52013DC0542

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti /* COM/2013/0542 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti

“Id-dinja teħtieġ Ewropa li tkun kapaċi tiskjera missjonijiet militari biex tgħin tistabbilizza s-sitwazzjoni f'żoni ta’ kriżi.... Jeħtieġ li nsaħħu l-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tagħna u approċċ komuni lejn il-kwistjonijiet ta’ difiża għaliex flimkien għandna s-setgħa u l-iskala li nibdlu d-dinja f’post aktar ġust, ibbażat fuq ir-regoli u li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.”

Il-President Barroso, Diskors tal-Istat tal-Unjoni Settembru 2012

“Il-Kunsill itenni s-sejħa tiegħu sabiex jinżammu u jiġu żviluppati aktar il-kapaċitajiet militari għas-sosteniment u t-titjib tal-PSDK. Dawn jirfdu l-kapaċità tal-UE li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà, fil-kuntest ta’ approċċ komprensiv usa’ (u) tal-ħtieġa ta’ industrija tad-difiża Ewropea b’saħħitha u inqas frammentata li ssostni u ttejjeb il-kapaċitajiet militari tal-Ewropa u l-azzjoni awtonoma tal-UE”.

Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, 19 ta’ Novembru 2012, Konklużjonijiet

1.           Il-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea fit-tisħiħ tas-settur Ewropew tad-difiża u s-sigurtà

Din il-Komunikazzjoni tibni fuq il-ħidma tat-Task Force tad-Difiża tal-Kummissjoni, li ġiet stabbilita fl-2011 bil-għan li ssaħħaħ is-settur tad-difiża billi timmobilizza il-politiki rilevanti kollha tal-UE. L-EEAS u l-EDA ġew assoċjati kompletament mal-ħidma tat-Task Force, u bi tħejjija għal din il-Komunikazzjoni.

1.1.        Introduzzjoni

L-ambjent strateġiku u ġeopolitiku qiegħed jevolvi b’mod mgħaġġel u kostanti. Il-bilanċ tal-poter tad-dinja qed jiċċaqlaq hekk kif qegħdin jitfaċċaw ċentri ġodda ta’ gravità u l-Istati Uniti qiegħda tibbilanċja mill-ġdid l-attenzjoni strateġika tagħha lejn l-Asja. F’din is-sitwazzjoni, l-Ewropa għandha tassumi responsabbiltajiet akbar għas-sigurtà tagħha fit-territorju tagħha u lil hinn mill-fruntieri tagħha. Biex turi l-qawwa tagħha, l-UE teħtieġ li tiżviluppa PSDK kredibbli. Din l-evoluzzjoni għandha tkun għal kollox kompatibbli man-NATO u mal-prinċipji tagħha.

L-isfidi tas-sigurtà li qegħdin niffaċċjaw illum huma bosta, kumplessi, marbuta ma’ xulxin u diffiċli li jiġu mbassra: jistgħu jseħħu kriżijiet reġjonali u jsiru vjolenti, jistgħu jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda li jġibu magħhom vulnerabbiltajiet ġodda u theddid ġdid, waqt li l-bidliet ambjentali u l-iskarsezza tar-riżorsi naturali jistgħu jikkawżaw kunflitti politiċi u militari. Fl-istess waqt, ħafna theddid u riskji jinfirxu faċilment lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u b’hekk iċajpru l-linja tradizzjonali li tifred is-sigurtà interna minn dik esterna.

Dawn l-isfidi ta’ sigurtà jistgħu jiġu indirizzati biss b’approċċ komprensiv li jgħaqqad politiki u strumenti differenti, u miżuri għal żmien qasir u fit-tul. Dan l-approċċ għandu jkun sostnut minn firxa wiesgħa ta’ kapaċitajiet ċivili u militari. Huwa dejjem aktar improbabbli li l-Istati Membri jistgħu jġorru dan il-piż waħedhom.

Dan huwa l-każ b’mod partikolari għad-difiża, fejn tagħmir ġdid spiss ikun teknoloġikament kumpless u għali. Illum, l-Istati Membri jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jarmaw il-forzi armati tagħhom b’mod adegwat. L-operazzjonijiet riċenti fil-Libja kixfu nuqqasijiet importanti Ewropej f’kapaċitajiet militari ewlenin.

Il-kriżi fin-nefqa pubblika twassal għal tnaqqis fil-baġits tad-difiża li taggrava s-sitwazzjoni, b’mod partikolari, minħabba li la huwa kkoordinat u lanqas implimentat fir-rigward ta’ għanijiet strateġiċi komuni. Mill-2001 sal-2010 in-nefqa tad-difiża tal-UE naqset minn €251 biljun għal €194 biljun. Dan it-tnaqqis fil-baġit qed ikollu wkoll impatt serju fuq l-industriji li jiżviluppaw tagħmir għall-forzi armati tagħna bi tnaqqis fil-programmi eżistenti u dawk ippjanati. Dan jaffettwa b’mod partikolari l-investiment fir-R&Ż tad-difiża li huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-futur. Bejn l-2005 u l-2010 kien hemm tnaqqis ta’ 14 % fil-baġits tar-R&Ż Ewropej għal EUR 9 biljuni; u l-Istati Uniti waħedha llum tonfoq seba’ darbiet aktar fuq ir-R&Ż tad-difiża mis-27 Stat Membru tal-UE kollha f’daqqa.

Il-baġits tad-difiża qegħdin jonqsu, u l-ispejjeż tal-kapaċitajiet moderni qegħdin jiżdiedu. Dawn iż-żidiet fl-ispejjeż ġejjin mit-tendenza fit-tul li t-teknoloġija tat-tagħmir tad-difiża dejjem tikkomplika ruħha, u wkoll minħabba t-tnaqqis ta’ volumi ta’ produzzjoni kkawżat mir-riorganizzazzjoni u mit-tnaqqis tal-impjegati tal-forzi armati Ewropej minn meta ntemmet il-Gwerra l-Bierda. Dawn il-fatturi sejrin ikomplu jsawru s-swieq tad-difiża fl-Ewropa irrispettivament mil-livelli tal-baġit.

Din is-sitwazzjoni toħloq riperkussjonijiet għal industrija li taqdi rwol kruċjali fl-ekonomija Ewropea usa’. B’introjtu ta’ €96 biljun fl-2012 biss, dan huwa settur industrijali kbir, li jiġġenera l-innovazzjoni u huwa iċċentrat fuq l-aktar inġinerija u teknoloġiji sofistikati u ta' livell għoli. Ir-riċerka ewlenija tagħha ħolqot effetti importanti indiretti f’setturi oħrajn, bħall-elettronika, l-avjazzjoni spazjali u ċivili u tipprovdi tkabbir u eluf ta’ impjiegi ta’ ħiliet għoljin. L-industrija tad-difiża fl-Ewropa timpjega b’mod dirett madwar 400,000 persuna u tiġġenera madwar 960,000 impjieg indirett ieħor. Għalhekk, dan huwa settur li huwa essenzjali li jinżamm jekk l-Ewropa sejra tibqa’ ċentru ewlieni tal-manifattura u l-innovazzjoni. Huwa għalhekk li l-azzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tad-difiża hija parti importanti mill-Istrateġija għall-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

Fl-istess waqt, l-importanza ta’ din l-industrija ma tistax titkejjel biss skont l-impjiegi u d-dħul. Il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) tikkostitwixxi element ewlieni għall-kapaċità Ewropea biex tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha u tħares il-valuri u l-interessi tagħha. L-Ewropa għandha tkun kapaċi tassumi r-responsabbiltajiet tagħha għas-sigurtà proprja u għall-paċi internazzjonali u l-istabilità inġenerali. Dan jeħtieġ ċertu grad ta’ awtonomija strateġika: biex tkun sieħeb kredibbli u affidabbli, l-Ewropa għandha tkun kapaċi tiddeċiedi u taġixxi mingħajr ma tiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ partijiet terzi. Is-sigurtà tal-provvista, l-aċċess għal teknoloġiji kruċjali u s-sovranità operattiva għaldaqstant huma kruċjali.

Attwalment il-kumpaniji tad-difiża qegħdin ikampaw bil-benefiċċji tal-investiment R&Ż tal-passat u rnexxielhom jissostitwixxu b’suċċess it-tnaqqis fl-ordnijiet nazzjonali bl-esportazzjonijiet. Madankollu, dan spiss jirriżulta fi trasferimenti tat-teknoloġija, ta' drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u ta' produzzjoni barra l-UE. Dan min-naħa tiegħu għandu implikazzjonijiet serji għall-kompetittività fit-tul tal-EDTIB.

Il-problema ta’ baġits imnaqqsa għad-difiża hija aggravata mill-frammentazzjoni persistenti tas-swieq Ewropej li twassal għad-duplikazzjoni bla bżonn tal-kapaċitajiet, tal-organizzazzjonijiet u tan-nefqa. Il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni madwar l-UE baqgħu eċċezzjoni, b’aktar minn 80 % tal-investiment fit-tagħmir tad-difiża jintefaq fil-pajjiżi stess. B’riżultat ta’ dan, l-Ewropa qiegħda fil-periklu li titlef għarfien u awtonomija essenzjali f’oqsma ewlenin tal-kapaċità.

Din is-sitwazzjoni teħtieġ riorjentazzjoni tal-prijoritajiet. Jekk huwa diffiċli li jintefqu aktar flus jeħtieġ li l-flus jintefqu aħjar. Hemm skop sinifikanti għalfejn dan għandu jsir. Minkejja t-tnaqqis, fl-2011 l-Istati Membri tal-UE flimkien xorta waħda nefqu aktar fuq id-difiża miċ-Ċina, ir-Russja u l-Ġappun flimkien[1]. Ir-restrizzjonijiet fil-baġit għaldaqstant għandhom ikunu kkumpensati b’aktar kooperazzjoni u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Dan jista’ jsir permezz ta’ raggruppamenti ta’ appoġġ, speċjalizzazzjoni tar-rwoli, riċerka u akkwisti konġunti, approċċ ġdid u aktar dinamiku lejn is-sinerġiji ċivili-militari u aktar integrazzjoni tas-swieq.

1.2.        L-istrateġija tal-Kummissjoni

Id-difiża għadha fil-qalba tas-sovranità nazzjonali u d-deċiżjonijiet dwar il-kapaċitajiet militari jibqgħu tal-Istati Membri. Madankollu, l-UE għandha kontribut sinifikanti x'tagħti. Għandha politiki u strumenti biex timplimenta l-bidla strutturali u hija l-aħjar qafas għall-Istati Membri biex dawn iżommu kollettivament livell xieraq ta' awtonomija strateġika. Minħabba li l-Istati Membri flimkien għandhom madwar 1.6 miljun suldat u baġits tad-difiża annwali ta' EUR 194 biljun, l-UE għandha l-kapaċità li tkun attur strateġiku fil-livell internazzjonali, f'konformità mal-valuri tagħha.

Il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2012, għaldaqstant talab lir-“Rappreżentant Għoli, l-aktar permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, kif ukoll lill-Kummissjoni, (…) sabiex ikomplu jiżviluppaw proposti u azzjonijiet li jsaħħu l-PSDK u jtejbu d-disponibbiltà tal-kapaċitajiet ċivili u militari meħtieġa...”.

L-għan aħħari huwa li tissaħħaħ id-difiża Ewropea sabiex jintlaqgħu l-isfidi tas-seklu 21. L-Istati Membri sejrin imexxu bosta mir-riformi meħtieġa. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) għandha l-inkarigu li tappoġġjahom fl-isforz tagħhom li jtejbu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Unjoni għall-PSDK. Il-Kummissjoni wkoll tista’ tagħti kontribut importanti, u diġà bdiet tagħmel dan. Kif saħaq il-President Barroso: “Il-Kummissjoni qiegħda tagħti sehemha: qegħdin naħdmu għal suq waħdieni tad-difiża. Qegħdin nużaw il-kompetenzi tagħna pprovduti taħt it-Trattat bl-għan li niżviluppaw bażi industrijali Ewropea tad-difiża.”

B’dawn l-għanijiet f’moħħha, il-Kummissjoni ressqet iż-żewġ Direttivi dwar id-difiża u l-akkwist sensittiv tas-sigurtà (2009/81) u t-trasferimenti (2009/43), li llum jikkostitwixxu l-pedament tas-suq Ewropew tad-difiża. Barra minn hekk, hija żviluppat politiki industrijali u programmi speċifiċi ta’ riċerka u innovazzjoni għas-sigurtà u għall-ispazju. Il-Kummissjoni żviluppat ukoll politiki u strumenti li jappoġġjaw kemm is-sigurtà interna kif ukoll dik esterna f’oqsma bħal-protezzjoni tal-fruntieri esterni, is-sorveljanza marittima, il-protezzjoni ċivili, jew il-ġestjoni tal-kriżi, li għandhom diversi similaritajiet u rabtiet teknoloġiċi, industrijali, kunċettwali u operattivi mad-difiża.

Din il-Komunikazzjoni tikkonsolida dan l-acquis u tkompli tiżviluppah fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha kif definit fit-Trattat ta’ Lisbona. Hija tipprova, b’mod partikolari, tisfrutta s-sinerġiji possibbli u l-influwenza reċiproka li jiġu min-nuqqas ta’ ċarezza tal-linja li taqsam id-difiża mis-sigurtà u ċ-ċivil mill-militar.

Biex tikseb dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tieħu azzjoni f’dawn il-linji:

· Tapprofondixxi aktar is-suq intern għad-difiża u s-sigurtà. Dan ifisser l-ewwel nett li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa taż-żewġ Direttivi eżistenti. Abbażi ta’ dan l-acquis, il-Kummissjoni sejra tindirizza wkoll id-distorsjonijiet fis-suq u tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà tal-provvista bejn l-Istati Membri;

· Issaħħaħ il-kompetittività tal-EDTIB. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni sejra tiżviluppa politika industrijali tad-difiża bbażata fuq żewġ linji ewlenin:

– Appoġġ lill-kompetittività – inkluż l-iżvilupp ta’ ‘standards ibridi’ li huma ta' benefiċċju għas-swieq tas-sigurtà u tad-difiża u l-eżami tal-modi kif tiġi żviluppata sistema ta’ ċertifikazzjoni Ewropea tal-ajrunavigabbiltà militari.

– Appoġġ lill-SMEs – inkluż l-iżvilupp ta’ Sħubija ta’ Raggruppamenti Strateġiċi Ewropej li tipprovdi rabtiet ma’ raggruppamenti oħrajn u tappoġġja SMEs marbuta mad-difiża fil-kompetizzjoni globali.

· Tisfrutta s-sinerġiji ċivili u militari safejn ikun l-aktar possibbli sabiex tiżgura l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi ta’ dawk l-Ewropej li jħallsu t-taxxa. B’mod partikolari billi:

– tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq l-influwenzi reċiproċi bejn ir-riċerka ċivili u dik militari u l-użu doppju potenzjali tal-ispazju;

– tgħin lill-forzi armati jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom u b’hekk jikkontribwixxu għall-miri 20/20/20 tal-Unjoni.

· Barra minn hekk, il-Kummissjoni tissuġġerixxi azzjonijiet li għandhom l-għan li jesploraw toroq ġodda, imexxu ’l quddiem id-dibattitu strateġiku fl-Ewropa u jħejju l-bażi għal aktar kooperazzjoni Ewropea profonda. B’mod partikolari billi:

· Tivvaluta l-possibbiltà ta’ kapaċitajiet proprji tal-UE b’użu doppju, li f’ċerti oqsma ta’ sigurtà jistgħu jikkumplimentaw il-kapaċitajiet nazzjonali u jsiru multiplikaturi tal-forzi effettivi u kosteffiċjenti;

· Tikkonsidra li tibda azzjoni preparatorja għar-riċerka marbuta mal-PSDK billi tiffoka fuq dawk l-oqsma fejn il-kapaċitajiet tad-difiża tal-UE huma l-aktar meħtieġa.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet sabiex jiddiskutu din il-Komunikazzjoni fil-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2013, flimkien mar-rapport mħejji mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà.

Pjan ta’ Azzjoni[2]

2.           It-Tisħiħ tas-Suq Intern għad-Difiża

2.1.        L-iżgurar tal-effiċjenza tas-suq

· Hekk kif id-Direttiva 2009/81 dwar l-Akkwisti tad-Difiża u tas-Sigurtà ġiet trasposta għal kollox fl-Istati Membri kollha, is-sinsla regolatorja għal Suq Ewropew tad-Difiża ġiet stabbilita. Għall-ewwel darba f’dan is-settur japplikaw regoli speċifiċi dwar is-Suq Intern li jtejbu kompetizzjoni ġusta madwar l-UE kollha. Madankollu, id-difiża tibqa’ suq speċifiku bi tradizzjoni twila ta’ frammentazzjoni nazzjonali. Għaldaqstant il-Kummissjoni sejra tieħu miżuri speċifiċi sabiex tassigura li d-Direttiva tiġi applikata tajjeb u tilħaq l-għan tagħha.

Azzjoni:

· Il-Kummissjoni sejra timmonitorja l-ftuħ tas-swieq tad-difiża tal-Istati Membri u tivvaluta b’mod regolari permezz tat-Tenders Electronic Daily (TED) tal-UE u sorsi speċjalizzati oħrajn kif ir-regoli l-ġodda tal-akkwist qegħdin ikunu applikati. Hija sejra tikkoordina l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-swieq tagħha ma’ dawk tal-EDA sabiex tisfrutta sinerġiji potenzjali u tevita d-duplikazzjoni bla bżonn tal-isforzi.

Fi żminijiet ta’ limitazzjonijiet ta’ baġit, huwa partikolarment importanti li r-riżorsi finanzjarji jintefqu b’mod effiċjenti. Il-kondiviżjoni tad-domanda huwa mod effettiv kif jinkiseb dan l-għan. Id-Direttiva tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-korpi ta’ xiri ċentrali li jippermettu lill-Istati Membri jużaw ir-regoli l-ġodda wkoll għall-akkwisti konġunti, pereżempju permezz tal-EDA. L-Istati Membri għandhom jużaw din l-għodda kemm jista’ jkun sabiex jimmassimizzaw l-ekonomiji ta’ skala u jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kooperazzjoni madwar l-UE.

Ċerti kuntratti huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva, minħabba li l-applikazzjoni tar-regoli tagħha ma jkunux xierqa. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għall-programmi kooperattivi, li huma mezz effettiv għat-trawwim tal-konsolidazzjoni u l-kompetittività tas-swieq.

Madankollu, esklużjonijiet speċifiċi oħrajn, l-aktar dawk ta’ bejgħ minn gvern għal gvern u ta’ għotjiet ta’ kuntratti rregolati minn regoli internazzjonali, jistgħu jkunu interpretati b’mod li jimminaw l-użu korrett tad-Direttiva. Dan jista’ jipperikola l-kundizzjonijiet ugwali fis-suq intern. Il-Kummissjoni għaldaqstant sejra tassigura li dawn l-esklużjonijiet ikunu interpretati strettament u li ma jsirx abbuż minnhom biex wieħed jaħrab mid-Direttiva.

Azzjoni:

· Il-Kummissjoni sejra tiċċara l-limiti ta’ ċerti esklużjonijiet. Għal dan il-għan, hija sejra tipprovdi, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, gwida speċifika, l-aktar dwar il-bejgħ minn gvern għal gvern u l-ftehimiet internazzjonali.

2.2         L-indirizzar tad-distorsjonijiet tas-suq

Biex tkompli tiżviluppa s-Suq Intern għad-difiża u taħdem għal kundizzjonijiet ugwali għall-fornituri Ewropej kollha, il-Kummissjoni sejra tindirizza prattiki persistenti inġusti u diskriminatorji u d-distorsjonijiet tas-suq. B’mod partikolari hija sejra timmobilizza l-politiki tagħha kontra t-tpaċijiet, jiġifieri kumpensi ekonomiċi meħtieġa għax-xiri tad-difiża mingħand fornituri mhux nazzjonali. Ir-rekwiżiti ta’ tpaċija huma miżuri diskriminatorji li jmorru kontra kemm il-prinċipji tat-Trattat tal-UE kif ukoll il-metodi effettivi ta’ akkwist. Għaldaqstant ma jistgħux ikunu parti mis-suq intern għad-difiża.

Azzjoni:

· Il-Kummissjoni sejra tiżgura t-tneħħija gradwali u rapida tat-tpaċijiet. Minn meta adottaw id-direttiva dwar l-akkwisti tad-difiża, l-Istati Membri kollha rtiraw jew irrevedew il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar it-tpaċijiet. Il-Kummissjoni sejra tivverifika li dawn ir-reviżjonijiet jikkonformaw mal-liġi tal-UE. Hija sejra tassigura wkoll li dawn il-bidliet fil-qafas legali jwasslu għal bidla effettiva fil-prattika tal-akkwisti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni applikat b’mod estensiv ir-regoli dwar il-kontroll tal-fużjonijiet għas-settur tad-difiża. Dawk il-każijiet ippermettew lill-Kummissjoni tiggarantixxi kontroll effettiv tal-kompetizzjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għal titjib fil-funzjonament tas-suq għad-difiża. Fir-rigward tal-għajnuna statali, u f’konformità mal-Komunikazzjoni dwar l-Immodernizzar tal-politika dwar l-Għajnuna mill-Istat, l-infiq pubbliku għandu jsir aktar effiċjenti u aktar immirat. F’dan ir-rigward, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għandu rwol fundamentali x’jaqdi fid-difiża u t-tisħiħ tas-suq intern, anki fis-settur tad-difiża.

L-Istati Membri għandhom l-obbligu, taħt it-Trattat, li jinformaw lill-Kummissjoni rigward il-miżuri kollha ta’ għajnuna mill-Istat, inkluża l-għajnuna fis-settur purament militari. Jistgħu jidderogaw biss minn dan l-obbligu jekk ikunu jistgħu jippruvaw li n-nuqqas ta’ notifika huwa meħtieġ għal raġunijiet ta’ interessi ta’ sigurtà essenzjali taħt l-Artikolu 346 tat-TFUE. Għaldaqstant, jekk Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jistrieħ fuq l-Artikolu 346, dan għandu jkun kapaċi juri li l-miżuri konkreti fis-settur militari huma meħtieġa u proporzjonati għall-ħarsien tal-interessi ta’ sigurtà essenzjali tiegħu u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ għal dak il-għan. L-obbligu ta’ provi li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati jaqa’ fuq l-Istati Membri.

Azzjoni:

· Il-Kummissjoni sejra tassigura li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa jkunu ssodisfati meta l-Artikolu 346 tat-TFUE ikun invokat sabiex jiġġustifika miżuri ta’ għajnuna mill-Istat.

2.3.        It-titjib tas-Sigurtà tal-Forniment

Is-sigurtà tal-forniment hija kruċjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern għad-difiża u sabiex il-katini ta’ forniment industrijali jingħataw xejra Ewropea. Il-parti l-kbira tal-problemi tas-sigurtà tal-forniment huma fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tiżviluppa strumenti li jippermettu lill-Istati Membri jtejbu s-sigurtà tal-forniment bejniethom. Id-Direttiva 2009/43 dwar it-trasferimenti intra-UE hija tali strument, peress li tintroduċi sistema ġdida ta’ liċenzji li tiffaċilita l-moviment ta’ oġġetti tad-difiża fis-suq intern. L-Istati Membri issa għandhom jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet ta’ din id-Direttiva sabiex itejbu s-sigurtà tal-forniment fl-Unjoni.

Azzjonijiet:

· Il-Kummissjoni, flimkien mal-EDA, sejra tniedi proċess ta’ konsultazzjoni bil-għan li jinkiseb impenn politiku mill-Istati Membri li jassiguraw b’mod reċiproku l-forniment ikkuntrattat jew miftiehem ta’ oġġetti, materjal jew servizzi ta’ difiża għall-użu finali mill-forzi armati tal-Istati Membri.

· Il-Kummissjoni sejra tottimizza s-sistema ta’ trasferiment tad-difiża billi: a) tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali fl-isforzi tagħhom biex iqajmu l-kuxjenza dwarha fl-industrija; b) tistabbilixxi reġistru ċentrali dwar il-liċenzji ġenerali u tippromwovi l-użu tagħhom; u c) tippromwovi l-aħjar prattiki fil-ġestjoni tat-trasferimenti intra-UE.

Is-sigurtà tal-forniment tiddependi wkoll mill-kontroll tas-sjieda ta’ assi industrijali u teknoloġiċi kruċjali. Bosta Stati Membri għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll ta’ investiment barrani fl-industriji tad-difiża. Madankollu, aktar ma l-katini ta’ forniment industrijali jsiru internazzjonali, aktar il-bidla fis-sjieda ta’ kumpanija (anki fil-livelli aktar baxxi) jista’ jkollha impatt fuq is-sigurtà tal-forniment tal-forzi armati u l-industriji ta’ Stati Membri oħrajn. Din hija wkoll kwistjoni li taffettwa l-kobor tal-awtonomija li għandha l-Ewropa, u li tixtieq iżżomm, fil-qasam tal-kapaċità militari, kif ukoll il-kwistjoni ġenerali tal-investiment barrani li ġej f'dak is-settur. Jista’ jkun meħtieġ approċċ Ewropew biex tintlaħaq din l-isfida.

Azzjoni:

· Il-Kummissjoni sejra toħroġ Green Paper dwar il-kontroll tad-difiża u tal-kapaċitajiet industrijali ta’ sigurtà sensittiva. Hija sejra tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar in-nuqqasijiet possibbli tas-sistema attwali, inkluża l-identifikazzjoni possibbli ta’ kapaċitajiet Ewropej, u tesplora għażliet għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ madwar l-UE, li tinkludi mekkaniżmi ta’ notifika u konsultazzjoni bejn l-Istati Membri.

3.           Il-Promozzjoni ta’ industrija tad-difiża aktar kompetittiva

Il-ħolqien ta’ suq intern ġenwin għad-difiża jeħtieġ mhux biss qafas legali b’saħħtu iżda wkoll politika industrijali Ewropea mfassla apposta. Il-futur tal-EDTIB jinsab f’aktar kooperazzjoni u speċjalizzazzjoni reġjonali madwar u bejn in-netwerks ta’ eċċellenza. Tisħiħ akbar tad-dimensjoni ċivili-militari tagħhom, jista’ jrawwem aktar kompetizzjoni u jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku u żvilupp reġjonali. Barra minn hekk, f’suq tad-difiża dejjem aktar globalizzat huwa essenzjali li l-kumpaniji tad-difiża Ewropej ikollhom ambjent ta’ negozju sod fl-Ewropa sabiex itejbu l-kompetittività tagħhom mad-dinja kollha.

3.1.        Standardizzazzjoni – l-iżvilupp tal-pedamenti għall-kooperazzjoni u l-kompetittività fil-qasam tad-difiża

Il-parti l-kbira tal-standards użati fid-difiża tal-UE huma ċivili. Fejn ikunu meħtieġa standards ta’ difiża speċifiċi dawn jiġu żviluppati b’mod nazzjonali, u b’hekk ifixklu l-kooperazzjoni u jżidu l-ispejjeż għall-industrija. Għalhekk, l-użu ta’ standards ta’ difiża komuni jtejbu ferm il-kooperazzjoni u l-interoperabbiltà bejn l-armati Ewropej u jtejbu l-kompetittività tal-industrija Ewropea f’teknoloġiji emerġenti.

Dan jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu inċentivi għall-Istati Membri sabiex jiżviluppaw standards ċivili-militari Ewropej. Ovvjament, dawn għandhom jibqgħu volontarji u m’għandux isir xogħol doppju marbut mal-istandards fir-rigward tan-NATO u korpi rilevanti oħrajn. Madankollu, jista’ jsir ħafna aktar biex jiġu żviluppati standards fejn jiġu identifikati lakuni u ħtiġijiet komuni. Dan jirrigwarda b’mod partikolari l-istandards f’teknoloġiji emerġenti, bħas-Sistemi ta’ Ajruplani Ippilotati mill-Bogħod (RPAS) u f’oqsma stabbiliti, bħal fil-ħarsien tal-kampijiet, fejn is-swieq għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed u hemm il-potenzjal ta’ titjib fil-kompetittività tal-industrija.

Azzjonijiet:

· Il-Kummissjoni sejra tippromwovi l-iżvilupp ta’ ‘Standards Ibridi’, għall-prodotti li jistgħu jkollhom kemm applikazzjonijiet militari kif ukoll ċivili. Hija diġà ħarġet talba ta’ standardizzazzjoni għal tali “standard ibridu” fl-2012 għar-Radju Definit mis-Softwer. Il-kandidati li jmiss għat-talbiet ta’ standardizzazzjoni jistgħu jkunu jirrigwardaw standards għad-detezzjoni u l-ikkampjunar Kimiku Bijoloġiku Radjoloġiku Nukleari u tal-Isplussivi (CBRNE), RPAS, rekwiżiti ta’ ajrunavigabbiltà, standards ta’ qsim ta’ dejta, kodifikazzjoni u teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni kruċjali oħrajn.

· Il-Kummissjoni sejra tesplora l-għażliet mal-EDA u Organizzazzjonijiet ta’ Standardizzazzjoni Ewropej għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ tfassil ta’ standards speċifiċi Ewropej għall-prodotti u l-applikazzjonijiet militari wara qbil mal-Istati Membri. L-għan ewlieni ta’ dan il-mekkaniżmu ser ikun l-iżvilupp ta’ standards li jissodisfaw il-ħtiġijiet identifikati filwaqt li jimmaniġġja informazzjoni sensittiva b’mod xieraq.

· Il-Kummissjoni sejra tesplora flimkien mal-EDA modi ġodda ta’ promozzjoni tal-għodod eżistenti għall-għażla tal-istandards tal-aħjar prattika fl-akkwisti fil-qasam tad-difiża.

3.2.        Il-promozzjoni ta’ Approċċ Komuni għaċ-Ċertifikazzjoni – it-tnaqqis tal-ispejjeż u t-tħaffif tal-iżvilupp

Iċ-ċertifikazzjoni, bħal fil-każ tal-istandards, hija element ewlieni tal-kompetittività industrijali u tal-kooperazzjoni fid-difiża Ewropea. In-nuqqas ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni pan-Ewropea ta’ prodotti tad-difiża jaġixxi bħala ostaklu kbir li jdewwem it-tqegħid ta’ prodotti fis-suq u jżid b’mod sostanzjali mal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott. Huma meħtieġa arranġamenti aqwa fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni biex ċerti kompiti li bħalissa jsiru fil-livell nazzjonali jitwettqu b’mod komuni.

B’mod partikolari, fl-ajrunavigabbiltà militari, skont l-EDA, dan qed iżid 50 % maż-żmien tal-iżvilupp u 20 % mal-ispejjeż tal-iżvilupp. Barra minn hekk, li jkun hemm sett ta’ rekwiżiti komuni u armonizzati jnaqqas l-ispejjeż billi jiffaċilita l-manutenzjoni tal-ajruplani jew it-taħriġ ta’ persunal tal-manutenzjoni transnazzjonali.

Il-munizzjon huwa eżempju ieħor. In-nuqqas ta’ ċertifikazzjoni komuni ta’ munizzjon sparat mill-art huwa stmat li jiswa lill-Ewropa EUR 1,5 biljun fis-sena (minn total ta’ EUR 7,5 biljun li jintefqu fuq il-munizzjon kull sena).

Azzjoni:

· Waqt li tibni fuq l-esperjenza ċivili tal-EASA, l-esperjenza li kisbet miċ-ċertifikazzjoni tal-Airbus A-400M (fil-konfigurazzjoni ċivili tiegħu) u x-xogħol tal-EDA f’dan il-qasam, il-Kummissjoni, f’isem l-Istati Membri, sejra tivvaluta l-għażliet differenti għat-twettiq tal-kompiti marbuta mal-ajrunavigabbiltà inizjali ta’ prodotti militari fl-oqsma speċifikati mill-EDA.

3.3.        Materja Prima – l-indirizzar tar-riskji tal-forniment għall-industrija tad-difiża Ewropea

Materja prima differenti, bħal elementi metalliċi rari, hija indispensabbli f’bosta applikazzjonijiet ta’ difiża, li jvarjaw minn RPAS sa munizzjon iggwidat bi preċiżjoni, mill-immirar bil-lejżer sal-komunikazzjonijiet bis-satellita. Għadd ta’ materjali bħal dawn huma soġġetti għal riskji dejjem akbar ta’ forniment, li jfixklu l-kompetittività tas-settur tad-difiża. Element ewlieni tal-istrateġija globali tal-UE għall-materja prima jikkonsisti f’lista ta’ materja prima li hija meqjusa ta' importanza kbira għall-ekonomija tal-UE. Il-lista attwali ta’ materja prima kritika fil-livell tal-UE hija mistennija li tiġi riveduta sal-aħħar tal-2013. Għalkemm dawn spiss ikunu l-istess materjali li huma importanti għall-finijiet ċivili u ta’ difiża, ikun hemm valur miżjud ċar kieku dan ix-xogħol iqis l-importanza speċifika ta’ materja prima għas-settur tad-difiża tal-Ewropa.

Azzjoni:

· Il-Kummissjoni sejra teżamina materja prima li hija kritika għas-settur tad-difiża fil-kuntest tal-istrateġija globali tal-UE għall-materja prima u, jekk ikun meħtieġ, tħejji azzjonijiet ta’ politika mmirati.

3.4.        L-SMEs – l-iżgurar tal-qalba tal-innovazzjoni tad-difiża tal-Ewropa

Id-direttivi tad-difiża dwar l-akkwist u t-trasferimenti joffru opportunitajiet ġodda għall-SMEs sabiex jipparteċipaw fl-istabbiliment ta’ suq Ewropew tad-difiża. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet ta’ sottokuntrattar tad-direttiva dwar l-akkwisti li ttejjeb l-aċċess għall-katini ta’ forniment ta’ kuntratturi ewlenin mhux nazzjonali. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jużaw b’mod attiv dawn id-dispożizzjonijiet sabiex irawmu l-opportunitajiet għall-SMEs.

Huma meħtieġa aktar passi, b’mod partikolari fil-qasam tar-raggruppamenti. Dawn spiss ikunu mmexxija minn kumpanija ewlenija li taħdem ma’ kumpaniji iżgħar f’katina ta’ forniment. Barra minn hekk, ir-raggruppamenti spiss ikunu parti minn netwerks ta’ eċċellenza li jlaqqgħu kuntratturi, SMEs, istituti ta’ riċerka ewlenin u setturi akkademiċi oħrajn.

Għaldaqstant ir-raggruppamenti huma partikolarment importanti għall-SMEs, minħabba li joffrulhom l-aċċess għal faċilitajiet kondiviżi, niċeċ li fihom jistgħu jispeċjalizzaw, u opportunitajiet sabiex jikkooperaw ma’ SMEs oħrajn. F’raggruppamenti bħal dawn, il-kumpaniji jistgħu jgħaqqdu l-qawwiet u r-riżorsi tagħhom sabiex jiddiversifikaw fi, u joħolqu swieq ġodda u istituzzjonijiet tal-għarfien. Jistgħu jiżviluppaw ukoll prodotti u applikazzjonijiet ċivili ġodda bbażati fuq teknoloġiji u materjali inizjalment żviluppati għal għanijiet ta’ difiża (eż. l-internet, il-GPS) jew viċe versa, li qiegħda ssir tendenza dejjem aktar importanti.

Azzjonijiet

· Il-Kummissjoni sejra tesplora mal-industrija – billi tieħu approċċ minn isfel għal fuq - kif tistabbilixxi Sħubija Ewropea Strateġika ta’ Raggruppamenti mfassla sabiex tappoġġja l-emerġenza ta’ katini ġodda ta’ valuri u tindirizza l-ostakoli li jiffaċċjaw l-SMEs marbuta mad-difiża fil-kompetizzjoni globali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni sejra tuża għodod imfassla għall-appoġġ tal-SMEs, inkluż COSME, għall-ħtiġijiet tal-SMEs marbuta mad-difiża. Għal dan il-għan jista’ jiġi kkunsidrat ukoll l-użu tal-Fondi Strutturali Ewropej u tal-Investiment. Dan ix-xogħol ser jinkludi l-kjarifika tar-regoli ta’ eliġibbiltà għall-proġetti ta’ użu doppju.

· Il-Kummissjoni sejra tuża wkoll l-Enterprise Europe Network (EEN) sabiex tiggwida lill-SMEs relatati mad-difiża lejn in-netwerking u s-sħubiji, l-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom, it-trsferimenti tat-teknoloġiji u l-finanzjament tal-opportunitajiet tan-negozju.

· Il-Kummissjoni sejra tippromwovi n-netwerking reġjonali bl-għan li tintegra l-assi industrijali u ta’ riċerka tad-difiża fi strateġiji reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti b’mod partikolari permezz ta’ netwerk Ewropew ta’ reġjuni marbuta mad-difiża.

3.5.        Ħiliet – il-ġestjoni tal-bidla u l-iżgurar tal-futur

L-industrija tad-difiża għaddejja minn bidla radikali li għaliha l-Istati Membri u l-industrija jridu jadattaw rwieħhom. Kif iddikjara l-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2008: “ir-ristrutturar tal-bażi teknoloġika u industrijali Ewropea tad-difiża, b’mod partikolari madwar ċentri ta’ eċċellenza Ewropea, l-evitar tad-duplikazzjoni, sabiex niżguraw is-saħħa u l-kompetittività tagħha, hija ħtieġa strateġika u ekonomika”

Il-proċess ta’ ristrutturar huwa prinċipalment ir-responsabbiltà tal-industrija iżda hemm rwol kumplimentari għall-Kummissjoni, il-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom firxa ta’ għodod Ewropej disponibbli li jrawmu ħiliet ġodda u jindirizzaw l-impatti tar-ristrutturar. Dawn għandhom jintużaw b’fehim ċar tal-kapaċitajiet u t-teknoloġiji essenzjali għall-industrija. Il-Kummissjoni sejra tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw skemi ta’ flessibbiltà tax-xogħol u jappoġġjaw l-intrapriżi, inkluż il-fornituri, li jsofru minn waqgħa temporanja fid-domanda u biex tippromwovi approċċ antiċipattiv lejn ir-ristrutturar. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-appoġġ li jista' jiġi pprovdut mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u f'ċerti każijiet ta' ħafna sensji anke mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Pedament importanti ta’ dan ix-xogħol ser ikun l-immappjar tal-ħiliet eżistenti u l-identifikar ta’ ħiliet meħtieġa fil-ġejjieni, possibbilment fuq il-bażi ta’ Kunsill Ewropew tal-Ħiliet tas-Settur għad-Difiża taħt it-tmexxija tar-rappreżentanti tas-settur.

Azzjonijiet:

· Il-Kummissjoni sejra tippromwovi ħiliet identifikati bħala essenzjali għall-futur tal-industrija inkluż permezz tal-programmi ta’ “Alleanzi tal-Ħiliet tas-Settur” u ta’ “Alleanzi tal-Għarfien” li bħalissa qegħdin jiġu ppruvati.

· Il-Kummissjoni sejra tinkoraġġixxi l-użu tal-FSE għat-taħriġ u l-kisba mill-ġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema b'mod partikolari għal proġetti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet, it-tqabbil tal-ħiliet u l-antiċipazzjoni tal-bidla.

· Il-Kummissjoni sejra tqis ukoll il-potenzjal tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej li jappoġġjaw lir-reġjuni affettwati ħażin mir-ristrutturar tal-industrija tad-difiża, sabiex tgħin lill-ħaddiema jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida u għall-promozzjoni tar-rikonverżjoni ekonomika.

4.           L-Isfruttar tal-Potenzjal tal-Użu Doppju tar-Riċerka u t-Tisħiħ tal-Innovazzjoni

Peress li firxa ta’ teknoloġiji jistgħu jkollhom natura doppja, hemm potenzjal kbir għal sinerġiji bejn ir-riċerka ċivili u militari. F’dan il-kuntest, hemm koordinazzjoni kontinwa bejn it-Tema tas-Sigurtà tas-Seba’ Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ riċerka dwar id-difiża Ewropea. S’issa x-xogħol kien ikkonċentrat fuq is-CBRNE u dan l-aħħar indirizza wkoll id-difiża ċibernetika fil-kuntest tal-PSDK u s-sinerġiji tagħha mas-sigurtà ċibernetika. Għadd ta’ attivitajiet f’dan ir-rigward huma mħabbra fl-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà Ċibernetika, imfassla sabiex tagħmel l-ambjent onlajn tal-UE l-aktar wieħed sigur fid-dinja. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta SESAR nediet attivitajiet ta’ riċerka fuq is-sigurtà ċibernetika fil-qasam tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru.

Fi ħdan Orizzont 2020, l-oqsma ta’ “Tmexxija fit-Teknoloġiji Abilitanti u Industrijali” inklużi “It-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali” (KETs) u “Soċjetajiet Sikuri” (l-Isfida Soċjetali), joffru prospetti ta’ avvanzi teknoloġiċi li jistgħu jixprunaw l-innovazzjoni mhux biss għal applikazzjonijiet ċivili, iżda li għandhom ukoll potenzjal ta’ użu doppju. Waqt li l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni mwettqa taħt Orizzont 2020 se jkollhom enfasi esklussiva fuq l-applikazzjonijiet ċivili, il-Kummissjoni sejra tivvaluta kif ir-riżultati f’dawn l-oqsma jistgħu jibbenefikaw il-kapaċitajiet industrijali tad-difiża u tas-sigurtà. Il-Kummissjoni għandha wkoll l-intenzjoni li tesplora s-sinerġiji fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet b’użu doppju b’dimensjoni ċara ta’ sigurtà jew teknoloġiji b’użu doppju oħrajn bħal, pereżempju, dawk li jappoġġjaw l-inserzjoni ta’ RPAS ċivili fis-sistema tal-avjazzjoni Ewropea li għandu jsir fil-qafas tal-Impriża Konġunta SESAR.

Ir-riċerka dwar id-difiża ħolqot riperkussjonijiet importanti f’setturi oħrajn, bħall-elettronika, l-ispazju, l-avjazzjoni ċivili u l-isfruttament tal-baħar fond. Huwa importanti li dawn ir-riperkussjonijiet mid-difiża għad-dinja ċivili jibqgħu jseħħu u li ngħinu lir-riċerka dwar id-difiża tkompli tipprovdi għall-innovazzjoni ċivili.

Il-Kummissjoni tara wkoll il-benefiċċji potenzjali ta’ possibbiltajiet addizzjonali għar-riċerka marbuta mal-PSDK barra l-ambitu tal-Orizzont 2020. Dan jista’ jieħu s-sura ta’ Azzjoni Preparatorja fuq il-kapaċitajiet kruċjali għall-operazzjonijiet tal-PSDK li tfittex sinerġiji ma’ programmi ta’ riċerka nazzjonali. Il-Kummissjoni sejra tiddefinixxi l-kontenut u l-modalitajiet flimkien mal-Istati Membri, l-EEAS u l-EDA. B'mod parallel, l-Istati Membri għandhom iżommu livell xieraq ta' finanzjament għar-riċerka dwar id-difiża, u jżidu l-attivitajiet ta' riċerka li jsiru f'kooperazzjoni.

Azzjonijiet:

· Il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġja skema ta’ akkwist prekummerċjali sabiex takkwista prototipi. L-ewwel kandidati għal dawn jistgħu jkunu: id-detezzjoni CBRNE, l-RPAS u t-tagħmir ta’ komunikazzjoni bbażat fuq teknoloġija bir-radju definita bis-softwer.

· Il-Kummissjoni sejra tqis il-possibbiltà li tappoġġja riċerka relatata mal-PSDK, bħal permezz ta’ Azzjoni Preparatorja. L-attenzjoni tkun fuq dawk l-oqsma fejn il-kapaċitajiet tad-difiża tal-UE huma l-aktar meħtieġa, filwaqt li jinstabu sinerġiji mal-programmi tar-riċerka nazzjonali kull fejn ikun possibbli.

5.           L-iżvilupp tal-kapaċitajiet

Il-Kummissjoni diġà qiegħda taħdem fuq ħtiġijiet ta’ kapaċità mhux militari li jappoġġjaw lill-politiki tas-sigurtà interni kif ukoll dawk esterni, bħall-protezzjoni ċivili[3], il-ġestjoni tal-kriżi, is-sigurtà ċibernetika, il-ħarsien tal-fruntieri esterni u s-sorveljanza marittima. S’issa, dawn l-attivitajiet kienu limitati għall-kofinanzjar u l-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li timxi pass ieħor sabiex tassigura li l-Ewropa jkollha l-firxa sħiħa ta’ kapaċitajiet tas-sigurtà li teħtieġ; li jkunu mħaddma bl-aktar mod kosteffikaċi possibbli; u li l-interoperabbiltà bejn il-kapaċitajiet militari u mhux militari tkun żgurata fl-oqsma rilevanti.

Azzjonijiet:

· Il-Kummissjoni sejra tkompli ttejjeb l-interoperabbiltà tal-qsim tas-servizz tal-informazzjoni bejn l-utenti ċivili u tad-difiża kif pilotati mill-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għas-Sorveljanza Marittima;

· Filwaqt li tibni fuq netwerks eżistenti tal-UE, il-Kummissjoni sejra tesplora flimkien mal-Istati Membri l-istabbiliment ta’ grupp ta’ kooperazzjoni ċivili-militari fl-oqsma ta’ a) it-teknoloġiji ta’ detezzjoni, u b) il-metodi ta’ kontra l-apparat splussiv improvizzat, sistemi ta’ difiża tal-ajru li jinġarru mill-bniedem (MANPADs) u theddid rilevanti ieħor, bħat-theddid CBRNE;

· Il-Kummissjoni sejra taħdem mal-EEAS fuq evalwazzjoni konġunta tal-ħtiġijiet ta’ kapaċità b’użu doppju għall-politiki tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, hija sejra tagħmel proposta dwar liema ħtiġijiet ta’ kapaċità, jekk ikun hemm, jistgħu l-aktar jiġu ssodisfati permezz ta’ assi mixtrija, posseduti u mħaddma direttament mill-Unjoni.

6.           L-Ispazju u d-Difiża

Il-parti l-kbira tat-teknoloġiji spazjali, l-infrastrutturi spazjali u s-servizzi spazjali jistgħu jservu għanijiet kemm ċivili kif ukoll ta’ difiża. Madankollu, kuntrarju għall-pajjiżi kollha li jivvjaġġaw fl-ispazju, fl-UE mhemm l-ebda rabta strutturali bejn l-attivitajiet spazjali ċivili u dawk militari. Din id-differenza għandha prezz ekonomiku u politiku li l-Ewropa ma għadhiex tiflaħ għalih. Is-sitwazzjoni hija aggravata aktar minħabba li l-Ewropa tiddependi fuq fornituri minn pajjiżi terzi għal ċerti teknoloġiji essenzjali li spiss huma soġġetti għal restrizzjonijiet tal-esportazzjoni.

Għalkemm ċerti kapaċitajiet spazjali jkollhom jibqgħu taħt il-kontroll esklussiv nazzjonali u/jew militari, jeżistu għadd ta’ oqsma fejn aktar sinerġiji bejn l-attivitajiet ċivili u dawk ta’ difiża jnaqqsu l-ispejjeż u jtejbu l-effiċjenza.

6.1.        Il-ħarsien tal-infrastrutturi spazjali

Galileo u Copernicus huma infrastrutturi spazjali Ewropej kbar. Galileo huwa proprjetà tal-UE, u kemm Galileo kif ukoll Copernicus jappoġġjaw politiki ewlenin tal-UE. Dawn l-infrastrutturi huma kruċjali minħabba li jiffurmaw is-sinsla għal applikazzjonijiet u servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija tagħna, għall-benesseri u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Dawn l-infrastrutturi jeħtieġu li jkunu mħarsa.

Il-fdalijiet spazjali saru l-aktar theddida serja għas-sostenibbiltà tal-attivitajiet spazjali tagħna. Sabiex innaqqsu r-riskju tal-kolliżjonijiet jeħtieġ li nidentifikaw u nimmonitorjaw is-satelliti u l-fdalijiet spazjali. Din l-attività hija magħrufa bħala sorveljanza u traċċar spazjali (SST), u llum hija bbażata l-aktar fuq sensuri terrestri bħal teleskopji u radars. Bħalissa mhemm l-ebda kapaċità SST fil-livell Ewropew; l-operaturi tas-satelliti u li jibagħtu l-apparat fl-ispazju jiddependu fuq dejta mill-Istati Uniti għat-twissijiet għal kontra l-kolliżjonijiet.

L-UE hija lesta li tappoġġja t-tnedija ta’ servizz SST mibni fuq netwerk ta’ assi SST eżistenti proprjetà tal-Istati Membri, possibbilment f’perspettiva trans-Atlantika. Dawn is-servizzi għandhom ikunu disponibbli għall-operaturi u l-awtoritajiet pubbliċi, kummerċjali, ċivili u militari. Dan ser ikun jeħtieġ l-impenn ta’ Stati Membri li għandhom assi rilevanti sabiex jikkooperaw u jipprovdu servizz kontra l-kolliżjonijiet fil-livell Ewropew. L-għan aħħari huwa li wieħed jiżgura l-ħarsien tal-infrastrutturi spazjali Ewropej b’kapaċità Ewropea.

Azzjoni:

· Il-Kummissjoni ressqet proposta għal programm ta’ appoġġ għall-SST tal-UE fl-2013. Filwaqt li tibni fuq din il-proposta, il-Kummissjoni sejra tevalwa kif tiżgura, fit-tul, livell għoli ta’effiċjenza fis-servizz tal-SST.

6.2.        Il-Komunikazzjonijiet bis-Satellita

L-atturi tas-sigurtà militari u ċivili saru jiddependu dejjem aktar mill-komunikazzjoni bis-satellita (SATCOM). Din hija kapaċità unika li tista’ tiżgura komunikazzjonijiet u xandir fuq distanza twila. Hija tiffaċilita l-użu ta’ pjattaformi mobbli jew skjerabbli minflok infrastrutturi ta’ komunikazzjoni terrestri u li jipprovdu għall-iskambju ta’ kwantitajiet kbar ta’ dejta.

Is-SATCOM kummerċjali hija l-aktar soluzzjoni affordabbli u flessibbli li tista’ tissodisfa din il-ħtieġa li dejjem qiegħda tikber. Peress li d-domanda għas-SATCOM ta’ sigurtà hija frammentata wisq il-ġbir u l-qsim tal-akkwist ta’ SATCOM jistgħu jiġġeneraw iffrankar konsiderevoli tal-ispejjeż minħabba l-ekonomiji ta’ skala u titjib fl-elastiċità.

Is-SATCOMs kummerċjali ma jistgħux jissostitwixxu għal kollox il-komunikazzjonijiet bis-satellita governattivi/militari bażiċi (MILSATCOM) li jiġu żviluppati b’mod individwali minn ċerti Stati Membri tal-UE. Madankollu, dawn il-komunikazzjonijiet m’għandhomx il-kapaċità li jaqdu l-ħtiġijiet ta’ entitajiet iżgħar, l-aktar ajruplani militari jew Forzi Speċjali fl-azzjoni.

Barra minn hekk, sal-aħħar ta’ dan id-deċennju, il-ħajja operattiva tal-MILSATCOM attwali tal-Istati Membri sejra tintemm. Din il-kapaċità ewlenija għandha tinżamm.

Azzjonijiet:

· Il-Kummissjoni sejra taħdem biex tegħleb il-frammentazzjoni tad-domanda għas-SATCOM tas-sigurtà. B’mod partikolari, bil-bini fuq l-esperjenza tal-EDA, il-Kummissjoni sejra tinkoraġġixxi l-ġbir tad-domanda Ewropea għas-SATCOM kummerċjali militari u tas-sigurtà;

· Il-Kummissjoni sejra tesplora l-possibbiltajiet biex permezz tal-programmi u l-faċilitajiet eżistenti tiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri biex jużaw tagħbija ta’ telekomunikazzjoni li tkun proprjetà tal-gvern fuq is-satelliti (inkluża dik kummerċjali) u jiżviluppaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ kapaċità MILSATCOM proprjetà tal-gvernijiet fil-livell Ewropew.

6.3.        Il-bini ta’ kapaċità ta’ satellita tal-UE b’riżoluzzjoni għolja

L-immaġni mis-satellita b’riżoluzzjoni għolja hija dejjem aktar importanti għall-appoġġ ta’ politiki ta’ sigurtà inkluża l-PSDK u s-CFSP. L-aċċess tal-UE għal dawn il-kapaċitajiet huwa kruċjali biex tagħti twissija bikrija, tieħu deċiżjonijiet f’waqthom, tippjana minn qabel u ttejjeb it-twettiq tal-azzjonijiet ta’ rispons tal-UE għall-kriżijiet kemm fil-qasam ċivili kif ukoll dak militari.

F’dan il-qasam qegħdin jiġu żviluppati bosta programmi ta’ difiża nazzjonali. Ċerti Stati Membri żviluppaw ukoll sistemi doppji ta’ riżoluzzjoni għolja li jikkumplimentaw programmi nazzjonali ta’ difiża biss. Dawn is-sistemi doppji ippermettew li jinħolqu forom ġodda ta’ kollaborazzjoni fost l-Istati Membri għall-isfruttar tal-immaġni bis-satellita li permezz tagħhom l-akkwist iseħħ jew fuq is-suq jew permezz ta’ ftehimiet bilaterali. Dan l-approċċ ta’ suċċess u li jgħaqqad ir-rekwiżiti tal-utent ċivili u ta’ difiża, għandu jibqa’ jintuża.

Peress li l-ħtieġa għall-immaġni b’riżoluzzjoni għolja qiegħda tkompli tikber, sabiex inħejju l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ satelliti ta’ immaġni b'riżoluzzjoni għolja li għandhom ikunu skjerati madwar l-2025, għadd ta’ teknoloġiji għandhom ikunu esplorati u żviluppati bħal satelliti ta’ riżoluzzjoni għolja iperspettrali f’orbita ġeostazzjonarja jew satelliti avvanzati b’riżoluzzjoni ultra-għolja flimkien ma’ pjattaformi ta’ sensuri ġodda bħall-RPAS.

Azzjoni:

· Il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-EEAS u l-EDA sejra tesplora l-possibbiltà li tiżviluppa b’mod progressiv kapaċitajiet ġodda ta’ immaġni li jappoġġjaw missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK u s-CSDP. Barra minn hekki, il-Kummissjoni Ewropea sejra tikkontribwixxi għall-iżvilupp tat-teknoloġiji meħtieġa għall-ġenerazzjonijiet futuri ta’ satelliti tal-immaġni ta' riżoluzzjoni għolja.

7.           L-APPLIKAZZJONI TA' POLITIKI TAL-ENERĠIJA TAL-UE U STRUMENTI TA' APPOĠĠ FIS-SETTUR TAD-DIFIŻA

Il-forzi armati huma l-akbar konsumaturi pubbliċi tal-enerġija fl-UE. Skont l-EDA, in-nefqa kollettiva annwali tagħhom għall-elettriku biss tammonta għal stima totali ta’ aktar minn EUR 1 biljun. Barra minn hekk, il-fjuwils fossili jibqgħu l-akbar sors importanti li jissodisfa dawn il-ħtiġijiet tal-enerġija. Għalhekk, biex titjieb is-sigurtà tal-provvista u jitnaqqas l-infiq operattiv, il-forzi armati għandhom interess qawwi fit-tnaqqis tal-impronta tal-enerġija tagħhom.

Fl-istess ħin, il-forzi armati huma wkoll l-akbar proprjetarju pubbliku ta’ art u infrastrutturi liberi, b’total stmat ta’ 200 miljun metru kwadru ta’ bini u 1 % tat-total tal-wiċċ tal-art Ewropea. L-isfruttar ta’ dan il-potenzjal jippermetti lill-forzi armati jnaqqsu l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom u jkopru parti konsiderevoli minn dawn il-ħtiġijiet mis-sorsi awtonomi u baxxi fl-użu tal-karbonju tagħhom stess. Dan inaqqas l-ispejjeż u d-dipendenzi u jikkontribwixxi fl-istess waqt għall-kisba tal-għanijiet tal-enerġija tal-Unjoni.

Fil-qasam tar-riċerka, il-Kummissjoni żviluppat il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) sabiex tippromwovi teknoloġiji tal-enerġija innovattivi u b’karbonju baxx li għandhom effiċjenzi akbar u li huma aktar sostenibbli mit-teknoloġiji enerġetiċi eżistenti. Minħabba l-ħtiġijiet kbar tiegħu ta’ enerġija, is-settur tad-difiża jista’ jkun fuq quddiem nett fl-iskjerament tat-teknoloġiji enerġetiċi emerġenti tal-Pjan SET.

Azzjonijiet:

· Il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku ta’ konsultazzjoni mal-esperti mill-Istati Membri mis-settur tad-difiża sa nofs l-2014, ibbażat fuq il-mudell tal-Azzjonijiet Miftiehma dwar is-sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija. Dan il-mekkaniżmu ser jiffoka fuq a) l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tal-bini; b) l-enerġija rinnovabbli u fjuwils alternattivi; c) l-infrastruttura enerġetika, inkluż l-użu ta’ teknoloġiji bi grilji intelliġenti u ser:

– Jeżamina l-applikabbiltà tal-kunċetti, il-leġiżlazzjoni u l-għodod ta’ appoġġ eżistenti tal-UE dwar l-enerġija għas-settur tad-difiża.

– Jidentifika għanijiet possibbli u jiffoka oqsma ta’ azzjoni fil-livell tal-UE għal kunċett komprensiv tal-enerġija għall-forzi armati.

– Jiżviluppa rakkomandazzjonijiet għal ktejjeb ta’ gwida dwar l-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika fis-settur tad-difiża, b'attenzjoni li tingħata lill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, l-iskjerament ta’ teknoloġiji innovattivi u l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi.

– Jiskambja informazzjoni mal-Grupp ta’ Tmexxija tal-Pjan SET fuq bażi regolari.

· Il-Kummissjoni sejra tikkunsidra wkoll li tiżviluppa dokument ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/27/UE fis-settur tad-difiża.

· Il-Kummissjoni sejra tappoġġja il-proġett ta’ dimostrazzjoni GO GREEN tal-forzi armati Ewropej dwar l-enerġija fotovoltajka. Wara l-wirja b’suċċess tiegħu, il-Kummissjoni sejra wkoll tgħin biex GO GREEN ikompli jiżviluppa, billi tinvolvi aktar Stati Membri u possibbilment tespandih għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli oħrajn bħar-riħ, il-bijomassa u l-ilma.

8.           It-tisħiħ tad-Dimensjoni Internazzjonali

Hekk kif il-baġits għad-difiża jkomplu jonqsu fl-Ewropa, l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi saret aktar importanti għall-industriji Ewropej sabiex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis fid-domanda fis-swieq lokali tagħhom. Dawn l-esportazzjonijiet għandhom ikunu awtorizzati skont il-prinċipji politiċi stipulati fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/CFSP, adottata fit-8 ta’ Diċembru 2008, u skont it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi adottat fit-2 ta’ April 2013 mill-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-istess waqt, l-Ewropa għandha interess ekonomiku u politiku li tappoġġja lill-industriji tagħha fis-swieq dinjija. Fl-aħħar nett l-Ewropa teħtieġ li tiżgura approċċ koerenti għall-monitoraġġ tal-investiment barrani li ġej (kif stipulat fit-Taqsima 2.3 dwar is-sjieda u s-sigurtà tal-provvista).

8.1.        Il-kompetittività fi swieq terzi

Filwaqt li n-nefqa fuq id-difiża naqset fl-Ewropa, din qiegħda tkompli tiżdied f’bosta partijiet oħra tad-dinja. L-aċċess għal dawn is-swieq spiss huwa diffiċli, u jiddependi fuq kunsiderazzjonijiet politiċi, ostakoli għall-aċċess għas-suq, eċċ. L-akbar suq tad-difiża fid-dinja, l-Istati Uniti, huwa bażikament magħluq għall-importazzjonijiet mill-Ewropa. Pajjiżi terzi oħrajn huma aktar miftuħa, iżda spiss ikunu jeżiġu tpaċijiet li jitfgħu piż kbir fuq il-kumpaniji tal-UE. Finalment, fuq bosta swieq terzi, ħafna fornituri Ewropej jikkompetu kontra xulxin, li jagħmilha diffiċli minn perspettiva Ewropea li jingħata appoġġ lil xi fornitur speċifiku Ewropew.

Azzjoni:

· Il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi djalogu mal-partijiet interessati dwar kif tappoġġja lill-industrija tad-difiża Ewropea fis-swieq terzi. Fir-rigward tat-tpaċijiet fis-swieq terzi, dan id-djalogu ser jesplora modi kif jittaffew l-impatti negattivi possibbli ta’ dawn it-tpaċijiet fuq is-suq intern u l-bażi industrijali tad-difiża Ewropea. Hija sejra teżamina wkoll kif l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jippromwovu lill-fornituri Ewropej f’sitwazzjonijiet fejn kumpanija Ewropea waħda biss tkun qiegħda tikkompeti ma’ fornituri minn partijiet oħrajn tad-dinja.

8.2         Il-Kontrolli tal-Esportazzjoni b’Użu Doppju

Il-kontrolli tal-esportazzjoni b’użu doppju jikkumplimentaw mill-qrib il-kontrolli tal-kummerċ tal-armi u huma essenzjali għas-sigurtà tal-UE kif ukoll għall-kompetittività ta’ bosta kumpaniji fis-setturi tal-ajruspazju, tad-difiża u tas-sigurtà. Il-Kummissjoni tat bidu għal reviżjoni tal-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE u għamlet konsultazzjoni pubblika wiesgħa, li l-konklużjonijiet tagħha huma ppreżentati f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li ħareġ f’Jannar 2013. Il-proċess ta’ riforma ser jitkompla bit-tħejjija ta’ Komunikazzjoni li sejra tindirizza l-ostakoli li fadal għall-kummerċ li ma jħallux lill-kumpaniji Ewropej jiksbu l-benefiċċji kollha fis-suq intern.

Azzjoni:

· Bħala parti mill-analiżi ta' politika ta' kontroll tal-esportazzjoni li għadha għaddejja, il-Kummissjoni sejra tippreżenta rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 u se ssegwih b'Komunikazzjoni li fiha tiddeskrivi viżjoni fit-tul għall-kontrolli tal-esportazzjoni strateġika tal-UE u inizjattivi politiċi konkreti sabiex il-kontrolli tal-esportazzjoni jkunu adattati għall-kundizzjonijiet teknoloġiċi, ekonomiċi u politiċi li jinbidlu malajr. Din tista' tinkludi proposti għal emendi leġiżlattivi għas-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-UE.

9.           Konklużjonijiet

Iż-żamma u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ difiża li jilqgħu għall-isfidi attwali u futuri minkejja limitazzjonijiet kbar ta’ baġit ikunu possibbli biss jekk isiru riformi politiċi u strutturali wiesgħa. Wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni ambizzjuża.

9.1.        Qafas ġdid għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ċivili / militari

Il-kooperazzjoni ċivili / militari hija sfida kkumplikata b’bosta aspetti operattivi, politiċi, teknoloġiċi u industrijali. Dan japplika b’mod partikolari għall-Ewropa, fejn it-tqassim tal-kompetenzi u tax-xogħol iżid saff ieħor ta’ kumplessità. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi pakkett ta’ miżuri li tista' tgħin biex jintrebħu dawn l-isfidi u toffri inċentivi għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, l-għan tagħna huwa li niżviluppaw approċċ integrat tal-linja ta’ diviżjoni bejn iċ-ċivil u l-militar, bi tranżizzjoni bla xkiel matul il-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-kapaċitajiet, jiġifieri mid-definizzjoni tal-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet sal-użu effettiv tagħhom fuq il-post.

Bħala l-ewwel pass lejn dan l-għan, il-Kummissjoni sejra tirrevedi l-mod intern tagħha stess ta’ kif tindirizza l-kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża. Abbażi tal-esperjenza tat-Task Force tad-Difiża, hija sejra ttejjeb il-mekkaniżmi tagħha għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-servizzi proprji u mal-partijiet interessati.

9.2.        Sejħa lill-Istati Membri

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi Pjan ta’ Azzjoni għall-kontribut tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-PSDK. Il-Kummissjoni qiegħda tistieden lill-Kunsill Ewropew jiddiskuti dan il-Pjan ta’ Azzjoni f’Diċembru 2013 flimkien mar-rapport imħejji mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

– Id-deċiżjonijiet dwar l-investimenti u l-kapaċitajiet għas-sigurtà u għad-difiża għandhom ikunu bbażati fuq fehim komuni tat-theddid u l-interess. Għaldaqstant l-Ewropa teħtieġ li tiżviluppa approċċ strateġiku fiż-żmien dovut, li jkopri l-aspetti kollha tas-sigurtà militari u mhux militari. F'dan il-kuntest, għandu jitħejja dibattitu politiku usa’ dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat ta’ Lisbona;

– Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni hija bżonn. Biex tkun effettiva, hija għandha tkun imsaħħa permezz ta’ Politika Ewropea Komuni tal-Kapaċitajiet u tal-Armamenti kompluta kif imsemmi fl-Artikolu 42 tat-TUE;

– Biex tassigura l-koerenza fl-isforzi, il-PSDK għandha tkun ikkoordinata mill-qrib ma’ politiki rilevanti oħrajn tal-UE. Dan huwa partikolarment importanti sabiex jiġu ġġenerati u sfruttati s-sinerġiji bejn l-iżvilupp u l-użu ta’ kapaċitajiet ta’ sigurtà għad-difiża u għaċ-ċivil;

– Biex il-PSDK tkun kredibbli, l-Ewropa teħtieġ bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża b’saħħitha. Biex jinkiseb dan l-għan, huwa kruċjali li tiġi żviluppata Strateġija Ewropea Industrijali għad-Difiża bbażata fuq fehim komuni tal-grad ta’ awtonomija li l-Ewropa tixtieq iżżomm f’oqsma teknoloġiċi kruċjali;

– Biex tinżamm industrija kompetittiva li tkun kapaċi tipproduċi bi prezzijiet raġonevoli l-kapaċitajiet li neħtieġu, huwa essenzjali li s-suq intern għad-difiża u s-sigurtà jissaħħaħ u li jinħolqu kundizzjonijiet li jippermettu lill-kumpaniji Ewropej joperaw b’mod liberu fl-Istati Membri kollha;

– Iffaċċjati b’limitazzjonijiet kbar ta’ baġit, huwa partikolarment importanti li r-riżorsi finanzjarji jiġu allokati u jintefqu b’mod effiċjenti. Dan jimplika inter alia tnaqqis fl-ispejjeż operattivi, ġbir tad-domanda u armonizzar tar-rekwiżiti militari.

– Biex jintwera l-valur miżjud reali tal-qafas tal-UE, li hu meħtieġ huwa li jiġi identifikat proġett konġunt fil-qasam tal-kapaċitajiet tad-difiża ewlenin, fejn il-politiki tal-UE jisgħu jiġu mobilizzati kompletament.

9.3.        Il-Passi li Jmiss

Abbażi tad-diskussjonijiet mal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern, u għall-oqsma definiti f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni sejra tiżviluppa pjan direzzjonali dettaljat b’azzjonijiet u kronoloġiji konkreti.

Għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan direzzjonali, il-Kummissjoni sejra twaqqaf mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni speċifiku mal-awtoritajiet nazzjonali. Il-mekkaniżmu jista’ jieħu diversi forom, skont il-qasam ta’ politika diskuss. L-EDA u s-Servizz tal-Azzjoni Esterna se jkunu assoċjati ma’ dan il-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni

[1]               Dejta tas-SIPRI

[2]               Kwalunkwe azzjoni prevista f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni hija koerenti u kompatibbli mal-istrumenti finanzjarji rilevanti stabbiliti taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

[3]               Fil-każ tal-protezzjoni ċivili l-iżvilupp tal-kapaċitajiet huwa stipulat fil-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni [COM (2011) 934 finali]