11.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi”

COM(2013) 620 final – 2013/0307 (COD)

(2014/C 177/15)

Relatur: is-Sur CINGAL

Nhar it-12 ta’ Settembru 2013 u nhar l-20 ta’ Settembru 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi

COM(2013) 620 final – 2013/0307 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Jannar 2014.

Matul l-495 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta' Jannar 2014 (seduta tat-22 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’143 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u r-rieda li jiġi adottat strument legali Komunitarju, li huwa partikolarment meħtieġ minħabba l-problemi tal-klima (migrazzjoni naturali lejn it-Tramuntana), iżda jenfasizza li jista' jidher li r-risposta waslet tard wisq għal dawk li bdew iwissu dwar dan żmien twil ilu. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni jaqblilha tiżgura li t-titolu tal-Komunikazzjoni bil-lingwi differenti tal-Unjoni jkollu l-approvazzjoni tax-xjenzjati. Il-Kumitat jippreferi t-terminu “espèces allogènes invasives” (jew “envahissantes”) għall-verżjoni Franċiża.

1.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra l-ispeċijiet invażivi għandha titqies bħala Kawża Ewlenija Ewropea. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ġenerali għall-ġlieda kontra l-ispeċijiet aljeni invażivi. Madankollu, il-KESE jagħti parir lill-Kummissjoni li tispjega b'mod iżjed ċar il-kawżi ta' dawn il-problemi, sabiex joħroġ biċ-ċar il-bżonn ta' mobilizzazzjoni fuq skala wiesgħa tal-partijiet interessati biex jipprovdu d-dettalji rilevanti kollha lill-korp inkarigat mill-kwistjoni. Il-KESE jagħti parir ukoll lill-Kummissjoni li tfakkar fl-isforzi li diġà saru biex jitwettqu esperimenti fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-ispeċijiet introdotti li joħolqu l-problemi, pereżempju l-programmi LIFE. Il-Kumitat għandu d-dubji dwaril-fatt li l-lista tal-ispeċijiet invażivi tiġi lmitata għal ħamsin speċi.

1.3

Il-KESE japprezza r-rieda tal-Kummissjoni li tinvolvi ċ-ċittadini fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni osservati attwalment. Iżda l-KESE japprezza kieku l-Kummissjoni tistieden ukoll liċ-ċittadini jinfurmaw ruħhom dwar il-ġlieda preventiva u jipparteċipaw fiha. Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari fil-ġestjoni taż-żoni naturali jew rikreattivi.

1.4

Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li jinħoloq osservatorju Ewropew tal-pjanti aljeni invażivi, li jkun responsabbli kemm għat-tabella Ewropea ta' valutazzjoni kif ukoll għall-iskambju mal-pajjiżi barra l-UE. B'“osservatorju”, il-KESE jifhem punt fokali identifikat biċ-ċar li jlaqqa' flimkien lix-xjenzjati u ċ-ċittadini tal-UE billi jimmobilizzahom dwar problemi konkreti. B'hekk ikun possibbli li ssir ħidma msejsa fuq l-inizjattivi lokali u li jiġu enfasizzati l-punti ta' konverġenza fi programm sempliċi ta' komunikazzjoni (paġni f'sit tal-internet). Il-KESE huwa tal-fehma li t-twaqqif ta' osservatorju, li jkun responsabbli għall-ġestjoni ta' kwistjonijiet trasversali u transdixxiplinari, probabbilment jiffavorixxi l-mobilizzazzjoni ġenerali meħtieġa tal-esperti, l-animaturi fil-post u dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proġetti.

1.5

Il-KESE jittama li l-mekkaniżmu jiġi ppreżentat b'mod effettiv matul il-mandat attwali tal-Parlament Ewropew, li jagħmilha possibbli li jkun operattiv qabel l-2016. Is-sistema ta' sorveljanza proposta għandha tiġi vvalidata mill-komunitajiet xjentifiċi u tikkontribwixxi għad-definizzjoni ta' lista ta' indikaturi rakkomandati mill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, b'mod partikolari fl-għan 9 li jgħid li mil-lum sal-2020, għandhom jiġu identifikati u kklassifikati skont ordni ta' prijorità l-ispeċijiet aljeni invażivi u l-modi li permezz tagħhom jiġu introdotti; l-ispeċijiet prijoritarji għandhom jiġu kontrollati jew meqruda u jittieħdu miżuri għall-ġestjoni tal-modi li bihom jippenetraw, bil-għan li jiġu evitati l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta' dawn l-ispeċijiet. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra t-twaqqif ta' Grupp ta' Studju Xjentifiku (Scientific Study Group) abbażi tar-Regolament (KE) Nru 338/97 li jista' jibdel il-lista.

1.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, permezz tal-kwistjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi, tinteressa ruħha fiż-żoni abbundunati (art ħażina, linji tal-ferrovija antiki, eċċ.) li ta' spiss huma sors ta' infestazzjoni, u mezz ta' tifrix u kolonizzazzjoni. Il-KESE jittama li l-inizjattiva biex jinqerdu l-ispeċijiet pijunieri problematiċi tagħmilha possibbli li jiġu żviluppati intrapriżi speċjalizzati u impjiegi.

2.   Sfond u kontenut fil-qosor tal-Komunikazzjoni

2.1

L-impatt tal-ispeċijiet aljeni invażivi (invasive alien species – IAS) fuq il-bijodiversità huwa sinifikanti. L-IAS huma waħda mill-kawżi ewlenin, u li qed tkompli tikber, għat-telf tal-bijodiversità u l-estinzjoni tal-ispeċijiet. F'dak li għandu x'jaqsam mal-impatti soċjali u ekonomiċi, l-IAS jistgħu jkunu vetturi ta’ mard jew jikkawżaw problemi ta’ saħħa direttament (eż. id-dermatite, l-ażma u l-allerġiji). Jistgħu jagħmlu ħsara fl-infrastruttura u fil-faċilitajiet rikreattivi, ixekklu l-foresti jew jikkawżaw telf agrikolu, biex insemmu ftit mill-ħsarat li jistgħu jikkawżaw. Huwa stmat li l-IAS jiswew lill-Unjoni tal-anqas EUR 12-il biljun fis-sena u l-ispejjeż tal-ħsarat qed ikomplu jiżdiedu (1).

2.2

L-Istati Membri qed jieħdu għadd ta' miżuri sabiex jindirizzaw l-IAS, iżda l-miżuri huma essenzjalment reattivi bil-għan li titnaqqas kemm jista' jkun il-ħsara li diġà qed tiġi kkawżata, u ma jikkunsidrawx biżżejjed il-prevenzjoni jew l-identifikazzjoni, u lanqas il-ġlieda kontra t-theddid ġdid. L-isforzi huma frammentati u sikwit mhumiex koordinati sew, u jonqsu milli jkopru bosta speċijiet. L-IAS ma jirrispettawx il-fruntieri u jistgħu jinxterdu faċilment minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk, azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali mhix biżżejjed biex tħares l-Unjoni mit-theddid ta' ċerti IAS. Barra minn hekk, dan l-approċċ frammentat jista' jwassal biex Stat Membru jiddgħajjef minħabba nuqqas ta' azzjoni fi Stati Membri ġirien.

2.3

Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi qafas għal azzjoni ta' prevenzjoni, tnaqqis u mitigazzjoni tal-impatti negattivi tal-IAS fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi. Barra minn hekk, se tfittex li tnaqqas il-ħsara ekonomika u soċjali. Dan se jintlaħaq permezz ta' miżuri li jiżguraw azzjoni koordinata, iffukar tar-riżorsi fuq speċijiet ta' prijorità u żieda fil-miżuri ta' prevenzjoni, skont l-approċċ tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika u skont ir-reġimi tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali tal-Unjoni. F'termini prattiċi, il-proposta tfittex li tilħaq dawn l-għanijiet permezz ta' miżuri li jindirizzaw l-introduzzjoni intenzjonata tal-IAS fl-Unjoni u r-rilaxx intenzjonat tagħhom fl-ambjent, l-introduzzjoni u r-rilaxx mhux intenzjonati tal-IAS, il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta' twissija bikrija u rispons rapidu u l-ħtieġa li jkun ġestit it-tixrid tal-IAS madwar l-Unjoni.

2.4

It-“Taqsira għall-Pubbliku” li ġiet prodotta wara l-konsultazzjoni u li hija disponibbli fis-sit tal-internet tal-Kummissjoni hija ċara.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kummissjoni qed twieġeb għat-twissijiet tan-naturalisti kemm professjonali kif ukoll dilettanti, li kemm-il darba jissemmew mill-ġurnalisti fil-mezzi kollha tax-xandir. Il-Kummissjoni qed twieġeb ukoll lil dawk inkarigati fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali li diġà bdew jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-post. Il-Kummissjoni tipproponi applikazzjoni ġusta tal-prinċipju ta' prekawzjoni biex tiġi definita politika ta' prevenzjoni meta jkun hemm riskju jew tiġi identifikata problema ġdida. Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon partikolari l-fatt li l-Komunikazzjoni hija ambizzjuża, u li hija adatta għall-kompitu enormi involut. L-Opinjoni NAT/433 (2) ġiet adottata fil-11 ta' Ġunju 2009 mingħajr l-ebda oppożizzjoni. Dak iż-żmien, konna diġà fassalna rakkomandazzjonijiet adatti. Jiddispjaċina li hemm bżonn tant żmien biex jiġu implimentati pjani ta' azzjoni favur il-bijodiversità, l-iżjed meta attivitajiet soċjali jew ekonomiċi jissejsu fuq ekosistemi importanti.

3.2

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li, permezz ta' Regolament, tniedi l-ġlieda kontra kull invażjoni bijoloġika, fenomenu li jinvolvi t-tixrid ta' speċijiet introdotti li jattakkaw territorju u jikkawżaw ħsara (definizzjoni tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (UICN)). Hemm tliet tipi ta' ħsara: theddida għall-bijodiversità tal-ekosistemi tagħna, theddida xi drabi għas-saħħa ta' ċerti popolazzjonijiet u theddida għal ċerti attivitajiet ekonomiċi. Il-każijiet fejn it-tixrid ta' speċi minn reġjun joħloq problema f'reġjun ieħor għandhom jiġu indirizzati direttament mill-Istati Membri; għalhekk, il-problemi kkawżati mill-popolazzjonijiet tal-lupu tal-baħar (catfish) għandhom jiġu ttrattati bħala każijiet individwali, u jiġi applikat il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.3

Il-Kumitat apprezza l-isforzi pedagoġiċi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u tad-DĠ għall-Ambjent, li dan l-aħħar ippubblika fuljett tematiku dwar l-IAS (Science For Environment Policy: Thematic issue on Invasive Alien Species, 18/09/2013).

3.4

Il-Kummissjoni għażlet bħala linja gwida l-limitu massimu inizjali tan-numru ta' speċijiet prijoritarji li huwa 3 % ta' madwar 1500 speċi aljena invażiva li jinsabu fl-Ewropa. Il-KESE josserva li din l-għażla mhija msejsa fuq l-ebda bażi xjentifika, iżda hija dovuta għal riżorsi baġitarji limitati. Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem fil-livell internazzjonali u qed ikollha djalogi mal-Istati Membri li diġà huma mobilizzati għall-ġestjoni tal-IAS. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra t-twaqqif ta' Grupp ta' Studju Xjentifiku (Scientific Study Group) abbażi tar-Regolament (KE) Nru 338/97 li jista' jibdel il-lista.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumissjoni analizzat bir-reqqa l-problemi kollha. Madankollu, jidher li hemm problema ta' terminoloġija bil-Franċiż (u forsi bil-lingwi l-oħra wkoll). Tajjeb infakkru fid-differenza bejn “espèce invasive” (speċi invażiva mhux indiġena) u “espèce envahissante” (speċi invażiva indiġena). L-ewwel speċi tiġi minn inħawi oħra, filwaqt li t-tieni waħda tista' tkun speċi indiġena b'potenzjal ta' riproduzzjoni tant li tista' tiddomina ambjent b'mod eċċessiv u, għalhekk, tfaqqru. Jekk naċċettaw din id-definizzjoni, jeħtieġ niżguraw li t-titolu Franċiż tal-Komunikazzjoni jkun aċċettat minn kulħadd. Il-Kummissjoni użat l-espressjoni “espèces allogènes envahissantes” (speċijiet aljeni invażivi) fit-Taqsira għall-Pubbliku. Għalhekk, jidher li hemm bżonn li jiġi żgurat li l-espressjoni “espèce exotique envahissante”, użata ta' spiss (pereżempju fil-Wallonja), ma tqanqalx reazzjoni negattiva minn ċerti bijoloġisti li jispeċjalizzaw fil-qasam. Il-mistoqsija dwar it-test Franċiż għandha titqajjem ukoll għal-lingwi l-oħra tal-UE.

4.2

Il-Komunikazzjoni għandha tindika aħjar ir-raġunijiet għall-gravità tas-sitwazzjoni, l-iżjed peress li s-sitwazzjoni qed taggrava. Huwa assolutament meħtieġ li jiġi spjegat li t-tixrid essenzjalment jiġri meta l-ispeċijiet ma jqanqlu l-ebda interess fil-konsumaturi (predaturi), meta ma jfixklux l-attivitajiet tal-bniedem (żoni urbani) u, fl-aħħar nett, għax ikunu qed jinfirxu f'żoni b'aċċess diffiċli. F'dawn il-każijiet kollha, il-problema hija marbuta mas-sorsi ta' kontaminazzjoni: il-water primrose, il-millefolju, il-Japanese knotweed, eċċ. fiż-żoni umdi u l-wild cane, il-buddleia, il-box elder u l-Japanese varnish tree, eċċ li jinsabu ftit jew wisq kullimkien. Min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni tgħid tajjeb li ċerti speċijiet intlaqgħu tajjeb ħafna. Hawn ukoll, huwa tajjeb forsi li niftakru li l-prodotti miġjuba minn barra kellhom valur kbir peress li adattaw tajjeb: l-akaċja falza (Robinia pseudoacacia) għadha tiġi apprezzata ħafna u tintuża biex jiġu prodotti lasti, injam reżistenti għal għamara li tintuża fuq barra, għasel, eċċ. Min-naħa l-oħra, huwa ta' dispjaċir li l-pjanta Sosnowsky's Hogweed (Heracleum spp.) saret komuni bħala għalf għall-bhejjem, peress li t-tixrid tagħha jagħmel ħsara lill-bijodiversità u t-tossini li tipproduċi jistgħu jikkawżaw ħruq sever.

4.3

Il-Kummissjoni ma tenfasizzax biżżejjed il-problemi ambjentali kruċjali li ġew identifikati b'mod ċar minn dawk responsabbli għas-siti ta' Natura 2000, pereżempju. Il-KESE jistaqsi hemmx sens ta' ħtija f'dan kollu. L-NGOs jiftakru li għal snin sħaħ talbu ta' xejn biex jiġu pprojbiti l-importazzjonijiet ta' varjetajiet eżotiċi ta' fkieren. Din it-talba ntlaqgħet biss meta ngħatat prova ta' riproduzzjoni f'ambjenti naturali. Il-KESE huwa tal-fehma li din il-Komunikazzjoni damet ma waslet, iżda jilqagħha b'sodisfazzjon għax qatt mhuwa tard wisq biex l-affarijiet isiru kif imiss.

4.4

Il-Kummissjoni ssemmi r-regolamentazzjoni f'pajjiżi oħra. Din hija ħaġa tajba, imma kien ikun aħjar forsi kieku ntqal bl-akbar onestà li ttieħdet deċiżjoni abbażi tal-aħjar esperjenzi barranin. Tajjeb insemmu hawnhekk inizjattiva internazzjonali: Jum l-Ambrosja (Ragweed Day) li tiġi ċċelebrata nhar l-ewwel Sibt tas-sajf u tippromovi l-ġlieda kontra t-tixrid tal-pjanti allerġeniċi (Ragweed (Ambrosia artemisifolia) hija pjanta li tikkolonizza li tikber fi kwalunkwe ambjent fejn ma jkollhiex kompetizzjoni qalila wisq. L-UE xeħtet dawl fuq id-direzzjoni t-tajba fl-industrija billi stiednet lill-Istati Membri jidentifikaw u jibnu fuq l-aqwa tekniki disponibbli (best available techniques – BATs).

4.5

Il-Kummissjoni tenfasizza li: “l-azzjoni eżistenti fil-livell tal-Unjoni ma tindirizzax il-maġġoranza tal-IAS”. Il-KESE jikkundanna din is-sitwazzjoni daqs il-Kummissjoni, iżda jfakkarha li, normalment, l-ambjent għandu jiġi inkluż fil-politiki settorjali kollha. Il-KESE japprezza jekk il-Kummissjoni tispjega, pereżempju, kif il-problema tista' tiġi indirizzata fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni. Pereżempju, il-problema tal-bwar (grasslands) attakkati mill-water primrose (Ludwigia grandiflora).

4.6

Il-Kummissjoni analizzat perfettament il-problema, iżda b'mod astratt. Il-KESE jistaqsi jekk ikunx utli li l-argumenti jkunu spjegati għal darb'oħra permezz ta' eżempji, pereżempju, in-nannakola msejħa harlequin ladybird (Harmonia axyridis) jew il-wild black cherry (Prunus serotina) bħala eżempju ta' introduzzjoni intenzjonata u l-Caulerpa taxifolia, (speċi ta' alka tal-baħar) u l-Vespa velutina (speċi ta' żunżan magħruf bħala l-Asian predatory wasp) bħala eżempji ta' introduzzjoni mhux intenzjonata. Forsi ma' dawn għandna nżidu l-introduzzjonijiet attwali irresponsabbli tal-lupu tal-baħar (każ speċifiku ta' introduzzjoni intenzjonata). Jekk dan ma jseħħx, il-KESE jagħti parir lill-Kummissjoni tikkwota x-xogħlijiet tagħha stess (il-fuljett eċċellenti ppubblikat f'Mejju 2009) u żżid links għal siti tal-internet interessanti.

4.7

L-analiżi tal-mudelli tal-proposti għal regolament hija ċara u r-raġuni li ntgħażlet l-Għażla 24 hija ovvja: ser tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jaġixxu malli tiġi identifikata problema ġdida (trażmissjoni tal-informazzjoni, analiżi tas-sitwazzjoni, azzjoni proposta).

4.8

L-elementi legali jidhru ġusti u l-proposta għanda tagħmilha possibbli li tiġi indirizzata kwalunkwe sitwazzjoni tal-passat, tal-preżent u tal-futur. Il-Kumitat għandu d-dubji jekk hux leġittimu li l-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-Unjoni tiġi limitata għal massimu ta' ħamsin speċi.

4.9

Madankollu, l-analiżi finanzjarja tidher ottimista wisq. Fil-fatt, meta l-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ, il-flussi tal-informazzjoni ser ikunu tant li, mingħajr dubju, is-servizz rilevanti ser ikollu problema jipproċessa l-informazzjoni kollha. F'dak il-każ, il-Kumissjoni jkollha tħallas qares għas-suċċess tagħha stess!

4.10

Fl-istadju attwali tal-proposta, għad jonqos li jiġu ċċarati ċerti dettalji, u l-Istati Membri ser ikollhom jagħtu tweġibiet konkreti għall-mistoqsijiet differenti; mingħajr dubju, l-iżjed waħda frekwenti ser tkun l-iżjed mezz adatt għall-qerda ta' speċi eżistenti. Il-KESE jibża' li dan jista' jwassal għal polemiki lokali.

4.11

Il-kwistjoni tal-informazzjoni u tal-parteċipazzjoni pubblika tidher fil-Kapitolu 5 tal-proposta meta jiġu indirizzati l-aspetti orizzontali tal-problema. Il-prevenzjoni ma għandhiex tkun biss fil-kompetenza tal-ispeċjalisti. Il-KESE jfakkar li t-twissijiet ta' spiss waslu minn atturi lokali u kienu indirizzati direttament lill-gvernijiet u/jew lid-DĠ għall-Ambjent. Ikun opportun li t-talbiet taċ-ċittadini, li ta' spiss ma jkollhomx kuntatt mal-korpi ta' riċerka, allavolja dawn ta' spiss jistiednu liċ-ċittadini jipprovdulhom l-informazzjoni, jagħmlu kontribut attiv. Barra minn hekk, il-każ taż-żunżan Asjatiku jesprimi tajjeb ħafna l-problema: huwa jikkompeti kontra ż-żunżan Ewropew, jagħti x-xewka u huwa predatur tan-naħal qrib id-doqqajs. Iċ-ċittadini ppruvaw il-mezzi kollha biex jeqirdu l-invażur u mbagħad, wara li ammettew li kien impossibbli, fittxew mezzi kimiċi nodfa biżżejjed (SO2), u fl-aħħar nett skoprew li kien biżżejjed li madwar id-doqqajs jitpoġġew it-tiġieġ li jipprovdu difiża bijoloġika. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi l-akbar għadd possibbli ta' ċittadini permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom (junjins, NGOs, eċċ.).

4.12

L-applikazzjoni tar-Regolament (Artikolu 27) tidher sodisfaċenti fis-sens li l-UE ma għandhiex terġa' tuża l-iskadenzi li ħolqu problema għal prodotti oħra, pereżempju għal ċerti prodotti kimiċi. Il-qerda tal-ispeċijiet mingħajr interess kummerċjali kbir u t-tibdil fil-proċessi għall-oħrajn jidhru li ngħataw il-konsiderazzjoni meħtieġa.

Brussell, 22 ta' Jannar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 620 final.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn strateġija tal-UE dwar speċijiet invażivi”, ĠU C 306, 16.12.2009, p. 42