52012SC0211

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) /* SWD/2012/0211 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) hija żona unfikata fil-qasam tar-riċerka miftuħa għad-dinja bbażata fuq is-Suq Intern, li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija jiċċirkolaw liberament u li permezz tagħha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom isaħħu s-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħhom kif ukoll il-kompetittività u l-kapaċità tagħhom biex kollettivament jindirizzaw sfidi kbar.

Imnedija f'Marzu 2000, iż-ŻER saret waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona[1]. Qafas taż-ŻER u miżuri ta’ appoġġ kienu mħabbra fl-Inizjattiva Ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni[2] tal-2010 tal-Istrateġija Ewropa 2020[3]. F’żewġ (2) okkażjonijiet (fi Frar 2011 u f'Marzu 2012) il-Kunsill Ewropew talab biex iż-ŻER titlesta sal-2014.

F’kuntest ta’ kriżi ekonomika, hemm ħtieġa urġenti ta’ riċerka u soluzzjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka u l-promozzjoni ta' eċċellenza xjentifika fir-reġjuni u fil-pajjiżi b’appoġġ għat-tkabbir ekonomiku. It-tlestija taż-ŻER se tgħin biex jingħelbu l-effetti negattivi fuq l-effettività tar-riċerka tal-Ewropa fir-rigward tal-frammentazzjoni fid-disinn u fl-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet ta’ riċerka.

2.           Definizzjoni tal-problema

2.1.        L-ostakli prinċipali li jfixklu l-prestazzjoni tar-riċerka fiż-ŻER

L-UE għadha attur ewlieni fix-xenarju internazzjonali tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż); iżda qed taffaċċja sensiela ta’ sfidi kruċjali bħal pereżempju l-kriżi finanzjarja, it-tkabbir ekonomiku baxx, u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, li jirrikjedu rispons urġenti.

L-inizjattiva ewlenija tal-UE Unjoni tal-Innovazzjoni, li tippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi - tistabbilixxi aġenda komprensiva biex ikun żgurat li l-ideat innovattivi jistgħu jiġu ttrasformati f’prodotti u servizzi, bir-riċerka bħala komponent ewlieni. Fil-fatt, l-Ewropa tinvesti ftit wisq fir-riċerka, meta wieħed iqabbel mal-kompetituri ewlenin (1,9 % tal-PDG fl-Ewropa fl-2008 kontra 2,5 % tal-PDG fl-Istati Uniti). Il-produzzjoni tal-għarfien hija kkonċentrata f’għadd relattivament żgħir ta’ Stati Membri. Ir-riċerka Ewropea ma tindirizzax biżżejjed l-oqsma tal-ogħla żvilupp (eż. it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, in-nanoteknoloġija, il-bijoteknoloġija, l-bijoloġija molekulari, il-ġenetika) li jistgħu jiġġeneraw kisbiet teknoloġiċi. Dan ma jrawwimx l-innovazzjoni, li hija essenzjali biex jittejbu l-kompetittività u l-attrazzjoni tal-ekonomija Ewropea.

Ir-riċerka fl-Ewropa hija strutturata b’mod varjabbli u frammentat ħafna. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) tfittex li tegħleb il-frammentazzjoni u li toħloq l-aħjar kundizzjonijiet sabiex titwettaq ir-riċerka fl-Ewropa. Mill-2000, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri flimkien għamlu progress biex iż-ŻER issir realtà, iżda għad fadal bosta ostakli.

Il-kompetizzjoni insuffiċjenti tas-sistemi nazzjonali tar-riċerka: Il-kompetizzjoni limitata fost l-istituzzjonijiet u l-universitajiet tar-riċerka twassal għal speċjalizzazzjoni insuffiċjenti. Dan ma joħloqx il-kondizzjonijiet tajbin għat-titjib fil-kwalità xjentifika. Is-sehem tal-fondi pubbliċi allokati permezz ta’ sejħiet miftuħa għal proposti ta’ riċerka jvarja bejn 20 % u 80 %, b’medja ta’40 %. L-evalwazzjoni tar-riċerkaturi u tal-proposti ta’ riċerka mhix ibbażata fuq standards komparabbli fil-pajjiżi.

L-ostakli għall-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni pan-Ewropej jibqgħu: L-ostakli jiżviluppaw minħabba l-livell baxx ta’ kompatibbiltà u ta’ interoperabbiltà tal-programmi nazzjonali ta’ riċerka. Ma hemmx biżżejjed flessibbiltà biex il-programmi nazzjonali jkunu jistgħu jikkooperaw bejn il-fruntieri u li tipprovdi aċċess għall-infrastrutturi tar-riċerka nazzjonali kbar ta’ interess Ewropew kif ukoll għall-infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej. Dan ifisser li l-Ewropa mhix qed tieħu l-opportunitajiet biex ittejjeb il-kwalità u l-impatt tar-riċerka tagħha.

Distorsjonijiet persistenti fis-swieq nazzjonali tax-xogħol għar-riċerkaturi: L-ostakli prinċipalment huma kkawżati minn approċċi differenti ta’ reklutaġġ ibbażat fuq il-mertu, mill-awtonomija istituzzjonali, min-nuqqas ta’ użu tal-aħjar prassi fit-tfassil tal-istrateġiji tar-riżorsi umani għar-riċerkaturi u fil-promozzjoni tal-mobbiltà tar-riċerkaturi, kif ukoll minn kondizzjonijiet tax-xogħol mhux attraenti għar-riċerkaturi żgħażagħ u għal dawk barranin. Kondizzjonijiet differenti japplikaw ukoll għal-portabbiltà ta', u l-aċċess għal, għotjiet. Dan iwassal għal mobbiltà mnaqqsa u għal inqas opportunitajiet tal-karriera għar-riċerkaturi.

Progress limitat fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-dimensjoni tas-sessi fil-kontenut tar-riċerka: Mhux l-Istati Membri kollha jimplimentaw politiki nazzjonali li jibbenefikaw mit-talent tan-nisa xjenzjati u mill-inklużjoni tad-dimensjoni tas-sessi fil-kontenut tar-riċerka; bl-istess mod mhux l-organizzazzjonijiet kollha tal-partijiet interessati jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni tad-dimensjoni tas-sessi biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan idgħajjef il-kwalità u r-rilevanza tar-riċerka Ewropea billi ma jagħmilx użu sħiħ ta’ potenzjal varjat tar-riżorsi umani xjentifiċi, li jwassal bħala riżultat għal effetti soċjali u ekonomiċi negattivi.

Ċirkolazzjoni ristretta ta’ u aċċess irregolari għall-għarfien xjentifiku: L-Istati Membri mhumiex kollha avvanzati b’mod ugwali fl-appoġġ tagħhom għal politiki ta’ aċċess miftuħ li jistgħu jgħinu sabiex jitnaqqsu l-asimmetriji ta’ informazzjoni. Għadd ta’ ostakli jxekklu lir-riċerkaturi milli jkollhom aċċess kontinwu għal servizzi elettroniċi tar-riċerka, inklużi l-politiki nazzjonali differenti dwar l-‘użu’ tal-infrastruttura elettronika tar-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi. It-trasferiment tal-għarfien bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka pubbliċi u s-settur privat għadu insuffiċjenti meta mqabbel mal-Istati Uniti. Dan jaffettwa l-kwalità xjentifika kif ukoll l-eżiti ekonomiċi li jirriżultaw mir-riċerka u l-iżvilupp kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat.

2.2.        Id-dritt tal-UE li taġixxi, is-sussidjarjetà u l-valur miżjud tal-UE

It-Trattat jiddikjara li l-politika tar-riċerka hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni. L-Artikolu 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula d-dritt tal-Unjoni li toħloq il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. L-Artikolu 182(5) tat-TFUE jistipula l-użu tal-proċedura leġiżlattiva għall-istabbiliment tal-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER).

It-tlestija taż-ŻER ma tippreġudikax is-sovranità tal-Istati Membri. Fiż-ŻER, is-sistemi nazzjonali tar-riċerka ma jitwarrbux iżda jaħdmu flimkien b’mod miftuħ. L-għażliet tal-politika elenkati jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà safejn l-Unjoni hija fl-aħjar pożizzjoni biex tidentifika l-oqsma ta’ azzjonijiet għall-Istati Membri, minħabba x-xkiel persistenti u l-progress limitat osservati 12-il sena wara t-tnedija taż-ŻER. Il-valur miżjud Ewropew joħroġ ċar permezz ta’ bosta raġunijiet. L-ewwel punt, l-allokazzjoni ottima tal-attivitajiet – fejn tkun meħtieġa – se tintlaħaq permezz ta’ approċċ koordinat, billi jtejjeb l-effikaċja tas-sistemi tar-riċerka u jnaqqas id-duplikazzjoni żejda tal-isforzi. It-tieni, mill-implimentazzjoni taż-ŻER mistennija li jinkisbu kondizzjonijiet ugwali u massa kritika, u b'hekk dawn jippermettu l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-aktar timijiet tar-riċerka produttivi biex jaħdmu flimkien u biex ikunu kompetittivi internazzjonalment. It-tielet, minħabba l-persistenza tal-ostakli nazzjonali msemmija hawn fuq, l-impetu Ewropew jimmassimizza l-possibbiltà li ż-ŻER titlesta f’qasir żmien. Ir-raba’, il-livell tal-Unjoni Ewropea huwa l-aħjar mezz għall-valutazzjoni oġġettiva dwar jekk inkisibx progress, u jekk dan huwiex proporzjonat; u jekk hemmx il-ħtieġa għal aktar azzjoni sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni.

3.           Għanijiet tal-Politika

L-għan ewlieni ta’ politika fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka hija li jiżdiedu l-prestazzjoni, l-eċċellenza u l-impatt fis-sistema tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Ewropa; Dan se jgħin lill-UE terġa taqbad it-triq lejn it-tkabbir ekonomiku billi trawwem l-eċċellenza u r-riċerka fil-qasam xjentifiku, tappoġġja l-innovazzjoni u żżid l-attrazzjoni tal-UE bħala post tar-riċerka.

L-għan tal-Komunikazzjoni huwa l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta’ azzjonijiet li jiżguraw li sal-2014 l-kondizzjonijet xierqa jkunu fis-seħħ sabiex tittejjeb l-effikaċja ta' sistemi tar-riċerka Ewropej.

Dawn il-kondizzjonijiet se jippermettu: 1. żieda fl-effikaċja tas-sistemi nazzjonali; 2. livell ottimu ta’ kooperazzjoni u kompetizzjoni transnazzjonali; 3. suq tax-xogħol aktar miftuħ għar-riċerkaturi; 4. ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi fir-riċerka; u 5. ċirkolazzjoni u trasferiment ottimi tal-għarfien xjentifiku, inkluż permezz ta’ ŻER diġitali.

4.           Għażliet ta’ Politika

L-għażla ta’ politika nru 1: Żamma tal-istatus quo (Business As Usual): Din l-għażla tkun tinvolvi l-issoktar tal-politiki attwali, bla ebda sforzi addizzjonali nazzjonali u Ewropej biex l-ostakli jitneħħew. L-iżvilupp ewlieni jkun l-adozzjoni u l-implimentazzjoni fl-2014 tal-Orizzont 2020, possibbilment b'baġit akbar biex jappoġġja attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni bejn il-fruntieri.

L-għażla ta’ politika nru 2: Sħubija rinfurzata għaż-ŻER: L-Istati Membri jkunu mistiedna jwettqu riformi strutturali volontarji. Organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati fir-riċerka jimpenjaw ruħhom ukoll biex jieħdu miżuri li jimplimentaw iż-ŻER. Il-Kummissjoni tkun tipproponi tipi differenti ta’ miżuri (bħal Rakkomandazzjonijiet) sabiex titlesta ż-ŻER u takkumpanja lill-imsieħba fl-ilħuq tal-għanijiet. Il-Kummissjoni tivvaluta l-progress kull sena, u tidentifika l-oqsma fejn ikunu meħtieġa aktar tibdiliet.

L-għażla ta’ politika nru 3: Miżuri legali settorjali għaż-ŻER: Din l-għażla ta’ politika tkun jinkludi għadd ta’ miżuri legali vinkolanti proposti mill-Kummissjoni f’bosta oqsma (jiġifieri setturi speċifiċi skont is-suġġett) kif meħtieġ. Barra minn hekk, l-azzjoni volontarja mill-Istati Membri tkun tikkomplementa l-miżuri legali, u tindirizza dawk is-setturi fejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jindirizzaw l-ostakli prinċipali.

L-għażla ta’ politika nru 4: Direttiva Qafas taż-ŻER: Din l-għażla ta’ politika tkun tikkonsisti minn approċċ legali ġenerali fil-forma ta’ pakkett komprensiv (Direttiva Qafas) li jkun fih miżuri legalment vinkolanti, fejn l-Istati Membri jagħżlu l-mezzi xierqa sabiex jiksbu r-riżultati meħtieġa mid-Direttiva.

5.           Analiżi tal-impatti u t-tqabbil tal-għażliet ta’ politika

L-għażliet ta’ politika jipproponu mekkaniżmi differenti sabiex jitneħħew l-ostakli u jkunu promossi sistemi aktar effettivi tar-riċerka. Dawn l-għażliet mistennija li jiksbu impatti simili (eż. impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, eċċellenza u prestazzjoni fir-riċerka) ladarba ż-ŻER titlesta. Għalhekk, id-differenzi prinċipali li hemm bejn l-għażliet f’termini tal-impatti huma relatati mal-iskedar tat-twassil tar-riżultati mistennija, mal-ispejjeż tal-implimentazzjoni relatati u mal-livell ta' approvazzjoni mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati.

Kaxxa 1: L-impatti kumplessivi tat-tneħħija tal-ostakli biex iż-ŻER titlesta

L-impatt ekonomiku: Is-setturi pubbliċi u privati fl-Istati Membri kollha se jibbenefikaw miż-żieda fl-effettività li tirriżulta minn: aktar finanzjament allokat lil riċerkaturi bl-aħjar prestazzjoni; aktar kooperazzjoni fost l-Istati Membri; soluzzjonijiet aħjar għall-isfidi tas-soċjetà; kwalità u rilevanza tar-riċerka mtejba permezz ta’ kunsiderazzjoni aħjar tad-dimensjoni tas-sessi matul il-proċess ta’ riċerka; użu aħjar tar-riċerkaturi mħarrġa disponibbli, partikolarment in-nisa; u aċċess imtejjeb għall-għarfien mis-setturi pubbliċi u privati kullimkien, b'mod partikolari f'reġjuni anqas avvanzati. Jekk it-tlestija taż-ŻER tkun tfisser riallokazzjoni ta’ fondi nazzjonali lil riċerka koordinata fil-livell tranżnazzjonali, dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-UE (0,25 % ta’ tkabbir addizzjonali tal-PDG) u għas-suq tax-xogħol (323 000 impjieg addizzjonali) fl-2030. Madankollu, l-ispejjeż se jinġarru mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u min-negozji, skont it-tip ta' ostakli li għandhom jitneħħew.

Iż-ŻER se twassal għal enfasi ikbar fuq is-sostenibbiltà finanzjarja tal-oqsma xjentifikament b’saħħithom, kif ukoll għal domanda koordinata għall-provvista ta’ servizzi interoperabbli u effettivi tar-riċerka diġitali, li għandha ssaħħaħ is-settur tal-ICT u l-innovazzjoni fl-ICT fl-UE. L-aċċess miftuħ għandu jirriżulta f’benefiċċji sinifikanti għal ħafna parteċipanti u f’iffrankar potenzjali għal ħafna istituzzjonijiet.

L-impatti soċjali: impatti pożittivi, kemm diretti kif ukoll indiretti, ikunu mistennija bis-saħħa ta’ persunal aktar professjonali li jwettqu riċerka b’mod aktar effettiv u minħabba kooperazzjoni mtejba fir-riċerka u l-iżvilupp. Miżuri favur ŻER diġitali għandhom ikunu ta’ benefiċċju għar-riċerkaturi minn Stati Membri u reġjuni iżgħar u anqas avvanzati. Iż-ŻER jkollha wkoll impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għal-libertà tal-espressjoni, u għal-libertà tal-arti u tax-xjenzi.

L-impatti ambjentali: il-kwistjonijiet ambjentali jkunu indirizzati b’mod konġunt u r-riċerka tkun ikkoordinata aħjar. Dan għandu jevita d-duplikazzjoni żejda u b’hekk jiżdiedu l-effiċjenzi.

5.1.        L-evalwazzjoni tal-għażliet

L-għażla ta’ politika nru 1: L-ostakli eżistenti jissoktaw, u b’hekk ixekklu l-kisba ta' effiċjenza akbar fis-sistemi nazzjonali. Għandu jkun hemm benefiċċji bir-riżultat tal-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020. Din l-għażla ma tkunx qed twieġeb għas-sejħa tal-Kunsill Ewropew u għall-aspirazzjonijiet tal-partijiet interessati, li ż-ŻER titlesta.

L-għażla ta’ politika nru 2: Progress sostanzjali iżda possibbilment irregolari jkun mistenni sal-2014. L-Istati Membri jneħħu l-ostakli f’oqsma fejn l-azzjoni hija meħtieġa l-aktar, b’piż amministrattiv baxx. Dawn għandhom jimmobilizzaw lill-partijiet interessati — l-organiżżazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka u li jwettqu r-riċerka — u jikkontribwixxu għat-tlestija taż-ŻER. F'dan l-istadju jkun hemm kunsens, partikolarment fost l-Istati Membri, biex jiġu implimentati miżuri volontarji għat-tlestija taż-ŻER. Din l-għażla għandha tissodisfa l-aspettativi tal-Istati Membri.

L-għażla ta’ politika nru 3: Din l-għażla għandha tinvolvi progress bil-mod u irregolari lejn it-tlestija taż-ŻER sal-2014, iżda progress sostanzjali fit-tul f’oqsma fejn (u meta) jiġu adottati l-miżuri leġiżlattivi. Dan għandu jirriżulta f’postponiment fl-implimentazzjoni mill-anqas sal-2017, u jqiegħed piż kbir fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali u fuq il-Kummissjoni. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma wrewx appoġġ qawwi għal leġiżlazzjoni f'dan il-qasam, li jagħmilha diffiċli ħafna biex din l-għażla tittieħed permezz tal-Kunsill.

L-għażla ta’ politika nru 4: Din l-għażla għandha twassal għall-aħjar riżultati iżda biss fuq perjodu ta’ żmien twil jekk il-leġiżlazzjoni tkun adottata. Din l-għażla tkun teħtieġ iż-żmien sabiex issir valutazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni eżistenti bil-għan li jiġu żviluppati prinċipji u mekkaniżmi li għandhom jiddaħħlu fil-qafas ġenerali, li se jkun ippreżentat fl-2013/14. In-negozjar tas-sett sħiħ ta’ miżuri jkun ta’ piż u dewwiemi u l-implimentazzjoni operattiva tal-miżuri tittardja l-aktar kmieni għal wara l-2017. Din tkun qed timponi piżijiet tqal ħafna fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi u fuq il-Kummissjoni. Bħall-għażla preċedenti, tkun diffiċli ħafna biex din l-għażla tittieħed permezz tal-Kunsill.

5.2.        L-għażla ta’ politika ppreferuta

L-għażla ta’ politika 2 “Sħubija rinfurzata għaż-ŻER” hija l-unika għażla li tippermetti għal progress sostanzjali lejn it-tlestija taż-ŻER sal-2014, u tkun tinvolvi l-orħos spiża. Barra minn hekk, din l-għażla tinkludi l-iżvilupp ta’ sistema ta’ valutazzjoni li se tgħin fl-identifikazzjoni ta’ azzjoni futura. Għalhekk, l-għażla ta’ politika ppreferuta hija ‘Sħubija rinfurzata għaż-ŻER’.

6.           Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ taż-ŻER se jiġi stabbilit sabiex ikun ivvalutat il-progress mill-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati fir-rigward ta’ għadd ta' indikaturi marbuta mal-azzjonijiet inklużi fl-għażla ta' politika magħżula. Fuq il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri dwar miżuri li jwasslu għaż-ŻER, f'Settembru ta’ kull sena l-Kummissjoni se tippreżenta Rapport ta’ Progress dwar iż-ŻER.

Ir-rapport se jivvaluta l-passi meħuda u jista’ jinkludi rakkomandazzjonijiet possibbli. Huwa maħsub biex iservi bħala bażi għall-orjentazzjoni politika li għandu jiġi propost mill-Kummissjoni lill-Kunsill tal-Kompetittività; kif ukoll għad-diskussjonijiet fi ħdan il-Forum taż-ŻER tal-partijiet interessati. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali li jiggwida r-riformi nazzjonali mill-Istati Membri fil-kuntest tas-Simestru Ewropew, jew biex jidentifika azzjoni legali.

[1]               L-Artikolu 179(1) tat-TFUE jistqarr li: ‘L-Unjoni għandha jkollha l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta’ riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament (…)’.

[2]               COM(2010) 546 finali.

[3]               COM(2010) 2020 finali.