52013DC0614

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Sistema Bankarja Parallela - Nindirizzaw Sorsi Ġodda ta' Riskju fis-Settur Finanzjarju /* COM/2013/0614 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Sistema Bankarja Parallela - Nindirizzaw Sorsi Ġodda ta' Riskju fis-Settur Finanzjarju

Introduzzjoni

Minn mindu bdiet il-kriżi finanzjarja fl-2007/2008, il-Kummissjoni Ewropea wettqet l-akbar riforma tas-servizzi finanzjarji li qatt seħħet fl-Ewropa. L-għan huwa li tkun restawrata s-saħħa u l-istabbiltà sostenibbli għal dan is-settur billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u d-dgħufijiet li xeħtet id-dawl fuqhom il-kriżi.

L-approċċ tal-Kummissjoni jikkonsisti f'li tindirizza r-riskji finanzjarji kollha, globalment u b'mod komprensiv, u tiżgura li l-benefiċċji miksuba bit-tisħiħ ta' ċerti atturi u swieq ma jitnaqqsux billi r-riskji finanzjarji jiċċaqalqu għal setturi anqas irregolati. Dan l-arbitraġġ regolatorju jimmina bil-kbir l-impatt tar-riformi. Il-Kummissjoni għalhekk ippubblikat Green Paper dwar is-sistema bankarja parallela f'Marzu 2012[1], bil-għan li tiġbor kontribuzzjonijiet dwar kif tittratta r-riskji li jirriżultaw mill-intermedjazzjoni tal-kreditu li tinvolvi l-entitajiet u l-attivitajiet barra mis-sistema bankarja regolari.

Is-settur bankarju parallel għandu wkoll post prominenti fuq l-aġenda internazzjonali. Il-mexxejja tal-G20 talbu lill-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja (FSB)[2] sabiex jagħti ħarsa lejn is-sistema bankarja parallela sabiex jidentifika r-riskji ewlenin u jagħmel rakkomandazzjonijiet. L-għan predominanti, kif affermat mill-ġdid f'diversi okkażjonijiet mill-G20, huwa li jiġu eliminati l-irkejjen mudlama kollha fis-settur finanzjarju u li "r-regolamentazzjoni u s-sorveljanza jiġu estiżi għall-istituzzjonijiet finanzjarji, strumenti u swieq kollha li huma sistemikament importanti[3]".

L-ewwel rakkomandazzjonijiet tal-FSB se tiġi approvata mill-mexxejja tal-G20 f’San Pietruburgu fil-5-6 ta’ Settembru 2013. Il-Kummissjoni kkontribwixxiet attivament ħafna għall-ħidma tal-FSB u l-konklużjonijiet ippreżentati f'din il-komunikazzjoni huma konsistenti għalkollox mal-orjentazzjonijiet tal-FSB.

Wara l-konsultazzjoni dwar il-Green Paper u fi żmien meta r-regolamentazzjoni finanzjarja sejra tissaħħaħ u tiġi mtejba b'mod sinifikanti fl-Ewropa, il-Kummissjoni tixtieq tistabbilixxi l-pjan direzzjonali tagħha għax-xhur li ġejjin, li għandu l-għan li jillimita l-ħolqien ta' riskji fis-sistema mhux regolata, b'mod partikolari riskji ta' natura sistemika[4]. Dawn jistgħu jinħolqu speċjalment permezz tal-interkonnettività tas-settur bankarju parallel mas-sistema finanzjarja rregolata.

Filwaqt li l-idea ta' "sistema bankarja parallela" ma ilhiex li ġiet formalment definita fid-diskussjonijiet tal-G20, ir-riskji relatati magħha mhumiex ġodda. Il-Kummissjoni, flimkien mal-koleġiżlaturi Ewropej, diġà implimentat jew qiegħda fil-proċess li timplimenta numru ta' miżuri biex tipprovdi qafas aħjar għal dawn ir-riskji, bħalma huma r-regoli li jirregolaw l-attività tal-fondi ħeġġ[5] u t-tisħiħ tar-relazzjoni bejn il-banek u l-atturi mhux regolati[6].

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta numru ta' prijoritajiet fejn il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tieħu inizjattivi bħat-trasparenza tas-settur bankarju parallel, it-twaqqif ta' qafas għal fondi tas-suq tal-flus, ir-riforma tar-regoli għall-impriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), il-liġi dwar it-titoli u r-riskji assoċjati ma' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (prinċipalment self ta' titoli u tranżazzjonijiet ta' riakkwist) u t-twaqqif ta' qafas għal interazzjonijiet ma' banek. Barra minn hekk, se tingħata attenzjoni partikolari għall-arranġamenti ta' superviżjoni sabiex jiġi żgurat li r-riskji kbar kollha jiġu indirizzati b'mod adegwat. Minbarra dan, ċerti oqsma jeħtieġu analiżi iktar profonda u se jiġu ċċarati aktar tard din is-sena, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-analiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-ħidma tal-G20.

1.           Id-dibattitu dwar is-sistema bankarja parallela

1.1.        L-importanza tas-sistema bankarja parallela fil-kuntest tar-riforma finanzjarja fl-UE

· X'inhi s-sistema bankarja parallela?

Ir-regolaturi jiddefinixxu s-sistema bankarja parallela bħala sistema ta' intermedjazzjoni tal-kreditu li tinvolvi entitajiet u attivitajiet barra mis-sistema bankarja regolari[7].

Dan jinkludi entitajiet li:

– jiġbru finanzjament b'karatteristiċi simili għal depożitu;

– iwettqu trasformazzjoni tal-maturità u/jew tal-likwidità;

– jippermettu trasferiment tar-riskju tal-kreditu;

– jużaw ingranaġġ dirett jew indirett[8].

Attivitajiet bankarji paralleli, b'mod partikolari t-titolizzazzjoni, tranżazzjonijiet ta' self u riakkwist ta' titoli, jikkostitwixxu sors importanti ta' finanzjament għall-entitajiet finanzjarji.

· Għaliex għandu jittieħed interess partikolari f'din is-sistema?

Barra mir-riskji assoċjati mal-ksur tar-regoli eżistenti u l-fatt li dawn l-entitajiet/attivitajiet jistgħu jrawmu akkumulazzjoni moħbija ta' livelli għolja ta' dejn fis-settur finanzjarju, is-sistema bankarja parallela jeħtieġ li tiġi mmonitorjata minħabba d-daqs tagħha, ir-rabtiet mill-qrib tagħha mas-settur finanzjarju rregolat u r-riskju sistemiku li tippreżenta.

L-ewwel fattur huwa d-daqs. Anki jekk mhumiex preċiżi għalkollox, l-estimi tad-daqs tas-sistema bankarja parallela, kemm f'termini assoluti kif ukoll bħala sehem tas-settur finanzjarju globali, juru li wħud mill-komponenti tagħha jistgħu jkunu sistemikament sinifikanti. L-aħħar studji mill-FSB[9] jindikaw li l-ammont aggregat tal-assi tas-sistema bankarja parallela, irrappreżentati mill-kategorija statistika "intermedjarji finanzjarji oħra", huwa madwar nofs id-daqs tas-sistema bankarja rregolata. Minkejja l-fatt li l-assi tas-sistema bankarja parallela naqsu ftit sa mill-2008, iċ-ċifra totali fl-2011 kienet ta' EUR 51 000 biljun. F'termini ta' distribuzzjoni ġeografika, hija kkonċentrata fl-Istati Uniti, (madwar EUR 17 500[10] biljun), u fl-UE[11] (iż-Żona tal-Euro b'EUR 16 800 biljun u r-Renju Unit b'EUR 6 800 biljun).

It-tieni fattur li jżid ir-riskji huwa l-livell għoli ta' interkonnettività bejn is-sistema bankarja parallela u l-bqija tas-settur finanzjarju, partikolarment is-sistema bankarja rregolata. Kwalunkwe dgħufija li hija mmaniġġjata ħażin jew id-destabilizzazzjoni ta' attur importanti fis-sistema bankarja parallela tista' twassal għal mewġa ta' kontaġju li taffettwa setturi soġġetti għall-ogħla standards prudenzjali.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan huwa li jiġi żgurat li r-riskji sistemiċi potenzjali fis-settur finanzjarju jiġu koperti kif xieraq u li l-opportunitajiet ta' arbitraġġ regolatorju jkunu limitati sabiex tissaħħaħ l-integrità tas-suq u tiżdied il-fiduċja ta' min ifaddal u tal-konsumaturi.

1.2.        It-tweġibiet għall-Green Paper tal-Kummissjoni

L-għadd kbir ta' kontribuzzjonijiet li waslu wara l-pubblikazzjoni tal-Green Paper[12], u r-rapport tal-Parlament Ewropew fuq inizjattiva proprja[13], li żied valur sostanzjali għad-dibattitu, jenfasizzaw l-importanza ta' din il-kwistjoni għas-sistema finanzjarja, l-industrija mhux finanzjarja u l-awtoritajiet pubbliċi.

Il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu appoġġjaw bil-qawwa inizjattivi mmirati li jistabbilixxu regoli aktar ċari dwar is-sistema bankarja parallela. Bosta talbu lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ proporzjonat li jiffoka, bħala prijorità, fuq l-attivitajiet jew entitajiet li jippreżentaw livell għoli ta' riskju sistemiku għas-settur ekonomiku u finanzjarju. Dan l-approċċ għandu, sa fejn ikun possibbli, juża l-qafas legali eżistenti tal-UE sabiex jiżgura l-koerenza u l-kontinwità.

Id-definizzjoni proposta tas-sistema bankarja parallela stabbilita fil-Green Paper irċeviet l-approvazzjoni ġenerali ta' dawk li rrispondew. Xi osservaturi kienu jippreferu definizzjoni iżjed speċifika iżda oħrajn enfasizzaw l-importanza li jkun hemm definizzjoni wiesgħa u flessibbli li kapaċi tadatta ruħha għall-bidliet fis-sistema. Madankollu, bosta kontributuri ma kinux kuntenti bit-terminu Ingliż "shadow banking" li huma ħassew għandu konnotazzjonijiet negattivi. Il-Kummissjoni tieħu nota ta' dan it-tħassib, iżda hija stess qed tuża dan it-terminu b'mod newtrali u ħieles mill-konnotazzjonijiet. F'dan l-istadju, madankollu, huwa diffiċli ħafna li wieħed jintroduċi terminoloġija alternattiva, billi dan issa huwa terminu stabbilit tajjeb fid-dibattitu internazzjonali.

Hemm ukoll kunsens dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-arbitraġġ regolatorju bejn setturi regolati ħafna u segmenti oħra tas-suq fejn ċerti attivitajiet finanzjarji simili jistgħu jitwettqu mingħajr ma jkunu soġġetti għall-istess livell ta' regolamentazzjoni. L-għan globali tal-Kummissjoni huwa li timplimenta approċċ koerenti li jinvolvi l-applikazzjoni ta' regoli simili għall-attivitajiet li jippreżentaw riskji simili.

2.           Ir-riformi li se jitwettqu huma rispons adegwat għar-riskji inerenti fis-sistema bankarja parallela?

Il-Kummissjoni nediet programm ta' riforma ambizzjuż u mingħajr preċedent li għalih il-Parlament Ewropew u l-Kunsill taw prijorità f'termini tar-rwol tagħhom bħala koleġiżlaturi.

2.1.        Miżuri mmirati lejn entitajiet finanzjarji

· Tisħiħ tar-rekwiżiti imposti fuq il-banek fir-relazzjonijiet tagħhom mas-sistema bankarja parallela

L-entitajiet tas-sistema bankarja parallela jistgħu, sa ċertu punt, jiġu mmonitorjati permezz tar-relazzjonijiet tagħhom mal-banek. Żewġ settijiet ta' rekwiżiti huma partikolarment importanti f'dan ir-rigward: rekwiżiti relatati mat-tranżazzjonijiet konklużi bejn il-banek u l-kontropartijiet finanzjarji tagħhom u r-regoli tal-kontabilità dwar il-konsolidazzjoni.

L-ewwel, ittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-persuni li jibdew tranżazzjonijiet ta' titolizzazzjoni jkunu allinjati strettament ma' dawk tal-investituri finali. Minn meta s-CRD II[14] daħlet fis-seħħ fi tmiem l-2010, l-istituzzjonijiet ta' kreditu huma obbligati li jiċċekkjaw li l-istituzzjoni oriġinatur jew sponsor tat-tranżazzjoni jkollha interess ekonomiku ekwivalenti għal mill-inqas 5% tal-assi titolizzati. Is-CRD III[15] mbagħad saħħet ir-rekwiżiti tal-kapital għar-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet tat-titolizzazzjoni, b'mod partikolari meta dawn l-istrutturi jinvolvu diversi livelli ta' titolizzazzjoni, u żiedet ir-rekwiżiti prudenzjali għall-appoġġ mogħti lill-istrumenti tat-titolizzazzjoni[16].

It-tieni nett, ir-rekwiżiti kontabilistiċi rigward it-trasparenza wkoll għandhom rwol importanti safejn dawn jippermettu lill-investituri jidentifikaw ir-riskji mġarrba mill-banek u l-iskoperturi tagħhom għas-settur bankarju parallel. L-istandards kontabilistiċi fuq il-konsolidament, b'mod partikolari, jiddeterminaw jekk entità għandhiex tiġi inkluża fuq il-karta tal-bilanċ konsolidata ta' bank. L-emendi magħmula mill-IASB għad-dispożizzjonijiet tal-IFRS 10, 11 u 12, li se jidħlu fis-seħħ fl-Ewropa fl-2014, se jiżviluppaw il-ħtiġijiet ta' konsolidament tal-kontabbiltà u jżidu d-divulgazzjoni dwar entitajiet strutturati mhux konsolidati. Barra minn hekk, il-Kumitat ta' Bażilea beda reviżjoni tal-prattiki ta' konsolidazzjoni prudenzjali u se jippubblika l-konklużjonijiet tiegħu sa tmiem l-2014. Il-Kummissjoni qed issegwi dawn l-iżviluppi mill-qrib.

Fl-2010, l-IASB saħħaħ ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni dwar l-iskoperturi barra l-karta tal-bilanċ fil-każ ta' trasferimenti ta' assi finanzjarji, li daħlu fis-seħħ fl-Ewropa mill-1 ta' Lulju 2011 (IFRS 7). Matul il-kriżi, in-nuqqas ta' informazzjoni dwar dan it-tip ta' impenn kien ifisser li l-investituri u l-awtoritajiet bankarji ma setgħux jidentifikaw b'mod korrett ir-riskji kollha li kienu qed iġorru l-banek.

· It-tisħiħ tar-rekwiżiti imposti fuq il-kumpaniji tal-assigurazzjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mas-sistema bankarja parallela

Id-Direttiva Solvenza II[17] ukoll tindirizza għadd ta' kwistjonijiet tas-sistema bankarja parallela permezz tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju tagħha, kif ukoll billi timponi rekwiżiti stretti tal-immaniġġjar tar-riskju, inkluż il-prinċipju ta' "persuna prudenti" għall-investimenti. Bħal-leġiżlazzjoni bankarja tal-UE, hija tipprovdi għal approċċ tal-karta tal-bilanċ totali fejn l-entitajiet u l-iskoperturi kollha huma soġġetti għas-superviżjoni tal-grupp.

Ċerti attivitajiet bħall-assigurazzjoni ta' self ipotekarju[18], ftehimiet mal-banek fuq l-iswaps tal-likwidità u għoti dirett ta' self jistgħu jqajmu tħassib speċifiku. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-immaniġġjar tar-riskju u r-rekwiżiti tal-kapital li se jkunu speċifikati fil-miżuri tekniċi tal-implimentazzjoni tas-Solvenza II se jassiguraw li r-riskji inerenti f'dawn l-attivitajiet se jkunu koperti biżżejjed u li l-opportunitajiet għal arbitraġġ regolatorju se jkunu limitati. Id-Direttiva Solvenza II tistabbilixxi, b'mod partikolari, li s-self dirett se jkun suġġett għal rekwiżiti tal-kapital u li l-ħolqien ta' strumenti ta' titolizzazzjoni se jkun jeħtieġ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet ta' superviżjoni. Ir-regoli ta' implimentazzjoni ta' din id-Direttiva se jinkludu awtorizzazzjoni u rekwiżiti regolatorji kontinwi dwar is-solvenza, il-governanza u r-rappurtar f'dak li jirrigwarda l-istrumenti speċjali (SPVs) tal-assigurazzjoni.

· Qafas awtorizzat għall-maniġers tal-fondi ta' investiment alternattivi

L-Ewropa diġà ħadet azzjoni fir-rigward ta' atturi finanzjarji li qabel ma kinux soġġetti għal regolamentazzjoni fil-livell tal-UE. Id-Direttiva dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi (AIFMD)[19] tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati għall-entitajiet responsabbli għall-immaniġġjar u l-amministrazzjoni ta' dan it-tip ta' fondi. Sa mit-22 ta' Lulju 2013, dawn ir-regoli jridu japplikaw għall-fondi ħeġġ, l-ekwità privata u l-fondi tal-proprjetà immobbli[20].

Sabiex jirċievi l-approvazzjoni, maniġer għandu jikkonforma mar-rekwiżiti f'termini tal-kapital u l-immaniġġjar tar-riskji u l-likwidità, il-ħatra ta' depożitarju wieħed u regoli dwar it-trasparenza għall-investituri u s-superviżuri. L-ingranaġġ se jkun soġġett għal monitoraġġ speċjali. Jekk jirriżulta li jkun eċċessiv fir-rigward tar-riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, l-awtoritajiet nazzjonali, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), jistgħu jimponu limiti fuq l-użu tal-ingranaġġ.

2.2.        Miżuri meħuda biex tissaħħaħ l-integrità tas-suq

· Qafas għall-istrumenti tat-trasferiment tar-riskju

Il-kontaġju bejn is-sistema finanzjarja rregolata u s-sistema bankarja parallela jista' jkun serju u jsir agħar minħabba n-nuqqas ta' trasparenza, b'mod partikolari fi żminijiet ta' stress. Il-kriżi finanzjarja żvelat ir-rwol ċentrali tad-derivattivi barra l-borża (OTC), bħad-derivattivi tal-kreditu. Ir-Regolament dwar id-derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet[21] (magħruf bħala "EMIR" - European Market Infrastructure Regulation) jirrikjedi l-ikklerjar ċentrali tal-kuntratti derivattivi standardizzati kollha, kif ukoll margin calls għal kuntratti mhux standardizzati. Dan se jagħmilha possibbli li jiġi żgurat li l-informazzjoni relatata mat-tranżazzjonijiet Ewropej kollha dwar il-prodotti derivattivi tiġi maħżuna f'repożitorju tad-dejta aċċessibbli għall-awtoritajiet superviżorji kollha kkonċernati. Billi jiġi żgurat li dawn it-tranżazzjonijiet ikunu trasparenti, se jkun possibbli li jiġi definit b'mod ċar ir-rwol tal-entitajiet fis-sistema bankarja parallela.

Fi ħdan il-qafas tal-implimentazzjoni u r-rieżamijiet futuri tar-Regolament, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kopertura tal-entitajiet li jappartjenu għas-sistema bankarja parallela u tiddetermina jekk inizjattivi supplimentari humiex meħtieġa biex jiżguraw li dawn l-entitajiet ma jkunux eżenti mill-obbligi rigward il-kumpens u t-trasparenza imposti permezz tar-repożitorji ċentrali.

Minbarra dan, ir-regolament tal-bejgħ bin-nieqes[22] indirizza xi wħud minn dan it-tħassib billi żied it-trasparenza għall-pożizzjonijiet tat-tpartitiet tal-inadempjenza tal-kreditu u pprojbixxa t-tpartitiet tal-inadempjenza tal-kreditu sovran skoperti.

· Arranġamenti msaħħa tat-titolizzazzjoni

It-titolizzazzjoni hija metodu ta' finanzjament li huwa importanti għall-finanzjament effettiv tal-ekonomija. Madankollu, hija ġiet użata wkoll għal trasferimenti sinifikanti ta' riskju tal-kreditu mis-sistema bankarja tradizzjonali mingħajr biżżejjed salvagwardji.

Rekwiżiti simili għal dawk stabbiliti fis-CRD II huma stabbiliti għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni (Solvenza II), maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFMD) u impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS).

Il-qafas regolatorju Ewropew huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fis-16 ta' Novembru 2012 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO)[23]. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti attenzjoni partikolari lil dawn il-prinċipji sabiex tiggarantixxi trattament indaqs u għarfien tajjeb tar-riskji fil-livell internazzjonali. It-tisħiħ tal-qafas tat-titolizzazzjoni jinvolvi wkoll li jittieħdu miżuri sodi f'termini ta' trasparenza. Il-Kummissjoni tilqa' kull inizjattiva li għandha l-għan li żżid it-trasparenza u ssaħħaħ l-istandardizzazzjoni tad-divulgazzjoni. Inizjattivi mmexxija mill-banek ċentrali dwar il-kollateral[24] u mill-industrija, bħall-implimentazzjoni tat-tikkettar[25] se jippermettu lis-superviżuri biex jikkontrollaw aħjar ir-riskji u jagħmluha possibbli għall-investituri sabiex janalizzaw ir-riskji aktar bir-reqqa. Dan għandu jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet aktar ta' benefiċċju sabiex jitqajjem mill-ġdid dan is-suq.

· Qafas imsaħħaħ għall-aġenziji ta' klassifikazzjoni

L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom rwol importanti fil-katina tas-sistema bankarja parallela. L-azzjonijiet tal-klassifikazzjoni għandhom impatt dirett fuq l-investituri, dawk li jissellfu, l-emittenti u l-gvernijiet. Il-kriżi finanzjarja enfassizzat l-importanza tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni, b'mod partikolari fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-investituri u kif dawn iffaċilitaw l-estensjoni żejda tal-kreditu u reazzjonijiet proċikliċi f'ħafna każijiet ukoll fis-settur bankarju parallel permezz tal-iffaċilitar tal-ħolqien ta' ingranaġġ eċċessiv. L-UE adottat tliet regolamenti[26] bil-għan li tipprovdi qafas iktar ċar għal dawn l-aġenziji. Dan il-qafas il-ġdid se jnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet esterni, itejjeb il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u jżid ir-responsabbiltà tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. It-tielet Regolament (CRA3) li daħal fis-seħħ fl-20 ta' Ġunju 2013 se jgħin biex jillimita l-kunflitti ta' interess billi jagħmel l-aġenziji responsabbli u se jnaqqas ukoll id-dipendenza eċċessiva u awtomatika fuq dawn il-klassifikazzjonijiet. Dawn il-miżuri flimkien se jgħinu biex is-sistema bankarja parallela ssir aktar b'saħħitha u aktar reżiljenti.

3.           Miżuri addizzjonali li jipprovdu qafas għar-riskji assoċjati mas-sistema bankarja parallela

Ħames oqsma ta' prijorità jistgħu jiġu identifikati: li tiġi miżjuda t-trasparenza fis-sistema bankjara parallela, li jiġi pprovdut qafas imsaħħaħ għall-fondi, partikolarment fondi tas-suq tal-flus, li tiġi żviluppata liġi tat-titoli biex jiġu limitati r-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli, li jissaħħu l-arranġamenti prudenzjali fis-settur bankarju u li jittejjeb il-mod li bih is-superviżjoni tas-sistema bankarja parallela hija organizzata.

3.1.        Aktar trasparenza

Sabiex ikun possibbli li jkun hemm monitoraġġ tar-riskji b'mod effettiv u li jsiru interventi meta meħtieġ, huwa essenzjali li tinġabar dejta ddettaljata, affidabbli u komprensiva. L-awtoritajiet għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jissupplimentaw u jsaħħu l-għodda statistiċi tagħhom, bħall-granularità tad-dejta tagħhom dwar il-fluss ta' fondi. F'dan l-istadju hemm erba' proġetti li jistħoqqilhom trattament prijoritarju.

· Supplimentar tal-inizjattivi rigward il-ġbir u l-iskambju tad-dejta

Hemm il-ħtieġa għall-iżvilupp ta' qafas ta' monitoraġġ għar-riskji tas-sistema bankarja parallela fl-UE. Evalwazzjoni kwantitattiva perjodika għandha sseħħ mill-anqas kull sena u b'mod partikolari għandha tidentifika l-mod kif għandhom jimtlew in-nuqqasijiet tal-informazzjoni li jipprevjenu evalwazzjoni adegwata u komprensiva. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qiegħda tistenna bil-ħerqa l-kontribuzzjoni tal-grupp ta' ħidma tal-ESRB u l-proposti konkreti tiegħu inklużi indikaturi speċifiċi għar-riskji. Fil-livell internazzjonali, l-eżerċizzju ta' monitoraġġ annwali tal-FSB joffri stampa ġenerali tajba ta' dawn l-iżviluppi u għandu jkompli jitlesta. Minbarra l-ħidma konġunta tal-FSB - il-Fond Moneterju Internazzjonali (IMF) dwar qafas għall-ġbir u l-qsim tad-dejta fuq banek kbar ta' importanza sistemika internazzjonali (l-Inizjattiva tan-Nuqqasijiet tad-Dejta) tista' tiġi msaħħa utilment bil-ġbir ta' dejta dwar l-interkonnettività settorjali li tkun utli għall-monitoraġġ tar-riskji assoċjati mas-sistema bankarja parallela.

· L-iżvilupp ta' repożitorji ċentrali għad-derivattivi fi ħdan il-qafas ta' EMIR u r-reviżjoni tal-MiFID

EMIR teħtieġ reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta' derivattivi kollha f'repożitorji ċentrali (repożitorji tat-tranżazzjonijiet). Dawn ir-rekwiżiti tar-rappurtar se jiddaħħlu gradwalment mill-bidu tal-2014. F'termini ta' monitoraġġ tas-sistema bankarja parallela, il-ġbir ta' din id-dejta mir-repożitorji tal-kummerċ huwa pass kbir 'il quddiem billi jgħin biex jiġu identifikati aħjar it-trasferimenti tar-riskji. Dawn ir-repożitorji jipprovdu aċċess immedjat għal informazzjoni dettaljata dwar l-interkonnettività tal-atturi differenti. Pereżempju, jagħmluha possibbli għas-superviżuri sabiex jimmonitorjaw min qed jixtri jew ibigħ il-protezzjoni f'ċerti swieq (derivattivi tal-kreditu, derivattivi tar-rati u tal-ekwitatjiet). Jekk l-entitajiet tas-sistema finanzjarja parallela, bħall-fondi ħeġġ, ikunu dominanti jew iġorru riskji sinifikanti, huma jistgħu jiġu identifikati mis-superviżuri.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID)[27] se tagħmilha wkoll possibbli li tiżdied it-trasparenza tal-bonds, il-prodotti strutturati, l-istrumenti derivattivi u l-kwoti tal-emissjonijiet. Din il-proposta testendi wkoll l-ambitu tad-direttiva biex jinkludi attivitajiet bħan-negozju ta' frekwenza għolja. Billi tagħmel dawn l-attivitajiet kondizzjonali fuq l-għoti tal-approvazzjoni, il-proposta se tippermetti lill-awtoritajiet jidentifikaw u jimmonitorjaw aktar faċilment ir-riskji għas-swieq maħluqa minn dawk involuti fin-negozju ta' frekwenza għolja, anke jekk dawn ikunu jappartjenu għas-sistema bankarja parallela.

· L-implimentazzjoni tal-Identifikatur tal-Entità Legali (IEL)

Fuq talba tal-G20, l-FSB stabbilixxa entità għall-governanza globali - il-Kumitat tas-Sorveljanza Regolatorja tal-IEL - sabiex tiżviluppa u timmaniġġa standard ġdid li jiżgura identifikatur uniku għal kull entità ġuridika li tkun parti fi tranżazzjoni finanzjarja. L-IEL se jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji sabiex jimmonitorjaw lill-atturi finanzjarji kollha, irrispettivament minn jekk humiex regolati, u t-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom, fuq bażi transfruntiera. B'mod partikolari, dan se jagħmilha possibbli li tiġi identifikata l-konċentrazzjoni tar-riskju fis-sistema finanzjarja, li jiġu ssimplifikati s-sistemi ta' rappurtar u li jittejbu l-kwalità tad-dejta u l-immaniġġjar tar-riskju mill-operaturi finanzjarji. L-IEL se jkollu impatt fuq is-sistema bankarja parallela għaliex se jagħmilha possibbli li tinġabar aktar informazzjoni dwar l-entitajiet li jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji.

Il-Kumitat tas-Sorveljanza Regolatorja tal-IEL kellu l-ewwel żewġ laqgħat plenarji tiegħu fl-2013. Bis-sostenn tal-FSB, gradwalment huwa se jistabbilixxi l-istruttura responsabbli għall-immaniġġjar tal-istandard, li se tkun ibbażata fuq unità ċentrali u fuq netwerk ta' operaturi lokali madwar id-dinja. L-IEL inizjalment ser jintuża għar-rappurtar ta' prodotti derivattivi fl-Ewropa u l-Istati Uniti. L-użu tiegħu mbagħad jiġi estiż f'oqsma oħra, bħall-implimentazzjoni tar-regolament li jirrigwarda l-banek, il-fondi ħeġġ, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u s-swieq finanzjarji.

Tliet kwistjonijiet għandhom jiġu enfasizzati f'dan ir-rigward. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-twaqqif fl-Ewropa ta' unitajiet operazzjonali lokali biex jassenjaw identifikaturi lill-kumpaniji Ewropej. It-tieni nett, hi se tagħti attenzjoni partikolari lill-istadju tat-tranżizzjoni qabel l-implimentazzjoni tal-identifikatur definittiv, sabiex, jiġi żgurat li l-identifikaturi ta' tranżizzjoni jkunu globalment koerenti u rikonoxxuti bħala tali mill-Kumitat tal-IEL. F'dan ir-rigward, ir-rappurtar dwar id-derivattivi għandu, f'kull ġuriżdizzjoni, juża l-identifikaturi kollha rikonoxxuti mill-Kumitat. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tiżgura bilanċ xieraq bejn atturi pubbliċi u privati fil-proġett, partikolarment fil-kuntest tal-ħolqien ta' unità operattiva ċentrali li se sservi bħala l-fus tas-sistema.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-possibbiltà li tħejji proposta leġiżlattiva, li tagħmilha possibbli li tittrasponi l-obbligu li jintuża l-IEL fil-qafas legali Ewropew.

· Il-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet tal-finanzjament tat-titoli

Il-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku (ESRB) u l-analiżi tal-FSB tefgħu dawl fuq in-nuqqas ta' dejta affidabbli u fil-fond dwar il-ftehimiet ta' riakkwist u t-tranżazzjonijiet tas-self tat-titoli. Din id-dejta hija essenzjali biex jiġu osservati r-riskji assoċjati mal-interkonnettività, l-ingranaġġ eċċessiv u l-komportament proċikliku. Hija se tippermetti l-identifikazzjoni tal-fatturi tar-riskju bħall-użu eċċessiv ta' finanzjament fuq medda qasira ta' żmien biex jiġu ffinanzjati assi fit-tul, dipendenza għolja fuq ċerti tipi ta' kollateral u nuqqasijiet fil-valutazzjoni tagħhom. Dawn il-lakuni huma ta' tħassib, partikolarment minħabba l-opaċità tal-ktajjen tal-kollateral li żżid ir-riskju ta' kontaġju.

Filwaqt li tikkontribwixxi b'mod attiv għad-diskussjonijiet internazzjonali dwar din il-kwistjoni, il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-inizjattiva kurrenti tal-BĊE sabiex jiġi stabbilit repożitorju ċentrali biex tinġabar dejta dettaljata dwar tranżazzjonijiet ta' riakkwist fl-UE f'ħin reali. Din il-ħidma se (i) tidentifika d-dejta meħtieġa għall-monitoraġġ ta' dawn it-tranżazzjonijiet u (ii) tanalizza d-dejta diġà disponibbli, b'mod partikolari fl-infrastruttura. Il-BĊE riċentement tenna l-ħtieġa għal qafas ta' rrappurtar fil-livell tal-UE[28], filwaqt li l-ESRB kkonkluda li t-twaqqif ta' repożitorju ċentrali fil-livell Ewropew ikun l-aħjar mod biex tinġabar id-dejta dwar it-tranżazzjonijiet tal-finanzjament tat-titoli[29]. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċifika għal dan ix-xogħol fil-qafas tar-rakkomandazzjonijiet tal-FSB. Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, hija se tevalwa jekk it-trasparenza fil-livell tal-UE kenitx aħjar, filwaqt li tirriżerva d-dritt li tipproponi kwalunkwe miżuri xierqa sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

3.2.        Qafas imsaħħaħ għal ċerti fondi ta' investiment

· Miżuri leġiżlattivi speċifiċi biex jiġi pprovdut qafas aħjar għall-fondi tas-suq tal-flus

Il-kriżi finanzjarja wriet li l-fondi tas-suq tal-flus, li kienu jitqiesu bħala strumenti tal-investiment relattivament stabbli, jistgħu jippreżentaw riskju sistemiku. Dawn il-fondi huma għodda utli għall-investituri għax joffru karatteristiċi simili għal dawk ta' depożiti bankarji: aċċess immedjat għal-likwidità u stabbiltà tal-valur. Madankollu, fondi tas-suq tal-flus huma xorta waħda fondi ta' investiment, suġġetti għar-riskju tas-suq. Matul perjodi ta' taqlib qawwi fis-suq, huwa diffiċli għal dawn il-fondi li jżommu l-likwidità u l-istabbiltà, b'mod partikolari fid-dawl ta' assalti (runs) mill-investituri. Għaldaqstant, jistgħu jippreżentaw riskju serju ta' kontaġju.

Wara l-konsultazzjoni organizzata fl-2012 dwar ir-rimudellar tas-settur tal-immaniġġjar tal-assi[30] u bil-għan li tirrispondi għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew[31], il-Kummissjoni ppubblikat flimkien mal-Komunikazzjoni preżenti proposta għal Regolament li japplika għall-fondi kollha Ewropej tas-swieq tal-flus bla eċċezzjoni <http://ec.europa.eu/internal_market/investment/money-market-funds/index_en.htm>. Dawn il-proposti jqisu x-xogħol li sar kemm fil-livell internazzjonali (fl-IOSCO u l-FSB) u kif ukoll fil-livell Ewropew (rakkomandazzjonijiet tal-ESRB[32] u linji gwida tal-ESMA). Huma se jsaħħu, b'mod partikolari, il-kwalità u l-likwidità tal-portafolli tal-assi miżmuma minn dawn il-fondi u se jistabbilixxu, għal xi wħud minn dawn il-fondi, protezzjoni kapitali li tkopri n-nuqqasijiet fil-valutazzjoni assoċjati maċ-ċaqliq fil-valur tal-assi tagħhom.

· Tisħiħ tal-qafas tal-UCITS

Fil-kuntest tar-rieżami ġenerali tad-Direttiva tal-UCITS (saret konsultazzjoni pubblika fl-2012), il-Kummissjoni se tittratta problemi oħra assoċjati mal-immaniġġjar tal-assi. Se ssir evalwazzjoni globali tal-qafas li fih ċerti fondi[33] jistgħu joperaw, inkluż il-mod li bih jintużaw ċerti tekniki u strateġiji tal-investiment.

Bħala aspett ewlieni, ir-reviżjoni se teżamina kif il-fondi tal-investiment jużaw it-tranżazzjonijiet tal-finanzjament tat-titoli. Il-fondi ser ikollhom jiżguraw li l-użu ta' dan it-tip ta' tranżazzjoni ma jkunx ta' ħsara għal-likwidità tagħhom. Dawn it-tranżazzjonijiet ġeneralment imorru id f'id ma' skambju tal-kollateral li jkopri l-fondi kontra r-riskju tal-kontroparti. Il-kriterji tal-eliġibbiltà u d-diversifikazzjoni tal-assi mqiegħda bħala kollateral se jiġu rieżaminati sabiex jiġi żgurat li t-telf potenzjali jkun kopert b'mod adegwat u immedjatament fil-każ ta' inadempjenza ta' kontroparti. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-fondi konnessi b'dan it-tip ta' tranżazzjoni mas-sistema bankarja.

3.3.        Jitnaqqsu r-riskji assoċjati ma' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli

Lil hinn mill-industrija tal-immaniġġjar tal-fondi, it-tranżazzjonijiet tal-iffinanzjar tat-titoli - l-aktar il-ftehimiet ta' riakkwist jew it-tranżazzjonijiet ta' self ta' titoli - kellhom rwol ċentrali fil-livell eċċessiv ta' dejn fis-settur finanzjarju. Minbarra dan, minn meta bdiet il-kriżi finanzjarja, l-intermedjarji finanzjarji spiss ġew imġiegħla jużaw is-sigurtà (kollateral) sabiex jiksbu finanzjament fis-swieq. Dan il-kollateral ikopri lil dawk li jsellfu kontra r-riskju tal-kontroparti iżda jista' wkoll jiġi użat mill-ġdid minn min jislef

Fl-UE, dan il-kollateral normalment jieħu l-forma ta' titoli, li jistgħu jiġu mislufa mill-ġdid lil intermedjarji finanzjarji oħra sabiex jiggarantixxu jew iservu ta' sigurtà għal tranżazzjonijiet ġodda ta' kreditu. Jekk dan il-kollateral jitqiegħed fi flus, jista' jiġi investit mill-ġdid. L-użu mill-ġdid jew l-ipotekizzazzjoni mill-ġdid ta' titoli jiġġenera ktajjen dinamiċi tal-kollateral li fihom l-istess titolu jiġi misluf bosta drabi, spiss bl-involviment ta' atturi mis-sistema bankarja parallela. Dan il-mekkaniżmu jista' jikkontribwixxi għal żieda fl-ingranaġġ u jsaħħaħ in-natura proċiklika tas-sistema finanzjarja, li mbagħad issir vulnerabbli għal assalti bankarji u tnaqqis f'daqqa fl-ingranaġġ. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' trasparenza ta' dawn is-swieq jagħmilha diffiċli biex jiġu identifikati d-drittijiet tal-proprjetà (min huwa s-sid ta' xiex?), u biex tiġi ssorveljata l-konċentrazzjoni tar-riskju u biex jiġu identifikati l-kontropartijiet (min hu espost għal min?). Il-każijiet riċenti li fihom intermedjarji finanzjarji importanti applikaw għall-falliment (pereżempju Lehman Brothers) huma simbolu ta' dawn il-problemi. Xi kultant dawn huma aċċentwati mir-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istrateġiji tat-trasformazzjoni tal-kollateral implimentati minn ċerti atturi finanzjarji. Għalhekk l-inadempjenza ta' istituzzjoni finanzjarja kbira tista' wkoll tiddestabbilizza s-swieq tat-titoli.

Ħidma fil-fond twettqet sabiex jiġu mifhuma aħjar dawn l-iżviluppi, u jittieħed tagħlim minnhom. Sabiex issolvi dawn il-problemi, il-Kummissjoni qed tikkonsidra proposta leġiżlattiva rigward il-liġi dwar it-titoli.

3.4.        It-tisħiħ tal-qafas bankarju prudenzjali sabiex jiġu llimitati l-kontaġju u r-riskji ta' arbitraġġ

Ir-riskji ppreżentati mis-sistema bankarja parallela għall-banek irregolati jistgħu jiġu indirizzati b'żewġ modi ewlenin:

· L-issikkar tar-regoli prudenzjali applikati għall-banek fl-operazzjonijiet tagħhom mal-entitajiet finanzjarji mhux regolati sabiex jitnaqqsu r-riskji tal-kontaġju.

Ir-Regolament tar-Rekwiżiti tal-Kaptial (CRR)[34] u d-Direttiva (CRD IV)[35], li se japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014, se jissikkaw ir-regoli tas-solvenza applikati għall-banek, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti tal-kapital għall-ishma f'entitajiet finanzjarji, inklużi entitatjiet mhux regolati.

Minbarra dan, din ir-riforma prudenzjali se tagħmilha obbligatorja għall-banek li jkopru b'fondi proprji addizzjonali r-riskju tal-kontropartijiet iġġenerat minn ċerti tranżazzjonijiet tad-derivattivi barra l-borża ma' kontropartijiet mis-sistema bankarja parallela. Din ir-riforma tipprovdi għall-impożizzjoni ta' rekwiżit kapitali addizzjonali sabiex ikopri t-telf potenzjali li jirriżulta minn bidliet fil-valur tas-suq ta' dawn id-derivattivi jekk is-solvenza tal-kontroparti għal dawn id-derivattivi tiddeterjora biss jekk il-kontroparti ma tkunx eskluża minn din ir-regola (aġġustamenti tal-valur tal-kreditu jew CVA). Numru ta' entitajiet tas-sistema bankarja parallela huma kontropartijiet importanti f'dawn it-tranżazzjonijiet derivattivi. L-istituzzjonijiet bankarji għalhekk għandhom ikunu inkoraġġiti li jikkonkludu anqas tranżazzjonijiet ma' entitajiet mhux regolati.

Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tipprovdi għal regoli ġodda tal-likwidità[36] li għandhom jirriżultaw f'żieda fil-maturità tal-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-banek u għandha tnaqqas ir-rikors għal finanzjament fuq medda qasira ta' żmien, ħafna drabi mogħti minn entitajiet bħal fondi tas-suq tal-flus.

Madankollu, peress li dawn il-miżuri se jaffettwaw il-kontropartijiet finanzjarji kollha tal-banek bl-istess mod, kemm jekk dawn il-kontropartijiet huma rregolati kif ukoll jekk mhumiex, ġew introdotti żewġ miżuri ġodda speċifiċi biex jitnaqqsu r-riskji li s-sistema bankarja parallela toħloq għall-banek:

– Sa mill-2014, il-banek se jkunu meħtieġa jirrappurtaw lis-superviżuri tagħhom l-iskoperturi prinċipali tagħhom għal entitajiet mhux regolati kif ukoll skoperturi li jirriżultaw minn ftehimiet ta' riakkwist u tranżazzjonijiet ta' self ta' titoli;

– Sa tmiem l-2014 l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) hija mitluba tħejji linji gwida biex tillimita l-iskopertura tal-banek għal kontropartijiet finanzjarji mhux regolati, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea hija meħtieġa li tiddetermina, sa tmiem l-2015, jekk huwiex xieraq li jiġu stabbiliti dawn il-limiti fil-leġiżlazzjoni tal-UE wara li tqis ix-xogħol imwettaq kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell internazzjonali.

· Kunsiderazzjoni ta' estensjoni possibbli tal-ambitu tal-applikazzjoni tar-regoli prudenzjali sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-arbitraġġ

Billi jiġi estiż l-ambitu tagħha, ikun possibbli li jingħata rispons għat-tħassib partikolarment espress fir-rapport ta' inizjattiva tal-Parlament li jissuġġerixxi l-applikazzjoni ta' regoli prudenzjali għal entitajiet li jwettqu attivitajiet simili għal dawk tal-banek mingħajr ma għandha liċenzja bankarja.

Mhuwiex possibbli li tiġi diskussa s-sistema bankarja parallela mingħajr ma jiġi kkunsidrat l-ambitu ta' applikazzjoni tar-regoli bankarji prudenzjali tal-UE. Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE,[37] kull "intrapriża li n-negozju tagħha jkun li tirċievi depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku u li tagħti kreditu mill-kont tagħha" hija meħtieġa li tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali bankarji. Madankollu, il-kunċett ta' "fondi ripagabbli mill-pubbliku", u anke l-kunċetti ta' kreditu u depożiti jistgħu jiġu interpretati b'modi differenti, li jfisser li l-istituzzjonijiet finanzjarji li jwettqu eżattament l-istess attivitajiet jistgħu jiġu kwalifikati bħala istituzzjonijiet ta' kreditu f'xi Stati Membri iżda mhux f'oħrajn. B'riżultat ta' dan, dawn l-entitajiet jistgħu ma jkunux suġġetti għall-istess regoli fl-Unjoni Ewropea.

Evalwazzjoni preċiża tal-mod li bih id-definizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu hija applikata u l-mod li bih l-istituzzjonijiet tal-kreditu huma identifikati fit-28 Stat Membru hija għalhekk neċessarja. Jekk ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni juru problemi speċifiċi, il-Kummissjoni tista' tiċċara, permezz ta' att iddelegat, id-definizzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu għall-finijiet tar-regolamentazzjoni bankarja prudenzjali, fuq il-bażi tal-Artikolu 456 tas-CRR.

Id-dħul fis-seħħ tas-CRR - li huwa regolament, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni preċedenti fejn id-definizzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu kienet tinsab f'Direttiva - ifisser li biss entitajiet finanzjarji li jwettqu kemm l-attivitajiet tat-teħid tad-depożiti u tal-kreditu se jkunu kkwalifikati bħala "istituzzjonijiet tal-kreditu" sa mill-2014. Sa issa, l-Istati Membri tħallew jiddefinixxu istituzzjoni ta' kreditu b'mod aktar wiesa' meta jittrasponu d-Direttiva 2006/48/KE. Pereżempju, f'xi Stati Membri, fornituri ta' kreditu li ma jiħdux depożiti, bħal kumpaniji finanzjarji, jistgħu jkunu kkwalifikati bħala istituzzjonijiet ta' kreditu u għalhekk ikunu meħtieġa jissodisfaw ir-regoli bankarji prudenzjali tal-UE. Xi Stati Membri jistgħu jieħdu d-deċiżjoni li jkomplu japplikaw ir-rekwiżiti bankarji prudenzjali jew ir-rekwiżiti prudenzjali aġġustati għal dawk il-fornituri ta' kreditu. Oħrajn jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx regoli speċifiċi. Dan jista' jirriżulta fi trattamenti prudenzjali differenti madwar l-Istati Membri fir-rigward ta' entitajiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-definizzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu fis-CRR. L-inklużjoni f'din l-evalwazzjoni tal-entitajiet finanzjarji kollha li jwettqu attivitajiet simili għal dawk imwettqa mill-banek mingħajr ma jiġu kklassifikati bħala istituzzjonijiet ta' kreditu se jgħin biex tiġi evalwata d-differenza fit-trattamenti prudenzjali nazzjonali[38].

L-EBA se tkun mitluba tevalwa d-daqs ta' dawk l-entitajiet finanzjarji li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regolamentazzjoni prudenzjali bankarja Ewropea. Minħabba li dan il-kompitu se jeħtieġ valutazzjoni orizzontali tas-settur finanzjarju, l-ABE se tkun tista' wkoll tibbenefika mill-ħidma mwettqa minn awtoritajiet superviżorji Ewropej oħrajn.

Inizjattiva bħal din għandha wkoll tagħmilha possibbli li jissaħħaħ il-qafas ta' superviżjoni makroprudenzjali Ewropea li jagħmilha obbligatorja għall-banek biex iżommu bafer kapitali kontroċikliku fuq talba tal-awtoritajiet ta' superviżjoni meta jidhrilhom li l-volum tas-self ikun eċċessiv. Strument ta' dan it-tip jista' jkun kompletament effettiv biss jekk jikkunsidra l-entitajiet finanzjarji kollha li jagħtu kreditu u mhux biss lill-istituzzjonijiet ta' kreditu.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll rakkomandazzjonijiet li ġejjin tal-FSB dwar l-entitajiet oħra tas-sistema bankarja parallela li attwalment mhumiex soġġetti għal qafas ta' superviżjoni xieraq u ser tipproponi, jekk ikun meħtieġ, miżuri leġiżlattivi biex tirrimedja għal dan.

3.5.        Superviżjoni akbar għas-settur bankarju parallel

Is-sistema bankarja parallela min-natura tagħha għandha diversi aspetti u hija dinamika Hija tadatta ruħha għall-bidliet kemm fis-swieq kif ukoll fir-regolamenti. Il-Kummissjoni għalhekk titlob lill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej sabiex iżommu viġilanza kostanti u jkunu mgħammra bl-għodod tas-superviżjoni disponibbli għal din is-sistema.

In-natura diffuża tas-sistema bankarja parallela jagħmel it-twettiq ta' din is-superviżjoni aktar diffiċli. Fir-rigward tal-kompetenzi li bħalissa huma attribwiti għall-awtoritajiet superviżorji, ir-responsabbiltà għas-superviżjoni għadha trid tiġi definita b'mod ċar jew hija nieqsa mill-profondità. Fid-dawl ta' dan, huwa essenzjali li kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej jieħdu miżuri biex jiżguraw l-istabbiliment ta' sistema ta' monitoraġġ xierqa u komprensiva.

Fil-livell nazzjonali, kull Stat Membru għandu jiżgura li r-riskji inerenti fis-sistema bankarja parallela jiġu identifikati u mmonitorjati. Dan il-kompitu huwa spiss imwettaq mill-korpi responsabbli mis-superviżjoni makroprudenzjali tas-settur finanzjarju, jekk dawn ikunu jeżistu, b'kollaborazzjoni mal-banek ċentrali u l-awtoritajiet superviżorji settorjali. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni mill-qrib għall-kwalità ta' dan il-monitoraġġ u jekk hemmx kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Billi s-sistema bankarja parallela hija globali, għandu jkun possibbli li titwettaq analiżi tar-riskju fuq bażi transfruntiera.

Fil-livell Ewropew, għaddejja ħidma dwar l-evalwazzjoni, l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-entitajiet u r-riskji ppreżentati mis-sistema bankarja parallela. Sar xogħol preliminari fi ħdan l-ESRB u l-awtoritajiet superviżorji Ewropej (EBA, EIOPA, ESMA). Dan ix-xogħol kollu għandu jiġi intensifikat u kkoordinat, filwaqt li jiġi żgurat li kull sors ta' riskju sistemiku jiġi nnutat mis-superviżuri. Huwa għandu jnaqqas l-opportunitajiet ta' arbitraġġ bejn is-setturi finanzjarji u possibilitajiet transfruntieri ta' ċirkumvenzjoni tar-regoli prudenzjali.

Dan l-aspett, kif ukoll il-ħtieġa possibbli li jiġi ċċarat ir-rwol istituzzjonali ta' kull awtorità, se jiġi b'mod partikolari indirizzat fi ħdan il-qafas tar-rieżami tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF), li għandu jitwettaq mill-Kummissjoni fl-2013. Din l-evalwazzjoni għandha tikkunsidra, b'mod partikolari, l-eżistenza ta' proċeduri effettivi biex tinġabar u tiġi skambjata l-informazzjoni dwar is-sistema bankarja parallela. Id-diskussjoni se tieħu wkoll f'kunsiderazzjoni l-iżviluppi assoċjati mal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu superviżorju uniku.

3.6.        Konklużjoni

Is-settur bankarju parallel ma għandux jitqies biss f'termini tar-riskji li jippreżenta; huwa wkoll essenzjali li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti li dan għandu fi ħdan is-settur finanzjarju. Huwa jikkostitwixxi kanal alternattiv ta' finanzjament li huwa essenzjali għall-ekonomija reali, b'mod partikolari fi żmien meta atturi tradizzjonali fis-sistema bankarja qegħdin inaqqsu l-għajnuna finanzjarja.

L-azzjonijiet deskritti f'din il-Komunikazzjoni mhumiex eżawrjenti u l-Kummissjoni se tkompli tivvaluta jekk miżuri supplimentari humiex meħtieġa biex tiżgura li jiġi stabbilit qafas adattat għas-sistema bankarja parallela. Dan l-approċċ dinamiku u li jħares 'il quddiem huwa meħtieġ sabiex jingħata rispons għall-bidliet f'din is-sistema, li qiegħda l-ħin kollu tadatta ruħha għall-kuntest regolatorju.

_________________________________

Miżuri ewlenin fil-qasam tas-sistema bankarja parallela[39]

|| 2009-2012 || 2013 || 2014 u lil hinn

Approċċ indirett permezz tar-regolamentazzjoni bankarja || · CRD 2 implimentat fl-2010 · CRD 3 implimentat fl-2011 · Emenda għall-IFRS 7 fl-2011 (inklużi ċerti riskji ta' titolizzazzjoni) || · Konsultazzjoni tal-UE dwar ir-riforma bankarja strutturali (segwitu tar-rapport Liikanen) || · Proposta COM dwar ir-riforma strutturali || · Implimentazzjoni tas-CRD 4 sal-01/01/2014 · Implimentazzjoni ta' emendi għall-IFRS 10, 11, 12 (rekwiżiti ta' konsolidament / divulgazzjoni)

Inizjattivi speċifiċi fis-settur bankarju / is-Sistema Bankarja Parallela || || || · Tibda l-evalwazzjoni tal-EBA dwar il-kamp ta' applikazzjoni tar-regolamentazzjoni bankarja prudenzjali (rapport finali fl-2014) || · Ir-rapport tal-EBA dwar il-limiti fuq skoperturi għal kontropartijiet mhux regolati.

Approċċ indirett/ Settur tal-assigurazzjoni || || · Rapporti tal-EIOPA għat-trilogu Omnibus II || · Jiġu konklużi t-trilogi Omnibus II || · Atti Delegati għal Solvenza II (inklużi rekwiżiti kapitali u rekwiżiti tal-immaniġġjar tar-riskju)

Settur tal-immaniġġjar tal-assi || · Ħidma tal-IOSCO/FSB/ESRB dwar rakkomandazzjonijiet tal-politika għall-Fondi tas-Suq tal-Flus || · Implimentazzjoni tal-AIFMD (skadenza għat-traspożizzjoni tat-22/07) || · Proposta għal regolament tal-Fondi tas-Suq tal-Flus (04/09) || · Rieżami tal-UCITS inklużi t-tekniki tal-investiment u l-istrateġiji tal-fondi

Qafas tat-trasferiment tar-riskju || · EMIR fis-seħħ sa mill-2012 || · Standards tekniċi adottati (Marzu); || · Standards tekniċi fuq kuntratti suġġett għal obbligazzjoni mandatorja ta' kklerjar jiġu adottati (Q2) u jiddaħħlu fis-seħħ (Q3)

Tnaqqis tar-riskji assoċjati ma' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli || || · Xogħol tal-FSB dwar rakkomandazzjonijiet tal-politika relatati mat-tranżazzjonijiet ta' riakkwist u tas-self tat-titoli || · Proposta tal-Liġi tat-Titoli li tinkludi elementi dwar id-drittijiet tal-proprjetà u t-trasparenza.

Tisħiħ tat-Trasparenza tas-Sistema Bankarja Parallela || || · Twaqqif tal-Kumitat tas-Sorveljanza Regolatorja tal-LEI · Implimentazzjoni tar-regolament tal-bejgħ bin-nieqes (żieda fit-trasparenza għas-CDS u projbizzjoni tas-CDS sovrani skoperti) · Rieżami tal-MIFID / żieda fl-ambitu tat-trasparenza || · Dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti tar-rappurtar għat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi għal riakkwist tan-negozju (EMIR) (Q1) · Qafas ta' monitoraġġ irid jiġi żviluppat mill-awtoritajiet (pereżempju l-grupp ta' ħidma tal-ESRB), · Proposti għal-liġi tat-titoli /Azzjonijiet speċifiċi għal tranżazzjonijiet tal-finanzjament tat-titoli (pereżempju inizjattiva tal-BĊE dwar riakkwist tan-negozju) · Fażi ta' implimentazzjoni tal-identifikatur legali (LEI)

Qafas ta' Superviżjoni tal-UE || || · Rieżami tal-EFSF mill-Kummissjoni || · Ara jekk humiex meħtieġa azzjonijiet ulterjuri għal superviżjoni msaħħa tas-sistema bankarja parallela fl-UE

Aġenziji tal-klassifikazzjoni || · CRA 1 fis-seħħ fl-2009 · CRA 2 fis-seħħ fl-2011 || · CRA 3 fis-seħħ sa mill-20 ta' Ġunju 2013 (tindirizza partikolarment kunflitti ta' interess, dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet) ||

Għodod ta' riżoluzzjoni għall-entitajiet li mhumiex banek || · Konsultazzjoni pubblika COM dwar ir-riżoluzzjoni tal-entitajiet li mhumiex banek || · Evalwazzjoni interna / ħidma fuq livell internazzjonali (FSB dwar ir-riżoluzzjoni u CPSS-IOSCO dwar l-irkupru tal-FMIs) || · Inizjattiva COM (proposta leġiżlattiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCPs u Komunikazzjoni dwar l-orjentament ta' politika fir-rigward tal-istituzzjonijiet l-oħra mhux finanzjarji)

[1]               Ara http://ec.europa.eu/internal_market/bank/docs/shadow/green-paper_en.pdf

[2]               Ara l-Komunikat tal-G20 wara s-Summit ta' Cannes, Novembru 2011.

[3]               Ara l-Komunikat tal-G20 wara s-Summit ta' Londra, 2 ta' April 2009.

[4]               L-azzjonijiet kollha proposti mill-Kummissjoni f'dan id-dokument huma konsistenti u kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali (2007-2013) kif ukoll mal-proposta għall-perjodu li jmiss (2014-2020).

[5]               Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFMD) (ĠU L 174 1.7.2011 p.1).

[6]               Pereżempju, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ skoperturi ta’ titolizzazzjoni fir-Rekwiżiti Kapitali riveduti kif inklużi fir-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE.

[7]               Ara r-rapport tal-FSB "Shadow Banking System, Scoping the Issues" tat-12 ta' April 2011. Ħames gruppi ta' ħidma ġew stabbiliti biex jaħdmu fuq i) l-interazzjonijiet bejn is-sistema bankarja parallela u l-banek, ii) it-tnaqqis tar-riskji assoċjati ma' fondi tas-suq tal-flus, iii) ir-riskji ppreżentati minn entitajiet "oħrajn" tas-sistema bankarja parallela, iv), il-qafas tal-inċentivi u t-trasparenza tat-tranżazzjonijiet ta' titolizzazzjoni u v) ir-riskji li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ta' finanzjament ta' titoli.

[8]               Dawn jistgħu jinkludu entitajiet ad hoc bħall-istrumenti jew conduits ta' titolizzazzjoni, fondi tas-suq tal-flus, fondi ta' investiment li jipprovdu kreditu jew għandhom ingranaġġ, bħal ċerti fondi ħeġġ jew fondi ta' ekwità privata u entitajiet finanzjarji li jipprovdu kreditu jew garanziji ta' kreditu, li mhumiex regolati bħall-banek jew ċerti impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li joħorġu jew jiggarantixxu prodotti ta' kreditu.

[9]               See http://www.financialstabilityboard.org/publications/r_121128.pdf

[10]             Iċ-ċifri huma murija f'USD fl-istudju tal-FSB. Dan jagħti total ta' USD 67 000 biljun, li USD 23 000 biljun minnhom huma fl-Istati Uniti, USD 22 000 biljun huma fiż-żona tal-euro u USD 9 000 biljun huma fir-Renju Unit.

[11]             Sabiex ikun possibbli t-tqabbil internazzjonali, qed tintuża d-dejta tal-FSB. Saru studji wkoll mill-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-ESMA u l-ESRB. Dawn l-istudji jadottaw metodoloġiji, definizzjonijiet u sorsi ta' dejta differenti li jistgħu jwasslu għal differenzi sostanzjali fl-istimi.

[12]             Ara http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2012/shadow/replies-summary_en.pdf.

[13]             Ara http://www.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?lang=en&reference=2012/2115(INI)

[14]             Id-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE u 2007/64/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, espożizzjonijiet kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 302 17.11.2009 p.97)

[15]             Id-Direttiva 2010/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-24 ta' Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni (ĠU L 302 14,12.2010 p.3)

[16]             Il-Kummissjoni qiegħda wkoll issegwi x-xogħol li sar mill-Kumitat ta' Bażilea dwar dan is-suġġett u l-emendi proposti tiegħu għall-arranġamenti attwali.

[17]             Ara http://ec.europa.eu/internal_market/insurance/solvency/

[18]             Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom iqisu b'mod partikolari l-prinċipji tal-Forum Konġunt li se jiġu ffinalizzati sa tmiem l-2013. http://www.bis.org/press/p130211.htm.

[19]             Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFMD) (ĠU L 174 1.7.2011 p.1).

[20]             Sa tmiem it-tielet kwart tal-2012, l-assi totali mmaniġġjati minn dawn il-fondi alternattivi kienet tammonta għal madwar 2 500 biljun (sors: EFAMA).

[21]             Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201 27.7.2012 p. 1)

[22]             Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86 24.3.2012 p. 1)

[23]             Ara http://www.iosco.org/library/pubdocs/pdf/IOSCOPD394.pdf.

[24]             Ara, pereżempju, l-inizjattivi meħuda mill-Eurosistema u mill-Bank of England.

[25]             Iż-żewġ eżempji ta' dan huma t-Tikketta tal-PCS (Prime Collateralised Securities - Titoli Kolateralizzati Primi) għas-suq tat-titoli sostnuti minn assi u t-Tikketta tal-Kunsill Ewropew tal-Bonds Koperti (ECBC - European Covered Bond Council) għas-suq tal-bonds koperti.

[26]             Ara http://ec.europa.eu/internal_market/rating-agencies/index_en.htm b'referenza għar-Regolament (EU) l-aktar riċenti Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu Test b'relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1–33) u d-Direttiva 2003/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li temenda d-Direttiva 2013/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali, id-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza żejda fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu (ĠU L 145, 31.5.2013, p. 1–3)

[27]             Ara http://ec.europa.eu/internal_market/securities/isd/mifid_en.htm

[28]             Ara http://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/mobu/mb201302en.pdf#page=90

[29]             http://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/occasional/20130318_occasional_paper.pdf?e85401cf104ef718cfe83797b55c87f6

[30]             http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2012/ucits_en.htm.

[31]             Ara http://www.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?lang=en&reference=2012/2115(INI)

[32]             http://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/recommendations/2012/ESRB_2011_1.en.pdf?5c66771e20fc39810648296a2c6102d9

[33]             L-approċċ se jkun usa' mill-kategorija tal-fondi nnegozjati fuq borża (ETF),

[34]             Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176 27.6.2013 p.1)

[35]             Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176 27.6.2013 p.338)

[36]             Dawn ir-regoli l-ġodda se jiġu ffinalizzati meta l-istudji tal-impatt ikunu tlestew.

[37]             L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 177 30.6.2006 p.1) u l-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) 648/2012 (ĠU L 176 27.6.2013 p.1).

[38]             Pereżempju, dan huwa l-każ għall-kreditu tal-konsumatur, l-attivitajiet ta' fatturament u anke ta' kiri li jitwettqu mingħajr liċenzja bankarja f'ċerti Stati Membri.

[39]               Id-dati kollha huma indikattivi.