52013DC0455

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-ġlieda kontra l-intrappolament tal-klijentela: bl-użu aħjar tal-istandards għall-akkwist pubbliku biex jinbnew sistemi miftuħa tal-ICT /* COM/2013/0455 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-ġlieda kontra l-intrappolament tal-klijentela: bl-użu aħjar tal-istandards għall-akkwist pubbliku biex jinbnew sistemi miftuħa tal-ICT

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Ħafna organizzazzjonijiet huma marbuta mas-sistemi tagħhom tal-ICT minħabba l-fatt li l-fornitur biss ikollu għarfien iddettaljat dwar kif taħdem is-sistema u għalhekk, huwa l-uniku wieħed li jista' jipprovdi l-komponenti jew il-liċenzji l-ġodda meħtieġa. Dan in-nuqqas ta’ kompetizzjoni jwassal għal prezzijiet ogħla u, għal telf mhux meħtieġ ta' madwar EUR 1.1 biljun fis-sena, fis-settur pubbliku biss[1].

L-użu aħjar tal-istandards li se jippermetti lill-kompetituri biex jipprovdu soluzzjonijiet alternattivi, se jnaqqas l-intrappolament tal-klijentela (lock-in) u jżid il-kompetizzjoni, biex b’hekk jitnaqqsu l-prezzijiet u tiżdied il-kwalità. Dan iseħħ minħabba l-fatt li l-istandards jiddeterminaw l-element ewlieni ta’ teknoloġija u joħolqu kundizzjonijiet indaqs għall-fornituri kollha tal-ICT[2]. Aktar fornituri se jkunu jistgħu jipparteċipaw f'sejħiet għall-offerti għal sistemi bbażati fuq l-istandards u dan iwassal għal żieda fil-kompetizzjoni u fl-għażla.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[3] identifikat l-intrappolament tal-klijentela bħala problema, u l-Azzjoni 23 tagħha impenjat ruħha biex tipprovdi gwida dwar ir-rabta bejn l-istandardizzazzjoni fl-ICT u l-akkwist pubbliku sabiex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jużaw standards għall-promozzjoni tal-effiċjenza u jnaqqsu l-intrappolament tal-klijentela. Għal dan il-għan, din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata bi gwida prattika dwar kif jista' jsir użu aħjar tal-istandards fl-akkwist, b'mod partikolari fis-settur pubbliku.

2.           Il-problema tal-intrappolament tal-klijentela fis-sistemi tal-ICT

L-awtoritajiet pubbliċi jidħlu f’kuntratti mal-fornituri tal-ICT biex jużaw prodotti jew servizzi tal-ICT għal perjodu speċifiku ta’ żmien. L-intrappolament tal-klijentela isseħħ meta l-awtorità pubblika ma tkunx tista' tibdel fornitur wara tmiem il-perjodu ta' kuntratt, minħabba li l-informazzjoni essenzjali dwar is-sistema li tippermetti biex fornitur ġdid jieħu post fornitur antik b'mod effiċjenti, ma tkunx disponibbli.

Stħarriġ[4] li sar fl-2011 (Stħarriġ tal-2011) fost l-uffiċjali responsabbli mill-akkwist pubbliku fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea wera li, mill-244 awtorità responsabbli mill-akkwist mistħarrġa, mill-inqas 40 % qisu li hija spiża kbira wisq biex wieħed ibiddel is-soluzzjonijiet tal-ICT li diġà ġew adottati, peress li dan jinvolvi l-bdil ta' ħafna aktar sistemi li jużaw id-dejta pprovduta minn sistemi li jridu jinbiddlu. Minn dawk mistħarrġa, 25 % jqisu li mhumiex kapaċi jbiddlu s-soluzzjonijiet tagħhom tal-ICT għax jibżgħu li l-informazzjoni tagħhom ma tkunx trasferibbli.

F'sitwazzjoni tipika ta' intrappolament tal-klijentela, id-dokumenti tal-akkwist dwar il-kuntratt li jmiss tas-sistema tal-ICT li jikkawżaw l-intrappolament tal-klijentela se jkollhom referenzi għall-marka kummerċjali ta' dik is-sistema. L-akkwirenti jridu jirreferu għall-marki kummerċjali minħabba li n-nuqqas ta' informazzjoni dwar is-sistema tal-ICT ma jippermettix li tiġi deskritta s-sistema b'mod daqshekk preċiż b'xi mod ieħor.

Fil-fatt, għadd ta’ studji[5] wrew użu estensiv tal-marki kummerċjali fid-dokumenti tal-akkwist. Il-perċentwal tas-sejħiet għall-offerti li jirreferi għall-marki kummerċjali jvarja minn 16 % għal 36 % , skont il-kampjun li ntuża fl-istudji. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-244 parteċipant li wieġbu għall-Istħarriġ tal-2011 jużaw il-marki kummerċjali fis-sejħiet għall-offerti, bi 23 % minnhom jużaw dejjem jew ta' spiss il-marki kummerċjali, u inqas minn 40 % biss jagħmlu dan kultant żmien.

Madankollu, skont ir-regoli tal-akkwist tal-Unjoni[6], l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jippermettu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom aċċess ugwali għall-proċedura tal-akkwist u ma għandhomx joħolqu ostakoli mhux ġustifikati għal ftuħ tal-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni. Ir-referenzi għall-marki kummerċjali huma permessi biss fuq bażi eċċezzjonali, meta ma jkunx possibbli li tingħata deskrizzjoni preċiża u intelliġibbli tas-suġġett tal-akkwist bl-ebda mezz ieħor minn dawk stipulati bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; din ir-referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem “jew ekwivalenti”.

L-użu tal-marki kummerċjali fid-dokumenti tal-akkwist se jillimita l-kompetizzjoni għall-fornituri ta' dik il-marka partikolari u jwassal għal monopolju u l-implikazzjonijiet rilevanti fuq il-prezzijiet tagħhom. Barra minn hekk, id-dipendenza fuq bejjiegħ wieħed għal sistema tal-ICT u għall-evoluzzjoni futura tagħha tista’ twassal għal problemi ta’ kontinwità tal-operat, peress li hemm ir-riskju li l-bejjiegħ jiddeċiedi li ma jibqax jagħti appoġġ lis-sistema jew lil ċerti aspetti tas-sistema. Dan jista' jwassal ukoll biex jintilfu opportunitajiet ta' aktar innovazzjoni u effiċjenza, b’mod partikulari meta l-bejjiegħ ma jkunx kapaċi jżomm is-sistema b'tali mod li tibqa' tgħodd għall-futur.

Ir-riżultati ta' studju tal-Kummissjoni[7] juru li l-proċeduri tal-offerti huma effettivi ħafna biex jattiraw għadd akbar ta’ offerenti, u li l-irduppjar tal-għadd ta’ offerenti jnaqqas il-valur tal-kuntratt b’madwar 9 %.

Skont dan il-proporzjon ta' żieda fl-għadd ta' offerenti, it-tnaqqis tal-ispejjeż u l-fatt li l-akkwist pubbliku tal-UE għas-settur tal-ICT huwa stmat għal EUR 78 biljun[8], b'16 % ta' dawn l-akkwisti jirreferu għall-marki kummerċjali, ġiet stmata nefqa mhux neċessarja tal-awtoritajiet pubbliċi ta' EUR 1.1 biljun fis-sena[9] bħala riżultat tar-riferenzi għall-marki kummerċjali li jillimitaw l-għadd ta' offerenti

3.           Sistemi tal-ICT ibbażati fuq standards u sistemi tal-ICT proprjetarji

L-użu ta' sistemi tal-ICT ibbażati fuq standards minflok fuq teknoloġija proprjetarja se jgħin biex jinfetħu l-prattiki restrittivi tal-akkwisti pubbliċi, minħabba li l-istandards jagħmlu t-tagħrif essenzjali dwar sistema disponibbli għal kulħadd, bl-implikazzjoni li fornituri potenzjali oħra jistgħu jżommu jew jevolvu s-sistema taħt aktar termini u kundizzjonijiet kompetittivi.

Minbarra l-aspetti ekonomiċi hemm vantaġġi sinifikanti oħra għall-awtoritajiet pubbliċi meta dawn jiġu biex jaqilbu għal sistemi tal-ICT ibbażat fuq l-istandards, kif ġie rikonoxxut ukoll fil-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern elettroniku[10].

3.1.        L-interazzjoni maċ-ċittadini — żidiet fl-effiċjenza u fl-għażla ħielsa

Peress li l-istandards jikkonsistu minn speċifikazzjonijiet magħrufa mill-partijiet interessati kollha, il-prodotti u s-servizzi minn produtturi differenti jistgħu jkunu interoperabbli, u b’hekk ikun iktar faċli u effiċjenti li tiġi integrata sistema pubblika waħda ma’ oħra għall-qsim tad-dejta[11]. Pereżempju, se jkun possibbli li ċ-ċittadini jagħtu d-dejta tagħhom darba biss lil kwalunkwe amministrazzjoni pubblika. Meta din l-istess dejta tkun meħtieġa f’sitwazzjonijiet oħra, tista' tiġi rkuprata b'mod awtomatiku u użata mill-ġdid, biex b'hekk l-interazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi jkunu aktar effiċjenti fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u anke Ewropew. Biex jinkiseb l-istess livell ta' interoperabbiltà bejn is-sistemi li mhumiex ibbażati fuq l-istandards, l-ispiża u l-komplessità se jkunu pjuttost ogħla.

Barra minn hekk, jekk jiġu użati l-prodotti proprjetarji minflok il-prodotti bbażati fuq l-istandards, dan jista’ jillimita l-aċċess għaċ-ċittadini, li jistgħu jinteraġixxu biss mal-awtoritajiet pubbliċi jekk ikollhom aċċess għal u jużaw l-istess prodott[12]. Jekk l-awtoritajiet pubbliċi jużaw il-prodotti bbażati fuq l-istandards, iċ-ċittadini jistgħu jużaw ukoll prodott ieħor li jimplimenta dawk l-istandards.

3.2.        Interazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra

Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u l-Istrateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà, spjegati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej’[13], jiddependu ħafna fuq l-użu ta’ sistemi tal-ICT ibbażati fuq l-istandards. L-interoperabbiltà hija neċessarja biex jitwasslu s-servizzi transfruntiera tal-Gvern elettroniku li ċ-ċittadini u n-negozji jeħtieġu meta jivvjaġġaw/jaħdmu/jistudjaw/jinnegozjaw fl-UE, u li jenfasizzaw wieħed mill-objettivi tas-suq uniku diġitali Ewropew. Meta l-awtoritajiet pubbliċi jintroduċu alternattivi bbażati fuq l-istandards se jkun eħfef biex jiġu żviluppati s-servizzi transfruntiera meħtieġa.

3.3.        Aktar innovazzjoni

Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku[14] tobbliga lill-Istati Membri, f’każijiet fejn huwa permess l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti ta' entitajiet fis-settur pubbliku, biex dawn id-dokumenti jkunu disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi[15] fejn dan ikun possibbli u xieraq.

Din id-dejta tista’ tinkludi mapep diġitali, dejta meteoroloġika, legali, dwar it-traffiku, finanzjarja, ekonomika u dejta oħra, kif ukoll Interfaċċi ta' Programmar (Application Programming Interfaces - APIs) tas-sistemi tal-ICT. Permezz ta' dan, il-kumpaniji u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jużaw id-dejta u s-sistemi tal-awtoritajiet pubbliċi biex jiżviluppaw applikazzjonijiet ġodda li huma ta’ użu għas-soċjetà inġenerali, jgħinu biex jixprunaw aktar tkabbir u impjiegi, u jikkontribwixxu wkoll għall-innovazzjoni fis-settur pubbliku.

Jekk din id-dejta tkun disponibbli f’formati li jikkorrispondu għall-istandards komuni, se tgħin ħafna lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet biex jiżguraw li l-applikazzjonijiet tagħhom jaħdmu b’dejta minn diversi awtoritajiet pubbliċi u li ċ-ċittadini jistgħu jużaw dawn l-applikazzjonijiet ikunu fejn ikunu fl-Ewropa.

Barra minn hekk, għal sistema tal-ICT ibbażata fuq l-istandards hija aktar faċli li tevolvi u li tkun kapaċi twassal aħjar is-servizzi futuri li l-awtoritajiet pubbliċi huma mistennija li jipprovdu liċ-ċittadini b’mod effiċjenti u innovattiv. L-istandards jagħtu lil kull min għandu għarfien informatiku, il-konnessjonijiet neċessarji biex jibni komponenti żejda għas-sistema jew biex jitrasferixxi dejta minn sistema għall-oħra, biex b’hekk iżid il-potenzjal għall-użu.

3.4.        Inqas spejjeż għall-fornituri tal-ICT

L-intrappolament tal-klijentela taffettwa wkoll il-fornituri tal-ICT. L-Istħarriġ tal-2011 wera li l-maġġoranza tal-fornituri tal-ICT huma favur akkwist pubbliku aktar miftuħ ibbażat fuq l-istandards, peress li dan jiftaħ is-swieq għalihom kollha, u b'hekk iżid il-kompetittività tas-suq tal-UE għall-ICT. Madankollu, huwa ċar li l-prospettivi tal-bejgħ ta’ ċerti fornituri ewlenin li jiddominaw is-settur, jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv jekk l-operaturi l-ġodda jkunu kapaċi jikkompetu b’mod aktar effettiv.

Minkejja l-vantaġġi għall-maġġoranza tal-fornituri tal-ICT li jużaw akkwist ibbażat fuq l-istandards, dawn se jġarrbu spejjeż biex jimplimentaw u jużaw standards fil-prodotti u s-servizzi tagħhom. Dan għandu jiġi mqabbel mal-ispejjeż normali tagħhom għall-manutenzjoni u l-evoluzzjoni tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom. Stħarriġ li sar fl-2012 fost l-awtoritajiet pubbliċi u l-fornituri tal-ICT[16] (Stħarriġ tal-2012) issuġġerixxa li 30 % tal-partijiet interessati jistennew li kwalunkwe żieda fl-ispejjeż tkun aktar sinifikanti fi żmien qasir (sakemm l-awtoritajiet pubbliċi japplikaw b'koerenza l-istandards fuq terminu twil). Madankollu, 41 % ta’ dawk li wieġbu jistennew li fuq terminu twil l-ispejjeż se jonqsu, li jissuġġerixxi li anke l-fornituri tal-ICT fuq terminu twil se jibbenefikaw f’termini ta’ tnaqqis tal-ispejjeż u aċċess aħjar għas-swieq.

Is-sistemi tal-ICT ibbażati fuq l-istandards se jippermettu aktar interoperabbiltà, innovazzjoni u kompetizzjoni, inqas spejjeż u interazzjoni aħjar maċ-ċittadini. Dawn se jkunu l-bażi għal ġenerazzjoni ġdida ta’ servizzi miftuħa, flessibbli u kollaborattivi tal-Gvern elettroniku biex jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej, kif previst fil-pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern Elettroniku 2011-2015.

4.           Gwida għall-akkwist ta’ ICT ibbażat fuq l-istandards

Fit-teorija, jidher sempliċi li fil-futur jinkisbu sistemi tal-ICT ibbażati fuq l-istandards. Dak kollu li jrid isir huwa li jintalbu l-istandards meta wieħed jakkwista liċenzji u komponenti ġodda. Fil-prattika, madankollu, għadd sinifikanti ta’ awtoritajiet akkwirenti li wieġbu l-Istħarriġ tal-2011 ddikjaraw li kellhom diffikultajiet biex jitolbu li jintużaw l-istandards fis-sejħiet għall-offerti tal-ICT, bi ftit anqas minn 50 % li taw eżempji ta' nuqqas ta' għarfien espert biex jiġi deċiż liema standards huma rilevanti u xierqa għall-ħtiġijiet partikolari tal-ICT. Għalhekk, huwa importanti li l-akkwirenti jiġi megħjuna biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet prattiċi, biex b’hekk ikunu jistgħu jużaw l-istandards kif suppost.

Bħalissa, uħud mill-Istati Membri (bħal Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Isvezja, Spanja u d-Danimarka[17]) qed jippromwovu l-użu tal-istandards fl-akkwist pubbliku tal-ICT. Dawn qed jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi permezz ta’ gwida prattika li tikkonsisti f’listi ta’ standards rakkomandati għal sitwazzjonijiet speċifiċi, gwidi tal-akkwist u testi lesti li għandhom jintużaw fid-dokumenti tal-akkwist pubbliku. Minkejja dawn l-aħjar prattiki, 25 % biss ta’ dawk li wieġbu l-Istħarriġ tal-2012 kellhom aċċess għal dan it-tip ta’ parir, li jissuġġerixxi l-ħtieġa li tiġi żviluppata gwida biex jintlaħqu aktar akkwirenti pubbliċi.

Il-Kummissjoni Ewropea identifikat id-diffikultajiet ewlenin li l-awtoritajiet pubbliċi jiffaċċjaw meta jakkwistaw sistemi tal-ICT, u ġabret l-aħjar prattiki ta’ xi Stati Membri li qed jaħdmu b'mod attiv biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet. Dawn l-aħjar prattiki huma l-bażi għall-‘Gwida dwar l-akkwist ta’ ICT bbażata fuq standards, Elementi ta’ Prattika Tajba” (il-Gwida), li takkumpanja din il-Komunikazzjoni.

Il-Gwida tikkonsisti minn pariri dwar kif:

· tiġi żviluppata strateġija tal-ICT, li tikkonsisti fi prinċipji ewlenin li għandhom jiġu segwiti f'pajjiż, reġjun jew settur ta’ applikazzjoni biex jiżguraw l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-ICT u biex jipprovdu servizz effiċjenti għaċ-ċittadini u għal atturi oħra li jaħdmu ma’ awtoritajiet pubbliċi;

· jiġu vvalutati standards b'mod metodoloġiku, ġust u trasparenti sabiex jiġu magħżula l-aħjar standards biex jappoġġaw l-istrateġija tal-ICT u biex jevitaw l-intrappolament tal-klijentela. Din hija attività kontinwa sabiex tiżgura li l-istandards magħżula minn qabel, jinbidlu meta jkunu disponibbli standards aħjar;

· jiġu identifikati, bl-aħjar mod possibbli, il-bżonnijiet ta' awtorità pubblika dwar l-ICT u jiġu evalwati sistemi potenzjali tal-ICT li jistgħu jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-utent;

· jiġi ppjanifikat il-baġit fuq terminu twil sabiex jingħelbu l-ispejjeż l-aktar għoljin tal-bidu li jinvolvu t-tneħħija ta' sitwazzjonijiet ta' intrappolament tal-klijentela;

· issir interazzjoni mas-suq biex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jifhmu l-offerta attwali tas-suq u, biex is-suq jifhem il-ħtiġijiet futuri tal-awtoritajiet pubbliċi;

· tiġi elaborata gwida prattika u li tista' tintuża mal-ewwel (lista ta' standards rakkomandati għal applikazzjonijiet speċifiċi tal-ICT, testi lesti f'dokumenti tal-akkwist, taħriġ) li se tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi biex jiktbu dokumenti ta' akkwist b'tali mod li tindika l-istandards ix-xierqa skont is-sitwazzjoni.

Il-Gwida tipprovdi wkoll eżempji tal-aħjar prattiki u riżorsi li l-awtoritajiet akkwirenti jistgħu jużaw biex jimplimentaw il-pariri mogħtija. Din tindirizza lil dawk kollha li jistgħu jkunu involuti fl-akkwist pubbliku tal-ICT, inklużi l-uffiċjali responsabbli mill-akkwist pubbliku, l-uffiċjali tas-settur pubbliku responsabbli mill-informazzjoni u l-esperti tal-ICT li jagħtu għajnuna lill-awtoritajiet pubbliċi.

Il-Gwida tagħmilha ċara ħafna li l-kwistjonijiet dwar kif tissolva l-intrappolament tal-klijentela, bl-użu ta’ għadd akbar ta' standards li għandhom kwalità aħjar, u li għandhom sistemi interoperabbli ma jistgħux jissolvew biss permezz ta' akkwirenti individwali iżda jeħtieġ li jkunu parti mill-pjan ġenerali f'terminu twil fil-livelli xierqa settorjali u organizzattivi sabiex jiżguraw li s-sistemi tal-ICT jaħdmu flimkien b’mod effiċjenti.

5.           Inizjattivi relatati

Hemm bosta inizjattivi oħra fil-livell tal-UE li jippromwovu l-użu tal-istandards:

· il-proposta adottata mill-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku[18], fejn huwa previst li standard armonizzat se jissejjes fuq ix-xogħol li sar mill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni abbażi tal-mandat M/376[19].

· il-portafoll tal-Gvern elettroniku għal Proġetti Pilota fuq Skala Kbira li sar taħt il-Programm tal-UE għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni fil-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tal-ICT (CIP ICT PSP), li fih huma rrakkomandati l-istandards speċifiċi għall-applikazzjoni, pereżempju għall-pjattaformi tal-akkwist elettroniku[20] u l-identifikazzjoni elettronika[21].

· il-pjattaforma b'bosta partijiet interessati dwar il-fatturazzjoni elettronika[22] fil-kuntest taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro.

· il-Metodu Komuni ta’ Valutazzjoni għall-Istandards u l-Ispeċifikazzjonijiet (Common Assessment Method Standards and Specifications - CAMSS)[23], żviluppat taħt il-programm ISA (Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (Interoperability Solutions Programme for European Public Administrations[24])), li jipprovdi qafas għall-valutazzjoni tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tal-interoperabbiltà, u l-qsim tar-riżultati. Il-Gwida tippromwovi l-użu tal-CAMMS għall-valutazzjoni tal-istandards.

· l-Osservatorju tal-Qafas Nazzjonali għall-Interoperabbiltà (NIFO - National Interoperability Framework Observatory)[25], azzjoni oħra tal-ISA, li tipprovdi osservazzjonijiet dwar attivitajiet ta’ interoperabbiltà fl-Ewropa. Dan jiffoka fuq l-analiżi tal-Oqfsa Nazzjonali għall-Interoperabbiltà, li jistgħu jitqiesu bħala bażi importanti għal kull strateġija tal-ICT tal-organizzazzjonijiet pubbliċi, kif issuġġerita mill-Gwida.

· Barra minn hekk, riforma riċenti tas-sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea[26], tippermetti li l-awtoritajiet kontraenti jifformulaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fid-dokumenti tal-akkwist b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-ICT prodotti minn fora u konsorzji, li se jiġu identifikati mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni, b'mod partikolari, il-Pjattaforma Ewropea b'Bosta Partijiet Interessati dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT. Qabel kien possibbli biss li wieħed jirreferi għall-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet ppromulgati minn organizzazzjonijiet ta' standards nazzjonali, Ewropej u internazzjonali.

6.           X’jiġri jekk l-ebda standard ma jkun disponibbli?

Jista' jkun li l-istandards neċessarji ma jkunux għadhom disponibbli għal xi tipi ġodda ta’ applikazzjonijiet li l-organizzazzjonijiet pubbliċi għandhom bżonn jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-isfidi importanti tas-soċjetà, bħalma huma l-iżgurar ta' kura tas-saħħa ta' kwalita' għolja u affordabbli għall-popolazzjoni li qed tixjieħ, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima eċċ. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jimpenjaw ruħhom ma' akkwirenti pubbliċi oħra fl-akkwist prekummerċjali. Dan ifisser li l-akkwist pubbliku tas-servizzi ta' riċerka u żvilupp[27] jippermetti li s-settur pubbliku jaqsam mal-industrija r-riskji u l-benefiċċji ta’ impriża rivoluzzjonarja fir-riċerka u l-innovazzjoni. B'hekk, l-akkwirenti jistgħu jħeġġu lill-industrija biex twieġeb għall-bżonnijiet tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jiġu mqabbla l-aspetti pożittivi u negattivi tas-soluzzjonijiet proposti mid-diversi fornituri (permezz tat-tfassil, il-ħolqien ta' prototipi u l-ittestjar), mingħajr ma jimpenjaw ruħhom f'kuntratti kbar ta' implimentazzjoni ma' fornitur wieħed. Il-fornituri jistgħu jiġu mitluba wkoll biex jieħdu sehem f'korpi ta' standardizzazzjoni rilevanti biex jiġu stabbiliti standards marbuta mar-riżultati ta’ riċerka u żvilupp għall-proġett prekummerċjali. Is-Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing[28] hija eżempju ta' akkwist prekummerċjali li fiha qed jiġu żviluppati l-istandards.

7.           Akkwist pubbliku għall-ICT ibbażat fuq l-istandards: It-triq 'il quddiem

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri biex jużaw il-Gwida sabiex titnaqqas l-intrappolament tal-klijentela tas-sistemi tal-ICT tagħhom, u b’hekk tiġi mħeġġa l-kompetizzjoni fl-Ewropa u jiġi enfasizzat l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali Ewropew, anke permezz ta' aċċess u użu akbar ta' dejta u informazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni Ewropea se tapplika wkoll il-Gwida biex tagħmel użu aħjar tal-istandards fis-sistemi tal-ICT tagħha stess u tappella lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra biex jagħmlu l-istess.

Huwa mistenni li maż-żmien l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, se jiżviluppaw verżjonijiet aktar speċjalizzati tal-Gwida mfassla fuq l-istrateġiji tal-ICT tagħhom stess u bl-użu ta’ standards speċifiċi. Dan l-approċċ iterattiv għandu jġib aktar benefiċċji f’termini ta’ ffrankar ta’ spejjeż u opportunitajiet għall-innovazzjoni u l-kompetizzjoni.

Konsultazzjoni dwar verżjoni iktar bikrija tal-Gwida[29] wriet li, il-qsim tal-aħjar prattiki jitqies ta' importanza kbira mill-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu, kemm dawk li bħalissa għandhom aċċess għas-sorsi tal-aħjar prattiki kif ukoll minn dawk li ma għandhomx. Aktar minn 90 % taż-żewġ kategoriji ta' dawk li wieġbu (jew 71 % tal-kampjun totali) indikaw li l-qsim tal-aħjar prattiki huwa jew ikun siewi jew siewi ħafna.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-aħjar prattiki, il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa din l-inizjattiva billi torganizza laqgħat mal-partijiet interessati rilevanti (l-awtoritajiet pubbliċi, l-industriji ta' forniment tal-ICT, l-organizzazzjonijiet tal-istandards u s-soċjetà ċivili), bl-għajnuna tal-websajt pubbliku tal-aħjar prattiki. Billi jaqsmu l-esperjenza tagħhom fuq bażi regolari, l-organizzazzjonijiet pubbliċi se jitgħallmu minn xulxin, jadattaw ruħhom għall-aħjar prattiki ġodda, jinvestigaw problemi komuni u jissuġġerixxu soluzzjonijiet komuni. Dan il-qsim tal-aħjar prattiki se jiżgura li l-għażliet magħmula fl-Istati Membri differenti jikkonverġu, titnaqqas il-frammentazzjoni u jgħin biex jiġi żgurat li jkun hemm suq diġitali uniku reali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-eżitu ta’ dan il-proċess, b’mod partikolari:

· billi tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-proċedura tal-akkwist tal-ICT tal-awtoritajiet pubbliċi, il-valutazzjoni tal-użu tal-istandards tal-ICT fl-akkwist pubbliku, l-iżvilupp ta’ pariri prattiċi, l-evalwazzjonijiet tan-negozju fuq terminu twil u l-ippjanar baġitarju,

· billi tirrevedi il-proċedura tal-akkwist u tirrapporta dwar dak li ħadem u li seta’ sar aħjar biex iħeġġeġ l-aħjar prattiki fil-futur.

Din l-informazzjoni u d-dejta marbuta magħha tista' tiġi kkumplimentata b’ħarsa ġenerali tad-dejta statistika dwar referenzi għall-marki kummerċjali fl-offerti, l-għadd ta’ fornituri li jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku u l-valutazzjonijiet ta’ valur għall-flus tal-akkwist tal-ICT.

L-azzjonijiet deskritti hawn fuq, se jirriżultaw f’aktar sistemi tal-ICT miftuħin ibbażati fuq standards li għandhom jgħinu biex jiżviluppaw servizzi pubbliċi tal-ICT aktar effiċjenti li jistgħu jevolvu u jadattaw għall-ħtiġijiet futuri. L-industrija ta' forniment tal-ICT se tkun tista' tikkompeti biex toffri lill-awtoritajiet pubbliċi l-aħjar valur għall-flus u servizzi ġodda u innovattivi.

[1]               Ara t-Taqsima 2 għal ġustifikazzjoni ta’ din iċ-ċifra.

[2]               Ghosh, R.A (2005) "An economic basis for open standards" FLOSSPOLS project, http://flosspols.org/deliverables/FLOSSPOLS-D04-openstandards-v6.pdf.

[3]               L-Azzjoni 23 tal-Aġenda Diġitali timpenja ruħha biex tingħata "gwida dwar ir-rabta bejn l-istandardizzazzjoni fl-ICT u l-akkwist pubbliku sabiex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jużaw standards għall-promozzjoni tal-effiċjenza u jnaqqsu s-saturazzjoni tas-suq", COM/2010/0245, disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52010DC0245R(01):MT:NOT. Għal aktar informazzjoni dwar l-Azzjoni 23, ara http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/pillar-ii-interoperability-standards/action-23-provide-guidance-ict-standardisation-and-public.

[4]               http://cordis.europa.eu/fp7/ict/ssai/docs/study-action23/study44-survey1results.pdf.

[5]               Pereżempju, R.A. Ghosh (2005), "An Economic Basis for Open Standards" Maastricht, FLOSSPOLS project, http://flosspols.org/deliverables/FLOSSPOLS-D04-openstandards-v6.pdf; Paapst, M. "Affirmative action in procurement for open standards and FLOSS." International Free and Open Software Law Review Vol.2 Nru 2 pp. 184-185, ara s-sit http://www.ifosslr.org/ifosslr/article/view/41, Open Forum Europe, (2011); "OFE Procurement Monitoring Report: EU Member States practice of referring to specific trademarks when procuring for Computer Software Packages and Information Systems between the months of February and April 2010" (Mejju), p 6, ara s-sit http://www.openforumeurope.org/openprocurement/open-procurement-library/Report_2010.pdf; .

[6]               Id-Direttiva 2004/18/KE, ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114-240.

[7]               "Estimating the Benefits from the Procurement Directives". http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/docs/modernising_rules/estimating-benefits-procurement-directives_en.pdf.

[8]               Din l-istima hija bbażata fuq in-nefqa totali tal-gvern tar-Renju Unit għall-IT ta' EUR 18 biljun fl-2010 u fuq ir-riċerka li tindika li r-Renju Unit għandu 23 % tan-nefqa pubblika tal-UE għat-teknoloġija. L-istima kienet kontroverifikata ma’ stima ta’ EUR 54 biljun miksuba mill-bażi ta' dejta tal-MAPPS dwar l-akkwisti fis-settur pubbliku tal-ICT ibbażati fuq kodiċi CPV li huma rilevanti għall-IT (li x'aktarx jissottovaluta din l-entità minħabba l-fatt li fil-ĠU tal-UE jiġu ppubblikati biss l-akkwisti li jaqbżu l-limitu, u mhux l-akkwisti kollha relatati mas-settur tat-teknoloġija huma kklassifikati fil-kodiċijiet CPV għall-IT).

[9]               Jekk l-għadd ta’ offerenti jirdoppja għal 16 % tal-akkwisti tal-ICT minħabba l-fatt li ma jibqgħux jirreferu għall-marki kummerċjali (dan huwa l-inqas numru msemmi fl-istudji msemmija fin-nota ta' qiegħ il-paġna nru 5) dan iwassal għal iffrankar ta’ 9 % mis-16 % ta’ EUR 78 biljun fis-sena, li jammonta għal EUR 1.1 biljun fis-sena.

[10]             COM(2010) 743, disponibbli fuq        http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0743:FIN:MT:PDF; ara wkoll http://ec.europa.eu/digital-agenda/node/165.

[11]             Ghosh, R.A (2005) "An economic basis for open standards" FLOSSPOLS project, http://flosspols.org/deliverables/FLOSSPOLS-D04-openstandards-v6.pdf. Hesser, Czaya u Riemer (2007) "Development of standards" f'W. Hesser (Ed) Standardisation in Companies and Markets, pp. 123-169, Hamburg: Helmut Schmidt University.

[12]             http://www.epractice.eu/files/European%20Journal%20epractice%20Volume%2012_6.pdf.

[13]             COM (2010) 744    http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0744:FIN:MT:PDF.

[14]             Id-Direttiva 2003/98/KE, ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90-96 u għall-aġġornamenti proposti ara: http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/index_en.htm.

[15]             Fil-proposta tagħha għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2003/98/KE, il-Kummissjoni pproponiet li tissostitwixxi t-termini “mezzi elettroniċi” b’ “f’format li jinqara elettronikament u flimkien mal-metadejta tagħhom”. COM (2011) 877 finali.

[16]             http://cordis.europa.eu/fp7/ict/ssai/docs/study-action23/study44-survey2results.pdf.

[17]             http://cordis.europa.eu/fp7/ict/ssai/docs/study-action23/d2-finalreport-29feb2012.pdf.

[18]             COM(2012) 721, ara             http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0721:FIN:MT:PDF           u http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/proposal-directive-european-parliament-and-council-accessibility-public-sector-bodies-websites.

[19]             http://www.mandate376.eu/

[20]             http://www.peppol.eu/.

[21]             https://www.eid-stork.eu/.

[22]             http://ec.europa.eu/internal_market/payments/einvoicing/index_en.htm.

[23]             https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/idabc-camss/.

[24]             http://ec.europa.eu/isa/index_en.htm

[25]             http://ec.europa.eu/isa/actions/04-accompanying-measures/4-2-3action_en.htm

[26]             Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012, ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12-33 u http://ec.europa.eu/enterprise/policies/european-standards/standardisation-policy/index_en.htm.

[27]             L-akkwist pubbliku prekummerċjali huwa definit fid-dokument COM/2007/799 u fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal relatat SEC/2007/1668.

[28]             COM(2012) 0529, p. 13 (azzjoni ewlenija 3),     http://eur-lex.europa.eu/smartapi/cgi/sga_doc?smartapi!celexplus!prod!DocNumber&lg     =EN&type_doc=  COMfinal&an_doc=2012&nu_doc=529          u              http://ec.europa.eu/information_society/activities/cloudcomputing/europeancloudpartnership/index_en.htm

[29]             http://cordis.europa.eu/fp7/ict/ssai/docs/study-action23/study44-survey2results.pdf.