52013DC0126

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom /* COM/2013/0126 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom

1.           Introduzzjoni

L-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014 se jkunu l-ewwel elezzjonijiet minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona. Dawn se jkunu dejjem aktar importanti hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tieħu passi importanti lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina, li minnhom il-leġittimità demokratika hija l-pedament.

It-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ il-pedamenti demokratiċi tal-Unjoni. Huwa jtejjeb ir-rwol taċ-ċittadin tal-UE bħala attur politiku fl-UE[1] billi jistabbilixxi rabta soda bejn iċ-ċittadini, l-eżerċitar tad-drittijiet politiċi tagħhom u l-ħajja demokratika tal-Unjoni[2]. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew bħala l-assemblea demokratika rappreżentattiva tal-Unjoni ġie msaħħaħ mit-Trattat ta’ Lisbona. Addizzjonalment, bl-introduzzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini, it-Trattat ta’ Lisbona jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw aktar direttament u bis-sħiħ fil-ħajja demokratika tal-Unjoni[3].

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata biex tisfrutta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ Lisbona sabiex ittejjeb aktar it-trasparenza u d-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet Ewropej u b’hekk tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u tinġieb is-sistema eqreb għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti fid-dawl tal-azzjonijiet meħtieġa fil-livell tal-UE biex tiġi indirizzata l-kriżi finanzjarja u d-dejn sovran. Din tista’ taġixxi wkoll bħala pass ’il quddiem lejn aktar riformi tat-Trattat għat-titjib tal-pedament tal-Unjoni Ewropea bħala organizzazzjoni demokratika.

Fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew[4]. Il-perspettiva taċ-ċittadini hija aktar msaħħa fid-definizzjoni l-ġdida ta’ membri tal-Parlament Ewropew bħala “rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni”[5] u mhux sempliċement bħala “rappreżentanti tal-popli tal-Istati miġburin flimkien fil-Komunità”[6]. Bl-istess ħsieb, it-Trattat ta’ Lisbona jagħti setgħat aqwa lill-Parlament Ewropew, billi jikkonsolida r-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur sħiħ flimkien mal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew issa jiddeċiedi fuq il-maġġoranza l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE u għandu s-setgħa fuq il-baġit kollu tal-UE fuq livell ugwali mal-Kunsill, waqt li l-kunsens tiegħu hu meħtieġ għall-adozzjoni tal-Oqfsa Finanzjarji Pluriennali.

Fir-rapport tagħha tal-2010 li jevalwa l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009[7], il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, kif ukoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-għarfien dwar l-elezzjonijiet u d-drittijiet assoċjati tagħhom. Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE”[8] enfasizza l-bżonn li jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar l-elezzjonijiet Ewropej, dwar id-drittijiet tagħhom, u l-impatt tal-politiki tal-UE fuq il-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Enfasizza wkoll il-bżonn li jiġu indirizzati nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-prinċipji demokratiċi tal-elezzjonijiet Ewropej u biex jitneħħew l-ostakoli li ċ-ċittadini jiffaċċjaw biex jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom b'mod effettiv.

Fid-dawl tar-rwol imsaħħaħ u s-setgħat tal-Parlament Ewropew, huwa essenzjali li jitjieb il-proċess sabiex jiġu eletti l-Membri tiegħu u li tingħata iktar prominenza għal dan il-proċess.

Waqt litalab għat-tkomplija ta’ unjoni ekonomika profonda u ġenwina, ibbażata fuq unjoni politika, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, enfasizza fid-diskors tiegħu “L-Istat tal-Unjoni 2012”[9] li “il-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tiddependi fuq l-istituzzjonijiet u s-sisien politiċi warajhom. Din hija r-raġuni għalfejn l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tqajjem il-kwistjoni ta’ unjoni politika u d-demokrazija Ewropea li trid tirfidha'. B’unjoni politika fl-orizzont, il-President Barroso ħabbar l-impenn tal-Kummissjoni biex tieħu passi konkreti lejn l-iżvilupp ta’ spazju pubbliku Ewropew kif ukoll biex tressaq aktar ideat dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ tkun aktar miftuħa u demokratika fil-ħin għal dibattitu qabel l-Elezzjonijiet Ewropej fl-2014.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2012 “Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina — It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew”[10] il-Kummissjoni pproponiet “leġittimità u responsabbiltà demokratika msaħħa” bħala parti neċessarja ta’ kwalunkwe riforma tal-Unjoni Ewropea. Kif enfasizzat aktar fir-rapport “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” imħejji mill-President tal-Kunsill Ewropew f'kooperazzjoni mill-qrib flimkien mal-Presidenti tal-Kummissjoni, lill-Grupp tal-Euro u lill-Bank Ċentrali Ewropew[11], il-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà huma essenzjali għal unjoni ekonomika u monetarja ġenwina.

Madwar l-Ewropa, qed iseħħ djalogu politiku dwar il-futur tal-Ewropa fil-livelli kollha. Dan jinkludi serje ta’ djalogi taċ-ċittadini bejn il-politiċi Ewropej u nazzjonali u ċ-ċittadini bħala parti mis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini[12]. Ħafna mill-ideat mqajma fil-proċess feġġew minħabba l-ħtieġa għal rabta iktar b'saħħitha bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha.

L-integrazzjoni u l-leġittimità għandhom jimxu id f'id. Aktar demokrazija hija l-korollarju ta’ integrazzjoni istituzzjonali akbar meħtieġa biex tippermetti lill-Unjoni Ewropea biex tkun lesta għall-isfidi globali attwali. F'dan ir-rigward, hemm ħtieġa urġenti li jissaħħu r-rabtiet bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-proċess demokratiku tal-Unjoni.

Inwettqu l-impenn tal-President Barroso li napprofondixxu, bħala l-ewwel pass konkret, id-dibattitu pan-Ewropew u tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet Ewropej, din il-Komunikazzjoni tispjega fil-qosor l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 u biex tissalvagwardja r-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi ta' dawn l-elezzjonijiet. Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni maħsuba li ttejjeb it-twettiq demokratiku u effiċjenti tal-elezzjonijiet Ewropej[13].

2.           AKTAR TITJIB FIT-TWETTIQ DEMOKRATIKA TAL-ELEZZJONIJIET EWROPEJ

B’mod ġenerali, iċ-ċittadini tal-UE huma konxji tal-importanza ta' elezzjonijiet Ewropej bħala mezz biex jieħdu sehem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Madankollu, dawn mhumiex konxji tal-effett li dawn l-elezzjonijiet ikollhom fuq ħajjithom ta' kuljum, u lanqas tal-għażliet politiċi disponibbli għalihom, u dan għandu impatt negattiv fuq il-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej.

· Kważi sitta minn kull 10 ċittadini tal-UE jaħsbu li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej huwa l-aħjar mod li bih jiġi żgurat li leħinhom jinstema’ minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE[14].

· Aktar minn seba’ minn kull 10 ċittadini tal-UE jaħsbu li jekk il-partiti politiċi kollha juru fil-materjali kollha tal-kampanja ma’ liema partit politiku Ewropew huma affiljati, l-ammont ta' votanti jkun ogħla[15].

· Aktar minn tmienja minn kull 10 ċittadini tal-UE jgħidu li jekk jirċievu aktar tagħrif dwar il-programmi u l-għanijiet tal-kandidati u l-partiti fil-Parlament Ewropew, dwar l-impatt tal-UE fuq ħajjithom u fuq l-elezzjonijiet infushom tingħata spinta lill-motivazzjoni tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej[16].

· Sitta minn kull 10 ċittadini tal-UE li rrispondew għal konsultazzjoni pubblika jkunu mmotivati li jivvotaw bi programm politiku li jtejjeb il-ħajja tagħhom ta’ kuljum – segwit minn programm li jsaħħaħ l-ekonomija tal-UE u programm biex jingħelbu d-differenzi soċjali fl-UE[17].

L-istħarriġ ta’ hawn fuq juri li ċ-ċittadini tal-UE huma interessati b’mod ċar biex jiġu offruti għażla bejn għażliet ta’ politika valida dwar kwistjonijiet Ewropej b'impatt dirett fuq ħajjithom. Għal dan il-għan, jidher li d-dominanza ta’ suġġetti nazzjonali li joskuraw kwistjonijiet ta' rilevanza għall-UE jaffettwaw negattivament l-ammont ta' votanti fl-Elezzjonijiet Ewropej. Kif enfasizzat mill-President Barroso fid-diskors tiegħu “L-Istat tal-Unjoni 2012”, id-dibattitu politiku huwa ta’ spiss maħsub bħallikieku kien biss bejn partiti nazzjonali. Bħala riżultat ta’ spiss m’hemmx kuntatt reali bejn il-partiti politiċi fil-livell nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej.

Biex nikkomunikaw aħjar ir-rabta bejn il-proċessi politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE, huwa essenzjali li nagħmlu r-rabtiet bejn l-atturi ewlenin involuti aktar viżibbli għaċ-ċittadini. It-tisħiħ ta’ partiti politiċi Ewropej u ż-żieda fil-viżibbiltà tagħhom huwa mezz kif dan jintlaħaq direttament.

Il-partiti politiċi Ewropej, bħala atturi transnazzjonali bi rwol ewlieni fl-artikulazzjoni tal-ilħna taċ-ċittadini fil-livell Ewropew, huma fl-aħjar pożizzjoni biex jitqarrbu l-politika tal-UE u ċ-ċittadini. It-Trattat ta’ Lisbona jagħti lill-partiti politiċi Ewropej rwol ewlieni f'dan, jiġi assenjat lilhom il-missjoni biex “jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”[18].

Biex jippermettu lill-partiti politiċi Ewropej iwettqu bis-sħiħ il-missjoni tagħhom, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej[19]. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-partiti politiċi Ewropej jibbenefikaw minn status aktar viżibbli u qafas aktar flessibbli, trasparenti u effiċjenti għall-finanzjament tagħhom.

Din il-proposta tirrikjedi wkoll lill-partiti politiċi pan-Ewropej biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE bl-affiljazzjoni ta’ partiti politiċi nazzjonali u l-kandidati tagħhom lill-partiti politiċi Ewropej[20] matul l-elezzjonijiet.

Biex tkompli tenfasizza r-rabta bejn il-partiti pan-Ewropej u dawk nazzjonali, il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li l-partiti nazzjonali jagħmluha ċara dwar l-affiljazzjoni tagħhom ma’ partiti politiċi pan-Ewropej.

Il-ħolqien ta’ rabta viżibbli bejn il-partiti nazzjonali li għalihom iċ-ċittadini tal-UE jivvutaw u l-partiti politiċi Ewropej li magħhom huma affiljati l-partiti nazzjonali kieku jkollha impatt importanti fuq it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE. Iż-żieda fil-viżibbiltà ta’ partiti politiċi Ewropej matul il-proċess elettorali kollu, mill-kampanja sat-tfigħ ta’ voti, se żżid ir-responsabilizzazzjoni tal-partiti politiċi li qed jieħdu sehem fil-proċess elettorali Ewropew u ttejjeb il-fiduċja tal-votanti f’dan il-proċess. Iġiegħel liċ-ċittadini Ewropej ikunu aktar konxji tar-riperkussjoni ta’ vot mitfugħ għal partit nazzjonali.

Huwa importanti li l-Istati Membri jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw fis-sistema elettorali tagħhom l-forniment ta’ informazzjoni lill-elettorat dwar affiljazzjonijiet bejn il-partiti nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej. Fl-istess ħin, partiti politiċi nazzjonali li jipparteċipaw fl-Elezzjonijiet Ewropej għandhom jagħrfu pubblikament l-affiljazzjoni tagħhom lill-partiti politiċi Ewropej qabel l-elezzjonijiet.

Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bħalissa qed isiru fi ġranet differenti fi Stati Membri differenti. Dan isaħħaħ il-perċezzjoni li l-Elezzjonijiet Ewropej huma primarjament elezzjonijiet nazzjonali u jillimita l-impressjoni li l-Elezzjonijiet Ewropej huma impenn komuni. Jum Ewropew għall-votazzjoni b’postijiet tal-votazzjoni li jagħlqu fl-istess ħin jirrifletti aħjar il-parteċipazzjoni komuni taċ-ċittadini madwar l-Unjoni, bħala parti mid-demokrazija rapreżentattiva li fuqha hija mibnija l-UE.

L-Istati Membri għandhom jaqblu fuq jum komuni għal elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, b’postijiet tal-votazzjoni li jagħlqu fl-istess ħin.

3.           RABTA IKTAR B’SAĦĦITHA BEJN IL-VOTI TAĊ-ĊITTADINI TAL-UE U L-ELEZZJONI TAL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI

It-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew u r-responsabbiltà rigward il-Kummissjoni: il-Parlament Ewropew jeleġġi l-President tal-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kunsill Ewropew, li jrid iqis r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej[21].

Il-President tal-Kummissjoni huwa l-figura rappreżentattiv tal-eżekuttiv tal-UE, u għandu jiġi magħżul skont proċess ċar. Kull partit politiku għandu jgħarraf il-kandidat tiegħu għal President tal-Kummissjoni matul il-proċess elettorali.

Skont it-Trattat, ir-riżultat tal-Elezzjonijiet Ewropej għandu jkollu rwol importanti fid-determinazzjoni ta’ liema kandidat isir il-President tal-Kummissjoni[22].

1 minn kull 2 ċittadini tal-UE se jħossu aktar inklinat li jivvota fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 jekk kull wieħed mill-alleanzi politiċi ewlenin Ewropej iressaq kandidat għall-funzjoni ta' President tal-Kummissjoni Ewropea, abbażi ta’ programm komuni[23].

Kif misħuq mill-President Barroso fid-diskors tiegħu l-“Istat tal-Unjoni 2012”, “mezz importanti biex tapprofondixxi d-dibattitu politiku pan-Ewropew ikun il-preżentazzjoni mill-partiti politiċi Ewropej tal-kandidat tagħhom għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni fl-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej diġà fl-2014 […] Dan ikun pass deċiżiv biex tagħmel il-possibbiltà ta’ għażla Ewropea offruta minn dawn l-elezzjonijiet aktar ċara.”

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-2014 għall-Parlament Ewropew[24] ħeġġet partiti politiċi Ewropej biex jaħtru l-kandidati għall-Presidenza tal-Kummissjoni, waqt li nnutat li kien mistenni li dawk il-kandidati jaqdu rwol ewlieni fil-kampanja elettorali parlamentari, b’mod partikolari billi personalment jippreżentaw il-programm tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew saħaq ukoll dwar l-importanza li tissaħħaħ il-leġittimità politika kemm tal-Parlament u l-Kummissjoni billi tgħaqqad l-elezzjonijiet rispettivi tagħhom aktar direttament mal-għażla tal-votanti.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar “Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina — it-Tnedija ta’ Dibattitu Ewropew”[25] enfasizzat in-nomina tal-kandidati għall-uffiċċju ta' President tal-Kummissjoni mill-partiti politiċi fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 bħala wieħed mill-passi ta’ importanza sinifikanti li jistgħu jittieħdu sabiex ikun promoss l-iżvilupp ta’ politika Ewropea ġenwina.

Jekk il-partiti politiċi Ewropej u l-partiti politiċi nazzjonali jagħmlu n-nomini tagħhom magħrufa għall-funzjoni ta’ President tal-Kummissjoni u l-programm tal-kandidat fil-kuntest tal-Elezzjonijiet Ewropej, dan se jagħmel ir-rabta aktar konkreta u viżibbli bejn il-vot individwali taċ-ċittadini tal-UE għal kandidat għas-sħubija tal-Parlament Ewropew u l-kandidat għal President tal-Kummissjoni appoġġjat mill-partit tal-MEP kandidat.

Dan jgħin liċ-ċittadini tal-UE biex jifhmu aħjar liema kandidat għal President tal-Kummissjoni l-vot tagħhom fl-aħħar mill-aħħar se jappoġġa. Dan iżid il-leġittimità tal-President tal-Kummissjoni u b’mod aktar ġenerali l-leġittimità demokratika tal-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Jista’ wkoll jikkontribwixxi biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej billi ssaħħaħ ir-rabta bejn l-elezzjoni tar-rappreżentanti taċ-ċittadini mal-għażla u l-proċess elettorali tal-Kap Eżekuttiv Ewropew. Fl-Istati Uniti tal-Amerika, meta jseħħu l-elezzjonijiet għall-Kungress fl-istess sena tal-elezzjonijiet presidenzjali, aktar nies jispiċċaw jivvotaw milli fis-snin ta’ nofs it-terminu, meta biss madwar 40% tal-votanti jmorru jivvutaw.

Xandiriet politiċi għandhom l-għan li jippermettu lill-elettorat jagħmel għazliet informati. Partiti politiċi nazzjonali għandhom jużaw dan il-mezz biex jipprovdu l-informazzjoni dwar il-kandidati u l-programmi tagħhom, f’ambjent li jippromwovi l-pluraliżmu tal-midja f'dibattitu demokratiku miftuħ, billi jiġi kkunsidrat l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.           IKTAR TISĦIĦ TAT-TWETTIQ EFFIĊJENTI TAL-ELEZZJONIJIET EWROPEJ FILWAQT LI JITNAQQAS IL-PIŻ AMMINISTRATTIV GĦALL-ISTATI MEMBRI

Il-liġi tal-UE tagħti liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat[26].

Biex tiġi salvagwardjata l-leġittimità tal-elezzjonijiet Ewropej, id-Direttiva 93/109/KE tipprovdi għal proċeduri li jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE la jistgħu jivvutaw u lanqas joħorġu bħala kandidati kemm fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom u fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom fl-istess elezzjonijiet[27].

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009[28] ġibed l-attenzjoni għal problemi fit-tħaddim ta’ dawn il-proċeduri. Kif indikat ukoll fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010[29], dawn il-proċeduri jistgħu ta’ spiss jirriżultaw f'piż eċċessiv għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, sproporzjonat għad-daqs attwali tal-problema ta’ votazzjoni multipla u kandidaturi multipli. Il-Kummissjoni għalhekk ħabbret l-intenzjoni tagħha biex ittejjeb dawn il-proċeduri (azzjoni 19 tar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010).

B’użu ta’ konsultazzjonijiet ma’ esperti elettorali mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ħejjiet rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet elettorali nazzjonali dwar aspetti differenti ta' mekkaniżmu li jipprevjeni votazzjoni multipla. Ir-rakkomandazzjonijiet jissimplifikaw il-mekkaniżmu u jagħmluha aktar effettiva fil-prevenzjoni ta’ abbużi.

Ir-Rakkomandazzjoni, adottata flimkien mal-Komunikazzjoni attwali, tirrakkomanda li l-Istati Membri, b'mod partikolari:

· iwaqqfu awtorità ta’ kuntatt waħdanija f’kull Stat Membru għal skambju bla xkiel tad-dejta ma’ Stati Membri oħra;

· iqisu l-kalendarji elettorali differenti tal-Istati Membri meta jiskambjaw id-dejta;

· jipprovdu dejta personali addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa għal identifikazzjoni aktar effiċjenti ta’ votanti rreġistrati tal-UE fuq ir-reġistri elettorali tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet, maħruġa sew qabel l-Elezzjonijiet Ewropej li jmiss, għalhekk jistgħu jikkontribwixxu biex itejbu sostanzjalment il-funzjonament tal-mekkaniżmu għall-prevenzjoni ta’ abbużi, sabiex issir aktar effiċjenti u jitnaqqas il-piż amministrattiv.

5.           IT-TNEĦĦIJA TAL-OSTAKOLI GĦAD-DRITTIJIET TAL-VOT TA’ ĊITTADINI TAL-UE U LI JIĠI ŻGURAT IR-RISPETT TAL-PRINĊIPJI KOMUNI TAL-UE

5.1.        L-infurzar tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom

Fir-rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010[30], il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom jiġu infurzati bis-sħiħ madwar l-UE (azzjoni nru 18).

Il-Kummissjoni nnutat li xi Stati Membri jeħtieġu ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra biex jissodisfaw kondizzjonijiet għal reġistrazzjoni elettorali lil hinn minn dawk stabbiliti fid-Direttiva 93/109/KE dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Kondizzjonijiet addizzjonali bħal dawn jinkludu, pereżempju, li jkollhom karta tal-identità nazzjonali u l-obbligu li jġeddu r-reġistrazzjoni għal kull Elezzjoni Ewropea. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li xi Stati Membri jidhru li ma jinformawx liċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra b'mod xieraq dwar id-dritt tagħhom li jieħdu sehem fl-Elezzjonijiet Ewropej.

Bħala segwitu għar-rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010, il-Kummissjoni segwiet djalogu mal-Istati Membri kkonċernati biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej bl-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini nazzjonali, b'konformità mal-liġi tal-UE.

Bħala riżultat ta’ dan id-djalogu, għadd ta' Stati Membri emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom jew ħabbru emendi maħsuba sabiex iġibu l-leġiżlazzjoni tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE[31]. Il-Kummissjoni qed tkompli kuntatti ma’ dawn l-Istati Membri biex tiżgura li d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE jkunu kompletament effettivi mal-UE, inkluż billi tniedi proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fejn xieraq.

5.2.        Jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipji komuni tal-Elezzjonijiet Ewropej

Meta jkunu qed jorganizzaw elezzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw ċerti prinċipji komuni: l-elezzjonijiet ikunu ħielsa, sigrieti u b'vot dirett universali[32]. Dawn il-prinċipji stipulati fil-liġi tal-UE jipprojbixxu fost oħrajn il-pubblikazzjoni tar-riżultati fi Stat Membru wieħed qabel ma l-votazzjoni tagħlaq fl-Istati Membri kollha. L-għan hu li jiġi evitat li votanti tal-UE jiġu influwenzati minn riżultati miksuba fl-Istati Membri fejn il-votazzjoni diġà spiċċat, u għalhekk biex jiġi ssalvagwardjat element ewlieni tal-prinċipju ta’ vot liberu.

Kif imħabbar fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010, (azzjoni nru 17), il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tiżgura li dan il-prinċipju demokratiku huwa rrispettat madwar l-UE fl-Elezzjonijiet Ewropej li jmiss. B’riżultat ta' dan, l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw il-problemi identifikati[33].

Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ miżuri fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 biex tiżgura li dawn huma adegwati u li l-pubblikazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali ssir f'konformità sħiħa ma' dan il-prinċipju demokratiku fundamentali.

5.3.        Għotja ta' deroga skont l-Artikolu 22(2) tat-TFUE

L-Artikolu 22(2) tat-TFUE jistipula li ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom ikollhom id-dritt li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Dan jippermetti wkoll għal derogi għal din ir-regola, fejn dan huwa ġġustifikat minn sitwazzjoni speċifika għal xi Stat Membru.

Tali deroga hija stabbilita fid-dettall fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 93/109/KE. Hija tippermetti lill-Istati Membri li jirrikjedu kemm votanti u kandidati li jkunu spiċċaw perjodu minimu ta’ residenza jekk il-proporzjon ta’ residenti li laħqu l-età tal-vot li huma ċittadini ta' Stati Membri oħra teċċedi 20% tal-elettorat totali.

Il-Lussemburgu huwa l-uniku Stat Membru li jikkwalifika għad-deroga. Dan għamel użu minn din id-deroga f'elezzjonijiet tal-passat billi rrestrinġa d-dritt li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati għal ċittadini barranin tal-UE li kellhom id-domiċilju legali fil-Lussemburgu u kienu residenti hemm mill-anqas għal sentejn u ħames snin rispettivament qabel ir-reġistrazzjoni.

Skont informazzjoni li l-Lussemburgu għadda lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Awwissu 2012, l-għadd totali taċ-ċittadini tal-UE li laħaq l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza fil-Lussumburgu huwa ta’ 383 485, filwaqt li n-numru ta' ċittadini barranin tal-UE li laħqu l-età tal-vot u li jgħixu hemmhekk huwa ta’ 151 126. Jirriżulta li l-proporzjon ta’ ċittadini barranin huwa ta’ 39.41 %, li jaqbeż il-limitu ta' 20 %. Għalhekk jidher li r-raġunijiet li jiġġustifikaw deroga skont l-Artikolu 22(2) tat-TFUE għadhom japplikaw.

6.           TISĦIĦ TAL-PARTEĊIPAZZJONI TA’ KANDIDATI TAL-UE MHUZ NAZZJONALI FL-ELEZZJONIJIET EWROPEJ: LI JEMENDA D-DIRETTIVA 93/109/KE

Fost ir-raġunijiet differenti ta’ votazzjoni baxxa fl-elezzjonijiet Ewropej, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009 indika li għadd żgħir biss ta’ ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom jużaw id-dritt tagħhom li jikkontestaw bħala kandidati hemmhekk. Fl-2009, 81 ċittadin tal-UE biss ħarġu bħala kandidati.

Il-Kummissjoni nnutat li ċ-ċittadini tal-UE li jixtiequ joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej fi Stat Membru li fih ikunu marru jgħixu jiffaċċjaw proċeduri amministrattivi għalja u peżanti. Hija ħabbret fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni tal-2010, li se jitniedu mill-ġdid in-negozjati dwar emenda tad-Direttiva 93/109/KE li tissimplifika l-proċeduri attwali għaċ-ċittadini tal-UE li joħorġu bħala kandidati, filwaqt li tissalvagwardja l-leġittimità tal-Elezzjonijiet Ewropej.

Wara t-tnedija mill-ġdid ta’ negozjati mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta d-Direttiva 2013/1/UE[34], li temenda d-Direttiva 93/109/KE, li tipprovdi fost oħrajn li l-kandidati m'għadhomx iridu jagħtu prova li huma ma jkunux ġew imċaħħda mid-drittijiet elettorali tagħhom fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. Minflok, huma ser ikollhom jagħmlu dikjarazzjoni formali għal dak il-għan, biex jiġi vverifikat mill-awtoritajiet elettorali fl-Istat Membru fejn joqogħdu. Din il-proċedura simplifikata se tapplika fl-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014.

7.           KONKLUŻJONI

Din is-sena, l-2013, hija s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini. Din timmarka l-għeluq tal-20 sena mit-twaqqif taċ-ċittadinanza tal-UE bit-Trattat ta' Maastricht. Firxa wiesgħa ta’ avvenimenti, konferenzi u dibattiti pubbliċi qed jiġu organizzati madwar l-Ewropa fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali. Dawn l-avvenimenti għandhom l-għan li jqajmu l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom taħt il-liġi tal-UE, inkluż id-dritt li jieħdu sehem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u biex iħeġġu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-forums ċiviċi dwar politiki u kwistjonijiet tal-UE.

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini tipprovdi opportunità f'waqtha primarjament biex jingħata leħen għat-tħassib taċ-ċittadini Ewropej, iżda wkoll biex titqajjem kuxjenza dwar l-impatt materjali tal-politiki tal-UE fuq ħajjithom, biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-UE u biex jinvolvu ruħhom f’dibattiti politiċi dwar kwistjonijiet Ewropej. Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini hija opportunità għal ċittadini tal-Unjoni sabiex isemmgħu leħinhom. L-aħjar okkażjoni għal dan il-għan huma l-Elezzjonijiet Ewropej

Fid-dawl tal-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014, il-Kummissjoni temmen li:

· il-votanti għandhom ikunu infurmati bl-affiljazzjoni bejn partiti nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej qabel u matul l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

· L-Istati Membri għandhom jaqblu fuq jum komuni għal elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, b’postijiet tal-votazzjoni li jagħlqu fl-istess ħin.

· kull partit politiku għandu jinnomina l-kandidat tiegħu għal President tal-Kummissjoni Ewropea;

· il-partiti nazzjonali għandhom jiżguraw li x-xandiriet politiċi tagħhom fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jinformaw liċ-ċittadini dwar il-kandidat li huma jappoġġjaw għal President tal-Kummissjoni Ewropea u l-programm tal-kandidat.

Il-Kummissjoni temmen li dawn ir-rakkomandazzjonijiet prattiċi, evoluzzjonarji iżda mhux revoluzzjonarji, jistgħu jiġu implimentati fil-ħin għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014. Dawn se jikkontribwixxu biex iqajmu dibattitu Ewropew u għall-ħolqien ta’ spazju pubbliku Ewropew. Dawn se jgħinu biex l-Ewropa titqiegħed fil-qalba tad-dibattiti nazzjonali madwar l-UE. Dan se jipprovdi pjattaforma għal passi li jmiss tal-integrazzjoni Ewropea.

[1]               Skont l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) “Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.”

[2]               It-Titolu II TUE tintegra iċ-ċittadinanza tal-UE fid-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi (l-Artikolu 9 tat-TUE) u tissaħħaħ ir-rabta bejn iċ-ċittadinanza u d-demokrazija (l-Artikoli 10 u 11 TUE).

[3]               Skont l-Artikolu 11(4) tat-TUE, "Ċittadini tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx inqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta' għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-għall-implimentazzjoni tat-Trattati".

[4]               L-Artikolu 10(2) TUE.

[5]               L-Artikolu 14(2) TUE.

[6]               L-Artikolu 189 tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

[7]               COM(2010) 605 final — Rapport dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew (l-Att tal-1976 kif emendat bid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom) u dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istati Membri ta' residenza (Direttiva 93/109/KE)

[8]               COM(2010) 603 finali.

[9]               It-12 ta’ Settembr 2012, Is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew, Strasburgu, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/soteu2012/.

[10]             COM(2012) 777 final/2.

[11]             http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ec/134069.pdf.

[12]             http://ec.europa.eu/european-debate/index_mt.htm.

[13]             C (2013)1303 final.

[14]             Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew EB/EP 77.4, “Għad baqa’ sentejn għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014” Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2012.

[15]             Flash Eurobarometer 364 dwar id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE, Fieldwork f’Novembru 2012.

[16]             Idem.

[17]             Konsultazzjoni pubblika “Iċ-ċittadini tal-UE – id-drittijiet tiegħek, il-Ġejjieni Tiegħek” imnedija mill-Kummissjoni bejn Mejju u Settembru 2012 dwar 2013 Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE.

[18]             L-Artikolu 10(4) tat-TUE u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

[19]             COM(2012) 499 final.

[20]             Ara l-Artikolu 17(3) tal-Proposta għal Regolament.

[21]             Skont l-Artikolu 17(7) TUE: “Waqt li jitqiesu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wara konsultazzjonijiet xierqa, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata, għandu jipproponi lill-Parlament Ewropew kandidat għall-funzjoni ta' President tal-Kummissjoni. Dan il-kandidat għandu jkun elett mill-Parlament Ewropew b'maġgoranza tal-membri tiegħu.” Id-dikjarazzjoni Nru 11, dwar l-Artikolu 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tindika li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew huma konġuntament responsabbli għat-tmexxija bla xkiel tal-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni u tipprovdi indikazzjonijiet dwar il-konsultazzjonijiet neċessarji f’dan il-qafas

[22]             Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 21.

[23]             Stħarriġ tal-Ewrobarometru EB/EP 77.4, tal-20 ta’ Awwissu 2012, imsemmi hawn fuq.

[24]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 (2012/2829(RSP)).

[25]             COM(2012) 777 final/2.

[26]             L-Artikolu 22(2) TFUE u d-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 329 tal-30.12.1993, p. 34).

[27]             Il-mekkaniżmu jikkonsisti fi skambji ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar iċ-ċittadini tal-UE li kienu rreġistrati sabiex jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom. Fuq il-bażi tad-dejta mibgħuta mill-Istat Membru tar-residenza, l-Istat Membru tal-oriġini għandu jneħħi mil-lista elettorali dawk iċ-ċittadini kkonċernati (jew jżommhom milli jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati b'mezzi oħra).

[28]             COM(2010) 605 finali.

[29]             COM(2010) 603 finali.

[30]             COM(2010) 603 finali.

[31]             Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija adottaw leġiżlazzjoni ġdida; Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Litwanja, is-Slovakkja u s-Slovenja ħabbru emendi tal-leġiżlazzjoni tagħhom li għandhom jidħlu fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014; Il-Bulgarija u Malta riċentement adottaw leġiżlazzjoni ġdida li attwalment qed tiġi analizzata. L-Estonja u l-Latvja ma pprovdewx spjegazzjoni sodisfaċenti fir-rigward tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mal-liġi tal-UE.

[32]             Il-prinċipji komuni huma stipulati fl-Att tal-1976 dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 u ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1).

[33]             Il-Pajjiżi l-Baxxi ħarġu struzzjonijiet għal dan il-għan lil awtoritajiet muniċipali.

[34]             ĠU L 26, 26.1.2013, p. 28.