52012SC0203

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta tal-Kummissjoni għal REGOLAMENT tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-aċċess u kundizzjonijiet assoċjati applikabbli għas-sajd għall-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 tas-16 ta' Diċembru 2002 /* SWD/2012/0203 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta tal-Kummissjoni għal REGOLAMENT tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-aċċess u kundizzjonijiet assoċjati applikabbli għas-sajd għall-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 tas-16 ta' Diċembru 2002

Introduzzjoni

Mill-2002 l-Unjoni għandha fis-seħħ sistema speċifika tal-aċċess (ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002) għall-bastimenti tas-sajd impenjati fis-sajd fil-baħar fond, magħmula minn erba’ elementi: Ir-restrizzjoni tal-kapaċità, il-ġbir tad-dejta, il-monitoraġġ tal-isforz u l-kontroll. Jeħtieġ li s-sistema ta’ aċċess tiġi analizzata regolarment. Din ir-reviżjoni bdiet fl-2007 b’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Il-fażi ewlenija tal-konsultazzjoni saret fl-2009 u fl-2010.

Din l-analiżi bir-reqqa tas-sistema ta’ aċċess hija bbażata fuq ċertu suppożizzjonijiet dwar il-proċess tar-riforma tal-PKS. Proposta leġiżlattiva li tanalizza bir-reqqa s-sistema ta’ aċċess hija skedata għall-ewwel semestru tal-2011.

Problema

Is-sajd fil-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal huwa parzjalment dominat minn flotot kostali tradizzjonali (il-Portugall, Spanja) u parzjalment dominat minn bastimenti tat-tkarkir nomadiċi (Franza, Spanja). Huma responsabbli għal 1 % biss tal-ħatt l-art mill-Atlantiku tal-Grigal.

Is-sajd fil-baħar fond ilu biss mill-2003 suġġett għal ġestjoni dettaljata dwar l-opportunitajiet tas-sajd (qabdiet totali permessibbli, livelli massimi tal-isforz tas-sajd). Qabel dan, is-sajd żviluppa fil-biċċa l-kbira b’mod mhux regolat u wera sintomi tipiċi tal-problema ta' "tellieqa għal min jistad l-aktar", l-aktar it-tnaqqis drastiku tal-istokkijiet. Fil-każ tas-sajd fil-baħar fond, minħabba l-vulnerabbiltà speċifika għas-sajd, it-tnaqqis drastiku tal-istokk jista’ jseħħ fuq perjodu qasir ta’ żmien, u l-irkupru jista’ jieħu żmien twil jew ma jseħħx. L-istat bijoloġiku tal-istokkijiet fil-biċċa l-kbira mhuwiex magħruf. X’uħud huma meqjusa eżawriti; b’mod ġenerali dan it-tip ta’ sajd mhuwiex sostenibbli. L-opportunitajiet tas-sajd qed jonqsu.

Fil-qosor, il-problemi jistgħu jiġu strutturati kif ġej:

Il-problemi prinċipali:

– il-vulnerabbiltà għolja ta’ dawn l-istokkijiet għas-sajd; ħafna minnhom jifilħu biss għal pressjoni tas-sajd fuq perjodu itwal ta' żmien li mhuwiex vijabbli ekonomikament;

– is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jeqred jew jirriskja li jeqred ħabitats bentiċi li mhumiex sostitwibbli (ekosistemi vulnerabbli tal-baħar) li jirrappreżentaw sorsi ewlenin tal-bijodiversità fil-baħar fond. Mhux magħruf l-ammont ta’ qerda li diġà twettqet;

– is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir għal ċerti speċijiet tal-baħar fond jipproduċi minn livelli medji sa livelli għoljin ta’ qabdiet mhux mixtieqa ta' speċijiet tal-baħar fond;

– huwa partikolarment diffiċli li jiġi determinat il-livell sostenibbli tal-pressjoni tas-sajd permezz tal-parir xjentifiku.

Id-dgħufijiet tas-sistema attwali:

– Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-flotot ikkonċernati huwa kbir u inflessibbli wisq (nuqqas ta’ effettività peress li s-sistema mhijiex immirata biżżejjed);

– Wara l-adozzjoni tar-regolament il-ġdid ta’ kontroll[1], is-sistema hija parzjalment superfluwa u r-rabta mal-istandards tal-kontroll mhijiex ċara (nuqqas ta’ koerenza);

– Il-ġbir separat ta' dejta huwa ta' użu limitat ħafna għall-korpi konsultattivi xjentifiċi għalkemm huwa piż amminstrattiv (nuqqas ta' effettività u nuqqas ta' koerenza mal-Qafas għall-Ġbir tad-Dejta).

Objettivi

L-objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-proposta huwa li tiżgura l-isfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-baħar fond skont il-kunċett tar-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY), u b'hekk tillimita l-impatt ambjentali kemm jista' jkun possibbli. Sakemm id-dejta u l-metodu ma jiksbux il-livell ta’ kwalità mitlub li jippermetti ġestjoni lejn l-MSY, is-sajd irid jiġi mmaniġġjat skont l-approċċ prekawzjonali.

L-objettivi speċifiċi

– Li jkun hemm konformità mal-parir xjentifiku dwar il-livelli prekawzjonali tal-qbid; li jkun faċilitat l-iżvilupp futur ta’ ġestjoni skont l-MSY għal dawn l-istokkijiet bi ftit dejta;

– Li jitnaqqas l-impatt tal-irkapti tal-qiegħ fuq qiegħ il-baħar sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' ħsara għall-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar (VMEs);

– Li jitnaqqas il-livell ta’ qabdiet mhux mixtieqa;

– Li jkun żgurat il-ġbir tad-dejta kollha meħtieġa sabiex jitjieb il-parir xjentifiku.

– Li r-regoli jkunu ffukati fuq il-mestieri li għandhom fil-mira lill-ispeċijiet tal-baħar fond u li d-definizzjoni tal-mestier tkun adattabbli għal parir xjentifiku u mġiba tal-flotta li qed jevolvu;

– Li s-sistema ta’ aċċess tiġi koerenti mar-regolament ta’ kontroll;

– Li l-ġbir tad-dejta speċjali jkun armonizzat mal-istandards ġenerali u li jkun żgurat is-segwitu tiegħu.

Alternattivi

Tqiesu 5 alternattivi għall-iżvilupp tal-inizjattiva. L-alternattivi ta' status quo, il-projbizzjoni tas-sajd kollu fil-baħar fond u r-regolazzjoni permezz ta' miżuri tekniċi biss ġew skartati minħabba l-iżvantaġġi kbar tagħhom. Iż-żewġ alternattivi li nżammu kienu:

L-alternattiva 3 – il-projbizzjoni ta’ rkapti li jagħmlu l-aktar ħsara lill-ekosistema tal-baħar fond

L-irkapti tas-sajd li qed joħolqu l-problemi ekoloġiċi ewlenin, l-aktar ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u l-għeżula tal-qiegħ[2] huma pprojbiti għas-sajd fil-baħar fond. Is-soluzzjoni teknika tkun tikkonsisti jew li jiġu pprojbiti dawk l-irkapti mill-flotot li għandhom il-permess jistadu għall-ispeċijiet tal-baħar fond jew li dawk l-irkapti jiġu pprojbiti milli joperaw f'baħar aktar fond minn ċertu livell. Il-problemi l-oħra tas-sajd fil-baħar fond u s-sistema ta’ aċċess jiġu ttrattati permezz ta’ adattamenti għar-regoli eżistenti: ma jkunx permess li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu ffissati f'livell ogħla mill-parir prekawzjonali; ikun jista' jitwettaq l-ittestjar tar-regoli skont l-MSY; ikunu speċifikati l-istandards għall-ġbir tad-dejta għas-sajd fil-baħar fond bħala parti mill-Qafas għall-Ġbir tad-Dejta eżistenti filwaqt li l-Kummissjoni jkollha l-permess tagħlaq is-sajd jekk ma tinġabarx id-dejta; ikun abolit ir-rappurtar separat tal-isforz; issir distinzjoni bejn il-qabda inċidentali u s-sajd fil-mira għall-ġestjoni filwaqt li l-Kummissjoni tkun tista’ tirfina l-elenku tal-ispeċijiet rilevanti u tal-limiti massimi tal-qbid; ikunu aboliti dispożizzjonijiet ta’ kontroll u jkunu speċifikati l-istandards imtejba ta' kontroll li japplikaw skont ir-Regolament ta’ kontroll (ekwivalenti għall-kontroll ta' pjanijiet multiannwali).

L-alternattiva 4 – l-aċċess ikun kundizzjonali għal standards ta' ġestjoni internazzjonali għall-Baħar Internazzjonali

Ir-raba’ alternattiva tkun tinkorpora standards ta’ ġestjoni żviluppati min-NU/FAO għas-sajd fil-qiegħ tal-Baħar Internazzjonali. L-elementi l-ġodda prinċipali jkunu dawn: It-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt qabel ikun permess is-sajd tal-qiegħ; l-identifikazzjoni ta’ fejn jinsabu jew x’aktarx jinsabu l-VMEs; l-istabbiliment ta' protokolli għal meta wieħed jiltaqa' ma' VME. Sabiex jitnaqqas il-ħut skartat, li huwa qasam mhux indirizzat minn dawk l-istandards, din l-alternattiva 4 tkun jew tobbliga lill-bastimenti sabiex inaqqsu drastikament il-ħut skartat, jew tersaq lejn sistema obbligatorja ta’ ġestjoni tal-isforz reġjonali fejn il-qabdiet kollha jridu jinżammu abbord. Il-problemi l-oħrajn jiġu ttrattati kif deskritt fl-alternattiva 3.

Valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi li nżammu

Sar tqabbil bejn iż-żewġ alternattivi li nżammu fir-rigward tar-riżultati tagħhom f'relazzjoni mal-objettivi ta' politika, l-effiċjenza u l-koerenza:

Ir-riżultati

Għall-objettivi speċifiċi a), d), e), g) u h), l-alternattivi jipprovdu l-istess soluzzjoni u għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti:

a) (- Li jkun hemm konformità mal-parir xjentifiku dwar il-livelli prekawzjonali tal-qbid; li jkun faċilitat l-iżvilupp futur ta’ ġestjoni skont l-MSY għal dawn l-istokkijiet bi ftit dejta - ): Bir-regolazzjoni fil-kodeċiżjoni li deċiżjonijiet rikorrenti dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd ma jistgħux imorru lil hinn mill-parir xjentifiku li jingħata bħala livell prekawzjonali ta' qabdiet jew sforz tas-sajd, se tkun żgurata l-konformità mal-parir xjentifiku dwar il-ġestjoni prekawzjonali. Peress li r-regola tapplika biss għall-qafas prekawzjonali, tħalli miftuħa l-possibbiltà li jiġu żviluppati regoli tal-ħsad li huma bbażati xjentifikament fuq l-MSY fil-futur, u li jiġu segwiti dawk ir-regoli tal-ħsad f’deċiżjonijiet rikorrenti dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd.

d) + h) (- Li jkun żgurat il-ġbir tad-dejta kollha meħtieġa sabiex jitjieb il-parir xjentifiku; li l-ġbir tad-dejta speċjali jkun armonizzat mal-istandards ġenerali u li jkun żgurat is-segwitu tiegħu -): Permezz tat-tkabbir tar-rekwiżiti ġenerali tal-ġbir tad-dejta lejn il-fond tas-sajd, il-pożizzjoni tal-VMS u r-reġistrazzjonijiet fil-ġurnal ta’ abbord refgħa b’refgħa, id-dejta addizzjonali meqjusa bħala meħtieġa mix-xjentisti tkun qed tinġabar fil-mestier tal-baħar fond. Jekk dan il-ġbir tad-dejta jintrabat mal-eżerċizzji ta’ notifika rikorrenti (il-pożizzjoni VMS, ir-rapporti elettroniċi tal-ġurnal ta' abbord), il-piż amministrattiv tal-impriżi tas-sajd jistgħu jinżammu għal livell minimu. Jekk il-ġbir tad-dejta dwar il-mestier tal-baħar fond jiġi inkorporat fl-istandards tal-ġbir tad-dejta ġenerali, se jkun żgurat li d-dejta miġbura tissodisfa r-rekwiżiti ta' validità statistika rikorrenti u li tkun tista' titqabbel fl-Istati Membri kollha. L-obbligu ta’ kampjunar tal-mestieri tal-baħar fond skont definizzjoni speċifika tal-mestier huwa meħtieġ għax inkella d-dejta bijoloġika mis-sajd kummerċjali xi kultant tintilef ġewwa dejta minn mestieri akbar u aktar diżaggregati. Dan l-obbligu jista’ jiġi ttrasferit f’regolament rivedut dwar il-ġbir tad-dejta (2012) fil-każ li jiġi deċiż li jiġu inkorporati rekwiżiti speċifiċi skont il-mestier.

e) (- Li r-regoli jkunu ffukati fuq il-mestieri li għandhom fil-mira lill-ispeċijiet tal-baħar fond u li d-definizzjoni tal-mestier tkun adattabbli għal parir xjentifiku u mġiba tal-flotta li qed jevolvu - ): Permezz tad-definizzjoni ta' mestier tal-baħar fond (10 % ta' qabdiet tal-baħar fond għal kull jum tas-sajd), l-awtorizzazzjonijiet speċjali tas-sajd jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji, waħda għall-bastimenti li għandhom fil-mira lill-ispeċijiet tal-baħar fond, u oħra għall-bastimenti li l-qabdiet tal-ispeċijiet tal-baħar fond huma biss qabdiet inċidentali. Il-bastimenti kollha jkunu suġġetti għal-limitu fuq il-kapaċità tal-bastiment fis-sajd u fuq il-ħatt l-art f’portijiet magħżula, iżda l-obbligi u r-regoli l-oħra tas-sistema ta’ aċċess ikunu japplikaw biss għal bastimenti li għandhom fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond, u b'hekk jiġi rimedjat wieħed min-nuqqasijiet tas-sistema eżistenti. Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa timmodifika jew tagħti l-lista tal-ispeċijiet tal-baħar fond u d-definizzjoni tal-mestier skont il-parir xjentifku u x-xejra tas-sajd reġjonali, u b'hekk tkun possibbli l-evoluzzjoni tas-sistema skont ir-realtà tas-sajd u l-għarfien imtejjeb xjentifiku.

g) ( - Li s-sistema ta' aċċess tiġi koerenti mar-regolament ta’ kontroll - ): Ir-regolament il-ġdid ta’ kontroll fih għadd ta’ dispożizzjonijiet simili għas-sistema eżistenti ta’ aċċess. Jista’ jinkiseb l-allinjament jekk jitwaqqfu dawk id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, is-sistema ta’ aċċess tista’ ssaħħaħ l-istrument tar-regolament ta’ kontroll tal-għeluq tas-sajd meta ma jkunx hemm konformità ma’ dispożizzjonijet essenzjali tal-miżura ta' konservazzjoni, billi tistipula li l-obbligi tal-ġbir tad-dejta wkoll għandhom jitqiesu bħala miżuri essenzjali ta' konservazzjoni fil-każ partikolari tal-ispeċijiet tal-baħar fond.

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-VME (l-objettiv b), il-projbizzjoni tax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (l-alternattiva 3) mis-sajd immirat titqies bħala aktar effettiva mill-implimentazzjoni tal-istandards tal-Baħar Internazzjonali relatati mal-protezzjoni tal-VME (l-impatt ta' valutazzjoni minn qabel, il-protokoll meta wieħed jiltaqa' ma' ekosistema bħal din, it-tfittxija għal okkorrenza tal-VME). Ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ ma jibqgħux preżenti f’qiegħ l-ibħra fondi, irrispettivament mir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskji. Il-valutazzjoni tar-riskji skont l-istandards internazzjonali hija influwenzata mill-kunċett ta’ “intensità ta’ preżenza minn qabel”, u dan jagħti lok għal problemi ta’ kwalifikazzjoni[3].

Fir-rigward tat-tnaqqis tal-qabdiet mhux mixtieqa (l-objettiv c), l-alternattiva 3 hija wkoll meqjusa bħala aktar effiċjenti. Din l-alternattiva tipprojbixxi l-irkaptu ta' ħsara direttament minn dan is-sajd, filwaqt li l-alternattiva 4 timponi kundizzjonijiet li dejjem jiżdiedu dwar l-użu tal-irkapti tal-qiegħ. Għalhekk, l-użu ta’ rkapti tal-qiegħ huwa ta' piż kbir taħt l-alternattiva 4, li f'termini ekonomiċi jagħmilha inqas attraenti, filwaqt li l-alternattiva 3 ġġiegħel lill-operaturi jużaw irkaptu li jagħmel inqas ħsara. Żvantaġġ ieħor relattiv tal-alternattiva 4 huwa li tiddependi fuq l-implimentazzjoni u l-kontroll ta’ diversi miżuri addizzjonali fi żmien parallel, filwaqt li l-amminstrazzjonijiet tas-sajd qed jaffaċċjaw eżerċizzji ta’ tnaqqis tal-ispejjeż imposti mill-ħtieġa għal dixxiplina fiskali u għalhekk jeħtieġ li jikkonċentraw l-isforz ta' kontroll tagħhom fuq sajd li huwa ekonomikament importanti. L-alternattiva 3 hija meqjusa wkoll aktar effettiva, peress li hija politika partikolarment ristrettiva fuq dan is-suġġett f’sajd fejn l-ispeċijiet maqbuda huma partikolarment vulnerabbli għas-sajd. L-approċċ tal-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, kunċett li diġà huwa validu taħt il-PKS attwali, jitqiegħed fil-prattika għal tipi ta' sajd li joperaw fl-aktar ekosistemi delikati. Fl-alternattiva 4, il-livelli tal-isforz reġjonali jingħataw preferenza fuq il-miri ta' tnaqqis tal-ħut skartat, minħabba l-parir xjentifiku affermattiv dwar l-utilità tal-ġestjoni tal-isforz fis-sajd fil-baħar fond.

Fl-alternattiva l-aktar effettiva, is-subalternattiva li tintroduċi l-projbizzjoni permezz ta' awtorizzazzjonijiet restrittivi tas-sajd hija meqjusa aktar effettiva mis-subalternattiva li tipprojbixxi l-irkapti minn ċertu fond. Hemm tliet raġunijiet għal dan: L-ewwel nett, approċċ spazjali jkun jirrikjedi l-kontroll tal-livelli tal-fond li fihom jintużaw l-irkapti u strument ta’ kontroll bħal dan bħalissa mhux qed jiġi implimentat. It-tieni nett, il-limiti tal-fond iridu jiġu stabbiliti skont il-parir xjentifiku dwar l-okkorrenza lokali ta' speċijiet tal-baħar fond, peress li dawn jgħixu f'meded ta' fond li jvarjaw. It-tielet nett, iż-żona ta' distribuzzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar fond tidħol fuq iż-żona ta' distribuzzjoni ta' speċijiet oħrajn fuq il-parti l-baxxa tal-blata kontinentali; għalhekk kriterju skont il-fond jillimita wkoll tipi ta' sajd li mhumiex meqjusa għal din il-miżura. B’kuntrast għal dan, is-subalternattiva tal-“awtorizzazzjoni tas-sajd” tkun tirreferi għal kompożizzjoni tal-qabda matul il-vjaġġ, u l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-qabda fil-futur se ssir aktar affidabbli permezz tal-obbligu li tintbagħat l-informazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord elettroniku.

Effiċjenza

Fir-rigward tal-effiċjenza, l-alternattiva 3 tingħata klassifikazzjoni ogħla mill-alternattiva 4. Dan peress li l-alternattiva 3 tipprojbixxi l-irkaptu ta' ħsara direttament minn dawn it-tipi ta’ sajd, filwaqt li l-alternattiva 4 timponi kundizzjonijiet li dejjem jiżdiedu fuq l-użu ta’ rkapti tal-qiegħ. Għalhekk, l-użu ta’ rkapti tal-qiegħ huwa ta' piż kbir taħt l-alternattiva 4, li f'termini ekonomiċi jagħmilha inqas attraenti, filwaqt li l-alternattiva 3 ġġiegħel lill-operaturi jużaw irkaptu li jagħmel inqas ħsara. Żvantaġġ ieħor relattiv tal-alternattiva 4 huwa li tiddependi mill-implimentazzjoni u l-kontroll ta’ diversi miżuri addizzjonali fi żmien parallel, filwaqt li l-amminstrazzjonijiet tas-sajd qed jaffaċċjaw eżerċizzji ta’ tnaqqis tal-ispejjeż imposti mill-ħtieġa għad-dixxiplina fiskali u l-ħtieġa għalhekk li jikkonċentraw l-isforz ta' kontroll tagħhom fuq sajd li huwa ekonomikament importanti.

Fl-alternattiva 3, is-subalternattiva dwar il-limitazzjoni spazjali hija meqjusa bħala inqas effiċjenti peress li teħtieġ kontroll tal-isforz addizzjonali relatat mal-fond tas-sajd, filwaqt li l-amministrazzjonijiet nazzjonali qegħdin fil-proċess li jimplimentaw regolament ġdid ta' kontroll li fih innifsu jpoġġi pressjoni kbira fuqhom.

Koerenza

Fir-rigward tal-koerenza, l-alternattiva 3 hija aktar apprezzata mill-alternattiva 4. Fuq naħa waħda, il-projbizzjoni ta' rkaptu ta' ħsara hija politika diġà żviluppata. Il-projbizzjoni fuq il-ħut skartat li se sseħħ skont ir-riforma tal-PKS hija antiċipata bit-tneħħija gradwali tal-irkapti li wrew livelli għoljin ħafna ta’ ħut skartat ta’ speċijiet li huma l-aktar vulnerabbli għas-sajd. L-approċċ tal-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, kunċett li diġà huwa validu taħt il-PKS attwali, jitqiegħed fis-seħħ għal tipi ta' sajd li joperaw fl-aktar ekosistemi delikati. Il-limitazzjoni intenzjonata fid-dettall regolatorju hija skont l-approċċ ta' simplifikazzjoni tar-riforma. Il-bidla tar-riforma tal-PKS għal ġestjoni reġjonali tista’ tiġi attwata billi tingħata alternattiva għal bidla lejn ġestjoni tal-isforz reġjonali għal dawk l-irkapti li għadhom permessi fis-sajd.

Fuq in-naħa l-oħra, l-alternattiva li tintroduċi standards għall-Baħar Internazzjonali hija koerenti mal-politika eżistenti li tipproteġi l-istess tip ta’ speċijiet, għalkemm f’kuntest ekonomiku u ta’ flotta differenti[4]. L-istima negattiva ġejja minn żewġ kunsiderazzjonijiet: 1) Fl-ilmijiet tal-UE, il-VMEs jirċievu protezzjoni wkoll permezz tal-iżvilupp tas-siti ta' NATURA 2000 skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats. Ir-riforma tal-PKS se tintroduċi proċedura għat-tqegħid fil-prattika tal-parti ta’ dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni li għandha x’taqsam mas-sajd. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq l-idea li tinħoloq lista pożittiva ta' komunitajiet uniċi ta' bijodiversità li se jkunu protetti direttament, filwaqt li l-kunċett internazzjonali huwa bbażat fuq l-idea tal-istrateġiji għall-mitigazzjoni u l-evitar tar-riskji. Dawn it-tnejn mhumiex inkompatibbli iżda jistgħu jwasslu għal duplikazzjoni tax-xogħol. 2) L-addizzjoni ta’ rekwiżiti amministrattivi ġodda għas-sajd, mingħajr garanzija li jagħtu riżultat, mhijiex koerenti mal-approċċ ta’ simplifikazzjoni maħsub mir-riforma tal-PKS.

Monitoraġġ u l-evalwazzjoni

Għall-monitoraġġ tal-progress, ġew suġġeriti l-indikaturi li ġejjin għall-oqsma ta’ politika:

Qasam ta’ politika || Indikatur possibbli tal-progress || Il-ġbir tad-dejta / l-arranġament ta’ evalwazzjoni

L-iffissar sostenibbli tal-opportunitajiet tas-sajd || L-għadd ta’ stokkijiet immaniġġjati skont il-parir prekawzjonali li jasal mingħand l-ICES/STECF; L-għadd ta’ stokkijiet li għalihom qed jiġu ttestjati r-regoli esploratorji bbażati fuq l-MSY || Is-servizz tal-Kummissjoni

Tnaqqis fil-ħut skartat || Xejriet fil-ħut skartat ta’ mestieri tal-baħar fond || Rapporti tekniċi mill-STECF abbażi tal-ġbir tad-dejta skont is-sistema ta’ aċċess u d-DCF

Protezzjoni tal-VMEs || Twettiq tat-tneħħija gradwali tax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fis-sajd fil-baħar fond sal-aħħar tal-perjodu ta' tranżizzjoni. Il-profil spazjali tal-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ ikkonċernati jersaq lejn ilmijiet aktar baxxi || Il-monitoraġġ ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd ta' Stati Membri, Stati Membri li jivvalutaw it-traċċi tal-VMS u l-protokolli dwar il-kompożizzjoni tal-qabda tal-bastimenti kkonċernati

Il-ġbir u t-twassil tad-dejta huma adattati għall-ħtiġijiet xjentifiċi u allinjati mal-politika ġenerali tal-ġbir tad-dejta. || Tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut li għalihom il-grupp ta’ ħidma tal-ICES dwar l-ispeċijiet tal-baħar fond jirrapporta li mhemmx dejta tas-sajd kummerċjali disponibbli. || Il-parir tal-ICES

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

[2]               Minħabba l-livelli għoljin ta’ qabdiet mhux mixtieqa u ta’ rkaptu tas-sajd mitluf fis-sajd fil-baħar fond, l-għeżula diġà kienu s-suġġett ta' miżuri tekniċi tranżizzjonali li fil-prattika rriżultaw fil-fatt li dawn l-irkapti attwalment ma għandhomx fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond.

[3]               Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010) 651, p. 6..

[4]               Il-bastimenti l-kbar li huma intensivi fil-kapital biss jistgħu jagħmlu vjaġġi twal fil-Baħar Internazzjonali, filwaqt li fl-ilmijiet kostali tal-fond bħal fil-Portugall, ammont kbir ta' bastimenti artiġjanali jokkupaw is-sajd.