il-piż għall-impriżi żgħar u medji li jħaddmu impjanti tal-kombustjoni medji, l-obbligi amministrattivi fuq l-operaturi tan-notifikar, il-monitoraġġ u r-rappurtar għandhom ikunu proporzjonati filwaqt li jibqgħu jippermettu il-verifikazzjoni effettiva tal-konformità mill-awtoritajiet kompetenti.

(16)     Biex tkun żgurata l-konsistenza u l-koerenza tal-informazzjoni tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u jkun inkoraġġut l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tiżviluppa għodda elettronika għar-rappurtar li tkun disponibbli wkoll għall-użu intern mill-Istati Membri biex jagħmlu r-rapporti nazzjonali u biex jorganizzaw id-dejta tagħhom.

(17)     Biex tkun possibbli l-addattazzjoni għall-progress xjentifiku u tekniku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti biex taġġusta d-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet stipulati fl-Anness IV skont l-Artikolu 290 tat-TFUE. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet addattati, matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell espert. Meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(18)     Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-titjib tal-kwalità ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ però jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(19)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 ta’ dik il-Karta.

(20)     B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[21], l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trasmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli għall-kontroll tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tal-materja partikolata fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji, u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja u r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent minn dawn l-emissjonijiet.

Artikolu 2 Kamp ta’ applikazzjoni

1.           Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impjanti tal-kombustjoni b'kapaċità termika kklassifikata li tkun ugwali għal 1 MW jew ikbar, u inqas minn 50 MW (minn hawn 'il quddiem imsejħin "impjanti tal-kombustjoni medji"), irrispettivament mit-tip ta' fjuwil li jintuża.

2.           Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dan li ġej:

(a) impjanti tal-kombustjoni li huma koperti mill-Kapitolu III jew il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2010/75/UE;

(b) prodotti marbutin mal-enerġija li huma koperti mill-miżuri ta' implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE fejn dawn l-atti ta' implimentazzjoni jistabbilixxu l-valuri limitu tal-emissjonijiet għas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II ta' din id-Direttiva;

(c) impjanti tal-kombustjoni li fihom il-prodotti gassużi tal-kombustjoni jintużaw biex isaħħnu direttament, jew inixxfu, jew jittrattaw b'mod ieħor l-oġġetti jew il-materjali;

(d) impjanti ta’ wara l-kombustjoni maħsubin biex jippurifikaw il-gassijiet ta' skart li jirriżultaw mill-proċessi industrijali permezz tal-kombustjoni u li mhumiex imħaddma bħala impjanti tal-kombustjoni indipendenti;

(e) kull apparat tekniku li jintuża fil-propulsjoni ta’ vettura, vapur jew ajruplan;

(f) impjanti tal-kombustjoni li huma koperti mill-miżuri ta' implimentazzjoni adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[22] fejn dawn l-atti ta' implimentazzjoni jistabbilixxu l-valuri limitu tal-emissjonijiet għas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) "emissjoni" tfisser l-iskariku ta' sustanzi mill-impjant tal-kombustjoni fl-arja;

(2) "il-valur limitu tal-emissjonijiet" tfisser il-kwantità permessa ta' sostanza fil-gassijiet ta' skart mill-impjant ta' kombustjoni li jistgħu jiġu skarikati fl-arja tul perjodu partikolari;

(3) "ossidi tan-nitroġenu" (NOx) tfisser ossidu nitriku u dijossidu tan-nitroġenu, magħruf bħala diossidu tan-nitroġenu (NO2);

(4) "materja partikolata" tfisser partikoli ta' kull forma, struttura jew densità, imxerrdin waqt il-fażi tal-gass fil-kundizzjonijiet tal-punt tat-teħid tal-kampjuni, li jistgħu jinġabru permezz ta' filtrazzjoni f'kundizzjonijiet speċifikati wara t-teħid ta' kampjuni rappreżentattivi tal-gass li se jiġi analizzat, u li jibqgħu 'il fuq mill-filtru u fil-filtru wara t-tnixxif f'kundizzjonijiet speċifikati;

(5) “impjant tal-kombustjoni” tfisser kull apparat tekniku fejn jiġu ossidizzati l-fjuwils biex tintuża s-sħana li tiġi ġġenerata;

(6) "impjant tal-kombustjoni eżistenti" tfisser impjant tal-kombustjoni li beda jintuża qabel [sena (1) wara d-data tat-traspożizzjoni];

(7) "impjant tal-kombustjoni ġdid" tfisser impjant tal-kombustjoni mhux eżistenti;

(8) "magna" tfisser magna li taħdem bil-gass, bid-diżil jew b'żewġ fjuwils;

(9) “magna tal-gass” tfisser magna ta’ kombustjoni interna li taħdem skont iċ-ċiklu Otto u tuża tqabbid bix-xrar biex taħraq il-fjuwil;

(10) “magna diżil” tfisser magna ta’ kombustjoni interna li taħdem skont iċ-ċiklu tad-diżil u tuża tqabbid bil-kompressjoni biex taħraq il-fjuwil;

(11) "magna li tuża żewġ fjuwils" tfisser magna b'kombustjoni interna li tuża tqabbid bil-kompressjoni u taħdem skont iċ-ċiklu tad-diżil meta tkun qed taħraq fjuwils likwidi u skont iċ-ċiklu Otto meta tkun qed taħraq fjuwils forma ta' gass;

(12) "turbina tal-gass" tfisser kull magna li ddur li tikkonverti l-enerġija termika fi tħaddim mekkaniku u li tikkonsisti b'mod ewlieni minn kompressur, minn apparat termiku fejn jiġi ossidat il-fjuwil biex isaħħan il-likwidu tat-tħaddim, u turbina; dan jinkludi kemm it-turbini b'ċiklu miftuh u dawk b'ċiklu kkumbinat li jaħdmu bil-gass, u turbini tal-gass jiffunzjonaw b'mod ta' koġenerazzjoni, kollha bi ħruq supplimentari jew mingħajru;

(13) “fjuwil” tfisser kull materjal kombustibbli solidu, likwidu jew gass;

(14) 'skart' tfisser kull sustanza jew oġġett li l-utent jarmi jew fi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

(15) “bijomassa” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn:

(a) prodotti li jikkonsistu minn kwalunkwe materja veġetali mill-agrikultura jew mill-forestrija li tista’ tintuża bħala fjuwil biex jittieħed il-kontenut tal-enerġija tagħha;

(b) l-iskart li ġej:

(a) skart veġetali mill-agrikoltura u l-forestrija;

(b) skart veġetali mill-industrija tal-ipproċessar tal-ikel, jekk tinġabar is-sħana ġġenerata;

(c) skart veġetali fibruż mill-produzzjoni tal-polpa verġni u mill-produzzjoni ta’ karta mill-polpa, jekk tiġi koinċinerata fil-post tal-produzzjoni u tinġabar is-sħana ġġenerata;

(d) skart tas-sufra;

(e) skart tal-injam minbarra l-iskart tal-injam li jista’ jkun fih komposti organiċi aloġenizzati jew metalli tqal bħala riżultat tat-trattament bi preservattiv jew b'kisi tal-injam u li jinkludi, b’mod partikolari, skart tal-injam bħal dak li joriġina mill-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni;

(16) "sigħat ta' tħaddim" tfisser il-ħin, espress f'sigħat, li matulu l-impjant tal-kombustjoni jkun qed jitfa' l-emissjonijiet fl-arja;

(17) ‘operatur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li tħaddem jew tikkontrolla l-impjant tal-kombustjoni, jew fejn huwa stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-persuna li lilha jkun ġie ddelegat il-poter ekonomiku deċiżiv fuq it-tħaddim tekniku tal-impjant;

(18) "il-valur limitu" tfisser livell iffissat abbażi tal-għarfien xjentifiku, bil-għan li jiġu evitati, prevenuti jew imnaqqsa l-effetti dannużi għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent b'mod ġenerali, li għandu jintlaħaq f'perjodu ta' żmien stabbilit u li ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq, kif stipulat fid-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[23];

(19) "żona" tfisser parti mit-territorju ta' Stat Membru, delimitat minn dak l-Istat Membru għall-fini tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tal-arja, kif stipulat fid-Direttiva 2008/50/KE.

Artikolu 4 Ir-reġistrazzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom iwettqu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impjanti tal-kombustjoni medji jitħaddmu biss jekk ikunu reġistrati mill-awtorità kompetenti.

2.           Il-proċedura tar-reġistrazzjoni għandha tinkludi mill-inqas notifika lill-awtorità kompetenti mill-operatur dwar it-tħaddim tal-impjant jew il-ħsieb li jħaddem impjant tal-kombustjoni medju.

3.           Għal kull impjant tal-kombustjoni medju, in-notifika mingħand l-operatur għandu jkun fiha għall-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness I.

4.           L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra l-impjant tal-kombustjoni medju qabel ma jgħaddi xahar wara n-notifika mingħand l-operatur u għandu jinforma lill-operatur b'dan.

5.           L-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu tan-notifikazzjoni msemmi fil-paragrafu 2, dejjem jekk l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3 tkun ingħatat lill-awtoritajiet kompetenti.

Dawn l-impjanti tal-kombustjoni għandhom ikunu rreġistrati sa [13-il xahar wara d-data tat-traspożizzjoni].

6.           Għal kull impjant tal-kombustjoni medju, ir-reġistru miżmum mill-awtoritajiet kompetenti għandu jinkludi għall-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness I, flimkien ma' kull informazzjoni li tinkiseb minn verifika tar-riżultati tal-monitoraġġ jew minn kontrolli ta' konformità oħrajn imsemmijin fl-Artikoli 7 u 8.

Artikolu 5 Valuri limitu tal-emissjonijiet

1.           Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2010/75/UE, fejn hu applikabbli, għandhom japplikaw il-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fl-Anness II għall-impjanti tal-kombustjoni medji individwali.

2.           Mill-1 ta' Jannar 2025 l-emissjonijiet fl-arja tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u ta' materja partikolata minn impjant tal-kombustjoni medju eżistenti b'input termali kklassifikat 'il fuq minn 5 MW ma għandux jaqbeż il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness II.

Mill-1 ta' Jannar 2030 l-emissjonijiet fl-arja tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u ta' materja partikolata minn impjant tal-kombustjoni medju eżistenti b'input termali kklassifikat ta' 5 MW jew inqas ma għandux jaqbeż il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness II.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impjanti tal-kombustjoni medji li ma jaħdmux aktar minn 500 siegħa ta' tħaddim fis-sena milli jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fil-Parti 1 tal-Anness II. F'dan il-każ, għandu japplika valur limitu ta' 200 mg/Nm³ għall-materja partikolata mill-impjanti li jaħarqu l-fjuwils solidi.

3.           Minn [sena (1) wara d-data tat-traspożizzjoni] l-emissjonijiet fl-arja tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u ta' materja partikolata minn impjant tal-kombustjoni medju ġdid ma għandhomx jaqbżu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fil-Parti 2 tal-Anness II.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impjanti tal-kombustjoni medji ġodda li ma jaħdmux aktar minn 500 siegħa ta' tħaddim fis-sena milli jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fil-Parti 2 tal-Anness II. F'dan il-każ, għandu japplika valur limitu ta' 100 mg/Nm³ għall-materja partikolata mill-impjanti li jaħarqu l-fjuwils solidi.

4.           F'żoni li ma jikkonformawx mal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja tal-UE stabbiliti fid-Direttiva 2008/50/KE, għall-impjanti tal-kombustjoni medji individwali, l-Istati Membri għandhom japplikaw valuri limitu tal-emissjonijiet ibbażati fuq il-valuri referenzjarji stabbiliti fl-Anness III, jew fuq valuri aktar stretti stabbiliti mill-Istati Membri, sakemm ma jiġix ippruvat lill-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta' dawn il-valuri tal-emissjonijiet tkun tinvolvi spejjeż sproporzjonati u li jkunu ġew inklużi fil-pjanijiet għall-kwalità tal-arja meħtieġa skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50/KE miżuri oħrajn li jiżguraw il-konformità mal-valuri limitu għall-kwalità tal-arja.

5.           Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati dwar il-valuri referenzjarji għall-valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti msemmijin fil-paragrafu 4.

6.           L-awtorità kompetenti tista' tagħti deroga għal massimu ta' sitt xhur mill-obbligu ta' konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 għad-diossidu tal-kubrit fir-rigward ta' impjant tal-kombustjoni medju li normalment juża fjuwil li jkun fih livell baxx ta' kubrit, f'każijiet fejn l-operatur ma jkunx jista' jikkonforma ma' dawk il-valuri limitu minħabba interruzzjoni fil-forniment ta' fjuwil b'livell baxx ta' kubrit minħabba xi nuqqas serju ta' dan il-fjuwil.

L-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’kull deroga mogħtija skont l-ewwel sottoparagrafu.

7.           L-awtorità kompetenti tista’ tagħti deroga mill-obbligu ta’ konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 f’każijiet fejn impjant tal-kombustjoni li juża biss gass bħala fjuwil, f’każ eċċezzjonali, ikollu jdur għall-użu ta’ fjuwils oħra minħabba xi interruzzjoni ħesrem fil-forniment tal-gass, u għalhekk ikun jeħtieġ apparat sekondarju ta’ purifikazzjoni. Il-perjodu li għalih tingħata deroga ma għandux jaqbeż 10 ijiem minbarra f'każ li l-operatur jipprova mal-awtorità kompetenti li perjodu itwal ikun ġustifikat.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni immedjatament b’kull deroga mogħtija skont l-ewwel sottoparagrafu.

8.           Meta impjant tal-kombustjoni juża żewġ fjuwils jew aktar simultanjament, il-valur limitu tal-emissjonijiet għal kull sustanza ta' tniġġis għandu jiġi kkalkulat skont il-passi li ġejjin:

(a) billi jintuża l-valur limitu tal-emissjonijiet rilevanti għal kull fjuwil individwalment, kif stabbiliti fl-Anness II;

(b) billi jiġu ddeterminati l-valuri limitu tal-emissjonijiet skont il-fjuwil, li jinkisbu bil-multiplikazzjoni tal-valuri limitu tal-emissjonijiet individwali msemmija fil-punt (a) bl-input termiku mogħti minn kull fjuwil, imbagħad jiġi diviż il-prodott tal-multiplikazzjoni bis-somma tal-inputs termiċi mogħtija mill-fjuwils kollha;

(c) billi jiġu aggregati l-valuri limitu tal-emissjonijiet b’koeffiċjent korrettiv skont il-fjuwil.

Artikolu 6 Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet u t-tħaddim tal-apparat ta' purifikazzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi jwettqu għall-inqas il-monitoraġġ tal-emissjonijiet skont l-Anness IV.

2.           Għall-impjanti tal-kombustjoni medji li jużaw għadd ta' fjuwils, il-monitoraġġ tal-emissjonijiet għandu jsir waqt il-ħruq ta' fjuwil jew ta' taħlita ta' fjuwils li x'aktarx ikun juri l-ogħla livell ta' emissjonijiet u f'ħin li jirrappreżenta l-kundizzjonijiet normali tat-tħaddim.

3.           Ir-riżultati kollha tal-monitoraġġ għandhom ikunu rreġistrati, ipproċessati u ppreżentati b’tali mod li l-awtorità kompetenti tkun tista’ tivverifika l-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet.

4.           Għall-impjanti tal-kombustjoni medji li jużaw apparat ta' purifikazzjoni sekondarju biex jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet, it-tħaddim effettiv ta' dan l-apparat għandu jkun issorveljat kontinwament u r-riżultati ta' din is-sorveljanza għandhom jiġu rreġistrati.

Artikolu 7 Kontroll tal-konformità

1.           L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' spezzjonijiet ambjentali tal-impjanti tal-kombustjoni medji, jew jimplimentaw miżuri oħrajn biex jikkontrollaw li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

2.           L-operaturi tal-impjanti tal-kombustjoni medji għandhom jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa lir-rappreżentanti tal-awtorità kompetenti biex dawn ikunu jistgħu jwettqu spezzjonijiet u żjarat fuq il-post, biex jieħdu l-kampjuni u biex jiġbru kull informazzjoni meħtieġa għat-twettieq tad-dmirijiet tagħhom għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.           L-Istati Membri għandhom iwettqu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ħinijiet ta' tqabbid u tifi tal-impjanti tal-kombustjoni medji, u ta' kull funzjonament ħażin tagħhom, jinżammu kemm jista' jkun qosra. Jekk ikun hemm funzjonament ħażin, jew ma jkunx jaħdem l-apparat sekondarju ta' purifikazzjoni, l-operatur għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti.

4.           Jekk ikun hemm nuqqas ta' konformità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) l-operatur jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti;

(b) l-operatur iwettaq minnufih il-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jerġa’ jkun hemm konformità fl-inqas żmien possibbli;

(c) l-awtorità kompetenti teħtieġ li l-operatur jieħu kull miżura kumplementari xierqa li l-awtorità kompetenti tikkunsidra meħtieġa biex titreġġa' l-konformità.

Jekk l-operatur ma jkunx jista' jerġa' jikkonforma, l-awtorità kompetenti għandha tissospendi t-tħaddim tal-impjant u tirtira r-reġistrazzjoni tiegħu.

Artikolu 8 Verifikazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ebda valur validu tal-emissjonijiet li jkunu ġew issorveljati kif jitlob l-Anness IV ma jaqbeż il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness II.

2.           L-operatur ta' impjant tal-kombustjoni medju għandu jżomm dawn li ġejjin:

(a) mingħajr ħsara għall-Artikolu 4(5), il-provi li ntbagħtet notifika lill-awtorità kompetenti;

(b) il-provi tar-reġistrazzjoni mill-awtorità kompetenti;

(c) ir-riżultati tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 6(3) u 6(4);

(d) fejn japplika, rekord tas-sigħat ta' tħaddim imsemmijin fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 5(2).

(e) rekord tal-fjuwils li ntużaw fl-impjant u ta' kwalunkwe funzjonament ħażin jew nuqqas sħiħ ta' funzjonament tal-apparat ta' purifikazzjoni sekondarju.

3.           Id-dejta msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinżamm għal mill-inqas 10 snin.

4.           Id-dejta elenkata fil-paragrafu 2 għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti meta din titlobha biex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

Artikolu 9 Bidliet fl-impjanti tal-kombustjoni medji

1.           L-operatur għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti b'kull tibdil maħsub fl-impjant tal-kombustjoni medju li jkun jaffettwa l-valuri limitu tal-emissjonijiet applikabbli. Din in-notifika għandha tintbagħat mill-inqas xahar qabel ma ssir il-bidla.

2.           Meta tirċievi n-notifika mingħand l-operatur skont il-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tirreġistra din il-bidla qabel l-iskadenza ta' xahar.

Artikolu 10 Aċċess għall-informazzjoni

Mingħajr ħsara għad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[24], l-awtorità kompetenti għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fost mezzi oħra permezz tal-internet, ir-reġistru tal-impjanti tal-kombustjoni medji.

Artikolu 11 L-Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-obbligi li joriġinaw minn din id-Direttiva.

Artikolu 12 Ir-rappurtaġġ

1.           Sa [sentejn (2) wara d-data tat-traspożizzjoni] l-Istati Membri jridu jirrappurtaw lill-Kummissjoni sommarju tad-dejta elenkata fl-Anness I, flimkien ma' stima tat-total annwali tal-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu u materja partikolata minn dawn l-impjanti, ikklassifikati skont it-tip ta' fjuwil li jużaw u l-grad ta' kapaċità tagħhom.

2.           L-Istati Membri għandhom jibagħtu t-tieni u t-tielet rapporti lill-Kummissjoni b'aġġornament tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1 sa mhux aktar mill-1 ta' Ottubru 2026 u l-1 ta' Ottubru 2031 rispettivament.

Ir-rapporti, miktubin skont l-ewwel sottoparagrafu, għandu jkun fihom informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, kull azzjoni li tkun saret biex tiġi vverifikata l-konformità ma' din id-Direttiva tat-tħaddim tal-impjanti tal-kombustjoni medji u kull azzjoni ta' infurzar li tkun saret għal dan il-għan.

3.           Biex ikun jista' jsir ir-rappurtar imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tipprovdi għodda elettronika għar-rappurtar għad-disponibbiltà tal-Istati Membri.

4.           Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li tirċievi r-rapporti mingħand l-Istati Membri, b'konformità mal-paragrafi 1 u 2, u billi tqis l-informazzjoni li tkun saret disponibbli kif jitolbu l-Artikolu 5(6), 5(7) u l-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport sommarju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           It-tieni rapport sommarju tal-Kummissjoni għandu janalizza l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'attenzjoni speċjali fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-valuri referenzjarji stipulati fl-Anness III bħala valuri limitu tal-emissjonijiet madwar l-Unjoni kollha, u għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva fejn xieraq.

6.           Il-Kummissjoni se jkollha l-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fit-twettiq tal-kompiti tagħha stipulati fil-paragrafi 3 sa 5.

Artikolu 13 Emendi tal-Annessi

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 biex l-Anness IV jiġi addattat għall-progress tekniku.

Artikolu 14 Eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa li jiġu adottati atti ddelegati qiegħda tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Is-setgħa li tadotta l-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 13 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn [id-data tad-dħul fis-seħħ]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi taċitament estiża għal perjodi ta' tul ta' żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn erba' xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista' tiġi rrevokata f'kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni tar-revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fix-xahrejn wara n-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jgħaddu xahrejn, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill, ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex biħsiebhom joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15 Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn [id-data tat-traspożizzjoni] u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffetwahom.

Artikolu 16 It-Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa [data: sena u nofs (1,5) wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 17 Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM(2012) 710 final [wara l-adozzjoni: ĠU L , , p. .]

[2]               COM(2013) xxx final

[3]               ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10

[4]               ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17

[5]               ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1

[6]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "EWROPA 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, COM(2010)2020 finali, 3.3.2010.

[7]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir' 'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar' għall-Ewropa" COM(2008) 394 finali, 25.6.2008.

[8]               http://ec.europa.eu/environment/air/review_air_policy.htm

[9]               Il-Protokoll tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) Convention on Long-Range Transboundary Air Pollution to abate acidification, eutrophication and ground-level ozone (1999).

[10]             ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

[11]             ĠU C , , p. .

[12]             ĠU C , , p. .

[13]             Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' xx/xx/xxxx (ĠU C ..., p. ...) u l-pożizzjoni tal-Kunsill mal-ewwel qari ta' xx/xx/xxxx (ĠU C ..., p. ...). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' xx/xx/xxxx (ĠU C ..., p. ...) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' xx/xx/xxxx (ĠU C ..., p. ...).

[14]             Id-Deċiżjoni XXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... ... ... dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" (ĠU L… ,… … … , p…).

[15]             Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

[16]             Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

[17]             Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1).

[18]             COM(2013) 286 final.

[19]             COM(2013) XXX final

[20]             COM(2005) 446 finali.

[21]             ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

[22]             Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.)

[23]             Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).

[24]             Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

ANNESSI

mal-Proposta

għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni

ANNESS I

L-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata mill-operatur lill-awtorità kompetenti

1. Il-kapaċità termika kklassifikata (MW) tal-impjant tal-kombustjoni medju;

2. It-tip ta' impjant tal-kombustjoni medju;

3. It-tip u l-proporzjonijiet ta' fjuwils użati skont il-kategoriji tal-fjuwils stabbiliti fl-Anness II;

4. Id-data ta' meta beda jitħaddem l-impjant tal-kombustjoni medju;

5. Is-settur tal-attività tal-impjant tal-kombustjoni medju, jew il-faċilità fejn jintuża (il-kodiċi NACE);

6. L-għadd ta' sigħat ta' tħaddim tal-impjant tal-kombustjoni medju mistennija, u l-kapaċità medja li tintuża;

7. Il-valuri limitu tal-emissjonijiet applikabbli, flimkien ma' dikjarazzjoni ffirmata mill-operatur li se jħaddem l-impjant skont dawn il-valuri, mid-data rilevanti stipulata fl-Artikolu 5 'l quddiem;

8. Jekk jintuża s-sottoparagrafu tal-Artikolu 5(2), dikjarazzjoni ffirmata mill-operatur li mhuwiex se jħaddem l-impjant aktar minn 300 siegħa fis-sena;

9. L-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-operatur u, fil-każ ta' impjanti tal-kombustjoni medji stazzjonarji, l-indirizz ta' fejn jinsab l-impjant.

ANNESS II

Il-valuri limitu tal-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)

Il-valuri limitu tal-emissjonijiet kollha stipulati f'dan l-Anness huma ddefiniti f'temperatura ta' 273,15 K, pressjoni ta' 101,3 kPa u wara l-korrezzjoni għall-kontenut ta' fwar tal-ilma fil-gassijiet ta' skart u b'kontenut ta' O2 standardizzat ta' 6% għall-impjanti tal-kombustjoni li jużaw fjuwils solidi, 3% għall-impjanti tal-kombustjoni li mhumiex magni u turbini tal-gass li jużaw fjuwils likwidi u f'forma ta' gass, u 15% għall-magni u għat-turbini tal-gass.

Parti 1

Valuri limitu tal-emissjonijiet għall-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti

1. Valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm³) għall-impjanti tal-kombustjoni medji li mhumiex magni u turbini tal-gass

Sustanza li tniġġes || Bijomassa solida || Fjuwils solidi oħrajn || Fjuwils likwidi li mhumiex żejt tqil || Żejt tqil użat bħala fjuwil || Gass naturali || Fjuwils forma ta' gass li mhumiex gass naturali

SO2 || 200 || 400 || 170 || 350 || - || 35

NOX || 650 || 650 || 200 || 650 || 200 || 250

Materja partikolata || 30(1) || 30 || 30 || 30 || - || -

(1) 45 mg/Nm3 għal pjanti b'input termali ta' inqas jew daqs il-5MW

2. Valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm³) għall-magni u t-turbini tal-gass

Sustanza li tniġġes || Tip ta' installazzjoni || Fjuwils likwidi || Gass naturali || Fjuwils forma ta' gass li mhumiex gass naturali

SO2 || Magni u turbini tal-gass || 60 || - || 15

NOX || Magni || 190 (1) || 190 (2) || 190 (2)

Turbini tal-gass(3) || 200 || 150 || 200

Materja partikolata || Magni u turbini tal-gass || 10 || - || -

(1) 1850 mg/Nm³ fil-każijiet li ġejjin:

(i) għall-magni tad-diżil li bdew jinbnew qabel it-18 ta' Mejju 2006;

(ii) għall-magni li jużaw żewġ tipi ta' fjuwils, issettjati għal fjuwil likwidu.

(2) 380 mg/Nm³ għall-magni li jużaw żewġ tipi ta' fjuwils, issettjati għal fjuwil gass.

(3) Il-valuri limitu tal-emissjonijiet huma applikabbli biss għal kapaċità ogħla minn 70%.

Parti 2

Valuri limitu tal-emissjonijiet għall-impjanti tal-kombustjoni medji ġodda

1. Valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm³) għall-impjanti tal-kombustjoni medji li mhumiex magni u turbini tal-gass

Sustanza li tniġġes || Bijomassa solida || Fjuwils solidi oħrajn || Fjuwils likwidi li mhumiex żejt tqil || Żejt tqil użat bħala fjuwil || Gass naturali || Fjuwils forma ta' gass li mhumiex gass naturali

SO2 || 200 || 400 || 170 || 350 || - || 35

NOX || 300 || 300 || 200 || 300 || 100 || 200

Materja partikolata || 1.1. 20(1) || 20 || 20 || 20 || - || -

(1) 25 mg/Nm3 għal pjanti b'input termali ta' inqas jew daqs il-5MW

2. Valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm³) għall-magni u t-turbini tal-gass

Sustanza li tniġġes || Tip ta' installazzjoni || Fjuwils likwidi || Gass naturali || Fjuwils forma ta' gass li mhumiex gass naturali

SO2 || Magni u turbini tal-gass || 60 || - || 15

NOX || Magni || 190 (1) || 95 (2) || 190

Turbini tal-gass(3) || 75 || 50 || 75

Materja partikolata || Magni u turbini tal-gass || 10 || - || -

(1) 225 mg/Nm³ għall-magni li jużaw żewġ tipi ta' fjuwils, issettjati għal fjuwil likwidu.

(2) 190 mg/Nm³ għall-magni li jużaw żewġ tipi ta' fjuwils, issettjati għal fjuwil gass.

(3) Il-valuri limitu tal-emissjonijiet huma applikabbli biss għal kapaċità ogħla minn 70%.

ANNESS III

Valuri referenzjarji għal valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti msemmijin fl-Artikolu 5(4)

Il-valuri limitu tal-emissjonijiet kollha stipulati f'dan l-Anness huma ddefiniti f'temperatura ta' 273,15 K, pressjoni ta' 101,3 kPa u wara l-korrezzjoni għall-kontenut ta' fwar tal-ilma fil-gassijiet ta' skart u b'kontenut ta' O2 standardizzat ta' 6% għall-impjanti tal-kombustjoni li jużaw fjuwils solidi, 3% għall-impjanti tal-kombustjoni li mhumiex magni u turbini tal-gass li jużaw fjuwils likwidi u f'forma ta' gass, u 15% għall-magni u għat-turbini tal-gass.

Il-valuri referenzjarji għall-valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm³) għall-impjanti tal-kombustjoni medji li mhumiex magni u turbini tal-gass

Sustanza li tniġġes || Kapaċità termali kklassifikata' (MW) || Bijomassa solida || Fjuwils solidi oħrajn || Fjuwils likwidi || Gass naturali || Fjuwils forma ta' gass li mhumiex gass naturali

NOX || 1 - 5 || 200 || 100 || 120 || 70 || 120

> 5 - 50 || 145 || 100 || 120 || 70 || 120

Materja partikolata || 1 - 5 || 10 || 10 || 10 || - || -

> 5 - 50 || 5 || 5 || 5 || - || -

Valuri referenzjarji għall-valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm³) għall-magni u t-turbini tal-gass

Sustanza li tniġġes || Tip ta' installazzjoni || Fjuwils likwidi || Gass naturali || Fjuwils forma ta' gass li mhumiex gass naturali

NOX || Magni || 150 || 35 || 35

Turbini tal-gass(1) || 50 || 20 || 50

(1) Il-valur referenzjarju huwa applikabbli biss għal kapaċità ogħla minn 70%.

ANNESS IV

Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet

1.         Se jkun meħtieġ il-kejl perjodiku ta' SO2, NOx u materja partikolari mill-inqas darba kull tliet snin għall-impjanti tal-kombustjoni medji li għandhom kapaċità termali kklassifikata li hi ogħla minn 1MW u inqas minn 20 MW, u mill-inqas darba fis-sena għall-impjanti tal-kombustjoni medji b'kapaċità termali ugwali għal 20 MW jew ogħla iżda inqas minn 50 MW.

2.         Il-kejl huwa meħtieġ biss għal sustanzi li jniġġsu li għandhom valur limitu tal-emissjonijiet stipulat fl-Anness II għall-impjant ikkonċernat.

3.         L-ewwel kejl għandu jitwettaq fl-ewwel tliet xhur wara li l-impjant jiġi rreġistrat.

4.         Bħala alternattiva għall-kejl tal-emissjonijiet tal-SO2 imsemmi fil-punt 1, jistgħu jintużaw proċeduri oħra li jkunu ġew ivverifikati u approvati mill-awtorità kompetenti biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet tal-SO2.

5.         It-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tas-sustanzi li jniġġsu u l-kejl tal-parametri tal-proċessi, kif ukoll kull alternattiva li tintuża kif imsemmi fil-punt 4, għandhom jitwettqu skont l-istandards tas-CEN. Jekk l-istandards tas-CEN ma jkunux disponibbli, għandhom jintużaw l-istandards tal-ISO, jew standards nazzjonali jew internazzjonali oħrajn li jiżguraw li tingħata dejta ta' kwalità xjentifika ekwivalenti.