52013DC0232

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) fl-2012 (imressaq skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE) /* COM/2013/0232 final */


WERREJ

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) fl-2012     3

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4

2........... Ħarsa Ġenerali................................................................................................................ 4

3........... Progress tul il-perjodu investigat...................................................................................... 5

3.1........ Aċċettazzjoni tas-Sistema Finali...................................................................................... 5

3.2........ Implimentazzjoni reġjonali............................................................................................... 5

3.3........ Il-Mekkaniżmu ta’ Komunikazzjoni VIS Mail.................................................................. 6

3.4........ Żvilupp tas-Sistema ta’ Tqabbil Bijometriku (BMS)......................................................... 6

3.5........ Kuntratt biex il-VIS tiżamm f’Kundizzjoni ta’ Operat Tajjeb u għall-Manutenzjoni Evoluttiva (MWO/EM)       6

3.6........ Trasferiment lill-Aġenzija tal-IT tal-UE "eu-LISA"........................................................... 7

3.7........ Statistika........................................................................................................................ 7

4........... Ġestjoni tal-Proġetti........................................................................................................ 7

4.1........ Pjanar u Baġit................................................................................................................. 7

4.2........ Ġestjoni tar-Riskju.......................................................................................................... 7

5........... Ħbieb tal-VIS................................................................................................................. 8

6........... Konklużjoni.................................................................................................................... 8

7........... Anness: Gruppi ta’ Ħidma tal-VIS................................................................................... 9

7.1........ Il-Kumitat SISVIS.......................................................................................................... 9

7.2........ Laqgħat tal-Maniġers tal-Proġetti Nazzjonali tal-VIS (NPM)........................................... 9

7.3........ Il-Grupp ta’ Esperti dwar il-VIS Mail (VIS MEG).......................................................... 9

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) fl-2012

(imressaq skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE)

1.           Introduzzjoni

Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża[1], hawnhekk qed tibgħat lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew id-disa’ u l-aħħar rapport dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)[2]. Ir-rapport ikopri x-xogħol imwettaq mill-Kummissjoni bejn Jannar u Diċembru 2012. Dan ir-rapport se jkun l-aħħar wieħed mogħti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, billi […] l-iżvilupp tas-Sistema Ċentrali ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, l-Interface Nazzjonali f’kull Stat Membru, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali ta’ Informazzjoni dwal il-Viża u l-Interfaces Nazzjonali […][3] issa tlesta.

2.           Ħarsa Ġenerali

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) hija sistema tal-IT fuq skala kbira għall-iskambju tad-dejta dwar viżi għal żjarat qosra fl-Istati ta’ Schengen. L-għan tagħha huwa li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ politika komuni tal-UE dwar il-viża – kif ukoll il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri – billi tipprevjeni l-“visa shopping”, tgħin fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-theddid għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, u li tistabbilixxi proċeduri trasparenti u eħfef għall-vjaġġaturi in bona fede. Din hija akkumpanjata minn Sistema ta’ Tqabbil Bijometriku (Biometric Matching System (BMS)), li tqabbel il-marki tas-swaba’.

Il-VIS bdiet topera fil-11 ta’ Ottubru 2011 fl-Afrika ta’ Fuq, meta l-Istati ta' Schengen ikkollegaw l-uffiċċji konsulari tagħhom mas-sistema fl-Alġerija, l-Eġittu, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija. L-Istati ta’ Schengen bdew jużaw ukoll is-sistema fil-punti ta’ qsim fil-fruntieri esterni tagħhom fil-31 ta’ Ottubru 2011. Il-VIS qed tixtered b’mod progressiv, reġjun b’reġjun, u eventwalment mistennija tkopri d-dinja kollha.

Il-Kummissjoni Ewropea kien ilha responsabbli mill-ġestjoni u l-proċess ta’ implimentazzjoni kollu tal-VIS mill-2004, sakemm eu-LISA[4] assumiet ir-responsabbiltà operattiva tas-sistema fl-1 ta’ Diċembru 2012 (ara t-Taqsima 3.6.).

Is-sistema ilha tiffunzjona b’mod tassew sodisfaċenti minn meta tnediet u ġie rrappurtat biss għadd limitat ta’ kwistjonijiet tekniċi żgħar. Il-kapaċità ċentrali tagħha u l-prestazzjoni se jiżdiedu hekk kif is-sistema tinfirex gradwalment madwar id-dinja (ara t-Taqsima 3.5.). Tul l-aħħar tliet xhur tal-perjodu ta’ rappurtar, fuq medja, inħarġu 4 900 viża ta' Shengen kuljum bil-VIS.

3.           Progress tul il-perjodu investigat

3.1.        Aċċettazzjoni tas-Sistema Finali

L-Aċċettazzjoni tas-Sistema Finali (FSA) hija pass importanti previst fil-kuntratt iffirmat fl-2005 bejn il-konsorzju ta’ Hewlett-Packard Steria (HPS) u l-Kummissjoni Ewropea. Isir qbil dwar l-FSA meta jitqies li l-kuntrattur ikun lesta l-iżvilupp tas-sistema u jinħeles mill-obbligi kuntrattwali tiegħu fl-iżvilupp tal-proġett. Din ingħatat, kif kien stipulat fil-kuntratt, wara ħames xhur konsekuttivi ta’ operat mingħajr inċidenti, f’Awwissu 2012.

Dan il-pass importanti jindika t-tmiem tal-iżvilupp tas-sistema fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta' Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża, u għaldaqstant it-tmiem tar-rapporti dwar il-progress annwali msemmijin f'dan l-Artiklu.

3.2.        Implimentazzjoni reġjonali

Tul il-perjodu ta’ rappurtar, il-VIS ġiet implimentata b’suċċess f’żewġ reġjuni ġeografiċi oħra, fir-reġjuni tal-Lvant Qrib u tal-Golf, fl-10 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ottubru rispettivament[5]. Kien hemm qbil dwar id-dati għall-bidu tal-operat fil-qafas tal-grupp ta’ tmexxija informali “Ħbieb tal-VIS” (FoVIS), u fformalizzati f’żewġ atti legali skont l-Artikolu 48 tar-Regolament VIS[6]. Fis-27 ta’ April 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (2012/233/UE) li tiddetermina d-data li fiha l-VIS għandha tibda topera fir-reġjun tal-Lvant Qrib. Id-data li ntgħażlet kienet l-10 ta’ Mejju 2012.[7] Fil-21 ta' Settembru 2012 (2012/512/UE) ġiet adottata Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni sussegwenti li tiddetermina d-data li fiha l-VIS għandha tibda l-operat tagħha fir-reġjun tal-Golf. Id-data magħżula kienet it-2 ta’ Ottubru 2012.[8]

Għaż-żewġ reġjuni, l-Istati Membri kollha nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kemm huma lesti biex jingħaqdu mas-sistema fil-ħin opportun.

L-implimentazzjoni b’suċċess u bla inċidenti tal-VIS f’dawn ir-reġjuni li jkopru 14-il pajjiż, juri li s-sistema laħqet livell tassew sodisfaċenti u li tista’ topera fir-reġjuni sussegwenti.

Fl-24 ta’ April 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (2012/274/UE) li tiddetermina t-tieni sett ta’ reġjuni għall-implimentazzjoni tal-VIS.[9]

3.3.        Il-Mekkaniżmu ta’ Komunikazzjoni VIS Mail

Il-Mekkaniżmu ta’ Komunikazzjoni VIS Mail jippermetti li jkun hemm it-trażmissjoni tal-messaġġi bejn l-Istati Membri bl-użu tal-infrastruttura tan-netwerk tal-VIS. Tul il-perjodu ta’ rappurtar, ix-xogħol kien iffukat fuq it-tħejjija tal-hekk imsejħa “Fażi 2” tal-VIS Mail, li se tissostitwixxi n-netwerk ta’ konsultazzjoni ta’ Schengen (is-sistema VISION, bil-ġestjoni tal-Kunsill) ladarba l-VIS tkun ġiet implimentata mad-dinja. Il-Fażi 2 se żżid kategoriji ġodda ta’ messaġġi li diġà kienu ġew skambjati fil-Fażi 1, li bdiet topera mill-11 ta’ Ottubru 2011. Fl-2012, l-ispeċifiċitajiet tekniċi ġew stabbilizzati u ġew iddefiniti t-testijiet għall-2013. Qabel ma l-fajl tal-Fażi 2 tal-VIS Mail ingħata lil eu-LISA (ara t-taqsima 3.6.), il-pjan tat-testijiet u d-deskrizzjonijiet dettaljati tat-testijiet ġew approvati mill-Istati Membri.

Fid-29 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni[10] għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni tal-“Fażi 2 tal-VIS Mail”.

3.4.        Żvilupp tas-Sistema ta’ Tqabbil Bijometriku (BMS)

Is-Sistema ta’ Tqabbil Bijometriku (BMS) bdiet topera flimkien mal-VIS fil-11 ta’ Ottubru 2011. Il-BMS, li tipprovdi servizz ta’ tqabbil tal-marki tas-swaba’ lill-VIS, ingħatat l-Aċċettazzjoni Finali tas-Sistema f'Marzu 2012 wara ħames xhur topera mingħajr inċidenti.

Tul il-perjodu ta’ rappurtar, kien hemm żieda kostanti fil-kwalità tal-marki tas-swaba' tal-BMS, li stabbilizzat għal rata globali ta' Nuqqas ta' Reġistrazzjoni (Failure to Enrol - FTE)[11] ta’ madwar 4 %. Fil-bidu tal-2012, l-FTE ġenerali kien għadha madwar 16 %. L-Istati Membri komplew jużaw il-kits tas-softwer mogħtija mill-kuntrattur tal-BMS għall-apparat li jimmarka l-marki tas-swaba’ tagħhom.

Il-maġġoranza tal-marki tas-swaba’ ntbagħtu minn Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja.

Anki għadd ta’ pajjiżi parteċipi (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, u l-Isvizzera) bdew jivverifikaw il-marki tas-swaba’ fil-punti ta’ qsim fil-fruntieri, xi ħaġa li hija fakultattiva għal perjodu tranżitorju ta’ tliet snin skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. L-Istati Membri għażlu li ma jnaqqsux dan il-perjodu tranżitorju għal sena għall-fruntieri tal-ajru.

L-Isvizzera u l-Isvezja bdew ifittxu fil-VIS/BMS bil-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-asil.

3.5.        Kuntratt biex il-VIS tiżamm f’Kundizzjoni ta’ Operat Tajjeb u għall-Manutenzjoni Evoluttiva (MWO/EM)

Il-Kummissjoni ħarġet sejħa għall-offerti biex il-VIS “Tinżamm f’Kundizzjoni ta’ Operat Tajjeb (MWO) u għall-Manutenzjoni Evoluttiva (EM)” fl-14 ta’ Lulju 2011, biex ikun hemm min jipprovdi l-manutenzjoni teknika tal-VIS biex topera tajjeb u biex tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema tul iż-żmien, b'kunsiderazzjoni tad-dejta li se tiddaħħal fil-VIS fis-snin li ġejjin. Il-kuntratt ingħata f’Awwissu 2012 u l-kuntrattur ħa r-responsabbiltà sħiħa tal-VIS mingħand il-kuntrattur eżistenti sa tmien il-perjodu ta’ rappurtar.

3.6.        Trasferiment lill-Aġenzija tal-IT tal-UE "eu-LISA"

eu-LISA assumiet ir-responsabbiltà operattiva tal-VIS mingħand il-Kummissjoni fl-1 ta’ Diċembru 2012. Waqt fażi tranżitorja, kuntratt ta’ servizz bejn il-Kummissjoni Ewropea u Franza jippermetti lill-awtoritajiet Franċiżi fi Strassburgu (C.SIS) biex jgħinu fl-operat tal-VIS waqt li r-responsabbiltà tiġi trasferita gradwalment fuq eu-LISA. Il-Kummissjoni kienet tassew involuta fit-trasferiment tal-proġetti tal-VIS u tal-BMS għand eu-LISA fi tmien il-perjodu ta’ rappurtar. Ingħata appoġġ kunsiderevoli mill-Kummissjoni f’forma ta’ taħriġ u monitoraġġ, li ppermetta lill-aġenzija tieħu f’idejha l-ġestjoni tal-VIS bl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

3.7.        Statistika

Sat-22 ta’ Novembru 2012, il-VIS kien irnexxielha tipproċessa qrib il-1,9 miljun applikazzjoni għal viża, li minnhom 1,5 miljuni wasslu biex ħarġu viżi ta’ Schengen, filwaqt li qrib il-235 000 viża ġew irrifjutati. Is-sistema ċentrali trattat kważi 40 miljun operazzjoni li waslu minn konsolati minn madwar id-dinja u mill-punti ta’ qsim fil-fruntieri. Iċ-ċifri huma marbutin mal-użu tal-VIS fit-tliet reġjuni fejn is-sistema ġiet implimentata, kif ukoll il-konsulati fejn l-Istati Membri bdew jużaw il-VIS qabel id-data prevista.

Minn dakinhar il-produzzjoni tad-dejta statistika ġiet trasferita għand eu-LISA.

4.           Ġestjoni tal-Proġetti

4.1.        Pjanar u Baġit

L-approprjazzjonijiet ta’ impenn totali disponibbli għall-VIS fl-2012 ammontaw għal EUR 40 miljun, li minnhom intużaw 99,8 %. L-approprjazzjonijiet ta’ pagament ammontaw għal EUR 33,8 miljun li minnhom intużaw 96,8 %. Il-linja baġitarja għall-VIS hija 18.0205.

|| AI disponibbli || Eżekuzzjoni tal-AI || Total % || || AP disponibbli || Eżekuzzjoni tal-AP || Total %

C1 (krediti mid-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-VIS tal-2012) || 38 740 000,00 || 38 661 331,99 || || || 32 458 123,00 || 31 394 314,52 ||

C5 (krediti mill-kontribuzzjonijiet IS, NO, CH 2011) || 1 298 209,85 || 1 298 209,85 || || || 1 298 209,85 || 1 298 209,85 ||

Total || 40 038 209,85 || 39 959 541,84 || 99,8 % || || 33 756 332,85 || 32 692 524,37 || 96,8 %

|| || || || || || ||

4.2.        Ġestjoni tar-Riskju

Bħal fis-snin ta’ qabel, l-aktar riskji importanti fil-livell ċentrali u nazzjonali kienu identifikati mill-Kummissjoni u ppreżentati lill-Istati Membri fil-laqgħat ta’ kull xahar tal-Maniġers tal-Proġetti Nazzjonali tal-VIS, kif ukoll fil-laqgħat tal-FoVIS.

Fi tmiem l-2012, l-aktar riskji kritiċi li ġew identifikati kienu dawn li ġejjin:

a) il-kwalità tad-dejta alfanumerika waqt l-operat;

b) l-abbiltà tal-Istati Membri li jikkonformaw mal-obbligi fil-Manwal tal-Operaturi u tar-Regolament VIS (inkluża l-awtoverifika);

c) it-trasferiment tal-VIS lil eu-LISA;

d) il-kwalità tal-marki tas-swaba’ waqt l-operat;

e) l-aġġornament f’waqtu tal-kapaċità tal-VIS.

Għar-riskji kollha, ġew stabbiliti azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u l-partijiet interessati kollha ħadmu id f’id biex jillimitaw l-impatt ta’ dawn ir-riskji fuq il-proġett ġenerali.

5.           Ħbieb tal-VIS

Il-grupp ta’ ħidma informali tal-Kunsill iltaqa’ sitt darbiet waqt il-perjodu ta’ rappurtar – tliet darbiet fl-ewwel semestru u tliet darbiet fit-tieni semestru. Bħal ma jsir normalment, l-aġenda ġiet stabbilita mill-Istat Membru li kellu l-Presidenza tal-Kunsill (id-Danimarka u Ċipru rispettivament) b’koordinazzjoni mal-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Il-format tal-laqgħa ma nbidilx, b’aġġornament tekniku mill-Kummissjoni dwar il-qagħda tal-VIS, rapport dwar ir-riskji, riżultati mill-mekkaniżmu ta’ rappurtar dwar il-progress nazzjonali u diskussjonijiet strateġiċi dwar l-implimentazzjoni reġjonali tal-VIS.

Kif ġara fl-ewwel reġjun, is-sistema ta’ monitoraġġ nazzjonali użata fil-laqgħat tal-FoVIS ippermettiet tnedija b’suċċess tal-VIS fir-reġjuni tal-Lvant Qrib u tal-Golf.

Fil-laqgħa tat-18 ta’ Lulju 2012, ġie maqbul li d-data li fiha l-użu tal-VIS isir obbligatorju għall-Istati Membri kollha fil-Punent tal-Afrika u l-Afrika Ċentrali tista’ tkun l-14 ta' Marzu 2013.

6.           Konklużjoni

Tliet avvenimenti prinċipali kkaratterizzaw il-proġett VIS fl-2012. L-ewwel, l-Aċċettazzjoni tas-Sistema Finali (FSA) ingħatat lill-Kuntrattur tal-Iżvilupp Prinċipali, u b’hekk intemmet relazzjoni kuntrattwali ta’ seba’ snin bejn il-Kummissjoni u l-konsorzju ta’ HPS. It-tieni, il-VIS ġiet imnedija b’suċċess f’żewġ reġjuni ġeografiċi oħrajn, ir-reġjuni tal-Lvant Qrib u tal-Golf. Dan l-iżvilupp ikkonferma kemm hi soda s-sistema u l-kapaċità li tiġi implimentata f’reġjuni oħra fil-futur. Fl-aħħar nett, ir-responsabbiltà operattiva tas-sistema għaddiet għand eu-LISA, li issa hija kompletament operattiva kemm fis-siti tekniċi fi Strasburgu u Sankt Johann im Pongau u kemm fil-kwartieri f’Talinn.

Dan huwa l-aħħar rapport annwali dwar il-progress tal-proġett VIS mogħti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE.

7.           Anness: Gruppi ta’ Ħidma tal-VIS

7.1.        Il-Kumitat SISVIS

Il-Kumitat SISVIS fil-formazzjoni tal-VIS[12] iltaqa’ darba fl-2012, fit-8 ta’ Marzu. Waqt il-laqgħa, il-Kummissjoni infurmat lid-delegazzjonijiet li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni VIS Mail ġiet adottata fid-29 ta’ Frar. Il-Kumitat bagħat ukoll opinjoni favorevoli dwar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina t-tieni sett ta’ reġjuni biex fihom jibdew l-operazzjonijiet tal-VIS. Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq dokument informali tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2011 u tkopri s-sekwenza tar-reġjuni minn 4 sa 11, it-tnejn inklużi.

7.2.        Laqgħat tal-Maniġers tal-Proġetti Nazzjonali tal-VIS (NPM)

Waqt il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni sejħet seba’ laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti mal-Maniġers tal-Proġetti Nazjjonali tal-Istati Membri, biex jiddiskutu l-istatus tal-proġett VIS, kwistjonijiet tekniċi fid-dettall, riskji u attivitajiet f’livell ta’ proġetti ċentrali u nazzjonali. L-aħħar laqgħa tal-Maniġers tal-Proġetti Nazzjonali tal-VIS saret fil-25 ta’ Ottubru u minn dakinhar ġiet sostitwita mill-hekk imsejjaħ Grupp Konsultattiv tal-VIS, li jiġi organizzat minn eu-LISA.

7.3.        Il-Grupp ta’ Esperti dwar il-VIS Mail (VIS MEG)

Il-grupp iltaqa’ seba’ darbiet waqt il-perjodu ta’ rappurtar bil-għan li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Komunikazzjoni tal-VIS Mail u b’mod partikolari l-hekk imsejħa “Fażi 2” (ara t-taqsima 3.3.). L-aħħar laqgħa tal-VIS MEG saret fid-29 ta’ Ottubru. Minn dakinhar il-kwistjonijiet relatati mal-VIS Mail ġew inkorporati fil-Grupp Konsultattiv tal-VIS, taħt ir-responsabbiltà ta’ eu-LISA.

[1]               ĠU L 213 tal-15.6.2004, p. 5.

[2]               Għat-tmien rapport, ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp tas-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) fl-2011, COM(2012) 376 finali tal-11.07.2012

[3]               ĠU L 213 tal-15.6.2004, p. 5.

[4]               L-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.

[5]               Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/49/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 li tiddetermina l-ewwel reġjun għall-bidu tal-attivitajiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), ĠU L 23, 27.1.2010, p. 62

[6]               Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) - ĠU L 218 tat-13.08.2008, p. 60

[7]               Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2012 li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fit-tieni reġjun, ĠU L 117 tal-1.5.2012, p. 9. Ir-reġjun tal-Lvant Qrib jinkludi l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, u s-Sirja.

[8]               Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2012 li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fit-tielet reġjun, ĠU L 256 tat-22.9.2012, p. 21. Ir-reġjun tal-Golf jinkludi l-Afganistan, il-Baħrejn, l-Iran, l-Iraq, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, u l-Yemen.

[9]               Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2012 li tiddetermina t-tieni sett ta’ reġjuni għall-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), ĠU L 134 tal-24.5.2012, p. 20. Ir-reġjuni huma il-Punent tal-Afrika, l-Afrika Ċentrali, in-Nofsinhar tal-Afrika, in-Nofsinhar tal-Amerika, l-Asja Ċentrali, ix-Xlokk tal-Asja, u t-territorju Palestinjan okkupat.

[10]             Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Frar 2012 li tadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-Mekkaniżmu għall-Komunikazzjoni tal-Mail VIS għal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (ir-Regolament VIS) bejn l-Istati Membri dwar il-viżi għal perjodu qasir (ir-Regolament VIS), C(2012) 1301 finali.

[11]             Ir-rata ta’ Nuqqas ta’ Reġistrazzjoni (FTE) hija l-perċentwal ta’ settijiet ta’ marki tas-swaba’ li jkunu ta’ kwalità aktar baxxa minn dik meħtieġa biex jintużaw.

[12]             Stabbilita mill-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.