52013PC0822

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali /* COM/2013/0822 final - 2013/0408 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.           Din il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi komuni fl-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal li jkunu ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali u tat-tfal suġġetti għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI ("il-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew").

2.           Il-programm ta’ Stokkolma[1] jagħmel enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti kriminali. Fil-punt 2.4, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jfasslu approċċ gradwali għat-tisħiħ tad-drittijiet ta’ persuni ssuspettati u mixlija billi jiġu stabbiliti standards komuni minimi dwar id-dritt għal proċess ġust. Din il-miżura tagħmel parti wkoll mill-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal li dwarhom il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll il-partijiet interessati ewlenin bħall-UNICEF, l-Ombudspersons għat-Tfal fl-Istati Membri, u s-soċjetà ċivili taw il-kontribut tagħhom[2].

3.           Ġew adottati tliet miżuri: id-Direttiva 2010/64/UE, f'Ottubru 2010, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali[3], u d-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f'Mejju 2012[4], dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, u d-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà[5]. Miżuri dwar id-dritt għal għajnuna legali provviżorja għall-persuni ssuspettati jew mixlija meta ma jingħatawx il-libertà huma ppreżentati bħala pakkett ma' din l-inizjattiva, flimkien ma’ Direttiva dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza kif ukoll d-dritt li huma jkunu preżenti waqt is-smigħ fil-proċedimenti kriminali.

4.           Din il-proposta għal Direttiva tistabbilixxi regoli speċifiċi minimi dwar id-drittijiet ta’ persuni ssuspettati jew mixlija li huma tfal fi proċedimenti kriminali. B’dan, hija tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta, b’mod partikolari tal-Artikoli 4, 6, 7, 24, 47 u 48 li huma bbażati fuq l-Artikoli 3, 5, 6 u 8 tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li, fil-każistika tagħha, tistabbilixxi salvagwardji speċjali għal persuni vulnerabbli, b'mod partikolari t-tfal. Din il-każistika tipprevedi inter alia li d-dritt għal proċess ġust kif ukoll biex il-proċedimenti jkunu ġusti jenħtieġ li persuna jkollha l-ħila tifhem il-livell minimu tal-proċedura kif ukoll ikollha l-ħila tipparteċipa u effettivament teżerċita d-drittijiet tagħha kif ukoll tibbenefika mill-protezzjoni tal-privatezza. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, it-tisħiħ tas-salvagwardji proċedurali għat-tfal għandhom jkunu previsti f’din id-Direttiva b’mod espliċitu.

5.           Dawn il-miżuri għandhom ikunu implimentati filwaqt li jkunu kkunsidrati l-aħjar interessi tat-tfal kif stipulat fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

6.           Il-persuni ssuspettati jew mixlija li huma t-tfal jiġu rikonoxxuti u ttrattati b’rispett, dinjità, professjonalità, b’mod personali u mhux diskriminatorju, kull meta jkunu f’kuntatt mal-awtorità kompetenti li tkun qed taġixxi fil-qafas tal-proċedimenti kriminali. Din għandha wkoll tiffaċilita r-riintegrazzjoni tat-tfal fis-soċjetà wara li dawn jiġu kkonfrontati mis-sistema tal-ġustizzja kriminali. Id-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva japplikaw għal tfal ssuspettati jew mixlija b’mod mhux diskriminatorju, anki fir-rigward tal-istatus residenzjali tagħhom.

7.           Din il-miżura hija ppreżentata flimkien ma’ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-salvagwardji proċedurali għal persuni vulnerabbli ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali, u għal persuni vulnerabbli suġġetti għal proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

8.           Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

9.           Id-dritt għal rimedju effettiv, għal proċess ġust u d-dritt għal difiża huma previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), l-Artikoli 47 u 48, u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ("il-KEDB"). Il-kapaċità li effettivament jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet tiddependi ħafna fuq jekk il-persuna ssuspettata jew mixlija għandiex il-ħila ssegwi jew tipparteċipa bis-sħiħ fil-proċedura, li tista’tkun limitata minħabba l-età, n-nuqqas ta’ maturità jew xi diżabilità. Dan ifisser li għal tfal u adulti vulnerabbli jkun hemm bżonn li jittieħdu miżuri speċjali sabiex jiġi żgurat li dawn jistgħu effettivament jipparteċipaw fil-proċedimenti u jibbenefikaw mid-dritt għal proċess ġust bħalma persuni oħra ssuspettati jew mixlija jibbenefikaw.[6]

10.         Minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni komuni ta’ persuni adulti vulnerabbli, u meta jitqiesu l-fatturi marbutin mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li hu xieraq f’dan l-istadju li testendi l-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-persuni adulti vulnerabbli. Minflok, il-Kummissjoni se tadotta Rakkomandazzjoni li titlob lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu numru ta’ salvagwardji għall-persuni vulnerabbli.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

11.         Fit-23 ta' Settembru 2011, fis-26 ta' April 2012 u fil-11 ta' Diċembru 2012 saru tliet laqgħat mal-esperti. Rappreżentanti tal-Istati Membri kif ukoll grupp ta’ esperti mill-Kunsill tal-Ewropa, mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Imħallfin u tal-Maġistrati għaż-Żgħażagħ u l-Familja, min-Nazzjonijiet Uniti, tobba u ġuristi li jispeċjalizzaw f'każijiet tat-tfal, iddiskutew miżuri li jistgħu jittieħdu f'livell tal-UE sabiex tiżdied il-protezzjoni tat-tfal u tal-adulti vulnerabbli fi proċedimenti kriminali.

12.         Il-Kummissjoni għamlet Valutazzjoni tal-Impatt biex issostni din il-proposta. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/governance.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Artikolu 1 – Suġġett

13.         Id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet ta’ persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali li huma tfal, u ta’ tfal suġġetti għal “proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.”

Artikolu 2 – Il-Kamp ta’ applikazzjoni

14.         Id-Direttiva tapplika għat-tfal, jiġifieri persuni li jkunu għadhom taħt it-18-il sena meta jiġu ssuspettati jew mixlija li kkommettew reat kriminali, sa ma jintemmu l-proċedimenti.

15.         Ir-regoli nazzjonali dwar l-età tar-responsabbiltà kriminali għat-tfal mhux se jiġu affettwati minn din id-Direttiva. Din hija l-età meta t-tfal isiru kriminalment responsabbli tal-azzjonijiet tagħhom.

16.         F’ċerti Stati Membri, it-tfal li jkunu wettqu att li jikkwalifika bħala reat mhumiex suġġetti għal proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali, iżda suġġetti għal forom oħra ta’ proċedimenti li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ ċerti miżuri restrittivi (pereżempju għal miżuri ta’ protezzjoni, miżuri fl-edukazzjoni). Proċedimenti bħal dawn ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3 – Definizzjoni

17.         Skont strumenti legali internazzjonali[7], kull individwu taħt l-età ta’ 18-il sena jitqies bħala tifel.

Artikolu 4 – Id-dritt tat-tfal għall-informazjoni

18.         It-tfal għandhom jiġu mgħarrfa fil-pront bid-drittijiet ta' din id-Direttiva, li jikkumplimentaw dawk previsti fl-Artikoli minn 3 sa 7 tad-Direttiva 2012/13/UE, bl-eċċezzjoni ta’ reati żgħar kif previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2012/13/UE.

19.         Jekk it-tifel ikun mċaħħad mil-libertà, l-Ittra tad-Drittijiet li tingħata lit-tifel skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13/UE tkun tinkludi wkoll referenza għad-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva.

20.         Din id-Direttiva tiġi implimentata f’konformità mal-istandards stabbiliti fid-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali.

Artikolu 5 – Id-dritt għall-informazjoni dwar id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri

21.         Din id-Direttiva tipprevedi aktar salvagwardji kumplimentari fir-rigward tal-informazzjoni dwar id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jew tal-adult adattat, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal sakemm dawn ma jkunux jippreġudikaw l-iżvolġiment xieraq tal-proċedimenti kriminali kontra l-persuna kkonċernata u ta' xi proċedimenti kriminali oħra.

22.         It-terminu “detentur tal-awtorità tal-ġenituri” tfisser kull persuna jew istituzzjoni li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq it-tifel kif definit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri.

23.         Ir-rwol tad-detentur tal-awtorità tal-ġenituri huwa importanti biex jiġi żgurat appoġġ morali u psikoloġiku kif ukoll biex it-tifel jkollu gwida xierqa. Id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jinsab f’qagħda tajba biex jipproteġi aħjar id-drittijiet tad-difiża tat-tifel ssuspettat (pereżempju biex jaħtar avukat jew biex jiddeċiedi li jappella deċiżjoni). Barra minn hekk, il-ġenituri huma wkoll legalment responsabbli u jistgħu jinżammu ċivilment responsabbli għall-imġiba tat-tfal.

24.         Din id-dispożizzjoni tirrifletti regoli internazzjonali, bħal ma huma l-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, ir-regoli ta’ Beijing u l-Kumment Ġenerali Nru 10 tal-KDT tan-NU tal-2007 dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja għall-minuri.

25.         Jekk l-informazzjoni dwar id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri tmur kontra l-aħjar interessi tat-tifel, dan id-dritt m’għandux jiġi applikat. Pereżempju dan jista' jkun għall-każ meta d-detentur tal-awtorità tal-ġenituri ikun involut fl-istess reat bħat-tifel u meta hemm kunflitt ta’ interess. F’dan il-każ, adult adattat ieħor jiġi informat u jintalab ikun preżenti. It-terminu “adult adattat ieħor” jirreferi għal xi qarib tiegħu jew persuna (ħlief id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri) b’relazzjoni soċjali mat-tifel li x’aktarx se jinteraġixxi mal-awtoritajiet u jgħin lit-tifel jeżerċita d-drittijiet proċedurali tiegħu.

Artikolu 6 – Id-dritt għal avukat

26.         Dan l-Artikolu jiżgura aċċess obbligatorju għas-servizzi ta' avukat għal tfal li jkunu ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali.

27.         L-Artikolu 6 (3) il-punt c) tal-KEDB u l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jiggarantixxu d-dritt tal-individwu li jkollu aċċess għas-servizzi ta' avukat. Id-Direttiva 2013/48/UE tistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar dan id-dritt għall-persuni kollha li huma ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali. Madankollu, din id-Direttiva tippermetti li l-persuni ssuspettati jew mixlija jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jkunu assistiti minn avukat. Bħala salvagwardja addizzjonali din id-Direttiva tipprevedi li t-tfal ma jkunux jistgħu jirrinunzjaw għal dan id-dritt.

28.         Il-QEDB ripetutament enfasizzat dwar l-importanza li t-tfal jiġu assistiti minn avukat mill-bidu tal-proċedimenti u waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, b’hekk qed tissuġġerixxi li rinunzja tista' tirrappreżenta riskju sinifikanti għalihom. L-importanza li t-tfal jiġu assistiti minn avukat hija rikonoxxuta wkoll mir-regoli kollha internazzjonali relevanti, bħal ma huma l-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal[8], ir-regoli ta’ Beijing[9] u l-Kumment Ġenerali Nru 10 tal-KDT tan-NU tal-2007 dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja għall-minorenni[10].

29.         Madankollu, fir-rigward ta’ ċerti reati żgħar, l-aċċess obbligatorju għal avukat jkun sproporzjonat. Dan jirrigwarda ċerti reati żgħar, b’mod partikolari reati minuri tat-traffiku, reati minuri fir-rigward ta’ regolamenti muniċipali ġenerali u ksur minuri tal-ordni pubbliku, li jitqiesu bħala reati kriminali f'xi Stati Membri. Għal dawn ir-reati, l-awtoritajiet kompetenti, ħlief prosekutur pubbliku jew qorti li jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, ma għandhomx bżonn jiżguraw id-dritt obbligatorju ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat mogħti skont din id-Direttiva.

Artikolu 7 – Id-dritt għal evalwazzjoni individwali

30.         Dan l-Artikolu jiżgura li t-tfal għandhom dritt għal evalwazzjoni individwali. Din l-evalwazzjoni individwali hija meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal f’termini ta’ protezzjoni, edukazzjoni, taħriġ u riintegrazzjoni fis-soċjetà, sabiex jiġi ddeterminat kemm  it-tfal ikunu jeħtieġu miżuri speċjali waqt il-proċedimenti kriminali. Il-karatteristiċi personali ta’ tifel, il-maturità tiegħu u l-isfond ekonomiku u soċjali jista’ jvarja b’mod sinifikanti.

31.         L-evalwazzjonii individwali għandha titwettaq fi stadju adegwat tal-proċedimenti, u l-aktar tard qabel l-akkuża. Għandha tiġi rreġistrata skont il-liġi nazzjonali.

32.         Bla ħsara għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/36/UE, waqt evalwazzjoni individwali, għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tfal involuti f’attivitajiet kriminali li huma jkunu mġiegħla jwettqu bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

33.         Il-kobor u d-dettall ta’ evalwazzjoni bħal din jista’ jiġi adattat skont il-gravità tar-reat u l-piena imposta jekk it-tifel jinstab ħati tal-allegat reat. Pereżempju, huwa previst li tista' tkun meħtieġa evalwazzjoni aktar iddettaljata f’każ ta’ reat serju bħal serq jew qtil.

34.         L-evalwazzjoni individwali għandha tiġi aġġornata matul il-proċedimenti kriminali, u l-evalwazzjonijiet individwali li jkunu twettqu qabel fir-rigward tat-tifel jistgħu jintużaw, jekk ikunu aġġornati.

35.         L-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dan l-obbligu meta ma jkunx proporzjonat li ssir evalwazzjoni individwali meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ, u jekk it-tifel preċedentement, fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali, jkunx ġibed jew le l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fuqu. F’dawn il-każijiet, awtorità għall-protezzjoni jew għall-interessi tat-tfal għandha tiġi infurmata li mhix se titwettaq evalwazzjoni individwali.

Artikolu 8 – Id-dritt għal eżami mediku

36.         Id-dritt għal eżami mediku minn tabib kif ukoll kura medika adegwata sakemm it-tifel idum f'detenzjoni hija rrakkomandata minn strumenti legali internazzjonali, bħall-Kumment Ġenerali Nru 10 tan-NU tal-2007 dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja għall-minorenni. It-tfal, minħabba l-età żgħira tagħhom u l-immaturità fiżika u mentali, huma ħafna aktar esposti għal trattament ħażin u problemi ta’ saħħa milli minn persuni oħra ssuspettati jew mixlija. Ta’ spiss dawn ma jkunux kapaċi jesprimu b’mod ċar il-problemi tas-saħħa tagħhom. Attenzjoni partikolari hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-integrità tagħhom, b’mod partikolari waqt detenzjoni.

37.         Jekk it-tifel ma jingħatax il-libertà, it-tifel għandu jkollu d-dritt għal eżami mediku fuq talba mid-detentur tal-awtorità tal-ġenituri, mill-adult adattat jew mill-avukat tat-tifel. Dan l-eżami mediku għandu jitwettaq minn espert mediku.

38.         F’każ li ċ-ċaħda tal-libertà jew l-estensjoni tal-miżuri meħuda kontra t-tifel jieħdu aktar fit-tul, jista' jiġi ripetut ukoll l-eżami mediku.

39.         Jekk l-eżami mediku ta’ tifel iwassal għall-konklużjoni li l-miżuri previsti matul il-proċedimenti kriminali kontra t-tifel (pereżempju l-interrogazzjoni tat-tifel, id-detenzjoni) huma inkompatibbli mal-kundizzjoni mentali u fiżika tat-tifel, l-awtoritajiet kompetenti għandhom skont il-liġi nazzjonali jieħdu l-miżuri xierqa (pereżempju l-posponiment tal-interrogazzjoni, it-tifel jingħata trattament mediku). Għandhom jitqiesu l-aħjar interessi tat-tifel.

Artikolu 9 – L-intervisti tat-tfal

40.         L-interrogazzjoni tat-tfal hija sitwazzjoni potenzjalment riskjuża fejn id-drittijiet proċedurali u d-dinjità tagħhom jistgħu ma jiġux dejjem rispettati u l-vulnerabbiltà tagħhom tista' ma tiġix ikkunsidrata.

41.         Sabiex tiġi żgurata biżżejjed protezzjoni għat-tfal li mhux dejjem huma kapaċi jifhmu l-kontenut tal-intervisti li huma suġġetti għalihom, inkluż matul kull intervista mill-pulizija, l-intervisti għandhom jiġu rrekordjati b'mod awdjoviżiv. Madankollu, ma jkunx proporzjonat li jintalab li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw l-irrekordjar awdjoviżiv fil-każijiet kollha. Għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni l-kumplessità tal-każ, is-serjetà tal-allegat reat u s-sanzjoni li potenzjalment tista' tinħareġ. Madankollu, jekk xi tifel ikun imċaħħad mil-libertà, l-intervista għandha dejjem tiġi rrekordjata.

42.         Dan l-irrekordjar għandu jkollhom aċċess għalih l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-partijiet tal-proċedimenti biss, sabiex ikun aċċertat il-kontenut u l-kuntest tagħhom. Kull disseminazzjoni pubblika tal-irrekordjar għandha tiġi evitata. Barra minn hekk, it-tul, l-istil u l-pass tal-intervisti għandhom jiġu adattati skont l-età u l-maturità tal-tifel intervistat.

Artikolu 10 – Id-dritt għal-libetà

43.         Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà ta’ persuna huwa stipulat fl-Artikolu 5 (1) tal-KEDB u l-Artikolu 6 tal-Karta.

44.         F'konformità mar-regoli internazzjonali, bħall-Artikolu 37 tal-KDT tan-NU, il-Kumment Ġenerali Nru 10 tan-NU tal-2007 dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja għall-minorenni, il-punt 79 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa[11], kull forma ta’ ċaħda tal-libertà tat-tfal għandha tkun il-miżura tal-aħħar u għall-iqsar żmien possibbli[12].

45.         Meta jittieħdu inkonsiderazzjoini dawn l-istandards internazzjonali, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi fir-rigward tad-detenzjoni. Dan minkejja li l-Istati Membri jikkonformaw ma’ dawn l-istandards internazzjonali fir-rigward tad-detenzjoni, b’mod partikolari fejn tidħol s-separazzjoni tat-tfal minn mal-adulti u l-aċċess għal miżuri li jedukaw, lil hinn mill-kundanna.

L-Artikolu 11 – Miżuri alternattivi

46.         Sabiex jiġi evitat li t-tfal ma jkunux mċaħħda mill-libertà, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha bħala alternattiva għaċ-ċaħda tal-libertà, kull meta dan ikun fl-aħjar interess tat-tfal. Miżuri bħal dawn għandhom jinkludu pereżempju, l-obbligu li jirrappurtaw għand l-awtoritajiet kompetenti, restrizzjonijiet fuq kuntatti ma’ persuni speċifiċi jew il-parteċipazzjoni għal trattament terapewtiku jew miżuri edukattivi[13].

Artikolu 12 - Id-dritt għal trattament speċifiku f’każ li ma tingħatax il-libertà

47.         F’ċerti każijiet tista' tkun meħtieġa ċ-ċaħda tal-libertà, pereżempju sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-evidenza tiġi mbagħbsa, li x-xhieda jiġu influwenzati, meta jkun hemm riskju ta’ kollużjoni jew ta' ħarba eċċ. F'dawn il-każijiet, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-mod kif jiġu ttrattati t-tfal detenuti.

48.         Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-vulnerabbiltà tat-tfal li ma jingħatawx il-libertà, l-importanza tar-rabtiet familjari u l-promozzjoni tar-riintegrazzjoni fis-soċjetà, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispettaw u jappoġġjaw b’mod attiv t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal kif stabbiliti fl-istrumenti Ewropej u internazzjonali. Apparti drittijiet oħra, it-tfal b’mod partikolari għandu jkollhom id-dritt li:

(a) iżommu kuntatt regolari u sinifikanti mal-ġenituri, mal-familja u mal-ħbieb. Restrizzjonijiet fuq dan id-dritt ma għandhom qatt jintużaw bħala piena;

(b) jirċievu l-edukazzjoni, il-gwida u t-taħriġ adattati,

(c) jirċievu kura medika.

49.         Skont l-istandards internazzjonali[14] t-tfal għandhom jinżammu separati mill-adulti sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltà tagħhom. Meta tifel detenut jagħlaq l-età ta’ 18-il sena, il-persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tkompli b'detenzjoni separata. Għal dan l-għan, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi individwali tal-każ. Il-miżuri previsti minn din id-Direttiva ma jeħtieġux, madankollu, il-ħolqien ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni jew ħabsijiet separati għat-tfal.

L-Artikolu 13 – It-trattament f'waqtu u diliġenti tal-każijiet

50.         Fi proċedimenti li jinvolvu t-tfal, il-prinċipju tal-urġenza għandu jiġi applikat sabiex ikun hemm rispons rapidu u jiġu protetti l-aħjar interessi tat-tfal. Il-qrati għandhom jeżerċitaw diliġenza partikolari sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ konsegwenzi negattivi fuq ir-relazzjonijiet familjari u soċjali tat-tifel.

Artikolu 14 – Id-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza

51.         L-obbligu li tiġi protetta l-privatezza tat-tfal ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali ġej minn standards internazzjonali[15]. L-involviment fi proċedimenti kriminali jħalli stigma fuq l-individwu kkonċernat, u jista' b’mod partikolari fejn jidħlu tfal jħalli impatt detrimentali, fuq il-possibiltà tagħhom li jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà kif ukoll fuq il-ħajja professjonali u soċjali futura tagħhom. Il-protezzjoni tal-privatezza tat-tfal li jkunu nvoluti fi proċedimenti kriminali hija komponent kritiku fir-riabilitazzjoni taż-żgħażagħ.

52.         It-tfal għandhom jiġu ġġudikati bil-bibien magħluqin. F’każijiet eċċezzjonali l-qorti tista’ tiddeċiedi li smigħ jseħħ pubblikament wara li jkunu kkunsidrati l-aħjar interessi tat-tifel.

53.         Barra minn hekk, rigward l-aħjar interessi tat-tifel u tal-familja, l-awtoritajiet għandhom jevitaw li informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni tagħhom tkun pubblikament mxerrda (pereżempju l-isem u r-ritratt tat-tifel u tal-membri familjari).

Artikolu 15 – Id-dritt tad-detentur tal-awtorità tal-ġenituri li jkollu aċċess għas-smigħ tal-qorti

54.         Sabiex it-tifel jingħata l-assistenza u l-appoġġ adegwati waqt is-smigħ tal-qorti, id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jew adult adattat ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 5, għandhom ikunu preżenti.

Artikolu 16 - Id-dritt tat-tfal li jkunu preżenti waqt il-proċess li għandu l-għan li jevalwa humiex ħatja

55.         Jekk it-tfal ma jkunux preżenti waqt il-proċess, id-drittijiet tad-difiża tagħhom huma fil-periklu. F'każ bħal dan, il-konvenut la jista’ jagħti l-verżjoni tiegħu tal-fatti quddiem il-qorti, u lanqas ma jista' jippreżentalha l-evidenza adattata. Għalhekk dawn jistgħu jinstabu ħatja mingħajr jkollhom l-opportunità li jikkontestaw ir-raġunijiet ta' din il-kundanna.

56.         Id-dritt li huma jkunu preżenti waqt il-proċess, jew li jirrinunzjaw għal dan id-dritt wara li jkun ġew infurmati dwaru, huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

57.         L-Artikolu 16 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt li t-tfal ikunu preżenti japplika għal kull proċess li għandu l-għan li jevalwa l-ħtija tal-persuna mixlija (kemm f'sentenzi li jikkundannaw kif ukoll li jeħilsu) skont il-każistika tal-KEDB. Il-preżenza tat-tifel f’dan il-mument tal-proċedimenti kriminali hija ta’ importanza partikolari minħabba l-konsegwenzi li dan il-mument jista’ jkollu.

Artikolu 17 – Il-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

58.         Din id-Direttiva tapplika għat-tfal li jkunu s-suġġett ta' proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, minn meta jiġu arrestati fl-Istat li jeżegwixxi. It-titjib tas-sistema tal-MAE hija l-prinċipju ċentrali tat-tielet rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-MAE[16].

59.         L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni japplikaw id-drittijiet kif previsti mid-Direttiva attwali. Dan se jippromwovi fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent reċiproku billi jipprovdi livell minimu ta’ protezzjoni lit-tfal fl-Istat Membru li jeżegwixxi bħalma jeżisti fl-Istat Membru emittenti.

60.         Il-proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-MAE mhux se jittardjaw, għaliex dan l-Artikolu huwa bla ħsara għall-iskadenzi stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru.

61.         Rigward l-aħjar interessi tat-tfal u f’konformità mar-regoli internazzjonali li skonthom kull forma li ċċaħħad lit-tfal mill-libertà għandha tkun il-miżura tal-aħħar u għall-iqsar żmien possibbli (ara hawn fuq, l-Artikolu 10), l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri kollha sabiex jillimitaw it-tul taż-żmien li fih it-tfal jiġu miċħuda l-libertà, kif kopert minn dan il-MAE.

Artikolu 18 – Id-dritt għall-għajnuna legali

62.         Għalkemm din id-Direttiva ma tippruvax tirregola l-kwistjoni tal-għajnuna legali, hija tesiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-iskemi domestiċi tagħhom tal-għajnuna legali jiggarantixxu l-eżerċizzju effettiv għad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat.

63.         Id-dritt ta’ tfal ssuspettati jew mixlija sabiex ikollhom għajnuna legali proviżorja meta mċaħħda mil-libertà jew meta jkunu suġġetti għal proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew se jkunu koperti minn [proposta għal] Direttiva dwar id-dritt għal għajnuna legali proviżorja għall-persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali li huma mċaħħda mil-libertà u għal persuni mitluba fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u minn [proposta għal] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dritt għal għajnuna legali għall-persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali. F’din tal-aħħar, il-qagħda tat-tfal tissemma b'mod speċifiku b'rabta mat-“test tal-mezzi” u “t-test tal-mertu”[17].

Artikolu 19 – Taħriġ

64.         L-awtoritajiet ġudizzjarji, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-persunal tal-ħabsijiet li jittrattaw il-każijiet li jinvolvu t-tfal għandhom ikunu konxji tal-ħtiġijiet partikolari li jkollhom it-tfal ta’ etajiet differenti, u għandhom jieħdu ħsieb li l-proċedimenti jkunu adattati għalihom. Għal dan l-għan, huma jeħtieġu t-taħriġ adegwat dwar id-drittijiet legali tat-tfal u l-ħtiġijiet li jkollhom it-tfal ta’ etajiet different, l-iżvilupp tat-tfal u l-psikoloġija tat-tfal, il-ħiliet pedagoġiċi, il-komunikazzjoni mat-tfal ta' kull età u f’kull stadju ta’ żvilupp u dwar tfal f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà partikolari.[18] L-avukati tad-difiża li jispeċjalizzaw fil-każijiet tat-tfal għandhom ukoll jibbenefikaw minn taħriġ bħal dan.

65.         Dawk li jipprovdu lit-tfal b’appoġġ jew jagħtu servizzi ta’ ġustizzja restorattiva għandhom ukoll jiġu mħarrġa sakemm jilħqu l-livell adegwat, sabiex jiġi żgurat li t-tfal ikunu trattati b’rispett, b'mod imparzjali u bi professjonalità.

Artikolu 20 – Il-ġbir tad-dejta

66.         Sabiex tiġi mmonitorjata u evalwata l-effikaċja u l-effiċjenza ta’ din id-Direttiva, hemm bżonn li d-dejta li għandha x'taqsam mal-eżerċitar tad-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva tinġabar mill-Istati Membri. Id-dejta rilevanti tinkludi d-dejta rreġistrata mill-awtoritajiet ġudizzjarji u mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u, sa fejn possibbli, d-dejta amministrattiva miġbura mis-servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-assistenza soċjali.

Artikolu 21 – L-ispejjeż

67.         L-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva rigward l-evalwazzjoni tat-tifel, l-eżami mediku u l-irrekordjar awdjoviżiv jitħallsu mill-Istati Membri, anki f’każ meta t-tifel ssuspettat jew mixli jinstab ħati.

Artikolu 22 – Il-klawżola ta' nonrigressjoni

68.         Dan l-Artikolu jiżgura li l-iffissar ta' standards minimi komuni skont din id-Direttiva ma jkollux l-effett li jbaxxi l-istandards f'ċerti Stati Membri kif ukoll li l-istandards iffissati fil-Karta u fil-KEDB jinżammu. Peress li din id-Direttiva tipprevedi r-regoli minimi, l-Istati Membri huma ħielsa li jiffissaw standards ogħla minn dawk maqbula f’din id-Direttiva.

Artikolu 23 – It-traspożizzjoni

69.         L-Istati Membri jridu jimplimentaw id-Direttiva [24 xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha] u, sal-istess data, jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonjiet li jittrasponuha fil-liġi nazzjonali.

70.         L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar, fejn ikun hemm spjegat ir-rabta bejn il-partijiet ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

L-Artikolu 24 – Id-dħul fis-seħħ

71.         Dan l-Artikolu jipprevedi li d-Direttiva se tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.           il-prinċipju tas-sussidjarjetà

72.         L-objettiv tal-proposta ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom, ġaladarba l-għan tal-proposta huwa li tiġi promossa l-fiduċja reċiproka bejniethom, u għalhekk huwa importanti li jkun hemm qbil dwar standards minimi komuni dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali fl-Unjoni Ewropea. Il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE u spjegazzjonijiet dwar għaliex l-UE hija f’pożizzjoni aħjar biex tieħu azzjoni dwar salvagwardji speċjali għal tfal li jħabbtu wiċċhom ma’ proċedimenti kriminali hija żviluppata aktar fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta għal Direttiva.

5.           il-prinċipju tal-proporzjonalità

73.         Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi ma tmurx lil hinn mill-minimu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat f'livell Ewropew u minn dak li hu meħtieġ għal dan l-iskop. Twarrbu l-miżuri li kellhom l-għan li jarmonizzaw l-istandards, bħal pereżempju l-età tar-responsabbiltà kriminali, l-istabbiliment ta’ qrati tal-minuri, ir-regoli dwar id-devjazzjoni tas-sistemi tal-ġustizzja, għax kieku kienu jwasslu għal bidliet sostanzjali fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri. Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità fl-azzjoni tal-UE, id-Direttiva għalhekk ma tipproponix sett komprensiv ta’ regoli għal tfal fi proċedimenti kriminali. Hija tistabbilixxi biss ir-regoli minimi li huma kkunsidrati indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan li jkun hemm standard effettiv għall-protezzjoni tat-tfal, u sabiex tiżdied il-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

6.           implikazzjonijiet baġitarji

74.         Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-UE.

2013/0408 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[19],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[20],

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti salvagwardji proċedurali li jiżguraw li t-tfal li huma ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali jkunu kapaċi jifhmu u jsegwu dawn il-proċedimenti, li jiżguraw li dawn it-tfal ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal proċess ġust u li jevitaw li t-tfal jerġgħu jwettqu reat u li jrawmu l-integrazzjoni soċjali tagħhom.

(2)       Bl-istabbiliment ta' regoli minimi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni ssuspettati jew mixlija, din id-Direttiva għandha ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ Stati Membri oħra u b’hekk tista’ tgħin sabiex jitjieb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonjiet f’materji kriminali. Regoli minimi komuni bħal dawn għandhom ukoll ineħħu l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri.

(3)       Minkejja li l-Istati Membri kollha huma partijiet fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, fil-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-esperjenza wriet li dan waħdu mhux dejjem jipprovdi livell biżżejjed ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra.

(4)       Il-programm ta’ Stokkolma[21] jagħmel enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti kriminali. Fil-punt 2.4, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jfasslu approċċ gradwali[22] għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew mixlija.

(5)       S’issa ġew adottati tliet miżuri, jiġifieri d- Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[23], id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[24] u d-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[25].

(6)       Din id-Direttiva tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal.

(7)       It-tfal li huma ssuspettati jew mixlija f’każijiet kriminali għandhom jingħataw attenzjoni speċjali sabiex jiġi ppreservat l-potenzjal tagħhom għall-iżvilupp u għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà.

(8)       Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tfal, jiġifieri l-persuni li jkunu għadhom ma għalqux it-18-il sena meta jkunu suspettati jew mixlija li kkommettew reat, irrispettivament mill-età tagħhom matul il-proċedimenti kriminali sas-sentenza finali.

(9)       Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal reati li saru wara l-età ta' 18-il sena mill-istess persuna ssuspettata jew mixlija, u li b'mod konġunt ikunu qed jiġu investigati u għaddejjin prosekuzzjoni peress li jkunu marbuta ma' reati li l-proċedimenti kriminali tagħhom kontra din il-persuna jkunu bdew qabel l-età ta' 18-il sena.

(10)     Meta persuna li ssir persuna ssuspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali jkollha aktar minn 18-il sena, l-Istati Membri huma mħeġġa japplikaw is-salvagwardji proċedurali previsti minn din id-Direttiva sakemm din il-persuna tilħaq l-età ta’ 21 sena.

(11)     L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-età tat-tfal abbażi tad-dikjarazzjonijiet tat-tfal stess, jagħmlu kontrolli dwar l-istat ċivili tagħhom, riċerka dwar id-dokumenti, dwar evidenza oħra u, jekk tali evidenza ma tkunx disponibbli jew tkun inkonklużiva, abbażi ta’ eżami mediku.

(12)     Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13/UE u d-Direttiva 2013/48/UE. Informazzjoni fir-rigward ta’ reati żgħar għandha tingħata bl-istess kundizzjonijiet li huma previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2012/13/UE. Madankollu, din id-Direttiva tipprevedi aktar salvagwardji kumplimentari fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tingħata lid-detentur tal-awtorità tal-ġenituri u tal-aċċess obbligatorju għas-servizzi ta' avukat sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal.

(13)     Jekk tifel ma jingħatax il-libertà, l-Ittra ta’ Drittijiet mogħtija lit-tifel skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13/UE għandha tinkludi informazzjoni ċara dwar id-drittijiet tat-tifel skont din id-Direttiva.

(14)     It-terminu “detentur tal-awtorità tal-ġenituri” tfisser kull persuna li għandha r-responsabilità tal-ġenituri fuq it-tifel kif iddefinit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003[26]. L-awtorità tal-ġenituri tfisser il-jeddijiet u d-dmirijiet kollha fir-rigward tal-persuna jew il-proprjetà tat-tifel li huma moghtija lil persuna fiżika jew ġuridika b'sentenza, bl-operat tal-liġi jew b'xi fteħim li għandu effetti legali, inklużi d-drittijet tal-kustodja u d-drittijiet għall-aċċess.

(15)     It-tfal għandu jkollhom d-dritt li d-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jinżamm infurmat dwar id-drittijiet proċedurali applikabbli, bil-fomm jew bil-miktub. Din l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tat-tifel. Meta dan imur kontra l-aħjar interessi tat-tifel, jekk d-detentur tal-awtorita tal-ġenituri jiġi mgħarraf b'dawn id-drittijiet, għandu jiġi mgħarraf adult adattat ieħor.

(16)     It-tfal ma għandhomx ikunu jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat minħabba li dawn ma humiex kapaċi jifhmu b’mod sħiħ kif ukoll isegwu l-proċedimenti kriminali. Għalhekk, il-preżenza jew l-assistenza ta’ avukat għandha tkun obbligatorja għat-tfal.

(17)     F’xi Stati Membri, awtorità, li ma tkunx prosekutur pubbliku jew qorti li jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, tkun kompetenti biex timponi pieni għajr iċ-ċaħda tal-libertà fir-rigward ta’ reati relattivament minuri. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fir-rigward ta’ reati tat-traffiku li jitwettqu fuq skala kbira u jista’ jkun li jiġu stabbiliti wara li jsir kontroll fuq it-traffiku. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ikun mhux raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jiżguraw l-aċċess obbligatorju għas-servizziz ta' avukat. Meta l-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena minn tali awtorità fir-rigward ta’ reati minuri u jkun hemm jew dritt ta’ appell jew il-possibbiltà li b’xi mod ieħor il-każ jinġieb quddiem qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni f’materji kriminali, l-aċċess obbligatorju għal avukat għalhekk għandu japplika biss għall-proċedimenti li jinġiebu quddiem din il-qorti wara tali appell jew rinviju. F’xi Stati Membri l-proċedimenti li jinvolvu t-tfal jistgħu jiġu ttrattati minn prosekuturi pubbliċi li jistgħu jimponu pieni. F’dawn il-proċedimenti t-tfal għandu jkollhom aċċess obbligatorju għas-servizzi ta' avukat.

(18)     F’xi Stati Membri, ċerti reati minuri, b’mod partikolari reati minuri tat-traffiku, reati minuri fir-rigward ta’ regolamenti muniċipali ġenerali u ksur minuri tal-ordni pubbliku, jitqiesu bħala reati kriminali. Li l-awtoritajiet kompetenti jiġu obbligati jiżguraw l-aċċess obbligatorju għas-servizziz ta' avukat għal reati minuri bħal dawn huwa sproporzjonat. Fejn il-liġi ta’ Stat Membru tipprovdi li ċ-ċaħda tal-libertà ma tistax tiġi imposta bħala piena fir-rigward ta’ reati żgħar, id-dritt għall-aċċess għas-servizzi ta' avukat għandu għalhekk japplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni f’materji kriminali.

(19)     Tfal li jkunu ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali għandu jkollhom d-dritt għal evalwazzjoni individwali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom rigward il-protezzjoni, l-edukazzjoni, il-formazzjoni u l-integrazzjoni soċjali, sabiex jiġi ddeterminat jekk jeħtieġux miżuri speċjali matul il-proċedimenti kriminali u sa liema punt, u sabiex jiġi stabbilit l-livell ta’ responsabbiltà kriminali tagħhom u l-adegwatezza tal-piena jew tal-miżura edukattiva għalihom.

(20)     Sabiex tiġi żgurata l-integrità personali ta’ tifel li jiġi arrestat jew miżmum, it-tifel għandu jkollu aċċess għal eżami mediku. L-eżami mediku għandu jitwettaq minn tabib.

(21)     Sabiex tiġi żgurata biżżejjed protezzjoni għat-tfal li mhux dejjem huma kapaċi jifhmu l-kontenut tal-intervisti li jkunu suġġetti għalihom, sabiex ikun evitat li l-kontenut ta’ intervista jiġi kkuntestat u b’hekk r-ripetizzjoni bla bżonn tal-intervista, l-intervisti tat-tfal għandhom jiġu rrekordjati b'mod awdjoviżiv. Dan ma jinkludix l-intervista meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tifel.

(22)     Madankollu, ma jkunx proporzjonat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati jiżguraw li l-każijiet kollha jiġu rrekordjati b'mod awdjoviżiv. Għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni l-kumplessità tal-każ, is-serjetà tal-allegat reat u l-piena li potenzjalment tista' tingħata. Jekk xi tifel ikun imċaħħad mil-libertà qabel ma jinstab ħati, kull intervista tat-tifel għandha tiġi rrekordjata b'mod awdjoviżiv.

(23)     Dan l-irekordjar awdjoviżiv għandu jkun aċċessibbli biss mill-awtoritajiet ġudizzjarji u mill-partijiet fil-proċedimenti. Barra minn hekk, l-intervisti mat-tfal għandhom jitwettqu b’tali mod li jiġu kkunsidrati l-età u l-livell ta' maturità tagħhom.

(24)     L-Istati Membri, meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-kwistjoni tal-għajnuna legali, għandhom jimmiraw li jkollhom regoli li jiggarantixxu l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat għat-tfal.

(25)     It-tfal jinsabu f'pożizzjoni partikolarment vulnerabbli f'dak li jikkonċerna d-detenzjoni. Għandhom isiru sforzi speċjali sabiex tkun evitata ċ-ċaħda tal-libertà tat-tfal minħabba r-riskji intrinsiċi għall-iżvilupp fiżiku, mentali u soċjali tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw miżuri alternattivi u jimponu dawn il-miżuri kull meta dan ikun fl-aħjar interess tat-tifel. Dan jista’ jinkludi l-obbligu li jiġu rrappurtati lill-awtorità kompetenti, xi restrizzjoni fuq kuntatt ma’ persuni speċifiċi, ir-rekwiżit li jingħata trattament terapewtiku jew trattament għal dipendenza u l-parteċipazzjoni f’miżuri edukattivi.

(26)     F'każ li t-tfal ma jingħatawx il-libetà, huma għandhom jibbenefikaw minn miżuri ta’ protezzjoni speċjali. B’mod partikolari huma għandhom jinżammu separati mill-adulti sakemm ma jkunx meqjus li huwa fl-aħjar interess tat-tifel li ma jsirx hekk, skont l-Artikolu 37(c) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Meta tifel detenut jilħaq l-età ta’ 18-il sena, għandu jkun hemm il-possibbiltà li fejn meħtieġ jibqa' miżmum separatament, meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi individwali tal-każ. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-mod kif jiġu ttrattati t-tfal detenuti minħabba l-vulnerabbiltà intrinsika tagħhom. It-tfal għandu jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim skont il-ħtiġijiet tagħhom.

(27)     Professjonisti f'kuntatt dirett mat-tfal għandhom iqisu l-ħtiġijiet partikolari li jkollhom tfal ta’ etajiet differenti, u għandhom jieħdu ħsieb li l-proċedimenti jkunu adattati għalihom. Għal dan l-għan, huma għandhom ikunu speċifikament mħarrġa biex jaħdmu mat-tfal.

(28)     It-tfal għandhom jiġu ġġudikati bil-bibien magħluqin sabiex il-privatezza tagħhom tkun protetta u sabiex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà. F’każijiet eċċezzjonali l-qorti tista’ tiddeċiedi li smigħ għandu jseħħ pubblikament wara li jkunu kkunsidrati l-aħjar interessi tat-tifel.

(29)     Sabiex jiġu żgurati l-għajnuna u l-appoġġ adattati għat-tfal, id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jew adult ieħor adattat, għandhom ikollhom aċċess għas-smigħ tal-qorti fejn hemm involut it-tifel issuspettat jew mixli.

(30)     Id-dritt ta' persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-kawża huwa bbażat fuq id-dritt għal proċess ġust previst fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(31)     Id-drittijiet previsti minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għat-tfal suġġetti għal proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn meta jiġu arrestati fl-Istat Membru li jeżegwixxih.

(32)     Kull evalwazzjoni individwali, eżami mediku u rrekordjar awdjoviżiv previst minn din id-Direttiva għandu jsir mingħajr ħlas għat-tifel.

(33)     Sabiex tiġi mmonitorjata u evalwata l-effikaċja ta’ din id-Direttiva, hemm bżonn li d-dejta li għandha x'taqsam mal-implimentazzjoni tad-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva tinġabar mill-Istati Membri. Id-dejta relevanti tinkludi d-dejta rreġistrata mill-awtoritajiet ġudizzjarji u mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u, sa fejn ikun possibbli, id-dejta amministrattiva miġbura mis-servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-assistenza soċjali b'rabta mad-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, b’mod partikolari rigward l-għadd ta’ tfal mogħtija aċċess għas-servizzi ta' avukat, l-għadd ta’ evalwazzjonijiet individwali mwettqa, l-għadd ta’ intervisti rrekordjati b'mod awdjoviżiv u l-għadd ta’ tfal li ma ngħatawx il-libertà.

(34)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni diżabbli, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(35)     Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni. Tali livell ogħla ta’ protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi ġudizzjarji li dawn ir-regoli minimi huma mfassla li jiffaċilitaw. Il-livell ta’ protezzjoni qatt ma għandu jaqa’ taħt l-istandards previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, kif interpretati fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(36)     Ġaladarba l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal issuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawn l-objettivi.

(37)     [Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda dwar iż-Żona tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva] JEW [Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda dwar iż-Żona tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhux se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhux se jkunu marbutin jew ikunu suġġetti għall-applikazzjoni tagħha][27];

(38)     Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Tratttat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(39)     F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[28], l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi li jirrigwardaw ċerti drittijiet ta' persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali li huma tfal, u ta’ tfal suġġetti għal proċedura ta’ ċediment skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI[29] (“il-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”).

Artikolu 2

Il-kamp ta’ applikazzjoni

1.           Din id-Direttiva tapplika għal tfal suġġetti għal proċedimenti kriminali minn meta dawn jaqgħu taħt suspett jew jiġu mixlija li kkommettew reat, sa tmiem il-proċedimenti kriminali.

2.           Din id-Direttiva tapplika għal tfal suġġetti għall-proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-mument tal-arrest tagħhom fl-Istat Membru li jeżegwixxih.

3.           Din id-Direttiva tapplika għal persuni ssuspettati jew mixlija suġġetti għal proċedimenti kriminali msemmija fil-paragrafu 1, u għal persuni suġġetti għall-proċedimenti ta' mandat ta’ arrest Ewropew msemmija fil-paragrafu 2, li ma jibqgħux tfal matul dawn il-proċedimenti li jkunu bdew meta dawn kienu tfal.

4.           Din id-Direttiva tapplika wkoll għal tfal li ma jkunux issuspettati jew mixlija, li matul l-intervista mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi, isiru persuni ssuspettati jew mixlija.

5.           Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li jiddeterminaw l-età tar-responsabbiltà kriminali.

Artikolu 3

Definizzjoni

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “tifel” tfisser persuna taħt l-età ta’ 18-il sena.

Artikolu 4

Id-dritt tat-tfal għall-informazjoni

1.           L-Istati Membri jiżguraw li t-tfal jiġu infurmati fil-pront dwar id-drittijiet tagħhom skont id- Direttiva 2012/13/UE. Huma jiġu infurmati wkoll dwar id-drittijiet li ġejjin fi ħdan l-istess kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13/UE:

(1) id-dritt tagħhom, kif previst fl-Artikolu 5, li d-detenturi tal-awtorità tal-ġenituri jiġu mgħarrfa;

(2) id-dritt tagħhom, kif previst fl-Artikolu 6, għas-servizzi ta' avukat;

(3) id-dritt tagħhom, kif previst fl-Artikolu 7, għal evalwazzjoni individwali;

(4) id-dritt tagħhom, kif previst fl-Artikolu 8, għal eżami mediku;

(5) id-dritt tagħhom, kif previst fl-Artikoli 10 u 12 għal-libertà u għal trattament speċifiku waqt id-detenzjoni;

(6) id-dritt tagħhom, kif previst fl-Artikolu 14, għall-protezzjoni tal-privatezza;

(7) id-dritt tagħhom, kif previst fl-Artikolu 15, biex d-detenturi tal-awtorità tal-ġenituri jkollhom aċċess għas-seduti tal-qorti;

(8) id-dritt tagħhom, kif previst fl-Artikolu 16, li jkunu preżenti waqt il-kawża;

(9) id-dritt tagħhom, kif previst fl-Artikolu 18, għall-għajnuna legali;

2.           L-Istati Membri jiżguraw li meta t-tfal huma mċaħħda mil-libertà, l-Ittra tad-Drittijiet mogħtija lilhom skont id-Direttiva 2012/13/UE tinkludi d-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva.

Artikolu 5

Id-dritt tat-tfal li jiġi mgħarraf d-detentur tal-awtorità tal-ġenituri

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur tal-awtorità tal-ġenituri tat-tifel jew, meta dan imur kontra l-aħjar interessi tat-tfal, adult xieraq ieħor, jingħata t-tagħrif li t-tifel jirċievi skont l-Artikolu 4.

Artikolu 6

Id-dritt għal aċċess obbligatorju għas-servizzi ta' avukat

1.           L-Istati Membri jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat tul il-proċedimenti kriminali, skont id-Direttiva 2013/48/UE. Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat ma jistax jiġi rrinunzjat.

2.           Id-dritt għal aċċess għas-servizzi ta' avukat japplika wkoll fi proċedimenti kriminali li jistgħu jwasslu biex il-każ jitwaqqa' mill-Prosekutur wara li t-tifel ikun ikkonforma ma’ ċerti kundizzjonijiet.

Artikolu 7

Id-dritt għal evalwazzjoni individwali

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal fir-rigward tal-protezzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-integrazzjoni soċjali.

2.           Għal dan l-għan it-tfal ikunu evalwati individwalment. L-evalwazzjoni tieħu kont partikolari tal-personalità u tal-maturità tat-tfal, u l-isfond ekonomiku u soċjali tagħhom.

3.           L-evalwazzjoni individwali titwettaq fi stadju adegwat tal-proċedimenti, u f'xi waqt qabel l-akkuża.

4.           Il-kobor u d-dettall tal-evalwazzjoni individwali jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, is-serjetà tal-allegat reat u l-piena li għandha tiġi imposta jekk it-tifel jinstab ħati tal-allegat reat, kemm jekk it-tifel preċedentement, fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali, jkunx ġibed jew le l-attenzjoni fuqu tal-awtoritajiet kompetenti.

5.           L-evalwazzjoni individwali titwettaq bl-involviment mill-qrib tat-tfal.

6.           Jekk l-elementi li jiffurmaw il-bażi tal-evalwazzjoni individwali jinbidlu b'mod sinifikanti, l-Istati Membri jiżguraw li l-evalwazzjoni individwali tkun aġġornata matul il-proċedimenti kriminali.

7.           L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-obbligu ta' paragrafu 1 meta ma jkunx proporzjonat li ssir evalwazzjoni individwali, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ u jekk it-tifel preċedentement, fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali, jkunx ġibed jew le l-attenzjoni fuqu tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Artikolu 8

Id-dritt għal eżami mediku

1.           F’każ li t-tifel ma jingħatax il-libertà, l-Istati Membri jiżguraw li t-tifel ikollu aċċess għal eżami mediku bl-għan li b'mod partikolari tiġi evalwata l-kundizzjoni mentali u fiżika ġenerali tat-tifel sabiex li jiġi ddeterminat jekk it-tifel hux kapaċi jiffaċċja intervista jew xi atti oħra investigattivi jew li jiġbru l-provi, jew kull miżura meħuda jew maħsuba kontra t-tifel.

2.           Il-persuni li ġejjin għandhom id-dritt jitolbu għal eżami mediku:

(a) it-tifel,

(b) id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jew l-adult adattat imsemmi fl-Artikolu 5;

(c) l-avukat tat-tifel.

3.           Il-konklużjoni tal-eżami mediku tkun irreġistrata bil-miktub.

4.           L-Istati Membri jiżguraw li eżami mediku jerġa' jsir meta ċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan.

Artikolu 9

L-intervisti lit-tfal

1.           L-Istati Membri jiżguraw li kull intervista li ssir lit-tfal mill-pulizija jew minn awtorità tal-infurzar tal-liġi oħra jew awtorita ġudizzjarja oħra li ssir qabel l-att ta' akkuża, tiġi rrekordjata b'mod awdjoviżiv, dejjem jekk meta jiġu kkunsidrati l-kumplessità tal-każ, is-serjetà tal-allegat reat u l-piena li potenzjament tista' tingħata, dan ikun sproporzjonat.

2.           F'kull każ, l-intervisti lit-tfal jiġu rrekordjati b'mod awdjoviżiv meta t-tfal ikunu mċaħħda mil-libertà, irrispettivament mill-istadju tal-proċedimenti kriminali.

3.           Il-paragrafu 1 huwa bla ħsara għall-possibbiltà li għall-iskop ta’ identifikazzjoni personali tat-tfal, isiru mistoqsijiet mingħajr l-irrekordjar awdjoviżiv.

Artikolu 10

Id-Dritt għal-libertà

1.           L-Istati Membri jiżguraw li meta t-tfal ma jingħatawx il-libertà qabel il-kundanna tagħhom, din tkun l-aħħar miżura u għall-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli. L-eta' u s-sitwazzjoni individwali tat-tifel jittieħed kont tagħhom.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li kull meta tiġi miċħuda l-libertà lit-tfal qabel il-kundanna, dan ikun suġġett għal reviżjoni perjodika minn qorti.

Artikolu 11

Miżuri alternattivi

1.           L-Istati Membri jiżguraw li meta l-kundizzjonijiet għal ċaħda tal-libertà jintlaħqu, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom rikors għal miżuri alternattivi, kull meta jkun possibbli.

2.           Il-miżuri alternattivi jistgħu jinkludu:

(a) l-obbligu fuq it-tfal biex jgħixu f’post speċifiku,

(b) restrizzjonijiet dwar il-kuntatt ma’ persuni speċifiċi,

(c) l-irrappurtar tal-obbligi lill-awtoritajiet kompetenti,

(d) li jittieħed trattament terapewtiku jew trattament għal dipendenza,

(e) il-parteċipazzjoni f’miżuri edukattivi.

Artikolu 12

Id-dritt għal trattament speċifiku f’każ li ma tingħatax il-libertà

1.           L-Istati Membri jiżguraw li t-tfal jinżammu separati mill-adulti, dejjem jekk ma jiġix ikkunsidrat li huwa fl-aħjar interess tat-tifel li dan ma jseħħx. Meta tifel detenut jilħaq l-età ta’ 18-il sena, l-Istati Membri jipprovdu l-possibbiltà li fejn meħtieġ jibqa' miżmum separatament, meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi individwali tad-detenut.

2.           L-Istati Membri matul il-perjodu taċ-ċaħda tal-libertà, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex:

(a) jiżguraw u jippreservaw l-iżvilupp fiżiku u tas-saħħa tat-tfal,

(b) jiżguraw id-dritt għall-edukazzjoni u għat-taħriġ tat-tfal,

(c) jiżguraw l-eżerċizzju effettiv u regulari tad-dritt għal ħajja familjari inkluża ż-żamma tar-rabtiet familjari,

(d) jitrawwem l-iżvilupp tat-tfal u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

Artikolu 13

It-trattament f'waqtu u diliġenti tal-każijiet

1.           L-Istati Membri jiżguraw li proċeduri kriminali li jinvolvu t-tfal jiġu trattati b'urġenza u bid-diliġenza dovuta.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li t-tfal jiġu trattati b’mod adattat għall-età tagħhom, għall-bżonnijiet speċjali tagħhom, għall-maturità tagħhom u skont il-livell ta' komprensjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-diffikultajiet li jista’ jkollhom fil-komunikazzjoni.

Artikolu 14

Id-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-proċedimenti kriminali li jinvolvu t-tfal jseħħu bil-bibien magħluqa, dejjem jekk wara li jiġu kkunsidrati l-aħjar interess tat-tfal, ċirkostanzi eċċezzjonali jkunu jiġġustifikaw deroga.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri xierqa fi proċedimenti kriminali sabiex jipproteġu l-privatezza tat-tfal u tal-membri tal-familja, inklużi l-ismijiet tagћhom u r-ritratti. L-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ma jxerrdux pubblikament informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni tat-tfal.

3.           L-Istati Membri jiżguraw li l-irrekordjar li hemm referenza għalih fl-Artikolu 9(1) ma jkunx pubblikament mxerred.

Artikolu 15

Id-dritt tad-detentur tal-awtorità tal-ġenituri li jkollu aċċess għas-smigħ tal-qorti

L-Istati Membri jiżguraw li d-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jew adult adattat ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 5 jkollhom aċċess għas-smigħ tal-Qorti li jinvolvi t-tfal.

Artikolu 16

Id-dritt tat-tfal li jkunu preżenti waqt il-proċess li għandu l-għan li jevalwa humiex ħatja

1.           L-Istati Membri jiżguraw li t-tfal ikunu preżenti waqt il-proċess.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li fejn it-tfal ma kinux preżenti waqt il-proċess li bħala deċiżjoni jirriżulta li huma ħatja, huma jkollhom id-dritt għal proċedura li fiha jkollhom id-dritt li jipparteċipaw u li tippermetti li jiġu ddeterminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluża l-analiżi ta’ evidenza ġdida, u li twassal sabiex id-deċiżjoni oriġinali tiġi invertita.

Artikolu 17

Il-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

1.           L-Istati Membri jiżguraw li t-tifel il-mitlub, hekk kif isir l-arrest skont il-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, jkollu d-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5, 6, 8, 10, 11, 12, 14, 15 u 18 fl-Istat Membru li jeżegwixxi.

2.           Mingħajr ħsara għall-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, l-awtoritajiet ta’ esekuzzjoni jieħdu l-miżuri kollha sabiex jillimitaw it-tul taż-żmien tat-tfal li jiġu mċaħħda mil-libertà għax jkunu suġġetti għal proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

Artikolu 18

Id-dritt għal għajnuna legali

L-Istati Membri jiżguraw li l-liġi nazzjonali li għandha x'taqsam mal-għajnuna legali tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat kif imsemmi fl-Artikolu 6.

Artikolu 19

Taħriġ

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi kif ukoll il-persunal tal-ħabsijiet li jittrattaw il-każijiet li jinvolvu tfal huma professjonisti li jispeċjalizzaw fil-qasam tal-proċedimenti kriminali li jinvolvu t-tfal. Dawn jirċievu taħriġ partikolari dwar id-dritijiet legali tat-tfal, it-teknika adattata biex jiġu intervistati t-tfal, il-psikoloġija tat-tfal, il-komunikazzjoni b’lingwaġġ adattat għat-tfal u ħiliet pedagoġiċi.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li l-avukati li jiddefendu lit-tfal jirċievu wkoll dan it-taħriġ.

3.           Permezz tas-servizzi pubbliċi tagħhom jew billi jiffinanzjaw l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għat-tfal, l-Istati Membri jħeġġu inizjattivi li jagħmluha possibbli għal dawk li jagħtu appoġġ lit-tfal u s-servizzi ta' ġustizzja restorattiva, li jirċievu taħriġ adegwat f'livell adattat għall-kuntatt tagħhom mat-tfal u josservaw standards professjonali biex jiġi żgurat li servizzi bħal dawn jingħataw b'mod imparzjali, rispettuż u professjonali.

Artikolu 20

Il-ġbir tad-dejta

1.           L-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni sa […], u wara din id-data kull tliet snin, id-dejta li turi kif id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva ġew implimentati.

2.           Din id-dejta tinkludi b'mod partikolari l-għadd ta’ tfal mogħtija aċċess għas-servizzi ta' avukat, l-għadd ta’ evalwazzjonijiet individwali mwettqa, l-għadd ta’ intervisti rrekordjati b'mod awdjoviżiv u l-għadd ta' tfal li ma ngħatawx il-libertà.

Artikolu 21

Spejjeż

L-Istati Membri jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 8 u 9, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti.

Artikolu 22

Il-klawżola ta’ nonregressjoni

Xejn f’din id-Direttiva ma jinftiehem li jillimita jew jidderoga minn xi dritt u salvagwardja proċedurali li huma stipulati fil-Karta, fil-KEDB, jew f'dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali jew fil-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li jipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni.

Artikolu 23

Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fi żmien [24-il xahar mill-pubblikazzjoni tagħha]. Huma jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

2.           Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva, jew dawn għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza dak inhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza jigu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.           L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 24

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 25

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

[2]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni 15.2.2011, COM(2011) 60finali.

[3]               Id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

[4]               Id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

[5]               Id-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11. 2013, p.1.

[6]               Il-prinċipju li jiggwida lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta tivvaluta l-potenzjal tal-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB fir-rigward ta' persuni ssuspettati jew mixlija li jistgħu jitqiesu vulnerabbli kien li tiffoka fuq jekk il-persuna setgħetx jew le “effettivament tipparteċipa” fil-proċess tagħha.

[7]               L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU (“il-KDT tan-NU”)

[8]               Il-punti minn 37 (sa 43)

[9]               Punt 15.1.

[10]             Punt 49.

[11]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri (2008), 11, dwar ir-regoli Ewropej rigward il-Minuri li Wettqu Reati, il-punt 59.1, il-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, il-punt 19.

[12]             Ara l-Green Paper dwar “It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fl-Ispazju Ġudizzjarju Ewropew”, il-Kapitolu 5 dwar it-tfal, COM(2011) 327 final, 14.6.2011.

[13]             Ara l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja (ĠU L 294, 11.11.2009, p.20)

[14]             L-Artikolu 37 tal-KDT tan-NU, l-Artikolu 13.4 tar-Regoli ta’ Beijing, il-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, il-punt IV.A.6.20.

[15]             Il-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, il-punt IV.A.2.6.

[16]             Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – COM(2011) 175, 11.4.2011.

[17]             Ara l-punti 6 u 12.

[18]             Dan jirriżulta wkoll mill-istandards internazzjonali bħall-Artikolu 40(1) u (3) tal-KDT tan-NU; il-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, il-punt 63.

[19]             ĠU C , , p. .

[20]             ĠU C , , p. .

[21]             ĠU C 115, 4.5.2010, p.1.

[22]             ĠU C 291, 4.12.2009, p.1.

[23]             Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

[24]             Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2010, p. 1).

[25]             Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

[26]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1; Ħarġa Speċjali bil-Malti: Kap. 19 Vol. 06, p. 243-271).

[27]             Id-diċitura finali ta' din il-premessa tad-Direttiva tiddependi mill-pożizzjoni li jieħdu r-Renju Unit u l-Irlanda skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 21.

[28]             ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

[29]             Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p.1)